SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Elezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza ta’ kumpannija – Leġizlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt tal-vot u l-eliġibbiltà unikament għall-ħaddiema ta’ stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C‑566/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Konrad Erzberger

vs

TUI AG,

fil-preżenza ta’:

Vereinigung Cockpit eV,

Betriebsrat der TUI AG/TUI Group Services GmbH,

Frank Jakobi,

Andreas Barczewski,

Peter Bremme,

Dierk Hirschel,

Michael Pönipp,

Wilfried H. Rau,

Carola Schwirn,

Anette Stempel,

Ortwin Strubelt,

Marcell Witt,

Wolfgang Flintermann,

Stefan Weinhofer,

ver.di – Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits (Relatur), J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Vajda, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Erzberger, minn J. Brandhoff, C. Behme u S. Richter, avukati,

għal TUI AG, minn C. Arnold u M. Arnold, avukati,

għal Vereinigung Cockpit eV, minn M. Fischer, avukat,

għall-Betriebsrat der TUI AG/TUI Group Services GmbH et, minn M. Schmidt, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme, bħala aġent,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn P. Kinsch, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn H. Stergiou, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u D. Martin, bħala aġenti,

għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn M. Moustakali u C. Zatschler, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Konrad Erzberger u TUI AG, li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja u li tagħha K. Erzberger huwa azzjonist, dwar il-kompożizzjoni tal-bord ta’ sorveljanza ta’ din il-kumpannija, b’mod iktar partikolari għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-vot u d-dritt li persuna toħroġ għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi ħdan dan il-bord.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 96 tal-Aktiengesetz (liġi dwar il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata), tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1089), jistabbilixxi li:

“(1)   Il-bord ta’ sorveljanza għandu jkun kompost

għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji suġġetti għal-liġi dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati fit-tmexxija, minn membri li jirrappreżentaw lill-azzjonisti u minn membri li jirrappreżentaw lill-impjegati,

[…]

għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji l-oħra, minn membri li jirrappreżentaw unikament lill-azzjonisti.

[…]”

4

L-Artikolu 1 tal-Gesetz über die Mitbestimmung der Arbeitnehmer (liġi dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati fit-tmexxija), tal-4 ta’ Mejju 1976 (BGBl. 1976 I, p. 1153, iktar ’il quddiem il-“MitbestG”), intitolat “Impriżi kkonċernati”, jgħid li:

“(1)   Fl-impriżi

1.

ikkostitwiti fil-forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ta’ soċjetà in akkomandita b’responsabbiltà limitata, ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jew ta’ kooperattiva u

2.

li jimpjegaw b’mod ġenerali iktar minn 2000 persuna,

din il-liġi tirrikonoxxi dritt ta’ parteċipazzjoni fit-tmexxija lill-impjegati.

[…]”

5

Il-punt 1 tal-Artikolu 3(1) tal-MitbestG jipprevedi li:

“Għandhom jitqiesu bħala impjegati fis-sens ta’ din il-liġi

1.

il-persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali […]”

6

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-MitbestG tgħid li:

“Meta […] impriża tkun l-impriża dominanti fi ħdan grupp […], l-impjegati tal-impriżi tal-grupp għandhom jiġu assimilati mal-impjegati tal-impriża dominanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi.”

7

L-Artikolu 7 tal-MitbestG jiddisponi li:

“(1)   Il-bord ta’ sorveljanza ta’ impriża

[…]

3.

li normalment timpjega iktar minn 20000 impjegat għandu jkun kompost minn għaxar membri li jirrappreżentaw lill-azzjonisti u minn għaxar membri li jirrappreżentaw lill-impjegati.

[…]

(2)   Fost il-membri tal-bord ta’ sorveljanza li jirrappreżentaw lill-impjegati għandu jkun hemm

[…]

3.

f’bord ta’ sorveljanza li għandu għaxar rappreżentanti tal-impjegati, seba’ impjegati tal-impriża u tliet rappreżentanti tas-sindakati.

