KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2018 ( 1 )

Kawża C-96/17

Gardenia Vernaza Ayovi

vs

Consorci Sanitari de Terrassa

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no2 de Terrassa (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Impjieg għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż bejn CES, UNICE u CEEP – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat – Kunċett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg – Dritt tal-ħaddiem għar-reintegrazzjoni tiegħu fil-każ ta’ tkeċċija dixxiplinari illegali – Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’għamla ta’ kuntratt ta’ xogħol ‘interinidad’ – Kuntratt ta’ xogħol fis-settur pubbliku – Inugwaljanza fit-trattament b’paragun ma’ ħaddiema permanenti – Kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti fis-sens tad-dritt Spanjol”

I. Introduzzjoni

1.

Huwa diskriminatorju li ħaddiem għal żmien determinat fis-settur pubbliku ma jkollux dritt għar-reintegrazzjoni tiegħu fil-każ tat-terminazzjoni illegali tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mill-persuna li timpjegah, filwaqt li membru tal-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement huwa speċifikament iggarantit tali dritt bil-liġi?

2.

Din hija essenzjalment il-kwistjoni legali li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura preliminari. F’dan ir-rigward, għal darba oħra, il-qofol tal-kwistjoni huwa l-istatus ta’ ħaddiema għal żmien determinat fi Spanja, u dan fil-kuntest ta’ tip speċjali ta’ impjieg għal żmien determinat, il-“kuntratt ta’ xogħol ‘interinidad’” ( 2 ) fis-settur pubbliku, li sussegwentement jiġi kkonvertit f’“kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti”.

3.

Speċifikament, din il-kawża tikkonċerna infermiera Spanjola, Gardenia Yolanda Vernaza Ayovi, li tkeċċiet minħabba raġunijiet dixxiplinari u li issa qiegħda tiġġieled quddiem il-qrati nazzjonali għar-reintegrazzjoni fl-impjieg tagħha fl-isptar. Il-kawża tikkonċerna l-fatt dwar jekk G.Y. Vernaza Ayovi tistax tinvoka, l-istess bħall-persunal tas-servizz pubbliku impjegat għal żmien permanenti, dritt legali għar-reintegrazzjoni fl-impjieg tagħha jekk jirriżulta li t-tkeċċija tagħha kienet illegali. Sabiex tiġi analizzata din is-sitwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-partikolaritajiet tal-impjieg fis-servizz pubbliku.

4.

Din il-kawża tagħmel parti minn sensiela ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat, li numru minnhom jirrigwardaw il-problemi ġuridiċi relatati mal-kuntratt ta’ xogħol ‘interinidad’ Spanjol, filwaqt li oħrajn jirrigwardaw it-tipi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fi Spanja ( 3 ).

5.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ineżami tista’ tkun biċċa mużajk oħra fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat kontra l-abbuż u d-diskriminazzjoni, li ilha preokkupazzjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea għal ċertu żmien.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

6.

Id-dritt tal-Unjoni applikabbli għal din il-kawża huwa d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż bejn CES, UNICE u CEEP ( 4 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/70”). Kif jindika l-Artikolu 1 tagħha, l-imsemmija direttiva hija intiża li timplementa l-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat (iktar ’il quddiem ukoll il-“Ftehim Qafas”) li ġie konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn tliet organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali (CES, UNICE u CEEP) u li jinsab anness mad-direttiva.

7.

Globalment, il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandu l-għan li jistabbilixxi l-“prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg” filwaqt li jtejjeb inter alia“il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi [jiżgura] l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni […]” ( 5 ). Dan jirrifletti x-xewqa tal-imsieħba soċjali “li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni” ( 6 ).

8.

Il-Ftehim qafas huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni “li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema” ( 7 ). Madankollu, fl-istess waqt, il-Ftehim Qafas jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” ( 8 ). Dan jirrappreżenta “kontribuzzjoni oħra lejn bilanċ aħjar bejn ‘flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall-ħaddiema’” ( 9 ).

9.

Il-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas tiddefinixxi l-iskop tiegħu kif ġej:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

(a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

(b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

10.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas, il-klawżola 2(1) tiegħu tispeċifika:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

11.

Il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas tinkludi d-“[d]efinizzjonijiet” li ġejjin:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

12.

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas tinsab taħt it-titolu “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni” u tipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

B.   Id-dritt nazzjonali

13.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Spanjol huma dawk tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal għas-Servizz Pubbliku ( 10 ) kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema ( 11 ).

Il-kategorija tal-ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat iżda mhux permanenti

14.

Il-persunal tas-servizz pubbliku fi Spanja huwa magħmul minn uffiċjali jew minn impjegati fis-servizz pubbliku.

15.

Il-ħaddiema fis-servizz pubbliku huma impjegati abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol u, għall-finijiet ta’ din il-kawża, jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji:

membri tal-persunal kuntrattwali permanenti li ġew irreklutati wara proċedura ta’ għażla u li għandhom post tax-xogħol iggarantit,

membri tal-persunal kuntrattwali li, mingħajr ma tkun saret proċedura ta’ kompetizzjoni minn qabel, iwettqu xogħolhom abbażi ta’ “kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti”, u

membri tal-persunal kuntrattwali impjegati għal żmien determinat.

16.

Skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) ( 12 ), jitqiesu bħala membri tal-persunal kuntrattwali impjegati għal żmien indeterminat iżda mhux permanentement fis-sens tat-tieni kategorija, inter alia, dawk il-ħaddiema li jkunu ġew irreklutati abbużivament abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Madankollu, anki kuntratt ta’ xogħol ‘interinidad’ jista’ jagħti bidu għal relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti.

Il-konsegwenzi legali ta’ tkeċċija dixxiplinari illegali

17.

Skont l-Artikolu 56(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema, fil-każ ta’ tkeċċija illegali ta’ ħaddiem, il-persuna li timpjega, fil-prinċipju, tista’ tagħżel jekk tirreintegrax lill-ħaddiem u tħallsu r-remunerazzjoni dovuta mit-tkeċċija sal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-illegalità tagħha, jew jekk tħallasx kumpens korrispondenti għal 33 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz, b’limitu massimu ta’ paga ta’ 24 xahar.

18.

Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 56(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema tapplika kemm għal ħaddiema fis-settur privat kif ukoll għal ċerti kategoriji ta’ persunal tas-servizz pubbliku; fl-ewwel lok għal persunal tas-servizz pubbliku b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll, fit-tieni lok, għal persunal tas-servizz pubbliku impjegat għal żmien indeterminat iżda mhux permanentement, jiġifieri għat-tieni u għat-tielet kategorija msemmija iktar ’il fuq fil-punt 15.

19.

B’deroga għal din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 96(2) tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku jistabbilixxi li persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement għandu jerġa’ jiġi rreintegrat fis-servizz jekk tkeċċija li tkun saret wara proċedura dixxiplinari tiġi ddikjarata abbużiva minħabba nuqqas serju.

Il-kuntratt ta’ xogħol “interinidad”

20.

