SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a(1) – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Validità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun – Rikors għad-data li tirriżulta mill-‘BREF’ ħadid u azzar u mil-linji gwida sabiex jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji tal-metall sħun – Kunċett ta’ ‘prodotti simili’ – Installazzjonijiet ta’ riferiment – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑80/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva ta’ Montreuil, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

ArcelorMittal Atlantique et Lorraine SASU

vs

Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l’Énergie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ArcelorMittal Atlantique u Lorraine SASU, minn J. Herschtel, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, T. Deleuil u J. Traband, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White u K. Mifsud Bonnici kif ukoll minn O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ArcelorMittal Atlantique et Lorraine SASU, operatur ta’ installazzjonijiet li jipproduċu gassijiet serra, mal-Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l’Énergie (ministru għall-ekoloġija, l-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija, Franza) fir-rigward tal-legalità tad-digriet adottat minn dan il-ministru fl-24 ta’ Jannar 2014, li jistabbilixxi lista tal-operaturi li ġewlhom allokati kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra u l-ammont ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għall-perijodu 2013-2020, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014 li permezz tagħha l-istess awtorità ċaħdet it-talba għall-irtirar ta’ dan id-digriet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2009/29

3

Il-premessa 23 tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU 2009, L 140, p. 63) tistabbilixxi:

“Għandha tingħata allokazzjoni gratis tranżitorja għal istallazzjonijiet permezz ta’ regoli madwar il-Komunità (‘punti ta’ riferiment ex ante’) kollha sabiex tinżamm minima d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa l-Komunità. Dawk ir-regoli għandhom iqisu t-teknika l-aktar effiċjenti fil-gassijiet serra u fl-enerġija, is-sostituti, il-proċessi ta’ produzzjoni alternattivi, l-użu tal-bijomassa, l-enerġiji rinovabbli u l-ġabra u l-ħażna tal-gassijiet serra. Kwalunkwe regola bħal din ma għandhiex tagħti inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet u għandha tiżgura li proporzjoni dejjem jiżdied ta’ dawn il-kwoti jiġi rkantat. L-allokazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti qabel il-perjodu tal-iskambju tal-kwoti sabiex is-suq ikun jista’ jiffunzjona tajjeb. Dawk ir-regoli armonizzati jistgħu wkoll iqisu l-emissjonijiet relatati mal-użu tal-gassijiet minn skart kombustibbli meta l-produzzjoni ta’ dawn il-gassijiet tal-iskart ma tkunx tista’ tiġi evitata fil-proċess industrijali; f’dan ir-rigward, ir-regoli jistgħu jipprovdu għal kwoti li jiġu allokati gratis lill-operaturi konċernati ta’ istallazzjonijiet li jaħarqu gassijiet tal-iskart jew lill-operaturi ta’ istallazzjonijiet fejn joriġinaw dawn il-gassijiet. Għandhom jevitaw ukoll id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku u fis-swieq tat-tisħin u t-tkessiħ għal istallazzjonijiet industrijali. Huma għandhom jevitaw ukoll id-distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn attività industrijali li ssir f’istallazzjonijiet mħaddma minn operatur wieħed u l-produzzjoni fi istallazzjonijiet esternalizzati. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw għal istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq li jwettqu l-istess attivitajiet bħal istallazzjonijiet eżistenti li jirċievu allokazzjonijiet gratis tranżitorji. Biex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, ma għandha ssir l-ebda allokazzjoni gratis fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku minn istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq. Il-kwoti li jifdal fir-riżerva għall-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq fl-2020 għandhom jiġu rkantati.”

Id-Direttiva 2003/87

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), jiddisponi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità (minn issa ’l quddiem imsjħa l-‘iskema Komunitarja’) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart.

Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante f’setturi u subsetturi individwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati.

[…]

2.   Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati.

Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante.

3.   Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2.

