SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Operat ta’ terminals tal-lotterija video — Għoti minn Stat Membru ta’ liċenzja esklużiva — Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat — Artikolu 108(3) TFUE — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikoli 4, 7, u 13 — Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Kunċett ta’ “diffikultajiet serji” — Data tal-evalwazzjoni — Artikolu 296 TFUE — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 41 tal-Karta — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 47 tal-Karta — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Artikolu 107(1) TFUE — Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ — Evalwazzjoni konġunta tal-miżuri nnotifikati”

Fil-Kawża C‑131/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2015,

Club Hotel Loutraki AE, stabbilita fi Loutraki (il-Greċja),

Vivere Entertainment AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

Theros International Gaming, Inc., stabbilita fi Patras (il-Greċja),

Elliniko Casino Kerkyras, stabbilita f’Ateni,

Casino Rodos, stabbilita fi Rhodes (il-Greċja),

Porto Carras AE, stabbilita f’Alimos (il-Greċja),

Kazino Aigaiou AE, stabbilita fi Syros (il-Greċja),

irrappreżentati minn I. Ioannidis, dikigoros, u S. Pappas, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u minn P.J. Laignelot, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Ellenika

Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou AE (OPAP), stabbilit f’Ateni, irrappreżentat minn A. Tomtsis, dikigoros, u M. Petite, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, A. Arabadjiev (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Club Hotel Loutraki AE, Vivere Entertainment AE, Theros International Gaming, Inc., Elliniko Casino Kerkyras, Casino Rodos, Porto Carras AE u Kazino Aigaiou AE jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Jannar 2015, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni (T‑58/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:1), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2012) 6777 finali, tat-3 ta’ Ottubru 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA 33988 (2011/N). – Il‑Greċja – Modalitajiet ta’ estensjoni tad-dritt esklużiv tal-Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou AE (OPAP) (korp li jbassar ir-riżultati tal-futbol) għat-tħaddim ta’ tlettax-il logħba tal-ażżard u l-għoti ta’ liċenzja esklużiva dwar it-tħaddim ta’ 35000 terminal tal-lotterija video għal perijodu ta’ għaxar snin (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien jipprovdi, fl-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq [intern], (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ “deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet”). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq [intern], għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [108(2) TFUE] (minn hawn ’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni”).

5.   Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta’ kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra. Dan il-perjodu jista’ jkun estiż bil-kunsens sew tal-Kummissjoni u sew ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiffissa limiti ta’ żmien iqsar.

[…]”

3

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni issib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru konċernat, id-dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura notifikata mas-suq [intern] jkunu tneħħew, għandha tiddeċiedi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq [intern] (minn hawn ’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni posittiva”). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit-Trattat kienet applikata.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni posittiva kondizzjonijiet li suġġett għalihom l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq [intern] u tista’ tpoġġi obbligi sabiex jawtorizzaw konformità mad-deċiżjoni li għandha tkun osservata (minn hawn ’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni kondizzjonali”).

5.   Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq [intern], għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni negattiva”).

6.   Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 għandhom jittieħdu malli jkunu tneħħew id-dubji msemmija fl-Artikolu 4(4). Il-Kummissjoni għandha tipprova kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni f’perjodu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

4

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni” jipprovdi, fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Seba’ każinò, proprjetarji ta’ liċenzja ta’ stabbiliment fil-Greċja, kienu joperaw, f’dan l-Istat Membru, logħob tal-ażżard fosthom is-slot machines.

6

Fl-1 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Griegi nnotifkaw lill-Kummissjoni Ewropea b’żewġ miżuri favur l-OPAP. L-ewwel miżura kienet tikkonċerna l-għoti lill-OPAP ta’ liċenzja esklużiva sabiex topera 35000 Terminali tal-Lotterija Video (iktar ’il quddiem it-“TLV”) għal perijodu ta’ għaxar snin li kien jiskadi fit-tmiem is-sena 2022, bil-korrispettiv ta’ ħlas ta’ ammont ta’ EUR 560 miljun (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TLV”). It-tieni miżura kienet tikkonsisti li jiġu estiżi b’għaxar snin, mill-2020 sa 2030, permezz ta’ addendum ma’ ftehim konkluż bejn l-Istat Grieg u l-OPAP fl-2000, drittijiet esklużivi diġà mogħtija lill-OPAP għall-operat ta’ tlettax-il logħoba tal-ażżard permezz ta’ kwalunkwe mezz (iktar ’il quddiem l-“addendum”).

