KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑196/16 u C‑197/16

Comune di Corridonia et (C‑196/16)

u

Aldo Alessandrini et (C‑197/16)

vs

Provincia di Macerata et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche, l-Italja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Impjanti tal-bijogass – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent wara l-kostruzzjoni tal-impjanti”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ċċarat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2011/92/UE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”) ( 2 ) tistax titwettaq wara li l-proġett inkwistjoni jkun diġà twettaq. Id-dubji fir-rigward ta’ dan l-approċċ jirriżultaw mill-fatt li din l-evalwazzjoni tista’ tissodisfa bis-sħiħ l-għanijiet tagħha biss qabel tingħata l-awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ proġett. Minkejja dan, tqum ukoll il-kwistjoni dwar liema alternattivi jeżistu għal evalwazzjoni a posteriori fil-każ ta’ tali żbalji proċedurali daqstant serji.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

2.

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) jipprevedi l-parteċipazzjoni pubblika f’deċiżjonijiet dwar attivitajiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Il-mument għal din il-parteċipazzjoni huwa rregolat fl-Artikolu 6(4):

“Kull parti għandha tipprovdi għal parteċipazzjoni pubblika fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva”.

B. Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-premessa 2 tad-Direttiva EEA tfakkar il-prinċipji bażiċi li hija bbażata fuqhom:

“Skont l-Artikolu 191 [TFUE], il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent hija msejsa fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġes għandu jħallas. Effetti fuq l-ambjent għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi tal-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”.

4.

L-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kunsens għall-iżvilupp” [awtorizzazzjoni] kif ġej:

“[…] id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.”

5.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA jirregola r-relazzjoni bejn l-awtorizzazzjoni u l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima [evalwazzjoni] rigward l-effetti tagħhom. […]”

6.

Ir-rekwiżiti fundamentali dwar il-kontenut tal-evalwazzjoni jirriżultaw mill-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA:

“L-istima [evalwazzjoni] dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

(b)

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

(c)

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

(d)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”

7.

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva EEA, l-iżviluppatur għandu jippreżenta l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni, filwaqt li l-Artikoli 6 u 7 jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-pubbliku.

8.

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva EEA, “[g]ħandhom jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens [awtorizzazzjoni] għall-iżvilupp”.

C. Id-dritt Taljan

9.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, id-dritt Taljan ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tirregola evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li titwettaq a posteriori, wara li jinbena l-impjant.

10.

Fir-rigward ta’ impjanti li diġà ġew awtorizzati, l-Artikolu 29(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 152/2006 jipprevedi biss li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ approvazzjoni meħuda mingħajr evalwazzjoni preċedenti tal-effetti fuq l-ambjent jistgħu jiġu annullati minħabba li jiksru l-liġi, kif ġara f’dan il-każ.

11.

Fil-każ li l-impjant jinbena mingħajr ma jkunu twettqu minn qabel il-fażijiet ta’ verifika tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew l-evalwazzjoni stess tal-effetti fuq l-ambjent, mill-Artikolu 29(4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 152/2006 jirriżulta li l-awtorità kompetenti, wara li tkun evalwat il-grad tad-danni ambjentali kkawżati u l-grad ta’ dawn id-danni anki wara l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, tordna l-waqfien tax-xogħlijiet u t-twaqqigħ u r-riabilitazzjoni tal-istat oriġinali taż-żona kif ukoll tas-sitwazzjoni ekoloġika bi spejjeż tal-persuna responsabbli jew ex officio jekk dan ma jikkonformax ma’ din l-ordni.

12.

Skont l-Artikolu 29(5) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 152/2006, “fil-każ ta’ annullament minn qorti ġenerali jew tal-irtirar, b’konsegwenza ta’ awtoeżami, tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-approvazzjoni li ngħataw wara t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew jekk tiġi annullata l-evalwazzjoni tal-kompattibbiltà mad-dispożizzjonijiet ambjentali […], il-kompetenzi previsti fl-Artikolu 4 jiġu eżerċitati biss wara li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-effetti fuq l-ambjent”.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

13.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna żewġ impjanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijogass permezz tad-dekompożizzjoni anerobika tal-bijomassa b’kapaċità nominali ta’ 999 kW ta’ kapaċità elettrika kull wieħed, li nbnew minn VBio1 Società Agricola S.r.l. (iktar ’il quddiem “VBio1) fil-muniċipalità ta’ Corridonia (Kawża C‑196/16) u minn VBio2 Società Agricola S.r.l. iktar ’il quddiem “VBio2”) fil-muniċipalità ta’ Loro Piceno (Kawża C‑197/16).