[…]”

8

L-Artikolu 10 tal-MitbestG huwa fformulat kif ġej:

“(1)   F’kull stabbiliment tal-impriża, l-impjegati għandhom jeleġġu lid-delegati b’votazzjoni sigrieta u skont is-sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali.

(2)   L-impjegati tal-impriża li jkunu laħqu l-età ta’ 18-il sena għandhom id-dritt jivvotaw fl-elezzjoni tad-delegati, […]

(3)   Jistgħu jiġu eletti bħala delegati l-impjegati msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 8 tal-liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali.

[…]”

9

L-Artikolu 8 tal-Betriebsverfassungsgesetz (liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali, BGBl. 2001 I, p. 2518) jipprevedi li:

“(1)   Huma eliġibbli l-votanti kollha assenjati lill-istabbiliment għal iktar minn sitt xhur jew li jaħdmu mid-dar, prinċipalment għal dan l-istabbiliment, għal iktar minn sitt xhur. Dan il-perijodu ta’ sitt xhur għandu jinkludi l-perijodi kollha li matulhom l-impjegat ikun ħadem, immedjatament qabel l-assenjazzjoni attwali tiegħu, fi ħdan stabbiliment ieħor tal-istess impriża jew tal-istess grupp ta’ impriżi […]

(2)   Jekk l-istabbiliment ikun ilu jeżisti għal inqas minn sitt xhur, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 dwar l-anzjanità fis-servizz ta’ sitt xhur, huma eliġibbli l-impjegati li jaħdmu fl-istabbiliment fil-mument tat-tħabbir tal-elezzjoni tal-kunsill tax-xogħol tal-impriża u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ eliġibbiltà.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

K. Erzberger huwa azzjonist ta’ TUI, li hija l-kap ta’ grupp ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“grupp TUI”), attiv fis-settur tat-turiżmu.

11

Il-grupp TUI jopera fuq livell dinji. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, dan il-grupp jimpjega madwar 50000 impjegat, li minnhom ftit iktar minn 10000 ħaddiem jaħdmu fil-Ġermanja.

12

Billi TUI taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MitbestG, din il-kumpannija hija mmexxija minn żewġ korpi, jiġifieri l-bord ta’ tmexxija, inkarigat bit-tmexxija tal-kumpannija, u l-bord ta’ sorveljanza, li għandu l-kompitu li jissorvelja l-bord ta’ tmexxija bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Dan il-bord ta’ sorveljanza għandu 20 membru. Nofs dan il-bord huwa kkostitwit minn azzjonisti u n-nofs l-ieħor minn rappreżentanti maħtura mill-ħaddiema impjegati.

13

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-opinjoni prevalenti fid-duttrina u fil-ġurisprudenza Ġermaniża, it-terminu ħaddiem jinkludi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MitbestG, unikament il-ħaddiema tal-istabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali. Skont din l-opinjoni prevalenti, il-ħaddiema ta’ sussidjarja ta’ grupp li tinsab barra mit-territorju Ġermaniż, b’mod partikolari fi Stat Membru ieħor, ma għandhomx id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti fil-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm tal-grupp ikkonċernat. Barra minn hekk, kull ħaddiem tal-grupp TUI, li jeżerċita funzjonijiet fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp, għandu jieqaf milli jeżerċita dawn il-funzjonijiet meta huwa jimla pożizzjoni fi ħdan waħda mis-sussidjarji tal-imsemmi grupp li tinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

14

Dan l-approċċ ma huwiex ibbażat fuq il-kliem tal-MitbestG, iżda fuq il-“prinċipju ta’ applikazzjoni territorjali”, li jgħid li l-ordni soċjali Ġermaniż ma jistax jestendi għat-territorju ta’ Stati oħra, kif ukoll fuq l-oriġini tal-imsemmija liġi.

15

K. Erzberger isostni, għall-kuntrarju, li l-bord ta’ sorveljanza ta’ TUI ma ġiex ikkostitwit debitament. Il-fatt li ħaddiema impjegati minn sussidjarja tal-grupp TUI li tinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, f’liema każ jista’ jiġi preżunt li tali ħaddiema ma jkunux bħala regola ġenerali ċittadini Ġermaniżi, jiġu preklużi milli jipparteċipaw fil-kompożizzjoni tal-bord ta’ sorveljanza ta’ TUI, jikser l-Artikolu 18 TFUE. Barra minn hekk, it-telf tal-istatus ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza, fil-każ ta’ trasferiment lejn Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jista’ jiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri, previst fl-Artikolu 45 TFUE.

