SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Appell — Kompetizzjoni — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi lill-impriża pubblika Danske Statsbaner (DSB) — Kuntratti ta’ servizz pubbliku għall-provvista ta’ servizzi ferrovjarji bejn Kopenħagen (id-Danimarka) u Ystad (l-Isvezja) — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet — Applikazzjoni rationae temporis tar-regoli tad-dritt sostantiv”

Fil-Kawża C‑303/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-3 ta’ Ġunju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati u T. Maxian Rusche, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Jørgen Andersen, residenti fi Ballerup (id-Danimarka), irrappreżentat minn J. Rivas Andrés, G. van de Walle de Ghelcke u M. Nissen, avocats,

rikorrent fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Dansk Tog, stabbilita fi Kopenħagen, irrappreżentata minn J. Rivas Andrés, G. van de Walle de Ghelcke u M. Nissen, avocats,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, advokat,

Danske Statsbaner SV (DSB), stabbilita fi Kopenħagen, irrappreżentata minn M. Honoré, advokat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Arabadjiev (Relatur), C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Andersen vs Il-Kummissjoni (T‑92/11, EU:T:2013:143, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha hija annullat parzjalment id-Deċiżjoni Nru 2011/3/UE tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2010, dwar il-kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport bejn il-Ministeru Daniż tat-Trasport u Danske Statsbaner [Għajnuna mill-Istat C 41/08 (ex NN 35/08)] (ĠU 2011, L 7, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2

Permezz tal-appelli inċidentali rispettivi tagħhom, Danske Statsbaner SV (DSB) (iktar ’il quddiem “DSB”) u r-Renju tad-Danimarka talbu wkoll l-annullament tas-sentenza appellata.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69

3

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri li tikkonċerna l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1892/91 tal-20 ta’ Ġunju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314, iktar ’il-quddiem ir-“Regolament Nru 1191/69”):

“1.   Kull obbligu li wieħed jopera jew iġorr, għandu jitqies li jimponi żvantaġġi ekonomiċi meta t-tnaqqis tal-piż finanzjarju li jista’ jirriżulta minħabba t-terminazzjoni totali jew parzjali ta’ l-obbligu, fir-rigward ta’ operazzjoni jew grupp ta’ operazzjonijiet affetwati minn dak l-obbligu, jeċċedi t-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn dik it-terminazzjoni.

[...]

2.   Obbligu dwar tariffi għandu jitqies li joħloq żvantaġġi ekonomiċi meta d-differenza bejn id-dħul mit-traffiku li għalih japplika l-obbligu u l-piż finanzjarju ta’ dan it-traffiku tkun inqas mid-differenza bejn id-dħul li jista’ jiġi ġenerat minn dak it-traffiku u l-piż finanzjarju relattiv jekk ix-xogħol isir fuq bażi kummerċjali, waqt li jiġu kkunsidrati kemm l-ispejjeż ta’ dawk l-operazzjonijiet li huma soġġetti għall-obbligu kif ukoll il-qagħda tas-suq.”

4

L-Artikolu 14(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   ‘Kuntratt ta’ servizz pubbliku’ jfisser kull kuntratt magħmul bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u kull intrapriża tat-trasport sabiex jiġi provdut lill-pubbliku servizz ta’ trasport adegwat.

Kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jkopri l-iktar:

servizzi ta’ trasport li jissodisfaw standards fissi ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità,

servizzi ta’ trasport addizzjonali,

servizzi ta’ trasport b’rati speċifiċi u bla ħsara għal kondizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal ċerti kategoriji ta’ passiġġgieri jew fuq ċerti rotot,

aġġustamenti ta’ servizzi għal ħtiġiet attwali.

2.   Kull kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkopri, fost l-oħrajn, is-segwenti punti:

a)

in-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, l-aktar l-istandards ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità;

b)

il-prezz tas-servizzi koperti bil-kuntratt, li għandu jkun jew miżjud mad-dħul ta’ tariffa jew għandu jinkludi d-dħul, u dettalji dwar relazzjonijiet finanzjarji bejn iż-żewġ partijiet;

ċ)

ir-regoli dwar emendi u modifikazzjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari biex jieħu in kunsiderazzjoni tibdiliet li ma humiex imbassra;

d)

il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt;

e)

il-penali fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt.”

