ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.084.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 84

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
17 ta' Marzu 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-468 sessjoni plenarja fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011

2011/C 084/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper mill-Kummissjoni dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji COM(2010) 348 finali

1

2011/C 084/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 COM(2010) 282 finali

7

2011/C 084/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni COM(2010) 284 finali

13

2011/C 084/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġusta sal-2020COM(2010) 355 finali

19

2011/C 084/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi COM(2010) 473 finali – 2010/0246 (COD)

25

2011/C 084/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli COM(2010) 542 finali – 2010/0271 (COD)

30

2011/C 084/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu COM(2010) 482 finali – 2010/0251 (COD)

34

2011/C 084/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri COM(2010) 365 finali

38

2011/C 084/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman COM(2010) 490 finali

45

2011/C 084/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi tranżitorji mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011COM(2010) 488 finali – 2010/0255 (COD)

47

2011/C 084/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni COM(2010) 486 finali – 2008/0183 (COD)

49

2011/C 084/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat COM(2010) 641 finali – 2007/0206 (CNS)

53

2011/C 084/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istrutturi ta’ protezzjoni fil-każ ta’ qlib immuntati fuq in-naħa ta’ quddiem tas-sedil tas-sewwieq fuq tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija ta’ karreġġata dejqa COM(2010) 610 finali – 2010/0302 (COD)

54

2011/C 084/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini COM(2010) 635 finali – 2010/0309 (COD)

55

MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-468 sessjoni plenarja fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011

17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper mill-Kummissjoni dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji

COM(2010) 348 finali

2011/C 84/01

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar l-1 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji

COM(2010) 348 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tad-19 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’148 voti favur, 5 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jkompli jitlesta s-suq intern Ewropew anke mil-lat tal-liġi kuntrattwali Ewropea u jagħraf l-importanza tal-ħidma li saret mill-akkademiċi dwar il-Qafas Komuni ta’ Referenza, li hemm bżonn li nkunu nistgħu nużaw fil-livell prattiku.

1.2   Fost l-għażliet differenti proposti mill-Kummissjoni, il-KESE jippreferi alternattiva mħallta li tqis it-tnaqqis tal-ispejjeż u ċ-ċertezza legali fil-forma ta’:

“ġabra ta’ għodod” li sservi ta’ qafas komuni ta’ referenza, offerta lill-partijiet interessati fit-tfassil ta’ kuntratti transnazzjonali, akkumpanjata bi,

strument regolatorju fakultattiv li jistabbilixxi “reġim fakultattiv avvanzat ġdid” li jista’ jintuża mill-partijiet bħala bażi aktar favorevoli fil-qasam tar-relazzjonijiet kuntrattwali transnazzjonali, bħala alternattiva għar-regoli nazzjonali, sakemm il-ġabra ta’ għodod kif ukoll ir-regolament ikunu disponibbli fil-lingwi kollha tal-Unjoni u jiżguraw iċ-ċertezza legali bbażata fuq l-aktar forom ta’ protezzjoni avvanzati għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. Din ir-regolamentazzjoni m’għandha żżomm lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri ta’ protezzjoni aktar stretti għall-konsumaturi.

1.3   Il-Kumitat iqis li dawn l-għanijiet iridu jintlaħqu ftit ftit, l-ewwelnett bil-kuntratti ta’ bejgħ transnazzjonali kummerċjali tal-merkanzija (B2B) bħala proġetti pilota, li jservu biex jittestjaw il-koeżistenza bejn ir-reġimi u l-applikazzjoni konkreta tagħhom.

1.4   Il-KESE jqis li l-ġabra ta’ għodod ipprovduta mill-qafas komuni ta’ referenza tista’ tikkontribwixxi biex tiżgura l-koerenza ġenerali tal-liġi kuntrattwali Ewropea, biex jitnaqqsu l-ostakli kummerċjali u biex tiġi mħeġġa l-kompetizzjoni fis-suq intern.

1.5   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-introduzzjoni ta’ “reġim fakultattiv avvanzat ġdid” fil-korp tal-liġijiet Ewropej u fil-liġijiet nazzjonali permezz ta’ regolament komunitarju, għandha tiżgura li jitqiesu l-partijiet kollha, li jkun faċli li jiġi applikat u li dan jipprovdi ċ-ċertezza legali lill-partijiet kontraenti li jagħmlu użu minnu fi transazzjonijiet transnazzjonali kummerċjali.

1.6   L-ambitu ta’ applikazzjoni taż-żewġ strumenti ġodda - il-“ġabra ta’ għodod komuni” u r-“reġim regolamentari fakultattiv avvanzat ġdid” - għandu jinkludi l-kuntratti transnazzjonali kummerċjali tal-bejgħ tal-merkanzija (B2B). Il-liġi kuntrattwali dwar ix-xogħol u l-liġi kuntrattwali dwar is-sigurtà soċjali huma esklużi mill-ambitu ta’ applikazzjoni tal-istrumenti l-ġodda.

1.7   Il-Kumitat jappoġġja l-libertà li jiġu konklużi kuntratti u li jiġu nnegozjati liberament il-kundizzjonijiet kuntrattwali. Għall-kuntratti Business to Consumer (B2C), kif ukoll għal dawk li jikkonċernaw l-SMEs ser jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni effettiva, apparti ċ-ċertezzi legali u l-ħarsien tal-konsumaturi.

1.8   Il-Kumitat isostni li qabel ma eventwalment jitwessgħu ż-żewġ strumenti ġodda biex jiġu jinkludu tipi oħrajn ta’ kuntratti transnazzjonali ta’ bejgħ ta’ merkanzija, wara l-użu effettiv ta’ dawn iż-żewġ strumenti għal diversi snin, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-impatt tal-istrumenti fis-suq intern u tqis il-valur miżjud Ewropew miksub, f’termini ta’ spejjeż u vantaġġi għall-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi.

1.9   Madankollu, il-KESE jqis li xorta waħda hu fundamentali li jiġu identifikati l-ostakli tal-ispejjeż ta’ transazzjoni u tal-inċertezza legali li jżommu milli jsir użu sħiħ mill-vantaġġi u mill-opportunitajiet tas-suq uniku, speċjalment mill-SMEs, jiġifieri minn 99 % tal-intrapriżi tal-UE u tal-konsumaturi.

1.10   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt tal-mezzi disponibbli fis-suq uniku u tagħmel analiżi tal-valur miżjud Ewropew, tal-ispejjeż u l-vantaġġi għall-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi li ġġib magħha din is-sistema leġislattiva ġdida.

1.11   Il-Kumitat jitlob ukoll li minn issa l-Kummissjoni tibda inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni dwar l-istrumenti legali l-ġodda li feġġew, kemm f’termini ta’ kunċett kif ukoll ta’ prassi legali, għall-operaturi kollha tal-liġi, għad-dinja akkademika u għall-utenti finali tal-istrumenti l-ġodda.

1.12   Il-Kumitat jitlob li jkun involut aktar bħala osservatur fil-ħidma tal-gruppi ta’ esperti mwaqqfin mill-Kummissjoni, kif inhu l-każ tal-Parlament Ewropew, sabiex janalizza aktar mill-qrib l-iżvilupp tal-inizjattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas komuni ta’ referenza (CFR) għal-liġi kuntrattwali Ewropea u għas-segwitu tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika għaddejja bħalissa.

2.   Introduzzjoni

2.1   Is-suq intern huwa mibni fuq għadd kbir ta’ kuntratti li huma rregolati mil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti. Għaldaqstant, id-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jistgħu:

jimplikaw spejjeż ta’ transazzjoni addizzjonali,

ikunu sors ta’ inċertezza legali għall-intrapriżi,

inaqqsu l-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq intern,

ikunu ta’ ostakli għall-kummerċ.

2.1.1   It-Trattat ta’ Lisbona jiffaċilita l-azzjoni fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi f’materji ċivili permezz ta’:

l-Artikoli 12, 38, 164, 168 tat-Trattat u l-Artikolu 169(4) li jiggarantixxi l-prevalenza tal-leġislazzjoni nazzjonali meta din tkun aktar vantaġġjuża għall-konsumaturi,

żieda fl-applikazzjoni tal-Metodu Komunitarju (1),

l-approvazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni b’maġġoranza kkwalifikata,

it-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew,

involviment demokratiku ikbar min-naħa tal-parlamenti nazzjonali,

kontroll aħjar tal-legalità min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.1.2   Skont il-“Programm ta’ Stokkolma: Lejn Ewropa miftuħa u aktar sigura, imsejsa fuq servizz aħjar għaċ-ċittadin”, l-Unjoni tista’ tadotta regoli minimi komuni biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija ġudizzjarja fil-qasam penali.

2.1.3   L-intrapriżi u ċ-ċittadini ta’ kuljum għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel li jostakola l-attivitajiet transnazzjonali, minkejja l-eżistenza legali tas-suq uniku. Qed jintebħu li l-interkonnessjoni tan-netwerks mhijiex biżżejjed u li l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku għadha mhijiex l-istess kullimkien.

2.1.4   Biex jinqerdu dawn l-ostakli li jeżistu fis-suq intern, il-Kummissjoni (2) ssostni li hemm bżonn li:

“tkompli għaddejja bl-aġenda tar-‘Regolamentazzjoni Intelliġenti’, fosthom billi tikkunsidra użu aktar estiż ta’ regolamenti u mhux ta’ direttivi,

tagħmilha possibbli li n-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jikkonkludu kuntratti ma’ sħab f’pajjiżi oħra tal-UE b’mod anqas diffiċli u b’anqas spejjeż, prinċipalment billi toffri soluzzjonijiet armonizzati għal kuntratti tal-konsumatur, klawsoli ta’ kuntratti b’mudell tal-UE,

tagħmilha possibbli li n-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jinforzaw kuntratti b’mod aktar faċli u b’anqas spejjeż u li s-sentenzi u d-dokumenti tal-qorti jkunu rikonoxxuti f’pajjiżi oħra tal-UE”.

2.1.5   Il-ħolqien ta’ strument fakultattiv dwar il-liġi tal-kuntratti huwa wkoll wieħed mill-miżuri ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ppreżentata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Mejju 2010.

2.1.6   Lura għas-sena 2001, il-Kummissjoni kienet diġà nediet dibattitu dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea bl-involviment tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-partijiet interessati differerenti: intrapriżi, professjonisti legali, akkademiċi u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.

2.1.7   Il-Parlament Ewropew adotta sensiela ta’ riżoluzzjonijiet dwar il-possibbiltà tal-armonizzazzjoni tal-liġi privata sostantiva. Fl-1989 u fl-1994, il-Parlament Ewropew appella biex jinbeda x-xogħol fuq il-possibbiltà li jitfassal Kodiċi Komuni Ewropew dwar il-liġi privata.

2.1.8   Il-Parlament enfasizza li l-armonizzazzjoni ta’ ċerti oqsma tal-liġi privata hija essenzjali għat-tlestija tas-suq intern, u li jekk jingħaqdu flimkien partijiet importanti tal-liġi privata, fis-sura ta’ Kodiċi Ċivili Ewropew, dan ikun l-aktar mod effikaċi kif issir din l-armonizzazzjoni.

2.1.9   F’opinjoni li ħareġ fl-2002, il-KESE kien diġà stqarr li t-tfassil ta’ leġislazzjoni kuntrattwali Ewropea uniformi u ġenerali, pereżempju fil-forma ta’ regolament, soluzzjoni li l-Kumitat jippreferi sabiex jiġu evitati d-diverġenzi, jista’ jkun proċess twil u li jeħtieġ studji komplementarji, iżda għandu jkun ibbażat fuq ix-xogħol li diġà sar mid-diversi kummissjonijiet u istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq u fuq ir-regoli u l-prattiki internazzjonali attwali (3).

2.1.10   F’opinjoni oħra tal-2010 li nħarġet wara, il-KESE saħaq li: “In-netwerk tal-‘Prinċipji Komuni tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew’ (CoPECL-Netwerk) reċentement ikkonkluda l-‘Abbozz tal-Qafas Komuni ta’ Riferiment’ u ressqu lill-Kummissjoni Ewropea. Huwa ċar li, hekk kif stqarret il-Kummissarju Reding, dawn ir-regoli jservu ta’ mudell li jista’ juża l-leġiżlatur Ewropew meta joħroġ strument fakultattiv”. (4)

2.1.11   Bl-istess mod, il-KESE enfasizza li “l-Abbozz tal-Qafas Komuni ta’ Riferiment (DCFR), li jkopri d-dritt kuntrattwali ġenerali, fil-fatt mhuwiex abbozzat bħala strument fakultattiv. Madanakollu l-edituri tad-DCFR fl-introduzzjoni tagħhom jenfasizzaw li jista’ jintuża bħala l-bażi ta’ strument fakultattiv wieħed jew iktar. Skont il-KESE, ‘Din il-proposta tista’ tiġi implimentata wkoll b’mod restrittiv bl-introduzzjoni tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali tad-DCFR fi strument fakultattiv li japplika biss f’oqsma speċifiċi tad-dritt kuntrattwali. Dan jista’ jgħin biex jiġu evitati lakuni regolatorji li ser jinħolqu jekk japplikaw biss dispożizzjonijiet speċifiċi għal tipi ta’ kuntratti partikolari”.

3.   Il-Green Paper il-ġdida tal-Kummissjoni

3.1   Fil-Green Paper, il-Kummissjoni tipproponi diversi approċċi biex tiżdied il-koerenza tal-liġi kuntrattwali. Fost l-alternattivi strateġiċi nsibu:

il-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ regoli mudell għall-kuntratti (mhux vinkolanti) li jistgħu jintużaw fi ħdan is-suq uniku Ewropew,

“ġabra ta’ għodod” (vinkolanti u mhux vinkolanti) li tkun disponibbli għal-leġislaturi tal-UE fl-adozzjoni ta’ atti leġislattivi ġodda, li tiggarantixxi regoli aħjar u aktar koerenti,

rakkomandazzjoni dwar il-liġi kuntrattwali, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu l-liġi kuntrattwali Ewropea fis-sistemi legali nazzjonali rispettivi tagħhom, parzjalment ibbażata fuq il-mudell tal-Istati Uniti fejn il-ħamsin Stati federali kollha, ħlief wieħed, adottaw b’mod volontarju Kodiċi Kummerċjali Uniformi,

liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva jew “it-28 reġim” li l-konsumaturi u l-intrapriżi jistgħu jagħżlu liberament fl-ambitu tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom. Din il-liġi fakultattiva tkun tirrappreżenta alternattiva għal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali eżistenti u tkun disponibbli fil-lingwi kollha; tista’ tiġi applikata biss għall-kuntratti transnazzjonali jew tkun estiża wkoll għall-kuntratti nazzjonali; għandha tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tiżgura ċ-ċertezza legali għaċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-kuntratt,

l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kuntratti permezz ta’ direttiva tal-UE,

l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali, permezz ta’ regolament tal-UE,

il-ħolqien ta’ Kodiċi Ċivili Ewropew kif suppost, minflok ir-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti.

3.2   Il-Parlament Ewropew appoġġa l-idea ta’ Liġi Kuntrattwali Ewropea fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009. Anke Mario Monti, l-eks Kummissarju għas-Suq Intern u l-Kompetizzjoni, fir-rapport tiegħu dwar is-suq uniku tad-9 ta’ Mejju 2010, semma l-vantaġġi li jista’ jġib miegħu “it-28 reġim” fakultattiv għall-konsumaturi u l-intrapriżi (5).

3.3   Fis-7 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni żammet l-ewwel laqgħa tagħha dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea li fiha ħadu sehem gruppi ta’ intrapriżi, ta’ konsumaturi u ta’ professjonisti fil-qasam legali.

3.4   Il-Kummissjoni waqqfet ukoll grupp ta’ esperti, li fih jieħu sehem ukoll il-PE permezz ta’ osservaturi, biex jinbidel dak l-hekk imsejjaħ “Abbozz ta’ Qafas ta’ Referenza Komuni (DCFR)” (6) - l-ewwel abbozz tal-liġi kuntrattwali Ewropea li ġie żviluppat f’dawn l-aħħar snin, fil-qafas tas-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku tal-UE.

3.5   Il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar id-dokument strateġiku li tagħlaq fl-aħħar ta’ Jannar 2011.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Is-suq uniku tal-Unjoni Ewropea huwa bbażat fuq il-liġi kuntrattwali. Il-KESE jinsab imħasseb ħafna li, minkejja l-isforzi għat-tlestija tas-suq uniku, l-intrapriżi, speċjalment dawk żgħar u ta’ daqs medju, qed isibuha diffiċli li jbiegħu barra minn pajjiżhom għax f’kull wieħed mis-27 Stat Membru jridu jikkonformaw ma’ liġijiet kuntrattwali differenti. Huma biss 8 % tal-konsumaturi li jixtru minn fuq l-internet minn Stat Membru ieħor.

4.2   Bħalissa l-koeżistenza ta’ regoli differenti qed tissarraf fi spejjeż ogħla ta’ transazzjoni għall-intrapriżi. B’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar mhux qed jirnexxielhom jużaw l-ekonomiji ta’ skala fis-suq uniku tal-UE. Huma l-konsumaturi li jbatu, għax jekk jonqos il-bejgħ transnazzjonali, l-għażla tonqos u l-prezzijiet jogħlew.

4.3   Barra minn hekk, 61 % tal-bejgħ transnazzjonali jispiċċa ma jseħħx għax in-negozjanti jirrifjutaw li jservu l-pajjiż tal-konsumatur. Dan huwa dovut l-aktar għall-ostakli regolamentari u għall-inċertezza ta’ liema regoli japplikaw.

4.4   Biex jiġu solvuti wħud minn dawn il-problemi u jiżdied il-potenzjal tas-suq uniku Ewropew, hemm bżonn li l-intrapriżi, speċjalment dawk żgħar, jiġu garantiti ċertezza legali akbar u l-konsumaturi b’regoli aktar sempliċi u li joffru protezzjoni akbar.

4.5   Il-KESE jsostni li l-Kummissjoni għandha tagħmel aktar fil-qasam u tmur lil hinn mill-miżuri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, li huma meħtieġa iżda mhux biżżejjed għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

4.6   Id-dibattitu propost mill-Kummissjoni huwa pertinenti fid-dawl tal-esperjenza miksuba fis-suq uniku Ewropew b’għadd kbir ta’ kuntratti li jimxu ma’ diversi liġijiet nazzjonali differenti li jimplika spejjeż ta’ transazzjoni ikbar li, skont studji li saru dan l-aħħar, jgħoddu għal medja ta’ madwar EUR 15 000 (7).

4.7   Il-konsumaturi u l-intrapriżi jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli sinifikanti meta jippruvaw jieħdu vantaġġ mis-suq intern. L-ispejjeż ta’ transazzjoni (biex jiġu adattati l-klawsoli kuntrattwali u l-politiki kummerċjali jew għat-traduzzjoni tar-regoli) u l-inċertezza legali jagħmluha diffiċli biex l-SMEs jespandu fi ħdan is-suq intern u anke biex ikun hemm protezzjoni ogħla tal-konsumaturi.

4.8   Il-koerenza tal-liġi kuntrattwali, li tista’ tinkiseb permezz ta’ liġi fakultattiva (imsejħa wkoll “it-28 reġim”) tista’ tkun estremament utli. F’diversi dokumenti, il-Kummissjoni u l-PE bdew jagħmlu referenza għall-possibbiltà li jintuża l-hekk imsejjaħ “28 reġim”, speċjalment f’oqsma importanti fejn l-armonizzazzjoni sħiħa mixtieqa ma kinitx se tkun faċli jew saħansitra mhux possibbli.

4.8.1   Apparti l-ħidma li beda l-KESE permezz tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-Kuntratt tal-Assigurazzjoni Ewropew  (8) u promossa mill-Grupp ta’ Proġett dwar id-“Dikjarazzjoni mill-ġdid tal-Liġi Kuntrattwali tal-Assigurazzjoni Ewropea”, bil-pubblikazzjoni riċenti tal-Prinċipji tal-Liġi Kuntrattwali tal-Assigurazzjoni Ewropea (Principles of European Insurance Contract Law - PEICL), huma ftit id-drabi meta l-leġislatur Ewropew adotta approċċ ta’ dan it-tip fis-settur tal-liġi tal-kumpaniji, tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali u tal-liġi internazzjonali.

4.9   L-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali standard tista’ tibbenefika lill-partijiet kontraenti kollha bil-kundizzjoni li:

jiġu stabbiliti l-ogħla garanziji għall-protezzjoni tal-partijiet kontraenti l-aktar dgħajfa u li t-tfassil tal-kundizzjonijiet standard jibda mill-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni,

tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet soċjali u tar-rappreżentanti kollha tas-soċjetà ċivili - speċjalment tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs - fin-negozjati għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali standard,

il-kundizzjonijiet kuntrattwali jkunu konformi mad-direttiva dwar il-klawsoli abbużivi u mad-direttiva dwar il-konformità mat-termini tal-ħlas fit-transazzjonijiet kummerċjali, biex jidħol fis-seħħ bis-sħiħ is-Small Business Act - SBA,

xorta waħda tkun garantita l-libertà kuntrattwali, pereżempju b’kuntratti standard rakkomandati,

ma jiġix limitat l-aċċess għall-ġustizzja,

it-termini kuntrattwali standard jiġu monitorjati u analizzati mill-ġdid kull ċertu żmien.

4.10   Skont il-KESE hemm bżonn li nimxu pass pass, billi nibdew mill-kuntratti tal-bejgħ transnazzjonali ta’ oġġetti ta’ natura kummerċjali, li jservu ta’ proġetti pilota, għax huma utli biex tiġi verifikata l-koeżistenza bejn ir-reġimi u l-applikazzjoni effettiva tagħhom mill-partijiet interessati biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet tal-impatt effettivi.

4.11   Huwa partikolarment importanti li jiġu definiti l-kunċetti tal-liġi sostantiva li ġejjin:

persuni legali,

konsumaturi u professjonisti,

termini ta’ kuntratti inġusti,

obbligu li tingħata l-informazzjoni qabel il-kuntratt dwar l-oġġetti u s-servizzi,

obbligu ta’ informazzjoni meta jiġi konkluż kuntratt ma’ konsumatur li jinsab f’sitwazzjoni żvantaġġjata,

rimedji f’każ li ma jiġix irrispettat l-obbligu tal-informazzjoni,

il-forniment - żmien tal-forniment - rabta mat-trasferiment tar-riskju,

iż-żmien u l-mod kif se ssir il-valutazzjoni ta’ konformità u l-ġerarkija tal-mezzi ta’ rikors f’każ ta’ non-konformità,

sitwazzjonijiet fejn possibilment jinkiser il-kuntratt,

li l-bejjiegħ jiġi avżat b’xi difetti skoperti jew li kellhom jiġu skoperti mill-konsumatur,

dritt li wieħed jirtira: kamp ta’ applikazzjoni; l-eżerċizzju tad-dritt tal-irtirar; perijodu ta’ riflessjoni u limiti ta’ żmien għall-irtirar,

il-kunċett ta’ responsabbiltà oġġettiva,

l-inklużjoni tal-kunċett ta’ telf ta’ profitt u ta’ ħsarat li joħorġu minn dan,

ir-responsabbiltà tal-produtturi u l-obbligu ta’ provi,

kummerċ elettroniku (e-commerce).

4.12   Il-KESE jista’ jissuġġerixxi taħlita ta’ miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi:

li tiżdied il-koerenza tal-acquis Komunitarju fil-qasam tal-liġi kuntrattwali,

li ssir promozzjoni tat-tfassil ta’ klawsoli kuntrattwali standard applikabbli għall-Unjoni kollha,

li jiġi eżaminat aktar jekk il-problemi marbutin mal-liġi kuntrattwali Ewropea ma jitolbux soluzzjonijiet li mhumiex speċifiċi għas-settur.

4.13   Skont il-KESE l-liġi kuntrattwali volontarja Ewropea għandha tkun tista’ teżisti fl-istess waqt tal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali, u tiggarantixxi termini u kundizzjonijiet standard, bl-“għażla” ta’ rikors anke għat-28 reġim.

4.14   Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (9) qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi billi feġġew problemi ġodda (bħall-kuntratti elettroniċi u l-influwenza tagħhom fuq il-leġislazzjoni fil-qasam tal-kuntratt) u bl-iżvilupp ta’ kwistjonijiet legali ġodda.

4.15   Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ambitu ta’ applikazzjoni tal-“ġabra ta’ għodod” komuni tal-leġislazzjoni kuntrattwali volontarja Ewropea u tar-“reġim regolamentari fakultattiv avvanzat ġdid”, il-KESE jqis li għandu jinbeda proġett pilota ta’ applikazzjoni fil-qasam kummerċjali li jkun limitat għall-kuntratti transnazzjonali tal-bejgħ tal-merkanzija.

4.16   Il-KESE jqis li għandha tkun żgurata koerenza akbar bejn regoli orizzontali u vertikali b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ trasparenza, ċarezza u sempliċità, mhux biss għall-operaturi tal-liġi u kapaċità tagħhom li jinkorporaw regoli ġodda, iżda l-aktar għall-intrapriżi ż-żgħar u għall-konsumatur medju li għalihom il-kumplessità u l-opaċità legali jfissru aktar spejjeż u aktar ħin.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-Metodu Komunitarju huwa bbażat fuq l-idea li l-interess ġenerali taċ-ċittadini jitħares aħjar meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jwettqu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(2)  Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv COM(2010) 2020 finali

(3)  GU C 241 tas-7.10.2002, pag. 1. (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  ĠU C 21 tat-21.01.2011, pag. 26.

(5)  ĠU C 21 tat-21.01.2011, pag. 26.

(6)  Il-qafas komuni ta’ referenza (CFR) huwa proġett fuq tul ta’ żmien li jimmira li jipprovdi lill-istituzzjonijiet leġislattivi tal-UE (il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew) bi strument jew gwida li tintuża għar-reviżjoni tar-regoli eżistenti u għat-tfassil ta’ dawk futuri fil-qasam tal-liġi kuntrattwali. Dan l-istrument jista’ jkun fih il-prinċipji fundamentali tal-liġi kuntrattwali, definizzjonijiet ta’ kunċetti importanti u dispożizzjonijiet mudell. Fl-ambitu tas-Sitt Programm Qafas, id-DĠ Riċerka, fil-qasam tax-xjenzi soċjali u umanistiċi, iffinanzja n-netwerk ta’ eċċellenza CoPECL (Common Principles of European Contract Law), magħmul minn aktar minn 150 riċerkatur kif ukoll minn diversi istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li joperaw fl-Istati Membri kollha tal-UE fil-qasam tal-liġi kuntrattwali Ewropea. Il-prodott finali tal-ħidma tan-netwerk, li saret bejn l-2005 u l-2009, kien id-dokument bl-isem ta’ “Abbozz ta’ Qafas ta’Referenza Komuni (DCFR)”.

(7)  http://www.europe.org.

(8)  ĠU C 157 tat-28.6.2005, pag. 1.

(9)  Konvenzjoni dwar il-leġislazzjoni applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, Ruma, 19 ta’ Ġunju 1980.


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009

COM(2010) 282 finali

2011/C 84/02

Relatur: is-Sur CHIRIACO

Nhar it-3 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport tal-Kummissjoni: Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009

COM(2010)282 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tad-19 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’154 voti favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fl-2009, il-politika tal-kompetizzjoni intlaqtet bil-kbir mill-kriżi ekonomika internazzjonali u l-ġestjoni tal-effetti tagħha.

1.2   Il-KESE jappella sabiex hekk kif stqarr f’opinjoni preċedenti tiegħu (1), tiġi implimentata l-akbar sinerġija possibbli mhux biss bejn l-istrateġija 2020 u l-istrateġija favur l-iżvilupp sostenibbli (2), iżda anki bejn dawn l-istrateġiji u l-politika tal-kompetizzjoni sabiex la jkun hemm irdoppjament tal-isforzi u lanqas ma jiġu adottati miżuri li jmorru kontra xulxin.

1.3   Il-Kumitat jenfasizza mill-ġdid li s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tista’ tqanqal żbilanċi sistematiċi b’mod partikolari fejn jidħlu servizzi finanzjarji li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u jinkoraġġixxu prattiki ħżiena. Huwa jistieden lill-Kummissjoni sabiex, kif diġà ġie enfasizzat (3), anki jekk tieħu f’idejha t-tmexxija sħiħa tal-aspetti kollha relatati mal-kriżi ekonomika, xorta tappoġġja, permezz ta’ politika Komunitarja ta’ gwida u monitoraġġ, l-azzjoni tal-awtoritajiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet l-oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni.

1.4   Dan l-appoġġ huwa meħtieġ iktar u iktar issa li qed issir reviżjoni tal-Ftehim ta’ Basel  (4). Jekk minn naħa din ir-reviżjoni żżid ir-rekwiżiti ta’ garanzija li għandhom jiġu rispettati sabiex jiġi kkontrollat ir-riskju ta’ kriżijiet finanzjarji ġodda minħabba nuqqas ta’ likwidità, min-naħa l-oħra, ir-regoli l-ġodda ser jikkumplikaw l-aċċess tan-negozji għall-kreditu u b’hekk ir-riskju jista’ jgħaddi mis-swieq finanzjarji għall-ekonomija reali. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tista’ tpoġġi fi żvantaġġ il-banek Ewropej meta mqabbla mal-banek tal-Istati Uniti u b’hekk twassal għal inqas dħul u żieda fil-kompetizzjoni fis-settur tal-investiment riskjuż.

1.5   Il-Kumitat jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li timmonitorja l-pjani nazzjonali ta’ rilanċ ekonomiku sabiex tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istat tal-implimentazzjoni tal-programmi differenti u tidentifika l-istrumenti disponibbli sabiex jitħaffef l-effett pożittiv ta’ dawn il-miżuri u sabiex jiġi assigurat li l-koordinazzjoni qed isseħħ kif suppost (5).

1.6   Fir-rigward tar-riskju ta’ xokk li jistgħu jikkawżaw l-obbligazzjonijiet marbuta mad-dejn, b’mod partikolari f’pajjiżi bħall-Portugall, l-Irlanda, il-Greċja u Spanja, il-Kumitat jenfassiza l-fatt li s-swieq tal-materja prima jistgħu jintlaqtu mill-ispekulazzjoni. Għalhekk huwa jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-problemi li dan jista’ jikkawża fejn jidħlu prezzijiet u pagi, b’mod partikolari għall-SMEs, u li tieħu l-miżuri li hemm bżonn.

1.7   Il-Kumitat jipproponi li, fuq bażi regolari, jiġi ppublikat rapport ta’ segwitu dwar l-għajnuna statali li jiġbor fih informazzjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-interventi u li jikkwantifika l-effetti tagħhom fuq is-swieq, bil-għan li jitfassal pjan għas-settur industrijali li huwa indispensabbli għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE permezz tat-tisħiħ tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, u l-impjiegi.

1.8   Il-KESE (6) diġà kellu l-opportunità li jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi eventwali tal-interazzjoni bejn is-sistema tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u l-politika tal-kompetizzjoni. Huwa jirrakkomanda li fl-2010 l-politika Ewropea tal-kompetizzjoni tkopri l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji u li tħeġġeġ il-ksib tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali, b’mod partikolari tal-SMEs. Kemm il-KESE kif ukoll il-Kummissjoni jagħrfu li dan huwa pass diffiċli. B’mod partikolari, b’rabta mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-regolament għall-arranġamenti tat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE, u t-talba ta’ xi Stati membri għal kooperazzjoni msaħħa, il-KESE jirrakkomanda li tinstab formola li tippromovi kompetittività akbar, l-innnovazzjoni u t-tisħiħ ta’ suq intern b’kundizzjonijiet indaqs. Għaldaqstant, fil-privattiva tal-UE m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni kontra xi operaturi ekonomiċi jew Stati, peress li dan joħloq żvantaġġi fil-kompetizzjoni.

1.9   Il-KESE jqis li s-suq tas-settur agrikolu għandu jiġi integrat bis-sħiħ fil-politiki l-oħra tal-UE u dan għandu jibda mill-politika tal-kompetizzjoni.

1.10   Rigward is-settur tal-enerġija ta’ bosta Stati Membri, il-konsumaturi xejn ma huma sodisfatti bis-suq tal-elettriku u tal-gass. Il-prezzijiet għoljin u l-kwalità medjokri tas-servizzi jfissru spejjeż iktar għolja għall-konsumaturi u l-intrapriżi u dan joħloq distorsjonijiet ċari fil-kompetizzjoni.

1.11   B’rispett lejn il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, jeħtieġ li jiżdiedu l-għarfien u l-kompetezzjoni ta’ min imexxi u tal-utenti finali tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika sabiex it-teknoloġija tinfluwenza l-iżvilupp ekonomiku b’mod pożittiv u b’hekk il-proposti tal-Aġenda Diġitali jkunu jistgħu jiġu implimentati aħjar (7).

1.12   Il-KESE jilqa’ d-definizzjoni tad-dritt għall-informazzjoni bħala liberta tal-informazzjoni, jiġifieri kemm id-dritt li wieħed jinforma kif ukoll li wieħed jiġi infurmat (8). Dan jimplika li l-informazzjoni pluralista ma tista’ tħalli xejn barra u lanqas ma tista’ tkun gwidata jew sorveljata. Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ripressivi fir-rigward ta’ dawk l-intrapriżi li jillimitaw il-pluraliżmu u b’hekk jostakolaw il-kompetizzjoni ħielsa iżda tista’ tfassal ukoll bosta proposti li jippromovu l-libertà tal-informazzjoni.

1.13   Il-KESE jqis li sa minn meta ttieħdet id-deċiżjoni li s-settur tal-posta jinfetaħ totalment għall-kompetizzjoni mill-1 ta’ Jannar 2011, il-kriżi ekonomika poġġiet f’periklu, għal perijodu twil ta’ żmien, il-bilanċ finanzjarju bejn l-operaturi storiċi tal-posta li għandhom f’idejhom is-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ). Sabiex ikun jista’ jiġi żgurat li dawn l-operaturi jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod sħiħ u sabiex jinżammu l-livell u l-kwalità tal-impjiegi fil-qasam, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej li jimplimentaw sistema ta’ appoġġ li tqis din is-sitwazzjoni ġdida, bi skala u effetti potenzjali li kienu għadhom ma tqisux meta ġiet adottata t-tielet direttiva postali (2008/6/CE) tal-20.2.2008. B’mod iktar ġenerali u fil-kuntest tal-kriżi attwali, il-KESE jappella għat-tisħiħ u l-iżvilupp tas-SIĠ sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali, territorjali u kulturali tal-Unjoni Ewropea.

