|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/45 |
9.1.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/45
tat-8 ta’ Jannar 2025
li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Bidu
|
(1) |
Fit-13 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (“MAE”, mobile access equipment) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”). Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2023 mill-“Koalizzjoni biex jerġa’ jkun hemm Kundizzjonijiet Ekwi fis-Settur tat-Tagħmir għall-Aċċess Mobbli tal-UE” (“CMAE”, Coalition to Restore a Level Playing Field in the EU Mobile Access Equipment Sector) jew (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-MAE fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu li rriżulta li kien biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(3) |
Fis-27 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). |
1.2. Reġistrazzjoni
|
(4) |
Fil-15 ta’ Jannar 2024 u fit-12 ta’ Marzu 2024, l-ilmentatur issottometta talbiet għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ MAE li joriġinaw mir-RPĊ skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet ta’ MAE li joriġinaw mir-RPĊ soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1450 tat-23 ta’ Mejju 2024 (4) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”). |
1.3. Miżuri proviżorji
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fl-14 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni provdiet lill-partijiet sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien tliet ijiem tax-xogħol. Il-kummenti ġew indirizzati fejn xieraq. |
|
(7) |
Fit-12 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ MAE li joriġinaw mir-RPĊ permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1915 tal-11 ta’ Lulju 2024 (5) (“ir-Regolament proviżorju”). |
1.4. Proċedura sussegwenti
|
(8) |
Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“divulgazzjoni proviżorja”), il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GOC”, Government of the People’s Republic of China), l-ilmentatur, il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettriċi (“CCCME”, Chinese Chamber of Commerce for import and export of Machinery and Electrical products) (6), il-produtturi esportaturi Hunan Sinoboom Intelligent Equipment Co., Ltd. (“Sinoboom”), Oshkosh JLG (Tianjin) Equipment Technology Co., Ltd. (“JLG”), Terex (Changzhou) Machinery Co., Ltd. (“Terex”), u Zhejiang Dingli Machinery Co., Ltd. (“Dingli”), utent - Construct Machines S.R.L., u negozjant - Norbert Wienold GmbH ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju. |
|
(9) |
Minbarra l-kummenti dwar il-miżuri proviżorji, l-ilmentatur irrefera għall-premessa (343) tar-Regolament proviżorju fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod proviżorju li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) ma kinux preżenti. L-ilmentatur talab lill-Kummissjoni tipprovdi divulgazzjoni addizzjonali tas-sejbiet dwar l-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri qabel id-divulgazzjoni definittiva. Huwa argumenta li l-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri kienet element kruċjali li kellu impatt enormi fuq il-produtturi u l-esportaturi tal-Unjoni bl-istess mod u billi ma żvelatx sejbiet dettaljati, il-Kummissjoni għamlitha impossibbli għall-ilmentatur li jipprovdi evidenza addizzjonali u kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni sabet li divulgazzjoni bikrija tas-sejbiet tagħha lill-ilmentatur dwar l-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri ma kinitx iġġustifikata minħabba li tiddiskrimina bejn il-partijiet interessati. Divulgazzjoni bikrija lill-partijiet interessati kollha dwar l-istess kwistjoni twassal għal trattament diskriminatorju tat-tħassib espress minn partijiet differenti u tiftaħ it-triq għal talbiet oħra ta’ divulgazzjoni bikrija filwaqt li l-iskadenza ta’ 10 ijiem għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali hija ta’ natura statutorja (l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku) (7). Bl-għoti, fid-dokument ta’ divulgazzjoni definittiva, tar-raġunijiet li abbażi tagħhom ġie konkluż li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) ma ġewx issodisfati, u bl-istedina lill-ilmentatur u lill-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw dwar dawn is-sejbiet, id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet kollha ġew rispettati. |
|
(11) |
Ingħatat l-opportunità li jinstemgħu lill-partijiet li talbuha. Saru seduti ta’ smigħ mal-ilmentatur, mas-CCCME, u mal-kumpaniji Sinoboom, JLG, Terex u Dingli. Fl-10 ta’ Ġunju 2024, Sinoboom ippreżentat talba għal seduta ta’ smigħ lill-Uffiċjal tas-Smigħ. It-talba ġiet irtirata fit-18 ta’ Ġunju 2024 fid-dawl ta’ seduta ta’ smigħ simili organizzata mat-tim tal-każ. Sinoboom ġiet infurmata bid-dritt tagħha li terġa’ lura għand l-Uffiċjal tas-Smigħ f’każ li ma tkun instabet l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti fil-laqgħa mat-tim tal-każ. Saru seduti ta’ smigħ ma’ Dingli fid-29 ta’ Awwissu 2024, mas-CCCME u ma’ Terex, rispettivament, fil-5 ta’ Settembru 2024, ma’ JLG fis-6 ta’ Settembru 2024 u ma’ Sinoboom fid-9 ta’ Settembru 2024. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ MAE li joriġinaw mir-RPĊ (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. |
|
(14) |
Ingħatat opportunità li jinstemgħu lil partijiet li talbuha. Saru seduti ta’ smigħ rispettivament ma’ Dingli u mal-ilmentatur fil-15 ta’ Novembru 2024, u ma’ JLG u Terex fid-19 ta’ Novembru 2024. |
|
(15) |
Wara kummenti dwar id-divulgazzjoni definittiva, il-Kummissjoni rrevediet id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għal Dingli, għal kumpaniji oħra li kkooperaw fl-Anness u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha. Il-kalkoli tad-dumping sottostanti ġew żvelati mill-ġdid u Dingli ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Il-partijiet interessati l-oħra ngħataw ukoll l-opportunità li jikkummentaw dwar id-dazji anti-dumping definittivi kkalkulati reċentement. Ma wasal l-ebda kumment ieħor ta’ natura li jibdel is-sejbiet tal-Kummissjoni. |
1.5. Pretensjonijiet tal-inizjazzjoni
|
(16) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCME kkontestat is-sejbiet tal-Kummissjoni fil-premessa (14) tar-Regolament proviżorju li s-CCCME f’isimha stess ma kellha l-ebda dritt ta’ difiża. Is-CCCME tenniet il-kummenti tagħha diġà indirizzati fil-premessa (14) tar-Regolament proviżorju u żiedet li jekk il-Kummissjoni kellha tiċħad l-istatus ta’ parti interessata tas-CCCME, hija għandha tiċħad ukoll dak tas-CMAE. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (14) tar-Regolament proviżorju iżda ċċarat li s-CCCME tqieset bħala parti interessata sa fejn kienet tirrappreżenta lill-produtturi esportaturi li provdewlha prokura. F’dak is-sens, l-istatus tas-CCCME ma kienx differenti minn dak tas-CMAE. |
1.6. Kampjunar
|
(18) |
Fl-assenza ta’ kummenti rigward il-kampjunar tal-produtturi, tal-importaturi u tal-produtturi esportaturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (16) sa (23) tar-Regolament proviżorju. |
1.7. Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni
|
(19) |
Kif iddikjarat fit-Taqsima 1.6 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”). |
2. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
2.1. Prodott taħt investigazzjoni
|
(20) |
Kif stabbilit fil-premessi (33) sa (34) tar-Regolament proviżorju, il-prodott taħt investigazzjoni huwa tagħmir għall-aċċess mobbli (“MAE”) iddisinjat għall-irfigħ ta’ persuni, awtopropulsiv, b’għoli massimu ta’ operat ta’ 6 metri jew aktar, u l-biċċiet tiegħu assemblati minn qabel jew lesti għall-assemblaġġ, esklużi komponenti individwali meta jiġu preżentati separatament, u eskluż tagħmir għall-irfigħ tal-persuni mmuntat fuq vetturi tal-Kapitolu 86 u l-Kapitolu 87 tas-Sistema Armonizzata (“il-prodott taħt investigazzjoni”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 8427 10 10 , ex 8427 20 19 , ex 8428 90 90 , ex 8431 20 00 u ex 8431 39 00 (il-kodiċijiet TARIC: 8427 10 10 10, 8427 20 19 10, 8428 90 90 20, 8431 20 00 60 u 8431 39 00 10). |
|
(21) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott jinkludi makkinarju użat għall-irfigħ ta’ persuni f’firxa wiegħsa ta’ applikazzjonijiet differenti u jinkludu lifts bid-driegħ twil artikolat, lifts bid-driegħ twil teleskopiku, liftijiet imqass u arbli vertikali. |
|
(22) |
Il-biċċiet, assemblati minn qabel jew lesti għall-assemblaġġ, jikkonsistu f’erba’ kategoriji b’mod partikolari: 1) xażi, 2) turretta jew nagħla, 3) pjattaforma jew basktijiet, 4) mekkaniżmu ta’ rfigħ għall-MAE. Il-mekkaniżmu ta’ rfigħ jinkludi dirgħajn twal (teleskopiċi u jew artikolati, b’dirgħajn tal-krejn jew mingħajrhom) għal lift bid-driegħ twil teleskopiku, lift bid-driegħ twil artikolat jew arblu vertikali u dirgħajn ta’ mqass għal lift imqass. Dawn ma jinkludux komponenti individwali meta jiġu preżentati separatament. |
2.2. Prodott ikkonċernat
|
(23) |
Kif stabbilit fil-premessa (35) tar-Regolament proviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa tagħmir għall-aċċess mobbli, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). |
2.3. Prodott simili
|
(24) |
Fil-premessi (36) sa (37) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prodott ikkonċernat, il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ; u l-prodott taħt investigazzjoni manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni kienu għalhekk prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Ma wasal l-ebda kumment dwar din il-konklużjoni. |
2.4. Pretensjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott
|
(25) |
Is-CCCME, u l-produttur esportatur Sinoboom ippreżentaw kummenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Bħala tweġiba għall-kummenti tas-CCCME u ta’ Sinoboom, l-ilmentatur sostna li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott jenħtieġ li jibqa’ l-istess. |
2.4.1. Pretensjoni biex jiġu esklużi l-MAE elettriku
|
(26) |
Is-CCCME ma qablitx maċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-pretensjoni miġbura fil-qosor fil-premessi (45) sa (46) tar-Regolament proviżorju li teskludi l-MAE elettriku u ibridu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Hija tenniet li kien hemm differenza ċara u ovvja fil-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bejn l-MAE konvenzjonali, u dak elettriku jew ibridu. Is-CCCME tenniet ukoll li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ MAE kellhom differenzi bażiċi fil-komponenti mekkaniċi, użaw propulsjoni differenti u kellhom funzjonijiet u użu tekniċi differenti. Barra minn hekk, hija argumentat li dawn intużaw minn industriji differenti, bħal dik tal-kostruzzjoni, tal-manutenzjoni, tal-ħażna jew tal-manifattura. Is-CCCME tat eżempju ta’ liftijiet imqass tad-diżil li fil-fehma tagħha kellhom it-tendenza li jintużaw bħala tagħmir għal barra, minħabba l-fatt li tali makkinarju għandu magni, tajers u frejms akbar u għalhekk jista’ jiġi mċaqlaq faċilment minn terren imħarbat. Għall-kuntrarju, fil-fehma tagħha, il-liftijiet imqass elettriċi kellhom it-tendenza li jintużaw bħala tagħmir għal ġewwa minħabba li huma iżgħar, aktar aġli u għandhom inqas potenza, u għalhekk huma aħjar biex jintużaw fi spazji stretti u dojoq. Għal dawn ir-raġunijiet, is-CCCME qieset li dawn iż-żewġ kategoriji ma kellhomx l-istess karatteristiċi essenzjali u ma ffurmawx prodotti omoġenji. |
|
(27) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME tenniet il-pretensjoni dwar id-differenza bejn it-tipi konvenzjonali u elettriċi ta’ MAE. Hija ressqet l-argument li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-MAE elettrika “tista’” tintuża progressivament f’ambjenti jew f’industriji li qabel kienu jużaw l-MAE bi propulsjoni konvenzjonali kienet spekulattiva. Hija ddefendiet ukoll li l-industrija tal-Unjoni nnifisha rrikonoxxiet ukoll b’mod espliċitu li d-differenza essenzjali bejn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti kienet tinsab fil-magna tal-propulsjoni, li ddeterminat il-kundizzjonijiet tal-użu, li l-magni tal-kombustjoni kienu għal użi fuq barra ta’ art imħarbta u magni elettriċi għal applikazzjonijiet industrijali interni. Is-CCCME sostniet ukoll li peress li l-argument kien relatat mal-futur, kien irrilevanti għall-PI. Għalhekk argumentat li l-ambitu tal-prodott kien definit ħażin mill-bidu, u s-sejbiet tad-dannu fuq il-bażi ta’ definizzjoni żbaljata tal-prodott kienu għalhekk dubjużi. |
|
(28) |
Il-Kummissjoni osservat li s-CCCME ma ressqitx argumenti jew evidenza addizzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-MAE elettriku. Għalhekk, kif spjegat fil-premessi (45) sa (46) tar-Regolament proviżorju, hija sostniet li ż-żewġ kategoriji (MAE konvenzjonali u elettriku jew ibridu) għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali u li kien iġġustifikat li t-tnejn kienu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Il-Kummissjoni osservat ukoll li s-suq tal-MAE kien qed jevolvi b’mod kostanti u fid-dawl tat-tħassib ambjentali, fost l-oħrajn, l-MAE elettriku jista’ jintuża progressivament f’ambjenti jew f’industriji li qabel kienu jużaw l-MAE bi propulsjoni konvenzjonali. Għalhekk, ma jkunx hemm raġuni biex l-MAE elettriku jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, abbażi, fost l-oħrajn, tal-fatt li fl-IP kienu diġà użati l-aktar fuq ġewwa. Aktar importanti minn hekk, minkejja l-użu fuq ġewwa jew fuq barra tal-MAE, kemm il-MAE elettrika kif ukoll dik konvenzjonali kellhom l-istess karatteristiċi u użu prinċipali bażiċi, u t-tnejn li huma jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li l-ambitu tal-prodott kien ġie definit b’mod korrett. |
2.4.2. Pretensjoni biex jiġu eskluż l-MAE ta’ għoli ta’ operat ta’ 28 metru u aktar
|
(29) |
Bħala tweġiba għas-sejbiet provviżorji u ripetuti wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME ddefendiet ukoll li t-talba tagħha li teskludi l-MAE ibridu jew elettriku ta’ għoli ta’ operat ta’ 28 metru u aktar li ma kienx manifatturat mill-industrija tal-Unjoni kienet fondata sew, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni. Hija qieset ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni semmiet li dawn l-MAE setgħu jiġu prodotti fil-futur ma kienx rilevanti minħabba li jekk dawn l-MAE ma jiġux importati matul il-perjodu kkunsidrat, is-sejbiet tad-dannu kienu distorti peress li dawn it-tipi ma setgħux jagħmlu ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Is-CCCME argumentat li l-kumpaniji Dinolift u Manitou setgħu jipproduċu biss MAE ta’ għoli ta’ operat ta’ massimu ta’ 28 metru. |
|
(30) |
Il-Kummissjoni qieset li tabilħaqq l-informazzjoni fuq il-paġna web tal-kumpanija Dinolift u r-rapport annwali ta’ Manitou ddikjaraw li setgħu jipproduċu MAE ta’ għoli ta’ operat sa 28 metru. Madankollu, dan ma jixhedx li dawn il-produtturi jew produtturi oħra fis-suq ma setgħux jipproduċu MAE ta’ għoli ta’ operat ta’ aktar minn 28 metru, kieku kellu jkun hemm domanda, jew li ma kinux se jibdew jipproduċuha fil-futur qrib. Kif il-Kummissjoni diġà qieset fil-premessa (337) tar-Regolament proviżorju, il-fatt li ċerti tipi ta’ prodotti ġew manifatturati inqas ma setax iwassal għall-konklużjoni li dawn it-tipi ta’ prodotti ma kinux jikkompetu mal-importazzjonijiet miċ-Ċina iżda pjuttost kien l-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew tad-domanda baxxa għal dawn it-tipi ta’ prodotti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li fil-PI, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma bigħux it-tipi kollha ta’ prodotti li jeżistu fis-suq, jew li xi tipi ta’ prodotti ma nbiegħux fil-PI mill-produtturi tal-Unjoni, ma kellux effett fuq il-konklużjonijiet ġenerali dwar id-dannu lill-industrija tal-Unjoni. - Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li ma kien hemm l-ebda raġuni biex jiġi eskluż kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott u żammet mal-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (47) tar-Regolament proviżorju. |
2.4.3. Pretensjoni biex jiġu esklużi biċċiet ta’ MAE u jekk mhux esklużi, biex jiġu elenkati fil-parti operattiva tar-Regolament
|
(31) |
Bi tweġiba għas-sejbiet provviżorji u wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME tenniet li l-inklużjoni ta’ biċċiet assemblati minn qabel jew ta’ biċċiet lesti għall-assemblaġġ ma kinitx ġustifikata - fl-assenza ta’ suq ħieles għall-biċċiet tal-MAE fl-Unjoni, l-ebda dannu materjali, jekk kien hemm, ma seta’ ġie kkawżat lill-produtturi tal-Unjoni tal-biċċiet tal-MAE mill-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott simili. Is-CCCME talbet ukoll li l-Kummissjoni telenka b’mod espliċitu l-biċċiet ikkonċernati (jiġifieri x-xażi, in-nagħla, il-mekkaniżmu ta’ rfigħ u l-pjattaforma) fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott fil-parti eżekuttiva tal-miżuri, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-implimentazzjoni u tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni. |
|
(32) |
Il-Kummissjoni sabet li ma kien hemm l-ebda argument sostanzjat addizzjonali preżentat mis-CCCME biex jiġu esklużi l-biċċiet. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet tagħha msemmija fil-premessa (52) tar-Regolament proviżorju li l-biċċiet jenħtieġ li jibqgħu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. |
|
(33) |
Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, qieset it-talba tas-CCCME biex telenka b’mod espliċitu l-biċċiet fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott fil-parti eżekuttiva tal-miżuri bħala ġustifikata, u adattat il-parti operattiva tar-Regolament kif xieraq. |
2.4.4. Pretensjoni biex jiġu esklużi l-ispider lifts
|
(34) |
Il-produttur esportatur Sinoboom talab li l-ispider lifts jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Huwa argumenta li spider lift kien tip partikolari ħafna ta’ MAE li fih bieba tal-aċċess dejqa u piż u pressjoni tal-art aktar baxxi meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ MAE. Huwa argumenta li spider lift jista’ jintuża f’terreni u kuntesti differenti iżda huwa uniku fil-kapaċità tiegħu li joqgħod fi spazji dojoq, u b’hekk isir partikolarment utli għal postijiet fuq ġewwa bħal ċentri kummerċjali, stadji, stazzjonijiet ferrovjarji, lukandi u ajruporti. Sinoboom argumentat ukoll li fl-Unjoni kien hemm produzzjoni żgħira ħafna ta’ dawn it-tipi. Sinoboom qieset għal dawn ir-raġunijiet kollha li l-ispider lifts miċ-Ċina ma kinux f’kompetizzjoni mal-ispider lifts manufatturati fl-Unjoni u li l-impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet tagħha tippenalizza kemm lill-importaturi kif ukoll lill-utenti downstream u lill-konsumaturi. |
|
(35) |
Il-Kummissjoni qieset li t-talba ma kinitx fondata. L-ispider lifts, minkejja l-partikolaritajiet tagħhom, kellhom l-istess karatteristiċi essenzjali bħat-tipi l-oħra ta’ MAE. Sinoboom innifsha indikat li kienu jeżistu żewġ produtturi ta’ spider lifts li wrew li kien hemm produzzjoni ta’ spider lifts fl-Unjoni. Mekkaniżmu ta’ rfigħ, forma jew li seta’ joqgħod fi spazji dojoq ma biddilx l-użu tiegħu li kien biex jippermetti lill-ħaddiema jaħdmu fl-għoli b’mod sikur. Għalhekk, l-ispider lifts importati miċ-Ċina kkompetew mal-ispider lifts manufatturati fl-Unjoni. Il-pretensjoni li l-produzzjoni fl-Unjoni ma setgħetx tissodisfa d-domanda ma kienet appoġġata minn l-ebda evidenza. Anke li kieku dan kien il-każ, il-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma tistax tissodisfa d-domanda mhuwiex kriterju rilevanti biex jiġi eskluż tip ta’ prodott mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott; l-objettiv tal-impożizzjoni tad-dazji kien li l-MAE jiġi importat bi prezz ġust, u mhux li jiġu evitati l-importazzjonijiet ta’ dawk l-ispider lifts jew ta’ MAE ieħor. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. |
2.4.5. Konklużjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott
|
(36) |
Fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (52) tar-Regolament proviżorju. |
3. DUMPING
|
(37) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-GOC, Dingli, Terex, JLG, Sinoboom u s-CCCME dwar is-sejbiet proviżorji tad-dumping. |
3.1. Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku
|
(38) |
Is-CCCME u Sinoboom qajmu dubji dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħżel pjattaformi mmuntati fuq it-trakkijiet bħala l-prodott fl-istess kategorija ġenerali bħall-MAEs. Is-CCCME argumentat li s-sensja ta’ produttur tal-krejnijiet Malażjan bħala sors xieraq għall-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji ta’ SG&A (selling, general and administrative) u profitt mingħajr distorsjoni kienet mingħajr bażi. Iż-żewġ partijiet interessati msemmija hawn fuq indikaw differenzi importanti bejn il-pjattaformi mobbli mmuntati fuq it-trakkijiet u l-MAEs, billi argumentaw li l-karatteristika teknika u l-proċess ta’ produzzjoni tagħhom huma differenti minn dawk tal-MAEs, u għandhom impatt kbir fuq l-ispiża tal-produzzjoni tagħhom. |
|
(39) |
Is-CCCME sostniet li jekk il-Kummissjoni tagħżel il-Brażil, għandu jintgħażel produttur ieħor ta’ tagħmir għall-irfigħ barra Madal Palfinger S.A. (“Madal Palfinger”) bħala sors xieraq għall-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji ta’ SG&A u profitt mingħajr distorsjoni. Sinoboom ipproponiet manifattur ta’ krejnijiet mobbli u fuq iċ-ċineg bħala produttur Brażiljan alternattiv. |
|
(40) |
La l-Kummissjoni u lanqas il-partijiet interessati ma setgħu jidentifikaw pajjiż b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina fejn ġew prodotti l-MAEs. Għalhekk, il-Kummissjoni għażlet prodott fl-istess kategorija ġenerali bħall-MAEs abbażi tal-karatteristiċi li jiddefinixxu l-prodott investigat, kif iddikjarat fit-Taqsima 2 tan-Notifika tal-Bidu (8), jiġifieri tagħmir għall-irfigħ li huwa mobbli, awtopropulsiv, u użat għall-irfigħ tal-persuni. Il-Kummissjoni, għalhekk, eskludiet krejnijiet statiċi użati għall-immaniġġjar tal-materjal. F’dak li għandu x’jaqsam mal-krejnijiet fuq iċ-ċineg mobbli, peress li d-definizzjoni tal-prodott investigat teskludi b’mod espliċitu t-tagħmir tal-immaniġġjar tal-materjali (9), dawn ma jistgħux jitqiesu bħala prodott fl-istess kategorija ġenerali bħall-MAEs. |
|
(41) |
Il-pjattaformi mobbli mmuntati fuq it-trakkijiet huma ovvjament mobbli u jintużaw prinċipalment għall-irfigħ tal-persuni. L-unika differenza mill-MAEs hija l-mekkaniżmu ta’ propulsjoni tagħhom li fil-każ ta’ dan tal-aħħar huwa inkorporat filwaqt li għall-pjattaformi mobbli mmuntati fuq it-trakkijiet huwa provdut minn vettura. Il-Kummissjoni affermat mill-ġdid il-konklużjoni tagħha fit-tieni nota dwar il-fatturi tal-produzzjoni (“it-Tieni Nota”) li fid-dawl tal-karatteristiċi ewlenin u l-użu simili tagħhom, il-proċess tal-produzzjoni u l-materjal ta’ input, il-pjattaformi mobbli mmuntati fuq it-trakkijiet huma fl-istess kategorija ġenerali bħall-MAEs. Id-differenzi mressqa mis-CCCMA u minn Sinoboom ma kinux tali li jimminaw ix-xebh fundamentali fil-karatteristiċi li jiddefinixxu ż-żewġ prodotti. Il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
|
(42) |
L-ebda manifattur ta’ pjattaformi mobbli mmuntati fuq it-trakkijiet ma ġie propost mill-partijiet interessati bħala sors xieraq għall-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji ta’ SG&A u profitt mingħajr distorsjoni. Għalhekk, Madal Palfinger, produttur fil-Brażil identifikat mill-Kummissjoni fit-Tieni Nota kien l-unika kumpanija kkunsidrata għal analiżi ulterjuri. |
|
(43) |
Is-CCCME u Sinoboom argumentaw li l-kontijiet ta’ Madal Palfinger ma jistgħux jitqiesu affidabbli sabiex jinħadem il-valur normali peress li hija proprjetà ta’ kumpanija li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fl-UE (l-Awstrija) u xi wħud mit-tranżazzjonijiet koperti fiha ma sarux fil-perkors normali tal-kummerċ. Huma rreferew għan-noti tal-kontijiet tal-2023 ta’ Madal Palfinger li fihom id-dikjarazzjoni li “[i]l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi diffiċli fil-LATAM kellhom ukoll impatt fuq il-produzzjoni. Il-kapaċità ġiet aġġustata skont dan, speċjalment fil-Brażil. Ir-relazzjonijiet interni ta’ provvista mas-siti ta’ produzzjoni fl-Istati Uniti ġew estiżi u l-proċess ta’ standardizzazzjoni […].” (10) |
|
(44) |
Il-Kummissjoni sabet li l-affidabbiltà tat-tranżazzjonijiet fil-kontijiet ta’ Madal Palfinger sabiex jinħadem il-valur normali ma kinitx ipperikolata mill-aġġustament tal-kapaċità fi ħdan il-Grupp Palfinger imsemmi fin-noti tal-kontijiet finanzjarji tiegħu tal-2023 minħabba li f’termini ta’ bejgħ u spejjeż ġenerali u profitt il-maġġoranza l-kbira tat-tranżazzjonijiet ta’ Madal Palfinger fis-suq domestiku u internazzjonali baqgħu affidabbli. |
|
(45) |
Il-Kummissjoni affermat mill-ġdid il-konklużjoni tagħha fil-premessa (197) tar-Regolament proviżorju li s-sjieda ta’ Madal Pafinger kienet irrilevanti għall-investigazzjoni. Id-data finanzjarja miksuba minn Madal Pafinger tirrifletti t-tranżazzjonijiet tal-bejgħ magħmula mill-produttur Brażiljan u mhux mis-sid Ewropew tiegħu. |
|
(46) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME tenniet l-affermazzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-kontijiet ta’ Madal Palfinger minħabba tranżazzjonijiet intragrupp. Barra minn hekk, is-CCCME kkwotat dikjarazzjoni fir-Rapport tal-2023 tal-Grupp Palfinger li (11) tirreferi għall-Arġentina (12) minflok għall-Brażil. Dawn il-pretensjonijiet diġà ġew indirizzati fil-premessi (44) u (45). |
|
(47) |
Għalhekk, il-konklużjoni fil-premessa (58) tar-Regolament proviżorju ġiet ikkonfermata. |
3.2. Valur normali
3.2.1. Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti
|
(48) |
Id-dettalji tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti ġew stabbiliti fit-Taqsima 3.3 tar-Regolament proviżorju. |
|
(49) |
Mal-impożizzjoni tad-dazji proviżorji, il-GOC issottometta, fid-29 ta’ Lulju 2024, sett ta’ kummenti li fihom sostna li: (i) jeżistu nuqqasijiet fir-Rapport; (ii) l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa inkonsistenti mal-Ftehim tad-WTO (World Trade Organization) dwar l-Anti-Dumping (“ADA”, Anti-Dumping Agreement); (iii) il-prattiki investigattivi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma inkonsistenti mal-liġi tad-WTO; (iv) jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina b’mod komprensiv jekk hemmx distorsjonijiet fis-suq tal-pajjiż rappreżentattiv u tagħha stess. Fl-istess data, is-CCCME preżentat kummenti li skonthom: (i) l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa inkompatibbli mal-ftehimiet tad-WTO u mad-deċiżjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fl-Unjoni Ewropea - Miżuri anti-dumping fuq il-każ tal-Bijodiżil mill-Arġentina (13); (ii) ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku fis-settur tal-MAE fiċ-Ċina. |
|
(50) |
B’mod aktar speċifiku, il-GOC argumenta li, l-ewwel nett, ir-Rapport aġġornat jipperpetwa l-problema tar-Rapport billi jkompli jagħmel valutazzjoni suġġettiva, unilaterali u skorretta tal-ekonomija tas-suq taċ-Ċina. Fil-fehma tal-GOC, dan huwa partikolarment minħabba li: (a) iċ-Ċina stabbiliet ekonomija tas-suq soċjalista f’konformità mar-realtajiet speċifiċi tagħha stess u l-ekonomija tas-suq soċjalista taċ-Ċina tjiebet u ġiet żviluppata kontinwament, u s-suq għandu rwol deċiżiv fl-allokazzjoni tar-riżorsi u l-GOC għandu rwol aħjar biex jistimula bis-sħiħ il-vitalità tal-ekonomija. Ma hemmx biss mudell wieħed ta’ ekonomija tas-suq, l-ekonomija tas-suq jenħtieġ li tkun marbuta b’mod inseparabbli mal-istorja, il-kultura u r-realtajiet ta’ kull pajjiż; (b) il-kontenut tar-Rapport aġġornat mhuwiex korrett, huwa unilaterali u jiddevja serjament mir-realtà oġġettiva, bl-użu tal-vantaġġi kompetittivi leġittimi tal-industriji Ċiniżi u d-differenzi istituzzjonali normali bejn iċ-Ċina u l-Ewropa bħala l-bażi biex jiġi determinat jekk hemmx distorsjoni sinifikanti tas-suq, filwaqt li tiġi evitata kompletament il-kwistjoni ta’ jekk jeżistux distorsjonijiet sinifikanti tas-suq fl-UE nnifisha; (c) il-Kummissjoni ħarġet biss Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal dwar iċ-Ċina u r-Russja li jġibu suspetti li dan huwa xprunat minn kunsiderazzjonijiet politiċi, li jwasslu għal tħassib dwar it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit (“MFN”, most-favoured-nation); (d) il-Kummissjoni taċċetta l-allegazzjonijiet ta’ distorsjoni sinifikanti mqajma mill-industriji domestiċi, bl-użu tar-Rapport (aġġornat) bħala l-evidenza ewlenija, u b’hekk tipprovdi vantaġġi lill-industriji tal-UE. Abbażi tar-Rapport, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda każijiet, twettaq investigazzjonijiet, u tagħmel konklużjonijiet, li jwassal biex il-Kummissjoni tħares b’mod aktar favorevoli lejn l-evidenza mressqa mill-industriji tal-UE, prattika inkonsistenti mal-prinċipji legali bażiċi tal-ekwità u l-ġustizzja. |
|
(51) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. Peress li l-ispeċifiċitajiet storiċi u kulturali Ċiniżi huma tabilħaqq barra mill-kuntest tal-analiżi ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolamenti bażiċi, ir-Rapport aġġornat – li huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inklużi leġiżlazzjoni, regolamenti u dokumenti uffiċjali oħra ta’ politika ppubblikati mill-awtoritajiet Ċiniżi, rapporti ta’ partijiet terzi minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikoli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħra – jiffoka fuq każijiet li jindikaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Id-distorsjonijiet rilevanti ġew deskritti fid-dettall fit-Taqsimiet 3.3.2. sa 3.3.8. tar-Regolament proviżorju, filwaqt li tqiesu mhux biss ir-Rapport aġġornat iżda l-korp kollu ta’ evidenza fil-fajl, u l-GOC naqas milli jżid xi informazzjoni speċifika li tixħet dubju fuq dik l-analiżi. Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-GOC li s-suq qed ikollu rwol deċiżiv fl-allokazzjoni tar-riżorsi bis-saħħa tal-mudell tal-ekonomija tas-suq soċjalista, il-Kummissjoni indikat li anke d-dokumenti ta’ politika Ċiniżi rilevanti l-aktar reċenti juru n-nuqqas ta’ tali allokazzjoni tar-riżorsi bbażata fuq is-suq. B’mod partikolari, ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Ċiniż dwar l-Approfondiment Ulterjuri tar-Riforma b’mod Komprensiv biex Tavvanza l-Modernizzazzjoni Ċiniża, adottata fit-tielet sessjoni plenarja tal-20 Kumitat Ċentrali tas-CCP fit-18 ta’ Lulju 2024 (“it-3 Riżoluzzjoni Plenum”), tafferma b’mod inekwivoku li l-Marxiżmu-Leniniżmu huwa l-filosofija ta’ gwida sottostanti għall-politika ekonomika tal-GOC u jimpenja ruħu b’mod espliċitu li jsegwi politiki li jikkontradixxu l-allokazzjoni tar-riżorsi bbażati fuq il-prinċipji tas-suq (14). |
|
(52) |
Rigward id-dikjarazzjoni tal-GOC dwar il-ksur tat-trattament MFN, il-Kummissjoni fakkret li, kif previst mill-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi prodott rapport tal-pajjiż għal kwalunkwe pajjiż biss meta l-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sewwa tal-eżistenza possibbli ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’pajjiż jew settur speċifiku f’dak il-pajjiż. Mad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fl-2017, il-Kummissjoni kellha dawn l-indikazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti għaċ-Ċina. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapport dwar id-distorsjonijiet fir-Russja fl-2020 u aġġornat ir-Rapport dwar iċ-Ċina fl-2024. Fejn xieraq, jistgħu jsegwu rapporti oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li r-rapporti mhumiex obbligatorji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku jiddeskrivi l-kundizzjonijiet sabiex il-Kummissjoni toħroġ rapporti tal-pajjiżi u, skont l-Artikolu 2(6a)(d) tar-Regolament bażiku, l-ilmentaturi mhumiex obbligati jużaw ir-rapport, u l-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż lanqas mhija kundizzjoni sabiex tinbeda investigazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Skont l-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku, biżżejjed evidenza li turi distorsjonijiet sinifikanti fi kwalunkwe pajjiż miġjuba mill-ilmentaturi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku hija biżżejjed sabiex tinbeda l-investigazzjoni fuq dik il-bażi. Għalhekk, ir-regoli li jikkonċernaw distorsjonijiet sinifikanti speċifiċi għall-pajjiż japplikaw għall-pajjiżi kollha mingħajr ebda distinzjoni, u irrispettivament mill-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż. B’riżultat ta’ dan, ir-regoli dwar id-distorsjonijiet tal-pajjiżi ma jiksrux it-trattament tal-MFN. |
|
(53) |
Fir-rigward tal-pretensjoni li, bil-pubblikazzjoni ta’ rapporti dwar id-distorsjonijiet, il-Kummissjoni tipprovdi vantaġġi lill-industriji tal-UE, il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha li r-Rapport (aġġornat) huwa dokument ibbażat fuq l-evidenza (ara l-premessa (51) hawn fuq). Dan tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni sabiex kwalunkwe parti interessata kien ikollha biżżejjed opportunità biex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwar il-fatti u l-evidenza li fuqhom huwa bbażat. Kif innotat fil-premessa (55) tar-Regolament proviżorju, il-GOC għażel li ma jippreżentax argumenti jew evidenza li tirribatti s-sorsi inklużi fir-Rapport. Għaldaqstant, aktar milli l-prattika tal-Kummissjoni ma kinitx konsistenti mal-prinċipji legali bażiċi tal-ekwità u l-ġustizzja, kien il-GOC li naqas milli jagħmel użu mid-drittijiet proċedurali tiegħu għaliha. |
|
(54) |
It-tieni, il-GOC argumenta li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mhuwiex kompatibbli mal-liġi tad-WTO, b’mod partikolari peress li: (a) il-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti ma jistax jinstab fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping (“ADA”). Minflok, l-Artikolu 2.2 tal-ADA fih lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet li fihom id-determinazzjoni tal-valur normali tista’ ssir bl-użu tal-valur normali maħdum jew permezz tal-metodoloġija tal-prezz minn esportazzjoni għal pajjiż terz. “Distorsjoni sinifikanti tas-suq” ma tappartjeni għall-ebda waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet; (b) l-Artikolu 2.2. tal-ADA jeħtieġ li l-valur normali għandu jinħadem bl-użu tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitti. L-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA jiċċara wkoll li l-kostijiet għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta’ rekords miżmuma mill-esportatur jew mill-produttur investigat, dment li tali rekords ikunu konformi mal-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati fil-pajjiż esportatur u jirriflettu b’mod raġonevoli l-kostijiet tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni relatati mal-prodott taħt investigazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jmur lil hinn mir-regoli tad-WTO għall-użu tal-valur normali maħdum. |
|
(55) |
Dawn l-argumenti ma setgħux jiġu aċċettati. Il-Kummissjoni qieset li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija konsistenti bis-sħiħ mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-possibbiltajiet li jinħadem il-valur normali previst fl-Artikolu 2.2 tal-ADA. Kif iċċarat espliċitament mill-Korp tal-Appell tad-WTO f’DS473 (15), il-liġi tad-WTO tippermetti l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun meħtieġ u sostanzjat. Il-Kummissjoni fakkret f’dan ir-rigward li ladarba jiġi determinat li minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur, il-valur normali jinħadem b’referenza għal prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq għal kull produttur esportatur skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. L-istess dispożizzjoni tar-Regolament bażiku tippermetti wkoll l-użu ta’ kostijiet domestiċi jekk jiġi stabbilit b’mod pożittiv li huma mingħajr distorsjoni. F’dak il-kuntest, il-produtturi esportaturi kellhom il-possibbiltà li jipprovdu evidenza li l-kostijiet SG&A individwali tagħhom u/jew kostijiet oħra tal-input kienu mingħajr distorsjoni. Madankollu, fit-Taqsimiet 3.3.2. sa 3.3.8. tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fis-settur tal-MAE u ma kien hemm l-ebda evidenza pożittiva dwar il-fatturi ta’ produzzjoni ta’ produtturi esportaturi individwali li kienu mingħajr distorsjoni. Għalhekk, jekk ir-rekords tal-kumpaniji Ċiniżi nżammux f’konformità mal-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati taċ-Ċina, jew jekk ir-rekords jirriflettux b’mod raġonevoli l-kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fiċ-Ċina, ma jistax jaffettwa l-konklużjoni dwar l-applikazzjoni tal-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. |
|
(56) |
It-tielet, il-GOC iddikjara li l-prattiki investigattivi tal-Kummissjoni huma inkonsistenti mad-WTO, sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk ir-rekords tal-esportaturi Ċiniżi kinux konformi mal-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiżi esportaturi jew jekk kinux jirriflettu b’mod raġonevoli l-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodotti li qed jiġu investigati, iżda rrifjutat ir-rekords tal-esportaturi Ċiniżi abbażi tal-hekk imsejħa distorsjoni sinifikanti tas-suq, li hija inkonsistenti mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-Dumping u s-sejbiet tal-Korp tal-Appell li f’DS473 u tal-Bord f’DS494 enfasizzaw li, skont l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA, sakemm ir-rekords tal-kostijiet tal-produttur ikunu jirriflettu b’mod preċiż u affidabbli l-kostijiet kollha fil-fatt imġarrba u jkunu ġenwinament assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt kunsiderazzjoni, jenħtieġ li jitqiesu bħala “raġonevolment jirriflettu l-kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt kunsiderazzjoni” u l-awtorità investigattiva għandha tuża dawn ir-rekords biex tiddetermina l-kostijiet tal-produzzjoni tal-impriża taħt investigazzjoni. Għalhekk, il-GOC stieden lill-Kummissjoni tikkoreġi l-prattika tagħha biex tagħmilha konsistenti ma’ dawn ir-rekwiżiti tad-WTO. |
|
(57) |
Il-Kummissjoni kellha tiċħad dawn il-pretensjonijiet. Fir-rigward tal-konformità tar-rekords tal-esportaturi Ċiniżi mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati, dan l-argument kien diġà indirizzat fil-premessi (54) - (56) hawn fuq. Barra minn hekk, fir-rigward tad-DS494, il-Kummissjoni fakkret li kemm l-UE kif ukoll il-Federazzjoni Russa appellaw is-sejbiet tal-Bord, li mhumiex finali u għalhekk, skont il-ġurisprudenza permanenti tad-WTO, ma għandhom l-ebda status legali fis-sistema tad-WTO, peress li ma ġewx approvati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim permezz ta’ deċiżjoni mill-Membri tad-WTO. Fi kwalunkwe każ, ir-Rapport tal-Bord f’dik it-tilwima qies speċifikament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku bħala barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tilwima. |
|
(58) |
Ir-raba’, il-GOC sostna li l-Kummissjoni aċċettat id-data tal-pajjiż rappreżentattiv u użatha biex tissostitwixxi l-kost tal-produtturi Ċiniżi mingħajr ma vvalutat b’mod komprensiv jekk hemmx xi distorsjoni sinifikanti fil-Brażil f’konformità mas-sitt kriterji skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Fil-fehma tal-GOC, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvestiga b’mod proattiv u tagħti prova tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-pajjiżi rappreżentattivi, aktar milli sempliċiment tistenna b’mod passiv lill-partijiet involuti fil-każ biex jissottomettu l-evidenza. Barra minn hekk, minkejja s-sottomissjonijiet mill-produtturi esportaturi Ċiniżi dwar miżuri anti-dumping u/jew kumpensatorji fuq il-materjali tal-azzar fil-Brażil, il-Kummissjoni ma investigatx jekk dawk il-miżuri restrittivi fuq l-importazzjoni fil-Brażil kinux fixklu l-prezzijiet tal-produtturi Brażiljani rilevanti iżda ċaħdet b’mod arbitrarju l-argumenti tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. Xorta waħda fir-rigward tad-data dwar il-kostijiet fil-Brażil, il-GOC ħa l-pożizzjoni li peress li l-Kummissjoni kienet sabet distorsjonijiet sinifikanti fil-prodotti tal-intrapriżi Ċiniżi abbażi ta’ tranżazzjonijiet intragrupp, il-Kummissjoni missha investigat u wriet ukoll jekk il-prezzijiet tal-intrapriżi magħżula fil-Brażil kinux “distorti” minħabba tranżazzjonijiet intragrupp meta għażlet l-intrapriżi rappreżentattivi. Barra minn hekk, il-GOC sostna li l-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina b’mod komprensiv jekk hemmx distorsjonijiet fis-suq intern tal-UE. Il-GOC iqis li dan huwa l-każ minħabba, pereżempju, il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri adottaw varjetà ta’ approċċi simili għal dawk taċ-Ċina biex jiggwidaw l-ekonomiji u l-industriji tagħhom, inkluż iżda mhux limitat għall-ħruġ ta’ gwida tal-awtoritajiet, li jirrikjedu li s-sistema finanzjarja, speċjalment il-banek kummerċjali, jassumu r-responsabbiltà soċjali, jimplimentaw programmi ta’ għajnuna ekonomika, u jifformulaw politiki tal-enerġija li jinkoraġġixxu u jiggwidaw is-settur tal-enerġija. |
|
(59) |
Il-Kummissjoni sabet li dawn l-argumenti ma jiswewx. Fir-rigward tal-valutazzjoni tad-data fil-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni fakkret li, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tipproċedi biex taħdem il-valur normali abbażi ta’ data għajr il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi (sakemm tali kostijiet ma jkunux stabbiliti b’mod pożittiv li mhumiex distorti) fil-pajjiż esportatur biss meta tistabbilixxi li tali data hija xierqa biex tirrifletti l-prezzijiet u l-kostijiet mingħajr distorsjoni. F’dan il-proċess, il-Kummissjoni hija marbuta li tuża biss data mingħajr distorsjoni. F’dak ir-rigward, aktar milli tistenna b’mod passiv, il-Kummissjoni tagħmel l-analiżi tagħha stess u tistieden lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar is-sorsi proposti għad-determinazzjoni tal-valur normali fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni, jiġifieri permezz tan-noti dwar is-sorsi mingħajr distorsjoni li biħsiebha tuża rilaxxati kmieni fil-proċediment. Id-Deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar liema data mingħajr distorsjoni jenħtieġ li tintuża biex jiġi kkalkulat il-valur normali tqis bis-sħiħ il-kummenti kollha riċevuti mill-partijiet, kif ukoll ir-riċerka tal-Kummissjoni stess. L-aspetti rilevanti kollha tal-analiżi huma deskritti fid-dettall fit-Taqsima 3.4. tar-Regolament proviżorju, inkluż fil-premessa (199) fir-rigward tat-tranżazzjonijiet intragrupp u l-premessa (201) fir-rigward tal-miżuri anti-dumping u kumpensatorji fil-Brażil. Fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet fl-UE, il-Kummissjoni diġà indikat, bi tweġiba għal argument simili mqajjem mis-CCCME, fil-premessa (179) tar-Regolament proviżorju li l-politiki tal-UE ma għandhom l-ebda rilevanza fil-kuntest ta’ valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tenniet li skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi distorsivi elenkati f’dik id-dispożizzjoni huwa analizzat fir-rigward tal-prezzijiet u l-kostijiet fil-pajjiż esportatur. L-istruttura tal-kostijiet u l-mekkaniżmi tal-formazzjoni tal-prezzijiet fi swieq oħra, bħal fl-UE, mhumiex parti minn din l-analiżi. |
|
(60) |
Fir-rigward tal-argumenti mqajma mis-CCCME, l-ewwel nett, l-assoċjazzjoni tenniet id-dikjarazzjoni preċedenti tagħha li la l-ADA jew il-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, u lanqas id-deċiżjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (“DSB”, Dispute Settlement Body) ma jippermettu lill-Kummissjoni tiddevja mill-metodoloġija ġenerali għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2.2.1 tal-ADA, jiġifieri bl-użu tal-kostijiet u tal-prezzijiet tal-produttur esportatur jew ta’ dawk eżistenti fil-pajjiż esportatur, għar-raġuni li nstab li jeżistu distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur. F’dan ir-rigward, is-CCCME sostniet li l-argument tagħha għal dan il-għan, ippreżentat fit-3 ta’ Jannar 2024, ma ġiex indirizzat mill-Kummissjoni. |
|
(61) |
Minħabba li l-argument tas-CCCME huwa fil-biċċa l-kbira identiku għal dak imqajjem mill-GOC u indirizzat fil-premessi (54) - (57) hawn fuq, il-Kummissjoni rreferiet għall-pożizzjoni tagħha stabbilita f’dawk il-premessi. |
|
(62) |
It-tieni, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-settur tal-MAE fiċ-Ċina, is-CCCME sostniet li: (a) f’dawn l-aħħar seba’ snin, iċ-Ċina fetħet is-sistema finanzjarja tagħha u laqgħet l-investimenti barranin fit-territorju tagħha, inklużi l-produtturi tal-MAE tal-Istati Uniti u Ewropej; (b) iċ-Ċina għamlet progress sinifikanti fit-tisħiħ tal-protezzjoni tal-PI tagħha u wettqet ukoll riformi importanti fil-qafas tal-intrapriżi tal-istat (“SOEs”, state-owned companies), li jnaqqsu l-kapaċitajiet żejda u jżidu l-kompetittività tagħhom; (c) l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin (“FYP, five year plan”) jirreferi biss għas-settur tal-makkinarju tal-kostruzzjoni, filwaqt li s-settur tal-MAE, jiġifieri l-industrija tat-tagħmir industrijali tal-pjattaformi tax-xogħol fil-għoli lanqas biss tissemma fl-14-il FYP. Il-fatt li l-MAE tintuża ta’ spiss fil-kuntest ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ma jiġġustifikax, fil-fehma tas-CCCME, l-approċċ tal-Kummissjoni li tikkunsidra s-settur tal-MAE bħala parti mill-industrija tal-makkinarju tal-kostruzzjoni; (d) ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-preżenza tal-Istat fid-ditti huwa ipokritiku peress li l-ebda waħda mill-kumpaniji msemmija mill-Kummissjoni, bħal XCMG jew Liugong mhija inkluża fil-kampjun tal-investigazzjoni preżenti u għalhekk ma jirrappreżentawx il-forza ewlenija tal-industrija Ċiniża. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tqis li l-parteċipazzjoni azzjonarja tal-Istat fil-produtturi tal-MAE hija r-raġuni għad-distorsjoni tas-suq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-Istati Membri tal-UE, bħal Franza, il-Ġermanja jew il-Polonja, qed joħolqu wkoll distorsjoni tas-suq billi jippossjedu ishma ta’ kumpaniji elenkati fil-borża. |
|
(63) |
Il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta dawn l-argumenti. Is-CCCME ma provdiet l-ebda evidenza speċifika li tiċħad l-analiżi tal-Kummissjoni fit-Taqsimiet 3.3.2., 3.3.5. u 3.3.7. tar-Regolament proviżorju, sempliċi dikjarazzjoni li l-investimenti barranin huma milqugħa fiċ-Ċina jew li twettqu riformi fil-qafas tal-SOEs ma jistgħux ibiddlu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li dokumenti ta’ politika Ċiniżi reċenti, bħat-3 Riżoluzzjoni Plenum, juru li l-proċess ta’ riforma tal-SOE, primarjament għandu l-għan li jikkonsolida u jsaħħaħ il-preżenza tal-SOEs f’industriji strateġiċi (16). Fir-rigward tal-fatt li s-settur tal-MAE ma jissemmiex speċifikament fl-14-il FYP, il-Kummissjoni ddeskriviet fil-premessi (130) – (138) tar-Regolament proviżorju s-sistema ta’ pjanar Ċiniża li tistabbilixxi l-prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet għall-awtoritajiet fil-livell tal-gvern ċentrali, provinċjali u lokali, inkluż kif dik is-sistema, anke jekk ma ssemmix speċifikament is-settur tal-MAE fl-14-il FYP nazzjonali, tinkludi dispożizzjonijiet espliċiti għall-prodott ikkonċernat fil-livelli subċentrali. Fir-rigward tal-istati tal-UE li għandhom ishma fil-kumpaniji, il-Kummissjoni diġà indikat l-assenza ta’ rilevanza ta’ din il-linja ta’ argumentazzjoni fil-premessa (59) hawn fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll fil-premessi (107) – (111) u (171) tar-Regolament proviżorju li l-kontroll tal-Istat fil-produtturi Ċiniżi tal-MAE inkwistjoni jmur ferm lil hinn mis-sjieda u jammonta għal distorsjoni sinifikanti skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. |
|
(64) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME tenniet l-affermazzjonijiet tagħha relatati mal-inkompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) mal-Ftehim tad-WTO. Dawn il-pretensjonijiet diġà ġew indirizzati fil-premessi (51) u (61). |
|
(65) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha li ntlaħqu fit-Taqsima 3.3. tar-Regolament proviżorju. |
3.2.2. Pajjiż rappreżentattiv
|
(66) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCME affermat li minħabba li ma hemm l-ebda pajjiż ieħor f’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina u li jipproduċi l-MAEs, il-Kummissjoni kellha tagħżel pajjiż ieħor għajr il-Brażil li huwa produttur ta’ prodott simili li jappartjeni għall-istess kategorija ġenerali. Is-CCCME tenniet il-proposta tagħha li tagħżel il-Malażja bħala pajjiż rappreżentattiv alternattiv. |
|
(67) |
Fil-premessa (60) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni diġà rribattiet din il-pretensjoni u żiedet aktar elementi fil-premessa (41) hawn fuq. |
|
(68) |
Il-konklużjonijiet fil-premessa (203) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
3.2.3. Kostijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni
3.2.3.1. Fatturi ta’ produzzjoni
|
(69) |
Sinoboom sostniet li l-użu tal-Global Trade Atlas (GTA) (17) wassal għal eżitu mhux raġonevoli għal ċerti fatturi tal-produzzjoni (“FOPs”, Factors of Production) bħal magni u materjali oħra (18), li għalihom Sinoboom talbet differenzi sostanzjali fil-prezzijiet bejn il-kostijiet tagħha stess u l-parametru referenzjarju. Il-kumpanija sostniet li sabiex jinkisbu parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni għal dawn, jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża d-data rrapportata ta’ Sinoboom jew metodu alternattiv. |
|
(70) |
Il-Kummissjoni qieset li d-data ta’ Sinoboom kienet soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti stabbiliti għar-RPĊ kif iddeterminat fit-Taqsima 3.2.1 hawn fuq u fil-premessi (64) - (185) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, ma setgħetx tintuża fil-kalkolu tal-valur normali maħdum skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet ukoll il-pretensjoni li l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-prezzijiet distorti tal-FOPs użati mill-kumpanija u l-prezzijiet tal-parametri referenzjarji rkuprati mill-GTA turi li l-prezzijiet tal-GTA “mhumiex rappreżentattivi”. |
|
(71) |
Sinoboom argumentat li l-kodiċijiet SA magħżula mill-Kummissjoni għal ċerti FOPs huma differenti minn dawk irrapportati matul il-verifika tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju. Il-kumpanija talbet l-użu tal-kodiċijiet SA rrapportati. |
|
(72) |
Il-Kummissjoni rrevediet il-parametri referenzjarji għall-FOPs imsemmija fil-premessa (71) biex tiżgura konsistenza mal-kodiċijiet SA rrapportati minn Sinoboom. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-użu ta’ kodiċijiet SA alternattivi xi drabi kien jirrikjedi l-użu ta’ unità differenti ta’ kejl. Il-Kummissjoni kkonvertiet il-parametri referenzjarji rispettivi abbażi tat-tabella ta’ konverżjoni provduta mill-kumpanija. Il-kodiċijiet SA użati, flimkien mal-aġġustamenti, ġew żvelati lil Sinoboom. |
|
(73) |
Sinoboom sostniet li għal xi FOPs, il-prezzijiet ġew espressi f’unitajiet ta’ kejl differenti fid-divulgazzjoni proviżorja minn dawk irrapportati għall-materjali korrispondenti fit-tweġiba għall-kwestjonarju. Il-kumpanija argumentat li bidla fl-unità tal-kejl tista’ toħloq distorsjonijiet ovvji fil-ħdim tal-valur normali ta’ Sinoboom, peress li dawn il-valuri referenzjarji se jiġu applikati għar-rati tal-konsum materjali kkalkulati fuq il-bażi ta’ unitajiet differenti ta’ kejl. Ir-riżultat kien “spariġġ tal-informazzjoni dwar il-kostijiet” allegat minn Sinoboom. Il-kumpanija sostniet li fil-każ ta’ dawn l-FOPs, il-Kummissjoni kellha tirrikorri għal bażi tad-data alternattiva. |
|
(74) |
Il-Kummissjoni sabet li l-pretensjoni ma kinitx sostanzjata u ċaħdet l-argument li jenħtieġ li tirrikorri għal bażi tad-data alternattiva minħabba li żgurat l-użu korrett ta’ unità ta’ kejl ekwivalenti f’konformità ma’ dik irrapportata minn Sinoboom billi bbażat fuq l-unità sekondarja (19) kif irrapportat fil-GTA. Fejn ġustifikat mill-ispeċifiċitajiet ta’ ċerti FOPs, il-Kummissjoni użat unità alternattiva ta’ kejl u kkonvertiet il-parametru referenzjarju kif xieraq. |
|
(75) |
Sinoboom allegat li kien hemm inkonsistenzi fil-prezzijiet tal-FOP f’annessi differenti ta’ qabel id-divulgazzjoni għal erba’ FOPs (20). Il-prezz ta’ unità ta’ referenza indikat fl-Anness 4.1 u l-Anness 2.2 tad-divulgazzjoni minn qabel huma differenti. Sinoboom talbet lill-Kummissjoni tirrieżamina d-diskrepanza u tikkoreġiha. |
|
(76) |
Il-Kummissjoni fl-istadju definittiv żvelat anness 4.1 ġdid li jikkoreġi l-iżball klerikali u l-inkonsistenza li tirriżulta bejn il-prezzijiet tal-FOP. |
|
(77) |
Dingli sostniet li l-Kummissjoni kienet użat parametru referenzjarju żbaljat għal FOP li jammonta għal sehem sinifikanti tal-kost tagħhom. Il-kumpanija ssuġġeriet l-użu ta’ parametru referenzjarju ieħor. |
|
(78) |
Wara li analizzatu, il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid il-valur normali għall-kumpanija li rriżulta fit-tnaqqis tiegħu. |
|
(79) |
Terex innotat li sabiex jiġi kkoreġut żball klerikali li sar mill-Kummissjoni, il-prezzijiet ta’ żewġ FOPs (21) jenħtieġ li jinbidlu. Il-kumpanija argumentat li, fl-istadju proviżorju, minħabba żball klerikali, il-Kummissjoni ttajpjat b’mod żbaljat FOP wieħed u użat parametru referenzjarju żbaljat għal ieħor. |
|
(80) |
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-iżball klerikali u aċċettat il-pretensjoni dwar l-ewwel FOP u kkoreġiet il-parametru referenzjarju kif xieraq. Fir-rigward tal-pretensjoni għat-tieni prezz tal-FOP, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni u ċċarat li l-parametru referenzjarju użat kien ibbażat fuq l-unità sekondarja ppubblikata fil-GTA. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali. |
|
(81) |
Is-CCCME reġgħet issottomettiet il-pretensjoni tagħha li r-raggruppament ta’ materjal li jammonta għal inqas minn 1 % fl-ispiża totali tal-produzzjoni fil-kategorija ta’ materjal konsumabbli mhuwiex xieraq, filwaqt li sostniet li għal xi produtturi fil-kampjun dawn l-inputs jistgħu jirrappreżentaw sa għoxrin fil-mija tal-kost totali tal-produzzjoni. |
|
(82) |
Il-Kummissjoni nnotat li s-CCCME ma kkontestatx il-prattika konsistenti tagħha li tesprimi materjal konsumabbli bħala perċentwal tal-materja prima abbażi tad-data tal-kostijiet irrapportata mill-produtturi. Peress li l-elementi ewlenin tal-kost, bħall-magni, il-batteriji, il-valvi, it-tajers u l-arneżi, li jirrappreżentaw aktar minn 80 % tas-COP totali, ma ġewx raggruppati, il-metodoloġija użata tqieset xierqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-għadd ta’ FOPs kien eċċezzjonalment għoli, sa 200 oġġett, u għalhekk l-identifikazzjoni tal-parametri referenzjarji għal kull wieħed minnhom kienet iżżid kumplessità bla bżonn għall-investigazzjoni u ma kinitx twassal għal riżultat differenti meta jitqiesu d-distorsjonijiet ġenerali applikabbli fis-suq tar-RPĊ. Il-Kummissjoni nnotat li wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun innifsu, ġabar l-FOPs fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju. Fuq din il-bażi, il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
|
(83) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Dingli sostniet li l-parametru referenzjarju għal żewġ fatturi ta’ produzzjoni (22) kien jeħtieġ li jiġi kkoreġut. |
|
(84) |
Fil-każ tal-ewwel parametru referenzjarju, Dingli ppreżentat evidenza li turi li l-input użat fil-proċess tal-produzzjoni tagħha kien jaqa’ taħt kodiċi doganali differenti minn dak użat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u biddlet il-parametru referenzjali. Il-parametru referenzjarju l-ġdid ġie ddivulgat lil Dingli. Madankollu, fil-każ tat-tieni parametru referenzjarju, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li tappoġġa l-pretensjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx din l-affermazzjoni. |
3.2.3.2. Materja prima
|
(85) |
Is-CCCME talbet li l-Kummissjoni tiddivulga lill-partijiet interessati kollha d-data tal-GTA oriġinali estratta mill-bażi tad-data għall-parametri referenzjarji Brażiljani, li turi t-tqabbil awtomatiku mwettaq mill-algoritmu bejn il-kodiċijiet doganali minn ġuriżdizzjonijiet differenti, użata biex jiġi kkalkolat il-valur mingħajr distorsjoni tal-materja prima. |
|
(86) |
It-talba ġiet aċċettata, il-Kummissjoni inkludiet id-data mitluba fid-divulgazzjoni lill-partijiet interessati. |
|
(87) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME affermat li d-data tal-GTA divulgata skont il-premessa (86) ma kinitx biżżejjed biex teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni, peress li d-data żvelata ppermettiet lill-partijiet interessati kollha jaraw liema metodoloġija, liema parametri referenzjarji u liema valuri ntużaw. |
|
(88) |
Sinoboom sostniet li għall-komponenti mixtrija domestikament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-prezzijiet FOB (free-on-board) billi tnaqqas il-kostijiet relatati mat-trasport, mal-assigurazzjoni eċċ. mill-prezz CIF (cost, insurance and freight) kif muri fil-GTA. Sinoboom xtrat materja prima u inputs oħra mis-suq domestiku, li rriżultaw fi prezzijiet FOB li ma jinkludux il-kost tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, l-assigurazzjoni u d-dazji tal-importazzjoni. Il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-GTA użati mill-Kummissjoni kienu jinkludu l-kost tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, il-kost tal-assigurazzjoni u f’xi każijiet id-dazji tal-importazzjoni. |
|
(89) |
Il-Kummissjoni użat il-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina biex issawwar il-valur normali, kif previst fl-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku (23). Dawn il-prezzijiet, irkuprati mill-GTA, jinkludu t-trasport, l-assigurazzjoni u d-dazji, u tqiesu li jikkorrispondu għall-kostijiet tal-produzzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jixtru minn sorsi domestiċi ċertu materjal ta’ input għall-manifattura tal-MAEs, ma jfissirx li l-manifatturi Brażiljani jakkwistaw ukoll l-istess materjal ta’ input fis-suq domestiku Brażiljan. Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument. |
3.2.3.3. Manodopera
|
(90) |
Dingli u s-CCCME ssottomettew mill-ġdid il-pretensjoni tagħhom li l-verżjoni 1.1 tat-tabella tal-istatistika tax-xogħol Pesquisa Industrial Annual (“PIA”) fil-Brażil (24) jenħtieġ li tintuża għall-kalkolu tal-kostijiet lavorattivi minflok it-Tabella 2.2 tal-PIA (25) minħabba li d-data tas-settur industrijali 28.22 li tkopri l-manifattura ta’ makkinarju, tagħmir u tagħmir għat-trasport u l-irfigħ ta’ tagħbija u persuni, flimkien ma’ data speċifikament relatata mal-attivitajiet ta’ produzzjoni kienet faċilment disponibbli fiha. |
|
(91) |
Il-pretensjoni ġiet miċħuda fil-premessa (223) tar-Regolament proviżorju, bl-argument li t-Tabella 2.2 tal-PIA tipprovdi data dwar kategoriji ħafna aktar speċifiċi għan-negozju. Dingli u s-CCCMA provdew evidenza li din id-distinzjoni kienet possibbli wkoll meta tintuża t-Tabella 1.1 tal-PIA, għalhekk, il-pretensjoni ġiet aċċettata. Il-Kummissjoni rrevediet il-kalkolu tal-kostijiet lavorattivi bl-użu ta’ data fit-tabella 1.1 tal-PIA għas-sena 2022. |
|
(92) |
Is-CCCME reġgħet issottomettiet id-dikjarazzjoni tagħha li jenħtieġ li l-Kummissjoni tillimita l-kostijiet tas-sigurtà soċjali għall-kontribuzzjonijiet lill-Instituto Nacional do Seguro Social (“INSS”) u lill-Fundo de Garantia do Tempo de Serviço (“FGTS”) minħabba li fin-nota 17 tar-rapporti finanzjarji ta’ Madal Palfinger (26) tqiesu l-imposti għal INSS u FGTS biss għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. |
|
(93) |
Fil-premessa (225) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ċaħdet b’mod proviżorju l-istess pretensjoni peress li l-investigazzjoni żvelat li kienu jeżistu tipi oħra ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-Brażil u r-rati tagħhom jistgħu jvarjaw. Is-CCCME ma ssottomettiet l-ebda element sostantiv addizzjonali li juri li, għall-kuntrarju tal-konklużjoni proviżorja tal-Kummissjoni, fil-premessa 225 tar-Regolament proviżorju, ma kien hemm l-ebda kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali possibbli oħra fil-Brażil għajr imposti għal INSS u FGTS. Il-Kummissjoni ikkonfermat iċ-ċaħda tal-pretensjoni. |
|
(94) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME tenniet l-affermazzjoni tagħha li jenħtieġ li jitqiesu biss l-ammonti dovuti għal INSS u FGTS għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-pretensjoni kienet diġà ġiet indirizzata fil-premessa (93). |
|
(95) |
Dingli sostniet li l-imposti soċjali mħallsa mill-impjegatur għall-persunal tal-produzzjoni biss jenħtieġ li jitqiesu għall-kalkolu tal-kost lavorattiv, u l-imposti soċjali mħallsa għall-persunal mhux tal-produzzjoni jenħtieġ li jitnaqqsu. L-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-rata bejn is-salarju totali tal-persunal tal-produzzjoni u dak mhux tal-produzzjoni. |
|
(96) |
Il-Kummissjoni sabet li kien hemm mertu fl-argument ta’ Dingli minħabba li l-kostijiet relatati mal-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjonijiet biss jenħtieġ li jitqiesu meta jiġi kkalkolat il-parametru referenzjarju għall-kostijiet lavorattivi u kkalkolat mill-ġdid l-ammont ta’ imposti soċjali kif xieraq. |
|
(97) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Dingli sostniet li, filwaqt li l-Kummissjoni aċċettat l-affermazzjoni kif iddikjarat fil-premessa (96), il-kalkolu mill-ġdid tal-ammont ta’ imposti soċjali ma kienx jirrifletti dan. |
|
(98) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-pretensjoni minħabba li l-imposti soċjali ġew ikkalkulati mill-ġdid wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri provviżorji. Il-Kummissjoni kkalkulat il-valur tal-kontribuzzjonijiet u ddividiethom bl-għadd ta’ impjegati fil-produzzjoni, u effettivament ma kkunsidratx il-persuni mhux involuti fil-produzzjoni. |
|
(99) |
