SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Appell — Dumping — Regolamenti ta’ implementazzjoni (UE) Nru 1138/2011 u (UE) Nru 1241/2012 — Importazzjoni ta’ ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 2(10)(i) — Aġġustament — Funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(10) — Simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża C‑468/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑3 ta’ Settembru 2015,

PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas), stabbilita f’Medan (l-Indoneżja), irrappreżentata minn D. Luff, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn N. Tuominen, avukat,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, bħala aġenti,

Sasol Olefins & Surfactants GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja),

u

Sasol Germany GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) (iktar ’il quddiem “PTMM”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal‑25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (T‑26/12, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:437), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011, tat‑8 ta’ Novembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (ĠU 2011, L 293, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1241/2012, tal‑11 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1138/2011 (ĠU 2012, L 352, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“regolamenti kontenzjużi”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat‑30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 765/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 237, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”).

3

L-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku kien jiddikjara:

“F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ l-esportazzjoni jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwalunkwe bażi raġjonevoli.

F’dawn il-każijiet, l-aġġustament għall-ispejjeż kollha, inklużi d-dazji u t-taxxi, sofferti bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti li jseħħu, għandhom isiru sabiex jiġi stabbilit prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ min joqgħod fuqu, fil-livell tal-fruntiera tal-Komunità.

[...]”

4

L-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej:

[...]

i) Il-kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni.

Il-kelma ‘kummissjonijiet’ għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.

[...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolamenti kontenzjużi

5

PTMM hija kumpannija stabbilita fl-Indoneżja li tipproduċi, b’mod partikolari, alkoħols xaħmija (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”). Hija tikkumerċjalizza l-prodotti tagħha fl-Unjoni permezz, minn naħa, ta’ żewġ kumpanniji konnessi stabbiliti f’Singapore, Inter-Continental Oils & Fats Pte Ltd (iktar ’il quddiem “ICOF S”), sussidjarja kkontrollata 100 % minn azzjonisti li jikkontrollaw ukoll PTMM, u Besdale Trading Pte Ltd u, min-naħa l-oħra, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, ICOF Europe GmbH (iktar ’il quddiem ICOF E”), miżmuma 100 % minn ICOF S.

6

Wara lment ippreżentat fit‑30 ta’ Ġunju 2010 minn żewġ produtturi tal-Unjoni, Cognis GmbH kif ukoll Sasol Olefins & Surfactants GmbH, u l-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1138/2011. Dan ir-regolament jimponi dazju definittiv antidumping ta’ EUR 45,63 għal kull tunnellata fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ffabrikat minn PTMM.

7

Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan id-dazju definittiv antidumping, il-Kunsill għamel, fil-kuntest tat-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni skont il-kummissjonijiet mogħtija minn PTMM lil ICOF S għall-bejgħ lejn l-Unjoni magħmula minn din tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, fil-premessa 31 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1138/2011, il-Kunsill b’mod partikolari ċaħad l-argument ta’ PTMM li hija kienet tifforma entità ekonomika waħda ma’ ICOF S li fi ħdanha din tal-aħħar kien taġixxi bħala dipartiment intern ta’ esportazzjoni. Barra minn hekk, fil-premessa 35 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill ċaħad it-talba ta’ PTMM intiża sabiex isir aġġustament identiku tal-valur normali, konformement ma’ din id-dispożizzjoni tar-regolament bażiku, għar-raġuni li l-kuntratt li jipprevedi l-ħlas ta’ kummissjoni lil ICOF S kien jirrigwarda biss il-bejgħ tal-esportazzjoni, u mhux il-bejgħ domestiku, u li dan il-bejgħ kien iffatturat direttament minn PTMM.

8

Fit‑13 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni informat lil PTMM li, wara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78), hija kellha l-intenzjoni li temenda r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1138/2011 sabiex temenda d-dazju antidumping impost fuq kumpannija Indoneżjana oħra, PT Ecogreen Oleochemicals, Ecogreen Oleochemicals (Singapore) Pte. Ltd (iktar ’il quddiem “Ecogreen”) sa fejn hija kienet tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62), u kienet tifforma entità ekonomika waħda ma’ Ecogreen Oleochemicals GmbH.

9

Fil‑11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1241/2012. Permezz ta’ dan ir-regolament, ir-rata tad-dazju definittiv antidumping applikabbli għal Ecogreen tnaqqset għal EUR 0 għal kull tunnellata. Minkejja t-talbiet magħmula minn PTMM intiżi sabiex jiġi rrikonoxxut li s-sitwazzjoni tagħha kienet identika għal dik ta’ Ecogreen, il-Kunsill, permezz tal-imsemmi regolament, żamm fis-seħħ id-dazju definittiv antidumping applikabbli għal PTMM.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Jannar 2012, PTMM ressqet rikors intiż għall-annullament tar-regolamenti kontenzjużi.

11

Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, PTMM invokat erba’ motivi.