1.14   Fil-qafas tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-KESE jilqa’ l-iżviluppi lejn relazzjoni iktar strutturata bejn id-DĠ Kompetizzjoni, id-DĠ l-oħrajn li huma kkonċernati mill-affarijiet tal-konsumatur u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur iżda jiddispjaċih li għaddiet sena oħra mingħajr ma sar progress fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-infurzar “privat” tar-regoli tal-antitrust tal-UE.

1.14.1   Minkejja l-appoġġ ġustifikat tal-Parlament Ewropew u tal-KESE, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tkompli għaddejja bl-inizjattiva li nediet fl-2005 fil-Green Paper tagħha u fl-2008 fil-White Paper, sabiex tiżgura l-effettività tal-azzjonijiet għad-danni tal-UE fil-qasam tal-antitrust u b’hekk id-drittijiet tal-konsumaturi li jintlaqtu ħażin minn ksur tar-regoli tal-antitrust mhumiex imħarsa.

1.14.2   Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-UE ilha li kkonfermat li l-effettività tar-regoli tal-antitrust tista’ titpoġġa f’periklu sakemm kull ċittadin individwali ma jkunx jista’ jitlob kumpens għad-danni kkważati mill-ksur tar-regoli.

1.15   Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ il-monitoraġġ tal-proċessi ta’ konċentrazzjoni fl-ekonomija, ir-riċerka dwar l-impatt soċjali u kulturali fl-industrija, il-kummerċ, l-artiġjanat u l-agrikoltura u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet adatti għal politika ekonomika attiva u sostenibbli u għal strutturi ekonomiċi bilanċjati.

1.16   Hekk kif għamel fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika tal-kompetizzjoni, il-KESE mill-ġdid jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għad-dumping soċjali. Filwaqt li japprezza l-impenn tal-Kummissjoni fil-qasam ambjentali li ġie kkonfermat mill-bosta miżuri li ġew adottati fil-ġlieda kontra l-kriżi, il-Kumitat ifakkar fil-bżonn li jitqiesu b’mod konkret id-differenzi importanti li jeżistu bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-opportunitaijiet indaqs u l-protezzjoni tal-impjiegi. Il-Kumitat iqis li dawn l-aspetti għandhom jagħmlu parti integrali mill-politika tal-impjieg iżda anki mill-politika tal-kompetizzjoni għax jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq id-dinamiki tas-suq.

1.17   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għamlet sforz ukoll fl-2009 biex tiċċara r-rabta bejn, minn naħa, is-sistemi tas-saħħa u dawk soċjali u, min-naħa l-oħra, l-ekonomija. Huwa jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni favur infrastruttura finanzjarjament solidali, soċjetà ċivili msaħħa u approċċ iktar orjentat lejn l-interess komuni fl-Ewropa. Il-KESE jemmen li s-sistemi soċjali pubbliċi mmexxija mil-liġi soċjali nazzjonali għandhom jiġu strutturati b’tali mod li jitħaffef l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-provvedituri u l-benefiċjarji u li għandhom jingħataw preferenza l-provvedituri transkonfinali, fejn l-istat jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jipprovdux dawn is-servizzi huma stess. Madanakollu, ir-relazzjonijiet bejn il-provvedituri li huma legalment u ekonomikament independenti u li joperaw taħt kuntratt pubbliku għandhom jaqgħu taħt il-liġi soċjali nazzjonali.

2.   Il-kontenut tar-rapport 2009

2.1   Ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2009 jiddeskrivi l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni, l-attivitajiet li ttieħdu favur il-konsumaturi kif ukoll il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, internazzjonali u interistituzzjonali.

2.2   L-introduzzjoni din is-sena tiffoka b’mod partikolari fuq “il-politika tal-kompetizzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika”.

2.3   Il-politika tal-kompetizzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika

2.3.1   Ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-kriżi

2.3.1.1   Fid-dawl ta’ kemm hi serja l-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni fittxet li tfassal strateġiji bil-għan li tnaqqas l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija reali sabiex tistabbilizza s-sistema finanzjarja u sabiex tevita li jerġa’ jkun hemm kriżi oħra bħal din fil-futur u b’hekk jitħares is-suq intern.

2.3.2   Il-politika li implimentat il-Kummissjoni b’risposta għall-kriżi

2.3.2.1   Il-Kummissjoni kellha tittratta numru kbir ta’ notifiki għal miżuri ta’ għajnuna f’emerġenza mill-Istati Membri u tat ir-reazzjoni tagħha f’perijodi ta’ żmien limitati ħafna.

2.3.3   Rikapitalizzazzjoni tal-banek

2.3.3.1   Lejn l-aħħar tal-2008, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni  (9) li tagħmel distinzjoni bejn banek li huma fundamentalment stabbli u banek li jinsabu fi kriżi u fasslet linji gwida għall-evalwazzjoni tal-injezzjonijiet kapitali li jikkostitwixxu l-għajnuna.

2.3.3.2   Ġew approvati skemi ta’ garanzija fi 12-il Stat Membru (10). Seba’ Stati Membri implimentaw skemi ta’ rikapitalizzazzjoni integrali (11), filwaqt li seba’ Stati Membri fasslu skemi mħallta/olistiċi (12). Spanja, is-Slovenja, ir-Renju Unit, l-Ungerija u l-Ġermanja implimentaw ukoll forom oħra ta’ skemi ta’ appoġġ. Fir-rigward ta’ għajnuna lil entitajiet individwali, ġew approvati miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni u miżuri oħra ta’ appoġġ lil 29 entità (13).

2.3.4   Assi indeboliti

2.3.4.1   Fi Frar il-Kummissjoni adottat “Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti (14) fejn stabbiliet kif se tivvaluta l-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi għall-istituzzjonijiet finanzjarji taħt ir-regoli għall-għajnuna mill-Istat.

2.3.5   Ir-ristrutturar

2.3.5.1   F’Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturar  (15) il-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta’ periklu morali, tippreċiża b’mod ċar ir-rekwiżiti li jridu jissodisfaw dawk li jirċievu l-għajnuna u tindika li m’għandux jiġi kkumpensat l-aġir riskjuż tal-passat.

2.3.6   Għajnuna oħra apparti l-għajnuna mill-Istat

2.3.6.1   Il-Kummissjoni rrevediet il-kondizzjonijiet relatati “mal-inkapaċità għall-ħlas” u l-ħlas ta’ multi imposti minnha taħt ir-regoli tal-antitrust. Hija vvalutat it-talbiet każ b’każ.

2.3.7   L-effetti tal-kriżi fuq l-ekonomija reali

2.3.7.1   Il-qafas temporanju  (16) li japplika sal-aħħar tal-2010 jiffoka fuq żewġ għanijiet: li jżomm il-kontinwità fl-aċċess għall-finanzi tal-kumpaniji u li jinkorraġġixxi lill-kumpaniji sabiex ikomplu jinvestu f’“futur sostenibbli”.

2.3.8   Riżultati u spejjeż involuti

2.3.8.1   Fl-2008, minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-volum totali tal-għajnuna tela’ minn madwar 0,5 % tal-PDG sa 2,2 % jew EUR 279,6 biljun. L-għajnuna relatata mal-kriżi kienet tirrappreżenta madwar 1,7 % tat-total.

2.4   Strumenti

2.4.1   Kontroll tal-għajnuna mill-Istat

2.4.1.1   L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Għajnuna mill-Istat  (17) kompla fl-2009, bl-adozzjoni tad-dokumenti ta’ gwida dwar l-għajnuna għat-taħriġ (18) u għajnuna lil ħaddiema b’diżabilità u żvantaġġati (19). Ġiet adottata wkoll il-gwida għall-valutazzjoni tal-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti ta’ investiment (20).

2.4.1.2   Il-Kummissjoni estendiet il-validità tal-Linji Gwida attwali tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà sa’ Ottubru 2012 (21).

2.4.1.3   Fl-1 ta’ Settembru 2009 daħal fis-seħħ il-Pakkett tas-Simplifikazzjoni bil-għan li jtejjeb l-effettività, it-trasparenza u l-prevedibilità tal-proċeduri tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (22).

2.4.2   Antitrust

2.4.2.1   Il-Kummissjoni adottat sitt deċiżjonijiet dwar kartelli (23) li jimponu multi li jammontaw għal EUR 1,62 biljun fuq 43 impriża.

2.4.2.2   Il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet finali fis-setturi tal-enerġija (RWE u GdF) u tal-IT (Intel, Microsoft u Rambus). Iddeċidiet ukoll li tiftaħ proċeduri fis-setturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (il-kumpaniji Pollakki u Slovakki diġà stabbiliti fis-suq tal-faxx wiesa’) u s-setturi finanzjarji (Standard & Poor’s u Thomson Reuters).

2.4.3   Kontroll tal-amalgamazzjonijiet

2.4.3.1   In-numru ta’ amalgamazzjonijiet notifikati kien taħt il-livelli rekord tas-snin ta’ qabel. L-ammont totali ta’ tranżazzjonijiet li ġew notifikati lill-Kummissjoni kien ta’ 259 u ġew adotatti 243 deċiżjoni finali. Ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni ta’ projbizzjoni u ma nfetħet l-ebda proċedura ġdida taħt l-Artikolu 21 tar-regolament tal-KE dwar l-amalgamazzjonijiet.

2.5   Żviluppi fis-settur

2.5.1   Servizzi finanzjarji

2.5.1.1   Il-Kummissjoni kompliet tissorvelja mill-qrib it-Tariffi ta’ Skambju Multilaterali (MIFs) b’mod partikolari fejn jidħlu l-VISA Europe u l-MasterCard.

2.5.1.2   Il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-funzjonament tar-Regolament għal Eżenzjoni Sħiħa (BER) li japplika għall-assigurazzjoni qabel ma skada fil-31 ta’ Marzu 2010. L-abbozz ta’ regolament BER il-ġdid ġie ppublikat għall-konsultazzjoni f’Ottubru u jġedded l-eżenzjoni għal żewġ kategoriji ta’ ftehim: kumpilazzjonijiet, tabelli u studji konġunti; u ftehimiet dwar il-pools tal-koassigurazzjoni u l-koriassigurazzjoni.

2.5.2   L-enerġija u l-ambjent

2.5.2.1   Il-pakkett leġislattiv “klima-enerġija” li ġie adottat f’April fih Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli li tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibilità għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi (24) li huma rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat f’dak il-qasam. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Direttiva li tirrevedi s-Sistema ta’ Tpartit ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet tal-UE (ETS) għall-gassijiet b’effett ta’ serra (25).

2.5.2.2   Fir-rigward tas-suq tal-enerġija, f’Lulju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw il-Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija  (26) u l-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-provvisa tal-gass.

2.5.2.3   Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni imponiet multi għal ksur ta’ antitrust fis-settur tal-enerġija. Hija imponiet multa totali ta’ EUR 1 106 miljun fuq E.ON u GDF Suezsharing għall-qsim tas-suq (27).

2.5.3   Komunikazzjonijiet elettroniċi

2.5.3.1   Sal-2009, il-Kummissjoni vvalutat u approvat l-użu tal-għajnuna mill-Istat u tipi oħra ta’ finanzjament pubbliku ta’ madwar EUR 2 biljun (28) bil-għan li tippromovi l-aċċess taċ-ċittadini Ewropej kollha għan-netwerks tal-faxx wiesa’.

2.5.4   Teknoloġija tal-informazzjoni

2.5.4.1   Fl-2009, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-impenji li offrew il-Microsoft u Rambus fil-qafas tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni saru legalment vinkolanti u deċiżjoni oħra li timponi multa ta’ EUR 1,06 biljun fuq Intel, li hija l-ogħla multa li qatt ġiet imposta fuq kumpanija waħda mill-Kummissjoni (29).

2.5.5   Mezzi tax-xandir

2.5.5.1   Fl-2009, il-Kummissjoni kompliet tissorvelja mill-viċin it-tranżizzjoni minn xandir terrestri analoġiku għal wieħed diġitali b’mod partikolari fl-Italja u l-Ġermanja.

2.5.6   L-industrija farmaċewtika u tas-saħħa

2.5.6.1   Ma’ tmiem l-investigazzjoni tagħha tas-settur farmaċewtiku, il-Kummissjoni sostniet il-bżonn urġenti għall-istabbiliment ta’ privattiva Komunitarja u għal sistema ta’ litigazzjoni tal-privattivi unifikata u speċjalizzata fl-Ewropa.

2.5.6.2   L-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizz tas-saħħa mmiraw lejn l-għajnuna mill-Istat wara li rċeviet numru ta’ lmenti minn sptarijiet privati dwar l-allegat trattament inġust jew kumpens eċċessiv lil sptarijiet pubbliċi f’diversi Stati Membri (30).

2.5.7   Trasport

2.5.7.1   Fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni tal-kumpanija ferrovjarja Pollakka PCC Logistics minn Deutsche Bahn AG (31) filwaqt li rreferiet lura lil Franza konċentrazzjoni li permezz tagħha l-SNCF kien se jkollha kontroll konġunt tal-impriża Keolis li hija attiva fit-trasport pubbliku tal-passiġġieri (32).

2.5.7.2   Fil-qasam tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat lil kumpaniji tal-ġestjoni tal-vapuri (33).Hija adottat deċiżjonijiet pożittivi fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat lill-baħħara fl-Italja (34) u l-Finlandja (35), temmet il-proċedura formali kontra s-sistema DIS fid-Danimarka u kkonkludiet il-proċeduri ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-iskemi tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ fl-Irlanda (36), fid-Danimarka (37), il-Pajjiżi l-Baxxi (38), is-Slovenja (39) u l-Polonja (40).

2.5.7.3   Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-industrija tal-linji tal-ajru li bħalissa għaddejja minn proċess ta’ tisħiħ permezz ta’ ftehimiet ta’ impriżi konġunti li jkopru r-rotot transatlantiċi (41) b’amalgamazzjonijiet kemm ta’ ġarriera tan-netwerk u bi prezzijiet baxxi (42) u l-akkwist ta’ ġarriera ta’ netwerks kbar ta’ operaturi reġjonali iżgħar (43).

2.5.8   Is-servizzi postali

2.5.8.1   Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-settur postali fl-2009, il-Kummissjoni adottat diversi deċiżjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li l-operaturi postali fdati b’servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u s-sussidjarji tagħhom ma jgawdux minn vantaġġi mogħtija mhux dovuti.

2.5.9   L-industrija tal-karozzi

2.5.9.1   Il-Kummissjoni tqis b’mod pożittiv l-impatt tal-bejgħ tal-iskemi tal-iskrappjar introdotti f’diversi swieq nazzjonali. It-tħaddim tajjeb tal-mekkaniżmu tal-informazzjoni stabbilit mid-Direttiva 98/34/KE ippermetta li jiġu garantiti t-trasparenza, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-prevenzjoni ta’ ostakli fis-suq uniku.

2.5.9.2   Barra minn hekk, il-Kummissjoni awtorizzat bosta skemi ta’ għajnuna mill-Istat favur l-iżvilupp ta’ vetturi b’riposta għaż-żieda fid-domanda għal vetturi iktar ekoloġiċi u għal regoli iktar stretti fil-qasam ambjentali.

2.5.9.3   Fil-qasam tal-antitrust, f’Diċembru ġie ppubblikat abbozz preliminari ta’ BER tal-vetturi bil-mutur għall-konsultazzjoni pubblika.

2.5.10   L-industrija tal-ikel

2.5.10.1   F’Ottubru l-Kummissjoni ppublikat ir-riżultati tal-istħarriġ li sar fis-settur tal-industrija tal-ikel fil-komunikazzjoni intitolata “Funzjonament aħjar tal-katina tal-forniment tal-ikel” (44).

2.5.10.2   Il-Kummissjoni adottat ukoll rapport dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti tal-ħalib  (45) li fl-2009 kellu jiffaċċja iktar diffikultajiet minn setturi oħra. Hija saħħet ir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali tas-settur.

2.6   Attivitajiet tal-konsumatur

2.6.1   Din is-sena, il-Kummissjoni kompliet għaddejja bl-attivitajiet tagħha fil-qasam permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt mal-Konsumaturi li twaqqaf mid-DĠ Kompetizzjoni fl-2008 u permezz tas-Sottogrupp għall-Kompetizzjoni fil-qafas tal-Grupp Konsultattiv Ewropew tal-Konsumaturi (ECCG) fl-2003.

2.7   In-Netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

2.7.1   Fil-qafas ta’ laqgħa bejn id-DĠ Kompetizzjoni u d-diretturi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (ANK) kollha, ir-rapport dwar il-konverġenza tal-programmi ta’ klemenza taħt il-Mudell tal-Programm ta’ Klemenza tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (46) ġie approvat b’unanimità.

2.7.2   Il-Kummissjoni ġiet informata dwar 129 investigazzjoni ġdida ta’ każijiet tal-ANK kif ukoll dwar 69 deċiżjoni (47) previsti (li jirrappreżentaw żieda ta’ 15 % meta mqabbla mal-2008).

2.8   Attivitajiet internazzjonali

2.8.1   Id-DĠ Kompetizzjoni kompla jikkoopera mal-korpi internazzjonali l-oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni (in-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni, il-Kumitat tal-OECD dwar il-Kompetizzjoni, il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti (IGE) dwar il-Liġi u l-Politika tal-Kompetizzjoni fil-qafas tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (l-UNCTAD)).

2.8.2   Il-Kummissjoni żammet kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja u ffirmat protokolli ta’ ftehim ġodda mal-Korea t’Isfel (48) u l-Brażil. Il-kooperazzjoni mal-Kroazja u t-Turkija ngħatat attenzjoni partikolari. Dawn iridu jissodisfaw “livelli ta’ referenza tal-ftuħ” qabel ma jkunu jistgħu jibdew in-negozjati tal-adeżjoni fuq il-kapitolu tal-kompetizzjoni. Ingħatat attenzjoni partikolari wkoll il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-punent u l-Islanda fid-dawl tal-adeżjoni futura tagħhom mal-Unjoni Ewropea.

2.9   Kooperazzjoni interistituzzjonali

2.9.1   Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar White Paper dwar l-Azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli antitrust tal-KE u r-Rapporti Annwali dwar il-Kompetizzjoni għall-2006 u l-2007.

2.9.2   Il-Kunsill irċieva bosta kontributi mingħand il-Kummissjoni fil-qasam tal-politika dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet adottati f’formazzjonijiet differenti tal-Kunsill bħall-ECOFIN, il-Kompetittività, it-Trasport, it-Telekomunikazzjoni u l-Enerġija u l-Kunsill Ewropew.

2.9.3   Id-DĠ Kompetizzjoni kkoopera b’mod attiv mal-KESE dwar bosta temi b’mod partikolari l-adattament tal-SMEs għall-bidliet fis-swieq globali, il-bini ta’ vapuri u l-għajnuna mill-Istat.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 128, 18.05.2010, p. 18.

(2)  COM(2001) 264 finali.

(3)  ĠU C 228, 22.09.2009, p. 47.

(4)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kumitat ta’ Basel dwar il-kontroll bankarju relatat maż-żieda fir-rekwiżiti minimi tal-kapital disponibbli: http://www.bis.org/press/p100912.pdf

(5)  ĠU C 228, 22.09.2009, p. 149.

(6)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 7.

(7)  COM(2010) 245 finali.

(8)  ĠU C 44, 11.02.2011, p. 62.

(9)  ĠU C 10, 15.01.2009, p. 2.

(10)  Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Isvezja.

(11)  Id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall u l-Isvezja.

(12)  Il-Ġermanja, ir-Renju Unit, il-Greċja, l-Awstrija, il-Polonja, l-Ungerija u s-Slovakkja.

(13)  ING, KBC, Parex Banka, Anglo Irish Bank, Bank of Ireland, Allied Irish BankFortis, Dexia, Nord LB, IKB, Kaupthing Bank Finland, Ethias, SdB, Banco Privado Portugues, Hypo Real Estate, WestLB, Fionia, HSH Nordbank, Hypo Tirol, LBBW, Kaupthing Luxemburg, Caisse d'Epargne/Banque Populaire, Mortgage Bank of Latvia, Northern Rock, Commerzbank, Lloyds Banking Group, BAWAG, Hypo Group Alpe Adria u RBS.

(14)  ĠU C 72, 26.03.2009, p. 1.

(15)  ĠU C 195, 19.08.2009, p. 9.

(16)  ĠU C 83, 07.04.2009, p. 1.

(17)  COM(2005) 107 finali.

(18)  ĠU C 188, 11.08.2009, p. 1.

(19)  ĠU C 188, 11.08.2009, p. 6.

(20)  ĠU C 223, 16.09.2009, p. 3.

(21)  ĠU C 156, 09.07.2009, p. 3.

(22)  JO C 136, 16.06.2009, p. 3 (3-12 u 13-20).

(23)  Il-Każijiet COMP/39406 Marine Hoses; COMP/39401 E.on/GDF; COMP/39396 Calcium Carbide; COMP/37956 Concrete reinforcing bars (adozzjoni mill-ġdid); COMP/39129 Power Transformers u COMP/38589 Heat Stabilisers.

(24)  ĠU L 140, 05.06.2009, p. 16.

(25)  ĠU L 140, 05.06.2009, p. 63.

(26)  ĠU L 211, 14.08.2009, p. 1.

(27)  Il-Każ COMP/39401. Ara IP/09/1099, 8.7.2009.

(28)  Li minnhom EUR 1,5 biljun huma għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 TFUE.

(29)  ĠU C 220, 12.09.2009, p. 41.

(30)  Każ NN54/2009

(31)  Il-Każ COMP/M.5480.

(32)  Il-Każ COMP/M.5557 SNCF / CDPQ / Keolis / Effia.

(33)  ĠU C 132, 11.06.2009, p. 6.

(34)  Il-Każ N219/2009 (ĠU C 196, 20.8.2009).

(35)  Il-Każijiet N120/2009 (ĠU C 232, 26.9.2009), N67/2009 (ĠU C 232, 26.9.2009) u N300/2009 (ĠU C 299, 9.12.2009).

(36)  Il-Każ C2/2008 (ĠU L 228, 1.9.2009).

(37)  Il-Każ C5/2007 (ĠU L 315, 2.12.2009).

(38)  Il-Każ N457/2008 – ĠU C 106, 08.05.2009.

(39)  Il-Każ N325/2007 – ĠU C 53, 06.03.2009.

(40)  Il-Każ C34/2007.

(41)  MEMO/09/168, 20.04.2009.

(42)  Il-Każ COMP/M.5364 Iberia/Vueling/Clickair.

(43)  COMP/M.5335, Lufthansa/Brussels Airlines; COMP/M.5403, Lufthansa/Bmi; COMP/M.5440, Lufthansa/Austrian Airlines.

(44)  http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication16061_en.pdf.

(45)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0385:FIN:EN:PDF

(46)  http://ec.europa.eu/competition/ecn/documents.html.

(47)  Deċiżjonijiet mistennija jittieħdu b’konfomità mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament 1/2003.

(48)  ĠU L 202, 04.08.2009, p. 36.


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni

COM(2010) 284 finali

2011/C 84/03

Relatur: is-Sur SMYTH

Nhar it-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper — It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni

COM(2010) 284 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2011.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   F’din l-opinjoni, il-KESE jippreżenta t-tweġibiet ikkunsidrati tiegħu għal-lista twila ta’ mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper tal-Kummissjoni. Il-mistoqsijiet jindirizzaw tmien aspetti ewlenin tat-tmexxija tal-istituzzjonijiet finanzjarji, mill-prestazzjoni tal-bordijiet tad-diretturi u l-prestazzjoni tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza, permezz tal-ġestjoni tar-riskju, il-kunflitti ta’ interess, u r-rwol tal-azzjonisti permezz tal-kwistjoni kumplessa tal-rimunerazzjoni tad-diretturi.

1.2   Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni wara l-Green Paper tal-Kummissjoni iżda jinnota xi nuqqasijiet dwar id-definizzjonijiet fil-kontenut tiegħu, b’mod partikulari fir-rigward tad-definizzjoni preċiża tat-tmexxija korporattiva li l-Kummitat jemmen għandha tkun iktar b’saħħitha, u d-differenzi fl-istrutturi tal-bordijiet, bejn is-sistema Brittanika u dik Kontinentali. Iqis ukoll li jeħtieġ li d-definizzjoni ta’ “istituzzjoni finanzjarja” tiġi ppreċiżata sabiex ir-rakkomandazzjonijiet jimmiraw b’mod partikulari fuq l-istituzzjonijiet tal-kreditu.

1.3   Fil-kunsiderazzjoni tiegħu tal-Green Paper, il-KESE sab li d-differenzi bejn il-mudell Brittaniku u dak kontinentali tal-governanza korporattiva ma jistgħux jiġu rikonċiljati fil-livell strutturali għaliex il-kunċetti organizzattivi huma tant differenti minn xulxin. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-prinċipji li għandhom ikunu l-bażi tal-prattika tal-governanza korporattiva fl-UE. Pereżempju, il-mudell Brittaniku huwa mibni fuq il-prinċipju ta’ indipendenza kompetenti li tiffaċilita r-rwol indipendenti ta’ kumitati tal-bordijiet ewlenin. L-indipendenza għandha tkun prinċipju ewlieni fil-governanza korporattiva tal-UE kollha kemm hi? Jekk iva, kif għandha tintlaħaq fil-mudell kontinentali?

1.4   Barra minn hekk, il-Green Paper ma tantx tagħti attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Anke l-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji ntlaqtu b’mod qawwi mill-effetti ta’ tmexxija ħażina f’kull qasam tas-sistema finanzjarja.

1.5   F’termini ta’ politika ta’ rimunerazzjoni, il-KESE diġà esprima l-fehmiet ġenerali tiegħu f’għadd ta’ opinjonijiet reċenti. Fil-qosor, il-Kumitat jemmen li politika ta’ rimunerazzjoni m’għandhiex tkun biss dwar dawk fil-quċċata tal-istituzzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll dwar ir-rimunerazzjoni fil-livelli kollha.

1.6   Is-sens wiesa’ tal-opinjoni huwa li hemm lok biex ċerti aspetti tat-tmexxija ta’ istituzzjonijiet finanzjarji isiru iktar stretti, iżda li fil-waqt li l-kodiċi ta’ tmexxija jibqgħu volontarji, ir-responsabbiltà taqa’ fuq spallejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex jiżguraw li kemm jista’ jkun dawn il-kodiċi jiġu rrispettati madwar l-Unjoni Ewropea.

2.   Daħla u Kuntest tal-Opinjoni

2.1   L-għan tal-Green Paper huwa li jiġu indirizzati nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fis-sistema ta’ tmexxija korporattiva, kemm fis-sustanza kif ukoll fl-implimentazzjoni. Fil-kuntest tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi, it-tisħiħ tat-tmexxija korporattiva jinsab fil-qalba tal-programm ta’ riforma tal-Kummissjoni. Il-proposti ppreżentati fil-Green Paper għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ riformi usa’ tal-arkitettura superviżorja Ewropea, id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD), id-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II, ir-riforma tas-sistema tal-UCITS (Undertaking for Collective Investment in Transferable Securities) u r-Regolament dwar il-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi. Għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest usa’ ta’ reviżjoni mill-Kummissjoni tat-tmexxija korporattiva ta’ kumpaniji kkwotati u r-rwol tal-azzjonisti, is-superviżjoni adatta tat-timijiet ta’ tmexxija ta’ gradi għoljin, il-kompożizzjoni tal-bordijiet tad-diretturi u r-responsabbiltà soċjali korporattiva.

2.2   Il-Kummissjoni tiddefinixxi t-tmexxija korporattiva bħala r-relazzjonijiet bejn it-tmexxija fl-ogħla livell ta’ kumpanija, il-bord tad-diretturi tagħha, l-azzjonisti tagħha u l-partijiet interessati l-oħrajn, bħall-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom. Tikkonċerna wkoll l-għanijiet stabbiliti ta’ kumpanija, il-mezzi biex jinkisbu u s-sorveljanza tar-riżultati miksuba minn dan l-isforz korporattiv. Fi ħdan is-settur finanzjarju, it-tmexxija għandha importanza ikbar minħabba li l-falliment ta’ istituzzjoni finanzjarja (kbira) jġib miegħu riskju sistemiku għas-settur finanzjarju kollu kemm hu, kif rajna fil-kriżi finanzjarja reċenti, fejn il-gvernijiet kellhom isalvaw is-sistema bankarja bil-fondi pubbliċi.

2.3   Il-KESE huwa sorpriż li jinnota li l-Green Paper ma tagħmilx distinzjoni bejn l-istruttura tal-bordijiet tad-diretturi fl-ekonomiji tal-Gran Brittanja u tal-Kontinent Ewropew. F’tal-ewwel insibu biss bord wieħed li fih diretturi eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi, għalkemm id-drawwa hija li jkun hemm bord eżekuttiv li jaħdem taħt is-CEO. Fil-mudell kontinentali jeżistu żewġ bordijiet – bord ta’ tmexxija u bord superviżorju. Għall-bqija ta’ din l-opinjoni, u sabiex ma jkunx hemm konfużjoni, meta ssir referenza għal “bord” normalment hija f’termini tal-mudell Brittaniku, sakemm ma jiġix ċċarat mod ieħor.

2.4   Il-Green Paper ma tippreċiżax b’mod formali li kull Stat Membru għandu sistema ta’ tmexxija korporattiva proprja tiegħu u ma ssirx distinzjoni fil-każ tat-tmexxija korporattiva ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Id-definizzjoni tal-Kummissjoni tat-tmexxija korporattiva hija wkoll xi ftit parzjali fin-natura tagħha u għaldaqstant trid tissaħħaħ. Il-KESE jissuġġerixxi definizzjoni iktar qawwija u komprensiva tat-tmexxija korporattiva. L-objettiv ewlieni tat-tmexxija korporattiva huwa li jiġi żgurat li kumpanija tissopravivi u tkun b’saħħitha. Biex dan isir il-bord irid jissodisfa l-aspettattivi raġonevoli tal-azzjonisti filwaqt li jiżgura li l-komunità tal-partijiet interessati – il-konsumaturi, l-imsieħba, il-kuntratturi, il-fornituri u l-impjegati – tkun sodisfatta b’mod raġonevoli. Meta l-bord ma jistax jiżgura s-sopravivenza tal-kumpanija, għandu jbiegħ l-assi għall-valur ottimali.

2.5   Il-Green Paper tispjega firxa ta’ nuqqasijiet u problemi fit-tmexxija korporattiva fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji u tfittex tweġibiet għal sensiela ta’ tmien mistoqsijiet ġenerali li jittrattaw:

1.

il-kwistjonijiet fir-rigward tal-bordijiet tad-diretturi;

2.

in-nuqqasijiet rigward il-problemi tal-ġestjoni tar-riskju b’kunflitti ta’ interess;

3.

ir-rwol tal-awdituri;

4.

in-nuqqasijiet fl-awtoritajiet ta’ sorveljanza;

5.

il-problemi fir-rwol tal-azzjonisti;

6.

in-nuqqas ta’ implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tat-tmexxija korporattiva;

7.

ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji;

8.

il-kunflitti ta’ interess.

3.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Green Paper

3.1   Il-KESE ħareġ b’dawn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet speċifiċi li ressqet il-Green Paper:

3.2   Kwistjonijiet fir-rigward tal-bordijiet tad-diretturi

3.2.1   Mistoqsija speċifika 1: Għandu jiġi limitat l-għadd ta’ mandati tad-diretturi (pereżempju, mhux iktar minn tliet mandati f’daqqa)?

L-istipular ta’ numru preċiż huwa arbitrarju. Ikun aħjar li jiġi żgurat li malli jinħatar, u wara, direttur ikun jista’ jikkommetti ruħu u jqatta’ ħinu fil-kumpanija kif ir-rwol tiegħu jew tagħha jesiġi. Il-ħin meħtieġ għandu jiġi speċifikat u maqsum bejn laqgħat formali tal-bord u tal-kumitati u żjarat inqas formali u l-ispezzjonijiet ta’ dipartimenti, taqsimiet u reġjuni. F’xi każi ħatra tista’ tkun xogħol full time. Wieħed dejjem jista’ jiggwadanja minn talinqas żewġ ħatriet minħabba it-tqabbil bejn kumpanija u oħra.

3.2.2   Mistoqsija speċifika 2: Għandu jiġi pprojbit li wieħed jgħaqqad il-funzjonijiet tal-president tal-bord tad-diretturi u tad-direttur ġenerali fl-istituzzjonijiet finanzjarji?

Dan l-approċċ diġà huwa meqjus bħala l-aqwa prattika f’xi ġurisdizzjonijiet. Il-qsim tar-rwoli għandu jkun obbligatorju fl-istituzzjonijiet finanzjarji minħabba t-tensjoni bejn ir-rwol operattiv tal-eżekuttiv u r-rwol ta’ tmexxija tal-bord.

3.2.3   Mistoqsija speċifika 3: Il-politiki ta’ reklutaġġ għandhom jiddefinixxu b’mod preċiż id-dmirijiet u l-profil tad-diretturi, inkluż tal-President, jiżguraw li d-diretturi jkollhom il-kompetenzi x-xierqa u jiżguraw id-diversità tal-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi? Jekk iva, kif għandhom jagħmlu dan?

Hija prattika pjuttost komuni f’xi ġurisdizzjonijiet li jiġu analizzati l-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa fil-bord biex imbagħad ir-reklutaġġ isir skont il-bżonn. Pereżempju, għal istituzzjoni finanzjarja ewlenija wieħed għandu jistenna, forsi bħala l-President, membru eżekuttiv irtirat mill-qasam bankarju, imsieħba ta’ livell għoli ta’ kumpaniji legali u tal-kontabilità b’esperjenza fl-industrija tal-finanzi, CEO ta’ kumpanija kummerċjali ewlenija biex joħloq bilanċ mas-CEO u biex iġib miegħu il-perspettiva ta’ klijent korporattiv u xi ħadd b’esperjenza fil-qasam tal-konsumatur, dawn jistgħu kollha jiffurmaw il-grupp tal-qalba li madwaru jissawwar tim ikbar. Dan jista’ jinkludi esperjenza fl-ogħla livell fl-oqsma tal-kreditu, attwarjali, ekonomiku, industrijali u kummerċjali. Idealment il-proporzjon ma jkunx inqas minn 60 % diretturi mhux eżekuttivi: 40 % diretturi eżekuttivi. Bejniethom l-eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi jeħtieġu wkoll li jdaħħlu fehim tal-ġeografiji prinċipali fejn topera l-impriża. F’xi ġurisdizzjonijiet, l-Awtorità ta’ Sorveljanza issa twettaq studju ddettaljat tal-ħiliet, l-esperjenza u l-istorja professjonali tal-kandidat qabel ma tiġi awtorizzata l-ħatra. Dan l-approċċ huwa milqugħ b’sodisfazzjon.

