EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0063

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni “Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġusta sal-2020” COM(2010) 355 finali

OJ C 84, 17.3.2011, p. 19–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni “Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġusta sal-2020”

COM(2010) 355 finali

2011/C 84/04

Relatur: is-Sur ALMEIDA FREIRE

Nhar il-5 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni “Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust sal-2020”

COM(2010) 355 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2011.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'192 vot favur, 4 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jagħraf l-importanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fis-Suq Intern u l-kontribuzzjoni tiegħu għall-ekonomija Ewropea inġenerali. Minħabba n-natura speċifika ta’ dan is-settur, il-KESE jilqa' l-approċċ olisitiku li żviluppat il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport dwar is-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni u jaqbel li għandha tiġi evitata l-enfasi fuq is-setturi sekondarji individwali.

1.2   Il-KESE jiddispjaċih li tingħata ftit wisq attenzjoni lill-SMEs li jaqdu rwol fundamentali f'termini ta’ impjiegi, ħolqien ta’ valur u fil-ħajja taż-żoni rurali u ċ-ċentri tal-bliet. B'konformità mas-Small Business Act, għandha tingħata iktar prijorità lill-SMEs u lill-miżuri li jħeġġuhom jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi.

1.3   Madwar l-Ewropa hemm konċentrazzjoni ta’ bejjiegħa kbar bl-imnut li qed jiġbdu aktar klijenti permezz tas-saħħa tal-offerta tagħhom (il-ħames l-akbar bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel irrappreżentaw iktar minn 70 % tas-suq fl-2005). Bl-istess mod, hemm konċentrazzjoni għolja f'għadd ta’ swieq tal-prodotti, b'mod speċjali għall-prodotti essenzjali li l-bejjiegħa ma jistgħux ma joffrux fil-ħwienet tagħhom.

1.4   Is-saħħa tan-negozjar hija prattika ġenerali f'ekonomija tas-suq li hija infurzata minn kwalunkwe kumpanija, inklużi l-bdiewa, il-kolletturi u l-proċessuri tal-prodotti tagħhom, il-fornituri u n-negozjanti. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-miżuri f'ċerti pajjiżi mmirati biex jikkontrollaw il-livelli tal-prezzijiet jew tal-marġnijiet, li jmorru kontra l-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa u t-tħaddim sew tas-suq uniku.

1.4.1   Minħabba raġunijiet soċjopolitiċi importanti, pereżempju fil-qasam soċjali jew dak ambjentali, regolamenti ta’ dan it-tip jistgħu jkunu neċessarji biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali jew il-protezzjoni ambjentali.

1.5   Fi ħdan is-suq intern ġew rappurtati differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet fost l-Istati Membri għal prodotti simili. Il-KESE jirrakkomanda li kull studju li jsir dwar il-prezzijiet jiffoka fuq it-trasmissjoni tal-prezzijiet u l-marġni fil-katina tal-provvista kollha kemm hi.

1.6   Il-KESE jfakkar li s-swieq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – u r-relazzjonijiet kuntrattwali tan-negozju – fihom infushom huma nazzjonali – b'karatteristiċi legali, ekonomiċi, politiċi u kulturali differenti. Huwa u jirrikonoxxi l-importanza tal-katina tal-provvista tal-ikel, il-KESE jappella sabiex prattiki inġusti b'mod evidenti li jinstabu tul il-katina tal-provvista kollha jiġu analizzati u indirizzati b'mod adatt.

1.7   B'mod iktar speċifiku, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja kif “relazzjonijiet kuntrattwali mhux ġusti” jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali, inkluż l-infurzar. Barra dan, il-KESE jfakkar l-importanza, fi żminijiet ta’ kriżi, li jiġi żgurat infurzar adatt tal-leġislazzjoni eżistenti u li din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u jenfasizza fejn hi meħtieġa l-azzjoni u xi jkun l-iktar livell adatt, b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

1.8   L-impjieg fin-negozju huwa importanti u ta’ sikwit huwa l-punt ta’ dħul fis-suq tax-xogħol għal bosta ħaddiema żgħażagħ, bi ftit ħiliet baxxi jew mingħajr ħiliet. In-negozju joffri wkoll opportunitajiet konsiderevoli għall-intraprendituri.

1.9   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-promozzjoni tal-impjieg indipendenti, l-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-ħiliet bħala mezz biex tiġi indirizzata l-kriżi u biex jiffaċilitaw id-dħul jew id-dħul mill-ġdid ta’ persuni fis-suq tax-xogħol.