12

L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Dan il-motiv kien maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, PTMM ikkritikat lill-Kunsill li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u abbuż ta’ poter meta rrifjuta li jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejnha u ICOF S. It-tieni nett, hija qieset li din l-istituzzjoni ma kienet ġabet ebda prova konvinċenti li tistabbilixxi li ICOF S kienet teżerċita inkarigi li huma simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Dan il-motiv kien ukoll maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti biss tal-imsemmi motiv hija rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell. Fil-kuntest ta’ din il-parti, PTMM argumentat li, billi wettaq aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kunsill kien ikkawża nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni u għalhekk kellu jsir aġġustament li huwa simili għall-valur normali. It-tielet u r-raba’ motivi kienu bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni rispettivament.

13

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-erba’ motivi u r-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

14

PTMM titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi l-kawża billi tilqa’ t-talbiet esposti minn PTMM quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla d-dazju antidumping impost fuq din tal-aħħar skont ir-regolamenti kontenzjużi, u

tikkundanna lill-Kunsill u lill-intervenjenti jħallsu, minbarra l-ispejjeż relattivi tagħhom, dawn sostnuti minn PTMM fil-kuntest taż-żewġ istanzi.

15

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lil PTMM għall-ispejjeż marbuta maż-żewġ istanzi.

16

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell bħala inammissibbli, u

tikkundanna lil PTMM għall-ispejjeż tal-istanza.

Fuq l-appell

17

Insostenn tal-appell tagħha, PTMM tinvoka erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku sa fejn il-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta “entità ekonomika waħda

18

L-ewwel aggravju huwa maqsum f’seba’ partijiet.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ metodoloġija żbaljata u fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi determinanti

– L-argumenti tal-partijiet

19

PTMM targumenta, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali użat metodoloġija żbaljata sabiex tirrifjuta li tapplikalha l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”. Fil-fatt, mill-punt 47 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tqis li huwa biżżejjed li jiġu ppreżentati indizji li jissuġġerixxu l-assenza ta’ entità ekonomika waħda sabiex dan il-kunċett ma jiġix applikat. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“istituzzjonijiet tal-Unjoni”) kif ukoll il-Qorti Ġenerali għandhom jeżaminaw il-provi li jistabbilixxu li l-produttur jafda lid-distributur konness tiegħu b’kompiti li normalment jaqgħu taħt dipartiment ta’ bejgħ intern.

20

Fit-tieni lok, PTMM targumenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina provi determinanti, b’mod partikolari l-provi li juru li hija ma għandha ebda dipartiment ta’ marketing u ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat u li hija tistrieħ b’mod sħiħ fuq ICOF S sabiex tbigħu kemm fis-suq domestiku kif ukoll fis-suq internazzjonali. Minflok eżaminat dawn il-provi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod żbaljat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, minħabba dikjarazzjoni ta’ PTMM matul is-seduta, li, fl-allegazzjoni li l-Kunsill kien injora dawn il-provi, PTMM kienet qiegħda tfittex biss li ssostni l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Billi għamlet dan, hija żnaturat l-argumenti ta’ PTMM.

21

Il‑Kunsill jikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti ta’ dan l-aggravju. Il-Kummissjoni tqis li din il-parti hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ metodoloġija inkorretta, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żviluppat xi metodoloġija ġdida li tikkonsisti f’li jiġu ppreżentati provi li jissuġġerixxu l-assenza ta’ entità ekonomika waħda sabiex ma jiġix applikat dan il-kunċett. Kuntrarjament, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” u dwar l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku.

23

Għaldaqstant, fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret din il-ġurisprudenza. B’mod partikolari, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78) li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu li hemm lok li jiġi applikat aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom iġibu l-prova jew, minn tal-inqas, indizji li juru li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti.

24

Il-punt 47 tas-sentenza appellata jikkostitwixxi l-punt introduttiv li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali indikat, essenzjalment, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 43 sa 46 ta’ din is-sentenza, hija kienet se tagħmel analiżi tal-provi li jikkostitwixxu l-bażi tal-konklużjoni tal-Kunsill li PTMM u ICOF S ma kinux jifformaw entità ekonomika waħda. Din l-analiżi tinstab fil-punti 50 sa 71 tal-imsemmija sentenza.

25

Kuntrarjament għal dak li tippretendi PTMM, il-Qorti Ġenerali speċifikament riedet tivverifika li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw il-provi li jistabbilixxu, skont PTMM, li din tal-aħħar fdat lil ICOF S b’kompiti li normalment jaqgħu taħt dipartiment ta’ bejgħ intern, qabel ma teskludi l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda u twettaq aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

26

Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

27

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx il-provi determinanti inkunsiderazzjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali laqgħet insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, il-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja [sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill, C‑602/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2203, punt 37].