Il-kuntratt ta’ xogħol “interinidad” huwa tip speċjali ta’ kuntratt ta’ xogħol li huwa rregolat minn dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema – l-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali 2720/1998 ( 13 ). Dan il-kuntratt jista’ jiġi konkluż sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem intitolat iżomm il-post tax-xogħol bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni, ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim individwali. Dan il-kuntratt jista’ jiġi konkluż ukoll sabiex tiġi okkupata b’mod temporanju pożizzjoni, għal perijodu li matul tiegħu ssir proċedura ta’ kompetizzjoni jew ta’ promozzjoni sabiex timtela’ b’mod permanenti din il-pożizzjoni.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

21.

G.Y. Vernaza Ayovi kienet impjegata fi Spanja bħala infermiera b’effett mit-30 ta’ Mejju 2006. Inizjalment, l-entità li timpjegaha kienet il-Fundació Sant Llàtzer, sakemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha ftit wara ġiet ittrasferita lill-Consorci Sanitari de Terrassa ( 14 ). Il-Consorci huwa persuna ġuridika tad-dritt pubbliku li tappartjeni għas-settur pubbliku ta’ Spanja u li tiġġestixxi l-isptar ta’ Terrassa. G.Y. Vernaza Ayovi inizjalment ħadmet hemmhekk fuq bażi part-time u sussegwentement fuq bażi full-time max-xift ta’ bil-lejl.

22.

Ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ G.Y. Vernaza Ayovi kienet inizjalment ibbażata fuq kuntratt ta’ xogħol “interinidad” għal żmien determinat, li beda fit-30 ta’ Mejju 2006 u li spiċċa fl-14 ta’ Awwissu 2006, u, sussegwentement, mill-15 ta’ Awwissu 2006, fuq kuntratt ta’ xogħol “interinidad” ieħor, ukoll għal żmien determinat, li fit-28 ta’ Diċembru 2006, inbidel f’“relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti” fis-sens tal-ġurisprudenza Spanjola ( 15 ).

23.

Fl-20 ta’ Lulju 2011, G.Y. Vernaza Ayovi talbet għal leave minħabba raġunijiet personali, liema leave inizjalment ġie approvat għal sena u sussegwentement estiż darbtejn għal sena addizzjonali kull darba.

24.

Meta, fid-19 ta’ Ġunju 2014, G.Y. Vernaza Ayovi talbet għar-reintegrazzjoni tagħha, il-Consorci informaha li dak iż-żmien ma kienx hemm postijiet vakanti adattati jew ekwivalenti disponibbli għal infermiera fil-qasam tax-xogħol preċedenti tagħha. Bħala segwitu għal dan, G.Y. Vernaza Ayovi ħadet sehem, mingħajr suċċess, f’ħames proċeduri ta’ reklutaġġ interni. Finalment, il-Consorci allokalha pożizzjoni fuq bażi part-time (46.66 %) bix-xiftijiet bil-lejl abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti.

25.

Sussegwentement, G.Y. Vernaza Ayovi ddikjarat li ma riditx taċċetta kundizzjonijiet tax-xogħol differenti minn dawk li kellha qabel il-leave minħabba raġunijiet personali, u f’Mejju tal-2016 irrifjutat ukoll l-iskeda tax-xogħol allokata lilha.

26.

Peress li G.Y. Vernaza Ayovi ma kinitx qiegħda tmur ix-xogħol fil-ħinijiet indikati fl-iskeda tax-xogħol, l-ewwel ġiet mhedda b’passi dixxiplinari u, fl-aħħar nett, ingħata bidu għal proċedura dixxiplinari kontriha. Fil-kuntest tal-imsemmija proċedura dixxiplinari, G.Y. Vernaza Ayovi tkeċċiet fil-15 ta’ Lulju 2016 għal raġunijiet dixxiplinari minħabba l-assenza inġustifikata tax-xogħol.

27.

Fis-26 ta’ Awwissu 2016, G.Y. Vernaza Ayovi ppreżentat rikors kontra t-tkeċċija tagħha minħabba raġunijiet dixxiplinari quddiem il-Juzgado de lo Social no2 de Terrassa (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa, Spanja) ( 16 ), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija tqis it-tkeċċija tagħha hija illegali u titlob li l-Consorci jiġi ordnat għar-reintegrazzjoni tagħha bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol li kellha qabel it-tkeċċija tagħha kif ukoll għall-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta, jew inkella għall-ħlas tal-kumpens massimu possibbli skont il-liġi.

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

B’digriet tas-26 ta’ Jannar 2017, li wasal fit-22 ta’ Frar 2017, il-Juzgado de lo Social no 2 de Terrassa (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa) ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

1)

Ir-rimedju legali li joffri l-ordinament ġuridiku għal tkeċċija dixxiplinari kkwalifikata bħala illegali u b’mod speċifiku r-rimedju indikat mill-Artikolu 96(2) tar-[Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku], jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ l-impjieg” tal-Klawżola 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss […] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP?

2)

Il-Klawżola 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss […] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, tqis bħala diskriminatorja sitwazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 96(2) tar-[Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku] fejn t-tkeċċija dixxiplinari ta’ ħaddiem permanenti fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika, meta titqies li tkun abużiva, jiġifieri illegali, dejjem tirrikjedi r-reintegrazzjoni tal-ħaddiem, iżda fejn jekk dan ikun ħaddiem temporanju jew temporanju b’kuntratt għal żmien indeterminat li jkun iwettaq l-istess funzjonijiet bħal ħaddiem permanenti, huwa possibbli li minflok ir-reintegrazzjoni jingħata kumpens?

3)

Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-istess domanda preċedenti, mhux fid-dawl tal-imsemmija direttiva iżda fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikun ġustifikat trattament mhux ugwali f’din iċ-ċirkustanza?

29.

Fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Consorci Sanitari de Terrassa, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet, kif ukoll G.Y. Vernaza Ayovi, kienu rrappreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2017.

V. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li jargumenta li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn G.Y. Vernaza Ayovi u l-Consorci tikkonċerna relazzjoni ta’ xogħol sempliċi tad-dritt privat li fir-rigward tagħha ma tistax tapplika l-leġiżlazzjoni kontenzjuża dwar id-dritt legali għar-reintegrazzjoni tal-ħaddiem skont l-Artikolu 96(2) tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal għas-Servizz Pubbliku.

31.

Skont l-Artikolu 267 TFUE, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Peress li kemm id-Direttiva 1999/70 flimkien mal-Ftehim Qafas mehmuż magħha, kif ukoll l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għad-domandi preliminari ma tistax tiġi kkontestata.

32.

Fir-realtà, ir-Renju ta’ Spanja iktar iqajjem problema ta’ ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari milli problema ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Renju ta’ Spanja hawnhekk jalludi għall-kategorija tad-domanda preliminari purament ipotetika li tikkonċerna b’ebda mod il-fatti tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, u jiġġustifika dan l-argument bil-fatt li ħaddiem bħal G.Y. Vernaza Ayovi fi kwalunkwe każ ma jistax jinvoka l-Artikolu 96(2) tar- Regolamenti Bażiċi tal-Persunal għas-Servizz Pubbliku.

33.