Dingli rrimarkat li meta kkonverta l-kost lavorattiv fis-siegħa fir-real Brażiljan (“BRL”) fil-yuan Ċiniż (“CNY”), il-Kummissjoni ma applikatx ir-rata tal-kambju għall-2021. Fil-kalkoli proviżorji, ir-rata tal-kambju użata għall-konverżjoni tal-BRL f’euro (“EUR”) hija relatata mas-sena 2022; ir-rata tal-kambju użata għall-konverżjoni ta’ EUR f’CNY hija għall-perjodu tal-PI. Fl-istadju definittiv, sabiex tasal għall-kostijiet lavorattivi fis-siegħa fil-PI, il-Kummissjoni applikat l-indiċi tal-kostijiet lavorattivi għall-2023 għall-aħħar data disponibbli mill-2022. Il-kost lavorattiv li rriżulta mbagħad ġie kkonvertit għal CNY bl-użu tar-rati tal-kambju fil-PI. |
|
(100) |
Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni li jenħtieġ li tapplika r-rata tal-kambju tal-2021 peress li saret irrilevanti fl-istadju definittiv minħabba li ntużat id-data tal-2022. |
|
(101) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Dingli affermat li billi aġġustat il-kostijiet lavorattivi Brażiljani tal-2022 għaċ-ċifri tal-2023, u mbagħad ikkonvertithom f’RMB billi użat ir-rata tal-kambju applikabbli matul il-PI, il-Kummissjoni għaddiet l-inflazzjoni b’darbtejn. Dingli sostniet li jew ir-rati tal-kambju għall-PI għandhom jintużaw mingħajr aġġustament, jew jekk isir aġġustament, allura għandhom jintużaw ir-rati tal-kambju tal-2022. |
|
(102) |
Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni, minħabba li Dingli ma tatx prova li l-varjazzjoni tal-indiċi tal-kost lavorattiv mill-2022 sal-2023 kienet esklussivament marbuta mal-inflazzjoni. L-indiċi tal-kost lavorattiv Brażiljan ma jurix il-varjazzjoni fil-valur tas-salarji iżda l-kost totali tal-impjieg tal-forza tax-xogħol fuq bażi fis-siegħa li jista’ jiġi affettwat minn fatturi oħra għajr l-inflazzjoni. Barra minn hekk, l-aġġustament parallel tal-indiċi tal-2022 u l-użu tar-rata tal-kambju fil-PI, għalhekk, ma rriżultawx f’għadd doppju. Għall-kuntrarju, l-aġġustamenti żguraw li l-parametru referenzjarju kien jirrifletti l-kost lavorattiv li kellu jitħallas fil-PI abbażi tal-informazzjoni disponibbli. |
|
(103) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME affermat li l-Kummissjoni użat b’mod żbaljat l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur biex taġġusta l-kost lavorattiv tal-2022 għal dak tal-PI. Skont is-CCCME, l-użu tal-indiċi tal-introjtu medju kien aktar xieraq. |
|
(104) |
Il-Kummissjoni użat il-prezz medju nazzjonali tal-konsumatur fiż-żmien tal-PI, derivat mill-istatistika tal-Instituto Brasileiro de Geografia e Estatística (27) (IBGE) għall-indiċjar tal-kostijiet lavorattivi. Is-CCCME ma ppreżentatx evidenza li turi għaliex din il-metodoloġija ma kinitx preċiża. Konsegwentement, il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
|
(105) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME affermat li l-metodoloġija għall-kalkolu tas-sigħat tax-xogħol annwali kienet żbaljata. Il-Kummissjoni, minflok ma mmultiplikat is-sigħat medji fil-ġimgħa effettivament maħduma b’rabta mal-kategorija ta’ attività ekonomika 28, il-manifattura ta’ makkinarju u ta’ tagħmir miksub mill-ILOSTAT, bin-numru totali ta’ ġimgħat f’sena kalendarja, l-ewwel ikkalkulat is-sigħat tax-xogħol ta’ kuljum billi ddividiet is-sigħat fil-ġimgħa b’ 5 jum ta’ xogħol fil-ġimgħa, u mbagħad immultiplikat is-sigħat tax-xogħol ta’ kuljum ikkalkulati b’dan il-mod bl-allegati 220 jum ta’ xogħol disponibbli fis-sena. |
|
(106) |
Il-Kummissjoni rreferiet għall-kalkoli magħmula disponibbli għall-partijiet interessati li taw dettalji dwar kif ġie kkalkulat il-parametru referenzjarju relatat mal-kost lavorattiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni użat il-kostijiet lavorattivi annwali totali għal kull impjegat għal kumpaniji b’aktar minn 30 impjegat u għamlet aġġustament billi użat il-medja tal-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur nazzjonali tas-sena 2022 matul il-medja tal-PI. Biex jiġu kkalkulati s-sigħat medji ta’ kull ġimgħa maħduma fil-Brażil għall-2022 fis-settur (ISIC livell 2 attività 28), intużat l-istatistika tal-ILO. Il-kost annwali medju għal kull impjegat marbut mal-produzzjoni (indiċjat) ġie diviż bis-sigħat medji fil-ġimgħa msemmija li jaslu għall-valur tal-kost lavorattiv. Fuq din il-bażi, u fin-nuqqas ta’ kummenti aktar speċifiċi, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid il-kost lavorattiv fis-siegħa għal CNY 70,60 fil-pajjiż rappreżentattiv. |
3.2.3.4. L-elettriku u l-Gass naturali
|
(107) |
Is-CCCME u Dingli ssottomettew mill-ġdid il-pretensjoni li l-Kummissjoni jenħtieġ li tnaqqas 17,5 % tal-VAT mill-kost tal-elettriku u tal-gass u rreferew għall-prattika reċenti tal-Kummissjoni fejn din il-pretensjoni ġiet aċċettata. |
|
(108) |
Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u naqqset l-ammont tal-VAT mill-kost tal-elettriku u tal-gass naturali, minħabba li sabet li l-kumpaniji Brażiljani huma intitolati għal krediti tat-taxxa għall-ICMS (28) fuq l-elettriku u l-gass użati għall-produzzjoni industrijali. |
|
(109) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CMAE affermat li jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża r-rati applikabbli tal-ICMS tal-gass u tal-elettriku fl-istat ta’ Rio Grande do Sul, fejn kien jinsab Madal Palfinger. |
|
(110) |
Il-Kummissjoni stabbiliet li kull merkanzija, meta tiġi ttrasportata lejn stat ieħor fil-Brażil, għandha r-rata tal-ICMS tagħha stess skont l-oriġini tagħha. Ir-rati tal-ICMS f’Rio Grande do Sul għall-gass u l-elettriku, miksuba minn grilja nazzjonali, għalhekk ma tqisux rilevanti għal dawn il-fatturi ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, l-evidenza tas-CMAE ippreżentata biex tappoġġa l-affermazzjoni li l-ICMS għall-elettriku kienet ta’ 17 %, indikat li fl-2024 din ir-rata ma kinitx tkopri l-elettriku għall-użu industrijali (29). Għalhekk, il-Kummissjoni użat rata medja tal-ICMS għall-Brażil kollu kemm hu, ta’ 17,5 % kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass, li tqieset preċiża. Il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
|
(111) |
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni stabbiliet li l-prezz tal-elettriku għall-użu industrijali fil-livell ta’ 0,89 CNY/kWh u li l-prezz tal-gass għall-użu industrijali fil-livell ta’ 0,452 CNY/kWh fil-pajjiż rappreżentattiv. |
3.2.3.5. Kostijiet ġenerali tal-manifattura, SG&A, profitti u deprezzament
|
(112) |
Is-CCCME ssottomettiet mill-ġdid il-pretensjoni li l-“aġġustament tal-valur preżenti” mill-ispejjeż finanzjarji ta’ Madal Palfinger, peress li ma jistax jitqies li ġġarrab mattul il-perkors normali tan-negozju, jenħtieġ li jitneħħa wkoll mill-introjtu finanzjarju. Is-CCCME qieset li dan it-trattament asimetriku kien żbaljat. Il-Kummissjoni aċċettat din il-pretensjoni. |
|
(113) |
Dingli ssottomettiet mill-ġdid il-pretensjoni li peress li l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi Ċiniżi ġie stabbilit fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, meta wieħed iqis li l-Kummissjoni għandha data faċilment disponibbli dwar il-kostijiet tat-trasport fuq l-ilma, l-assigurazzjoni tat-trasport bil-baħar u l-kummissjonijiet, dawn jenħtieġ li jitneħħew mill-SG&A ta’ Madal Palfinger biex jiġi żgurat li l-valur normali maħdum jiġi stabbilit b’mod korrispondenti fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Dingli sostniet li l-obbligu li jitqabblu l-prezzijiet fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika huwa irrispettivament mill-pretensjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (245) tar-Regolament proviżorju li huwa ma kellux biżżejjed informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tad-dħul u l-kostijiet relatati mat-trasport fuq l-ilma, l-assigurazzjoni tat-trasport fuq l-ilma u l-kummissjonijiet li jippermettu s-separazzjoni tal-kostijiet relatati mal-esportazzjoni u l-bejgħ domestiku. |
|
(114) |
Wara din il-pretensjoni, fin-Nota 17 fir-rapport tal-2023 ta’ Madal Palfinger, il-Kummissjoni identifikat valuri speċifiċi għan-nolijiet u l-kummissjonijiet (30). Sabiex tasal għal livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika għall-valur normali, il-Kummissjoni naqqset in-nola u l-kummissjonijiet mill-ispiża tal-bejgħ użata għall-kalkolu tal-SG&A. |
|
(115) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CMAE affermat li ma għandu jkun hemm l-ebda tnaqqis għall-kostijiet tat-trasport u tal-kummissjoni mill-ispejjeż tal-bejgħ użati għad-determinazzjoni tal-kostijiet tal-SG&A meta jinħadem il-valur normali. |
|
(116) |
Il-Kummissjoni ma sabitx li l-affermazzjoni kienet sostanzjata u ma biddlitx il-konklużjoni fil-premessa (113). Il-kostijiet tal-bejgħ ta’ Madal Palfinger kienu jinkludu ammont li jkopri l-ispejjeż tat-trasport u tal-kummissjoni li kellhom jitnaqqsu biex jiġi żgurat li prezz tal-esportazzjoni mill-fabbrika jitqabbel ma’ valur normali maħdum mill-fabbrika. Il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
|
(117) |
Wara divulgazzjoni definittiva, is-CMAE affermat li jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li teskludi l-kostijiet tat-trasport għall-inputs, hija trid taġġusta wkoll il-kost tal-oġġetti mibjugħa għall-kalkolu tal-SG&A billi tnaqqas mill-“Kost tal-oġġetti u tas-servizzi mibjugħa”, irrapportat minn Madal Palfinger, l-ammont tal-kost tat-trasport għax-xiri ta’ materja prima u tal-inputs tal-produtturi esportaturi. |
|
(118) |
L-affermazzjoni ġiet miċħuda minħabba li, kif spjegat fil-premessa (115), il-Kummissjoni qabblet il-valur normali maħdum mal-prezz tal-esportazzjoni fuq livell mill-fabbrika. Meta jinbena l-valur normali mill-fabbrika, peress li dan irid juri l-kostijiet fil-bieb tal-fabbrika, il-kostijiet relatati mat-trasport tal-prodott investigat ma jistgħux jitqiesu. Barra minn hekk, is-CMAE ma pprovdietx evidenza ġustifikattiva li l-kostijiet tat-trasport kienu relatati wkoll mal-inputs. Fil-fatt, il-kostijiet tat-trasport tal-materja prima użata fil-manifattura tal-prodott investigat huma oġġett ta’ kost ġenwin li jrid jitqies meta jinħadem il-valur normali u normalment ikun assoċjat mal-ispiża tal-inputs u ma jiġix irrapportat separatament. |
|
(119) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CMAE affermat li peress li l-kontijiet finanzjarji ta’ Madal Palfinger ma kinux jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-bejgħ domestiku u dak tal-esportazzjoni, jenħtieġ li l-kost għat-trasport u l-kummissjoni ma jitnaqqasx mill-SG&A. |
|
(120) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni minħabba li l-valur normali kellu jiġi stabbilit fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, u għalhekk dawn il-kostijiet kellhom jitnaqqsu sabiex jiġu stabbiliti l-SG&A u l-profitt fil-pajjiż rappreżentattiv, irrispettivament mid-destinazzjoni tal-oġġetti mibjugħa. |
|
(121) |
Is-CCCME sostniet li jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tużax perċentwal ikkalkulat tal-materjal konsumabbli fuq il-kost totali tal-materja prima u perċentwal tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura fuq il-kostijiet tal-manifattura effettivament imġarrba mill-produtturi esportaturi Ċiniżi biex testrapola l-valur mingħajr distorsjoni tal-materjal konsumabbli u tal-kostijiet ġenerali. Is-CCCME affermat ukoll li l-Kummissjoni żbaljat meta esprimiet il-kost attwali tat-trasport tal-produtturi esportaturi Ċiniżi għall-provvista ta’ materja prima bħala perċentwal tal-kost reali ta’ kull materja prima u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-kost mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex tikseb il-kost mingħajr distorsjoni tat-trasport. Is-CCCME esprimiet dubji dwar l-eżitu tal-applikazzjoni ta’ dan il-metodu billi argumentat li inevitabbilment dan iwassal għal parametru referenzjarju distort, peress li huwa espress bħala perċentwal ta’ kost allegatament distort tal-materja prima jew tal-kostijiet diretti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jew tidentifika l-parametru referenzjarju tal-materjal konsumabbli, il-kostijiet ġenerali tal-manifattura u l-kost tat-trasport separatament minn materja prima tal-input oħra jew taċċetta l-kost reali tal-produtturi esportaturi Ċiniżi għall-materjal konsumabbli, il-kostijiet ġenerali tal-manifattura u l-kost tat-trasport. |
|
(122) |
Is-CCCME esprimiet dubji dwar l-argument tal-Kummissjoni fil-premessa (237) tar-Regolament proviżorju li ż-żieda ta’ perċentwal għall-kostijiet ġenerali tal-manifattura mal-kost mingħajr distorsjoni tal-manifattura kkalkolat abbażi tas-sehem tal-kostijiet ġenerali espress fil-kost tal-manifattura tal-produtturi esportaturi li kkooperaw twassal għal riżultati aktar preċiżi mit-teħid tal-valur tal-kostijiet ġenerali mir-rapporti finanzjarji ta’ Madal Palfinger. Is-CCCME żiedet li l-istess jista’ jingħad għall-SG&A u għall-profitt u jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkalkula wkoll l-ammont mingħajr distorsjoni tal-SG&A u l-profitt tal-produtturi esportaturi fil-kampjun bl-istess mod, minflok ma tibbaża fuq id-data finanzjarja ta’ Madal Palfinger. |
|
(123) |
Il-Kummissjoni nnotat fil-premessa (82) li l-entrati tal-kostijiet ta’ valur negliġibbli, kif irrapportat mill-produtturi esportaturi, ġew raggruppati f’materjal konsumabbli. Il-kostijiet ġenerali ġew espressi bħala perċentwal tal-valur irrapportat mill-produtturi esportaturi għall-kostijiet diretti kollha. Il-kostijiet tat-trasport ġew espressi bħala perċentwal tal-kost tal-materja prima rrapportat. |
|
(124) |
Il-Kummissjoni ċaħdet il-proposta li tuża l-kost irrapportat mill-produtturi esportaturi għall-materjal konsumabbli, il-kostijiet ġenerali tal-manifattura u t-trasport minħabba li skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku (31) l-kostijiet domestiċi jistgħu jintużaw biss sal-punt li huma stabbiliti b’mod pożittiv li mhumiex distorti. Dan ma ġiex stabbilit f’dan il-każ. |
|
(125) |
Il-pretensjoni tas-CCCME ma kien fiha l-ebda argument validu li jissostanzja għaliex il-Kummissjoni jenħtieġ li tiddevja mill-prattika stabbilita tagħha li tikseb id-data finanzjarja mill-produtturi identifikati fil-pajjiż rappreżentattiv. Minħabba l-fatt li l-produtturi esportaturi kienu qed joperaw f’ambjent ekonomiku distort, il-perċentwal tal-SG&A u l-profitt tagħhom ma jistax jitqies li jirrifletti l-kundizzjonijiet operattivi normali. Fuq din il-bażi, il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
3.3. Kalkolu
3.3.1. Valur normali
|
(126) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq il-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku (32), kif deskritt fil-premessi (247)-(251) tar-Regolament proviżorju. |
|
(127) |
Għall-kostijiet tal-produzzjoni stabbiliti kif deskritt fil-premessi preċedenti, il-Kummissjoni applikat l-SG&A u l-profitt ta’ Madal Palfinger. |
|
(128) |
Il-kostijiet SG&A, espressi bħala perċentwal tal-Kostijiet tal-Prodotti Mibjugħa (“COGS, Costs of Goods Sold”) u applikati għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni, ammontaw għal 20,37 %. Il-profitt, espress bħala perċentwal tas-COGS u applikat għall-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-produzzjoni, ammonta għal 7,62 %. Il-Kummissjoni qieset li dawn l-ammonti kienu raġonevoli skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. |
|
(129) |
Fil-premessa (26) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod proviżorju li tapplika parzjalment il-fatti disponibbli għall-ħdim tal-valur normali ta’ JLG peress li matul iż-żjara ta’ verifika l-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika li d-data sottomessa fit-tweġiba għall-kwestjonarju kienet derivata mis-sistema kontabilistika tal-kumpanija. Wara spjegazzjonijiet addizzjonali provduti minn JLG u verifika ulterjuri tal-kontijiet tiegħu fuq il-post, il-Kummissjoni aċċertat li l-informazzjoni sottomessa inizjalment fit-tweġiba għall-kwestjonarju tal-JLG kienet derivata direttament mis-sistema kontabilistika tal-kumpanija. Fid-dawl ta’ dan l-eżami ulterjuri, il-Kummissjoni ma applikatx il-fatti disponibbli. |
|
(130) |
Għal Sinoboom, kif spjegat fil-premessa (25) tar-Regolament proviżorju, matul iż-żjara ta’ verifika ħarġet kwistjoni relatata mar-rapportar ta’ partijiet strutturali awtoprodotti u mixtrija. Il-Kummissjoni kkonkludiet li d-data relatata mal-kostijiet sottomessi minn Sinoboom ma kinitx riflessjoni preċiża tal-kostijiet effettivament imġarrba. |
|
(131) |
Il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet proviżorji tagħha fil-premessi (25) u (27) tar-Regolament proviżorju dwar l-applikazzjoni parzjali tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku (33) għal ċerta data li ma setgħetx tiġi vverifikata fit-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ Sinoboom. Il-metodoloġija użata ġiet stabbilita fil-premessa (267) tar-Regolament proviżorju. |
3.3.2. Prezz tal-esportazzjoni
|
(132) |
Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessa (252) tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji speċifiċi ta’ dan il-kalkolu fid-divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija wara l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji. L-ebda parti interessata ma qajmet xi kwistjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessa (252) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
|
(133) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Dingli sostniet li, abbażi ta’ rapport dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment sottomess bħala anness għat-tweġiba għall-kwestjonarju (34) ta’ Magni Germany, il-livell ta’ profitt irrapportat minn Magni Germany kien jirrifletti tranżazzjonijiet distakkati, għalhekk, il-marġni ta’ profitt irrapportat minn Magni Germany jenħtieġ li jintuża meta jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni. |
|
(134) |
Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni, peress li r-rapport ta’ sostenn dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment kopra s-sena 2021 u mhux il-PI. Barra minn hekk, ir-rapport kien ibbażat fuq informazzjoni kondiviża mill-maniġment ta’ Magni u ma ġiex ivverifikat. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(9) jirrikjedi li l-prezz tal-esportazzjoni jinħadem fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati jinbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti. F’dan il-każ, il-prezz irid jiġi aġġustat lura għall-fruntiera tal-Unjoni billi jitnaqqas il-profitt ta’ importatur mhux relatat. F’dan il-każ, Magni Germany ma kkwalifikatx bħala importatur mhux relatat. |
|
(135) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Dingli sostniet li jenħtieġ li jiġi applikat marġni ta’ profitt aktar baxx minn 5 % meta Magni Italy biegħet mill-ġdid lil Magni Germany, minħabba li tal-ewwel ma kinitx involuta fl-ikklerjar doganali, fil-ħażna u fit-trasport tal-merkanzija. Magni Germany wettqet dawn il-funzjonijiet hija stess. |
|
(136) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni għar-raġuni li ma kien hemm l-ebda evidenza pprovduta li tippermetti differenzjazzjoni tal-profitt li għandu jitnaqqas abbażi tal-funzjonijiet attwali mwettqa mill-importatur relatat. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li profitt ta’ 5 % kien stima raġonevoli bbażata fuq il-marġni ta’ importaturi mhux relatati użati f’każijiet simili. |
|
(137) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Dingli sostniet li, għall-bejgħ mill-ġdid minn Magni Italy lil klijenti mhux relatati fejn kien il-klijent li wettaq l-iżdoganar tal-merkanzija, il-Kummissjoni għandha tiddependi fuq il-prezz tal-bejgħ bejn Magni Italy u l-klijent għall-istabbiliment tal-prezz CIF. |
|
(138) |
Fin-nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn dwar il-valur CIF iddikjarat mill-klijenti mhux relatati ta’ Magni Italy, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. |
|
(139) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Dingli sostniet li l-valur CIF li għandu jintuża għat-tranżazzjonijiet permezz ta’ Magni Germany lill-utenti finali, jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-valur iddikjarat lid-dwana minn Magni Germany. Wara analiżi tal-informazzjoni fil-fajl, il-Kummissjoni aċċettat it-talba u aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni u l-marġni tad-dumping kif xieraq. |
3.3.3. Tqabbil
|
(140) |
Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (253) u (263) tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji speċifiċi ta’ dan il-kalkolu fid-divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija wara l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji. |
|
(141) |
Dingli sostniet li, minflok ma użat marġni ta’ profitt ta’ 5 %, il-Kummissjoni kellha tuża l-marġni ta’ profitt raġonevoli għall-kumpaniji li jwettqu operazzjonijiet simili fil-grupp Dingli. Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni għar-raġuni li l-marġni ta’ profitt issuġġerit kien relatat ma’ tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati u ma setax jittieħed bħala bażi. |
|
(142) |
Għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessa (253) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