3.2.4   Mistoqsija speċifika 4: Taqbel mal-opinjoni li jekk wieħed jinkludi iktar nisa u iktar diretturi ta’ oriġini soċjali u kulturali differenti fil-bordijiet tad-diretturi, dan jista’ jtejjeb il-funzjonament u l-effikaċja tal-bordijiet tad-diretturi?

Fil-kuntest tal-mistoqsija 3 hawn fuq, il-bilanċ tas-sess u dak etniku huwa preferibbli jekk ma jdgħajjifx l-esperjenza u l-għarfien espert. Jista’ jġib miegħu perspettivi differenti u ta’ valur. Irid ikun hemm limiti prattiċi fid-daqs tal-bordijiet.

3.2.5   Mistoqsija speċifika 5: Għandha tiġi stabbilita evalwazzjoni obbligatorja tal-funzjonament tal-bord tad-diretturi, mwettqa minn evalwatur estern? Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni għandu jitgħarraf lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza u lill-azzjonisti?

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom jinkarigaw lill-Presidenti kollha biex jivverifikaw l-arranġamenti ta’ governanza tagħhom fil-kuntest tal-erba’ fatturi msemmija hawn fuq. Fl-istess waqt, l-Awtoritajiet għandhom iwettqu verifika sabiex jiċċertifikaw kull direttur li ma kinux iċċertifikaw meta nħatar. Ir-responsabbiltà permanenti tal-prestazzjoni tal-bord taqa’ fuq spallejn il-President. Ikun xieraq li l-Presidenti jikkummissjonaw evalwazzjoni esterna perijodika tal-effikaċja tal-bord għall-użu tagħhom stess. Fil-mudell kontinentali, huwa d-dmir tal-bord ta’ superviżjoni li jieħu azzjoni jekk in-negozju ma jkunx sejjer tajjeb jew jekk ir-rapport tal-awditur javża lill-bord dwar xi kwistjonijiet importanti.

3.2.6   Mistoqsija speċifika 6: Għandha tkun ħaġa obbligatorja li wieħed joħloq, fi ħdan il-bord tad-diretturi, kumitat tar-riskji u li wieħed jistabbilixxi regoli dwar il-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-kumitat?

Hemm tliet kwistjonijiet: il-verifika, il-konformità u r-riskju. Il-konfigurazzjoni tal-kumitat għandha tirrifletti t-taħlita partikolari tan-negozju. Mil-lat makro, ir-riskju huwa inerenti fil-pjani strateġiċi tal-bord. Huwa hawn li għandhom jiġu stabbiliti u mkejla kemm wieħed huwa lest li jieħu riskju u l-profil tar-riskju. F’bank, dan huwa fejn jiġu stabbiliti l-politiki għar-riskju aċċettabbli f’kull settur tan-negozju: ipoteki domestiċi, karti tal-kreditu, proprjetà kummerċjali, self industrijali, ġestjoni tal-fondi, l-iskambju ta’ muniti barranin u komoditajiet, kif ukoll il-kompożizzjoni tar-riżervi, limiti tal-kontropartijiet, eċċ. Mhuwiex possibbli li jkollok kumitat tar-riskju fi ħdan bord tal-ġestjoni kontinentali li huwa kompost minn ftit nies (is-soltu mhux aktar minn 5-7 persuni) li jkollhom it-tendenza jkunu speċjalisti f’attivitajiet diversi.

3.2.7   Mistoqsija speċifika 7: Għandha tkun ħaġa obbligatorja li membru wieħed jew aktar mill-kumitat tal-verifika jieħu sehem fil-kumitat tar-riskji u viċeversa?

Ir-riskji fil-livell mikro, bil-kontra tal-livell makro diskuss fil-punt 3.2.6 hawn fuq, jistgħu fil-fatt jagħmlu parti mill-mandat tal-kumitat tal-verifika.

3.2.8   Mistoqsija speċifika 8: Il-president tal-kumitat tar-riskji għandu jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Assemblea Ġenerali?

Ir-riskju huwa komponent ewlieni ta’ kull strateġija tan-negozju. Kemm wieħed ikun lest jieħu riskju u l-profil tar-riskju jiddefinixxu kif aktarx se jimxi negozju u kemm ħa jkunu stabbli jew le r-riżultati. Dawn huma kwistjonijiet li huwa l-kompitu tal-President u tas-CEO biex jispjegaw u l-istqarrijiet tagħhom se jippermettu lill-azzjonisti jżidu jew inaqqsu l-investiment tagħhom fin-negozju skont kemm huma lesti li jieħdu riskju.

3.2.9   Mistoqsija speċifika 9: X’għandu jkun ir-rwol tal-bord tad-diretturi fl-istrateġija u fil-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni finanzjarja?

It-tfassil tal-istrateġija huwa l-kompitu ċentrali ta’ bord. Billi l-qasam finanzjarju, huwa fin-natura tiegħu riskjuż, l-istrateġija trid tiġi żviluppata fi ħdan limiti ta’ riskju li jiddefinixxu l-firxa ta’ riżultati possibbli. L-istrateġija magħżula se tkun dik li tissodisfa l-aspettattivi raġjonevoli tal-azzjonisti u twassal biex il-partijiet interessati joħorġu kuntenti. Filwaqt li r-responsabilità tal-eżekuttivi permanenti fil-ġestjoni tar-riskju m’għandhiex titnaqqas, ir-rwol tal-bord huwa fundamentali. Fil-mudell kontinentali, il-bord ta’ sorveljanza japprova l-istrateġija tal-bord ta’ tmexxija.

3.2.10   Mistoqsija speċifika 10: Għandha tiġi stabbilita u ppubblikata dikjarazzjoni tal-kontroll tar- riskji?

It-tweġiba hija iva iżda fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-istrateġija lill-azzjonisti u lill-partijiet interessati biss. L-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjali u kunfidenzjali għandu jiġi evitat.

3.2.11   Mistoqsija speċifika 11: Għandha tiġi stabbilita proċedura għall-approvazzjoni, mill-bord tad-diretturi, ta’ prodotti finanzjarji ġodda?

Iva, jekk huma materjali. L-introduzzjoni ta’ prodott normalment hija l-funzjoni ta’ implimentazzjoni strateġika u għaldaqstant kwistjoni ta’ interess konsiderevoli għall-bord.

3.2.12   Mistoqsija speċifika 12: Il-bord tad-diretturi għandu jkollu d-dmir li jgħarraf lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza dwar ir-riskji materjali li jista’ jkun jaf bihom?

Huwa mistenni li dan ikun element regolari tad-djalogu kontinwu bejn l-istituzzjoni u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza.

3.2.13   Mistoqsija speċifika 13: Il-bord tad-diretturi għandu jkollu d-dmir espliċitu li jqis l-interessi tad-depożituri u tal-partijiet interessati l-oħrajn fit-teħid tad-deċiżjonijiet (“id-dmir li jagħti każ” (“duty of care”))?

F’xi ġurisdizzjonijiet diġà jeżisti l-obbligu li wieħed iqis l-interessi tal-partijiet interessati. Dan għandu jkun każ ta’ rutina. Jekk il-partijiet interessati mhumiex kuntenti, negozju mhux se jirnexxi. M’għandu jiddomina l-ebda grupp ta’ interess. Il-minuti tal-bord għandhom juru li l-interessi kollha ġew ikkunsidrati meta tfasslet l-istrateġija.

3.3   Nuqqasijiet rigward il-problemi fil-ġestjoni tar-riskju b’kunflitti ta’ interess

3.3.1   Mistoqsija speċifika 14: Kif jista’ jissaħħaħ l-istatus tad-direttur tar-riskji? L-istatus tad-direttur tar-riskji għandu jkun tal-anqas daqs dak tad-direttur finanzjarju?

Din il-mistoqsija timplika li nafu dak li huwa mistenni jagħmel id-direttur tar-riskji. Jekk ir-riskju huwa parti integrali mill-istrateġija tan-negozju, mela d-direttur finanzjarju d-direttur tar-riskji. Ir-riskju fil-livell mikro jpoġġi lid-direttur tar-riskji fl-istess livell bħall-kap tal-verifika interna. It-tnejn iridu jirrapportaw lil kumitat tal-bord u jkollhom aċċess bla xkiel għall-president ta’ dak il-kumitat. It-tnejn għandhom jirrapportaw perijodikament lill-bord sħiħ.

3.3.2   Mistoqsija speċifika 15: Kif tista’ tittejjeb is-sistema ta’ komunikazzjoni ta’ bejn il-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskji u l-bord tad-diretturi? Għandha tiġi stabbilita proċedura sabiex il-kunflitti jew il-problemi jintbagħtu lil min qiegħed iktar ’il fuq fil-ġerarkija sabiex jissolvew?

Dan il-punt qed jintwieġeb fil-punt 3.3.1 hawn fuq. Din il-proċedura diġà għandha tagħmel parti mill-funzjonament tal-kumitat u tal-bord.

3.3.3   Mistoqsija speċifika 16: Il-direttur tar-riskji għandu jkun jista’ jirrapporta direttament lill-bord tad-diretturi, inkluż lill-kumitat tar-riskji?

Dan il-punt qed jintwieġeb ukoll fil-punt 3.3.1 hawn fuq.

3.3.4   Mistoqsija speċifika 17: L-għodod tal-informatika għandhom jiġu pperfezzjonati sabiex jittejbu l-kwalità u l-ħeffa tat-trażmissjoni, lill-bord tad-diretturi, tat-tagħrif dwar ir-riskji l-kbar?

Jiddependi minn dak li jeżisti bħalissa f’kull istituzzjoni. Mhux ir-riskji kollha jistgħu jiġu ssorveljati bħala rutina mill-IT. F’ħafna każi avviż bil-posta elettronika jista’ jkun biżżejjed. Iktar ma tkun kbira u kumplessa l-organizzazzjoni, f’termini ta’ taqsimiet, ġeografiji u prodotti, iktar jagħmel sens li jiġi użat programm tal-IT għall-ġestjoni tar-riskji.

3.3.5   Mistoqsija speċifika 18: Id-diretturi eżekuttivi għandu jkollhom l-obbligu li japprovaw rapport dwar l-adegwatezza tas-sistemi ta’ kontroll intern?

Iva. F’ċerti ġurisdizzjonijiet dan diġà huwa obbligatorju. Is-soltu jiġi ġestit permezz tal-kumitat tal-verifika.

3.4   Ir-rwol tal-awdituri esterni

3.4.1   Mistoqsija speċifika 19: Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awdituri esterni u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza? Jekk iva, kif għandu jsir dan?

Kumpaniji tal-verifika jridu jaħdmu għall-membri tal-kumpanija. Madankollu, jekk isibu kwistjonijiet serji ta’ riskju jew nuqqas ta’ konformità, li jkollhom implikazzjonijiet sistemiċi, is-superviżuri jridu jiġu avżati. Il-kwistjonijiet li jistgħu jitranġaw mill-kumpanija u li m’għandhomx implikazzjonijiet esterni għandhom jitħallew f’idejn il-kumpanija. Fis-sistema ta’ tmexxija kontinentali, il-bord ta’ sorveljanza jaħtar l-awdituri u jiltaqa’ magħhom kull sena mingħajr il-preżenza tal-bord ta’ tmexxija u s-CEO.

3.4.2   Mistoqsija speċifika 20: Għandu jissaħħaħ id-dmir tal-awdituri li jgħarrfu lill-bord tad-diretturi u/jew lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza dwar kwistjonijiet serji li jistgħu jkunu ndunaw bihom huma u jwettqu xogħolhom?

Jiddependi fuq l-istatus quo. F’ċerti ġurisdizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet diġà huma adegwati. Fis-sistema Ewropea kontinentali dan għandu jiġi deċiż fuq bażi kuntrattwali bejn il-bord ta’ sorveljanza u l-awditur.

3.4.3   Mistoqsija speċifika 21: Il-kontroll tal-awditur estern għandu jitwessa’ biex jinkludi wkoll it-tagħrif finanzjarju marbut mar-riskju?

L-awdituri huma meħtieġa jikkonfermaw li l-kotba tal-kontabilità ta’ kumpanija jagħtu stampa vera u ġusta tan-negozju attwali tagħha. F’dan il-kuntest, kull riskju materjali suppost ikun diġà ntwera bħala provvediment jew nota fil-kotba. Jidher li hawnhekk m’hemm bżonn tal-ebda estensjoni.

3.5   Nuqqasijiet fl-awtoritajiet ta’ sorveljanza

3.5.1   Mistoqsija speċifika 22: Għandu jiġi ddefinit mill-ġdid u jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza fit-tmexxija interna tal-istituzzjonijiet finanzjarji?

Iva, f’ġurisdizzjonijiet fejn dan għadu ma sarx.

3.5.2   Mistoqsija speċifika 23: L-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom jingħataw is-setgħa u d-dmir li jivverifikaw li l-bord tad-diretturi u l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskji jkunu qed jaħdmu tajjeb? Dan kif jista’ jiġi implimentat fil-prattika?

Ara r-risposta spjegata fil-punt 3.5.1 hawn fuq.

3.5.3   Mistoqsija speċifika 24: Il-kriterji tal-eliġibbiltà (it-test imsejjaħ “fit and proper test” (it-test ta’ kemm huma kompetenti u xierqa) għandhom jitwessgħu biex ikopru wkoll il-kompetenzi tekniċi u professjonali, kif ukoll il-karatteristiċi tal-imġiba tad-diretturi futuri? Dan kif jista’ jsir fil-prattika?

Hija drawwa u prattika fis-sistema kontinentali li dan jiġi vverifikat. L-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tar-Renju Unit (FSA) stabbilixxiet proċeduri ġodda sabiex dan jidħol fis-seħħ.

3.6   Problemi fir-rwol tal-azzjonisti

3.6.1   Mistoqsija speċifika 25: L-iżvelar tal-politiki u tal-prattiki tal-vot tal-investituri istituzzjonali għandu jkun obbligatorju? B’liema frekwenza?

Iva, f’relazzjoni mal-aġenda tal-laqgħat ġenerali.

3.6.2   Mistoqsija speċifika 26: L-investituri istituzzjonali għandu jkollhom l-obbligu li jżommu ma’ kodiċi (nazzjonali jew internazzjonali) ta’ prattiki tajbin, bħal pereżempju l-kodiċi mfassal min-Netwerk Internazzjonali dwar it-Tmexxija Korporattiva (l-“International Corporate Governance Network (ICGN)”? Dan il-kodiċi jobbliga lill-firmatarji biex jiżviluppaw u jippubblikaw il-politiki tal-investiment u tal-vot tagħhom, biex jieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u biex jużaw id-dritt tal-vot tagħhom b’mod responsabbli.

Iva, għall-bidu fuq bażi volontarja.

3.6.3   Mistoqsija speċifika 27: Għandha tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni tal-azzjonisti sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom, u sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-abbuż marbut mal-“vot vojt” (“empty voting”)? Vot vojt ifisser vot minn azzjonist li m’għandux interess finanzjarju korrispondenti fil-kumpanija li għaliha qiegħed jivvota, li jista’ jkollu effetti potenzjalment negattivi fuq l-integrità tat-tmexxija tal-impriżi kkwotati u tas-swieq li fihom ikunu qed jiġu nnegozjati l-ishma tagħhom.

Il-kwistjoni tal-azzjonisti għandha tiġi studjata mill-Kummissjoni għaliex m’għadhomx li kienu fil-passat. Illum il-ġurnata l-azzjonisti jistgħu jkunu kumpaniji globali, azzjonisti globali, hedge funds, eċċ. u għaldaqstant bħala negozjanti fl-ishma, ma jaqdux ir-rwol li tradizzjonalment huwa assoċjat mat-term “azzjonisti”.

3.6.4   Mistoqsija speċifika 28: Liema miżuri oħrajn jistgħu jħeġġu lill-azzjonisti biex jimpenjaw ruħhom fit-tmexxija korporattiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji?

Miżura waħda possibbli tista’ tkun il-ħolqien ta’ organizzazzjoni ta’ prokura li tirrappreżenta l-azzjonisti privati f’kull kumpanija. Alternattivament, tista’ ssir pressjoni mill-istituzzjonijiet ta’ sorveljanza, mill-politikanti, mill-mezzi tax-xandir fuq investituri istituzzjonali sabiex isiru iktar attivi.

3.7   Implimentazzjoni iktar effettiva tal-prinċipji tat-tmexxija korporattiva

3.7.1   Mistoqsija speċifika 29: Jeħtieġ li jiżdiedu r-responsabbiltajiet tal-membri tal-bord tad-diretturi?

Mhux jekk irridu li jkollna kandidati tajbin. Ikun utli għal ħafna istituzzjonijiet li jiddefinixxu x’qed jistennew mill-membri tal-bord.

3.7.2   Mistoqsija speċifika 30: Għandha tissaħħaħ ir-responsabbiltà ċivili u kriminali tad-diretturi, filwaqt li jitqies il-fatt li r-regoli dwar il-proċeduri kriminali mhumiex armonizzati fuq livell Ewropew?

F’ċerti ġurisdizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet diġà huma adegwati. L-ikbar riskju għal direttur is-soltu huwa li jitlef ir-reputazzjoni għax kien assoċjat ma’ negozju li falla. Reċentement saru talbiet biex isiru projbizzjonijiet awtomatiċi fuq diretturi li jonqsu milli javżaw dwar riskji żejda sabiex ma jkunux jistgħu jerġgħu jassumu rwoli simili. Aktarx din hija għodda ta’ politika iktar preċiża u promettenti.

3.8   Ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji

3.8.1   Mistoqsija speċifika 31: X’jistgħu jkunu jinkludu l-miżuri addizzjonali possibbli fil-livell tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati, u liema forma li torbot jew li ma torbotx jista’ jkollhom?

Id-dispożizzjonijiet tat-tielet emenda għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD3) jidhru li huma adegwati. Dan il-fatt għandu jimpenja lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza. Il-pubblikazzjoni ta’ politiki ta’ votazzjoni istituzzjonali dwar ir-rimunerazzjoni tkun pass tajjeb ’il quddiem (ara l-punt 3.8.4 hawn fuq).

3.8.2   Mistoqsija speċifika 32: Taħseb li għandhom jiġu indirizzati l-problemi marbutin mal-għażliet tal-ishma tad-diretturi? Jekk iva, b’liema mod? L-għoti tagħhom għandu jiġi rregolat fuq livell Komunitarju jew saħansitra pprojbit?

Is-CRD3 dehret li indirizzat dan il-punt. Il-kwistjonijiet relatati maż-żmien, l-ostakoli u l-kwantum huma koperti f’dik id-Direttiva.

3.8.3   Mistoqsija speċifika 33: Filwaqt li jitħarsu l-kompetenzi tal-Istati Membri, taħseb li t-trattament fiskali favorevoli tal-għażliet tal-ishma u ta’ rimunerazzjonijiet simili oħra li jeżisti f’ċerti Stati Membri jinkuraġġixxi t-teħid ta’ riskji eċċessivi? Jekk iva, din il-kwistjoni għandha tiġi diskussa fil-livell tal-UE?

Il-Kummissjoni għandha titħeġġeġ tistudja din il-kwistjoni, iżda kif inhuma l-affarijiet bħalissa, it-tassazzjoni hija kwistjoni tal-Istat Membru.

3.8.4   Mistoqsija speċifika 34: Taħseb li għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-azzjonisti kif ukoll tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħhom huma u jiġu stabbiliti l-politiki ta’ rimunerazzjoni?

F’ċerti ġurisdizzjonijiet ir-rapport ta’ rimunerazzjoni huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-azzjonisti. Jekk ir-riżultati tal-votazzjoni tal-azzjonisti istituzzjonali jiġu ppubblikati, is-sistemi tkun iktar trasparenti. Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-problema tal-effett ta’ lieva tal-konsulenti dwar ir-rimunerazzjoni. Is-sistema ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-azzjonisti fil-Pajjiżi l-Baxxi tista’ sservi ta’ mudell utli għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni.

3.8.5   Mistoqsija speċifika 35: X’taħseb dwar l-indennizzi tat-tluq (imsejħin “paraxut tad-deheb”)? L-għoti tagħhom għandu jiġi rregolat fuq livell Komunitarju jew saħansitra pprojbit? Jekk iva, b’liema mod? Dawn għandhom jingħataw biss bħala rimunerazzjoni fil-każ ta’ prestazzjoni effettiva tad-diretturi?

L-indennizzi tat-tluq mhumiex rigal għas-servizz mogħti. Ir-rigali għas-servizzi mogħtija jingħataw waqt is-servizz innifsu. L-indennizzi tat-tluq huma l-obbligi kuntrattwali meta kumpanija tkeċċi direttur eżekuttiv. Is-soltu jingħataw bħala għajnuna finanzjarja sabiex reklutat ġdid ikollu iktar sigurtà fil-każ li l-ħatra tiegħu ma tirnexxiex. It-tkeċċija mhux bil-fors tfisser falliment. Bidla fl-istrateġija tista’ twassal biex anke xi ħadd b’rendiment tajjeb jingħata s-sensja. Għaldaqstant l-indennizzi huma meħtieġa. F’xi ċirkostanzi jistgħu jkunu għoljin wisq, b’mod speċjali fir-rigward tal-pensjonijiet. Jistgħu jitfasslu b’mod li fil-kuntratt ikun stipulat li jonqsu biż-żmien u anke jitneħħew fejn “jidher ċar” li l-persuna inkwistjoni kien falla fil-qadi ta’ dmirijietu. Li l-indennizzi għas-CEOs jiżdiedu għandu jiġi skoraġġut ukoll. Il-premji għandhom jiġu ggwadanjati skont il-prestazzjoni. Fis-sistema kontinentali, l-impjegati huma rappreżentati fuq il-bord ta’ sorveljanza u jistgħu jinfluwenzaw prattiki ta’ rimunerazzjoni bħal dawn.

3.8.6   Mistoqsija speċifika 36: Taħseb li l-parti varjabbli tar-rimunerazzjonijiet fl-istituzzjonijiet finanzjarji li rċevew fondi pubbliċi għandha titnaqqas jew titwaqqaf?

Din il-kwistjoni tirreferi prinċipalment għar-rimunerazzjoni ta’ pożizzjonijiet għoljin f’istituzzjonijiet finanzjarji. Huwa inqas rilevanti għal impjegati ordinarji. Kien hemm xi pakketti ta’ rimunerazzjoni straordinarji għal individwi u sitwazzjonijiet anormali bħal dawn għandhom jiġu evitati. Huwa xogħol is-sidien governattivi ta’ istituzzjonijiet li ngħataw fondi pubbliċi li jagħmlu kif jidhrilhom.

3.9   Kunflitti ta’ interess

3.9.1   Mistoqsija speċifika 37: X’jista’ jkun il-kontenut ta’ miżuri addizzjonali possibbli fil-livell tal-UE li jimmiraw li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kunflitti tal-interess u l-prevenzjoni tagħhom fis-settur tas-servizzi finanzjarji?

Il-kunċett ta’ “ħitan Ċiniżi” jirriferi għall-proċeduri infurzati fi ħdan kumpanija tat-titoli jew tal-investiment sabiex jiġi evitat l-iskambju ta’ informazzjoni konfidenzjali bejn id-dipartimenti tal-kumpanija sabiex jiġi evitat l-użu illegali ta’ informazzjoni “ta’ ġewwa”. Jintuża fis-settur finanzjarju u setturi oħrajn biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess li jistgħu jagħmlu ħsara. Madankollu, fil-prattika, ħitan Ċiniżi mhumiex infallibbli għaliex jiddependu fuq sistema ta’ rispett reċiproku (honour system). L-informazzjoni hija ristretta biss għad-diskrezzjoni u l-attenzjoni tal-partijiet involuti. Jista’ jagħti l-każ li f’dan ir-rigward regolamenti li jispeċifikaw ir-rekwiżiti legali għas-sigurtà tal-informazzjoni jwasslu għal titjib fil-konformità.

3.9.2   Mistoqsija speċifika 38: Inti tal-fehma li, filwaqt li jitqiesu l-mudelli legali u ekonomiċi differenti eżistenti, jeħtieġ li jiġi armonizzat il-kontenut u d-dettall tar-regoli Komunitarji marbutin mal-kunflitti ta’ interess sabiex id-diversi istituzzjonijiet finanzjarji jkunu sottomessi għal regoli simili skont jekk dawn għandhomx japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-MiFID, dawk tad-Direttiva dwar il-fondi proprji regolatorji, tad-Direttiva dwar l-UCITS jew tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà 2?

Iva.

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni “Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġusta sal-2020”

COM(2010) 355 finali

2011/C 84/04

Relatur: is-Sur ALMEIDA FREIRE

Nhar il-5 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni “Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust sal-2020”

COM(2010) 355 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2011.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'192 vot favur, 4 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jagħraf l-importanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fis-Suq Intern u l-kontribuzzjoni tiegħu għall-ekonomija Ewropea inġenerali. Minħabba n-natura speċifika ta’ dan is-settur, il-KESE jilqa' l-approċċ olisitiku li żviluppat il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport dwar is-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni u jaqbel li għandha tiġi evitata l-enfasi fuq is-setturi sekondarji individwali.

1.2   Il-KESE jiddispjaċih li tingħata ftit wisq attenzjoni lill-SMEs li jaqdu rwol fundamentali f'termini ta’ impjiegi, ħolqien ta’ valur u fil-ħajja taż-żoni rurali u ċ-ċentri tal-bliet. B'konformità mas-Small Business Act, għandha tingħata iktar prijorità lill-SMEs u lill-miżuri li jħeġġuhom jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi.

1.3   Madwar l-Ewropa hemm konċentrazzjoni ta’ bejjiegħa kbar bl-imnut li qed jiġbdu aktar klijenti permezz tas-saħħa tal-offerta tagħhom (il-ħames l-akbar bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel irrappreżentaw iktar minn 70 % tas-suq fl-2005). Bl-istess mod, hemm konċentrazzjoni għolja f'għadd ta’ swieq tal-prodotti, b'mod speċjali għall-prodotti essenzjali li l-bejjiegħa ma jistgħux ma joffrux fil-ħwienet tagħhom.

1.4   Is-saħħa tan-negozjar hija prattika ġenerali f'ekonomija tas-suq li hija infurzata minn kwalunkwe kumpanija, inklużi l-bdiewa, il-kolletturi u l-proċessuri tal-prodotti tagħhom, il-fornituri u n-negozjanti. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-miżuri f'ċerti pajjiżi mmirati biex jikkontrollaw il-livelli tal-prezzijiet jew tal-marġnijiet, li jmorru kontra l-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa u t-tħaddim sew tas-suq uniku.

1.4.1   Minħabba raġunijiet soċjopolitiċi importanti, pereżempju fil-qasam soċjali jew dak ambjentali, regolamenti ta’ dan it-tip jistgħu jkunu neċessarji biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali jew il-protezzjoni ambjentali.

1.5   Fi ħdan is-suq intern ġew rappurtati differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet fost l-Istati Membri għal prodotti simili. Il-KESE jirrakkomanda li kull studju li jsir dwar il-prezzijiet jiffoka fuq it-trasmissjoni tal-prezzijiet u l-marġni fil-katina tal-provvista kollha kemm hi.

1.6   Il-KESE jfakkar li s-swieq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – u r-relazzjonijiet kuntrattwali tan-negozju – fihom infushom huma nazzjonali – b'karatteristiċi legali, ekonomiċi, politiċi u kulturali differenti. Huwa u jirrikonoxxi l-importanza tal-katina tal-provvista tal-ikel, il-KESE jappella sabiex prattiki inġusti b'mod evidenti li jinstabu tul il-katina tal-provvista kollha jiġu analizzati u indirizzati b'mod adatt.

1.7   B'mod iktar speċifiku, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja kif “relazzjonijiet kuntrattwali mhux ġusti” jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali, inkluż l-infurzar. Barra dan, il-KESE jfakkar l-importanza, fi żminijiet ta’ kriżi, li jiġi żgurat infurzar adatt tal-leġislazzjoni eżistenti u li din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u jenfasizza fejn hi meħtieġa l-azzjoni u xi jkun l-iktar livell adatt, b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

1.8   L-impjieg fin-negozju huwa importanti u ta’ sikwit huwa l-punt ta’ dħul fis-suq tax-xogħol għal bosta ħaddiema żgħażagħ, bi ftit ħiliet baxxi jew mingħajr ħiliet. In-negozju joffri wkoll opportunitajiet konsiderevoli għall-intraprendituri.

1.9   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-promozzjoni tal-impjieg indipendenti, l-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-ħiliet bħala mezz biex tiġi indirizzata l-kriżi u biex jiffaċilitaw id-dħul jew id-dħul mill-ġdid ta’ persuni fis-suq tax-xogħol.

1.10   Il-Kummissjoni tidentifika b'mod tajjeb l-oqsma fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni ta’ prijorità. Barra minn hekk, il-KESE jappella biex il-proposti jiġu adottati f'waqthom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tħaffef il-proċess tagħha ta’ teħid tad-deċiżjonijiet f'qasam li jirrikjedi azzjoni urġenti, prattika u konkreta. B'mod partikolari, il-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari Mħaddma Aħjar li reġa' ġġedded għandu jsir il-punt ta’ riferiment għal politiki ġodda u emerġenti dwar il-qasam agrialimentari, inklużi relazzjonijiet iktar ibbilanċjati bejn l-industrija u l-bejjiegħa.

1.11   Barra minn hekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi u tieħu miżuri adatti mal-Istati Membri kkonċernati. Il-KESE jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar il-ħlasijiet tal-iskambju li jaġixxu bħala taxxa moħbija fuq il-konsumaturi.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Kummissjoni Ewropea tagħraf ir-rwol importanti li għandu s-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fis-Suq Uniku. Fil-fatt, is-suq tal-konsumaturi kien magħżul għal eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq minħabba l-importanza ekonomika tiegħu għall-Unjoni Ewropea (4,2 % tal-PDG tal-UE, 17,4 miljun impjegat u 20 % tal-SMEs Ewropej kif ukoll ir-rabtiet mill-qrib ma’ għadd ta’ swieq).

2.2   Ir-rapport dwar l-eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah jipprovdu analiżi tal-kwistjonijiet li jolqtu l-prestazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – mill-aspett tas-Suq Uniku. Permezz ta’ dan, ir-rapport u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal jagħtu ħarsa lejn il-prestazzjoni tas-settur, ix-xejriet reċenti u l-impatt tal-modernizzazzjoni fuq kompetituri oħrajn. Dawn jidentifikaw problemi li jaffettwaw il-prestazzjoni tan-negozjanti wkoll mill-aspett tal-interlokuturi tagħhom fis-swieq upstream u downstream.

2.3   L-analiżi tas-settur magħmula fir-rapport hija bbażata fuq analiżi tal-interazzjonijiet ta’ negozjanti mal-fornituri tagħhom (is-swieq upstream) u l-konsumaturi tagħhom (is-swieq downstream). Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni tagħraf il-kumplessità tal-interazzjonijiet li n-negozjanti jiżviluppaw sabiex jiżguraw li l-konsumaturi jsibu l-prodott it-tajjeb fil-post it-tajjeb, fil-ħin opportun u bl-aħjar prezz.

2.4   Ir-rapport iħabbar li l-Kummissjoni se tiddefinixxi miżuri sabiex ittejjeb il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern għas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fuq il-bażi tal-konsultazzjoni, bil-għan li tgħin lin-negozjanti jagħmlu l-aħjar użu tas-Suq Uniku u biex itejbu l-prestazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   B'dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea tagħraf l-importanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fis-Suq Intern u l-kontribuzzjoni tiegħu għat-tkabbir, l-impjiegi u kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà. Billi l-perċezzjoni tas-settur ta’ sikwit hija bbażata fuq perspettiva simplistika tan-negozjanti li jixtru mingħand bdiewa u li jbiegħu lill-konsumaturi, l-approċċ meħud f'dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali dwar il-kumplessità tal-katina tal-provvista u tal-interazzjonijiet tan-negozjanti mal-interlokuturi tagħhom. Dan jgħin ukoll biex jispjega kif in-negozjanti jaqdu l-missjoni tagħhom biex jipprovdu lill-konsumaturi bil-prodott it-tajjeb fil-post it-tajjeb fil-ħin it-tajjeb u bl-aħjar prezz u l-isfidi tagħhom.

3.2   Ir-rapport jagħraf ir-rwol li kellha l-modernizzazzjoni fis-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni biex tgħin fil-ġlieda kontra l-inflazzjoni matul dawn l-aħħar 50 sena u biex iżżid l-għażla għall-konsumaturi. Kompetizzjoni akbar u l-konsolidazzjoni fis-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni wasslu għal prezzijiet aktar baxxi, aktar għażla għall-konsumaturi u marġnijiet aktar baxxi (għall-kuntrarju ta’ setturi oħrajn, inkluż il-manifattura) b'impatt fuq il-kompetituri, l-awtoritajiet lokali, il-bdiewa, il-fornituri, l-impjegati, eċċ.

3.3   Il-KESE jiddispjaċih li r-rapport jista' jkun wisq iffokat fuq il-bejgħ bl-imnut tal-ikel u minħabba f'hekk, huwa jonqos milli jiġbor fih l-importanza tal-SMEs (aktar minn 95 % ta’ kumpaniji fis-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni u 11-il miljun ħaddiem), il-bżonnijiet u d-diffikultajiet speċifiċi tagħhom, inkluż is-servizzi ta’ wara l-bejgħ, ir-rwol tagħhom fil-ħajja taċ-ċentri tal-bliet, iż-żoni rurali jew iż-żoni suburbani, id-dipendenza tagħhom fuq manifatturi kbar u l-kompetizzjoni ma’ fornituri li jistabbilixxu netwerks proprji għad-distribuzzjoni.

3.4   Ir-rapport jonqos ukoll milli jagħraf l-importanza tal-mudell tal-intrapriżi kooperattivi, b'mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel permezz tal-kooperattivi tal-konsumaturi.

3.5   Ir-rapport janalizza l-prestazzjoni tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni kontra l-għanijiet tal-politika pubblika – aċċessibbiltà u affordabbiltà. Madankollu, fil-prattika, in-negozjanti joperaw f'ambjent kompetittiv ħafna fejn il-kumpaniji jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti u joffrulhom valur tajjeb għall-flus. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu min-negozjanti dwar l-istabbiliment u s-servizzi tagħhom għaldaqstant jirrispondu aktar għad-dinamika tas-suq milli l-għanijiet tal-ordni pubbliku. Meta l-prestazzjoni tan-negozjanti titqabbel mal-għanijiet tal-ordni pubbliku, din ma tagħtix każ l-aspett li n-negozju huwa attività kummerċjali li, biex tibqa' teżisti f'ekonomija tas-suq, teħtieġ li tibqa' tagħmel il-qligħ. Jistgħu jitfasslu konklużjonijiet simili għal kwalunkwe attività oħra tas-suq.

