Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
SC/053
Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura meta tiġi implimentata l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Ħadd ma jitħalla jibqa' lura meta tiġi implimentata l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Relatur: Peter SCHMIDT (DE-II)
Korelatur: Lutz RIBBE (DE/III)
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
21/02/2019
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta' Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
|
|
|
Sezzjonijiet kompetenti
|
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
|
|
|
|
|
Adottata fil-plenarja
|
31/10/2019
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
547
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
159/21/16
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU qed iwittu t-triq għal futur aħjar u aktar sostenibbli għal kulħadd. Fil-qalba tal-SDGs hemm impenn li jiżgura li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, billi l-ewwel jintlaħaq dak li jinsab l-aħħar nett” fit-tranżizzjoni għal triq sostenibbli u reżiljenti, u li l-ebda għan ma jitqies li ntlaħaq sakemm ma jkunx intlaħaq għal kulħadd.
1.2Il-KESE jemmen li t-tħassib soċjali għandu jiġi indirizzat f’sinerġija sħiħa ma’ dak ambjentali u ekonomiku. L-implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE tirrikjedi li d-dimensjoni soċjali tingħaqad ma’ dik ekonomika u dik ambjentali tas-sostenibbiltà, biex twassal għal bidla sistemika u jingħeleb il-ħsieb kompartimentalizzat prevalenti fl-istrateġiji attwali tal-UE. Il-valur li miżuri u politiki jiġu definiti permezz tal-lenti multidimensjonali tal-Aġenda 2030 huwa inkontestabbli. L-indirizzar tal-kwistjoni soċjali se jkun assolutament kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda.
1.3Jekk imqabbla mad-dimensjoni ambjentali jew dik ekonomika, kemm il-kwistjonijiet soċjali kif ukoll il-koeżjoni reġjonali s’issa tqiesu aktar bħala oqsma ta’ politika separati milli bħala parti tassew integrali tal-politika ta’ sostenibbiltà. Dak li jiddefinixxi d-dimensjoni soċjali f’politika komprensiva ta’ sostenibbiltà huwa mhux biss li tiżviluppa aktar il-politiki soċjali tradizzjonali (bħall-ħlasijiet aħjar tal-benefiċċji soċjali), iżda li tagħmel aktar għall-ġustizzja u l-parteċipazzjoni fl-ekonomija – għall-benefiċċju tan-nies u r-reġjuni.
1.4It-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, newtrali fil-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi tirrikjedi bidliet fundamentali fis-soċjetà tagħna u fl-ekonomija tagħna. Dawk il-bidliet jimplikaw possibbiltajiet iżda wkoll riskji. “Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” tfisser li l-membri kollha tas-soċjetà u speċjalment dawk li jinsabu aktar lura għandhom possibbiltà ġenwina li jaħtfu l-opportunitajiet u huma ppreparati sew biex jaffrontaw ir-riskji. Dan jirrikjedi politika attiva. F’dan il-kuntest, il-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà kif ukoll ir-reġjuni u t-territorji l-aktar żvantaġġati għandhom bżonn kunsiderazzjoni speċjali.
1.5“Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” tinvolvi b’mod partikolari li terġa’ tingħata s-setgħa lil kemm jista’ jkun nies sabiex ikollhom rwol pożittiv bħala ċittadini attivi, li tiġi mmassimizzata l-aċċessibbiltà ta’ investimenti, stili ta’ ħajja ġodda, xejriet ta’ konsum u teknoloġija sostenibbli għall-persuni, il-gruppi u r-reġjuni kollha fil-proċess ta’ tranżizzjoni. It-trasformazzjoni għas-sostenibbiltà ma tistax u m’għandhiex tkun imposta minn fuq; din tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq appoġġ wiesgħa u parteċipazzjoni attiva mingħand kulħadd.
1.6Biex tinkiseb l-implimentazzjoni tal-SDGs u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex:
·jistabbilixxu Ftehim Ekoloġiku u Soċjali Ewropew bħala parti minn “Strateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli Ġenerali tal-UE 2050” ġenerali li hija tassew diżakkoppjata mill-użu eċċessiv tar-riżorsi naturali, li l-għan ċentrali tagħhom huwa li jżidu l-benesseri taċ-ċittadini. Il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni l-ġdida beħsiebha tniedi Ftehim Ekoloġiku Ewropew; madankollu, il-KESE jinsisti li dan għandu jinkludi d-dimensjonijiet soċjali;
·jivvalutaw b'mod sistematiku l-effetti sekondarji negattivi/pożittivi potenzjali tat-tranżizzjoni fuq il-popolazzjoni tal-Ewropa (speċjalment gruppi foqra u vulnerabbli) u reġjuni strutturalment dgħajfa u jifhmu aħjar il-muturi interġenerazzjonali tas-sostenibbiltà u l-inugwaljanza;
·jistabbilixxu strutturi u għodod ta’ governanza xierqa biex jimplimentaw l-SDGs u l-Ftehim Ekoloġiku u Soċjali Ewropew, eż. bl-użu tas-Semestru Ewropew, regolamentazzjoni aħjar u l-QFP, inklużi l-fondi ta’ koeżjoni u dawk soċjali biex imexxu t-trasformazzjoni;
·jiżviluppaw għarfien usa’ tat-“tranżizzjoni ġusta” (lil hinn mill-faħam) u jimplimentaw bis-sħiħ il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jappoġġjawha, waqt li jmexxu r-riformi tas-sistemi ridistributtivi (tassazzjoni mfassla apposta, protezzjoni soċjali, u investimenti sostenibbli u soċjali) kif ukoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
·jiżguraw aċċess ugwali kif ukoll opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ adegwati għal kulħadd;
·jegħlbu l-ostakoli għall-parteċipazzjoni attiva minn ċittadini li m’għandhomx il-kapital finanzjarju u soċjali meħtieġ, l-għarfien u l-informazzjoni meħtieġa, u l-aċċess għall-opportunitajiet;
·jintroduċu politiki li kemm jibbenefikaw liċ-ċittadini kif ukoll jipproteġu l-ambjent, eż. pjani għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja jipprijoritizzaw gruppi vulnerabbli, politiki ta’ akkomodazzjoni soċjali ekoloġiċi, eċċ.