[…]

5.   L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:

(a)

il-kwantità totali annwali fil-Komunità kollha kif iddeterminata taħt l-Artikolu 9 mmultiplikata bis-sehem ta’ emissjonijiet minn istallazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 fil-medja totali ta’ emissjonijiet verifikati, fil-perjodu mill-2005 sal-2007, minn istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja fil-perjodu mill-2008 sal-2012, u

(b)

il-medja totali annwali ta’ emissjonijiet verifikati minn istallazzjonijiet fil-perjodu mill-2005 sal-2007 li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ‘il quddiem u li mhumiex koperti mill-paragrafu 3 aġġustati bil-fattur lineari kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Għandu japplika fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi jekk meħtieġ.

[…]

11.   Suġġett għall-Artikolu 10b, l-ammont ta’ kwoti allokati gratis taħt il-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u mbagħad l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm jirriżulta f’allokazzjoni gratis ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027.

12.   fl-2013 u f’kull sena sussegwentement sal-2020, istallazzjonijiet f’setturi jew subsetturi esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jiġu allokati, konformement mal-paragrafu 1, kwoti gratis sa 100 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.”

Id-Deċiżjoni 2011/278

6

Id-Deċiżjoni 2011/278, fil-premessi 2, 4, 6, 8, 11 u 32 tagħha, tistabbilixxi kif ġej:

“(2)

Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-parametri referenzjarji ex-ante f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt tal-tluq għandu jkun ir-rendiment medju tal-installazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar installazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fl-UE fis-snin 2007-2008. Il-parametri referenzjarji għandhom jiġu kkalkolati għall-prodotti aktar milli għad-dħul, sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza tal-enerġija matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

[…]

(4)

Safejn huwa fattibbli, il-Kummissjoni żviluppat parametri referenzjarji għall-prodotti, kif ukoll għall-prodotti intermedjarji li huma skambjati bejn l-installazzjonijiet, prodotti minn attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE. Fil-prinċipju, għandu jkun definit parametru referenzjarju wieħed għal kull prodott. Meta prodott huwa sostitut dirett ta’ prodott ieħor, it-tnejn għandhom ikunu koperti mill-istess parametru referenzjarju ta’ prodott u d-definizzjoni ta’ prodott relatata.

[…]

(6)

Il-valuri tal-parametri referenzjarji għandhom ikopru l-emissjonijiet diretti kollha relatati mal-produzzjoni, inklużi l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni ta’ sħana li tista’ titkejjel użata għall-produzzjoni, irrispettivament minn jekk is-sħana li tista’ titkejjel kinitx prodotta fuq il-post jew minn installazzjoni oħra. L-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-elettriku u mal-esportazzjoni tas-sħana li tista’ titkejjel, inklużi l-emissjonijiet evitati ta’ produzzjoni alternattiva tas-sħana u l-elettriku fil-każijiet ta’ proċessi eżotermiċi jew il-produzzjoni tal-elettriku mingħajr emissjonijiet diretti, kienu mnaqqsa meta ġew stabbiliti l-valuri tal-parametri referenzjarji. Fil-każ fejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mal-esportazzjoni tas-sħana li titkejjel ma kinitx fattibbli, din is-sħana ma għandhiex tkun eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet.

[…]

(8)

Għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji, il-Kummissjoni użat bħala l-punt tat-tluq il-medja aritmetrika tar-rendiment tal-gassijiet serra tal-installazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar installazzjonijiet effiċjenti tal-gassijiet serra fl-2007 u fl-2008 li għalihom inġabret id-dejta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, analizzat għas-setturi kollha, li għalihom huwa stipulat fl-Anness I parametru referenzjarju ta’ prodott, fuq il-bażi ta’ informazzjoni addizzjonali li waslet mingħand diversi sorsi u fuq il-bażi ta’ studju ddedikat li janalizza t-tekniki l-aktar effiċjenti u l-potenzjal ta’ tnaqqis fil-livell Ewropew u internazzjonali, jekk dawn il-punti tat-tluq jirriflettux biżżejjed it-tekniki l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi tal-produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet ta’ skart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tad-diossidu tal-karbonju, meta dawn il-faċilitajiet huma disponibbli. Id-dejta użata biex jiġu stabbiliti l-valuri tal-parametri referenzjarji inġabret minn firxa wiesgħa ta’ sorsi sabiex ikun kopert il-massimu tal-installazzjonijiet li kienu qed jipproduċu prodott b’parametru referenzjarju fis-snin 2007 u 2008. L-ewwel nett, id-dejta dwar ir-rendiment tal-gassijiet serra tal-installazjonijiet ETS li jipproduċu prodott b’parametru referenzjarju inġabret mill-assoċjazzjonijiet Ewropew tas-setturi rispettivi jew f’isimhom fuq il-bażi ta’ regoli definiti, l-hekk imsejħa ‘kotba tar-regoli settorjali’. Bħala referenza għal dawn il-kotba tar-regoli, il-Kummissjoni pprovdiet gwida rigward il-kriterji tal-kwalità u l-verifika għad-dejta tal-parametri referenzjarji għall-EU-ETS. It-tieni nett, biex ikun ikkumplimentat il-ġbir tad-dejta mill-assoċjazzjonijiet Ewropej tas-settur, konsulenti f’isem il-Kummissjoni Ewropea ġabru dejta mill-installazzjonijiet mhux koperti mid-dejta tal-industrija u saħansitra awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri pprovdew dejta u analiżi.

[…]

(11)

Fil-każ li ma kienet disponibbli l-ebda dejta jew l-ebda dejta ma nġabret f’konformità mal-metodoloġija tal-parametri referenzjarji, l-informazzjoni rigward il-livelli attwali ta’ emissjonijiet u konsum u dwar it-tekniki l-aktar effiċjenti, prinċipalment miksuba mid-Dokumenti ta’ Referenza dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREF) stabbiliti skont id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż intużat biex jinkisbu l-valuri tal-parametri referenzjarji […]. B’mod partikolari, minħabba nuqqas ta’ dejta rigward it-trattament tal-gassijiet ta’ skart, l-esportazzjoni tas-sħana u l-produzzjoni tal-elettriku, il-valuri għall-parametri referenzjarji ta’ prodott għall-kokk u l-metall sħun inkisbu minn kalkoli tal-emissjonijiet diretti u indiretti fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar il-flussi tal-enerġija rilevanti pprovduti mill-BREF rilevanti u l-fatturi tal-emissjonijiet definiti minn qabel stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/589/KE tat-18 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […]. Għall-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-minerali sinterizzati, id-dejta ġiet ukoll korretta fuq il-bażi ta’ flussi ta’ enerġija rilevanti pprovduti mill-BREF, waqt li tqieset il-kombustjoni tal-gassijiet ta’ skart fis-settur.

[…]

(32)

Huwa wkoll xieraq li l-parametri referenzjarji ta’ prodott iqisu l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet ta’ skart u l-emissjonijiet relatati mal-użu tagħhom. Għal dan il-għan, għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti li l-produzzjoni tagħhom tiġġenera l-gassijiet bħala skart, tqies sew il-kontenut tal-karbonju ta’ dawn il-gassijiet ta’ skart. Meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju tal-prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tas-sħana ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ proċess hekk kif iddefinit fl-Anness I, l-emissjonijiet relatati għandhom jitqiesu permezz tal-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet addizzjonali fuq il-bażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jew tal-fjuwil. Minħabba l-prinċipju ġenerali li jgħid li l-ebda kwota tal-emissjonijiet ma għandha tkun allokata mingħajr ħlas fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, biex ikun evitat kull xkiel mhux xieraq għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku fornut lill-installazzjonijiet industrijali u billi jitqies il-prezz tal-karbonju inerenti fl-elettriku, huwa xieraq li, meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tal-elettriku, l-ebda kwota addizzjonali ma tkun allokata lil hinn mis-sehem tal-kontenut tal-karbonju tal-gass tal-iskart meqjus fil-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti.”

7

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/278 jiddisponi:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet taħt id-Direttiva 2003/87/KE mill-2013 ’il quddiem.”

8

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2011/278:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet taħt il-Kapitolu III (installazzjonijiet stazzjonarji) tad-Direttiva 2003/87/KE f’perjodi ta’ skambji mill-2013 ’il quddiem bl-eċċezzjoni tal-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-immodernizzar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE.”

9

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278, huma ppreċiżati d-definizzjonijiet tal-minerali sinterizzati u tal-metall sħun.

10

Għalhekk, il-minerali sinterizzati huma ddefiniti bħala “[p]rodott agglomerat b’kontenut ta’ ħadid li fih il-minerali tal-ħadid fini u flussi tal-minerali tal-ħadid u materjali tar-riċiklaġġ li fihom il-ħadid bil-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bħal-livell tal-bażiċità, is-saħħa mekkanika u l-permeabbiltà meħtieġa biex jitwassal il-ħadid u l-materjali tal-flussi meħtieġa fil-proċessi tat-tnaqqis tal-minerali tal-ħadid” u l-metall sħun bħala “[ħ]adid likwidu saturat bil-karbonju għal aktar ipproċessar”.

Id-dritt Franċiż

11

L-Artikolu R. 229‑8 tal-Code de l’environnement (kodiċi tal-ambjent), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jiddisponi:

“I.

Abbażi tad-data miġbura konformement mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278/UE […] u mal-Artikolu R. 229‑7, il-ministre chargé de l’environnement (ministru responsabbli għall-ambjent) jiffissa b’digriet il-lista tal-operaturi li ġewlhom allokati u sussegwentement maħruġa kwoti mingħajr ħlas.

Dan id-digriet maħruġ wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-lista tal-installazzjonijiet li ġiet innotifikata lilhom taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE jippreċiża, għal kull installazzjoni, in-numru totali ta’ kwoti allokati kif ukoll il-kwantitajiet ta’ kwoti li sejrin jiġu allokati mingħajr ħlas kull sena.

Id-digriet huwa ppubblikat fil-Journal officiel (ġurnal uffiċjali) u l-prefett għandu jibgħat kopja lil kull operatur elettronikament.

Għat-tagħmir u għall-installazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 593‑3 u għall-installazzjonijiet ikklassifikati msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu, l-Autorité de sûreté nucléaire (awtorità dwar is-sikurezza nukleari) tiżgura din il-pubblikazzjoni u tikkomunika dan lill-operaturi.

II.

L-amministratur nazzjonali tar-reġistru Ewropew jinkludi, sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar ta’ kull sena, f’isem l-operaturi, il-kwantità ta’ kwoti prevista għal kull installazzjoni permezz tad-digriet previst fi I.

III.

Digriet tal-ministru responsabbli għall-ambjent u tal-Ministre chargé de l’industrie (ministru responsabbli għall-industrija) jiffissa l-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji għall-kalkolu tal-allokazzjoni u tal-ħruġ ta’ dawk il-kwoti, inklużi provviżorjament, għal kull installazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

ArcelorMittal Atlantique et Lorraine SASU hija kumpannija Franċiża li topera installazzjonijiet fil-qasam tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid. Skont l-Artikolu 2(1) u l-Annessi I u II tad-Direttiva 2003/87, dawn l-installazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Din il-kumpannija hija, għaldaqstant, mistennija tipparteċipa fis-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra.

13

Din il-kumpannija ppreżentat rikors kontra digriet tal-Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l’Énergie (ministru għall-ekoloġija, l-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija, Franza) tal-24 ta’ Jannar 2014, li jistabbilixxi lista tal-operaturi li ġewlhom allokati kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra u l-ammont ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għall-perijodu 2013-2020, u kontra d-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014 li permezz tagħha l-istess awtorità ċaħdet it-talba għall-irtirar ta’ dan id-digriet.

14

Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li dan id-digriet u din id-deċiżjoni huma illegali, peress li huma bbażati fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2011/278 u 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 240, p. 27), li ma humiex konformi mad-Direttiva 2003/87.

