SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 3 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mingħajr deċiżjoni espliċita dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 9 u 10 – Motivi ta’ persekuzzjoni abbażi tar-reliġjon – Prova – Leġiżlazzjoni Iranjana dwar l-apostasija – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(3) – Rikors effettiv”
Fil-Kawża C‑56/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2017, fil-proċedura
Bahtiyar Fathi
vs
Predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič (Relatur), President ta’ Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn E. Tóth, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn M. Gray, barrister, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (5)(b), tal-Artikolu 9(1) u (2) u tal-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), u tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bahtiyar Fathi u l-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (Direttur tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem id-“DAB”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn B. Fathi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Il-konvenzjoni ta’ Genève
|
3 |
Il-Konvenzjoni li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, u ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjat, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li fir-rigward tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). |
|
4 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, it-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “jkollha biża’ fondata minn persekuzzjoni minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, issib ruħha barra mill-pajjiż li tiegħu hija ċittadina u li ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn l-aħħar kellha r-residenza abitwali tagħha ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tkunx trid tmur lura f’dak il-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-KEDB
|
5 |
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprevedi, fl-Artikolu 15 tagħha, intitolat “Deroga f’każ ta’ stat ta’ urġenza”: “1. Fi żmien ta’ gwerra jew ta’ xi emerġenza pubblika oħra li thedded il-ħajja tan-nazzjon, kull Parti Kontraenti Għolja tista’ tieħu miżuri li jidderogaw mill-obbligi tagħha taħt din il-Konvenzjoni sal-punt strettament meħtieġ skont l-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, sakemm dawk il-miżuri ma jkunux inkonsistenti mal-obbligi l-oħra tagħha taħt il-liġi internazzjonali. 2. Id-dispożizzjoni ta’ qabel din ma tawtorizza ebda deroga mill-Artikolu 2 [“Id-dritt għall-ħajja”], ħlief fil-każijiet ta’ mewt li jirriżultaw minn atti leċiti tal-gwerra, u mill-Artikoli 3 [“Il-projbizzjoni tat-tortura”], 4(1) [“Il-projbizzjoni tal-iskjavitù”] u 7 [“Ebda piena mingħajr liġi”]. […]” |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/95
|
6 |
Id-Direttiva 2011/95 ħassret, b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala refuġjati jew bħala persuni li għal raġunijiet oħra jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni li tingħata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). |
|
7 |
Il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 tipprovdi: “Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. […]” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. 2. L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond [il-passat], inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…] 4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut. 5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
10 |
L-Artikolu 9(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi: “1. Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:
2. Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’: […]
[…]” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95: “1. L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]
[…] 2. Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.” |
Id-Direttiva 2013/32
|
12 |
Il-premessi 12, 53 u 54 tad-Direttiva 2013/32 jiddikjaraw:
[…]
|
|
13 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
|
14 |
L-Artikolu 31(8) tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk: […]
[…]” |
|
15 |
L-Artikolu 32(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “F’każijiet ta’ applikazzjonijiet bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 31(8) l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.” |
|
16 |
L-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 3. Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.” |
Ir-Regolament Dublin III
|
17 |
Il-premessi 4, 5, u 19 tar-Regolament Dublin III jipprovdu:
[…]
|
|
18 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida […]” |
|
19 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
[…]” |
|
20 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.” |
|
21 |
L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Dublin III jipprovdu, rispettivament, dritt għall-informazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll regoli dwar it-twettiq tal-intervista mal-applikant. |