·jippromovu ekonomija soċjali u kollaborattiva fi ħdan it-tranżizzjoni tas-sostenibbiltà (eż. ħiliet, ekonomija ċirkolari, tranżizzjoni tal-enerġija, trawwim tal-kooperattivi);
·jipprovdu lill-SMEs b’appoġġ biex jirnexxu fit-tranżizzjoni u jiksbu kompetittività sostenibbli, permezz ta’aċċess aħjar għall-ħiliet, il-finanzi, l-innovazzjoni u t-teknoloġija;
·itejbu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;
·ifasslu strateġija biex jiżguraw li mhux biss il-bliet iżda wkoll il-komunitajiet rurali jsiru aktar inklużivi, reżiljenti u sostenibbli;
·isaħħu l-protezzjoni u l-adattament tal-klima fl-Ewropa sabiex tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni u jiġu indirizzati l-iskarsezza tal-ilma u d-depopolazzjoni;
·jagħtu leħen sinifikanti liż-żgħażagħ u lill-ġenerazzjonijiet futuri u jqisuhom bħala importanti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sostenibbiltà;
·jippromovu politika kummerċjali sostenibbli, li tinternalizza l-esternalitajiet soċjali u ambjentali pożittivi u negattivi tal-kummerċ.
2.Introduzzjoni
2.1Għal żmien wisq twil, id-dimensjoni soċjali tas-sostenibbiltà ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni, la fuq livell globali u lanqas fl-UE. Meta mqabbla mad-dimensjoni ambjentali u dik ekonomika, kemm il-kwistjonijiet soċjali kif ukoll il-koeżjoni reġjonali s’issa tqiesu aktar bħala oqsma ta’ politika separati milli bħala parti tassew integrali tal-politika ta’ sostenibbiltà, filwaqt li l-inugwaljanzi soċjali mifruxa u l-iżbilanċi reġjonali għadhom jeżistu fl-Ewropa u f’xi postijiet qed imorru għall-agħar. S’issa, il-politiki tabilħaqq eskludew lin-nies, il-gruppi u r-reġjuni, u mhux biss naqsu milli jirrispettaw il-konfini planetarji, iżda wkoll il-ħtiġijiet soċjali bażiċi ta’ partijiet sinifikanti tal-popolazzjoni tal-UE. L-UE ta’ spiss tinżamm responsabbli għad-distakki kbar bejn dak li huwa mwiegħed fil-politika ta’ koeżjoni u dik soċjali u dak li jsir fir-realtà.
2.2Ir-rabtiet pożittivi u negattivi dejjem akbar bejn l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi ma jistgħux u ma għandhomx jiġu injorati. Protesti reċenti madwar l-Ewropa m’għandhomx jitqiesu bħala sinjal ta’ rifjut dirett tar-riformi mill-pubbliku ġenerali. Anzi, huma espressjoni tal-biżgħat ta’ ħafna nies li diġà mhumiex sodisfatti bis-sitwazzjoni attwali tagħhom u li issa jibżgħu wkoll li t-trasformazzjonijiet neċessarji futuri – pereżempju, biex nersqu lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju – se jerġgħu jsiru a skapitu tagħhom.
2.3Għalhekk, qafas ġdid ta’ politika ta’ żvilupp sostenibbli jrid janalizza n-nuqqasijiet tal-politiki attwali mhux sostenibbli u jwassal għal ftehim ekoloġiku u soċjali ġdid li jindirizza b’mod sinifikanti l-biżgħat tan-nies permezz ta’ soluzzjonijiet prattiċi. Tqassim ġust tal-piż u tal-benefiċċji huwa l-ewwel pass biex tinkiseb l-aċċettazzjoni u l-appoġġ tal-pubbliku l-aktar wiesgħa possibbli għal dawn il-miżuri tas-soċjetà. Meta l-persuni jieħdu sehem fit-tranżizzjoni b’mod pożittiv, dan inaqqas ir-riskju li jkun hemm iktar nuqqas ta’ sodisfazzjon, oppożizzjoni jew rassenjazzjoni politika, pereżempju, nies li jastjenu milli jivvutaw. M’hemmx dubju li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni jikkontribwixxi għal bidla lejn l-estremiżmu, il-populiżmu, ir-razziżmu u n-nazzjonaliżmu fis-soċjetà tagħna, kif issa jista’ jidher f’ħafna Stati Membri tal-UE.
2.4Ma nistgħux insolvu l-kriżi ekoloġika sakemm tiġi indirizzata d-dimensjoni soċjali u viċi versa. Huwa meħtieġ dibattitu tas-soċjetà biex naċċettaw li d-dimensjoni soċjali irid ikollha l-istess importanza tad-dimensjoni ekonomika u dik ambjentali.
