SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Listi ta’ persuni entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffirżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni tal-isem tar-rikorrent – Deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz – Obbligu tal-Kunsill li jivverifika li din id-deċiżjoni ttieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C-530/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-7 ta’ Settembru 2017

Mykola Yanovych Azarov, residenti f’Kiev (l-Ukraina), irrappreżentat minn A. Egger u G. Lansky, Rechtsanwälte,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix u F. Naert, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tas-Seba’ Awla Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu Mykola Yanovych Azarov jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġeneral tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2017, Azarov vs Il-Kunsill (T-215/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:479), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 tal-5 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 25), u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357 tal-5 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 1), sa fejn jikkonċernawh (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2014, L 66, p. 26). Skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet elenkati fl-Anness.”

3

F’dan l-istess 5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1), li jimplementa, f’deċiżjoni kkontestata li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2014/119.

4

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“L-Anness I għandu jinkludi l-persuni li, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina, u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.”

6

Ir-rikorrent, identifikat bħala l-“Prim Ministru tal-Ukraina sa Jannar 2014”, kien inkluż fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati, li jinsabu, rispettivament, fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u fl-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014. Ir-raġunijiet tal-inklużjoni tiegħu fuq dawn il-listi kienu identiċi u fformulati kif ġej:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

7

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143 tad-29 ta’ Jannar 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 24, p. 16), il-Kunsill emenda l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) ta’ din l-aħħar deċiżjoni kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)

għall-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)

għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

8

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138 tad-29 ta’ Jannar 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 24, p. 1), il-Kunsill emenda l-formulazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ dan l-aħħar regolament f’termini simili.

9

Permezz tal-atti kkontestati, il-Kunsill żamm isem ir-rikorrent fuq dawn il-listi abbażi ta’ eżami mill-ġdid u estenda b’hekk l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi meħuda kontra tiegħu sas-6 ta’ Marzu 2016, għar-raġunijiet segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2015, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kontra l-atti kkontestati, billi invoka ħames motivi bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, it-tielet, fuq użu ħażin ta’ poter, ir-raba’ fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, il-ħames, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

11

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

12

L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi hi stess it-tilwima b’mod definittiv billi tannulla l-atti kkontestati sa fejn jikkonċernawh u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, abbażi tal-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tirriżerva l-ispejjeż.

13

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż tal-proċeduri kollha.

Fuq l-appell

14

L-appellant iressaq ħames aggravji insostenn tal-appell tiegħu. Permezz tal-ewwel aggravju, huwa jilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sabet li ma kinux inkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu. Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, huwa jakkuża lill-Qorti Ġenerali li l-Kunsill ma kienx wettaq użu ħażin ta’ poter. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta. Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames aggravju tiegħu, li huwa magħmul minn sitt partijiet, ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kunsill ma kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi adotta l-atti kkontestati.

15

Jaqbel li jiġu eżaminati qabel kollox it-tielet u l-ħames aggravju.

L-argumenti tal-partijiet

16

Ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset fil-punti 166 et seq. tas-sentenza appellata, li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T-208/11 u T-508/11, EU:T:2014:885), li dak iż-żmien kienet suġġetta għal appell u li abbażi tagħha huwa l-Kunsill li, qabel ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, għandu jivverifika li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dan l-Istat tiggarantixxi protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva fil-livell tal-Unjoni, ma kinitx trasponibbli għal dan il-każ, peress li l-atti kkontestati huma differenti, minħabba l-formulazzjoni u l-għanijiet tagħhom, minn dawn inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza.

