SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2001/14/KE – Tariffi marbuta mal-infrastruttura – Tarifikazzjoni – Korp nazzjonali regolatorju li jħares il-konformità tat-tariffi marbuta mal-infrastruttura ma’ din id-direttiva – Kuntratt għall-użu ta’ infrastruttura konkluż bejn amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja u impriża ferrovjarja – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Rimbors tat-tariffi mingħajr l-intervent ta’ dan il-korp u barra mill-proċeduri ta’ rikors li jinvolvuh – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-qorti ċivili tiffissa ammont ekwu fil-każ ta’ tariffi li ma jkunux ekwi”

Fil-Kawża C-489/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

CTL Logistics GmbH

vs

DB Netz AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CTL Logistics GmbH, minn K.‑P. Langenkamp, Rechtsanwalt,

għal DB Netz AG, minn M. Kaufmann u T. Schmitt, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (5), tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 8(1), kif ukoll tal-Artikolu 30(1) sa (3), (5) u (6), tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU 2004, L 220, p. 16) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn CTL Logistics GmbH u DB Netz AG fir-rigward ta’ rimbors tal-ħlasijiet għal annullament u għal bidla fil-kuntest tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja ġestita minn DB Netz.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 7, 11, 12, 16, 20, 32, 34, 35, 40 u 46 tad-Direttiva 2001/14 jiddeskrivu kif ġej l-għanijiet ta’ din id-direttiva fir-rigward tat-tariffi marbuta mal-użu tal-infrastrutturi:

“(5)

Sabiex tiġi assigurata trasparenza u aċċess non-diskriminatorju għall-infrastruttura tal-ferroviji għall-impriżi kollha tal-ferroviji l-informazzjoni kollha neċessarja biex jintużaw id-drittijiet ta’ l-aċċess għandha tiġi ppubblikata f’dikjarazzjoni ta’ network.

[…]

(7)

L-inkoraġġiment ta’ l-użu ottimu ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji jwassal għal tnaqqis fl-ispiża tat-trasport għas-soċjetà.

[…]

(11)

Il-piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

(12)

Fil-qafas stabbilit mill-Istati Membri il-piżijiet u l-iskemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jinkoraġġixxu lil amministraturi ta’ l-infrastruttura tal-binarji biex itejbu l-użu ta’ l-infrastruttura tagħhom.

[…]

(16)

Piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji.

[…]

(20)

Huwa xieraq li jingħata grad ta’ flessibbiltà lil amministraturi infrastrutturali sabiex ikun possibbli użu iktar effiċjenti tan-network ta’ l-infrastruttura.

[…]

(32)

Huwa importanti li jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet […] tal-kompetizzjoni li jistgħu iqumu jew bejn infrastrutturi tal-binarji jew bejn modi tat-trasport, minn differenzi sinifikanti fil-prinċipji tat-tqegħid tal-piżijiet.

[…]

(34)

Investiment fl-infrastruttura tal-ferroviji huwa xieraq u l-iskemi għat-tqegħid tal-piżijiet għandhom jipprovdu inċentivi għal amministraturi ta’ l-infrastruttura meta jkunu ekonomikament ta’ attrazzjoni.

(35)

Kull skema għat-tqegħid tal-piżijiet tibgħat sinjali ekonomiċi lil utenti. Huwa importanti li dawk is-sinjali għal impriżi ferrovjarji huma konsistenti u jwassluhom biex jagħmlu deċiżjonijiet razzonali.

[…]

(40)

Infrastruttura tal-ferroviji hija monopolju naturali. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu pprovduti amministraturi ta’ l-infrastruttura b’inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti.

[…]

(46)

L-amministrazzjoni effiċjenti u ġusta u l-użu non-diskriminatorju ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji jeħtieġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli Komunitarji u jaġixxi bħala korp regolatorju, minkejja l-possibbiltà ta’ rivista ġudizzjarja.”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-prinċipji u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati fir-rigward tat-tqegħid u l-istabbiliment ta’ piżijiet ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-allokazzjoni ta’ kapaċità ferrovjarja infrastrutturali.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-iskemi tat-tqegħid ta’ piżijiet u tal-kapaċità ta’ allokazzjoni għall-infrastruttura ferrovjarja jsegwu l-prinċipji stabbiliti f’din id-Direttiva u b’hekk jippermettu lill-amministratur infrastrutturali biex iqiegħed fis-suq u jagħmel użu effettiv mill-kapaċità infrastrutturali disponibbli.”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Dikjarazzjoni tan-network”, jipprovdi:

“1.   L-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni tan-network li tista’ tiġi akkwistata għal ħlas ta’ dazju li ma jistax jeċċedi l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni tan-network għandha tistabbilixxi n-natura ta’ l-infrastruttura disponibbli għall-impriżi tal-ferroviji. Għandha tikkontjeni informazzjoni li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura relevanti tal-ferrovija. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni tan-network huwa stabbilit fl-Anness I.

3.   Id-dikjarazzjoni tan-network għandha tinżamm aġġornata u modifikata kif neċessarju.

4.   Id-dikjarazzjoni tan-network għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba’ xhur bil-quddiem tat-terminu għal talbiet għall-kapaċità infrastrutturali.”

6

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/14, li jinkludi l-Artikoli 4 sa 12, jirrigwarda “Il-piżijiet infrastrutturali”.

7

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “L-istabbiliment, id-determinazzjoni u l-ġbir ta’ piżijiet [tariffi]”, jipprovdi fil-paragrafi (1), (4) u (5) tiegħu:

“1.   -Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-[Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341)].

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet [it-tariffi] jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.

[…]

4.   Ħlief meta jsiru arranġamenti speċifiċi taħt l-Artikolu 8(2), l-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jassiguraw li l-iskema tal-piżijiet [tat-tariffi] fis-seħħ hija bbażata fuq l-istess prinċipji fin-network sħiħ tagħhom kollha.

5.   L-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jassiguraw li l-applikazzjoni ta’ l-iskema tal-piżijiet tirriżulta f’piżijiet ekwivalenti non-diskriminatorji għal impriżi tal-ferroviji differenti li jwettqu servizzi ta’ natura ekwivalenti f’parti simili tas-suq u li l-piżijiet attwalment applikati jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-network.”

8

L-Artikoli 7 sa 12 tad-Direttiva 2001/14 jiddeterminaw il-ħlasijiet li jistgħu jinġabru u kif dawn jistgħu jiġu kkalkolati.

9

L-Artikolu 7 ta’din id-direttiva, intitolat “Il-prinċipji tat-tariffi”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 sa 5 tiegħu:

“3.   Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija.

4.   Il-piż infrastrutturali jista’ jinkludi piż li jirriflettti l-iskarsità tal-kapaċità tat-taqsima identifikabbli ta’ l-infrastruttura fil-perjodi ta’ konġestjoni.

5.   Il-piż infrastrutturali jista’ jiġi mmodifikat biex jieħu kont ta’ l-ispejjeż ta’ l-effetti ambjentali kkawżati mill-operazzjoni tal-ferrovija. Din il-modifika għandha tiġi differenzjata skond id-daqs ta’ l-effett ikkawżat.

Il-piż ta’ spejjeż ambjentali li jirriżultaw f’żieda fid-dħul totali li jakkumula għall-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu madankollu jiġi permess biss jekk dan il-piż jiġi applikat f’livell paragunabbli għal modi kompetittivi ta’ trasport.

Fin-nuqqas ta’ kull livell paragunabbli ta’ piżijiet ambjentali f’modi tat-trasport kompetituri oħrajn, din il-modifika m’għandhiex tirriżulta f’xi tibdil ġenerali fid-dħul ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura. Jekk ġie introdott livell paragunabbli ta’ piżijiet ta’ spejjeż ambjentali għal ferroviji u modi tat-trasport kompetittivi u li jiġġenera dħul addizzjonali, huwa għall-Istati Membri biex jiddeċiedu kif għandu jintuża d-dħul.”

10

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-prinċipji tal-piżijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magħmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetittività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija. Is-sistema tal-piżijiet għandha tirrispetta ż-żidiet akkwistati minn impriżi tal-ferroviji.

Iżda l-livell tal-piżijiet m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.

2.   Għal proġetti speċifiċi ta’ investiment, fil-futur, jew li tlestew mhux aktar minn 15‑il sena qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-amministratur ta’ l-infrastruttura jista’ jiffissa jew ikompli jiffissa piżijiet ogħla abbażi ta’ l-ispejjeż fit-tul ta’ dawn il-proġetti jekk iżidu l-effiċjenza u/jew effettività ta’ l-ispiża u ma setgħux isiru mod ieħor. Dan l-arranġament tal-piżijiet jista’ wkoll jinkorpora l-ftehim dwar it-tqassim tar-riskju assoċjat ma’ investimenti ġodda.”

11

L-Artikolu 9(5) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Skemi simili ta’ skonti għandhom jgħoddu għal servizzi simili.”