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta, b’mod partikolari, il-fatt li l-parametru referenzjarju tal-metall sħun, stabbilit mill-Kummissjoni u li jippermetti l-kalkolu tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu allokati għall-installazzjonijiet industrijali differenti li jipproduċu tali prodott, ma jiħux inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet marbuta mal-gassijiet tal-iskart użati għall-produzzjoni tal-elettriku u li dan il-parametru referenzjarju ma huwiex ibbażat fuq l-iktar data aġġornata. Il-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati lanqas ma huwa konformi mad-Direttiva 2003/87, peress li l-kalkolu li fuqu huwa bbażat jinkludi installazzjoni li tipproduċi wkoll pritkuni.

16

It-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva ta’ Montreuil, Franza) irrilevat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-parametru referenzjarju. Madankollu, hija tqis li, konformement mal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, kwota ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għandha tkun allokata għall-elettriku prodott minn gassijiet tal-iskart. Hija tikkunsidra wkoll li r-raġuni għad-distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni, invokata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2011/278 sabiex topponi l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għall-elettriku prodott minn gassijiet tal-iskart, huwa dubjuż sakemm is-settur tal-azzar huwa konsumatur nett ta’ elettriku.

17

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni użatx b’mod tajjeb id-data disponibbli l-iktar rilevanti sabiex tiddetermina l-parametru referenzjarju tal-metall sħun u għandha dubji dwar l-użu mill-Kummissjoni tad-data relatata ma’ installazzjoni li tipproduċi minerali sinterizzati kif ukoll pritkuni għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati. Il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement ir-raġunijiet għall-għażla tagħha.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva ta’ Montreuil, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-[Deċiżjoni 2011/278] tagħha, billi eskludiet mill-valur tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun, l-emissjonijiet marbuta mal-gassijiet tal-iskart irriċiklati fil-produzzjoni tal-elettriku, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 10a(1) tad-[Direttiva 2003/87] dwar ir-regoli li jistabbilixxu parametri referenzjarji ex-ante u b’mod partikolari l-għan ta’ rkupru effiċjenti ta’ enerġija mill-gassijiet tal-iskart u l-possibbiltà ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fil-każ tal-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart?

2)

Billi f’din id-deċiżjoni bbażat ruħha fuq id-data li tirriżulta mill-‘BREF’ ħadid u azzar u [mid-data ddikjarata skont il-linji gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2007] għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tuża l-iktar data xjentifika preċiża u aġġornata disponibbli u/jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba?

3)

Fid-[Deċiżjoni 2011/278], l-għażla tal-Kummissjoni […], jekk tiġi pprovata, li tinkludi fabbrika li tipproduċi kemm minerali sinterizzati kif ukoll pritkuni fl-installazzjonijiet ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati, hija tali li tivvizzja b’illegalità l-valur ta’ dan il-parametru referenzjarju?

4)

Il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost mill-Artikolu 296 [TFUE] billi ma ppreċiżatx speċifikament f’din id-deċiżjoni r-raġunijiet għal din l-għażla?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, u b’mod partikolari fir-rigward tal-metodu użat mill-Kummissjoni għall-iffissar tar-referenzjarju tal-metall sħun, peress li dan jeskludi li l-emissjoni ta’ gassijiet serra marbuta mal-gassijiet tal-iskart irriċiklati fil-produzzjoni tal-elettriku jittieħdu inkunsiderazzjoni.

20

F’dan ir-rigward, jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 li l-ebda kwota ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ma tiġi allokata għall-produzzjoni tal-elettriku mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart.

21

Din l-eċċezzjoni hija intiża, permezz tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, sabiex jiġi inkoraġġut it-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet u l-użu ta’ tekniki effettivi għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika.

22

Fil-fatt, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-gassijiet tal-iskart huma prodott sekondarju inevitabbli tal-manifattura tal-kokk u tal-azzar. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li, kemm ekonomikament u ekoloġikament, l-irkupru ta’ dawn il-gassijiet huwa ħafna iktar ta’ benefiċċju mill-ħruq permezz ta’ apparat tal-ivvampjar.

23

Barra minn hekk, il-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 tipprevedi li, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, l-ebda kwota ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra supplimentari ma tiġi allokata minbarra l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni li jikkorrispondu għall-kontenut ta’ karbonju tal-gassijiet tal-iskart li huwa kkunsidrat fil-parametru referenzjarju tal-prodott applikabbli.

