MT

INT/1003

L-Att dwar Ewropa Interoperabbli

OPINJONI

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

a)Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (Att dwar Ewropa Interoperabbli)

[COM(2022) 720 final – 2022/0379 (COD)]

b)Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn “Ewropa Interoperabbli”

[COM(2022) 710 final]

Kuntatt

int@eesc.europa.eu

Amministratur

Raquel FERREIRA DA SILVA

Data tad-document

14/03/2023

Relatur: Vasco de MELLO

Konsultazzjoni

a)Parlament Ewropew, DD/MM/YYYY

b)Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 25/11/2022

Bażi legali

a)Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

b)Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10/03/2023

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

47/1/0

Adozzjoni fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Bħall-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi hija prerekwiżit essenzjali biex jinħoloq suq uniku diġitali.

1.2Madankollu, it-tilħiq ta’ dan l-objettiv ma jistax ifisser li l-Istati Membri jadottaw politika li twassal għal diġitalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi pubbliċi, għad-detriment ta’ dawk ipprovduti b’mod fiżiku, u barra minn hekk għandhom jitqiesu l-aktar gruppi vulnerabbli fost iċ-ċittadini. It-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għandu jkun disponibbli għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għal dawn il-gruppi tal-popolazzjoni.

1.3Minflok ma jnaqqas il-persunal, fil-bidu l-iżvilupp u l-operat tas-servizzi diġitali ser joħolqu ħtieġa addizzjonali għall-persunal. Persunal adegwat huwa prerekwiżit għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess.

1.4Il-KESE bi pjaċir jinnota li matul il-pandemija kien hemm progress kbir fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

1.5Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ mudell ta’ governanza għal din il-politika, magħmul minn żewġ korpi ewlenin, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli u l-Komunità għal Ewropea Interoperabbli.

1.6Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tipprevedi u tħeġġeġ it-tfassil ta’ soluzzjonijiet sperimentali li jippermettu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u kumpaniji tat-teknoloġija innovattivi jew negozji ġodda, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sperimentali innovattivi li jistgħu jiġu applikati fis-servizzi pubbliċi u kondiviżi bejniethom.

1.7Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-programmi futuri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ interoperabbiltà fil-qasam tas-servizz pubbliku jagħmlu l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom taħt il-kundizzjoni li jiġu adottati l-prinċipji u l-istrutturi promossi mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

1.8Filwaqt li jilqa’ l-fatt li dan l-approċċ huwa parti mill-hekk imsejħa “tranżizzjoni doppja”, il-KESE jixtieq jenfasizza li xi mekkaniżmi teknoloġiċi għad-diġitalizzazzjoni jistgħu jikkunsmaw ħafna enerġija.

1.8.1Il-KESE jqis li, anke jekk ikunu meħtieġa prekawzjonijiet, il-protezzjoni tad-data m’għandhiex tfixkel il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà, kemm mis-servizzi pubbliċi kif ukoll mill-individwi.

1.8.2Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà għad-data, kemm miċ-ċittadini, min-negozji jew minn servizzi pubbliċi oħra, għandha tkun soġġetta għal livelli differenti ta’ awtorizzazzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità u tiġi kkomunikata biss dik li hija assolutament meħtieġa.

2.Kuntest

2.1Il-ħolqien ta’ suq intern, jiġifieri żona ta’ moviment liberu ta’ persuni, oġġetti, servizzi u kapital, jinvolvi t-tneħħija tal-ostakli nazzjonali eżistenti kollha.

2.2Sa mill-bidu tagħha, u saħansitra b’mod aktar vigoruż wara li nħoloq is-suq uniku, l-Unjoni Ewropea fittxet li tneħħi kwalunkwe ostaklu li jista’ jfixkel il-ħolqien ta’ suq intern ġenwin.

2.3Biex ikun hemm suq intern ġenwin, jeħtieġ li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess u jinteraġixxu, b’mod sempliċi u rapidu, mas-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, kemm fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali.