12

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Il-piżijiet ta’ riżerva”, huwa fformulat kif ġej:

“L-amministraturi ta’ l-infrastruttura jistgħu jimponu piż għall-kapaċità mitluba iżda mhux użata. Dan il-piż għandu jipprovdi inċentivi għall-użu effiċjenti tal-kapaċità.

L-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu dejjem ikun jista’ jinforma lil kull parti interessata tal-kapaċità infrastrutturali li ġiet allokata lil impriżi tal-ferroviji ta’ l-utenti.”

13

Fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Miżuri ġenerali”, l-Artikolu 30 tiegħu, intitolat “Korp regolatorju”, jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 21(6), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju. Dan il-korp, li jista’ jkun il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport jew kwalunkwe korp ieħor, għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar fondi, struttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull amministratur ta’ l-infrastruttura, korp tal-piżijiet, korp jew applikant ta’ l-allokazzjoni. Il-korp għandu jiffunzjona skond il-prinċipji delinjati f’dan l-Artikolu meta l-appell u l-funzjonijiet regolatorji jistgħu jiġu attribwiti għal korpi separati.

2.   Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet adottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:

a)

id-dikjarazzjoni tan-network;

b)

il-kriterji fih;

c)

il-proċess ta’ l-allokazzjoni u r-riżultat tiegħu;

d)

l-iskema tal-piżijiet;

e)

livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

[…]

3.   Il-korp regolatorju għandu jassigura li l-piżijiet stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

4.   Il-korp regolatorju għandu l-awtorità jitlob informazzjoni relevanti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, applikanti u kull parti terza fl-Istat Membru kkonċernat, li għandha tiġi fornita mingħajr dewmien.

5.   Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

Fil-każ ta’ appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità infrastrutturali, jew kontra t-termini ta’ offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda modifika tad-deċiżjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew għandha teħtieġ modifika ta’ dik id-deċiżjoni skond id-direzzjonijiet speċifikati mill-korp regolatorju.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju].”

14

Konformement mal-Anness I tad-Direttiva 2001/14, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(2) ta’ din tal-aħħar, id-dokument ta’ referenza tan-netwerk jinkludi, fost oħrajn, l-informazzjoni li ġejja:

“[…]

2.   Taqsima dwar prinċipji ta’ piżijiet u tariffi. Din għandu jkun fiha dettalji approprjati dwar l-iskema tal-piżijiet kif ukoll informazzjoni suffiċjenti dwar piżijiet li japplikaw għas-servizzi elenkati fl-Anness II li jiġu pprovditi minn fornitur wieħed biss. Għandha tagħti dettalji dwar il-metodoloġija, r-regoli u, meta applikabbli, l-iskali użati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) u (5) u l-Artikoli 8 u 9. Għandha tikkontjeni informazzjoni dwar tibdiliet fil-piżijiet diġà deċiż jew previsti.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

L-AEG

15

L-Artikolu 14(4) sa (6) tal-Allgemeines Eisenbahngesetz (liġi ġenerali dwar il-linji ferrovjarji) tas-27 ta’ Diċembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 2378), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(4)   L-amministraturi tal-mogħdijiet ferrovjarji għandhom jistabbilixxu t-tariffi tagħhom konformement ma’ regolament adottat skont il-punti 6 u 7 tal-Artikolu 26(1) b’mod li jikkumpensa l-ispejjeż kollha mġarrba għall-forniment tas-servizzi obbligatorji fis-sens tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, filwaqt li jiżguraw ritorn konformi mar-rata tas-suq. F’dan il-kuntest, huma jistgħu jistabbilixxu u jirkupraw żidiet marbuta direttament mat-tħaddim ferrovjarju, u jistgħu jistabbilixxu distinzjoni skont jekk dan jrrigwardax servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ vjaġġaturi fuq distanza twila, servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ vjaġġaturi fuq distanza qasira, jew servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, u skont is-segment tas-suq fi ħdan kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ servizzi, u l-kompetittività, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport internazzjonali ferrovjarju ta’ merkanzija, għandha tiġi żgurata. Madankollu, fil-każ imsemmi fit-tieni sentenza iktar ’il fuq, it-tarifikazzjoni ma tistax taqbeż, fir-rigward ta’ segment ta’ suq, l-ispejjeż tat-trasport ferrovjarju mġarrba direttament, li magħhom jiżdied ritorn konformi mar-rata tas-suq. Skont il-punti 6 u 7 tal-Artikolu 26(1),

1.

jistgħu jiġu aċċettati eċċezzjonijiet għall-metodi ta’ kalkolu tat-tariffa msemmija fl-ewwel sentenza jekk barra minn hekk l-obbligu ta’ kopertura tal-ispejjeż jiġi osservat, jew

2.

il-korp regolatorju jista’, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali adottati bi ftehim mal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (Aġenzija federali ta’ regolamentazzjoni tal-elettriku, tal-gass, tat-telekomunikazzjoni, tal-posta u tal-linji ferrovjarji), korp regolatorju, jeżenta lill-amministraturi kollha tal-mogħdijiet tal-linji ferrovjarji milli josservaw ir-rekwiżiti tal-ewwel sentenza.

(5)   L-impriżi ta’ ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jiffissaw it-tariffa tagħhom ta’ aċċess għall-installazzjonijiet, inkluż għas-servizzi relatati, b’tali mod li ma jippreġudikawx b’mod abbużiv il-kompetittività tal-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess. Preġudizzju abbużiv jiġi b’mod partikolari kkonstatat jekk:

1.

l-amministratur jirrikjedi tariffi li jaqbżu b’mod mhux xieraq l-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizzi msemmija fl-ewwel sentenza, jew

2.

ċerti persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess huma vvantaġġati meta mqabbla ma’ persuni oħra li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess, mingħajr dan ikun dovut għal raġuni ġġustifikata.

(6)   Il-modalitajiet ta’ aċċess, b’mod partikolari fir-rigward tad-data, is-siegħa u t-tul tal-użu kif ukoll it-tariffa dovuta u l-kundizzjonijiet l-oħra għall-uża, inklużi d-dispożizzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-operat, għandhom jiġu miftiehma bejn il-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess u l-impriżi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolament imsemmi fil-paragrafu 1.”

16

L-Artikolu 14b(1) tal-AEG, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Il-korp regolatorju għandu l-obbligu li jħares l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja li tirregola l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, b’mod partikolari fir-rigward:

1.

tal-iffissar tal-ħinijiet ta’ servizz, b’mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjonijiet relatati mat-tqassim tal-mogħdijiet fil-ħinijiet ta’ servizz, inklużi s-servizzi obbligatorji;

2.

tad-deċiżjonijiet l-oħra li jirrigwardaw it-tqassim tal-mogħdijiet, inklużi s-servizzi obbligatorji;

3.

tal-aċċess għall-installazzjonijiet ta’ servizzi, inklużi għas-servizzi relatati;

4.

tal-kundizzjonijiet għall-użu, tal-prinċipji ta’ tarifikazzjoni u tal-ammont tat-tariffa.”

17

L-Artikolu 14c tal-AEG, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)   Il-korp regolatorju jista’, fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tiegħu fir-rigward tal-impriżi pubbliċi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja, jadotta l-miżuri neċessarji sabiex itemm il-ksur ikkonstatat jew sabiex jipprevjeni ksur futur kontra d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja fir-rigward tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.

(2)   Il-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess, l-impriżi pubbliċi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja u l-persuni li jaġixxu f’isimhom għandhom l-obbligu, sabiex jippermettu lill-korp regolatorju u lill-uffiċjali tagħha jiżvolġu korrettament il-missjoni tagħhom, jawtorizzawhom:

1.

jidħlu fil-binja u fl-installazzjonijiet ta’ operat fil-ħinijiet normali ta’ ftuħ u ta’ servizz, u

2.

jikkonsultaw il-kotba, dokumenti kummerċjali, bażijiet ta’ data u dokumenti oħra, u jqiegħduhom għad-dispożizzjoni fuq pjattaforma xierqa ta’ data.

(3)   Il-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess, l-impriżi pubbliċi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja u l-persuni li jaġixxu f’isimhom għandhom jimpenjaw lilhom infushom, sabiex jippermettu lill-korp regolatorju u lill-uffiċjali tagħha jiżvolġu korrettament il-missjoni tagħhom:

1.

biex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja;

2.

biex jikkomunikawlhom l-elementi neċessarji;

3.

biex jagħtuhom l-assistenza neċessarja.

Dan huwa l-każ b’mod partikolari fejn jirrigwarda n-negozjati li jkunu qed jiżvolġu jew li jkunu ngħalqu fir-rigward tal-ammont tat-tariffi għall-użu tal-infrastrutturi u tat-tariffi l-oħra. Huma jipprovdu informazzjoni veritiera u in bona fide. Il-persun li għandhom jikkomunikaw informazzjoni jistgħu jirrifjutaw milli jiżvelaw informazzjoni li tkun tesponihom, jew li tkun tesponi l-persuni msemmija fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 383(1) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili, għal riskju ta’ tressiq ta’ proċeduri kriminali jew minħabba kontravenzjoni.