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007

6

L-Artikolu 4(1) u (3) tar-Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, p. 1), jipprevedi b’mod partikolari:

“1.   Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

a)

jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku li magħhom għandu jkun konformi l-operatur ta’ servizz pubbliku u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

b)

jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

ii)

in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija,

b’mod li jevita l-kumpens żejjed. Fil-każ ta’ kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) u (6) dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b’tali mod li l-ebda pagament ta’ kumpens ma jista’ jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kont meħud tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta’ servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

c)

jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, il-ħlasijiet ta’ infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ vetturi tat-trasport pubbliku, rolling stock u installazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri, spejjeż fissi u dħul adegwat fuq il-kapital.

2.   Kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ ta’ biljetti li jista’ jinżamm mill-operatur ta’ servizz pubbliku, jitħallas lura lill-awtorità kompetenti jew jinqasam bejn it-tnejn.

3,   It-tul ta’ żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku għandu jkun limitat u m’għandux jeċċedi [...] 15-il sena għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew b’modi ferrovjari oħrajn.”

7

L-Artikolu 5(1), (3) u (6) ta’ dan ir-regolament jippreċiża:

“1.   Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. [...]

[...]

3.   Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta’ offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista’ tinvolvi negozjati skond dawn il-prinċipji sabiex jiġi ddeterminat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

[...]

6.   Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta’ mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. B’deroga mill-Artikolu 4(3), tali kuntratti m’għandhomx jeċċedu l-10 snin [...]”

8

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.

2.   Fuq talba bil-miktub mingħand il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fi żmien tliet xhur jew fi kwalunkwe perijodu itwal li jista’ jiġi stipulat f’dik it-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa biex tiddetermina jekk il-kumpens mogħti huwiex kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.”

9

L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Tranżizzjoni” jiddikjara fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma’ l-Artikolu 5 mit-3 ta’ Diċembru 2019. Matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma’ l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b’mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta’ progress ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa ndirizzati lill-Istati Membri.

3.   Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m’għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

a)

qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

b)

qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

ċ)

mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

d)

mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f’(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f’(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f’(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.”

10

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1370/2007:

“Kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità ma’ obbligi ta’ tariffa stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali mħallsa skond dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat [KE].”

11

Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

“Ir-Regolament [...] nru 1191/69 huwa revokat. [.. . ]”

12

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 12 tiegħu.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

Jørgen Andersen jeżerċita, taħt l-isem kummerċjali Grahundbus v/ Jørgen Andersen, attivitajiet ta’ servizzi ta’ trasport bil-coaches fid-Danimarka u barra mid-Danimarka. Huwa jipprovdi, b’mod partikolari, rotta bejn Kopenħagen (Danimarka) u Ystad (Svezja). Ystad huwa konness permezz ta’ passaġġ tal-ilma mal-gżira ta’ Bornholm (Danimarka).

14

DSB hija l-operatriċi storika fil-qasam tat-trasport ferrovjarju fid-Danimarka. Fid-data tal-fatti inkwistjoni, DSB kienet totalment proprjetà tal-Istat Daniż u żgurat servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u servizzi relatati.

15

Wara l-abolizzjoni tal-monopolju ta’ DSB fl-1 ta’ Jannar 2000, jeżistu fid-Danimarka żewġ skemi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, jiġifieri t-traffiku liberu, operat fuq bażi kummerċjali, u t-traffiku ta’ servizz pubbliku, irregolat b’kuntratti ta’ servizz pubbliku li jistgħu jipprevedu l-ħlas ta’ kumpens għar-rotot operati.