1.10   Il-Kummissjoni tidentifika b'mod tajjeb l-oqsma fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni ta’ prijorità. Barra minn hekk, il-KESE jappella biex il-proposti jiġu adottati f'waqthom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tħaffef il-proċess tagħha ta’ teħid tad-deċiżjonijiet f'qasam li jirrikjedi azzjoni urġenti, prattika u konkreta. B'mod partikolari, il-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari Mħaddma Aħjar li reġa' ġġedded għandu jsir il-punt ta’ riferiment għal politiki ġodda u emerġenti dwar il-qasam agrialimentari, inklużi relazzjonijiet iktar ibbilanċjati bejn l-industrija u l-bejjiegħa.

1.11   Barra minn hekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi u tieħu miżuri adatti mal-Istati Membri kkonċernati. Il-KESE jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar il-ħlasijiet tal-iskambju li jaġixxu bħala taxxa moħbija fuq il-konsumaturi.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Kummissjoni Ewropea tagħraf ir-rwol importanti li għandu s-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fis-Suq Uniku. Fil-fatt, is-suq tal-konsumaturi kien magħżul għal eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq minħabba l-importanza ekonomika tiegħu għall-Unjoni Ewropea (4,2 % tal-PDG tal-UE, 17,4 miljun impjegat u 20 % tal-SMEs Ewropej kif ukoll ir-rabtiet mill-qrib ma’ għadd ta’ swieq).

2.2   Ir-rapport dwar l-eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah jipprovdu analiżi tal-kwistjonijiet li jolqtu l-prestazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – mill-aspett tas-Suq Uniku. Permezz ta’ dan, ir-rapport u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal jagħtu ħarsa lejn il-prestazzjoni tas-settur, ix-xejriet reċenti u l-impatt tal-modernizzazzjoni fuq kompetituri oħrajn. Dawn jidentifikaw problemi li jaffettwaw il-prestazzjoni tan-negozjanti wkoll mill-aspett tal-interlokuturi tagħhom fis-swieq upstream u downstream.

2.3   L-analiżi tas-settur magħmula fir-rapport hija bbażata fuq analiżi tal-interazzjonijiet ta’ negozjanti mal-fornituri tagħhom (is-swieq upstream) u l-konsumaturi tagħhom (is-swieq downstream). Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni tagħraf il-kumplessità tal-interazzjonijiet li n-negozjanti jiżviluppaw sabiex jiżguraw li l-konsumaturi jsibu l-prodott it-tajjeb fil-post it-tajjeb, fil-ħin opportun u bl-aħjar prezz.

2.4   Ir-rapport iħabbar li l-Kummissjoni se tiddefinixxi miżuri sabiex ittejjeb il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern għas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fuq il-bażi tal-konsultazzjoni, bil-għan li tgħin lin-negozjanti jagħmlu l-aħjar użu tas-Suq Uniku u biex itejbu l-prestazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   B'dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea tagħraf l-importanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni fis-Suq Intern u l-kontribuzzjoni tiegħu għat-tkabbir, l-impjiegi u kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà. Billi l-perċezzjoni tas-settur ta’ sikwit hija bbażata fuq perspettiva simplistika tan-negozjanti li jixtru mingħand bdiewa u li jbiegħu lill-konsumaturi, l-approċċ meħud f'dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali dwar il-kumplessità tal-katina tal-provvista u tal-interazzjonijiet tan-negozjanti mal-interlokuturi tagħhom. Dan jgħin ukoll biex jispjega kif in-negozjanti jaqdu l-missjoni tagħhom biex jipprovdu lill-konsumaturi bil-prodott it-tajjeb fil-post it-tajjeb fil-ħin it-tajjeb u bl-aħjar prezz u l-isfidi tagħhom.

3.2   Ir-rapport jagħraf ir-rwol li kellha l-modernizzazzjoni fis-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni biex tgħin fil-ġlieda kontra l-inflazzjoni matul dawn l-aħħar 50 sena u biex iżżid l-għażla għall-konsumaturi. Kompetizzjoni akbar u l-konsolidazzjoni fis-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni wasslu għal prezzijiet aktar baxxi, aktar għażla għall-konsumaturi u marġnijiet aktar baxxi (għall-kuntrarju ta’ setturi oħrajn, inkluż il-manifattura) b'impatt fuq il-kompetituri, l-awtoritajiet lokali, il-bdiewa, il-fornituri, l-impjegati, eċċ.

3.3   Il-KESE jiddispjaċih li r-rapport jista' jkun wisq iffokat fuq il-bejgħ bl-imnut tal-ikel u minħabba f'hekk, huwa jonqos milli jiġbor fih l-importanza tal-SMEs (aktar minn 95 % ta’ kumpaniji fis-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni u 11-il miljun ħaddiem), il-bżonnijiet u d-diffikultajiet speċifiċi tagħhom, inkluż is-servizzi ta’ wara l-bejgħ, ir-rwol tagħhom fil-ħajja taċ-ċentri tal-bliet, iż-żoni rurali jew iż-żoni suburbani, id-dipendenza tagħhom fuq manifatturi kbar u l-kompetizzjoni ma’ fornituri li jistabbilixxu netwerks proprji għad-distribuzzjoni.

