KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawża C‑606/18 P

Nexans France u

Nexans

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kejbils tal-elettriku – Tqassim kważi globali tas-swieq u tal-konsumaturi ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u ta’ taħt il-baħar ta’ kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna – Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fi proċeduri ta’ akkordju – Setgħa li tiġi kkopjata data mingħajr eżami minn qabel u li tiġi eżaminata sussegwentement fil-bini tal-Kummissjoni – Iffissar tal-multa – -Eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha”

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il-kuntest ġuridiku

 

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

A. Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

 

B. Il-proċedura fl-ewwel istanza

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V. Evalwazzjoni

 

A. Fuq l-ilmenti relatati mas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fil-proċeduri ta’ akkordju (l-ewwel sat-tielet aggravju)

 

1. Fuq l-iżvolġiment tal-ispezzjoni fil-kawża inkwistjoni

 

2. Fuq it-tħejjija ta’ kopji mingħajr eżami minn qabel bħala parti mis-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni (l-ewwel aggravju)

 

a) Fuq l-ammissibbiltà u r-rilevanza tal-ewwel aggravju

 

b) Fuq il-fondatezza tal-ewwel aggravju

 

3. Fuq il-limitazzjoni territorjali tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni (it-tieni u t-tielet aggravju)

 

a) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 (it-tieni aggravju)

 

b) Fuq l-allegata limitazzjoni territorjali tal-ispezzjoni bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha (it-tielet aggravju)

 

B. Fuq l-ilmenti dwar il-multa (ir-raba’ u l-ħames aggravju)

 

1. Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-multa mill-Qorti Ġenerali (ir-raba’ aggravju)

 

2. Fuq l-evalwazzjoni tal-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju għall-finijiet tal-multa (il-ħames aggravju)

 

C. Sommarju

 

VI. Fuq l-ispejjeż

 

VII. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħmel kopji ta’ data bħala parti minn spezzjoni skont id-dritt tal-akkordji b’mod konformi mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 2 ) mingħajr ma teżamina minn qabel jekk din id-data hijiex rilevanti għas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni inkwistjoni, u tista’ hija mbagħad tieħu dawn il-kopji sabiex iktar tard tkun tista’ tinvestiga l-informazzjoni rilevanti għal dan is-suġġett u l-iskop fil-bini tagħha fi Brussell (il-Belġju)? Essenzjalment, din hija l-kwistjoni ta’ liġi li hija adita biha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell ( 3 ).

2.

Din tippreżenta ruħha fl-isfond ta’ proċedura ta’ akkordju fil-qasam tal-kejbils tal-elettriku, li fil-qafas tagħha l-Kummissjoni ssanzjonat, permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2014, lill-produtturi ewlenin Ewropej, Ġappuniżi u tal-Korea t’Isfel ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u ta’ taħt il-baħar b’vultaġġ għoli u għoli ħafna, inklużi Nexans France SAS u Nexans SA, l-appellanti fil-kawża preżenti (iktar ’il quddiem in solidum: Nexans jew l-appellanti), għall-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju operat kważi globalment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 4 ).

3.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Nexans kontra d-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 5 ). Nexans takkuża lill-Qorti Ġenerali li mhux biss interpretat ħażin is-setgħat tal-Kummissjoni fil-proċedura ta’ spezzjoni, iżda wkoll li eżerċitat b’mod żbaljat u inadegwat is-setgħat tagħha stess fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa li tistħarreġ il-multa imposta mill-Kummissjoni.

4.

L-importanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell ma għandhiex tiġi ssottovalutata fir-rigward tal-prattika amministrattiva futura tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ spezzjonijiet relatati mad-dritt tal-akkordji.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa stabbilit mill-Artikolu 101 TFUE u mir-Regolament Nru 1/2003.

6.

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjonii” u fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu jipprovdi:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

(b)

li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

(ċ)

li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min dawn il-kotba jew rekords:

(d)

li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

(e)

li tistaqsi lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tas-staff ta’ l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża għal l-ispjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni biex tirrekordja r-risposti.

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.”

7.

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intitolat “L-ispezzjoni ta’ siti oħra” u fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu jipprovdi:

“1.   Jekk suspett raġunevoli jeżisti li l-kotba u rekords relatati mal-kummerċ u mas-suġġett tal-ispezzjoni, li jistgħu ikunu ta’ rilevanza li juru vjolazzjoni serja ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat, ikunu qed jinżammu f’siti oħra, art jew meżi tat-trasport, inkluż id-djar tad-diretturi, managers u membri oħra tal-istaff ta’ l-impriża u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża konċernati, il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni tordna li ssir spezzjoni f’premises oħra, art jew meżi tat-trasport.

4.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni ordnata skond paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ħa jkollhom il-poteri maħruġa mil-Artikolu 20(2)(a), (b) u (ċ) […]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.   Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

8.

F’Ottubru 2008, ABB innotifikat lill-Kummissjoni dwar prattiki antikompetittivi fis-suq tal-kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u ta’ taħt il-baħar ( 6 ).

9.

Sussegwentement, bid-deċiżjoni C(2009) 92/1 tad‑9 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ordnat lil Nexans u lill-kumpanniji kollha kkontrollati minnha jaċċettaw spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoni”) ( 7 ). Il-Kummissjoni sussegwentement wettqet l-ispezzjoni fil-bini ta’ Nexans France bejn it-28 u t-30 ta’ Jannar 2009 u t-3 ta’ Frar 2009 ( 8 ), u kkopjat ċerta data li evalwatha iktar tard fi Brussell ( 9 ).

10.

B’sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni ( 10 ), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni ta’ spezzjoni indirizzata lil Nexans sa fejn din kienet tikkonċerna kejbils tal-elettriku għajr il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art kif ukoll il-materjal assoċjat ma’ dawn il-kejbils l-oħra; u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. L-appell ippreżentat minn Nexans ma ntlaqax ( 11 ). F’dawn is-sentenzi ma ġewx indirizzati d-domandi li qegħdin jitqajmu fil-kawża preżenti dwar il-legalità tal-azzjoni tal-Kummissjoni matul l-ispezzjoni ( 12 ).

11.

Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fit‑2 ta’ April 2014. Skontha, f’perijodi differenti minn Frar 1999 sal-aħħar ta’ Jannar 2009, il-produtturi ewlenin Ewropej, Ġappuniżi u tal-Korea t’Isfel ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art ipparteċipaw f’akkordju dwar kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u/jew ta’ taħt il-baħar b’vultaġġ għoli u għoli ħafna, li jikkonsisti f’żewġ konfigurazzjonijiet: minn naħa l-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, li kienet tinkludi l-kumpanniji Ewropej, Ġappuniżi u tal-Korea t’Isfel sabiex jintlaħaq l-għan tal-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti bejn dawn il-produtturi, u min-naħa l-oħra l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li kienet tinvolvi l-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti mill-produtturi Ewropej “territorju nazzjonali” tagħhom ( 13 ).

12.

Sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni stabbilixxiet perċentwal ta’ 15 % tad-dħul mill-bejgħ rilevanti fid-dawl tal-gravità tal-ksur tal-qsim tas-suq. Barra minn hekk, hija applikat żieda ta’ 2 % għall-parteċipanti kollha mal-koeffiċjent tal-gravità abbażi tas-sehem kumulattiv tas-suq u l-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, inter alia, iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (ŻEE). Fl-aħħar nett, hija assumiet li l-imġiba tal-kumpanniji Ewropej kienet saħansitra iktar dannuża minn dik tal-kumpanniji l-oħra, peress li dawk tal-ewwel, lil hinn mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, kienu qasmu proġetti bejniethom bħala parti mill-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”. Għaldaqstant, minħabba l-gravità tal-ksur, hija żiedet is-sehem tad-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kumpanniji Ewropej bi 2 % oħra ( 14 ).

B.   Il-proċedura fl-ewwel istanza

13.

Fis‑17 ta’ Ġunju 2014, Nexans ippreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fit‑12 ta’ Lulju 2018 bis-sentenza appellata.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

Permezz ta’ att tal‑24 ta’ Settembru 2018, Nexans ippreżentat appell kontra s-sentenza appellata.

15.

Nexans titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu deċiżjoni fuq ir-rikors tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lil Nexans;

tnaqqas il-multi imposti fuq Nexans b’ammont li jikkorrispondi għall-fattur ta’ gravità mnaqqas; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

16.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u fi kwalunkwe każ bħala ineffettiv u/jew infondat; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell, inklużi l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

17.

Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tas‑16 ta’ Ottubru 2019.

V. Evalwazzjoni

18.

Insostenn tal-appell tagħha, Nexans qiegħda tinvoka total ta’ ħames aggravji, fejn l-ewwel tlieta minnhom jirrigwardaw is-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fi proċeduri ta’ akkordju (ara l-ewwel taħt A). Barra minn hekk, l-aħħar żewġ aggravji jindirizzaw l-iffissar tal-multa (ara taħt B).

A.   Fuq l-ilmenti relatati mas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fil-proċeduri ta’ akkordju (l-ewwel sat-tielet aggravju)

19.

Sa fejn huwa evidenti, l-appell preżenti jqajjem il-kwistjoni, għall-ewwel darba, dwar jekk ir-Regolament Nru 1/2003 jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li fil-kuntest tal-ispezzjoni skont id-dritt tal-akkordji, mhux biss tara u tevalwa d-data oriġinali fuq il-post fil-bini tal-kumpannija kkonċernata, iżda wkoll tikkopjaha u sussegewentement tinvestiga d-dokumenti rilevanti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni kkonċernata fil-bini tagħha fi Brussell, li mbagħad jiġu inklużi fl-att proċedurali.

