SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
23 ta’ Jannar 2019 ( *1 )
[Kif emendat permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Marzu 2019]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Klawżoli diskrezzjonarji – Kriterji ta’ evalwazzjoni”
Fil-Kawża C‑661/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, L-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura
M.A.,
S.A.,
A.Z.
vs
International Protection Appeals Tribunal,
Minister for Justice and Equality,
Attorney General,
Ireland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, E. Regan u C.G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal M.A., S.A. u A.Z., minn M. de Blacam, SC, u G. O’Halloran, BL, |
– |
[Kif emendat permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Marzu 2019] għall-Ireland, minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn S.‑J. Hillery, BL, u D. Conlan Smyth, SC, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn J. Hoogveld u M. K. Bulterman, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Brodie, S. Brandon u D. Blundell, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, QC, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Condou-Durande, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 17, tal-Artikolu 20(3), kif ukoll tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, M.A., S.A. u A.Z. u, min-naħa l-oħra, l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda), il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda), l-Attorney General (l-Irlanda), u Ireland (l-Irlanda), dwar id-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tagħhom, fil-kuntest tar-Regolament Dublin III. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Il-konvenzjoni ta’ Genève
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-1967”), li, min-naħa tiegħu, daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967. |
4 |
L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967, bħalma huma wkoll ir-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti la fil-Konvenzjoni ta’ Genève u lanqas fil-Protokoll tal-1967, iżda l-Artikoli 78 TFUE u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedu li d-dritt għall-ażil għandu jiġi żgurat, b’mod partikolari, bl-osservanza ta’ din il-konvenzjoni u ta’ dan il-protokoll. |
Il-KEDB
5 |
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), hija ftehim internazzjonali multilaterali konkluż fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Settembru 1953. Il-membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, li jinkludu l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, huma fost il-Partijiet Għolja Kontraenti ta’ din il-konvenzjoni. |
6 |
L-Artikolu 3 tal-KEDB jipprovdi li “[ħ]add ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.” |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
7 |
L-Artikolu 4 tal-Karta jipprovdi: “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.” |
8 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.” |
9 |
L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi: “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.” |
Ir-Regolament Dublin III
10 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li t-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997 introduċa l-Artikolu 63 fit-Trattat KE, li kien jagħti kompetenza lill-Komunità Ewropea sabiex tadotta l-miżuri rrakkomandati mill-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa tiegħu f’Tampere (il-Finlandja) fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. L-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ppermettiet is-sostituzzjoni, bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Konvenzjoni dwar id-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1), bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li daħal fis-seħħ fit-17 ta’ Marzu 2003. Ir-Regolament Dublin III, li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2013, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 78(2)(e) TFUE, issostitwixxa r-Regolament Nru 343/2003. |
11 |
Il-premessi 1 sa 5 tar-Regolament Dublin III huma fformulati kif ġej:
|
12 |
Il-premessi 13 sa 17 ta’ dan ir-regolament jipprevedu:
|
13 |
Il-premessi 19, 32, 39 u 41 tal-imsemmi regolament jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
|
14 |
L-Artikolu 1 tal-istess regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz […].” |
15 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Dublin III jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli. 2. Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha. Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli. Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli. 3. Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur, soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva 2013/32/UE.” |
16 |
L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Garanziji għall-minorenni”, jipprevedi: “1. L-aħjar interess tat-tifel jew tifla għandha tkun il-konsiderazzjoni prinċipali għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament. […] 3. Fil-valutazzjoni tal-aħjar interess tat-tifel jew tifla, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw flimkien mill-viċin u, b’mod partikolari, għandhom jieħdu f’konsiderazzjoni xierqa l-fatturi li ġejjin:
[…] 4. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8, l-Istat Membru fejn il-minorenni mhux akkumpanjat ikun iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandu, kemm jista’ jkun malajr, jieħu azzjoni adatta biex jidentifika l-membri tal-familja, aħwa jew qraba tal-minorenni mhux akkumpanjat fit- territorju tal-Istati Membri, filwaqt li jipproteġu l-aħjar interessi tat-tifel jew it-tifla. […]” |
17 |
L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmi regolament, li jinsab fil-Kapitolu III tiegħu, jipprovdi: “1. Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu. 2. L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.” |
18 |
L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament jipprovdi: “Fejn l-applikant ikun minorenni mhux akkumpanjat, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak fejn membru tal-familja jew ħu jew oħt il-minorenni mhux akkumpanjat ikunu legalment preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni. Fejn l-applikant ikun minorenni miżżewweġ li l-konjuġi tiegħu ma jkunx legalment preżenti fit-territorju tal-Istati Membri, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun l-Istati Membru fejn il-missier, l-omm, jew adult ieħor responsabbli għall-minuri, kemm jekk permezz tal-liġi jew bil-prattika ta’ dak l-Istat Membru, jew ħu jew oħtu jkunu legalment preżenti.” |
19 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Il-proċedura tal-familja”, jipprevedi: “Fejn diversi membri ta’ familja u/jew aħwa minorenni mhux miżżewġin jissottomettu applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali fl-istess Stat Membru fl-istess ħin, jew f’dati fil-qrib biżżejjed biex il-proċeduri biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli jitmexxew flimkien, u fejn l-applikazzjoni tal-kriterji ddikjarati f’dan ir-Regolament tista’ twassal biex huma jkunu sseparati, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
|
20 |
L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, huwa fformulat kif ġej: “1. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. L-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. […]” |
21 |
L-Artikolu 20(3) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, is-sitwazzjoni ta’ minorenni li jkun jakkumpanja lill-applikant u li jissodisfa d-definizzjoni ta’ membru tal-familja għandha tkun indissoċjabbli minn dik tal-membru tal-familja tiegħu/tagħha u għandha tkun materja tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dak il- membru tal-familja, ukoll jekk il-minorenni mhuwiex/mhijiex individwalment applikant(a), sakemm huwa fl-aħjar interess tal-minorenni. L-istess trattament għandu jkun applikat lil tfal imwielda wara li l-applikant jasal fit-territorju tal-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li titnieda proċedura ġdida biex wieħed jinkariga ruħu minnhom.” |
22 |
L-Artikolu 27(1) tal-istess regolament jipprevedi: “L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.” |
23 |
L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi: “1. It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur […]. […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. […]” |
24 |
L-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bla dewmien bl-awtoritajiet responsabbli speċifiċi biex jissodisfaw obbligi li joħorġu minn dan ir-Regolament, u kull emenda għalihom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jeżegwixxu x-xogħlijiet tagħhom u b’mod partikolari għat-tweġibiet fil-limiti ta’ żmien preskritt għal talbiet għal informazzjoni, talbiet biex jittieħed inkarigu ta’ jew talbiet biex jittieħdu lura applikanti.” |
Id-dritt Irlandiż
25 |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija l-European Union (Dublin System) Regulations 2014 (ir-Regolament dwar l-Unjoni Ewropea (Sistema ta’ Dublin) tal-2014) (S.I. Nru 525/2014, iktar ’il quddiem ir-“regolament nazzjonali”). Id-dispożizzjonijiet prinċipali tiegħu għall-finijiet ta’ din il-kawża huma dawn li ġejjin. |
26 |
L-Artikolu 2(2) tar-regolament nazzjonali, jipprovdi li terminu, jew espressjoni, użata kemm f’dan ir-regolament u fir-Regolament Dublin III għandu jkollha l-istess tifsira bħal dik li dan it-terminu, jew li din l-espressjoni, għandha fir-regolament tal-Unjoni. |
27 |
L-espressjoni “deċiżjoni ta’ trasferiment” hija ddefinita fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament nazzjonali, bħala deċiżjoni meħudha mir-Refugee Application Commissioner (il-Kummissarju għar-Refuġjati, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju għar-Refuġjati”), skont ir-Regolament Dublin III, li jittrasferixxi applikant meta l-Istat, f’dan il-każ l-Irlanda, huwa l-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet it-talba jkun aċċetta r-responsabbiltà jew li jieħu lura lil dan l-applikant. |
28 |
L-Artikolu 3(1) tar-regolament nazzjonali jipprevedi li l-Kummissarju għar-Refuġjati jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Stat Membru li jkun qiegħed jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet it-talba. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jindika li l-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Stat Membru li qiegħed iwettaq it-trasferiment. |
29 |
Skont l-Artikolu 3(3) tar-regolament nazzjonali, il-Kummissarju għar-Refuġjati jeżerċita l-funzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Dublin III, li min-naħa tiegħu jagħmel riferiment għall-aħjar interess tal-wild “fil-proċeduri kollha previsti f’dan ir-regolament”. |