(4)   Il-korp regolatorju jista’ jeżegwixxi d-deċiżjoni tiegħu taħt din il-liġi skont id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżekuzzjoni tal-miżuri amministrattivi. Il-penalità għandha tiġi ffissata għal ammont mhux ogħla ta’ EUR 500000.”

18

L-Artikolu 14d tal-AEG, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jiddikjara:

“(1)   L-impriżi pubbliċi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja għandhom jinformaw lill-korp regolatorju fir-rigward:

1.

tad-deċiżjoni proposta fir-rigward tat-tqassim tal-mogħdijiet fil-ħinijiet tas-servizz, inklużi s-servizzi obbligatorji, sa fejn għandhom jiġu miċħuda talbiet;

2.

tad-deċiżjoni proposta fir-rigward tat-tqassim tal-mogħdijiet, inklużi s-servizzi obbligatorji, barra mill-elaborazzjoni tal-ħinijiet tas-servizz, sa fejn għandhom jiġu miċħuda talbiet;

3.

tad-deċiżjoni proposta fir-rigward tal-aċċess għall-installazzjonijiet ta’ servizzi, inklużi s-servizzi relatati, sa fejn għandhom jiġu miċħuda talbiet;

4.

tad-deċiżjoni proposta fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehim qafas;

5.

tad-deċiżjoni proposta li l-persuna li għandha awtorizzazzjoni ta’ aċċess tintalab tipproponi tariffa ogħla mit-tariffa li kellha tiġi applikata fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk ferrovjarju;

6.

tar-riorganizzazzjoni jew il-bidla proposti tal-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija jew tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-installazzjonijiet ta’ servizzi, inklużi l-prinċipji ta’ tarifikazzjoni u l-ammont tat-tariffa.

Id-deċiżjonijiet proposti fis-sens tal-punti 1 sa 5 tal-ewwel sentenza għandhom jiġu mmotivati. L-amministraturi tal-mogħdijiet tal-ferrovija għandhom barra minn hekk jistabbilixxu li t-tarifikazzjoni tagħhom tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(4).”

19

L-Artikolu 14 tal-AEG, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(1)   Wara r-riċeviment ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 14d, il-korp regolatorju jista’ jopponi […]:

1.

abbozz ta’ deċiżjoni konformement mal-punti1, 3 u 5 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14d, f’terminu ta’ 10 ġranet ta’ xogħol,

2.

abbozz ta’ deċiżjoni konformement mal-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14d, f’terminu ta’ ġurnata ta’ xogħol,

3.

abbozz ta’ deċiżjoni konformement mal-punt 4 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14d f’terminu ta’ erba’ ġimgħat,

4.

abbozz ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ bidla fis-sens tal-punt 6 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14d, f’terminu ta’ erba’ ġimgħat,

sa fejn id-deċiżjonijiet proposti jiksru d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja li tirrigwarda l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.

(2)   Qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit:

1.

fil-punti 1 sa 3 tal-paragrafu 1, id-deċiżjoni proposta ma tistax tiġi kkomunikata b’mod effikaċi lill-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess;

2.

fil-punt 4 tal-paragrafu 1, il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija jew il-kundizzjonijiet għall-użu tal-installazzjonijiet ta’ servizzi, kif ukoll il-prinċipji ta’ tarifikazzjoni u l-ammont tat-tariffa ma jistgħux jidħlu fis-seħħ.

(3)   Jekk il-korp regolatorju jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ oppożizzjoni:

1.

fil-każ imsemmi fil-punti 1 sa 3 tal-paragrafu 1, għandha tiġi adottata deċiżjoni konformi mal-istruzzjonijiet tal-korp regolatorju;

2.

fil-każ imsemmi fil-punt 4 tal-paragrafu 1, dan jipprekludi l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk ferrovjarju jew tal-installazzjonijiet ta’ servizzi, inklużi tal-prinċipji ta’ tarifikazzjoni u tat-tariffi.

(4)   Il-korp regolatorju jista’ jirrinunzja kompletament jew parzjalment għall-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 14d. Huwa jista’ jillimita din ir-rinunzja għal ċerti impriżi pubbliċi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja. Dan huwa b’mod partikolari l-każ jekk dan ma jgħaddix mir-riskju li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

20

L-Artikolu 14f tal-AEG jipprovdi:

“(1)   Il-korp regolatorju jista’ jistħarreġ ex officio:

1.

il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-installazzjonijiet ta’ servizzi,

2.

id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ammont jew l-istruttura tat-tariffi tal-użu u tariffi oħra tal-impriżi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja.

Il-korp regolatorju jista’, iktar ’il quddiem,

1.

iġiegħel lill-impriżi li jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja jbiddlu, skont l-indikazzjonijiet tiegħu, il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-ewwel sentenza, jew ir-regoli ta’ tarifikazzjoni msemmija fil-punt 2 tal-ewwel sentenza, jew

2.

jannulla l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-ewwel sentenza jew ir-regoli ta’ tarifikazzjoni msemmija fil-punt 2 tal-ewwel sentenza,

sa fejn dawn il-kundizzjonijiet jiksru d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.

(2)   Fin-nuqqas ta’ ftehim li jirrigwarda l-aċċess, fis-sens tal-Artikolu 14(6), jew li jirrigwarda ftehim qafas, fis-sens tal-Artikolu 14a, id-deċiżjonijiet tal-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja jistgħu jiġu mistħarrġa mill-korp regolatorju fuq talba jew ex officio. It-talbiet f’dan is-sens jistgħu jiġu fformulati mill-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess li d-dritt tagħhom li jaċċedu għall-infrastruttura ferrovjarja tista’ tiġi affetwata. It-talbiet għandhom jiġu ppreżentati fit-terminu li fih tista’ tiġi aċċettata proposta ta’ konklużjoni ta’ ftehim konformement mal-ewwel sentenza. L-istħarriġ jista’ jirrigwarda b’mod partikolari:

1.

il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-installazzjonijiet ta’ servizzi,

2.

il-proċedura ta’ tqassim u r-riżultati tagħha,

3.

l-ammont u l-istruttura tat-tariffi għall-użu u tariffi oħra.

L-awtorità ta’ appell għandha tistieden lill-partijiet jippreżentaw kull informazzjoni utli f’terminu raġonevoli sa mhux iktar tard minn żewġ ġimgħat. Mid-data ta’ skadenza ta’ dan it-terminu, il-korp regolatorju għandu jagħti deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn.

(3)   Jekk, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, id-deċiżjoni ta’ impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja taffettwa d-dritt tal-kandidat li jkollu aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja,

1.

il-korp regolatorju jordna lill-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja tbiddel id-deċiżjoni jew

2.

il-korp regolatorju jiffissa huwa stess il-kundizzjonijiet kuntrattwali, jiddeċiedi dwar il-validità tal-kuntratt u jiddikjara invalidi l-kuntratti li ma josservawx il-kundizzjonijiet inkwistjoni.”

L-EIBV

21

L-Artikolu 4 tal-Eisenbahninfrastruktur-Benutzungsverordnung (regolament dwar l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja), tat-3 ta’ Ġunju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1566), fil-verżjoni tiegħu emendata tat-3 ta’ Ġunju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 1235) (iktar ’il quddiem l-“EIBV”), jipprovdi:

“(1)   L-operatur tan-netwerk tal-ferrovija għandu l-obbligu li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu (kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija) applikabbli għall-provvista tas-servizzi msemmija fil-punt 1 tal-Anness 1 u:

1.

li jippubblikahom fil-ġurnal uffiċjali, jew

2.

li jippubblikahom fuq l-internet u li jindika fil-ġurnal uffiċjali l-indirizz li fih dawn jistgħu jiġu kkonsultati.

Fuq talba tal-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess, l-amministratur tan-netwerks tal-ferrovija għandu jikkomunikalhom, spiża tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija.

(2)   Il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija għandhom jinkludu mill-inqas l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Anness 2 u fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-mogħdijiet. Il-lista tat-tariffi ma tagħmilx parti mill-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija.

[…]

(5)   Il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas erba’ xhur qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 8(1) għall-preżentazzjoni tat-talbiet għall-attribuzzjoni tal-mogħdijiet fil-ħinijiet ta’ servizz. Il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 8(1) għat-tressiq ta’ talbiet.

(6)   Il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija għandhom japplikaw b’mod ugwali għall-persuni kollha li jressqu talba. Dawn huma vinkolanti għall-partijiet ikkonċernati, u bla ħsara għall-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu fihom. […]”

22

L-Artikolu 21 tal-EIBV jipprevedi:

“(1)   L-operatur tan-netwerk tal-ferrovija għandu jfassal it-tariffi tiegħu għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji b’tali mod li, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tal-prestazzjonijiet, dawn jinkoraġġixxu lill-impriżi ta’ trasport ferrovjarju u lill-operaturi tan-netwerk tal-ferrovija jnaqqsu d-difetti u jtejjbu l-prestazzjonijiet tan-netwerk tal-ferrovija. Il-prinċipji tat-tarifikazzjoni skont il-prestazzjonijiet għandhom japplikaw għan-netwerk tal-ferrovija kollu tal-operatur tan-netwerk tal-ferrovija.