7

L-appellanti, bl-eċċezzjoni ta’ Kazino Aigaiou, ressqu lment fl-4 ta’ April 2012 quddiem il-Kummissjoni, li fih sostnew li l-Ftehim TLV kien jimplika l-għoti lill-OPAP ta’ għajnuna mill-Istat li kienet inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fehma tagħhom, l-Istat Grieg seta’, kieku kien ta diversi liċenzji u wettaq sejħa għal offerti pubblika internazzjonali, jirċievi prezz ogħla minn dak tal-ammont ta’ EUR 560 miljun previst minn dan il-ftehim. Minbarra dan, il-benefiċċji miġbura mill-OPAP kienu jkunu ħafna inqas ogħla kieku kien aġixxa f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni libera.

8

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-Ftehim TLV u l-addendum ma setgħux jitqiesu bħala vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Minkejja li kienet evalwat dawn il-miżuri separatament, hija wettqet analiżi konġunta tagħhom sa fejn dawn ġew innotifikati konġuntament u kienu jirrigwardaw l-għoti simultanju ta’ drittijiet esklużivi għall-istess impriża għal attivitajiet simili, u dan fil-perspettiva tal-privatizzazzjoni mħabbra mill-OPAP għal żmien qasir.

9

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonstatat li, għalkemm l-ammont ta’ EUR 560 miljun dovut mill-OPAP kien sinjifikattivament inferjuri għall-valuri attwali nett tal-Ftehim TLV, l-ammont imħallas mill-OPAP bħala korrispettiv tal-addendum, li kien jinkludi l-imposta miġbura mill-Istat Grieg li kienet tikkorrispondi għal 5 % tad-dħul gross iġġenerat mil-logħob ikkonċernat bejn it-13 ta’ Ottubru 2020 u t-12 ta’ Ottubru 2030, kien, min-naħa l-oħra, ogħla mill-valur attwali nett tal-addendum.

10

Din l-istituzzjoni rrilevat ukoll li l-prezz żejjed imħallas mill-OPAP fil-kuntest tal-addendum madankollu ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit li, bħala medja, l-ammont ta’ EUR 560 miljun huwa ogħla jew ugwali għall-valur attwali nett tal-Ftehim TLV. Għalhekk ġie miftiehem, fil-kuntest ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi, li dawn tal-aħħar kellhom jimpenjaw ruħhom sabiex jistabbilixxu imposta addizzjonali fuq il-prodott gross tal-logħob iġġenerat mill-OPAP fil-kuntest tal-operat tat-TLV li kienet tiżdied mal-ammont inizjali ta’ EUR 560 miljun.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ftehimiet innotifikati ma kinux jagħtu vantaġġ lill-OPAP u li bħala konsegwenza ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2013, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

13

Insostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter sa fejn il-Kummissjoni ma fetħitx proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja li hija kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżuri nnotifikati. Permezz tat-tieni u tat-tielet motivi tagħhom, l-appellanti allegaw ksur tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, sa fejn il-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma żvelatx, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, id-data ekonomika essenzjali. Hija kienet ukoll kisret id-drittijiet tal-appellanti għal amministrazzjoni tajba u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kienet illegalment eżaminat iż-żewġ miżuri nnotifikati b’mod konġunt.

14

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti fl-intier tiegħu u kkundannathom għall-ispejjeż.

It-talbiet tal-partijiet

15

L‑appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lill-OPAP għall-ispejjeż.