16

Matul is-snin 2000 sa 2004, DSB ibbenefikat minn kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport fuq il-linji ewlenin u l-linji reġjonali. Mill-15 ta’ Diċembru 2002, dan il-kuntratt kien ikopri wkoll ir-rotta bejn Kopenħagen u Ystad li, qabel, kienet suġġetta għal skema ta’ traffiku liberu.

17

Matul is-snin 2005 sa 2014, DSB ibbenefikat minn kuntratt ġdid ta’ servizz ta’ trasport pubbliku fuq il-linji ewlenin u l-linji reġjonali, ir-rotot internazzjonali mal-Ġermanja kif ukoll ir-rotta bejn Kopenħagen u Ystad.

18

Wara l-preżentata ta’ żewġ ilmenti, li wieħed minnhom li kien ġej minn Jørgen Andersen, kontra l-kuntratti ta’ servizz pubbliku li minnhom kienet tibbenefika DSB, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-10 ta’ Settembru 2008, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat, fl-24 ta’ Frar 2010, id-deċiżjoni kkontestata, li tagħha l-Artikoli 1 sa 3 tad-dispożittiv jinqraw kif ġej:

“Artikolu 1

Il-kuntratti ta’ servizz pubbliku konklużi bejn il-Ministeru Daniż tat-Trasport Pubbliku u [DSB] jinvolvu għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1), [TFUE].

Din l-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 93 tat-TFUE sakemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 3 ta’din id-Deċiżjoni ikunu rispettati.

Artikolu 2

Id-Danimarka ddaħħal f’kull kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ Danske Statsbaner fis-seħħ l-iskema ta’ restituzzjoni deskritta fil-premessi 222 sa 240 u 356 ta’ din id-Deċiżjoni li l-karatteristiċi ewlenin tagħha huma dawn:

Aġġustament tal-ħlasijiet kuntrattwali fl-aħħar tas-sena finanzjarja għad-determinazzjoni ta’ tnaqqis gross ikkalkulat fuq il-bażi ta’ din l-ekwazzjoni:

Total tad-dħul – profitt raġonevoli – Total tan-nefqa = tnaqqis gross

Modulazzjoni tat-tnaqqis gross biex jiġu kkunsidrati kisbiet fl-effiċjenza u ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz skont l-ekwazzjoni u l-parametri li ġejjin:

Skema ta’ restituzzjoni = tnaqqis gross – korrezzjoni (spejjeż Δ. + pas.km Δ) = tnaqqis nett

spejjeż Δ: tnaqqis tal-ispejjeż (għal kull kilometru-passiġġier) meta mqabbel mal-ispiża medja tal-aħħar tal-aħħar erba’ snin, skont il-kalkolu: differenzjal fl-ispiża għal kull kilometru-passiġġier (f’perċentwal) meta mqabbel mal- ispiża medja tal-aħħar erba’ snin immultiplikat b’bażi ta’ spiża totali; u

pas.km Δ: żieda fit-traffiku tal-passiġġieri mkejla f’kilometri-passiġġieri (0,80 [kuruna Daniżi DKK] għal kull kilometru-passiġġier);

it-total tat-tnaqqis marbut mat-titjib fil-prestazzjonijiet ma jistax jaqbeż it-tnaqqis gross ta’ sena partikolari. It-tnaqqis nett huwa għalhekk bejn żero u t-tnaqqis gross.

L-istabbiliment ta’ limitu massimu għall-iskema ta’ restituzzjoni li jiggarantixxi ż-żamma ta’ profitt fil-livell raġonevoli skont il-formola u l-karatteristiċi li ġejjin:

Profitt raġonevoli (6 %) + aġġustamenti (Spejjeż Δ: + pas:km Δ Kapital ta’ ekwità< 12 %

Il-kalkolu jikkunsidra biss il-parti tal-kapital ta’ ekwità li tirrigwarda l-attività ta’ servizz pubbliku ta’ DSB;

Il-limitu massimu tal-profitt raġonevoli huwa ffissat għal qligħ fuq il-kapital ta’ ekwità ta’ 12 %, imniżżel għal 10 % fuq tliet snin.