2.4Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ spazju miftuħ, bħal dak tal-Ewropa, teħtieġ li l-korpi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tagħha, fi kwalunkwe livell, jikkondividu d-data tagħhom u jikkooperaw bejniethom.

2.5Il-Kummissjoni ilha mis-snin disgħin tirsisti li twitti t-triq biex tinħoloq u tinżamm interoperabbiltà 1 jew, saħansitra, interkonnettività bejn is-servizzi pubbliċi differenti fl-Istati Membri 2 .

2.6Din il-ħtieġa gradwalment saret aktar urġenti, hekk kif is-suq intern beda jinbidel f’dimensjoni ġdida, id-dimensjoni diġitali 3 .

2.7Id-diġitalizzazzjoni tirrappreżenta rivoluzzjoni ġenwina, kemm fid-drawwiet tan-nies kif ukoll fil-mod kif joperaw in-negozji, kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika.

2.8F’dawn l-aħħar snin, sensiela ta’ servizzi pubbliċi li, sa dak iż-żmien, kienu ġew ipprovduti esklużivament b’mod fiżiku, ġew ipprovduti wkoll b’mod diġitali, u b’hekk iġġeneraw benefiċċji sinifikanti, kemm għaċ-ċittadini, għall-komunità tan-negozju, kif ukoll għas-servizzi pubbliċi nfushom, li setgħu jiffrankaw b’mod sostanzjali, f’termini ta’ sigħat tax-xogħol u riżorsi finanzjarji.

2.9Bil-kriżi tal-COVID-19, ix-xejra aċċellerat, peress li ntwera li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi Ewropej differenti tista’ tkun għodda siewja għall-moviment liberu tal-persuni, kif muri mill-użu taċ-ċertifikat tat-tilqim kontra din il-marda.

2.10L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi li, minħabba l-importanza tas-settur pubbliku fil-PDG 4 , id-diġitalizzazzjoni tiegħu tista’ tkun fattur deċiżiv fil-proċess Ewropew f’dan il-qasam, mhux biss minħabba li għandha l-potenzjal li tingrana oqsma oħra, iżda wkoll minħabba li hija kapaċi taġixxi bħala xprun għall-proċess kollu, fil-kuntest tal-ekonomija tal-Ewropa.

2.11B’riżultat ta’ dan, il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedu investiment pubbliku għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika li jammonta għal EUR 47 biljun.

2.12Maż-żmien, l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni, u l-gvernijiet tal-Istati Membri rrikonoxxew il-ħtieġa li jiżdiedu l-interoperabbiltà u l-interkonnettività mhux biss fi ħdan is-servizzi pubbliċi nazzjonali, iżda anke bejn is-servizzi tal-Istati differenti, u bejn dawn u dawk tal-Unjoni Ewropea 5 , sabiex iċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni jkunu jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi, ikunu fejn ikunu

2.13Filwaqt li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi mhijiex suġġett ġdid 6 , madankollu l-Komunikazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni li jkun aktar formali, aktar stabbli u aktar sigur, sabiex tiżdied l-interkonnettività eżistenti tal-apparati diġitali tas-servizzi pubbliċi nazzjonali differenti, kemm bejniethom kif ukoll ma’ dawk tal-Unjoni Ewropea 7 , u li tikkonsolida dan l-objettiv sabiex sal-2030 tinkiseb rata ta’ diġitalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi fit-territorju tagħha ta’ 100 %, kif propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” [COM(2021) 118].