2.5Il-Kumitat itenni li l-fatt li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” m’għandux u ma jistax ikun biss dwar it-tħassib partikulari tal-individwi u s-sitwazzjoni u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi tagħhom. Huwa wkoll dwar l-unitajiet domestiċi, il-komunitajiet, ir-reġjuni, is-setturi u l-minoranzi li jitħallew jibqgħu lura u li jħossuhom abbandunati – eż. meta s-servizzi pubbliċi jingħalqu jew jiddeterjoraw, jew meta servizzi essenzjali ma jkunux aċċessibbli jew affordabbli (mhix kwistjoni biss ta' flus). Jibda b’infrastruttura fiżika (trasport, telekomunikazzjonijiet u l-internet) u mbagħad jaffettwa l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kura soċjali u attivitajiet ta’ divertiment, kif ukoll servizzi amministrattivi, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-pulizija, eċċ.
2.6“Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” jinvolvi li n-nies jingħataw is-setgħa bħala ċittadini attivi, li tiġi mmassimizzata t-trasparenza u li n-nies, il-gruppi u r-reġjuni jiġu inklużi fil-proċess ta’ tranżizzjoni.
2.7Barra minn hekk, “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” jestendi għall-ġenerazzjonijiet futuri, f’konformità mad-definizzjoni ta’ żvilupp sostenibbli stabbilita fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Brundtland. Il-KESE jemmen li l-qafas ta’ politika Ewropea attwali u l-ekonomija attwali jqarrqu biż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri u jilqa’ l-fatt li ż-żgħażagħ b’mod partikolari issa qed jesprimu t-tħassib tagħhom, eż. permezz tal-moviment “Fridays for Future” (“Nhar ta’ Ġimgħa għall-Ġejjieni”).
2.8Peress li n-nies għandhom bżonn jitħeġġu jiffaċċjaw il-proċess ta’ trasformazzjoni li ġej mingħajr biża’, il-mexxejja politiċi fil-livelli kollha jridu jagħtu ħajja ġdida lill-prinċipju ta’ “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” – it-trasformazzjoni tfisser bidla – u bl-ebda mod ma jfisser li kulħadd se jkun rebbieħ waqt il-bidla għas-sostenibbiltà. Għalhekk huwa ħażin daqskemm m'huwiex għaqli li nitkellmu biss dwar sitwazzjonijiet li fihom jirbaħ kulħadd. Għalkemm is-soċjetà kollha kemm hi se tibbenefika, l-ispejjeż u l-benefiċċji mhux se jinqasmu b’mod ugwali mingħajr interventi ta’ politika biex ikun żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
3.Xejriet ta’ tħassib fl-inugwaljanzi soċjali u ambjentali fl-Ewropa
3.1L-Ewropa għandha livelli għoljin ħafna ta’ żvilupp uman u l-istennija tal-għomor taċ-ċittadini tagħha hija fost l-ogħla fid-dinja. Madankollu, l-Ewropa għad fadlilha ħafna xogħol x'tagħmel biex tikseb id-dimensjoni soċjali tal-SDGs. Skont l-aħħar data disponibbli tal-Eurostat, 109,2 miljun persuna, jew 21,7 % tal-popolazzjoni tal-UE, kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-2018. It-tfal u l-gruppi ta’ minoranza huma l-aktar f’riskju. Id-deprivazzjoni materjali estrema, miżura ta’ faqar assolut, naqset mill-2008 ’l hawn minn 8,5 % għal 5,8 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-2018, iżda għadha ’l bogħod mill-mira tal-Ewropa 2020.
3.2Il-perċentwal ta’ nisa f'impjieg huwa biss 67,5 %
meta mqabbel mat-73 % għall-irġiel (b’55 % biss tan-nisa bi tliet itfal jew aktar li jinsabu impjegati, kontra l-85 % tal-irġiel)
; 32 % tan-nisa jaħdmu part-time
meta mqabbla mat-8 % biss tal-irġiel. Fl-2017, il-qligħ gross kull siegħa tan-nisa kien, bħala medja, 16 % inqas minn dak tal-irġiel fl-UE minħabba taħlita ta’ sterjotipi, segregazzjoni fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, aktar irġiel f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija u dawk superviżorji, perjodi itwal barra mis-suq tax-xogħol, responsabbiltajiet ta’ kura mhux imħallsa u diskriminazzjoni fil-paga
. In-nuqqas ta’ kura (għat-tfal) ikompli jkun r-raġuni ewlenija għan-nisa li ma jagħmlux parti mill-forza tax-xogħol. Waħda minn kull tliet nisa inattivi (31,7 %) irrappurtat li l-inattività tagħhom kienet minħabba r-responsabbiltajiet tal-kura, meta mqabbla ma’ 4,6 % biss tal-irġiel inattivi. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa tiżdied matul il-karriera u l-ħajja, u din twassal għal differenza enormi bejn il-pensjoni tal-irġiel u n-nisa ta’ 39 %, bid-differenza fil-faqar bejn l-irġiel u n-nisa tkun l-ogħla fil-grupp tal-età avvanzata (65 sena jew aktar).