28

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex teżamina l-provi li bbażat ruħha fuqhom il-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li PTMM u ICOF S ma kinux jifformaw entità ekonomika waħda, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi.

29

Ċertament, PTMM tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, l-argumenti li hija qajmet fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi determinanti. Madankollu, minn naħa, hija tillimita ruħha biex tindika li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet “b’mod żbaljat” li, permezz tal-argumenti tagħha, hija kienet qiegħda tfittex li ssostni l-motiv ibbażat fuq ksur, mill-Kunsill, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mingħajr ma speċifikat fiex jikkonsisti dan l-iżnaturament. Min-naħa l-oħra, hija ma targumentax li din l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tikkostitwixxi żnaturament tal-provi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqhom sabiex tasal għall-konklużjoni ċċitata fil-punt preċedenti jew li dawn il-provi huma s-suġġett ta’ tali żnaturament. Minn dan isegwi li, peress li PTMM ma allegat ebda żnaturament tal-provi, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

30

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-punt 42 tas-sentenza appellata jirrigwarda l-argument ta’ PTMM, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu abbuż ta’ poter meta ċaħdu l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda u meta injoraw ċerti punti ta’ fatt. Issa, f’dan il-punt 42, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tindika li l-allegazzjoni ta’ abbuż ta’ poter kienet se tiġi ttrattata fil-kuntest tal-analiżi tal-motiv dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Din l-allegazzjoni għalhekk ġiet analizzata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 111 sa 122 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, fil-punti 115 sa 120 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw l-argumenti prinċipali mqajma minn PTMM matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll il-provi relatati magħhom.

31

Għaldaqstant, din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

Fuq it-tieni, it-tielet u seba’ parti tal-ewwel aggravju, ibbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ indizji rrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda

– L-argumenti tal-partijiet

32

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, PTMM targumenta li, meta qieset, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-funzjonijiet eżerċitati minn ICOF S għall-bejgħ ta’ prodotti differenti mill-prodott ikkonċernat kienu rilevanti sabiex tirrifjuta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni indizju żbaljat fil-kuntest tal-analiżi tal-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” u wessgħet indebitament il-portata tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Skont PTMM, ma huwiex għaliex ICOF S taġixxi bħala dipartiment intern ta’ marketing u ta’ bejgħ għall-prodott ikkonċernat li hija ma tistax tistabbilixxi relazzjonijiet kummerċjali ma’ terzi għal prodotti analogi jew le mal-prodott ikkonċernat.

33

Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, PTMM tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, bejgħ magħmul minn ICOF S ta’ prodotti pprovduti minn terzi. Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-relazzjonijiet kummerċjali li d-distributur jagħmel ma’ impriżi oħrajn ma jistgħux jaffettwaw ir-relazzjoni bejn dan id-distributur u l-kumpannija omm. It-tieni nett, f’dan il-każ, il-bejgħ tal-prodotti ta’ terzi ma għandu l-ebda konnessjoni mal-prodott ikkonċernat. Issa, l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku għandu bħala suġġett il-prodott ikkonċernat u mhux prodotti oħrajn. F’dan ir-rigward, ġie stabbilit, matul l-investigazzjoni u quddiem il-Qorti Ġenerali, li ICOF S u ICOF Europe biegħu biss il-prodott ikkonċernat iffabbrikat minn PTMM bl-esklużjoni tal-prodott ikkonċernat li ġej minn produtturi oħrajn. It-tielet nett, fil-punti 54 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ħolqot kriterju impreċiż ġdid ta’ “dipendenza”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tispeċifikax il-perċentwali ta’ bejgħ li ġej minn terzi li taħtu wieħed jista’ jitkellem fuq “dipendenza”.

34

Fil-kuntest tas-seba’ parti, PTMM tikkritika lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-livell tal-bejgħ tal-esportazzjoni dirett tagħha kien indikazzjoni tal-fatt li hi u ICOF S ma kinux entità ekonomika waħda. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma indikatx kif jista’ jintuża tali kriterju u liema huwa l-livell ta’ bejgħ dirett tal-esportazzjoni li lil hinn minnu ma tistax tiġi stabbilita iktar l-eżistenza ta’ entità ekonomika.

35

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dawn il-partijiet ta’ dan l-aggravju.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz tat-tieni, tat-tielet u tas-seba’ parti tal-ewwel aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, PTMM tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li ħadet inkunsiderazzjoni indizji jew fatturi mhux rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tal-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, jiġifieri l-bejgħ minn ICOF S ta’ prodotti li ma humiex il-prodott ikkonċernat u ta’ prodotti pprovduti minn terzi kif ukoll il-fatturazzjoni diretta minn PTMM ta’ parti mill-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma jkunux jistgħu jiġu pparagunati b’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-forma ta’ aġġustamenti, differenzi kkonstatati fil-fatturi li huma pretiżi u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragun tagħhom.

38

Fost il-fatturi li abbażi tagħhom jistgħu jsiru aġġustamenti, l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku jipprevedi li għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa għall-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-kelma “kummissjonijiet” għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet.

