SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2005/85/KE – Artikolu 39 – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 13 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 18, Artikolu 19(2) u Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipju ta’ non‑refoulement – Deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi l-obbligu ta’ ritorn – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tieni livell ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-ażil – Effett sospensiv ipso jure limitat għall-appell fl-ewwel istanza”

Fil-Kawża C‑175/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ April 2017, fil-proċedura

X

vs

Belastingdienst/Toeslagen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, minn E. C. Cerezo‑Weijsenfeld, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer kif ukoll minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u C. Van Lul, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u C. Cattabriga kif ukoll minn G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168), u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18, tal-Artikolu 19(2) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u Belastingdienst/Toeslagen (is-Servizz tal-Allowances tal-Amministrazzjoni Fiskali, il-Pajjiżi l-Baxxi) fir-rigward ta’ deċiżjoni tiegħu li jordna lil X, ċittadin ta’ Stat terz, jirrimborsa kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ kera u ta’ kura tas-saħħa li minnhom huwa bbenefika.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

3

L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulement”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, refuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-KEDB

4

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Projbizzjoni tat-tortura”:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

5

L-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni huwa redatt kif ġej:

“Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali għalkemm dak il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f’kariga uffiċjali.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/85

6

Il-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2005/85 jiddikjaraw:

« (5)

L-għan prinċipali ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi introdott fil-Komunità qafas minimu dwar proċeduri għall-għoti jew l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat.

[…]

(8)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

7

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ l-Istati Membri u għall-irtirar ta’ l-status ta’ rifuġjat.”

8

Skont l-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil […]

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma’ dawn li ġejjin:

a)

il-kwistjoni jekk ir-rimedju skond il-paragrafu 1 għandux ikollu l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu;

b)

il-possibbiltà ta’ rimedju legali jew ta’ miżuri protettivi fejn ir-rimedju skond il-paragrafu 1 ma jkollux l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal rimedju ex officio […]

[…]”

Id-Direttiva 2008/115

9

Il-premessi 2, 4 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jiddikjaraw:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

10

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, jipprevedi li din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru.

11

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]”

12

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

[…]”

13

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rimedji”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

2.   L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

[…]”

Id-dritt Olandiż

14

Fid-dritt Olandiż, ir-rikorsi fl-ewwel istanza ppreżentati quddiem ir-rechtbank (qorti, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra deċiżjoni tal-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għandhom effett sospensiv ipso jure. Jekk ikun possibbli li jsir appell minn sentenza mogħtija mir-rechtbank (qorti) li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, il-proċedura ta’ appell ma jkollhiex effett sospensiv ipso jure. Madankollu r-rikorrent jista’ jitlob lill-voorzieningenrechter (imħallef għal miżuri provviżorji) tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jieħu miżuri provviżorji, sabiex jevita b’mod partikolari li jiġi mkeċċi, fl-istennija tal-konklużjoni tal-proċedura ta’ appell fuq il-mertu. Din it-talba għal miżuri provviżorji ma għandhiex, min-naħa tagħha, effett sospensiv ipso jure.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fl‑1 ta’ Lulju 2011, X, ċittadin Iraqin, ġie nnotifikat b’deċiżjoni li tirtira l-permess ta’ residenza għal perijodu limitat li kien kiseb u li tirrifjuta li tilqa’ l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll li kienet timponilu obbligu ta’ ritorn. X ippreżenta rikors tal-appell kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li annullat l-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li żammet l-effetti legali tagħha. Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Frar 2013, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad l-appell ippreżentat minn X kontra din is-sentenza.

16

Barra minn hekk, X kien talab u kiseb antiċipi fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż ta’ kera u ta’ kura previsti mid-dritt Olandiż. Wara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2013 mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), l-Amministrazzjoni Fiskali/Servizz tal-Allowances talbet ir-rimbors ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, inkluż għall-perijodu li matulu kienu pendenti l-proċeduri tal-ewwel istanza u ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2011.