3.3L-inugwaljanza fil-ġid hija saħansitra akbar: 10 % tal-unitajiet domestiċi l-aktar sinjuri għandhom 50 % tal-ġid totali, filwaqt li l-40 % l-inqas sinjuri għandhom ftit aktar minn 3 %
. Is-sehem tal-introjtu tal-40 % tal-popolazzjoni li jaqilgħu l-anqas f’termini ta’ introjtu disponibbli ekwivalenti totali ġie stabbilizzat f’livell baxx, u laħaq il-21,1 % fl-2017 (SDG tal-Eurostat 2019). Jeżistu ukoll inugwaljanzi kbar fit-tqassim tal-introjtu fl-UE: fl-2016, l-20 % tal-popolazzjoni li għandhom l-aktar introjtu qalgħu 5,2 darbiet aktar mill-20 % li jaqilgħu l-anqas.
3.4Il-foqra saru wkoll dejjem ifqar: il-livell jew is-severità tal-faqar (jiġifieri kemm jinsab taħt il-livell ta’ riskju tal-faqar l-introjtu tal-persuni f’riskju tal-faqar) għall-UE kollha fl-2016 kienet ta’ 25 %: dan ifisser li nofs dawk li jgħixu taħt il-linja tal-faqar kienu tal-anqas 25 % taħt il-livell rilevanti ta’ riskju tal-faqar.
3.5Skont l-evidenza (parzjali) disponibbli, unitajiet domestiċi b'introjtu baxx għandhom it-tendenza li jgħixu f’ambjent inqas tajjeb għas-saħħa minn dawk b'introjtu ogħla u jsofru minn sorsi multipli ta’ vulnerabbiltà. Unitajiet domestiċi ifqar għandhom ukoll sfidi akbar biex jaffordjaw l-enerġija u l-mobilità
. M’hemm l-ebda ugwaljanza bejn iċ-ċittadini Ewropej fejn tidħol l-espożizzjoni għal tniġġis jew perikli ambjentali oħra
.
3.6Filwaqt li d-differenzi ekonomiċi bejn il-pajjiżi tal-UE tnaqqsu maż-żmien, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, billi l-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar tista’ tvarja minn 32,8 % (il-Bulgarija) sa 12,2 % (ir-Repubblika Ċeka). Hemm varjazzjoni ta’ 25,8 % fl-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi fl-UE kollha b’livelli ogħla fil-pajjiżi tat-Tramuntana u tal-Punent u livelli aktar baxxi fil-pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Hemm ukoll differenzi kbar bejn l-Istati Membri fejn jidħlu r-rati tal-qgħad u l-prevalenza ta’ ċaħda materjali severa
. B’mod ġenerali, 64,9 % tal-popolazzjoni qiegħda fl-UE hija f’riskju, li tvarja minn 81,8 % fil-Ġermanja għal 51,5 % fil-Polonja.
3.7L-inugwaljanzi huma riżultat tas-sitwazzjoni ekonomika attwali tagħna. It-teorija “trickle-down” tat-tkabbir li minnha jibbenefikaw il-partijiet ikkonċernati kollha b’mod ugwali ma tirriflettix ir-realtà Ewropea: tabilħaqq, mhux kulħadd ibbenefika mit-tkabbir Ewropew bl-istess mod, fejn l-unitajiet domestiċi b'introjtu ogħla bbenefikaw ħafna aktar mill-40 % tal-popolazzjoni li taqla' l-anqas. Ħafna nies ibatu biex ikampaw, filwaqt li porzjon żgħir ħafna jibbenefika mill-biċċa l-kbira tal-ġid li lkoll nikkontribwixxu biex noħolqu.
4.L-impatti divrenzjali tat-tranżizzjoni tas-sostenibbiltà
4.1It-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà mhux biss issegwi l-ħtieġa li r-riżorsi naturali tagħna jiġu ttrattati b’aktar attenzjoni u responsabbiltà, iżda hemm ukoll evidenza dejjem tikber tal-potenzjal ekonomiku rispettiv. Is-suq globali għal oġġetti u servizzi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju diġà qed jikber malajr. Uħud mill-impjiegi li qegħdin jinħolqu fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jinsabu f’reġjuni u setturi li esperjenzaw għexieren ta’ snin ta’ nuqqas ta’ investiment. Ekonomija aktar ċirkolari tikkontribwixxi għall-effiċjenza fir-riżorsi, tnaqqas l-impatti ambjentali negattivi u żżid l-impjiegi, inkluż permezz tar-rilokazzjoni ta’ attivitajiet lura lejn l-Ewropa u fi ħdan l-Istati Membri, inklużi f'żoni żvantaġġjati. Studju reċenti jistma żieda fl-impjiegi netti ta’ madwar 650,000 sa 700,000 impjieg sal-2030 bħala riżultat ta’ politiki tal-ekonomija ċirkolari
. Għandna niżguraw li n-nies kollha jkollhom aċċess u li dawn huma impjiegi ta’ kwalità għolja. Sal-2030, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima hija mistennija li toħloq 1,2 miljun impjieg addizzjonali fl-UE, minbarra t-12-il miljun impjieg ġdid diġà mistennija. It-tranżizzjoni tista’ ttaffi l-polarizzazzjoni tal-impjiegi kontinwa li tirriżulta mill-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni billi toħloq ukoll impjiegi fin-nofs tal-iskala tad-distribuzzjoni tal-pagi u l-ħiliet, b’mod partikolari fil-kostruzzjoni u l-manifattura. Is-setturi kollha se jiġu affettwati, bi skala ferm ikbar ta’ tfixkil mistennija fl-industrija tal-karozzi u l-agrikoltura.
4.2Madankollu, għadna qed inkomplu naraw distorsjonijiet kompetittivi enormi, minħabba li l-qafas eżistenti tal-ekonomija tas-suq tagħna jonqos milli jevita l-ħela, il-kontaminazzjoni jew il-qerda tar-riżorsi naturali. Dawn id-distorsjonijiet jiġu mhux biss minn fuq dahar l-ambjent, iżda jipprevjenu wkoll it-tixrid rapidu ta’ għażliet ekonomiċi ġodda u sostenibbli. Jeżistu kemm fl-Ewropa kif ukoll fuq livell internazzjonali. Kemm fil-politika tas-suq intern kif ukoll fil-politika tal-kummerċ, ma għandu jinsteraq l-ebda vantaġġ kompetittiv permezz ta’ azzjonijiet irresponsabbli fir-rigward tal-benesseri tan-nies jew permezz tas-serq tar-riżorsi naturali. Għalhekk il-KESE jilqa’ l-fatt li l-President il-ġdid tal-Kummissjoni tal-UE, pereżempju, talbet l-introduzzjoni ta’ Taxxa tal-Karbonju fuq il-Fruntieri, sakemm din l-iskema tkun imfassla biex tħaffef it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u biex tikseb ġustizzja soċjali akbar. Bħala soluzzjoni solida għal perjodu twil, il-KESE jqis li huwa importanti li l-UE tagħmel minn kollox biex ikun hemm prezzar globali tal-karbonju.
4.3Il-problema tas-sistemi tat-tassazzjoni fl-Istati Membri tal-UE hija li jiddependu ħafna fuq it-taxxa fuq ix-xogħol. Fil-fatt, it-taxxi ambjentali rrappreżentaw biss 6,3 % tad-dħul mit-taxxa totali fl-2016 waqt li t-taxxa fuq ix-xogħol rrappreżentat 49,8 % tat-total. Approċċ olistiku għar-riforma tat-taxxa, allinjat mal-SDGs, jista’ tabilħaqq imexxi l-attenzjoni ’l bogħod mix-xogħol lejn it-taxxi fuq il-ġid eċċessiv, il-konsum, it-tniġġis jew id-diġitalizzazzjoni. Bidla bħal din tkun teħtieġ li titqies l-inugwaljanza dejjem tikber fl-introjtu fl-Ewropa kif ukoll il-korrelazzjoni bejn il-livelli tal-introjtu u l-impronta tal-karbonju. Fil-fatt, it-taxxi ambjentali jeħtieġu li jkunu ddisinjati biex jiżguraw bidla fl-imġiba fost l-akbar utenti filwaqt li jiġu minimizzati l-impatti negattivi fuq l-introjtu u l-inugwaljanza tal-assi. Pereżempju, it-tmiem tas-sussidji għar-riżorsi tal-enerġija mill-fossili, l-introduzzjoni ta’ tariffi tas-CO2 u l-allokazzjoni tad-dħul rispettiv għall-iżvilupp tat-trasport pubbliku jista' jkollhom impatt ta’ benefiċċju fuq l-inugwaljanza fl-introjtu u r-riżultati soċjali.
4.4L-UE se jkollha l-kredibbiltà li taġixxi bħala mexxejja globali dwar is-sostenibbiltà biss jekk l-Ewropa tipprepara ruħha f'dan il-qasam. Dan huwa, l-ewwel nett, prerekwiżit biex tibbenefika mis-swieq futuri li qed jikbru malajr, eż. fl-oqsma tal-ekonomija ċirkolari, it-teknoloġija ekoloġika, il-bijoġinerija u l-finanzi sostenibbli. Fl-istess ħin, impenn għas-sostenibbiltà fil-livell globali jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-UE f’oqsma oħra (bħall-indirizzar tal-kawżi tal-migrazzjoni, il-kummerċ globali ġust u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq pajjiżi li għandhom ħafna żejt minn perspettiva tal-politika estera).
4.5Madankollu, it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tirrikjedi investiment pubbliku u privat enormi jew infiq għoli f’prodotti ta’ konsum durabbli, li se jagħtu riżultati pożittivi fit-tul – fil-livell tal-unitajiet domestiċi, tal-kumpaniji kif ukoll tal-muniċipalità, tar-reġjun u tal-pajjiż. Il-mistoqsija kruċjali għas-sostenibbiltà soċjali hija: min jista’ jinvesti jew jonfoq dan il-flus? Din il-mistoqsija tiddetermina min jibbenefika mill-vantaġġi ekonomiċi identifikati – u min le. Is-sostenibbiltà soċjali hija fil-periklu jekk:
-huma l-kumpaniji kbar biss li huma kapaċi jinvestu u l-SMEs mhumiex,
-in-negozji ġodda m’għandhomx aċċess għas-swieq futuri ta’ ekonomija sostenibbli,
-is-settur pubbliku biss f’reġjuni sinjuri aktar milli f’reġjuni strutturalment aktar foqra għandu l-baġit biex jagħmel infrastruttura adattata għas-sostenibbiltà,
-iżda l-aktar importanti, nies b'introjtu aktar baxx u bi ftit riżorsi finanzjarji, b’livell ta’ edukazzjoni aktar baxx u b’inqas għarfien, li huma inqas bankabbli, b’inqas kapital soċjali u b’inqas fiduċja, m’għandhomx jew ma jarawx opportunitajiet reali biex jinvestu jew ibiddlu t-tendenzi tal-konsum tagħhom għas-sostenibbiltà. F’tali xenarju, l-uniċi nies li jibbenefikaw mit-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà huma dawk li diġà sejrin tajjeb. L-inugwaljanzi u l-inġustizzji soċjali mbagħad jiżdiedu, kif jagħmlu wkoll id-disparitajiet reġjonali.