Artikolu 3

Il-kumpens li jista’ jitħallas lil DSB mill-kumpanija AnsaldoBreda minħabba d-dewmien fil-kunsinna tal-materjal ferrovjarju għandu jingħata lill-Istat Daniż.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2011, Jørgen Andersen ressaq kawża għall-annullament tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

20

B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2011, ir-Renju tad-Danimarka u DSB talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digrieti tat-22 ta’ Ġunju 2011, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi.

21

Insostenn tar-rikors, Jorgen Andersen qajjem tliet motivi, li minnhom it-tielet wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi applikat għall-fatti tal-każ ir-Regolament Nru 1380/2007 minflok ir-Regolament Nru 1191/69, wettqet żball ta’ liġi.

22

Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv u konsegwentement annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

23

F’dan ir-rigward, wara li fakkret, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward ta’ għajnuna mħallsa fl-assenza ta’ notifika minn qabel, ir-regoli tad-dritt applikabbli huma dawk fis-seħħ fiż-żmien li fih l-għajnuna tkun tħallset, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 46 u 48 ta’ din is-sentenza, qieset li, f’din il-kawża, il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern kellha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-ħlas tagħhom, jiġifieri r-Regolament Nru 1191/69, u li l-Kummissjoni, peress li applikat għal dan il-għan ir-Regolament Nru 1370/2007, kienet wettqet żball ta’ liġi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2013, l-assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Daniż Dansk Tog, talbet, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li titħalla tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet ta’ Jørgen Andersen. Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ April 2014, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

25

Il-Kummissjoni, permezz tal-appell tagħha, u DSB, permezz tal-appell inċidentali tagħha, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lil Jørgen Andersen għall-ispejjeż;

sussidjarjament, tiddikjara t-tielet motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala infondat, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

26

Ir-Renju tad-Danimarka, permezz tal-appell inċidentali tiegħu, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi li l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

27

Jørgen Andersen jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

prinċipalment, tiċħad l-appell u l-appelli inċidentali kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni, lil DSB u lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-appell u l-appelli inċidentali rispettivi tagħhom;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

28

Dansk Tog titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

prinċipalment, tiċħad l-appell u l-appelli inċidentali;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni, lil DSB u lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż li hija sostniet.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

29

Il-proċedura orali ngħalqet fil-21 ta’ Mejju 2015 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

30

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, DSB talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

31

Insostenn ta’ din it-talba, DSB argumentat li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet legali li fuqhom il-partijiet fil-proċedura ma kellhomx biżżejjed opportunità jiskambjaw il-fehmiet tagħhom.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza Commerz Nederland, C-242/13, EU:C:2014:2224, punt 26).

33

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE, l-Avukat Ġenerali għandu bħala dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalita u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 57)

34

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. Għalhekk, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq l-appell prinċipali

L-argumenti tal-partijiet

35

Insostenn tal-appell tagħha, l-Kummissjoni tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, billi kkontestatilha li applikat retroattivament ir-Regolament Nru 1370/2007 għall-fatti tal-kawża, kisret l-Artikoli 108(2) u (3) TFUE, 288 TFUE u 291(1) TFUE.

36

Il-Kummissjoni tirrileva li hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt ir-reġim tar-regola l-qadima u, min-naħa l-oħra, li r-regoli tal-liġi sostantiva tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħhom, mill-għanijiet tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom.

37

Il-Kummissjoni tosserva li t-tieni ipoteżi biss hija applikazzjoni retroattiva tar-regola l-ġdida u tqis, konsegwentement, li l-kwistjoni deċiżiva f’dan il-każ hija jekk għajnuna illegali taqax taħt waħda jew oħra minn dawn l-ipoteżi.

38

Il-Kummissjoni tippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Freistat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709) li hija tista’ tapplika regola ġdida għal kull proġett ta’ għajnuna, inkluż f’każijiet fejn in-notifika ta’ dan tal-aħħar tippreċedi d-dħul fis-seħħ ta’ din ir-regola l-ġdida.

39

Fil-fatt, fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli, il-prinċipji u l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà jistgħu, bħala prinċipju, jitqiesu li huma iktar adatti għall-kuntest kompetittiv, u li n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna hija biss obbligu proċedurali li ma tistax ikollha bħala effett li tistabbilixxi s-sistema legali applikabbli għall-għajnuna li tkun is-suġġett tagħha.

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, li n-notifika minn Stat Membru dwar għajnuna ppjanata ma toħloqx sitwazzjoni legali definittivament stabbilita u ma toħloqx aspettattiva leġittima li jimplika li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni billi tapplika regoli fis-seħħ fid-data li fiha tkun saret in-notifika.

41

Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, fis-sentenza Diputacion Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09, EU:C:2011:372, punti 125 u 128), l-ewwel nett, li l-applikazzjoni ta’ regoli ġodda għal għajnuna legali ma tkoprix sitwazzjoni miksuba qabel, iżda tkopri sitwazzjoni kurrenti, wara, li l-applikazzjoni effettiva tal-politika tal-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe mument, tadatta l-evalwazzjoni tagħha għall-ħtiġijiet ta’ dik il-politika u, fl-aħħar nett, li Stat Membru li ma jkunx innotifika skema ta’ għajnuna lill-Kummissjoni ma jistax jistenna b’mod raġonevoli li l-iskema tiġi evalwata taħt ir-regoli applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tagħha.

42

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat wettqet distinzjoni, fil-punt 55 tas-sentenza appellata bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Diputacion Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09, EU:C:2011:372). Filwaqt li huwa veru li din is-sentenza kienet tikkonċerna l-legalità tar-regoli tranżitorji stabbiliti fil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni, ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollu portata usa u x’aktarx li japplika a fortiori għar-regolamenti u l-atti leġiżlattivi vinkolanti l-oħra. Barra minn hekk, jirriżulta minn din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li l-linji gwida ġew applikati b’mod retroattiv.

43

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-punti 40 sa 43 u 46 sa 48 tas-sentenza appellata, fuq is-sentenzi SIDE vs Il-Kummissjoni (T‑348/04, EU:T:2008:109, punti 58 sa 60) u L-Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑3/09, EU:T:2011:27, punt 61) hija wettqet żball ta’ liġi.

44

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, f’dawn is-sentenzi, li l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna mħallsa mingħajr notifika għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fid-data tal-għoti, peress li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn l-għajnuna nnotifikata u l-għajnuna illegali ma hijiex rilevanti fil-liġi.

45

Il-Kummissjoni tippreċiża li s-sitwazzjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna, innotifikata jew le, ma tistax titqies li hija finali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern u li din id-deċiżjoni ma tkunx saret finali. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-irkupru ta’ tali għajnuna dejjem setgħet tiġi ordnata, jew mill-Kummissjoni jew mill-qrati nazzjonali, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx approvatha u li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma tkunx saret finali. Sussegwentement, Stat Membru li jaġixxi bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ sospensjoni imposti fl-Artikolu 108(3) TFUE ma jistax jiġi ttrattat aħjar minn Stat Membru li jkun ikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi. Fl-aħħar nett, ma jkun hemm ebda bżonn li jiġi protett il-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali kontra bidla fir-regoli sostantivi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Kummissjoni.

46

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni mmaterjalizzaw fil-perijodu li matulu l-għajnuna kienet tħallset.

47

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Alber fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00P, EU:C:2002:106, punti 143 u 144) l-effett ta’ għajnuna illegali jibqa’ sal-ħlas lura tagħha, peress li ssaħħaħ b’mod permanenti l-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpannija benefiċjarja fir-rigward tal-kompetituri tagħha.

48

Jørgen Andersen u Dansk Tog jikkontestaw dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt ir-reġim tar-regola l-qadima. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-punt li jipprevjeni, ġeneralment, milli tapplika regola ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt ir-reġim tar-regola qadima (sentenza Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C 334/07 P, EU:C:2008:709, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Min-naħa l-oħra, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (sentenzi Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 49 u Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 44).

51

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna inkwistjoni taqax taħt sitwazzjoni li nħolqot qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007 jew ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-reġim tar-Regolament Nru 1191/69 iżda li l-effetti tagħhom ikunu għadhom applikabbli f’dik id-data, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tranżitorji ddikjarati fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 pprevedew li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku pendenti fid-data tat-3 ta’ Diċembru 2009“[jistgħu] jibqgħu sakemm jiskadu”, fil-limiti tat-termini massimi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u bir-riżerva li l-kuntratti “kienu mogħtija bi qbil mad-dritt Komunitarju u d-dritt nażżjonali”.

52

Issa, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69, il-kumpens imħallas mill-kumpannija ta’ trasport rilevanti bħala korrispettiv għall-piżijiet li jirriżultaw mill-obbligu tas-servizz pubbliku imposti fuqha kienu eżentati mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE meta kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet indikati fit-taqsimiet II, III u IV ta’ dan ir-regolament. Din l-għajnuna kienet, fil-fatt, meqjusa mill-imsemmi regolament bħala kompatibbli mas-suq intern.

53

Minn dan isegwi li l-għajnuna mħallsa lil kumpannija ta’ trasport pubbliku f’data meta r-Regolament Nru 1191/69 kien għadu fis-seħħ u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsimiet II, III u IV ta’ dan ir-regolament, kienet parti minn sitwazzjoni permanenti li nħolqot qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007.

54

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat minn qabel fid-dawl tar-Regolament Nru 1191/69 l-għajnuna mħallsa taħt l-ewwel kuntratt ta’ servizz pubbliku konkluż għas-snin 2000 sa 2004 u l-għajnuna mħallsa qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 taħt it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku tat-trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, bil-għan li tivverifika jekk l-għajnuna tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsimiet II, III u IV ta’ dan ir-regolament u kinux għalhekk eżentati mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

55

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat, fid-dawl tar-Regolament Nru 1370/2007 u bla ħsara għar-regoli tranżitorji msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, kemm il-legalità kif ukoll il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 skont it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku tat-trasport għas-snin 2005 sa 2014.

56

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha qed tirreferi l-Kummissjoni.

57

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tista’ tislet ebda argument mill-punti 51 u 52 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709) għaliex iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma fundamentalment differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, peress li din tal-aħħar kienet dwar għajnuna mill-Istat li ma taqax taħt regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija fid-data meta l-awtoritajiet kompetenti ddeċidew li jagħtuha.

58

It-tieni nett, għall-istess raġunijiet, il-punti 125 sa 128 tas-sentenza Diputacion Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09, EU:C:2011:372). ma jipprovdu l-ebda sostenn għall-argument tal-Kummissjoni li l-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ tiġi evalwata fid-dawl biss tar-Regolament Nru 1370/2007.

59

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-irkupru ta’ għajnuna illegali seta’ jiġi ordnat sal-mument fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrigwarda din l-għajnuna, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-illegalità tal-għajnuna inkwistjoni ma seħħietx.

60

Fid-dawl ta’ dan kollu, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna kollha inkwistjoni kellha tiġi evalwata taħt ir-Regolament Nru 1191/69.

61

Għalhekk, hemm lok li tannulla s-sentenza appellata sa fejn, fil-każ tal-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 skont it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku għal trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, il-Qorti Ġenerali annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

62

Għaldaqstant, hemm lok li tintbagħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni, fir-rigward tat-tliet motivi fir-rikors, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din iddikjarat li l-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 skont it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku għal trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, kienet kompatibbli mas-suq intern.

63

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

Fuq l-appelli inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

64

DSB issostni li l-applikazzjoni, jekk wieħed jippreżumi li hija żbaljata, tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-fatti tal-każ baqgħet ma affettwatx il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 ma wassalx għal konklużjoni differenti dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

65

F’dan ir-rigward, DSB tippreċiża li, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għar-regoli ta’ evalwazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69, kif kienu diġà esposti fil-punti 124 sa 131 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ. Issa, f’dawn l-aħħar punti, il-Kummissjoni eżaminat l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament u kkonkludiet li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna kellha ssir fid-dawl tal-prinċipji ġenerali taħt it-trattat tal-KE, tal-ġurisprudenza u tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

66

B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat li dawn il-prinċipji ġenerali jeżiġu li l-ammont tal-kumpens ma għandux jisboq dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispiża kkawżata mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul korrispondenti kif ukoll korrispettiv raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esponiet l-opinjoni preliminari tagħha dwar jekk dan il-kriterju għall-għajnuna inkwistjoni kienx issodisfatt jew le.

67

Għalhekk, qari flimkien tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jispjegaw b’mod suffiċjentement motivat ir-raġuni li biha l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 ma setax iwassal għal riżultat differenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007. DSB tenfasizza li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni tkun motivata biżżejjed meta hija tirreferi għal dokument li jkun diġà fil-pussess tad-destinatarju li fih l-elementi li fuqhom l-istituzzjoni tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha (sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T‑36/06, EU:T:2010:61, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għalhekk, DSB tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni twettqet biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1370/2007 u, fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li hija ma setgħet la tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha u lanqas tiddetermina jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1191/69, kompatibbli mas-suq intern.

69

Il-Qorti Ġenerali minflok kellha tkun marbuta teżamina jekk, minn naħa, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 li magħhom żammet il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet li din tal-aħħar siltet minn din l-interpretazzjoni kinux eżatti. F’dan ir-rigward, DSB tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, żball ta’ liġi ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meta, fl-assenza tal-iżball imwettaq, il-Kummissjoni kienet tadotta l-istess deċiżjoni (sentenzi Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 122; CMA CGM et vs Il-KummissjoniT‑213/00 EU:T:2003:76. Punti 101 sa 103; sentenzi Gonzalez y Diez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 74; kif ukoll Diputacion Foral de Alava et vs Il‑Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:2009:314, punt 219).

70

Fir-rigward tal-gvern Daniż, huwa jqis li, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata meta ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni kienet twettqet biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1370/2007. F’dan ir-rigward, dan il-gvern javvanza argument sostanzjalment identiku għal dak ta’ DSB, kif miġbur fil-qosor fil-punti 65 sa 67 ta’ din is-sentenza.

71

Barra minn hekk, il-gvern Daniż isostni li l-Qorti Ġenerali injorat id-dritt tal-Unjoni meta ċaħdet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, l-argumenti tiegħu, u dawk tal-Kummissjoni u ta’ DSB, intiżi li juru li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 kien jikkostitwixxi biss difett formali nieqes minn kull impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan l-argument, dan il-gvern jinvoka s-sentenzi Gonzalez y Diez vs Il-Kummissjoni (T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 74) u Diputacion Foral de Alava et vs Il-Kummissjoni, (T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:314, punt 219).

72

Il-Kummissjoni ssostni l-argumenti kemm ta’ DSB, ħlief dawk miġbura fil-qosor fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tal-gvern Daniż, kif miġbura fil-qosor fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

73

Jørgen Andersen jikkontesta l-argumenti ta’ DSB u tal-Gvern Daniż. B’mod partikolari, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali, billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet l-eżami tal-kompatibbiltà fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1370/2007 biss, kienet wettqet evalwazzjoni fattwali li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument li jallega li l-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl kemm tar-Regolament Nru 1191/69 u tar-Regolament Nru 1370/2007, u mhux, kuntrarjament għall-interpretazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tar-Regolament Nru 1370/2007 biss, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni taqa’ taħt evalwazzjoni ġuridika u mhux sempliċi konstatazzjoni ta’ fatt. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ammissibbli.

75

Fuq il-mertu, jirriżulta mill-punti 304, 307, 314 u 397 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni espressament indikat li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi bbażata esklużivament fuq ir-Regolament Nru 1370/2007. Barra minn hekk, il-punti 315 sa 394 ta’ din id-deċiżjoni juru li l-Kummissjoni effettivament wettqet dan l-eżami fid-dawl ta’ dan ir-regolament biss.