24

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, fil-parametru referenzjarju tal-metall sħun, l-emissjonijiet kollha mill-kombustjoni ta’ gassijiet tal-iskart irriċiklati fil-produzzjoni tal-elettriku, li jmur kontra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87.

25

L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-użu ta’ gassijiet tal-iskart għall-produzzjoni tal-elettriku jimplika li dawn jintużaw bħala sostitut għal kombustibbli ieħor. Kombustibbli wieħed huwa għalhekk użat kemm għall-produzzjoni tal-azzar u, permezz tal-kombustjoni tal-gassijiet tal-iskart f’dan il-proċess, għall-produzzjoni tal-elettriku.

26

It-tieni nett, il-Kummissjoni użat il-gass naturali bħala l-kombustibbli ta’ riferiment, sabiex jiġi ddeterminat f’liema proporzjon ir-referenzjarju tal-metall sħun għandu jinkludi l-kontenut ta’ karbonju fil-gassijiet tal-iskart użati għall-produzzjoni tal-elettriku. Fil-fatt, ir-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-iskart għall-produzzjoni tal-elettriku jimplika li l-installazzjoni kkonċernata toħroġ gassijiet serra anki kieku kien użat gass naturali.

27

Issa jekk l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra kien awtomatikament jirrigwarda l-elettriku kollu prodott minn gassijiet tal-iskart, dan kien iwassal għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas mhux biss għall-emissjonijiet supplimentari li għandhom jiġu kkumpensati wkoll sabiex ma jiġix skoraġġut l-irkupru ta’ dawn il-gassijiet, iżda wkoll għall-emissjonijiet li kienu ġew iġġenerati xorta waħda għall-produzzjoni tal-elettriku, irrispettivament mill-karburant użat, u li għalih kumpens huwa eskluż, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

28

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 73 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311), li jirriżulta mill-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, l-emissjonijiet marbuta mal-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart għall-produzzjoni tal-elettriku.

29

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tal-ewwel domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87.

Fuq it-tieni domanda

30

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/278, peress li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tuża l-iktar data xjentifika preċiża u aġġornata disponibbli, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi tibbaża, f’din id-deċiżjoni, fuq id-data mill-BREF ħadid u azzar u d-data ddikjarata skont il-linji gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2007 (iktar ’il quddiem il-“LGMR 2007”) għad-determinazzjoni tar-referenzjarju tal-metall sħun.

31

Għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina parametri referenzjarji f’setturi jew subsetturi, skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, dan l-eżerċizzju min-naħa tiegħu jimplika, b’mod partikolari, għażliet kif ukoll evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura stabbilita ta’ dan il-qasam li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 45, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 37).

32

Mill-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li, fil-każ li ma kienet disponibbli l-ebda data jew l-ebda data li nġabret ma kienet konformi mal-metodoloġija ta’ determinazzjoni tal-parametri referenzjali, il-valuri tal-parametri referenzjali ġew stabbiliti bl-għajnuna tal-informazzjoni rigward il-livelli attwali ta’ emissjonijiet u konsum u dwar it-tekniki l-iktar effiċjenti, prinċipalment miksuba mill-BREF. B’mod partikolari, minħabba assenza ta’ data rigward it-trattament tal-gassijiet tal-iskart, l-esportazzjoni tas-sħana u l-produzzjoni tal-elettriku, il-valuri għall-parametri referenzjali ta’ prodott għall-kokk u għall-metall sħun inkisbu minn kalkoli tal-emissjonijiet diretti u indiretti fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar il-flussi tal-enerġija rilevanti pprovduti mill-BREF korrispondenti u l-fatturi tal-emissjonijiet iddefiniti minn qabel stipulati fl-LGMR 2007 (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 47, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 39).

