SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Artikolu 4(2)(b) – Kundizzjoni li l-proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra l-qafas ta’ kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea li bis-saħħa tagħhom tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati – Oneru tal-prova – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – Artikolu 174 TFUE – Inizjattiva taċ-ċittadini ‘Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali’ – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Rifjut tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑420/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2016,

Balázs-Árpád Izsák, residenti f’Târgu Mureş (ir-Rumanija),

Attila Dabis, residenti f’Budapest (l-Ungerija),

irrappreżentati minn D. Sobor, ügyvéd,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Banks, K. Talabér-Ritz, H. Krämer u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

Ir-Repubblika Ellenika,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn R. H. Radu, C. R. Canţăr, C.‑M. Florescu, L. Liţu u E. Gane, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Balázs-Árpád Izsák u Attila Dabis qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni (T‑529/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:282), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2013) 4975 final tal-25 ta’ Lulju 2013 dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”, ippreżentata lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49), jiddikjara, fil-premessi 1, 2, 4 u 10 tiegħu:

“(1)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprovdi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Dik il-proċedura tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġi avviċinata direttament b’talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati b’mod simili għad-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u lill-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE.

(2)

Il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli. Huma għandhom jilħqu bilanċ għaqli bejn id-drittijiet u l-obbligi.

[…]

(4)

Il-Kummissjoni għandha, fuq talba, tipprovdi liċ-ċittadini informazzjoni u pariri informali dwar l-inizjattivi taċ-ċittadini, l-aktar fir-rigward tal-kriterji ta’ reġistrazzjoni.

[…]

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u t-trasparenza fir-rigward tal-inizjattivi taċ-ċittadini proposti u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikunu qed jinġabru firem għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ma tkunx konformi mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, għandu jkun mandatorju li tali inizjattivi jiġu reġistrati fuq websajt ipprovduta mill-Kummissjoni qabel il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ meħtieġa miċ-ċittadini. L-inizjattivi taċ-ċittadini proposti kollha li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jiġu reġistrati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tittratta r-reġistrazzjoni skont il-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.”

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 211/2011 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini kif previst fl-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 24 TFUE.”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘Inizjattiva taċ-ċittadini’ tfisser inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha;

[…]

(3)

‘Organizzaturi’ tfisser persuni fiżiċi li jiffurmaw kumitat taċ-ċittadini responsabbli għall-preparazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini u l-presentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.”

5

L-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta, l-organizzaturi għandhom ikunu meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Dik l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, f’reġistru online li jkun disponibbli għal dak il-għan mill-Kummissjoni (‘ir-reġistru’).

L-organizzaturi għandhom jipprovdu, għar-reġistru u fejn ikun xieraq fuq il-websajt tagħhom, informazzjoni aġġornata b’mod regolari dwar is-sorsi ta’ appoġġ u l-iffinanzjar għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Wara li r-reġistrazzjoni tkun ikkonfermata skont il-paragrafu 2, l-organizzaturi jistgħu jipprovdu l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni biex tiddaħħal fir-reġistru. It-traduzzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni għandha tkun ir-responsabbiltà tal-organizzaturi.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta’ kuntatt li jagħti informazzjoni u assistenza.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati;

[…]

3.   Il-Kummissjoni għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti.

Fejn tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif joħorġu mis-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

7

Fit-18 ta’ Ġunju 2013, l-appellanti, flimkien ma’ ħames persuni oħra, bagħtu lill-Kummissjoni proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem l-“IĊE”) intitolata “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE inkwistjoni”).

8

Fir-reġistru mqiegħed online mill-Kummissjoni għal dan il-għan, l-appellanti pprovdew, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 211/2011, l-informazzjoni minima deskritta fl-Anness II ta’ dan l-istess regolament (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni meħtieġa”), b’mod partikolari fir-rigward tal-espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett u tal-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

9

Mill-informazzjoni mogħtija mill-appellanti bħala parti mill-informazzjoni meħtieġa jirriżulta li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kienet intiża sabiex l-Unjoni, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom huma differenti minn dawk tar-reġjuni ta’ madwarhom.

10

Annessa mal-informazzjoni mogħtija bħala parti mill-informazzjoni meħtieġa, l-appellanti annettew, konformement mal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, informazzjoni iktar iddettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni supplimentari”).

11

Skont l-appellanti, il-politika ta’ koeżjoni rregolata mill-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE kellha, sabiex tissodisfa l-valuri fundamentali ddefiniti fl-Artikoli 2 TUE u 3 TUE, tikkontribwixxi għaż-żamma tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali, li kienu mhedda mill-integrazzjoni ekonomika Ewropea, u għall-korrezzjoni tal-iżvantaġġi u tad-diskriminazzjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp ekonomiku ta’ dawn ir-reġjuni. Għaldaqstant, l-att propost kellu jagħti lir-reġjuni b’minorità nazzjonali possibbiltà ta’ aċċess għall-fondi, għar-riżorsi u għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni ugwali għall-aċċess tar-reġjuni li attwalment huma eliġibbli, bħalma huma dawk elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 196). Skont l-appellanti, dawn il-garanziji setgħu jinkludu t-twaqqif ta’ istituzzjonijiet reġjonali awtonomi li jkollhom setgħat suffiċjenti sabiex jgħinu lir-reġjuni b’minorità nazzjonali jżommu l-karatteristiċi nazzjonali, lingwistiċi u kulturali tagħhom kif ukoll l-identità tagħhom.

12

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni għar-raġuni li, minn eżami fil-fond tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ċċitati f’din il-proposta u tal-bażijiet legali oħra possibbli kollha, irriżulta li l-imsemmija proposta kienet taqa’ manifestament barra l-qafas tal-kompetenzi tagħha li bis-saħħa tagħhom setgħet tippreżenta proposta għall-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Settembru 2013, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

14

Insostenn tar-rikors tagħhom, huma ressqu motiv wieħed ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji ta’ liġi meta rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

15

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kienet manifestament taqa’ barra mill-kompetenzi tagħha li bis-saħħa tagħhom setgħet tippreżenta proposta ta’ att legali f’dan ir-rigward.

16

Għaldaqstant, hija ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

It-talbiet tal-partijiet

17

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18

L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u taqta’ l-kawża fil-mertu jew tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

19

Il-Kummissjoni, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

20

Konformement mal-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet wara l-preżentazzjoni, fl-4 ta’ Ottubru 2018, tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi.

21

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Novembru 2018, ir-Rumanija talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

22

Dan l-Istat Membru, filwaqt li jikkontesta r-raġunament tal-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, essenzjalment isostni li l-Avukat Ġenerali qajjem żewġ argumenti li ma kinux indirizzati mill-partijiet. L-ewwel nett, l-Avukat Ġenerali allegatament inkluda r-reġjuni b’minorità nazzjonali fil-kategorija tar-reġjuni transkonfinali msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE. It-tieni nett, huwa allegatament sostna li r-riferiment għar-reġjuni transkonfinali li jinsab fl-Artikolu 174 TFUE kien ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-konklużjoni li dan l-artikolu għandu jiġi applikat konformement mas-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali tal-Istati Membri, u għalhekk konformement mal-Artikolu 4(2) TUE.

23

F’dan ir-rigward, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE jirriżulta li r-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 57, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Andersen, C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 33).

24

Għaldaqstant, il-fatt li parti ma taqbilx mal-imsemmija konklużjonijiet ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, u dan irrispettivament mill-kwistjonijiet eżaminati fihom (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 62, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 26).

25

B’dan premess, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 62).

26

Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Rumanija qiegħda parzjalment twettaq interpretazzjoni żbaljata tal-konklużjonijiet. Ir-raġunament tal-Avukat Ġenerali espost fil-punti 51 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk ir-reġjuni b’minorità nazzjonali jistgħux jiġu kklassifikati bħala reġjuni fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, b’mod partikolari bħala reġjuni li jbatu minn żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti, u, f’dan il-kuntest, jekk il-lista ta’ żvantaġġi li tinsab f’din id-dispożizzjoni hijiex ta’ natura indikattiva jew eżawrjenti. Issa, din il-kwistjoni, li tikkonċerna b’mod partikolari n-natura tal-imsemmija lista, li kienet tqajmet mill-appellanti fl-appell tagħhom, kienet diskussa fit-tul bejn il-partijiet.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-appell

29

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. It-tielet aggravju jikkonċerna ksur tal-Artikolu 4(2) TFUE u tal-Artikolu 174 TFUE. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 7 TFUE u 167 TFUE, tal-Artikolu 3(3) TUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta u tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “abbuż ta’ dritt” fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

30

Barra minn hekk, fit-talba tagħhom għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-appellanti talbu, fuq il-bażi tal-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipproduċu tliet aggravji ġodda, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fuq in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

31

Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel sat-tielet aggravji sa fejn, permezz tagħhom, l-appellanti qegħdin essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, b’mod partikolari fil-punti 72 sa 74, 81 u 85 sa 87 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji meta qieset li l-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni ma setgħux jikkostitwixxu bażi legali għall-adozzjoni tal-att propost.

L-argumenti tal-partijiet

32

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom, kif joħorġu mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta kkonstatat, fil-punti 81 u 85 tas-sentenza appellata, li la kienu stabbilixxew li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, kemm mill-Unjoni u kemm mill-Istati Membri, kienet qiegħda thedded il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali u lanqas ma kienu stabbilixxew li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali setgħu jitqiesu bħala żvantaġġ demografiku gravi u permanenti, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, qabel ma wettqet tali konstatazzjoni, kien imissha informathom li kien l-obbligu tagħhom li jressqu prova ta’ tali fatti.

33

Għaldaqstant, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq sempliċi suppożizzjonijiet, kif jirriżulta barra minn hekk mill-formulazzjoni tal-punt 87 tas-sentenza appellata.

34

Skont il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

35

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti, sostnuti mill-Ungerija, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li kisret l-Artikolu 11(4) TUE u li naqset milli tikkunsidra l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 meta qieset, fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata, li l-Artikoli 174 TFUE, 176 TFUE, 177 TFUE u 178 TFUE ma setgħux jikkostitwixxu bażi legali għall-adozzjoni tal-att propost u li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni ma kinitx tissodisfa, għaldaqstant, din il-kundizzjoni.

36

F’dan ir-rigward, huma jsostnu, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati UE u FUE ma jillimitawx id-dritt li tiġi proposta IĊE għall-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva. Skonthom, dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat ukoll fl-oqsma b’kompetenzi kondiviżi, inkluż, għaldaqstant, il-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, ippreżentata fuq il-bażi tal-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE, teħtieġ proċess leġiżlattiv applikabbli għal kompetenzi kondiviżi.

37

Issa, skont l-appellanti, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat rendikont żbaljat tal-informazzjoni supplimentari u, b’hekk, tat lill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kontenut li ma setax jiġi dedott mid-dokumenti mibgħuta mill-organizzaturi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar kienu qegħdin jistennew b’mod ċar li l-att propost, l-ewwel nett, jagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġjun b’minorità nazzjonali” kif ukoll joħloq il-qafas legali u istituzzjonali ta’ tali reġjun u, it-tieni nett, bħala anness, jidentifika b’isimhom ir-reġjuni b’minorità nazzjonali eżistenti. Għall-kuntrarju, l-organizzaturi ma kinux qegħdin jistennew li l-att propost jobbliga lill-Istati Membri jiddefinixxu l-imsemmi kunċett jew jistabbilixxu l-lista tar-reġjuni. Il-fatt li l-organizzaturi ma speċifikawx fid-dettall il-proċedura li kellha tiġi segwita sabiex jiġi adottat l-att propost ma jistax ikollu impatt fuq ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni sa fejn l-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE jippermettu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta’ tali att.

38

It-tieni nett, l-appellanti u l-Ungerija jallegaw li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, kisret l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 meta qieset li l-kundizzjoni stabbilita fih ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, skonthom, minn interpretazzjoni grammatikali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE fil-każ biss li din tkun manifestament taqa’ barra mill-qafas tal-kompetenzi li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Issa, apparti l-fatt li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-kuntest tar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE, il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni taqa’ b’mod ċar fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni u għandha l-għan li ttejjeb il-qafas regolatorju eżistenti sabiex jiġu protetti l-għanijiet imfittxija u l-valuri rrikonoxxuti mill-Unjoni. Barra minn hekk, meta kkonfermat tali konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi.

39

Fl-aħħar nett, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma tatx deċiżjoni, fis-sentenza appellata, dwar il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 fir-rigward tan-natura manifesta tal-assenza ta’ kompetenzi tal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali b’hekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, u dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni jiġġustifika, waħdu, l-annullament tas-sentenza appellata.

40

Skont il-Kummissjoni, sostnuta fil-pożizzjoni tagħha mir-Rumanija u mir-Repubblika Slovakka, sa fejn, permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin idaħħlu inkwistjoni l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar is-suġġett tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, li jinkludu evalwazzjoni ta’ natura fattwali li taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Qorti Ġenerali, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa ineffettiv jew infondat. Il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta, fil-punti 66 sa 90 tas-sentenza appellata, qieset li, fid-dawl tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni u fil-kuntest ta’ eżami preliminari tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, din tal-aħħar manifestament ma setgħetx tipproponi l-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li jikkorrispondi għall-att propost, fuq il-bażi tal-Artikoli 174 TFUE, 176 TFUE, 177 TFUE u 178 TFUE.

41

Ir-Rumanija tenfasizza, b’mod partikolari, il-fatt li l-Unjoni ma għandhiex, fuq il-bażi tat-Trattati, kompetenza leġiżlattiva espliċita fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu lill-minoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-Unjoni ma tistax taġixxi f’dan il-qasam billi tgħawweġ l-għanijiet tal-kompetenzi li hija għandha f’oqsma oħra, bħalma huma l-kultura, l-edukazzjoni jew il-politika reġjonali. Fl-aħħar nett, l-Unjoni manifestament ma tistax takkwista kompetenzi ġodda fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu lill-minoritajiet nazzjonali permezz ta’ IĊE.

42

Ir-Repubblika Slovakka żżid, b’mod partikolari, li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw l-appellanti, l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 ma jistax jiġi interpretat, għas-sempliċi raġuni li f’din id-dispożizzjoni jintuża l-avverbju “manifestament”, fis-sens li l-Kummissjoni, fil-fażi tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, għandha twettaq biss eżami prima facie. F’din il-kawża, ma kienx meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tieħu pożizzjoni, fis-sentenza appellata, dwar it-tifsira ta’ din il-kelma.

43

Dan l-Istat Membru josserva wkoll li l-kritika magħmula mill-appellanti fil-konfront tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-att propost kien ser jobbliga lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kunċett ta’ “reġjun b’minorità nazzjonali” u jistabbilixxu lista ta’ dawn ir-reġjuni, hija r-riżultat ta’ żball li jinsab fil-verżjoni bl-Ungeriż ta’ dan il-punt.

44

Fuq dan il-punt, l-appellanti jirribattu li, fi kwalunkwe każ, għandha tingħata prijorità lill-verżjoni bl-Ungeriż tas-sentenza appellata sa fejn l-Ungeriż huwa l-lingwa tal-kawża f’dan il-każ.

45

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti, sostnuti mill-Ungerija, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, b’interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 174 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TFUE, sa fejn jidher li tat natura eżawrjenti lil-lista ta’ “żvantaġġi” li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE.

46

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari mill-verżjonijiet bl-Ungeriż u bl-Ingliż ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din il-lista għandha natura indikattiva. Issa, għalkemm ma ħaditx pożizzjoni espliċita dwar dan il-punt, mill-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata jista’ jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali qieset li din il-lista għandha natura eżawrjenti. Fi kwalunkwe każ, jekk madankollu jitqies li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, irrikonoxxiet b’mod impliċitu l-possibbiltà li l-imsemmija lista’ tista’ titwessa’, f’dan il-każ ikollu jiġi dedott li, minħabba din il-motivazzjoni ambigwa, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

47

Barra minn hekk, meta kkonkludiet, f’dan l-istess punt 87 tas-sentenza appellata, li ma kienx stabbilit li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali jikkostitwixxu sistematikament, għall-iżvilupp ekonomiku tal-imsemmija reġjuni, żvantaġġ fil-konfront tar-reġjuni ta’ madwarhom, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll it-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE sa fejn diversi argumenti u elementi ta’ data fil-forma ta’ statistika sottomessi fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistabbilixxu li r-reġjuni b’minorità nazzjonali jbatu minn żvantaġġ demografiku gravi u kostanti.

48

L-appellanti jsostnu wkoll li anki l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 1059/2003 diġà jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni.

49

L-Ungerija, filwaqt li essenzjalment issostni dan ir-raġunament, tfakkar b’mod partikolari li fid-dritt tal-Unjoni diġà jeżistu atti legali li jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, il-karatteristiċi msemmija fil-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

50

Il-Kummissjoni, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka jqisu, filwaqt li jesprimu l-qbil tagħhom mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li huwa s-suġġett tat-tielet aggravju, li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk tali proposta tissodisfax il-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni stabbiliti, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu. B’hekk, konformement mal-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar is-suġġett u dwar l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE mogħtija mill-organizzaturi tal-IĊE, jew b’mod obbligatorju, jew b’mod fakultattiv, konformement mal-Anness II tal-imsemmi regolament (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 45).