3.4   Ir-rapport jonqos ukoll milli jagħraf l-importanza tal-mudell tal-intrapriżi kooperattivi, b'mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel permezz tal-kooperattivi tal-konsumaturi.

3.5   Ir-rapport janalizza l-prestazzjoni tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni kontra l-għanijiet tal-politika pubblika – aċċessibbiltà u affordabbiltà. Madankollu, fil-prattika, in-negozjanti joperaw f'ambjent kompetittiv ħafna fejn il-kumpaniji jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti u joffrulhom valur tajjeb għall-flus. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu min-negozjanti dwar l-istabbiliment u s-servizzi tagħhom għaldaqstant jirrispondu aktar għad-dinamika tas-suq milli l-għanijiet tal-ordni pubbliku. Meta l-prestazzjoni tan-negozjanti titqabbel mal-għanijiet tal-ordni pubbliku, din ma tagħtix każ l-aspett li n-negozju huwa attività kummerċjali li, biex tibqa' teżisti f'ekonomija tas-suq, teħtieġ li tibqa' tagħmel il-qligħ. Jistgħu jitfasslu konklużjonijiet simili għal kwalunkwe attività oħra tas-suq.

3.6   Id-domanda tal-konsumaturi maż-żmien saret aktar sofistikata u ma tistax titqies bħala omoġenja. Dan, flimkien mal-importanza tal-kompetizzjoni fil-kummerċ, jispjega l-kumplessità tal-forzi tas-suq u għaliex forom differenti ta’ negozju, b'servizzi differenti għal wara l-bejgħ, jeżistu flimkien fir-realtà. Dan ifisser li forom iżgħar jistgħu jirnexxu jekk jipprovdu servizz speċifiku lil konsumaturi speċifiċi. Aktar minn 11-il miljun Ewropew jaħdmu f'SME fis-suq tal-konsumaturi. Għalhekk huwa kruċjali li l-iżvilupp tal-SMEs ikun imħeġġeġ aktar, b'mod partikolari permezz ta’ ambjent regolatorju aħjar u piż amministrattiv imnaqqas.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-konsumaturi

4.1.1   L-attività ewlenija tan-negozjanti hija li jipprovdu lill-konsumaturi b'firxa wiesgħa ta’ prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità u s-sigurtà bl-aħjar prezz. Il-modernizzazzjoni fis-suq tal-konsumaturi tul dawn l-aħħar 20 sena hija kkaratterizzata mill-konċentrazzjoni li ġrat malajr ta’ katini ta’ ħwienet kbar u multinazzjonali li joperaw f'pajjiżi differenti tal-UE u barra mill-UE, u li jwasslu għas-saturazzjoni tas-swieq fl-UE15, l-integrazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-globalizzazzjoni, inkluż l-espansjoni fi swieq oħrajn u aċċess għal għażla usa' ta’ prodotti bi prezz aktar baxx għall-konsumaturi (affordabbiltà).

4.1.2   Il-KESE u l-Kummissjoni jaqblu li l-iżbilanċi fir-rigward tal-aċċessibbiltà għall-ħwienet u l-ħtieġa li ż-żoni rurali jinżammu mimlija ħajja huma kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati. In-negozjanti għandhom tendenza jistabbilixxu ruħhom fiċ-ċentri tal-bliet jew fiċ-ċentri kummerċjali suburbani, għalhekk hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li ċ-ċentri tal-bliet jibqgħu aċċessibbli għall-provvista. In-nies li joqogħdu fiż-żoni rurali qed jiddependu dejjem aktar fuq l-użu ta’ karozza, b'impatt ambjentali biex jagħmlu x-xiri tagħhom ta’ kuljum li jfisser li dawk li ma jistgħux jaffordjaw karozza jew li ma jistgħux isuqu għandhom aċċess limitat għas-servizzi tan-negozji.

4.1.3   Id-deċiżjonijiet tan-negozjant dwar l-istabbiliment huma bbażati fuq għadd ta’ fatturi, u wieħed mill-aktar importanti huwa l-ħtieġa li jiżdied kemm jista' jkun il-fluss tan-nies għaddejjin bil-mixi. Dan il-fattur biss jispjega li żoni b'popolazzjoni żgħira ħafna jkollhom inqas possibbiltajiet għall-istabbiliment ta’ negozji meta mqabbla maċ-ċentri tal-bliet jew iċ-ċentri tax-xiri mibnija apposta barra mill-bliet. Għaldaqstant, il-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà għandhom jiġu indirizzati fuq il-bażi ta’ fehim komprensiv tal-ambjent li joperaw fih in-negozjanti.