(2)   It-tariffa għall-użu tista’ tinkludi tariffa biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-effetti li l-qasam ferrovjarju jkollu fuq l-ambjent, u jeħtieġ li ssir distinzjoni f’dan il-kuntest skont l-effetti prodotti fuq l-ambjent. Dan ma jistax ikollu l-konsegwenza li jbiddel il-benefiċċju globali tal-operatur tan-netwerk tal-ferrovija.

(3)   It-tariffa għall-użu tista’ tinkludi tariffa li tirrappreżenta l-provvista minima tal-kapaċitajiet ta’ taqsima speċifika tal-infrastruttura matul il-perijodi ta’ konġestjoni.

(4)   Jekk is-servizz ta’ trasport joħloq spejjeż supplimentari meta mqabbla ma’ servizz ta’ trasport ieħor, dawn l-ispejjeż jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fir-rigward ta’ dan is-servizz ta’ trasport.

(5)   Sabiex jiġu evitati varjazzjonijiet importanti u sproporzjonati, it-tariffi msemmija fil-paragrafi 2 u 4 u t-tariffi għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji jistgħu jinfirxu fuq perijodi xierqa.

(6)   Ħlief jekk jiġi pprovdut mod ieħor f’dan ir-regolament, it-tariffi għandhom jiġu kkalkolati bl-istess mod għal kull persuna li għandha awtorizzazzjoni ta’ aċċess. It-tariffi għandhom jitnaqqsu jekk in-netwerks tal-ferrovija, is-sistemi ta’ sinjali u ta’ sigurtà jew l-installazzjonijiet relatati mal-provvista permezz ta’ kateter ta’ ċerti taqsimiet, ma jkunux fi stat konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

(7)   It-tariffi miġbura mill-operatur tan-netwerk tal-ferrovija għandhom jiġu ppubblikati jew ikkomunikati konformement mal-Artikolu 4(1) xahar qabel il-bidu ta’ dekorriment tat-terminu msemmi fil-punt 2 tal-Artikolu 8(1). Huma għandhom japplikaw matul il-perijodu l-ġdid kollu tal-ħinijiet ta’ servizz.”

Il-BGB

23

L-Artikolu 315 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Determinazzjoni tal-provvista ta’ servizz minn parti”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“(1)   Jekk il-provvista ta’ servizz għandha tiġi ddeterminata minn waħda mill-partijiet kontraenti, ikun hemm lok li jiġi permess, meta jkun hemm dubju, li din id-determinazzjoni għandha ssir ex aequo et bono.

[…]

(3)   Meta d-determinazzjoni għandha ssir ex aequo et bono, id-determinazzjoni magħmula torbot lill-parti l-oħra biss jekk tkun konformi mal-ekwità. Jekk din ma tkunx konformi mal-ekwità, din issir permezz ta’ deċiżjoni […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24

CTL Logistics hija impriża privata ta’ trasport ferrovjarju li tuża l-infrastruttura ferrovjarja ġestita minn DB Netz, impriża pubblika approvata.

25

DB Netz tqiegħed l-infrastruttura ferrovjarja tagħha għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha b’mod oneruż, fuq il-bażi ta’ kuntratti msejħa “għall-użu tal-infrastruttura”. Dawn tal-aħħar huma kuntratti standard li jirregolaw il-prinċipji marbuta mar-relazzjoni kuntrattwali li teżisti bejn l-impriżi ta’ trasport ferrovjarju u DB Netz u li jikkostitwixxu l-bażi tal-kuntratti għall-użu tal-infrastruttura individwali, konklużi għall-użu tal-mogħdijiet tal-ferrovija. Il-provvedimenti ta’ dawn il-kuntratti standard huma integrati f’kull kuntratt individwali.

26

Skont dawn il-kuntratti għall-użu tal-infrastruttura, l-użu tan-netwerk ferrovjarju ta’ DB Netz kien suġġett għall-ħlas, minn CTL Logistics, tal-prezz tal-mogħdijiet tal-ferrovija kkalkolati fuq il-bażi tat-tariffa fis-seħħ. Din it-tariffa, imsemmija “tarifikazzjoni tal-prezz tal-mogħdijiet” (iktar ’il quddiem it-“TPM”), hija stabbilita minn qabel minn DB Netz għal ċertu perijodu, mingħajr l-involviment tal-impriżi ta’ trasport ferrovjarju.

27

Il-partijiet fil-kawża prinċipali jinsabu f’nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ ċerti ħlasijiet għal annullament u ta’ bdil li DB Netz unilateralment inkludiet fit-TPM u li ġew applikati meta CTL Logistics xtaqet tbiddel jew tannulla riżervazzjoni tal-mogħdijiet. Bejn is-sena 2004 u s-sena 2011, CTL Logistics ħallset l-ammonti dovuti taħt it-TPM, imbagħad madankollu ddeċidiet li tirrikjedi r-rimbors tagħhom.

28

Għal dan il-għan, mingħajr ma indirizzat minn qabel il-korp regolatorju, CTL Logistics marret quddiem il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja).

29

Skont din il-kumpannija, il-ħlasijiet għal annullament u għal bdil inkwistjoni, kienu ġew iffissati b’mod unilaterali minn DB Netz, b’mod inġust. B’applikazzjoni tal-Artikolu 315 tal-BGB, l-iffissar ta’ dawn il-ħlasijiet minn DB Netz huwa ineffettiv u huma l-qrati li għandhom jiffissaw tariffa li l-ammont tagħha jiġi evalwat ex aequo et bono. L-ammonti mħallsa żejda bħala tariffa jkunu neqsin minn motivazzjoni legali u jkollhom jiġu rkuprati.

30

Il-qorti tar-rinviju tikkonferma li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati ta’ appell u tal-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), il-qrati ċivili huma effettivament awtorizzati, f’kawżi bħall-kawża prinċipali, li jeżaminaw it-TPM tal-konvenuta fid-dawl tal-ekwità tagħha u li jadottaw, jekk ikun il-każ, id-deċiżjonijiet speċifiċi tagħhom billi jwettqu evalwazzjoni ex aequo et bono. Skont din il-ġurisprudenza, la l-AEG u lanqas l-EIBV ma jipprekludu l-eżerċizzju ta’ stħarriġ, fid-dawl tad-dritt ċivili, ibbażat fuq l-Artikolu 315 tal-BGB, peress li d-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu ta’ infrastrutturi ferrovjarji toffri marġni ta’ manuvra li tirriżulta mill-awtonomija privata, minkejja l-istħarriġ imwettaq mill-korp regolatorju.

31

Barra minn hekk, skont l-imsemmija ġurisprudenza, għal raġunijiet ta’ natura proċedurali, hija meħtieġa applikazzjoni simultanja tal-Artikolu 315 tal-BGB u tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja Ġermaniża. Ir-rimedju eżerċitat taħt l-Artikolu 315 tal-BGB jagħti neċessarjament lok għal stħarriġ tal-ammont tat-tariffa ffissata mill-impriża li tamministra l-infrastruttura ferrovjarja u, jekk ikun il-każ, tnaqqis tiegħu sal-limitu ta’ dak li jirriżulta minn evalwazzjoni skont l-ekwità, u dan b’effett ex tunc.

32

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li l-istħarriġ ibbażat fuq l-ekwità, imwettaq skont l-Artikolu 315 tal-BGB, u l-applikazzjoni simultanja tal-provvedimenti tad-Direttiva 2001/14 ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fehma tagħha, applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 315 tassumi de facto funzjoni ta’ regolamentazzjoni, li ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju tar-riferiment għal korp regolatorju wieħed biss skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva, u li ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-prinċipji ddikjarati minn din id-direttiva fil-qasam tal-kalkolu tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, il-paragrafu 2, il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 u l-paragrafu 6 tal-Artikolu 30 tad-Direttiva [2001/14], għandhom jiġu interpretati bħala li jeskludu kull azzjoni għal rimbors ta’ piżijiet [tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja stipulati jew stabbiliti fi ftehim qafas konkluż bejn amministratur tal-infrastruttura u applikant, jekk din l-azzjoni għal rimbors ma tkunx tressqet skont il-proċeduri previsti quddiem il-korp regolatorju nazzjonali u skont il-proċeduri ġudizzjarji korrispondenti li jkunu stħarrġu dawn id-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju?

2)

Dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, il-paragrafu 2, il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 u l-paragrafu 6 tal-Artikolu 30 tad-Direttiva [2001/14], għandhom jiġu interpretati bħala li jeskludu kull azzjoni għal rimbors ta’ piżijiet [tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja stipulati jew stabbiliti fi ftehim qafas konkluż bejn amministratur tal-infrastruttura u applikant, jekk il-korp regolatorju nazzjonali ma jkunx ġie preċedentement adit bil-kwistjoni tal-piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja?

