KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJ SZPUNAR

ippreżentati fl-24 ta’ April 2017 ( 1 )

Kawża C‑600/14

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – Kompetenzi tal-Unjoni – Artikolu 216(1) TFUE – Stabbiliment tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim internazzjonali – Kumitat ta’ Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) – Emendi tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u tal-appendiċijiet tagħha – Validità tad-Deċiżjoni 2014/699/UE”

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt internazzjonali

 

1. Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)

 

2. Il-Ftehim ta’ Adeżjoni

 

B. Id-dritt tal-Unjoni

 

1. Id-Deċiżjoni 2013/103/UE

 

2. Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

 

3. Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93

 

4. Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013

 

5. Ir-Regolament (KE) Nru 136/2004

 

6. Id-Direttiva 2008/110

 

7. Id-Direttiva 2004/49

 

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

V. Analiżi

 

A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(2) TUE

 

1. Fuq l-Artikolu 218 TFUE

 

2. Fuq is-sistema ta’ kompetenzi tal-Unjoni

 

a) Kompetenzi interni u esterni

 

b) Kompetenzi esklużivi u kondiviżi

 

c) Kompetenza kondiviża u ftehim imħallat: żewġ kwistjonijiet differenti

 

3. Eżistenza ta’ kompetenza esterna?

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Evalwazzjoni

 

1) Fuq it-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE

 

2) Fuq l-obbligi l-oħra tal-Kunsill

 

c) Konklużjoni

 

4. Eżistenza ta’ kompetenza esterna esklużiva?

 

a) Fuq it-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE

 

b) Punt 5: reviżjoni parzjali tal-Appendiċi B (CIM)

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Evalwazzjoni

 

c) Punti 4 u 7: reviżjoni parzjali tal-COTIF – konvenzjoni bażika u tal-Appendiċi D (CUV)

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Evalwazzjoni

 

d) Punt 12: reviżjoni parzjali tal-Appendiċi E (CUI)

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Evalwazzjoni

 

B. Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

VI. Fuq l-ispejjeż

 

VII. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

Dan ir-rikors għal annullament, ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, huwa r-riżultat ta’ kwistjoni bejniethom fir-rigward tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport.

2.

Dan ir-rikors ser jagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża li, bħala prinċipju, il-kompetenza kondiviża – f’dan il-każ fil-qasam tat-trasport – tista’ tiġi eżerċitata mingħajr ma tkun teżisti leġiżlazzjoni interna korrispondenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 216(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju tal-kompetenza esterna tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika tal-Unjoni, wieħed mill-għanijiet stabbiliti mit-Trattati.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

1.   Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)

3.

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta, huma partijiet fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, li toħloq l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF). Il-COTIF ġiet emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999. L-Unjoni aderixxiet mal-COTIF b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011.

4.

Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-OTIF għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, minn kull aspett, it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ dritt uniformi f’diversi oqsma legali dwar it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija.

5.

Skont l-Artikolu 6 tal-COTIF, bit-titolu “Regoli uniformi”:

“1.   It-traffiku internazzjonali bil-ferrovija u l-aċċettazzjoni ta’ materjal ferrovjarju għall-użu fit-traffiku internazzjonali huma rregolati, sakemm ma jkunux saru dikjarazzjonijiet jew riżervi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1), minn:

a)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-vjaġġaturi (CIV)’, li jifformaw l-Appendiċi A tal-[COTIF],

b)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-merkanzija (CIM)’ li jifformaw l-Appendiċi B tal-[COTIF] [iktar ’il quddiem l-‘Appendiċi B (CIM)’],

c)

ir-‘Regolament li jirrigwarda t-trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-merkanzija perikoluża (RID)’ li jifforma l-Appendiċi C tal-[COTIF],

d)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratti għall-użu ta’ vetturi fit-traffiku ferrovjarju internazzjonali (CUV)’ li jifformaw l-Appendiċi D tal-[COTIF] [iktar ’il quddiem l-‘Appendiċi D (CUV)’],

e)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratt għall-użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUI)’ li jifformaw l-Appendiċi E tal-[COTIF] [iktar ’il quddiem l-‘Appendiċi E (CUI)’],

f)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-validazzjoni tar-regoli tekniċi u l-adozzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi uniformi li japplikaw għall-materjal ferrovjarju intiż għall-użu fit-traffiku internazzjonali (APTU)’, li jifformaw l-Appendiċi F tal-[COTIF],

g)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw l-aċċettazzjoni teknika ta’ materjal ferrovjarju użat fit-traffiku internazzjonali (ATMF)’, li jifformaw l-Appendiċi G tal-[COTIF],

h)

sistemi oħra ta’ dritt uniformi żviluppati mill-[OTIF] skont l-Artikolu 2(2)(a), li jifformaw ukoll xi Appendiċijiet tal-[COTIF].

2.   Ir-Regoli uniformi, ir-Regolament u s-sistemi elenkati fil-paragrafu 1, inklużi l-annessi tagħhom, jifformaw parti integrali mill-[COTIF].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

Il-Kumitat ta’ Reviżjoni, li huwa komposta bħala prinċipju mill-partijiet fil-COTIF, jiddeċiedi, skont l-Artikolu 33(4) tal-COTIF, dwar il-proposti li jkunu intiżi li jemendaw id-dispożizzjonijiet tal-COTIF u l-appendiċijiet tagħha.

7.

L-Artikolu 35 tal-COTIF, bit-titolu “Deċiżjonijiet tal-Kumitati”, jipprovdi li:

“1.   L-emendi tal-[COTIF], kif deċiżi mill-kumitati, għandhom jiġu nnotifikati mis-Segretarju Ġenerali lill-Istati Membri.

2.   L-emendi tal-[COTIF] stess, kif deċiżi mill-Kumitat ta’ Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha fl-ewwel jum tat-tnax-il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jressqu oġġezzjoni fl-erba’ xhur mid-data tan-notifika. Fil-każ ta’ oġġezzjoni minn kwart mill-Istati Membri, l-emenda ma tidħolx fis-seħħ. Jekk Stat Membru jagħmel oġġezzjoni kontra deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Reviżjoni fit-terminu ta’ erba’ xhur u jiċħad il-[COTIF], iċ-ċaħda jkollha effett mid-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni.

3.   L-emendi tal-Appendiċijiet tal-[COTIF], kif deċiżi mill-Kumitat ta’ Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha, fl-ewwel jum tat-tnax-il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. [...]

4.   L-Istati Membri jistgħu jressqu oġġezzjoni f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3. Fil-każ ta’ oġġezzjoni minn kwart mill-Istati Membri, l-emenda ma tidħolx fis-seħħ. Fl-Istati Membri li ressqu oġġezzjoni kontra deċiżjoni fit-termini imposti, l-applikazzjoni tal-Appendiċi tiġi sospiża, kollu kemm hu, għat-traffiku ma’ u bejn l-Istati Membri mill-mument li fih jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet. Madankollu, fil-każ ta’ oġġezzjoni kontra l-validazzjoni ta’ regola teknika jew kontra l-adozzjoni ta’ rekwiżit tekniku uniformi, huma dawn biss li jiġu sospiżi għal dak li jikkonċerna t-traffiku ma’ u bejn l-Istati Membri mill-mument li fih jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet; dan japplika wkoll fil-każ ta’ oġġezzjoni parzjali.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

Skont l-Artikolu 2 tal-Appendiċi B (CIM), bit-titolu “Rekwiżiti ta’ dritt pubbliku”, it-“trasport li għalih japplikaw dawn ir-Regoli uniformi jibqa’ suġġett għar-rekwiżiti ta’ dritt pubbliku, b’mod partikolari […] għar-rekwiżiti tad-dritt doganali u għal dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.   Il-Ftehim ta’ Adeżjoni

9.

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija li jikkonċerna l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 8), iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2011 f’Berna (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011, skont l-Artikolu 9 tiegħu.

10.

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-[COTIF] biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-[COTIF], fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-[COTIF] li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn dik il-[COTIF] ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat”.

11.

Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni:

“1.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-[COTIF].

2.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni jonkella l-Istati Membri tagħha.

3.   Suġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-[COTIF], l-Unjoni għandha jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-[COTIF]. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw.

4.   L-Unjoni għandha, għal kull każ, tgħarraf lill-Partijiet l-oħra għall-[COTIF] bil-każijiet fejn, fir-rigward tad-diversi punti fuq l-aġendi tal-Assemblea Ġenerali u tal-korpi ta’ deliberazzjoni l-oħra, hija ser teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta d-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ korrispondenza. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF kmieni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi ċċirkolata flimkien mad-dokumenti tal-laqgħa jew ma’ deċiżjoni li għandha tittieħed [jew sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni] permezz ta’ korrispondenza”.

12.

L-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jipprovdi li:

“L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni għandu jiġi indikat f’termini ġenerali f’dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-Unjoni meta jiġi konkluż il-Ftehim. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tiġi mmodifikata kif adatt permezz ta’ notifika mill-Unjoni lill-OTIF. Din bl-ebda mod ma għandha tissostitwixxi jew tillimita l-materji li jistgħu jiġu koperti bin-notifiki ta’ kompetenza tal-Unjoni li għandhom isiru qabel it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-OTIF permezz ta’ votazzjoni formali jew mod ieħor”.

B. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Id-Deċiżjoni 2013/103/UE

13.

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2013/103/UE ( 2 ).

14.

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/103/UE hemm dikjarazzjoni tal-Unjoni li saret waqt l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Adeżjoni li tikkonċerna l-eżerċizzju ta’ kompetenzi.

15.

Din id-dikjarazzjoni taqra kif ġej:

“Fis-settur tal-ferroviji, l-Unjoni Ewropea […] taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tal-Unjoni […] skont l-Artikoli 90 u 91 [TFUE], flimkien mal-Artikolu 100(1) u l-Artikoli 171 u 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

[...]

Abbażi [tal-Artikoli 91 u 171 TFUE] l-Unjoni adottat għadd sostanzjali ta’ strumenti legali applikabbli għat-trasport bil-ferrovija.

Taħt il-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva fi kwistjonijiet tat-trasport bil-ferrovija fejn il-[COTIF] jew l-istrumenti legali adottati taħtha jkunu jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-ambitu ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ suġġetti regolati mill-Konvenzjoni li relattivament għalihom għandha kompetenza esklussiva l-Unjoni, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda kompetenza.

Fejn ikunu jeżistu regoli tal-Unjoni iżda dawn ma jkunux affettwati mill-[COTIF] jew mill-istrumenti legali adottati taħtha, l-Unjoni taqsam il-kompetenza dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-[COTIF] mal-Istati Membri.

Fl-Appendiċi ma’ dan l-Anness tinsab lista tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim. L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn it-testi għandu jiġi vvalutat b’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ kull test, speċjalment safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu r-regoli komuni. Il-kompetenza tal-Unjoni hija suġġetta għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tat-[Trattat FUE], l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw safejn twassal il-kompetenza tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tirriżerva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni skont kif ikun il-każ, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-[COTIF]”.

16.

L-appendiċi mal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/103 jelenka l-atti tal-Unjoni li jirrigwardaw l-oqsma li tittratta l-COTIF. Fost dawn l-istrumenti hemm id-Direttivi 2001/14/KE ( 3 ), 2004/49/KE ( 4 ) u 2008/110/KE ( 5 ).

17.

L-Anness III tad-Deċiżjoni 2013/103 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet interni intiżi għall-Kunsill, għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tax-xogħol rilevanti tal-OTIF.

2.   Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

18.

L-Artikolu 94 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ( 6 ) jipprovdi:

“1.   Il-prinċipal għandu jipprovdi garanzija sabiex jizgura l-ħlas ta’ kull dejn doganali jew tariffi ieħor li jistgħu jinħolqu fir-rigward tal-prodotti.

2.   Il-garanzija għandha tkun jew:

(a)

garanzija individwali li tkopri operazzjoni waħda ta’ transitu; jew

(b)

garanzija komprensiva li tkopri numru ta’ operazzjonijiet ta’ transitu fejn il-prinċipal kien awtorizzat li juża din il-garanzija mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru fejn huwa jkun stabbilit.

3.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) għandha tingħata biss lill-persuni li:

(a)

huma stabbiliti fil-Komunità;

(b)

jużaw regolarment il-proċeduri ta’ transitu tal-Komunità jew li huma magħrufa mill-awtoritajiet doganali li għandhom il-kapaċità li jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri,

u

(ċ)

li ma jkunux ikkommetew reati serji jew ripetuti kontra l-liġijiet doganali jew tat-taxxa.

4.   Persuni li jissodisfaw lill-awtoritajiet doganali li jkunu laħqu standards ta’ affidabilità għola jistgħu jkunu awtorizzati li jużaw garanzija komprensiva għal ammont imnaqqas jew li ssir rinunzja għall-garanzija. Il-kriterji addizzjonali għall din l-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu:

(a)

l-użu korrett tal-proċeduri ta’ transitu tal-Komunità matul il-perjodu stabbilit;

(b)

il-kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet doganali,

u

(ċ)

fir-rigward tar-rinunzja tal-garanzija, pożizzjoni finanzjarja soda li tkun bizzejjed sabiex twettaq l-obbligi ta’ l-imsemmija persuni.

Ir-regoli dettaljati għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan il-paragrafu għandhom ikunu stabbiliti skont il-proċedura tal-kumitat.

5.   Ir-rinunzja tal-garanzija awtorizzata skont il-paragrafu 4 m’għandiex tapplika għall-operazzjonijiet ta’ transitu estern tal-Komunità li jinvolvi prodotti li, kif stabbilit skont il-proċedura tal-kumitat, huma kkunsidrati li jippresentaw riskji miżjuda.