|
22 |
L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament huma redatti kif ġej: “Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. L- Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. […]” |
|
23 |
Skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament: “Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.” |
|
24 |
L-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III jipprovdi r-rimedji li għandu l-applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
Id-dritt Bulgaru
|
25 |
Fil-Bulgarija, l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huwa rregolat biż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati) fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-DV Nru 103, tas-27 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem iz-“ZUB”). |
|
26 |
L-Artikolu 6(1) taz-ZUB jipprovdi: “Is-setgħat mogħtija b’din il-liġi huma eżerċitati mill-uffiċjali tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati. Dawn jistabbilixxu l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u jassistu lill-barranin li japplikaw għal tali protezzjoni.” |
|
27 |
L-Artikoli 8 u 9 taz-ZUB jirrigwardaw l-istatus ta’ refuġjat fil-Bulgarija, kif ukoll l-istatus umanitarju. |
|
28 |
L-Artikolu 67a(2) taz-ZUB jipprevedi: “Il-proċedura prevista f’din it-Taqsima għandha tinfetah:
|
|
29 |
L-Artikolu 68 taz-ZUB huwa fformulat f’dawn it-termini: “Il-proċedura ordinarja għandha tinfetah:
[…]
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
30 |
B. Fathi huwa ċittadin Iranjan ta’ oriġini Kurda, li fl-1 ta’ Marzu 2016, ressaq quddiem id-DAB applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-persekuzzjoni li allegatament sofra mill-awtoritajiet Iranjani għal raġunijiet reliġjużi u, b’mod partikolari, minħabba l-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu bejn tmiem l-2008 u l-bidu tal-2009. |
|
31 |
B. Fathi espona, fil-kuntest tad-diskussjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet Bulgari, li kellu dixx tas-satellita illegali li biha kien jaqbad l-istazzjon televiżiv nisrani pprojbit “Nejat TV” u li huwa pparteċipa, f’okkażjoni waħda, bit-telefon, għal xandira tat-televiżjoni b’mod dirett. Għall-finijiet li jipprova dan il-fatt, B. Fathi ppreżenta quddiem l-awtoritajiet imsemmija ittra ta’ Nejat TV, tad-29 ta’ Novembru 2012. B. Fathi invoka wkoll il-pussess ta’ bibbja f’lingwa li jifhem u ddikjara li kien daħal f’kuntatt ma’ nsara oħrajn fl-okkażjoni ta’ laqgħat, madankollu mingħajr ma huwa membru ta’ komunità reliġjuża. |
|
32 |
Matul Settembru 2009, huwa ġie arrestat għal jumejn mis-servizzi sigrieti Iranjani u ġie mistoqsi dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fix-xandira tat-televiżjoni msemmija iktar ’il fuq. Matul id-detenzjoni tiegħu, huwa jammetti li kkonverta lejn il-Kristjaneżmu. |
|
33 |
B’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, id-DAB ċaħad l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi bħala infondata, billi qies li l-istqarrija ta’ B. Fathi kien fiha kontradizzjonijiet sostanzjali u li ma kienu ġew stabbiliti la l-eżistenza ta’ persekuzzjoni jew ta’ riskju ta’ persekuzzjoni fil-futur, u lanqas dik ta’ riskju ta’ piena tal-mewt. Dan ikkunsidra wkoll li, fid-dawl tan-natura meqjus improbabbli tal-istqarrija kollha tal-persuna kkonċernata, id-dokument tad-29 ta’ Novembru 2012, ippreżentat minn B. Fathi sabiex jissostanzja l-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu, kien falz. |
|
34 |
B. Fathi talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija). Dan isostni li d-DAB wettaq evalwazzjoni żbaljata tad-dokument imsemmi fil-punt preċedenti, li jipprova l-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu. Dan iqis ukoll li l-awtorità msemmija ma qisitx biżżejjed l-informazzjoni li tgħid li l-“liġi Iżlamika dwar l-Apostasija” (liġi dwar ir-rinunzja tar-reliġjon) tipprevedi l-piena tal-mewt għal tali konverżjoni bħala proselitiżmu, “ostilità lejn Alla” u “insult lejn il-Profeta”. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li B. Fathi huwa ta’ oriġini Kurda, iżda li, skont dan tal-aħħar, il-problemi tiegħu fl-Iran huma kkawżati mir-relazzjonijiet tiegħu mal-insara u mill-konverżjoni tiegħu lejn il-Kristjaneżmu. |
|
35 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-insara fl-Iran, il-qorti tar-rinviju tindika li ġie rrappurtat li l-Gvern Iranjan qatel lil mill-inqas 20 persuna akkużata b’“ostilità lejn Alla”, li fosthom kien hemm għadd ta’ Kurdi Sunniti. Skont rapport tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) tal-15 ta’ April 2015, persuni reċentement konvertiti lejn il-Kristjaneżmu ġew ikkundannati, fl-Iran, għal pieni ta’ sena ta’ priġunerija u ta’ projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju ta’ sentejn. |
|
36 |
B. Fathi jsostni li għandu jiġi rikonoxxut bħala refuġjat abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża tiegħu u, fir-rigward tal-prova tal-fatti rilevanti, li għandu jiġi applikat il-prinċipju li jgħid li d-dubju għandu jibbenefika lill-applikant. |