3.6   Id-domanda tal-konsumaturi maż-żmien saret aktar sofistikata u ma tistax titqies bħala omoġenja. Dan, flimkien mal-importanza tal-kompetizzjoni fil-kummerċ, jispjega l-kumplessità tal-forzi tas-suq u għaliex forom differenti ta’ negozju, b'servizzi differenti għal wara l-bejgħ, jeżistu flimkien fir-realtà. Dan ifisser li forom iżgħar jistgħu jirnexxu jekk jipprovdu servizz speċifiku lil konsumaturi speċifiċi. Aktar minn 11-il miljun Ewropew jaħdmu f'SME fis-suq tal-konsumaturi. Għalhekk huwa kruċjali li l-iżvilupp tal-SMEs ikun imħeġġeġ aktar, b'mod partikolari permezz ta’ ambjent regolatorju aħjar u piż amministrattiv imnaqqas.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-konsumaturi

4.1.1   L-attività ewlenija tan-negozjanti hija li jipprovdu lill-konsumaturi b'firxa wiesgħa ta’ prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità u s-sigurtà bl-aħjar prezz. Il-modernizzazzjoni fis-suq tal-konsumaturi tul dawn l-aħħar 20 sena hija kkaratterizzata mill-konċentrazzjoni li ġrat malajr ta’ katini ta’ ħwienet kbar u multinazzjonali li joperaw f'pajjiżi differenti tal-UE u barra mill-UE, u li jwasslu għas-saturazzjoni tas-swieq fl-UE15, l-integrazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-globalizzazzjoni, inkluż l-espansjoni fi swieq oħrajn u aċċess għal għażla usa' ta’ prodotti bi prezz aktar baxx għall-konsumaturi (affordabbiltà).

4.1.2   Il-KESE u l-Kummissjoni jaqblu li l-iżbilanċi fir-rigward tal-aċċessibbiltà għall-ħwienet u l-ħtieġa li ż-żoni rurali jinżammu mimlija ħajja huma kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati. In-negozjanti għandhom tendenza jistabbilixxu ruħhom fiċ-ċentri tal-bliet jew fiċ-ċentri kummerċjali suburbani, għalhekk hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li ċ-ċentri tal-bliet jibqgħu aċċessibbli għall-provvista. In-nies li joqogħdu fiż-żoni rurali qed jiddependu dejjem aktar fuq l-użu ta’ karozza, b'impatt ambjentali biex jagħmlu x-xiri tagħhom ta’ kuljum li jfisser li dawk li ma jistgħux jaffordjaw karozza jew li ma jistgħux isuqu għandhom aċċess limitat għas-servizzi tan-negozji.

4.1.3   Id-deċiżjonijiet tan-negozjant dwar l-istabbiliment huma bbażati fuq għadd ta’ fatturi, u wieħed mill-aktar importanti huwa l-ħtieġa li jiżdied kemm jista' jkun il-fluss tan-nies għaddejjin bil-mixi. Dan il-fattur biss jispjega li żoni b'popolazzjoni żgħira ħafna jkollhom inqas possibbiltajiet għall-istabbiliment ta’ negozji meta mqabbla maċ-ċentri tal-bliet jew iċ-ċentri tax-xiri mibnija apposta barra mill-bliet. Għaldaqstant, il-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà għandhom jiġu indirizzati fuq il-bażi ta’ fehim komprensiv tal-ambjent li joperaw fih in-negozjanti.

4.1.4   Id-diffikultà għall-konsumaturi biex ikollhom aċċess għal għażla usa' ta’ ħwienet tan-negozju tiddependi fuq fatturi ekonomiċi u mhux ekonomiċi, bħall-ambjent regolatorju, inkluż l-ippjanar urban u l-aċċess tan-negozjanti għas-swieq tal-proprjetà. Huma jistgħu jkunu relatati ma’ regolamenti lokali li jimponu ostakli ta’ dħul għal ċerti tipi ta’ attività jew ċerti tipi ta’ ħwienet, proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jistgħu jibqgħu kumplessi żżejjed u diskrezzjonali minkejja d-direttiva tas-servizzi. Barra minn hekk, ir-regolamenti li jirriżervaw il-bejgħ ta’ prodotti tas-saħħa mingħajr riċetta għal ċerti monopolji jillimitaw il-kompetizzjoni, u għaldaqstant l-aċċess tal-konsumaturi għal prodotti farmaċewtiċi bi prezz raġonevoli.

4.1.5   Matul dawn l-aħħar 20 sena, il-persuni bi dħul aktar baxx ibbenefikaw sew minn aċċess għal għażla ikbar ta’ prodotti u prezzijiet aħjar b'riżultat tal-modernizzazzjoni, aktar kompetizzjoni u l-globalizzazzjoni. L-iżvilupp ta’ tikketti privati, li bħala medja huma 30 % orħos minn prodotti tal-marka, kellu rwol strumentali f'dan il-proċess.

4.1.6   Minħabba l-mudell tal-intrapriżi tal-bejgħ bl-imnut, il-prezzijiet tan-negozju jirriflettu l-ispejjeż operattivi b'marġni relattivament żgħira meta mqabbla ma’ setturi oħrajn, li jaħdmu b'marġnijiet ogħla. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-miżuri f'ċerti pajjiżi mmirati biex jikkontrollaw il-livelli tal-prezzijiet jew tal-marġnijiet. Minħabba l-qasam importanti soċjopolitiku, regolamenti ta’ dan it-tip jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali u jevitaw il-faqar.

4.1.7   Fi ħdan is-suq intern ġew rappurtati differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet fost l-Istati Membri għal prodotti simili. Il-KESE jirrakkomanda li kull studju li jsir dwar il-prezzijiet jiffoka fuq it-trasmissjoni tal-prezzijiet u l-marġnijiet fil-katina tal-provvista kollha kemm hi. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li fatturi varji jinfluwenzaw kif jiġi stabbilit prezz. Minbarra l-ispejjeż operattivi, dawn jinkludu d-dħul disponibbli medju tal-familja, il-VAT, l-ispejjeż tat-trasport, l-ispejjeż tal-kiri, l-ispejjeż tas-salarji, il-qafas regolatorju, il-livell tal-kompetizzjoni jew tal-prattiki kummerċjali bħal restrizzjonijiet territorjali għall-provvista u prattiki abbużivi fil-katina tal-provvista kollha kemm hi. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-impatt ta’ dawn il-prattiki u biex tieħu azzjoni biex tiżgura li l-akkwist ikun possibbli fi Stati Membri oħrajn sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet aktar baxxi, għażla aħjar, kwalità ogħla, prodotti alternattivi, eċċ.

4.1.8   Il-KESE jinnota li stħarriġ li sar fost il-konsumaturi identifika l-ħtieġa li jiġu żviluppati sorsi ta’ informazzjoni komparattiva indipendenti dwar l-offerti kummerċjali.

4.1.9   Il-KESE jaqbel li l-kummerċ elettroniku jista' jkollu rwol biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni f'xi żoni, li jista' jgħin biex jitbaxxew il-prezzijiet u huwa mħasseb dwar il-progress bil-mod ta’ dan it-tip ta’ kummerċ, speċjalment għat-transazzjonijiet transkonfinali. Il-KESE jinnota li wieħed mill-ostakli għall-iżvilupp tat-transazzjonijiet transkonfinali tal-kummerċ elettroniku, speċjalment għall-SMEs, huwa n-nuqqas ta’ regoli komuni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u jħeġġeġ lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jadottaw malajr direttiva dwar id-drittijiet diġitali tal-konsumatur ibbażata fuq “armonizzazzjoni sħiħa mmirata” fl-iktar forma avvanzata. It-tali direttiva m'għandha żżomm lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi iktar stretti għall-konsumaturi, b'konformità mal-Artikolu 169(4) tat-TFUE.

4.2   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-kummerċjanti

4.2.1   Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni li “suq intern għas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni (…) għandu jippermetti lil dawk li huma kompetittivi, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, biex jeżistu flimkien u jikbru fis-suq”.

4.2.2   Il-post huwa fattur determinanti ewlieni meta jkun se jinfetaħ ħanut ġdid u huwa l-każ li n-negozjanti jista' jkollhom jistennew bosta snin qabel ma jkunu jistgħu jiftħu ħanut ġdid f'żona partikolari u joħolqu l-impjiegi. Dħul diffiċli fis-suq u l-aċċess għas-suq tal-proprjetà huma identifikati bħala xkiel potenzjali għall-iżvilupp ta’ negozji żgħar u għandhom ikunu analizzati aktar. Din l-analiżi tista' titwettaq fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli diġà u li tqis il-perspettiva tal-konsumaturi (l-għażla tal-post tax-xiri), aspetti tal-politika tal-kompetizzjoni, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

4.2.3   Id-direttiva dwar is-servizzi, li kellha tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2009, hija mmirata biex tneħħi għadd ta’ prattiki diskriminatorji marbuta mal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-twaqqif tan-negozju. Madankollu, fil-prattika nħolqu għadd ta’ ostakli ġodda u hemm każijiet ta’ regolamenti tal-ippjanar urban li qed jintużaw ħażin biex jikkontrollaw il-kompetizzjoni u jagħtu preferenza għall-istabbiliment ta’ ċerti forom ta’ negozji jew intrapriżi. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi u tieħu miżuri adatti mal-Istati Membri kkonċernati.

4.2.4   Problema oħra li jiltaqgħu magħha n-negozjanti hija n-nuqqas ta’ suq intern trasparenti u kompetittiv għall-ħlasijiet. Il-prattiki attwali ta’ skemi ta’ karti jmorru kontra l-kompetizzjoni u jiksru prinċipju fundamentali tas-Suq Intern. Il-ħlasijiet tal-iskambju jaġixxu bħala taxxa moħbija fuq in-negozjanti, speċjalment l-iżgħar minnhom. Bil-ħlasijiet tal-iskambju (interchange fees) fil-qalba tas-sistema, is-SEPA se twassal għall-estinzjoni ta’ skemi nazzjonali ta’ karti tad-debitu rħas u effiċjenti. B'riżultat ta’ dan, is-suq tal-karti se jonqos għal duopolju li jwassal għal livelli ogħla ta’ ħlasijiet tal-iskambju għad-detriment tal-konsumaturi. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar il-ħlasijiet tal-iskambju li jaġixxu bħala taxxa moħbija fuq il-konsumaturi.

4.3   Suq intern tal-konsumaturi iktar effikaċi u ġust għall-fornituri fis-suq intern

4.3.1   Bħala fornituri ta’ servizz, in-negozjanti jipprovdu lill-fornituri tagħhom b'aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħhom sew jekk għall-ħanut wieħed kemm jekk mal-UE kollha. Is-servizzi jinkludu pereżempju t-tqegħid speċifiku fuq l-ixkafef, il-kummerċjalizzazzjoni u attivitajiet ta’ loġistika, eċċ. Kull wieħed minn dawn għandu prezz, li ta’ sikwit tkun tariffa.

4.3.2   In-negozju huwa wieħed minn bosta kanali oħra ta’ distribuzzjoni li huma disponibbli għall-fornituri. Mingħajr in-negozjanti, huma biss ftit il-fornituri li jkunu jistgħu jibnu netwerks kbar tad-distribuzzjoni u l-konsumaturi jispiċċaw b'inqas għażla u prezzijiet ogħla. Madankollu, kull ħolqa fil-katina tal-provvista hija importanti, billi mingħajr il-materja prima ma jistax ikun hemm ipproċessar u mingħajr l-ipproċessar ma jkunx hemm bejgħ fil-ħwienet. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-UE trid tistabbilixxi l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi żgurat bilanċ reali fil-bejgħ fil-ħwienet u fil-katina tad-distribuzzjoni tal-prodott.

4.3.3   Madwar l-Ewropa hemm konċentrazzjoni ta’ bejjiegħa kbar bl-imnut li qed jiġbdu aktar klijenti permezz tas-saħħa tal-offerta tagħhom (il-ħames l-akbar bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel irrappreżentaw iktar minn 70 % tas-suq fl-2005). Bl-istess mod, hemm konċentrazzjoni għolja f'għadd ta’ swieq tal-prodotti, b'mod speċjali għall-prodotti essenzjali li l-bejjiegħa ma jistgħux ma joffrux fil-ħwienet tagħhom. Il-kompetizzjoni qawwija bejn in-negozjanti tirriżulta f'tensjonijiet fil-katina tal-provvista biex jitnaqqsu l-prezzijiet u l-marġnijiet. Is-saħħa tan-negozjar hija prattika ġenerali f'ekonomija tas-suq miftuħa li hija infurzata minn kwalunkwe kumpanija, inkluż in-negozjanti u l-fornituri tagħhom, iżda meta din il-prattika ssir abbużiva, għandha tinqered. In-negozjanti, inklużi dawk kbar, m'għandhom l-ebda saħħa ta’ negozjar mal-manifatturi ta’ prodotti “essenzjali”, kemm jekk huma fornituri kbar jew żgħar. Bl-istess mod, il-fornituri ż-żgħar u ta’ daqs medju m'għandhom l-ebda saħħa ta’ negozjar fir-rigward tal-bejjiegħa l-kbar bl-imnut għal ċerti kategoriji ta’ prodotti. Ġie rappurtat li l-operaturi fil-katina tal-provvista ma jistgħux jilmentaw minħabba l-biża tat-tpattija. Il-KESE jħeġġeġ lin-negozjanti ż-żgħar biex jingħaqdu flimkien f'alleanzi ta’ akkwist sabiex iżidu s-setgħa tan-negozjar tagħhom fir-rigward tal-fornituri tagħhom, biex jiksbu kondizzjonijiet aħjar u jaqdu aħjar lill-konsumaturi tagħhom. Il-każijiet ta’ abbuż tal-poter tal-akkwist għandhom ikunu kkundannati u l-KESE jappella għall-infurzar adatt tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-atturi kollha tal-katina tal-provvista.

4.3.4   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta żewġ opinjonijiet relatati mal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel (1) b'rakkomandazzjoni ta’ Kodiċi ta’ Prattika fil-livell tal-Istati Membri u l-ħatra ta’ medjatur biex jintervjeni jekk ikun hemm bżonn. Il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Spanjola tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea (2) wkoll adottaw sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-KESE jilqa' wkoll it-tnedija ta’ Forum ta’ Livell Għoli (3) għal katina tal-provvista alimentari mħaddma aħjar, li tistabbilixxi pjattaforma ta’ partijiet interessati dwar prattiki kuntrattwali minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista kollha kemm hi.

4.3.5   Il-KESE jfakkar li s-swieq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – u r-relazzjonijiet kuntrattwali tan-negozju – fihom infushom huma nazzjonali – b'karatteristiċi legali, ekonomiċi, politiċi u kulturali differenti. Ir-relazzjonijiet kummerċjali normalment jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali jew permezz tar-regolazzjoni, il-każistika u/jew il-kodiċi ta’ prattika tajba. Bosta Stati Membri ppruvaw jirregolaw għadd ta’ prattiki. Madankollu, f'bosta każijiet tali tentattivi wasslu biex jinħolqu ostakli ġodda billi llimitaw il-kapaċità ta’ negozji barranin biex jistabbilixxu ruħhom f'pajjiż speċifiku, bi ksur tal-prinċipji tas-suq intern. Il-KESE jappella biex il-prattiki li huma inġusti b'mod ċar li jiġru fil-katina tal-provvista kollha kemm hi jiġu analizzati u indirizzati b'mod adatt. B'mod iktar speċifiku, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja kif “relazzjonijiet kuntrattwali mhux ġusti” jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali, inkluż l-infurzar. Tali studju għandu jagħti ħarsa ġenerali lejn l-effikaċja tal-prattiki nazzjonali; jenfasizza jekk hijiex meħtieġa azzjoni u xi jkun il-livell l-aktar adatt, b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Barra dan, il-KESE jfakkar l-importanza, fi żminijiet ta’ kriżi, li jiġi żgurat infurzar adatt tal-leġislazzjoni eżistenti u li din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

4.3.6   Biex tiġi żgurata l-għażla tal-konsumatur, tinżamm l-individwalità tagħhom u tissaħħaħ ir-reputazzjoni lokali tagħhom, in-negozjanti żviluppaw prodotti b'tikketta privata, li għaliha jerfgħu r-responsabbiltà ta’ produttur. Is-suċċess ta’ dawn il-prodotti huwa bbażat fuq aċċettazzjoni wiesgħa mill-konsumaturi bi kważi 80 % tal-konsumaturi Ewropej (4) jikkunsidraw il-marki tas-supermarkets bħala alternattiva tajba għall-marki l-oħrajn.

4.3.7   Il-varjetà ta’ prodotti tat-tikketti privati jiġu żviluppati bi sħubija mal-fornituri tagħhom, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma SMEs. Il-Kummissjoni Ewropea tagħraf li dawk is-sħubijiet, ibbażati fuq relazzjoni ta’ sottokuntratti, ta’ sikwit urew li huma l-aktar relazzjonijiet stabbli u li jdumu. Il-fornituri jibbenefikaw mid-data dwar il-konsumaturi, inċentivi biex ikunu aktar innovattivi u minn aċċess għal suq usa'. Madankollu, tqajjem it-tħassib dwar l-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp tal-SMEs u l-għażla tal-konsumatur. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-impatt tal-prodotti tal-marki proprji fuq il-fornituri, il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-għażla tal-konsumaturi.

4.4   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-impjegati

4.4.1   L-impjieg fin-negozju huwa importanti u ta’ sikwit huwa l-punt ta’ dħul fis-suq tax-xogħol għal bosta ħaddiema żgħażagħ, bi ftit ħiliet jew mingħajr ħiliet. Is-settur tan-negozju jiddependi ħafna minn mudelli tax-xogħol flessibbli sabiex ikun jista' jadatta għad-domanda tal-konsumatur matul il-ġurnata, il-ġimgħa jew l-istaġuni. Kompetizzjoni qawwija fil-prezzijiet toħloq pressjoni għal sigħat ta’ xogħol flessibbli min-naħa tal-impjegati, u dan sar inkompatibbli mal-organizzazzjoni tal-ħajja privata tagħhom. Għaldaqstant, il-leġislazzjoni u n-negozjar kollettiv għandhom jidentifikaw tipi ta’ flessibbiltà li huma kompatibbli kemm mal-organizzazzjoni neċessarja tan-negozji kif ukoll mal-ħtieġa tal-impjegati li għandha twassal biex in-nies ikunu jistgħu jsibu bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u l-ħajja professjonali. F'dan ir-rigward, ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-bejgħ bl-imnut hija ogħla minn kwalunkwe settur ieħor u x-xogħol part-time huwa importanti wkoll. In-negozju joffri wkoll opportunitajiet konsiderevoli għall-intraprendituri.

4.4.2   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-promozzjoni tal-impjieg indipendenti, l-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-ħiliet bħala mezz biex tiġi indirizzata l-kriżi u biex jiffaċilitaw id-dħul jew id-dħul mill-ġdid ta’ persuni fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jħeġġeġ lin-negozji fis-settur biex japplikaw ir-regoli nazzjonali u Komunitarji fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jissaħħu kemm il-kwalità kif ukoll il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-impjieg tan-nisa fis-settur.

4.4.3   Il-kriżi finanzjarja attwali u t-tnaqqis fil-konsum kienu r-raġuni għall-għeluq, ir-ristrutturar, il-fużjonijiet u t-teħid ta’ kontroll ta’ attivitajiet kummerċjali madwar l-Ewropa. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ qgħad fit-tul għal individwi jibqa' wieħed għoli. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-promozzjoni tal-impjieg indipendenti u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema bħala mezz biex tiġi indirizzata l-kriżi u biex jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid ta’ persuni fis-suq tax-xogħol.

4.4.4   Hemm tradizzjoni twila ta’ negozjar kollettiv fil-kummerċ kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali. Id-differenzi bejn il-pajjiżi jirriżultaw minn kulturi u tradizzjonijiet differenti ta’ relazzjonijiet industrijali u kwalunkwe miżura proposta f'dan il-qasam għandha tibqa' soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KESE jappella lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati biex isaħħu d-djalogu soċjali bejn l-imsieħba u jibnu sistema ta’ relazzjonijiet industrijali fi ħdan is-settur.

4.4.5   Ix-xogħol mhux iddikjarat u l-ekonomija informali huma kwistjoni ewlenija u għandhom jiġu indirizzati b'urġenza billi joħolqu kemm kompetizzjoni mhux ġusta bejn in-negozji bħala riżultat tal-evażjoni tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet, kif ukoll effetti dannużi fuq il-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-impjegati, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa tal-ħaddiema u l-ħarsien tas-sikurezza tagħhom. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jissemplifikaw u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi u biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-benefiċċji ta’ xogħol regolari.

4.4.6   Il-KESE jappella għal dibattitu miftuħ mal-Imsieħba Soċjali dwar il-franchises u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-miżuri fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali billi din toħloq aktar diskriminazzjoni u kompetizzjoni inġusta għad-detriment tal-SMEs.

4.4.7   Il-modernizzazzjoni, l-iżvilupp teknoloġiku u l-użu dejjem jikber tal-ICT fin-negozju wasslu għal nuqqas ta’ qbil dejjem jikber bejn il-ħtiġiet ta’ ħiliet tal-kumpaniji u dawk tal-persunal fin-negozju. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu mgħammra aħjar b'ħiliet aħjar matul il-karriera/il-ħajja tax-xogħol tagħhom. F'dan ir-rigward, il-KESE jappella wkoll lill-imsieħba soċjali fil-kummerċ biex isaħħu l-kooperazzjoni għaddejja bħalissa biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ qbil bejn il-ħiliet li jeħtieġu l-kumpaniji u l-ħiliet li għandhom l-impjegati billi jiġu identifikati soluzzjonijiet settorjali u l-mezzi biex jiġi antiċipat u ġestit l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq il-ħiliet u l-impjieg.

4.4.8   Hemm tradizzjoni twila ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fin-negozju. Fil-fatt, għal bosta snin kumpaniji ilhom iniedu u jimplimentaw firxa wiesgħa ta’ prattiki responsabbli. Dawn il-prattiki ma jkoprux biss kwistjonijiet soċjali u ambjentali iżda wkoll oqsma oħra bħas-saħħa, is-sigurtà tal-prodotti, u kwistjonijiet relatati mal-katina tal-provvista jew l-impenn lokali.

4.4.9   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kompetizzjoni tal-prezzijiet, li toħloq pressjoni kbira fuq l-infiq fuq il-pagi u s-sigħat ta’ xogħol tal-impjegati. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni twettaq studju speċifiku dwar l-impatt tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, inklużi l-Ħdud, fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali lokali, il-livell ta’ servizz mogħti lill-konsumaturi u l-kwalità ta’ ħajja tal-impjegati.

4.4.10   Għad hemm għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta u dumping soċjali fost in-negozji fis-settur, ikun xi jkun id-daqs, billi d-differenzi fil-leġislazzjoni dwar l-impjieg u fl-arranġamenti dwar in-negozjar kollettiv bejn pajjiż u pajjiż joħolqu politiki ta’ investiment u mudelli ekonomiċi u soċjali differenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali biex jiftħu dibattitu fil-qasam tad-djalogu soċjali Ewropew, fejn jistgħu jiġu identifikati l-aħjar politiki li permezz tagħhom jiġu armonizzati l-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-ispejjeż tax-xogħol, sabiex isir kontribut għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jitneħħew dawk l-ostakli li qed ixekklu l-iżvilupp armonjuż u l-kompetizzjoni ġusta fis-settur madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja inizjattiva bħal din u tieħu l-miżuri adatti biex telimina kull imġiba li xxekkel il-ħolqien u t-tħaddim ta’ suq intern ġust u effiċjenti li jippromovi l-iżvilupp.

4.4.11   Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati qed taqdi rwol dejjem iktar importanti fis-settur tan-negozju, b'mod partikolari fi ħdan il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar, fejn l-impjegati jkunu jistgħu jagħtu sehem ikbar fil-kwalità tal-impjieg, fil-motivazzjoni tagħhom u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din l-għodda bħala parti mill-monitoraġġ tagħha ta’ dan is-settur.

4.5   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-ġenerazzjonijiet futuri

4.5.1   Il-KESE jagħraf l-importanza tan-negozju billi jinkoraġġixxi l-konsum u l-mudelli ta’ produzzjoni aktar sostenibbli fl-UE. Huwa jfakkar li l-impatt dirett tal-operazzjonijiet tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni kif inhuma ġie vvalutat iżżejjed iżda li, b'mod indirett, bħala l-eqreb rabta bejn il-konsumaturi u l-manifatturi, in-negozju jista' jagħmel ħafna. Il-KESE jilqa' l-Forum tan-Negozju li għandu r-rwol li jaqsam prattiki tajbin bejn in-negozji u l-partijiet interessati dwar kwistjonijiet speċifiċi. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll il-ħidma tar-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli.

4.5.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza fit-tfassil ta’ politika bejn għanijiet ambjentali u dawk ta’ politika oħra bħas-suq intern. Matul dawn l-aħħar snin qamu kunflitti u issa sar aktar komuni li l-prinċipji bażiċi tas-Suq Intern jiġu mwarrba bl-iskuża tal-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, il-KESE jwissi kontra l-possibbiltà li r-responsabbiltà tiġi trasferita mill-produtturi għan-negozjanti.

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  NAT/460 “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” mis-Sinjuri Narro u Kapuvari; CCMI/050 “L-industrija tal-bejgħ bl-imnut: żviluppi u l-impatt” mis-Sinjura Sharma.

(2)  COM(2009) 591 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”.

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.7.2010 li tistabbilixxi l-Forum ta’ Livell Għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta’ provvista tal-ikel (2010/C 210/03).

(4)  Studju ta’ AC Nielsen “attitudnijiet tal-konsumaturi fir-rigward ta’ tikketti privati” 2005.


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi

COM(2010) 473 finali – 2010/0246 (COD)

2011/C 84/05

Relatur Ġenerali: is-Sur SEARS

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, nhar il-15 ta' Ottubru u s-7 ta' Ottubru 2010 rispettivament, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi

COM(2010) 473 finali – 2010/0246 (COD).

Nhar l-20 ta' Ottubru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu tad-19 u l-20 ta' Jannar 2011 (seduta tad-19 ta' Jannar) li jaħtar lis-Sur Sears bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b'149 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-frekwenza u l-impatt ta' attakki terroristiċi billi jiġi limitat l-aċċess mill-pubbliku ġenerali għal sustanzi (u taħlitiet tagħhom) li jintużaw frekwentement u b'mod leġittimu li f'konċentrazzjoni għolja jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta' splussivi, kif ukoll li jiġu rrappurtati transazzjonijiet suspettużi tagħhom.

1.2

Il-proposta hija diretta lejn il-bejjiegħa bl-ingrossa, il-bejjiegħa bl-imnut u l-Istati Membri. Il-manifatturi tas-sustanzi kimiċi diġà għandhom kontrolli u kodiċi ta' rappurtaġġ volontarji għal prekursuri tal-armi u tad-drogi, pereżempju, u m'għandhomx jintlaqtu materjalment minn dawn il-proposti. It-tunnellati involuti huma żgħar meta mqabbla mal-ammonti totali mibjugħa. M'hemmx tħassib fir-rigward ta' saħħet il-ħaddiema jew l-impatt fuq l-ambjent. Is-suċċess jiddependi mill-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ġbir u l-qsim ta' informazzjoni rilevanti.

1.3

Il-KESE jappoġġja azzjonijiet favur il-ġlieda kontra t-terroriżmu u jaqbel mal-ħsieb ġenerali tal-proposta, speċifikament Regolament taħt l-Artikolu 114 li jipprevieni l-frammentazzjoni tas-suq intern.

1.4

Il-KESE jaqbel ukoll mal-lista ta' tmien sustanzi (u taħlitiet tagħhom) inklużi fl-Anness I bħala dawk li jesiġu kontrolli taħt dan it-titolu. Għaldaqstant, huwa raġonevoli li jiġi permess li l-bejgħ f'konċentrazzjonijiet għolja lill-pubbliku ġenerali jkompli biss b'liċenzja għal użu aħħari leġġittimu.

1.5

Il-KESE jaqbel ukoll li huwa raġonevoli li jiġu stabbiliti sistemi ċentralizzati fl-Istati Membri biex jirċievu, jaqsmu u jieħdu azzjoni fuq ir-rapporti ta' transazzjonijiet suspettużi ta' kull waħda minn dawn it-tmien sustanzi kif ukoll sebgħa oħra elenkati fl-Anness II, flimkien ma' kull transazzjoni oħra li taqa' taħt dan it-titolu.

1.6

Madankollu l-KESE jiddispjaċih li jeżistu għadd ta' nuqqasijiet fil-proposta, fir-rigward tal-evidenza ta' appoġġ ippreżentata dwar sustanzi speċifiċi; kif ukoll il-possibilitajiet għal kontroll, pereżempju tad-daqs massimu ta' pakkett; il-prattiċitajiet involuti fil-kontrolli fil-punti tal-bejgħ, inkluża d-definizzjoni ta' “negozji” li se tiġi eskluża minn din il-proposta; u xi inkonsistenzi fit-test, pereżempju fir-rigward tal-ambitu eventwali tar-rekwiżit ta' rappurtaġġ.

1.7

Il-KESE huwa sorpriż ukoll li, għalkemm l-ispejjeż għas-settur tal-bejgħ bl-imnut u għall-gvernijiet ġew ikkwantifikati b'mod ġenerali, dan ma sarx għall-benefiċċji li wieħed jassumi li jkun hemm. Għalkemm il-valur ta' ħajja ta' bniedem li hija salvata tabilħaqq huwa suġġettiv, dan l-approċċ intuża fil-passat biex isir bilanċ mal-ispejjeż ta' proposti tal-UE. Ir-raġunijiet għalfejn mhux qed isir hekk f'dan il-każ mhumiex diskussi.

1.8

Minkejja dan it-tħassib, il-KESE jappoġġja bil-qawwa din il-proposta. Li jiġi kkomunikat lill-gruppi affettwati u lis-soċjetà ċivili kollha kemm hi se jkun sfida kbira. Il-KESE huwa lest jikkontribwixxi għal dan f'kull mod possibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

Tagħmir splussiv improvizzat (IEDs), li ta' sikwit jinkorpora splussivi magħmulin id-dar (HMEs), qed jintuża dejjem iżjed minn terroristi u gruppi kriminali u individwi oħrajn biex jattakkaw stabbilimenti militari u ekonomiċi madwar id-dinja sabiex ikattru t-terrur fost il-popolazzjonijiet taċ-ċittadini għal għanijiet politiċi jew reliġjużi.

2.2

Għalkemm il-biċċa l-kbira ta' dawn l-inċidenti s'issa ġraw barra mill-UE, u minkejja l-aqwa sforzi possibbli min-naħa tal-aġenziji nazzjonali tas-servizzi tal-informazzjoni (intelligence services), l-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE xorta qed jintlaqtu. Il-pajjiżi l-iktar għonja huma fil-mira; l-ebda pajjiż ma jista' jitqies kompletament sigur. L-ideoloġiji li jmexxu t-terroristi, flimkien ma' istruzzjonijiet prattiċi dwar kif għandek tibni bomba, jiċċirkolaw madwar id-dinja permezz tal-internet. Il-prekursuri meħtieġa huma disponibbli faċilment minn ħwienet fit-triq jew onlajn, ġieli bi prezz irħis u fil-konċentrazzjonijiet għoljin meħtieġa għall-HMEs (Home-Made Explosives), kif ukoll għal użu aħħari leġittimu fl-industrija jew fid-dar.

2.3

Billi jeżisti dan l-użu leġittimu u kull miżura ta' kontroll għandha tkun kemm effettiva kif ukoll proporzjonata, hemm bżonn ċar li jiġu ddeterminati s-sustanzi li għandhom jiġu rregolati u kif; liema huma l-miżuri l-oħra meħtieġa bħala appoġġ, u liema bażi tat-Trattati hija adatta.

2.4

Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati f'opinjoni preċedenti (1), dwar emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar il-marketing u l-użu ta' “ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi” inkluż in-nitrat tal-ammonju (AN) li jintuża fi kwantitajiet kbiar madwar id-dinja bħala fertilizzatur ibbażat fuq it-nitroġenu kif ukoll bħala komponent effettiv irħis tal-isplussivi kemm kummerċjali kif ukoll improvizzati.

2.5

Kif ġie rrimarkat dak iż-żmien, setgħu ntgħażlu bażijiet oħra għal-leġislazzjoni li tindirizza t-terroriżmu jew il-prekursuri splussivi, iżda, skont it-Trattat eżistenti dwar l-UE, dan kien jesiġi unanimità min-naħa tal-Istati Membri kollha. Dan il-għan tqies diffiċli wisq biex jintlaħaq fuq il-perijodu ta' żmien qasir disponibbli qabel ir-revoka ta' din id-Direttiva li ilha fis-seħħ biex jieħu postha r-Regolament (KE) 1907/2006 (REACH), u eventwalment in-nitrat tal-ammonju żdied fl-Anness XVII.

2.6

Minn dak iż-żmien 'l hawn għadd ta' Stat Membri adottaw miżuri nazzjonali biex jillimitaw id-disponibbiltà tal-prekursuri tal-isplussivi li qed iqanqlu tħassib partikolari. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u jiġi żgurat li ma jkunx hemm lakuni fl-informazzjoni miġbura u miżuri oħrajn kontra t-terroriżmu, issa hija meħtieġa proposta mill-Kummissjoni.

3.   Sinteżi tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni hija proposta għal Regolament li jimpedixxi l-aċċess minn membri tal-pubbliku ġenerali għal sustanzi kimiċi speċifiċi li huma disponibbli b'mod mifrux iżda li jistgħu jintużaw ħażin bħala prekursuri tal-isplussivi. Sabiex jitħares il-moviment ħieles tal-oġġetti, tmien sustanzi elenkati fl-Anness I jistgħu jkomplu jinbiegħu f'forma kkonċentrata fil-qafas ta' liċenzja mogħtija minn awtorità nazzjonali kompetenti għal użu leġittimu li jkun iddokumentat, jew mingħajr liċenzja, f'livelli ta' konċentrazzjoni li jfisser li ma jkunux effettivi għall-manifattura tal-HMEs. Seba' sustanzi oħra ġew elenkati fl-Anness II fejn ma japplikawx liċenzji jew livelli ta' konċentrazzjoni. Madankollu, għal kull waħda mill-15-il sustanza, u anke għall-bejgħ ta' kull sustanza, taħlita (jew oġġett) oħra mhux elenkata speċifikament f'dawn l-Annessi iżda identifikata mill-Kummissjoni minn żmien għal ieħor li qed tintuża għall-manifattura tal-HMEs, kull transazzjoni li titqies “suspettuża” għal raġunijiet “raġonevoli” għandha tiġi rrappurtata lil punt ta' kuntatt nazzjonali waħdieni.