6.   Skont il-prinċipji tal-paragrafu 4, rikors għall-garanzija komprensiva għal ammont imnaqqas jista’, fil-kas ta’ transitu estern tal-Komunità, jkun projbit temporanjament mill-proċedura tal-kumitat bħala miżura eċċezjonali f’ċirkostanzi speċjali.

7.   Skont il-prinċipji fil-paragrafu 4, ir-rikors għall-garanzija komprensiva jista’, fil-kas ta’ transitu estern tal-Komunità, jkun projbit temporanjament mill-proċedura tal-kumitat fir-rigward ta’ prodotti li, taħt il-garanzija komprensiva, jkunu ġew identifikati bħala suġġetti għall-frodi fuq skala kbira.”

3.   Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93

19.

L-Artikoli 412, 416 u 419 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 ( 7 ) jinsabu fil-punt A, bit-titolu, “Dispożizzjonijiet ġenerali rigward ġarr bil-ferrovija”, fis-subsezzjoni 8, bit-titolu “Proċeduri simplifikati għal oġġetti mġorrin bil-ferrovija jew f’kontenituri kbar” ta’ dan ir-regolament.

20.

L-Artikolu 412 tar-regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“L-Artikolu 359 [li jirrigwarda l-formalitajiet li jridu jitwettqu fl-uffiċċju ta’ tranżitu matul it-trasport] ma għandux japplika għall-ġarr ta’ oġġetti bil-ferrovija”.

21.

Skont l-Artikolu 416(1) ta’ dan ir-regolament:

“Kumpannija tal-ferrovija li taċċetta ġarr taħt kopertura ta’ nota ta’ konsenja CIM li sservi bħala dikjarazzjoni ta’ transitu tal-Komunità għandha tkun il-prinċipal għal dik l-operazzjoni”.

22.

L-Artikolu 419(1) u (2) ta’ dan l-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   In-nota tal-kunsinna CIM għandha tkun ippreżentata fl-uffiċju tat-tluq fil-każ ta’ operazzjoni tat-trasport li tapplika għaliha l-proċedura ta’ transitu Komunitarju u li tibda u li għandha tispiċċa fit-territorju doganali tal-Komunità.

2.   L-uffiċċju tat-tluq għandu jdaħħal b’mod ċar fil-kaxxa riservata għad-dwana fuq il-paġni 1, 2 u 3 tan-nota tal-kunsinna CIM:

(a)

is-simbolu ‘T1’, fejn l-oġġetti qegħdin jiċċaqalqu taħt il-proċedura ta’ transitu Komunitarju estern;

(b)

is-simbolu ‘T2’, fejn l-oġġetti, ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 340c(1), qegħdin jiċċaqalqu taħt il-proċedura ta’ transitu Komunitarju intern skond l-Artikolu 165 tal-Kodiċi;

(ċ)

is-simbolu ‘T2F’, fejn l-oġġetti qegħdin jiċċaqalqu taħt il-proċedura ta’ transitu Komunitarju intern skont l-Artikolu 340c(1).

Is-simboli ‘T2’, jew ‘T2F’, għandhom jiġu awtentikati permezz ta’ l-applikazzjoni tat-timbru ta’ l-uffiċċju tat-tluq”.

4.   Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013

23.

L-Artikolu 233 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 ( 8 ), bit-titolu “L-obbligi tad-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni u ta’ min iġorr u jirċievi l-merkanzija li titmexxa taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Wara applikazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw kwalunkwe waħda mis-simplifikazzjonijiet li ġejjin li jirrigwardaw it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni jew it-tmiem ta’ dik il-proċedura:

[...]

e)

l-użu ta’ dokument tat-trasport elettroniku bħala dikjarazzjoni doganali biex merkanzija titqiegħed taħt proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni, bil-kondizzjoni li fiha d-dettalji ta’ tali dikjarazzjoni u li dawk id-dettalji huma disponibbli għall-awtoritajiet doganali kemm fit-tluq kif ukoll fid-destinazzjoni biex ikunu possibbli s-superviżjoni doganali tal-merkanzija u l-għeluq tal-proċedura.”

5.   Ir-Regolament (KE) Nru 136/2004

24.

L-Artikolu 2(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 ( 9 ) jipprovdi:

“3.   [Id-dokument veterinarju komuni ta’ dħul (CVED)] għandu jinkiteb f’oriġinal u f’kopji kif deċiż mill-awtorità lokali kompetenti biex jissodisfa il-ħtiġijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-persuna responssabbli għat-tagħbija għandha timla l-ewwel parti tas-CVED u tittrasmettiha lill-personàl veterinarju tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera.

4.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafi 1 u 3, l-informazzjoni li tinsab fil-CVED tista’, bi qbil ma’ l-awtoritajiet kompetenti [...] involuti fil-kunsinna, tkun notifikata bil-quddiem permezz ta’ telekomunikazzjonijiet jew distemi [sistemi] oħrajn ta’ trasmissjoni ta’ data elettronika. Meta jiġri dan, l-informazzjoni fornita f’forma elettronika għandha tkun dik meħtieġa skont l-ewwel parti tal-mudell CVED.”

25.

L-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“2.   L-oriġinal tal-CVED għal kunsiini li għalihom approvazzjoni veterinarja inagħtat għandu jikkonsisti mil-partijiet 1 u 2 flimkien, mimlijin u ffirmati kif xieraq.

3.   Il-veterinarju uffiċjali jew il-persuna responsabbli għat-tagħbija għandu jinnotifika lill-awtorijiet tad-dwana għal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera dwar l-approvazzjoni veterinarja tal-kunsinna kif previst fil-paragrafu 1 billi jissottometti l-oriġinal tal-CVED, jew b’ mezzi elettroniċi.

Wara li d-dwana tkun għaddiet il-kunsinna [...], l-oriġinal tal-CVED għandu jkun mehmuż mal-kunsinna lejn l-ewwel stabbiliment destinatarju.

Il-veterinarji uffiċjali fil-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera għandhom iżommu kopja tal-CVED.

Il-veterinarji uffiċjali għandhom jibagħtu kopja tal-CVED lill-persun responsabbli għat-tagħbija.”

26.

Skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament:

“Għall-ewwel rilaxxament mid-dwana il-persuna risponsabbbli għat-tagħbija għandhae tippreżenta l-oriġinal tal-CVED lill-uffiċju doganali responsabbli għall-istabilliment fejn tinsab il-kunsinna. Din tista’ issir ukoll b’mezzi elettroniċi, soġġetta għall-awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti”.

27.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 136/2004 jipprovdi:

“Il-prodotti, l-użu, it-trasmissjoni u l-ħażna tal-CVED kif stabbilit fid-diversi sitwazzjonijiet deskritti f’dan ir-Regolament jistgħu isiru b’ mezzi elettoniċi għad-diskrezzjoni ta’ l-awtorità lokali kompetenti”.

6.   Id-Direttiva 2008/110

28.

Skont il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2008/110:

“(3)

Id-dħul fis-seħħ tal-[COTIF] fl-1 ta’ Lulju 2006 daħħal regoli ġodda li jirregolaw kuntratti għall-użu ta’ vetturi. Skond l-[Appendiċi D (CUV)] id-detenturi tal-vaguni m’għadhomx obbligati li jirreġistraw il-vaguni tagħhom ma’ impriża ferrovjarja. Il-Ftehim “Regolamento Internazionale Veicoli” (RIV) preċedenti bejn impriżi ferrovjarji waqaf milli japplika u kien sostitwit parzjalment minn ftehim privat u volontarju ġdid (Kuntratt Ġenerali ta’ Użu għall-Vaguni, GCU) bejn impriżi ferrovjarji u detenturi tal-vaguni fejn dawn ta’ l-aħħar huma responsabbli għall-manutenzjoni tal-vaguni tagħhom. Sabiex jiġu riflessi dawn it-tibdiliet u biex tiġi ffaċċilitata aktar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/49/KE fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà ta’ impriżi ferrovjarji, il-kunċett tad-‘detentur’ u l-kunċett ta’ ‘entità responsabbli għall-manutenzjoni’ għandhom ikunu definiti, kif ukoll l-ispeċifikazzjoni tar-relazzjoni bejn dawn l-entitajiet u impriżi ferrovjarji.

(4)

Id-definizzjoni ta’ detentur għandha tkun kemm jista’ jkun possibbli qrib għad-definizzjoni użata fil-[COTIF] 1999. Bosta entitajiet jistgħu jkunu identifikati bħala detentur ta’ vettura, per eżempju, il-proprjetarju, kumpanija li tagħmel negozju minn flotta ta’ vaguni, kumpanija li tikri vetturi lil impriża ferrovjarja, impriża ferrovjarja, amministrattur ta’ l-infrastruttura li juża vetturi għall-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura tagħha, eċċ. Dawn l-entitajiet ikollhom il-kontroll tal-vettura bil-ħsieb li din tintuża bħala mezz ta’ trasport mill-impriżi ferrovjarji u l-amministratturi ta’ l-infrastruttura. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, id-detentur għandu jkun identifikat b’mod ċar fir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi (NVR) previst fl-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja [fi ħdan il-Komunità] ( 10 )”.

7.   Id-Direttiva 2004/49

29.

Id-Direttiva 2004/49, kif emendata mid-Direttiva 2008/110 ( 11 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/49”), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tassigura l-iżvilupp u t-titjib tas-sigurtà fuq il-linji tal-ferrovija tal-Komunità u l-aċċess imtejjeb fis-suq għas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija billi:

[...]

(b)

tfisser ir-responsabbilitajiet bejn l-atturi;

[...]”

30.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għar-raġunijiet ta’ din id-Direttiva, d-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

[...]

(s)

‘detentur’ tfisser il-persuna jew l-entità li, peress li tkun il-proprjetarju ta’ vettura jew ikollha d-dritt li tużaha, tisfrutta l-vettura bħala mezz ta’ trasport u tkun reġistrata bħala tali fir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi (NVR) previst fl-Artikolu 33 tad-[Direttiva dwar l-interoperabblità tas-sistema ferrovjarja];

(t)

‘entità responsabbli għall-manutenzjoni’ tfisser entità responsabbli għall-manutenzjoni ta’ vettura, u reġistrata bħala tali fl-NVR;

[...]”

31.

L-Artikolu 4(3) u (4) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbilitajiet għat-tħaddim sigur tas-sistema tal-ferrovija u r-riskji tal-kontroll assoċjati magħha huma stabbiliti fuq il-managers ta’ l-infrastruttura u l-impriżi tal-linji tal-ferrovija, billi jobbligawhom biex jimplimentaw il-miżuri neċessarji għall-kontroll tar-riskji, fejn adattat f’kooperazzjoni ma’ xulxin, biex ikunu applikati r-regoli u l-istandards nazzjonali tas-sigurtà, u biex ikunu stabbiliti s-sistemi ta’ l-immaniġġjar tas-sigurtà skond din id-Direttiva.

Bla ħsara għar-responsabbilità ċivili skond il-ħtiġiet legali ta’ l-Istati Membri, kull manager ta’ l-infrastruttura u impriża tal-linja tal-ferrovija għandha titpoġġa responsabbli għall-parti tagħha fis-sistema u t-tħaddim sigur tagħha, inkluż il-forniment tal-materjal u l-kuntrattar tas-servizzi, vis-à-vis dawk li jużaw, il-konsumaturi, il-ħaddiema konċernati u t-terzi persuni.

4.   Dan bla ħsara għar-responsabbilità ta’ kull min jimmanifattura, iforni l-manteniment, dak li jmantni l-vaguni [detentur], dak li jipprovdi s-servizzi u l-entità li takkwista biex jassiguraw li l-materjali mobbli, l-installazzjonijiet, l-aċċessorji u t-tagħmir u s-servizzi forniti minnhom iħarsu l-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet għall-użu speċifiku, biex b’hekk ikunu jistgħu jitħaddmu b’mod sigur mill-impriża tal-linja tal-ferrovija u/jew il-manager ta’ l-infrastruttura.”

32.

Skont l-Artikolu 14a tad-Direttiva 2004/49:

“1.   Kull vettura, qabel ma titqiegħed fis-servizz jew tintuża fin-netwerk, għandu jkollha entità responsabbli għall-manutenzjoni assenjata lilha u din l-entità għandha tkun irreġistrata fl-NVR skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-interoperabblità tas-sistema ferrovjarja.

2.   Jistgħu jikkostitwixxu entità inkarigata mill-manutenzjoni impriża tal-ferroviji, maniġer ta’ l-infrastruttura jew detentur.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji u amministratturi ta’ l-infrastruttura għat-tħaddim sigur tal-ferroviji kif previst fl-Artikolu 4, l-entità għandha tiżgura li l-vetturi li hi tkun responsabbli għall-manutenzjoni tagħhom ikunu fi stat sigur permezz ta’ sistema ta’ manutenzjoni. Għal dan il-għan, l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandha tiżgura li l-vetturi jkunu miżmuma skond:

(a)

il-fajl tal-manutenzjoni ta’ kull vettura;

(b)

ir-rekwiżiti fis-seħħ li jinkludu r-regoli ta’ manutenzjoni u d-dispożizzjonijiet [tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà].

L-entità inkarigata mill-manutenzjoni għandha twettaq il-manutenzjoni hija nnifisha u tagħmel użu minn workshops ta’ manutenzjoni b’kuntratt.

[...]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

33.

Matul ix-xahar ta’ April 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF innotifika lill-partijiet kontraenti tal-COTIF bil-proposti ta’ emendi għall-COTIF, ippreżentati lill-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF waqt il-25 seduta tiegħu f’Berna (l-Isvizzera) mill-25 sas-27 ta’ Ġunju 2014. Dawn il-proposti ta’ emendi kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-Appendiċi B (CIM), l-Appendiċi D (CUV), flimkien mal-Artikolu 12 tal-COTIF, u l-Appendiċi E (CUI). Fil-2 ta’ April u fis-27 ta’ Mejju 2014, rispettivament, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtu rispettivament proposti ta’ emendi li jirrigwardaw l-Appendiċi D (CUV), li kienu wkoll ippreżentati lill-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF waqt din l-istess seduta.