17

Il-qorti tar-rinviju tindika li hija adita b’appell ippreżentat minn X kontra sentenza tar-rechtbank (qorti) li tikkonferma l-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija esponiet li, taħt id-dritt nazzjonali, il-kwistjoni dwar jekk X kellux, matul il-perijodu li fih il-proċeduri tal-ewwel istanza u ta’ appell imressqa kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2011 kienu pendenti, dritt għal dawn il-kontribuzzjonijiet, tiddependi mill-effett sospensiv ta’ dawn ir-rikorsi. L-effett sospensiv ipso jure tar-rikors fl-ewwel istanza previst fid-dritt Olandiż jikkonferixxi għalhekk lil X dritt għall-imsemmija kontribuzzjonijiet. Madankollu, peress li d-dritt Olandiż ma jipprevedix effett sospensiv ipso jure għall-proċeduri ta’ appell u peress li X lanqas ma kien talab lill-voorzieningenrechter (imħallef għal miżuri provviżorji) tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) sabiex jieħu miżuri provviżorji, din il-qorti tqis li X ikollu dritt għal dawn l-istess kontribuzzjonijiet matul il-proċedura ta’ appell biss jekk id-dritt tal-Unjoni tkun tirrikjedi li l-appell ikollu effett sospensiv ipso jure.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 […] flimkien mal-Artikoli 4 [u] 18, [kif ukoll l-Artikolu] 19(2) u [l-Artikolu] 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li appell, fil-każ li d-dritt nazzjonali jipprevedi dan fi proċeduri ta’ kontestatazzjoni ta’ miżura li tinkludi deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 3(4) [ta’ din id-direttiva], ikollu effett sospensiv awtomatiku meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinvoka l-fatt li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn timplika riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement? Fi kliem ieħor, hemm lok li f’tali sitwazzjoni tiġi eskluża t-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat matul it-terminu għall-preżentata tal-appell jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell, sakemm tingħata deċiżjoni dwaru, mingħajr ma ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun obbligat iressaq talba separata għal dan il-għan?

2)

L-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85 […] flimkien mal-Artikoli 4 [u] 18 [kif ukoll l-Artikolu] 19(2) u [l-Artikolu] 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li appell, fil-każ li d-dritt nazzjonali jipprevedi dan fi proċeduri relatati maċ-ċaħda ta’ talba [applikazzjoni] għal ażil fis-sens tal-Artikolu 2 [ta’ din id-direttiva], ikollu effett sospensiv awtomatiku? Fi kliem ieħor, hemm lok li f’tali sitwazzjoni tiġi eskluża t-tneħħija tal-applikant għall-ażil ikkonċernat matul it-terminu għall-preżentata tal-appell jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell, sakemm tingħata deċiżjoni dwaru, mingħajr ma l-applikant tal-ażil ikkonċernat ikun obbligat iressaq talba separata għal dan il-għan?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

19

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Frar 2018, il-Gvern Olandiż talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li għandha tiddeċiedi din il-kawża fuq il-bażi tal-kwistjoni, itrattata mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, dwar jekk il-kompetenza tal-qorti tal-ewwel istanza li tannulla d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2011 filwaqt li żżomm fis-seħħ l-effetti legali tagħha teħtieġx li jiġi kkonferit lill-appell dirett kontra din id-deċiżjoni effett sospensiv ipso jure. Din il-kwistjoni ma ġietx sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, u lanqas ma hija suġġetta għal diskussjoni bejn il-partijiet.

20

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna f’kull mument il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss mill-partijiet.

21

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni msemmija mit-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni u li dawn l-elementi kienu s-suġġett tad-dibattiti li seħħew quddiemha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punti 2425).

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Il-Gvern Belġjan iqajjem in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi magħmula, minħabba li s-suġġett tagħhom, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ appell, u d-deċiżjoni li dan jingħata, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure, kontra s-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza marbuta ma’ deċiżjonijiet bħal dik tal‑1 ta’ Lulju 2011, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri.

23

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jirrifjutaw li jilqgħu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u jimponu lill-applikanti obbligu ta’ ritorn, bħad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2011.

24

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-introduzzjoni ta’ appell kontra s-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza relatati ma’ tali deċiżjonijiet u d-deċiżjoni li dan ir-rimedju jingħata, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri, din hija indissoċjabbilment marbuta mar-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi magħmula, inkwantu dawn jirrigwardaw speċifikament il-portata tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-garanziji previsti fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 47 tal-Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq id-domandi preliminari

25

Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi appell kontra sentenza mogħtija fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma tagħtix effett sospensiv ipso jure lil dan ir-rimedju anki meta l-parti kkonċernata tinvoka riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non‑refoulement.