Madankollu, huwa proprju dan il-fatt li jikkostitwixxi l-kwistjoni vera tad-dritt tal-Unjoni li tqum fil-kawża inkwistjoni: huwa preċiżament minħabba l-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali eskluda l-kategorija tal-persunal tas-servizz pubbliku, impjegat għal żmien indeterminat iżda mhux permanentement, mid-dritt legali għal reintegrazzjoni skont l-Artikolu 96(2) tar- Regolamenti Bażiċi tal-Persunal għas-Servizz Pubbliku, li tqum il-kwistjoni dwar jekk din l-esklużjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni kontra ħaddiema impjegati għal żmien determinat. Din id-domanda b’ebda mod ma hija ta’ natura ipotetika u teħtieġ risposta utli ( 17 ).

34.

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti risposta.

VI. L-evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari

35.

Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk ikunx diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni meta ħaddiema għal żmien determinat tas-settur pubbliku ma jkollhiex dritt legali għar-reintegrazzjoni tagħha fil-każ tat-terminazzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mill-entità li timpjega, filwaqt li d-dritt nazzjonali jagħti tali dritt lill-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement.

36.

Il-kuntest ta’ dawn id-domandi huwa l-fatt li l-Artikolu 96(2) tar-Regolamenti Bażiċi Spanjoli tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku jipprovdi biss dritt legali għar-reintegrazzjoni ta’ dak il-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement, filwaqt li għall-ħaddiema l-oħra kollha japplika l-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema, li jistabbilixxi li l-persuna li timpjega, fil-każ li terminazzjoni tiġi ddikjarata illegali, għandha l-possibbiltà li tagħżel bejn ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiem u l-ħlas ta’ kumpens.

37.

Il-kwistjoni dwar jekk it-terminazzjoni ta’ G.Y. Vernaza Ayovi kinitx tabilħaqq illegali ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward.

A.   Rimarka preliminari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas

38.

Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkjarifikat li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw ukoll għal ħaddiema għal żmien determinat, impjegati ma’ awtoritajiet jew entitajiet oħra tas-settur pubbliku ( 18 ), u li quddiem qorti nazzjonali dawn il-ħaddiema għandhom dritt li jinvokaw direttament il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas kontra tali awtoritajiet jew entitajiet ( 19 ).

39.

Għalhekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat, kif stabbilit fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, jista,’ fil-prinċipju, jiġi invokat direttament anki fil-konfront tal-Consorci, persuna ġuridika tad-dritt pubbliku.

40.

Madankollu, il-Consorci jsostni b’insistenza li ħaddiema bħal G.Y. Vernaza Ayovi ma hijiex ħaddiema għal żmien determinat iżda persuna b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat li mill-bidu nett ma setgħetx tinvoka l-Ftehim Qafas. Dan huwa, parzjalment, l-argument invokat mir-Renju ta’ Spanja.

41.

Huwa minnu li l-Ftehim Qafas japplika biss għal ħaddiema b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan jirriżulta mit-titolu stess tiegħu u huwa kkonfermat mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fil-klawżola 2(1): din il-klawżola tipprovdi li l-Ftehim Qafas japplika għal ħaddiema impjegati għal żmien determinat li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ impjieg kif iddefinit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.

42.

F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali, filwaqt li tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-qorti suprema tar-Renju ta’ Spanja, tindika li kuntratt ta’ xogħol bħal dak ta’ G.Y. Vernaza Ayovi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat skont il-kriterji tad-dritt nazzjonali. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll trid tibbaża ruħha fuq din ir-rappreżentazzjoni tas-sitwazzjoni legali domestika li bbażat ruħha fuqha l-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tagħha, u fuq il-kwalifika legali tal-fatti fil-kawża prinċipali, li bbażat ruħha fuqha l-qorti tar-rinviju, u dan ukoll jekk ċerti partijiet fil-kawża, bħall-Consorci u bħar-Renju ta’ Spanja, jesprimu opinjonijiet differenti ( 20 ).

43.

Barra minn hekk, anki mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, kuntratt ta’ xogħol bħall-kuntratt ta’ “interinidad” Spanjol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fih il-karatteristiċi kollha ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Skont il-klawżola 3(1) tal-Ftehim Qafas, il-fattur determinanti f’dan ir-rigward huwa li t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol jiġi ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħall-fatt li tintlaħaq data speċifika, li jitlesta kompitu speċifiku, jew l-okkorrenza ta’ avveniment speċifiku.

44.

Huwa minnu li kuntratt ta’ xogħol “interinidad”, bħal dak ta’ G.Y. Vernaza Ayovi, ma jipprovdix data speċifika bħala data li fiha tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol. Huwa minnu wkoll li l-klassifikazzjoni, skont id-dritt nazzjonali, ta’ ħaddiema bħal G.Y. Vernaza Ayovi bħala “ħaddiema impjegata għal żmien indeterminat mhux permanenti” tista’ tagħti lok għal ċerta konfużjoni terminoloġika minħabba l-użu tal-espressjoni “għal żmien indeterminat” u saħansitra, tista’ prima facie, tindika relazzjoni tal-impjieg permanenti.

45.

Madankollu, il-punt deċiżiv huwa li kuntratt ta’ xogħol “interinidad” dejjem jispiċċa awtomatikament mal-okkorrenza tal-avveniment speċifiku, jiġifieri mar-ritorn tal-ħaddiem intitolat li jżomm il-post tax-xogħol tiegħu jew inkella mal-konklużjoni ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni għall-okkupazzjoni tal-post tax-xogħol vakanti b’ħaddiem impjegat permanentement. Għalhekk, kif juri l-użu stess tal-kliem “mhux permanenti”, din ma hijiex relazzjoni ta’ impjieg permanenti iżda, għall-kuntrarju, relazzjoni ta’ xogħol temporanja li d-data finali tagħha hija vvizzjata biss b’inċertezza sa fejn ma hijiex iddenotata b’data preċiża.

46.

Fi kliem ieħor, huwa paċifiku li relazzjoni ta’ xogħol bħal dik ta’ G.Y. Vernaza Ayovi tintemm mal-okkorrenza ta’ avveniment speċifiku (u miftiehem, minn tal-inqas, impliċitament) – ir-ritorn ta’ impjegat permanenti jew l-ingaġġ inizjali tiegħu; l-unika ħaġa li ma hijiex speċifikata hija l-jum eżatt li fih dan iseħħ. Dan huwa biżżejjed għall-preżunzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat skont il-klawżola 3(1) tal-Ftehim Qafas.

47.

Finalment, il-Consorci joġġezzjona li l-Ftehim Qafas japplika biss għal kuntratti ta’ xogħol Spanjoli għal żmien indeterminat mhux permanenti f’każ li jkun ser jiġi ssanzjonat abbuż mill-persuna li timpjega fis-settur pubbliku fl-użu ta’ dan it-tip ta’ kuntratt. Insostenn ta’ dan, il-Consorci jirreferi għad-digriet León Medialdea li kellu bħala suġġett sanzjonijiet għall-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ( 21 ).

48.