3.2

L-utenti professjonali ta' dawn il-materjali u l-bejgħ minn negozju għal negozju m'għandhomx jiġu affettwati. Id-drittijiet tal-individwi għall-privatezza jridu jiġu rrispettati bis-sħiħ. Il-proċess regolatorju għandu jkun flessibbli biżżejjed biex jippermetti azzjoni rapida għal bżonnijiet li jinbidlu. Ftehimiet volontarji, kodiċi ta' kondotta u sistemi ta' informazzjoni mtejba huma kollha meħtieġa biex jappoġġjaw dawn il-miżuri.

3.3

Il-piż tal-ispiża għandu jinqasam b'mod kemm jista' jkun ugwali bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut (permezz tal-ispejjeż ta' konformità, tikkettar, riformulazzjoni u t-telfien ta' bejgħ) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (li jkollhom jistabbilixxu s-sistemi neċessarji ta' liċenzji u ta' ġbir u rappurtaġġ ta' informazzjoni, kif ukoll isibu l-persunal biex iħaddmuhom).

3.4

Fil-każ tan-nitrat tal-ammonju, inkluż fl-Anness I ta' din il-proposta, ir-referenzi għas-sustanza fl-Anness XVII tal-(KE) 1907/2006 (REACH), li ma jipprovdix lok għall-għoti ta' liċenzji jew ir-rappurtaġġ ta' transazzjonijiet suspettużi, issa għandhom jitħassru. Għandhom jibqgħu d-derogi speċifiċi għall-użu mill-bdiewa.

3.5

Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ 18-il xahar wara li jiġi adottat u se jkun jorbot kollu kemm hu għall-Istati Membri kollha. Perijodu ta' transizzjoni ta' massimu ta' 36 xahar ikun meħtieġ sabiex l-istokkijiet li diġà jeżistu ta' sustanzi ta' konċentrazzjoni għolja elenkati fl-Anness I miżmuma minn membri tal-pubbliku ġenerali jilħqu jintużaw jew jitneħħew. Ir-Regolament għandu jiġi estiż għall-Istati Membri taż-ŻEE u jiġi rivedut wara ħames snin.

3.6

Il-proposta hija akkumpanjata minn memorandum ta' spjegazzjoni, dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni u sommarju tal-evalwazzjoni tal-impatt, u l-evalwazzjoni tal-impatt fiha nnifisha bbażata fuq Studju Preparatorju li tlesta minn kuntrattur estern (GHK f'kollaborazzjoni ma' Rand Europe u Comstratos) li ħadem mill-qrib mal-Kumitat Permanenti għall-Prekursuri (KPP) li ġie stabbilit taħt il-Pjan ta' Azzjoni dwar it-Titjib tas-Sigurtà tal-Isplussivi li ġie adottat mill-Kunsill fit-18 ta' April 2008. L-evalwazzjoni tal-impatt ġiet riveduta mill-Bord tal-Evalwazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni f'Marzu 2010 u saru għadd ta' rakkomandazzjonijiet.

3.7

L-informazzjoni dwar il-kuntest hija disponibbli wkoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-titjib tas-sigurtà tal-isplussivi, tas-6 ta' Novembru 2007, u fir-Rapporti Annwali tal-KPP tal-2008 u l-2009.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jappoġġja b'mod ċar id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fl-2004 u l-azzjonijiet u d-dokumenti aktar iddettaljati li segwewha u jinnota r-rwol ewlieni li s-soċjetà ċivili għandha taqdi fl-iżgurar tas-sikurezza taċ-ċittadini. Għaldaqstant il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din il-proposta fir-rigward tal-prekursuri tal-isplussivi.

4.2

Il-KESE jaqbel li jinħtieġ Regolament applikabbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mill-espożizzjoni għal jew l-għarfien attwali tal-attività terroristika. Gruppi terroristiċi attwali jistgħu jaqsmu l-fruntieri nazzjonali biex jixtru jew jaħżnu prekursuri jew biex jimmanifatturaw l-HMEs. Terroristi globali qatt ma jirrikonoxxu l-fruntieri. Teżisti tendenza lejn splussivi b'impatt ikbar u b'hekk b'inqas rispett għall-ħajja tal-bniedem. Għalkemm il-maġġoranza tal-attakki ppjanati jitwaqqfu fil-ħin, meta jirnexxu l-effetti tagħhom huma devastanti.

4.3

Il-KESE jaqbel ukoll li l-Artikolu 114 huwa l-bażi legali t-tajba biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern għal sustanzi li huma u li se jibqgħu f'ċirkolazzjoni wiesgħa, b'ħafna użi leġittimi u essenzjali. F'ċerti każijiet prodotti alternattivi jistgħu jkunu disponibbli; madankollu sostituzzjoni totali ġeneralment hija impossibbli u t-tneħħija għal kollox mis-suq ikollha effett mhux proporzjonat fuq il-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi kkonċernati. Għandhom jiġu evitati kunflitti ma' leġislazzjoni oħra, pereżempju dwar prekursuri fil-produzzjoni tad-drogi jew l-użu tas-sustanzi kimiċi fl-agrikoltura. Derogi nazzjonali, b'mod partikulari għal sustanzi elenkati fl-Anness I, m'għandhomx ikunu permessi.

4.4

Il-KESE jirrimarka li l-listi ta' prekursuri kkontrollati għandhom it-tendenza jirriflettu l-esperjenza lokali ta' attakki riċenti minflok lista minima miftiehma fuq livell globali, li għandu jkun l-għan eventwali. Madankollu, wieħed jista' jippreżenta każ konvinċenti għal kull waħda mis-sustanzi msemmija hawnhekk, u hemm dispożizzjoni għal aġġornar fil-pront hekk kif jiġu identifikati rotot ġodda li jwasslu għal HMEs. It-tmien sustanzi fl-Anness I se jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali f'konċentrazzjonijiet għolja biss jekk wieħed ikollu liċenzja. Dan għandu jkun biżżejjed biex jiġi limitat xiri okkażjonali, individwali, kawżali jew opportunistiku. Il-kontroll ta' attività iktar “professjonali” u diterminata se jkompli jiddependi l-ewwelnett fuq informazzjoni tajba mwassla lill-pulizija u użata minnhom jew minn kull aġenzija tas-sigurtà ċentralizzata oħra.

4.5

Għaldaqstant il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti għal inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ addizzjonali kif ukoll kodiċi ta' kondotta volontarji. Dawn iridu jiġu diretti primarjament lejn il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut, li jridu jerfgħu sehem ikbar tar-responsabbiltà għall-prodotti li jitqiegħdu fis-suq u għar-rappurtaġġ, b'mod raġonevoli u effettiv, ta' kull transazzjoni li titqies “suspettuża”. Huwa rikonoxxut ukoll il-bżonn għal reazzjonijiet tajbin sabiex titħeġġeġ il-prattika tajba – u din se tkun sfida interessanti għall-awtoritajiet regolatorji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi li huma involuti. Minħabba l-perijodu ta' żmien qasir għall-introduzzjoni, u ħtiġijiet li jikkompetu ma' xulxin għal fondi pubbliċi, il-Kummissjoni se taqdi rwol ewlieni biex tiffaċilita l-iskambju ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri li diġà introduċew miżuri bħal dawn u dawk li għadhom le.

4.6

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li ġie pprovat li huwa impossibbli għall-Kummissjoni, minkejja l-isforzi kollha li saru mill-konsulenti tagħha, li tiddeskrivi jew tikkwantifika bis-sħiħ l-impatti ta' din il-proposta fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut u għaldaqstant fuq il-konsumaturi. Matul il-preparazzjoni tal-evalwazzjoni tal-impatt beda jsir ċar li ftit huma dawk l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, jekk tabilħaqq jeżistu, li huma kapaċi jindirizzaw firxa wiesgħa ta' prodotti li potenzjalment jiġu affettwati. Ir-rati tat-tweġibiet għall-kwestjonarji indirizzati lil fornituri individwali ġeneralment huma baxxi. Ma ġewx indirizzati l-prattiċitajiet fir-rigward tal-fatt li membri tal-istaff fil-punt tal-bejgħ ikunu inkarigati minn prodotti li jinbiegħu biss b'liċenzja jew mill-identifikar u r-rappurtaġġ ta' transazzjonijiet suspettużi ta' ħafna prodotti oħrajn. Ġew diskussi fl-evalwazzjoni tal-impatt id-diffikultajiet li wieħed jiddefinixxi “negozju”, anke jekk temporanju jew stabbilit għal kwalunkwe għan li jkun, u li huwa eżentat minn kull kontroll, kontra “membru tal-pubbliku” li jista' u ma jistax ikun lest jew kapaċi jipprovdi identifikazzjoni jew jiddikjara l-użu aħħari tal-prodott, iżda dawn ma ġewx solvuti bis-sħiħ fil-proposta.

4.7

Komplikazzjoni oħra hija li l-evalwazzjoni tal-impatt tiddependi minn mudell ekonomiku li ġie żviluppat bis-sħiħ għal 14 jew 15-il sustanza biss li huma elenkati attwalment (l-aċidu idrokloriku tħassar fl-aħħar mument u n-“nitrat tal-ammonju tal-kalċju”, li s-soltu jinbiegħ taħt l-isem “CAN”, żdied mingħajr kummenti jew spjegazzjonijiet). Huwa fatt li s-sustanzi u s-swieq tagħhom mhumiex omoġenji, mill-hexamine, li huwa karburant solidu speċjalizzat għall-ġugarelli u l-istufi għat-tisjir bi prezz tal-imnut ta' mhux inqas minn EUR 10 miljun, sal-AN (u l-CAN) u l-aċetonu li jinbiegħu fil-miljuni ta' tunnelati għall-fertilizzanti agrikoli u l-kożmetiċi u l-prodotti tad-dar rispettivament, bi swieq fl-UE li jilħqu l-biljun ewro.

4.8

Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, l-aħjar stima tidher li hi li bejgħ ta' madwar EUR 300 miljun, 10 % tal-valur totali, ta' sustanzi ta' konċentrazzjoni għolja elenkati fl-Anness I jiġu affettwati b'mod dirett; forsi nofshom ikomplu b'liċenzja u l-bqija jiġu sostitwiti jew jintilfu. Madwar 60 % ta' dan it-total huwa rappreżentat mill-bejgħ tal-perossidu tal-idroġenu kkonċentrat, prekursur tal-HMEs magħruf sew u użat ħafna. Is-swieq pjuttost ikbar tal-prodotti elenkati fl-Anness II, iddominati mill-bejgħ tal-aċidu sulfuriku u l-aċetonu, it-tnejn li huma prekursuri komuni tal-HMEs, m'għandhomx jintlaqtu b'mod sinifikanti mir-rekwiżiti ta' rappurtaġġ; jekk jintlaqtu, forsi r-Regolament jista' jitqies li qed jaħdem.

4.9

Il-bilanċjar tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali minn aċċess limitat għall-pubbliku ġenerali għal prekursuri tal-HMEs u għaldaqstant li jitnaqqsu l-frekwenza u l-intensità ta' attakki terroristiċi ġie indirizzat fl-Istudju Preparatorju iżda ma ġiex ikkwantifikat f'din il-proposta. L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji għalhekk mhijiex faċli li ssir. Madankollu, kollox ma' kollox il-KESE jemmen li l-miżuri jissodisfaw il-linji gwida rilevanti u għaldaqstant għandhom jiġu appoġġjati bis-sħiħ. Azzjonijiet kontinwi minn, ġo u bejn l-Istati Membri għalhekk se jkunu kruċjali biex jiġi żgurat suċċess fit-tul.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Kemm il-KESE kif ukoll il-Kummissjoni jirrikonoxxu li kull proposta dwar dan is-suġġet trid toħloq bilanċ meqjus bejn ir-restrizzjonijiet għal ġid is-soċjetà fuq l-użu illegali ta' sustanzi speċifiċi, u d-drittijiet taċ-ċittadini biex isegwu l-interessi tagħhom b'livell raġonevoli ta' privatezza. Huwa aċċettat ukoll li kwistjonijiet ta' sigurtà u miżuri ta' rimedju, min-natura tagħhom, mhux dejjem jistgħu jiġu ddokumentati bis-sħiħ. Madankollu, kemm jista' jkun għandu jsir hekk.

5.2

Għaldaqstant, il-KESE jiddispjaċih li l-proposta finali mhijiex appoġġjata bis-sħiħ mill-Istudju Preparatorju u l-Evalwazzjoni tal-Impatt, b'mod partikolari fir-rigward tat-tħassir tal-aċidu idrokloriku, anke mill-Anness II, u ż-żjieda tal-CAN, mingħajr evidenza dwar l-użu tas-sustanza jew l-impatt fuq is-suq. Billi l-proposta tissuġġerixxi, b'mod raġonevoli, li sustanzi oħrajn jistgħu jiżdiedu fil-futur, hemm bżonn ċar li jiġi żgurat li jiġu segwiti proċeduri adatti – u li jidher li qed jiġu segwiti minn dawk kollha affettwati. Anke f'dan l-istadju avvanzat, addendum dwar dan jista' jkun ta' għajnuna.

5.3

Il-ħsieb wara t-tqassim tal-15-il sustanza f'żewġ gruppi, fejn tmienja biss ġew magħżula biex ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tagħhom f'konċentrazzjonijiet għolja, mhuwiex diskuss fid-dettall la fil-proposta u lanqas fid-dokumenti ta' ħidma, għalkemm diskussjonijiet bħal dawn ċertament saru fil-KPP u kienu disponibbli meta ntalbu. Idealment dawn ukoll għandhom jiġu inklużi fil-proposta u f'kull nota ta' spjegazzjoni oħra sussegwenti.

5.4

Il-KESE huwa sorpriż ukoll li, meta wieħed iqis il-lista relattivament qasira ta' sustanzi differenti ħafna, ma ġewx identifikati jew diskussi opportunitajiet għal azzjonijiet taħt ir-regoli tal-UE dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettar (CPL - Classification, packaging and labelling) ta' sustanzi u taħlitiet perikolużi u b'hekk jiġu enfasizzati identifikati transazzjonijiet mhux tas-soltu ta' ammonti kbar u għaldaqstant “suspettużi” f'kull stadju tal-katina tal-provvista. Jekk dan huwa raġonevoli jew le jiddependi mid-daqs tax-xiri meħtieġ biex wieħed jibni splussiv tad-daqs meħtieġ; informazzjoni dwar dan setgħet ġiet inkluża fl-evalwazzjoni tal-impatt oriġinali u kienet tgħin biex jiġu ffokati iżjed is-sistemi proposti għall-ġbir tal-informazzjoni.

5.5

Proposti speċifiċi taħt dan it-titolu jistgħu jkunu ta' għajnuna wkoll biex isolvu l-problemi tal-prattiċitajiet involuti fir-rigward tal-kontroll fil-punti tal-bejgħ fejn it-tikketti, il-bar codes jew sistemi interni ta' kontroll oħrajn ser ikunu essenzjali biex jiġu limitati transazzjonijiet illegali jew mhux mixtieqa. Meta wieħed iqis il-moviment ħieles tal-prodotti kollha madwar l-UE, sistema unifikata se tkun essenzjali biex tippermetti lill-manifatturi u lill-bejjiegħa bl-imnut jissodisfaw dawn l-obbligi b'mod effettiv f'termini ta' spejjeż.

5.6

Bħala dettall żgħir, ta' min wieħed jinnota li t-taħlitiet tas-sustanzi kollha fiż-żewġ Annessi għandhom l-istess kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (CN) (3824 90 27); għalkemm ġie konfermat li dan huwa korrett, din il-prattika tenfasizza d-diffikultà li jiġu identifikati movimenti transkonfinali ta' prodotti u taħlitiet li jqanqlu tħassib.

5.7

Ta' min wieħed jinnota li huma esklużi transazzjonijiet minn negozju għal negozju (B2B) – iżda d-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi negozju mhijiex ċara. Mhux il-ġardinara, bennejja, dentisti, jew hairdressers kollha li jaħdmu għal rashom se jkunu jistgħu jipprovdu numri tal-VAT, pereżempju, jew juru evidenza oħra ta' negozju li qed imexxu. Jekk din l-evidenza tingħata, u n-negozju jintwera li huwa kontinwu u leġittimu, jidher li għadu possibbli li transazzjoni tibqa' titqies bħala “suspettuża” – u għaldaqstant trid issir xi dispożizzjoni għar-rappurtaġġ f'dan l-istadju tal-katina tal-provvista wkoll.

5.8

Fl-aħħarnett, mhemmx restrizzjonijiet fuq bejgħ ta' sustanzi elenkati fl-Anness II. Hemm biss ir-rekwiżit li jiġu rrappurtati transazzjonijiet “suspettużi”. Billi kull transazzjoni “suspettuża” tista' tiġi, u aktarx tkun, irrappurtata, sewwa sew jekk is-sustanza, it-taħlita jew l-oġġett ikunu elenkati sewwa sew jekk le, huwa sorprendenti li l-lista mhijiex itwal, u tinkludi lista usa' ta' prekursuri u materjali ta' appoġġ. Dan kieku kien jippermetti xi ammont ta' libertà fil-livell nazzjonali biex jiġu identifikati preferenzi lokali (pereżempju l-użu ta' trab iswed jew ċilindri tal-propan) u biex l-awtoritajiet jaġixxu malajr għal formulazzjonjiet u xejriet ġodda.

5.9

Ikun siewi wkoll li jiġu kkjarifikati t-test u s-suppożizzjonijiet bażiċi dwar l-ambitu tar-rekwiżit ta' rappurtaġġ. Il-Memorandum ta' Spjegazzjoni, taħt it-titolu “Impatt fuq id-drittijiet fundamentali”, jiddikjara li dan se “japplika biss għas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Annessi u se jkun ibbażat fuq evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mill-operaturi ekonomiċi”. Madankollu, dan huwa estiż fl-Artikolu 6, inċiż 4, għal kull “sustanza [oħra] mhux skedata”. Billi l-evalwazzjoni ta' transazzjoni bħala “suspettuża” minnha nnifisha hija ġudizzju ta' valur li jirrifletti n-normi u l-attitudnijiet lokali, dan ma jistax isir obbligatorju jew mija fil-mija komplet; u lanqas ma jistgħu jiġu esklużi għal kollox rapporti ta' transazzjonijiet ta' sustanzi mhux elenkati jew mhux rilevanti. Minħabba l-għadd kbir ta' bejjiegħa bl-imnut involuti, u d-diffikultà li titqajjem kuxjenza jew titqassam l-aqwa prattika, u iktar u iktar li jiġu imposti kontrolli, il-problemi tal-kwalità u l-kwantità tad-data pprovduta lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ser ikollhom jiġu indirizzati wkoll qabel ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sors ta' informazzjoni utli.

5.10

Minkejja t-tħassib imsemmi hawn fuq, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-proposta u jemmen li se tikkontribwixxi għas-sigurtà taċ-ċittadini, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Se jkun hemm bżonn kontinwu ta' skambju tal-aqwa prattika, b'mod partikulari għall-komunikazzjoni lil u mal-bejjiegħa bl-imnut li huma fl-ewwel linja, u gruppi oħrajn affettwati fis-soċjetà ċivili. Il-KESE huwa lest jikkontribwixxi għal dan f'kull mod possibbli.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 204/13, 9.8.2008.


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli

COM(2010) 542 finali – 2010/0271 (COD)

2011/C 84/06

Relatur: Is-Sur RANOCCHIARI

Nhar il-5 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill, u fid-19 ta’ Ottubru 2010, il-Parlament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli

COM(2010) 542 finali – 2010/0271 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tad-19 ta’ Jannar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet l-Ewropa fl-2008 laqtet ukoll is-settur tal-muturi. Matul il-perijodu mill-aħħar tliet xhur tal-2008 sal-aħħar tliet xhur tal-2010, is-suq tal-UE naqas b’33 %, b’effetti negattivi fuq l-impjiegi.

1.2

Minkejja s-sitwazzjoni preżenti, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-regolament propost mill-Kummissjoni Ewropea, li jindirizza fost affarijiet oħra żewġ kwistjonijiet sensittivi bħas-sikurezza fit-toroq u l-ambjent, li għalihom ilha mistennija inizjattiva leġislattiva.

1.3

Vetturi tal-kategorija “L” (1) jaqdu wkoll rwol soċjali billi jipprovdu aċċess għall-mobilità, jgħinu jnaqqsu l-konġestjoni fil-bliet u joffru alternattivi f’żoni rurali fejn it-trasport pubbliku huwa nieqes sew.

1.4

Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni lil-limitar taż-żjieda globali fl-ispejjeż għall-konsumatur li joriġinaw mill-bidliet proposti, b’mod partikulari għal prodotti iżgħar li huma orjentati lejn il-mobilità, sabiex jiġi evitat li s-suq jintlaqat iktar minn effetti negattivi. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda li r-regolament għandu jipprevedi li jingħata biżżejjed żmien minn qabel biex jiġu implimentati l-miżuri proposti, assoċjat ma’ iktar flessibilità fis-soluzzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu applikati għal vetturi iżgħar, sabiex dawn jibqgħu bi prezzijiet aċċessibbli għall-konsumatur.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li tindirizza diversi kwistjonijiet relatati mal-approvazzjoni tat-tip u mas-sorveljanza tas-suq fis-settur tal-muturi. Din il-proposta tant mistennija tipprovdi lis-settur tal-muturi bil-kapaċità neċessarja li jagħraf il-ħtiġiet tal-futur qarib għall-produzzjoni ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (vetturi tal-kategorija “L”).

2.2

Filwaqt li bħalissa qed tapplika l-istandards ambjentali għall-vetturi tal-kategorija “L” li jmorru lura għall-2006 (2), il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tkompli bil-progress li qed isir fl-introduzzjoni progressiva tul dan id-deċennju tal-istadji l-ġodda tal-Euro. Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sikurezza tal-vetturi, billi t-titjib fis-sikurezza tal-motoċiklisti fit-triq huwa fost l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2011-2020 (3).

2.3

Kif diġà ssemma f’opinjoni preċedenti tal-KESE (4), l-industrija tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati (PTW: powered two-wheeler industry) għandha rwol importanti fl-UE f’termini ta’ ekonomija u impjiegi. 90 % tal-produzzjoni Ewropea ssir minn madwar mitt manifattur ta’ daqs medju-kbir u medju-żgħir, li joperaw f’diversi pajjiżi tal-UE (l-iktar l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, Spanja u l-Awstrija, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u l-Isvezja), kif ukoll in-Norveġja u l-Isvizzera. L-10 % l-oħra tal-produzzjoni Ewropea hija maqsuma bejn għadd ta’ manifatturi ta’ daqs żgħir jew żgħir ħafna. Id-dħul medju ta’ EUR 8 miljun jirrifletti l-għadd sostanzjali ta’ SMEs. Fl-2007, is-settur tal-manifattura kien qed iħaddem 25 000 ruħ, filwaqt li ġie stmat li l-għadd ta’ persuni impjegati fis-settur kollu tal-muturi (inklużi l-manifattura, d-distribuzzjoni u l-manutenzjoni tal-komponenti) kien jammonta għal madwar 150 000.

2.4

Is-sitwazzjonijiet tal-manifatturi jvarjaw ħafna: xi operaturi globali huma attivi fl-oqsma kollha (muturi għal użi varji b’kapaċitajiet ċilindriċi varji, skuters b’kapaċitajiet ċilindriċi varji, mopeds, muturi b’żewġ jew tliet roti) jew f’oqsma speċjalizzati ħafna, filwaqt li oħrajn joperaw negozji mxerrdin fil-pajjiż kollu jew anki negozji lokali li kultant ixaqilbu lejn negozji tas-snajja’ f’termini ta’ daqs u proċessi ta’ produzzjoni.

2.5

Is-settur intlaqat mill-kriżi fl-aħħar tliet xhur tal-2008, u l-effetti negattivi tat-tnaqqis fid-domanda nħassu fis-settur kollu, b’konsegwenzi serji kemm għall-istruttura kif ukoll għall-impjiegi (tnaqqis ta’ 31 % fid-domanda li wassal għal tnaqqis ta’ 35 % fid-dħul u l-ordnijiet, b’effetti negattivi fuq l-impjiegi). Bejn l-aħħar tliet xhur tal-2008 u l-aħħar tliet xhur tal-2010, is-suq tal-UE kellu tnaqqis ta’ 33 %. Dan it-tnaqqis fid-domanda rriżulta wkoll fi tnaqqis fid-dħul u fl-ordnijiet, u kkawża effetti negattivi fuq l-impjiegi fis-settur tal-produzzjoni (l-iktar minħabba inqas xogħol staġjonali, tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol u kumpens għat-tkeċċija) kif ukoll għall-fornituri ta’ qabel u għall-bejgħ, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ wara (stima ta’ 25 % tal-forza tax-xogħol, l-2010 fuq l-2007) (5).

Dan huwa l-isfond li fih ġiet adottata l-proposta tal-KE COM(2010) 542, u li l-KESE jixtieq iqis huwa u jfassal l-opinjoni tiegħu.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

3.1

Fl-4 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposta għal regolament dwar “l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli”. Din il-proposta tuża “l-approċċ b’livelli differenti”, filwaqt li r-regolament qafas – li dwaru bħalissa l-KESE qed jikkummenta – għaddej minn proċedura ta’ kodeċiżjoni, u għandu jiġi segwit minn erba’ regolamenti ta’ komitoloġija (atti delegati), sal-2012:

1.

Il-ħtiġiet tar-rendiment ambjentali u l-propulsjoni;

2.

Il-ħtiġiet tas-sikurezza funzjonali tal-vettura u suġġetti relatati;

3.

Il-ħtiġiet tal-kostruzzjoni tal-vettura;

4.

L-att implimentattiv dwar id-dispożizzjonijiet amministrattivi.

Il-KE għandha l-intenzjoni li tapplika l-pakkett kollu mill-1 ta’ Jannar 2013.

3.2

Il-KESE jilqa’ dan l-approċċ leġislattiv, li għandu l-għan li jtejjeb progressivament il-prestazzjoni ambjentali u jżid l-elementi ta’ sikurezza fil-vetturi, kif ukoll li tinkiseb simplifikazzjoni fil-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi tal-kategorija “L”, li għalihom qed jiġu introdotti sottokategoriji ġodda. Simplifikazzjoni bħal din se tirriżulta fir-revoka ta’ 13-il direttiva u fl-applikazzjoni ta’ Regolamenti tal-UNECE (6), kull meta jkun possibbli. Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja l-enfasi li qed terġa’ tibda titpoġġa fuq is-sorveljanza tas-suq, liema sorveljanza hija meħtieġa biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali kif ukoll biex il-konsumaturi jiġu protetti minn prodotti mhux konformi, l-iktar dawk li joriġinaw mix-Xlokk tal-Asja.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jevalwa b’mod pożittiv il-proposta tal-KE fit-totalità tagħha, b’mod partikulari n-natura progressiva fejn jirrigwarda d-data ta’ applikazzjoni, iżda madankollu ċerti aspetti għad iridu jiġu diskussi mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tinkiseb leġislazzjoni bbilanċjata sew b’miżuri ta’ benefiċċju f’sens ta’ nfiq, speċjalment fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-settur u l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali.

4.2

Fl-opinjoni tal-KESE, l-ewwel punt li għandu jingħata attenzjoni huwa l-kalendarju għall-introduzzjoni tal-karatteristiċi ġodda tal-vetturi, li għandu jipprovdi lill-manifatturi biżżejjed żmien minn qabel biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet differenti, ladarba l-kontenut kollu tar-regolament kif ukoll l-atti delegati jkunu ġew approvati. Ladarba l-atti delegati mhumiex mistennija jiġu ffinalizzati qabel tmiem l-2012, il-KESE jemmen li d-data ta’ applikazzjoni għall-pakkett kollu għandha tibda mill-1 ta’ Jannar 2014, biex il-manifatturi u l-fornituri tal-komponenti jingħatalhom iż-żmien ta’ introduzzjoni meħtieġ. Dan iż-żmien ta’ introduzzjoni huwa meħtieġ għall-manifatturi biex ikollhom viżibilità biżżejjed dwar ir-rekwiżiti l-ġodda, u flimkien mal-fornituri tal-komponenti jiżviluppaw soluzzjonijiet adatti sabiex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet proposti.

4.3

Ir-rekwiżiti l-ġodda mbagħad iridu jiġu implimentati waqt il-produzzjoni, bi spiża raġjonevoli għall-konsumatur. Dan huwa partikularment importanti fis-sitwazzjoni ekonomika attwali. Iż-żjieda addizzjonali fil-perċentwal tal-ispiża għall-konsumatur, li tiġi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti ambjentali u ta’ sikurezza proposti mir-regolament, hija stmata (7) li ddur bejn +5 % u +10 % għall-ogħla kategoriji tas-suq (muturi ’l fuq minn 750cc) u sa +30 % għall-kategoriji l-iktar baxxi tas-suq (muturi taħt it-300cc). Din iż-żjieda ta’ +30 % tidher sproporzjonata u hemm ir-riskju li toħloq limiti fuq il-propensità għax-xiri tal-konsumaturi, bil-konsegwenza li jkollok flotta ta’ vetturi iktar antiki, b’effetti negattivi fuq l-ambjent u s-sikurezza, kif ukoll fuq l-industrija, l-impjiegi u s-soċjetà. F’termini ta’ volum, iktar minn 80 % tar-reġistrazzjonijiet fl-UE huma għal muturi ta’ kalibru żgħir jew medju. Wieħed għandu jinnota li vetturi taħt it-300cc jirrappreżentaw żewġ terzi tar-reġistrazzjonijiet tal-UE, ħafna minnhom ħaddiema urbani li jridu jivvjaġġaw bil-mutur sal-post tax-xogħol, u b’hekk qed jipprovdu mobilità soċjali u professjonali.

4.4

Mil-lat ambjentali, il-proposta tal-KE għal kalendarju għall-introduzzjoni tal-istadji ambjentali l-ġodda tat-tip Euro ntlaqgħet tajjeb, madankollu l-KESE jinnota li t-teknoloġija ibrida tidher li ġiet ippenalizzata sa ċertu punt bl-allinjament tagħha mal-valuri limitu tad-diżil, meta l-karburant użat bħalissa minn dawn il-vetturi huwa l-petrol.

4.5

Mil-lat tas-sigurtà, il-KESE jilqa’ l-approċċ leġislattiv għal sistemi avvanzati ta’ brejkijiet fil-muturi, iżda jisħaq (8) fuq il-ħtieġa li l-effiċjenza f’sens ta’ nfiq tas-sistemi differenti tiġi vvalutata kif suppost, abbażi tal-prodotti differenti u l-modi ta’ użu tagħhom. Il-KESE jappoġġja approċċ newtrali f’termini teknoloġiċi fil-qasam tas-sistemi avvanzati ta’ brejkijiet, biex jipprovdi lill-manifatturi bil-flessibbiltà meħtieġa u biex iħeġġeġ l-innovazzjoni, fl-interess tal-konsumatur.

4.6

Filwaqt li l-KESE jappoġġja d-dati tal-applikazzjoni proposti għad-dispożizzjonijiet differenti għal approvazzjonijiet tat-tip ġodda, jidher li huwa meħtieġ żmien addizzjonali għal vetturi rreġistrati skont approvazzjoni tat-tip li diġà jeżisti, minħabba l-kumplikazzjonijiet u l-piż tal-ispejjeż żejda marbutin mal-adattament tagħhom.

4.7

Il-KESE jappoġġja wkoll il-livell ogħla ta’ attenzjoni mogħti lill-miżuri kontra l-manipulazzjoni mhux awtorizzata fuq vetturi li għandhom limitazzjonijiet legali fuq il-prestazzjoni dinamika tagħhom u lid-dispożizzjonijiet tas-sorveljanza tas-suq, sabiex jiġi evitat li jidħlu fis-suq tal-UE vetturi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet dwar approvazzjoni tat-tip. F’dawn l-oqsma l-Istati Membri wkoll se jkollhom rwol ewlieni, permezz ta’ kontrolli regolari li jsiru fuq il-flotta ta’ vetturi u l-punt tad-distribuzzjoni.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Fl-Artikolu 2(2)(g), il-“vetturi li huma maħsuba primarjament għall-użu mhux fit-triq u ddiżinjati biex jimxu fuq uċuħ bla tarmak” ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-KE. Dan jikkawża problema għall-produzzjoni attwali ta’ vetturi ta’ prova u vetturi magħrufa bħala enduro, li sa issa kienu koperti bil-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip, u jikkawża wkoll inċertezza minħabba l-interpretazzjoni soġġettiva tal-esklużjoni ta’ vetturi oħra f’xifer il-limitu. Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-vetturi ta’ prova u dawk magħrufa bħala enduro (9) jinżammu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip, anke biex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-ambjent, u l-fatt li jintużaw rekwiżiti ċari biex jiġu inklużi l-eżenzjonijiet mis-sistemi avvanzati ta’ brejkijiet meħtieġa minħabba l-kondizzjonijiet ta’ użu speċifiċi tagħhom.

5.2

Il-KESE jilqa’ wkoll it-tneħħija tal-limitu fakultattiv ta’ 74 kW, li bħalissa jintuża biss fi Stat Membru wieħed tal-UE, liema tneħħija tappoġġja l-għanijiet tal-ikkompletar tas-suq intern tal-UE.

5.3

Il-KESE jiddubita mill-proporzjonalità tad-dispożizzjoni li tirrikjedi l-użu ta’ Sistema Dijanjostika ta’ Abbord fuq mopeds tat-tip L1 u L2, billi l-implikazzjonijiet tekniċi assoċjati mal-miżura għandhom prezz sproporzjonat meta mqabbel mal-prezz baxx għax-xiri ta’ dawn il-vetturi (madwar EUR 1 000). Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol soċjali li l-mopeds joffru, fir-rigward tal-aċċess għal mobbiltà, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ impjiegi, liż-żgħażagħ u lil gruppi soċjali tal-popolazzjoni li għalihom dawn il-vetturi jirrappreżentaw l-unika forma finanzjarjament aċċessibbli ta’ mobbiltà privata, fil-bliet u b’mod partikolari f’żoni rurali fejn il-mezzi alternattivi ta’ trasport pubbliku huma skarsi.

5.4

Il-KESE jinnota li l-limiti għal “serje żgħira” tnaqqsu mil-limitu ta’ vetturi applikabbli bħalissa, jiġifieri dak ta’ 200, għal 100 (L4e, L5Be, L6Be, L7Be), 50 (L5Ae) u anki 20 (L1Ae, L1Be, L2e, L6Ae, L7Ae). Il-KESE huwa tal-opinjoni li dawn il-limiti huma baxxi wisq kif ukoll li mhumiex prattiċi għall-ammont kbir ta’ SMEs involuti fis-settur; il-KESE għalhekk jipproponi li jinżamm il-limitu ta’ vetturi applikabbli bħalissa, jiġifieri dak ta’ 200, sabiex dawn l-SMEs ikunu jistgħu jingħataw xi eżenzjonijiet limitati mir-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tat-tip li mhumiex finanzjarjament aċċessibbli mil-lat ekonomiku għal negozji żgħar bħalhom.

5.5

Il-KESE jemmen li l-massa massima proposta għal kwadriċikli tat-tip L6e u L7e fl-Anness I hija prematura. Filwaqt li l-massa massima jidher li baqgħet l-istess, issa qed tissejjaħ il-massa fl-istat operattiv. Dan mhux biss huwa minnu nnifsu aktar sever, iżda saħansitra ma jiħux inkonsiderazzjoni l-impatt tal-piż addizzjonali tal-ħtiġiet l-ġodda proposti fl-Anness II, b’mod partikolari, iżda mhux biss f’dak li jirrigwarda l-“istrutturi protettivi ta’ quddiem u ta’ wara”. Ladarba l-karatteristiċi tekniċi ta’ dawn il-ħtiġiet l-ġodda għandhom jiġu stabbiliti mill-atti delegati, il-KESE jemmen li l-fatt li jiġu stabbiliti limiti fuq il-piż massimu għandu jsir fid-dawl tal-ħtiġiet tekniċi.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Vetturi tal-kategorija “L” jikkonsistu f’ mopeds L1e, mopeds bi tliet roti L2e, muturi L3e, muturi L4e b’sidecar, triċikli, kwadriċikli ħfief L6e, kwadriċikli kbar L7e.

(2)  Id-Direttiva 2002/51/KE introduċiet Euro2 (mill-2003) u Euro3 (mill-2006).

(3)  Orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq, Kummissjoni Ewropea, 2010.

(4)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 30.

(5)  Data mill-Italja, ANCMA (Associazione Nazionale Ciclo Motociclo e Accessori).

(6)  United Nations Economic Commission for Europe.

(7)  Sors ACEM. Ara http://circa.europa.eu/Public/irc/enterprise/automotive/library?l=/mcwg_motorcycle/meeting_june_2009&vm=detailed&sb=Title

(8)  CESE 1187/2010, “Linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020”, Settembru 2010.

(9)  Kif definiti mid-Direttiva 2002/51/KE, Artikolu 2(4).


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu

COM(2010) 482 finali – 2010/0251 (COD)

2011/C 84/07

Relatur ġenerali: is-Sur MORGAN

Nhar is-7 ta' Ottubru, il-Parlament Ewropew u, nhar it-13 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu

COM(2010) 482 finali – 2010/0251 (COD).

Nhar l-20 ta' Ottubru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-468 Sessjoni Plenara tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Jannar 2011 (seduta tal-20 ta' Jannar 2011) li jaħtar lis-Sur Morgan bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'200 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-bejgħ bin-nieqes ta' ishma ordinarji fl-istituzzjonijiet finanzjarji ġie pprojbit mir-Renju Unit u pajjiżi oħra bħala reazzjoni għall-kollass tas-suq wara l-falliment ta' Lehman. B'risposta għall-kriżi tad-dejn sovran tal-Greċja, l-awtoritajiet Ġermaniżi pprojbixxew il-bejgħ bin-nieqes tal-ishma ta' ċerti istituzzjonijiet finanzjarji Ġermaniżi, tad-dejn sovran taż-żona tal-euro u ta' pożizzjonijiet skoperti ta' Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu (CDS) f'dak id-dejn. F'dan ir-Regolament, bħala parti mir-reviżjoni tagħha tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja, il-Kummissjoni tipproponi qafas uniku taħt il-patroċinju tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għall-amministrazzjoni tal-bejgħ bin-nieqes u s-Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu madwar l-UE. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din l-inizjattiva li ser telimina sistemi li jmorru kontra xulxin u ser iġġib ċarezza f'dan il-qasam tas-swieq finanzjarji.

1.2

Il-KESE jemmen li, inġenerali, l-aħjar riżultati jinkisbu jekk is-swieq jitħallew joperaw b'mod ħieles fi ħdan qafas regolatorju stabbilit. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-patroċinju tal-AETS. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi meqjusa mill-AETS bħala avversi, l-AETS tista':

tipprojbixxi persuni milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe tip ta' negozju, jew tillimita l-valur ta' tali negozju;

tipprojbixxi persuni milli jagħmlu bejgħ bin-nieqes jew jimponu kondizzjonijiet fuq tali bejgħ;

tipprojbixxi tranżazzjonijiet ta' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu sovrani;

tillimita l-valur tas-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu sovrani; u

tirrikjedi divulgazzjoni pubblika tal-bejgħ bin-nieqes.

1.3

B'mod ġenerali, il-KESE jistenna li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jħaddmu dawn is-setgħat mill-bidu nett. Il-koordinazzjoni tal-AETS tar-reazzjonijiet tal-Istati Membri tissodisfa ħtieġa eżistenti u ser tkun ta' benefiċċju kbir. Il-KESE jistenna li kwalunkwe intervent dirett mill-AETS ikun eċċezzjonali kif inhu previst fl-Artikolu 24 tar-Regolament.

1.4

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta għal qafas regolatorju li jagħti lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħat li jirrikjedu trasparenza addizzjonali għall-istrumenti koperti mir-Regolament. Fejn jidħlu l-attivitajiet ta' kuljum, dan ser ikun ta' benefiċċju għar-regolaturi, l-investituri u s-swieq. F'każ li jkun ikkunsidrat xi intervent fil-futur, nistgħu nistennew li r-regolaturi jkunu informati aħjar.

1.5

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta li jiġu fformalizzati, fi ħdan qafas armonizzat, is-setgħat biex jiġu stabbiliti restrizzjonijiet temporanji fuq bejgħ bin-nieqes meta l-istabbiltà tas-suq tkun mhedda. Il-KESE jinnota li l-miżuri oġġettivi tal-instabbiltà tas-suq għad iridu jiġu definiti. Il-limitu attwali għal “tnaqqis sinifikanti tal-prezz” ta' 10 % jista' jkun baxx wisq għal xi strumenti.

1.6

Fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet fil-punt 1.5 hawn fuq, il-Kumitat jemmen li projbizzjoni diretta ta' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu skoperti f'kull ċirkostanza mhijiex ġustifikata.

1.7

Il-KESE jqis li s-sistema proposta għas-saldu tal-bejgħ bin-nieqes skopert tista' tkun iktar effettiva jekk tal-anqas ikun hemm flessibbiltà għall-istess ġurnata biex jiġu koperti pożizzjonijiet bin-nieqes. Il-mudell tal-Istati Uniti li huwa pjuttost aktar flessibbli għandu jipprovdi l-assigurazzjoni meħtieġa mingħajr ma jqiegħed lill-operaturi tas-suq f'qagħda żvantaġġata.

1.8

Il-KESE jappoġġja l-proposta ta' skema ta' divulgazzjoni għall-ishma ordinarji fuq żewġ saffi, l-ewwel privata imbagħad pubblika. Din tagħti l-importanza dovuta kemm lir-regolaturi kif ukoll lis-suq.

1.9

Il-KESE għandu d-dubji dwar id-dispożizzjoni għall-immarkar ta' ordnijiet bin-nieqes. Il-kumplessità hija konsiderevoli, is-siewi tiegħu huwa dubjuż u ser ikun ta' piż fuq iċ-ċentri kollha ta' negozjar fl-UE. Jidher li l-miżuri l-oħra ta' trasparenza huma aktar adatti biex l-AETS u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw kontroll tas-swieq.

1.10

Is-CDS relatati mad-dejn sovran kienu fil-qalba tat-tħassib taż-żona tal-euro hekk kif faqqgħet il-kriżi tad-dejn sovran. Id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali ta' din il-kriżi hija sors ta' tħassib kbir għall-KESE. Il-Kumitat jemmen li l-kummerċ fis-CDS skoperti għarqu l-kriżi u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta ta' regolament. Il-Kumitat jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni, li tinsab fil-punti 16 u 17 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni tar-Regolament li l-“bejgħ bin-nieqes skopert ta' ishma u dejn sovran xi kultant jitqies bħala li jżid ir-riskju potenzjali ta' nuqqas ta' saldu u volatilità. Il-miżuri dwar id-dejn sovran u s-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu sovrani, inklużi trasparenza akbar u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bin-nieqes skopert, għandhom jimponu rekwiżiti li jkunu proporzjonati u fl-istess waqt jevitaw impatt avvers fuq il-likwidità tas-swieq tal-bonds sovrani u s-swieq tar-riakkwist (repo) tal-bonds sovrani”.

1.11

Fil-qosor, il-Kumitat jilqa' r-rwol regolatorju tal-AETS kif definit fir-Regolament. Interventi eċċessivi jistgħu jiddistabbilizzaw is-swieq. Il-KESE jilqa' bi pjaċir id-dispożizzjonijiet għal trasparenza fis-suq, li minnhom il-Kumitat jistenna benefiċċji kbar. Il-KESE jilqa' ħafna mid-dispożizzjonijiet tekniċi, b'eċċezzjoni tat-tħassib espress hawn fuq.

1.12

Fid-dawl tal-ħsara li jista' joħloq dejn sovran bla kontroll liċ-ċittadini kollha, il-KESE jistenna li l-UE tagħti eżempju fuq livell globali fil-ġestjoni futura tad-dejn sovran.

2.   Introduzzjoni

Bejgħ bin-Nieqes

2.1

It-terminu “bejgħ bin-nieqes” ifisser il-bejgħ ta' ishma li huma missellfa, iżda mhumiex il-proprjetà tax-xerrej. L-istituzzjonijiet li jsellfu l-ishma jitolbu ħlas li jipprovdi dħul addizzjonali għall-fondi tagħhom. Min ikun qed jissellef ibiegħ l-ishma bl-istennija li l-prezz jonqos ħalli fiż-żmien xieraq ikun jista' jerġa' jixtrihom bi prezz aktar baxx u jagħtihom lura lil min ikun sellfu filwaqt li jkun għamel profitt. Il-bejgħ skopert bla dubju huwa riskjuż. Is-self tal-ishma jista' jiġi rranġat qabel il-bejgħ (bejgħ bin-nieqes kopert) jew qabel il-bejgħ (bejgħ bin-nieqes “mikxuf” jew “skopert”).

2.2

Il-bejgħ bin-nieqes jista' jintuża għal raġunijiet varji: peress li kemm il-valur tal-ishma individwali kif ukoll dak tal-borża b'mod ġenerali jista' jonqos kif ukoll jiżdied, portafoll tal-ishma li jkun maħsub li jiżdied mas-suq (pożizzjoni twila) jista' jitlef il-valur tiegħu meta jaqa' s-suq. Dan it-tip ta' portafoll “twil” jista' jiġi protett minn komponent “bin-nieqes”. Filwaqt li ħafna istituzzjonijiet huma “twal” biss, uħud minnhom jistgħu jkunu “bin-nieqes” biss. Il-kwistjoni dwar jekk portafoll twil biss, li jiffoka fuq ċaqliq 'il fuq tas-suq, huwiex aktar jew inqas spekulattiv minn portafoll bin-nieqes, li jiffoka fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet, hija waħda kontroversjali.

2.3

Il-bejgħ bin-nieqes jintuża minn varjetà wiesgħa ta' parteċipanti tas-suq, li jvarjaw minn maniġers ta' fondi tradizzjonali, bħal pereżempju l-fondi tal-pensjoni u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-banek tal-investiment, il-fondi spekulattivi (hedge funds) u l-ġeneraturi tas-suq. Investituri individwali jistgħu jużaw ukoll il-bejgħ bin-nieqes bħala parti mill-istrateġija tal-investiment tagħhom. Il-bejgħ bin-nieqes huwa meqjus bħala teknika ta' investiment legali f'ċirkostanzi normali tas-suq.

2.4

Kif stqarret tajjeb il-Kummissjoni, il-bejgħ bin-nieqes hija prattika stabbilita u komuni f'ħafna swieq finanzjarji u m'għandhiex tiġi konfuża mal-abbuż tas-suq, li huwa rregolat b'mod separat mill-UE. Il-bejgħ bin-nieqes pjuttost għandu effetti pożittivi fuq is-swieq finanzjarji, fosthom l-iffissar imtejjeb tal-prezzijiet, riskju anqas ta' bżieżaq finanzjarji kif ukoll likwidità akbar tas-suq.

2.5

F'Settembru 2008, ġranet wara l-falliment ta' Lehman Brothers, ir-Renju Unit ipprojbixxa l-bejgħ bin-nieqes ta' ishma f'kumpaniji finanzjarji kkwotati fil-borża. Bosta pajjiżi oħra, inklużi l-Istati Uniti tal-Amerika, introduċew restrizzjonijiet simili, iżda għal perjodi differenti ta' żmien. Ir-Regolament il-ġdid tal-UE ser jevita li jiġu ripetuti dawn il-miżuri diżordinati.

2.6

It-tossiċità tad-derivattivi ta' riskju għoli (sub-prime), in-natura virali tal-kankru u l-enormità tal-kollass b'mod neċessarju pprovokaw azzjoni min-naħa tar-regolaturi, anke jekk l-impatt tagħhom fuq l-evoluzzjoni tal-kriżi huwa diskutibbli. Huwa diffiċli li jiġi immaginat avveniment simili fil-futur, iżda fi kwalunkwe każ, issa jeżisti l-qafas għal risposta ordnata mis-superviżuri u r-regolaturi.

Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu

2.7

Is-Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu (CDS) huma kuntratti derivattivi marbuta ma' titoli ta' self sottostanti bħall-bonds korporattivi u bonds (sovrani) tal-gvern. Dawn jintużaw bħala assigurazzjoni kontra l-inadempjenza fuq dan is-self. Ix-xerrej ta' protezzjoni, darba kull tliet xhur, iħallas premiums – imsejħa s-“spread” – lill-bejjiegħ ta' protezzjoni. Is-spread tas-CDS huwa l-ammont li għandu jitħallas biex jinżammu, u s-spread jikber skont il-perċezzjoni tar-riskju ta' inadempjenza fuq id-dejn sottostanti.

2.8

Jekk min jissellef jaqa' inadempjenti, il-bejjiegħ tal-protezzjoni jħallas lix-xerrej l-ammont nominali tal-bond għall-konsenja fiżika tal-bond. Inadempjenza tista' tinkludi avvenimenti bħan-nuqqas ta' ħlas, ir-ristrutturar u l-falliment. Ħafna CDSs jinsabu f'medda bejn l-10 u l-20 miljun dollaru b'maturità ta' bejn sena u 10 snin. CDS hija simili għal assigurazzjoni tal-kreditu, għalkemm is-CDSs mhumiex soġġetti għal regolamenti tal-assigurazzjoni.

2.9

L-investituri jistgħu wkoll jixtru u jbigħu protezzjoni bla ma jkunu detenturi tad-dejn li jkun qed jiġi assigurat. Dawn “is-swaps ta' inadempjenza ta' kreditu skoperti” jippermettu lill-kummerċanti jispekolaw fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' dejn u l-affidabbiltà finanzjarja ta' min ikun ħariġhom. Pereżempju, jekk provveditur tal-General Motors jinsab imħasseb li hemm probbabbiltà li l-GM hija insolventi, CDS skoperti fuq bonds tal-GM jistgħu jipprovdu protezzjoni. Bl-istess mod, l-investituri fid-dejn sovran jistgħu jużaw is-CDS biex joħolqu pożizzjonijiet sintetiċi twal u bin-nieqes f'bonds partikolari li f'ċerti każijiet jista' jkun mod aħjar kif jinħoloq portafoll.

2.10

Huwa importanti li ma jkunx hemm konfużjoni bejn is-CDS skoperti u l-bejgħ bin-nieqes skopert tat-titoli u l-ishma. F'dan l-aħħar każ, it-titoli missellfa jinbiegħu. Dan jista' jkun kunċett problematiku. Fil-każ tas-CDS skoperti, m'hemm involut l-ebda bejgħ. Xerrej li jrid jixtri jkun xtara opzjoni f'bond mingħand bejjiegħ li jrid ibigħ. Bħal fi kwalunkwe suq, jintlaħaq ftehim dwar il-prezz. Il-prestazzjoni tat-titoli sottostanti tiddeciedi min imur minn fuq. Is-CDS skoperti huma l-akbar parti tal-univers tas-CDS.

2.11

F'Mejju 2010, il-Ġermanja ħabbret projbizzjoni fuq CDS skoperti li jagħmlu referenza għal xi pajjiżi fiż-żona tal-euro, kif ukoll fuq bejgħ bin-nieqes skopert ta' dejn sovran taż-żona tal-euro u ta' ishma ta' ċerti istituzzjonijiet finanzjarji Ġermaniżi. Ir-regolatur ikkwota l-“volatilità straordinajra tat-titoli ta' self” sabiex jiġġustifika dan il-pass. Din l-azzjoni ssorprendiet lill-Istati Membri l-oħra u naqqset l-istabbiltà tas-swieq. Bħal fil-każ tal-bejgħ bin-nieqes tal-ishma, il-poteri l-ġodda ta' regolamentazzjoni u d-disposizzjonijiet il-ġodda tal-UE ser jimpedixxu li fil-futur ikun hemm repetizzjoni ta' azzjoni unilaterali imprevista bħal din.

2.12

Filwaqt li l-attenzjoni fuq is-CDS hija ġustifikata, xorta hemm il-periklu li din tindirizza s-sintomi tal-problemi u mhux il-kawża. Il-kawża hija d-dilemma politika u ekonomika mhux solvuta fejn unjoni ta' munita tiffaċċja kriżi ta' dejn. Id-dilemma ħolqot inċertezza ekonomika. Min isellef għandu bżonn ikopri r-riskji tiegħu. L-opportunisti jfittxu li jagħmlu qligħ minn sitwazzjoni inċerta. Diffiċli li ssir distinzjoni bejnhom. Jista' jkun li l-bankiera qed jagħmlu qligħ żejjed iżda l-gvernijiet taż-żona tal-euro qed jagħtuhom kull opportunità biex jagħmlu dan.

2.13

Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq u l-ħsara li jista' joħloq dejn sovran bla kontroll liċ-ċittadini kollha, il-KESE jistenna li l-UE tagħti eżempju fuq livell globali fil-ġestjoni futura tad-dejn sovran.

3.   Ir-Regolament fil-qosor

3.1

Il-proposta tkopri ishma u derivattivi relatati ma' ishma, bonds sovrani u derivattivi relatati ma' bonds sovrani u swaps ta' inadempjenza tal-kreditu relatati mal-emittenti sovrani.

3.2

Il-proposta tapplika rekwiżiti ta' trasparenza għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi (minn issa 'l quddiem persuni) b'pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti li jikkonċernaw l-ishma tal-UE jew id-dejn sovran tal-UE jew b'pożizzjonijiet sinifikanti ta' CDS li jikkonċernaw id-dejn sovran tal-UE.

3.3

Għall-ishma ġie propost mudell ta' trasparenza fuq żewġ saffi: f'livell limitu aktar baxx, in-notifika ta' pożizzjoni għandha ssir privatement lir-regolatur; f'livell limitu ogħla, il-pożizzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lis-suq.

3.4

Il-livell limitu aktar baxx propost huwa ta' 0,2 % tal-kapital tal-ishma maħruġa. Il-livell limitu ogħla huwa ta' 0,5 %.

3.5

Għad-dejn sovran tal-UE, jeħtieġ li jkun hemm divulgazzjoni privata ta'

pożizzjonijiet bin-nieqes netti fid-dejn sovran sinifikanti, u

pożizzjonijiet mhux koperti f'CDS relatati mad-dejn sovran sinifikanti.

3.6

Jeħtieġ ukoll li jkun hemm notifika meta jittieħdu pożizzjonijiet bin-nieqes permezz ta' tranżazzjonijiet OTC (barra l-Borża) jew permezz ta' derivattivi bħal pereżempju opzjonijiet, kuntratti ta' xiri fil-futur, eċċ.

3.7

Hemm ukoll rekwiżit li bejgħ bin-nieqes fi kwalunkwe ċentru ta' negozjar għandu jkun immarkat biex b'hekk iċ-ċentru jkun jista' jippubblika informazzjoni kuljum dwar il-volumi tal-bejgħ bin-nieqes f'dak iċ-ċentru.

3.8

Persuni li jidħlu f'bejgħ bin-nieqes ta' ishma jew ta' dejn sovran għandhom, fiż-żmien tal-bejgħ, ikunu ssellfu l-istrumenti, daħlu fi ftehim biex jissellfuhom jew għamlu arranġamenti oħra li jiżguraw li t-titoli jkunu jistgħu jissellfu biex is-saldu jkun jista' jsir f'għeluq iż-żmien miftiehem.

3.9

Meta persuna li tkun wettqet bejgħ bin-nieqes ma tkunx kapaċi tagħti ishma għal saldu fil-ħin, iċ-ċentru ta' negozjar jakkwista ishma biex jagħlaq il-bejgħ u jirkupra spejjeż mill-bejjiegħ bin-nieqes. Il-bejjiegħ bin-nieqes jagħmel pagament kuljum sakemm il-bejgħ jiġi konkluż.

3.10

Il-perjodi ta' saldu jvarjaw minn ġurisdizzjoni għal oħra. B'mod ġenerali, is-saldu huwa kwistjoni li għad trid tiġi indirizzata.

3.11

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, tista' tkun meħtieġa projbizzjoni jew restrizzjoni tal-attivitajiet ta' bejgħ bin-nieqes li inkella jkunu leġittimi jew jippreżentaw riskji minimi. F'tali każi, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom setgħat temporanji biex jirrikjedu iktar trasparenza jew jimponu restrizzjonijiet fuq is-suq.

3.12

Minħabba l-implikazzjonijiet fil-livell tal-UE kollha ta' tali miżuri, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) ser tingħata żewġ rwoli prinċipali: il-koordinazzjoni tal-interventi bejn l-Istati Membri u l-validazzjoni tar-restrizzjonijiet imposti minn kull Stat Membru, b'mod partikolari fir-rigward tat-tul ta' żmien ta' kwalunkwe restrizzjoni.

3.13

Meta sitwazzjoni jkollha implikazzjonijiet transkonfinali u l-AETS tkun tal-opinjoni li l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti jkunu inadegwati, l-AETS tista' tintervjeni hija stess, u taqbeż lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

3.14

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tkompli tiddefinixxi l-kriterji u l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati kemm mill-AETS kif ukoll mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġi ddeterminat meta avvenimenti jew żviluppi avversi joħolqu theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-fiduċja fis-suq.

3.15

L-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa li jimponu projbizzjoni qasira ħafna fuq il-bejgħ bin-nieqes ta' strumenti jew inkella li jillimitaw it-tranżazzjonijiet biex jiġi evitat it-tnaqqis mhux ikkontrollat tal-prezz. Din is-“salvavita” tiġi attivata permezz ta' kriterji oġġettivi.

3.16

Il-proposta tagħti lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħat kollha meħtieġa għall-infurzar tar-regoli. Il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu għal regoli dwar miżuri amministrattivi, sanzjonijiet u miżuri finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-proposta.

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri

COM(2010) 365 finali

2011/C 84/08

Relatur: is-Sur DANDEA

Korelatur: is-Sur PATER

Nhar id-9 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri

COM(2010) 365 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fis-16 ta’ Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (sessjoni tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’185 vot favur, 9 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet prinċipali

1.1

Kif imsemmi fil-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri, l-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, u għalhekk il-forma u l-prestazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, u huma kompletament responsabbli għal din id-definizzjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li approċċ li jkun kkoordinat fil-livell tal-UE jista’ jikkontribwixxi għall-koerenza u jiggarantixxi li s-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali jkunu konsistenti mal-pilastri soċjali u tal-impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 peress li l-kwistjoni tal-impjiegi hija kruċjali għas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet. Il-kummenti tal-KESE għandhom jitqiesu f’daqqa, mhux individwalment.

1.2

Ir-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet hija kwistjoni li tiġi deċiża fil-livell nazzjonali, li għandha tqis il-kondizzjonijiet u l-kuntest li huma speċifiċi għall-pajjiżi u tiggarantixxi sistema tal-pensjoni adegwata u sostenibbli. L-ebda riforma ta’ dan it-tip m’għandha tiġi promossa jew ikkastigata – direttament jew indirettament – mir-regolamenti tal-UE. Fl-opinjonijiet tiegħu adottati fl-2000 u fl-2004 (1), il-KESE enfasizza li dan il-qasam għandu jitħalla f’idejn l-imsieħba soċjali. Minkejja d-differenzi kbar fis-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali, il-KESE huwa tal-fehma li hemm biżżejjed elementi komuni li jistgħu jiġu ttrattati fil-livell tal-UE, minn koordinazzjoni tal-politiki għal regolamenti, mingħajr ma jiġu ssuperati l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati.

1.3

Il-proposti fil-Green Paper għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid fil-kuntest usa’ tal-ekonomija soċjali tas-suq. Il-kriżi hija ta’ detriment għat-tkabbir, l-impjieg u l-pensjonijiet. L-UE tkun qed taqdi r-rwol tagħha ta’ appoġġ billi fl-istess ħin tistabbilixxi politika strutturata ta’ rkupru, intiża biex iżżid it-tkabbir orjentat lejn il-kwalità bis-saħħa ta’ politika attiva tax-xogħol, taħriġ vokazzjonali, investimenti u innovazzjoni u b’hekk tkun qed tippromovi l-ħolqien ta’ iktar postijiet tax-xogħol u postijiet tax-xogħol deċenti u tistabbilizza l-iskemi Pay-As-You-Go li jeżistu fl-Istati Membri. Dawn l-iskemi huma “shock absorbers” qawwija fi żmien ta’ kriżi. Qabel ma jipproponi li jinfetħu skemi tal-pensjoni solidari għall-fondi tal-pensjoni u sistemi ffinanzjati, għar-raġuni li l-iskemi Pay-as-You-Go bbażati fuq is-solidarjetà jżidu d-defiċit pubbliku fir-rigward tal-Patt ta’ Stabbiltà, l-Istati Membri għandhom jiftakkru li l-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati ma jgħinux lill-persuni jegħlbu l-effetti tal-kriżijiet ekonomiċi, anzi, dawn l-iskemi stess issirilhom il-ħsara minn kull kriżi finanzjarja u dik tal-Borża.

1.4

Il-popolazzjoni fl-Ewropa qed tixjieħ b’riżultat ta’ rati baxxi tat-twelid u stennija tal-għomor itwal. Il-KESE jaqbel li t-tbassir demografiku għandu jiġi analizzat u ssorveljat fuq bażi regolari biex ikun jista’ jsir tibdil adegwat u f’waqtu fis-sistemi tal-pensjonijiet skont kondizzjonijiet ġodda. Madankollu, dan it-tbassir, inkluża n-nefqa pubblika futura fuq il-pensjonijiet, għandu jintuża u jitqies bir-reqqa peress li dan jista’ jinkludi bosta ipotesi li huma diffiċli tbassarhom fuq perijodu twil ta’ żmien (2). Għalkemm hija bbażata fuq l-aħjar għarfien tal-esperti,l-ipotesi tal-Eurostat li l-istennija tal-għomor ser tiżdied b’seba’ snin fl-UE tul l-40 sena li jmiss ma tistax tkun ċerta. Aktar titjib fit-tul tal-għomor jista’ jiġi influwenzat minn bidliet fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta’ għajxien. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti li l-Kummissjoni ressqet fil-Green Paper, li huma essenzjalment ibbażati fuq id-demografija u projezzjonijiet ta’ 50 sena, ma jqisux il-fatt li l-effetti tal-kriżi fuq l-iskemi tal-pensjoni iktar jinħolqu minħabba n-nuqqas ta’ impjiegi u investiment milli d-demografija.

1.5

Il-KESE jiddubita li sempliċiment żieda fl-età legali tal-irtirar tista’ ssolvi l-problemi marbuta mal-isfidi demografiċi. Għall-kuntrarju, huwa jemmen li din tista’ titfa’ miljuni ta’ persuni anzjani taħt il-linja tal-faqar, speċjalment in-nisa. Li huwa meħtieġ huwa li tiżdied l-età effettiva tal-irtirar sal-età bil-liġi eżistenti billi jintużaw inizjattivi relatati li jippromovu l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol, li jkunu appoġġjati wkoll minn politiki effettivi tat-tkabbir u l-impjieg. Hija biss politika ġenwina ta’ “tixjiħ attiv”, maħsuba għal parteċipazzjoni miżjuda fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, li tista’ tipproduċi żieda sostenibbli fir-rata tal-impjieg ta’ nies imdaħħla fiż-żmien li jieqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta’ saħħa, intensità tax-xogħol, tkeċċija mix-xogħol qabel iż-żmien, u nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, żieda fl-età legali tal-irtirar tista’ żżid pressjoni fuq il-pilastri l-oħra tas-sigurtà soċjali (3), bħalma huma l-pensjonijiet tal-invalidità jew id-dħul minimu, kif ġara f’xi wħud mill-Istati Membri, tant li l-progress li jkun sar lejn finanzi pubbliċi b’saħħithom ikun falz u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata fuq bażi volontarja.

1.6

Il-mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku għall-età tal-pensjoni, ibbażati jew fuq l-istennija ta’ tul ta’ ħajja itwal jew fuq il-bidliet demografiċi, huma meqjusa bħala xi ħaġa perikoluża għas-soċjetà kollha kemm hi u għaldaqstant mhumiex appoġġjati mill-KESE. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-mekkaniżmi jżidu awtomatikament l-età tal-irtirar korelatati mal-estensjoni tal-istennija tal-ħajja u parametri oħra tas-suq ekonomiku jew tax-xogħol. Deċiżjonijiet daqshekk fundamentali dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien għandhom jittieħdu mill-parlamenti, u mhux mill-kompjuters, wara dibattitu pubbliku wiesa’, li jinkludi l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra importanti. Barra minn hekk, kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi dan il-mekkaniżmu għandu jqis il-fatt li minkejja li dan inaqqas il-pressjoni pubblika kontra r-riformi, fl-assenza ta’ opportunitajiet reali tax-xogħol għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, dan jista’ jċaqlaq l-appoġġ finanzjarju għal dawn il-ħaddiema lejn pilastri oħra tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, jista’ jagħti l-każ li l-implimentazzjoni krudili ta’ dan il-mekkaniżmu fl-iskemi tal-pensjoni sabiex il-pensjonijiet isiru adegwati u sostenibbli jista’ ma jirnexxilhiex tagħti l-benefiċċji mwiegħda.

1.7

Kemm l-iskemi Pay-As-You-Go kif ukoll dawk iffinanzjati huma affettwati mill-kriżi ekonomika attwali, iżda b’mod differenti. Għandu jiġi enfasizzat li l-introduzzjoni tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati obbligatorji f’ċerti Stati Membri fis-snin disgħin kienet meqjusa bħala mod kif wieħed jevita r-riskji tal-pensjoni, bħalma huma s-sostenibbiltà jew l-adegwatezza, li huma kkawżati mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi tagħha juru li l-iskemi tal-pensjoni obbligatorji ffinanzjati huma esposti għal riskji finanzjarji partikolari. Madankollu, l-iskemi ta’ pensjoni Pay-As-You-Go jintlaqtu wkoll mill-kriżi ekonomika u t-tixjiħ, minħabba t-tnaqqis fis-somma aggregata tal-pagi. Issa huwa ċar li l-iskemi tal-pensjoni kollha, irrispettivament mill-metodu ta’ finanzjament, jistgħu jiġu milquta, iżda b’modi differenti, kemm mill-kriżijiet ekonomiċi kif ukoll mit-tixjiħ. Għalhekk, hemm bżonn ġestjoni u monitoraġġ tajbin ta’ dawn l-iskemi u politika ekonomika tajba biex jitnaqqsu sew ir-riskji li jheddu s-sostenibbiltà tagħhom. Minkejja l-varjetà ta’ sistemi ta’ pensjoni madwar l-UE, kull tentattiv biex jiżguraw li dawn is-sistemi huma adegwati u sostenibbli jrid ikollu aproċċ olistiku. Il-KESE jemmen li l-iskemi obbligatorji Pay-As-You-Go għandhom ikomplu jaqdu rwol fundamentali fl-iżgurar ta’ pensjonijiet futuri u għalhekk għandha tingħatalhom attenzjoni speċjali sabiex tinqaleb it-tendenza osservata ta’ rati ta’ sostituzzjoni mnaqqsa f’ħafna pajjiżi tal-UE.

1.8

Fi żmien meta l-popolazzjoni qed tixjieħ, is-suċċess li jkunu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli ser jiddependi fuq l-isforzi tal-UE fl-oqsma prinċipali li ġejjin: l-appoġġ għall-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi, iż-żieda fil-produttività u l-prestazzjoni ekonomika, it-titjib tal-flessigurtà fis-suq tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrakkomanda li jsir xogħol fuq kunċett ta’ impjieg għal kulħadd, b’xogħol deċenti f’kull fażi tal-ħajja, b’enfasi partikolari fuq id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, it-tħeġġiġ tat-tixjiħ f’saħħtu u l-parteċipazzjoni fit-taħriġ u tagħlim tul il-ħajja. Dak li jridu n-nies huwa li kulħadd jaħdem u jaħdem aħjar, minn issa. Dan ifisser li huwa kruċjali li jinħolqu l-kondizzjonijiet tajba biex jinħolqu impjiegi ġodda.