4.6Dak li jiddefinixxi s-sostenibbiltà soċjali mhuwiex jekk din tiżviluppax aktar il-politiki soċjali tradizzjonali (bħall-ħlasijiet aħjar tal-benefiċċji soċjali), iżda jekk tipprovdix opportunitajiet aktar ugwali għall-parteċipazzjoni fl-ekonomija. Għal dan il-għan, l-SMEs, in-negozji ġodda, is-settur pubbliku f’reġjuni strutturalment dgħajfa u fuq kollox iċ-ċittadini (speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli) għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fit-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati fatturi oħra bħall-ġeneru, il-kapaċitajiet individwali u l-età, peress li jistgħu jaggravaw l-inugwaljanzi eżistenti fl-Ewropa.
4.7Jeħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat l-impatt territorjali tat-tranżizzjoni. Globalment, 67 % tan-nies se jgħixu fil-bliet sal-2050. Fl-Ewropa, ir-rata ta’ urbanizzazzjoni hija mistennija tilħaq it-80 %. Mhux iċ-ċittadini kollha jitfgħu l-istess piż fuq l-ambjent, u l-iżvilupp tal-politika jeħtieġ li jirrifletti dan b’modi xierqa. Pereżempju, nies minn Londra jipproduċu ftit aktar minn nofs l-emissjonijiet tal-medja tar-Renju Unit. Madankollu, fl-istess ħin, il-popolazzjonijiet rurali ta’ spiss għandhom rwol importanti fil-provvista u ż-żamma ta’ servizzi tal-ekosistema. Għalhekk, ir-reġjuni rurali u l-bliet iżgħar kif ukoll ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE m’għandhomx jintesew iżda għandhom jiġu involuti fit-tranżizzjoni.
5.Oqsma strateġiċi ta’ azzjoni – lejn soluzzjonijiet
5.1Metodu komuni fil-politika ta’ żvilupp sostenibbli huwa li jintużaw inċentivi ekonomiċi biex iħeġġu mġiba ambjentalment mixtieqa u/jew biex jippenalizzaw imġiba li tagħmel il-ħsara għall-ambjent. Pereżempju, fil-kuntest tat-tariffi tas-CO2, it-twemmin sottostanti huwa li l-prezz tas-suq għandu jirrifletti l-ispiża tal-emissjonijiet tas-CO2. Dan l-approċċ jista’ jiġi ġġeneralizzat biex kwalunkwe esternalità fuq l-ambjent naturali tiġi kkunsidrata mill-internalizzazzjoni tal-prezzijiet. L-approċċ tal-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet huwa popolari minħabba li jwiegħed effettività u effiċjenza għolja u huwa kompatibbli mal-kunċett bażiku tal-ekonomija tas-suq.
5.2Fortunatament, il-Kummissjoni Ewropea bdiet tieħu l-approċċ tal-internalizzazzjoni ta’ effetti esterni b’aktar serjetà, billi rrikonoxxiet pereżempju li l-enerġiji rinnovabbli huma żvantaġġjati sakemm l-ispejjeż esterni tar-riżorsi fossili ma jkunux riflessi bis-sħiħ fil-prezz tas-suq
jew jippruvaw jimplimentaw “il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”
fis-settur tat-trasport. Dawn l-approċċi qed jirrikonċiljaw id-dimensjoni ekoloġika mad-dimensjoni ekonomika tas-sostenibbiltà, iżda ma jinkorporawx id-dimensjoni soċjali. Il-gruppi u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà kollha għandhom jiġu pprovduti qafas li jagħtihom opportunità ġusta li jipproduċu u jikkunsmaw b’mod sostenibbli. Inkella, l-SMEs se jitilfu l-kompetittività tagħhom, ir-reġjuni strutturalment dgħajfa saħansitra se jiddgħajfu aktar u l-persuni żvantaġġjati soċjalment jew individwalment se jkollhom saħansitra inqas possibbiltà li jipparteċipaw fil-prosperità tas-soċjetà.
5.3Għalhekk, strateġija għas-sostenibbiltà li tiddependi biss fuq suq fejn idealment l-esternalitajiet kollha jiġu internalizzati mhijiex biżżejjed minħabba li ma tagħtix awtomatikament riżultati sostenibbli għas-soċjetà. Minbarra l-internalizzazzjoni tal-effetti esterni, politika li tippromovi wkoll is-sostenibbiltà soċjali teħtieġ li tieħu approċċ aktar wiesgħa. Ostakoli eżistenti li jipprevjenu persuni individwali, gruppi soċjali, kooperattivi, kumpaniji speċifiċi jew is-settur pubbliku milli jipparteċipaw fl-iżvilupp sostenibbli għandhom jitneħħew.