3)

L-istħarriġ tan-natura ekwa tal-piżijiet [tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja eżerċitat mill-qorti ċivili fuq il-bażi ta’ regola nazzjonali tad-dritt ċivili li tippermetti li l-qrati jistħarrġu l-ekwità ta’ prestazzjoni unilateralment iddeterminata minn parti u, fejn xieraq, jiddeterminaw il-prestazzjoni huma stess ex aequo et bono, huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li jimponi fuq l-amministratur tal-infrastruttura ċerti regoli ġenerali għall-kalkolu tal-piż, fosthom l-obbligu li jkopri l-ispejjeż [Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14] jew li josserva kriterji marbuta mal-kapaċità ta’ aċċettazzjoni tas-suq [Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14]?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3, il-qorti ċivili għandha, fl-ambitu tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni kriterji stabbiliti fid-Direttiva [2001/14] sabiex tistabbilixxi l-piż għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u, jekk iva, liema kriterji?

5)

Il-verifika minn qorti ċivili tal-ekwità tal-piżijiet [tariffi] fuq il-bażi tar-regola nazzjonali prevista [fit-tielet domanda] hija kompatibbli mad-dritt Ewropew meta l-qrati ċivili jistabbilixxu l-piż billi jinjoraw il-prinċipji ġenerali u l-ammonti stabbiliti bħala piżijiet mill-amministratur tal-linji ferrovjarji, minkejja l-fatt li dan l-amministratur huwa marbut mid-dritt tal-Unjoni li jittratta b’mod nondiskriminatorju lil kull entità awtorizzata li taċċedi għall-infrastruttura [Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2001/14]?

6)

L-istħarriġ mill-qorti ċivili tan-natura ekwa tal-piżijiet [tariffi] ta’ amministratur tal-infrastruttura huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-fatt li dan id-dritt jassumi li huwa l-korp regolatorju li għandu l-kompetenza jiddeċiedi nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-persuni awtorizzati jaċċedu fir-rigward tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja jew fir-rigward tal-ammont jew tal-istruttura ta’ dawn il-piżijiet, li l-persuna awtorizzata taċċedi għandha jew ikollha tħallas [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14], u tal-fatt li, minħabba n-numru potenzjalment kbir ta’ tilwimiet imressqa quddiem diversi qrati ċivili, il-korp regolatorju ma jkunx jista’ jibqa’ jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar il-linji ferrovjarji [Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14]?

7)

[Il-fatt], li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jeżiġu li l-piżijiet [tariffi] kollha tal-amministraturi tal-infrastruttura għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji jkunu kkalkolati biss skont metodu bbażat fuq l-ispejjeż diretti [huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt domandi

34

Permezz tal-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 30(1), (3), 5) u (6) tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi stħarriġ tan-natura ekwa tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, skont il-każ, mill-qrati ordinarji, u l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li l-ammont ta’ dawn it-tariffi jinbidel, indipendentement mis-sorveljanza mwettqa mill-korp regolatorju previst fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.

35

Preliminarjament, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jitfakkru l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2001/14 kif ukoll il-prinċipji u r-rekwiżiti materjali kif ukoll formali ffissati minnha fir-rigward tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja.

L-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2001/14

36

Fost l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2001/14 jinsab, b’mod partikolari, dan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura, hekk kif inhu espost, b’mod partikolari, fil-premessi 5 u 11 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑473/10, EU:C:2013:113, punt 47, u tat-18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑625/10, EU:C:2013:243, punt 49).

37

Barra minn hekk, id-Direttiva 2001/14 għandha l-għan li tiggarantixxi kompetizzjoni ekwa. Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tiddikjara, f’dan ir-rigward, li s-sistemi ta’ tarifikazzjoni u ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandhom jippermettu kompetizzjoni ekwa fil-provvista’ ta’ servizzi ferrovjarji.

38

Is-sistema ta’ tarifikazzjoni stabbilita mid-Direttiva 2001/14 bħala strument ta’ ġestjoni sservi wkoll biex jiġi żgurat it-tiftix ta’ għan ieħor, jiġifieri l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 44, u tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 82).

39

Barra minn hekk, skont il-premessa 12 tal-imsemmija direttiva, sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat użu effikaċi tal-infrastruttura ferrovjarja, huwa f’loku li l-imsemmija sistemi jitolbu lill-amministraturi ta’ infrastruttura ferrovjarja jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura tagħhom fil-qafas iddefinit mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 82).

40

Fid-dawl tat-twettiq ta’ dan l-istess għan, ikun opportun, skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2001/14, li titħalla ċerta marġni ta’ manuvra għall-amministraturi tal-infrastruttura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 44, u tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 82).

41

Bl-istess mod, il-premessa 34 ta’ din id-direttiva tiddikjara li l-investimenti fl-infrastruttura ferrovjarja huma xierqa u li s-sistemi ta’ tarifikazzjoni għandhom jipprovdu inċentivi sabiex l-amministraturi tal-infrastruttura jwettqu l-investimenti xierqa meta dawn ikunu ekonomikament vantaġġużi. Issa, l-amministraturi ma jistgħux jiġu inċentivati jinvestu jekk ma jkollhomx ċerta marġni ta’ manuvra fil-qafas tas-sistema ta’ tarifikazzjoni (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 45).

42

Fl-aħħar nett, peress li l-infrastruttura ferrovjarja hija monopolju, il-premessa 40 tal-imsemmija direttiva tiddikjara li, għalhekk, huwa neċessarju li jiġu inċentivati, permezz ta’ miżuri ta’ inkoraġġiment, l-amministraturi tal-infrastruttura sabiex inaqqsu l-ispejjeż u sabiex jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effikaċi.

43

Ġestjoni effikaċi ta’ dan it-tip kif ukoll l-użu ekwu u nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jirrikjedu, skont il-premessa 46 tal-istess direttiva, l-istabbiliment ta’ korp regolatorju, inkarigat milli jissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti applikabbli tad-dritt tal-Unjoni u milli jaġixxi bħala korp ta’ appell, minkejja l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

Il-prinċipji materjali ddikjarati fid-Direttiva 2001/14

44

Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/14, biex l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jkun jista’ jikkummerċjalizzaha u jużaha b’mod effettiv u ottimali, l-Istati Membri għandhom iħarsu sabiex is-sistemi ta’ tarifikazzjoni u ta’ tqassim tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja josservaw il-prinċipji ddikjarati f’din id-direttiva.

45

F’dan ir-rigward, peress li l-prerekwiżit għall-istabbiliment ta’ kompetizzjoni ekwa fis-settur tal-provvista ta’ servizzi ferrovjarji huwa l-ugwaljanza fit-trattament tal-impriżi ferrovjarji, l-amministratur tal-infrastruttura għandu jiżgura lilu nnifsu, skont l-Artikolu 4(5) tal-imsemmija direttiva, li s-sistema ta’ tarifikazzjoni tiġi applikata b’mod li l-impriżi ferrovjarji differenti li jwettqu servizzi ta’ natura simili f’parti simili tas-suq jiġu ssuġġettati għal tariffi ekwivalenti u mhux diskriminatorji u li t-tariffi effettivament applikati jkunu konformi mar-regoli ddefiniti fid-dokument ta’ referenza tan-netwerk tal-ferrovija.

46

Jeħtieġ li jitfakkar li din id-dispożizzjoni timplementa l-prinċipju ddikjarat fil-premessa 11 tal-istess direttiva, li s-sistemi ta’ tarifikazzjoni u ta’ tqassim tal-kapaċitajiet għandhom jiżguraw lill-impriżi kollha aċċess ugwali u nondiskriminatorju u għandhom jissodisfaw, sa fejn possibbli, il-ħtiġijiet tal-utenti kollha u tat-tipi kollha ta’ traffiku, u dan b’mod ekwu u nondiskriminatorju.

47

Dan il-prinċipju, li jirriżulta mill-premessa 11 u mill-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2001/14 li jipprevedi li sistemi ta’ tnaqqis simili għandhom japplikaw għas-servizzi simili, jikkostitwixxi, konsegwentement, il-kriterju ċentrali ta’ determinazzjoni u ta’ rkupru tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura.

48

Sabiex jiġi ggarantit l-għan hekk segwit u minħabba ħtieġa ta’ trasparenza, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14, li jirriproduċi l-kontenut tal-premessa 5 tagħha, jimponi lill-amministratur li jistabbilixxi u jippubblika dokument ta’ referenza tan-netwerk li jindika, b’mod partikolari, konformement mal-Anness I tad-Direttiva 2001/14, il-prinċipji u l-livelli ta’ tarifikazzjoni.

49

Ukoll fil-kuntest tal-iffissar u tal-ġbir tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprevedi li d-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u l-irkupru tagħha jaqgħu fuq l-amministraturi tal-infrastruttura, li għandhom obbligu jħarsu li jiġu applikati prinċipji uniformi, hekk kif jipprovdi b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) u (5) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 84, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636, punt 41).