39

Madankollu, aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku jista’ jsir biss meta l-produttur stabbilit fi Stat terz u d-distributur konness tiegħu inkarigat mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni jifformaw entità ekonomika waħda.

40

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqassim tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi ħdan grupp ifformat minn kumpanniji legalment distinti ma jista’ bl-ebda mod ineħħi l-fatt li inkwistjoni hemm entità ekonomika waħda li torganizza b’dan il-mod numru ta’ attivitajiet eżerċitati, f’każijiet oħrajn, minn entità li hija unika wkoll mill-perspettiva legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 1993, Matsushita Electric Industrial vs Il‑Kunsill, C‑104/90, EU:C:1993:837, punt 9).

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda jippermetti li jiġi evitat li spejjeż, li huma manifestament inklużi fil-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott meta dan il-bejgħ isir minn dipartiment ta’ bejgħ integrat fl-organizzazzjoni tal-produttur, ma jibqgħux inklużi iktar meta l-istess attività ta’ bejgħ tiġi eżerċitata minn kumpannija legalment distinta, minkejja li ekonomikament ikkontrollata mill-produttur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il‑Kunsill, C‑171/87, EU:C:1992:106, punt 13).

42

Minn dan jirriżulta li distributur li jifforma entità ekonomika waħda ma’ produttur stabbilit fi Stat terz ma jistax jitqies li jeżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

43

Fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn produttur u d-distributur konness tiegħu, huwa determinanti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li titqies ir-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn dan il-produttur u dan id-distributur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 55). Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ konstatazzjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn l-imsemmi produttur u l-imsemmi distributur, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk dan id-distributur jeżerċitax jew le l-inkarigi ta’ dipartiment ta’ bejgħ integrat ma’ dan il-produttur.

44

Dawn il-fatturi ma jistgħux jkunu limitati għall-funzjonijiet eżerċitati mid-distributur konness f’relazzjoni mas-sempliċi bejgħ tal-prodott ikkonċernat ffabrikat mill-produttur li jippretendi li jifforma entità ekonomika waħda ma’ dan id-distributur.

45

Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħall-bejgħ mid-distributur konness ta’ prodotti li ma humiex il-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni antidumping kif ukoll il-bejgħ minn dan id-distributur ta’ prodotti pprovduti minn produtturi differenti mill-produttur li huwa konness miegħu.

46

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 51 u 53 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet tad-distributur konness li jirrigwardaw prodotti differenti mill-prodott ikkonċernat kif ukoll tal-parti tal-bejgħ magħmula minn dan id-distributur li tirrigwarda prodotti ġejjin mingħand produtturi mhux konnessi.

47

Għandu jiġi speċifikat, fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti li ġejjin minn produtturi mhux konnessi, li, kuntrarjament għal dak li targumenta PTMM, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma toħloq kriterju ġdid ta’ “dipendenza”, fil-punti 54 sa 57 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali effettivament indikat, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li ICOF S ma setgħetx titqies “li qiegħda f’sitwazzjoni ta’ dipendenza fil-konfront tal-grupp li hija konnessa miegħu”, din il-qorti llimitat ruħha, fil-punti 53 sa 57 tal-imsemmija sentenza, sabiex tipproċedi għal analiżi tal-parti tal-bejgħ magħmul mid-distributur konness fuq prodotti li ġejjin minn produtturi mhux konnessi.

48

Għalhekk, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li l-parti tal-bejgħ magħmula mid-distributur konness ta’ prodotti ġejjin minn produtturi mhux konnessi hija fattur importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-distributur jifformax entità ekonomika waħda mal-produttur konness. Fil-punti 54 sa 57 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstatat li l-attivitajiet ta’ ICOF S, kemm għas-sena 2009 kif ukoll għas-sena 2010, kienu bbażati fil-parti l-kbira tagħhom fuq provvisti li ġejjin minn impriżi mhux konnessi, fatt li, skont din il-qorti, kien donnu jipponta kontra l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda.

49

Bħalma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni bejgħ ta’ prodotti differenti mill-prodott ikkonċernat iffabrikat mill-produttur konness għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika, il-fatturazzjoni diretta mill-produttur stabbilit fi Stat terz ta’ parti mill-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni hija fattur rilevanti li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li iktar ma l-proporzjon ta’ tali bejgħ dirett huwa għoli, iktar huwa diffiċli jiġi sostnut li d-distributur konness jeżerċita l-funzjonijiet ta’ dipartiment intern ta’ bejgħ. Kuntrarjament għal dak li ssostni PTMM, il-punt 69 ta’ din is-sentenza għalhekk ma huwa vvizjat b’ebda żball ta’ liġi.

50

Minn dan isegwi li t-tieni, it-tielet u s-seba’ parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq ir-raba’ u s-sitt parti tal-ewwel aggravju dwar il-kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S

– L-argumenti tal-partijiet

51

Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, PTMM targumenta li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet preżunzjonijiet żbaljati fil-liġi u fil-fatt fir-rigward tal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejnha u ICOF S, li jipprevedi l-għoti ta’ kummissjonijiet lil din tal-aħħar. Għalhekk hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li dan il-kuntratt kien jikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda.

52

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li kienet teżisti differenza bejn kuntratt miktub u “numru ta’ ftehimiet verbali”, bħal dawk konklużi bejn Ecogreen u n-negozjant konness tagħha. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-provi li juru li kien hemm diversi arranġamenti ta’ kumpens bejn PTMM u ICOF S. It-tielet nett, ftehim ta’ ffissar ta’ prezzijiet ta’ trasferiment bejn żewġ impriżi konnessi jikkostitwixxi prova addizzjonali tal-fatt li huma jifformaw entità ekonomika waħda. Tali ftehim iqassam il-marġni tar-riskji u tal-profitti fi ħdan grupp ta’ impriżi li jinsabu f’pajjiżi differenti. Tali tqassim ta’ marġni juri l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn iż-żewġ impriżi li huma responsabbli in solidum għall-profittabbiltà tal-grupp kollu li jagħmlu parti minnu. Barra minn hekk, l-impriżi kollha attivi fuq livell internazzjonali huma mistennija jikkonkludu mad-distributuri konnessi tagħhom stabbiliti barra mill-pajjiż ftehimiet ta’ ffissar ta’ prezzijiet ta’ trasferiment tat-tip bħal dak li jeżisti bejn PTMM u ICOF S. Il-Qorti Ġenerali għalhekk injorat ir-realtajiet essenzjali tal-kummerċ internazzjonali u tat-trasferimenti intra-grupp.

53

Fil-kuntest tas-sitt parti tal-ewwel aggravju, PTMM targumenta li, fil-punti 62 u 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt, b’mod partikolari tal-Artikolu 7.3 tiegħu, li huwa klawżola standard intiża li tevita r-responsabbiltà in solidum taż-żewġ impriżi fil-konfront ta’ terzi. Dan ma jirrigwardax it-tqassim tal-funzjonijiet bejn dawn iż-żewġ impriżi.

54

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu li dawn il-partijiet tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, huma infondati.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55

Permezz tar-raba’ u tas-sitt parti tal-ewwel aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, PTMM tikkontesta, essenzjalment, il-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S sabiex tiddeċiedi li ma kienx hemm entità ekonomika waħda kif ukoll fl-analiżi ta’ dan il-kuntratt minn din il-qorti.

56

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S ma huwiex element rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, diġà ġie rrilevat, fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ konstatazzjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn il-produttur u d-distributur konness, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-distributur jeżerċitax il-funzjonijiet ta’ dipartiment intern ta’ bejgħ. Issa, l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn il-produttur u d-distributur konness tiegħu, li jipprevedi l-għoti ta’ kummissjonijiet lil dan tal-aħħar, tikkostitwixxi element importanti fir-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Li wieħed jinjorah iwassal sabiex tinħeba parti mir-realtà ekonomika ta’ dawn ir-relazzjonijiet.

57

Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S, li jipprevedi l-għoti ta’ kummissjonijiet lil dan tal-aħħar, tikkostitwixxi element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn iż-żewġ kumpanniji jiffurmawx entità ekonomika waħda jew le.

58

Minn dan isegwi li l-argument li l-kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S ma huwiex element rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda għandu jiġi miċħud bħala infondat.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti dwar l-allegat nuqqas ta’ differenza bejn kuntratt miktub u “numru ta’ ftehimiet verbali”, bħal dawk konklużi bejn Ecogreen u d-distributur konness tagħha, dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti provi, tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-realtajiet tal-kummerċ internazzjonali u tat-trasferimenti intra-grupp kif ukoll tal-interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt, fil-punti 62 u 64 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, minbarra fil-każ ta’ żnaturament tal-provi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali laqgħet insostenn ta’ dawn il-fatti.

60

Issa, permezz tal-imsemmija argumenti, PTMM tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S, mingħajr madankollu ma tinvoka ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi. Għaldaqstant, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ u s-sitt parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali indebitament għamlet sostituzzjoni tal-motivi

– L-argumenti tal-partijiet

62

PTMM tikkritika lill-Qorti Ġenerali li għamlet sostituzzjoni tal-motivi billi bbażat ruħha, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, fuq dispożizzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt li hija kienet ikkonkludiet ma’ ICOF S sabiex tistabbilixxi li l-Kunsill seta’ raġonevolment iqis li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jikkostitwixxu indizju li PTMM u ICOF S ma kinux jifformaw entità ekonomika waħda. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma ħadux inkunsiderazzjoni l-klawżoli tal-kuntratt, la matul l-investigazzjoni antidumping u lanqas wara.

63

Il-Kunsill iqis li din il-parti ma hijiex fondata. Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li hija inammissibbli u, sussidjarjament, infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Sa fejn PTMM tikkritika lill-Qorti Ġenerali li għamlet sostituzzjoni ta’ motivi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Netherlands Maritime Technology Association vs Il‑Kummissjoni, C‑100/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:254, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li l-kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S jinkludi dispożizzjonijiet differenti li ma humiex kompatibbli mal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Bħalma tirrileva PTMM, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri l-Artikoli 7.3 u 12, li juru, skont din il-qorti, nuqqas ta’ solidarjetà bejn PTMM u ICOF S u jikkostitwixxu għalhekk indizju li dawn iż-żewġ kumpanniji ma jifformawx entità ekonomika waħda.

66

Kuntrarjament għal dak li tippretendi PTMM, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma wettqet sostituzzjoni ta’ motivi. Fil-fatt, mill-premessa 31 tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1138/2011 u mill-premessi 29 sa 31 tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1241/2012 jirriżulta li l-kuntratt konkluż bejn PTMM u ICOF S fil-fatt ittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, matul l-investigazzjoni antidumping. Għalhekk, skont dawn il-premessi, l-eżistenza ta’ dan il-kuntratt, li kien jipprevedi li ICOF S kellha tibbenefika minn kummissjoni – fil-forma ta’ marġni fiss – fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni, tikkostitwixxi indizju li PTMM u ICOF S ma jifformawx entità ekonomika waħda iżda li l-funzjonijiet ta’ din tal-aħħar jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet.

67

Għaldaqstant, din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata, u l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill wera b’mod suffiċjenti li l-funzjonijiet eżerċitati minn ICOF S huma analogi ma ’ dawk ta ’ aġent li jaħdem abbażi ta ’ kummissjonijiet

68

It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti u diskriminatorja u fuq użu ħażin tal-provi

– L-argumenti tal-partijiet

69

PTMM targumenta li l-motivazzjoni tal-punti 80 u 82 tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti u diskriminatorja. Barra minn hekk, l-elementi fattwali msemmija f’dawn il-punti ma jsostnux il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, iżda jistgħu jintużaw sabiex jippruvaw li ICOF S kienet isservi bħala dipartiment intern ta’ marketing u ta’ bejgħ għalihom.

70

Il-Kunsill iqis, prinċipalment, li din il-parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli u, sussidjarjament, li hija infondata. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li din il-parti hija inammissibbli.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti u diskriminatorja, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni, li jaqa’ fuq il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u skont l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jimponix fuq din tal-aħħar li tagħti spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha msemmija mill-partijiet fil-kawża, u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali għalhekk tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 105, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2015, MEGA Brands International vs UASI, C‑182/14 P, EU:C:2015:187, punt 54).

72

F’dan il-każ, mill-punti 80 u 82 tas-sentenza appellata, kif ukoll mill-punti 79, 81 u 83 sa 85 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li ċ-ċaħda tal-parti tal-aggravju bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill meta kkonkluda li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kienu ssodisfatti, ġiet immotivata b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita stħarriġ tal-legalità tagħha u, min-naħa l-oħra, lil PTMM li tkun taf ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal din iċ-ċaħda.

73

Minn dan isegwi li l-argument li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti u diskriminatorja għandu jiġi miċħud bħala infondat.

74

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq użu ħażin tal-provi mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali laqgħet insostenn ta’ dawn il-fatti.

75

Issa, minkejja li PTMM tikkontesta l-elementi fattwali li jidhru fil-punti 80 u 82 tas-sentenza appellata kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn l-elementi fattwali, hija ma tinvoka ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku

– L-argumenti tal-partijiet

77

PTMM iqis li, billi bbażat ruħha fuq il-provi msemmija fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

78

Fil-fatt, fir-regolament bażiku teżisti preżunzjoni li żewġ impriżi konnessi ma joperawx u ma humiex immexxija b’mod indipendenti u li huma konnessi b’arranġamenti ta’ kumpens. Għalhekk, l-Artikolu 2(9) ta’ dan ir-regolament jikkonferma l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni.

79

Għaldaqstant, li jsir aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tal-imsemmi regolament jirrikjedi li jintwera li s-somom imħallsa mill-produttur lid-distributur huma “kummissjoni” jew “marġni” bħal dawk li prinċipal jagħti lil aġent terz għall-funzjonijiet kummerċjali li jieħu ħsieb dan tal-aħħar. Barra minn hekk, għandu jintwera li ż-żewġ entitajiet joperaw u huma mmexxija b’mod indipendenti. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jipprova l-eżistenza ta’ arranġament ta’ governanza li jipprovdi li t-tmexxija ta’ ICOF S u dik ta’ PTMM huma separati u dawn iż-żewġ impriżi huma legalment preklużi milli jinterferixxu fl-affarijiet ta’ xulxin. Il-Kunsill lanqas ma wera li l-kumpens li jeżisti bejn ICOF S u PTMM kien kummissjoni li jirċievi aġent indipendenti u ma jirriżultax mill-arranġamenti ta’ kumpens bejn iż-żewġ kumpanniji konnessi.