14.

Ir-reġjun tal-Marche awtorizza l-impjant f’Corridonia fil-5 ta’ Ġunju 2012, wara l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ Ottubru 2011, u l-impjant f’Loro Piceno fid-29 ta’ Ġunju 2012, wara l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ Diċembru 2011.

15.

L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-provinċja ta’ Macerata, li minkejja dan ma ddeċidietx dwarha, peress li, skont id-dritt tar-reġjun tal-Marche, tali evalwazzjoni ma kinitx meħtieġa għal impjanti ta’ dan id-daqs. Madankollu, din ir-regola tar-reġjun ġiet annullata iktar tard mill-qorti kostituzzjonali Taljana. Għaldaqstant, ir-rikorsi taż-żewġ muniċipalitajiet u rikorsi oħrajn kontra l-awtorizzazzjonijiet intlaqgħu. Iżda, qabel dan, VBio1 u VBio2 kienu diġà bnew l-impjanti rispettivi tagħhom u kienu bdew joperawhom.

16.

B’konsegwenza tar-revoka tal-awtorizzazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-provinċja ta’ Macerata l-ewwel nett ikkonstataw li l-effetti fuq l-ambjent taż-żewġ impjanti kellhom jiġu evalwati, u finalment, fis-7 ta’ Lulju 2014 (Corridonia) u fl-10 ta’ Frar 2015 (Loro Piceno), ħarġu evalwazzjonijiet pożittivi fir-rigward tal-kompatibbiltà taż-żewġ impjanti mad-dispożizzjonijiet ambjentali. Ir-rikorsi fil-kawża prinċipali huma ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar.

17.

Għaldaqstant, it-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (qorti amministrattiva tar-reġjun tal-Marche) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja:

“Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 191 TFUE u tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva EEA], huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li ssir verifika sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (u eventwalment li ssir tali evalwazzjoni tal-effetti) wara l-kostruzzjoni tal-impjant, meta l-awtorizzazzjoni tkun ġiet annullata mill-qorti nazzjonali għar-raġuni li l-proġett ma kienx is-suġġett ta’ verifika sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, peress li tali verifika kienet ġiet eskluża abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni?”

18.

Il-muniċipalitajiet ta’ Corridonia u Loro Piceno, kif ukoll Alessandrini et bħala rikorrenti, il-provinċja ta’ Macerata u r-reġjun tal-Marche bħala l-konvenuti, VBio1 u VBio2 bħala partijiet oħrajn fil-kawża, kif ukoll ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha ħlief Alessandrini et kienu preżenti waqt is-seduta tat-8 ta’ Marzu 2017.

IV. Analiżi ġuridika

19.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li ġiet ommessa bi żball, tistax titwettaq iktar tard, wara li l-impjanti kkonċernati nbnew fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni li ġiet ikkontestata b’suċċess iktar tard.

20.

L-ewwel nett ser nippreċiża s-suġġett tal-proċedura (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A), imbagħad ser niddiskuti r-regoli tad-Direttiva EEA li jikkonċernaw il-mument tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B) u, finalment, ser nindirizza l-konsegwenzi ta’ ommissjoni ta’ evalwazzjoni fil-każ ta’ proġetti li diġà twettqu (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima C).

A. Osservazzjoni preliminari

21.

Qabelxejn għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 191 TFUE ċċitat mill-qorti tar-rinviju ma jistax, meta jitqies waħdu, iservi bħala kriterju għall-evalwazzjoni ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri. Kif tosserva l-Kummissjoni b’mod korrett, din id-dispożizzjoni hija indirizzata lill-Unjoni. Madankollu, din tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju ( 4 ).

22.