16

Il‑Kummissjoni kif ukoll l-OPAP jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

li tiċħad l-appell, u

li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll fuq l‑Artikoli 4, 7 u 13 tar‑Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

17

L-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja talbiet adottati minn din tal-aħħar qabel l-impenn meħud, fis-7 ta’ Awwissu 2012, mill-awtoritajiet Griegi li jistabbilixxu imposta addizzjonali fuq il-prodott gross tal-logħob iġġenerat mill-OPAP, li kien jiżdied mal-ammont ta’ EUR 560 miljun previst fil-Ftehim TLV. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw, fl-ewwel lok, li s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija ristretta u li l-eżami preliminari ma għandux jinterferixxi ma’ din il-proċedura.

18

L-appellanti jsostnu, fit-tieni lok, li mill-Artikolu 108(2) u (3) TFUE kif ukoll mill-Artikoli 4, 7 u 13 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-eżami preliminari huwa evalwazzjoni prima facie tal-miżuri nnotifikati li jirriżultaw manifestament, skont dan l-eżami, li ma jikkostitwixxux għajnuna u lanqas għajnuna kompatibbli. Il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija intiża, fir-rigward tagħha, sabiex tevalwa miżuri li prima facie ma humiex kompatibbli mas-suq intern.

19

Skont l-appellanti, sa fejn, matul l-eżami preliminari u qabel in-negozjar tal-imposta addizzjonali, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-Ftehim TLV kien jagħti vantaġġ lill-OPAP, din kellha, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Għaldaqstant, billi ddeċidiet li tali obbligu f’dan il-każ ma kienx jaqa’ fuq il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi.

20

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma wettqitx eżami konġunt, l-ewwel nett, tal-frekwenza tal-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi, sussegwentement, tal-kontenut ta’ din tal-aħħar u, fl-aħħar nett, tat-tul tal-eżami preliminari. Issa, eżami konġunt ta’ dawn l-elementi kien jippermetti li tintwera l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet magħhom fl-analiżi tal-miżuri nnotifikati.

21

B’mod partikolari, dawn isostnu, l-ewwel nett, li t-teknikalità tal-kwistjonijiet imqajma mill-evalwazzjoni tal-miżuri nnotifikati, bħal dik imressqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata sabiex jiġi ġġustifikat li l-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi ma setgħetx titqies bħala partikolarment frekwenti jew intensa, ma hijiex kriterju xieraq, peress li l-evalwazzjoni kienet teknika f’kull sitwazzjoni, fid-dawl tan-natura tal-kriterju tal-investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq.

22

It-tieni nett, il-kalkoli kumplessi mwettqa matul l-eżami preliminari ma kinux ċari, peress li kienu jinvolvu diversi sensieli ta’ kalkoli repetuti u kienu wasslu għall-adozzjoni tal-imposta addizzjonali li kienet tbiddel il-miżuri inizjalment innotifikati. Il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi għalhekk ma kinitx purament informattiva jew spjegattiva.

23

It-tielet nett, it-tul ta’ għaxar xhur tal-eżami preliminari kien ikkonferma fih innifsu tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

24

Il-Kummissjoni u l-OPAP jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli fl-intier tiegħu, peress li l-appellanti sempliċement jirrepetu argument imressaq fl-ewwel istanza. Fir-rigward tiegħu, l-OPAP isostni li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli sa fejn l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tipproċedi għal evalwazzjoni tal-fatti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Fir-rigward tal-allegata inammissibbiltà tal-ewwel aggravju fl-intier tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-appellanti ma llimitawx ruħhom sabiex jirrepetu l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza, iżda jikkontestaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 47 sa 62 tas-sentenza appellata.

26

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul appell meta, jekk parti ma setgħetx tibbaża l-appell tagħha fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tiġi miċħuda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 45).

27

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument imqassar fil-punti 21 sa 23 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, hekk kif ġustament irrileva l-OPAP. Billi tali eżami ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu skartati bħala inammissibbli.

28

Barra minn hekk, jekk l-argument imressaq insostenn tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx eżami konġunt tal-elementi differenti kkritikati mill-appellanti, huwa ammissibbli, dan madankollu jwettaq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet, hekk kif jirriżulta mill-punti 60 sa 62 tas-sentenza appellata, eżami konġunt ta’ dawn l-elementi differenti.