26

Skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jħarsu sabiex l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkollhom dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra, b’mod partikolari, deċiżjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 39(3)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, jekk ikun il-każ l-Istati Membri għandhom jipprevedu r-regoli li jirriżultaw mill-obbligi internazzjonali tagħhom relatati, minn naħa, mal-kwistjoni dwar jekk dan ir-rimedju jkollux l-effett li jippermetti lill-applikanti jibqgħu fl-Istat Membru kkonċernat fl-istennija tal-eżitu tiegħu jew, min-naħa l-oħra, mal-possibbiltà ta’ rimedju legali jew ta’ miżuri kawtelatorji jekk l-imsemmi rimedju ma jkollux tali effett.

27

Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1) tagħha, iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv sabiex jikkontesta deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew istanza kompetenti magħmula minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza.

28

B’hekk, għalkemm li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2005/85 u 2008/115 jimponu lill-Istati Membri sabiex jipprevedu dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li r-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħhom u d-deċiżjoni ta’ ritorn ma kellhomx suċċess, id-dritt li jappellaw, u wisq inqas għandhom jipprevedu li l-eżerċizzju ta’ tali dritt ikun mogħni b’effett sospensiv ipso jure.

29

Rekwiżiti ta’ dan it-tip lanqas ma jistgħu jiġu dedotti mill-istruttura u mill-għan ta’ dawn id-direttivi. Fil-fatt, l-għan tal-imsemmija direttivi jikkonsisti, rispettivament, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2005/85, f’li jiġi introdott prinċipalment, fl-Unjoni Ewropea, qafas minimu għall-proċedura ta’ għoti u ta’ rtirar tal-istatus ta’ refuġjat, kif ukoll, konformement mal-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115, f’li tiġi stabbilita politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ rimpatriju fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (ara, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, b’ebda mod ma jirriżulta mill-premessi ta’ dawn id-direttivi li dawn huma intiżi li jobbligaw lill-Istati Membri jintroduċu tieni livell ta’ ġurisdizzjoni.

30

B’hekk, filwaqt li ma jipprekludux lil Stat Membru jipprevedi tieni livell ta’ ġurisdizzjoni għar-rikorsi tal-appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, id-Direttivi 2005/85 u 2008/115 ma jinkludu ebda regola relatata mal-introduzzjoni u t-tfassil ta’ tali livell ta’ ġurisdizzjoni. B’mod partikolari, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, la mill-kliem, la mill-istruttura u lanqas mill-għan ta’ dawn id-direttivi ma jirriżulta li meta Stat Membru jipprevedi tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra tali deċiżjonijiet, il-proċedura ta’ appell li jintroduċi għandha neċessarjament tikkonferixxi effett sospensiv ipso jure għall-appelli ppreżentati mill-applikant.

31

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, bħal dik tad-Direttiva 2005/85, għandha ssir, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tal-ewwel direttiva u mill-premessa 8 tat-tieni direttiva, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 51).

32

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta Stat Membru jiddeċiedi li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż fejn jeżistu raġunijiet serji li wieħed jemmen li dan ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, hekk kif ikkompletata mill-Protokoll relatat magħha, jew mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tagħha, jirrikjedi li dan l-applikant ikollu rimedju sospensiv ipso jure kontra l-eżekuzzjoni tal-miżura li tippermetti t-tneħħija tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn u ta’ eventwali deċiżjoni ta’ tneħħija, il-protezzjoni inerenti għad-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll għall-prinċipju ta’ non‑refoulement għandha tiġi żgurata billi jiġi rrikonoxxut lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv sospensiv ipso jure, mill-inqas quddiem istanza ġudizzjarja. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effikaċja sħiħa tar-rikors tal-appell kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jissospendu l-effetti kollha tad-deċiżjoni ta’ ritorn matul it-terminu tal-preżentata ta’ dan ir-rikors u, jekk dan ir-rikors tal-appell ikun ġie ppreżentat, sakemm tkun ingħatat deċiżjoni dwaru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 56, 5861 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2018, C et, C‑269/18 PPU, EU:C:2018:544, punt 50).