33

Barra minn hekk, fir-rigward tal-gassijiet tal-iskart iġġenerati waqt il-produzzjoni ta’ metall sħun, mill-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li l-parametri referenzjali ta’ prodott jieħdu inkunsiderazzjoni l-irkupru effiċjenti tal-enerġija minn gassijiet tal-iskart u emissjonijiet relatati mal-użu ta’ dawn il-gassijiet. Għal dan il-għan, il-kontenut tal-karbonju ta’ dawn il-gassijiet tal-iskart fil-parti l-kbira ttieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjali relatati mal-prodotti li l-produzzjoni tagħhom tiġġenera gassijiet tal-iskart (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 48, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 40).

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-Kummissjoni, billi fid-Deċiżjoni 2011/278 ibbażat ruħha fuq id-data li tirriżulta mill-BREF ħadid u azzar u mil-LGMR 2007 għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun, kienet kisret l-obbligu tagħha li tuża l-iktar data xjentifika preċiża u aġġornata disponibbli kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

35

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tat-tieni domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278.

Fuq it-tielet domanda

36

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 sa fejn, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fabbrika li tipproduċi kemm minerali sinterizzati u pritkuni fl-installazzjonijiet ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati.

37

Għandu jitfakkar, hekk kif indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina parametri referenzjarji f’setturi jew subsetturi, skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura stabbilita ta’ dan il-qasam li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 45, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 37).

38

L-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87 jiddisponi li fl-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju, il-punt ta’ tluq għandu jkun il-prestazzjoni medja tal-10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti f’settur jew subsettur fl-Unjoni fis-snin 2007 u 2008. Dan il-prinċipju huwa mtenni fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2011/278.

39

Barra minn hekk, il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/278 tistabbilixxi l-prinċipju li fejn prodott huwa sostitut dirett ta’ prodott ieħor, it-tnejn għandhom ikunu koperti bl-istess parametru referenzjarju tal-prodott u d-definizzjoni tal-prodott relatata.

40

Jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-argumenti ppreżentati fis-seduta li l-pritkuni u l-minerali sinterizzati ma humiex, b’mod ġenerali, sostitwibbli u għalhekk ma humiex koperti mill-istess parametru referenzjarju tal-prodott. Fil-fatt, il-pritkuni u l-minerali sinterizzati huma differenti mhux biss fil-karatteristiċi tagħhom bħala prodott, iżda wkoll mill-kompożizzjoni tagħhom.

41

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li, billi tittieħed inkunsiderazzjoni installazzjoni li tipproduċi kemm minerali sinterizzati u pritkuni fl-installazzjonijiet ta’ riferiment għad-determinazzjoni tar-referenzjarju tal-minerali sinterizzati, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/278. Ir-referenzjarju tal-minerali sinterizzati kien, fil-fatt, żbaljat minħabba l-użu ta’ data relatati mal-produzzjoni tal-pritkuni, li temetti inqas gassijiet serra.

42

Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat, madankollu, li Corus Ijmuiden, li huwa kopert minn din id-domanda preliminari, kien l-uniku impjant tal-azzar fl-Unjoni li jipproduċi taħlita ta’ pritkuni u minerali sinterizzati li, permezz tal-proprjetajiet tiegħu, jista’ jintuża bħala sostitut dirett għall-minerali sinterizzati fi fran fil-kalkari ta’ funderija. Dan l-impjant tal-azzar jinkludi kemm unità ta’ produzzjoni ta’ pritkuni u unità ta’ produzzjoni ta’ minerali sinterizzati li huma konnessi sabiex jipprovdu taħlita li tintema’ direttament ġewwa l-fran fil-kalkara ta’ funderija. Huwa f’dan il-kuntest partikolari li l-pritkuni u l-minerali sinterizzati jistgħu jitqiesu bħala sostitwibbli mill-Kummissjoni.

43

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, madankollu, wieġbet f’dan ir-rigward, li jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti uffiċjali kollha u b’mod partikolari mill-BREF ħadid u azzar, li l-installazzjoni inkwistjoni għandha żewġ unitajiet distinti li jipproduċu pritkuni u minerali sinterizzati.