1.9

Il-KESE jenfasizza li sistema tal-pensjoni trid tkun kredibbli u adegwata, li jfisser li trid issir tfittxija u implimentazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji ġodda sabiex jiġi garantit bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet. b’hekk biss il-ġenerazzjonijiet futuri ser jikkkontribwixxu lejn skema tal-pensjoni, kondizzjoni essenzjali biex l-iskemi tal-pensjoni ikunu sostenibbli. Is-sistemi tal-pensjonijiet jridu jkunu trasparenti, u l-informazzjoni u l-istatistika dwar it-tħaddim tagħhom iridu jkunu disponibbli u jinftiehmu. It-taħriġ fil-litteriżmu finanzjarju għandu jsir parti mill-kurrikuli tal-iskejjel

1.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir realtà. Għandha tiġi evalwata d-differenza fl-etajiet tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa. Meta tiġi kkombinata mal-età tal-irtirar aktar baxxa tan-nisa, ir-rabta bejn il-livell tal-benefiċċji u l-fatturi demografiċi titfa’ lin-nisa f’riskju akbar ta’ faqar f’età avvanzata. Dan iżid mar-riskju diġà ogħla tan-nisa li jaqilgħu pensjonijiet aktar baxxi bħala riżultat ta’ salarji aktar baxxi (minħabba d-differenza fil-pagi bejn is-sessi), waqfiet itwal meta jkollhom it-tfal u riskju ogħla ta’ qgħad iktar fit-tul. Il-karrieri tan-nisa huma wkoll inqas stabbli. F’dan is-sens huwa importanti li jiġu evitati perijodi twal barra mis-suq tax-xogħol. Pereżempju titjib fil-provvista tal-kura għat-tfal u l-anzjani jista’ jgħin sew lil ħafna nisa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki reali li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

1.11

Il-KESE jafferma mill-ġdid li l-pensjonijiet mhumiex, kif hemm imniżżel fil-Green Paper, “premju” iżda forma ta’ paga diferita jew ta’ tfaddil, irrispettivament mit-tip ta’ sistema. Il-pensjonanti huma kategorija soċjoekonomika importanti ħafna u m’għandhiex titqies bħala piż iżda bħala attur ekonomiku ewlieni, li jħaddan medja ta’ 25 % tal-popolazzjoni, li jixprunaw id-domanda globali.

1.12

Wieħed għandu jiftakar li anki fl-Istati Membri fejn jeżistu l-iskemi Pay-As-You-Go, l-iskemi volontarji tal-pensjoni ffinanzjati ma jistgħux jimtlew biss minn impjegati li jistgħu jfaddlu. Fil-każ tas-sistemi obbligatorji tal-pensjonijiet iffinanzjati, jekk dawn is-sistemi jsiru prattika standard u l-iskemi Pay-As-You-Go jiċċaqilqu parzjalment lejn l-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati, ir-riżultat għandu jevita li joħloq inugwaljanzi u li jipperikola d-dħul tal-pensjonanti fil-ġejjieni.

1.13

L-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet għandhom jitqiesu bħala prijorità kemm mil-lat makroekonomiku kif ukoll dak soċjali. Din hija kwistjoni kruċjali għall-ekonomija, u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw li jfittxu sorsi ta’ finanzjament jew modi kif jikkomplementawhom, apparti mit-taxxi fuq is-salarji, biex jgħinu jiffinanzjaw is-sistemi tal-pensjonijiet.

1.14

Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirriformaw l-iskemi tal-pensjoni nazzjonali għal raġunijiet ta’ adegwatezza, sostenibbiltà u sigurtà, bil-parteċipazzjoni u l-involviment mill-imsieħba soċjali.

2.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni Ewropea

2.1

Kif tista’ l-UE tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex ittejjeb l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjoni? Għandha l-UE tfittex li tiddefinixxi aħjar x’ikun dħul adegwat meta wieħed jirtira?

2.1.1

L-ewwel pass li għandha tieħu l-Kummissjoni huwa li tiddefinixxi l-prinċipji gwida tal-adegwatezza fil-livell tal-UE. Il-pensjonijiet għandhom joffru s-sigurtà materjali u d-dinjità. Hemm bosta strumenti tal-UE li jipprovdu appoġġ għall-Istati Membri. Dawn jinkludu l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u t-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Stokkolma (4). Bl-istess mod, skont it-TFUE, ir-regolamenti dwar l-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet jistgħu jiġu approvati fil-livell tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi kemm hu diffiċli biex ir-regolazzjoni ssir fil-livell tal-UE, iżda il-Kummissjoni tista’ tanalizza u, jekk hemm bżonn, tirrevedi l-qafas regolatorju eżistenti b’mod speċjali rigward l-iskemi ta’ pensjoni ffinanzjati, tal-anqas fl-oqsma li ġejjin:

l-aspetti ta’ prudenza tal-investiment għall-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati;

l-aspetti relatati man-nisa u l-irġiel fil-kuntest tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati;

is-solvenza għall-iskemi kollha tal-pensjoni ffinanzjati;

l-ispejjeż amministrattivi tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati; u

is-sistemi ta’ garanzija għall-iskemi tal-pensjoni amministrati privatament.

2.1.2

L-analiżi għandha teżamina, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati obbligatorji amministrati minn istituzzjonijiet privati b’għażla individwali, li ddaħħlu f’xi Stati Membri lejn l-aħħar tas-snin disgħin. Ir-regolamentazzjoni eżistenti tal-UE hija bbażata fuq l-esperjenzi ta’ pajjiżi li ma inkludewx soluzzjoni ta’ dan it-tip fis-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiffoka b’mod speċjali fuq is-sistema tal-pensjoni ffinanzjati obbligatorji, b’ħarsa lejn:

it-trattament tal-assi ta’ dawn l-iskemi mill-perspettiva tal-finanzi pubbliċi;

il-kwistjoni tat-trattament tar-riskju tal-munita;

l-iżgurar ta’ superviżjoni adatta biex tiġi ggarantita sigurtà adegwata għal dawn l-iskemi, li għandhom ċertu livell ta’ garanziji pubbliċi.

Il-KESE jirrakkomanda kawtela fir-riforma, peress li t-trasferiment ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet li attwalment ġejjin minn sistemi Pay-As-You-Go fis-sistemi ffinanzjati m’għandux idgħajjef is-sistemi Pay-As-You-Go, sabiex jiġi garantit benefiċċju reali għall-pensjonanti futuri. In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni effettiva jwassal għal żieda tar-riskju finanzjarju, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika. L-investimenti tal-fond tal-pensjoni għandhom iqisu l-bżonn tal-allokazzjoni tal-assi tul iċ-ċiklu tal-ħajja.

2.1.3

Il-KESE jikkunsidra li, bil-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u s-sottogrupp tiegħu tal-Indikaturi, appoġġjat mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-istrumenti biex jivvalutaw l-impatt potenzjali tat-tixjiħ fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u pensjoni deċenti. Il-kalkoli tar-riskju tal-faqar għall-familji tal-pensjonanti bbażat fuq il-metodu ġenerali tal-Eurostat ma jirnexxilux jitfa’ dawl biżżejjed fuq kemm pensjonant huwa espost għall-faqar, minħabba l-istruttura differenti tad-dħul u tal-infiq ta’ dawn il-familji. Għandu jiġi żviluppat metodu aħjar biex jistabbilixxi kemm pensjonant huwa espost għar-riskju tal-faqar. Huwa jista’ josserva kemm hu adegwat id-dħul tal-pensjonanti. Għandhom jitwettqu iktar stimi ta’ statistika biex jiġi vvalutat kemm huma adegwati l-pensjonijiet fid-dawl tal-kapaċità tagħhom li jevitaw il-faqar fost l-anzjani u li jiżguraw livelli ta’ għajxien deċenti għall-pensjonanti, biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, soċjali u kulturali (5). Madankollu, l-adegwatezza tal-pensjonijiet trid tiġi definita fil-livell nazzjonali.

2.2

Il-qafas tal-pensjonijiet eżistenti fil-livell tal-UE huwa biżżejjed biex jiżgura finanzi pubbliċi sostenibbli?

2.2.1

Il-qafas Ewropew tal-pensjoni jiffoka fuq il-monitoraġġ tal-infiq futur fuq il-bażi ta’ regoli aċċettati. Dan il-metodu jħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politiki biex jiffokaw fuq il-punt finali tat-tbassir tagħhom. Il-KESE jenfasizza li l-monitoraġġ tal-livell ġenerali tal-obbligi marbutin mas-sistemi tal-pensjonijiet huwa ta’ importanza fundamentali. B’hekk, il-qafas attwali jista’ jiġi komplut permezz ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ dwar l-obbligi ta’ pensjoni impliċiti bl-użu ta’ metodoloġija approvata.

2.2.2

Tista’ tingħata konsiderazzjoni għal reviżjoni tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex ikun żgurat li r-riżultat tar-riformi (inkluż il-bidla minn sistemi ta’ pensjoni Pay-As-You-Go għal dawk iffinanzjati parzjalment) li jwassal għal bidla fil-finanzjament tas-sistemi tal-pensjoni – li żżid l-obbligazzjonijiet espliċiti u tnaqqas dawk impliċiti – jiġi rifless b’mod adatt. Jekk isir dan, dawn ir-riformi, immirati li jsolvu sfidi ta’ sostenibbiltà fit-tul, ma jiġux ippenalizzati f’qasir żmien minħabba dejn pubbliku espliċitu ogħla.

2.2.3

Madankollu, il-promozzjoni attwali ta’ riformi effettivi fuq il-bażi ta’ projezzjonijiet tal-2060 tista’ twassal biex ma tintlaħaqx il-mira tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Il-KESE jirrakkomanda li s-sistemi ta’ pensjoni Pay-As-You-Go, jiġu ssupplimentati b’fondi ta’ lqugħ fuq il-bażi ta’ każ b’każ sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ aġġustamenti rapidi li jistgħu jaffettwaw lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

2.2.4

Il-KESE jqis li l-mistoqsija tal-Kummissjoni tiżvija l-pubbliku ġenerali. Huwa essenzjali li jkun hemm garanzija ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli. Dan irid isir fil-livell nazzjonali u jirrikjedi ħafna aktar milli sempliċiment wieħed jagħti ħarsa ġdida lis-sistemi tal-pensjonijiet.

2.3

Kif jistgħu jintlaħqu l-aħjar etajiet ta’ rtirar effettivi u kif jistgħu ż-żidiet fl-etajiet tal-pensjoni jikkontribwixxu? Għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku relatati mal-bidliet demografiċi fis-sistemi tal-pensjoni biex jiġi bbilanċjat iż-żmien li wieħed iqatta’ jaħdem u dak li jagħmel bħala rtirat? Xi rwol jista’ jkollu l-livell Ewropew f’dan ir-rigward?

2.3.1

Sal-2020, l-età legali għall-irtirar fil-maġġoranza tal-Istati Membri se tkun ta’ 65. Skont id-data tal-Eurostat, l-età medja effettiva tal-irtirar fil-livell tal-UE fl-2008 kienet ta’ 61,4 (6). Madankollu, ir-rata tal-impjieg tal-persuni bejn il-55 u l-64 sena għadha baxxa, madwar 40 %. Hemm bżonn inizjattivi sabiex jinħoloq xogħol għal ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, biex jinbidel l-approċċ ta’ min iħaddem lejn dan il-grupp ta’ età u biex tinbidel l-attitudini tal-impjegati stess li huma mdaħħlin fiż-żmien, kif ukoll inizjattivi biex jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-tixjiħ attiv, peress li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku għall-età tal-irtirar li twassal għal żieda fl-età tal-irtirar bil-liġi tista’ titfa’ miljuni ta’ ħaddiema f’pilastri oħra tas-sistema tal-protezzjoni soċjali (jiġifieri benefiċċji tal-qgħad, pensjoni tal-invalidità jew dħul minimu garantit), bir-riskju li jiżdied sew il-faqar f’din il-kategorija. Il-KESE jemmen li l-politiki li jappoġġjaw l-impjieg għandhom ikunu ta’ prijorità fl-UE. Ir-risposta ewlenija għall-isfida demografika għandha tkun immirata lejn il-politika tat-tkabbir u żieda fl-impjieg.

2.3.2

Huwa essenzjali li jiġu promossi l-inizjattivi fil-livell tal-UE li jaqgħu taħt l-istrateġija attwali Ewropa 2020 sabiex il-ħaddiema jingħataw l-opportunità li jaħdmu. L-Istati Membri għandhom iżidu l-kapaċità għall-impjieg u jistabbilixxu l-kondizzjonijiet meħtieġa biex in-negozji joħolqu l-impjiegi u biex l-impjegati jibqgħu jaħdmu jekk ikunu jixtiequ. Il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal teħtieġ sforz konġunt min-naħa tal-Istat, min iħaddem u l-individwi. Min iħaddem jeħtieġ appoġġ vigoruż biex jipprovdi aktar impjiegi għal ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li jkunu waqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta’ saħħa u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-intensità tax-xogħol, it-tkeċċija mix-xogħol qabel iż-żmien, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ jew għad-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. L-anzjani għandhom jitħeġġu u jiġu stimulati biex itejbu l-kapaċità tagħhom għall-impjieg u biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol. Peress li d-dritt għall-irtirar huwa dritt fundamentali, mhi se tiġi kkunsidrata l-ebda żieda awtomatika fl-età legali tal-irtirar. Il-KESE jinnota li l-kwistjoni tal-età legali tal-irtirar hija kwistjoni separata, distinta minn dik tat-tul ta’ żmien li fih saru kontribuzzjonijiet u ħlasijiet.

2.3.3

Huwa dibattibbli kemm sempliċiment żieda fl-età legali tal-irtir tista’ żżid l-età effettiva tal-irtirar. Dan ċertament kien ikun il-każ li kieku ma ġewx implimentati politiki attivi tas-suq tax-xogħol, relazzjonijiet industrijali adegwati, strateġiji għal tixjiħ attiv, u miżuri għaż-żieda tas-solidarjetà fis-sistema tal-pensjoni. Hija biss politika konxja ta’ “tixjiħ attiv”, li tippromovi t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, li tista żżid l-impjieg ta’ nies imdaħħla fiż-żmien.

2.3.4

Il-KESE huwa konvint li l-mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku ma jistgħux jissostitwixxu deċiżjoni politika regolari. Deċiżjonijiet fundamentali dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni għandhom jittieħdu mill-parlamenti wara dibattitu pubbliku wiesa’. Li kieku dawn ġew implimentati, l-aġġustamenti awtomatiċi kienu jirriskjaw taħlita mhux adatta ta’ estensjonijiet tal-perijodi tal-impjieg u l-irtirar. Fil-passat it-tibdiliet fl-istennija tal-għomor kienu jiġu akkumpanjati minn perijodi itwal ta’ edukazzjoni u rtirar u tnaqqis fiż-żmien li wieħed kien iqatta’ f’impjieg attiv. Iż-żieda fl-età tal-irtirar m’għandhiex tkun miżura li tittieħed waħidha iżda għandha tittieħed flimkien ma’ miżuri li jtejbu l-opportunitajiet tal-impjieg għal persuni li jkunu waslu biex jirtiraw.

2.4

Kif tista’ l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 tintuża biex tippromwovi impjiegi iktar fit-tul, il-benefiċċji tagħha għan-negozji u fl-indirizz tad-diskriminazzjoni fl-età fis-suq tax-xogħol?

2.4.1

L-estensjoni tal-impjieg hija rilevanti għall-għanijiet kollha tal-istrateġija Ewropa 2020. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fl-inizjattivi orjentati lejn iż-żieda fir-rata tal-impjieg għall-75 % tal-popolazzjoni attiva. Il-KESE jemmen li jinħtieġ approċċ speċjali sabiex tintlaqa’ l-isfida li tiżdied ir-rata tal-impjieg fil-grupp tal-età ta’ bejn 55–64 sena. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu mira negozjata mal-imsieħba soċjali għal dan il-grupp ta’ età fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom.

2.4.2

Fil-passat, il-KESE ressaq rakkomandazzjonijiet dettaljati għall-UE u l-Istati Membri (7) dwar politiki li jħeġġu impjieg iktar għat-tul. Flimkien mat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, inċentivi finanzjarji biex l-impjegati jibqgħu fl-impjieg, inklużi l-ħaddiema indipendenti, u biex jinbidel l-approċċ tal-intrapriżi lejn impjegati mdaħħlin fiż-żmien, għandhom jiġu promossi wkoll dawn il-miżuri li ġejjin sabiex il-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien jiġu offruti għażliet ġodda:

tiġi emendata l-leġislazzjoni li, f’ċerti Stati Membri, ma tippermettix li s-salarji u l-pensjonijiet ikunu mħallta għall-pensjonanti jew il-benefiċjarji ta’ pensjonijiet ta’ invalidità li jixtiequ jaħdmu;

tiġi introdotta sistema ta’ bonus biex il-ħaddiema jitħeġġu jibqgħu fl-impjieg wara l-età legali tal-irtirar: il-benefiċċji akkumulati wara li l-impjegati jilħqu l-età tal-irtirar għandhom ikunu aktar attraenti minn dawk akkwistati qabel;

l-Istati Membri jitħeġġu jaħdmu mal-imsieħba soċjali fuq il-kwistjoni ta’ impjieg oneruż;

jingħataw pariri u appoġġ komprensivi għal min qiegħed ifittex ix-xogħol u miżuri għar-riabilitazzjoni għall-integrazzjoni mill-ġdid fit-tul fis-suq tax-xogħol;

l-implimentazzjoni ta’ inċentivi li huma soċjalment aċċettabbli għall-irtirar iktar fit-tard u, fejn ikun mixtieq, l-iżvilupp ta’ mudelli attraenti għal transizzjoni flessibbli mill-ħajja tax-xogħol għall-irtirar;

miżuri li jtaffu l-piż fiżiku u mentali tax-xogħol li jippermettu l-impjegati jdumu iktar fl-impjieg;

il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien jitħeġġu jtejbu l-ħiliet tagħhom;

is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u l-kumpaniji, b’mod speċjali l-SMEs, dwar ġestjoni tal-persunal u organizzazzjoni tax-xogħol innovattivi li huma favorevoli għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien (8).

2.4.3

Politiki li jiffavorixxu impjieg aktar fit-tul għandhom jindirizzaw ukoll il-kwistjoni taż-żgħażagħ li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol aktar tard minn ġenerazzjonijiet preċedenti. L-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol tfisser ukoll li jiġu ttrattati kemm il-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fit-tul, kif ukoll waqfiet tul il-karriera minħabba t-trobbija tat-tfal, il-kura ta’ membri tal-familja dipendenti, jew diżabbiltà temporanja.

2.5

B’liema mod għandha d-Direttiva IORP tiġi emendata biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-attività transkonfinali?

2.5.1

Il-Kummissjoni, fir-rapport (9) tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istituzzjonijiet għall-Provvista ta’ Irtirar Okkupazzjonali (IORP), tgħid li bħalissa m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandhom jiġu emendati r-regoli. Jekk wara analiżi tat-tħaddim tagħha tinħtieġ reviżjoni tad-direttiva, il-KESE jemmen li l-ambigwità li teżisti madwar l-espressjoni “swieq ta’ kapital ta’ riskju” għandha tiġi indirizzata billi tista’ twassal għal riskji għall-fondi tal-pensjoni u l-membri tagħhom. L-aspetti ta’ prudenza għandhom jiġu ċċarati, u għandu jiġi limitat id-dritt li l-fondi jinvestu l-assi fi strumenti finanzjarji riskjużi.

2.5.2

Il-KESE jieħu nota tal-possibbiltà ta’ skemi ta’ pensjoni privati individwali supplimentari volontarji, li jaħdmu flimkien mas-sistemi ta’ pensjoni attwali. F’dan il-kuntest tista’ tiġi studjata l-possibbiltà ta’ garanziji Ewropej għall-benefiċċju tal-ħaddiema transkonfinali. Jistgħu jiġu studjati d-domanda u l-possibbiltà tal-iżvilupp ta’ kontijiet individwali ta’ pensjoni pan-Ewropej (simili għal dawk tal-Kontijiet Individwali tal-Irtirar (Individual Retirement Accounts) fl-Istati Uniti jew sistema simili (IKE) fil-Polonja) għal ħaddiema mobbli, inklużi l-prinċipji tat-tħaddim, is-superviżjoni u l-monitoraġġ ta’ din is-sistema. Hawnhekk il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll l-użu tat-28 Reġim, kif ġie propost fir-Rapport Monti u rrakkomandat mill-KESE (10).

2.6

X’għandu jkun l-iskop ta’ skemi koperti mill-azzjoni fuq livell tal-UE dwar it-tneħħija ta’ ostakoli għall-mobbiltà?

Għandha l-UE terġa’ tħares lejn il-kwistjoni tat-trasferimenti jew l-standards minimi fuq l-akkwist u l-preservazzjoni flimkien ma’ servizz ta’ intraċċar għal kull tip ta’ drittijiet għall-pensjoni jistgħu jkunu soluzzjoni aħjar?

2.6.1

Ir-regolamenti tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali wrew li huma estremament utli għall-ħarsien tal-ħaddiema mobbli. Dawn appoġġjaw il-prinċipju tal-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni għal perijodi ta’ assigurazzjoni li tqattgħu fi Stat Membru ieħor. Għandha tiġi investigata l-applikazzjoni tal-istess prinċipju, adattata għal kull skema ta’ pensjoni ffinanzjata supplementari – okkupazzjonali jew individwali. Il-KESE jemmen li għandha tiġi kkunsidrata l-għażla tal-akkumulazzjoni ta’ drittijiet tal-pensjoni fl-iskemi ta’ pensjoni ffinanzjati.

2.6.2

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibbiltà li jiġi definit qafas bażiku fil-livell tal-UE għall-akkumulazzjoni transkonfinali u l-preservazzjoni tad-drittijiet kollha tal-pensjoni. Madankollu, jemmen li jkun diffiċli tikkombina dan mal-libertà tal-għażla tal-Istati Membri. Servizz ta’ traċċar għal dawn id-drittijiet koordinat fil-livell tal-UE jkun utli. Bl-istess mod, il-mobbiltà Ewropea tas-suq tax-xogħol bejn il-pajjiżi teħtieġ il-mobbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni bejn l-impjegaturi. Kull regolament tal-UE għandu jirrifletti d-diversità akbar tal-forniment ta’ pensjoni. Il-mobbiltà transkonfinali tal-ħaddiema għandha titħeġġeġ permezz tat-tneħħija tal-ostakli għall-mobbiltà, b’mod partikolari l-piż fiskali u amministrattiv, għad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati fl-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati volontarji.

2.7

Il-leġislazzjoni attwali tal-UE għandha bżonn tkun riveduta sabiex tiżgura regolamentazzjoni konsistenti u superviżjoni ta’ skemi ffinanzjati (jiġifieri sostnuti minn fond ta’ assi) ta’ pensjoni u ta’ prodotti? Jekk iva, liema huma l-elementi?

Kif jista’ r-regolament Ewropew jew il-kodiċi ta’ prattika tajba jgħin lill-Istati Membri jiksbu bilanċ aħjar għal dawk li jfaddlu għall-pensjoni u l-fornituri ta’ pensjoni bejn ir-riskji, is-sigurtà u l-affordabbiltà?

2.7.1

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-regolamenti tal-UE dwar l-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati huma inkonsistenti u inadegwati. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa, u jekk hemm bżonn, tqis il-possibbiltà li jiġu rregolati l-fażijiet tal-akkumulazzjoni u l-ħlas ta’ dawn l-iskemi fil-livell tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

l-aspetti ta’ prudenza tal-investiment;

l-aspetti relatati mal-irġiel u n-nisa;

is-solvenza;

l-ispejjeż;

in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fl-aċċess għall-iskema (kopertura);

il-garanziji tal-għoti tad-drittijiet tal-pensjoni;

ir-rekwiżiti minimi dwar l-informazzjoni pprovduta għall-individwi koperti mill-iskema;

is-sistemi ta’ garanzija jew redditu minimu, u

is-superviżjoni.

2.7.2

Fil-każ ta’ bosta skemi ta’ pensjoni ffinanzjati b’kontribuzzjonijiet definiti, ir-riskji jaqgħu l-aktar fuq il-parteċipanti. L-ispejjeż amministrattivi ta’ dawn l-iskemi huma għoljin ukoll. Il-KESE jħoss li wħud mill-aspetti tal-iskemi ta’ pensjoni ffinanzjati jridu jiġu valutati u, jekk hemm bżonn, regolati fil-livell tal-UE. Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika (KPE) għall-2010, dawn l-iskemi tal-pensjoni ser ikollhom rwol importanti f’uħud mill-Istati Membri biex jiggarantixxu dħul deċenti għall-pensjonanti tal-futur. Il-prinċipji komuni Ewropej jistgħu b’hekk jgħinu lill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li dawn l-iskemi tal-pensjoni, amministrati mill-istituzzjonijiet finanzjarji, ikunu effiċjenti u li joperaw fl-aħjar interess tal-pensjonanti. Il-profitti tal-amministraturi tal-fond ta’ pensjoni għandhom ikunu relatati mal-prestazzjoni u għandhom ikunu marbutin mal-profitti tal-membri tal-fond ta’ pensjoni. Kodiċi ta’ prattika tajba hija utli, iżda mhijiex biżżejjed. Sistemi ta’ ħlas minn skemi ffinanzjati obbligatorji huma wkoll ta’ sfida li għandhom jiġu diskussi u analizzati aktar fi ħdan il-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni.

2.8

Kif għandu jkun reġim ta’ solvenza ekwivalenti għal fondi tal-pensjonijiet?

2.8.1

Id-Direttiva Solvenza II tiffoka fuq l-assigurazzjoni ġenerali u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u għalhekk ma setgħatx tiġi applikata għall-prodotti tal-pensjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li tista’ tkun eżempju tajjeb għat-tfassil ta’ sistema simili għall-pensjonijiet iffinanzjati, minħabba n-natura speċifika tal-prodotti ta’ pensjoni u dak li jagħmilhom differenti mill-prodotti tal-assigurazzjoni.

2.8.2

Sistema ġenerali għas-solvenza tas-sistemi ta’ pensjonijiet fil-livell nazzjonali, ikkoordinata fil-livell tal-UE, tkun l-aħjar soluzzjoni sabiex tiġi żgurata s-solvenza tal-iskemi kollha ta’ pensjoni ffinanzjati, minkejja l-istruttura tagħhom. Tip simili tal-iskema ta’ solvenza għandu jkopri mill-inqas l-aspetti li ġejjin:

il-monitoraġġ tal-obbligi impliċiti fi ħdan is-sistemi ta’ pensjoni Pay-As-You-Go;

il-monitoraġġ tas-solvenza u l-livell tar-riservi għall-iskemi ta’ pensjoni obbligatorji ffinanzjati;

il-monitoraġġ tal-livell ta’ finanzjament u ta’ riskji potenzjali għall-iskemi ta’ pensjoni okkupazzjonali;

it-twaqqif ta’ istituzzjoni f’livell nazzjonali sabiex tkun żgurata s-solvenza tal-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali (11).

2.9

Għandha tiġi msaħħa l-protezzjoni mogħtija mil-leġislazzjoni tal-UE fil-każ ta’ insolvenza ta’ pensjoni li tisponsorja lil min iħaddem u jekk iva, kif?

2.9.1

L-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali u s-sistemi ffinanzjati obbligatorji, fejn jeżistu, għandhom, jew se jkollhom, rwol importanti biex jiżguraw dħul deċenti ta’ rtirar. Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha titlob lill-Istati Membri jirregolaw it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ garanzija (fil-forma ta’ fondi speċjali) għall-protezzjoni tad-dħul tal-irtirar tal-ġejjieni.

2.10

Hemm każ għall-immodernizzar tal-ħtiġijiet attwali tal-informazzjoni minima ta’ żvelar għall-prodotti ta’ pensjoni (eż. f’termini ta’ tqabbil, standardizzazzjoni u ċarezza)?

Għandha l-UE tiżviluppa approċċ komuni għall-għażliet standard (“default options”) dwar il-parteċipazzjoni u l-għażla tal-investiment?

2.10.1

Il-prodotti ta’ pensjoni ffinanzjati huma kumplessi u l-għażla u r-responsabbiltà huma aktar u aktar f’idejn l-individwu. F’dan il-kuntest il-KESE jemmen li l UE għandha tiżgura li l-qafas regolatorju fil-livell nazzjonali jittejjeb biex ikopri l-iskemi tal-pensjoni kollha. Huwa imperattiv li jkun hemm approċċ komuni permezz ta’ linji gwida fil-livell tal-UE lejn l-għażla ta’ investiment u l-obbligi minimi ta’ informazzjoni (b’mod partikolari dwar ir-riskji għall-parteċipanti) għall-fornituri tal-pensjoni.

2.10.2

Il-Kummissjoni tammetti li d-deċiżjonijiet infurmati sew li jsiru mill-individwi huma fattur fil-forniment adegwat ta’ pensjonijiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi inizjattiva tal-UE sabiex iċ-ċittadini jsiru jifhmu aħjar fil-prodotti tal-pensjoni. Minħabba l-kumplessità ta’ din il-kwistjoni, ir-responsabbiltà kbira għal għażliet strateġiċi ma tistax tintrefa’ minn individwi waħidhom, u filwaqt li din tibqa’ r-responsabbiltà prinċipali tal-gvern, din għandha kemm jista’ jkun tinvolvi lill-imsieħba soċjali.

2.11

Għandu jissaħħaħ il-qafas ta’ koordinazzjoni politika fuq livell ta’ UE? Jekk iva, liema elementi għandhom bżonn jissaħħu sabiex jittejjbu d-disinn u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ pensjoni permezz ta’ approċċ integrat? Jista’ l-ħolqien ta’ pjattaforma għall-monitoraġġ tal-aspetti kollha tal-politika tal-pensjoni b’mod integrat ikun parti minn dan?

2.11.1

Il-qafas tal-koordinazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE bħalissa huwa relattivament ifframmentat. Il-KESE jilqa’ l-idea tal-Kummissjoni ta’ pjattaforma ta’ monitoraġġ komuni għall-aspetti kollha tal-pensjonijiet li ġġib flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u s-settur tal-pensjoni. Din il-pjattaforma għandha twassal sabiex ikunu jistgħu jitqabblu s-sitwazzjonijiet tal-Istati Membri u l-istandards ta’ għajxien tal-persuni rtirati bl-użu ta’ firxa ta’ indikaturi.

2.11.2

Pjattaforma komuni għall-monitoraġġ tal-aspetti kollha tal-politika tal-pensjoni, inklużi l-adegwatezza, il-kopertura, ir-riskju tal-faqar, l-istabbiltà finanzjarja, l-investimenti, ir-riskju u s-solvenza, teħtieġ data aġġornata ta’ min joqgħod fuqha. Għalhekk jeħtieġ li tiġi żviluppata metodoloġija tal-UE dwar l-istatistika tal-pensjonijiet li tinvolvi lill-imsieħba soċjali u partijiet interessati ewlenin oħrajn. Jeħtieġ ukoll li jiġu żviluppati strumenti simili għall-monitoraġġ tar-responsabbiltajiet impliċiti tal-iskemi tal-pensjoni li joperaw fil-livell nazzjonali.

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 14, 16.1.2001, p. 50 u ĠU C 157, 28.6.2005, p. 120.

(2)  It-tbassir li sar fl-2000 għall-2010 mill-OECD, il-Eurostat jew anke n-Nazzjonijiet Uniti ma rriflettwex l-iżviluppi reali.

(3)  Dan il-fenomenu seħħ tul dawn l-aħħar 10 snin f’xi Stati Membri: Eurostat: Population and social conditions; Statistics in focus 40/2009.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill – Marzu 2001.

(5)  Skemi tal-Pensjoni Privati, Kummissjoni Ewropea, 2009, paġna 5.

(6)  Eurostat, MISSOC, Rapport dwar it-Tixjiħ, 2010, Rapport Interim Konġunt dwar il-Pensjonijiet mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali.

(7)  Opinjoni tal-KESE, (ĠU C 157 28.6.2005, p. 120).

(8)  Opinjonijiet tal-KESE ĠU C 256, 27.10.2007, p. 93 u ĠU C 228, 22.09.2009, p. 24.

(9)  COM(2009) 203 finali.

(10)  ĠU C 21, 21.01.2011, p. 26.

(11)  Fuq linji simili għall-PBGC (Pension Benefit Guaranty Corporation) li titħaddem fl-Istati Uniti.


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman

COM(2010) 490 finali

2011/C 84/09

Relatur uniku: is-Sur Pedro NARRO

Nhar it-23 ta’ Settembru 2010 u nhar is-7 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jitolbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum mill-bniedem

COM(2010) 490 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tal-20 ta’ Jannar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’159 voti favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 2001/112/KE bil-għan li tikkonforma mal-istandard ġenerali tal-Codex Alimentarius għall-meraq u n-nektars tal-frott. Bla dubju, dan il-proċess ta’ konformità m’għandux ikun limitat b’mod diskrezzjonali għal xi elementi speċifiċi ħafna tad-Direttiva iżda għandu jiġi applikat b’mod ġenerali għall-punti kollha tal-leġislazzjoni Komunitarja msemmija.

1.2

Il-projbizzjoni li jiżdied iz-zokkor mal-meraq tal-frott huwa miżura adatta li tgħin fil-prevenzjoni kontra l-obeżità. Madankollu, il-KESE ma jaqbilx mal-obbligu addizzjonali li n-nektars jiġu deskritti bħala li għandhom iz-zokkor miżjud: il-miżura tista’ tgħarraq bil-konsumatur, tfisser diskriminazzjoni sfaċċata fir-rigward ta’ prodotti oħra u ma tinsabx fil-Codex Alimentarius.

1.3

Il-KESE jiddispjaċih li fil-kapitolu tal-ingredejnti awtorizzati, il-proposta għal Direttiva ma tinkludix iż-żjieda sa 10 % tal-meraq tal-mandolin mal-meraq tal-larinġ. L-istandard tal-Codex Alimentarius, li d-Direttiva qiegħda tipprova tikkonforma miegħu, jawtorizza din it-teknika, li ġeneralment hija użata fil-kuntest internazzjonali, u għalhekk għandha tiġi inkluża fit-test tad-Direttiva.

1.4

It-tieni punt tal-Anness II għandu jsemmi b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-frott destinat għall-manifattura tal-meraq u tal-puré tal-frott seta’ ngħata trattament wara li jkun inġabar.

1.5

Il-KESE huwa sodisfatt li t-tadam ġie inkluż fil-lista tal-frott li jintuża għall-produzzjoni tal-meraq tal-frott.

1.6

Il-KESE huwa sodisfatt li ser tinżamm il-klassifikazzjoni/denominazzjoni doppja li tiddistingwixxi bejn il-meraq tal-frott (miksub direttament mit-tagħsir tal-frotta) u l-meraq minn konċentrati (miksub mir-rikostituzzjoni bl-ilma tal-meraq ikkonċentrat). Din id-distinzjoni tiggarantixxi informazzjoni korretta lill-konsumatur. Huwa importanti li din id-distinzjoni doppja tinżamm u li, fi kwalunkwe każ, ma jidhrux tifsiriet li jistgħu jwessgħu l-interpretazzjoni tad-definizzjoni doppja.