30 |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-regolament nazzjonali, applikant jista’ jappella minn deċiżjoni ta’ trasferiment. |
31 |
L-Artikolu 6(9) tar-regolament nazzjonali jipprovdi li l-qorti tal-appell tikkonferma jew tannulla d-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
32 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S.A., ċittadina ta’ pajjiż terz, daħlet fir-Renju Unit, b’viża għal soġġorn twil għal finijiet ta’ studju, matul is-sena 2010 u li, is-sena ta’ wara, M.A., li huwa wkoll ċittadin ta’ pajjiż terz, ingħaqad magħha wara li kiseb viża għal persuna dipendenti. A. Z., il-wild tagħhom, twieled fir-Renju Unit fi Frar 2014. Il-ġenituri ġeddew il-viża tagħhom kull sena sal-għeluq tal-istabbiliment skolastiku fejn S.A. kienet tistudja, peress li dan l-għeluq wassal għall-iskadenza tal-viża tagħhom. |
33 |
S.A. u M.A. sussegwentement marru l-Irlanda fejn, fit-12 ta’ Jannar 2016, huma ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal ażil. L-applikazzjoni tal-wild kienet inkluża f’dik ta’ ommu. |
34 |
Fis-7 ta’ April 2016, il-Kummissarju għar-Refuġjati bagħat lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talba sabiex jittieħdu inkarigu dawn l-applikazzjonijiet għal ażil abbażi tar-Regolament Dublin III. |
35 |
Fl-1 ta’ Mejju 2016, dan l-Istat Membru ta l-kunsens tiegħu għall-imsemmi teħid lura. |
36 |
S.A. u M.A. invokaw quddiem il-Kummissarju għar-Refuġjati problemi ta’ saħħa ffaċċjati minn M.A. kif ukoll il-fatt li l-wild kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Health Service Executive (l-Amministrazzjoni tas-Servizzi tas-Saħħa, l-Irlanda) minħabba problema ta’ saħħa. |
37 |
Il-Kummissarju għar-Refuġjati rrakkomanda t-trasferiment lejn ir-Renju Unit, billi qies, permezz ta’ deċiżjoni sfavorevoli għall-S.A. u M.A., li ma kienx hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III. |
38 |
S.A. u M.A. ikkontestaw id-deċiżjoni ta’ trasferiment quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) billi bbażaw ruħhom prinċipalment fuq dan l-Artikolu 17 u fuq motivi marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. |
39 |
Fl-10 ta’ Jannar 2017, din il-qorti kkonfermat id-deċiżjoni ta’ trasferiment wara li osservat li hija ma kinitx kompetenti teżerċita s-setgħa diskrezzjonali indikata fl-imsemmi Artikolu 17. Hija ċaħdet ukoll l-argumenti dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea minħabba li s-sitwazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni kienet dik eżistenti fid-data li fiha hija ntalbet tagħti deċiżjoni. |
40 |
S.A. u M.A. għalhekk ressqu kawża quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). |
41 |
Din il-qorti tqis li, bħala prinċipju, sabiex tiddeċiedi t-tilwima quddiemha, għandu jiġi ddeterminat, qabelxejn, l-implikazzjonijiet li jista’ jkollhom il-proċess ta’ rtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq is-sistema ta’ Dublin. |
42 |
Barra minn hekk, hija tindika li t-termini użati fir-regolament nazzjonali, li jirriflettu dawk stabbiliti fir-Regolament Dublin III, għandu jkollhom l-istess tifsira bħal dawn tal-aħħar. Hija għalhekk tiddeduċi minn dan li huwa neċessarju li jiġi interpretat dan l-aħħar regolament sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima pendenti quddiemha. |
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Sussidjarjament, din il-qorti talbet ukoll li l-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
45 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-talba dwar il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, fl-4 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-imħallef relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba. |
46 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa, prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jiċħad din it-talba, permezz tad-digriet tiegħu tal-20 ta’ Diċembru 2017, M.A. et (C-661/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:1024). |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
47 |
L-Irlanda ssostni li, peress li l-konsegwenzi legali tal-irtirar possibbli tar-Renju Unit mill-Unjoni għadhom ma humiex magħrufa, il-kwistjonijiet dwar tali konsegwenzi għandhom jitqiesu bħala ipotetiċi. Għaldaqstant, kwalunkwe deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu f’dan l-istadju fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti wara d-data li fiha huwa previst li dan l-Istat Membru ma jibqax Stat Membru tal-Unjoni, hija ta’ natura ipotetika. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C-470/12, EU:C:2014:101, punti 27 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix risposta għal domandi ta’ natura ipotetika jew konsultattivi. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkunu mitluba jiddeċiedu (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C-532/15 u C-538/15, EU:C:2016:932, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola, hija marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C-538/15, EU:C:2016:932, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C-532/15 u C-538/15, EU:C:2016:932, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju spjegat fid-dettall ir-raġuni għaliex hija qieset li, sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwima li hija adita biha, huwa meħtieġ li jiġu analizzati l-konsegwenzi li jista’ jkollha l-irtirar possibbli tar-Renju Unit mill-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Dublin III. |