34.

Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat dokument tax-xogħol lill-grupp ta’ ħidma “Trasport fuq l-art” tal-Kunsill bi preparazzjoni għall-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, għal dak li jikkonċerna ċerti emendi tal-COTIF. Fil-5 ta’ Ġunju 2014, hija bagħtet lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni f’dik is-seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF [COM(2014) 338 finali]. Fi tmiem ix-xogħol fil-kuntest tal-istanzi preparatorji tal-Kunsill, il-Kunsill “Affarijiet ġenerali” adotta d-Deċiżjoni 2014/699/UE ( 12 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2014, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 91 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

35.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-imsemmija proposta u għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata:

“Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija tal-fehma li l-[Unjoni] ma għandhiex kompetenza fir-rigward tal-emendi tal-Appendiċi B (regoli uniformi CIM), tal-Appendiċi D (regoli uniformi CUV) u tal-Appendiċi E (regoli uniformi CUI) tal-[COTIF] u hija ssostni konsegwentement li ma huwiex meħtieġ li tiġi kkoordinata l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-[Unjoni] waqt il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, li ser tinżamm mill-25 sas-27 ta’ Ġunju 2014. Sal-lum, l-[Unjoni] ma eżerċitatx il-kompetenza leġiżlattiva tagħha fl-oqsma tad-dritt privat tat-trasport regolati mill-appendiċijiet iċċitati iktar ’il fuq. L-Istati Membri jistgħu għaldaqstant ikomplu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tat-Trattat FUE. Barra minn hekk, fil-każijiet fejn il-kompetenza hija kondiviża, l-Artikolu 6(2) tal-[Ftehim ta’ Adeżjoni], jipprovdi espressament li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeżerċitaw b’mod indipendenti d-dritt tal-vot tagħhom f’dawn l-oqsma. [Ir-Repubblika Federali tal-]Ġermanja tiddikjara b’dan, bħala prekawzjoni, li hija tirrifjuta kull eżerċizzju tad-dritt tal-vot mill-Kummissjoni Ewropea.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

36.

Skont il-premessi 4 sa 6 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(4)

L-emendi fil-[COTIF] jimmiraw li jaġġornaw il-kompiti tal-Kumitat tal-Esperti Tekniċi u d-definizzjoni ta’ ‘detentur’ bi qbil mal-liġi tal-Unjoni, u jemendaw ċerti regoli dwar il-finanzjament tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija(OTIF), l-awditjar tiegħu u r-rappurtar dwaru, kif ukoll jagħmlu xi bidliet amministrattivi żgħar.

(5)

L-emendi tal-Appendiċi B (CIM) huma mmirati biex jagħtu preferenza lill-forma elettronika tan-nota ta’ konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha, u li jiċċaraw ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-ġarr.

(6)

L-emendi tal-Appendiċi D (CUV) imressqin mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni fil-kuntratti tal-użu tal-vetturi fit-traffiku internazzjonali ferrovjarju. [Ir-Repubblika Franċiża] ressqet proposta separata dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara li tista’ tikkawża vettura. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wkoll] ppreżentat proposta separata dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli uniformi tas-CUV.

[...]

(9)

L-emendi fl-Appendiċi E (CUI) proposti mill-Kumitat għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (CIT) huma mmirati biex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli uniformi dwar il-kuntratt tal-użu tal-infrastruttura għat-trasport ferrovjarju domestiku, biex joħolqu bażi legali għat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, u biex jestendu r-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsarat jew telf li jistgħu jiġu kkawżati mill-infrastruttura”.

37.

L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li “[i]l-pożizzjoni li għandha [tiġi adottata] f’isem l-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit mill-[COTIF] għandha tkun skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni”.

38.

Il-punt 4 ta’ dan l-anness, li jirrigwarda r-reviżjoni parzjali tal-COTIF, huwa fformulat kif ġej:

“[...]

Kompetenza: kondiviża

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

[...]

L-emendi fl-Artikolu 12 (L-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Mehmuża) għandha tiġi appoġġata [għandhom jiġu appoġġati] peress li temenda [jemendaw] d-definizzjoni ta’ ‘detentur’ bi qbil mal-liġi tal-Unjoni.

[...]”

39.

Il-punt 5 tal-imsemmi anness, li jikkonċerna r-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi B (CIM), jaqra kif ġej:

“[...]

Kompetenza: kondiviża

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: l-Unjoni fuq l-Artikoli 6 u 6a; l-Istati Membri fuq l-Artikoli l-oħrajn.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

L-emendi fl-Artikolu 6 u l-Artikolu 6a jikkonċernaw il-liġi tal-Unjoni minħabba l-użu tan-nota ta’ konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha għad-dwana u minħabba l-proċeduri sanitarji u fitosanitarji (SPS). L-Unjoni taqbel mal-ħsieb tal-OTIF li tingħata prijorità lill-forma elettronika tan-noti tal-konsenja. Iżda fil-preżent, l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi tista’ twassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa. Il-proċedura ssimplifikata attwali għat-tranżitu mid-dwana bil-ferrovija hija possibbli li ssir biss b’dokumenti f’forma ta’ karti. Għaldaqstant, jekk il-ferroviji jagħżlu li jużaw in-nota ta’ konsenja elettronika, ikollhom jużaw il-proċedura standard għat-tranżitu u s-Sistema ta’ Tranżitu Komputerizzata l-Ġdida (NCTS).

Il-Kummissjoni bdiet tħejji grupp ta’ ħidma biex jiddiskuti l-użu ta’ dokumenti tat-trasport elettroniċi għat-tranżitu taħt ir-[Regolament Nru 952/2013]. Dak il-grupp ta’ ħidma se jkollu l-laqgħa inizjali tiegħu fl-4 u l-5 ta’ Ġunju 2014. L-Unjoni taqbel ukoll mal-ħsieb li d-dokumenti ta’ akkumpanjament ikunu f’format elettroniku. Madankollu, taħt il-liġi attwali tal-Unjoni ma hemmx bażi legali biex id-dokumenti (eż. id-Dokument Veterinarju Komuni tad-Dħul, id-Dokument Komuni tad-Dħul) li jridu jakkumpanjaw il-prodotti marbutin mal-SPS jingħataw f’format elettroniku, u għaldaqstant jeħtieġ li dawn jingħataw f’forma ta’ karti. Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ Regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni elettronika, u fil-preżent l-abbozz qed jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Huwa previst li dak ir-Regolament (Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) jiġi adottat sa tmiem l-2015 jew sal-bidu tal-2016; madankollu, se jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni għall-infurzar.

Għalhekk, l-Unjoni tipproponi li fis-seduta preżenti tal-Kumitat tar-Reviżjoni ma għandha tittieħed ebda deċiżjoni dwar dawn il-punti u li l-OTIF jibqa’ jikkoopera mal-Unjoni dwar din il-kwistjoni biex tinstab soluzzjoni maħsuba tajjeb sar-reviżjoni li ġejja tas-CIM, li idealment tkun issinkronizzata mar-[Regolament Nru 952/2013] u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu li se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2016. Ċerti proċeduri elettroniċi jistgħu jiddaħħlu fuq bażi gradwali bejn l-2016 u l-2020 bi qbil mal-Artikolu 278 tar-[Regolament Nru 952/2013].

[...]”

40.

Il-punt 7 ta’ dan l-istess anness, li jirrigwarda r-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi D (CUV) huwa fformulat kif ġej:

“[...]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni rakkomandata: L-emendi għall-Artikoli 2 u 9 għandhom jiġu appoġġati peress li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni f’konformità mal-liġi tal-Unjoni [Direttiva 2008/110]. Madankollu, l-emenda proposta għall-Artikolu 7 ppreżentata [mir-Repubblika Franċiża] dwar ir-responsabbiltà tal-persuna li pprovdiet vettura għall-użu bħala mezz ta’ trasport fil-każ ta’ ħsara li tirriżulta minn difett tal-vettura teħtieġ aktar analiżi fl-Unjoni qabel tittieħed deċiżjoni fl-OTIF. Għaldaqstant, l-Unjoni mhijiex f’pożizzjoni li tappoġġa din il-proposta għal emenda f’dan il-KR [waqt is-seduta tal-KR] u tipproponi li d-deċiżjoni tiġi posposta sal-Assemblea Ġenerali li jmiss sabiex din il-kwistjoni tiġi vvalutata aktar. L-Unjoni tieħu l-istess pożizzjoni, jiġiferi li tipposponi d-deċiżjoni sal-Assemblea Ġenerali li jmiss sabiex tkompli tivvaluta l-kwistjoni, fuq il-proposta [tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għal Artikolu 1a ġdid ippreżentat lill-OTIF waqt il-koordinazzjoni tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni rakkomandata addizzjonali tal-Unjoni: Fid-dokument CR 25/7 ADD 1, paġna 6, fl-aħħar tal-paragrafu 8a, fi tmiemu, tiżdied: ‘The amendment to Article 9, paragraph 3, first indent, does not affect the existing allocation of liabilities between ECM and the keeper of the vehicles’ [L-emenda għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(3) ma għandhiex effett fuq it-tqassim eżistenti tar-responsabbiltajiet bejn l-ERM (entità responsabbli għall-manutenzjoni) u d-detentur tal-vetturi].”

41.

Il-punt 12 tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda r-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi E (CUI), jipprovdi kif ġej:

“[...]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: l-emendi għandhom jiġu rifjutati. Dawn l-emendi proposti mis-CIT jinkludu l-estenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CUI biex jinkludi l-operazzjoniijiet domestiċi, l-introduzzjoni ta’ Termini u Kundizzjonijiet Ġenerali li jkunu vinkolanti, u l-estenzjoni tar-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsara li tista’ ssir. Minkejja li dawn għandhom jingħataw aktar ħsieb, billi ma ġew diskussi f’ebda forum intern tal-OTIF qabel is-seduta tal-KR, l-impatt tagħhom ma jistax ikun li ġie vvalutat biżżejjed fid-dettall. Jidher li huwa daqsxejn prematur li jiġi emendat s-CUI (li fil-preżent jaqbel mal-liġi tal-UE) f’din is-seduta tal-KR mingħajr tħejjija xierqa.”

42.

Waqt il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, il-Kummissjoni ppreżentat il-pożizzjoni tal-Unjoni, kif iddefinita fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħadet pożizzjoni awtonoma li tikkonċerna l-proposti ta’ emendi li jirrigwardaw l-Artikolu 12 tal-COTIF kif ukoll l-appendiċijiet B (CIM), D (CUV) u E (CUI) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“emendi kontenzjużi”) u talbet li teżerċita hija stess id-dritt tal-vot fuq dawn is-suġġetti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-pożizzjoni ppreżentata mill-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Artikolu 12 tal-COTIF u għall-Appendiċi D (CUV). Peress li dawn il-proposti kellhom l-maġġoranza meħtieġa, l-emendi inkwistjoni ġew adottati mill-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF.

43.

Minn dakinhar, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-vot tagħha waqt il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF li kien imur kontra d-deċiżjoni kkontestata.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

44.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija tikkonċerna l-emendi kontenzjużi u sabiex tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tal-ispejjeż.

45.

Il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors u, sussidjarjament, fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, li żżomm l-effetti tagħha, u sabiex tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

46.

Il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq intervjenew insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li l-Kummissjoni intervjeniet insostenn tal-Kunsill.

47.

Il-partijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ħlief għar-Renju Unit, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fil-25 ta’ Ottubru 2016.

V. Analiżi

48.

Din il-kawża oriġinat minn kwistjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kunsill dwar deċiżjoni minn dan tal-aħħar li stabbilixxiet il-pożizzjoni li kellha tiġi adottata f’isem l-Unjoni waqt is-seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF għal dak li jikkonċerna ċerti emendi tal-COTIF u tal-appendiċijiet tagħha.

49.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tressaq tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

50.

Jien ser nanalizza dawn it-tliet motivi fl-ordni mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(2) TUE

51.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Unjoni ma kellhiex il-kompetenza, skont l-Artikolu 91 u l-Artikolu 218(9) TFUE, biex tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni li kellha tiġi adottata waqt il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, għal dak li jikkonċerna l-emendi proposti għall-appendiċijiet B (CIM), D (CUV) u E (CUI).

52.

L-Artikolu 13(1)(c) tal-COTIF jistabbilixxi Kumitat ta’ Reviżjoni li jiddeċiedi, skont l-Artikolu 33(4) tal-COTIF, dwar proposti intiżi li jemendaw din tal-aħħar jew l-appendiċijiet tagħha ( 13 ).

53.

L-emendi inkwistjoni f’din il-kawża huma inklużi fil-lista li tinsab fl-Artikolu 33 tal-COTIF.

1.   Fuq l-Artikolu 218 TFUE

54.

L-Artikolu 218 TFUE jirregola l-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa l-Kunsill, bħala istituzzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-Istati Membri, li huwa l-organu prinċipali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’din il-proċedura. Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 218(2) TFUE, huwa jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati (normalment hija l-Kummissjoni li tinnegozja) ( 14 ), jadotta direttivi ta’ negozjati ( 15 ), jawtorizza l-iffirmar ( 16 ) ta’ ftehimiet u jikkonkludihom ( 17 ). Dan l-artikolu jistabbilixxi wkoll il-grad ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, kemm jekk tirrigwarda approvazzjoni fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti ( 18 ) jew, fin-nuqqas, konsultazzjoni ( 19 ). Għall-bqija, il-Parlament għandu jkun informat fil-fażijiet kollha tal-proċedura ( 20 ). Matul il-proċedura kollha, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata ( 21 ), ħlief f’sitwazzjonijiet speċifiċi ( 22 ).