50

Għalhekk, l-amministraturi tal-infrastruttura, li għandhom l-obbligu li jiddeterminaw u li jiġbru t-tariffi b’mod nondiskriminatorju, ma għandhomx japplikaw biss il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk tal-ferrovija b’mod ugwali għall-utenti kollha ta’ dan in-netwerk, iżda għandhom iħarsu wkoll li dawn it-tariffi effettivament miġbura jikkorrispondu għal dawn il-kundizzjonijiet.

51

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit bid-Direttiva 2001/14, li għadu kif ġie espost, huwa l-korollarju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija minn din id-direttiva għall-iffissar u għall-ġbir tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. Minbarra s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri sabiex jittrasponu u japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 et seq tad-Direttiva 2001/14, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tagħha jipprevedi, f’dan ir-rigward, li l-kalkolu tat-tariffa għandu jsir mill-amministratur tal-infrastruttura, li lilu, konsegwentement, hija rikonoxxuta ċerta setgħa diskrezzjonali.

52

F’dan il-kuntest, konformement mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/14, fil-każ fejn l-imsemmi amministratur, li ma għandux l-obbligu li jiġbor ħlasijiet għal annullament, ikun xorta waħda ddeċieda li jiġborhom, dawn il-ħlasijiet ikunu jinkoraġġixxu użu effikaċi tal-kapaċitajiet, dejjem sakemm jiġu approprjati u stabbiliti konformement mal-prinċipju ddikjarat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

53

Il-formulazzjoni tal-premessa 7 tad-Direttiva 2001/14 tmur fl-istess sens billi tiddikjara li l-inkoraġġiment għal użu ottimali tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jagħti lok għal tnaqqis tal-ispejjeż ta’ trasport li jaqgħu fuq il-kumpannija.

54

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont il-premessa 35 ta’ din id-direttiva, sistema ta’ tarifikazzjoni toħroġ sinjali ekonomiċi għall-utenti, u li huwa importanti li dawn is-sinjali jkunu koerenti u jinċentivaw lill-utenti jieħdu deċiżjonijiet razzjonali. Minn dan jirriżulta li dawn l-inċentivi jistgħu jkollhom l-effett mistenni biss jekk l-amministratur tal-infrastruttura effettivament ikollu l-possibbiltà li jadatta l-aġir kummerċjali tiegħu għall-kundizzjonijiet tas-suq. Konsegwentement, id-Direttiva 2001/14 tirrikonoxxi ċerta setgħa diskrezzjonali lill-amministratur tal-infrastruttura, sabiex jilħaq l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-għanijiet jirriżulta fl-iffissar u fl-istħarriġ uniformi tat-tipi kollha ta’ tariffi, b’mod partikolari tal-ħlasijiet miġbura għall-kapaċitajiet mitluba, iżda mhux użati.

Il-prinċipji proċedurali ddikjarati fid-Direttiva 2001/14

55

Għal dak li jirrigwarda l-korp regolatorju, il-premessa 46 tad-Direttiva tipprovdi li l-ġestjoni effikaċi u l-użu ekwu u nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jirrikjedu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju, inkarigat milli jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li jaġixxi bħala korp ta’ appell, minkejja l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

56

Għalhekk, konformement mal-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu tali korp, li jista’ skont l-Artikolu 30(2) tal-imsemmija direttiva, jiġi adit minn kandidat li “jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor”. Ir-rikors ippreżentat f’dan is-sens jirrigwarda b’mod partikolari, skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura dwar is-sistema ta’ tarifikazzjoni jew fuq il-livell jew fuq l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li l-kandidat għandu jew jista’ jkollu jħallas fejn il-korp regolatorju jkun obbligat, skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, jiddeċiedi kull ilment u jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni f’terminu massimu ta’ xahrejn.

57

Għaldaqstant, minbarra l-evalwazzjoni ta’ tariffi applikabbli f’każ partikolari, dan il-korp għandu l-obbligu jħares li t-tariffi kollha, inkwantu jikkostitwixxu s-sistema ta’ tarifikazzjoni, ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

58

Is-sorveljanza ċċentralizzata eżerċitata mill-korp regolatorju, li tħares in-natura nondiskriminatorja tat-tariffi tikkorrispondi, konsegwentement, għall-prinċipju li l-iffissar iċċentralizzat tal-imsemmija tariffi għandu jsir mill-amministratur, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

59

Huwa f’din il-perspettiva li jidħlu d-dispożizzjonijiet relatati mal-effetti tad-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju kif ukoll mal-portata tal-istħarriġ imwettaq minnu.

60

F’dan is-sens, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14, il-korp regolatorju għandu jħares li t-tariffi ffissati mill-amministratur tal-infrastruttura jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva u li ma jkunux diskriminatorji. Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 30(3) tal-imsemmija direttiva tipprevedi li n-negozjati bejn il-kandidati u l-amministratur tal-infrastruttura dwar il-livell tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura jiġu awtorizzati biss jekk iseħħu taħt l-awspiċji tal-korp regolatorju, li għandu jintervjeni immedjatament fil-każ fejn in-negozjati jistgħu jiksru d-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva.

61

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, id-deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma vinkolanti għall-partijiet kollha, fejn l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom ukoll effett erga omnes.

62

Konformement mal-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14, għandu jiġi stabbilit stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

63

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li għandha tingħata risposta għall-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hekk kif ġew ifformulati mill-ġdid fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 315 tal-BGB, hekk kif interpretati mill-qorti tar-rinviju

64

Fir-rigward tal-Artikolu 315 tal-BGB, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-dispożizzjoni tad-dritt ċivili Ġermaniż tipprevedi li, meta dispożizzjoni legali jew stipulazzjoni kuntrattwali jagħtu lil parti, bħall-amministratur ta’ infrastruttura, id-dritt li tiddetermina unilateralment is-servizz dovut kuntrattwalment, dan id-dritt madankollu għandu jiġi eżerċitat, fil-każ ta’ dubju, konformement mal-prinċipju ta’ ekwità. L-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwità tista’ tiġi mistħarrġa mill-qrati ċivili li, meta jikkonstataw in-natura mhux ekwa tad-determinazzjoni tas-servizz, jissostitwixxu dan in-nuqqas permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ekwa, adottata b’mod diskrezzjonali. L-għan tal-Artikolu 315 tal-BGB huwa, għalhekk, li jikkoreġi n-natura eċċessiva jew sproporzjonata, f’każijiet partikolari, tas-servizz meta mqabbel mal-għan tal-kuntratt.

65

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, barra minn hekk, li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati ċivili Ġermaniżi, l-istipulazzjonijiet kuntrattwali għall-użu tal-infrastrutturi ta’ DB Netz li jagħmlu riferiment għas-sistema ta’ tarifikazzjoni tal-mogħdijiet jipprevedu, minn naħa, dritt li jiġi ddeterminat is-servizz ta’ oriġini kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, li l-obbligu leġiżlattiv li jiġu stabbiliti listi ta’ tariffi jagħti lok għal dritt li jiġi ddeterminat is-servizz ta’ oriġini legali. Dawn il-qrati siltu minn dan kollu li huma kienu kompetenti biex jistħarrġu t-tariffi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 315(3) tal-BGB, u biex jadottaw, jekk ikun il-każ, id-deċiżjonijiet tagħhom infushom, wara li tkun saret evalwazzjoni ex aequo et bono.

66

Skont il-qorti tar-rinviju, il-qrati Ġermaniżi jinterpretaw il-leġiżlazzjoni ferrovjarja Ġermaniża, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tal-AEG u tal-EIBV, li jittrasponi d-Direttiva 2001/14, fis-sens li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ stħarriġ fir-rigward tad-dritt ċivili, ibbażat fuq l-Artikolu 315 tal-BGB. Stħarriġ ta’ dan it-tip ma huwiex eskluż ġaladarba, skont il-prinċipju tal-awtonomija privata, l-amministratur tal-infrastruttura għandu marġni ta’ manuvra fid-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu ta’ infrastrutturi ferrovjarji, minkejja l-istħarriġ tal-korp regolatorju.

67

Skont din il-ġurisprudenza, raġunijiet ta’ natura proċedurali jiġġustifikaw ukoll l-applikazzjoni simultanja tal-Artikolu 315 tal-BGB u tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja Ġermaniża. Rikors ippreżentat taħt dan l-artikolu u intiż sabiex tiġi ffissata tariffa ta’ ammont ekwu minn qorti huwa disponibbli għall-impriża ta’ trasport ferrovjarju, mingħajr kundizzjonijiet partikolari. Rikors bħal dan jagħti neċessarjament lok għal stħarriġ tat-tariffa ffissata mill-amministratur tal-infrastruttura u, jekk ikun il-każ, għal tnaqqis tal-ammont tagħha minħabba evalwazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwità, u dan b’effet ex tunc, filwaqt li tali effett ikun inċert fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju.