F’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari ġustament tirreferi għad-Direttiva EEA fil-verżjoni tad-Direttiva 2011/92. Huwa minnu li l-ewwel applikazzjonijiet fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni rispettivi kienu diġà saru fl-4 ta’ Ottubru 2011 ( 5 ) u fis-16 ta’ Diċembru 2011 ( 6 ), filwaqt li d-Direttiva 2011/92 daħlet fis-seħħ biss fi Frar tal-2012. Madankollu, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida, b’mod partikolari fi proċeduri pendenti, tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha ( 7 ). Wieħed jista’ jidderoga minn dan biss b’mod eċċezzjonali, meta tali applikazzjoni twassal għal piżijiet sproporzjonati ( 8 ). Iżda hawnhekk ma hawn ebda raġuni għal tali deroga, peress li d-dispożizzjonijiet applikabbli preċedentement u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 essenzjalment huma identiċi ( 9 ). Għaldaqstant, l-awtorizzazzjonijiet taż-żewġ impjanti mogħtija f’ Ġunju 2012 għandhom jiġu evalwati skont id-Direttiva 2011/92.

23.

Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi dwar jekk l-impjanti tal-bijogass inkwistjoni fir-realtà kinux jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent jew skont liema kriterji dan kellu jiġi deċiż. Għaldaqstant, l-argument ta’ VBio1 u ta’ VBio2 dwar ir-regoli Taljani applikabbli llum il-ġurnata, li jeskludu obbligu ta’ evalwazzjoni, huwa ineffettiv. Għalhekk lanqas ma għandha tiġi eżaminata fid-dettall fil-proċedura preżenti l-kwistjoni dwar jekk din ir-regola l-ġdida, minħabba r-riskji ambjentali tal-impjanti tal-bijogass – pereżempju l-perikolu ta’ splużjoni, emissjonijiet tal-metan u formaldehyde jew inputs tan-nitrat minħabba l-użu ta’ fermentazzjoni għall-fertilizzazzjoni – hijiex kompatibbli mad-Direttiva EEA.

B. Fuq il-mument tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

24.

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, inter alia, fuq il-parteċipazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 1(2)(c) din għandha ssir qabel tingħata l-awtorizzazzjoni li tiġġustifika d-dritt għat-twettiq tal-proġett.

25.

Barra minn hekk, skont il-premessa 2 tad-Direttiva EEA, l-effetti fuq l-ambjent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi tal-ippjanar tekniku u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kollha. Kif sostnut hemmhekk, dan huwa konformi mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva u mal-prinċipju li l-ħsara fuq l-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn, kif ukoll mal-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas, li skont l-Artikolu 191(2) TFUE huma kollha prinċipji tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tifhem dan fis-sens li l-għan tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jikkonsisti fl-evitar tal-piżijiet ambjentali minn qabel, minflok ma jiġu miġġielda l-effetti tagħhom biss sussegwentement ( 10 ).

26.

Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li hija trasposta permezz tad-Direttiva EEA ( 11 ). Il-parteċipazzjoni pubblika prevista hemmhekk f’deċiżjonijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, għandha ssir kmieni, fi żmien meta jkun għadhom miftuħa l-għażliet kollha u tkun tista’ ssir parteċipazzjoni pubblika effettiva ( 12 ). Din l-ispeċifikazzjoni turi l-għan tal-parteċipazzjoni kmieni: din tkun iktar effettiva meta tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun qed jitwettaq il-proġett. B’hekk, b’mod partikolari, din tista’ turi kif impjant għandu jinbena, mingħajr piż addizzjonali evitabbli, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi fuq l-ambjent.

27.

Iżda jekk l-impjant ikun diġà nbena, bħala regola, mhux l-għażliet kollha jkunu għadhom miftuħa. Il-modifika ta’ impjant eżistenti normalment tkun tiswa iktar milli kieku l-proġett ikun jinkorpora miżuri korrispondenti mill-bidu nett.

28.

Meta l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent titwettaq biss wara li jkun diġà nbena l-impjant, hija tista’ tkun effettiva biss sa fejn din jew tiżvela rekwiżiti ambjentali li neċessarjament ikunu jirrikjedu modifiki fl-impjant, jew tagħti lok għal modifika fid-deċiżjonijiet diskrezzjonali, jew inkella sa fejn tipprovdi indikazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-għażliet li jkun għad fadal b’mod favur l-ambjent.