Madankollu, dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud. Dan huwa bbażat fuq fehim żbaljat tad-digriet León Medialdea. Is-sempliċi fatt li fl-imsemmi digriet il-prijorità kienet il-ġlieda kontra l-abbuż, ma jistax jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ abbuż hija prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-Ftehim Qafas għal ħaddiema li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom hija bbażata fuq kuntratt ta’ “interinidad” Spanjol. Id-demarkazzjoni bejn ir-rekwiżiti tal-applikazzjoni tal-Ftehim Qafas, minn naħa, u d-dispożizzjonijiet inklużi fil-Ftehim Qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (klawżola 4) kif ukoll kontra l-abbuż (klawżola 5), min-naħa l-oħra, ma tistax issir vaga.

49.

Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, ħaddiema bħal G.Y. Vernaza Ayovi, li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha hija bbażata fuq kuntratt ta’ “interinidad” skont id-dritt Spanjol, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

B.   Il-kunċett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas (l-ewwel domanda preliminari)

50.

L-ewwel domanda preliminari tikkonċerna l-kunċett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg. Dan il-kunċett jiddelimita f’iktar dettall il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat. Fil-fatt, il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, li tistabbilixxi din il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, tipprojbixxi speċifikament it-trattament inqas sfavorevoli ta’ ħaddiema għal żmien determinat “[f]ejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”.

51.

Il-qorti tar-rinviju issa tixtieq kjarifika dwar jekk l-imsemmija kundizzjonijiet tal-impjieg inkwistjoni jistgħux jinkludu wkoll dritt għar-reintegrazzjoni tal-ħaddiem wara t-terminazzjoni illegali mill-persuna li timpjegah, kif iggarantit fi Spanja lill-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement, abbażi tal-Artikolu 96(2) tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku.

52.

Il-Gvern Spanjol huwa l-unika parti li wieġbet din id-domanda fin-negattiv. Kif diġà għamel fil-Kawżi C-596/14, C-574/16 u C-677/16, dan essenzjalment isostni li kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas jirreferu biss għal kundizzjonijiet tax-xogħol ( 22 ) fis-sens strett, iżda mhux għal kundizzjonijiet tal-impjieg ( 23 ) oħra bħal pereżempju l-prerekwiżiti u l-konsegwenzi legali tat-terminazzjoni ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat.

53.

Kif spjegajt reċentement f’kawża oħra, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. ( 24 ) Fil-fatt, il-ġurisprudenza tipprovdi li l-uniku kriterju determinanti għall-fehim tal-kunċett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas huwa dak tal-impjieg, jiġifieri l-fatt li d-dispożizzjonijiet applikabbli għal ħaddiem jew il-benefiċċji mitluba minnu huma marbuta mar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-persuna li timpjega ( 25 ).

54.

Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Ftehim Qafas jużaw formulazzjonijiet li, uħud minnhom, jikkorrispondu mal-kunċett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda oħrajn huma ekwivalenti għall-kunċett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg ( 26 ), mingħajr ma jidher li huwa intenzjonali li jkun hemm żewġ kunċetti separati. Barra minn hekk, tali distinzjoni diffiċli tkun konformi mal-għanijiet tal-Ftehim Qafas kif ukoll mal-iskema ġenerali tad-dritt industrijali Ewropew.

55.

Dan għaliex il-Ftehim Qafas huwa intiż għat-titjib tal-kwalità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 27 ). Dan jirrifletti x-xewqa tal-imsieħba soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema li jinsabu f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiġu protetti kontra d-diskriminazzjoni ( 28 ). Huwa stabbilit sew, fil-ġurisprudenza, li fil-Ftehim Qafas huma inklużi regoli partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni li jridu jibbenefikaw lil kull ħaddiem bħala regoli minimi ta’ protezzjoni ( 29 ). Konsegwentement, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat ma jistax jiġi interpretat f’sens restrittiv ( 30 ).

56.

Barra minn hekk, il-koerenza tad-dritt industrijali Ewropew teżiġi li l-kunċett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-impjieg ma jiġix interpretat indipendentement mit-tifsira tiegħu f’dispożizzjonijiet relatati tad-dritt tal-Unjoni ( 31 ). F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment partikolarment għad-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni 2000/78/KE ( 32 ) u 2006/54/KE ( 33 ) li jikkonkretizzaw il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fil-professjoni fir-rigward tal-karatteristiċi differenti ta’ diskriminazzjoni, bħas-sess, l-età u l-orjentazzjoni sesswali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju japplika wkoll għall-kundizzjonijiet tat-tkeċċija ( 34 ).

57.

L-istess japplika fir-rigward tal-Ftehim Qafas dwar l-impjiegi għal żmien determinat. Skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol ( 35 ) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bl-istess mod bħall-konsegwenzi legali ta’ tali terminazzjoni, pereżempju l-pagamenti li għandhom isiru, abbażi tal-liġi jew tal-kuntratt ta’ xogħol, mill-persuna li timpjega b’rabta mar-relazzjoni tal-impjieg f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol ( 36 ).

58.

It-trasferiment tal-imsemmija ġurisprudenza għal dritt għal reintegrazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 96(2) tar-Regolamenti Bażiċi Spanjoli tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku, huwa loġiku. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-fehma tar-Renju ta’ Spanja, il-fatt li d-dritt għal reintegrazzjoni jikkonċerna l-konsegwenza legali ta’ terminazzjoni illegali ma jipprekludix dan. Diversi regoli oħra relatati mat-terminazzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, li l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa diġà attribwixxiet lill-kunċett tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, ukoll kienu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali tad-dritt nazzjonali ( 37 ).

59.

Għalhekk, bħala konklużjoni, il-Ftehim Qafas b’mod ġenerali kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkluż fih b’mod speċifiku huma applikabbli għal dispożizzjoni nazzjonali li tirregola r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema tas-settur pubbliku wara terminazzjoni illegali mill-persuna li timpjega. Għaldaqstant, każ bħal dak inkwistjoni, fejn qiegħda tiġi kkontestata proprju tali reintegrazzjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas.

C.   Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas (it-tieni domanda preliminari)

60.

Il-qofol ta’ din il-kawża huwa t-tieni domanda preliminari. Din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema impjegati għal żmien determinat fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas. Għandu jiġi essenzjalment iċċarat jekk hemmx diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku sa fejn dawn ma jkollhomx dritt legali għal reintegrazzjoni wara terminazzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mill-persuna li timpjega, filwaqt li l-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement huwa intitolat għal tali dritt.

61.

Skont ġurisprudenza stabbilita, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat għall-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 38 ).

62.

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-fehma li jidher li għandu r-Renju ta’ Spanja, għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni ma hemm bżonn l-ebda tip ta’ intenzjoni danneġġjanti jew diskriminatorja mill-persuna li timpjega.

1. L-inugwaljanza fit-trattament

63.

Mingħajr dubju, il-fatt li d-dritt legali għal reintegrazzjoni huwa limitat biss għall-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement iwassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn din il-kategorija ta’ ħaddiema u dawk li ma humiex impjegati permanentement fis-servizz pubbliku.

64.

Fost il-ħaddiema żvantaġġati, li skont id-dritt Spanjol ma għandhomx dritt legali għal reintegrazzjoni u li, minflok, ir-reintegrazzjoni tagħhom hija diskrezzjoni ħielsa tal-persuna li timpjega, hemm ukoll ħaddiema tas-settur pubbliku bħal G.Y. Vernaza Ayovi li huma impjegati abbażi ta’ kuntratti ta’ “interinidad” u li skont il-klassifikazzjoni mwettqa espliċitament mill-qorti tar-rinviju għandhom jitqiesu bħala ħaddiema għal żmien determinat ( 39 ).