5.4It-tranżizzjoni tas-sostenibbiltà se tkun partikolarment kritika f’setturi speċifiċi, bħal dawk tal-ikel, it-trasport, id-djar u l-enerġija. B’mod partikolari, tliet eżempji mis-settur tal-enerġija juru dan il-punt:
·Prezz tas-CO2 ogħla jżid l-ispiża tal-elettriku, sakemm ma jiġix prodott 100 % mingħajr CO2. Dan jagħmel l-awtoprovvista tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, bħall-enerġija solari (mogħtija spinta fil-futur bl-użu tal-ħażna tal-elettriku), aktar attraenti. Li tipproduċi u tikkonsma l-prodott tiegħek stess tagħmel sens f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali u dik ekonomika. Madankollu, dawk li jgħixu fi djarhom stess jew dawk li jmexxu negozji akbar u li għandhom superfiċji (bjut) kbar biżżejjed għandhom opportunitajiet ferm aħjar biex ikunu prosumaturi. Għal kerrejja jew negozji żgħar artiġjanali, min-naħa l-oħra, li ssir prosumatur tkun jew aktar diffiċli jew saħansitra oġġettivament impossibbli. Għalhekk, id-dawl isir aktar u aktar għali għalihom, filwaqt li dawk li jagħmlu użu mill-awtoprovvista jistgħu jiffrankaw il-flus u jħallsu l-investiment tagħhom filwaqt li saħansitra jirċievu flus mill-kontribwenti f’ċerti ċirkostanzi. Dan iżid l-inugwaljanza soċjali u l-iżvantaġġi kompetittivi tan-negozji ż-żgħar. Problemi simili ħafna jidhru wkoll fis-settur tat-tisħin.
·Prezz tas-CO2 ogħla jagħmel ukoll il-karburanti fossili għaljin. Fi kliem ieħor, l-ispiża li wieħed jixtri karozza elettrika tiġi rkuprata aktar malajr. Dan, madankollu, jirrikjedi likwidità finanzjarja jew tal-inqas affidabbiltà kreditizja. Individwi, jew saħansitra negozji żgħar, li m’għandhomx dan mhumiex fil-pożizzjoni li jixtru karozza elettrika u għalhekk iridu jħallsu l-prezz ogħla għall-petrol. Għażla oħra, tal-inqas fi bliet kbar, hija t-trasport pubbliku jew iċ-ċikliżmu. Iżda din mhijiex alternattiva realistika f’ħafna żoni rurali. Ir-riżultat huwa li sempliċement ma jkunx hemm l-istess problemi bħal dawk tal-elettriku jew it-tisħin; il-koeżjoni reġjonali wkoll titqiegħed taħt aktar pressjoni.
·Fl-aħħar nett, l-aħjar mod biex jiġi nkoraġġit b’mod effettiv l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari huwa probabbilment li l-konsum tal-materja prima jiġi jiswa aktar, eż. li timmanuvra bejn il-VAT. Madankollu, l-evitar jew ir-riċiklaġġ ta’ materja prima skont l-industrija jew il-kummerċ ħafna drabi jirrikjedi investiment bil-quddiem f’apparat u teknoloġija, li għal darb’oħra jibbenefikaw minnu kumpaniji kbar għad-detriment tal-SMEs.
5.5Dawn l-eżempji juru li – minkejja huwa ġġustifikat li titrawwem l-enerġija rinnovabbli, l-elettromobbiltà u l-ekonomija ċirkolari billi l-emissjonijiet jew il-materja prima jiswew aktar – jekk dan huwa l-uniku approċċ, is-sostenibbiltà soċjali se ssofri. Jeħtieġ li tkun appoġġjata minn inizjattivi li jindirizzaw speċifikament is-sitwazzjoni tal-parteċipanti żvantaġġati tas-suq u li tal-anqas jikkumpensaw għall-iżvantaġġi tagħhom. Madankollu, kumpens pur u sempliċi ħafna drabi mhuwiex biżżejjed biex isir progress fuq is-sostenibbiltà soċjali. F’xi postijiet, l-iżvantaġġjat irid effettivament ikollu opportunitajiet aħjar minn oħrajn.
5.6F’dan il-kuntest, il-parteċipazzjoni, pereżempju fit-tranżizzjoni tal-enerġija, tiddependi wkoll fuq l-edukazzjoni u l-għarfien tal-azzjoni potenzjali, u għalhekk huwa essenzjali li tgħin lin-nies itejbu l-fiduċja tagħhom fl-involviment f’attivitajiet li jwasslu għal parteċipazzjoni akbar fl-iżvilupp sostenibbli. Mingħajr dan, l-ostakoli maħluqa mill-proċeduri amministrattivi u l-burokrazija jistgħu jkunu aktar ta’ piż. Il-bidla fl-infrastruttura trid wkoll tingħata attenzjoni.
5.7Qasam strateġiku ieħor ta’ azzjoni huwa l-kwalifika, l-edukazzjoni, il-gwida u l-assistenza. It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali fil-klima se jkollha impatt kbir fuq il-ħtiġijiet tal-ħiliet. Hemm ħtieġa urġenti ta’ investiment fil-kapital uman (edukazzjoni, taħriġ, tagħlim tul il-ħajja) biex il-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jiġu attrezzati bil-ħiliet meħtieġa fit-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali. L-iskejjel u l-universitajiet għandhom jinkludu kurrikuli speċifiċi tal-iżvilupp sostenibbli biex jippromovu wkoll it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, li jirrifletti s-sitwazzjoni fis-swieq tax-xogħol. Investiment fil-ħiliet ġodda u t-titjib fil-ħiliet eżistenti tal-popolazzjoni huwa essenzjali sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
5.8It-trasferimenti soċjali (eż. iffinanzjati minn “tassazzjoni progressiva” u taxxi innovattivi bħat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji) huma daqstant importanti. In-natura tax-xogħol li qed tinbidel minħabba bidla teknoloġika se tagħmel il-ħruġ ta’ drittijiet ġodda, bħal introjtu adegwat għal kulħadd, dibattitu ewlieni għall-perjodu li jmiss billi jiġu involuti bis-sħiħ l-imsieħba soċjali. L-iżgurar li t-tfassil tagħhom jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà, minflok ixekkilha, se jkun importanti.