29.

Jekk, għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni turi kif l-impjant seta’ jiġi ddisinjat aħjar sabiex jiġu mminimizzati l-effetti negattivi fuq l-ambjent, id-Direttiva EEA ma tirrikjedix l-impożizzjoni tal-modifiki korrispondenti fuq l-iżviluppatur. Fil-fatt, hija ma tinkludi ebda dispożizzjoni materjali dwar l-ibbilanċjar tal-effetti fuq l-ambjent ma’ fatturi oħra u lanqas ma tipprojbixxi l-implementazzjoni ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-ambjent ( 13 ).

30.

Barra minn hekk, id-diffikultajiet prattiċi fl-identifikazzjoni korretta tal-effetti fuq l-ambjent jimmilitaw kontra l-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent titwettaq wara l-kostruzzjoni tal-impjant. Dan għaliex dan l-impjant ikun diġà biddel il-kundizzjonijiet ambjentali lokali mingħajr ma dawn il-bidliet setgħu jiġu identifikati b’ċertezza minn qabel. Jekk pereżempju tkun inqerdet speċi protetta mhux skoperta, pereżempju friefet-il-lejl jew ċerti gremxul, ma huwiex iggarantit li wieħed ikun għadu jista’ jinduna b’dan iktar tard.

31.

Dawn in-nuqqasijiet prattiċi inevitabbli ta’ evalwazzjoni a posteriori l-iktar l-iktar jistgħu jiġu parzjalment ikkumpensati billi jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent tal-operat tal-impjant li jkunu jistgħu jiġu identifikati attwalment, filwaqt li evalwazzjoni korretta tkun sempliċiment bassrithom.

32.

Għaldaqstant għandu jiġi nnotat li l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett jridu jiġu evalwati b’mod definittiv qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni u li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent wara l-kostruzzjoni ta’ impjant ma tistax tissostitwixxi b’mod ekwivalenti l-ommissjoni oriġinali ta’ tali evalwazzjoni ( 14 ).

33.

Din il-konstatazzjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kawtelatorja f’tilwimiet dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent. Jekk ma tingħatax protezzjoni ġudizzjarja kawtelatorja, is-suċċess ta’ rikors ma jġibx miegħu rimedju effettiv. Ikun iktar u iktar ta’ dispjaċir jekk il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, kif isostnu VBio1 u VBio2, irrifjutaw effettivament is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni u b’hekk ippermettew il-kostruzzjoni prematura tal-impjanti.

C. Fuq il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ evalwazzjoni

34.

Iżda x’għandu jsir jekk, minkejja dan, jiġi rrikonoxxut biss wara li jitwettaq proġett li l-effetti tiegħu fuq l-ambjent kellhom jiġu evalwati? B’mod impliċitu, l-argumenti ta’ Corridonia u ta’ Loro Piceno kif ukoll ta’ Alessandrini et possibbilment huma bbażati fuq l-aspettattiva li l-proġetti inkwistjoni ma jistgħux jibqgħu jiġu awtorizzati u li l-impjanti għalhekk iridu jitneħħew.

35.

Għalkemm din il-konsegwenza legali hija mill-inqas teoretikament possibbli, bħala regola hija ma tistax tkun ikkunsidrata. Għalkemm huwa minnu li r-regolarizzazzjoni sħiħa tad-difett proċedurali wara t-twettiq tal-proġett ma tkunx għadha possibbli (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 1), ikun għadu possibbli li l-konsegwenzi ta’ dan id-difett jitnaqqsu ħafna (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2).

1.  Fuq ir-regolarizzazzjoni tad-difett proċedurali

36.

Għal dak li jikkonċerna r-regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-partijiet iddiskutew b’mod intensiv kif għandha tiġi interpretata sentenza mogħtija kontra l-Irlanda. Skont din is-sentenza, ir-regolarizzazzjoni ta’ attivitajiet jew ta’ atti li jiksru d-dritt tal-Unjoni hija permessa biss jekk il-partijiet ikkonċernati ma jingħataw l-ebda opportunità li jevadu d-dritt tal-Unjoni jew li ma japplikawhx, u jekk din ir-regolarizzazzjoni tibqa’ l-eċċezzjoni ( 15 ).