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma tidhirx li hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha. Konsegwentement, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel domanda
53 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li Stat Membru, identifikat bħala “responsabbli” fis-sens ta’ dan ir-regolament, ikun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE jobbliga lill-Istat Membru li jwettaq din l-identifikazzjoni sabiex jeżamina huwa stess, b’applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1), l-applikazzjoni għal protezzjoni inkwistjoni. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-notifika minn Stat Membru dwar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE ma għandux bħala effett li jissospendi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan l-Istat Membru u li, konsegwentement, dan id-dritt jibqa’ kompletament fis-seħħ f’dan l-Istat sal-irtirar effettiv tiegħu mill-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 45). |
55 |
Kif ġie rrilevat fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Dublin III issostitwixxa r-Regolament Nru 343/2003. Fir-rigward tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan l-ewwel regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li peress li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni jikkorrispondu essenzjalment ma’ dawk tal-klawżola ta’ sovranità li kienet tinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija wkoll trasponibbli għall-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 53). |
56 |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, li huwa dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jindikaw bħala responsabbli. |
57 |
Permezz ta’ deroga għal dan l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tiġi ppreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu skont tali kriterji. |
58 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura fakultattiva sa fejn hija tħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru d-deċiżjoni dwar it-twettiq tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbiliti minn dan ir-regolament. L-eżerċizzju ta’ din il-fakultà ma huwiex, barra minn hekk, suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf, C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 36). L-imsemmija fakultà hija intiża sabiex tippermetti lil kull Stat Membru li jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk huwa ma jkunx responsabbli skont kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Fathi, C‑56/17, EU:C:2018:803, punt 53). |
59 |
Fid-dawl tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija b’dan il-mod lill-Istati Membri, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jixtieq jagħmel użu mill-fakultà mogħtija mill-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u li jaċċetta li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huwa ma jkunx responsabbli għaliha skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament. |
60 |
Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk koerenti, minn naħa, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet fakultattivi, li tindika li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Istati Membri (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, mal-għan tal-imsemmi Artikolu 17(1), jiġifieri l-preżervazzjoni tal-prerogattivi tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-dritt tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tat-5 ta’ Lulju 2018, X, C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li Stat Membru, identifikat bħala “responsabbli” fis-sens ta’ dan ir-regolament, ikun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE ma jobbligax lill-Istat Membru li jwettaq din l-identifikazzjoni li jeżamina huwa stess, b’applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1), l-applikazzjoni għal protezzjoni inkwistjoni. |
Fuq it-tieni domanda
62 |
Mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa li, fl-Irlanda, huwa il-Kummissarju għar-Refuġjati li jwettaq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabbiliti mir-Regolament Dublin III, filwaqt li l-eżerċizzju tal-klawżola diskrezzjonali, prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi żgurata mill-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza. |
63 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi li l-identifikazzjoni tal-Istat responsabbli b’applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament u l-eżerċizzju tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament għandhom jiġu żgurati mill-istess awtorità nazzjonali. |
64 |