76

Għalkemm huwa veru li, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni indikat li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 ma kinitx twassal għal konklużjoni differenti minn dik li hija siltet mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007, din l-indikazzjoni ma għandhiex fiha nnifisha tistabbilixxi li l-Kummissjoni, kif jallegaw kemm din tal-aħħar, il-Gvern Daniż u DSB, effettivament applikat ir-Regolament Nru 1191/69 sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

77

Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, irrilevat li r-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 1191/69 kienu “simili” għal dawk tar-Regolament Nru 1370/2007, hija ma kkonstatatx identiċità bejn dawn u dawk, b’tali mod, li fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li jibbażaw ruħhom fuqhom DSB u l-gvern Daniż, jiġifieri s-sentenzi Gonzalez y Diez vs Il-Kummissjoni (T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 74) u Diputacion Foral de Alava et vs Il‑Kummissjoni, (T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:314, punt 219) ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

78

Fir-rigward taċ-ċirkustanza li, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-preżentazzjoni u għall-interpretazzjoni li hija kienet għamlet, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, tar-regoli ta’ evalwazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69, huma biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-pretensjonijiet ta’ DSB u tal-gvern Daniż, din id-deċiżjoni ma timplika l-ebda evalwazzjoni ta’ natura li tingħeleb l-assenza ta’ eżami, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl ta’ dan ir-regolament.

79

Fil-fatt, fil-punti 83 sa 90 u 101 sa 103 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, kif ukoll fil-punti 129 sa 131 tal-istess deċiżjoni, dwar il-kompatibbiltà possibbli ta’ din tal-aħħar mar-Regolament Nru 1191/69, il-Kummissjoni sempliċement esponiet l-argumenti tal-partijiet u rrilevat li hija kellha dubji dwar il-fondatezza ta’ dawk ippreżentati minn DSB u mill-gvern Daniż.

80

Għalhekk, ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirreferi għalihom DSB, jiġifieri s-sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑36/066, EU:T:2010:61, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata) li tgħid li deċiżjoni tkun suffiċjentement motivata meta tirreferi għal dokument li jkun diġà fil-pussess tad-destinatarju u li jinkludi fih l-elementi li fuqhom l-istituzzjoni tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha.

81

Konsegwentement, jekk il-Qorti Ġenerali kienet ivverifikat, kif kien meħtieġ li tagħmel fl-opinjoni ta’ DSB, il-fondatezza tal-indikazzjoni, li tidher fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-applikazzjoni fil-każ tar-Regolament Nru 1191/69 ma kienx iwassal għal konklużjoni differenti, hija kienet tkun marbuta li ssegwi evalwazzjoni preliminari tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata fid-dawl ta’ dan ir-regolament.

82

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tali eżami ma jaqax, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li ma huwiex il-kompitu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dak tagħha (ara f’dan is-sens, id-digriet DSG vs Il-KummissjoniC‑323/00 P, EU:C:2002:260, punt 43, u s-sentenza KME Germany vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punti 93 u 103).

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appelli inċidentali għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-kawża qed tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Andersen vs Il‑Kummissjoni (T‑92/11, EU:T:2013:143)) hija annullata sa fejn, minnha, fir-rigward tal-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 taħt it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, tannulla t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/3/UE tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2010, dwar il-kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport bejn il-Ministeru Daniż ta’ trasport u Danske Statsbaner [Għajnuna mill-Istat C 41/08 (ex NN 35/08)].

 

2)

Il-kumplament tal-appell prinċipali huwa miċħud.

 

3)

L-appelli inċidentali huma miċħuda.

 

4)

Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tliet motivi tar-rikors, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bir-rotta, u li jabroga ir-Regolamenti (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill, dwar il-legalità tad-Deċiżjoni 2011/3/UE sa fejn tiddikjara li l-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 taħt it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014 kienet kompatibbli mas-suq intern.

 

5)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.