68

Fl-aħħar nett, skont l-imsemmija ġurisprudenza, l-Artikolu 315 tal-BGB jista’ jiġi applikat anki meta t-tariffi jiġu ffissati taħt forma ta’ tariffa ġenerali, ġaladarba r-relazzjoni legali li teżisti bejn l-impriża li tamministra l-infrastruttura ferrovjarja u l-impriża ta’ trasport ferrovjarju hija rregolata, fir-rigward tad-dritt ċivili, mill-Artikolu 14(6) tal-AEG.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istħarriġ ibbażat fuq l-ekwità, eżerċitat mill-qrati ċivili nazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 315(3) tal-BGB, jikkostitwixxi strument ġenerali tad-dritt ċivili, iktar preċiżament tad-dritt tal-kuntratti, mingħajr relazzjoni konkreta mal-istħarriġ tat-tariffi miġbura mill-amministraturi tal-infrastrutturi, previst mid-Direttiva 2001/14. Konsegwentement din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi relazzjoni ekwa f’kull każ inkwistjoni.

70

Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-evalwazzjoni skont il-prinċipju ta’ ekwità f’kull każ partikolari tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(5) u fil-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14, hekk kif ġie espost fil-punti 45 sa 54 ta’ din is-sentenza.

71

F’dan ir-rigward, mill-fajl jirriżulta li l-ġurisprudenza tal-qrati ċivili Ġermaniżi tibda mill-prinċipju li l-Artikolu 315 tal-BGB għandu “kamp ta’ applikazzjoni awtonomu”, parallel għal dak tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja u li, konsegwentement, ikun meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk, fil-kuntest tal-marġni ta’ manuvra rikonoxxuta lilhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tad-determinazzjoni tat-tariffi, l-amministratur tal-infrastruttura ħax ukoll inkunsiderazzjoni, b’mod xieraq, l-interessi tal-impriża ta’ trasport ferrovjarju rikorrenti, li jmorru lil hinn mill-osservanza tan-natura mhux diskriminatorja tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk.

72

Issa, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li din il-ġurisprudenza twassal għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni materjali relatati mal-ekwivalenza bejn is-servizzi, li ma humiex previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/14.

73

Dawn il-kriterji, applikati fil-kuntest tal-istħarriġ ibbażat fuq l-ekwità, imwettaq mill-qorti ċivili skont l-Artikolu 315 tal-BGB, għalhekk jostakolaw it-twettiq tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2001/14, ġaladarba ma jeżistux kriterji unifikati rikonoxxuti mill-imsemmija ġurisprudenza, inkwantu dawn jiġu applikati każ b’każ, fir-rigward tal-għan tal-kuntratt u tal-interess tal-partijiet fil-kawża.

74

Billi tinsisti esklużivament fuq ir-razzjonalità ekonomika tal-kuntratt individwali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 315 tal-BGB tmur kontra l-fatt li determinazzjoni waħda biss tat-tariffi bbażati fuq kriterji uniformi tista’ tiggarantixxi li l-politika fil-qasam tat-tariffi tiġi applikata bl-istess mod għall-impriżi ferrovjarji kollha.

75

L-evalwazzjoni tal-ekwità magħmula skont l-Artikolu 315 tal-BGB fil-kuntest ta’ kuntratt, minn naħa, u l-leġiżlazzjoni ferrovjarja hekk kif tirriżulta mid-Direttiva 2001/14, min-naħa l-oħra, jirrelataw ma’ kunsiderazzjonijiet differenti, li, fil-każ ta’ applikazzjoni għall-istess kuntratt, jistgħu jwasslu għal riżultati kontradittorji.

76

Għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwità mill-qrati Ġermaniżi hija f’kuntradizzjoni mal-prinċipji ddikjarati mid-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-impriżi ta’ trasport ferrovjarju.

77

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom joħolqu qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi. Huma jistgħu jistabbilixxu wkoll regoli dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi speċifiċi, filwaqt li josservaw l-indipendenza ta’ ġestjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, huwa dan tal-aħħar, minn naħa, li għandu jiddetermina t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, li għandu jipproċedi għall-ġbir tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 39, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636, punt 41).

78

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-amministratur tal-infrastruttura f’dak li jirrigwarda s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi, filwaqt li d-determinazzjoni tat-tariffa u l-irkupru tagħha jaqgħu, bħala prinċipju, fuq l-amministratur tal-infrastruttura (sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 41; tal-11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 34, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636, punt 42).

79

Sabiex jiġi ggarantit l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-indipendenza ta’ ġestjoni tal-amministratur tal-infrastruttura, dan għandu jkollu, fil-kuntest tat-tarifikazzjoni hekk kif iddefinit mill-Istati Membri, ċerta marġni ta’ manuvra għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi, sabiex ikun jista’ jagħmel użu minn din il-marġni bħala strument ta’ ġestjoni (sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punti 4449, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 35).

80

B’hekk mill-premessa 12 tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li s-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi u ta’ tqassim tal-kapaċitajiet għandhom jinċentivaw lill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura fil-qafas iddefinit mill-Istati Membri (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 44).

81

Issa, għalkemm huwa minnu li l-amministraturi bħala prinċipju jistgħu jikkalkolaw l-ammont tat-tariffa permezz ta’ sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi li tapplika għall-impriżi ferrovjarji kollha, huma ma jistgħux jaslu għall-ottimizzazzjoni li tirriżulta minn tali sistema jekk jgħaddu mir-riskju, fi kwalunkwe mument, li qorti ċivili tiffissa skont il-prinċipju ta’ ekwità, bis-saħħa tal-Artikolu 315 tal-BGB, it-tariffa applikabbli speċifikament għall-impriża ferrovjarja li tkun parti fil-proċedura, inkwantu l-iffissar ta’ din it-tariffa mill-imsemmija qorti tillimita b’dan il-mod il-marġni ta’ manuvra tal-amministratur tal-infrastruttura b’mod li jkun inkompatibbli mal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2001/14 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636, punt 43).

82

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi osservat, li konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, sabiex l-amministratur tal-infrastruttura jkun inċentivat jottimizza l-użu tal-infrastruttura tiegħu, dan tal-aħħar għandu jkun f’pożizzjoni li jiffissa jew iżomm fis-seħħ tariffi ogħla, ibbażati fuq l-ispiża fuq terminu twil ta’ ċerti proġetti ta’ investiment speċifiċi (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 83).

83

B’hekk hemm lok li jiġi konkluż li l-istħarriġ tat-tariffi bbażat fuq il-prinċipju ta’ ekwità u l-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni li tirriżulta minn evalwazzjoni ex aequo et bono, konformement mal-Artikolu 315(3) tal-BGB, huma kuntrarji għall-għanijiet segwiti mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

84

Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni materjali fuq il-bażi tal-Artikolu 315 tal-BGB jew hija inkompatibbli mal-kriterji ta’ evalwazzjoni previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4, 7 u 8 tad-Direttiva 2001/14, jew, jekk jitqies li dawn ir-rekwiżiti huma konformi ma’ dawk stabbiliti minn din tal-aħħar, twassal lill-qrati ċivili japplikaw direttament id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja u, konsegwentement, li jindaħlu fuq il-kompetenzi tal-korp regolatorju.

85

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, mal-prinċipju ta’ ffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, li għandu l-obbligu josserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tikkorrispondi s-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju, li, min-naħa tiegħu, għandu l-obbligu jħares għall-osservanza tan-natura nondiskriminatorja tat-tariffi.

86

B’hekk, meta l-qrati ċivili nazzjonali, aditi b’kawżi fil-qasam ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja japplikaw, fil-kuntest tal-istħarriġ ibbażat fuq l-ekwità prevista fl-Artikolu 315 tal-BGB, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni settorjali li tirriżulta mill-AEG u mill-EIBV biex jiġu evalwati l-modalitajiet ta’ kalkolu u l-ammont tat-tariffi, il-leġiżlazzjoni ferrovjarja li tirriżulta mid-Direttiva 2001/14 ma hijiex biss suġġetta għall-evalwazzjoni tal-korp regolatorju kompetenti, u sussegwentement għall-verifika ex post imwettqa mill-qrati aditi b’rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp, iżda hija applikata u ppreċiżata wkoll minn kull qorti ċivili nazzjonali kompetenti adita, dan bi ksur tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-korp regolatorju mill-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14.

87

Konsegwentement, deċiżjonijiet differenti ta’ qrati ċivili indipendenti, jekk ikun il-każ mhux armonizzati mill-ġurisprudenza tal-qrati superjuri, jissostitwixxu lilhom infushom mal-uniċità tal-istħarriġ imwettaq mill-korp regolatorju, suġġett, jekk ikun il-każ, għall-istħarriġ ulterjuri mwettaq mill-qrati mitluba jiddeċiedu r-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp, f’dan il-każ mill-qrati amministrattivi, hekk kif jipprevedi wkoll l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14. Minn dan tirriżulta sovrappożizzjoni ta’ żewġ approċċi deċiżjonali mhux ikkoordinati, u dan f’kontradizzjoni manifesta mal-għan segwit fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14.

