SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 3(1) – Azzjonijiet derivanti direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li huma strettament marbuta magħha – Bejgħ ta’ proprjetà u kostituzzjoni ta’ ipoteka – Azzjoni għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ppreżentata mill-amministratur fallimentari – Artikolu 25(1) – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza”

Fil-Kawża C‑493/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

UB

vs

VA,

Tiger SCI,

WZ, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur fallimentari ta’ UB,

Banque patrimoine et immobilier SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby u K. Jürimäe (Relature), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UB, VA u Tiger SCI, minn J. Ghestin, avocat,

għall-Banque patrimoine u immobilier SA, minn P. Spinosi, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, D. Dubois u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UB, minn naħa, u VA, Tiger SCI, WZ, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur fallimentari ta’ UB, u Banque patrimoine et immobilier SA, fir-rigward ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li inizjalment kienet tappartjeni lil UB u ta’ ipoteki rreġistrati fuq din il-proprjetà minn dan tal-aħħar u tal-azzjoni mibdija minn WZ sabiex jiġi ddikjarat li dawn it-tranżazzjonijiet ma jagħmlux parti mill-massa fallimentari.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1346/2000

3

Il-premessi 2 u 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 jiddikjaraw:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività u dan ir-Regolament għandu jiġi adottat sabiex jintlaħaq dan il-għan li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 65 tat-Trattat.

[…]

(6)

Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċedimenti kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess regolament jippreċiża:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

[…]

m)

ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali għal kredituri kollha.”

7

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi:

“Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.”

8

Skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament:

“Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. […]

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll ikun japplika għal sentenzi dwar miżuri ta’ preservazzjoni meħuda fuq talba għal ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.”

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

9

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jipprovdi, fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2(b) tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

b)

falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fis‑7 ta’ Awwissu 2008, Wirecard, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, kisbet minn qorti tar-Renju Unit miżura ta’ ffriżar tal-fondi ta’ UB, ċittadin mill-Pajjiżi l-Baxxi. F’din id-data, dan tal-aħħar kien proprjetarju ta’ appartament u ta’ kumpless immobiljari fi Franza.

11

Fit‑22 ta’ Awwissu 2008, UB u oħtu, VA, iffirmaw, quddiem nutar Franċiż, att ta’ rikonoxximent ta’ dejn li permezz tiegħu UB rrikonoxxa li kien jaf is-somma ta’ EUR 500000 lil VA minħabba self varju, impenja ruħu li jħallas lura din is-somma sa mhux iktar tard mit‑22 ta’ Awwissu 2017 u ipoteka, bi prijorità tat-tieni livell, favur VA, l-appartament u l-kumpless immobiljari li kien jipposjedi fi Franza.

12

Fit‑18 u l‑24 ta’ Marzu 2010, UB biegħ din il-proprjetà immobbli fejn ħallas is-somom, ta’ EUR 395000 u ta’ EUR 780000 rispettivament, lil Tiger, ikkostitwita fil‑25 ta’ Frar 2010 minn VA. Din tal-aħħar kienet iżżomm 90% tal-ishma ta’ din il-kumpannija.

13

Fl‑10 ta’ Mejju 2011, UB, fuq talba tiegħu, ġie ddikjarat f’falliment mill-Croydon County Court (il-Qorti tal-Kontea ta’ Croydon, ir-Renju Unit) b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-falliment tar-Renju Unit. Fl‑1 ta’ Lulju 2011, WZ inħatar amministratur fallimentari ta’ UB, fejn il-ħatra tiegħu saret effettiva mis‑6 ta’ Lulju 2011.