2.14Għal dan l-għan, il-Komunikazzjoni analizzata tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li ġejjin għall-implimentazzjoni ta’ approċċ koerenti f’dan il-qasam:

·il-ħolqien ta’ struttura ta’ governanza tal-interoperabbiltà, magħmula minn żewġ korpi (il-Bord għal Ewropa Interoperabbli u l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli), li hija mfassla biex tippermetti kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm fil-livell ġenerali (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali) kif ukoll fil-livell settorjali (ġustizzja, trasport, affarijiet interni, saħħa u ambjent, fost oħrajn) kif ukoll ma’ atturi privati interessati mis-settur privat – b’mandat biex jintlaħaq qbil dwar soluzzjonijiet kondiviżi ta’ interoperabbiltà (pereżempju oqfsa, speċifikazzjonijiet miftuħa, standards miftuħa, applikazzjonijiet jew linji gwida);

·l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni obbligatorja tal-impatt tal-interoperabbiltà transfruntiera obbligatorja li jista’ jseħħ meta servizz pubbliku joħloq jew jimmodifika sistema ta’ informazzjoni;

·il-ħolqien b’mod konġunt ta’ ekosistema ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għas-settur pubbliku tal-UE (l-introduzzjoni ta’ katalogi ta’ assi ta’ interoperabbiltà rikonoxxuti li jistgħu jintużaw mill-amministrazzjonijiet u fit-tfassil tal-politika, bħal għodod, speċifikazzjonijiet jew soluzzjonijiet diġitali) bil-għan li l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-UE u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien, it-titjib u l-użu mill-ġdid ta’ dawn is-soluzzjonijiet, u b’hekk ikunu jistgħu jinnovaw flimkien u joħolqu valur pubbliku;

·l-għoti ta’ ċertu finanzjament tal-Unjoni Ewropea biex jinħolqu jew jissaħħu sistemi nazzjonali ta’ informazzjoni bil-kundizzjoni li jintużaw soluzzjonijiet jew prinċipji predefiniti mill-Unjoni Ewropea 8 .

3.Kummenti ġenerali

3.1Bħall-Kummissjoni, il-KESE jemmen li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi hija prerekwiżit essenzjali biex jinħoloq suq uniku diġitali u jitneħħew l-ostakli fiżiċi li fadal 9 .

3.2L-istabbiliment tal-għan li 100 % tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea jkunu diġitalizzati sal-2030 jimplika li jiġi aċċelerat u jittejjeb network trans-Ewropew li jikkollegahom u li juża elementi komuni, fil-livell tekniku, semantiku, legali jew organizzattiv, fost oħrajn.

3.3Madankollu, it-tilħiq ta’ dan l-objettiv ma għandux iwassal għal politika nazzjonali ta’ diġitalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi pubbliċi, għad-detriment ta’ dawk ipprovduti b’mod fiżiku u, barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-aktar gruppi vulnerabbli taċ-ċittadini, peress li kulħadd għandu jkollu aċċess għas-servizzi pubbliċi provduti b’mod fiżiku. It-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għandu jkun disponibbli għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għal dawn il-gruppi tal-popolazzjoni.

3.4Minflok ma jnaqqas il-persunal, fil-bidu l-iżvilupp u l-operat tas-servizzi diġitali ser joħolqu ħtieġa addizzjonali għall-persunal. Persunal adegwat huwa prerekwiżit għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess.

3.5Id-diġitalizzazzjoni għandha tintuża biex jiġi żgurat servizz pubbliku aħjar.

3.6Kif enfasizza l-KESE f’Opinjoni preċedenti tiegħu, “[...] dan m’għandux iwassal għas-sostituzzjoni tar-riżorsi umani b’għodda tal-informatika, iżda għandu jagħti iktar ċans lill-bnedmin biex jiddedikaw ruħhom għal kompiti ta’ iktar valur miżjud, [...]” 10 .

3.7Id-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali mhumiex mezz biex jiġi leġittimizzat it-tnaqqis ġenerali tal-impjiegi. L-eliminazzjoni tal-kompiti ta’ rutina minħabba d-diġitalizzazzjoni għandha twassal biex l-impjegati jkollhom aktar ħin għal xogħol eżiġenti u biex jagħtu pariri lin-nies.