|
37 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
|
38 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tesponi, fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li r-rikors ippreżentat quddiemha huwa dirett kontra d-deċiżjoni li biha d-DAB ċaħad fil-mertu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi. |
|
39 |
F’dan il-kuntest, din tenfasizza li, wara l-introduzzjoni ta’ din it-talba, din ġiet irreġistrata u B. Fathi ġie mismugħ personalment darbtejn. Din iżżid li, minn perspettiva formali, ittieħdet biss deċiżjoni sostantiva dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu, u li l-ebda deċiżjoni espliċita ma ttieħdet, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, li tistabbilixxi li l-imsemmija talba kienet eżaminata mir-Repubblika tal-Bulgarija bħala l-Istat li l-kriterji msemmija fil-Kapitolu III jindikaw bħala responsabbli. Għaldaqstant, din tistaqsi jekk ir-Regolament Dublin III japplikax għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kollha li jsiru fit-territorju ta’ Stat Membru jew biss għall-proċeduri ta’ trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tesponi li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi, kien fis-seħħ l-Artikolu 67a taz-ZUB, li abbażi tiegħu l-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tinfetah b’deċiżjoni tal-awtorità li quddiemha għandhom isiru l-intervisti, “fil-preżenza ta’ data li tistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea”. |
|
41 |
Fin-nuqqas ta’ dejta li tistabbilixxi li l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ B. Fathi jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru ieħor, infetħet mid-DAB il-“proċedura ordinarja” intiża biex dan jiddeċiedi fuq il-mertu ta’ din it-talba, skont l-Artikolu 68(1) taz-ZUB. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju la tindika li B. Fathi ma ġiex informat bil-ftuħ ta’ din il-proċedura u lanqas li dan qajjem xi oġġezzjoni f’dan ir-rigward. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jwettqu l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita ta’ dawn l-awtoritajiet li tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, li r-responsabbiltà għal dan l-eżami kienet taqa’ fuq dan l-Istat Membru. |
|
43 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, dan jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida. L-Artikolu 2(b) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ bħala applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali applikazzjoni tinftiehem bħala t-“talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja”. |
|
44 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba ta’ B. Fathi, ċittadin ta’ pajjiż terz, li ġiet miċħuda mid-DAB, hija intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus umanitarju, li jikkorrispondi għall-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, previsti rispettivament fl-Artikoli 8 u 9 taz-ZUB. Isegwi, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-talba ta’ B. Fathi, bħala talba mressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz fil-Bulgarija, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu. |
|
45 |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament minn dak li jkun, bħala prinċipju tiġi eżaminata unikament mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament juru li huwa responsabbli. Il-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament jidentifika, b’mod preċiż, is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jitqies bħala responsabbli mill-eżami ta’ tali applikazzjoni permezz ta’ deroga minn dawn il-kriterji. |
|
46 |
Barra minn hekk, Stat Membru li quddiemu titressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa marbut li jsegwi l-proċeduri previsti fil-Kapitolu VI tal-istess regolament għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 58). |
|
47 |
Fost id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 20(1) tiegħu jipprovdi li l-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-regolament għandu jibda “hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru”. |
|
48 |
Għalhekk, il-mekkaniżmi stabbiliti mir-Regolament Dublin III sabiex jinġabru l-elementi neċessarji fil-kuntest ta’ dan il-proċess huma intiżi sabiex jiġu applikati mas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espressament li huwa wara s-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni li l-applikant għandu jiġi informat, b’mod partikolari, dwar il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, dwar l-organizzazzjoni ta’ intervista individwali u dwar il-possibbiltà li jipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 86 u 87). |
|
49 |