34

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, la l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 jew l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tagħha, ma jimponu l-eżistenza ta’ livell doppju ta’ ġurisdizzjoni. Hija meħtieġa sempliċement, fil-fatt, l-eżistenza ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69, u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 57).

35

F’dan ir-rigward, hemm ulterjorment lok li jitfakkar li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan ikun jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tħares li l-interpretazzjoni li hija tagħmel tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dik iggarantita mill-Artikolu 13 tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 77, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 62).

36

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, anki fir-rigward ta’ lment ibbażat fuq il-fatt li t-tneħħija tal-parti kkonċernata tkun tesponih għal riskju reali li jġarrab trattament kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-KEDB, l-Artikolu 13 ta’ din il-Konvenzjoni ma timponix fuq il-Partijiet Għolja Kontraenti l-obbligu li jintroduċu tieni livell ta’ ġurisdizzjoni, u lanqas li jinkludu, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure fi proċedura ta’ appell (ara, f’dan is-sens, Il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 5 ta’ Lulju 2016, A.M. vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2016:0705JUD002909409, punt 70).

37

Għalhekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2) kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, lil applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu u li timponilu obbligu ta’ ritorn hija limitata għall-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju wieħed.

38

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-introduzzjoni ta’ tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn kif ukoll id-deċiżjoni li dan ikun jinkludi, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure jikkostitwixxu, kuntrarjament għall-argument li jinvoka l-Gvern Belġjan, espost fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, modalitajiet proċedurali li jimplimentaw id-dritt għal rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115. Filwaqt li tali modalitajiet proċedurali jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huma għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punti 31, 3650 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑539/14, EU:C:2015:508, punt 33).

39

B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi għas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili fid-dritt intern (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu mfassla b’mod li jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 25, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

L-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura fl-intier tagħha, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, EU:C:1998:577, punt 44, u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting‑04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tiegħu jirrikjedi trattament ugwali tar-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal kontenzjuż ta’ natura differenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

B’hekk, jeħtieġ, minn naħa, li jiġu identifikati l-proċeduri jew l-azzjonijiet paragunabbli u, min-naħa l-oħra, li jiġi determinat jekk l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali humiex itrattati b’mod iktar favorevoli mill-azzjonijiet li jirrigwardaw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 45, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 19).

43

Fir-rigward tan-natura paragunabbli tal-azzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-iskop tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting‑04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39, u tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 20).

44

Fir-rigward tat-trattament simili tal-azzjonijiet, jeħtieġ li jitfakkar li kull każ fejn tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali dwar l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonaijiet simili ta’ natura interna għandu jiġi analizzat mill-qorti nazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura fl-intier tagħha, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 21).

45

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha li, f’ċerti oqsma tad-dritt amministrattiv minbarra l-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, id-dritt Olandiż jinkludi effett sospensiv ipso jure fl-appelli. Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li ebda waħda mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma esprimiet dubji fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-fajl għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ma jinkludi ebda element li jippermetti li jiġi evalwat jekk l-appelli ppreżentati f’dawn l-oqsma humiex paragunabbli, mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-iskop tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom, għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas ma jippermetti li jiġi eżaminat jekk l-ewwel appelli għandhomx jitqiesu bħala inqas favorevoli mit-tieni fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punti 40 sa 45 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 24).

47

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hemm lok li jitqies li dan ma jinkludix, f’dan il-każ, rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantiti mill-Karta. Issa, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tagħha, jirrikjedi biss li applikant għal protezzjoni internazzjonali li fil-konfront tiegħu tkun ingħatat deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu u li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv quddiem istanza ġudizzjarja, is-sempliċi fatt li livell ta’ ġurisdizzjoni supplimentari, previst mid-dritt nazzjonali, ma jkunx mogħni b’effett sospensiv ipso jure ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi appell kontra sentenza fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma tinkludix effett sospensiv ipso jure f’dan ir-rimedju anki meta l-persuna kkonċernata tinvoka riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat, u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi appell kontra sentenza fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma tinkludix effett sospensiv ipso jure f’dan ir-rimedju anki meta l-persuna kkonċernata tinvoka riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.