52

Kif huwa mfakkar fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament għandha tittieħed konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li twettaq eżami diliġenti u imparzjali li, fost oħrajn, jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 47).

53

Barra minn hekk, konformement mal-għanijiet imfittxija mill-IĊE, kif iddikjarati fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011, u li huma, b’mod partikolari, li tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u li l-Unjoni tkun iktar aċċessibbli, il-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament għandha tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, meta titressaq proposta ta’ IĊE quddiemha, b’mod li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 49).

54

B’hekk, huwa biss fil-każ li proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tas-suġġett tagħha u tal-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, mill-informazzjoni supplimentari mogħtija mill-organizzaturi b’applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, taqa’ manifestament barra mill-qafas tal-kompetenzi li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 50).

55

Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 72 sa 89 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li la l-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE u lanqas xi dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE, ma kienu jippermettu l-adozzjoni tal-att propost u li din l-istituzzjoni setgħet, għalhekk, tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, kif deskritta, b’mod iktar iddettaljat, b’mod partikolari, fil-punti 3 u 5 sa 8 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-għan ta’ din il-proposta kien li jiġi żgurat li, bl-adozzjoni tal-att propost, l-Unjoni tagħti, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tagħha, attenzjoni partikolari lir-“reġjuni b’minorità nazzjonali”, jiġifieri lir-reġjuni li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tagħhom huma differenti minn dawk tar-reġjuni ta’ madwarhom. Għaldaqstant, b’mod iktar partikolari, l-Unjoni kienet qiegħda tintalab tieħu, fuq il-bażi, b’mod partikolari tal-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE, miżuri ta’ sostenn, ta’ ħarsien jew ta’ żvilupp favur tali reġjuni, jew, minn tal-inqas, tieħu iktar inkunsiderazzjoni dawn ir-reġjuni, reġjuni li, fil-fehma tal-organizzaturi, huma ħafna drabi żvantaġġati meta mqabbla mar-reġjuni ta’ madwarhom.

57

Fir-rigward tal-eżami li l-Qorti Ġenerali wettqet, f’dan il-każ, sabiex tivverifika jekk l-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE setgħux jikkostitwixxu bażijiet legali għal dan l-iskop, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali indirizzat din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-punti 81, 85 u 87 tas-sentenza appellata, li huma s-suġġett tal-ewwel aggravju, bħala kwistjoni li essenzjalment tikkonċerna evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ provi, u f’dan ir-rigward qiegħdet l-oneru tal-prova fuq l-appellanti.

58

B’hekk, wara li fil-punt 80 tas-sentenza appellata ddikjarat li l-argumenti tal-appellanti f’dan il-kuntest kienu bbażati fuq allegazzjonijiet li bl-ebda mod ma kienu ssostanzjati u li, a fortiori, ma kinux stabbiliti, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-appellanti ma kinux stabbilixxew li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, kemm mill-Unjoni u kemm mill-Istati Membri, kienet ta’ theddida għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali.

59

Min-naħa l-oħra, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti lanqas ma kienu stabbilixxew li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali setgħu jitqiesu bħala żvantaġġ demografiku gravi u permanenti, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE.

60

Issa, meta rraġunat b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

61

Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-kwistjoni ta’ jekk il-miżura proposta fil-kuntest ta’ IĊE taqax fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li bis-saħħa tagħhom tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, ma tikkostitwixxix, prima facie, punt ta’ fatt jew evalwazzjoni ta’ prova suġġetta, bħala tali, għar-regoli dwar l-oneru tal-prova, iżda tikkostitwixxi essenzjalment kwistjoni ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati inkwistjoni.

62

B’hekk, meta titressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE quddiemha, il-Kummissjoni f’dan l-istadju ma hijiex meħtieġa tivverifika li tressqet il-prova tal-punti ta’ fatt invokati kollha u lanqas ma hija meħtieġa tivverifika li l-motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata l-proposta u l-miżuri proposti hija suffiċjenti. Hija għandha sempliċement teżamina, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, jekk, minn perspettiva oġġettiva, tali miżuri kkunsidrati b’mod astratt jistgħux jiġu adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

63

Minn dan isegwi li, meta qieset li l-appellanti kienu obbligati jipprovaw li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-att propost fuq il-bażi tal-Artikoli 174 TFUE, 176 TFUE, 177 TFUE u 178 TFUE kienu ssodisfatti f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ħadet, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 35 sa 38 u 57 sa 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, pożizzjoni żbaljata fir-rigward tal-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u tat-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-organizzaturi ta’ IĊE u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċess ta’ reġistrazzjoni li jirriżulta minn dan.