F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżulta bl-ebda mod li l-awtoritajiet Bulgari ma stabbilixxewx il-kompetenza tagħhom skont il-kriterji previsti mir-Regolament Dublin III wara li kkonstataw li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma kinitx taqa’ fuq Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 67a taz-ZUB. Fil-fatt, id-dubji espressi f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju jittrattaw biss il-fatt li ebda deċiżjoni espliċita ma ġiet adottata mill-awtorità kompetenti Bulgara wara l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. |
|
50 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-proċess għandux jitlesta permezz tat-teħid ta’ deċiżjoni espliċita li tistabbilixxi, abbażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, ir-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru biex iwettaq tali eżami, għandha tingħata risposta għal din id-domanda mhux biss billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-istruttura ġenerali tar-regoli li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu, kif ukoll tal-għanijiet imfittxija minnha (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, X, C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 26). |
|
51 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix espressament obbligu għall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jadotta, b’mod espliċitu, deċiżjoni li tistabbilixxi r-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, u lanqas il-forma li għandha tieħu tali deċiżjoni. |
|
52 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III jifforma parti mill-Kapitolu II tiegħu, li jirrigwarda l-prinċipji ġenerali u l-garanziji għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fost il-garanziji msemmija, li għandhom jiġu osservati mill-Istat Membru li jkun qiegħed jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, hemm id-dritt għall-informazzjoni tal-applikant, previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Dan id-dritt għall-informazzjoni jirrigwarda mhux biss il-kriterji sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli, il-ġerarkija ta’ tali kriterji fil-passi differenti tal-proċedura u t-tul ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata fi Stat Membru wieħed tista’ twassal għall-ħatra ta’ dak l-Istat Membru bħala responsabbli skont dan l-istess regolament, anki jekk din ir-responsabbiltà ma tkunx abbażi ta’ dawk il-kriterji. |
|
53 |
Sussegwentement, l-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” jipprovdi b’mod speċifiku, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, b’deroga mill-Artikolu 3(1) ta’ dan, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, anki jekk dan l-eżami ma jkunx ir-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament, fejn tali Stat Membru għalhekk isir l-Istat Membru responsabbli u jassumi l-obbligi marbuta ma’ din ir-responsabbiltà. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din il-fakoltà hija intiża sabiex tippermetti lil kull Stat Membru li jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, anki jekk dan ma jkunx responsabbli għaliha skont dawn il-kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf, C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 37). |
|
54 |
Finalment, it-Taqsima IV, intitolata “Salvagwardji proċedurali”, tal-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III tipprevedi, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tal-applikant, in-notifika lil dan tal-aħħar ta’ tali deċiżjoni, li fiha wkoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli. Min-naħa l-oħra, dan ir-Regolament ma jinkludix, soġġett għas-salvagwardji previsti fl-Artikoli 4 u 5 tiegħu, tali garanziji proċedurali speċifiċi meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli jikkonkludi li ma hemmx lok li jsir trasferiment tal-applikant lejn Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ dejta li tistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-eżami ta’ dik it-talba taqa’ fuq Stat Membru ieħor u li l-Istat Membru li jagħmel id-determinazzjoni msemmija huwa, abbażi tal-kriterji stabbiliti mir-regolament imsemmi, responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. |
|
55 |
It-tielet nett, fost l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Dublin III hemm dak li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ organizzazzjoni li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, bil-għan li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli u, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tiegħu, li tkun permessa d-determinazzjoni minnufih tal-Istat Membru responsabbli sabiex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 57). |
|
56 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi testwali, kuntestwali u teleoloġiċi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jwettqu l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita ta’ dawn l-awtoritajiet li tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, li r-responsabbiltà għal dan l-eżami kienet taqa’ fuq dan l-Istat Membru. |
Fuq it-tielet domanda
|