4.1.4   Id-diffikultà għall-konsumaturi biex ikollhom aċċess għal għażla usa' ta’ ħwienet tan-negozju tiddependi fuq fatturi ekonomiċi u mhux ekonomiċi, bħall-ambjent regolatorju, inkluż l-ippjanar urban u l-aċċess tan-negozjanti għas-swieq tal-proprjetà. Huma jistgħu jkunu relatati ma’ regolamenti lokali li jimponu ostakli ta’ dħul għal ċerti tipi ta’ attività jew ċerti tipi ta’ ħwienet, proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jistgħu jibqgħu kumplessi żżejjed u diskrezzjonali minkejja d-direttiva tas-servizzi. Barra minn hekk, ir-regolamenti li jirriżervaw il-bejgħ ta’ prodotti tas-saħħa mingħajr riċetta għal ċerti monopolji jillimitaw il-kompetizzjoni, u għaldaqstant l-aċċess tal-konsumaturi għal prodotti farmaċewtiċi bi prezz raġonevoli.

4.1.5   Matul dawn l-aħħar 20 sena, il-persuni bi dħul aktar baxx ibbenefikaw sew minn aċċess għal għażla ikbar ta’ prodotti u prezzijiet aħjar b'riżultat tal-modernizzazzjoni, aktar kompetizzjoni u l-globalizzazzjoni. L-iżvilupp ta’ tikketti privati, li bħala medja huma 30 % orħos minn prodotti tal-marka, kellu rwol strumentali f'dan il-proċess.

4.1.6   Minħabba l-mudell tal-intrapriżi tal-bejgħ bl-imnut, il-prezzijiet tan-negozju jirriflettu l-ispejjeż operattivi b'marġni relattivament żgħira meta mqabbla ma’ setturi oħrajn, li jaħdmu b'marġnijiet ogħla. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-miżuri f'ċerti pajjiżi mmirati biex jikkontrollaw il-livelli tal-prezzijiet jew tal-marġnijiet. Minħabba l-qasam importanti soċjopolitiku, regolamenti ta’ dan it-tip jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali u jevitaw il-faqar.

4.1.7   Fi ħdan is-suq intern ġew rappurtati differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet fost l-Istati Membri għal prodotti simili. Il-KESE jirrakkomanda li kull studju li jsir dwar il-prezzijiet jiffoka fuq it-trasmissjoni tal-prezzijiet u l-marġnijiet fil-katina tal-provvista kollha kemm hi. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li fatturi varji jinfluwenzaw kif jiġi stabbilit prezz. Minbarra l-ispejjeż operattivi, dawn jinkludu d-dħul disponibbli medju tal-familja, il-VAT, l-ispejjeż tat-trasport, l-ispejjeż tal-kiri, l-ispejjeż tas-salarji, il-qafas regolatorju, il-livell tal-kompetizzjoni jew tal-prattiki kummerċjali bħal restrizzjonijiet territorjali għall-provvista u prattiki abbużivi fil-katina tal-provvista kollha kemm hi. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-impatt ta’ dawn il-prattiki u biex tieħu azzjoni biex tiżgura li l-akkwist ikun possibbli fi Stati Membri oħrajn sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet aktar baxxi, għażla aħjar, kwalità ogħla, prodotti alternattivi, eċċ.

4.1.8   Il-KESE jinnota li stħarriġ li sar fost il-konsumaturi identifika l-ħtieġa li jiġu żviluppati sorsi ta’ informazzjoni komparattiva indipendenti dwar l-offerti kummerċjali.

4.1.9   Il-KESE jaqbel li l-kummerċ elettroniku jista' jkollu rwol biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni f'xi żoni, li jista' jgħin biex jitbaxxew il-prezzijiet u huwa mħasseb dwar il-progress bil-mod ta’ dan it-tip ta’ kummerċ, speċjalment għat-transazzjonijiet transkonfinali. Il-KESE jinnota li wieħed mill-ostakli għall-iżvilupp tat-transazzjonijiet transkonfinali tal-kummerċ elettroniku, speċjalment għall-SMEs, huwa n-nuqqas ta’ regoli komuni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u jħeġġeġ lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jadottaw malajr direttiva dwar id-drittijiet diġitali tal-konsumatur ibbażata fuq “armonizzazzjoni sħiħa mmirata” fl-iktar forma avvanzata. It-tali direttiva m'għandha żżomm lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi iktar stretti għall-konsumaturi, b'konformità mal-Artikolu 169(4) tat-TFUE.