1.7

Il-KESE huwa sodisfatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tipprevedi l-għażla ħielsa fir-rikostituzzjoni tal-palat fil-meraq tal-frott ikkonċentrat.

2.   Kuntest u sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi t-tieni emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman. Id-Direttiva msemmija, li qiegħda tiġi emendata, tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tekniċi dwar il-kompożizzjoni, id-denominazzjoni, il-karatteristiċi tal-manifattura u t-tikkettar ta’ dawn il-prodotti.

2.2

Id-Direttiva 2001/112/KE ġiet emendata l-ewwel darba permezz tad-Direttiva 2009/106/KE. Din l-emenda teknika saret bil-għan li l-leġislazzjoni Komunitarja tikkonforma mal-istandard ġenerali tal-Codex Alimentarus għall-meraq u n-nektars tal-frott (STAN 247-2005, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ kwalità u r-rekwiżiti għat-tikkettar għall-meraq tal-frott u prodotti simili oħra) u mal-Kodiċi ta’ Prattika Tajba tal-AIJN (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Meraq u n-Nettari tal-Frott u l-Ħaxix). Bażikament, it-tibdil introdott laqat l-istabbiliment ta’ valuri minimi Brix għal 18-il meraq tal-frott rikostitwit u purejiet tal-frott rikostitwiti u l-isem tal-bejgħ li għandu jintuża għal meraq tal-frott minn konċentrat. Id-data aħħarija għat-traspożizzjoni hija l-1 ta’ Jannar 2011.

2.3

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill COM(2010) 490, is-suġġett ta’ din l-opinjoni, hija t-tieni emenda ta’ natura teknika. Bħall-ewwel emenda, tikkonsisti fl-inkorporazzjoni ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet tal-istandard tal-Codex Alimentarius, li jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Prattika Tajba tal-AIJN. Il-kontributi prinċipali ta’ din il-proposta għal Direttiva huma:

it-tneħħija taz-zokkor mil-lista tal-ingredjenti awtorizzati għall-meraq tal-frott. In-nektars u l-prodotti speċifiċi tal-Anness III jistgħu jingħataw togħma ħelwa biż-żjieda ta’ zokkor jew ta’ għasel. L-isem tal-bejgħ għandu jinkludi l-frażi “bi ħlewwa miżjuda” jew “b”zokkor miżjud’, segwiti bl-indikazzjoni tal-kwantità massima ta’ zokkor miżjud;

is-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti lura tal-palat u tal-aroma;

l-inklużjoni tat-tadam fil-lista tal-frott li jintuża għall-produzzjoni tal-meraq tal-frott.

2.4

Din il-proposta għal Direttiva ser issegwi l-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri jkollhom 18-il xhar sabiex jittrasponu d-Direttiva fil-leġislazzjonijiet nazzjonali tagħhom hekk kif din tiġi approvata.

3.   Kummenti

3.1

Il-proposta ta’ Direttiva analizzata f’din l-Opinjoni hija bbażata prinċipalment fuq il-bżonn li l-leġislazzjoni Komunitarja tikkonforma mal-leġislazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mal-istandard tal-Codex Alimentarius għall-meraq u n-nektars tal-frott. Għalhekk, fl-emendi proposti, il-Kummissjoni m’għandhiex toħroġ minn ċerti disposizzjonijiet tal-Codex Alimentarius, li huma aċċettati fil-livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra, ikun utli li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ġodda b’konformità mat-test tal-Codex Alimentarius.

3.2

Waħda mill-aktar emendi importanti inkluża fil-proposta għal Direttiva tinsab fil-projbizzjoni li jiżdied iz-zokkor mal-meraq tal-frott u mill-obbligu, għan-nektars, li din iż-żjieda tiġi indikata fl-isem tal-bejgħ. Il-projbizzjoni appoġġjata mill-Kummissjoni hija ġġustifikata b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea għall-prevenzjoni tal-obeżità. Madankollu, fil-każ tan-nektars, il-proposta titlaq mid-disposizzjonijiet tal-Codex Alimentarius, m’għandhiex preċedenti fil-każ ta’ prodotti oħra (soft drinks), hija inkonsistenti mar-regolamenti orizzontali dwar it-tikkettar u ma tidhirx neċessarja peress li d-definizzjoni proprja tan-nektars tindika diġà li hemm żjieda ta’ zokkor.

3.3

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludix iż-żjieda tal-meraq tal-mandolin mal-meraq tal-larinġ mingħajr ma jkun obbligatorju li l-prodott ikollu t-tikketta ta’ taħlita ta’ meraq. Madankollu, l-istandard tal-Codex Alimentarius (STAN 45-1981) jippermetti din il-prattika sa 10 %, u għalhekk tintuża ħafna fil-kuntest internazzjonali mill-pajjiżi produtturi prinċipali, bħall-Brażil u l-Istati Uniti. Fil-kuntest tal-globalizzazzjoni tas-swieq, il-ħtiġijiet tad-Direttiva 2001/112/KE jitfgħu lill-produtturi Ewropej taċ-ċitru u l-kooperattivi tagħhom f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-pajjiżi terzi. Il-KESE jikkunsidra neċessarju li d-denominazzjoni Ewropea “meraq tal-larinġ” tikkonforma mal-istandard internazzjonali tal-Codex Alimentarius, u jappoġġja għalhekk l-inklużjoni sa 10 % tal-meraq tal-mandolin bħala ingredjent awtorizzat tal-meraq tal-larinġ. Iż-żjieda tal-meraq tal-mandolin mal-meraq tal-larinġ hija ġustifikata minħabba li ż-żewġ speċijiet taċ-ċitru huma qrib botanikament u għandhom karatteristiċi organolettiċi simili. Fil-fatt, mil-lat analitiku, din iż-żjieda ma tiġix osservata b’mod kwalitattiv.

3.4

Id-definizzjoni tal-frott li tinsab fil-punt 1 tal-Anness II (Definizzjonijiet tal-materja prima) għandha tinkludi b’mod ċar it-trattament wara l-ġbir fil-każ tal-frott li huwa destinat għall-ipproċessar.

3.5

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tat-tadam fil-lista tal-frott destinat għall-produzzjoni ta’ meraq tal-frott u jqis b’mod pożittiv iż-żamma tad-denominazzjoni doppja tal-bejgħ għall-meraq tal-frott u l-meraq minn konċentrati, biex jiġi assigurat li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni korretta, kif ukoll il-possibbiltà li l-aroma tal-meraq tal-frott minn konċentrat jiġi rikostitwit.

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi tranżitorji mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011

COM(2010) 488 finali – 2010/0255 (COD)

2011/C 84/10

Relatur uniku: is-Sur SARRÓ IPARRAGUIRRE

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar is-7 u t-8 ta' Ottubru 2010 rispettivament, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi tranżitorji mill-1 ta' Jannar 2010 sat-30 ta' Ġunju 2011

COM(2010) 488 finali – 2010/0255 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Jannar 2011 (seduta tad-19 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 82 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fid-dawl tal-fatt li l-applikabbiltà tal-miżuri tekniċi temporanji stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 tagħlaq fit-30 ta' Ġunju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jikkunsidra li dan ir-Regolament għandu jiġi mmodifikat biex il-validità tiegħu tiġi estiża sal-1 ta' Jannar 2013, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tinsab fil-COM(2010) 488 finali tat-23 ta' Settembru 2010.

1.2

L-adozzjoni ta' din il-Proposta għal Regolament tiggarantixxi, fl-assenza ta' standards li jistabbilixxu miżuri tekniċi permanenti, sigurtà legali u l-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi sal-1 ta' Jannar 2013, data li fiha għandha tidħol fis-seħħ il-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida li ser tiġbor fiha l-prinċipji fundamentali tal-miżuri tekniċi.

1.3

Il-Kumitat jixtieq iressaq għall-konsiderazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tat-test tal-Proposta għal Regolament, il-punt 1 b) i) tal-Artikolu uniku ta' dan, li jirreferi għall-punt 2 a) i) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1288/2009, li fil-punti 9.3, 9.6 u 9.8 id-data “2010” tinbidel f'“2011”.

2.   Kuntest

2.1

Fl-4 ta' Ġunju 2008, il-Kummissjoni ressqet Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi (1).

2.2

Fir-rigward ta' din il-Proposta għal Regolament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħareġ opinjoni korrispondenti li wara l-proċedura regolamentarja, ġiet approvata fl-451 sessjoni plenarja tal-Kumitat tal-25 ta' Frar 2009 (2).

2.3

L-ipproċessar ta' din il-Proposta għal Regolament min-naħa tal-Kummissjoni tar-Regolament ġie ostakolat fl-2009 min-negozjati għall-approvazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona.

2.4

Sadattant, u minħabba fl-urġenza tiegħu, ġie approvat ir-Regolament (KE) Nru 43/2009 li stabbilixxa, għall-2009, il-possibbiltajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet korrispondenti għal popolazzjonijiet speċifiċi u gruppi ta' popolazzjonijiet ta' ħut (3).

2.5

Sadattant, filwaqt li tkompla l-ipproċessar tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-miżuri tekniċi matul l-2009, il-miżuri previsti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 43/2009 ma baqgħux validi, billi l-perjodu ta' applikazzjoni tagħhom intemm.

2.6

Minħabba f'hekk u għal raġunijiet ta' ċertezza legali kif ukoll biex tinżamm konservazzjoni u ġestjoni adatta tar-riżorsi tal-baħar, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi tranżitorji mill-1 ta' Jannar 2010 sat-30 ta' Ġunju 2011 (4); dan jiggarantixxi l-kontinwazzjoni tal-miżuri tekniċi temporanji li kienu ġew inklużi fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 43/2009 għal perjodu ta' tranżizzjoni ta' 18-il xahar.

2.7

Fil-kuntest tar-rekwiżiti l-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona, fl-2010 l-Kummissjoni rtirat il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi.

2.8

Il-prinċipji bażiċi tal-miżuri tekniċi ser jinġabru fir-regolament bażiku l-ġdid dwar ir-riforma attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd, li għaliha hija prevista proposta li għandha tiġi ppreżentata matul it-tielet kwart tal-2011 u li għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013.

2.9

Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1288/2009 ser jintemm fit-30 ta' Ġunju 2011 u li bħalissa ma jeżistix att legali li jistabbilixxi l-miżuri tekniċi permanenti, ikun tajjeb li l-validità ta' dan ir-Regolament tiġi estiża għal 18-il xahar, sal-1 ta' Jannar 2013.

2.10

Il-konsegwenza ta' dan kollu hija l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, is-suġġett ta' din l-opinjoni tal-KESE, li jimmodifika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 billi jestendih għal 18-il xahar sal-1 ta' Jannar 2013.

3.   Kummenti tal-KESE

3.1

Il-KESE japprova t-test tal-Proposta għal Regolament, billi l-kontenut tagħha jirreferi għall-adattament tar-Regolament (KE) Nru 1288/2009 għad-dati l-ġodda estiżi sal-1 ta' Jannar 2013, ħaġa li tiggarantixxi s-sigurtà legali u l-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi sal-adozzjoni tal-miżuri tekniċi permanenti.

3.2

Madankollu, fir-rigward tal-punt 1 b) i) tal-Artikolu uniku, il-Kumitat iqis li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw l-estensjoni sal-1 ta' Ottubru 2011 tal-iskadenza mogħtija lill-Istati Membri fir-Regolament (KE) Nru 1288/2009, bil-għan li l-istituti xjentifiċi interessati jkunu jistgħu jippreżentaw ir-rapporti xjentifiċi tagħhom dwar is-sajd f'ilmijiet iktar fondi minn 600 metri fiż-żoni ICES VIII, IX u X.

3.3

Din it-talba hija bbażata fuq l-għadd ta' inċidenti li seħħew fl-ipproċessar ta' din il-leġislazzjoni, deskritti fil-punt 2 ta' din l-opinjoni, li ma ħallewx lill-Istati Membri jwettqu l-kampanji xjentifiċi neċessarji fil-ħin sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw rapport dettaljat biżżejjed dwar dan it-tip ta' sajd lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2008) 324 finali.

(2)  ĠU C 218, 11.9.2009.

(3)  ĠU L 22, 26.1.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 347, 24.12.2009, p. 6.


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

COM(2010) 486 finali – 2008/0183 (COD)

2011/C 84/11

Relatur: is-Sur LUCAN

Nhar it-23 ta' Settembru 2010 u nhar it-8 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

COM(2010) 486 finali – 2008/0183 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Jannar 2011 (seduta tal-20 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'150 vot favur, 4 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni hija prova tal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tas-suq tal-ikel u tal-iżvilupp tal-valuri Ewropej (b'mod partikolari tal-prinċipju tas-solidarjetà) fost il-gruppi soċjali l-aktar żvantaġġati fl-Unjoni Ewropea. Il-garanzija ta' provvista tal-ikel għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u b'mod partikolari, għall-persuni żvantaġġati għandha tibqa' wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika agrikola tal-Unjoni. Il-KESE jqis li hija biss politika agrikola favur it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-settur li ser tkun tista' tgħin lill-gruppi soċjali l-iktar żvantaġġati tal-UE.

1.2   Il-Kumitat iqis li r-reviżjoni tal-qafas legali Ewropew hija opportuna u neċessarja minħabba d-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat u l-iżviluppi li seħħew fis-suq uniku kemm f'dak li jirrigwarda prezzijiet, ħażniet u l-politiki tas-suq kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-bżonnijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru.

1.3   Billi fl-UE aktar minn 80 miljun ċittadin (1) (aktar minn 16 % tal-popolazzjoni Ewropea) qed jiffaċċjaw il-faqar, u fid-dawl tal-prijoritajiet tas-Sena Ewropea 2010 kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u tal-fatt li minħabba l-kriżi ekonomika numru ikbar ta' ċittadini tal-UE jinsabu fir-riskju tal-faqar, il-KESE jenfasizza li għandha tinżamm l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel għan-nies l-aktar fil-bżonn fl-UE u li din għandha tkun iffinanzjata fuq bażi permanenti mill-baġit tal-PAK.

1.4   Il-KESE huwa tal-fehma li l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel għan-nies l-aktar fil-bżonn fl-UE għandha ssir element permanenti tal-PAK għax hija ttejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli li jkunu qed jiffaċċjaw il-problema ta' tibdiliet fis-suq tal-prodotti tal-ikel. Fl-istess waqt, l-iskema tikkontribwixxi sabiex toħloq bilanċ u stabbiltà fis-suq intern għax tinvolvi d-distribuzzjoni ta' prodotti ġejjin mill-ħażniet ta' intervent u xiri li sar mis-suq u għalhekk huma prodotti tal-ikel ġejjin mill-agrikoltura Ewropea. Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li tinżamm din l-għajnuna indiretta għas-suq li tagħmel parti mill-PAK u li hija indispensabbli kemm għall-persuni żvantaġġati kif ukoll għall-bdiewa li qed jiffaċċjaw il-kriżi attwali.

1.5   Minħabba l-kobor tal-fenomenu tal-faqar alimentari, li jolqot aktar minn 43 miljun ċittadin Ewropew u fid-dawl tal-impatt pożittiv li kellha l-iskema matul iż-żmien fuq il-kategoriji soċjali l-aktar żvantaġġati, il-KESE huwa tal-opinjoni li għandha tingħata baġit solidu b'mod permanenti.

1.6   Il-valutazzjoni tal-iskemi nazzjonali u Ewropej ta' għajnuna alimentari għandha tkun ibbażata fuq l-istima tal-ħtiġijiet tal-persuni żvantaġġati kollha, inklużi l-kategoriji l-aktar foqra (tfal fit-toroq, nies li m'għandhomx fejn joqogħdu, dawk li qed ifittxu l-ażil, ħaddiema illegali jew migranti eċċ.) li ma jibbenefikaw minn ebda għajnuna fuq il-bażi tal-kriterju tad-dħul minimu garantit u li ġeneralment ma jiġux inklużi fl-istatistika uffiċjali. Il-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali u l-ġlieda kontriha jistgħu jitwettqu l-ewwel nett billi jiġu inklużi l-kategoriji kollha tal-persuni żvantaġġati. Dawn huma prijoritajiet tas-Sena Ewropea 2010. Il-KESE jitlob lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex iqisu l-bażijiet ta' data dwar in-nies esklużi mill-istatistika uffiċjali huma u jiddefinixxu l-kategoriji tal-persuni żvantaġġati. Ħafna drabi din id-data hija disponibbli fl-istatistika miġbura mill-NGOs jew mill-organizzazzjonijiet tal-karità.

1.7   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jippromovu s-sħubijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili bil-għan li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-akbar numru possibbli ta' NGOs u voluntiera fil-proċess tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel. Il-KESE jikkunsidra li l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel tista' tikkumplementa s-servizzi soċjali pprovduti fil-qafas tal-integrazzjoni soċjali tal-persuni żvantaġġati.

1.8   Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-attivitajiet tal-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-karità li joffru għajnuna alimentari, servizzi ta' kura tas-saħħa u assistenza soċjali (l-aktar dawk li joffru refuġju lill-persuni żvantaġġati, ċentri li jipprovdu l-ikel jew day centres) għandhom jibbenefikaw minn appoġġ sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

1.9   Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li fil-proposta emendata tiġi integrata l-emenda tal-Parlament Ewropew li jirrakkomanda li jiġu rimborżati l-ispejjeż amministrattivi u tal-ħażna tal-organizzazzjonijiet tal-karità.

1.10   Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali, speċjalment fl-Istati Membri fejn id-dħul għal kull abitant huwa baxx u fejn il-persuni żvantaġġati huma numerużi ħafna, il-kofinanzjament nazzjonali jista' jirriżulta f'burokrazija żejda għall-iskema Ewropea u li b'hekk din ma tibqax effettiva. Il-KESE iqis li dan ikun ta' ħsara għall-gruppi l-aktar żvantaġġati tal-UE u jmur kontra l-prinċipji ta' integrazzjoni soċjali promossi fil-qafas tas-Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

1.11   Il-Kumitat jikkunsidra li l-iskema tal-ikel għall-persuni żvantaġġati għandha ssir programm tal-Unjoni, iffinanzjat kollu hemm hu mill-baġit tal-PAK. Attwalment huma l-Istati Membri, li flimkien mal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-karità, jappoġġjaw l-ispejjeż speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm (spejjeż tat-trasport tal-prodotti tal-ikel lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet, spejjeż amministrattivi, spejjeż tat-trasport, spejjeż tal-ħażna, VAT, spejjeż iġġenerati mis-servizzi soċjali li jingħataw mal-għajnuna alimentari).

2.   Is-Sena Ewropea 2010 kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali timmira li tgħin lill-persuni żvantaġġati, inklużi dawk li huma mhedda mill-faqar alimentari.

2.1   Fl-UE, iktar minn 80 miljun ċittadin iħabbtu wiċċhom mal-faqar (2) 16 % tal-popolazzjoni Ewropea tinsab f'pożizzjoni vulnerabbli u aktar minn 43 miljun ċittadin jinsabu fir-riskju ta' faqar alimentari. Fl-2006, fl-UE, il-perċentaġġ tal-popolazzjoni tan-nies fir-riskju tal-faqar kien ivarja bejn 2 % (id-Danimarka) u 37 % (is-Slovakkja). Fl-UE, ir-rata tal-faqar taqbeż l-20 % f'tal-anqas seba' Stati Membri. Fil-Polonja u l-Ġermanja l-persuni mhedda mill-faqar jammontaw għal 11-il miljun u 9 miljuni rispettivament. Din l-istatistika tikkostitwixxi l-prova ċerta li hemm bżonn ta' għajnuna alimentari.

2.2   Il-gruppi l-aktar esposti għal nuqqas ta' nutrizzjoni jew għal nutrizzjoni ħażina minħabba alimentazzjoni insuffiċjenti jew inadegwata huma t-tfal ta' familji fqar, l-anzjani, dawk li m'għandhomx dar, dawk li qed ifittixu l-ażil, il-ħaddiema immigranti illegali u l-persuni jew tfal b'diżabilità. F'ċerti Stati Membri, xi wħud minn dawk li jibbenefikaw minn għajnuna alimentari jibbenefikaw ukoll minn għajnuna soċjali mogħtija fuq il-kriterju tad-dħul minimu garantit.

2.2.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-persuni żvantaġġati, b'mod partikolari dawk mingħajr dar, dawk li jitolbu ażil u l-ħaddiema jew l-immigranti illegali, ma jibbenefikaw minn ebda forma ta' protezzjoni soċjali u mhumiex inklużi fl-istatistika nazzjonali. Fost dawn il-persuni, uħud m'għandhomx karti tal-identità, tant li huwa diffiċli li ssir stima tal-ħtiġijiet soċjali u alimentari tagħhom. Tista' ssir stima xierqa b'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew tal-karità.

2.2.2   Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal minn familji fqar, minħabba li l-vizzji alimentari tagħhom fil-futur jistgħu jiġġeneraw ċerti problemi tas-saħħa, bħal nuqqas ta' żvilupp tal-abbiltajiet konoxxittivi tagħhom u defiċjenza fil-ħila li jitgħallmu. Għalhekk il-KESE jaqbel li jkun hemm varjetà fil-prodotti tal-ikel li jingħata bħala għajnuna alimentari u li jiġu inklużi l-frott u l-ħaxix.

2.3   Fil-qafas tas-Sena Ewropea 2010 kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar taqa' taħt ir-responsabbiltà kollettiva. L-istrateġija ta' promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali u tal-ġlieda kontra l-faqar tinkludi diversi prijoritajiet:

integrazzjoni attiva, ibbażata fuq il-garanzija ta' dħul minimu, ir-ritorn fis-suq tax-xogħol u l-għotja ta' servizzi soċjali li jinkoraġġixxu l-integrazzjoni mill-ġdid;

il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

il-prevenzjoni tal-esklużjoni mill-aċċess għall-akkomodazzjoni u tal-esklużjoni ta' dawk li m'għandhomx fejn joqogħdu (3).

F'din il-perspettiva, l-għajnuna alimentari għandha tingħata b'mod li tiġi assoċjata mas-servizzi ta' kura, edukazzjoni u assistenza soċjali, biex tikkonforma mal-proċess ta' integrazzjoni professjonali u soċjali tal-gruppi differenti ta' persuni żvantaġġati.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1   L-iskema attwali tad-distribuzzjoni tal-ikel hija bbażata fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti mill-ħażniet ta' intervent tal-Unjoni supplimentati, fuq bażi temporanja, bix-xiri mis-swieq. Madankollu r-riformi suċċessivi tal-PAK u l-iżviluppi favorevoli tal-prezzijiet irriżultaw fi tnaqqis progressiv tal-ħażniet ta' intervent u f'inqas varjetà ta' prodotti disponibbli. Għalhekk anki x-xiri mis-suq għandu jsir sors ta' provvista permanenti tal-iskema biex meta ma jkunx hemm biżżejjed ikel maħżun jintuża dan is-sors.

3.1.1   Il-proposta sabiex jiġi emendat ir-regolament bażiku tiġbor fiha dispożizzjonijet sabiex id-dokument jiġi allinjat mat-TFUE u jsiru bidliet sostanzjali fil-miżuri agrikoli li ġew proposti sabiex tiġi standardizzata l-implimentazzjoni tal-iskema tad-distribuzzjoni tal-ikel fl-Istati Membri kollha.

3.1.2   Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat il-qafas leġislattiv abbażi ta' dawn il-prinċipji: żewġ sorsi ta' forniment (l-ikel mill-ħażniet tal-intervent jew mis-suq), varjetà aktar wiesgħa ta' ikel għat-tqassim u prijoritajiet iżjed ċari, perspettiva għall-perjodu fit-tul (tliet snin), it-tisħiħ tal-monitoraġġ u r-rappurtaġġ, l-introduzzjoni tal-kofinanzjament (ir-rati ta' kofinanzjament tal-Unjoni għandhom ikunu 75 % u 85 % fl-Istati Membri ta' Koeżjoni għall-pjan tal-2010/12. Sussegwentement, mill-pjan tal-2013/15, ir-rati ta' kofinanzjament tal-Unjoni għandhom ikunu 50 % u 75 % rispettivament).

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1   L-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni hija implimentata f'20 Stat Membru. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, id-distribuzzjoni tal-ikel issir fi sħubija mal-NGOs u bl-għajnuna tagħhom.

4.2   Fl-2006, aktar minn 13-il miljun persuna bbenefikaw mill-iskema Ewropea tad-distribuzzjoni tal-ikel fi 15-il Stat Membru. Fl-2008, 19-il Stat Membru ħadu sehem fi proġett ta' volontarjat b'baġit ta' EUR 305 miljun. Fl-2009, il-baġit allokat għall-iskema Ewropea tad-distribuzzjoni tal-ikel żdied għal EUR 500 miljun għall-20 Stati Membru li jipparteċipaw fil-programm.

4.3   Il-kriżi ekonomika, inqas impjiegi u ż-żieda fil-prezzijiet ta' ċerti prodotti bażiċi tal-ikel wasslu għal żieda fil-gruppi ta' nies vulnerabbli. Huwa meqjus li n-numru ta' persuni żvantaġġati qiegħed dejjem jiżdied.

4.4   Finanzjament sħiħ jew kofinanzjament?

4.4.1   Skont il-Kummissjoni, l-introduzzjoni tal-kofinanzjament issaħħaħ il-koeżjoni tal-iskema, tiżgura pjanar xieraq u ssaħħaħ is-sinerġiji. Il-Kummissjoni tixtieq bilanċ baġitarju u żieda fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Hija kuntenta bil-fatt li l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-kofinanzjament ser tiżgura baġit ikbar għall-iskema.

4.4.2   Il-Kummissjoni Ewropea, fil-kalkoli tagħha tqis il-varjabbli li ġejjin mid-donazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet privati tal-karità li jistgħu jitqiesu parti mill-kofinanzjament tal-Istati Membri. Il-KESE jqis fl-istess ħin li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tal-karità hija kwantifikabbli u għalhekk eliġibbli għall-prinċipju tal-kofinanzjament.

4.4.3   Il-Parlament Ewropew jipproponi li l-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel tkun iffinanzjata kollha kemm hi mill-baġit tal-UE, għax ċerti Stati Membri ma jkunux jistgħux jieħdu sehem fiha jekk dan ikun jirrikjedi li jiġu applikati limiti minimi ta' kofinanzjament. Il-KESE jqis li l-Istati Membri li ma jistgħux jiggarantixxu l-livell mitlub ta' kofinanzjament għax m'għandhomx ir-riżorsi neċessarji ma jistgħux jilħqu l-għanijiet tal-programm, jiġifieri l-istabbiltà tas-suq u dik soċjali.

4.4.4   Il-KESE jikkunsidra li b'sistema ta' kofinanzjament, il-benefiċjarji l-aktar fqar li jkunu ġejjin minn Stati Membri fejn id-dħul għal kull abitant huwa baxx jistgħu jiġu esklużi minn din l-iskema ta' għajnuna alimentari.

4.4.5   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-għanijiet tas-Sena Ewropea 2010 huwa preċiżament il-“ġlieda kontra l-esklużjoni”. Madankollu l-kofinanzjament jista' jwassal għall-esklużjoni soċjali ta' ċerti gruppi żvantaġġati, preċiżament matul is-sena Ewropea li fiha wieħed mill-għanijiet huwa l-integrazzjoni soċjali.

4.4.6   Il-KESE jenfasizza li, jekk tinżamm is-soluzzjoni tal-kofinanzjament, il-problemi soċjali u l-fenomenu tal-faqar alimentari jiżdiedu aktar. B'riżultat ta' dan u minħabba l-moviment ħieles fl-Unjoni, uħud mill-persuni l-aktar fil-bżonn ser jemigraw fl-Istati l-aktar sinjuri tal-UE. Fil-prattika, il-problemi tal-faqar alimentari ta' ċerti ċittadini Ewropej jiġu trasferiti mir-reġjuni l-aktar foqra għal reġjuni fejn id-dħul għal kull abitant huwa ogħla.

4.4.7   Fis-sitwazzjoni attwali tal-kriżi ekonomika, il-KESE jikkonsidra li l-iskema tal-għajnuna alimentari għall-persuni żvantaġġati għandha ssir programm tal-Unjoni, iffinanzjat kollu kemm hu mill-baġit tal-PAK.

4.5   Il-KESE huwa favur il-proposta tal-Kummissjoni li l-prodotti tal-ikel jinkisbu biss mis-suq Ewropew sabiex fl-istess ħin, b'mod indirett, jiġu appoġġjati l-bdiewa Ewropej.

4.6   Id-diversifikazzjoni tal-prodotti offruti fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna alimentari

4.6.1   Għalkemm huwa diffiċli li jinkiseb bilanċ nutrizzjonali minħabba li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna alimentari ġejja mill-ħażniet ta' intervent, il-KESE jaqbel li jiġu pprovduti l-aktar prodotti varji u tajbin possibbli, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet nutrizzjonali u l-linji gwida relatati mad-dieta tal-popolazzjoni tal-UE.

4.6.2   Il-KESE huwa favur li dawn il-miżuri ta' għajnuna alimentari jiġu assoċjati ma' miżuri ta' assistenza soċjali u jirrakkomanda li l-għajnuna alimentari titqassam sikwit (u mhux b'mod eċċezzjonali) l-aktar f'postijiet fejn l-NGOs u l-awtoritajiet pubbliċi joffru servizzi oħra (akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, edukazzjoni, taħriġ professjonali, integrazzjoni soċjali, eċċ.).

5.   Il-parteċipazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet tal-karità u tal-voluntiera

5.1   Nhar it-30 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea organizzat laqgħa tal-atturi involuti fl-implimentazzjoni tal-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel. F'din il-laqgħa ħadu sehem ir-rappreżentanti ta' 18-il NGO attivi fi 15-il Stat Membru, ir-rappreżentanti ta' korp Ewropew (l-Alleanza Ewropea dwar is-Saħħa Pubblika), kif ukoll ir-rappreżentanti ta' aġenziji ta' servizzi u ta' ħlas.

5.2   Fl-Ewropa jeżistu NGOs (4) li joffru l-għajnuna alimentari tagħhom b'mod integrat u li b'hekk jikkostitwixxu komponent wieħed minn fost ġabra ta' servizzi soċjali ġenerali offruti lill-persuni żvantaġġati sabiex jinkiseb livell ta' integrazzjoni soċjali dejjem iktar għoli.

5.3   L-organizzazzjonijiet tal-karità huma fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw l-impatt tal-programm, billi għandhom relazzjoni diretta mal-gruppi ta' persuni żvantaġġati. Skonthom hemm benefiċjarji tal-programm li jissuġġerixxu li tiżdied il-varjetà tal-prodotti tal-ikel sabiex tinkiseb dieta nutrizzjonali bbilanċjata; li jinħolqu bażijiet leġislattivi sabiex jitqassmu prodotti lokali tradizzjonali u fl-aħħar nett, li jittawwal il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programm.

5.4   Il-parteċipazzjoni tal-NGOs u ta' għadd kbir ta' voluntiera turi li s-soċjetà ċivili Ewropea hija sensittiva fir-rigward tal-persuni l-aktar fil-bżonn u tappoġġjahom. Il-KESE jqis li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun qed jiġi rispettat jekk l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jiddefinixxu l-proċeduri u l-kriterji neċessarji biex jagħżlu l-organizzazzjonijiet li ser jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-programm. L-għażla ta' min ser jibbenefika mill-għajnuna hija r-responabbiltà tal-Istati Membri wkoll. Dan il-programm jippromovi l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonjiet tal-karità u l-gvern.

5.5   F'ċerti pajjiżi tal-UE, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-karità jistgħu jinvolvu ruħhom aktar kieku jkollhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi. Il-KESE japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li mal-proposta emendata tagħha tiġi inkorporata l-emenda tal-Parlament Ewropew, li titlob li n-nefqa amministrattiva u l-ispejjeż tal-ħażna u tat-trasport (bejn il-punti ta' depożitu u l-punti ta' distribuzzjoni) tal-assoċjazzjonijiet tal-karità jkunu jistgħu jiġu rimborżati (ara l-Artikolu 27(7) tar-Regolament emendat).

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://www.2010againstpoverty.eu/about/?langid=mt

(2)  Ibidem.

(3)  Ibidem.

(4)  Pereżempju, fil-Polonja hemm 44 rappreżentazzjoni reġjonali, 100 ċentru tal-Caritas, 4 500 impjegat u 70 000 voluntier li jieħdu ħsieb l-implimentazzjoni tal-iskema. L-organizzazzjoni tal-karità Caritas Polonja bdiet tagħti sehemha fl-iskema fl-2004. Għandha 44 maħżen u 20 maħżen għall-prodotti kesħin. Caritas Polonja tispjega li l-isfidi li hija ser taffaċċja fil-ġejjieni huma dawk tal-ġestjoni tal-programm, tat-trasport tal-prodotti u tal-akkwist ta' beni kapitali.


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat

COM(2010) 641 finali – 2007/0206 (CNS)

2011/C 84/12

Nhar it-23 ta’ Novembru 2010 il-Parlament Ewropew u fit-8 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill, iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 113 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat

COM(2010) 641 finali - 2007/0206 (CNS).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu tad-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tad-19 ta’ Jannar), b’90 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istrutturi ta’ protezzjoni fil-każ ta’ qlib immuntati fuq in-naħa ta’ quddiem tas-sedil tas-sewwieq fuq tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija ta’ karreġġata dejqa

(Kodifikazzjoni)

COM(2010) 610 finali – 2010/0302 (COD)

2011/C 84/13

Il-Parlament Ewropew, nhar l-10 ta' Novembru 2010, u l-Kunsill nhar it-8 ta' Diċembru 2010, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istrutturi ta' protezzjoni fil-każ ta' qlib immuntati fuq in-naħa ta' quddiem tas-sedil tas-sewwieq fuq tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija ta' karreġġata dejqa

COM(2010) 610 finali – 2010/0302 (COD).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu tad-19 u l-20 ta' Jannar 2011 (seduta tad-19 ta' Jannar), b’96 voti favur u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini

(Kodifikazzjoni)

COM(2010) 635 finali – 2010/0309 (COD)

2011/C 84/14

Nhar it-23 ta’ Novembru 2010, il-Parlament Ewropew, u nhar it-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill, b’konformità mal-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini (Kodifikazzjoni)

COM(2010) 635 finali – 2010/0309 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-opinjoni tiegħu CESE 582/2003, adottata fl-14 ta’ Mejju 2003 (1), iddeċieda, matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu tad-19 u tal-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tad-19 ta’ Jannar 2011), b’104 voti favur u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3508/92”, ĠU C 208, p. 32, 3.9.2003.