3.3.4. Aġġustamenti
|
(143) |
Il-pretensjoni li d-diversi entitajiet ta’ Terex involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ MAE joperaw bħala entità ekonomika waħda ġiet proviżorjament miċħuda fil-premessa (263) tar-Regolament proviżorju. |
|
(144) |
Wara l-pubblikazzjoni tar-regolament proviżorju Terex sostniet li l-affiljati tagħha involuti fil-bejgħ ta’ MAE lejn l-UE huma taħt kontroll komuni, il-produzzjoni u l-bejgħ kollha tal-grupp Terex għall-UE huma ġestiti minn TGG, kumpanija bi kwartieri ġenerali fl-Iżvizzera, u li r-riskji finanzjarji huma mġarrba minn TGG. Terex introduċiet pretensjoni ta’ entità ekonomika waħda għall-grupp kollu ta’ kumpaniji, li jikkonsisti minn Terex Changzhou, TGG, u żewġ negozjanti relatati bbażati fl-UE. Genie France u Terex Italia. |
|
(145) |
Barra minn hekk, Terex ikkummentat dwar ir-raġunijiet stabbiliti fil-Premessi (258) sa (262) tar-Regolament proviżorju li proviżorjament ċaħdu t-talba tiegħu għal status ta’ entità ekonomika waħda. |
|
(146) |
Fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li la Terex Changzhou u TGG, u lanqas TGG u ż-żewġ distributuri relatati (Genie France u Terex Italia) ma jifformaw entità ekonomika waħda, rispettivament, minħabba li l-kuntratti tagħhom fihom ħlas ta’ marġni kummerċjali, klawżola li tipprevedi li l-partijiet qed jaġixxu bħala kuntratturi indipendenti, klawżola għall-għażla tal-liġi u l-ġuriżdizzjoni f’każ ta’ tilwim u klawżola li tiddefinixxi r-relazzjoni bejn il-partijiet bħala “bejjiegħ u xerrej”. |
|
(147) |
Terex sostniet li l-obbligu u l-prattika ta’ Terex Changzhou għar-rifużjoni ta’ TGG fil-każ ta’ prodotti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa huma limitati ħafna, is-soluzzjoni tat-tilwim permezz ta’ aġġudikazzjoni esterna bejn l-entitajiet differenti ta’ Terex hija dovuta għall-użu ta’ mudell ta’ kuntratt standard u qatt ma kien hemm rikors għalih, minkejja li fil-kuntratti tagħhom qablu dwar ammont ibbażat fuq is-suq, ir-remunerazzjoni bejn TGG u Terex Changzhou hija marġni kummerċjali garantit ta’ kost b’addenda, TGG ma tbigħx fl-EU MAEs immanifatturati minn xi entità mhux relatata u li Terex Changzhou ma għandhiex relazzjoni kuntrattwali diretta mal-kumpaniji tal-bejgħ affiljati tal-UE, Terex Italia u Genie France. |
|
(148) |
Il-Kummissjoni qieset l-ispjegazzjonijiet deskritti fil-premessa (146) hawn fuq, iżda sabet li minflok ma wriet l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn il-kumpaniji fil-grupp Terex, huma enfasizzaw li Terex Changzhou, TGG, Genie France u Terex Italia huma kumpaniji relatati mill-qrib li jappartjenu għall-istess grupp li jaqsmu diversi protokolli interni ta’ ġestjoni u kontabbiltà. Madankollu, dan qatt ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni. Dawn il-protokolli ta’ ġestjoni kondiviża u kontabilistiċi jistgħu jeżistu sew bejn kumpaniji relatati fl-istess grupp mingħajr ma jiffurmaw entità ekonomika waħda. |
|
(149) |
Fir-rigward tal-pretensjoni ta’ Terex li r-rifużjonijiet huma rari u r-rikors għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa ineżistenti fir-relazzjoni ekonomika bejn Terex Changzhou u TGG, il-Kummissjoni nnotat li minkejja din il-prattika l-qafas kuntrattwali bejn dawn l-entitajiet jippermetti tali rifużjonijiet (li, filwaqt li huma rari, il-kumpanija stess tammetti li jseħħu) u soluzzjoni tat-tilwim u jindika l-fatt li r-relazzjoni tagħhom hija differenti minn manifattur u d-“dipartiment tal-bejgħ” tiegħu. Tabilħaqq, il-klawżoli rilevanti wrew li kien hemm nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-partijiet. |
|
(150) |
Fir-rigward tal-pretensjoni li minflok il-prezzijiet tas-suq imsemmija fil-kuntratt bejn l-entitajiet, ir-realtà ekonomika matul il-PI uriet li Terex Changzhou rċeviet tariffa tal-manifattura tal-kostijiet u l-marġni kummerċjali mingħand TGG għall-prodotti tagħha, il-Kummissjoni sabet li profitt garantit u t-trasferiment finanzjarju intern li jirriżulta minnu bejn l-entitajiet differenti involuti fil-bejgħ jistgħu jkunu karatteristika ta’ soċjetà li ma tinkludix entità ekonomika unika. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ prezzijiet innegozjati mill-ġdid b’mod regolari fil-kuntratt bejn l-entitajiet, kif deskritt fil-premessa (146), ma tiġix invalidata mill-prattika preċedenti tal-ipprezzar tal-marġni kummerċjali tal-kost b’addenda bejniethom. |
|
(151) |
Il-Kummissjoni vverifikat u aċċettat l-argument li TGG ma tbigħx fl-UE MAEs immanifatturati minn xi entità mhux relatata iżda nnotat li minbarra l-MAE manifatturat minn Terex Changzhou fiċ-Ċina, TGG tbigħ MAEs immanifatturati minn kumpaniji relatati fil-Messiku, l-Italja, l-Istati Uniti u l-Indja. Għall-Kummissjoni, din hija indikazzjoni ta’ sħubija mill-qrib ħafna bejn il-kumpaniji relatati differenti fil-grupp aktar milli relazzjoni fejn TGG, Genie France u Terex Italia huma d-“dipartimenti tal-bejgħ” esklużivi ta’ Terex Changzhou. |
|
(152) |
Il-pretensjoni li hija TGG u mhux Terex Changzhou li għandha relazzjoni kuntrattwali diretta mal-kumpaniji ta’ bejgħ affiljati tal-Unjoni, Terex Italia u Genie France, ma kinitx ċara u ma kinitx ippruvata. Minn naħa, Terex sostniet li dawn l-entitajiet kollha jifformaw entità ekonomika waħda, min-naħa l-oħra, Terex qed tissuġġerixxi li r-relazzjoni kuntrattwali eżistenti bejn TGG u Terex Italia u Genie France mhija tal-ebda konsegwenza fid-determinazzjoni tal-istatus ta’ entità ekonomika waħda bejniethom. |
|
(153) |
Fid-dawl tal-premessi (147) sa (151), il-pretensjoni li d-diversi entitajiet ta’ Terex involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ MAE qed joperaw bħala entità ekonomika waħda ġiet miċħuda. |
|
(154) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Terex sostniet li l-Kummissjoni trid tħares lil hinn mill-formalitajiet li jagħmlu lill-entitajiet relatati bħala legalment distinti u tqis ir-“realtà ekonomika” tar-relazzjoni meta tivvaluta pretensjoni ta’ SEE. |
|
(155) |
Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. Il-Kummissjoni analizzat id-dispożizzjonijiet kuntrattwali bejn l-entitajiet u kkonkludiet li hemm-nuqqas ta’ solidarjetà ekonomika bejniethom. Ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni ulterjuri dwar ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-entitajiet. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza li r-relazzjoni, kif deskritta permezz tal-arranġament kuntrattwali ma kinitx preċiża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kuntratti relevanti kien fihom klawżoli li kienu inkonsistenti mal-affermazzjoni li r-realtà ekonomika tar-relazzjoni bejn in-negozjant relatat u l-manifattur kienet tirrifletti r-relazzjoni bejn manifattur u dipartiment tal-bejgħ intern. |
|
(156) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Terex irrepetiet pretensjonijiet dwar il-garanzija u l-klawżoli għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-kuntratti bejn il-membri tal-grupp, ir-remunerazzjoni bejn l-entitajiet ta’ Terex u l-bejgħ minn TGG ta’ MAEs prodotti minn manifatturi ta’ Terex minbarra Terex Changzhou. Terex iċċarat ukoll is-sottomissjoni preċedenti tagħha dwar ir-relazzjoni bejn Terex Changzhou u Genie France u Terex Italy, rispettivament. F’kull punt Terex ressqet l-argument li l-Kummissjoni għandha tibbaża fuq ir-realtà ekonomika aktar milli fuq id-dettalji tal-kuntratti meta tivvaluta l-impatt tagħhom fuq il-pretensjoni tal-entità ekonomika unika. |
|
(157) |
Il-pretensjonijiet diġà ġew indirizzati fil-premessi (148) sa (151). Ir-realtà tar-relazzjoni bejn l-entitajiet differenti kienet ikkaratterizzata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli bejniethom. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza li r-relazzjoni, kif deskritta permezz tal-arranġament kuntrattwali ma kinitx preċiża. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ċaħdet fin il-pretensjoni. |
|
(158) |
Pretensjoni oħra biex diversi kumpaniji jiġu trattati bħala entità ekonomika waħda ġiet introdotta minn JLG. Huma sostnew li JLG Industries, Inc., JLG EMEA, JLG Tianjin u l-Uffiċċju tal-Bejgħ u s-Servizzi tal-UE (SSO, Sales and Service Office) (35) involuti fil-bejgħ lill-UE joperaw bħala entità ekonomika waħda, minħabba li l-affiljati ta’ JLG involuti fil-bejgħ ta’ MAE lejn l-UE huma taħt kontroll komuni, il-produzzjoni u l-bejgħ kollha tal-grupp JLG huma ġestiti minn JLG Industries, Inc. mill-kwartieri ġenerali tiegħu fl-Istati Uniti u r-riskji finanzjarji jiġġarrbu minn JLG Industries, Inc. |
|
(159) |
JLG Tianjin timmanifattura MAEs li jinbiegħu lil JLG Industries (li jinsab fl-Istati Uniti). Fil-każ tal-bejgħ tal-UE, JLG Industries terġa’ tbigħ dawn l-MAEs lil JLG EMEA fin-Netherlands. Dan tal-aħħar jew ibigħ lil klijenti indipendenti finali jew lin-negozjanti relatati: JLG Deutschland GmbH, JLG France, JLG Sverige AB, JLG Industries (Italia) u Plataformas Elevadoras (JLG Spain). Il-kumpanija sostniet li l-entitajiet kollha involuti fil-manifattura u l-bejgħ tal-MAEs jiffurmaw entità ekonomika waħda. |
|
(160) |
Il-Kummissjoni sabet li l-ftehim ta’ distribuzzjoni bejn JLG EMEA u JLG Industries fih dispożizzjonijiet li jindikaw in-nuqqas ta’ entità ekonomika unika bejniethom, pereżempju, il-kuntratti tagħhom fihom klawżoli ta’ arbitraġġ, “u l-partijiet għall-kuntratt huma intitolati li jfittxu r-rimedji kollha disponibbli, inklużi r-rimedji legali kollha”. JLG EMEA hija awtorizzata twettaq id-dmirijiet kollha tagħha bħala distributur għall-bejgħ ta’ MAEs bis-saħħa tal-kuntratt b’mod indipendenti u billi tuża d-diskrezzjoni tagħha stess u tiżgura li l-klijenti tagħha jkunu konxji mill-fatt li hija topera u tbigħ f’isimha stess. Il-ħatra ta’ JLG EMEA bħala distributur mhijiex esklużiva u xejn fil-kuntratt tagħha ma jillimita lil JLG Industries biex taħtar distributuri oħra għas-suq tal-Unjoni. JLG EMEA tista’ tipprovdi servizzi mhux konkorrenti lil partijiet terzi għan-nom tagħha stess jew għan-nom ta’ partijiet terzi. |
|
(161) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-ftehim ta’ distribuzzjoni standard bejn JLG EMEA u l-SSOs fih dispożizzjonijiet li jindikaw l-assenza ta’ solidarjetà u, bħala konsegwenza, tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Pereżempju, klawżola ta’ arbitraġġ li tafferma li l-arbitraġġ għandu jsir f’konformità mar-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-Istitut tal-Arbitraġġ tan-Netherlands, lista ta’ prezzijiet irrakkomandati minn JLG EMEA li għandha tintuża mid-distributuri iżda li tippermettilhom li jitolbu prezzijiet differenti, perċentwal ta’ kumpens fiss li d-distributuri huma intitolati għalih għal kull bejgħ, irrispettivament mill-prezz finali. |
|
(162) |
Il-Kummissjoni sabet li l-ispjegazzjoni dwar il-kontroll komuni, id-direzzjoni tal-bejgħ u r-riskju finanzjarju sostnut minn JLG Industries, Inc., uriet li hemm sħubija ekonomika mill-qrib bejn l-entitajiet involuti mingħajr ma neċessarjament jiffurmaw entità ekonomika waħda. It-tip ta’ kmand u kontroll deskritt minn JLG jista’ jeżisti bejn kumpaniji relatati li jappartjenu għall-istess grupp li għandhom responsabbiltajiet definiti minn qabel bħala operatur tas-suq, manifattur u distributur. |
|
(163) |
JLG argumentat li l-konfutazzjonijiet tal-argumenti fil-Premessi (258) sa (262) tar-Regolament proviżorju li jiċħdu l-pretensjoni ta’ entità ekonomika waħda ta’ Terex, ma kinux applikabbli għal JLG. |
|
(164) |
Il-Kummissjoni ma eżaminatx fid-dettall il-pretensjoni li r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-entità ekonomika unika ta’ Terex mhumiex applikabbli għal JLG. L-argumenti li jirfdu ċ-ċaħda tal-pretensjoni ta’ JLG huma awtonomi u speċifiċi għall-kumpaniji, kif deskritt fid-dettall fil-premessi (159), (160) u (161). |
|
(165) |
Fid-dawl tal-premessi (159), (160) u (161) ta’ hawn fuq, il-pretensjoni li d-diversi entitajiet tal-JLG involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ MAE joperaw bħala entità ekonomika waħda ġiet miċħuda. |
|
(166) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, JLG tenniet il-pretensjoni tagħha li l-JLG Group kien qed jopera bħala SEE. JLG insistiet fuq ir-“realtà ekonomika” fi ħdan l-operat tal-grupp u argumentat li l-Kummissjoni għandha tinjora d-dispożizzjonijiet kuntrattwali bejn entitajiet differenti tal-grupp. |
|
(167) |
Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali ġew miftiehma liberament mill-partijiet. Ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni pprovduta minn JLG għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni analizzat dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali bejn l-entitajiet u kkonkludiet li hemm-nuqqas ta’ solidarjetà ekonomika bejniethom. Ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni ulterjuri dwar ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-entitajiet. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza li r-relazzjoni, kif deskritta permezz tal-arranġament kuntrattwali ma kinitx preċiża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kuntratti relevanti kien fihom klawżoli inkonsistenti mal-affermazzjoni li r-realtà ekonomika tar-relazzjoni bejn in-negozjant relatat u l-manifattur kienet tirrifletti r-relazzjoni bejn manifattur u dipartiment tal-bejgħ intern. |
3.3.5. Marġnijiet tad-dumping
|
(168) |
Il-marġnijiet tad-dumping definittiv espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, tal-assigurazzjoni u tan-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
4. DANNU
4.1. Pretensjoni dwar analiżi separata tad-dannu u tal-kawżalità tal-MAE b’magni elettriċi jew ibridi u konvenzjonali
|
(169) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCME tenniet li l-fatturi tad-dannu u tal-kawżalità fl-investigazzjoni kellhom jiġu vvalutati separatament għall-MAE b’magni elettriċi jew ibridi u konvenzjonali bħala sottogruppi jew segmenti tas-sottosuq, peress li argumentat li dawn l-MAE ma kinux interkambjabbli minħabba d-disparitajiet essenzjali tagħhom fil-karatteristiċi tal-prodott, fl-użu finali u fil-perċezzjonijiet tas-suq. Hija argumentat ukoll li meta naqset milli tagħmel dan, il-Kummissjoni ma żguratx eżami oġġettiv tal-elementi ta’ dannu kif mitlub mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Is-CCCME tenniet l-argument wara d-divulgazzjoni definittiva mingħajr ma żiedet l-ebda element ġdid biex tappoġġa l-pretensjoni tagħha. |
|
(170) |
Kif spjegat fit-Taqsima 2.4.1, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żewġ kategoriji (MAE konvenzjonali u elettriku jew ibridu) kellhom l-istess karatteristiċi essenzjali u li għalhekk kien iġġustifikat li t-tnejn kienu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott u vvalutati bħala l-istess segment tas-suq. Id-differenzi bejn iż-żewġ kategoriji ma kinux tali li jiġġustifikaw analiżi separata tad-dannu u tal-kawżalità peress li l-prodotti kienu f’kompetizzjoni. Kif spjegat fit-Taqsima 2.4.1, aktar MAE b’magna konvenzjonali fil-futur jista’ jiġi sostitwit progressivament b’MAE elettriku jew ibridu u jintuża aktar fuq barra. Għalhekk, il-qasam tal-użu ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ MAE kien qed jevolvi, li kien argument addizzjonali kontra valutazzjoni separata. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx iġġustifikat li ssir valutazzjoni separata tal-fatturi tad-dannu u tal-kawżalità għaż-żewġ kategoriji ta’ MAE. |
4.2. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
|
(171) |
Fl-assenza ta’ kummenti rigward id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (273) sa (275) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
4.3. Konsum tal-Unjoni
|
(172) |
Fl-assenza ta’ kummenti rigward il-konsum tal-Unjoni, il-premessi (276) sa (278) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
4.4. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
4.4.1. Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
|
(173) |
Fl-assenza ta’ kummenti rigward l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-premessi (279) sa (281) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
4.4.2. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat: It-twaqqigħ tal-prezz u s-soppressjoni tal-prezzijiet
|
(174) |
Fil-premessi (286) sa (288) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tat dettalji dwar il-metodoloġija biex jiġi determinat it-twaqqigħ tal-prezz u kkonkludiet li l-importazzjonijiet Ċiniżi waqqgħu u rażżnu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(175) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, JLG affermat li, fir-rigward ta’ JLG EMEA, il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-valur CIF ma ppermettietx tqabbil ġust tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-UE ta’ JLG mal-prezzijiet tal-industrija tal-UE. Peress li l-attivitajiet kollha ta’ bejgħ relatati mal-UE kienu organizzati biss minn JLG EMEA, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tnaqqasx il-profitt tagħha u l-SG&A fil-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. JLG ressqet ukoll l-argument li l-prezz ta’ trasferiment fi ħdan il-kumpanija mitlub minn JLG Tianjin kopra biss il-kost tal-manifattura, l-ispejjeż ġenerali tal-impjant u valwazzjoni pożittiva tal-profitt ta’ 7 % (abbażi tal-kostijiet), li ma kienx l-istess bħall-prezz fil-mira tal-industrija tal-UE stabbilit abbażi tal-profitt fil-mira u l-SG&A attwali espress bħala perċentwali tal-prezzijiet tal-bejgħ. |
|
(176) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li sabiex jiġi stabbilit prezz tal-importazzjoni affidabbli fuq bażi ta’ distakkament, tali prezz irid jinħadem billi jintuża l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-importatur relatat lill-ewwel klijent indipendenti bħala punt tat-tluq. Sabiex titwettaq din ir-rikostruzzjoni, ir-regoli dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni kif jinsabu fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku huma pertinenti u huma applikati b’analoġija. L-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-awtorità investigattiva tistabbilixxi prezz tal-esportazzjoni affidabbli fil-fruntiera tal-Unjoni billi taġġusta għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti li jakkumulaw. L-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku tippermetti li wieħed jasal għal prezz li jkun kompletament komparabbli mal-prezz li jintuża meta jiġi eżaminat il-bejgħ magħmul lil klijenti mhux relatati u wkoll komparabbli mal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(177) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Terex sostniet li, fir-rigward ta’ TGG, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tnaqqasx il-profitt u l-SG&A fil-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni sabiex tippermetti tqabbil ġust tal-prezz tal-bejgħ tal-UE ta’ Terex u l-prezz tal-industrija tal-UE. Il-prezz tat-trasferiment bejn il-kumpaniji bejn Terex Changzhou u TGG kopra biss l-ispejjeż tal-manifattura, l-ispejjeż ġenerali tal-impjant u profitt. Dan ma kienx l-istess bħall-prezz fil-mira tal-industrija tal-UE, stabbilit abbażi tal-profitt fil-mira u l-SG&A attwali li ġew espressi bħala perċentwali tal-prezzijiet tal-bejgħ. |
|
(178) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument minħabba li sabiex jiġi stabbilit prezz tal-importazzjoni affidabbli fuq bażi ta’ distakkament, tali prezz irid jinħadem billi jintuża l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-importatur relatat lill-ewwel klijent indipendenti bħala punt tat-tluq. Sabiex titwettaq din ir-rikostruzzjoni, ir-regoli dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni kif jinsabu fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament anti-dumping bażiku huma pertinenti u huma applikati b’analoġija. L-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-awtorità investigattiva tistabbilixxi prezz tal-esportazzjoni affidabbli fil-fruntiera tal-Unjoni billi taġġusta għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti li jakkumulaw. L-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament anti-dumping bażiku tippermetti li wieħed jasal għal prezz li huwa kompletament komparabbli mal-prezz li jintuża meta jiġi eżaminat il-bejgħ li jsir lil klijenti mhux relatati u komparabbli wkoll mal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. |
4.4.2.1. Livell ta’ kummerċ
|
(179) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur, is-CCCME, Sinoboom u Dingli sostnew li ma kienx ċar mid-divulgazzjoni proviżorja jekk meta kkalkolat it-twaqqigħ tal-prezz (u l-bejgħ taħt il-prezz), il-Kummissjoni aġġustat il-prezz tal-produtturi tal-Unjoni f’każ li jbigħu permezz ta’ entitajiet relatati, kif għamlet għall-prezz tal-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun. |
|
(180) |