14

Fuq talba ta’ WZ, il-Croydon County Court (il-Qorti tal-Kontea ta’ Croydon) awtorizzat lil dan tal-aħħar, fis‑26 ta’ Ottubru 2011, li jippreżenta azzjoni quddiem il-qrati Franċiżi sabiex, minn naħa, jirreġistra d-digriet li jiddikjara l-falliment u, min-naħa l-oħra, jikseb deċiżjoni li tgħid bi dritt li l-bejgħ tal-proprjetà immobbli msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza kif ukoll l-ipoteki rreġistrati fuq din il-proprjetà favur VA (iktar ’il quddiem il-“bejgħ u ipoteki inkwistjoni”) kienu jikkostitwixxu tranżazzjonijiet mingħajr korrispettiv reali jew sinjifikattiv, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-falliment tar-Renju Unit. WZ kellu għalhekk l-intenzjoni jikseb deċiżjoni li tippermetti l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ din il-proprjetà immobbli fil-patrimonju ta’ UB, f’falliment, għall-finijiet tar-realizzazzjoni tagħhom.

15

Fit‑12 ta’ Diċembru 2011, WZ, li qiegħed jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur fallimentari ta’ UB, assenja lil dan tal-aħħar, lil VA u lil Tiger quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza), sabiex jiġi ddikjarat li l-bejgħ u l-ipoteki inkwistjoni ma jistgħux jiġu infurzati kontra l-massa fallimentari. Banque patrimoine et immobilier (iktar ’il quddiem “BPI”), li kien iffinanzja x-xiri ta’ din il-proprjetà immobbli, intervjeniet fl-istanza.

16

Peress li qieset li UB kien naqas mill-obbligi legali tiegħu billi ma pprovdiex informazzjoni suffiċjenti dwar l-eżistenza ta’ assi mhux żvelati li ma kinux lokalizzati fir-Renju Unit, il-Croydon County Court (il-Qorti tal-Kontea ta’ Croydon) ordnat, fit‑3 ta’ Lulju 2012, li t-terminu awtomatiku ta’ ċessazzjoni tal-falliment jiġi sospiż sakemm UB jikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2013, din il-qorti finalment iddeċidiet li tneħħi din is-sospensjoni u ddeċidiet li d-data effettiva ta’ għeluq tal-falliment ta’ UB tkun id-data ta’ din id-deċiżjoni.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) iddeċidiet li l-bejgħ u l-ipoteki inkwistjoni ma setgħux jiġu infurzati kontra WZ, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur fallimentari ta’ UB, fil-limiti tas-somom li baqgħu dovuti lill-kredituri. Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2016, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti ta’ tal-Appell ta’ Pariġi) mhux biss ikkonfermat dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà iżda barra minn hekk iddeċidiet li dan ma kellux jiġi limitat b’dan il-mod.

18

UB ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza). VA u Tiger ippreżentaw appell inċidentali kontra din l-istess sentenza, kif għamel WZ, fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur fallimentari ta’ UB. Insostenn tal-appelli tagħhom, UB, VA u Tiger isostnu li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura prinċipali ta’ insolvenza. Huma jsostnu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2009, Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83), u tas‑16 ta’ Jannar 2014, Schmid (C‑328/12, EU:C:2014:6), li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza. Issa, UB, VA u Tiger iqisu li, f’dan il-każ, il-qrati tar-Renju Unit biss kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-azzjoni għal nuqqas ta’ infurzar tal-bejgħ u l-ipoteki inkwistjoni, sa fejn il-proċedura ta’ insolvenza kontra UB infetħet fir-Renju Unit. Għalhekk, billi baqgħet lura milli tqajjem in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha ex officio, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) kisret b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

19

WZ isostni li l-qrati Franċiżi għandhom, fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom mid-deċiżjoni tal-Croydon County Court (il-Qorti tal-Kontea ta’ Croydon), tas‑26 ta’ Ottubru 2011, li permezz tagħha din il-qorti awtorizzatu jressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qrati Franċiżi. Din id-deċiżjoni tkun tgawdi minn rikonoxximent fi Franza mingħajr formalitajiet ulterjuri, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