37.

Iżda l-partijiet ma ndunawx li l-Qorti tal-Ġustizzja iktar tard, b’riferiment għal din is-sentenza, iċċarat ir-rekwiżiti sabiex tiġi rregolarizzata l-parteċipazzjoni pubblika ommessa fil-kuntest tad-Direttiva IPPC ( 16 ). Skont din il-kjarifika, fil-mument tar-regolarizzazzjoni, l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jridu jkunu għadhom possibbli u r-regolarizzazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura trid tibqa’ tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jeżerċita influwenza reali fuq l-eżitu tal-proċess deċiżjonali ( 17 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

38.

Iżda, peress li wara li jkun twettaq proġett mhux l-għażliet kollha jkunu għadhom miftuħa u peress li, għalhekk, l-effettività tal-parteċipazzjoni pubblika tkun ristretta, f’dan il-mument l-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma tkunx tista’ tiġi rregolarizzata bis-sħiħ. Il-proġett għalhekk ma jistax jiġi ttrattat fil-futur daqslikieku ġie awtorizzat b’osservanza tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

2.  Fuq l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi tad-difett proċedurali

39.

Għaldaqstant, minkejja dan, għadu ma ġiex iċċarat b’mod eżawrjenti kif għandhom jiġu indirizzati l-konsegwenzi tad-difett proċedurali. F’dan ir-rigward inqis li huma meħtieġa miżuri prammatiċi, li madankollu ma għandhom jagħtu ebda inċentiva għall-evitar tad-Direttiva EEA.

40.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, huma obbligati jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Tali obbligu huwa impost fuq kull awtorità tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha. Għaldaqstant, huwa kompitu tal-awtoritajiet kompetenti li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri ġenerali jew speċjali kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk il-proġetti jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, b’hekk, fil-każ li dan ikun minnu, sabiex jiġu eżaminati dawn l-effetti. Jikkostitwixxu tali miżuri, pereżempju, l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni li tkun diġà ngħatat, bl-iskop li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni fis-sens tad-Direttiva EEA. Madankollu f’dan ir-rigward trid titqies l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 18 ).

41.

Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, fil-każ tal-irtirar jew tas-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni, bħal fil-kawża prinċipali, ikun meħtieġ li fl-ewwel lok jitwaqqaf l-operat tal-impjant inkwistjoni ( 19 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(2)(c) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, din l-awtorizzazzjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni għat-twettiq tal-proġett, jiġifieri wkoll għall-operat tiegħu. Dan l-approċċ barra minn hekk huwa konformi mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Kieku kienet neċessarja evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ikun dubjuż jekk l-awtorizzazzjoni kinitx tissodisfa l-istandards ambjentali kollha applikabbli mingħajr din l-evalwazzjoni. Ir-riskju tal-waqfien tal-operat barra minn hekk joħloq inċentiva qawwija sabiex wieħed josserva d-Direttiva EEA waqt l-awtorizzazzjoni ta’ tali proġetti.

42.

Meta, għall-kuntrarju, ikun eskluż l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni, minħabba li din tkun diġà saret definittiva, l-Istati Membri għandhom mill-inqas jieħdu inkunsiderazzjoni l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fl-istadju tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni ulterjuri relatata mal-proġett, u għandhom jiżguraw l-effett utli ta’ din id-direttiva billi jiżguraw li mill-inqas issir tali evalwazzjoni f’dan l-istadju ( 20 ).

43.

Min-naħa l-oħra, la l-aspettattivi leġittimi tal-iżviluppatur tal-proġett u lanqas iċ-ċertezza legali, li jinvokaw VBio1 u VBio2, ma jistgħu jkunu rilevanti fil-kawżi prinċipali.

44.

Sakemm awtorizzazzjoni ma tkunx definittiva, din ma tista’ tiġġustifika ebda aspettattiva leġittima. Jekk żviluppatur ta’ proġett iwettaq il-proġett tiegħu minkejja rikors ippreżentat kontra l-awtorizzazzjoni, huwa jġorr ir-riskju li l-awtorizzazzjoni iktar tard tinstab li tkun illegali. Jekk dan ma jkunx hekk, tiddaħħal fid-dubju l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ terzi, kif prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, fil-proċeduri ambjentali, fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

45.