88

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, ġustament, id-diffikultà li prattikament ma tistax tingħeleb li tirriżulta minn integrazzjoni mħaffa, f’sistema nondiskriminatorja, ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji individwali differenti mogħtija mill-qrati ċivili, minkejja t-tentattivi ta’ reazzjoni tal-korp regolatorju wara li jingħataw dawn id-deċiżjonijiet.

89

L-ewwel nett, minn dan tirriżulta, mill-inqas sal-intervent ta’ qorti suprema, diskriminazzjoni skont jekk l-impriżi ferrovjarji jkunux marru quddiem qorti ċivili jew le u skont il-portata tad-deċiżjoni mogħtija minn din tal-aħħar, u dan bi ksur manifest tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2001/14.

90

It-tieni nett, mill-fajl fil-pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li stħarriġ ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ekwità, imwettaq taħt l-Artikolu 315 tal-BGB, ikun jinvolvi, sabiex jiġi evitat trattament diskriminatorju eventwali bejn impriżi ferrovjarji, l-adattament effettiv ta’ tariffa mill-amministratur tal-infrastruttura jew mill-korp regolatorju u l-applikazzjoni tagħha għall-impriżi ferrovjarji l-oħra b’konsegwenza tal-intervent ta’ deċiżjoni ta’ qorti ċivili li tkun biddlet din it-tariffa fuq talba ta’ impriża waħda biss.

91

Issa, ebda obbligu ta’ din in-natura ma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 dwar il-korp regolatorju.

92

Barra minn hekk, l-argument li dan il-metodu jippermetti li tingħata soluzzjoni li tiggarantixxi trattament nondiskriminatorju tal-impriżi ferrovjarji jistrieħ fuq l-ipoteżi li l-korp regolatorju għandu jinkariga lilu nnifsu milli jirreaġixxi għad-deċiżjonijiet individwali diġà mogħtija mill-qrati ċivili fuq il-bażi tal-Artikolu 315 tal-BGB.,Issa, tali ipoteżi hija manifestament kuntrarja għall-missjoni fdata lill-korp regolatorju, hekk kif tirriżulta mill-Artikolu 30(2) u (5) tad-Direttiva 2001/14.

93

Fl-aħħar nett, l-imsemmija ipoteżi tippreġudika l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji, ġaladarba dawn ikollhom, b’reazzjoni għad-deċiżjoni ta’ qorti ċivili, jiffaċċjaw tariffi “ekwi” fissi, li jirriżultaw mill-eżami ta’ każijiet partikolari, u dan f’kontradizzjoni mal-missjoni li ġiet fdata lil dawn l-amministraturi ta’ infrastrutturi mid-Direttiva 2001/14.

94

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, fil-ħames lok, li n-natura restrittiva, għall-partijiet ikkonċernati kollha, tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, ma hijiex osservata. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, jekk ikun il-każ suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju, jipproduċu effetti ġuridiċi għall-partijiet kollha kkonċernati tas-settur ferrovjarju, sew jekk ikunu l-impriżi ta’ trasport jew l-amministraturi tal-infrastrutturi. Il-fatt li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ċivili, jekk ikun il-każ fuq il-bażi tal-kriterji ffissati mil-leġiżlazzjoni dwar il-kalkolu tat-tariffi, jipproduċu effett limitat għas-sempliċi partijiet fil-kawżi mressqa quddiem dawn il-qrati, ikun imur kontra dan il-prinċipju.

95

B’hekk, il-persuna li għandha awtorizzazzjoni ta’ aċċess, li tippreżenta rikors kontra l-amministratur tal-infrastruttura sabiex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tat-tariffa li titqies li ma hijiex ekwa, tikseb neċessarjament vantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tagħha li ma jkunux ippreżentaw tali rikors. Issa, il-qorti ċivili adita, b’differenza tal-korp regolatorju, ma għandhiex il-possibbiltà li testendi t-tilwima għal kuntratti oħra għall-użu tal-infrastruttura jew li tagħti deċiżjoni li tapplika għas-settur kollu kkonċernat.

96

Din is-sitwazzjoni tkun tqiegħed inkwistjoni mhux biss il-prinċipju, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji, li skontu l-effett tad-deċiżjonijiet adottati huwa restrittiv għall-partijiet kollha kkonċernati, u jkun neċessarjament jagħti lok għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni li għandhom awtorizzazzjoni ta’ aċċess, liema sitwazzjoni d-Direttiva 2001/14 għandha preċiżament l-intenzjoni li tevita, iżda tkun tippreġudika wkoll l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata kompetizzjoni ekwa fis-settur tal-provvista ta’ servizzi ferrovjarji.

97

B’hekk, ir-rimbors tat-tariffi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili huwa possibbli biss fl-ipoteżi fejn, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, in-natura illegali tat-tariffa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji tkun ġiet preċedentement ikkonstatata mill-korp regolatorju jew minn qorti li tkun stħarrġet id-deċiżjoni ta’ dan il-korp, u sa fejn din it-talba għal rimbors tista’ tkun suġġetta għal rikors quddiem il-qrati ċivili nazzjonali pjuttost milli għar-rikors previst minn din il-leġiżlazzjoni.

98

Fis-sitt lok, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li soluzzjoni bonarja, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili u, konsegwentement, ta’ proċedura mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 315 tal-BGB, ma hijiex eskluża. Issa, il-konstatazzjoni li l-Artikolu 315 tal-BGB iżomm “kamp ta’ applikazzjoni awtonomu”, b’mod parallel għal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji, tfisser li negozjati bil-għan ta’ soluzzjoni bonarja jistgħu jseħħu mingħajr il-parteċipazzjoni tal-korp regolatorju, li ma jkunx parti f’tali proċedura.

99

Issa, din l-esklużjoni tal-korp regolatorju hija f’kontradizzjoni mal-kliem u mal-għan tat-tieni u tat-tielet sentenzi tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14, li jipprevedi, minn naħa, li n-negozjati bejn il-kandidati u amministratur tal-infrastruttura dwar il-livell tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura huma awtorizzati biss jekk dawn iseħħu taħt l-awspiċji tal-korp regolatorju u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar għandu jintervjeni immedjatament jekk dawn in-negozjati jkunu jistgħu jiksru d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

100

Fis-seba’ lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 315 tal-BGB magħmula mill-qrati Ġermaniżi ma tidhirx li tista’ tiġi kkonċiljata mal-għan segwit mid-Direttiva 2001/14, li tikkonsisti f’li l-amministraturi jiġu inċentivati jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura tagħhom, b’mod partikolari skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12, tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi l-possibbiltà għall-amministratur tal-infrastruttura li jiġbor ammont għall-kapaċitajiet ferrovjarji mitluba, iżda mhux użati. Il-motivazzjoni li fuqha tistrieħ l-applikazzjoni tal-Artikolu 315 tal-BGB, li skontha dan l-artikolu għandu “kamp ta’ applikazzjoni awtonomu”, parallel mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji, għandha twassal għall-konklużjoni li l-għanijiet speċifiċi msemmija mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni.

101

Jekk jitqies li l-applikazzjoni tal-Artikolu 315 tal-BGB jippermetti li l-għanijiet speċifiċi segwiti mid-Direttiva 2001/14 jittieħdu inkunsiderazzjoni, ikun jeżisti riskju manifest li tnaqqis tat-tariffi deċiż każ b’każ jirriżulta f’differenzi fir-rigward tal-effett ta’ inċentiv miksub, u, li impriżi ta’ trasport ferrovjarju jiġu inkoraġġuti jiksbu, permezz ta’ azzjonijiet ċivili, vantaġġi li minnhom ma jibbenefikawx impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni simili.

102

Issa, dan l-inkoraġġiment jista’ wkoll jippreġudika l-interess li hemm li jingħata kontribut għal użu ottimali tal-infrastrutturi permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni xierqa jew ta’ annullament ta’ talba ta’ piż ta’ riżerva l-iktar prekoċi possibbli, u dan f’kuntrast mal-għan segwit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/14.

103

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(5) u tal-Artikolu 30(1), (3), (5) u (6) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi stħarriġ tan-natura ekwa tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, każ b’każ, mill-qrati ordinarji, u l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li jinbidel l-ammont ta’ dawn it-tariffi, indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju previst fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tielet, ir-raba’ u s-seba’ domandi

104

It-tielet, ir-raba’ u s-seba’ domandi huma magħmula biss għall-każ fejn tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt domandi.

105

Peress li r-risposta għall-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt domandi hija fin-negattiv, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet, ir-raba’ u s-seba’ domandi.

Fuq l-ispejjeż

106

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(5) u tal-Artikolu 30(1), (3), (5) u (6) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi stħarriġ tan-natura ekwa tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, każ b’każ, mill-qrati ordinarji, u l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li jinbidel l-ammont ta’ dawn it-tariffi, indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju previst fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, kif emendata bid-Direttiva 2004/49.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.