16

Peress li TUI kienet tal-fehma opposta, K. Erzberger eżerċita d-dritt tiegħu, mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jadixxi qorti fil-każ ta’ tilwima dwar id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kompożizzjoni tal-bord ta’ sorveljanza.

17

Il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ta’ dan tal-aħħar. Hija ddeċidiet li la kien hemm diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u lanqas ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, billi t-telf tad-dritt tal-vot fil-każ ta’ trasferiment ma kienx determinanti fid-deċiżjoni tal-ħaddiema li jimlew pożizzjoni fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

18

Il-Kammergericht (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), adita fl-appell, tqis li l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni hija possibbli. Skont din il-qorti, huwa konċepibbli li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-parteċipazzjoni fit-tmexxija twassal għal diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema bbażata fuq in-nazzjonalità u tippreġudika l-moviment liberu tal-ħaddiema.

19

Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għall-ħaddiema impjegati fil-Ġermanja, dawk li huma impjegati fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ madwar 80 % tal-impjegati tal-grupp TUI, ma humiex irrappreżentati fil-bord ta’ sorveljanza ta’ TUI.

20

Min-naħa l-oħra, għall-Kammergericht (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin), ir-riskju li jintilef, skont il-każ, l-istatus tagħhom ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza jista’ jiskoraġixxi lill-ħaddiema milli jippreżentaw il-kandidatura tagħhom għal pożizzjonijiet effettivament proposti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, għalhekk, milli jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Unjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda ġustifikazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 TFUE […] u mal-Artikolu 45 TFUE […] li Stat Membru jagħti d-dritt li wieħed jivvota u li wieħed joħroġ bħala kandidat għar-rappreżentanti tal-impjegati fil-korp ta’ superviżjoni [bord ta’ sorveljanza] ta’ kumpannija biss lil dawk il-ħaddiema li huma impjegati fi stabbilimenti tal-kumpannija jew fil-kumpanniji tal-grupp fit-territorju nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjoni preliminari

22

Sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet li taħthom jaqgħu d-diversi ħaddiema impjegati minn kumpannija li tappartjeni għall-grupp TUI.

23

Għandu jiġi nnotat ukoll, kif ir-rappreżentant ta’ TUI ppreċiża waqt is-seduta, li l-grupp TUI għandu, barra mill-Ġermanja, biss stabbilimenti li għandhom personalità ġuridika awtonoma.

Fuq il-ħaddiema tal-grupp TUI impjegati f’sussidjarja stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

24

Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 45 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-ħaddiema ta’ grupp ta’ kumpanniji impjegati minn sussidjarja li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma għandhomx id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp.

25

Skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft, C‑474/12, EU:C:2014:2139, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Issa, l-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi, favur il-ħaddiema impjegati, regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg.

27

Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza għandha tiġi eżaminata unikament fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li ma għandhom ebda rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn ir-regoli ma humiex applikabbli għal ħaddiema li qatt ma jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni u ma jkollhomx l-intenzjoni li jagħmlu dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punti 33, 3738).

29

Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanza li s-sussidjarja li timpjega l-ħaddiema kkonċernati hija kkontrollata minn kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn hija stabbilita din is-sussidjarja hija irrilevanti sabiex tiġi stabbilita rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikolu 45 TFUE.

30

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 45 TFUE ma japplikax għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.

Fuq il-ħaddiema tal-grupp TUI impjegati fil-Ġermanja u li jitilqu minn dan l-impjieg sabiex jiġu impjegati minn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp stabbilit fi Stat Membru ieħor

31

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 45 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-ħaddiema impjegati fl-istabbilimenti ta’ grupp li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ma għandhomx id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp, stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, kif ukoll, skont il-każ, id-dritt li jeżerċitaw jew li jkomplu jeżerċitaw mandat ta’ rappreżentanza f’dan il-bord, meta dawn il-ħaddiema jitilqu mill-impjieg tagħhom f’tali stabbiliment u jiġu impjegati minn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor.