65.

Jista’ jkun il-każ li t-trattament iktar favorevoli, jiġifieri d-dritt legali għal reintegrazzjoni kif jirriżulta mill-Artikolu 96(2) tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku, tgawdi minnu biss minoranza tal-ħaddiema fi Spanja, jiġifieri l-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement, filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni attiva Spanjola, anki l-maġġoranza ta’ dawk impjegati għal żmien indeterminat, taqa’ taħt ir-regola inqas favorevoli tal-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema.

66.

Madankollu, għall-konstatazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas huwa biżżejjed li “ħaddiema għal terminu fiss” jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn “ħaddiem[a] kumparabbli permanenti”. B’ebda mod ma huwa meħtieġ li dawk kollha impjegati għal żmien determinat jinsabu f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dawk kollha impjegati għal żmien indeterminat.

67.

Barra minn hekk, il-klawżola 3(2) tal-Ftehim Qafas tipprovdi li l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament għandha dejjem tiġi eżaminata fil-kuntest tal-istess impriża. Għal każ bħal dak ineżami dan ifisser li huma rilevanti l-kundizzjonijiet fi ħdan l-isptar ta’ Terrassa, li jappartjeni għas-settur pubbliku fi Spanja u li, konsegwentement, l-impjegati tiegħu kollha għandhom jitqiesu bħala persunal tas-servizz pubbliku.

2. Il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet

68.

Madankollu, jonqos li jiġi eżaminat jekk il-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement u l-ħaddiema żvantaġġati li ma humiex impjegati permanentement fis-settur pubbliku jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli ( 40 ). Dan għaliex, kif jirriżulta mill-kliem tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi d-diskriminazzjoni ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat meta mqabbla ma’ ħaddiema permanenti paragunabbli, iżda ma jipprovdi l-ebda ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema impjegati għal żmien determinat u ħaddiema permanenti li ma humiex paragunabbli ma’ xulxin ( 41 ). Għaldaqstant, l-arranġament differenti tal-konsegwenzi legali ta’ terminazzjoni illegali mill-persuna li timpjega, kif inhuwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jikkostitwixxi biss diskriminazzjoni kontra ħaddiema temporanji fil-każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ natura paragunabbli.

69.

Skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem kumparabbli permanenti” fl-ewwel subparagrafu tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim Qafas, il-punt tat-tluq tal-kunsiderazzjonijiet dwar in-natura paragunabbli bejn ħaddiema impjegati għal żmien determinat u ħaddiema permanenti, li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju ( 42 ), huwa jekk dawn humiex ingaġġati għall-istess xogħol jew impjieg simili fl-istabbiliment inkwistjoni. Dan għandu jiġi ċċarat fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ( 43 ).

70.

F’dan il-każ, għandu jiġi preżunt li, fid-dawl tal-ħidma li għandha twettaq konkretament, partikolarment in-natura tax-xogħol tagħha, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiema impjegata għal żmien determinat tinsab fl-istess sitwazzjoni ta’ ħaddiem permanenti fl-istess stabbiliment. Dan għaliex, kif jirrikonoxxi l-Consorci, bħala infermiera G.Y. Vernaza Ayovi kienet twettaq xogħol identiku għal dak ta’ infermiera impjegati permanentement fl-isptar ta’ Terrassa. Barra minn hekk, anki l-qorti tar-rinviju tirreferi espliċitament għal dan il-fatt.

71.

Kif spjegajt reċentement f’kawżi oħra ( 44 ), l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tal-fatti ma tistax tkun limitata għal paragun ġenerali tal-pożizzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat u dik tal-ħaddiema permanenti fl-impriża inkwistjoni. Fil-fatt, il-punt deċiżiv huwa jekk ħaddiema impjegati għal żmien determinat u ħaddiema permanenti jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli anki u proprju fir-rigward tas-suġġett tal-kawża inkwistjoni.

72.

Fil-każ ineżami, is-suġġett tat-tilwima huwa dwar jekk hemmx dritt għal reintegrazzjoni tal-ħaddiem wara terminazzjoni illegali mill-persuna li timpjega. Minn naħa, tali reintegrazzjoni hija intiża sabiex tikkoreġi azzjoni illegali li saret mill-persuna li timpjega, u din hija wkoll ta’ portata sostanzjali għaliex taffettwa l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol. Min-naħa l-oħra, bir-reintegrazzjoni inkwistjoni jiġu ssodisfatti l-aspettattivi leġittimi tal-ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu tissokta għat-tul normali tagħha.

73.

Fir-rigward taż-żewġ għanijiet, minn naħa, il-korrezzjoni ta’ azzjoni illegali mill-persuna li timpjega, u min-naħa l-oħra, l-issodisfar ta’ aspettattivi leġittimi tal-ħaddiem, ma hemm ebda differenza bejn ħaddiem għal żmien determinat u ħaddiem permanenti. Dan għaliex l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ ħaddiem għal żmien determinat ma timmeritax inqas protezzjoni, matul il-perijodu tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, mill-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-kollega tiegħu impjegat għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, meta l-persuna li timpjega tittermina b’mod illegali relazzjoni ta’ xogħol pendenti, din it-terminazzjoni ma tkunx inqas illegali jekk il-vittma tagħha jkun ħaddiem għal żmien determinat u mhux ħaddiem permanenti.

74.

Konsegwentement, ħaddiema għal żmien determinat, bħal G.Y. Vernaza Ayovi, tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement mal-isptar fir-rigward tal-possibbiltà tar-reintegrazzjoni tagħha fl-imsemmi sptar ( 45 ).

75.

Il-fatt li, minħabba raġunijiet kostituzzjonali ( 46 ), fi Spanja l-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement jiġi ingaġġat abbażi ta’ kompetizzjoni, filwaqt li dan ma huwiex il-każ għal ħaddiema tas-settur pubbliku li, bħal G.Y. Vernaza Ayovi, jiġu impjegati abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol “interinidad”, ma jistax jiġi oġġezzjonat.

76.

Huwa minnu li l-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement, mill-aspett l-iktar ġenerali, igawdi minn ċertezza tal-impjieg ogħla minn ħaddiema tas-settur pubbliku impjegati għal żmien determinat u għal dan il-għan irid jissodisfa kundizzjonijiet tal-ingaġġ iktar stretti. Madankollu, ir-reintegrazzjoni wara terminazzjoni illegali min-naħa tal-persuna li timpjega ma hijiex speċifikament kundizzjoni tal-ingaġġ, u l-uniku għan tagħha huwa li huwa li jiġu nnewtralizzati l-konsegwenzi legali tal-imsemmija terminazzjoni u li l-ħaddiem inkwistjoni jitqiegħed fis-sitwazzjoni li kienet tkun teżisti li kieku ma saritx it-terminazzjoni.

77.