17

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jargumenta li d-differenzi bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti ma humiex determinanti u jinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C-599/14 P, EU:C:2017:583), li laħqet ġiet deċiża fil-frattemp. Minn naħa, huwa jsostni li l-adozzjoni kontra tiegħu ta’ miżuri restrittivi kienet suġġetta għall-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, sabiex il-Kunsill ikun jista’, billi jibbaża ruħu fuq tali deċiżjoni, jidentifikah bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi. Ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk huma applikabbli għal dan il-kriterju ta’ inklużjoni fformulat b’mod iktar wiesa’ minn dak eżaminat fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Qorti Ġenerali, li l-ġlieda kontra t-terroriżmu inkwistjoni fl-imsemmija sentenzi ma taqax neċessarjament fil-kuntest tal-kooperazzjoni ma Stat terz li l-Kunsill iddeċieda li jappoġġja, bħal f’dan il-każ, hija wkoll żbaljata.

18

B’risposta, il-Kunsill isostni li t-tielet parti tal-ħames aggravju ma hijiex fondata. Huwa jqis, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li d-differenza bejn il-mudell ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C-599/14 P, EU:C:2017:583), u dak inkwistjoni f’dan il-każ, ibbażati fuq il-formulazzjoni u l-istruttura tagħhom, kif ukoll fuq l-għanijiet u l-kundizzjonijiet ġenerali li huma bbażati fuqhom huma sostanzjali. B’mod partikolari, id-deċiżjoni politika tal-Unjoni li tappoġġja r-reġim Ukren, b’mod partikolari fir-riformi tiegħu fid-dawl tat-tisħiħ tal-Istat ta’ dritt fl-Ukraina, jikkostitwixxi element rilevanti, u fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il-Kunsill (C-598/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:786, punt 61), li l-miżuri restrittivi intiżi għall-ġlieda kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi f’dan il-pajjiż jaqgħu taħt il-kuntest ta’ politika ta’ appoġġ lil Stat terz, intiża sabiex tiffavorizza l-istabbiltà kemm ekonomika kif ukoll politika ta’ dan l-Istat.

19

Il-Kunsill iżid li l-konklużjoni li ġibdet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 64 u 75 ta’ din is-sentenza hija trasponibbli f’dan il-każ, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punti 175 u 176 tas-sentenza appellata, li ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnhom jirriżulta li l-elementi mressqa mir-rikorrent ma kinux suffiċjenti biex jintwera li s-sitwazzjoni partikolari tiegħu kienet affettwata mill-problemi li jinvoka rigward is-sistema ġudizzjarja Ukrena.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 97; tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C-280/12 P, EU:C:2013:775, punt 58, kif ukoll tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C-72/15, EU:C:2017:236, punt 106).

21

Fost dawn id-drittijiet fundamentali jinsabu, b’mod partikolari, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C-280/12 P, EU:C:2013:775, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 66).

22

L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi, kif fakkret il-Qorti Ġenerali ġustament fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li, permezz tal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew taż-żamma ta’ isem persuna fuq il-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li tapplika individwalment għal din il-persuna, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hija l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom meqjus suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni dawn l-istess atti, humiex issostanzjati (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119; tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C-535/14 P, EU:C:2015:407, punt 42, kif ukoll tat-18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat, C-176/13 P, EU:C:2016:96, punt 109).

23

F’dan il-każ, kif irrelevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 132 sa 134 tas-sentenza appellata, il-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent inżammu mill-atti kkontestati abbażi tal-kriterju ta’ inklużjoni li jinsab fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, u fl-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament 2015/138. Dan il-kriterju jipprovdi l-iffriżar tal-fondi tal-persuni identifikati bħala responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, li jinkludu persuni li huma suġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukraina.

24

F’dan ir-rigward, mill-punti 134, 149 u 150 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex jadotta dawn il-miżuri restrittivi, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-fatt li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ “proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi”, kif tistabbilixxi ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014 li turi li kienet miftuħa proċedura ta’ investigazzjoni mill-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena kontra l-persuna kkonċernata, li tirriżulta minn din l-amministrazzjoni.