57 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tindika li hija adita b’rikors ippreżentat minn B. Fathi kontra d-deċiżjoni tad-DAB li ċaħdet fil-mertu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, u li hija kompetenti sabiex jitwettaq l-eżami previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32. Din iżżid li, skont il-liġi nazzjonali, hija marbuta li tevalwa jekk ġietx osservata l-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
58 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan il-kuntest, li mill-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din għandha tapplika għall-applikanti li għalihom japplika r-Regolament Dublin III “flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament”. |
|
59 |
Għaldaqstant, din tistaqsi jekk, bħala qorti tal-ewwel istanza adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali, hija għandhiex tivverifika ex officio l-osservanza tal-kriterji u tal-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, previst fir-Regolament Dublin III. |
|
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandux, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, il-qorti ta’ Stat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni għandhiex teżamina ex officio jekk il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni msemmija, kif stabbiliti fir-Regolament Dublin III, ġewx applikati b’mod korrett. |
|
61 |
Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 46(1)(a) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, b’mod partikolari, kontra d-deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata applikazzjoni għal protezzjoni li titressaq quddiemhom minn dan l-applikant, li tista’ tinftiehem li tkun intiża għall-kisba ta’ status ta’ rifuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
|
62 |
L-Artikolu 46(3) tal-istess direttiva jippreċiża l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv li l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet tagħhom. B’hekk, dan jipprovdi li, sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti tal-liġi, inkluż, jekk ikun il-każ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva [2011/95], għall-inqas fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal tal-ewwel istanza. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, f’dak li jirrigwarda l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”, li hemm lok, sabiex ma titneħħilhomx it-tifsira normali tagħhom, li jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jadattaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rikorsi msemmija jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 110). |
|
64 |
F’dan ir-rigward, l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-punti ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors. Min-naħa tiegħu, l-aġġettiv “sħiħ” li jinsab fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma li l-qorti għandha teżamina l-elementi li l-awtorità responsabbli mid-determinazzjoni ħadet jew kellha tieħu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 111 u 113). |
|
65 |
Hekk kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami sħiħa tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali rregolata minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li r-rimedji previsti b’mod speċifiku fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III huma previsti fl-Artikolu 27 tiegħu, liema ħaġa tirriżulta wkoll mill-premessa 19 tal-istess regolament. |
|
66 |
Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 12 tad-Direttiva 2013/32, l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva huwa li jiġu żviluppati standards dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri. |
|
67 |
Ċertament, il-premessa 54 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li din għandha tapplika għall-applikanti li għalihom japplika r-Regolament Dublin III, flimkien u mingħajr preġudizzju għal dak ir-regolament. |
|
68 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat, skont l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32, minn applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha tivverifika ex officio l-applikazzjoni korretta tal-kriterji u tal-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, skont ir-Regolament Dublin III. |
|
69 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 53 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta espressament li din ma hijiex intiża li tapplika għall-proċeduri bejn l-Istati Membri rregolati mir-Regolament Dublin III. |
|
70 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament “eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser “kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva [2013/32] u d-Direttiva [2011/95] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont [l-imsemmi] Regolament”. |
|
71 |
Minn dan isegwi, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma huwiex l-obbligu tal-qorti nazzjonali li quddiemha tressaq rikors kontra deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif iddefinita f’din id-dispożizzjoni, li teżamina ex officio jekk il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin III ġietx applikata b’mod korrett. |