Il-Kummissjoni ċċarat li saru l-istess aġġustamenti kemm għall-produtturi esportaturi fiċ-Ċina kif ukoll għall-produtturi tal-Unjoni, u għalhekk li l-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet fl-istess livell ta’ kummerċ. |
4.4.2.2. Aġġustament għad-dazju doganali
|
(181) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur sostna li l-Kummissjoni ma kellhiex taġġusta b’mod sistematiku l-prezz tal-esportazzjoni b’4,5 % tad-dazju doganali minħabba li l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi TARIC 8428.90.90.20 ma kinux soġġetti għal dazju doganali. Huwa argumenta li l-aġġustament jenħtieġ li jsir biss għal esportazzjonijiet soġġetti għal dazji abbażi tad-data sottomessa mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, u f’każ li l-informazzjoni ma tkunx ġiet irrapportata, abbażi ta’ data ta’ wara l-bidu billi jiġi identifikat il-proporzjon ta’ importazzjonijiet soġġetti għal dazji meta mqabbel mal-importazzjonijiet li għalihom id-dazji kienu żero. Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u naqqset il-prezz tal-esportazzjoni skont dan. |
|
(182) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME sostniet li jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża fuq id-data tal-esportazzjoni attwali ta’ kull wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun aktar milli fuq id-data tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ wara l-PI. Il-Kummissjoni ċċarat li l-aġġustament kien ibbażat fuq id-data attwali tal-produtturi esportaturi fil-PI li ppermettiet li jiġi stabbilit jekk il-bejgħ għall-esportazzjoni kienx soġġett għad-dazju doganali. |
4.4.2.3. Il-komparabbiltà tal-prodott
|
(183) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Sinoboom u l-ilmentatur ippreżentaw kummenti dwar il-klassifikazzjoni u l-komparabbiltà tal-prodott. |
|
(184) |
Sinoboom irreferiet għad-divulgazzjoni proviżorja u għall-fatt li għall-fini tal-kalkoli tal-marġni tad-dannu, il-Kummissjoni għaqqdet il-PCNs (product control numbers) li kellhom bħala konsegwenza li l-Kummissjoni qabblet il-lifts bid-driegħ twil ma’ għoli ta’ operat distint b’mod sinifikanti, li allegatament irriżulta fi stima eċċessiva tal-marġni tad-dannu. |
|
(185) |
Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u għamlet it-tqabbil fuq bażi PCN ma’ PCN u aġġustat il-kalkoli skont dan. B’konsegwenza ta’ dan, il-marġini tad-dannu naqas. |
|
(186) |
Sinoboom indikat ukoll li l-marġni tad-dumping provviżorju tagħha kien ogħla mill-marġnijiet ta’ produtturi esportaturi oħra. Skont Sinoboom, tali differenza tista’ tiġi kkawżata mill-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni għat-tqabbil tal-prezzijiet u l-analiżi tal-marġni tad-dannu. Hija rreferiet għall-klassifikazzjoni tad-divulgazzjoni tan-numri ta’ kontroll tan-numri ta’ kontroll tal-prodott (“PCN”) u argumentat li l-partijiet interessati ma kellhomx biżżejjed żmien biex jikkummentaw dwar it-tqabbil tal-PCN ippreżentat mill-partijiet jum biss qabel l-iskadenza għall-kummenti dwar il-miżuri proviżorji. Hija qieset li kien hemm irregolaritajiet fil-klassifikazzjoni tal-PCN mill-produtturi tal-Unjoni, u indikat tipi ta’ prodotti li possibbilment kienu klassifikati ħażin jew fejn ma setgħetx tivverifika l-klassifikazzjoni korretta abbażi tad-deskrizzjoni tat-tipi ta’ prodotti. |
|
(187) |
Bħala reazzjoni għall-kummenti tas-CCCME, l-ilmentatur qies li l-pretensjonijiet kienu mingħajr bażi peress li l-prodotti jew kienu klassifikati sew jew ma kinux immanifatturati jew użati għat-tqabbil. |
|
(188) |
Il-Kummissjoni vverifikat l-allegati klassifikazzjonijiet ħżiena u sabet li wieħed mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun tabilħaqq kien irrapporta żewġ tipi ta’ MAE taħt PCN skorrett. Il-Kummissjoni kkoreġiet il-klassifikazzjoni tal-PCN skont dan. |
|
(189) |
Sinoboom sostniet wkoll li xi tipi ta’ prodotti setgħu jinbiegħu mill-produtturi tal-Unjoni f’volumi mhux rappreżentattivi li setgħu wasslu għal prezzijiet artifiċjalment għoljin għal dawn il-prodotti. Jekk dan kien il-każ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikklassifika mill-ġdid il-bejgħ inkwistjoni u tinkludih fl-eqreb PCN distint li għalih il-produtturi tal-Unjoni kellhom bejgħ rappreżentattiv fil-PI. |
|
(190) |
Il-Kummissjoni vverifikat u kkonfermat li t-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u mqabbla mal-istess tipi ta’ prodotti mibjugħa minn Sinoboom ma kinux relatati ma’ kwantitajiet mhux rappreżentattivi. Għalhekk ma kienx hemm bżonn ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-PCNs. |
|
(191) |
L-ilmentatur qies li kien hemm klassifikazzjoni ħażina apparenti ta’ ċerti tipi ta’ prodotti ddikjarati mill-JLG fir-rigward tal-użu industrijali jew ta’ terren imħarbat ta’ dirgħajn twal magħżula u fir-rigward tal-għoli ta’ operat ta’ ċerti arbli vertikali. |
|
(192) |
Matul il-proċess ta’ verifika tal-kumpaniji relatati fl-istadju definittiv, il-kumpaniji qablu mal-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-prodotti fil-PCNs korretti. |
4.4.2.4. Konklużjoni dwar il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u s-soppressjoni tal-prezzijiet
|
(193) |
Wara l-korrezzjonijiet li saru fil-kalkoli tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz (u tal-bejgħ taħt il-prezz), kif spjegat hawn fuq u fit-Taqsima 3.3.2, il-Kummissjoni stabbiliet marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz medju peżat ta’ 11,9 %. |
|
(194) |
Minbarra t-twaqqigħ tal-prezz, il-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz għal kull produttur esportatur fil-kampjun baqgħu sinifikanti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni fil-premessa (288) li l-importazzjonijiet Ċiniżi rażżnu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li kellha tbigħ b’inqas mill-kostijiet matul il-PI. |
4.5. Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
|
(195) |
Fir-Regolament proviżorju (it-taqsima 4.5), il-Kummissjoni tat dettalji dwar l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Hija kkonkludiet, fil-premessa (320) tar-Regolament proviżorju, li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(196) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar il-livell tal-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi. Fl-assenza ta’ kummenti rigward il-livell ta’ dawn l-indikaturi, il-premessi (289) sa (316) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.5.1. Konklużjoni dwar id-dannu
|
(197) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCME, il-GOC u l-ilmentatur ikkummentaw dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-indikaturi tad-dannu u d-dannu. |
|
(198) |
Is-CCCME qieset li l-indikaturi tad-dannu wrew li l-industrija tal-Unjoni tal-MAE kienet qed tikber u li ma kien hemm l-ebda evidenza pożittiva ta’ dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Hija rreferiet għat-tkabbir tal-produzzjoni b’100 %, għaż-żieda fl-użu tal-kapaċità bi 88 % u għall-volumi tal-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni bi 62 %. Hija argumentat ukoll li ż-żieda fil-prezz ta’ 16 % kienet ogħla miż-żieda fil-kostijiet li kienet ta’ 14 %. Barra minn hekk, hija argumentat li l-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni żdiedu b’40 %, il-produttività bi 43 %, u l-istokk tal-għeluq fil-produzzjoni naqas b’35 %. Is-CCCME tenniet argumenti simili wara d-divulgazzjoni definittiva u argumentat li d-data tal-indikaturi tad-dannu ddivulgata lill-partijiet interessati ma pprovdietx stampa konvinċenti tad-dannu materjali tal-industrija tal-Unjoni fil-PI. Madankollu, hija ma pprovdietx elementi ġodda biex issostni l-pretensjoni. |
|
(199) |
Barra minn hekk, is-CCCME indikat ir-rapporti finanzjarji minn Manitou li rrapportaw żieda importanti fil-profitt u l-bejgħ fit-Tramuntana tal-Ewropa u fin-Nofsinhar tal-Ewropa (36), u ż-żewġ artikoli li jsemmu li Haulotte żied il-bejgħ tiegħu (37). Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME żiedet li r-rapporti finanzjarji ta’ Manitou rreferew għal “diviżjoni tal-prodott” li kienet tinkludi MAE u li, skont id-dikjarazzjonijiet, “ibbenefikat bis-sħiħ mill-effett taż-żidiet fil-prezzijiet, li kkontribwew 13 % għat-tkabbir tal-bejgħ fl-2023”. Huwa argumenta wkoll li d-dikjarazzjonijiet semmew ukoll li “is-swieq u s-setturi tan-negozju kollha esperjenzaw żieda qawwija fil-valur” (38). |
|
(200) |
Il-GOC irrefera wkoll għaż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni, il-volum tal-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, l-għadd ta’ impjegati, il-prezz tal-bejgħ u indikaturi oħra tal-produtturi tal-Unjoni. Huwa argumenta li l-Kummissjoni naqset milli tqis il-kawżi reali tat-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(201) |
L-ilmentatur, min-naħa l-oħra, qies li kien normali li anke industrija li ġarrbet dannu wriet xi ammont ta’ żieda fil-produzzjoni u fil-volum tal-bejgħ, peress li l-istaġnar jew it-tnaqqis fil-kuntest ta’ konsum li żdied b’122 % kien jagħmilha improbabbli għall-industrija li tibqa’ ħajja. Huwa sostna li, għaldaqstant, kien meħtieġ li jitqies it-tkabbir importanti tas-suq. |
|
(202) |
L-ilmentatur enfasizza wkoll li l-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu mill-2020 sal-PI b’aktar minn 226 % li kien aktar miż-żieda fil-konsum, u s-sehem mis-suq żdied b’47 %, li wera l-wasla aggressiva u rapida tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, minkejja ż-żieda fil-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni bejn l-2020 u l-PI, is-sitwazzjoni tagħha baqgħet dannuża. L-ilmentatur argumenta wkoll li dan kien minħabba li s-sena 2020 kienet influwenzata mis-sitwazzjoni tal-pandemija u li l-produzzjoni fl-2020 kienet baxxa. Iż-żieda sussegwenti fil-produzzjoni baqgħet ferm taħt iż-żieda fil-konsum, li kien ifisser li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tipproduċi u tbigħ f’konformità mad-domandi tas-suq. L-ilmentatur enfasizza wkoll li l-impjiegi kibru inqas mill-produzzjoni, minħabba l-ħtieġa li jitnaqqsu l-kostijiet. |
|
(203) |
L-ilmentatur argumenta wkoll li r-rapporti finanzjarji kkwotati mis-CCCME kienu jikkonċernaw in-negozju kollu ta’ Manitou, filwaqt li l-prodott ikkonċernat kien jirrappreżenta biss 11,6 % tal-attivitajiet tiegħu fl-2023. Huwa argumenta wkoll li fl-artikolu li semma ż-żieda fil-bejgħ minn Haulotte, issemma wkoll li Haulotte ma setax iħallas id-djun tiegħu, li ma setax jistabbilixxi prezzijiet f’livell ta’ ekwilibriju, u li l-manifatturi Ċiniżi kienu l-kawża tal-problemi finanzjarji u ta’ bejgħ ta’ Haulotte. |
|
(204) |
Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni saħqet li s-sena 2022 kienet sena drammatika bla preċedent għad-dannu tal-Unjoni, u li t-titjib minuri fl-2023 ma weriex li ma kinitx għadha qed iġġarrab dannu. |
|
(205) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-pretensjonijiet tal-partijiet differenti. Hija qieset li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie argumentat mis-CCCME u mill-GOC, il-fatt li xi wħud mill-indikaturi bħall-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volumi tal-bejgħ, il-prezz u l-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni wrew, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, xejra pożittiva, ma setax jiġi interpretat b’mod iżolat bħala sinjal ta’ industrija li qed tikber fi stat tajjeb. Il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (318) tar-Regolament proviżorju, fejn spjegat li l-indikaturi kollha tal-industrija tal-Unjoni kienu affettwati, bħal dawk ta’ ħafna industriji oħra, mis-sitwazzjoni tal-pandemija fl-2020. Għalhekk, il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ u l-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni fl-2020 kienu f’livell eċċezzjonalment baxx, għalhekk, peress li s-sena 2020 kienet is-sena ta’ referenza, uriet żieda. |
|
(206) |
Biex jintwera dan ta’ hawn fuq, qabel il-pandemija, fl-2019, il-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienu ogħla milli fl-2020 u f’livell simili bħal fil-PI. Il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2019 ammontat għal 34 669 unità meta mqabbla ma’ 35 402 unità fil-PI, u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-2019 ammonta għal 27 765 unità meta mqabbel ma’ 23 794 unità fil-PI. Dan tal-aħħar irrappreżenta tnaqqis ta’ 14 % bejn l-2019 u l-PI. Bl-istess mod, bejn l-2019 u l-PI, l-impjiegi naqsu b’7 %. |
|
(207) |
Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li xi indikaturi bejn l-2020 u l-PI wrew żieda ma kienx sinjal ta’ industrija b’saħħitha li qed tikber, iżda pjuttost sinjal ta’ ritorn għal-livelli ta’ qabel il-COVID, speċjalment f’suq fejn il-konsum żdied, bejn l-2020 u l-PI, b’122 %, minn 28 481 unità fl-2020 għal 63 086 unità fil-PI. F’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni jikber f’konformità mat-tkabbir fil-konsum. Madankollu, dan ma kienx il-każ bejn l-2020 u l-PI, il-bejgħ żdied biss bi 62 % meta mqabbel maż-żieda fil-konsum ta’ 122 %. Għalkemm il-livell tal-impjiegi żdied b’40 % bejn l-2020 u l-PI, kien 60 % inqas miż-żieda fil-produzzjoni li żdiedet, fl-istess perjodu, b’100 %. |
|
(208) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet telf importanti bejn l-2020 u l-PI. Għalkemm it-telf naqas mill-2022 sal-PI, l-industrija kompliet tkun f’sitwazzjoni ta’ telf, filwaqt li f’suq tal-MAE li qed jikber, taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, kellha terġa’ lura għal sitwazzjoni profittabbli. |
|
(209) |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li r-rapporti finanzjarji ta’ Manitou Group koprew l-attivitajiet kollha ta’ Manitou Group, li l-MAE kien biss parti żgħira minnhom u ma kinux jirrelataw mal-bejgħ ta’ MAE b’mod speċifiku. Id-data kollha għall-PI relatata speċifikament mal-MAE għal kull produttur tal-Unjoni fil-kampjun ġiet ivvalutata u vverifikata mill-Kummissjoni. Għalhekk, dan it-tip ta’ dikjarazzjonijiet fir-rapporti finanzjarji ta’ Manitou ma kinux rilevanti għall-valutazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi li ġew ivverifikati u vvalutati fir-rigward tal-prodott ikkonċernat u l-PI speċifikament (li ma kkoinċidux mas-sena finanzjarja tal-kumpanija). Għalhekk, ma setgħet tinsilet l-ebda konklużjoni minn dawn id-dikjarazzjonijiet fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. L-istess japplika għall-informazzjoni rrapportata dwar Haulotte Group. Il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha fuq data vverifikata miż-żewġ kumpaniji, li tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika relatata biss mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ MAE fil-perjodu kkunsidrat. |
|
(210) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME argumentat ukoll li r-referenza tal-Kummissjoni għall-indikaturi fl-2019 kienet relatata biss mal-indikaturi makroekonomiċi u mhux mad-data mikroekonomika, u li għalhekk, kien hemm inkonsistenza ċara fil-perjodu ta’ żmien tal-valutazzjoni tad-dannu. Għalhekk, fil-fehma tagħha, ma jistax jiġi eskluż li l-analiżi tal-indikaturi tad-dannu relatati ma’ perjodu inkonsistenti taħt kunsiderazzjoni twassal għal stampa distorta tad-dannu. Barra minn hekk, is-CCCME sostniet li l-Kummissjoni kellha tqis il-perjodu qrib il-PI minħabba li tali valutazzjoni tirrifletti bl-aktar mod preċiż jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu materjali fil-PI, u wkoll minħabba li d-dumping, it-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz kienu stabbiliti biss għall-PI. |
|
(211) |
Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni rreferiet għas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2019 ma kienx estensjoni tal-perjodu kkunsidrat, u lanqas ma kien ifisser li ntuża perjodu differenti għall-valutazzjoni tal-indikaturi mikroekonomiċi u makroekonomiċi. Ir-referenza għas-sitwazzjoni fl-2019 żdiedet biex tappoġġa l-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-PI u l-perjodu kkunsidrat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li s-sena tal-2020 meħuda bħala r-referenza għall-analiżi kienet affettwata mis-sitwazzjoni tal-pandemija. Il-PI u l-perjodu kkunsidrat, li fuq il-bażi tiegħu nsiltu l-konklużjonijiet, baqgħu l-istess (ara t-Taqsima 1.7). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. |
|
(212) |
Fid-dawl tat-telf importanti mġarrab mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, it-telf sinifikanti tas-sehem mis-suq (madwar 14-il punt perċentwali), u d-deterjorament ta’ indikaturi finanzjarji oħra bħall-fluss tal-flus, l-investimenti, u r-redditu fuq l-investimenti (ara l-premessa (313) tar-Regolament proviżorju), ma setax jitqies li l-industrija tal-Unjoni tal-MAE kienet industrija b’saħħitha. |
|
(213) |
Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
5. KAWŻALITÀ
5.1. Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping
|
(214) |
Fil-premessa (323) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dannu materjali tal-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina. |
|
(215) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCME, il-GOC u l-ilmentatur ippreżentaw kummenti dwar il-konklużjoni. |
|
(216) |
Is-CCCME argumentat li jekk is-sena 2020, li kienet affettwata mis-sitwazzjoni tal-pandemija, tiġi injorata, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi jibqa’ pjuttost stabbli b’żieda żgħira ta’ 3 punti perċentwali, filwaqt li l-livell tal-prezzijiet jiżdied bi kważi 50 %. Hija argumentat li fl-istess perjodu, l-indikaturi tal-industrija tal-Unjoni żdiedu. Billi s-sena 2020 ġiet eskluża bħala sena anormali affettwata mill-pandemija, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni li jifdal baqa’ pjuttost stabbli, bi tnaqqis żgħir ta’ 2 punti perċentwali. Fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien stabbli, u l-prezz tiegħu żdied bi kważi 50 %. |
|
(217) |
Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li tabilħaqq, iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi mill-2021 sal-PI kienet biss ta’ 3 punti perċentwali. Madankollu, fid-dawl taż-żieda konsiderevoli fil-konsum fl-istess perjodu, f’termini assoluti, din iż-żieda ta’ 3 punti perċentwali fis-sehem mis-suq irrappreżentat żieda fl-importazzjonijiet b’104 %, minn 23 124 unità importata fl-2021 għal 33 946 unità importata fil-PI, li kienet sostanzjali. Barra minn hekk, il-fatt li, f’termini ta’ sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, iż-żieda ewlenija seħħet fil-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni u mhux fl-aħħar ma naqqasx ir-rabta kawżali, iżda pjuttost spjega għaliex l-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni. |
|
(218) |
Barra minn hekk, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel il-pandemija, fl-2019 il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kien ta’ madwar 8 800 unità. Għalhekk, mill-2019 sal-PI, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdied b’ 285 %, minn 8 800 unità importati fl-2019 għal 33 946 unità importati fil-PI, jiġifieri wrew żieda sinifikanti ħafna. Għalkemm il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi tabilħaqq żdiedu, dawn baqgħu ferm taħt il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(219) |
Fir-rigward tal-profittabbiltà, is-CCCME argumentat li l-industrija tal-Unjoni esperjenzat profitt negattiv mill-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Hija qieset li l-allegazzjoni li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni kienet diġà affettwata miż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi, li bdiet fl-2018, ma kienet appoġġata minn ebda evidenza u li għalhekk ma kinitx sostanzjata. |
|
(220) |
Kif imsemmi fil-premessa (281) tar-Regolament proviżorju, fil-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni fl-2020, l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu diġà sinifikanti u ammontaw għal aktar minn 10 000 unità. Id-data provduta mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun uriet ukoll volum simili ta’ importazzjonijiet fl-2019. Dan wera b’mod ċar li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà affettwata mill-importazzjonijiet bi prezz baxx mill-2018. |
|
(221) |
Is-CCCME qieset ukoll li r-redditu fuq l-investiment tal-industrija tal-Unjoni kien volatili matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, peress li żdied b’mod konsiderevoli fl-2021 sa 35-40 %, u mbagħad naqas għal negattiv fl-2022, qabel ma tjieb ftit fil-PI. Hija indikat li ż-żieda sostanzjali fir-redditu fuq l-investiment tal-industrija tal-Unjoni seħħet fis-sena meta l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu wkoll b’mod sinifikanti, filwaqt li t-tnaqqis fir-redditu fuq l-investiment seħħ fis-sena sal-PI meta s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqa’ pjuttost stabbli. Għalhekk, is-CCCME sostniet li ma setax jiġi konkluż li tali prestazzjoni fqira kienet ikkawżata miż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina. |
|
(222) |
Il-Kummissjoni qieset li l-fatt li kien hemm żieda fir-redditu fl-investimenti bejn l-2020 u l-2021, li seħħet fl-istess sena taż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet Ċiniżi ma kellu l-ebda effett fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, minħabba li l-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi mhux neċessarjament ikun rifless fuq ir-redditu tal-investimenti tal-istess sena u jenħtieġ li jitqies fuq perjodu ta’ żmien itwal. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżvilupp tagħha kien konsegwenza tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-snin preċedenti u tal-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx profittabbli fl-istess perjodu. B’mod ġenerali, ir-redditu fuq l-investimenti naqas b’aktar minn 400 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (313) tar-Regolament proviżorju, mill-2020, il-livell ta’ investimenti mill-produtturi tal-Unjoni naqas b’64 %, li kien sinifikanti. |
|
(223) |
Il-GOC argumenta wkoll li matul il-PI, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni tjiebet sostanzjalment meta mqabbla mal-2022, u reġgħet żdiedet b’madwar 10 punti perċentwali. Huwa argumenta li dan wera li l-prezzijiet Ċiniżi tal-importazzjonijiet ma kinux il-kawża tat-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(224) |
Il-Kummissjoni tenniet li l-fatt li bejn l-2022 u l-PI, it-telf tjieb minn bejn [(-15 %) għal (-10 %)] għal [(-5 %) għal (0 %)] ma setax jitqies bħala sinjal ta’ rkupru. Skont id-data tal-industrija tal-Unjoni, it-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fl-2022 kien dovut għal żieda ta’ 25-30 % fil-kostijiet tal-materja prima u l-fatt li l-kumpaniji ma setgħux iżidu l-prezzijiet għall-ordnijiet diġà nnegozjati. Għalhekk, it-telf fl-2022 kien eċċezzjonalment għoli. Kif imsemmi hawn fuq, madankollu, il-fatt hu li bejn l-2022 u l-PI, it-telf li sussegwentement naqas ma setax jitqies bħala sinjal ta’ rkupru peress li l-industrija tal-Unjoni xorta ġarrbet telf sinifikanti li rriżulta prinċipalment mit-trażżin tal-prezzijiet ikkawżat minn importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx. Għalhekk, hija qieset li l-pretensjoni ma kinitx sostanzjata. |
5.2. Effetti ta’ fatturi oħrajn
5.2.1. Kostijiet għoljin tal-produzzjoni
|
(225) |
Is-CCCME qieset li ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, u kostijiet oħra bħall-kostijiet lavorattivi, kienet il-kawża tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni. |
|
(226) |
Il-GOC argumenta wkoll li t-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-kumpaniji tal-Unjoni fl-2022 ma setax jiġi spjegat mill-prezzijiet tal-prodotti importati, speċjalment peress li l-prezzijiet tal-prodotti importati ma varjawx drastikament. Il-GOC argumenta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-impatt negattiv taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-materja prima matul il-perjodu ta’ investigazzjoni fuq il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni u bi żball attribwiet id-dannu lill-importazzjonijiet Ċiniżi. |
|
(227) |
L-ilmentatur argumenta, min-naħa l-oħra, li l-prezzijiet żdiedu b’mod qawwi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, globalment u fis-suq tal-Unjoni, minħabba ż-żieda fil-kostijiet u li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħaddi ż-żieda fil-kostijiet lill-klijenti tagħha minħabba l-pressjoni tal-esportaturi Ċiniżi. Madankollu, huwa qies li ż-żieda fil-kost fiha nnifisha ma kinitx ta’ dannu għall-kumpaniji jekk kien hemm kundizzjonijiet ekwi. Il-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping Ċiniżi għamlitha impossibbli għall-produtturi tal-Unjoni li jgħollu l-prezzijiet b’mod suffiċjenti, li jinnegozjaw mill-ġdid il-kuntratti eżistenti u li jkopru ż-żieda fil-kost. B’riżultat ta’ dan, l-industrija kienet qed tagħmel telf. |
|
(228) |
Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset l-impatt negattiv taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-materja prima iżda kkonkludiet li din iż-żieda ma naqqsitx ir-rabta kawżali. F’kundizzjonijiet normali tas-suq, tnaqqis fil-profittabbiltà jista’ jseħħ f’perjodu limitat ta’ żmien fejn l-industrija ma tkunx tista’ tgħolli l-prezzijiet bl-istess mod kif jiżdiedu l-kostijiet minħabba kuntratti eżistenti, iżda wara xi żmien il-kuntratti jistgħu jiġu nnegozjati mill-ġdid biex ikopru mill-inqas il-kostijiet, b’mod partikolari f’suq li qed jikber bħal f’dan il-każ. Madankollu, minħabba li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu sostanzjalment aktar baxxi mill-prezzijiet tal-Unjoni matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni, u ż-żieda enormi fil-volumi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fl-istess perjodu, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet f’konformità maż-żieda fil-kost. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li ż-żieda fil-kostijiet ma setgħetx tnaqqas ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u li d-dannu tal-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat prinċipalment miż-żieda fl-importazzjonijiet bi prezz baxx. |
5.3. Pretensjonijiet oħrajn
|
(229) |
Il-GOC argumenta li peress li l-prezzijiet medji tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Unjoni u dan il-bejgħ għall-esportazzjoni kien profittabbli, huwa wera li ma kien hemm l-ebda bażi għall-pretensjoni li l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx ġiegħlu lill-industrija tal-Unjoni tbigħ prodotti ta’ MAE bi prezzijiet baxxi, li jaffettwaw il-profittabbiltà tagħhom. |
|
(230) |
Madankollu, il-Kummissjoni qieset li mill-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ domestiku iżda profittabbli, ma setax jiġi konkluż li l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx ma affettwawx il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Ir-raġuni tal-bejgħ għall-esportazzjoni fil-biċċa l-kbira profittabbli kienet dovuta għal differenza fit-taħlita tal-prodott tal-bejgħ fis-swieq tal-esportazzjoni u domestiċi fl-istess perjodu. Fi kwalunkwe każ, peress li l-bejgħ għall-esportazzjoni kien profittabbli, dan ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(231) |
Is-CCCME argumentat ukoll li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi toffri firxa sħiħa ta’ MAE elettriku, b’mod partikolari l-MAE elettriku b’għoli massimu ogħla. |
|
(232) |
L-ilmentatur, min-naħa l-oħra, qies li l-allegazzjonijiet li l-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jissodisfaw id-domanda ta’ MAE elettriku, ma kinux sostanzjati u kienu foloz. Huwa ddefenda li ma kienx minnu li l-produtturi Ċiniżi ffukaw partikolarment fuq l-MAE elettriku: Il-produtturi tal-Unjoni produċew u biegħu l-MAE elettriku fi kwantitajiet kbar ukoll. Pereżempju, aktar minn 70 % tal-makkinarju mibjugħ minn Haulotte bejn l-2020 u l-2022 (l-aktar data reċenti disponibbli għall-pubbliku) kien elettriku. Huwa argumenta li Haulotte offra firxa wiesgħa ta’ makkinarju elettriku: l-arbli vertikali tiegħu, pereżempju, huma disponibbli biss f’formati elettriċi, u l-liftijiet imqass u l-lifts artikolati tiegħu kienu disponibbli kemm elettriċi kif ukoll b’magna tal-kombustjoni interna. |
|
(233) |
Kif imsemmi fil-premessa (336) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tenniet li t-tqabbil bejn it-tipi ta’ prodotti importati mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u t-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni wera li, f’termini ġenerali, aktar minn 90 % tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu komparabbli mat-tipi ta’ prodotti importati miċ-Ċina. Barra minn hekk, fil-PI, aktar minn 60 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni kien jikkonċerna l-MAE elettriku. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li t-taħlita tal-prodott mibjugħa mill-produtturi esportaturi kienet komparabbli mat-taħlita tal-prodott mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe differenza allegata fit-taħlita tal-prodott ma setgħetx tkun il-kawża tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Konsegwentement, il-pretensjoni ġiet miċħuda. |
|
(234) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CCCME tenniet li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kompetittiva, minħabba l-firxa limitata tagħha ta’ MAE elettrika. Hija rreferiet għal dikjarazzjoni f’rapport tal-produttur Ċiniż Xiamen Liteng Engineering Machinery Co., Ltd, li semmiet li l-kumpaniji kienu qed jitħabtu biex ilaħħqu mad-domanda tas-suq għal magni ġodda, b’mod partikolari dawk professjonali u elettriċi, kif ukoll ma’ żmien itwal ta’ konsenja, fil-kuntest tal-irkupru mis-sitwazzjoni pandemika. Is-CCCME semmiet ukoll ir-rapport tal-2022 ta’ Manitou, li, fl-istess kuntest (l-irkupru mill-pandemija tal-Covid), semma interruzzjonijiet fil-provvista u diffikultajiet fit-trasport, u minn Haulotte, li semma d-diffikultajiet fil-katina tal-provvista, l-inflazzjoni, id-dewmien fil-produzzjoni u l-valur tal-inventarju bħala riskju għall-kumpanija. |
|
(235) |
Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li d-dikjarazzjoni tal-produttur Ċiniż kienet relatata ma’ suq globali u mhux mas-suq tal-Unjoni b’mod partikolari. Barra minn hekk, bħalma għamlu r-rapporti kkwotati minn Manitou kif ukoll minn Haulotte, hija indikat perjodu bejn l-2020 u l-2022 influwenzat mill-impatt tas-sitwazzjoni pandemika madwar id-dinja, li madankollu damet biss għal żmien limitat. Kif spjegat hawn fuq, il-produtturi tal-Unjoni kellhom, matul il-PI, firxa sħiħa tal-prodotti elettriċi, u s-sitwazzjoni tal-pandemija ma kellha l-ebda impatt iktar fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni fil-PI kienet ir-riżultat tan-nuqqas ta’ kompetittività tagħha. |
|
(236) |
Is-CCCME qieset ukoll li kawża oħra tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni kienet li ma setgħetx tlaħħaq mal-ordnijiet, u b’hekk ikkawżat żminijiet (twal) ta’ konsenja, u tnaqqis fir-ritmu tas-suq tal-kostruzzjoni tal-Unjoni. Hija tenniet l-argument wara d-divulgazzjoni definittiva, u alludiet għad-dikjarazzjonijiet fir-rapporti finanzjarji ta’ Manitou li semmew sospensjoni temporanja tal-ordnijiet. Il-Kummissjoni sabet li l-argumenti ma kinux sostanzjati. Għall-kuntrarju, kif muri fil-premessa (277) tar-Regolament proviżorju, il-konsum kiber, bejn l-2020 u l-PI, b’122 % li wera li kien hemm żieda qawwija fid-domanda għall-MAE, mhux affettwata mill-allegat tnaqqis fir-ritmu tas-suq tal-kostruzzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rapport finanzjarju ta’ Manitou u l-artikli fl-istampa msemmija mis-CCCME semmew b’mod ċar li ż-żminijiet itwal għall-konsenja kienu relatati mal-perjodu wara l-pandemija tal-COVID, li kien biss temporanju (39). Konklużjoni dwar il-kawżalità |
|
(237) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-fatturi magħrufa l-oħra kollha, filwaqt li qieset il-kummenti tal-partijiet interessati, u kkonkludiet li dawk il-fatturi ma naqqsux ir-rabta kawżali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet fil-premessi (339) sa (340) tar-Regolament proviżorju li kien hemm rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina li ma kinitx attenwata mill-fatturi msemmija hawn fuq. |
6. LIVELL TA’ MIŻURI
|
(238) |
Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(239) |
F’dan il-każ, l-ilmentatur sostna l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima fis-sens tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Fil-premess (343) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod provviżorju li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati. Il-valutazzjoni tal-preżenza tad-distorsjonijiet tal-materja prima hija spjegata aktar fid-dettall hawn taħt. |
6.1. Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni
6.1.1. Marġni tad-dannu
|
(240) |
Fir-Regolament proviżorju (il-premessi (347) sa (354)), il-Kummissjoni spjegat fid-dettall il-metodoloġija użata biex jiġu stabbiliti marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(241) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur argumenta li peress li Haulotte France u Haulotte Arges fir-Rumanija t-tnejn biegħu kważi esklużivament permezz ta’ kumpaniji distributtivi relatati, il-prezz fil-mira jenħtieġ li jiżdied bl-SG&A mġarrba minn dawn l-entitajiet tal-bejgħ relatati. Barra minn hekk, huwa sostna li l-ebda SG&A ta’ Haulotte Arges ma ġie miżjud mal-prezz fil-mira. |
|
(242) |
Il-Kummissjoni ma qablitx li biex jiġi stabbilit prezz fil-mira xieraq, hija kellha żżid kostijiet SG&A addizzjonali tad-distributuri relatati. Meta jinħadem il-prezz fil-mira jiżdiedu biss SG&A tal-produttur, u mhux dawk ta’ entitajiet relatati. Lanqas l-SG&A tal-entitajiet tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi ma ġew miżjuda mal-prezz tal-esportazzjoni u għalhekk, iż-żieda ta’ kostijiet addizzjonali min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni taffettwa t-tqabbil ġust. Min-naħa l-oħra, inizjalment Haulotte Arges ma rrapportat l-ebda kost SG&A għal kull livell ta’ PCN biex jinħadem il-prezz fil-mira, u għalhekk l-ebda kost bħal dan ma ġie inkluż b’mod proviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet aġġustament biex iżżid il-prezz fil-mira għal kull PCN mill-SG&A rrapportat minn Haulotte Arges fil-parti ġenerali tat-tweġiba għall-kwestjonarju, li ġiet ivverifikata. |
|
(243) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur sostna li l-SG&A rrapportat minn Haulotte Arges kien relatat biss mal-kostijiet tat-trasport u għalhekk, jenħtieġ li ma jiġix ikkunsidrat. Hija ssuġġeriet li minflok jintuża s-SG&A rrappurtat minn Haulotte France, li kien ogħla. |
|
(244) |
Il-Kummissjoni qieset li l-prezz fil-mira għal Haulotte Arges għandu jkun ibbażat fuq id-data pprovduta u l-kostijiet imġarrba minn Haulotte Arges u mhux fuq data ta’ kumpanija oħra, anki jekk din il-kumpanija kienet parti mill-istess grupp. Għalhekk ma qablitx li biex jiġi stabbilit l-SG&A ta’ Haulotte Arges, għandha tintuża d-data ta’ Haulotte France. Fi kwalunkwe każ, anki f’każ li l-ammonti jiżdiedu għal-livell irrappurtat minn Haulotte France, l-impatt ta’ din il-bidla fuq il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz ikun immaterjali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. |
|
(245) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur sostna wkoll li l-Kummissjoni stabbiliet il-profitt fil-mira fil-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina, jiġifieri fl-2018. Huwa qies li dan kien kuntrarju għar-Regolament bażiku li stipula li l-livell ta’ profittabbiltà kellu jkun fil-livell biex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u li jenħtieġ li jippermetti lill-kumpanija tinnova, tinvesti u tikber. Huwa qies li l-livell ta’ profittabbiltà fl-2018 ma kienx xieraq, minħabba li s-suq tal-Unjoni kien inbidel strutturalment bejn l-2018 u l-2023. L-ilmentatur ta wkoll eżempji ta’ diversi industriji oħra, upstream u downstream, biex jargumenta li s-7 % stabbiliti mill-Kummissjoni kienu baxxi wisq. L-ilmentatur argumenta wkoll li l-industrija tal-MAE f’dawn l-aħħar snin iffaċċjat investimenti u kostijiet operazzjonali storikament għoljin minħabba t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali bħall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda bħall-batteriji tal-litju u l-elettrifikazzjoni tal-MAE. Fil-fehma tiegħu, il-Kummissjoni kellha tqis li dawn l-investimenti kienu meħtieġa u tikkunsidrahom meta tistabbilixxi l-prezz fil-mira. |
|
(246) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. Il-profitt fil-mira kien ibbażat fuq id-data mogħtija mill-industrija nnifisha u kien meqjus bħala profitt qabel ma l-industrija ġarrbet dannu mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, u għalhekk, f’sitwazzjoni normali, kellu jkopri l-kostijiet tal-investimenti, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. L-evoluzzjoni kostanti tat-tipi ta’ MAE ma kinitx speċifika għal din l-industrija u applikat għal ħafna industriji oħra wkoll, u għalhekk ma setgħetx tiġġustifika profitt fil-mira ogħla, mingħajr ebda rabta mal-profitti li saru fil-passat. Il-pretensjoni mill-ilmentatur kienet wiesgħa wkoll u ma kien hemm l-ebda evidenza sottomessa mill-kumpaniji li kienet tippermetti lill-Kummissjoni tibbaża l-profitt fil-mira tagħha fuq bażi differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. |
|
(247) |
L-ilmentatur sostna wkoll li l-profitt fil-mira użat mill-Kummissjoni kien ibbażat fuq valur tal-fatturat tal-prezzijiet tal-bejgħ reali tal-oġġetti – wara d-distribuzzjoni – filwaqt li fil-fatt ġie applikat fuq spiża tal-produzzjoni mġarrba mill-produttur inkluż fil-kampjun li ma kinitx tinkludi l-kostijiet tad-distribuzzjoni. L-ilmentatur għalhekk qies li l-kostijiet tad-distribuzzjoni ma kellhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-profitt fil-mira. Il-Kummissjoni aċċettat din il-pretensjoni. Il-profitt fil-mira kkoreġut ammonta għal 7,7 %. |
|
(248) |
L-ilmentatur ikkummenta wkoll dwar il-kostijiet soċjali u ambjentali futuri. Huwa qies li l-ammont tal-kostijiet soċjali u ambjentali futuri miżjuda mill-Kummissjoni mal-prezz fil-mira kien baxx wisq, u li l-Kummissjoni kellha tinkludi l-kostijiet tas-CO2 inkorporati fil-produzzjoni tal-elettriku u l-kostijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-direttiva dwar ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà. |
|
(249) |
Il-Kummissjoni tenniet li fl-investigazzjoni preżenti qieset il-kostijiet indiretti tas-CO2 fil-konsum tal-enerġija iżda ma qisitx il-kostijiet li għalihom il-kumpaniji ma ġabux biżżejjed evidenza dwar l-ammonti reali, bħal fil-każ tal-kostijiet indiretti inkorporati fil-produzzjoni tal-azzar jew fejn il-kostijiet ma kinux jirriżultaw minn xi rekwiżit obbligatorju bis-saħħa ta’ Ftehim Ambjentali Multilaterali jew mill-Konvenzjonijiet tal-ILO. Dan kien il-każ tal-kostijiet għall-manifattura ta’ MAE elettriku u l-kostijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-direttiva dwar ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà. Madankollu, il-Kummissjoni għamlet korrezzjonijiet għall-iżbalji klerikali u l-ammont globali tal-kostijiet soċjali u ambjentali futuri miżjuda mal-prezz fil-mira ammonta minn 2,1 għal 41,5 EUR/unità skont il-kumpanija. |
|
(250) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur argumenta li l-Kummissjoni kellha taċċetta wkoll il-kostijiet marbuta mal-kostijiet tas-CO2 inkorporati fil-produzzjoni tal-azzar u rrapportati minn Manitou, minħabba li biex jiddetermina dawn il-kostijiet, l-ilmentatur uża l-istess sors ta’ informazzjoni biex jiddetermina l-ammont ta’ CO2 fl-enerġija (l-aġenzija pubblika Franċiża inkarigata mill-ambjent ADEME), u minħabba li l-kostijiet tas-CO2 fl-enerġija ġew aċċettati mill-Kummissjoni. |
|
(251) |
Il-Kummissjoni qieset li l-fatt li ADEME rrapportat kemm dwar il-kostijiet tas-CO2 fil-produzzjoni tal-enerġija kif ukoll fil-produzzjoni tal-azzar ma kienx jiġġustifika l-approċċ issuġġerit mill-ilmentatur. Filwaqt li l-enerġija ġiet ikkunsmata direttament minn Manitou u l-konsum tagħha seta’ jiġi kkalkolat, l-azzar kien materjal użat fil-partijiet użati fil-produzzjoni tal-MAE. Għalhekk ma setax jiġi ppruvat b’mod suffiċjenti mill-kumpanija għal kemm telgħu il-kostijiet u jekk dawn il-kostijiet ġewx mgħoddija lil Manitou jew jekk ġewx assorbiti mill-produtturi tal-partijiet li jixtru l-azzar. |
|
(252) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Sinoboom sostniet li kien hemm żball klerikali f’waħda mit-tabelli ppreżentati fid-divulgazzjoni definittiva. Il-Kummissjoni kkoreġiet l-iżball li madankollu ma kellux impatt fuq il-marġni tad-dannu ta’ Sinoboom. |
|
(253) |
Kif imsemmi fil-premessa (353) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju peżat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi individwali inklużi fil-kampjun li kkooperaw fir-RPĊ, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, mal-prezz medju peżat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala persentaġġ tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni. |
6.1.2. Tqabbil bejn il-marġni tad-dumping u l-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz
|
(254) |
F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-marġni tad-dumping stabbilit b’mod proviżorju jkunx ogħla mill-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju peżat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw mal-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni. Ir-riżultat ta’ dawn il-kalkoli jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.