55.

Għal dak li jikkonċerna l-emenda ta’ ftehim, jeżisti, bħala regola ġenerali, paralleliżmu fil-forma inkwantu l-proċedura ta’ emenda ta’ ftehim hija l-istess bħal dik ta’ konklużjoni ta’ ftehim ( 23 ).

56.

Madankollu, l-Artikolu 218(9) TFUE jipprovdi, bħala eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali, proċedura ssemplifikata ( 24 ). Skont din id-dispożizzjoni, li ddaħħlet fit-Trattat FUE mit-Trattat ta’ Amsterdam ( 25 ) u kif emendata mit-Trattat ta’ Nice ( 26 ), il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim, meta dak il-korp jintalab jadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim ( 27 ).

57.

Ninnota finalment li, għal dak li jikkonċerna l-emenda ta’ ftehim, l-Artikolu 218(7) TFUE ( 28 ) jikkostitwixxi deroga għall-Artikolu 218(9) TFUE. Din l-ewwel dispożizzjoni tikkostitwixxi biex ngħidu hekk proċedura ssemplifikata meta mqabbla mal-proċedura ssemplifikata ( 29 ), fejn l-imsemmija dispożizzjoni, madankollu, ma tapplikax f’dan il-każ.

58.

F’dan il-każ, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, adotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Reviżjoni (jiġifieri korp stabbilit mill-COTIF). Dan il-korp huwa mistenni jadotta atti li għandhom effetti legali, peress li huma intiżi li jemendaw il-COTIF u l-annessi tagħha. Fuq kollox, kif ser naraw fid-dettall iktar ’il quddiem, l-emendi kkontemplati ma jaffettwawx il-qafas istituzzjonali tal-COTIF ( 30 ). Dawn jaqgħu konsegwentement fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE.

59.

Din il-kawża taqa’ għaldaqstant kompletament fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Nasal biex ngħid li hija tikkostitwixxi waħda mis-“sitwazzjonijiet standard” previsti mill-proċedura ssemplifikata stabbilita minn din id-dispożizzjoni ( 31 ).

60.

Evidentement, kull emenda ta’ ftehim li ssegwi l-proċedura tal-Artikolu 218(9) TFUE jippreżupponi l-eżistenza tal-kompetenza tal-Unjoni.

61.

Dan iwassalna għas-sistema ta’ kompetenzi stabbiliti mit-Trattati ( 32 ).

2.   Fuq is-sistema ta’ kompetenzi tal-Unjoni

62.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE, il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi. Skont l-Artikolu 5(2) TUE, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri ( 33 ).

63.

Il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi japplika għall-kompetenzi interni kif ukoll għall-kompetenzi esterni.

a)   Kompetenzi interni u esterni

64.

It-Trattat FUE jagħti l-kompetenzi lill-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Trattat fih diversi bażijiet legali li jawtorizzaw lill-Unjoni taġixxi, bħall-Artikolu 91 TFUE fil-qasam tat-trasport, liema artikolu ser nerġa’ nittratta.

65.

Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar speċifiku l-kompetenza esterna, jiġifieri l-kapaċità tal-Unjoni (li għandha kapaċità ġuridika skont l-Artikolu 335 TFUE) li tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, it-Trattat ta’ Lisbona, għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni ( 34 ) jiċċara ( 35 ) fil-qasir il-każijiet li fihom l-Unjoni għandha tali kompetenza. L-Artikolu 216(1) TFUE jagħti kompetenza esterna lill-Unjoni f’erba’ każijiet, li jirriflettu kważi eżattament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompetenzi esterni ( 36 ).

66.

Skont l-Artikolu 216(1) TFUE, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, l-ewwel nett, meta t-Trattati jipprovdu għal dan ( 37 ) jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim, it-tieni nett ( 38 ), tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati ( 39 ), it-tielet nett, jew inkella tkun prevista f’att tal-Unjoni legalment vinkolanti ( 40 ), ir-raba’ nett, jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ( 41 ).

67.

Ninnota diġà f’dan l-istadju li t-tieni u r-raba’ każ jikkostitwixxu kompetenzi li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kienu normalment imsejħa kompetenzi “impliċiti”.

68.

L-Artikolu 216(1) TFUE huwa sieket fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kompetenza esterna hijiex esklużiva jew kondiviża, u dan bir-raġun. Ser nittratta din il-kwistjoni dalwaqt.

b)   Kompetenzi esklużivi u kondiviżi

69.

Il-kategoriji u l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni huma, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, spjegati b’mod iddettaljat fit-Titolu I (“Kategoriji u oqsma ta’ kompetenza ta’ l-Unjoni”) tal-ewwel parti tat-Trattat FUE, bit-titolu “Prinċipji”.

70.

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 2(1) TFUE, meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(2) TFUE, meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam.

71.

Din l-aħħar dispożizzjoni fiha prinċipju ta’ prelazzjoni, billi tispeċifika li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom meta l-Unjoni ma tkunx eżerċitat dik tagħha u li huma jerġgħu jibdew jeżerċitaw mill-ġdid il-kompetenza tagħhom meta l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita l-kompetenza tagħha.

72.

Dan il-prinċipju japplika kemm għall-kompetenzi interni kif ukoll għal dawk esterni ( 42 ).

73.

Sussegwentement, l-Artikoli 3 sa 6 TFUE jistabbilixxu d-diversi tipi ta’ kompetenzi li għandha l-Unjoni skont l-oqsma ta’ azzjoni tagħha. L-Artikolu 3 TFUE, li ser nittratta f’iktar dettall iktar tard, jirrigwarda l-kompetenzi esklużivi, l-Artikolu 4 TFUE jipprovdi li l-kompetenza kondiviża hija l-kompetenza “li tapplika jekk ma jiġix speċifikat mod ieħor” ( 43 ) u jispeċifika l-oqsma prinċipali li fihom japplikaw il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri ( 44 ) (it-trasport huwa mniżżel espressament) ( 45 ), l-Artikolu 5 TFUE jirrigwarda l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni u l-Artikolu 6 TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha kompetenza “li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri” f’ċerti oqsma, bħalma hija l-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem u l-industrija.

74.

Issa nerġa’ ndur għall-Artikolu 3 TFUE. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod eżawrjenti l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva. Il-paragrafu 1 tagħha jelenka l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva (espressa), jiġifieri l-unjoni doganali, l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern, il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd, u l-politika kummerċjali komuni.

75.

L-Artikolu 3(2) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-ewwel nett, meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew, it-tieni nett, tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew, it-tielet nett, sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Għandu jiġi enfasizzat li, b’kuntrast mal-Artikolu 3(1) TFUE, il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, billi jirreferi għal li “tikkonkludi ftehim internazzjonali”, huwa limitat għall-kompetenzi esterni tal-Unjoni.

76.

Min-naħa l-oħra, jekk l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża, hija stess u l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jaġixxu.

77.

Madankollu, meta, u sa fejn, l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna kondiviża tagħha, l-Istati Membri ma jkunux għadhom jistgħu jaġixxu ( 46 ). L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom biss sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha ( 47 ). Jekk l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna kondiviża tagħha, hija taġixxi waħedha ( 48 ). L-eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża mill-Unjoni jinvolvi għalhekk element ta’ esklużività, peress li l-Istati Membri ma jkunux għadhom jistgħu jaġixxu. Il-prinċipju ta’ prelazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 2(2) TFUE japplika f’tali sitwazzjoni ( 49 ).

78.

Il-kwistjoni tal-mument u tal-mod li bih l-Unjoni teżerċita din il-kompetenza hija essenzjalment kwistjoni politika ( 50 ) li taqa’ fil-qafas tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 218 TFUE ( 51 ).

79.

Għandha tiġi enfasizzata d-differenza bejn kompetenza esklużiva, fis-sens tal-Artikolu 3 TFUE, u l-kompetenza kondiviża li l-Unjoni ddeċidiet li teżerċita. Għaldaqstant, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE, l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid malli l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita tagħha. Din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-kompetenzi kondiviżi.

80.

Konsegwentement, għal dak li jirrigwarda r-rabta bejn l-Artikolu 216(1) u l-Artikolu 3(2) TFUE, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel dispożizzjoni tittratta l-eżistenza ta’ kompetenza esterna, filwaqt li t-tieni waħda tirrigwarda l-punt dwar jekk tali kompetenza esterna [eżistenti bis-saħħa tal-Artikolu 216(1) TFUE] hijiex esklużiva jew le ( 52 ).

81.

Dan joħroġ ċar, fil-fehma tiegħi, mill-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kif ukoll mill-post fejn jinsabu fit-Trattat FUE. Minn dan isegwi wkoll li l-formulazzjoni, u għaldaqstant il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 216(1) TFUE, huwa iktar wiesa’ minn dak tal-Artikolu 3(2) TFUE. Parti biss mill-kompetenzi elenkati fl-Artikolu 216(1) TFUE huma kompetenzi esklużivi skont l-Artikolu 3(2) TFUE ( 53 ).

82.

Għaldaqstant, fl-ewwel lok għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni, skont l-Artikolu 216(1) TFUE, moqri flimkien, jekk ikun il-każ, mad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat FUE, qabel ma wieħed idur fuq il-kwistjoni tan-natura ta’ dik il-kompetenza, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk din hijiex esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE jew sempliċiment kondiviża ( 54 ).

c)   Kompetenza kondiviża u ftehim imħallat: żewġ kwistjonijiet differenti

83.

Għandu jiġi enfasizzat li wieħed ma għandux iħawwad il-kwistjoni tal-kompetenza – esklużiva jew kondiviża – ma’ dik ta’ ftehim imħallat, jiġifieri ftehim ma’ Stat terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali, li fih ikunu kontraenti kemm l-Unjoni u kif ukoll l-Istati Membri.

84.

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 3/15 ( 55 ), “[l]-għażla bejn ftehim imħallat jew ftehim tal-Unjoni biss, meta s-suġġett tal-ftehim ikun jaqa’ f’qasam ta’ kompetenza kondiviża […], ġeneralment hija kwistjoni li taqa’ fid-diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni”.

85.

Id-dritt tal-Unjoni jeżiġi l-konklużjoni ta’ ftehim imħallat biss f’każ fejn parti taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u parti oħra taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, mingħajr ma ebda waħda minn dawn il-partijiet ma tkun anċillari għall-oħra ( 56 ).

86.

Fuq l-istess linja, l-emendi għal ftehim imħallat, bħalma hu dan il-każ, isegwu l-istess prinċipju. Jekk, pereżempju, f’qasam ta’ kompetenzi kondiviżi, l-Unjoni tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ tali emendi, allura ma jkunux l-Istati Membri imma l-Unjoni li tiddeċiedi.

87.

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni jirrifletti din ir-realtà. Skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan il-ftehim, għal dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet dwar l-oqsma li fuqhom l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom jivvotaw. Konsegwentement, malli l-Unjoni tkun iddeċidiet li teżerċita l-kompetenza esterna kondiviża tagħha, tkun hija biss li tivvota fi ħdan l-OTIF.

88.

Ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li, skont l-Artikolu 4(2)(g) TFUE, għal dak li jikkonċerna l-miżuri dwar il-politika tat-trasport ġewwa l-Unjoni, il-kompetenza hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u li, fil-każ ta’ kompetenza kondiviża, jirriżulta mill-Artikolu 2(2) TFUE, li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti u li l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom biss meta l-Unjoni ma tkunx eżerċitat dik tagħha.

89.

Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu ( 57 ) fuq il-fatt li, minn naħa, l-Unjoni għandha kompetenza interna, abbażi tal-Artikolu 91(1) TFUE, sabiex tadotta dispożizzjonijiet fl-oqsma kkonċernati tad-dritt privat tat-trasport għall-impriżi ta’ trasport bil-ferrovija, jiġifieri d-dritt (privat) tat-trasport tal-merkanzija, id-dritt tal-kuntratti ta’ noleġġ jew ta’ kuntratti li jirrigwardaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ vettura għall-użu, kif ukoll id-dritt tal-kuntratti għall-użu ta’ infrastruttura u li, min-naħa l-oħra, l-Unjoni għadha ma użatx tali kompetenza.

90.

Huwa interessanti li l-Kunsill, fir-rigward tal-punti kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, jindika li din tirrigwarda kompetenza kondiviża, filwaqt li fir-risposta tiegħu jsostni li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva.

3.   Eżistenza ta’ kompetenza esterna?

a)   L-argumenti tal-partijiet

91.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fuq il-livell estern, il-politika tat-trasport taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri, ħlief fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 3(2) TFUE, li fihom il-kompetenza esterna tal-Unjoni hija esklużiva.

92.

Biex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha kompetenza biex tadotta, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, deċiżjoni li tistabbilixxi pożizzjoni li tkun trid tittieħed f’isem l-Unjoni f’korp internazzjonali, meta l-att adottat minn dak il-korp jikkontempla l-emenda tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat, jeħtieġ, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jiġi vverifikat jekk l-emendi jirrigwardawx dispożizzjonijiet tal-ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ tali kompetenza, ebda deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni ma tkun tista’ tiġi adottata. Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dak li huwa importanti, għall-finijiet ta’ din il-verifika, huwa li jkun magħruf jekk id-deċiżjoni tal-korp internazzjonali inkwistjoni taffettwax direttament l-acquis tal-Unjoni u, għaldaqstant, jekk jeżistux regoli komuni li jkunu fir-riskju li jiġu ppreġudikati jew li l-portata tagħhom tirriskja li tiġi mibdula minħabba d-deċiżjoni inkwistjoni. L-eżistenza ta’ tali riskju jippreżupponi, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-emendi tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali jirrigwardaw qasam li fih l-Unjoni diġà adottat regoli komuni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħmel riferiment għall-kawża li wasslet għas-sentenza AETR ( 58 ).