|
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tikkunsidra bħala infondata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, il-qorti ta’ Stat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni ma hijiex marbuta li teżamina ex officio jekk il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni msemmija, kif stabbiliti fir-Regolament Dublin III, ġewx applikati b’mod korrett. |
Fuq ir-raba’, il-ħames, u s-seba’ domanda
|
73 |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqis lilu nnifsu sempliċement bħala “nisrani”, mingħajr, madankollu, ma identifika ruħu bħala membru ta’ komunità reliġjuża tradizzjonali, u li huwa ma pproduċiex provi u lanqas dikjarazzjonijiet li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk u kif dan jipprattika r-reliġjon tiegħu. Din tindika wkoll li ma jidhirx b’mod ċar jekk it-twemmin tal-applikant jeħtieġx it-twettiq ta’ atti fl-isfera pubblika u jekk l-istqarrijiet tal-applikant humiex suffiċjenti sabiex konvinzjonijiet partikolari jitqiesu bħala reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. Issa, huwa biss fir-rigward tal-elementi pubbliċi marbuta mar-reliġjon nisranija li l-attur tal-persekuzzjonijiet jista’ jagħmel rabta bejn applikant għall-protezzjoni internazzjonali u din ir-reliġjon. |
|
74 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 31(8)(e) tagħha, jippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu sodisfatti. Madankollu, din tqis li n-nuqqas ta’ kjarifika taċ-ċirkustanzi rilevanti li jwasslu biex applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li manifestament titqies bħala infondata ma tistax tkun ir-riżultat tal-inerzja proċedurali tal-awtorità amministrattiva. |
|
75 |
Madankollu, f’dan il-każ, l-elementi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “reliġjon”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, jaqgħu taħt id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li tista’ tkun meħtieġa l-prova ta’ ċerti aspetti relatati mal-ħajja privata fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ċċarat jekk huwiex legali li l-applikant jiġi intervistat, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, dwar il-manifestazzjoni tat-twemmin tiegħu jew dwar l-imġiba tiegħu fir-rigward tar-reliġjon li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu. |
|
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tar-raba’, il-ħames u s-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jinvoka, insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, riskju ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq ir-reliġjon għandux, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar it-twemmin reliġjuż tiegħu, jippreżenta dikjarazzjonijiet jew jipproduċi dokumenti dwar l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni. |
|
77 |
Skont l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, “[l]-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […] il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f’komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż” |
|
78 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/83, li din id-dispożizzjoni tagħti definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reliġjon”, billi tintegra l-komponenti tagħha kollha, sew jekk pubbliċi jew privati, kollettivi jew individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 63). |
|
79 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “b’mod partikolari”, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fiha tagħti biss lista mhux eżawrjenti tal-elementi li jistgħu jikkaratterizzaw dan il-kunċett fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba r-reliġjon. |
|
80 |
B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta minn din id-definizzjoni, il-kunċett ta’ “reliġjon” ikopri, minn naħa, il-fatt li wieħed ikollu twemmin teistiku, mhux teistiku jew ateistiku, u dan, fid-dawl tal-ġeneralità tat-termini użati, jenfasizza li din tirreferi kemm għar-reliġjonijiet “tradizzjonali” kif ukoll għal twemmin ieħor, u, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni, individwali jew f’komunità, jew in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni, f’ċerimonji reliġjużi, liema ħaġa timplika li n-nuqqas ta’ appartenenza għal komunità reliġjuża ma tistax waħedha tkun determinanti fl-evalwazzjoni ta’ dan il-kunċett. |
|
81 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tal-kunċett ta’ “reliġjon” imsemmi fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li wkoll għandu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, li tista’ tkopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li persuna jkollha twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża, peress li r-reliġjon tista’ tesprimi ruħha taħt kull waħda minn dawn il-forom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 44, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi rikjest minn applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jinvoka riskju ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet marbuta ma’ reliġjon li, sabiex isostni t-twemmin reliġjuż tiegħu, jagħmel dikjarazzjonijiet jew jippreżenta dokumenti dwar kull wieħed mill-elementi koperti mill-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. |