32

Din hija s-sitwazzjoni fejn ħaddiema, fi ħdan il-grupp TUI, jagħmlu użu mid-dritt tagħhom previst fl-Artikolu 45 TFUE. Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 18 TFUE ma japplikax għal din is-sitwazzjoni.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ origini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punti 4445, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels, C‑379/09, EU:C:2011:131, punti 2122).

34

Madankollu, id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ma huwiex ser ikollu impatt fil-qasam soċjali, billi dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 24).

35

Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali osserva essenzjalment fil-punti 75 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 45 TFUE ma jagħtix lill-imsemmi ħaddiem id-dritt li jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, mill-kundizzjonijiet tax-xogħol li minnhom kien jibbenefika fl-Istat Membru ta’ oriġini skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat.

36

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, fl-assenza, fil-qasam ikkonċernat, ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni jew ta’ koordinazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddefinixxu l-kriterji ta’ rabta għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji jkunu oġġettivi u nondiskriminatorji.

37

F’dan il-kuntest, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, fil-qasam tar-rappreżentanza u tad-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema fil-korpi ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali, qasam li, sal-lum, ma kienx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni jew ta’ koordinazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, li Stat Membru jipprevedi li r-regoli li adotta jkunu japplikaw biss għall-ħaddiema impjegati minn stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali tiegħu, kif bl-istess mod huwa possibbli li Stat Membru ieħor jirrikorri għal rabta oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tiegħu stess.

38

F’dan il-każ, il-mekkaniżmu ta’ parteċipazzjoni fit-tmexxija stabbilit mill-MitBestG, li għandu l-għan li jinvolvi lill-ħaddiema, permezz ta’ rappreżentanti eletti, fil-korpi deċiżjonali u strateġiċi tal-kumpannija, jaqa’, f’dan ir-rigward, kemm taħt id-dritt tal-kumpanniji kif ukoll taħt id-dritt tar-relazzjonijiet kollettivi tax-xogħol Ġermaniżi, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jista’ jiġi llimitat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ħaddiema impjegati minn stabbilimenti li jinsabu fit-territorju tagħha, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u nondiskriminatorju.

39

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-telf tad-drittijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imġarrab mill-ħaddiema msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE.

40

Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ħaddiema li, wara li jkunu ngħataw mandat ta’ rappreżentanza, matul il-perijodu ta’ impjieg tagħhom fi ħdan stabbiliment li jinsab fil-Ġermanja, fil-bord ta’ sorveljanza ta’ kumpannija Ġermaniża, jitilqu mill-Ġermanja sabiex jiġu rreklutati minn kumpannija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-fatt li dawn il-ħaddiema jkunu mġiegħla, f’ċirkustanza bħal din, li ma jkomplux jeżerċitaw il-mandat tagħhom fil-Ġermanja hija biss konsegwenza tal-għażla magħmula leġittimament mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tillimita l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tagħha fil-qasam tal-parteċipazzjoni fit-tmexxija għall-ħaddiema impjegati minn stabbiliment li jinsab fit-territorju Ġermaniż.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-ħaddiema impjegati fl-istabbilimenti ta’ grupp li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ma għandhomx id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp, stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, kif ukoll, skont il-każ, id-dritt li jeżerċitaw jew li jkomplu jeżerċitaw mandat ta’ rappreżentanza f’dan il-bord, meta dawn il-ħaddiema jitilqu mill-impjieg tagħhom f’tali stabbiliment u jiġu impjegati minn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-ħaddiema impjegati fl-istabbilimenti ta’ grupp li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ma għandhomx id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp, stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, kif ukoll, skont il-każ, id-dritt li jeżerċitaw jew li jkomplu jeżerċitaw mandat ta’ rappreżentanza f’dan il-bord, meta dawn il-ħaddiema jitilqu mill-impjieg tagħhom f’tali stabbiliment u jiġu impjegati minn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.