20

Il-qorti tar-rinviju tosserva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li l-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza. Madankollu din il-qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fuq ir-relazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 mal-Artikolu 25(1) tiegħu, sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-azzjoni tar-riċevent appuntant mill-qorti tal-Istat Membru li tkun fetħet il-proċedura ta’ insolvenza li għandha l-għan li jiġi ddikjarat li ipoteki rreġistrati fuq immobbli tad-debitur li jinsabu fi Stat Membru ieħor kif ukoll il-bejgħ ta’ dawn l-immobbli mwettaq f’dan l-Istat ma humiex effettivi kontra din il-proċedura, bil-ħsieb tar-restituzzjoni ta’ dawn il-beni fil-patrimonju tad-debitur, hija dderivata direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u hija marbuta strettament magħha?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qrati tal-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni tar-riċevent jew, għall-kuntrarju, il-qrati tal-Istat Membru tal-post fejn jinsabu l-immobbli għandhom ġurisdizzjoni esklużiva għal dan l-għan, jew teżisti bejn dawn il-qrati differenti ġurisdizzjoni kondiviża, u taħt liema kundizzjonijiet?

3)

Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza tawtorizza lir-riċevent jibda, fi Stat Membru ieħor, azzjoni, li taqa’, bħala prinċipju, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun fetħet il-proċedura, jista’ jkollha bħala effett li timponi l-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat l-ieħor fis-sens li, b’mod partikolari, din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni dwar l-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 25(1) tar-RegolamentNru 1346/2000 u tista’, għal dan l-għan, tinstema’ mingħajr ebda formalità oħra, skont dan l-istess artikolu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

22

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni tal-amministratur fallimentari, maħtur minn qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza, li għandha bħala għan li tikseb dikjarazzjoni li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor kif ukoll l-ipoteka rreġistrata fuqha ma humiex infurzabbli kontra l-massa tal-kredituri, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-ewwel Stat Membru.

23

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jikkonferixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Istat Membru fit-territorju fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tad-debitur sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza prinċipali (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din il-ġurisdizzjoni esklużiva testendix ruħha wkoll għal azzjoni għal nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ atti mwettqa fl-imgħoddi għad-detriment tad-drittijiet tal-massa tal-kredituri, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi osservat li, billi tibbaża lilha nnifisha fuq il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 u b’rieda li tiġi ggarantita l-effettività ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jattribwixxi lill-qrati tal-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedura ta’ insolvenza ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet direttament derivanti minn din il-proċedura u li huma strettament marbuta magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, F‑Tex, C‑213/10, EU:C:2012:215, punti 2627 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax taħt il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk din l-azzjoni tissodisfax dawn iż-żewġ kriterji kumulattivi.

27

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni hijiex direttament derivanti minn proċedura ta’ insolvenza, hemm lok li jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-element determinanti biex jiġi deċiż taħt liema qasam għandha taqa’ azzjoni ma huwiex il-kuntest proċedurali marbut magħha iżda l-bażi legali ta’ din l-azzjoni. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-imsemmija azzjoni joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili jew kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tat-tieni kriterju, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni hijiex strettament marbuta ma’ proċedura ta’ insolvenza, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li hija l-intensità tar-rabta li teżisti bejn din l-azzjoni u l-proċedura ta’ insolvenza li hija determinanti sabiex jiġi deċiż jekk tapplikax l-esklużjoni ddikjarata fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet minn analiżi tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Nri 44/2001 u 1346/2000, kif ukoll tal-għanijiet imsemmija mir-Regolament Nru 1346/2000, li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet proċedura ta’ insolvenza, imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, igawdu minn ġurisprudenza esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet direttament derivanti minn din il-proċedura u li huma strettament marbuta magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 36).

30

F’dan il-każ, mill-elementi prodotti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, li l-bażi legali tal-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab fir-regoli ta’ dritt tar-Renju Unit li jirrigwardaw speċifikament l-insolvenza. Min-naħa l-oħra, din l-azzjoni kienet, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju fuq dan il-punt, ippreżentata mill-amministratur fallimentari ta’ UB fil-kuntest tal-kompitu ġenerali tiegħu li jamministra u li jillikwida l-assi tal-massa fl-interess tal-kredituri.