|
83 |
Fil-fatt, u hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-atti li jistgħu, f’każ li l-applikant jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż kontra dan l-applikant għal raġunijiet marbuta mar-reliġjon, għandhom jiġu evalwati skont is-severità tagħhom. Għalhekk, dawn jistgħu, fid-dawl ta’ dan il-kriterju, jiġu kklassifikati bħala “persekuzzjoni” mingħajr ma jkun hemm bżonn li dawn jaffettwaw kull wieħed mill-elementi tal-kunċett ta’ reliġjon. |
|
84 |
Madankollu, l-applikant għandu debitament jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-allegata konverżjoni reliġjuża tiegħu, peress li waħedhom, id-dikjarazzjonijiet dwar it-twemmin reliġjuż jew is-sħubija f’komunità reliġjuża jikkostitwixxu biss il-punt tat-tluq tal-proċess ta’ eżami tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 49, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 28). |
|
85 |
F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa d-dmir tal-applikant li jippreżenta kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 50). |
|
86 |
Fil-kuntest tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, fejn ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma humiex sostnuti minn provi dokumentali jew oħrajn, dawk l-aspetti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fl-Artikolu 4(5)(a) sa (e) ta’ din l-istess direttiva jkunu ssodisfatti. |
|
87 |
Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ikunu nstabu li huma koerenti u plawsibbli u li ma jkunux imorru kontra l-informazzjoni ġenerali u speċifika u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll il-fatt li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 33). Jekk ikun il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra wkoll l-ispjegazzjonijiet fornuti għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ provi u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bbażati fuq biża’ ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet reliġjużi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, b’mod partikolari t-twemmin reliġjuż tiegħu u ċ-ċirkustanzi tal-ksib ta’ dan it-twemmin, il-mod kif għandu l-intenzjoni li jgħix il-fidi jew l-ateiżmu tiegħu, ir-relazzjoni tiegħu mal-aspetti dottrinali, ritwali jew preskrittivi ta’ reliġjon li huwa jiddikjara li jappartjeni għaliha jew li jrid jitbiegħed minnha, ir-rwol eventwali tiegħu fit-trażmissjoni tal-fidi tiegħu jew ukoll sensiela ta’ fatturi reliġjużi u fatturi tal-identità, etniċi jew ta’ tipoloġija. |
|
89 |
Finalment, f’dak li jirrigwarda d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà li titressaq prova ta’ ċerti aspetti marbuta mal-ħajja privata fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fis-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406), il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, qieset li l-metodi ta’ evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentali jew oħrajn ippreżentati insostenn ta’ tali talbiet għandhom ikunu konformi mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari, l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda speċifikament mistoqsijiet iddettaljati dwar il-prattiki sesswali ta’ applikant, li b’mod partikolari jidħlu fl-isfera intima tal-individwu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma ssemmi kunsiderazzjonijiet simili fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
|
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’, il-ħames u s-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jinvoka, insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, riskju ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq ir-reliġjon ma għandux, sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar it-twemmin reliġjuż tiegħu, jippreżenta dikjarazzjonijiet jew jipproduċi dokumenti dwar l-elementi kollha tal-kunċett ta’ “reliġjon”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, l-applikant għandu jsostni b’mod kredibbli l-allegazzjonijiet imsemmija, billi jippreżenta provi li jippermettu lill-awtorità kompetenti tivverifika l-veraċità tagħhom. |
Fuq is-sitt domanda
|
91 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-informazzjoni li ġiet ippreżentata lilha, fl-Iran, il-“liġi Iżlamika dwar l-Apostasija” (liġi dwar ir-rinunzja tar-reliġjon) tipprevedi l-piena tal-mewt għall-bidla fit-twemmin reliġjuż taċ-ċittadini Iranjani bħala proselitiżmu, “ostilità lejn Alla” u “insulta lill-Profeta”. Din iżżid li, anki jekk tali leġiżlazzjoni ma tirrigwardax speċifikament ir-reliġjon nisranija, persuni li jkunu kkonvertew lejn il-Kristjaneżmu fl-Iran ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija ta’ sena u ta’ sentejn ta’ projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju. Issa, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn B. Fathi hija mmotivata minn persekuzzjoni li kien vittma tagħha minħabba tali konverżjoni. |