93.

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jirrileva li l-azzjoni tal-Unjoni fuq livell estern ma huwiex limitat għall-oqsma li huma diġà is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet interni tal-Unjoni. Huwa jsostni li l-Unjoni tista taġixxi wkoll, fuq livell estern, meta l-oqsma kkonċernati ma għadhomx jew huma biss parzjalment is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni li, minħabba f’hekk, ma tistax tkun affettwata. Huwa jsostni li ftehim internazzjonali jkun jista’ jiġi konkluż mill-Unjoni biss, billi tirrikorri, fuq livell estern, għal kompetenza “potenzjali”.

94.

Il-Kunsill, għad-differenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ssostni li, f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża, pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim internazzjonali tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 218(9) TFUE sakemm tali pożizzjoni sservi l-interessi tal-Unjoni, u dan meta ma jkunux jeżistu regoli komuni li jirrigwardaw il-qasam ikkonċernat. F’dak il-każ, dan ikun jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ kompetenza esterna kondiviża, limitata, skont il-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattati UE u FUE ( 59 ), għall-punti speċifiċi koperti mill-att ġuridiku tal-Unjoni.

95.

F’dan il-każ, l-Unjoni għażlet li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fil-qasam tat-trasport sabiex issir parti kontraenti fil-COTIF, billi ppreċiżat il-portata u n-natura tal-kompetenza tagħha fl-oqsma li għalihom hija assumiet il-kompetenzi, u dan kif jikkonfermaw ir-riferiment għall-Artikolu 91 TFUE fl-ewwel ċitazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/103 u d-dikjarazzjoni dwar il-kompetenza tal-Unjoni annessa ma’ din l-istess deċiżjoni. Din id-dikjarazzjoni, li tista’ tissuġġerixxi li t-trasferiment tal-kompetenzi kondiviżi huwa suġġett għall-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni, ma jeskludix fir-realtà il-possibbiltà ta’ trasferiment ġdid ta’ kompetenzi kondiviżi fil-kuntest tal-COTIF.

b)   Evalwazzjoni

96.

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi analizzat jekk l-Unjoni għandhiex f’dan il-każ kompetenza esterna skont l-Artikolu 216(1) TFUE.

1) Fuq it-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE

97.

Kif indikajt diġà, it-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE jawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi ftehim ma pajjiż terz wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali meta l-konklużjoni ta’ ftehim “tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati”.

98.

F’dan il-każ, il-konvenzjoni inkwistjoni taqa’ sewwasew taħt il-politika tal-Unjoni ( 60 ), peress li t-trasport huwa s-suġġett tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Skont l-Artikolu 90 TFUE, l-għanijiet tat-Trattati għandhom jiġu segwiti, għal dak li jirrigwarda materji f’dan it-titolu, fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport. B’mod iktar preċiż, jirriżulta mill-Artikolu 91(1) TFUE li l-Unjoni għandha kompetenza (interna) biex tistabbilixxi din il-politika tat-trasport. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 100(1) TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI japplikaw, inter alia, għat-trasport bil-ferrovija.

99.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 91(1) u l-Artikolu 80(1) TFUE jipprovdu għal setgħa ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport ( 61 ).

100.

F’sens iktar wiesa’, il-politika tat-trasport hija intrinsikament marbuta ma’ dik tas-suq intern. Mhux biss il-politika tat-trasport tikkontribwixxi direttament għat-twettiq tas-suq intern, iżda t-Trattat FUE stess jipprovdi li ċerti aspetti tat-trasport jikkostitwixxu, bħala tali, kategorija partikolari ta’ servizzi ( 62 ).

101.

Għal dak li jikkonċerna l-kriterju tan-neċessità kkontemplat fit-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) ( 63 ), dan irid, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat b’mod wiesgħa ( 64 ). L-istituzzjonijiet politiċi kompetenti għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa. Il-kriterju tan-neċessità jista’ saħansitra jidher bħala sempliċi konferma ta’ natura dikjaratorja tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà ( 65 ) u ta’ proporzjonalità ( 66 ).

102.

Fi kwalunkwe każ, skont l-interpretazzjoni tiegħi tat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE, il-kriterju tan-neċessità jikkostitwixxi kriterju li jservi qabel xejn biex jeskludi kompetenza esterna tal-Unjoni fil-każijiet fejn l-azzjoni esterna tal-Unjoni ma tippermettix li jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat FUE.

103.

Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-emendi kontenzjużi jaqgħu taħt il-pjan tat-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE, fil-kuntest tal-politika tat-trasport.

104.

Il-kwistjoni li tqum issa hija dik dwar jekk l-Unjoni għandhiex kompetenza esterna meta r-rekwiżiti tat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE jkunu ssodisfatti jew jekk għandhomx ikunu ssodisfatti rekwiżiti oħra. L-Unjoni jkollha allura kompetenza esterna mingħajr ma tkun meħtieġa l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni interna minn qabel?

105.

Fil-fehma tiegħi, iva.

106.

Il-formulazzjoni tat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE, li tfakkar lil dak li jkun b’mod ċar f’dik tal-Artikolu 352(1) TFUE ( 67 ), ħaġa li tista’ ssib spjegazzjoni fil-fatt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona “f’ċertu sens […] ittrasponiet għall-qasam tal-kompetenzi esterni [tal-Unjoni] l-loġika li fuqha huwa bbażat l-Artikolu [352 TFUE]” ( 68 ), hija ċara u ma tħalli ebda dubju. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-għanijiet msemmija mit-Trattati, fil-kuntest tal-politiki tal-Unjoni ( 69 ). Ebda leġiżlazzjoni interna preċedenti ma hija meħtieġa. Fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, huwa biss fl-istadju tal-klassifikazzjoni tal-kompetenza esterna [stabbilita bis-saħħa tal-Artikolu 216(1) TFUE] li tqum il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni interna msemmija fit-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE ( 70 ), u, anki hemm, ma hijiex meħtieġa leġiżlazzjoni interna minn qabel ( 71 ).

107.

Barra minn hekk, ebda rekwiżit li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni interna minn qabel ma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kull darba li qamet il-kwistjoni ta’ leġiżlazzjoni interna minn qabel, ma kienx biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetenza esterna, iżda l-klassifikazzjoni ta’ kompetenza esterna bħala kompetenza esterna esklużiva jew le ( 72 ).

108.

Barra minn hekk, mis-sentenza Kramer et ( 73 ) jirriżulta li s-sempliċi eżistenza ta’ kompetenza interna timplika kompetenza esterna, anki jekk ma jkunux (għadhom) ġew adottati miżuri interni ( 74 ).

109.

Fl-Opinjoni 2/00 ( 75 ), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet dwar l-għażla tal-bażi legali xierqa tal-att li bih il-Kunsill ried jikkonkludi l-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-prevenzjoni tar-riskji bioteknoloġiċi. Din il-kwistjoni firdet lill-Kummissjoni, fuq naħa, u l-Kunsill u l-Istati Membri, fuq naħa oħra. Filwaqt li, fil-fehma tal-Kummissjoni, dan il-protokoll kien jaqa’ essenzjalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni skont l-Artikolu 207 TFUE, li hija kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, huwa kien jaqa’, skont il-Kunsill u l-Istati Membri, taħt il-politika tal-ambjent skont l-Artikolu 192(1) TFUE, li hija kompetenza (ukoll) esterna, imma kondiviża.

110.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjoni tal-Protokoll ta’ Cartagena, f’isem l-Unjoni, kellu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda li tkun speċifika għall-politika tal-ambjent, jiġifieri l-Artikolu 192(1) TFUE ( 76 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid, filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza AETR ( 77 ): li “għandu jiġi eżaminat ukoll jekk [l-Unjoni] għandhiex, abbażi ta’ l-Artikolu [192 TFUE], kompetenza esklużiva [ ( 78 )] sabiex tikkonkludi l-Protokoll minħabba l-eżistenza ta’ atti tad-dritt sekondarju adottati fil-kuntest [tal-Union], li jkopru l-qasam tal-biosigurtà u li jistgħu jkunu affettwati fil-każ li l-Istati Membri jipparteċipaw fil-proċedura għall-konklużjoni ta’ l-imsemmi protokoll” ( 79 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’dak il-każ, l-armonizzazzjoni mwettqa fuq livell intern, fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Protokoll ta’ Cartagena, tkopri tali qasam biss b’mod parzjali ħafna u kkonkludiet li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kellhom kompetenza kondiviża biex jikkonkludu l-Protokoll ( 80 ).

111.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ kompetenza, qabel ma daret fuq il-kwistjoni tal-esklużività tal-istess kompetenza. Kien biss fit-tieni fażi li hija eżaminat l-eżistenza ta’ atti tad-dritt sekondarju. Għaldaqstant, mill-Opinjoni 2/00 ( 81 ) jirriżulta li l-eżistenza ta’ kompetenza esterna kondiviża hija indipendenti mill-eżistenza ta’ atti tad-dritt sekondarju u, għalhekk, mill-eżerċizzju ta’ kompetenza interna.

112.

Sussegwentement, mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza ( 82 ) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda ( 83 ) jirriżulta li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali anki jekk il-materji speċifiċi koperti minn dawn il-ftehimiet ma jkunux għadhom jew ikunu biss parzjalment is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni fuq livell tal-Unjoni, leġiżlazzjoni li, minħabba dan il-fatt, ma hijiex suxxettibbli li tkun affettwata.

113.

Dawk it-tliet kawżi ( 84 ) kienu jikkonċernaw il-kompetenza esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kompetenza li hija kondiviża. Il-fatt li l-kwistjoni kienet tirrigwarda kompetenza esterna espliċita abbażi tal-Artikolu 192 u tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE ( 85 ) u mhux, bħal fil-każ tal-Artikolu 91 TFUE, moqri flimkien mat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE, kompetenza esterna impliċita, ma jbiddel xejn mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti, u dan b’kuntrast ma’ dak li tafferma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Kompetenza impliċita ma hijiex inqas valida minn kompetenza espliċita.

114.

Barra minn hekk, jien konxju sew tal-fatt li l-kuntesti tal-kawżi li wasslu għall-imsemmija sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza u Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda kienu differenti minn dak ta’ din il-kawża, inkwantu kienu jirrigwardaw, qabel xejn, l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kompetenza tagħha stess biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat u biex tieħu konjizzjoni ta’ kawża li tirrigwarda l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, dan ma jbiddel xejn mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi. Il-kuntest jista’ jkun differenti, imma d-dritt ma huwiex. Dawk iż-żewġ kawżi kienu jirrigwardaw il-kompetenza esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kompetenzi li, bħala prinċipju, hija kondiviża.

115.

Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Franza u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda jistgħu għaldaqstant jiġu trasposti għal din il-kawża ( 86 ).

2) Fuq l-obbligi l-oħra tal-Kunsill

116.

L-interpretazzjoni li nipproponi għat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE ma tfissirx li l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali bla limiti.

117.

Fl-ewwel lok, dawn huma suġġetti għall-obbligu li jipprovdu motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE. Ser nidħol f’iktar dettall fuq dan il-punt fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

118.

Fit-tieni lok, fl-eventwalità fejn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw kompetenza kondiviża, huma għandhom jikkonformaw ruħhom mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE. Dan il-prinċipju japplika għall-eżerċizzju ta’ kull kompetenza kondiviża, kemm jekk interna jew esterna ( 87 ).

c)   Konklużjoni

119.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Unjoni għandha kompetenza esterna skont id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 91 u tat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE. Iktar qabel ikkonstatajt li, fil-kuntest tal-politiki tal-Unjoni, il-miżuri inkwistjoni jaqgħu taħt it-twettiq tal-għanijiet imsemmija mit-Trattati. Il-Kunsill eżerċita din il-kompetenza. Minn dan isegwi li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għadhiex tista’ teżerċita l-kompetenza kondiviża tagħha.

120.

Konsegwentement, il-Kunsill ma kisirx il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE u l-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

121.

L-eżami tal-ewwel motiv għandu jieqaf hawn peress li jiena qiegħed nipproponi li jiġi miċħud. Madankollu ser inkompli bl-analiżi tiegħi fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq analiżi dwar jekk, f’dan il-każ, l-Unjoni għandhiex ukoll kompetenza esterna esklużiva.

4.   Eżistenza ta’ kompetenza esterna esklużiva?

a)   Fuq it-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE

122.

Għandu jiġi eżaminat jekk l-Unjoni għandhiex kompetenza esterna esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

123.

Fin-nuqqas ta’ klawżola korrispondenti f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, l-ewwel ipoteżi msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE għandha tiġi direttament skartata.

124.

L-istess japplika għat-tieni ipoteżi msemmija f’dan l-artikolu, li, fil-fehma tiegħi, ma japplikax peress li minn imkien mill-proċess ma jirriżulta li l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kunsill hija “meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha”. Għaldaqstant, hawnhekk, ma għandniex l-“ipoteżi Opinjoni 1/76 ( 88 )”.

125.

Għaldaqstant, tibqa’ t-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE.

126.

Il-kwistjoni li tqum hija s-segwenti: kif għandhom jiġu interpretati l-kliem “sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu [jiġifieri ta’ ftehim internazzjonali] tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom” li jinsabu fl-Artikolu 3(2) TFUE?

127.

Dawn il-kliem jikkorrispondu għal dawk li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 22 tas-sentenza AETR ( 89 ), iddefinixxiet in-natura tal-impenji internazzjonali li l-Istati Membri huma preklużi milli jikkonkludu barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta r-regoli komuni tal-Unjoni jkunu adottati għar-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat FUE ( 90 ). Dawn il-kliem għandhom, konsegwentement, jiġu interpretati fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza AETR u fil-ġurisprudenza li ħarġet minn dik is-sentenza ( 91 ).