31

B’hekk, azzjoni tal-amministratur fallimentari maħtur minn qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala għan li jiġi ddikjarat li ipoteki rreġistrati fuq proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor kif ukoll il-bejgħ ta’ din il-proprjetà immobbli ma jistgħux jiġu inforzati kontra l-massa fallimentari, hija direttament derivanti minn din il-proċedura u hija strettament marbuta magħha.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 27 sa 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali azzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

33

Dan ir-raġunament ma jistax jitqiegħed inkwistjoni mill-fatt li l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru minbarra dak li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza.

34

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1346/2000 ma jipprevedi ebda regola li tattribwixxi lill-qrati fejn tinsab il-proprjetà immobbli l-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni intiża sabiex din il-proprjetà tiġi integrata mill-ġdid fil-massa komposta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Barra minn hekk, konċentrazzjoni tal-azzjonijiet kollha direttament marbuta mal-proċedura ta’ insolvenza quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu din il-proċedura infetħet hija konformi mal-għan ta’ titjib tal-effikaċja u tal-ħeffa tal-proċeduri ta’ insolvenza b’effetti transkonfinali, imsemmi fil-premessi 2 u 8 tar-Regolament Nru 1346/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni tal-amministratur fallimentari maħtur minn qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza, li għandha bħala għan li tikseb dikjarazzjoni li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor kif ukoll l-ipoteka rreġistrata fuqha ma humiex infurzabbli kontra l-massa tal-kredituri, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-ewwel Stat Membru.

Fuq it-tielet domanda

36

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li permezz tagħha qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tawtorizza lill-amministratur fallimentari jippreżenta azzjoni fi Stat Membru ieħor, minkejja li din tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din il-qorti, għandha bħala effett li tagħti ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

37

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li d-deċiżjonijiet relatati mal-iżvolġiment u mal-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza mogħtija minn qorti li d-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ hija rrikonoxxuta konformement mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament huma rrikonoxxuti wkoll mingħajr ebda formalità oħra. It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jispeċifika li l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għad-deċiżjonijiet direttament derivanti mill-proċedura ta’ insolvenza u li huma strettament marbuta magħha, anki jekk dawn jingħataw minn qorti oħra.

38

Issa, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jqiegħed inkwistjoni n-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet direttament derivanti minn din il-proċedura u li huma strettament marbuta magħha.

39

Fi kwalunkwe każ, dan l-artikolu jipprevedi sistema ssemplifikata ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ u mhux mekkaniżmu ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali favur qorti oħra li ma tkunx dik li tgawdi minn ġurisidizzjoni esklużiva taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda biss ir-rikonoxximent u n-natura eżekuttiva tad-deċiżjonijiet direttament derivanti mill-proċedura ta’ insolvenza u li huma strettament marbuta magħha, anki jekk dawn jingħataw minn qorti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni sempliċement taċċetta l-possibbiltà li l-qrati ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza taħt l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jieħdu wkoll konjizzjoni ta’ azzjoni direttament derivanti minn din il-proċedura u li hija strettament marbuta magħha, sew jekk tkun il-qorti li pproċediet għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, taħt l-imsemmi Artikolu 3(1), sew jekk tkun qorti oħra ta’ dan l-istess Stat Membru li territorjalment u materjalment ikollha ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li li deċiżjoni li permezz tagħha qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tawtorizza lill-amministratur fallimentari jippreżenta azzjoni fi Stat Membru ieħor, minkejja li din tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din il-qorti, ma jistax ikollha bħala effett li tagħti ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 tal-Kunsill tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni tal-amministratur fallimentari maħtur minn qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza, li għandha bħala għan li tikseb dikjarazzjoni li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor kif ukoll l-ipoteka rreġistrata fuqha ma humiex infurzabbli kontra l-massa tal-kredituri, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-ewwel Stat Membru.

 

2)

L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li li deċiżjoni li permezz tagħha qorti tal-Istat Membru ta’ ftuħ tawtorizza lill-amministratur fallimentari jippreżenta azzjoni fi Stat Membru ieħor, minkejja li din tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din il-qorti, ma jistax ikollha bħala effett li tagħti ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.