4.2   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-kummerċjanti

4.2.1   Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni li “suq intern għas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni (…) għandu jippermetti lil dawk li huma kompetittivi, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, biex jeżistu flimkien u jikbru fis-suq”.

4.2.2   Il-post huwa fattur determinanti ewlieni meta jkun se jinfetaħ ħanut ġdid u huwa l-każ li n-negozjanti jista' jkollhom jistennew bosta snin qabel ma jkunu jistgħu jiftħu ħanut ġdid f'żona partikolari u joħolqu l-impjiegi. Dħul diffiċli fis-suq u l-aċċess għas-suq tal-proprjetà huma identifikati bħala xkiel potenzjali għall-iżvilupp ta’ negozji żgħar u għandhom ikunu analizzati aktar. Din l-analiżi tista' titwettaq fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli diġà u li tqis il-perspettiva tal-konsumaturi (l-għażla tal-post tax-xiri), aspetti tal-politika tal-kompetizzjoni, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

4.2.3   Id-direttiva dwar is-servizzi, li kellha tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2009, hija mmirata biex tneħħi għadd ta’ prattiki diskriminatorji marbuta mal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-twaqqif tan-negozju. Madankollu, fil-prattika nħolqu għadd ta’ ostakli ġodda u hemm każijiet ta’ regolamenti tal-ippjanar urban li qed jintużaw ħażin biex jikkontrollaw il-kompetizzjoni u jagħtu preferenza għall-istabbiliment ta’ ċerti forom ta’ negozji jew intrapriżi. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi u tieħu miżuri adatti mal-Istati Membri kkonċernati.

4.2.4   Problema oħra li jiltaqgħu magħha n-negozjanti hija n-nuqqas ta’ suq intern trasparenti u kompetittiv għall-ħlasijiet. Il-prattiki attwali ta’ skemi ta’ karti jmorru kontra l-kompetizzjoni u jiksru prinċipju fundamentali tas-Suq Intern. Il-ħlasijiet tal-iskambju jaġixxu bħala taxxa moħbija fuq in-negozjanti, speċjalment l-iżgħar minnhom. Bil-ħlasijiet tal-iskambju (interchange fees) fil-qalba tas-sistema, is-SEPA se twassal għall-estinzjoni ta’ skemi nazzjonali ta’ karti tad-debitu rħas u effiċjenti. B'riżultat ta’ dan, is-suq tal-karti se jonqos għal duopolju li jwassal għal livelli ogħla ta’ ħlasijiet tal-iskambju għad-detriment tal-konsumaturi. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar il-ħlasijiet tal-iskambju li jaġixxu bħala taxxa moħbija fuq il-konsumaturi.

4.3   Suq intern tal-konsumaturi iktar effikaċi u ġust għall-fornituri fis-suq intern

4.3.1   Bħala fornituri ta’ servizz, in-negozjanti jipprovdu lill-fornituri tagħhom b'aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħhom sew jekk għall-ħanut wieħed kemm jekk mal-UE kollha. Is-servizzi jinkludu pereżempju t-tqegħid speċifiku fuq l-ixkafef, il-kummerċjalizzazzjoni u attivitajiet ta’ loġistika, eċċ. Kull wieħed minn dawn għandu prezz, li ta’ sikwit tkun tariffa.

4.3.2   In-negozju huwa wieħed minn bosta kanali oħra ta’ distribuzzjoni li huma disponibbli għall-fornituri. Mingħajr in-negozjanti, huma biss ftit il-fornituri li jkunu jistgħu jibnu netwerks kbar tad-distribuzzjoni u l-konsumaturi jispiċċaw b'inqas għażla u prezzijiet ogħla. Madankollu, kull ħolqa fil-katina tal-provvista hija importanti, billi mingħajr il-materja prima ma jistax ikun hemm ipproċessar u mingħajr l-ipproċessar ma jkunx hemm bejgħ fil-ħwienet. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-UE trid tistabbilixxi l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi żgurat bilanċ reali fil-bejgħ fil-ħwienet u fil-katina tad-distribuzzjoni tal-prodott.