20.

Dan kien konformi mal-azzjoni tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti, li ġiet approvata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Bl-ewwel sat-tielet aggravju tagħha, Nexans takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta’ liġi f’dan ir-rigward.

21.

L-ewwel nett, Nexans tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni kkopjat id-data mingħajr ma l-ewwel eżaminat ir-rilevanza tagħha għas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni (l-ewwel aggravju). It-tieni nett, Nexans hija tal-fehma li, minħabba nuqqas ta’ bażi legali, il-Kummissjoni ma ngħatatx is-setgħa li tkompli l-investigazzjoni barra l-bini tal-kumpannija fi Brussell (it-tieni aggravju). Barra minn hekk, skont Nexans dan ma kienx kopert mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha (it-tielet aggravju).

22.

Qabel ma jiġu diskussi dawn l-aggravji, jagħmel sens li l-ewwel jiġu deskritti fil-qosor kif l-ispezzjoni tal-Kummissjoni u l-eżami sussegwenti tad-data kkopjata f’dan il-każ effettivament żvolġew fil-kawża ineżami.

1. Fuq l-iżvolġiment tal-ispezzjoni fil-kawża inkwistjoni

23.

Skont il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali fil-punti 42 sa 47 tas-sentenza appellata ( 15 ), liema konstatazzjonijiet Nexans ma kkontestax fl-appell inkwistjoni, l-ispezzjoni li l-Kummissjoni wettqet mill-Erbgħa 28 sal-Ġimgħa 30 ta’ Jannar u fit-Tlieta 3 ta’ Frar 2009 fil-bini ta’ Nexans France, u l-eżami sussegwenti tad-data kkopjata bħala parti minn din l-ispezzjoni fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell seħħew kif ġej.

24.

Wara li waslu għand Nexans, l-ispetturi talbu li jitħallew jispezzjonaw id-dokumenti u l-kompjuters ta’ ċerti impjegati, inklużi s-Sinjuri R., B., u J. Madankollu, is-Sur J. kien inizjalment fuq leave. Bl-għajnuna tat-teknoloġija tal-investigazzjoni diġitali legali, il-Kummissjoni mbagħad għamlet kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters tas-Sinjuri R., B. u D. fis-sala tal-laqgħat ipprovduti lilhom, sabiex ikunu jistgħu jfittxu kliem ewlieni bbażat fuq l-indiċjar. L-indiċjar kellu jitlesta fit-tieni jum. Fi tmiem l-ewwel jum tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni ssiġillat l-uffiċċju tas-Sinjur J. u s-sala tal-laqgħat. Fit-tieni jum ta’ spezzjoni, issoktat bit-tiftix għal informazzjoni fil-kopji. Fi tmiem il-jum, is-sala tal-laqgħat imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni reġgħet ġiet issiġillata.

25.

Il-kompjuter tas-Sur J. seta’ jiġi aċċessat biss wara li rritorna mil-leave tiegħu fit-tielet jum tal-ispezzjoni, il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2009. Għall-ewwel, ma saret ebda kopja-immaġni tal-kontenut tal-imsemmi kompjuter. Madankollu, bl-għajnuna tat-teknoloġija tal-investigazzjoni diġitali legali, kien possibbli li wieħed jara l-fajls, id-dokumenti, u l-posta elettronika li kienu tħassru minn fuq il-hard drive tiegħu u li jiġi ddeterminat li dawn kienu rilevanti għall-investigazzjoni. L-ispetturi ddeċidew li jagħmlu wkoll kopja-immaġni ta’ din il-hard disk, iżda f’dan l-istadju tal-investigazzjoni ma kellhomx biżżejjed ħin sabiex jagħmlu tali kopja. Għalhekk, id-data magħżula ġiet ikkopjata fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ data, li mbagħad tqiegħdu f’envelops, ġew issiġillati u ttieħdu Brussell. Il-kompjuter tas-Sur J. kif ukoll il-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ data misjuba fl-uffiċċju tiegħu tħallew issiġillati f’armarju fil-bini ta’ Nexans France. Il-kontenut tal-hard disks tal-kompjuters tal-Kummissjoni użati għall-finijiet ta’ riċerka, sussegwentement tħassru u wara din l-operazzjoni, dawn il-hard disks ma kinux jinkludu iktar fajls użati matul l-ispezzjoni.

26.

Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni mbagħad marru lura fil-bini ta’ Nexans France nhar it-3 ta’ Frar 2009, fetħu l-armarju ssiġillat u għamlu kopji-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter tas-Sur J., li mbagħad ħadu lejn Brussell f’envelops issiġillati.

27.

Il-Kummissjoni mbagħad fetħet l-envelops issiġillati fit‑2 ta’ Marzu 2009 fl-uffiċċji tagħha fi Brussell fil-preżenza tal-avukati ta’ Nexans. Il-Kummissjoni vverifikat il-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ data li kienu jinsabu fihom matul tmint ijiem ta’ xogħol sa u inkluż il-11 ta’ Marzu 2009. Il-kamra tal-eżami tneħħielha s-siġill kuljum qabel il-bidu tal-eżami u ġiet issiġillata mill-ġdid fi tmiem l-eżami. Matul din il-proċedura, l-avukati ta’ Nexans kienu dejjem preżenti. Id-dokumenti maħżuna fil-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ data ġew eżaminati u l-ispetturi stampaw fuq karta dawk id-dokumenti li qiesu li huma rilevanti għall-investigazzjoni. It-tieni kopja fuq karta u lista ta’ dawn id-dokumenti ngħataw lill-avukati ta’ Nexans. Wara li ntemm dan il-proċess, tħassar il-kontenut tal-hard disks tal-kompjuters li fuqhom ħadmu l-ispetturi tal-Kummissjoni.

28.

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti jirrikonoxxu li l-Kummissjoni ma inkludiet ebda data jew dokumenti fl-att proċedurali mingħajr eżami minn qabel. Huma la jilmentaw għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u lanqas ma jiddubitaw il-fatt li l-istess garanziji proċedurali (pereżempju fir-rigward tal-issiġillar tas-suġġetti kollha tal-eżaminazzjoni u l-preżenza tal-avukati) ġew żgurati fl-eżami tad-data kkopjata mill-uffiċini ta’ Nexans fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell bħalma kien jiġri li kieku l-eżami jkun sar fil-bini tagħha stess. Madankollu, l-appellanti jassumu li l-azzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx koperta mis-setgħat mogħtija lil din l-istituzzjoni bir-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, il-Kummissjoni aġixxiet ultra vires, li ma jbiddel xejn mill-fatt li in concreto ma seħħ l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża.

2. Fuq it-tħejjija ta’ kopji mingħajr eżami minn qabel bħala parti mis-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni (l-ewwel aggravju)

29.

Essenzjalment, l-ewwel tliet aggravji ta’ Nexans kollha jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax, fil-kuntest ta’ spezzjoni, tagħmel kopji ta’ hard disks mingħajr ma tkun eżaminathom qabel u mingħajr ma tkun għażlet biss id-data rilevanti għall-investigazzjoni, u jekk hija tistax imbagħad tieħu dawn il-kopji fil-bini tagħha stess fi Brussell u teżaminahom hemm. Bl-ewwel aggravju tagħha, Nexans speċifikament tikkontesta d-dritt tal-Kummissjoni li tagħmel kopji ta’ data mingħajr ma tkun ivverifikat minn qabel ir-rilevanza tagħha għall-investigazzjoni inkwistjoni.

30.

F’dan il-kuntest, huwa raġonevoli li ssir eżaminazzjoni separata tal-proċessi tal-ikkopjar tad-data mingħajr eżami minn qabel,, minn naħa, u sussegwentement, tal-eżami ta’ dawn il-kopji fil-bini tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, għalkemm ma hemmx dubju li dawn il-proċessi huma marbuta mill-qrib. Dan peress li huwa pjuttost konċepibbli li l-Kummissjoni tikkopja data mingħajr ma tkun eżaminatha minn qabel, sabiex imbagħad teżaminaha fuq is-sit. Dan huwa l-mod kif hija parzjalment immaniġġjat id-data fil-kawża inkwistjoni ( 16 ). Proċedura bħal din tippermetti partikolarment li l-impjiegi u r-riżorsi jiġu rrilaxxati matul spezzjoni li tkun għaddejja.

31.

Madankollu, qabel ma tiġi diskussa l-fondatezza tal-ewwel aggravju, l-ewwel għandhom jiġu eżaminati tliet oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni rigward l-ammissibbiltà u r-rilevanza tad-deċiżjoni.

a) Fuq l-ammissibbiltà u r-rilevanza tal-ewwel aggravju

32.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiddubita l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, peress li għandu l-għan li sempliċement jeżamina mill-ġdid ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.

33.

Din l-oġġezzjoni, madankollu, ma hijiex konvinċenti, peress li kwistjonijiet ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jitqajmu fil-proċeduri tal-appell meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali ( 17 ).

34.

Fil-każ preżenti, l-ewwel aggravju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni tistax tagħmel kopji ta’ hard disks li hija ma eżaminathomx minn qabel, jirrigwarda l-portata tas-setgħat ta’ din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u għalhekk kwistjoni ta’ liġi. Għaldaqstant, l-appellanti huma obbligati jirrepetu l-argumenti tagħhom tal-ewwel istanza f’dan ir-rigward u jibbażaw ruħhom fuq l-argumenti diġà mressqa hemmhekk sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb din id-domanda ta’ interpretazzjoni.

35.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ppreżentaw l-ilment dwar il-ksur tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn l-avukat u l-klijent għall-ewwel darba fl-appell preżenti.

36.

Lanqas din l-oġġezzjoni ma tista’ tiġi aċċettata.

37.

Skont l-Artikolu 127(1) moqri flimkien mal-Artikolu 190 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fl-appell. Madankollu, dan huwa maħsub biss sabiex jevita li s-suġġett tat-tilwima jespandi lil hinn mill-argumenti diskussi fl-ewwel istanza ( 18 ). Għalhekk, argument huwa ammissibbli sakemm jikkostitwixxi estensjoni ta’ argument diġà mressaq fir-rikors fl-ewwel istanza ( 19 ).

38.

Fil-każ preżenti, l-argument li l-ikkopjar ta’ dokumenti mingħajr eżami minn qabel jista’ jinvolvi ksur tal-privileġġ legali, minħabba li waqt li qiegħed isir tali kkopjar, jistgħu wkoll jiġu kkopjati dokumenti protetti minn dak il-privileġġ, huwa marbut mill-qrib mal-ewwel aggravju li ma jikkostitwixxi ebda motiv ġdid. Pjuttost, dan ir-raġunament jissupplimenta l-oġġezzjoni għall-proċedura, li l-ikkopjar ta’ data jsir mingħajr eżami minn qabel, bil-konsegwenzi possibbilment marbuta miegħu.

39.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv (jiġifieri “inopérant”) peress li l-appellanti ma kkontestawx il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 52 sa 59 tas-sentenza appellata. Skont dawn, l-ikkopjar ta’ data huwa biss stadju intermedju teknikament meħtieġ fir-rigward tal-indiċjar ta’ din id-data u, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma inkludiet ebda dokument fil-fajls tal-investigazzjoni mingħajr ma qabel ivverifikat ir-rilevanza tagħhom għas-suġġett tal-ispezzjoni. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, anki l-konstatazzjoni li l-ikkopjar preċedenti kien inammissibbli, ma setgħetx twassal sabiex il-prova kkonċernata tkun inammissibbli.

40.

Din l-oġġezzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda.

41.

Minn naħa, il-kwistjoni hija dwar jekk in-natura kompletament jew parzjalment ineffettiva ta’ appell ippreżentat (jiġifieri “inopérant”) tirreferix għall-kapaċità tiegħu li jiffonda dan l-appell, u għaldaqstant ma jistax jiġi diskuss separatament mir-realtà tal-prova tal-ilmenti individwali mqajma fl-appell ( 20 ).

42.

Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma ngħatatx is-setgħa li tikkopja data mingħajr eżami minn qabel tista’ taffettwa perfettament kemm l-eżistenza tas-sentenza appellata kif ukoll dik tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-raġuni għal dan hija li, anki jekk il-Kummissjoni inkludiet biss dokumenti eżaminati fil-fajls tal-investigazzjoni fi tmiem il-proċess, dan ma jbiddilx il-fatt li l-ikkopjar estensiv tal-hard disks ippermetta li jittieħdu l-kopji lejn Brussell u li tiġi skoperta l-prova rilevanti hemmhekk. Jekk l-ikkopjar oriġinali ma kienx kopert mis-setgħat tal-Kummissjoni, dan inevitabbilment iwassal għall-kwistjoni dwar kemm tista’ tintuża l-prova li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

43.

L-ewwel aggravju huwa għalhekk ammissibbli u, jekk jirriżulta li huwa fondat, jista’ possibbilment iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata.

b) Fuq il-fondatezza tal-ewwel aggravju

44.

L-ilment prinċipali ta’ Nexans fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha huwa bbażat fuq il-fatt li kemm il-formulazzjoni kif ukoll is-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 juru sekwenza imperattiva ta’ azzjonijiet meħuda matul spezzjoni. Skont din is-sekwenza, id-data u d-dokumenti kollha eżaminati li jkunu fil-bini tal-kumpannija l-ewwel iridu jiġu eżaminati għar-rilevanza tagħhom għall-investigazzjoni kkonċernata, filwaqt li sussegwentement biss jistgħu jsiru kopji ta’ dawk id-data u dokumenti li jinstabu li huma rilevanti u li għalhekk għandhom jiġu inklużi fl-att proċedurali.

45.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba fil-punti 52 sa 59 tas-sentenza appellata partikolarment bil-motivazzjoni li mill-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi dedott li s-setgħa tal-Kummissjoni li tagħmel kopji tal-kotba u dokumenti professjonali ta’ kumpannija spezzjonata kienet limitata għal kotba u dokumenti professjonali diġà vverifikati minnha. Pjuttost, l-ikkopjar mingħajr eżami minn qabel huwa kopert mis-setgħat mogħtija mill-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l-ikkopjar iservi għall-iskop li titwettaq l-investigazzjoni, b’mod partikolari l-indiċjar tad-data bl-użu tat-teknoloġija tal-investigazzjoni diġitali legali, u fl-aħħar mill-aħħar l-ebda dokumenti ma jiġu inklużi fil-fajls tal-investigazzjoni li ma ġewx eżaminati minn qabel għar-rilevanza tagħhom għas-suġġett tal-ispezzjoni kkonċernata.

46.

Ma jista’ jiġi kkonstatat ebda żball ta’ liġi f’dawn il-kunsiderazzjonijiet.

47.

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-argument ta’ Nexans b’rabta mal-formulazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa minnu fir-rigward tal-verżjoni ta’ dan ir-regolament fil-lingwa tal-kawża ta’ dan l-appell, jiġifieri l-Ingliż, kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra, madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, b’ħarsa ġenerali tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tar-Regolament Nru 1/2003, dan ma huwiex effettiv.

48.

Nexans partikolarment issostni li mill-użu tat-termini “dawn il-kotba jew rekords” fil-verżjonijiet lingwistiċi kkonċernati tal-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li s-setgħa tal-ikkopjar standardizzata fih tapplika biss għal dawk il-kotba u dokumenti professjonali diġà eżaminati skont l-ittra (b) tal-istess paragrafu.

49.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-użu tat-termini “dawn il-kotba jew rekords” fil-verżjonijiet lingwistiċi kkonċernati tal-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa pjuttost spjegat mill-fatt li għandu jsir riferiment għal “kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ” imsemmija fl-ittra (b) tal-istess paragrafu.

50.

Madankollu, ħarsa iktar mill-qrib turi li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni raġunament isibu appoġġ rispettiv biss minn ftit u mhux mill-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, u li ħarsa ġenerali ta’ dawn il-verżjonijiet lingwistiċi tagħti stampa pjuttost inkonklużiva tar-riferimenti f’din id-dispożizzjoni. Ir-raġuni għal dan hija li, minn naħa, il-biċċa l-kbira ( 21 ), iżda mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ( 22 ) tal-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħmlu rabta jew rabtiet simili mal-ittra (b) preċedenti tal-istess paragrafu bl-użu tat-terminu “dawn”, u min-naħa l-oħra f’bosta verżjonijiet tal-lingwa tal-ittra (ċ) sempliċement tiġi ripetuta l-frażi “rekords relatati mal-kummerċ” użata fl-ittra (b) ( 23 ) preċedenti.

51.

Sa fejn huwa evidenti, interpretazzjoni skont l-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 li d-dokumenti eżaminati minn qabel biss skont l-ittra (b) tal-istess paragrafu, jistgħu jiġu kkopjati, hija espressament appoġġjata biss fil-formulazzjoni tal-verżjoni Portugiża tal-Artikolu 20(2)(ċ), peress li tirreferi għad-“dokumenti vverifikati” ( 24 ). Madankollu, fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha li ma humiex ċari f’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li mill-formulazzjoni tal-verżjoni Portugiża biss tiġi dedotta r-rieda tal-awtur ta’ din id-dispożizzjoni ( 25 ).

52.

Pjuttost, f’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jiġi kkonstatat li purament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi sempliċement dedott, jekk is-setgħa tal-ikkopjar standardizzata fl-ittra (ċ) tirreferix għal dokumenti diġà eżaminati skont l-ittra (b) jew le. Għalhekk, id-determinazzjoni tar-rieda tal-awtur ta’ dan ir-regolament f’dan ir-rigward, għandha tiġi bbażata fuq is-sens u l-kuntest tar-regolament li tappartjeni għalih, kif ukoll fuq l-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament ( 26 ).

53.

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għandha s-setgħat ta’ spezzjoni previsti fir-Regolament Nru 1/2003 sabiex tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha li tipproteġi s-suq komuni minn distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li tippenalizza kwalunkwe ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti fuq dan is-suq ( 27 ).

54.

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li għalkemm fid-dritt tal-akkordji, il-proċedura inkwistjoni tibda biss bid-dikjarazzjoni tal-ilmenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, għamlitha espressament ċara, li d-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji kkonċernati għandhom ukoll jiġu ppreservati fil-proċedura ta’ investigazzjoni minn qabel. Ir-raġuni għal dan hija li, anki kif il-Qorti Ġenerali osservat korrettement fil-punt 80 tas-sentenza appellata, għandu jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jiġu ppreġudikati b’mod irrimedjabbli waqt il-proċeduri ta’ investigazzjoni minn qabel. Dan partikolarment japplika għal spezzjonijiet li jista’ jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment ta’ mġiba illegali mill-kumpanniji ( 28 ). Is-setgħat li għandha l-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjonijiet huma, għalhekk, strettament limitati ( 29 ).

55.

Bl-istess mod, deċiżjonijiet ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni huma suġġetti għal rekwiżiti ta’ motivazzjoni stretti. F’dan l-istadju, huwa minnu li l-Kummissjoni għad ma għandhiex għalfejn tipprovdi evalwazzjoni ġuridika kompluta u finali tal-fatti li bihom qegħdin jiġu akkużati l-kumpanniji kkonċernati ( 30 ), u lanqas ma għandha d-dritt li tfittex sorsi ta’ informazzjoni li għadhom ma humiex magħrufa jew kompletament identifikati ( 31 ). Madankollu, hija għandha tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni rispettiva fid-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tagħha, sabiex il-kumpanniji kkonċernati jkunu kapaċi jirrikonoxxu l-portata tad-dmir tagħhom li jikkooperaw u fl-istess ħin jipproteġu d-drittijiet tad-difiża tagħhom ( 32 ). Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiddikjara preċiżament kemm jista’ jkun dak li qiegħda tfittex u ma’ xiex hija relatata l-ispezzjoni, u taħt l-ebda ċirkustanza ma tista’ twettaq spezzjonijiet bl-addoċċ mingħajr ebda suspetti speċifiċi, jiġifieri l-hekk imsejħa “fishing expeditions” ( 33 ).

56.

Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tfittex biss dokumenti li huma rilevanti għas-suġġett u l-iskop speċifikati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, u tista’ tinkludi biss dawn id-dokumenti fil-fajl u tużahom iktar tard bħala prova. Dan peress li huwa l-uniku mod kif jiġi żgurat li ma tintuża l-ebda prova fil-proċeduri ta’ akkordju sussegwenti li tkun inkisbet bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji kkonċernati ( 34 ). Bħala riżultat, skoperti aċċidentali li l-Kummissjoni ssib matul l-ispezzjoni u li għandhom x’jaqsmu ma’ suġġett ieħor għajr dak ta’ din l-ispezzjoni jistgħu jintużaw biss sabiex jissostanzjaw suspett inizjali u sabiex tinfetaħ investigazzjoni ġdida b’suġġett ieħor ( 35 ).

57.

F’dan l-isfond, ma hemmx dubju li taħt l-ebda ċirkustanza ma tista’ l-Kummissjoni tinkludi dokumenti fil-fajl u sussegwentement tużahom bħala prova mingħajr ma tkun eżaminat minn qabel dawn id-dokumenti għar-rilevanza tagħhom għas-suġġett tal-ispezzjoni inkwistjoni. Dan peress li, inkella, il-garanziji proċedurali kollha tal-kumpanniji kkonċernati titneħħielhom is-sustanza tagħhom u tinħoloq il-possibbiltà li tintuża prova miksuba illegalment.

58.

F’dan ir-rigward, is-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jista’ kompletament jitqies bħala sekwenza loġika tal-istadji proċedurali li għandhom jitwettqu fil-kuntest ta’ spezzjoni b’tali mod li, fi kwlunkwe każ, id-data u d-dokumenti għandhom l-ewwel jiġu eżaminati għar-rilevanza tagħhom għas-suġġett tal-investigazzjoni kkonċernata, qabel ma jiddaħħlu fl-att proċedurali tal-Kummissjoni. Kuntrarju għall-argument ta’ Nexans, mill-Artikolu 20(2), madankollu, ma hijiex dedotta sekwenza kronoloġika imperattiva li skontha d-data għandha dejjem tkun eżaminata minn qabel, qabel ma tkun tista’ tiġi kkopjata. Dan japplika b’mod partikolari jekk il-kopji inizjalment isiru biss għal skopijiet ta’ eżami.

59.

F’każ bħal dan, jidher li hemm limitazzjoni sproporzjonata fuq is-setgħat tal-Kummissjoni li tiċħdilha l-possibbiltà li tikkopja data mingħajr eżami minn qabel, sakemm ikun żgurat li dan huwa biss pass tekniku intermedju fil-kuntest tal-eżami ta’ din id-data u fl-aħħar mill-aħħar, l-ebda dokumenti ma jiġu inklużi fil-fajl mingħajr verifika minn qabel. L-appellanti ma jikkontestawx li dan kien il-każ hawnhekk ( 36 ).

60.

Huwa minnu li, spezzjoni hija akkumpanjata minn intervent fuq il-privatezza tal-kumpannija, u l-ħtieġa li tkun protetta kontra interferenzi arbitrarji jew sproporzjonati mill-awtoritajiet pubbliċi fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna fiżika jew ġuridika hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ), li sadanittant ġie kkodifikat fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

61.

Madankollu, dan ma jfissirx li s-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, kif issostni Nexans, għandhom per se jiġu interpretati b’mod ristrett. Pjuttost, dawn is-setgħat għandhom jiġu interpretati u mmaniġġjati b’tali mod li d-drittijiet tal-kumpanniji kkonċernati jkunu strettament issalvagwardjati. Ir-restrizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni f’dan il-qafas fil-fatt ma humiex għan fihom infushom iżda jservu sabiex jiggarantixxu li dawn id-drittijiet jiġu rrispettati ( 38 ).

62.

Madankollu, id-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni ta’ drittijiet bħalma huma l-privileġġ legali invokati minn Nexans jew dik tad-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza fil-kawża parallela Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni ( 39 ) huma ggarantiti, jekk il-Kummissjoni, bħal fil-każ preżenti, tikkopja d-data mingħajr eżami minn qabel, imbagħad, din id-data tiġi eżaminata taħt osservazzjoni stretta tal-garanziji tad-difiża rilevanti tal-kumpanniji kkonċernati, jiġifieri partikolarment fil-preżenza biss tal-avukati tagħhom, għar-rilevanza tagħha għas-suġġett tal-ispezzjoni, qabel ma d-dokumenti kkonstatati bħala rilevanti jiġu inklużi fl-att proċedurali u l-kopji kkopjati li jifdal ikunu ġew imħassra.

63.

Dan peress li anki jekk kien hemm data privata jew protetta mill-privileġġ legali fuq il-hard disks tan-negozju, li fl-ewwel stadju wkoll tiġi kkopjata, tali proċedura tissepara d-dokumenti li huma eliġibbli bħala prova mid-data li jifdal u din l-aħħar data titħassar, kif seħħ ukoll fil-każ preżenti ( 40 ). Għalhekk, kopja bħal din għal skopijiet ta’ spezzjoni ma hijiex intervent ikbar mill-ispezzjoni nnifisha.

64.

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet sottostanti tal-appellanti, il-Kummissjoni, kif osservat fl-appell preżenti u mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-appellanti, bl-ebda mod ma ħassret b’mod arbitrarju d-data kollha fuq il-mezzi u d-drives tad-data kollha ta’ Nexans u “nadfet” bl-addoċċ bħal letteralment vacuum cleaner kbir. Pjuttost, il-Kummissjoni kkopjat biss id-data li qabel kienet ġiet identifikata bħala potenzjalment rilevanti għas-suġġett tal-investigazzjoni minħabba li kienet tinsab fuq il-kompjuters jew il-mezzi tad-data ta’ persuni li kellhom rwol ewlieni fil-kuntest tal-ksur allegat li kellu jiġi investigat bl-ispezzjoni ( 41 ).

65.

Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-indiċjar tad-data bl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-eżaminazzjoni sussegwenti tad-data indiċjata b’dan il-mod tista’ tieħu ħafna ħin. Dan japplika iktar u iktar peress li l-kumpanniji issa qed jaħżnu ammonti kunsiderevoli ta’ data b’mod elettroniku. Għalhekk, jagħmel kompletament sens li tikkopja data sabiex l-apparat jew il-mezzi tad-data li fuqhom din id-data kienet oriġinarjament maħżuna jistgħu jerġgħu jiġu rrilaxxati direttament u sabiex ma jiġux imblukkati matul il-perijodu kollu tal-ispezzjoni.

66.

F’dan l-isfond, projbizzjoni ġenerali fuq l-ikkopjar tad-data mingħajr verifika minn qabel tidher li ma hijiex xierqa u, bħala riżultat, tidher bħala impediment mhux iġġustifikat għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-impriżi kkonċernati. Tali projbizzjoni għalhekk tillimita eċċessivament l-effikaċja tal-ispezzjonijiet bħala strument meħtieġ mill-Kummissjoni li teżerċita l-funzjonijiet tagħha li tħares it-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni ( 42 ).

67.

Bħala konklużjoni, għandu għalhekk jiġi nnotat li l-Kummissjoni hija intitolata tagħmel kopji tad-data bħala stadju intermedju sabiex tevalwa d-data kkonċernata abbażi tal-Artikolu 20(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn dan jidher xieraq b’rabta mat-twettiq tal-ispezzjoni rispettiva, b’riżultat li l-ebda data li ma ġietx eżaminata minn qabel għar-rilevanza tagħha għas-suġġett tal-ispezzjoni inkwistjoni ma tkun inkluża fil-fajls, u d-data l-oħra kollha titħassar wara l-ispezzjoni. Jekk dan ikun iggarantit, ma jidhirx neċessarju li l-Kummissjoni tintalab turi li l-ikkopjar tad-data mhux biss kien xieraq iżda wkoll imperattiv peress li kien ikun impossibbli li titwettaq l-ispezzjoni mingħajr ma l-ewwel tiġi kkopjata d-data.

68.

Fid-dawl tat-tali kunsiderazzjonijiet, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3. Fuq il-limitazzjoni territorjali tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni (it-tieni u t-tielet aggravju)

69.

Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq għadhom ma tawx risposta għad-domanda dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex imbagħad teżamina d-data kkopjata fil-bini tal-kumpannija jew jekk tistax teżamina d-data fil-bini tagħha stess fi Brussell.

70.

Permezz tat-tieni u t-tielet aggravju tagħhom l-appellanti jopponu eżaminazzjoni fil-bini tal-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jinvokaw il-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tinkludi inkonsistenzi sistematiċi fil-każ ta’ interpretazzjoni estensiva kif ukoll il-formulazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha.

a) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 (it-tieni aggravju)

71.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Nexans li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li fil-kuntest ta’ spezzjoni sussegwentement teżamina d-data kkopjata minn bini ta’ kumpannija fil-bini tagħha fi Brussell, partikolarment bil-motivazzjoni fil-punti 60 sa 64 tas-sentenza appellata, fuq il-bażi li mill-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi dedott li l-eżaminazzjoni tal-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ tista’ ssir biss fil-bini tagħha stess. Pjuttost, skont din id-dispożizzjoni, meta eżaminat id-dokumenti fil-bini tagħha, il-Kummissjoni kienet meħtieġa biss tipprovdi lill-kumpanniji spezzjonati l-istess garanziji bħal dawk li kellha tieħu inkunsiderazzjoni waqt spezzjoni fuq il-post, kif kien il-każ hawnhekk.

72.

Dawn l-osservazzjonijiet ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ liġi.

73.

Kuntrarjament għall-fehma ta’ Nexans, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li skontha l-Kummissjoni “tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża”, ma jistax jiġi dedott li l-ispezzjoni kollha trid issir imperattivament fil-bini tal-kumpannija.

74.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003, billi tuża l-frażi “ta’ l-impriża”, tistabbilixxi rabta mal-bini tal-kumpanniji spezzjonati. Madankollu, dan huwa loġiku biss peress li spezzjoni tibda inevitabbilment fil-bini ta’ kumpannija. Min-naħa l-oħra, din il-formulazzjoni ma tipprekludix lid-data kkopjata fil-bini ta’ kumpannija milli tiġi vverifikata sussegwentement fil-bini tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk hijiex rilevanti għas-suġġett tal-ispezzjoni inkwistjoni.

75.

L-istess japplika għas-sens ġenerali tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Dan is-sens juri li b’din id-dispożizzjoni l-leġiżlatur kellu l-ħsieb li jipprevedi s-setgħat meħtieġa (aċċess tal-bini, eżaminazzjoni tad-dokumenti, ikkopjar, siġill ta’ kmamar u dokumenti u interrogazzjoni ta’ rappreżentanti tal-kumpannija) sabiex il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet fil-bini tal-kumpanniji kkonċernati. Madankollu, dan ma jeskludix it-tkomplija ta’ spezzjoni mibdija fil-bini ta’ kumpannija fil-bini tal-Kummissjoni.

76.

Fil-fatt, ma huwiex evidenti li t-tkomplija tal-ispezzjoni fil-bini tal-Kummissjoni meta mqabbla mat-twettiq tal-ispezzjoni fil-bini tal-kumpannija nnifisha tkun tikkostitwixxi ndħil addizzjonali fid-drittijiet tal-kumpanniji kkonċernati li huwa daqshekk serju li s-setgħa għal dan għandha tiġi espliċitament prevista u ma tistax tiġi impliċitament idderivata mis-setgħat previsti fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 jekk dawn jiġu interpretati fid-dawl tal-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet tal-kumpanniji kkonċernati.

77.

Dan huwa iktar u iktar il-każ, peress li, kif diġà semmejt, is-setgħat previsti fir-Regolament Nru 1/2003 huma maħsuba sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tittratta mġiba antikompetittiva b’mod effiċjenti ( 43 ). Preċiżament, fid-dawl taż-żieda sostanzjali fil-volum ta’ data elettronika prodotta u maħżuna mill-kumpanniji sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, jidher li huwa perfettament iġġustifikat li l-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-eżami ta’ tali data li jinvolvi l-ħin fil-bini tagħha stess sabiex ma tikkostrinġix lill-persunal tal-Kummissjoni joqgħod fil-bini tal-kumpanniji spezzjonati u li minħabba f’hekk jistgħu jiġu implikati spejjeż għoljin.

78.

F’dan l-isfond, ma jidhirx neċessarju li tiġi limitata s-setgħa tal-Kummissjoni sabiex teżamina d-data fil-bini tagħha stess għal każijiet fejn, pereżempju, għal raġunijiet tekniċi jkun impossibbli li teżamina d-data kkonċernata fuq il-post. Madankollu, l-azzjoni tal-Kummissjoni li teżamina d-data fil-bini tagħha stess u mhux fil-bini tal-kumpannija kkonċernata għandha tkun xierqa u ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, pereżempju, minħabba li anki wara li l-Kummissjoni tkun wettqet l-investigazzjoni fuq il-post għal xi żmien, ikun hemm ammont kbir ta’ data li għad trid tiġi eżaminata.

79.

Fil-każ preżenti, il-ġustifikazzjoni toħroġ ukoll mill-fatt li d-data inkwistjoni saret disponibbli biss fil-kumpannija lejn tmiem l-eżami ( 44 ). Bl-istess mod, eżami fil-bini tal-Kummissjoni jidher li huwa pjuttost iġġustifikat jekk, bħal fil-każ ineżami, il-kumpannija tkun diġà rrappreżentata minn avukati bbażati fi Brussell li jistgħu jakkumpanjaw l-eżami tad-data bi ftit sforz.

80.

Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma huma qegħdin jippreżentaw l-ebda element li juri li fil-każ ineżami ma kienx ikun xieraq li titkompla l-ispezzjoni fil-bini tal-Kummissjoni, iżda din kienet attribwita biss għall-“konvenjenza” tal-Kummissjoni.

81.

Madankollu, bħal fil-każ tal-ikkopjar tad-data ( 45 ) diskuss iktar ’il fuq, huwa wkoll kruċjali għall-eżami ta’ dik id-data fil-bini tal-Kummissjoni li din il-prattika ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji kkonċernati.

82.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fil-punt 60 tas-sentenza appellata korrettement ikkonstatat li meta tiġi vverifikata d-data fil-bini tal-Kummissjoni, jiġu osservati l-istess garanziji proċedurali favur il-kumpanniji kkonċernati bħallikieku l-verifika ssir fil-bini tagħhom stess. Dan peress li kif ġie osservat iktar ’il fuq, huwa kruċjali fil-kuntest ta’ spezzjoni li dokumenti rilevanti b’mod verifikabbli għas-suġġett u l-iskop speċifikati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni biss jiġu inklużi fil-fajl proċedurali, peress li dan huwa l-uniku mod sabiex jiġi żgurat li ma tintuża l-ebda prova fil-proċeduri sussegwenti miksuba bi ksur tad-drittijiet tal-kumpanniji kkonċernati ( 46 ). Huwa essenzjali għal dan li l-avukati ta’ dawn il-kumpanniji jkunu preżenti f’kull mument meta l-Kummissjoni tkun qiegħda tispezzjona d-data u d-dokumenti kollha u jkunu jistgħu jivverifikaw liema dokumenti jitqiesu rilevanti mill-Kummissjoni.

83.

Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni tieħu d-data kkopjata mingħand kumpannija fil-bini tagħha fi Brussell u teżaminaha hemmhekk, taħt l-ebda ċirkustanza ma għandu jirriżulta fit-tneħħija tad-data mill-kontroll tal-kumpannija kkonċernata sabiex tiġi eżaminata kif jidhrilha l-Kummissjoni. Pjuttost, għandu jkun żgurat li l-Kummissjoni tittrasporta d-data b’mod issiġillat u mbagħad teżaminaha biss fil-preżenza tal-avukati tal-kumpannija, kif ġara fil-każ preżenti ( 47 ). Kif osservat korrettement il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan it-trasport issiġillat tad-data, barra minn hekk, jiżgura l-kontinwità bejn l-ispezzjoni mibdija fil-bini tal-kumpannija u dik li tkompliet fil-bini tal-Kummissjoni.

84.

Barra minn hekk, ikun inkompatibbli mar-rekwiżit li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji spezzjonati, jekk it-twettiq tal-ispezzjoni fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell ikun jinvolvi piżijiet jew spejjeż sproporzjonati għal dawn il-kumpanniji. Ir-raġuni għal dan hija li l-kumpanniji huma suġġetti għal dmir ta’ kollaborazzjoni fil-kuntest tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni. Madankollu, dan għandu jkun limitat għal talbiet raġonevoli għal kollaborazzjoni tal-Kummissjoni u ma jistax iwassal għal piż żejjed fuq il-kumpanniji ( 48 ).

85.

F’dan il-kuntest, Nexans issostni li jekk skont l-Artikolu 20(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina d-data kkopjata mingħand kumpannija fil-bini tagħha fi Brussell, ikollu japplika wkoll id-dritt tal-Kummissjoni li tinterroga lill-impjegati tal-kumpannija spezzjonata, fil-bini tal-Kummissjoni b’mod konformi mal-ittra (e) tal-istess paragrafu. Madankollu, dan jidher li huwa inkompatibbli mar-regolament finali tas-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni.

86.

Fir-rigward tad-dispożizzjoni preċedenti fl-Artikolu 14(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17 ( 49 ), għandu jiġi nnotat, li ma baqgħetx tapplika t-taqsima tat-test li għad trid tinstab fl-ittra (e) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li skontha jistgħu jintalbu dikjarazzjonijiet orali “fuq il-post”. F’dan l-isfond, l-interrogazzjonijiet tal-impjegati tal-kumpannija fi Brussell ibbażati fuq din id-dispożizzjoni ma jidhrux esklużi per se. Madankollu, dan japplika biss sakemm l-isforz assoċjat magħhom għall-kumpannija ma jkunx sproporzjonat.

87.

Bl-istess mod, il-ħtieġa li l-avukati tal-kumpanniji kkonċernati jkunu preżenti fi Brussell matul l-ispezzjoni fil-bini tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, l-ispejjeż marbuta magħhom, ma jistgħux jikkostitwixxu piż sproporzjonat fuq dawn il-kumpanniji meta mqabbel ma’ eżami fil-bini tagħhom stess.

88.

Fil-każ preżenti, madankollu, Nexans ma telenka l-ebda element li jindika li l-ispezzjoni fil-bini tal-Kummissjoni kienet tkun ta’ piż sproporzjonat fuq din il-kumpannija, u ma huwa manifest l-ebda element ieħor rilevanti.

89.

Finalment, kuntrarjament għall-argument ta’ Nexans, interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, li skontha l-Kummissjoni tista’ tkompli l-ispezzjoni fil-bini tagħha stess, ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess regolament.

90.

Skont Nexans, l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li fir-rigward ta’ “[…]spezzjoni ta’ siti oħra” jirreferi għas-setgħat taħt l-Artikolu 20(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, jixxejjen mis-sens tiegħu jekk saħansitra persuna nnifisha trid tiddeduċi mill-Artikolu 20 li l-Kummissjoni hija awtorizzata teżamina dokumenti barra l-bini tal-kumpannija.

91.

Madankollu, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003 jirrigwarda sitwazzjoni kompletament differenti minn dik ta’ spezzjoni skont l-Artikolu 20 tal-istess regolament. L-Artikolu 21 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjonijiet u tiġbor provi f’bini ieħor għajr il-bini tal-kumpannija, pereżempju, f’appartamenti jew mezzi ta’ trasport ta’ impjegati tal-kumpannija, u jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-setgħat mogħtija mill-Artikolu 20(2)(a) sa (ċ). Interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b), li skontu eżami ta’ data kkopjata skont l-ittra (ċ) tal-istess paragrafu tista’ titkompla barra l-bini tal-kumpannija, ma għandha, għalhekk, l-ebda effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003.

92.

Bħala konklużjoni, għalhekk, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-kuntest ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li sussegwentement teżamina d-data kkopjata fil-bini ta’ kumpannija fil-bini tagħha stess, sa fejn dan jidher xieraq b’rabta mat-twettiq tal-ispezzjoni rispettiva u l-kumpanniji spezzjonati jingħataw l-istess garanziji ta’ difiża daqslikieku l-eżami jsir fil-bini tagħhom stess. Barra minn hekk, jekk dan ikun iggarantit, ma jidhirx li jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tintalab tipprovdi prova li kien ikun kompletament impossibbli li l-ispezzjoni titwettaq fil-bini tal-kumpannija.

93.

F’konformità ma’ dan, jirriżulta li anki t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b) Fuq l-allegata limitazzjoni territorjali tal-ispezzjoni bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha (it-tielet aggravju)

94.

Fit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet l-argument tagħhom li s-setgħa tal-Kummissjoni li tispezzjona l-bini ta’ Nexans hija limitata wkoll mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha. Din essenzjalment tipprovdi li “[l]-ispezzjoni tista’ seħħ fil-bini kollu kkontrollat mill-impriża, u b’mod partikolari, fl-uffiċċji li jinsabu fl-indirizz li ġej: […]” ( 50 ).

95.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fil-punt 67 tas-sentenza appellata, bil-motivazzjoni li mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta li l-ispezzjoni tista’ sseħħ fil-postijiet imsemmija, iżda mhux li tista’ ssir biss hemmhekk. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ppermettiet lill-Kummissjoni tkompli l-ispezzjoni fi Brussell.

96.

Kuntrarjament għall-argument ta’ Nexans, ma jista’ jiġi identifikat l-ebda żball ta’ liġi f’din il-konstatazzjoni.

97.

Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, iċċitata minn Nexans innifisha, l-għan ta’ tali dikjarazzjoni huwa biss li tawtorizza lill-Kummissjoni taċċessa l-bini ta’ dik l-unità legali u preċiżament dak biss. Dan ifisser li, abbażi ta’ deċiżjoni bħal din, il-Kummissjoni ma tistax tidħol fil-bini ta’ unità legali għajr dik imsemmija u twettaq spezzjonijiet hemmhekk ( 51 ).

98.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli sussegwentement teżamina d-data kkopjata fil-bini tal-kumpannija msemmija f’din id-deċiżjoni fil-bini tagħha stess, sakemm jiġi żgurat ukoll li d-data fl-ebda mument ma titneħħa mill-kontroll ta’ din il-kumpannija, kif kien il-każ hawnhekk ( 52 ).

99.

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-appellanti li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni kellha tittieħed abbażi tal-Artikolu 21 u mhux tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 kienet żbaljata sabiex tkopri eżami fil-bini tal-Kummissjoni. Dan peress li, kif diġà spjegat iktar ’il fuq ( 53 ), l-Artikolu 21 jirrigwarda t-twettiq ta’ spezzjonijiet f’bini ieħor għajr il-bini tal-kumpannija, pereżempju, f’appartamenti jew mezzi ta’ trasport ta’ impjegati tal-kumpannija, u għalhekk, jirrigwarda sitwazzjoni kompletament differenti minn dik li fiha bdiet spezzjoni skont l-Artikolu 20 fil-bini tal-kumpannija u titkompla fil-bini tal-Kummissjoni.

100.

Għaldaqstant, it-tielet aggravju tal-appell għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

B.   Fuq l-ilmenti dwar il-multa (ir-raba’ u l-ħames aggravju)

101.

Bir-raba’ u l-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali b’rabta mal-iffissar tal-multa. Ir-raba’ aggravju jikkonċerna s-setgħa tal-Qorti Ġenerali għall-ġurisdizzjoni sħiħa fl-istħarriġ tal-multa imposta mill-Kummissjoni, filwaqt li l-ħames aggravju jikkonċerna allegat żball ta’ evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

1. Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-multa mill-Qorti Ġenerali (ir-raba’ aggravju)

102.

Fir-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-portata tas-setgħa tagħha fl-istħarriġ tal-iffissar tal-multa mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-Artikolu 261 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

103.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f’kull każ partikolari l-gravità tal-aġir illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba għat-tneħħija tal-multa jew għal tnaqqis tal-ammont tagħha ( 54 ).

104.

Fil-kawża ineżami, l-appellanti huma tal-fehma li l-ammont bażiku tal-multa, li ġie stabbilit għal 15 % tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, kellu jitnaqqas, peress li l-ksur allegatament ma kellu l-ebda impatt jew kellu impatt limitat biss fuq is-suq rilevanti. Madankollu, fil-punt 156 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali sempliċement irreferiet għall-punt 22 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal‑2006 b’mod konformi mal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2006”) ( 55 ) fejn l-impatt ta’ ksur fuq is-suq ma jissemmiex bħala fattur li jiddetermina l-ammont tal-multa. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi la eżaminat l-argument tal-appellanti u lanqas eżerċitat is-setgħa tagħha għal ġurisdizzjoni sħiħa fl-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

105.

Il-fondatezza ta’ dan l-argument hija marbuta mal-fatt dwar jekk tittiħidx bħala bażi l-verżjoni tal-punt 156 tas-sentenza appellata fil-lingwa tal-kawża, jiġifieri l-Ingliż, jew inkella l-verżjoni dwar dan il-punt fil-lingwa ta’ ħidma tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-Franċiż, kif ukoll fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tas-sentenza appellata.

106.

Il-punt ta’ tluq huwa li l-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta ( 56 ).

107.

Barra minn hekk, minkejja li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio ( 57 ), sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ stħarriġ sħiħ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’dak li jikkonċerna l-multa, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur ( 58 ).

108.

Jekk tittieħed bħala bażi l-verżjoni Franċiża kif ukoll il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tas-sentenza appellata, għajr l-Ingliż, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 156 tas-sentenza appellata huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ dik il-ġurisprudenza.

109.

Għalhekk, huwa minnu li fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumentat li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti allegatament nieqsa tal-ksur fuq is-suq, billi rreferiet għall-punt 22 tal-Linji Gwida tal‑2006 u kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma hija taħt l-ebda obbligu li tikkunsidra l-impatt speċifiku fuq is-suq jew in-nuqqas ta’ tali impatt bħala fattur aggravanti jew attenwanti.

110.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali kompliet, fil-verżjoni Franċiża kif ukoll fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tas-sentenza appellata, għajr l-Ingliż, tosserva li kien pjuttost suffiċjenti li l-ammont tal-proporzjon tad-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni, bħal fil-kawża ineżami, huwa ġġustifikat minn elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità skont din id-dispożizzjoni, bħal, pereżempju, in-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-kumpanniji kollha parteċipanti u d-daqs tas-suq ġeografiku.

111.

Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx l-argument li allegatament kien nieqes mill-impatt fuq is-suq, kif issostni Nexans, sempliċement b’riferiment ġenerali għal-Linji Gwida tal‑2006. Pjuttost, l-inserzjoni “bħal fil-kawża ineżami” turi li, fil-fehma u l-eżami tal-Qorti Ġenerali, fil-każ speċifiku, l-ammont tad-dħul mill-bejgħ li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala ammont bażiku tal-multa indipendentement mill-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ effetti fuq is-suq f’ċirkustanzi oħra msemmija fil-Linji Gwida tal‑2006, bħal, pereżempju, in-natura tal-ksur, kien iġġustifikat. Peress li l-Franċiż kien il-lingwa ta’ ħidma tal-Qorti Ġenerali, hemm lok li jitqies li l-Qorti Ġenerali debitament inkludiet il-frażi “bħal fil-każ inkwistjoni” (“comme en l’occurrence”), li tidher fil-verżjoni Franċiża u li din turi l-evalazzjoni tal-kawża inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali.

112.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma eżaminatx b’mod xieraq ir-raġunament ta’ Nexans fl-ewwel istanza u talli ma eżerċitatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tistħarreġ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-multa. Minħabba n-nuqqas tal-frażi “bħal fil-każ inkwistjoni” fil-verżjoni Ingliża tal-punt 156 tas-sentenza appellata, din is-sentenza hija għalhekk ivvizzjata, fil-lingwa tal-kawża, bi żball ta’ liġi li, fil-prinċipju, għandu jwassal għall-annullament tagħha. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ din il-frażi, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha b’mod suffiċjenti sabiex tistħarreġ il-multa. Konsegwentement, il-kawża għandha tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li n-nuqqas tal-frażi inkwistjoni unikament fil-verżjoni Ingliża tas-sentenza huwa manifestament imputabbli għal żball ta’ traduzzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tħassar dan iż-żball ta’ liġi qabel id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja billi twettaq rettifika konformement mal-Artikolu 164 tar-Regoli tal-Proċedura. Din is-soluzzjoni hija, f’kull każ, aħjar mill-annullament tas-sentenza appellata u mir-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali, peress li din l-aħħar soluzzjoni ddewwem mingħajr bżonn il-proċedura u timplika spejjeż addizzjonali, mingħajr ma tibdel xejn eventwalment, peress li l-Qorti Ġenerali ser tillimita ruħha fl-aħħar mill-aħħar, wara r-rinviju, li tiċħad ir-rikors għall-istess motivi – li ġew tradotti b’mod korrett din id-darba. Sabiex ma tiġix ippreġudikata l-protezzjoni ġudizzjarja ta’ Nexans, ir-rettifika tal-verżjoni Ingliża tas-sentenza appellata għandha madankollu tagħti lok għal terminu ġdid sabiex jiġi ppreżentat appell mill-parti rrettifikata ta’ din is-sentenza. Possibbiltà oħra tkun li l-Qorti tal-Ġustizzja talloka terminu lill-partijiet f’din il-proċedura sabiex jadattaw it-talbiet tagħhom ( 59 ).

113.

Jekk il-Qorti Ġenerali tirrettifika s-sentenza appellata fil-lingwa tal-kawża fi żmien xiraq u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża ruħha għalhekk fuq l-eżerċizzju effettiv, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-evalwazzjoni tal-mertu tagħha, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, tidher iktar iġġustifikata, peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, rata ta’ 15 % għal ftehim għall-qsim tas-swieq tista’ tkun iġġustifikata biss abbażi tal-gravità tal-ksur, peress li din hija waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar gravi tal-kompetizzjoni fis-sens tal-punt 23 tal-Linji Gwida tal‑2006, kif ukoll tikkonsisti fir-rata l-iktar baxxa tal-iskala ta’ sanzjonijiet previsti għal dan il-ksur f’dawn il-Linji Gwida ( 60 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, ma ċċaratx, madankollu, qabel l-għoti tas-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Settembru 2018 fil-kawża Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ ftehim mal-Qorti Ġenerali kellu argument ineffettiv rigward il-gravità tal-ksur, jekk il-fattur tal-gravità magħżul mill-Kummissjoni jista’ diġà jkun iġġustifikat abbażi tat-tip ta’ ksur ( 61 ).

114.

Finalment, lanqas l-argumenti msemmija iktar ’il fuq ma huma kkontestati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni ( 62 ) li saħqu fuqha l-appellanti.

115.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, minħabba li ma indirizzatx l-argument ta’ Infineon, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat l-ammont tal-multa imposta mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru limitat ta’ kuntatti antikompetittivi li pparteċipat fihom Infineon ( 63 ).

116.

Madankollu, il-kawża Infineon għandha l-partikolarità li, b’differenza mill-kawża Philips ( 64 ), iċċitata fil-punt 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u mill-kawża ineżami, il-kwistjoni kienet il-parteċipazzjoni individwali ta’ Infineon fil-ksur inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-multa ( 65 ). Għalhekk, kif iċċarat espressament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjonijiet tal-kawża Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni riprodotti fil-punt 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma ġewx ikkontestati mis-sentenza tal-kawża Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni ( 66 ).

117.

Konsegwentement, mill-osservazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq – bla ħsara għal rettifika fi żmien xieraq mill-Qorti Ġenerali, tal-verżjoni Ingliża tas-sentenza appellata – jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

2. Fuq l-evalwazzjoni tal-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju għall-finijiet tal-multa (il-ħames aggravju)

118.

Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju ta’ Nexans huwa relatat mal-evalwazzjoni tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” fir-rigward tal-iffissar tal-multa. Kif diġà ġie osservat, il-Kummissjoni imponiet żieda ta’ 2 % fl-ammont bażiku tal-multa għall-kumpanniji Ewropej, peress li, minbarra qsim tas-swieq bejn kumpanniji Ewropej, Ġappuniżi u tal-Korea t’Isfel (“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”), hija assumiet ukoll qsim addizzjonali fost il-kumpanniji Ewropej ( 67 ).

119.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, Nexans ċaħdet il-fatt li l-konfigurazzjoni tal-akkordju Ewropew kienet ikkawżat dannu addizzjonali li jista’ jiġġustifika din iż-żieda. Dan l-argument ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali.

120.

Fl-appell preżenti, Nexans issa qiegħda tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 182 tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Nexans, ma hemm l-ebda dubju li l-qsim ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u ta’ taħt il-baħar b’vultaġġ għoli fi ħdan il-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” żiedet id-dannu għall-kompetizzjoni kkawżat fiż-ŻEE permezz tal-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”.

121.

Skont Nexans, din il-konstatazzjoni hija vvizzjata kemm bi żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali kellhom partikolarment jirrikonoxxu li Nexans ipprovdiet provi li l-ksur ma affettwax il-bejgħ Ewropew kollu. F’dan l-isfond, ma huwiex biżżejjed li tiġi ġġustifikata ż-żieda tal-multa peress li ma hemmx dubju li l-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kkawżat dannu ikbar fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk, billi kkonfermat il-legalità ta’ din iż-żieda, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

122.

Dan l-argument ma huwiex wieħed konvinċenti. Dan huwa parzjalment ibbażat fuq qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata.

123.

Il-Qorti Ġenerali inizjalment ma assumietx li l-appellanti kellhom juru li l-ksur ma kellu l-ebda effett fuq il-bejgħ Ewropew kollu. Pjuttost, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” kienet tinkludi ftehim addizzjonali li kien imur lil hinn mir-regoli tal-qsim fi ħdan il-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”.

124.

Fid-dawl ta’ dan, kif diġà osservajt, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma hemmx dubju li l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni kien ikkawżat mill-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju” li ġie saħansitra aggravat mill-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”. Nexans ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fl-appell u, barra minn hekk, ma hemm l-ebda provi li jissuġġerixxu li l-konstatazzjonijiet huma bbażati fuq żnaturament ta’ kwalunkwe prova mressqa minn Nexans fl-ewwel istanza.

125.

F’dan l-isfond, minn naħa, ma huwiex ċar sa liema punt il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod żbaljat il-konstatazzjoni fil-punt 182 tas-sentenza appellata.

126.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wkoll ġustament assumiet li l-qsim tal-proġetti bejn kumpanniji Ewropej ikun jirriżulta f’effett ħażin addizzjonali tal-qsim tas-swieq bejn kumpanniji Ewropej, Ġappuniżi u tal-Korea t’Isfel. Dan peress li r-rabta mill-qrib bejn iż-żewġ konfigurazzjonijiet ma tbiddilx il-fatt li l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” ma tikkostitwixxix ftehim inerenti tal-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”. Dan il-qsim intra-Ewropew ikollu jiġi kkwalifikat bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni irrispettivament ukoll mill-qsim tas-swieq bejn il-kumpanniji Ewropej, Ġappuniżi u tal-Korea t’Isfel. Għalhekk, fil-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li dan il-ksur jista’ jkun ikkastigat “iktar” b’multa miżjuda mingħajr irregolarità, ma hemm l-ebda żball ta’ evalwazzjoni.

127.

Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

C.   Sommarju

128.

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mressqa minn Nexans ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġu miċħud fit-totalità tiegħu.

VI. Fuq l-ispejjeż

129.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

130.

Skont l-Artikolu 138(1) u (2) moqri flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu; jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż u peress li dawn tilfu l-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż. Billi ppreżentaw l-appell flimkien, huma għandhom iħallsu dawn l-ispejjeż in solidum. Madankollu, ikun irraġonevoli li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tar-raba’ aggravju peress li dan l-aggravju għandu jiġi attribwit għal żball ta’ traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-partijiet kollha għandhom qabelxejn isostnu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Sussegwentement, ikun possibbli għalihom li jitolbu d-danni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.