3.8Barra minn hekk, fl-2030 bla dubju ser ikun hemm minoranza ta’ ċittadini esklużi diġitalment, li ser ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi pubbliċi b’mod fiżiku biss 11 . Ir-rotot ta’ aċċess analogu għan-nies biex jużaw is-servizzi pubbliċi ma jistgħux isiru aktar diffiċli jew jingħalqu matul id-diġitalizzazzjoni.

3.9Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tapprofondixxi u ttejjeb il-livell ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku, billi toħloq qafas legali li huwa definit fil-livell tal-Unjoni 12 .

3.10Il-KESE jirrikonoxxi li dan l-approfondiment tal-interoperabbiltà ser iġib miegħu benefiċċji enormi kemm għaċ-ċittadini, b’mod partikolari għall-ħaddiema transfruntiera, kif ukoll għall-intrapriżi u għall-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri stess.

3.11Madankollu, sabiex dawn il-benefiċċji jkunu tassew effettivi, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, mhuwiex biżżejjed li jiġu stabbiliti standards tekniċi li jagħmluha possibbli li s-servizzi jiġu interkonnessi. Huwa meħtieġ investiment pubbliku nazzjonali adatt, fil-livell kollha.

3.12Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni, kemm fil-livell leġiżlattiv kif ukoll fil-livell tan-networks tas-servizzi settorjali, sabiex jiġi evitat li, minn naħa, ir-riżultati miksuba permezz tal-interoperabbiltà jispiċċaw mhux effettivi minħabba piżijiet burokratiċi bla bżonn u, min-naħa l-oħra, li l-istess data tiġi pprovduta aktar minn darba miċ-ċittadini jew mill-individwi lil servizzi pubbliċi differenti, bir-riżultat li jkun hemm duplikazzjoni tal-proċeduri u spejjeż bla bżonn.

3.13Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li fil-livell nazzjonali ma jkunx hemm ostakli għas-servizzi pubbliċi diġitali li jagħmluha impossibbli li jintużaw bejn fruntieri differenti, jew fir-rigward tal-konnettività u l-interoperabbiltà tagħhom, ma’ ċittadini jew intrapriżi minn Stati Membri oħra, jew ma’ servizzi pubbliċi oħra li jappartjenu għal Stati Membri oħra 13 .

3.14Il-KESE bi pjaċir jinnota li matul il-pandemija u l-lockdown kien hemm progress kbir fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

3.15Fid-dawl ta’ dan, nilqgħu l-fatt li l-Komunikazzjoni inkwistjoni tipprova tikseb koerenza bejn il-politiki kollha tal-interoperabbiltà, kemm fil-livell tal-politiki nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-politiki Ewropej settorjali, li għandha tinkiseb billi jitħeġġeġ l-użu ta’ mudelli komuni, u billi jiġu kondiviżi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tipi oħra ta’ soluzzjonijiet komuni.

3.16Għall-istess raġunijiet, il-KESE jappoġġja l-prinċipju li s-servizzi pubbliċi differenti jużaw mill-ġdid u jikkondividu l-elementi u d-data, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

3.17Barra minn hekk, il-KESE jesprimi tħassib dwar l-użu tal-lingwi fil-qasam tal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi. L-arranġamenti lingwistiċi m’għandhomx ikunu ostaklu burokratiku, u jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni ssir b’lingwa li tinftiehem minn kulħadd.

3.18Il-KESE jappoġġja l-ħolqien u l-istituzzjonalizzazzjoni ta’ mudell ta’ governanza għal din il-politika, magħmul minn żewġ korpi fundamentali, jiġifieri l-Bord għal Ewropa Interoperabbli, li ser ikun ippresedut mill-Kummissjoni u magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, minn rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, magħmula minn atturi tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat 14 15 .

3.19Il-KESE jqis li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, tieħu sehem fid-definizzjoni tal-politiki relatati mal-interoperabbiltà, mhux biss minħabba li ċ-ċittadini u l-intrapriżi huma d-destinatarji finali ta’ din il-politika, iżda wkoll minħabba li s-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi billi tipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda għal din il-politika, li ma jkunux jistgħu jinkisbu mis-settur pubbliku.