Kif tenfasizza korrettament il-Kummissjoni, il-ħaddiem għal żmien determinat huwa rreintegrat biss għat-tul ta’ żmien li jifdal skont il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tiegħu, jiġifieri fil-każ ta’ kuntratt ta’ xogħol “interinidad” sakemm tirritorna l-persuna li tokkupa l-post tax-xogħol jew sakemm tiġi konkluża kompetizzjoni sabiex timtela’ l-pożizzjoni vakanti ( 47 ). Ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiem għal żmien determinat bl-ebda mod ma twassal għal konverżjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tiegħu għal żmien indeterminat jew għal tip ieħor ta’ titjib fil-pożizzjoni tal-impjegat għal żmien determinat meta mqabbla ma’ dik preċedenti.

78.

B’mod partikolari, peress li r-reintegrazzjoni tal-ħaddiem għal żmien determinat ma hijiex ser twassal għall-ksib minnu tal-istatus ta’ persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement, il-fatt li huwa ma għaddiex mill-kompetizzjoni ma jistax jiġi invokat kontra tiegħu. Jekk ir-reklutaġġ inizjali tal-ħaddiem għal żmien determinat ma kien jeżiġi ebda kompetizzjoni, in-nuqqas ta’ tali kompetizzjoni diffiċli jipprevjeni reintegrazzjoni tal-istess ħaddiem fil-funzjoni preċedenti tiegħu, speċjalment jekk, bħal fil-każ ineżami, ma kinitx kondotta ħażina jew in-nuqqas ta’ prestazzjoni mill-ħaddiem li wasslu għal interruzzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, iżda (bla ħsara għall-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali) terminazzjoni illegali mill-persuna li timpjega.

79.

F’dan il-kuntest, tkun tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli jekk ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku jiċċaħdu mir-reintegrazzjoni wara terminazzjoni illegali tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom mill-persuna li timpjega, filwaqt li f’ċirkustanzi bħal dawn, il-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement ikollu dritt legali għal reintegrazzjoni.

3. Ġustifikazzjoni

80.

Fl-aħħar nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk jeżistux raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-inugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku u l-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement fir-rigward tar-reintegrazzjoni tagħhom.

81.

Permezz tar-riferiment għal raġunijiet oġġettivi, kif inkluż inter alia fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, l-imsieħba soċjali Ewropej – u fl-aħħar mill-aħħar anki l-leġiżlatur tal-Unjoni – qegħdin jesprimu l-idea fundamentali li relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistgħux jintużaw minn persuni li jimpjegaw sabiex il-ħaddiema inkwistjoni ma jkollhomx aċċess għal drittijiet li huma intitolati għalihom ħaddiema permanenti paragunabbli ( 48 ).

82.

Ir-Renju ta’ Spanja u l-Consorci jinvokaw il-karatteristiċi speċjali tas-servizz pubbliku, li huma stabbiliti wkoll fil-kostituzzjoni Spanjola u li, fil-fehma ta’ dawn il-partijiet fil-kawża, jeżiġu li d-dritt legali għal reintegrazzjoni wara terminazzjoni illegali għandu jingħata biss lill-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement iżda mhux lill-ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku.

83.

Huwa minnu li l-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku, bħall-prinċipju tal-impjieg baġitarju, il-mudell tal-uffiċjal titolari jew l-obbligu li wieħed jgħaddi minn kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jiġi impjegat għal żmien indeterminat, inevitabbilment għandhom konsegwenzi għall-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas ( 49 ). Fil-fatt, il-Ftehim Qafas jirrikonoxxi espliċitament “li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali” ( 50 ).

84.

Minkejja dan, mhux id-differenzi kollha fit-trattament bejn ħaddiema impjegati għal żmien determinat u ħaddiema permanenti paragunabbli jistgħu jiġu ġġustifikati awtomatikament b’riferiment għall-partikolaritajiet settorjali fis-settur pubbliku ( 51 ), iżda dawk biss li fil-każ tagħhom il-partikolaritajiet inkwistjoni jkunu speċifikament iddeterminati ( 52 ).

85.

Fil-każ preżenti, ebda motiv ma jindika li għat-twettiq ta’ prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku jista’ jkun meħtieġ li ħaddiema impjegati għal żmien determinat fis-settur pubbliku, li tkeċċew mix-xogħol illegalment, jiġu ġeneralment imċaħħda mid-dritt legali għal reintegrazzjoni. Dan peress li, kif diġà spjegajt iktar ’il fuq ( 53 ), tali reintegrazzjoni wara terminazzjoni illegali ma twassalx għal bidla fl-istatus ta’ ħaddiem għal żmien determinat fi ħdan l-istabbiliment u, b’mod partikolari, ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat ma tinbidilx f’waħda għal żmien indeterminat.

86.

Għalhekk, ma hemmx perikolu li jiġu ppreġudikati prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku jekk ħaddiem impjegat għal żmien determinat imkeċċi illegalment jingħata dritt legali għar-reintegrazzjoni tiegħu. Tali reintegrazzjoni la tippreġudika l-istatus tal-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement u lanqas ma tikkostitwixxi vantaġġ għall-ħaddiem impjegat għal żmien determinat li jkun jikkontradixxi l-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku. B’mod partikolari, il-ħaddiem inkwistjoni ma jiksibx impjieg permanenti fis-settur pubbliku permezz tar-reintegrazzjoni mingħajr il-bżonn li jgħaddi minn kompetizzjoni, iżda dan jirritorna x-xogħol għaż-żmien li jkun fadal skont il-kuntratt tiegħu ( 54 ).

87.

Ir-Renju ta’ Spanja jipprova jiġġustifika dan in-nuqqas ta’ dritt għal reintegrazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku bin-natura eċċezzjonali tal-Artikolu 96(2) tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku, u jinnota li r-regola ġenerali fl-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema applikabbli għall-ħaddiema kollha ma tinkludix dritt legali għal reintegrazzjoni.

88.

Madankollu, dan l-argument ukoll huwa irrilevanti. L-ewwel nett, min-natura tagħha stess, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni qabelxejn twassal sabiex vantaġġi li kienu ristretti għal grupp ta’ persuni speċifiku ħafna jiġu estiżi għal grupp ta’ persuni ieħor, dak iddiskriminat ( 55 ). It-tieni nett, għandu dejjem jiġi eżaminat konkretament, fir-rigward ta’ impriża partikolari, jekk kienx hemm tabilħaqq diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat, jew jekk dan huwiex il-każ b’mod astratt u ġenerali fir-rigward tal-ħaddiema kollha fi Stat Membru (ara, f’dan ir-rigward, il-klawżola 4(1) flimkien mal-klawżola 3(2) tal-Ftehim Qafas). It-tielet nett, skont il-ġurisprudenza, inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema permanenti ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-fatt li tkun prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv ( 56 ).

89.