4.3.3   Madwar l-Ewropa hemm konċentrazzjoni ta’ bejjiegħa kbar bl-imnut li qed jiġbdu aktar klijenti permezz tas-saħħa tal-offerta tagħhom (il-ħames l-akbar bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel irrappreżentaw iktar minn 70 % tas-suq fl-2005). Bl-istess mod, hemm konċentrazzjoni għolja f'għadd ta’ swieq tal-prodotti, b'mod speċjali għall-prodotti essenzjali li l-bejjiegħa ma jistgħux ma joffrux fil-ħwienet tagħhom. Il-kompetizzjoni qawwija bejn in-negozjanti tirriżulta f'tensjonijiet fil-katina tal-provvista biex jitnaqqsu l-prezzijiet u l-marġnijiet. Is-saħħa tan-negozjar hija prattika ġenerali f'ekonomija tas-suq miftuħa li hija infurzata minn kwalunkwe kumpanija, inkluż in-negozjanti u l-fornituri tagħhom, iżda meta din il-prattika ssir abbużiva, għandha tinqered. In-negozjanti, inklużi dawk kbar, m'għandhom l-ebda saħħa ta’ negozjar mal-manifatturi ta’ prodotti “essenzjali”, kemm jekk huma fornituri kbar jew żgħar. Bl-istess mod, il-fornituri ż-żgħar u ta’ daqs medju m'għandhom l-ebda saħħa ta’ negozjar fir-rigward tal-bejjiegħa l-kbar bl-imnut għal ċerti kategoriji ta’ prodotti. Ġie rappurtat li l-operaturi fil-katina tal-provvista ma jistgħux jilmentaw minħabba l-biża tat-tpattija. Il-KESE jħeġġeġ lin-negozjanti ż-żgħar biex jingħaqdu flimkien f'alleanzi ta’ akkwist sabiex iżidu s-setgħa tan-negozjar tagħhom fir-rigward tal-fornituri tagħhom, biex jiksbu kondizzjonijiet aħjar u jaqdu aħjar lill-konsumaturi tagħhom. Il-każijiet ta’ abbuż tal-poter tal-akkwist għandhom ikunu kkundannati u l-KESE jappella għall-infurzar adatt tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-atturi kollha tal-katina tal-provvista.

4.3.4   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta żewġ opinjonijiet relatati mal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel (1) b'rakkomandazzjoni ta’ Kodiċi ta’ Prattika fil-livell tal-Istati Membri u l-ħatra ta’ medjatur biex jintervjeni jekk ikun hemm bżonn. Il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Spanjola tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea (2) wkoll adottaw sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-KESE jilqa' wkoll it-tnedija ta’ Forum ta’ Livell Għoli (3) għal katina tal-provvista alimentari mħaddma aħjar, li tistabbilixxi pjattaforma ta’ partijiet interessati dwar prattiki kuntrattwali minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista kollha kemm hi.

4.3.5   Il-KESE jfakkar li s-swieq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – u r-relazzjonijiet kuntrattwali tan-negozju – fihom infushom huma nazzjonali – b'karatteristiċi legali, ekonomiċi, politiċi u kulturali differenti. Ir-relazzjonijiet kummerċjali normalment jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali jew permezz tar-regolazzjoni, il-każistika u/jew il-kodiċi ta’ prattika tajba. Bosta Stati Membri ppruvaw jirregolaw għadd ta’ prattiki. Madankollu, f'bosta każijiet tali tentattivi wasslu biex jinħolqu ostakli ġodda billi llimitaw il-kapaċità ta’ negozji barranin biex jistabbilixxu ruħhom f'pajjiż speċifiku, bi ksur tal-prinċipji tas-suq intern. Il-KESE jappella biex il-prattiki li huma inġusti b'mod ċar li jiġru fil-katina tal-provvista kollha kemm hi jiġu analizzati u indirizzati b'mod adatt. B'mod iktar speċifiku, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja kif “relazzjonijiet kuntrattwali mhux ġusti” jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali, inkluż l-infurzar. Tali studju għandu jagħti ħarsa ġenerali lejn l-effikaċja tal-prattiki nazzjonali; jenfasizza jekk hijiex meħtieġa azzjoni u xi jkun il-livell l-aktar adatt, b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Barra dan, il-KESE jfakkar l-importanza, fi żminijiet ta’ kriżi, li jiġi żgurat infurzar adatt tal-leġislazzjoni eżistenti u li din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

4.3.6   Biex tiġi żgurata l-għażla tal-konsumatur, tinżamm l-individwalità tagħhom u tissaħħaħ ir-reputazzjoni lokali tagħhom, in-negozjanti żviluppaw prodotti b'tikketta privata, li għaliha jerfgħu r-responsabbiltà ta’ produttur. Is-suċċess ta’ dawn il-prodotti huwa bbażat fuq aċċettazzjoni wiesgħa mill-konsumaturi bi kważi 80 % tal-konsumaturi Ewropej (4) jikkunsidraw il-marki tas-supermarkets bħala alternattiva tajba għall-marki l-oħrajn.