128.

Għaldaqstant, kif għandhom jiġu interpretati l-kliem “tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”?

129.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE timplika li l-qasam kopert mill-ftehim internazzjonali irid ikun diġà s-suġġett ta’ regoli tal-Unjoni. Jekk ma jkunux jeżistu regoli bħal dawn, ikun diffiċli li wieħed jimmaġina kif il-konklużjoni ta’ ftehim simili jista’ jolqot ir-regoli tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom ( 92 ). Ir-“regoli komuni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huma, fil-fehma tiegħi, bilfors dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u mhux, ukoll, dispożizzjonijiet tat-Trattati, għas-sempliċi raġuni li dawn il-kliem huma intiżi, b’mod ġenerali, li jikkodifikaw il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza AETR ( 93 ).

130.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju li r-regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati minn impenji internazzjonali, jew li tinbidel il-portata ta’ dawn ir-regoli, li jkun tali li jiġġustifika kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-qasam tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli ( 94 ). Il-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma tippreżupponix li l-qasam kopert bl-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu jaqblu kompletament ( 95 ). Il-portata tar-regoli komuni tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula minn tali impenji anki meta dawn tal-aħħar ikunu jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli ( 96 ).

131.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat barra minn hekk li l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni, speċjalment ta’ natura esklużiva, għandha tkun ibbażata fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi konkreta u globali tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. Din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma koperti, rispettivament, mir-regoli tal-Unjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, l-iżvilupp prevedibbli tagħhom fil-ġejjieni, kif ukoll in-natura u l-kontenut ta’ dawn ir-regoli u dispożizzjonijiet, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema li huma jistabbilixxu ( 97 ).

132.

Din il-kawża għandha tiġi analizzata fid-dawl ta’ dawn l-elementi.

133.

L-emendi kontenzjużi jirrigwardaw il-qasam tad-dritt kuntrattwali privat tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija u ta’ persuni. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan il-qasam għadu ma kienx is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

134.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill ma kkontestax l-assenza ta’ leġiżlazzjoni kompleta u koerenti tal-Unjoni fid-dritt privat fil-qasam tat-trasport. Huwa jsostni, madankollu, li l-emendi kontenzjużi jistgħu jippreġudikaw dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, li jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom fl-“Anness III” ( 98 ) tad-Deċiżjoni 2013/103 u, għaldaqstant, li huma jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

b)   Punt 5: reviżjoni parzjali tal-Appendiċi B (CIM)

135.

Il-proposti ta’ emenda tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 6a tal-Appendiċi B (CIM) jipprevedu l-introduzzjoni ta’ nota ta’ konsenja elettronika.

1) L-argumenti tal-partijiet

136.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li ebda dispożizzjoni ma teżisti f’dan ir-rigward fid-dritt ta-Unjoni fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tista’ tkun affettwata bl-emenda tal-Appendiċi B (CIM). Effett indirett ta’ din l-emenda fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam doganali jew veterinarju, li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, ma huwiex biżżejjed biex juri effett fuq id-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 2 tal-Appendiċi B (CIM), li minnu jirriżulta li r-rekwiżiti tad-dritt doganali u dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali jibqgħu intatti, jeskludi kull effett indirett fuq id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar dawn l-oqsma. Barra minn hekk, l-emenda inkwistjoni ma taffettwax id-dritt tal-partijiet li jiftiehmu li jużaw in-nota ta’ konsenja stampata.

137.

Il-Kunsill isostni li l-introduzzjoni tan-nota ta’ konsenja elettronika jkollha effett fuq il-proċedura ssemplifikata għat-tranżitu doganali bil-ferrovija, imsemmija fl-Artikoli 414 u 419 tar-Regolament Nru 2454/93 u, b’mod iktar partikolari, fuq il-formalitajiet previsti fl-Artikolu 412 sal-Artikolu 416(1) u fl-Artikolu 419(1) u (2) ta’ dan ir-regolament kif ukoll fl-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2913/93. Fil-fatt, l-użu ta’ nota ta’ konsenja elettronika tinvolvi l-impossibbiltà li tintgħażel proċedura doganali ssemplifikata u, konsegwentement, tgħabbi b’mod sinjifikattiv il-kontrolli doganali. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ din in-nota ta’ konsenja jkollha effett ukoll fuq il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali u fitosanitarja, jiġifieri fuq id-Direttiva 97/78/KE ( 99 ), fuq id-Direttiva 2000/29/KE ( 100 ), kif ukoll fuq ir-Regolament Nru 136/2004, li jipprovdu bħala regola ġenerali l-użu ta’ dokumenti stampati għad-dokumenti ta’ akkumpanjament. Barra minn hekk, il-ġenesi tal-Artikolu 6(7) tal-Appendiċi B (CIM) juri wkoll l-interazzjoni diretta bejn in-nota ta’ konsenja CIM u l-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-emenda tal-Artikolu 6 u l-introduzzjoni tal-Artikolu 6a fl-Appendiċi B (CIM) jistgħu jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

138.

Skont il-Kunsill, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn issostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tat-trasport msemmija fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 2013/103 ma humiex affettwati ma jistax jirnexxi. Minbarra li dan l-anness ma fihx lista eżawrjenti tal-atti tal-Unjoni li jirrigwardaw is-suġġetti li tittratta l-COTIF, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teżiġix li r-regoli tal-Unjoni li jkunu fir-riskju li jiġu ppreġudikati jridu jkunu jinsabu fi strument uniku tal-Unjoni.

139.

Għaldaqstant, il-Kunsill isostni li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-emendi proposti għall-Appendiċi B (CIM).

2) Evalwazzjoni

140.

Abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni u li tinterpreta l-Artikolu 3(2) TFUE, jien ma narax kif, f’dan il-każ, l-emendi proposti għall-Appendiċi B (CIM) “[jistgħu jolqtu] xi regoli komuni jew [ibiddlu] il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

141.

L-Appendiċi B (CIM) jikkonċerna l-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bil-ferrovija (CIM), jiġifieri l-kuntratt bejn kunsinnatur ta’ merkanzija u trasportatur bil-ferrovija. Tali kuntratt għandu jkun stabbilit fuq “nota ta’ konsenja” skont mudell uniformi, li jakkumpanja kull kunsinna. In-nota ta’ konsenja jkun fiha b’mod partikolari l-informazzjoni ddettaljata fuq il-vjaġġ u fuq il-merkanzija mibgħuta. Fil-proċedura doganali tal-Unjoni, in-nota ta’ konsenja tissostitwixxi d-dikjarazzjoni ta’ tranżitu li hija normalment meħtieġa għall-merkanzija kollha fi tranżitu Komunitarju ( 101 ). Għalkemm ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali jsemmi espliċitament in-nota ta’ konsenja CIM, din is-semplifikazzjoni, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mingħajr ebda kontestazzjoni mill-Kunsill, tapplika, fil-prattika ( 102 ) wkoll għan-noti ta’ konsenja rregolati minn konvenzjonijiet internazzjonali oħra.

142.

L-emenda proposta hija intiża li tintroduċi Artikolu 6a ġdid fl-Appendiċi B (CIM) li għandu bħala suġġett li jiddefinixxi, fost oħrajn, ir-rekwiżiti applikabbli għan-noti ta’ konsenja elettroniċi. Diġà fil-preżent, skont l-Artikolu 6(9) tal-Appendiċi B (CIM), “[i]n-nota ta’ konsenja, inkluż id-duplikat tagħha, tista’ ssir fil-forma ta’ reġistrazzjoni elettronika tad-data, li tista’ tiġi ttrasformata f’sinjali miktuba li jistgħu jinqraw” ( 103 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, teżisti l-possibbiltà li tintuża nota ta’ konsenja fil-forma elettronika, anki jekk ebda standard ma huwa speċifikat. Il-Regolament Nru 2913/92 jibqa’ sieket fir-rigward tal-użu ta’ din in-nota elettronika. Huwa biss l-Artikolu 233(4) ta’ dan ir-regolament li jittratta l-kwistjoni tad-“dokumenti elettroniċi” b’mod ġenerali. Din id-dispożizzjoni tipprovdi biss li, bħala prinċipju, l-użu ta’ dokumenti elettroniċi għandha tkun possibbli. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tirreferi bl-ebda mod għal kwalunkwe forma tan-nota ta’ konsenja.

143.

L-emenda proposta permezz tal-introduzzjoni tal-Artikolu 6a tal-Appendiċi B (CIM), jiġifieri r-rekwiżit ta’ forma elettronika bħala r-regola għal nota ta’ konsenja b’forma elettronika, ma għandux effetti diretti fuq l-iżvolġiment tal-proċedura doganali. Għalkemm il-Kunsill jinvoka f’dan ir-rigward li n-noti elettroniċi, fl-istadju attwali tad-dritt tal-Unjoni, mhux ser jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti, għandu jiġi kkonstatat li huwa biżżejjed li d-dokument elettroniku jiġi stampat sabiex ikun konformi mal-proċedura doganali.

144.

Għaldaqstant, ma jistax tkun involuta kompetenza esklużiva.

c)   Punti 4 u 7: reviżjoni parzjali tal-COTIF – konvenzjoni bażika u tal-Appendiċi D (CUV)

145.

L-Appendiċi D (CUV), jiġifieri r-regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratti għall-użu ta’ ferroviji (CUV), għandu bħala suġġett, b’mod partikolari, li jistabbilixxi r-responsabbiltà f’każ ta’ telf jew ħsara ta’ vettura jew f’każ ta’ danni kkawżati minnha. L-emenda proposta tikkonċerna d-definizzjoni ta’ “detentur” ta’ vettura fis-sens tal-COTIF.

1) L-argumenti tal-partijiet

146.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ebda dispożizzjoni tal-Unjoni ma teżisti attwalment f’dan il-qasam. L-unika att tal-Unjoni li għalih jagħmel riferiment il-Kunsill fir-rigward ta’ waħda mill-ħames emendi kkonċernati, jiġifieri d-Direttiva 2008/110, jittratta biss kwistjonijiet ta’ dritt pubbliku li jaqgħu taħt is-sigurtà ferrovjarja. Għaldaqstant, għalkemm il-kelma “detentur” tintuża kemm fid-Direttiva 2008/110 kif ukoll fl-Appendiċi D (CUV), hija tirreferi għal kuntest regolatorju differenti fiż-żewġ każijiet. Filwaqt li d-Direttiva 2008/110 tirregola l-obbligi ta’ dritt pubbliku tal-impriża ferrovjarja u l-kompetenzi tal-awtoritajiet, l-Appendiċi D (CUV) jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali fil-każ ta’ telf ta’ vettura ferrovjarja jew ta’ danni kkawżati minn tali vettura. Din hija r-raġuni għaliex id-definizzjoni tal-kelma “detentur” li tinsab fl-emendi kkonċernati tinvolvi, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, differenzi fir-rigward tad-definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni.

147.

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jenfasizza r-rabtiet stretti bejn id-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi D (CUV) u d-dritt tal-Unjoni. Kif jirriżulta, fil-fatt, mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2008/110, l-emendi preċedenti għal dak l-appendiċi għal dak li jikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi tad-detenturi diġà wasslu, fil-passat, għal emendi tad-Direttiva 2004/49. Il-proposti ta’ emenda preżenti huma intiżi, min-naħa, sabiex iqarrbu d-definizzjoni tal-kelma “detentur” li tinsab fl-Appendiċi D (CUV) ma’ dik li tinsab fid-Direttiva 2008/110. Min-naħa l-oħra, huma intiżi li jimponu fuq id-detentur l-obbligu li jaħtar entità responsabbli mill-manutenzjoni (“ERM”) waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt għall-użu u sabiex jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-detentur u l-ERM, suġġetti li kienu diġà s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ddettaljata fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri fid-Direttiva 2008/110 u fir-Regolament (UE) Nru 445/2011 ( 104 ). Kieku l-kontenut kien differenti, dawn l-emendi setgħu jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u joħolqu diffikultajiet għall-applikazzjoni u setgħu wkoll jibgħatu messaġġ negattiv fuq livell estern.

148.

Għaldaqstant, il-Kunsill isostni li l-emendi proposti għall-Appendiċi D (CUV) jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

2) Evalwazzjoni

149.

Huwa ċar li l-emenda proposta għall-Artikolu 12 u għall-Appendiċi D (CUV) kienet intiża li tqarrab id-definizzjoni użata mill-COTIF għal dik użata mid-Direttiva 2004/49 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija Komunitarji. Din id-direttiva fiha dispożizzjoni li tgħid li d-detentur jista’ jkun ERM. Skont il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2008/110, id-definizzjoni tal-kelma “detentur”, fis-sens ta’ din id-direttiva trid tkun kemm jista’ jkun possibbli qrib dik użata mill-COTIF. Peress li d-definizzjonijiet ta’ l-istess kunċett li jinsabu f’att speċifiku tal-Unjoni, f’dan il-każ id-Direttiva 2008/110, u fil-COTIF huma ispirati minn xulxin, kull tibdil fid-definizzjoni inkwistjoni fil-COTIF jkollha riperkussjonijiet diretti fuq dak l-att speċifiku u jista’, għaldaqstant, jaffettwah.

150.

Konsegwentement, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva minħabba f’hekk.

d)   Punt 12: reviżjoni parzjali tal-Appendiċi E (CUI)

1) L-argumenti tal-partijiet

151.