3.20Il-KESE jemmen li l-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jsir f’livelli differenti, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ u tinċentiva lill-Istati Membri biex jippromovu dan l-involviment fil-livelli differenti – nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.21Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni toħloq punt ta’ aċċess uniku bil-għan li tiġbor flimkien u tiċċentralizza l-għarfien u s-soluzzjonijiet kollha tal-interoperabbiltà, li jistgħu jiġu pprovduti kemm mill-entitajiet pubbliċi kif ukoll minn dawk privati.

3.22Bħall-Kummissjoni, il-KESE jemmen li s-servizzi pubbliċi tal-Unjoni għandhom inaqqsu d-dipendenza tagħhom mill-infrastrutturi diġitali pprovduti minn pajjiżi terzi, li joħolqu theddida għas-sovranità diġitali Ewropea.

3.23Għal dan il-għan, nenfasizzaw li l-Kummissjoni tqis li għandhom jintużaw is-sistemi miftuħa, preferibbilment bħala kodiċijiet tas-sors miftuħ, sabiex l-iżviluppaturi jkunu jistgħu jikkondividu s-soluzzjonijiet.

3.24F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tipprevedi u tħeġġeġ it-tfassil ta’ soluzzjonijiet sperimentali li jippermettu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u kumpaniji tat-teknoloġija innovattivi jew negozji ġodda, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sperimentali innovattivi li, wara fażi ta’ ttestjar li jirnexxi, jistgħu jiġu applikati fis-servizzi pubbliċi u kondiviżi bejniethom.

3.25Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-programmi futuri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ interoperabbiltà fil-qasam tas-servizz pubbliku jagħmlu l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom taħt il-kundizzjoni li jiġu adottati l-prinċipji u l-istrutturi promossi mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

3.26Kundizzjoni bħal din tkun mezz eċċellenti biex is-servizzi pubbliċi jiġu sfurzati jadottaw standards komuni għall-interoperabbiltà fuq bażi volontarja.

3.27Il-KESE huwa sorpriż jinnota li din il-Komunikazzjoni, għall-kuntrarju ta’ Komunikazzjonijiet preċedenti 16 , imkien ma ssemmi l-benefiċċji li l-interoperabbiltà tas-sistemi pubbliċi Ewropej tista’ ġġib fil-ġlieda kontra l-frodi jew li b’hekk twassal għal gwadanji fl-effiċjenza u fl-introjtu għall-Istati Membri.

3.28F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-interoperabbiltà tas-sistemi ser ikollha timxi id f’id mal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, li tista’ tgħin lis-servizzi pubbliċi fl-analiżi tad-data u tiftaħ il-possibbiltà li jinħolqu allerti u twissijiet li jintbagħtu lil servizzi pubbliċi differenti fl-Istati Membri.

3.29Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jsiru żewġ kummenti relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni tad-data:

3.29.1Wieħed mill-objettivi tal-Komunikazzjoni huwa li l-istrateġija għall-interoperabbiltà tas-sistemi pubbliċi tiġi inkluża fl-istrateġija għat-tranżizzjoni diġitali kif ukoll fl-istrateġija għat-tranżizzjoni ekoloġika.

3.29.2Il-KESE jirrimarka li ċerti soluzzjonijiet tal-IT, għalkemm effiċjenti ħafna, jistgħu jikkunsmaw ħafna enerġija.

3.29.3Dan huwa l-każ għat-teknoloġija blockchain li, minkejja li hija effettiva ħafna fir-rigward tas-sigurtà, pereżempju, ta’ data sensittiva, tikkonsma ħafna riżorsi tal-enerġija.

3.29.4Il-KESE jilqa’ l-mod li bih inkisbet ir-regolamentazzjoni stabbilita fil-Komunikazzjoni għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji.