|
92 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, taħt piena ta’ eżekuzzjoni jew ta’ priġunerija, ta’ aġir li jmur kontra r-reliġjon tal-Istat tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali tistax tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
|
93 |
Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95, sabiex jitqies bħala “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1, Taqsima A tal-Konvenzjoni ta’ Genève, att għandu jkun serju biżżejjed min-natura jew mill-karattru ripetut tiegħu li jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li minnhom ma tista’ ssir ebda deroga skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB, jew għandu jkun akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa serju biżżejjed li jaffettwa lil individwu b’mod paragunabbli. Skont l-Artikolu 9(2)(b) u (c) ta’ din id-direttiva, l-“atti ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ “miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;” u “prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju”. |
|
94 |
Hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-direttiva msemmija jirriżulta li l-eżistenza ta’ “vjolazzjoni serja” tal-libertà tar-reliġjon li taffettwa lill-persuna kkonċernata b’mod sinjifikattiv hija neċessarja sabiex l-atti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala persekuzzjoni (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 59). |
|
95 |
Dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt meta l-applikant għal protezzjoni internazzjonali, minħabba l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jesponi ruħu għal riskju reali, b’mod partikolari, ta’ proċeduri jew ta’ trattamenti jew pieni inumani jew degradanti li jirriżultaw minn wieħed mill-atturi msemmija fl-Artikolu 6 tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 67). |
|
96 |
F’dan il-każ, għandu jitqies li l-fatt li leġiżlazzjoni, bħall-Liġi dwar l-apostasija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi l-piena tal-mewt jew ta’ priġunerija, jista’, fih innifshu, jikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95, kemm-il darba tali sanzjoni tkun effettivament applikata fil-pajjiż ta’ oriġini li jkun adotta tali leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 56). |
|
97 |
Fil-fatt, tali piena tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 9(2)(c) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 57). |
|
98 |
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’kawżi dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ atti marbutin mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ reliġjon, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti mill-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistabbilixxu, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant u tad-dokumenti eventwalment ippreżentati minnu, jew ta’ kull informazzjoni minn sorsi affidabbli, jekk, fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, il-piena tal-mewt jew ta’ priġunerija prevista minn tali leġiżlazzjoni hijiex applikata fil-prattika. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn l-elementi ta’ informazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk għandux jitqies li, effettivament, l-applikant għandu biża’ fondata li, ladarba jirritorna lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun ippersegwitat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punti 59 u 60). |
|
99 |
Il-punt imqajjem mill-qorti tar-rinviju dwar jekk, fil-pajjiż ta’ oriġini, il-projbizzjoni hekk ippenalizzata titqiesx li hija neċessarja sabiex tħares l-ordni pubblika jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, huwa irrilevanti. Meta tkun eżaminata applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina jekk hemmx biża’ fondata ta’ persekuzzjoni fis-sens tad-Direttiva 2011/95, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-miżura tal-pajjiż ta’ oriġini minn fejn jirriżulta r-riskju ta’ persekuzzjoni tkun taqa’ jew le taħt il-kunċetti ta’ ordni pubblika jew ta’ drittijiet u ta’ libertajiet ta’ dak il-pajjiż. |
|
100 |
Għal dak li jikkonċerna wkoll l-Artikoli 10 u 18 tal-Karta, imsemmija wkoll mill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda preliminari, tagħrif speċifiku supplimentari. |
|
101 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, taħt piena ta’ eżekuzzjoni jew ta’ priġunerija, ta’ aġir li jmur kontra r-reliġjon tal-Istat tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali tista’ tikkostitwixxi “att ta’ persekuzzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, sakemm tali projbizzjoni tkun, fil-prattika, infurzata b’tali sanzjonijiet mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
|
102 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.