80

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, PTMM targumenta, essenzjalment, li teżisti preżunzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, li żewġ impriżi konnessi ma joperawx u ma humiex immexxija b’mod indipendenti. Għaldaqstant, billi bbażat ruħha fuq il-provi msemmija fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

82

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titlob, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, aġġustamenti intiżi sabiex il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni jsiru paragunabbli bil-għan li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping, din il-parti għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġustifikata (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 58).

83

Barra minn hekk, l-oneru li jiġi ppruvat li għandhom isiru l-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (k) tar-regolament bażiku jaqa’ fuq dawk li jixtiequ jipprevalixxu ruħhom minnu (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 60).

84

Għalhekk, meta produttur jitlob l-applikazzjoni ta’ aġġustament, bħala prinċipju ’l isfel, tal-valur normali jew, loġikament ’il fuq, tal-prezz tal-esportazzjoni, huwa dan l-operatur li għandu jindika u jipprova li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali aġġustament huma ssodisfatti. Kuntrarjament, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu li għandu jiġi applikat aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni għaliex kumpannija ta’ bejgħ konnessa ma’ produttur teżerċita inkarigi li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom mill-inqas jipprovdu indizji konverġenti li juru li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 61).

85

Minn dan jirriżulta li, fis-sitwazzjoni fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu pprovdew indizji konverġenti li distributur konness ma’ produttur jeżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, huwa dan id-distributur jew dan il-produttur li għandu jġib il-prova li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ma huwiex iġġustifikat, pereżempju billi juri li huma jifformaw entità ekonomika waħda. Għal dan il-għan, dawn l-operaturi ekonomiċi jistgħu b’mod partikolari jipprovaw li huma ma joperawx b’mod indipendenti u li huma konnessi b’arranġamenti ta’ kumpens.

86

Kuntrarjament għal dak li targumenta PTMM, ma teżisti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, ebda preżunzjoni li żewġ impriżi konnessi ma joperawx b’mod indipendenti u li huma konnessi b’arranġamenti ta’ kumpens, b’mod illi huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu aġġustament skont din id-dispożizzjoni, li għandhom juru li ż-żewġ entitajiet huma mmexxija b’mod indipendenti.

87

Fil-fatt, l-interpretazzjoni sostnuta minn PTMM ma għandha ebda bażi fir-regolament bażiku, peress li l-Artikolu 2(10)(i) ta’ dan ir-regolament ma jagħmel ebda riferiment għal tali preżunzjoni. Din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tistabbilixxi li għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa għall-bejgħ inkunsiderazzjoni u tispeċifika li l-kelma “kummissjonijiet” għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant jekk il-funzjonijiet ta’ dak l-operatur jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet.

88

Ċertament, bħalma tenfasizza PTMM, l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li żewġ impriżi konnessi ma joperawx b’mod indipendenti. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, essenzjalment, li l-prezz tal-esportazzjoni ma jistax jitqies li huwa baxx meta teżisti assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew terz. Madankollu, ebda konklużjoni, applikabbli għall-analiżi li għandha ssir mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, ma tista’ tiġi bbażata fuq l-Artikolu 2(9) ta’ dan ir-regolament. Minkejja li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirrigwarda l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni u tistupula li r-relazzjoni bejn l-esportatur u d-distributur tista’ toħloq distorzjoni ta’ dan il-prezz, l-Artikolu 2(10)(i) tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ma jiffokax fuq ir-relazzjoni bejn l-esportatur u d-distributur, iżda fuq il-funzjonijiet eżerċitati minn dan tal-aħħar.

89

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali vverifikat, fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kellu fid-dispożizzjoni tiegħu indizji konverġenti li l-funzjonijiet eżerċitati minn ICOF S setgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kkonformat mar-regoli dwar l-oneru tal-prova impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ma wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

90

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata, u t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku

–L-argumenti tal-partijiet

91

PTMM tqis li, meta ddeċidiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx uriet li l-ispejjeż relatati mat-totalità tal-bejgħ kienu sostnuti minn ICOF S u li l-bejgħ domestiku kien iffinanzjat mid-dħul mill-kummissjonijiet fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni, il-Qorti Ġenerali injorat il-provi mhux ikkontestati prodotti matul l-investigazzjoni antidumping. Li kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-provi disponibbli u ppreżentati minn PTMM, hija kienet tikkonkludi li l-Kunsill neċessarjament kiser is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku.

92

Il-Kunsill iqis, prinċipalment, li dan l-aggravju huwa inammissibbli u, sussidjarjament, li ma huwiex fondat. Il-Kummissjoni hija wkoll tal-opinjoni, prinċipalment, li dan l-aggravju huwa inammissibbli. Sussidjarjament, hija tqis li huwa ineffettiv.

–Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex jiġi ġġustifikat aġġustament ’l isfel tal-valur normali skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, kienet PTMM li kellha tistabbilixxi li ICOF S kienet teżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur. Fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li PTMM illimitat ruħha li targumenta li l-ispejjeż relatati mat-totalità tal-bejgħ kienu sostnuti minn ICOF S, mingħajr ma ġabet ebda prova f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-kuntratt eżistenti bejn PTMM u ICOF S ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni u lanqas indizju li jista’ jsostni din l-allegazzjoni.

94

Minn dan isegwi li l-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dan il-punt 97, li PTMM tikkontesta fil-kuntest ta’ din il-parti tal-appell, jagħmlu parti mill-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, din l-evalwazzjoni ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

95

Peress li PTMM ma tinvoka ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ amministrazzjoni tajba

–L-argumenti tal-partijiet

96

PTMM tqis, fl-ewwel lok, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, huwa spekulattiv u ma huwiex immotivat biżżejjed. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma speċifikatx id-dokumenti li kienet qiegħda tagħmel riferiment għalihom meta hija indikat li “mill-punti fil-proċess [kien jirriżulta] li l-Kunsill qies, matul il-proċedura amministrattiva, li l-ispjegazzjonijiet magħmula minn [PTMM] ma kinux sostnuti u, fi kwalunkwe każ, ma kellhomx rilevanza”. Tali punti ma jeżistux u l-Qorti Ġenerali spekulat biss f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, mill-punti fil-proċess jirriżulta li PTMM ipprovdiet l-ispjegazzjonijiet meħtieġa kollha matul l-investigazzjoni. Dawn l-ispjegazzjonijiet ġew ivverifikati u għandhom jitqiesu mhux ikkontestati. Il-Qorti Ġenerali għalhekk waslet għal konklużjonijiet li ma humiex koerenti fid-dawl tal-provi disponibbli.

97

Fit-tieni lok, fl-istess punt 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat, b’mod żbaljat, li l-Kunsill jinjora xi provi u xi argumenti miġjuba minn PTMM matul l-investigazzjoni, għar-raġuni li “fi kwalunkwe każ, ma kellhomx rilevanza”. Dawn huma argumenti essenzjali li ġew żviluppati matul l-investigazzjoni u li l-Kunsill ma indirizzax, bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mingħajr ma mmotiva għaliex dawn ma kellhomx rilevanza.

98

Il-Kunsill iqis li dan l-aggravju huwa parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv. Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li dan l-aggravju huwa inammissibbli u li, sussidjarjament, huwa infondat.

–Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

99

Fl-ewwel lok, PTMM tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-punt 117 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, hija ma speċifikatx id-dokumenti li kienet qiegħda tagħmel riferiment għalihom meta hija indikat li “mill-punti fil-proċess [kien jirriżulta] li l-Kunsill qies, matul il-proċedura amministrattiva, li l-ispjegazzjonijiet magħmula minn [PTMM] ma kinux sostnuti u, fi kwalunkwe każ, ma kellhomx rilevanza”.

100

Għandu jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, li l-iżviluppi li jinsabu fil-punt 117 ta’ din is-sentenza jirrigwardaw b’mod partikolari l-argumenti ta’ PTMM li hija tiffattura l-bejgħ fis-suq Indoneżjan għal raġunijiet ta’ natura fiskali u l-kummissjonijiet mogħtija lil ICOF S huma intiżi li jkopru l-ispejjeż kollha ta’ din il-kumpannija, inklużi dawk sostnuti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fuq is-suq domestiku.

101

Issa, minkejja li huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma speċifikatx, fil-punt 117 tal-imsemmija sentenza, id-dokumenti li kienet qiegħda tagħmel riferiment għalihom, mill-punti 64 u 97 tal-istess sentenza jirriżulta madankollu li l-Qorti Ġenerali spjegat ir-raġunijiet li għalihom, u speċifikat id-dokumenti li abbażi tagħhom, hija qieset li l-argumenti ta’ PTMM ma kinux sostnuti.

102

Minn dan isegwi li dan l-argument, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

103

Fit-tieni lok, PTMM tikkritika lill-Qorti Ġenerali li aċċettat, b’mod żbaljat, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill jinjora provi u argumenti miġjuba minn PTMM matul l-investigazzjoni, għar-raġuni li “fi kwalunkwe każ, ma kellhomx rilevanza”.

104

B’dan il-mod PTMM tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 117. Issa, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, dawn l-evalwazzjonijiet ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

105

Peress li PTMM ma tinvoka ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

106

Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

107

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill-aggravji invokati minn PTMM insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, konsegwentement, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

108

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li PTMM tilfet, hemm lok li din il-kumpannija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kunsill, kif mitlub minn din l-istituzzjoni.

109

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

110

Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.