B’mod marġinali biss, insemmi li lanqas kunsiderazzjonijiet baġitarji, li minħabba l-likwidità skarsa ta’ ħafna entitajiet pubbliċi fl-Istati Membri dejjem qegħdin jingħataw iktar importanza, ma jistgħu jiġġustifikaw li ħaddiema b’kuntratti għal żmien determinat jiċċaħdu ġeneralment mid-dritt legali għal reintegrazzjoni. Dan għaliex, b’mod definittiv, ir-rikonoxximent ta’ tali ġustifikazzjoni jwassal sabiex jiġi ttollerat l-aġir illegali ta’ persuni pubbliċi li jimpjegaw, fil-każ inkwistjoni, it-terminazzjoni illegali mill-persuna li timpjega ta’ relazzjoni pendenti ta’ xogħol għal żmien determinat. Barra minn hekk, il-pressjoni tal-ġestjoni baġitarja tkun ta’ detriment biss għall-ħaddiem għal żmien determinat; dan ikun f’kontradizzjoni manifesta mal-intenzjoni bażika tal-Ftehim Qafas, jiġifieri li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu protetti kontra żvantaġġi ( 57 ). Għalhekk, huwa loġiku li, skont ġurisprudenza stabbilita, kunsiderazzjonijiet purament baġitarji ma jistgħux fihom infushom iservu bħala ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni, anki jekk dawn jistgħu jkunu r-raġuni għalfejn Stat Membru jagħżel politika soċjali partikolari u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tagħha ( 58 ).

4. Rimarki finali

90.

Nirrikonoxxi li r-reintegrazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat imkeċċija b’mod illegali f’ċerti każijiet tista’ twassal għal diffikultajiet prattiċi insurmontabbli.

91.

Minn naħa, jista’ jkun hemm każijiet fejn il-kooperazzjoni sussegwenti bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega ma tkunx għadha raġonevoli għaż-żewġ partijiet jew, fi kwalunkwe każ, għal parti minnhom, speċjalment meta jkun hemm indikazzjonijiet oġġettivi li l-fiduċja bejniethom għebet.

92.

Min-naħa l-oħra, anki minħabba t-tul ta l-proċeduri quddiem qrati, jista’ jkun il-każ li jkun biss wara t-tmiem tat-tul miftiehem tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat li jiġi deċiż jekk il-parti inkwistjoni għandhiex tiġi rreintegrata. Pereżempju, jekk sadanittant jirritorna l-kollega li fl-assenza tiegħu jkun ġie konkluż kuntratt ta’ “interinidad”, ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiem għal żmien determinat imkeċċi possibbilment ikollha ssir f’pożizzjoni sopranumerarja, li jista’ jmur kontra l-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku.

93.

Iż-żewġ ċirkustanzi, kemm in-natura irraġonevoli tal-kooperazzjoni sussegwenti kif ukoll il-fatt li sadanittant il-post tax-xogħol inkwistjoni ġie okkupat mill-ġdid, jistgħu jikkostitwixxu raġuni oġġettiva sabiex ir-reintegrazzjoni tiġi rrifjutata fil-konfront tal-ħaddiem għal żmien determinat u minflok jingħata biss kumpens finanzjarju.

94.

Madankollu, ikun imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għas-soluzzjoni tal-imsemmija problemi jekk, mingħajr evalwazzjoni separata, il-ħaddiema kollha għal żmien determinat fis-settur pubbliku, li tkeċċew illegalment, jiġu ġeneralment miċħuda mid-dritt legali għal reintegrazzjoni.

95.

Pereżempju, fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex indikazzjonijiet li juru li jkun irraġonevoli għall-Consorci li tissokta r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ G.Y. Vernaza Ayovi sakemm din tintemm skont il-kuntratt jew li l-post tax-xogħol ta’ G.Y. Vernaza Ayovi sadanittant jiġi okkupat minn ħaddieħor.

5. Konklużjoni intermedjarja

96.

Għalhekk, bħala konklużjoni, ikun hemm diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku, ipprojbita skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, jekk bħala regola ġenerali dawn ma jingħatawx dritt legali għal reintegrazzjoni fix-xogħol wara li l-persuna li timpjegahom tittermina r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom illegalment, filwaqt li l-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement ikun intitolat għal tali dritt.

D.   Il-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi skont l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (it-tielet domanda preliminari)

97.

Bit-tielet u l-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fl-aħħar nett tixtieq tkun taf jekk trattament mhux ugwali jkunx iġġustifikat jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fit-tieni domanda, mhux fid-dawl tal-imsemmija direttiva iżda fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

98.

Essenzjalment, din id-domanda hija intiża li tikkjarifika jekk ikunx hemm diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-każ fejn, fis-settur pubbliku, id-dritt għal reintegrazzjoni wara terminazzjoni illegali mill-persuna li timpjega jingħata biss lill-ħaddiema permanenti iżda mhux lill-ħaddiema temporanji.

99.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-Unjoni, li sadanittant ġie stabbilit ukoll fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprovdi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat ( 59 ).

100.

Il-kawża pendenti Grupo Norte Facility reċentement tatni l-opportunità nikkonstata li, mil-lat sostantiv, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-Unjoni ma jistax iwassal għal eżitu differenti minn dak tal-prinċipju speċjali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas (ara wkoll l-Artikolu 52(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) ( 60 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll tevalwa miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva kontra d-diskriminazzjoni fil-kuntest ta’ din id-direttiva biss u ma teżaminahomx abbażi ta’ prinċipji tad-dritt primarju bħala tali, li huma speċifikati fid-direttiva ( 61 ).

101.

Għalhekk, fid-dawl tal-eżami tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas li diġà twettaq fil-kuntest tat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta separata għat-tielet domanda fil-kawża ineżami.

VII. Konklużjoni

102.

Fid-dawl tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Social no 2 de Terrassa (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa, Spanja):

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li ssir diskriminazzjoni kontra ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku meta dawn il-ħaddiema ġeneralment ma jkollhomx dritt legali għar-reintegrazzjoni fix-xogħol fil-każ li l-persuna li timpjegahom tittermina r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom illegalment, filwaqt li l-persunal tas-servizz pubbliku impjegat permanentement ikun intitolat għal tali dritt ta’ reintegrazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Bl-Ispanjol “contrato de trabajo de interinidad”.

( 3 ) Is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, “de Diego Porras I”), il-kawża pendenti de Diego Porras (C-619/17, “de Diego Porras II”) kif ukoll il-kawża Montero Mateos (C-677/16) li wkoll għadha pendenti, jirrigwardaw speċifikament il-kuntratt ta’ xogħol ‘interinidad’. Fir-rigward tal-kawża tal-aħħar kif ukoll fil-kawża Grupo Norte Facility (C-574/16) ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fl-20 ta’ Diċembru 2017 (EU:C:2017:1022 und EU:C:2017:1021). Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-kawża pendenti Rodríguez Otero (C-212/17).

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

( 5 ) Premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.

( 6 ) It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas.

( 7 ) It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas; ara wkoll il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 8 ) Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim Qafas; ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 9 ) L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas; ara wkoll il-punti 3 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 10 ) Texto refundido de la Ley del Estatuto Básico del Empleado Público aprobado por el Real Decreto Legislativo 5/2015 (Test irriformulat tal-Liġi dwar ir-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal għas-Servizz Pubbliku approvata bid-Digriet Leġiżlattiv 5/2015) tat-30 ta’ Ottubru 2015 (BOE no 261, 31 ta’ Ottubru 2015).

( 11 ) Texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores, aprobado por el Real Decreto Legislativo 2/2015 (Test irriformulat tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema approvat mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015) tat-23 ta’ Ottubru 2015 (BOE no 255, tal-24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224).

( 12 ) Il-Qorti Suprema (Spanja).