Sa fejn l-aspettattiva tal-iżviluppatur tal-proġett tkun ibbażata fuq regoli nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni, l-iktar l-iktar wieħed jista’ jikkontempla kawża għall-kumpens għad-danni kontra l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli ( 21 ).

46.

Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan jipprekludi li l-obbligi għall-individwi jkunu bbażati fuq direttivi. Id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jiġġustifikaw biss drittijiet ta’ individwi. Konsegwentement, individwu ma jistax jinvoka direttiva kontra Stat Membru meta jkun involut obbligu tal-Istat li jkun marbut direttament mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ieħor impost, skont din id-direttiva, fuq terz. Min-naħa l-oħra, sempliċi effetti negattivi fuq id-drittijiet ta’ terzi, anki jekk ikunu ċerti, ma jiġġustifikawx li tiġi rrifjutata lil individwu l-opportunità li jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva kontra l-Istat Membru kkonċernat ( 22 ).

47.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jiżgura t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mill-awtoritajiet kompetenti ma huwiex direttament relatat mat-twettiq ta’ obbligu impost fuq l-iżviluppatur tal-proġett skont id-Direttiva EEA. Il-fatt li l-operat irid jitwaqqaf sakemm jinkisbu r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni huwa l-konsegwenza tal-fatt li dan l-Istat issodisfa l-obbligu tard. Iżda din il-konsegwenza ma tistax titqies bħala impożizzjoni indiretta ta’ obbligi permezz tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tal-iżviluppatur tal-proġett ( 23 ).

48.

Għaldaqstant huwa stabbilit li l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent trid tiġi rrimedjata iktar tard, sa fejn dan ikun għadu effettivament possibbli. Il-fatt li jkun twettaq il-proġett ikkonċernat, fil-kawżi preżenti l-kostruzzjoni tal-impjanti tal-bijogass, ma jistax jikkostitwixxi ostakolu għal dan.

49.

Tali evalwazzjoni a posteriori hija rilevanti wkoll minħabba li din dejjem tista’ twettaq, mill-inqas parzjalment, l-għanijiet tad-Direttiva EEA msemmija fil-punt 25.

50.

L-evalwazzjoni, b’mod partikolari, xorta għadha tista’ tidentifika ħafna effetti fuq l-ambjent tal-proġett, u possibbilment ukoll, f’ċerti każijiet, kollha kemm huma. Għalhekk hija tipprovdi l-bażi għall-eżami tal-ammissibbiltà tal-proġett. Jekk fil-fatt din turi li l-proġett jikser rekwiżiti legali imperattivi, dan irid jiġi adattat b’mod korrispondenti jew saħansitra jintemm. Il-fatt li l-proġett ikun diġà twettaq ma jistax ikun rilevanti għal din l-evalwazzjoni mill-ġdid ( 24 ), sabiex jiġi evitat kwalunkwe inċentiv li b’mod abbużiv proġett jitwettaq minn qabel, mingħajr evalwazzjoni ( 25 ).

51.

L-evalwazzjoni a posteriori hija ta’ importanza partikolari wkoll fir-rigward ta’ marġni ta’ diskrezzjoni eventwali li tingħata lill-awtorità ta’ awtorizzazzjoni. Dan peress li fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, din trid tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għalhekk, id-deċiżjonijiet diskrezzjonali fil-kuntest ta’ evalwazzjoni a posteriori għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-riżultati u, eventwalment, għandhom jiġu emendati. Minkejja dan, fil-każ ta’ tali deċiżjoni diskrezzjonali, anki d-drittijiet fundamentali tal-iżviluppatur tal-proġett għandhom ikunu rilevanti ( 26 ).

52.

Barra minn hekk, permezz ta’ din l-evalwazzjoni, il-pubbliku kkonċernat, l-awtoritajiet kompetenti u l-iżviluppatur jiġu informati dwar dawn l-effetti u r-riskji possibbli ( 27 ).

53.