Għandu jitfakkar, qabelxejn, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III hija parti integrali mill-mekkaniżmi għall-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal ażil previsti minn dan ir-regolament. Għalhekk, id-deċiżjoni, adottata minn Stat Membru fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, dwar jekk jeżaminax jew le applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha ma jkunx responsabbli fid-dawl tal-kriterji indikati fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, timplimenta d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et,, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Dublin III ma jinkludi, madankollu, l-ebda dispożizzjoni li tispeċifika liema awtorità hija awtorizzata li tieħu deċiżjoni b’applikazzjoni tal-kriterji ddefiniti minn dan ir-regolament dwar l-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jew skont il-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament. Dan tal-aħħar lanqas ma jispeċifika jekk Stat Membru għandux jafda r-responsabbiltà tal-applikazzjoni ta’ tali kriterji u tal-applikazzjoni ta’ din il-klawżola diskrezzjonali lill-istess awtorità. |
66 |
Għall-kuntrarju, l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li kull Stat Membru għandu jinnotifika bla dewmien lill-Kummissjoni “l-awtoritajiet responsabbli” b’mod partikolari għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament u kull bidla li tikkonċerna dawn l-awtoritajiet. |
67 |
Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta, fl-ewwel lok, li huwa Stat Membru li għandu jiddetermina liema awtoritajiet nazzjonali huma kompetenti sabiex japplikaw ir-Regolament Dublin III. Fit-tieni lok, l-espressjoni “l-awtoritajiet responsabbli” li tinsab f’dan l-Artikolu 35 timplika li Stat Membru huwa liberu li jafda l-inkarigu tal-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament dwar l-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u tal-applikazzjoni tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament lil awtoritajiet differenti. |
68 |
Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Dublin III, bħal pereżempju l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 20(2) u (4) jew l-Artikolu 21(3) tiegħu, li fihom intużaw l-espressjonijiet “l-awtoritajiet kompetenti tiegħu”, “l-awtoritajiet”, “għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat”, “l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru” jew “għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba”. |
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li l-identifikazzjoni tal-Istat responsabbli skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament u l-eżerċizzju tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament għandhom jiġu żgurati mill-istess awtorità nazzjonali. |
Fuq it-tielet domanda
70 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq Stat Membru li ma huwiex responsabbli, skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild u li jeżamina huwa stess din l-applikazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament. |
71 |
Peress li mill-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta diġà li l-eżerċizzju tal-fakultà mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari u li, bħala prinċipju, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina ċ-ċirkostanzi li fihom huwa jixtieq jagħmel użu minn din il-fakultà u jaċċetta li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha ma jkunx responsabbli skont il-kriterji ddefiniti minn dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-aħjar interessi tal-wild ma għandhomx jobbligaw Stat Membru jagħmel użu mill-imsemmija fakultà u li jeżamina huwa stess applikazzjoni li ma tkunx taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu. |
72 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil Stat Membru li ma huwiex responsabbli, skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild u li jeżamina huwa stess din l-applikazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament. |
Fuq ir-raba’ domanda
73 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-previżjoni ta’ appell mid-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) tal-istess regolament. |
74 |
Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell mid-deciżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, ta’ din id-deċiżjoni quddiem qorti. |
75 |
Għalhekk, dan l-artikolu ma jipprevedix b’mod espliċitu appell mid-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. |
76 |
Barra minn hekk, l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u b’mod partikolari tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, sottostanti l-proċedura stabbilita permezz tar-Regolament Dublin III u mfakkar fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, jitlob li ma jiġux immultiplikati r-rimedji ġudizzjarji. |
77 |
Ċertament, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa issa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u li jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jinkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti bl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. |
78 |
Madankollu, jekk Stat Membru jirrifjuta li jagħmel użu mill-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, dan iwassal neċessarjament, li dan l-Istat Membru jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment. Ir-rifjut ta’ Stat Membru li juża din il-klawżola jista’, jekk ikun il-każ, jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment. |
79 |
Konsegwentement, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li jiġi previst appell mid-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-fatt li din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
80 |