5.9Il-politika soċjali ilha ma tagħtix każ l-isfidi ambjentali. Pereżempju, il-Fond Soċjali Ewropew ma jindirizzax it-tibdil fil-klima, b’perċentwal stmat ta’ madwar 7 % biss allokat għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima permezz ta’ riforma ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, adattament ta’ ħiliet u kwalifiki, titjib fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda
. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ koerenza bejn l-oqfsa ta’ politika jfisser li l-kompromessi, is-sinerġiji u l-ħtieġa għal miżuri ta’ sostenn huma jew neqsin mid-dibattitu jew huma diffiċli biex jiġu evalwati minħabba nuqqas ta’ data, għodod jew proċessi adattati.
5.10B’mod aktar speċifiku, biex tiġi ffaċilitata bidla ta’ paradigma lil hinn mill-isforzi ta’ kumpens u ta’ mitigazzjoni ex post u biex jiġi permess li l-persuni soċjalment żvantaġġjati f’reġjuni strutturalment żvantaġġjati jiżviluppaw proġetti “minn isfel għal fuq” huma stess u joħolqu gradwalment mudelli ekonomiċi verament sostenibbli, parteċipattivi u inklużivi
, se jkunu meħtieġa l-elementi li ġejjin:
·introjtu garantit xieraq għal dawk fil-bżonn;
·aċċess garantit għall-appoġġ ta’ mikrofinanzjament jew self pubbliku għal nies b’livelli ta’ kreditu baxxi mill-perspettiva ta’ banek privati;
·appoġġ għall-awtoprovvista (b’mod speċjali tal-komunità), pereżempju fl-oqsma tal-enerġija, tal-akkomodazzjoni u tal-agrikoltura, li jistgħu jiġu inkorporati f’forom differenti ta’ strutturi fl-ekonomija soċjali, b’mod partikolari kooperattivi);
·it-tnaqqis tal-ostakoli amministrattivi għal dawn l-atturi;
·pariri legali u tekniċi ta’ sensibilizzazzjoni;
·it-tisħiħ tal-investiment pubbliku fl-infrastruttura u l-investiment soċjali.
6.Ir-rwol tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-kuntest tas-sostenibbiltà
6.1Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ipproklamat mill-UE f’Novembru 2017 huwa l-għodda speċifika biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali li qed tiffaċċja l-UE, peress li jesprimi l-prinċipji u d-drittijiet essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb fl-Ewropa tas-seklu 21 u hija dwar it-twassil ta’ drittijiet ġodda u aktar effettivi għaċ-ċittadini kollha abbażi ta’ 20 prinċipju ewlieni strutturat madwar tliet kategoriji: i) opportunitajiet ugwali u aċċess għas-suq tax-xogħol, ii) kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u iii) protezzjoni soċjali u inklużjoni għal kulħadd.
6.2L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tirrikjedi bażi baġitarja u investiment robust. Minn naħa, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għandu jiżgura l-finanzjament meħtieġ, u, min-naħa l-oħra, l-investiment soċjali jista’ jiġi ffaċilitat permezz ta’ referenza għar-“Regola tad-Deheb’’ għal investiment pubbliku b’għanijiet soċjali u ambjentali. Politiki ta’ tassazzjoni xierqa, inklużi miżuri effettivi kontra l-frodi fiskali, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, għandhom jippermettu lill-Istati Membri u lill-UE jiġbru fondi addizzjonali biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-Pilastru Soċjali u tal-SDGs. Investiment fis-settur privat jista’ wkoll jikkomplementa l-infiq/l-investimenti pubbliċi f’xi oqsma iżda għandu jkun soġġett għal kriterji speċifiċi u trasparenti li jiggarantixxu redditu soċjali suffiċjenti għall-benefiċċju tal-interess ġenerali.
6.3Għalkemm hemm bażi komuni kbira bejn is-17-il SDG u l-20 dritt u prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għadha ma saret l-ebda proposta dwar kif jistgħu jinħolqu sinerġiji utli bejn it-tnejn li huma. Dan jista’ jsir billi jittejbu l-14-il indikatur tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali biex jaqblu aħjar mal-20 dritt u prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs. Abbażi ta’ sett estiż u aktar speċifiku ta’ indikaturi komuni, il-Kummissjoni Ewropea għandha wkoll tniedi strateġija biex tgħaqqad aħjar dawn iż-żewġ għodod essenzjali għall-progress soċjoambjentali, filwaqt li tevita duplikazzjonijiet li joħolqu konfużjoni. Is-sit web
www.inequalityin.eu
jipprovdi eżempju tajjeb ta’ għodda li tkejjel l-introjtu u l-parametri ambjentali bħala indikaturi tal-kwalità tal-ħajja fl-Istati Membri.
6.4Hemm dibattitu dwar kif jista’ jitħaddem il-kunċett ta’ “tranżizzjoni ġusta” fl-Ewropa. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol għandhom jgħinu biex titħaffef it-tranżizzjoni speċjalment għal impjiegi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (pereżempju taħriġ u għajnuna ta’ tiftix ta’ impjiegi) u jżidu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll Pagamenti għas-Servizzi Ambjentali, li jappoġġjaw gruppi żvantaġġjati matul it-tranżizzjoni
.
Brussell, 31 ta’ Ottubru 2019
Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________