VII. Konklużjoni

131.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Nexans France SAS u Nexans SA huma responsabbli in solidum għall-ispejjeż tal-proċedura bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta mar-raba’ aggravju. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fir-rigward ta’ dan l-aggravju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 3 ) L-istess kwistjoni tqum fil-kawżi paralleli C‑601/18 P, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 final tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39610 – Kejbils tal-Elettriku), innotifikata bin-numru C(2014) 2139 final u ppubblikata b’sommarju fil-ĠU 2014, C 319, p. 10)

( 5 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑449/14, EU:T:2018:456).

( 6 ) Ara l-punt 3 tas-sentenza appellata u l-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 7 ) Ara l-punt 2 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596).

( 8 ) Ara l-punt 4 tas-sentenza appellata u l-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 9 ) Għal iktar dettalji, ara iktar ’il quddiem, il-punt 23 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) T‑135/09, EU:T:2012:596.

( 11 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 115 sa 134), fejn it-talbiet għall-annullament tal-atti inkwistjoni ġew iddikjarati inammissibbli mill-Kummissjoni; dawn il-konstatazzjonijiet ma ġewx ikkontestati fl-appell sussegwenti.

( 13 ) Ara l-punti 11 u 12 tas-sentenza appellata u l-Artikolu 1 u l-premessi 10 sa 13 u 66 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 14 ) Ara l-punt 18 tas-sentenza appellata u l-premessi 997 sa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 15 ) Ara wkoll il-punti 6 sa 14 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596).

( 16 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara biss is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punti 154 u 155 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom).

( 18 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑583/08 P, EU:C:2010:118, punt 33 u l-ġurisprudenza msemmija hemmhekk).

( 19 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs il‑Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 113 u 114 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

( 20 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill (C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 52), u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il‑Kummissjoni (C‑520/09 P, EU:C:2011:619, punt 31); fl-istess sens is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il‑Kummissjoni (C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punt 64); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs United Pakket Service (C‑265/17 P, EU:C:2018:628, punt 28).

( 21 ) Dan japplika għall-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin: l-Ingliż [“(c) to take or obtain in any form copies of or extracts from such books or records;”], il-Franċiż [“c) prendre ou obtenir sous quelque forme que ce soit copie ou extrait de ces livres ou documents;”], il-Ġermaniż [“c) Kopien oder Auszüge gleich welcher Art aus diesen Büchern und Unterlagen anzufertigen oder zu erlangen;”], it-Taljan [“c) fare o ottenere sotto qualsiasi forma copie o estratti dei suddetti libri o documenti;”], Spanjol [“c) hacer u obtener copias o extractos en cualquier formato de dichos libros o de la documentación;”], ir-Rumen [“să ia sau să obțină, sub orice formă, copii sau extrase din aceste registre și documente;”], il-Bulgaru [“в) bulgarische [„в) да вземат или получават под всякаква форма копия или извлечения от тези книги или документи;“], iċ-Ċek [“c) kopírovat nebo získávat v jakékoli formě kopie nebo výpisy z těchto knih nebo záznamů;”], id-Daniż [“c) at tage eller få kopi eller udskrift under enhver form af sådanne bøger eller forretningspapirer”], l-Estonjan[“c) teha või saada mis tahes kujul koopiaid või väljavõtteid sellistest raamatupidamis- ja muudest dokumentidest;”], il-Grieg[“γ) να λαμβάνουν ή να αποκτούν υπό οποιαδήποτε μορφή αντίγραφο ή απόσπασμα των εν λόγω βιβλίων και εγγράφων·”], il-Kroat [“(c) uzeti ili zahtijevati u bilo kojem obliku primjerke ili izvatke iz navedenih poslovnih knjiga ili poslovne dokumentacije;”], il-Latvjan [“c) jebkādā veidā ņemt vai iegūt šo grāmatvedības dokumentu vai citu dokumentu izvilkumu kopijas;”], il-Litwan [“c) paimti ar gauti tokių knygų ar dokumentų kopijas ar išrašus bet kokia forma;”], l-Ungeriż [“c) bármilyen formában elkészítsék vagy megszerezzék az ilyen könyvek vagy feljegyzések másolatát vagy kivonatát;”], l-Olandiż [“c) het maken of verkrijgen van afschriften of uittreksels, in welke vorm ook, van die boeken en bescheiden;”], il-Pollakk [“c) pobrania lub uzyskiwania w każdej formie kopii lub wyciągów z tych ksiąg lub rejestrów;”], u l-Isvediż [“c) göra eller erhålla alla former av kopior av eller utdrag ur sådana räkenskaper och affärshandlingar,”].

( 22 ) Dan japplika għall-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin: il-Malti [“(ċ) li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min dawn il-kotba jew rekords”], is-Slovakk [“c) vyhotoviť alebo získať akékoľvek kópie formulárov alebo výťahov z obchodných kníh a záznamov;”], is-Sloven [“(c) odvzamejo fi pridobijo, ne glede na obliko, kopije ali izvlečke iz poslovnih knjig ali documentacije;”], u l-Finlandiż [“c) missaossa tai saahaha mäaha mäahaääa ja otteita kirjanpidosta tai asiakirjoista;”].

( 23 ) Dan japplika għall-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin: id-Daniż [“c) at tage eller få kopi eller udskrift taħt il-forma enhver af sådanne bøger eller forretningspapirer”], il-Kroat [“(c) uzeti ili zahtijevati u bilo kojem obliku primjerke ili knizjihiga nih izvihatniki ili poslovne documentacije;”], l-Isvediż [“c) göra eller erhålla alla ex av kopior av eller utdrag ur sådana räkenskaper och affärshandlingar,”], is-Slovakk [“c) vyhotoviť alebo získať akékoľvek kópie obovzácháý;”], bis-Sloven [“(c) odvzamejo in pridobijo, ne glede na obliko, kopije ali izvlečke iz poslovnih knjig ali documentacije;”].

( 24 ) “c) Tirar ou obter sob qualquer forma cópias ou extractos dos documentos controlados;”.

( 25 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, EU:C:1969:57, punt 3), tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Confédération paysanne (C‑298/12, EU:C:2013:630, punt 22), u tal‑4 ta’ Frar 2016, C&J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 122).

( 26 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 61), tal‑14 ta’ Jannar 2016, Vodafone (C‑395/14, EU:C:2016:9, punt 40), u tal‑25 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑314/16, EU:C:2018:42, punt 47).

( 27 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 25), u tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 42), u tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 33).

( 28 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 15), u tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 63), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 41).

( 29 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 44), u tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 31).

( 30 ) Ara s-sentenza f’iktar dettall tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 27), u tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 38), kif ukoll id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑121/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:695, punt 36).

( 32 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 29), tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 47), tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 34), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il‑Kummissjoni (C‑538/18 P u C‑539/18 P, EU:C:2020:53, punti 40 sa 43), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 44 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 43 u 52).

( 34 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punti 17 u 18), tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 300), tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 48), tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punti 58 u 60), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il‑Kummissjoni (C‑538/18 P u C‑539/18 P, EU:C:2020:53, punt 99).

( 35 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 19), tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 301 sa 305), u tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 59).

( 36 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19), u tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 27), kif ukoll id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑121/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:695, punt 30).

( 38 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 28), tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punti 19) u tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 28 et seq. u 59); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 79 sa 84).

( 39 ) Kawża C‑601/18 P, ara iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet

( 40 ) Ara fuq l-iskadenza tal-ispezzjoni fil-kawża preżenti iktar ’il fuq, il-punti 23 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Iktar ’il fuq, punti 24 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punti 19) u tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 59), kif ukoll id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑121/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:695, punt 36).

( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, iktar ’il fuq, il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fih.

( 44 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 23 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari iktar ’il fuq, il-punti 57 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 54 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fihom.

( 47 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 23 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-punti 63 u 81 tas-sentenza appellata.

( 48 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19), u tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punti 27, 50, 52 u 76 sa 80); ara wkoll għal dan il-għan, fir-rigward tat-talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-kumpanniji, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Italmobiliare vs Il‑Kummissjoni (C‑268/14 P, EU:C:2015:697, punt 96 et seq.).

( 49 ) Regolament tal-Kunsill tas‑6 ta’ Frar 1962: L-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

( 50 ) Ara l-punt 66 tas-sentenza appellata.

( 51 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni (T‑66/99, EU:T:2003:337, punt 83), kif ukoll id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑121/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:695).

( 52 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 28, 59, 62, 82 u 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet

( 53 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128), tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 192).

( 55 ) ĠU 2006, C 210, p. 2.

( 56 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 692), tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 193).

( 57 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64), tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213) u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 194).

( 58 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 200), tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il‑Kummissjoni (C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 82), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 195).

( 59 ) Ara, għal eżami fid-dettall ta’ sitwazzjoni simili, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO (C‑766/18 P, EU:C:2019:881, punt 22 et seq. kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); f’din il-kawża, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-verżjoni lingwistika żbaljata ġiet irrettifikata, ara digriet tas-17 ta’ Settembru 2019, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO – M. J. Dairies (BBQLOUMI) (T‑328/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:662).

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 124), u Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 125), tas‑26 ta’ Jannar 2017, Dornbracht vs Il‑Kummissjoni (C‑604/13 P, EU:C:2017:45, punt 75), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni (C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 103).

( 61 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni (C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 105).

( 62 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018 (C‑99/17 P, EU:C:2018:773).

( 63 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 206 u 207).

( 64 ) Ara espressament is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni (C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 104).

( 65 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 201 u 203).

( 66 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 210 u 211).

( 67 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 11 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.