4.3.7   Il-varjetà ta’ prodotti tat-tikketti privati jiġu żviluppati bi sħubija mal-fornituri tagħhom, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma SMEs. Il-Kummissjoni Ewropea tagħraf li dawk is-sħubijiet, ibbażati fuq relazzjoni ta’ sottokuntratti, ta’ sikwit urew li huma l-aktar relazzjonijiet stabbli u li jdumu. Il-fornituri jibbenefikaw mid-data dwar il-konsumaturi, inċentivi biex ikunu aktar innovattivi u minn aċċess għal suq usa'. Madankollu, tqajjem it-tħassib dwar l-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp tal-SMEs u l-għażla tal-konsumatur. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja l-impatt tal-prodotti tal-marki proprji fuq il-fornituri, il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-għażla tal-konsumaturi.

4.4   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-impjegati

4.4.1   L-impjieg fin-negozju huwa importanti u ta’ sikwit huwa l-punt ta’ dħul fis-suq tax-xogħol għal bosta ħaddiema żgħażagħ, bi ftit ħiliet jew mingħajr ħiliet. Is-settur tan-negozju jiddependi ħafna minn mudelli tax-xogħol flessibbli sabiex ikun jista' jadatta għad-domanda tal-konsumatur matul il-ġurnata, il-ġimgħa jew l-istaġuni. Kompetizzjoni qawwija fil-prezzijiet toħloq pressjoni għal sigħat ta’ xogħol flessibbli min-naħa tal-impjegati, u dan sar inkompatibbli mal-organizzazzjoni tal-ħajja privata tagħhom. Għaldaqstant, il-leġislazzjoni u n-negozjar kollettiv għandhom jidentifikaw tipi ta’ flessibbiltà li huma kompatibbli kemm mal-organizzazzjoni neċessarja tan-negozji kif ukoll mal-ħtieġa tal-impjegati li għandha twassal biex in-nies ikunu jistgħu jsibu bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u l-ħajja professjonali. F'dan ir-rigward, ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-bejgħ bl-imnut hija ogħla minn kwalunkwe settur ieħor u x-xogħol part-time huwa importanti wkoll. In-negozju joffri wkoll opportunitajiet konsiderevoli għall-intraprendituri.

4.4.2   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-promozzjoni tal-impjieg indipendenti, l-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-ħiliet bħala mezz biex tiġi indirizzata l-kriżi u biex jiffaċilitaw id-dħul jew id-dħul mill-ġdid ta’ persuni fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jħeġġeġ lin-negozji fis-settur biex japplikaw ir-regoli nazzjonali u Komunitarji fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jissaħħu kemm il-kwalità kif ukoll il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-impjieg tan-nisa fis-settur.

4.4.3   Il-kriżi finanzjarja attwali u t-tnaqqis fil-konsum kienu r-raġuni għall-għeluq, ir-ristrutturar, il-fużjonijiet u t-teħid ta’ kontroll ta’ attivitajiet kummerċjali madwar l-Ewropa. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ qgħad fit-tul għal individwi jibqa' wieħed għoli. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-promozzjoni tal-impjieg indipendenti u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema bħala mezz biex tiġi indirizzata l-kriżi u biex jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid ta’ persuni fis-suq tax-xogħol.

4.4.4   Hemm tradizzjoni twila ta’ negozjar kollettiv fil-kummerċ kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali. Id-differenzi bejn il-pajjiżi jirriżultaw minn kulturi u tradizzjonijiet differenti ta’ relazzjonijiet industrijali u kwalunkwe miżura proposta f'dan il-qasam għandha tibqa' soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KESE jappella lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati biex isaħħu d-djalogu soċjali bejn l-imsieħba u jibnu sistema ta’ relazzjonijiet industrijali fi ħdan is-settur.

4.4.5   Ix-xogħol mhux iddikjarat u l-ekonomija informali huma kwistjoni ewlenija u għandhom jiġu indirizzati b'urġenza billi joħolqu kemm kompetizzjoni mhux ġusta bejn in-negozji bħala riżultat tal-evażjoni tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet, kif ukoll effetti dannużi fuq il-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-impjegati, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa tal-ħaddiema u l-ħarsien tas-sikurezza tagħhom. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jissemplifikaw u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi u biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-benefiċċji ta’ xogħol regolari.

4.4.6   Il-KESE jappella għal dibattitu miftuħ mal-Imsieħba Soċjali dwar il-franchises u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-miżuri fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali billi din toħloq aktar diskriminazzjoni u kompetizzjoni inġusta għad-detriment tal-SMEs.