Fir-rigward tal-emendi proposti għall-Appendiċi E (CUI), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li dawn jirrigwardaw esklużivament kwistjonijiet ta’ dritt privat dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali jew jaqgħu taħt id-dritt privat f’materja ta’ użu tal-infrastruttura ferrovjarja. Ċertament, fil-qasam tal-infrastruttura ferrovjarja, l-Unjoni adottat ċerti atti, li jinsabu fl-Appendiċi mal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/103, bħalma huma d-Direttiva 2001/14 jew id-Direttiva 2004/49. Madankollu, dawn l-atti għandhom għanijiet li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku u, għaldaqstant, ma jirregolawx il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-Appendiċi E (CUI). B’kuntrast, id-Direttiva 2004/49 teskludi espliċitament il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt privat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 5a tal-Appendiċi E (CUI) jkollu bħala effett li jeskludi kull effett indirett tal-emendi kkonċernati fuq id-dritt tal-Unjoni li jaqa’ taħt id-dritt pubbliku.

152.

Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fuq l-emendi proposti għall-Appendiċi E (CUI), il-Kunsill isostni li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar l-użu ta’ infrastrutturi ma għandhomx jiġu kkunsidrati iżolament peress li huma jinterferixxu mad-dispożizzjonijiet tad-dritt ferrovjarju internazzjonali u Ewropew u, b’mod iktar preċiż, ma’ dawk tad-dritt pubbliku dwar is-sigurtà. Il-portata tar-responsabbiltà tal-maniġer għad-danni pekunjarji li jirriżultaw mid-danni mħallsa mit-trasportatur li joriġinaw mill-infrastruttura jistgħu eventwalment ikollhom l-effett li jbiddlu l-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà rregolati mid-dritt tal-Unjoni, minkejja l-klawżola li tirrigwarda d-dritt mhux affettwat li tinsab fl-Artikolu 5a tal-Appendiċi E (CUI). L-istess japplika għall-proposti ta’ emendi intiżi li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Appendiċi E (CUI) għat-trasport nazzjonali u sabiex joħolqu bażi legali għall-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-kuntratti għall-użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali ferrovjarju.

2) Evalwazzjoni

153.

L-Appendiċi E (CUI) jirregola l-kuntratti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (CUI) għall-iskopijiet ta’ trasport, inkluż il-forma u l-kundizzjonijiet qafas tal-kuntratt. L-emendi proposti mis-CIT, jinkludi l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CUI biex jinkludi l-operazzjonijiet domestiċi, l-introduzzjoni ta’ modalitajiet u kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali li jkunu vinkolanti u, fl-aħħar nett, l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsara li tista’ ssir.

154.

Artikolu wieħed biss tad-dritt tal-Unjoni jirreferi għall-ftehimiet bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura. Dan huwa l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2012/34/UE ( 105 ), li jipprovdi li dawn il-ftehimiet għandhom ikunu nondiskriminatorji u trasparenti.

155.

Dan ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika kompetenza esklużiva.

B. Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE

156.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li l-Kunsill ma uriex li l-punti li huma s-suġġett tal-pożizzjoni tal-Unjoni kienu jikkonċernaw qasam li l-parti l-kbira tiegħu kien diġà rregolat mid-dritt tal-Unjoni.

1.   L-argumenti tal-partijiet

157.

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi hija partikolarment importanti fil-każ ta’ ftehimiet imħallta, sabiex jiġu ddeterminati l-kompetenzi tad-diversi atturi fil-korpi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill ma semma ebda strument tad-dritt tal-Unjoni jew rrefera biss għal strumenti b’rabta mad-dritt pubbliku filwaqt li l-emendi proposti kienu jirrigwardaw biss id-dritt tat-trasport li jaqa’ taħt id-dritt ċivili. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kunsill ma indika la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fir-risposta tiegħu l-bażi legali li tiġġustifika kompetenza esterna ratione materiae tal-Unjoni. Hija żżid li għalkemm il-Kunsill semma fir-risposta tiegħu ċerti atti tal-Unjoni li jistgħu, fil-fehma tiegħu, ikunu affettwati kieku l-emendi kontenzjużi kellhom ikunu approvati, il-parti l-kbira ta’ dawk l-atti madankollu ma jissemmewx fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fid-Deċiżjoni 2013/103.

158.

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-motivazzjoni li tiġġustifika l-kompetenza tal-Unjoni toħroġ ċar mid-deċiżjoni kkontestata. Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li huma fir-riskju li jiġu ppreġudikati mill-emendi kontenzjużi huma indikati fl-imsemmija deċiżjoni. Il-fatt li, fil-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati huma irrilevanti ma jistax iqiegħed inkwistjoni n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, f’materja li taqa’, tal-inqas, taħt kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri, il-Kunsill issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu b’sempliċi riferiment għall-bażi legali tal-azzjoni tiegħu u b’deskrizzjoni tal-pożizzjoni tiegħu. Skont il-Kunsill, l-Artikolu 218(9) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ma kinitx neċessarja motivazzjoni supplimentari. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma humiex indikati fid-Deċiżjoni 2013/103 huwa, fil-fehma tal-Kunsill, irrilevanti.

2.   Evalwazzjoni

159.

Dan il-motiv huwa bbażat fuq l-argument imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, li jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħdu. Jekk, kif diġà esponejt, ma jkunx meħtieġ li l-qasam tal-emenda jkun fil-parti l-kbira tiegħu diġà rregolat fuq livell intern, ir-rekwiżiti dwar il-motivazzjoni jiġu konsegwentement imnaqqsa.

160.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom ikunu motivati u għandhom jirreferu għall-proposti, inizjattivi, rakkomandazzjonijiet, talbiet jew opinjonijiet previsti fit-Trattati.

161.

Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jimponi li l-atti kollha kkonċernati jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-istituzzjoni sabiex tadottahom, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha u li kemm l-Istati Membri kif ukoll it-terzi kkonċernati jkunu jafu l-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu applikaw it-Trattat FUE ( 106 ). L-obbligu li tiġi indikata l-bażi legali ta’ att taqa’ wkoll taħt dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ( 107 ). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha ( 108 ). Il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat, imma wkoll fil-kuntest tagħha u fid-dawl tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam inkwistjoni ( 109 ).

162.

Jekk l-Artikolu 218(9) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali proċedurali għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura li tkun trid tiġi segwita, mill-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni, biex jemendaw id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim li ma jaqax taħt il-qafas istituzzjonali ta’ dak il-ftehim, u peress li, kif osservajt f’dawn il-konklużjonijiet, din id-dispożizzjoni tippreżumi l-eżistenza ta’ kompetenza ratione materiae tal-Unjoni, huwa l-Kunsill allura li għandu l-obbligu li jindika, f’dik id-deċiżjoni, il-bażi legali materjali li fuqha hija bbażata l-kompetenza tal-Unjoni kif ukoll il-ġustifikazzjoni ta’ dik il-kompetenza. Huwa fil-fatt il-Kunsill li għandu jindika l-bażijiet legali materjali u proċedurali applikabbli ( 110 ). Dan l-obbligu joħroġ mill-Artikolu 296 TFUE ( 111 ).

163.

F’dan il-każ, il-Kunsill osserva dan l-obbligu. Huwa indika b’mod ċar il-bażi legali materjali applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 91(1) TFUE u mmotiva l-pożizzjoni tiegħu. Il-Kunsill immotiva wkoll punt b’punt ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ azzjoni tal-Unjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kunsill indika wkoll li l-proċedura applikabbli kienet dik tal-Artikolu 218(9) TFUE.

164.

Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill indika li jqis li teżisti mhux biss kompetenza (kondiviża) skont l-Artikolu 91(1) u skont it-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE, imma li l-kompetenza hija esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

165.

Issa, din l-aħħar dispożizzjoni imkien ma hija msemmija fil-motivazzjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, peress li l-Unjoni, ħlief għal punt partikolari, ma għandhiex kompetenza esklużiva, kien impossibbli li l-Kunsill jimmotiva li hija kellha tali kompetenza.

166.

Madankollu, l-assenza ta’ riferiment għall-Artikolu 3(2) TFUE huwa irrilevanti għal dan il-motiv, għaliex in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ kompetenza esklużiva (li ma teżistix) ma hijiex importanti għall-iskopijiet tal-Artikolu 296 TFUE.

167.

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE

1.   L-argumenti tal-partijiet

168.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jeżiġi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fuq id-delimitazzjoni tal-kompetenzi fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet bħala membri ta’ organizzazzjoni internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-att tal-Unjoni li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni jiġi adottat fil-ħin biex jippermettu lill-Istat Membru li jkun qed jikkontesta l-kompetenza tal-Unjoni jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja kmieni biżżejjed sabiex jikseb kjarifika tal-kwistjoni. Il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi wkoll li l-proċedura ta’ adozzjoni tkun organizzata b’mod li tippermetti lil Stat Membru li jkun qed jikkontesta l-att adottat jirrikorri għall-qrati tal-Unjoni sabiex jitlob sospensjoni tal-eżekuzzjoni qabel ma l-att inkwistjoni jipproduċi effetti irriversibbli.

169.

F’dan il-każ, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja semmiet ir-riżervi tagħha fir-rigward tal-kompetenzi tal-Unjoni immedjatament wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni, fil-5 ta’ Ġunju 2014, tal-proposta ta’ deċiżjoni, il-Kunsill stenna sal-24 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri lejliet il-ftuħ tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, u ħalla għaldaqstant inqas minn 24 siegħa lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Bil-mod kif aġixxa, il-Kunsill kiser kemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalkemm ma kienx għadu possibbli li jiġu kkunsidrati mill-ġdid l-atti adottati mill-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, il-bżonn tal-protezzjoni ġudizzjarja jkompli jeżisti, minħabba l-ftuħ, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ proċedura EU Pilot kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni ressqet l-ilment li hija kisret id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni li fiha l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE fil-kuntest tax-xogħol tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF tirriskja li tirriproduċi ruħha.

170.

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jidhirlu li osserva l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Fil-fatt, diversi laqgħat fil-korpi preparatorji tal-Kunsill kienu ddedikati sabiex jiddiskutu b’mod partikolari l-punti li fir-rigward tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet esprimiet dubji għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Unjoni. L-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li l-pożizzjoni tal-Unjoni kellha tiġi adottata malajr biżżejjed biex tippermettilha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni hija eċċessiva u mhux realistika. Il-Kunsill iżid li l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bdiet din il-proċedura juri preċiżament l-osservanza tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

171.

Barra minn hekk, il-Kunsill jirrileva li, fid-dawl tat-terminu li fih l-emendi kontenzjużi jidħlu fis-seħħ skont ir-regoli applikabbli tal-COTIF, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda effett irriversibbli tad-deċiżjoni kkontestata għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fi kwalunkwe każ, l-Unjoni, li għandha l-maġġoranza tal-voti fi ħdan l-OTIF, tista’ teżerċita ċerta influwenza fi ħdan din l-organizzazzjoni fil-każ li tkun trid tiġi adottata pożizzjoni ġdida tal-Unjoni jew pożizzjoni kkoordinata wara s-sentenza li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kunsill iżid li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, huwa jkun obbligat fi kwalunkwe każ, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE li jieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali eżekuzzjoni tkun, barra minn hekk, possibbli peress li l-Unjoni għandha l-imsemmija maġġoranza tal-voti fi ħdan l-OTIF.

2.   Evalwazzjoni

172.

Kif irrilevat il-Kummissjoni, ma teżistix prova tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tinfluwenza r-riżultat, u dan minħabba l-fehmiet tad-diversi Stati Membri tal-OTIF u l-modalitajiet rilevanti li jirrigwardaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi hija stess li l-maġġoranza tal-voti kienet favur l-adozzjoni tal-proposti, anki mingħajr il-vot tagħha. Fl-assenza ta’ rabta kawżali fis-sens imsemmi, ma tistax tqum, minn tal-inqas għal din ir-raġuni, il-kwistjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

173.

Għalhekk, it-tielet motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

VI. Fuq l-ispejjeż

174.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il-Kunsill għamel talba f’dan is-sens u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet.

175.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VII. Konklużjoni

176.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż, u

tiddikjara li r-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 1).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 5, p. 404).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 8, p. 227)

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU 2008, L 345, p. 62).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 4 p. 307), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 9, p. 221, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2913/92”).

( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2787/2000, tal-15 ta’ Diċembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 11, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”).

( 8 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2013. Dan ir-regolament, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2016, jissostitwixxi b’mod partikolari r-Regolament Nru 2913/92.

( 9 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Jannar 2004, li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 230).

( 10 ) Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (tfassil mill-ġdid) [(ĠU 2008, L 191, p. 1)]

( 11 ) Iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/49” (ĠU 2008, L 345, p. 62).

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ġunju 2014, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha (ĠU 2014, L 293, p. 26).

( 13 ) Ara wkoll l-Artikolu 17(1)(a) tal-COTIF

( 14 ) Ara wkoll l-Artikolu 218(3) TFUE.

( 15 ) Ara wkoll l-Artikolu 218(4) TFUE.

( 16 ) Ara wkoll l-Artikolu 218(5) TFUE.

( 17 ) Ara wkoll l-Artikolu 218(6) TFUE.

( 18 ) Ara l-Artikolu 218(6)(a) TFUE: assoċjazzjoni, adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz tal-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni, ftehim b’implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Unjoni u ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

( 19 ) Ara l-Artikolu 218(6)(b) TFUE.

( 20 ) U dan “immedjatament u kompletament”, ara l-Artikolu 218(10) TFUE.

( 21 ) Ara l-Artikolu 16(3) TUE.

( 22 ) Ara l-Artikolu 218(8) TFUE: l-unanimità hija meħtieġa meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, għall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika mal-Istati kandidati għall-adeżjoni u għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB.

( 23 ) Ara, pereżempju, Eeckhout, P., EU External Relations Law, It-2 ed., Oxford University Press, 2012, p. 209; Bungenberg, M., dans von der Groeben, H., Schwarze, J., u Hatje, A. (ed.), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Is-7 ed., Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikel 218 AEUV, punt 81, u Terhechte, J. Ph., fi Schwarze, J. (ed.), EU-Kommentar, It-3 ed., Nomos, Baden-Baden, 2012.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2114, nota ta’ qiegħ il-paġna 63).