25

Minn dan jirriżulta li ż-żamma, mill-atti kkontestati, tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent hija bbażata fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, kompetenti f’dan ir-rigward, li tibda u twettaq proċedura ta’ investigazzjoni kriminali dwar ksur ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. F’dan ir-rigward, huwa irrelevanti l-fatt, irrelevat fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni ma tikkostitwixxix il-kriterju ta’ inklużjoni stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, iżda l-bażi fattwali li huma bbażati fuqha l-miżuri restrittivi inkwistjoni.

26

Issa, fir-rigward ta’ tali deċiżjoni, huwa obbligu tal-Kunsill, qabel ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, li jivverifika jekk din id-deċiżjoni tkunx ġiet adottata b’rispett għad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 24).

27

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Kunsill għandu, meta jadotta miżuri restrittivi, jirrispetta d-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom jinsabu, kif indikat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 97 u 98; tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punti 65 u 66, kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C 599/14 P, EU:C:2017:583, punt 25).

28

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ verifika, mill-Kunsill, li d-deċiżjonijiet ta’ Stati terzi li hija bbażata fuqhom l-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fuq lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-assi tagħhom huma ffriżati ttieħdu fl-osservanza ta’ dawn id-drittijiet huwa intiż li jkun iggarantit li tali inklużjoni ssir biss fuq bażi fattwalment solida biżżejjed u, għalhekk, li tipproteġi l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C-599/14 P, EU:C:2017:583, punt 26).

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-Kunsill għandu jispjega, fl-espost tal-motivi relatati ma’ deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fuq lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-assi tagħhom huma ffriżati u ma’ deċiżjonijiet sussegwenti, anki jekk b’mod suċċint, raġunijiet għalfejn jikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu ġiet adottata fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C-599/14 P, EU:C:2017:583, punti 31 u 33).

30

Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu, sabiex jissoddisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, juri, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, li vverifika li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa jibbaża dawn il-miżuri ġiet adottata fir-rispett ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C-599/14 P, EU:C:2017:583, punt 37).

31

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-approċċ f’din is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T-208/11 u T-508/11, EU:T:2014:885), ma huwiex trasponibbli għall-każ inkwistjoni.

32

Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li “ikun biss jekk jirriżulta li l-għażla politika tal-Kunsill li jsostni l-gvern il-ġdid Ukrain […] hija manifestament żbaljata […] li l-eventwali nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ukraina u dik li teżisti fl-Unjoni jista’ jkollu effett fuq il-legalità [tal-atti kkontestati]”. Sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, kif jirriżulta mill-punti 173 u 174 tas-sentenza appellata, fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill (C-630/13 P, EU:C:2015:247, punt 42), skont liema l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġu applikati miżuri restrittivi.

33

Dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

34

Fil-fatt, il-Kunsill jista’ jikkunsidra li deċiżjoni ta’ inklużjoni hija bbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed biss wara li jkun ivverifika hu stess li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkunu ġew irrispettati fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat terz ikkonċernat li fuqha huwa jkollu l-intenzjoni li jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi.

35

F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fil-punt 23 ta’ din is-sentenza jippermetti lill-Kunsill jibbaża miżuri restrittivi fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz, bħal dik li ssemmi l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014 imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li l-obbligu, li għandha din l-istituzzjoni, li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika dak li jiġi ggarantit ir-rispett tal-imsemmija drittijiet mill-awtoritajiet tal-Istat terz li jkun adotta din id-deċiżjoni.

36

Ċertament, kif irrelevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 173 tas-sentenza appellata, l-Ukraina hija waħda mill-Istati li aderew għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Madankollu, għalkemm fatt bħal dan jimplika stħarriġ, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti minn din il-konvenzjoni, liema, skont l-Artikolu 6(3) TUE jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni inkwantu prinċipju ġenerali, din ma tistax trendi superfluwa l-verifika, min-naħa tal-Kunsill, li d-deċiżjoni ta’ tali Stat terz li fuqha huwa jibbaża miżuri restrittivi ttieħdet fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