4.4.7   Il-modernizzazzjoni, l-iżvilupp teknoloġiku u l-użu dejjem jikber tal-ICT fin-negozju wasslu għal nuqqas ta’ qbil dejjem jikber bejn il-ħtiġiet ta’ ħiliet tal-kumpaniji u dawk tal-persunal fin-negozju. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu mgħammra aħjar b'ħiliet aħjar matul il-karriera/il-ħajja tax-xogħol tagħhom. F'dan ir-rigward, il-KESE jappella wkoll lill-imsieħba soċjali fil-kummerċ biex isaħħu l-kooperazzjoni għaddejja bħalissa biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ qbil bejn il-ħiliet li jeħtieġu l-kumpaniji u l-ħiliet li għandhom l-impjegati billi jiġu identifikati soluzzjonijiet settorjali u l-mezzi biex jiġi antiċipat u ġestit l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq il-ħiliet u l-impjieg.

4.4.8   Hemm tradizzjoni twila ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fin-negozju. Fil-fatt, għal bosta snin kumpaniji ilhom iniedu u jimplimentaw firxa wiesgħa ta’ prattiki responsabbli. Dawn il-prattiki ma jkoprux biss kwistjonijiet soċjali u ambjentali iżda wkoll oqsma oħra bħas-saħħa, is-sigurtà tal-prodotti, u kwistjonijiet relatati mal-katina tal-provvista jew l-impenn lokali.

4.4.9   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kompetizzjoni tal-prezzijiet, li toħloq pressjoni kbira fuq l-infiq fuq il-pagi u s-sigħat ta’ xogħol tal-impjegati. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni twettaq studju speċifiku dwar l-impatt tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, inklużi l-Ħdud, fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali lokali, il-livell ta’ servizz mogħti lill-konsumaturi u l-kwalità ta’ ħajja tal-impjegati.

4.4.10   Għad hemm għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta u dumping soċjali fost in-negozji fis-settur, ikun xi jkun id-daqs, billi d-differenzi fil-leġislazzjoni dwar l-impjieg u fl-arranġamenti dwar in-negozjar kollettiv bejn pajjiż u pajjiż joħolqu politiki ta’ investiment u mudelli ekonomiċi u soċjali differenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali biex jiftħu dibattitu fil-qasam tad-djalogu soċjali Ewropew, fejn jistgħu jiġu identifikati l-aħjar politiki li permezz tagħhom jiġu armonizzati l-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-ispejjeż tax-xogħol, sabiex isir kontribut għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jitneħħew dawk l-ostakli li qed ixekklu l-iżvilupp armonjuż u l-kompetizzjoni ġusta fis-settur madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja inizjattiva bħal din u tieħu l-miżuri adatti biex telimina kull imġiba li xxekkel il-ħolqien u t-tħaddim ta’ suq intern ġust u effiċjenti li jippromovi l-iżvilupp.

4.4.11   Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati qed taqdi rwol dejjem iktar importanti fis-settur tan-negozju, b'mod partikolari fi ħdan il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar, fejn l-impjegati jkunu jistgħu jagħtu sehem ikbar fil-kwalità tal-impjieg, fil-motivazzjoni tagħhom u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din l-għodda bħala parti mill-monitoraġġ tagħha ta’ dan is-settur.

4.5   Suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust għall-ġenerazzjonijiet futuri

4.5.1   Il-KESE jagħraf l-importanza tan-negozju billi jinkoraġġixxi l-konsum u l-mudelli ta’ produzzjoni aktar sostenibbli fl-UE. Huwa jfakkar li l-impatt dirett tal-operazzjonijiet tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni kif inhuma ġie vvalutat iżżejjed iżda li, b'mod indirett, bħala l-eqreb rabta bejn il-konsumaturi u l-manifatturi, in-negozju jista' jagħmel ħafna. Il-KESE jilqa' l-Forum tan-Negozju li għandu r-rwol li jaqsam prattiki tajbin bejn in-negozji u l-partijiet interessati dwar kwistjonijiet speċifiċi. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll il-ħidma tar-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli.

4.5.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza fit-tfassil ta’ politika bejn għanijiet ambjentali u dawk ta’ politika oħra bħas-suq intern. Matul dawn l-aħħar snin qamu kunflitti u issa sar aktar komuni li l-prinċipji bażiċi tas-Suq Intern jiġu mwarrba bl-iskuża tal-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, il-KESE jwissi kontra l-possibbiltà li r-responsabbiltà tiġi trasferita mill-produtturi għan-negozjanti.

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  NAT/460 “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” mis-Sinjuri Narro u Kapuvari; CCMI/050 “L-industrija tal-bejgħ bl-imnut: żviluppi u l-impatt” mis-Sinjura Sharma.

(2)  COM(2009) 591 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”.

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.7.2010 li tistabbilixxi l-Forum ta’ Livell Għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta’ provvista tal-ikel (2010/C 210/03).

(4)  Studju ta’ AC Nielsen “attitudnijiet tal-konsumaturi fir-rigward ta’ tikketti privati” 2005.


Top