3.29.5Il-KESE jqis li, anke jekk ikunu meħtieġa prekawzjonijiet, il-protezzjoni tad-data m’għandhiex tfixkel il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà, kemm mis-servizzi pubbliċi kif ukoll mill-individwi.

3.29.6Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà għad-data, kemm miċ-ċittadini, min-negozji jew minn servizzi pubbliċi oħra, għandha tkun soġġetta għal livelli differenti ta’ awtorizzazzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità u tiġi kkomunikata biss dik li hija assolutament meħtieġa.

3.29.7B’dan il-mod jistgħu jiġu evitati kwistjonijiet bħal dawk li nqalgħu reċentement fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data mir-Reġistru Ċentrali tas-Sjieda Benefiċjarja, li diġà kienu s-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Brussell, 10 ta’ Marzu 2023

Alain COHEUR

Il-President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

_____________

(1)    L-interoperabbiltà tas-settur pubbliku hija definita bħala “dik li tippermetti lill-amministrazzjonijiet jikkooperaw u jagħmlu s-servizzi pubbliċi jiffunzjonaw bejn il-fruntieri, bejn is-setturi u bejn il-fruntieri organizzattivi”, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn “Ewropa Interoperabbli”.
(2)    Permezz tad-Deċiżjoni 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni nediet inizjattiva għall-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi, li tikkonsisti f’serje ta’ linji gwida, li l-għan tagħhom huwa, fost l-oħrajn, li jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni fir-rigward tan-networks trans-Ewropej għall-iskambju elettroniku ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet.
(3)    Fil-bini ta’ suq intern diġitali, sar importanti mhux biss li jitneħħew l-ostakli għall-eżistenza tiegħu, iżda wkoll li jinħolqu mekkaniżmi biex jiġi evitat li jiżdiedu ostakli ġodda.
(4)    Skont id-data tal-Eurostat għall-2022, is-settur pubbliku kien jirrappreżenta 53,1 % tal-PDG Ewropew – ara Government finance statistics Statistics Explained (europa.eu) (L-istatistika tal-finanzi pubbliċi – spjegazzjoni tal-istatistika).
(5)      For example, see the final declarations of the inter-ministerial meetings held in Tallinn (2017), Berlin (2020) and Strasbourg (2022).
(6)    Fl-2010, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej COM(2010) 744, li kienet is-suġġett ta’ Opinjoni tal-KESE (TEN/448-449) li ġiet implimentata permezz tal-programm dwar is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA, Deċiżjoni 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009), segwit fl-2015 mill-programm ISA2, stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mill-Programm Ewropa Diġitali skont ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(7)    Fil-Proposta analizzata f’din l-Opinjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-approċċ proattiv segwit s’issa mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi proposti relatati mal-interoperabbiltà.
(8)    Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta għal Regolament kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn “Ewropa Interoperabbli”.
(9)    Fl-Opinjoni tiegħu TEN/635 dwar “Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni”, il-KESE kien diġà enfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà biex jinkiseb Suq Uniku Diġitali ĠU C 81, 2.3.2018, p.176 .
(10)    Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv” ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92 u dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92
(11)    Dan huwa tħassib rikorrenti fl-Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176 .
(12)    F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għall-proġetti kollha tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-għan li jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni diġitali tagħha – ĠU C 365, 23.9.2022, p. 13 .
(13)    Element wieħed li jista’ jsir ostaklu għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi huwa l-pożizzjoni meħuda dwar id-data personali.
(14)    Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli huwa responsabbli għat-tfassil ta’ miżuri kif ukoll li jappoġġja, jagħti pariri u jimmonitorja l-politiki Ewropej dwar l-interoperabbiltà. Il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli ser tlaqqa’ flimkien atturi tas-soċjetà ċivili biex jassistu lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli fit-tfittxija u d-definizzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda li għandhom jiġu proposti.
(15)    L-għażla tal-Kummissjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE f’Opinjonijiet preċedenti – ĠU C 81, 2.3. 2018, p. 176 .
(16)    Ara l-Anness għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni.