SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

2 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Ulied ta’ ħaddiema transkonfinali – Benefiċċji soċjali – Sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż ta’ trasport skolastiku – Kundizzjoni ta’ residenza f’Land – Esklużjoni tat-tfal li jmorru l-iskola f’dan il-Land u li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak tal-istabbiliment skolastiku li jattendu – Esklużjoni taċ-ċittadini nazzjonali residenti fil-Länder l-oħra”

Fil-Kawża C‑830/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Landkreis Südliche Weinstraße

vs

PF et,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des öffentlichen Interesses,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn PF u l-Landkreis Südliche Weinstraße (id-Distrett Amministrattiv ta’ Südliche Weinstraße) dwar it-teħid ta’ responsabbiltà, mil-Land, għall-ispejjeż tat-trasport skolastiku ta’ wlied ta’ ħaddiema transkonfinali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3 sa 5 tar-Regolament Nru 492/2011 jindikaw

“(3)

Għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti bl-Artikoli 45 u 46 tat-Trattat [FUE] fil-qasam tal-moviment liberu.

(4)

Il-moviment liberu jikkonstitwixxi dritt fundamentali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. […] Għandu jiġi affermat id-dritt tal-ħaddiema kollha fl-Istati Membri li jwettqu l-attività tal-għażla tagħhom fi ħdan l-Unjoni.

(5)

Dritt bħal dan għandu jkun gawdut mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema permanenti, staġjonali u tal-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi.”

4

L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

5

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

Id-dritt Ġermaniż

6

L-Artikolu 56(1) tar-Rheinland-pfälzisches Schulgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Skolastika tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz), tat-30 ta’ Marzu 2004 (GVBl. RP 2004, p. 239), kif emendata fl-aħħar lok mill-Artikolu 10 tal-liġi tas-16 ta’ Frar 2016 (GVBl. RP 2016, p. 37), jipprovdi:

“L-iskola hija obbligatorja għat-tfal, adolexxenti u adulti żgħar kollha li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom f’Rheinland-Pfalz; din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt internazzjonali u għall-konvenzjonijiet internazzjonali.”

7

L-Artikolu 69 ta’ din il-liġi, dwar is-servizz ta’ trasport skolastiku, jistabbilixxi:

“(1)   Huma l-Landkreise u l-ibliet li ma humiex marbuta ma’ Landkreis li għandhom jiżguraw, bħala missjoni obbligatorja li taqa’ taħt l-awtoamministrazzjoni ta’ dawn il-kollettivitajiet, it-trasport tal-istudenti ddomiċiljati f’Rheinland-Pfalz sal-iskejjel primarji u l-istabbilimenti tal-edukazzjoni speċjalizzata li jinsabu fit-territorju tagħhom, meta ma jistax raġonevolment jiġi mistenni minn dawn l-istudenti li jmorru hemm mingħajr ma jużaw mezz ta’ trasport.

Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għat-trasport tal-istudenti:

1. Sal-eqreb stabbiliment ta’ edukazzjoni sekondarja […]

Jekk l-istabbiliment iffrekwentat ikun jinsab barra mit-territorju ta’ Rheinland-Pfalz, il-Landkreis jew il-belt li ma hijiex affiljata ma’ Landkreis li fit-territorju tiegħu jew tagħha jkun domiċiljat l-istudent għandhom jieħdu r-responsabbiltà tal-ispejjeż tat-trasport.

(2)   Ma jistax raġonevolment jiġi mistenni li student imur fl-istabbiliment li huwa jiffrekwenta mingħajr ma jaqbad mezz ta’ trasport jekk il-vjaġġ ikun partikolarment perikoluż jew jekk il-vjaġġ bil-mixi l-iktar qasir, li ma jkunx ta’ perikolu partikolari, bejn id-domiċilju tiegħu u l-iskola primarja jew l-istabbiliment ta’ edukazzjoni sekondarja […] li huwa jiffrekwenta, ikun iktar, fl-ewwel każ, minn żewġ kilometri, jew, fit-tieni każ, minn erba’ kilometri. […]

(3)   Jekk l-istabbiliment iffrekwentat ma jkunx l-eqreb stabbiliment skolastiku fis-sens [tal-punt 1 tat-tieni sentenza] tal-paragrafu 1, iktar ’il fuq, l-ispejjeż tat-trasport jitħallsu biss sal-ammont li jitħallas għat-trasport tal-istudent sal-eqreb stabbiliment. Sabiex jiġi ddeterminat l-eqreb stabbiliment skolastiku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-istabbilimenti li joffru t-tagħlim tal-ewwel lingwa ħajja barranija magħżula. […]

(4)   Il-missjoni titwettaq bi prijorità permezz tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasport għall-użu ta’ mezzi ta’ trasport pubbliċi. Jekk in-netwerk ta’ trasport pubbliku ma toffrix konnessjoni li l-istudent jista’ raġonevolment jintalab li jieħu, għandu normalment jiġi stabbilit servizz ta’ trasport skolastiku permezz tax-xarabank. It-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż marbuta mal-użu ta’ kull mezz ta’ trasport ieħor huwa dovut biss sal-ammont li jkun sostnut skont l-ewwel sentenza iktar ’il fuq.”

8

L-Artikolu 5(1) tar-Rhland-pfälzisches Landesgesetz über den öffentlichen Personennahverkehr (il-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku Urban u Interurban tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz), tas-17 ta’ Novembru 1995 (GVBl. RP 1995, p. 450), kif emendata fl-aħħar lok mill-Artikolu 12 tal-liġi tat-22 ta’ Diċembru 2015 (GVBl. RP 2015, p. 516), jipprovdi:

“L-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku urban u interurban, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(1) iktar ’il fuq, hija missjoni li taqa’ fuq il-Landkreise u fuq l-ibliet mhux marbuta ma’ Landkreis. Din hija missjoni fakultattiva li taqa’ taħt l-awto-amministrazzjoni ta’ dawn il-kollettivitajiet, li huma jħallsu sal-limitu tal-kapaċità finanzjarja tagħhom. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

PF, li għandu nazzjonalità Ġermaniża, jirrisjedi fi Franza mal-ġenituri tiegħu, li huma wkoll ta’ nazzjonalità Ġermaniża. Huwa jattendi skola ta’ tagħlim sekondarju fil-Landkreis Südliche Weinstraße tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz, fil-Ġermanja. Il-post tax-xogħol ta’ ommu jinsab ukoll fil-Ġermanja.

10

L-ispejjeż tat-trasport skolastiku ta’ PF jitħallsu mil-Landkreis fejn dan kien imur l-iskola sas-sena skolastika 2014–2015. Madankollu, għas-sena 2015–2016, il-Landkreis innotifika, permezz ta’ avviż tas-16 ta’ Ġunju 2015, li l-ispejjeż tat-trasport skolastiku ta’ PF ma kinux ser jitħallsu iktar, skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ f’Rheinland-Pfalz. Din il-leġiżlazzjoni tipprevedi fil-fatt li l-Landkreis hija obbligata torganizza t-trasport skolastiku biss għal studenti residenti f’dan il-Land.

11

PF ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tal-Landkreis li ġie miċħud. Sussegwentement huwa ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Verwaltungsgericht Neustadt an der Weinstraße (il-Qorti Amministrattiva ta’ Neustadt fuq Weinstraße, il-Ġermanja). Din tal-aħħar laqgħet ir-rikors minħabba li PF, bħala wild ta’ ħaddiem transkonfinali, kellu d-dritt li jibbenefika mit-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasport skolastiku tiegħu, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

12

Il-Landkreis appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja). Din tixtieq tkun taf, f’dan il-kuntest, jekk dispożizzjoni bħall-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 69(1) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tas-sistema skolastika tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz tiksirx l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

13

Il-qorti tar-rinviju tqis, fil-fatt, li din l-aħħar dispożizzjoni hija applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha. Minn naħa, din tqis li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasport skolastiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Min-naħa l-oħra, hija tfakkar li, skont is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 25), huma kkonċernati l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, ġeneralment jingħataw lill-ħaddiema nazzjonali, minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiem jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher li hija ta’ natura li tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom.

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx għal diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema migranti, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

15

F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, b’mod partikolari, li, fil-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwarhom, il-kundizzjoni ta’ residenza kienet testendi għat-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat. Issa, fil-kawża prinċipali, peress li l-kundizzjoni ta’ residenza hija limitata għal parti mit-territorju Ġermaniż, il-miżura nazzjonali teskludi kważi esklużivament lit-tfal ta’ ħaddiema ddomiċiljati f’dan l-Istat Membru mill-vantaġġ tal-benefiċċju soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li huwa kkonċernat biss numru limitat ta’ wlied ta’ ħaddiema migranti.

16

Madankollu, kieku din il-miżura nazzjonali kellha titqies bħala indirettament diskriminatorja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija miżura nazzjonali tistax tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, f’dan il-każ, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-organizzazzjoni effikaċi tas-sistema skolastika. Dan l-għan leġittimu jaqa’ taħt l-obbligu skolastiku, li għandu l-għan li jiggarantixxi d-dritt għall-edukazzjoni stabbilit fl-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta’ Diċembru 1948, u fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

17

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li teżisti rabta inseparabbli bejn l-organizzazzjoni tas-sistema skolastika u t-territorju, li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-kundizzjoni ta’ residenza prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, li jissuġġetta d-dritt li jiġu segwiti korsijiet ta’ tagħlim ġenerali għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Hadj Ahmed (C‑45/12, EU:C:2013:390, punt 31).

18

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li huwa diffiċli li jiġi implimentat l-abbandun ta’ tali kundizzjoni ta’ residenza. Fil-fatt ikun delikat, fir-rigward ta’ student residenti fi Stat Membru differenti minn dak tal-istabbiliment skolastiku li jattendi, li jiġi ddeterminat l-istabbiliment skolastiku l-iktar viċin sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-ispejjeż tat-trasport skolastiku li għandu jiġi rrimborsat.

19

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 492/2011] għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tillimita l-obbligu ta’ awtoritajiet nazzjonali lokali (distretti amministrattivi) fir-rigward tat-trasport skolastiku lir-residenti tal-Istat federali (Bundesland) għandha effett diskriminatorju indirett, anki jekk ikun stabbilit, abbażi ta’ ċirkustanzi fattwali, li r-rekwiżit ta’ residenza b’mod predominanti jeskludi lir-residenti tal-bqija tat-territorju tal-Istat Membru mill-benefiċċju?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2)

L-organizzazzjoni effettiva tas-sistema skolastika tikkostitwixxi rekwiżit imperattiv ta’ interess pubbliku li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta?”

Fuq l-ewwel domanda preliminari

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi miżura indirettament diskriminatorja leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għat-trasport skolastiku minn Land għal kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ dan il-Land.

21

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post ta’ residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li jagħmel użu mid-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, dispożizzjoni li r-Regolament Nru 492/2011 huwa intiż li jikkonkretizza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 31).

22

Għalhekk, ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li jżomm l-impjieg tiegħu f’dan l-Istat, jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu lejn Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u, għaldaqstant, tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 492/2011, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, EU:C:2007:437, punt 19).

23

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li dan ir-regolament huwa ta’ benefiċċju għall-ħaddiema transkonfinali, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tal-imsemmi regolament, li jipprovdu li d-dritt tal-ħaddiema kollha tal-Istati Membri li jeżerċitaw l-attività tal-għażla tagħhom ġewwa l-Unjoni għandu jiġi rrikonoxxut mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema “permanenti”, staġjonali, transkonfinali jew li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-okkażjoni ta’ provvista ta’ servizzi. Bl-istess mod, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, li jirriproduċi b’mod identiku t-test tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, jirreferi, mingħajr riżerva, għall-“ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru” (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 50 u tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 15).

24

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li żamm l-impjieg tiegħu f’dan l-Istat, ikun ittrasferixxa d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor u jkun eżerċita, minn dak iż-żmien, l-attività professjonali tiegħu bħala ħaddiem transkonfinali jista’ jinvoka l-istatus ta’ “ħaddiem migrant”, fis-sens tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 1612/68, imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 492/2011, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, EU:C:2007:437, punt 20).

25

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tikkonċerna lil ċittadin Ġermaniż li jaħdem fil-Ġermanja iżda li jirrisjedi fi Franza. L-element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni huwa, konsegwentement, ir-residenza ta’ dan il-ħaddiem fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huwa ċittadin. Peress li l-imsemmi ħaddiem eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, huwa għalhekk intitolat li jinvoka, kontra l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, ir-Regolament Nru 492/2011 li huwa intiż li jimplimenta l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament.

26

Fit-tieni lok, għandu jiġi indikat li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan tal-aħħar mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 40).

27

Fir-rigward tal-kunċett ta’ vantaġġ soċjali msemmi fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, dan jinkludi l-vantaġġi kollha li huma marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali mis-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher tali li tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 25, u tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 38).

28

Minn dan isegwi li t-teħid ta’ responsabbiltà għat-trasport skolastiku ta’ membru tal-familja jikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

29

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 21; ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 35).

30

Dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, fil-fatt twassal għall-istess riżultat (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 23; ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalhekk, kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex wieħed jibbenefika minn allowance għall-edukazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta peress li tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti milli lill-ħaddiema nazzjonali u peress li, konsegwentement, tirriskja li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 1612/68, imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 492/2011, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, EU:C:2007:437, punti 28 sa 31).

32

Minn dan jirriżulta li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tissuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż ta’ trasport skolastiku għal kundizzjoni ta’ residenza fil-Land, tista’, min-natura tagħha stess, tiżvantaġġa b’mod iktar partikolari lill-ħaddiema transkonfinali li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, din tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, ipprojbita mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

33

Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-ħaddiema nazzjonali, li jirrisjedu fil-Länder l-oħra, iġarrbu wkoll din il-miżura nazzjonali.

34

Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li ladarba jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema transkonfinali milli lill-ħaddiema nazzjonali, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, li l-miżura nazzjonali taffettwa, jekk ikun il-każ, kemm liċ-ċittadini nazzjonali li ma jkunux jistgħu josservaw tali kriterju kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali. Fil-fatt, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix biss lill-ħaddiema transkonfinali bl-esklużjoni ta’ dawk nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach, C‑437/17, EU:C:2019:193, punti 3132; ara wkoll, fir-rigward tar-Regolament Nru 1612/68, imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 492/2011, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 45).

35

Min-naħa l-oħra, peress li d-diskriminazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali toriġina minn kundizzjoni ta’ residenza f’parti mit-territorju ta’ Stat Membru u mhux minn kundizzjoni ta’ nazzjonalità, ma huwiex importanti, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni kif iddefinita fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, li l-ħaddiema nazzjonali li jirrisjedu f’Land ieħor, jinsabu wkoll iddiskriminati minn din il-kundizzjoni ta’ residenza. Is-sitwazzjoni tagħhom taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-kunċett ta’ diskriminazzjoni inversa u ma titteħidx inkunsiderazzjoni mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Ġunju 2008, Kurt, C‑104/08, mhux ippubblikat, EU:C:2008:357, punti 2223).

36

Fi kwalunkwe każ, tali miżura nazzjonali tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ipprojbit mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, sa fejn, anki jekk applikabbli mingħajr distinzjoni, hija tista’ tostakola jew tiddiswadi lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 96).

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari li saret għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għat-trasport skolastiku minn Land għal kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ dan il-Land tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, sa fejn din tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema transkonfinali milli lill-ħaddiema nazzjonali.

Fuq it-tieni domanda preliminari

38

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-neċessità li tiġi żgurata l-organizzazzjoni effikaċi tas-sistema skolastika tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika miżura nazzjonali kklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta.

39

Għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, diskriminazzjoni indiretta hija pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Għal dan, din għandha, minn naħa, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u, min-naħa l-oħra, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 46, u tal-10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 29).

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni mibdija minn Stat Membru sabiex jiżgura livell għoli ta’ taħriġ tal-popolazzjoni residenti tiegħu għandha għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta u li t-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut fil-livell tal-Unjoni (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 53, u tal-10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 31).

41

Minn dan jirriżulta li l-għan imsemmi mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, jiġifieri l-organizzazzjoni effikaċi tas-sistema skolastika, sa fejn tirrigwarda d-dritt għall-edukazzjoni ggarantit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

42

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, għalkemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kuntest ta’ liġi dwar l-organizzazzjoni tas-sistema skolastika tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz, dawn jirrigwardaw esklużivament l-organizzazzjoni tat-trasport skolastiku f’dan il-Land. Min-naħa l-oħra, il-fatt stess li l-Artikolu 69 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tas-sistema skolastika tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz jipprevedi li, jekk l-istabbiliment iffrekwentat ikun jinsab barra mit-territorju ta’ dan il-Land, l-ispejjeż tat-trasport jitħallsu mil-Landkreis jew mill-belt mhux marbuta ma’ Landkreis li fit-territorju tiegħu jew tagħha l-istudent huwa residenti, juri li l-organizzazzjoni tat-trasport skolastiku fil-livell tal-Land u l-organizzazzjoni tas-sistema skolastika fi ħdan dan il-Land ma humiex neċessarjament marbuta flimkien.

43

Għaldaqstant, kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx rabta suffiċjentement stretta mal-organizzazzjoni tas-sistema skolastika sabiex ikun jista’ jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet isegwu tali għan leġittimu.

44

Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni ta’ residenza invokata kontra l-partijiet fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li hija indispensabbli għall-ippjanar u għall-organizzazzjoni tat-trasport skolastiku, peress li kif tindika l-qorti tar-rinviju, jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri oħra. B’mod partikolari, għall-kalkolu tal-ammont tal-ispejjeż tat-trasport skolastiku li għandu jiġi rrimborsat, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala residenza tal-istudent, “il-punt fejn il-vjaġġ kif itir l-għasfur bejn il-post ta’ residenza reali u l-eqreb stabbiliment edukattiv jaqbeż il-fruntiera”.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li tali miżuri alternattivi jkunu iktar delikati sabiex jiġu implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex waħdu jiġġustifika l-ksur ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Kohll u Kohll-Schlesser, C‑300/15, EU:C:2016:361, punt 59) u, għalhekk, biex jiġġustifika ostaklu fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari li saret għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-organizzazzjoni effikaċi tat-trasport skolastiku fi ħdan Land ma jikkostitwixxux raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika miżura nazzjonali kklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għat-trasport skolastiku minn Land għal kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ dan il-Land tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, sa fejn din tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema transkonfinali milli lill-ħaddiema nazzjonali.

 

2)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-organizzazzjoni effikaċi tat-trasport skolastiku fi ħdan Land ma jikkostitwixxux raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika miżura nazzjonali kklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.