( 13 ) Real Decreto 2720/1998 por el que se desarrolla el artículo 15 del Estatuto de los Trabajadores en materia de contratos de duración determinada (Digriet Irjali 2720/1998 dwar l-eżekuzzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema fil-qasam ta’ kuntratti għal żmien determinat), tat-18 ta’ Diċembru 1998 (BOE no 7, tat-8 ta’ Jannar 1999, p. 568).

( 14 ) Konsorzju tas-Saħħa ta’ Terrassa.

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa.

( 17 ) Ara, fl-istess rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punt 24).

( 18 ) Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, EU:C:2006:443, punti 54 sa 57), tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05, EU:C:2007:509, punt 25), tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punti 38 sa 40) u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C-22/13, C-61/13 sa C-63/13 u C-418/13, EU:C:2014:2401, punt 67).

( 19 ) Sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, EU:C:2008:223, punt 68) u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punt 28).

( 20 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et (C-345/09, EU:C:2010:610, punt 114), tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 13) u tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C-42/17, EU:C:2017:936, punt 24).

( 21 ) Digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea (C-86/14, EU:C:2014:2447, punt 41).

( 22 ) Bl-Ispanjol “condiciones de trabajo”.

( 23 ) Bl-Ispanjol “condiciones de empleo”.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Grupo Norte Facility (C-574/16, EU:C:2017:1022, punti 39 u 43) u Montero Mateos (C-677/16, EU:C:2017:1021, punti 34 sa 38)

( 25 ) Sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329, punti 4546), tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punt 35), tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punt 25) u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punt 28).

( 26 ) Pereżempju, fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas ma jissemmewx kundizzjonijiet tax-xogħol (Arbeitsbedingungen) iżda kundizzjonijiet tal-impjieg (Beschäftigungsbedingungen). L-istess jgħodd għall-verżjoni lingwistika Franċiża (conditions d’emploi), Taljana (condizioni di impiego), Portugiża (condições de emprego) u dik Ingliża (employment conditions).

( 27 ) Klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas u l-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.

( 28 ) It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas.

( 29 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05, EU:C:2007:509, punti 2738); b’mod simili s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, EU:C:2008:223, punt 114) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punt 24).

( 30 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05, EU:C:2007:509, punt 38 flimkien mal-punt 37), tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, EU:C:2008:223, punt 114) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punt 24).

( 31 ) Ara, fl-istess rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329, punti 45 u 46).

( 32 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 33 ) Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

( 34 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 1982, Burton (19/81, EU:C:1982:58, punt 9), tat-8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-220/02, EU:C:2004:334, punt 36) u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C-499/08, EU:C:2010:600, punt 21).

( 35 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punti 27 sa 29).

( 36 ) Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punti 35 sa 37) u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punti 29 sa 32).

( 37 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punti 3132); b’mod simili s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punti 35 sa 37, ukoll dwar skema ta’ kumpens) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punti 27 sa 29 dwar il-perijodu ta’ notifika).

( 38 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C-177/10, EU:C:2011:557, punt 65) u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punt 35).

( 39 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Hekk ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punt 43), tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punt 30) u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punti 39 u 40).

( 41 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punt 42) u d-digriet tat-30 ta’ April 2014, D’Aniello et (C-89/13, EU:C:2014:299, punt 28); b’mod simili s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 48) kif ukoll l-ispirtu li jidher fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punti 3940).

( 42 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 43), tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punt 32) u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punt 42).

( 43 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C-177/10, EU:C:2011:557, punt 66) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punt 31) kif ukoll id-digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C-273/10, EU:C:2011:167, punt 37) u tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz (C-443/16, EU:C:2017:109, punt 38); ara, fl-istess rigward, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen (C-400/93, EU:C:1995:155, punt 33).

( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Grupo Norte Facility (C-574/16, EU:C:2017:1022, punti 49 sa 52) u Montero Mateos (C-677/16, EU:C:2017:1021, punti 44 sa 47).

( 45 ) Dan jiddistingwi fundamentalment il-każ ineżami mill-kawżi pendenti Grupo Norte Facility u Montero Mateos, fejn issuġġerixxejt lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntest fattwali kompletament differenti, tiċħad il-paragunabbiltà ta’ ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema permanenti; ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Grupo Norte Facility (C-574/16, EU:C:2017:1022, punti 46 sa 62) u Montero Mateos (C-677/16, EU:C:2017:1021, punti 41 sa 60).

( 46 ) Għall-aċċess għal karigi pubbliċi fi Spanja japplikaw il-prinċipji tal-ugwaljanza, tal-adegwatezza u tal-kwalifika (ara l-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola).

( 47 ) Il-kwistjoni partikolari tal-impossibbiltà tar-reintegrazzjoni, pereżempju minħabba li sadanittant tkun irritornat il-persuna li kienet tokkupa l-post tax-xogħol, ser nindirizzaha iktar ’il quddiem fil-punti 90 sa 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05, EU:C:2007:509, punt 37), tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830, punt 41) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punt 23).

( 49 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Angelidaki et (C-378/07 sa C-380/07, EU:C:2008:686, punt 117) kif ukoll fil-kawża Adeneler et (C-212/04, EU:C:2005:654, punti 8586); f’dan l-istess rigward, il-konklużjonijiet magħquda tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi Marrosu u Sardino kif ukoll Vassallo (C-53/04 u C-180/04, EU:C:2005:569, punti 42 u 43).

( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, it-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas; ara wkoll il-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 51 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C-53/04, EU:C:2006:517, punt 45) u Vassallo (C-180/04, EU:C:2006:518) kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C-22/13, C-61/13 sa C-63/13 u C-418/13, EU:C:2014:2401, punt 70), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kull darba żżid b’mod restrittiv: “sa fejn dan huwa oġġettivament iġġustifikat”.

( 52 ) F’dan ir-rigward, ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C-579/12 RX-II, EU:C:2013:573, punti 66 sa 68).

( 53 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 77 u 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara, mill-ġdid, il-punt 77 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ġurisprudenza stabbilita; vide, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C-231/06 sa C-233/06, EU:C:2007:373, punt 39) u tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C-187/15, EU:C:2016:550, punt 46).

( 56 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05, EU:C:2007:509, punt 57), tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 54) u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683, punt 46).

( 57 ) Skont il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, il-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx ittrattati inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat sempliċement għaliex għandhom kuntratt jew relazzjoni għal żmien determinat; ara wkoll is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punti 56 u 57), tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza (C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 52), u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C-38/13, EU:C:2014:152, punti 37 u 38).

( 58 ) Sentenzi tal-24 ta’ Frar 1994, Roks et (C-343/92, EU:C:1994:71, punt 35 kif ukoll, b’mod supplimentari, il-punti 36 u 37), tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer (C-187/00, EU:C:2003:168, punt 59 kif ukoll, b’mod supplimentari, il-punti 60 u 61) u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C-22/13, C-61/13 sa C-63/13 u C-418/13, EU:C:2014:2401, punt 110).

( 59 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 23), tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C 550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55) u tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C-112/16, EU:C:2017:597, punt 46).

( 60 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Grupo Norte Facility (C-574/16, EU:C:2017:1022, punt 82).

( 61 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft (C-132/11, EU:C:2012:329, punti 21 sa 23), b’rabta mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.