( 25 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE.

( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑73/14, EU:C:2015:490, punti 71 sa 73). Ara wkoll Eeckhout, P., EU External Relations Law, It-2 ed., Oxford University Press, 2012, p. 208.

( 27 ) Għal ħarsa storika dettaljata ta’ din id-dispożizzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:289, punti 39 et seq).

( 28 ) Skont din id-dispożizzjoni, b’deroga mill-paragrafi 5, 6, u 9 tal-Artikolu 218 TFUE, il-Kunsill jista’, waqt il-konklużjoni ta’ ftehim, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f’isem l-Unjoni emendi għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jiġu adottati skont proċedura ssemplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista’ jorbot kundizzjonijiet speċifiċi ma’ din l-awtorizzazzjoni.

( 29 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/14, EU:C:2015:490, punt 67).

( 30 ) Fil-fatt, dawn kienu emendi żgħar u pjuttost tekniċi.

( 31 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, eskludiet l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE f’sitwazzjoni fejn kienet kwistjoni ta’ definizzjoni ta’ pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni quddiem istanza ġudizzjarja internazzjonali, ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/14, EU:C:2015:663, punti 6667).

( 32 ) F’dan ir-rigward, nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet iddettaljati ħafna tal-Avukat Ġenerali Sharpston fl-Opinjoni 2/15 [(Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), EU:C:2016:992, punti 54 sa 78].

( 33 ) Fil-fatt, dan il-prinċipju, li fuqu hija bbażata l-loġika stess tat-Trattati, ġie fformulat espliċitament bħala prinċipju li jirregola l-kompetenzi vertikali (dawk tal-Unjoni fil-konfront ta’ dawk tal-Istati Membri) bit-Trattat ta’ Maastricht biss (ara l-Artikolu 3b, li sar l-Artikolu 5 KE).

( 34 ) Ara Geiger, R., f’Geiger, R., Khan, D.‑E., u Kotzur, M. (ed.), European Union Treaties, C. H. Beck, Hart, Munich, Oxford, 2015, Article 216(1).

( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:441, punt 42). Ara wkoll, Cremona, M., “Defining competence in EU external relations : lessons from the Treaty reform process”, f’Dashwood, A., Maresceau, M., Law and practice of EU external relations – salient features of a changing landscape, Cambridge University Press, 2008, p. 34 sa 69, u b’mod parikolari p. 56.

( 36 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fl-Opinjoni 2/15 [(Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), EU:C:2016:992, punt 64].

( 37 ) Din hija sempliċi affermazzjoni tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi. Ara wkoll l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ stati terzi mal-konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Għandu jiġi enfasizzat li fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 216(1) TFUE, il-kliem “fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni” ma jirreferux biss għat-tieni ipoteżi, iżda wkoll għat-tielet u għar-raba’ ipoteżi. B’hekk, il-verżjoni Ġermaniża hija differenti, pereżempju – mingħajr ma hija lista eżawrjenti – mill-verżjoni Ingliża, Franċiża, Pollakka, Olandiża, Taljana, Spanjola, Portugiża, Daniża u Svediża. Din il-konstatazzjoni hija, madankollu, irrilevanti għal din il-kawża.

( 39 ) Ara l-Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar it-twaqqif ta’ Fond Ewropew għan-navigazzjoni interna), tas-26 ta’ April 1977 (EU:C:1977:63, punt 3); Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-ILO), tad-19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 7), u Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 115).

( 40 ) Ara l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal-15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, point 95).

( 41 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, iktar ’il quddiem is-“sentenza AETR, EU:C:1971:32, punti 1718).

( 42 ) Ara l-Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat-28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140, punt 24), u s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:59, punt 46).

( 43 ) Skont l-Artikolu 4(1) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6 TFUE.

( 44 ) Ara l-Artikolu 4(2) TFUE.

( 45 ) Ara l-Artikolu 4(2)(g) TFUE.

( 46 ) Ara wkoll Lenaerts, K., “Les répercussions des compétences de la Communauté européenne sur les compétences externes des États membres et la question de ‘préemption’”, f’Demaret, P. (ed.), Relations extérieures de la Communauté européenne et marché intérieur: aspects juridiques et fonctionnels, Bruges, 1986, p. 37 sa 62, u b’mod partikolari p. 67.

( 47 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1976, Kramer et (3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114, punt 39).

( 48 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑13/07, EU:C:2009:190, punt 76).

( 49 ) Din id-dispożizzjoni tista’ titqies bħala kodifikazzjoni tad-dritt applikabbli sal-lum. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑13/07, EU:C:2009:190, punt 76 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40).

( 50 ) Ara wkoll f’dan is-sens Mögele, R., f’Streinz, R. (ed.), EUV/AEUV (Kommentar), It-2 ed., C. H. Beck, Munich, 2012, Artikel 216 AEUV, punt 32.

( 51 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fl-Opinjoni 2/15 [(Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), EU:C:2016:992, punt 74].

( 52 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fl-Opinjoni 2/15 [(Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), EU:C:2016:992, punt 64]. Għandu jiżdied li d-duttrina taqbel fil-parti l-kbira ma’ dan l-approċċ. Ara, pereżempju, Eeckhout, P., EU External Relations Law, It-2 ed., Oxford University Press, 2012, p. 112; Hartley, T., The foundations of European Union law, It-8 ed., Oxford University Press, 2014, p. 186; Geiger, R., f’Geiger, R., Khan, D.‑E., u Kotzur, M., European Union Treaties, C. H. Beck, Hart, Munich, Oxford, 2015, Article 216 TFEU, punt 3; Lachmayer, K., von Förster, St., f’von der Groeben, H., Schwarze, J. u Hatje, A. (ed.), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Is-7 ed., Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikel 216 AEUV, punt 4; Mögele, R., fi Streinz, R. (ed.), EUV/AEUV (Kommentar), It-2 ed., C. H. Beck, Munich, 2012, Artikel 216 AEUV, punt 29.

( 53 ) F’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, ir-raba’ ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE tista’ paradossalment tidher li hija iktar restrittiva mit-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE. Dan ma huwiex il-każ fil-verżjoni Franċiża. Fi kwalunkwe każ, l-istess bħall-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fl-Opinjoni 2/15 [(Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), EU:C:2016:992, nota ta’ qiegħ il-paġna 26], jien ma nagħtix xi sinjifikat determinanti għal differenza eventwali fil-formulazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi.

( 54 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ stati terzi mal-konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 67 et seq).

( 55 ) Opinjoni (Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati), EU:C:2016:657, punt 119.

( 56 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fl-Opinjoni 3/15 [(Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati), EU:C:2016:657, punt 122].

( 57 ) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tammetti li l-“Unjoni tista’ eventwalment […] tadotta dispożizzjonijiet komuni”.

( 58 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971 (22/70, EU:C:1971:32).

( 59 ) ĠU 2016, C 202, p. 306.

( 60 ) Barra minn hekk, kif indikat iktar ’il fuq, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-Unjoni għandha kompetenza interna abbażi tal-Artikolu 91(1) TFUE. Għaldaqstant, qegħdin fil-fatt fil-kuntest tal-politika tat-trasport.

( 61 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑433/03, EU:C:2005:462, punt 41).

( 62 ) Skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-moviment liberu tas-servizzi, fil-qasam ta’ trasport, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-titolu li jirrigwarda t-trasport.

( 63 ) “[M]eħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill- objettivi stabbiliti mit-Trattati”.

( 64 ) U dan b’kuntrast mal-kriterji tan-neċessità msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE, dispożizzjoni li, infakkar, tittratta n-natura esklużiva tal-kompetenza.

( 65 ) Ara l-Artikolu 5(3) TUE.

( 66 ) Ara l-Artikolu 5(4) TUE.

( 67 ) Li jgħid li “[j]ekk tidher meħtieġa azzjoni ta’ l-Unjoni, fil-qafas tal-politika definita fit-Trattati, għall-kisba ta’ wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux stabbilew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa”.

( 68 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑466/98, EU:C:2002:63, punt 48).

( 69 ) Ara wkoll Schmalenbach, K., f’Calliess, Chr., Ruffert, M. (Ed.), EUV/AEUV, Il‑5 ed., C. H. Beck, Munich, 2016, Artikel 216 AEUV, punt 12; Schütze, R., European Union Law, Cambridge University Press, 2015, p. 272. Skont Hartley, T., The foundations of European Union law, It-8 ed, Oxford University Press, 2014, p. 186, il-formulazzjoni tat-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE hija wkoll “ibbażata” fuq dik tal-Artikolu 352 TFUE.

( 70 ) Jiġifieri “[m]eħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha”.

( 71 ) Ara wkoll f’dan is-sens Kadelbach, S., f’von der Groeben, H., Schwarze, J., u Hatje, A. (ed.), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Is-7 ed., Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikel 5 EUV, punt 24, u Hartley, T., The foundations of European Union law, It-8 ed., Oxford University Press, 2014, p. 180.

( 72 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, AETR (22/70, EU:C:1971:32, punt 31); Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar it-twaqqif ta’ Fond Ewropew għan-navigazzjoni interna), tas-26 ta’ April 1977 (EU:C:1977:63); Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO) tal-15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, punt 77), u sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑476/98, EU:C:2002:631, punt 89).

( 73 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1976 (3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114).

( 74 ) Ara wkoll Craig, P., De Burca, G., EU law, Is-6 ed., Oxford University Press, 2015, p. 80.

( 75 ) Opinjoni (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-prevenzjoni tar-riskji bioteknoloġiċi), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punti 44 sa 47).

( 76 ) Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-prevenzjoni tar-riskji bioteknoloġiċi), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punti 4244).

( 77 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971 (22/70, EU:C:1971:32).

( 78 ) Enfasi miżjud minni.

( 79 ) Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-prevenzjoni tar-riskji bioteknoloġiċi), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 45).

( 80 ) Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-prevenzjoni tar-riskji bioteknoloġiċi), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punti 4647).

( 81 ) Opinjoni (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-prevenzjoni tar-riskji bioteknoloġiċi), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664).

( 82 ) Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004 (C‑239/03, EU:C:2004:598, punt 30).

( 83 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006 (C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 95).

( 84 ) Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-prevenzjoni tar-riskji bioteknoloġiċi), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664); sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598), u tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345).

( 85 ) Ara wkoll l-ewwel ipoteżi msemmija fl-Artikolu 216(1) TFUE.

( 86 ) Is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 36), invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma tbiddel xejn minn dawn il-konstatazzjonijiet. Fil-fatt, f’dik il-kawża, kienet teżisti leġiżlazzjoni interna (ara l-punt 37 ta’ dik is-sentenza).

( 87 ) Ara wkoll f’dan is-sens Lorz, R. A., Meurers, V., f’von Arnauld, A. (ed.), Europäische Außenbeziehungen (Enzyklopädie Europarecht, Band 10), Nomos, Baden-Baden, 2014, § 2, punt 42; Kadelbach, S., f’von der Groeben, H., Schwarze, J., u Hatje, A. (ed.), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Is-7 ed., Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikel 5 EUV, punt 24; Roldán Barbero, J., “The relationship of the Member States’ International Agreements with the EU”, f’Eeckhout, P., Lopez-Escudero, M. (ed.), The European Union’s external action in times of crisis, Hart, Oxford, Portland (Oregon), 2014, p. 249 sa 269, u b’mod partikolari p. 266.

( 88 ) Opinjoni (Ftehim dwar it-twaqqif ta’ Fond Ewropew għan-navigazzjoni interna), tas-26 ta’ April 1977 (EU:C:1977:63).

( 89 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971 (22/70, EU:C:1971:32).

( 90 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 66).

( 91 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 67).

( 92 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:224, punt 89).

( 93 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971 (22/70, EU:C:1971:32). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:441, punti 111 sa 117), u tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:224, punt 96). Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 67).

( 94 ) Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, AETR (22/70, EU:C:1971:32, punt 30); tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑467/98, EU:C:2002:625, punt 82), u tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 68).

( 95 ) Ara l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 126), u s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 69).

( 96 ) Ara l-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-ILO), tad-19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 25); sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑467/98, EU:C:2002:625, punt 82); Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punti 120126), u s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 70).

( 97 ) Ara l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 124); sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 74), u Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ stati terzi għall-konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 74).

( 98 ) Nimmaġina li l-Kunsill qed jirreferi minflok għall-Appendiċi mal-Anness I.

( 99 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1997, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 247).

( 100 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2000, dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 258), kif irrettifikata fl-4 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, L 175, p. 126).

( 101 ) Ara l-Artikolu 413 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

( 102 ) Kif jirriżulta wkoll mil-linji gwida li jikkonċernaw l-esportazzjoni u l-ħruġ fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 648/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2010, adottati mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, ippubblikati mill-Kummissjoni bir-referenza “TAXUD/A3/0034/2010” fl-indirizz http://ec.europa.eu/ecip/documents/procedures/export_exit_guidelines_fr.pdf (ara l-parti B, punt 10.4). Evidentement, dan id-dokument ma huwiex legalment vinkolanti, iżda jiddeskrivi l-prattika sew.

( 103 ) L-istess dispożizzjoni tkompli hekk: “Il-proċeduri użati għar-reġistrazzjoni u t-trattament ta’ data għandhom ikunu ekwivalenti mill-aspett funzjonali, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-saħħa probatorja tal-ittra ta’ konsenja rrappreżentata minn dik id-data” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 104 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE), tal-10 ta’ Mejju 2011, dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 653/2007 (ĠU 2011, L 122, p. 22).

( 105 ) Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32).

( 106 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 107 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 108 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni (C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16).

( 109 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni (C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 110 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:249, punt 78).

( 111 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 37).