44

F’dan il-kuntest, għandu jingħad, minn naħa, li l-punt li wieħed ikun jaf jekk il-karatteristiċi partikolari ta’ installazzjoni speċifika għandhom impatt fuq l-inklużjoni ta’ din mal-installazzjonijiet ta’ referenza għall-fini tal-iffissar tar-referenzjarju tal-minerali sinterizzati jikkostitwixxi b’mod ċar evalwazzjoni teknika kumplessa, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni ferm aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq tali evalwazzjoni. Issa, mill-informazzjoni disponibbli, ma huwiex ċar li meta ħadet inkunsiderazzjoni l-installazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Bil-kontra, jidher li, minkejja l-karatteristiċi partikolari ta’ din tal-aħħar, il-prodott miksub jista’ jissostitwixxi direttament il-minerali sinterizzati, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu.

45

Hekk kif ġie espost fis-seduta mill-Kummissjoni, l-esperti kkonsultati minnha, u b’mod partikolari l-assoċjazzjoni Ewropea tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid, Eurofer, ikkonfermaw li l-proċess ta’ manifattura ta’ din it-taħlita tista’ tiġi kkunsidrata simili għal dik ta’ minerali sinterizzati. Għalhekk il-prodott finali għandu, f’installazzjoni bħal din, proprjetajiet simili għal dawk ta’ minerali sinterizzati u jissostitwixxi direttament lil dan tal-aħħar f’dak illi jirrigwarda l-użu tiegħu fi fran fil-kalkari ta’ funderija.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li dawn iż-żewġ unitajiet ta’ produzzjoni flimkien jippermettu l-produzzjoni ta’ prodott uniku li huwa sostitwibbli għall-minerali sinterizzati, il-produzzjoni ta’ pritkuni għandha titqies bħala wieħed mill-“proċessi […] relatati direttament jew indirettament mal-[…] unitajiet ta’ proċess” fis-sens tad-definizzjoni tal-minerali sinterizzati li tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/278. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parametru referenzjarju tal-prodott għall-minerali sinterizzati ġustament jirrifletti din l-unità ta’ produzzjoni ta’ pritkuni.

47

Jekk il-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-installazzjoni li tiġġenera sostitut għall-minerali sinterizzati, hija kienet tkun ħadet deċiżjoni kuntrarja għall-għan tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li huwa li jinkoraġġixxu, għal tnaqqis fl-emissjoni ta’ gassijiet serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, użu ta’ teknika iktar effiċjenti, sostituti, proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u rkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet.

48

Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat l-installazzjoni integrata ta’ Corus Ijmuiden għall-istabbiliment tar-referenzjarju tal-minerali sinterizzati, peress li l-prodott miksub f’din l-installazzjoni huwa direttament sostitwibbli għall-minerali sinterizzati.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi inkludiet fabbrika li tipproduċi kemm minerali sinterizzati u pritkuni fl-installazzjonijiet ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati, il-Kummissjoni ma vvizzjatx b’illegalità d-Deċiżjoni 2011/278.

50

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tat-tielet domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278, peress li f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fabbrika li tipproduċi kemm minerali sinterizzati u pritkuni fl-installazzjonijiet ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati.

Fuq ir-raba’ domanda

51

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/278, sa fejn il-Kummissjoni, billi ma ppreċiżatx speċifikament ir-raġunijiet għall-għażla tagħha fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun, kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha skont l-Artikolu 296 TFUE.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att inkwistjoni, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Barra minn hekk, jekk l-att ikkontestat juri l-għan essenzjali li l-istituzzjoni trid tikseb, ikun inutli li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li hija għamlet (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 134).

54

F’dan il-każ, ir-raġunijiet għall-għażla ta’ installazzjonijiet ta’ riferiment huma sostnuti b’mod ċar u suffiċjenti fid-Deċiżjoni 2011/278, b’mod partikolari fil-premessi 2, 4, 6 u 8 tagħha. Dawn jippermettu wieħed jifhem ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll l-għanijiet tagħha u jinkludu wkoll ċertu numru ta’ dettalji tekniċi.

55

Għaldaqstant, il-Kummissjoni rrispettat l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 296 TFUE, peress li r-raġunijiet għall-għażliet tagħha huma esposti b’mod ċar biżżejjed fid-Deċiżjoni 2011/278.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tar-raba’ domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domandi magħmula ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.