64

Fil-fatt, tali premessa ma tistax tkun konformi mal-prinċipji, imfakkra fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, li minnhom joħroġ li l-Kummissjoni, meta ssirilha proposta ta’ IĊE, hija obbligata tinterpreta u tapplika l-imsemmija kundizzjoni għal reġistrazzjoni b’mod li tiżgura aċċessibbiltà faċli għall-IĊE u li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta fil-każ biss li tkun manifestament taqa’ barra mill-qafas tal-kompetenzi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 4950).

65

Fit-tieni lok, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, b’mod iktar speċifiku, li, b’mod partikolari fil-punt 86 tas-sentenza appellata, adottat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 174 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(ċ) TFUE, għandu jiġi osservat li, fil-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk reġjuni bħal dawk koperti mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, jiġifieri reġjuni b’minorità nazzjonali, jistgħux, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, jitqiesu li huma reġjuni fis-sens tal-Artikolu 174 TFUE u jekk jistgħux għalhekk ikunu s-suġġett ta’ miżuri fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, adottati taħt din id-dispożizzjoni.

66

F’dan il-kuntest, wara li eżaminat, b’mod iktar partikolari, jekk dawn il-karatteristiċi, ta’ natura etnika, kulturali, reliġjuża jew lingwistika, kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “żvantaġġ demokrafiku gravi u permanenti”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, wieġbet fin-negattiv għal din il-kwistjoni.

67

Il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li mill-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jew mid-dritt sekondarju ma jistax jiġi dedott li l-imsemmi kunċett “jista’ jinkludi l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali”.

68

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Artikolu 174 TFUE jiddeskrivi l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni f’termini ġenerali u jagħti lill-Unjoni marġni ta’ manuvra wiesa’ fir-rigward tal-azzjoni li tista’ tieħu fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali filwaqt li tittieħed interpretazzjoni wiesgħa tar-reġjuni li jistgħu jkunu kkonċernati minn dawn l-azzjonijiet.

69

B’mod partikolari, il-lista, li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, tar-reġjuni “li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti” għandha, kif juri l-użu tal-kliem “[f]ost ir-reġjuni konċernati” u “bħal per eżempju” f’din id-dispożizzjoni, natura indikattiva u mhux eżawrjenti.

70

Madankollu, u kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 87 u 89 tas-sentenza tagħha, il-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minorità nazzjonali ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu sistematikament, fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, żvantaġġ fil-konfront tar-reġjuni ta’ madwarhom.

71

Minn dan isegwi li, meta fil-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata eskludiet li reġjun b’minorità nazzjonali jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tiegħu, jagħmel sistematikament parti minn “reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett il-kunċett ta’ “reġjun ikkonċernat” li jinsab f’din id-dispożizzjoni u, għalhekk, ma wettqitx żball ta’ liġi dwar dan il-punt.

72

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, meta qieset li, għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, l-appellanti kienu obbligati jipprovaw li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 kienet issodisfatta, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

73

Għalhekk, l-appell għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati la l-argumenti l-oħra mqajma insostenn tal-ewwel sat-tielet aggravji u lanqas l-aggravji l-oħra. Bl-istess mod, ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà jew il-fondatezza tal-aggravji l-ġodda li l-appellanti talbu li jressqu.

Fuq it-tilwima fl-ewwel istanza

74

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi l-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

75

F’dan il-każ, il-kawża tinsab fi stat li tiġi deċiża.

76

B’mod partikolari mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 72 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-aggravju tal-appellanti bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 meta rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni huwa fondat.

77

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

78

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

79

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

80

Peress li l-appellanti talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, u peress li din tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

81

Konformement mal-Artikolu 184(4) tal-istess Regoli, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Mejju 2016, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni (T‑529/13, EU:T:2016:282), hija annullata.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 4975 final tal-25 ta’ Lulju 2013 dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “Politika ta’ koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u għas-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali” hija annullata.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

 

4)

L-Ungerija, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.