L-eżempju ta’ impjanti tal-bijogass juri l-importanza ta’ tali informazzjoni tal-iżviluppatur. Meta tali impjanti, bħal ma jiġri ta’ spiss, jiġu operati bħala attività anċillari, il-persuni responsabbli mhux bilfors ikollhom diġà t-tagħlim speċifiku u l-esperjenza rilevanti f’dan il-qasam, li jippermettulhom jassumu li mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent se jkunu jistgħu jimminimizzaw l-effetti negattivi u r-riskji tal-impjant li jkunu involuti fl-operazzjoni ta’ kuljum.

54.

Dak li jkun jista’ jistaqsi wkoll jekk tistax tiġi rrimedjata wkoll iċ-ċirkustanza li, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, eventwalment mhux l-għażliet kollha tat-tnaqqis tal-effetti negattivi fuq l-ambjent setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod volontarju waqt it-tfassil tal-proġett. Tali rimedju ċertament ikun konformi mal-obbligu li jiġu eliminati l-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda, min-naħa l-oħra, id-Direttiva EEA ma tobbligax lill-iżviluppatur jiddisinja l-proġett tiegħu b’mod kemm jista’ jkun sostenibbli, anki meta titwettaq evalwazzjoni fil-ħin tal-effetti fuq l-ambjent.

55.

Finalment, f’din il-proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni tal-aħħar, minħabba li ma hemmx indikazzjonijiet li din hija rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali.

56.

Għaldaqstant, għalkemm huwa ammissibbli li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent titwettaq wara l-kostruzzjoni tal-impjant inkwistjoni, dan madankollu, b’kuntrast mar-regolarizzazzjoni sħiħa tad-difett proċedurali, ma jistax iwassal sabiex l-impjant u l-effetti tiegħu jitqiesu bħala awtorizzati b’mod leġittimu mingħajr ebda restrizzjoni. Minbarra r-riskju tal-għeluq tal-operat, li diġà ġie enfasizzat, l-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tiġġustifika wkoll azzjonijiet għal kumpens għal danni kontra l-awtorità ta’ awtorizzazzjoni u possibbilment ukoll għall-waqfien tad-disturbi, speċjalment meta l-funzjoni ta’ twissija tal-evalwazzjoni ( 28 ) ma setgħetx titwettaq (fil-ħin).

V. Konklużjoni

57.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Id-Direttiva 2011/92/UE dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 191 TFUE, tirrikjedi t-twettiq tal-proċedura ta’ verifika tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u eventwalment tal-evalwazzjoni stess qabel l-awtorizzazzjoni u t-twettiq tal-proġett inkwistjoni. Meta dan l-obbligu jinkiser, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu din il-proċedura a posteriori u għandhom jisiltu l-konsegwenzi mir-riżultati. Madankollu, il-proġett ma jistax jitqies bħallikieku ġie awtorizzat b’osservanza sħiħa tad-Direttiva 2011/92.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1). L-emendi permezz tad-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta‘ April 2014, (ĠU 2014 L 124, p. 1) għadhom ma humiex applikabbli fil-proċedura preżenti.

( 3 ) ĠU 2005, L 124, p. 4, adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).

( 4 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 46) u ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 39), kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 42).

( 5 ) Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ VBio1, punt 34.

( 6 ) Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ VBio2, punt 33.

( 7 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22).

( 8 ) Hekk nifhem is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punt 23), u l-ġurisprudenza bbażata fuqha.

( 9 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 26 sa 28).

( 10 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 58).

( 11 ) Premessa 11 tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).

( 12 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 88 sa 90), u tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 46).

( 13 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).

( 14 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 61).

( 15 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57).

( 16 ) Dik li kienet id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), issa parti mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010 L 334, p. 17).

( 17 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 90).

( 18 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 64, 6568), kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2016, ASA Abfall Service (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 46).

( 19 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 58).

( 20 ) Sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 37), u tas-17 ta’ Novembru 2016, ASA Abfall Service (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 44).

( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Grüne Liga Sachsen (C‑399/14, EU:C:2015:631, punt 65).

( 22 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 5657).

( 23 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 58).

( 24 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 77).

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Grüne Liga Sachsen (C‑399/14, EU:C:2015:631, punt 70).

( 26 ) Fuq id-distinzjoni bejn id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali tal-Istati Membri, ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126).

( 27 ) Ara, dwar l-informazzjoni għall-pubbliku kkonċernat, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punt 51).

( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punt 51).