37

Il-fatt li l-imsemmija ġurisprudenza ngħatat fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tal-Kunsill tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), li, skont l-Artikolu 1(4) tagħha tirreferi espressament għal deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti, ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, id-differenzi fil-formulazzjoni, fl-istruttura u fl-għan li l-Qorti Ġenerali, identifikat fil-punti 168 sa 172 tas-sentenza appellata, bejn, minn naħa, il-mudell tal-miżuri restrittivi previst minn din il-pożizzjoni komuni u, min-naħa l-oħra, il-mudell tal-miżuri restrittivi previst mid-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, u bir-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament 2015/138, ma jistax ikollhom l-effett li jillimitaw l-applikazzjoni tal-garanziji li jirriżultaw minn din l-istess ġurisprudenza biss għall-miżuri restrittivi adottati fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq il-mudell tal-imsemmija pożizzjoni komuni, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma adottati fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ma Stat terz deċiżjoni mill-Kunsill wara għażla politika.

38

Għandu jingħad ukoll, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali mqassra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li d-definizzjoni ta’ kriterji ġenerali ta’ inklużjoni li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ma hijiex inkwistjoni f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, hija kwistjoni tad-deċiżjoni li jinżamm, permezz tal-atti kkontestati, l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent, li għandu portata individwali għal dan tal-aħħar. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li hija bbażata fuqhom tali deċiżjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li, tal-inqas, wieħed minn dawn il-motivi huwa biżżejjed preċiż u konkret, li huwa sostanzjat u li jikkostitwixxi minnu nnifsu bażi suffiċjenti sabiex isostni din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72).

39

Barra minn hekk, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C-280/12 P, EU:C:2013:775, punt 66).

40

Fir-rigward tas-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il-Kunsill (C‑598/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:786), u tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il-Kunsill (C-599/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:785), li jirreferi għalihom il-Kunsill, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ġiet adita, fil-kuntest tal-appelli li wasslu għal dawn is-sentenzi, bil-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C-599/14 P, EU:C:2017:583), tkoprix il-każ ta’ miżuri restrittivi adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punti 27, 28 u 39 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija sentenzi li l-Kunsill ma għandux l-obbligu li jivverifika li d-deċiżjoni ta’ Stat terz li fuqha għandha l-intenzjoni li jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ttieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Tali konklużjoni tmur kontra, fil-fatt, din il-ġurisprudenza stabbilita. B’hekk, il-konklużjonijiet miġbuda f’dawn l-istess sentenzi huma irrelevanti għal dan l-appell.

41

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C-599/14 P, EU:C:2017:583), li l-Kunsill ma kellux l-obbligu li jivverifika li d-deċiżjoni ta’ Stat terz li fuqha għandu l-intenzjoni li jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ttieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod li kellu jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mqajjem quddiemha.

42

Peress li t-tielet parti tal-ħames aggravju għandha, għalhekk, tintlaqa’, jeħtieġ li tiġi annullata s-sentenza appellata fl-intier tagħha fuq din il-bażi, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-aggravji l-oħra tal-appell.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

43

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, hija stess tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża.

44

F’dan il-każ, il-Qorti tiddisponi mill-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors għal annullament tal-atti kkontestati ppreżentat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma jirriżulta mkien li l-Kunsill ivverifika r-rispett, mill-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tar-rikorrent.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 25 sa 30 u 34 sa 42 ta’ din is-sentenza, ir-rikors huwa fondat u hemm lok li l-atti kkontestati jiġu annullati, sa fejn jikkonċernaw lill-appellant.

Fuq l-ispejjeż

47

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

48

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 84(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

49

Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi kif mitlub mir-rikorrent.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2017, Azarov vs Il-Kunsill (T-215/15, EU:T:2017:479), hija annullata.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 tal-5 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357 tal-5 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna huma annullati, sa fejn jikkonċernaw lil Mykola Yanovych Azarov.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti kemm fil-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ta’ dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.