Barra minn hekk, u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, sa fejn id-domandi magħmula huma, f’dan il-każ, marbuta man-notifika tal-Istat Membru, li ġie ddeterminat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti mir-Regolament Dublin III, dwar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE, għandu jiġi indikat li din in-notifika, kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, ma għandhiex l-effett li tissospendi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan l-Istat Membru u li, konsegwentement, din il-liġi, li minnha tifforma parti s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, kif ukoll il-fiduċja reċiproka u l-preżunzjoni ta’ osservanza, mill-Istati Membri, tad-drittijiet fundamentali, tibqa’ kompletament fis-seħħ fl-imsemmi Stat Membru sal-irtirar effettiv tiegħu mill-Unjoni. |
81 |
Għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasferiment ta’ applikant lejn tali Stat Membru ma għandux jitwettaq jekk ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li din in-notifika twassal li dan l-applikant jaffaċċja riskju reali li jiġi suġġett f’dan l-Istat Membru għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 65). |
82 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li tali notifika ma tistax, fiha nnifisha, tiġi kkunsidrata bħala li twassal għall-espożizzjoni tal-persuna interessata għal tali riskju. |
83 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li s-Sistema Ewropea Komuni ta’ Asil inħolqot f’kuntest li tippermetti li jiġi preżunt li l-Istati Membri li jipparteċipaw fiha, kemm jekk huma Stati Membri kif ukoll Stati terzi, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fil-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Protokoll tal-1967, jiġifieri, il-prinċipju ta’ non-refoulement, kif ukoll fil-KEDB u, għaldaqstant, li dawn l-Istati jistgħu juru fiduċja reċiproka f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dawn id-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 78), peress li dawn l-istess Stati huma, barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punti 3 sa 5 ta’ din is-sentenza, kollha partijiet kemm għal din il-Konvenzjoni ta’ Genève u għal dan il-Protokoll tal-1967 kif ukoll għall-KEDB. |
84 |
It-tieni nett, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti lil applikant għal protezzjoni internazzjonali, minbarra l-kodifikazzjoni, fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-eżistenza tan-nuqqasijiet sistematiċi tal-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti fl-Istat identifikat bħala responsabbli, fis-sens ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-premessi 32 u 39 tal-imsemmi regolament, huma wkoll marbuta fl-applikazzjoni tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Artikolu 4 tal-Karta (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 63). Peress li dan l-Artikolu 4 jikkorrispondi għall-Artikolu 3 tal-KEDB, il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti prevista f’din l-ewwel dispożizzjoni għandha, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess sens u l-istess portata bħal dik mogħtija minn din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 67). |
85 |
It-tielet nett, kif ġie espost fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, peress li l-Istati Membri huma partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967, kif ukoll fil-KEDB, żewġ ftehimiet internazzjonali li fuqhom hija bbażata din is-Sistema Ewropea Komuni ta’ Asil, iż-żamma min-naħa ta’ Stat Membru tal-parteċipazzjoni tiegħu f’dawn il-konvenzjonijiet u dan il-protokoll ma hijiex marbuta mas-sħubija tiegħu fl-Unjoni. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jirtira mill-Unjoni ma taffettwax l-obbligi tiegħu li josserva l-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Protokoll tal-1967, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement, kif ukoll l-Artikolu 3 tal-KEDB. |
86 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix il-previżjoni ta’ appell mid-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-fatt li din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
Fuq il-ħames domanda
87 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni li huwa fl-aħjar interess tal-wild li s-sitwazzjoni ta’ dan il-wild tiġi ttrattata b’mod indissoċjabbli minn dik tal-ġenituri tiegħu. |
88 |
Għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III, li dan huwa l-każ. Minn dan jirriżulta li huwa biss fil-każ fejn ikun stabbilit li tali eżami mwettaq b’mod konġunt ma’ dak tal-ġenituri tal-wild ma huwiex fl-aħjar interess ta’ dan il-wild li jkun hemm lok li tiġi ttrattata s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar separatament minn dik tal-ġenituri tiegħu. |
89 |
Din il-konstatazzjoni hija konformi mal-premessi 14 sa 16, kif ukoll, fost oħrajn, mal-Artikolu 6(3)(a) u (4), mal-Artikolu 8(1) u mal-Artikolu 11 tar-Regolament Dublin III. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rispett għall-ħajja tal-familja u, b’mod partikolari, il-preżervazzjoni tal-unità tal-familja hija, bħala prinċipju, fl-aħjar interess tal-wild. |
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni li huwa fl-aħjar interess tal-wild li s-sitwazzjoni ta’ dan il-wild tiġi ttrattata b’mod indissoċjabbli minn dik tal-ġenituri tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.