29

Isegwi li t-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

30

F’dak li jikkonċerna l-fondatezza tal-argument imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita lilha nnifisha għall-fażi preliminari ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tadotta deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun fil-pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, fi tmiem l-ewwel eżami, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jkun wassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ukoll ma ppermettiex li jiġu solvuti d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u li tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Billi l‑kriterju ta’ diffikultajiet serji għandu natura oġġettiva, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fit-tmiem tal-eżami preliminari, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Isegwi li l-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

L-istess prinċipji japplikaw meta l-Kummissjoni żżomm xi dubji rigward il-klassifikazzjoni stess bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-miżura eżaminata (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 47).

34

Fid-dawl tal-konsegwenzi legali tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’dak li jikkonċerna miżuri kkunsidrati bħala għajnuna ġdida, meta l-Istat Membru kkonċernat jallega li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami suffiċjenti tal-kwistjoni abbażi tal-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilha f’dan l-istadju mill-imsemmi Stat, anki jekk dan l-eżami jwassal għal evalwazzjoni li ma tkunx definittiva. Fil-kuntest tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, u sabiex ma jinħoloqx dewmien fil-proċedura, min-naħa tiegħu huwa l-Istat Membru li jqis li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna, li għandu jipprovdi lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun, mill-mument li tiġbidlu l-attenzjoni dwar dawn il-miżuri, l-elementi li jimmotivaw din il-pożizzjoni. Jekk dawn l-elementi jippermettu li jitneħħew id-dubji fis-sens ta’ assenza ta’ elementi ta’ għajnuna fil-miżuri eżaminati, il-Kummissjoni ma tistax tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 48).

35

F’dan ir-rigward, konformement mal-iskop tal-Artikolu 108(3) TFUE, u fid-dmir ta’ amministrazzjoni tajba tagħha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li jkun innotifika jew ma’ terzi sabiex tegħleb, matul l-eżami preliminari, diffikultajiet li eventwalment iltaqgħet magħhom. Issa, din il-possibbiltà tippresupponi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-pożizzjoni tagħha skont riżultati tad-djalogu mibdi, mingħajr ma dan l-adattament għandu jiġi interpretat a priori bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 71).

36

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ legalment tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, deċiżjoni li permezz tagħha, filwaqt li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, tieħu att tal-impenji meħuda mill-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 72).

37

Minn dan kollu jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-fatt li l-Kummissjoni qieset, matul l-eżami preliminari u qabel in-negozjar tal-imposta addizzjonali, li l-Ftehim TLV li kien jagħti vantaġġ lill-OPAP bl-ebda mod ma kien ta’ natura li jobbligaha li tiftaħ, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, peress li d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom setgħu wkoll jiġu megħluba matul djalogu mal-Istat li jkun innotifika u b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, permezz ta’ impenji meħuda mill-Istat Grieg.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet legalment tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999 wara li ħadet att tal-impenn tal-awtoritajiet Griegi u qieset, fi tmiem eżami ddettaljat, li l-Kummissjoni ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji matul l-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri nnotifikati, ma wettqitx l-iżball ta’ liġi invokat mill-appellanti.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE mill-Kummissjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta

L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-assenza ta’ ċerta data fid-deċiżjoni kkontestata ma ppermettietx li jitqies li l-Kummissjoni kienet ivvizzjat id-deċiżjoni tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE jew kisret id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn isostnu li l-Kummissjoni naqset milli tiżvela, fid-deċiżjoni kkontestata, kważi d-data ekonomika kollha fit-tilwima, li kienet serviet bħala bażi għall-kalkoli mwettqa u kienet relatata mal-imposta addizzjonali. Konsegwentement, huma kienu ġew preklużi milli jsostnu żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma kinitx fil-pożizzjoni li tistħarreġ il-validità tad-data ekonomika kif ukoll l-eżattezza tal-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni.

41

B’mod partikolari, huma ma kinux fil-pożizzjoni li jivverifikaw jekk l-ammont imħallas mill-OPAP bħala korrispettiv tal-miżuri nnotifikati kienx jikkorrispondi mal-prezz l-iktar għoli li investitur privat li jaġixxi f’kundizzjonjiet normali tal-kompetizzjoni jkun lest li jħallas.

42

L-appellanti jsostnu, barra minn hekk, li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-OPAP wettaq “ħlas żejjed” għall-addendum li l-livell ta’ remunerazzjoni tiegħu jeskludi kwalunkwe vantaġġ li jirriżulta mill-prezz inferjuri mħallas għall-Ftehim TLV ma jistgħux jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

43

Il-Kummissjoni u l-OPAP jikkontestaw l-argument tal-appellanti u jqisu, b’mod partikolari, li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, peress li l-appellanti sempliċement jirriproduċu dwar dan il-punt l-argument imressaq fl-ewwel istanza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Fir-rigward tal-inammissibbiltà tat-tieni aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jirrepetux sempliċement l-argument imressaq fl-ewwel istanza, iżda jikkontestaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata.

45

Fir-rigward tal-eżami tal-mertu ta’ dan l-aggravju, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jqiegħed inkwistjoni l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummisjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk kisret id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li għandha l-Kummissjoni, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 50).

46

Sussegwentement, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-obbligu stipulat fl-Artikolu 339 TFUE tal-osservanza tas-sigriet professjonali. Konformement mal-ġurisprudenza, l-obbligu li jiġu osservati s-sigrieti tal-kawżi ma jistax jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jċaħħad ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-kontenut essenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1985, Il‑Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, 296/82 u 318/82, EU:C:1985:113, punt 27).

49

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Fil-fatt, l-Artikolu 47 tal-Karta jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv iddestinat sabiex jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida,C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems,C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95).

50

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, “li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni [kkontestata] kienet naqset milli tiżvela ammont kbir ta’ data ekonomika u li l-assenza ta’ aċċess għal din id-data ma ppermettietx li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni.”

51

Madankollu, fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza, hija qieset li “r-raġunament tal-Kummissjoni kien b’mod ċar jirriżulta mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni [kkontestata] li għaliha r-rikorrenti kellhom aċċess” peress li din il-verżjoni kienet “turi b’mod ċar il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni f’dan il-każ”.

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza li, f’din il-verżjoni, il-Kummissjoni:

stabbilixxiet il-kriterju li hija kellha l-intenzjoni tapplika sabiex tiddetermina jew le l-eżistenza ta’ vantaġġ;

spjegat il-mod li bih hija kienet ikkalkolat il-valur attwali nett tal-Ftehim TLV u tal-addendum;

ippreċiżat li dan il-valur kien jiddependi mir-rata ta’ tnaqqis użata;

indikat ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li hija setgħet tagħmel analiżi konġunta taż-żewġ miżuri;

indikat li r-remunerazzjoni prevista fl-addendum kienet ogħla mill-valur attwali nett tad-drittijiet esklużivi mogħtija minnu;

rrilevat li r-remunerazzjoni prevista fil-Ftehim TLV kienet inqas mill-valur attwali nett tad-drittijiet esklużivi u li, anki jekk jiżdied il-prezz żejjed imħallas mill-OPAP fil-kuntest tal-addendum, din ir-remunerazzjoni baqgħet insuffiċjenti;

spjegat li ż-żieda tar-remunerazzjoni prevista fil-Ftehim TLV, stipulata fl-impenn ippreżentat mill-awtoritajiet Griegi fis-7 ta’ Awwissu 2012, iggarantixxiet li l-livell ta’ remunerazzjoni kien biżżejjed sabiex jiġi eskluż kull vantaġġ; u

ippreċiżat il-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-remunerazzjoni.

53

Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li “r-rikorrenti ma kinux ippreċiżaw ir-rilevanza tad-data mhux żvelata għall-finijiet ta’ dan ir-rikors. Huma ma kinux spjegaw l-importanza ta’ din id-data la sabiex jinftiehem ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni u lanqas għall-iżvilupp tal-motivi tagħhom relatati mal-obbligu li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali (l-ewwel motiv) u mal-analiżi konġunta tal-Ftehim TLV u tal-addendum (ir-raba’ motiv). L-appellanti lanqs ma kienu ppreċiżaw liema motivi oħra huma kienu xtaqu jiżviluppaw insostenn ta’ dan ir-rikors, kieku huma kellu aċċess għad-data mhux żvelata”.

54

Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, “in-nuqqas ta’ żvelar tad-data ekonomika fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni [kkontestata] ma kienx ipprekluda lir-rikorrenti milli jifhmu r-raġunament segwit mill-Kummissjoni, u lanqas ma ostakola l-possibbiltà tagħhom li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas ma pprekludiha milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors”.

55

Għaldaqstant, mill-konstatazzjonijiet u mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni kif ukoll il-metodoloġija użata minnha, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu, fosthom b’mod partikolari l-appellanti, isiru jafu dawn il-ġustifikazzjonijiet u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħhom.

56

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ kinux jeħtieġu li l-motivazzjoni tispeċifika d-data mhux żvelata f’din il-verżjoni, ġie mfakkar fil-punti 33 u 45 ta’ din is-sentenza li l-appellanti jistgħu jinvokaw kull mezz ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi f’idejn il-Kummissjoni, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji, f’dan il-każ, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri kkontestati. Għaldaqstant, l-argument imressaq mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali kien intiż mhux sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, iżda preċiżament sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dubji u għalhekk dik ta’ diffikultajiet serji pprovati mill-Kummissjoni waqt il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-Ftehim TLV u tal-addendum.

57

Issa, hekk kif sostniet ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma kinux ippreċiżaw fl-ewwel istanza, u lanqas barra minn hekk quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn id-data mhux żvelata kienet rilevanti sabiex tipproduċi l-prova li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-miżuri inkwistjoni. Fil-fatt, bl-argument tagħhom, l-appellanti sempliċement jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tiżvela d-data ekonomika fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas li dan in-nuqqas ta’ żvelar kien kiser id-dritt tal-appellanti għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

59

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

L-argumenti tal-partijiet

60

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE tirrikjedi li l-Kummissjoni, fil-każ tal-eżami konġunt ta’ miżuri differenti, tiddetermina jekk dawn il-miżuri jaffettwawx jew le l-istess suq. F’dan ir-rigward, huma jevokaw ir-riskju li l-eżami konġunt jaħbi l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq tal-inqas wieħed mis-swieq ikkunsidrati individwalment.

61

Fit-tieni lok, huma jirrilevaw li l-kumpens tal-ħlasijiet, kif imwettaq fil-kuntest tal-eżami konġunt, jista’ jwassal għall-istess effetti ta’ esklużjoni mill-kompetizzjoni bħall-prezzijiet predatorji.

62

L-appellanti jikkritikaw, fit-tielet lok, lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, fuq il-kunċett vag ta’ “xebh” tal-attivitajiet koperti kemm mill-addendum kif ukoll mill-Ftehim TLV sabiex jikkonkludu dwar il-legalità tal-evalwazzjoni konġunta tal-miżuri nnotifikati. L-ewwel nett, l-uniku punt komuni bejn dawn l-attivitajiet huwa fl-element ta’ xorti inkluż fihom. Sussegwentement, differenzi bejn dawn l-attivitajiet kienu ġew enfasizzati mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, EU:C:2009:519). Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “xebh” ma huwiex ekwivalenti għal dak ta’ “possibbiltà ta’ tibdil”.

63

Fir-raba’ lok, filwaqt li kkontestat is-soluzzjoni li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, li l-eżami konġunt tal-miżuri nnotifikati hija legali għar-raġuni biss li dawn jagħmlu parti mill-istess kuntest ekonomiku, l-appellanti jenfasizzaw li dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit b’mod oġġettiv u mhux b’mod li jippermetti lill-Istat Membru li jkun innotifika li jibdlu kif jidhirlu.

64

Fil-ħames lok, huma jirrilevaw li għalkemm ir-remunerazzjoni tħallset fl-istess mument għaż-żewġ miżuri, l-evalwazzjoni konġunta madankollu ma tistax tirrigwarda miżuri li jirreferu għal perijodi differenti.

65

Fis-sitt u fl-aħħar lok, l-appellanti jqisu li l-prattiki ta’ sussidji trażversali ma joħolqux rabta bejn is-suq tat-TLV u tas-slot machines u dak tat-tlettax-il logħba msemmija mill-addendum, peress li t-trasferiment ta’ fondi jseħħ biss fuq il-livell loġistiku u ma jimplikax li jingħaqad ma’ trasferiment tal-applikazzjoni.

66

L-OPAP u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument tal-appellanti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju huwa inammissibbli fl-intier tiegħu, peress li l-appellanti ma kellhomx il-kwalità sabiex jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, iċ-ċaħda fil-mertu tat-tielet aggravju mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 193 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Hemm lok li jitqies li dan huwa l-każ. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali stess, f’xewqa ta’ ekonomija tal-ġudizzju, tapplika, fil-punti 85 u 86 tas-sentenza appellata, prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52), billi l-ekonomija tal-ġudizzju tiġġustifika wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-tielet aggravju fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi qabel dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma.

69

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni limitat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li teżamina jekk il-Ftehim TLV u l-addendum jagħtux lill-OPAP vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Billi qieset li dan ma kienx il-każ, hija ma eżaminatx il-kriterji l-oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni.

70

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu taħt il-kundizzjoni tal-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kisbitx taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 83).

71

F’din l-istess loġika, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għaliha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70).

72

Madankollu, l-espressjoni “kundizzjonijiet normali tas-suq” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ekonomija ta’ Stat Membru meta dan ma jintervjenix favur ċerti impriżi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Frar 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑296/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:72, punt 34).

73

Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott obbligu ġenerali għall-Kummissjoni li tiddefinixxi, qabel kull tfittxija tal-għoti eventwali ta’ vantaġġ ekonomiku favur impriża waħda jew iktar, is-suq jew is-swieq ikkonċernati mill-intervent statali li huwa s-suġġett tal-eżami fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE.

74

Fil-fatt, billi l-Artikolu 107(1) TFUE huwa intiż sabiex jipprevjeni li, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-impriża benefiċjarja jkollha sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tagħha (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 90), il-Kummissjoni tista’ tevalwa direttament, meta dan jirriżulta possibbli, jekk il-miżura statali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tqiegħed lill-benefiċjarji tagħha f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri identifikati tagħhom jew kompetituri tipiċi.

75

Barra minn hekk, sa fejn, sabiex intervent statali jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tfittex jekk dan l-intervent għandux bħala effett li jiffavorixxi lill-benefiċjarju tiegħu u, għaldaqstant, li jqiegħed lil dan tal-aħħar f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tiegħu, bħala prinċipju xejn ma jipprekludi li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà, meta diversi interventi statali jaffettwaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istess impriża, li teżaminahom konġuntament, meta dan jirriżulta xieraq.

76

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, li l-Ftehim TLV u l-addendum ġew adottati simultanjament, fil-perspettiva tal-unika operazzjoni ta’ privatizzazzjoni tal-OPAP, li kienu s-suġġett ta’ notifika konġunta lill-Kummissjoni u li l-imposti li tħallsu mill-OPAP għall-għoti ta’ żewġ kategoriji ta’drittijiet esklużivi kienu dovuti fl-istess mument, permezz ta’ ħlas bil-quddiem.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li l-appellanti ma kinux urew l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi meta l-Kummissjoni wettqet analiżi konġunta tal-Ftehim TLV u tal-addendum, ma wettqitx żbalji ta’ liġi. B’mod partikolari, ir-raġunijiet li għalihom is-sitwazzjoni finanzjarja tal-OPAP tkun differenti kieku dan tal-aħħar kien wettaq, fl-istess mument u għall-istess żewġ imposti, il-ħlas ta’ ammont totali identiku li jinqasam fi perċentwali differenti għall-Ftehim TLV u għall-addendum ma jirriżultawx mill-argumenti tal-appellanti.

78

Isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

80

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

81

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

82

Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-OPAP u tal‑Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Club Hotel Loutraki AE, Vivere Entertainment AE, Theros International Gaming, Inc., Elliniko Casino Kerkyras, Casino Rodos, Porto Carras AE u Kazino Aigaiou AE huma kkundananti għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.