|
|
(255) |
Peress li l-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz għall-produtturi esportaturi JLG u Terex kien aktar baxx mill-marġni tad-dumping, il-Kummissjoni vvalutat jekk kienx hemm distorsjonijiet fuq il-materja prima fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. |
6.2. L-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku
|
(256) |
Fil-premessa (3) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod provviżorju li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati. |
|
(257) |
L-ilmentatur, wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju kkummenta li l-ħadid jew l-azzar huma distorti fiċ-Ċina, hemm differenza sinifikanti fil-prezz bejn il-prodotti tal-azzar Ċiniżi u tal-UE u li l-ħadid u l-azzar huma l-input ewlieni fl-MAE, li jirrappreżentaw aktar minn 17 % tal-kost tal-manifattura. L-ilmentatur sostna li jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ukoll il-ħadid u l-azzar inkorporati f’input jew f’komponent ieħor tal-prodott taħt investigazzjoni. |
|
(258) |
Il-Kummissjoni sabet li l-kummenti tal-ilmentatur estendew l-ambitu tal-pretensjoni tad-distorsjoni tal-materja prima mill-azzar illaminat bis-sħana, kif stabbilit fl-Artikolu 4.2 tan-Notifika ta’ Bidu (40), għall-ħadid u l-azzar, b’mod ġenerali. |
|
(259) |
Sabiex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati, il-Kummissjoni l-ewwel identifikat, għal kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun, l-eżistenza ta’ fatturi ta’ produzzjoni rrapportati taħt il-kodiċijiet SA 720837, 720851, 720852, 720853 u 7208 54 (jiġifieri prodotti tal-azzar illaminati bis-sħana), imbagħad qabblet il-valur totali tagħhom, abbażi ta’ parametri referenzjarji Brażiljani mal-kost ivverifikat tal-manifattura għal kull kumpanija. Il-Kummissjoni ddeterminat li l-azzar illaminat fis-sħana użat fil-produzzjoni tal-MAE kien jirrappreżenta inqas minn 17 % tal-kost rispettiv tal-manifattura tal-erba’ produtturi esportaturi kollha fil-kampjun. Ma nstabet l-ebda distorsjoni oħra fil-materja prima għal xi fattur tal-produzzjoni li jirrappreżenta aktar minn 17 % tal-kost tal-manifattura. |
|
(260) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li l-ħadid u l-azzar inkorporati f’input jew f’komponent ieħor tal-prodott jenħtieġ li jitqiesu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 (2a) tar-Regolament Bażiku (41), minħabba li dan l-Artikolu jiddikjara b’mod ċar li materja prima waħda trid tammonta għal mhux inqas minn 17 % tal-kost, mhux kategorija ġenerali ta’ prodotti. |
|
(261) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati. |
|
(262) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CMAE affermat li l-Kummissjoni ma eżaminatx kif xieraq id-distorsjonijiet fil-materja prima għall-ħadid u l-azzar u li l-Kummissjoni kellha tqis ukoll prodotti tal-azzar illaminati bis-sħana inkorporati f’inputs oħra, bħal partijiet jew komponenti, meta vvalutat il-limitu ta’ 17 %. |
|
(263) |
Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet. L-ewwel nett, hija vvalutat il-prodotti li jaqgħu taħt is-Sistema Armonizzata (“SA”) il-Kapitolu 72 “Ħadid u Azzar” u l-Kapitolu 73 “Oġġetti tal-Ħadid u l-Azzar”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat il-materjali li ġew irrapportati bħala inputs mill-produtturi esportaturi fil-kampjun. It-tieni, il-Kummissjoni vverifikat jekk dawn il-materjali kinux soġġetti għal distorsjonijiet, kif elenkati fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Imbagħad, il-Kummissjoni sabet li ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li materja prima, inkluż l-azzar illaminat bis-sħana inkorporat f’partijiet u f’komponenti mixtrija mill-produtturi esportaturi fil-kampjun mingħand il-fornituri tagħhom kienet tirrappreżenta aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-produtturi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7 (2a) tar-Regolament bażiku. |
7. L-INTERESS TAL-UNJONI
|
(264) |
Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri provviżorji, l-ilmentatur, il-GTĊ, is-CCCME, utent wieħed – il-kumpanija Construct Machines S.R.L. kif ukoll negozjant/bejjiegħ bl-ingrossa, il-kumpanija Norbert Wienold Gmnb, issottomettew kummenti dwar l-interess tal-Unjoni. |
7.1. Interess tal-industrija tal-Unjoni
|
(265) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CCCME sostniet li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping mill-Kummissjoni jkollha effett pożittiv fuq l-industrija tal-Unjoni. Hija qieset li d-data preżentata mill-Kummissjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni esperjenzat tkabbir sinifikanti u għalhekk li l-industrija kienet qed tespandi. |
|
(266) |
Il-Kummissjoni rreferiet għat-taqsima 4.3 hawn fuq fejn ikkonkludiet li minkejja żvilupp pożittiv ta’ xi wħud mill-indikaturi tad-dannu, l-industrija tal-Unjoni kienet affettwata b’mod negattiv mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping. L-assenza ta’ miżuri x’aktarx li jkollha aktar effetti negattivi sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ bejgħ aktar baxx, volum tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, u aktar trażżin tal-prezzijiet li twassal għal deterjorament finanzjarju ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha f’termini ta’ profittabbiltà u investimenti. Dawn iċ-ċirkostanzi kollha jheddu l-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(267) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe pretensjoni jew kumment relatat ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi (356) sa (360) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
7.2. L-interess tal-fornituri upstream
|
(268) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni jew kumment relatat ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi (361) sa (362) ġew ikkonfermati. |
7.3. L-interess tal-utenti, id-distributuri u l-importaturi u n-negozjanti mhux relatati
|
(269) |
Is-CCCME argumentat li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma kinitx fl-interess tal-importaturi tal-Unjoni u tal-utenti finali li jkollhom għażla wiesgħa ta’ produtturi kif ukoll prezzijiet. Hija qieset li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkompli tillimita lill-kumpaniji tal-kiri biex jaċċessaw firxa sħiħa ta’ tipi ta’ MAE b’kost raġonevoli u żmien meħtieġ għall-konsenja. Is-CCCME argumentat ukoll li l-limitazzjoni tal-aċċess għall-prodotti Ċiniżi li essenzjalment jenfasizzaw fuq mudelli li jaħdmu bl-elettriku tipperikola l-kisba tal-mira tat-tranżizzjoni ekoloġika ta’ dan is-settur industrijali, peress li argumentat li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx timla l-lakuna. Is-CCCME tenniet l-argument wara d-divulgazzjoni definittiva. Hija qieset ukoll li fid-dawl tan-nuqqas ta’ provvista ta’ MAE fis-suq tal-Unjoni, b’mod partikolari l-mudelli elettriċi, is-sikurezza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-għoli ma kinitx garantita. |
|
(270) |
Il-GOC qies li l-miżuri jkollhom effett negattiv fuq il-livell tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni peress li dan jikkawża li l-kompetituri Ċiniżi jitilqu mis-suq tal-Unjoni. Huwa sostna wkoll li l-impożizzjoni tal-miżuri jkollha impatt negattiv fuq l-importaturi u l-utenti downstream u tikkawża li l-kumpaniji tal-kiri jżidu l-prezzijiet tagħhom u għalhekk jgħaddu ż-żieda fuq il-konsumaturi. Huwa argumenta wkoll li l-preżenza tal-produtturi esportaturi Ċiniżi tipprovdi lill-industriji downstream u lill-konsumaturi b’aktar għażliet, u prodotti u servizzi aħjar. Huwa qies ukoll li l-miżuri ma kinux konsistenti mal-politiki tal-Unjoni dwar l-iżvilupp ekoloġiku u dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tal-industriji. |
|
(271) |
L-ilmentatur, min-naħa l-oħra, argumenta li d-dazji ma jkollhomx l-effett li jipprojbixxu l-MAE Ċiniż mis-suq tal-Unjoni, iżda biss li jneħħu l-effetti ta’ prattiki kummerċjali inġusti. Barra minn hekk, huwa qies li kif muri fl-ilment, il-provvista minn pajjiżi terzi għajr l-Unjoni u ċ-Ċina kienet rikka u varjata. |
|
(272) |
L-utent, il-kumpanija Construct Machines S.R.L. sostna li l-MAE tejjeb sostanzjalment l-istandards tas-sikurezza. Huwa qies li l-impożizzjoni ta’ miżuri tikkawża li l-prezzijiet tal-kiri tal-MAE jiżdiedu u dan ikollu impatt negattiv fuq il-kumpaniji ta’ daqs medju. Madankollu, il-kumpanija ma kkooperatx mal-investigazzjoni, u ma ssottomettietx tweġiba għall-kwestjonarju. |
|
(273) |
Il-kumpanija Norbert Wienold GmbH, negozjant/bejjiegħ bl-ingrossa ta’ MAE manifatturat minn Sinoboom qieset li ma kien hemm l-ebda volum adegwat prodott mill-industrija tal-Unjoni ta’ Dirgħajn twal teleskopiċi/artikolati standard ta’ livell għoli (għoli ta’ operat ta’ 12–24 m) u liftijiet imqass (għoli ta’ operat ta’ bejn 6 u 16-il m), u li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kompetittiva. |
|
(274) |
Norbert Wienold GmbH argumentat ukoll li l-miżuri anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ MAE jkollhom impatt sinifikanti fuq il-prestazzjonijiet tan-negozjanti, tal-kumpaniji tal-kiri żgħar u ta’ daqs medju u tal-klijenti finali bi kważi l-ebda benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni. Hija argumentat li jekk jiġu imposti l-miżuri, il-prezzijiet tal-MAE madwar l-Ewropa jiżdiedu, u dan jaffettwa l-katina tal-provvista, bħan-negozjanti, il-kumpaniji tal-kiri u l-utenti finali. Madankollu, il-kumpanija ma kkooperatx mal-investigazzjoni, u lanqas ma ssottomettiet tweġiba għall-kwestjonarju. |
|
(275) |
L-uniku utent li kkoopera, Kiloutou, ma ssottomettiex kummenti dwar il-miżuri proviżorji. |
|
(276) |
Il-Kummissjoni qieset li l-affermazzjoni dwar l-allegat volum mhux adegwat prodott mill-industrija tal-Unjoni ta’ Booms teleskopiċi/artikolanti ta’ livell għoli standard (għoli ta’ operat ta’ 12-24 m) u scissor lifts (għoli ta’ operat ta’ 6-16 m) ma kinitx sostanzjata u li l-kumpanija nnifisha semmiet li ż-żewġ tipi ġew prodotti mill-produtturi tal-Unjoni Manitou u Haulotte. |
|
(277) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għall-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (364) sa (373) tar-Regolament proviżorju. Hija tenniet li għalkemm il-livell ġenerali tal-prezz tal-MAE kien mistenni li jiżdied, l-impatt fuq l-utenti li kienu prinċipalment il-kumpaniji tal-kiri kien inqas sinifikanti milli kieku kienu l-konsumaturi diretti. Kwalunkwe żieda fil-prezz tal-MAE tirrifletti direttament f’żieda tal-assi tagħha, u l-fatt li l-makkinarju ntuża fuq perjodu itwal naqqas, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-effett negattiv ta’ żieda potenzjali fil-prezz ukoll. |
|
(278) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ma jkollhomx effett sproporzjonat fuq il-kumpaniji tal-kiri u l-benefiċċji ġenerali tal-miżuri jegħlbu l-impatt negattiv potenzjali għall-importaturi u l-utenti. Il-Kummissjoni qieset ukoll li peress li d-dazji huma maħsuba biex jerġgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ekwi, huma mistennija li jkollhom effett pożittiv fuq il-livell tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni u kien importanti wkoll għall-utenti ewlenin – il-kumpaniji tal-kiri – li l-produzzjoni tal-MAE tkompli sseħħ fis-suq tal-Unjoni, biex jiddiversifikaw il-flotot tagħhom. Għalhekk, l-impożizzjonijiet tad-dazji ma jipperikolawx l-ilħuq tal-mira tat-tranżizzjoni ekoloġika ta’ dan is-settur industrijali. |
|
(279) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, Sinoboom semmiet li ċerti aspetti tal-każ, relatati mad-definizzjoni estremament wiesgħa tal-prodott investigat u d-differenzi sinifikanti fil-portafolli tal-MAE tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u tal-produtturi tal-Unjoni, qajmu tħassib serju dwar il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni li ma ġiex indirizzat. Hija argumentat li l-livell baxx ta’ parteċipazzjoni tal-utenti tal-Unjoni impedixxa diskussjoni aktar sinifikanti dwar l-impatt mistenni tal-miżuri anti-dumping fuq is-suq tal-Unjoni, minħabba li l-fornituri Ċiniżi offrew firxa usa’ ta’ prodotti b’mod partikolari f’termini ta’ mudelli, għoli ta’ operat u ġenerazzjoni tal-enerġija mill-produtturi tal-Unjoni, li għamlu l-preżenza effettiva tal-kumpaniji Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni essenzjali. |
|
(280) |
Sinoboom qieset ukoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tilħaq u tikkuntattja kif xieraq lill-kumpaniji tal-kiri potenzjalment interessati li jipparteċipaw bis-sħiħ bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, u li waħda mill-kumpaniji tal-kiri li ssottomettiet sottomissjoni bil-miktub u pparteċipat f’seduta ta’ smigħ ma ssemmietx fid-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali. Hija semmiet ukoll li l-utent spjega li l-marġnijiet strutturalment ikkumpressati u l-impenn fit-tul tal-kumpaniji tal-kiri jpoġġuhom f’sitwazzjoni estremament prekarja wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping. |
|
(281) |
Fil-bidu, il-Kummissjoni kkuntattjat erbatax-il utent identifikati fl-ilment. Minbarra kumpanija waħda (Kiloutou), l-ebda utent ma kkoopera fl-investigazzjoni. L-ebda utent ieħor inkluż il-kumpanija msemmija minn Sinoboom ma ppreżenta kummenti biex jiftaħ il-fajl sal-iskadenzi għall-kummenti wara d-divulgazzjoni provviżorja u definittiva. Fl-analiżi tagħha tal-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni madankollu qieset il-fatt li jista’ jkun hemm impatt fuq il-kumpaniji tal-kiri u l-marġnijiet tagħhom. Fir-rigward tal-għażla tat-tipi ta’ MAE, il-Kummissjoni qieset li d-dazji huma applikati biex jiġu restawrati kundizzjonijiet ekwi u mhux biex jiġu evitati l-importazzjonijiet ta’ MAE mir-RPĊ. |
|
(282) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sostniet li l-benefiċċji ġenerali tal-miżuri kienu akbar mill-impatt negattiv potenzjali għall-importaturi u għall-utenti u għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessi (363) sa (368) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
7.4. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
|
(283) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet fil-premessa (373) tar-Regolament proviżorju li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex wieħed jasal għall-konklużjoni li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ MAE li joriġinaw mir-RPĊ. |
8. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI
8.1. Miżuri definittivi
|
(284) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat. |
|
(285) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur indika żball klerikali fil-premessa (233) tad-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali, li ddikjara b’mod żbaljat id-dazju anti-dumping għall-“Kumpaniji l-oħra kollha”, peress li ma kienx jikkorrispondi għal-livell l-aktar baxx mill-marġni tad-dannu u l-marġni tad-dumping stabbilit għall-“Kumpaniji l-oħra kollha”. Il-premessa (205) uriet li l-marġni tad-dannu ammonta għal 54,9 % u l-marġni tad-dumping għal 66,7 %. Il-Kummissjoni aċċettat il-punt u aġġustat ir-rata tad-dazju għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” kif xieraq. |
|
(286) |
Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi, espressi fuq il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:
|
|
(287) |
Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Għalhekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. |
|
(288) |
Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (42). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(289) |
Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi preżentata tali fattura, l-importazzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. |
|
(290) |
Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu preżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti fuq l-ilma, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali. |
|
(291) |
Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex isir dan. Din l-investigazzjoni tista’, fost oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju fil-pajjiż kollu. |
|
(292) |
Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-RPĊ jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(293) |
Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali. |
|
(294) |
L-istatistika tal-MAE ta’ spiss tiġi espressa f’biċċiet. Madankollu, ma hemm l-ebda unità supplimentari bħal din għall-MAE speċifikata fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (43). Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stipulat li mhux biss il-piż f’kg jew tunnellati iżda wkoll il-biċċiet għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat iridu jiddaħħlu fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Il-biċċiet jenħtieġ li jiġu indikati għall-kodiċijiet TARIC: 8427 10 10 10, 8427 20 19 10, 8428 90 90 20, 8431 20 00 60 u 8431 39 00 10. |
8.2. Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji
|
(295) |
Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament. |
8.3. Ġbir retroattiv
|
(296) |
Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2., il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni. |
|
(297) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur irrefera għall-konklużjonijiet fir-Regolament ta’ reġistrazzjoni li fil-fehma tiegħu kkonkludew li l-Kummissjoni qieset il-kriterji għall-ġbir retroattiv bħala ssodisfati. Huwa qies prinċipalment li ż-żieda fl-importazzjonijiet wara l-bidu kienet massiva u li ma rrispondiet għall-ebda loġika tad-domanda tas-suq. L-ilmentatur ipprovda stimi li juru żieda minn 33 % sa 121 %, u stampi ta’ stokkijiet ta’ MAE biex juri li qed issir kumulazzjoni ta’ riżerva. |
|
(298) |
Is-CCCME, min-naħa l-oħra, qieset li l-analiżi tal-importazzjonijiet mill-ilmentatur ma kinitx korretta, u ż-żieda fl-importazzjonijiet wara l-bidu meta mqabbla mal-PI ma kinitx sostanzjali. Hija argumentat li l-produzzjoni ta’ MAE kienet ibbażata fuq ordnijiet imfassla apposta għal klijent speċifiku, u li għalhekk ma kien jagħmel l-ebda sens prattiku li xi operatur jaħżen. It-tieni, is-CCCME argumentat li ż-żmien ta’ tħejjija bejn l-ordnijiet u l-konsenja kien importanti ħafna għall-valutazzjoni xierqa tad-data f’din l-investigazzjoni, peress li ċ-ċiklu mit-tqegħid tal-ordnijiet, il-proċess tal-produzzjoni, sal-konsenja fl-Unjoni normalment jieħu bejn 4 u 6 xhur u, għalhekk, peress li l-ogħla livell tal-importazzjonijiet seħħ minn Jannar sa Marzu 2024, ma kienx relatat mal-bidu tal-investigazzjoni iżda pjuttost mal-ktieb twil tal-ordnijiet li sar ferm qabel il-bidu. |
|
(299) |
Il-Kummissjoni vvalutat id-data miġbura matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, biex tanalizza jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi. |
|
(300) |
Il-Kummissjoni vvalutat b’mod partikolari jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li, fid-dawl taż-żmien u l-volum tiegħu u ċirkostanzi oħra, x’aktarx li jimmina serjament l-effett rimedjali tal-miżuri definittivi, kif preskritt mill-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku. |
|
(301) |
Il-Kummissjoni qabblet, b’mod partikolari, il-volum medju ta’ importazzjoni fix-xahar fil-PI (Ottubru 2022 sa Settembru 2023) mal-volum medju ta’ importazzjoni ta’ kull xahar wara l-PI (Novembru 2023 sa Lulju 2024). Il-Kummissjoni qabblet ukoll il-volum medju ta’ importazzjoni ta’ kull xahar wara l-PI (Novembru 2023 sa Lulju 2024) mal-volum medju ta’ importazzjoni fix-xahar matul il-PI bbażat fuq l-istess xhur (Novembru 2022 sa Lulju 2023) għaż-żewġ perjodi, biex titqies l-istaġjonalità. Għall-PI, il-Kummissjoni użat data tal-produtturi esportaturi li kkooperaw (44) u għal wara l-PI, hija użat data fil-bażi tad-data ta’ Sorveljanza (45). |
|
(302) |
Id-data vverifikata tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun uriet li l-volumi tal-importazzjoni varjaw b’mod konsiderevoli skont ix-xahar tas-sena. Pereżempju, l-importazzjonijiet f’xhur bħal Diċembru, Marzu u April fil-PI kienu aktar minn tliet darbiet ogħla mill-medja tal-importazzjonijiet minn Lulju sa Settembru. Għalhekk, biex jitqiesu dawn il-varjazzjonijiet u biex jitqies l-impatt tal-istaġjonalità, il-Kummissjoni ma qisitx xieraq li tqabbel il-medja ta’ kull xahar tal-PI bbażata fuq 12-il xahar mal-medja ta’ kull xahar ta’ wara l-PI abbażi ta’ tmien (8) xhur.. Il-volum tal-importazzjoni matul il-perjodu wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji (Novembru 2023 sa Lulju 2024) kien għalhekk imqabbel mal-volum tal-importazzjoni tal-istess perjodu matul il-PI (Novembru 2022 sa Lulju 2023). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkulat li fil-perjodu ta’ wara l-PI, l-importazzjonijiet naqsu bi 3 % fil-volum. Il-prezzijiet tal-MAE baqgħu stabbli matul iż-żewġ perjodi. |
|
(303) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina ma żdiedx. |
|
(304) |
Barra minn hekk, aktar elementi fil-fajl jappoġġaw il-konklużjoni li ma seħħx kumulazzjoni sostanzjali ta’ riżerva wara l-bidu. Kif stabbilit fir-Regolament proviżorju, il-produtturi tal-Unjoni produċew biss għal kull ordni u ma żammew l-ebda stokk sinifikanti ta’ MAE lest. Dan kien minħabba li fil-PI, ġie stmat li bejn 75 % u 90 % tal-MAE nbiegħu fis-suq tal-Unjoni lil kumpaniji tal-kiri, li jeħtieġu MAE personalizzata (miżbugħa bil-kuluri tal-kumpanija b’logo). Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ MAE li ma kinitx personalizzata u li ma saritx għal klijent speċifiku kienet improbabbli ħafna peress li MAE bħal din ma tikkorrispondix għad-domanda tas-suq. |
|
(305) |
Barra minn hekk, iż-żmien meħtieġ bejn l-ordnijiet u l-konsenja għall-MAE li normalment huwa minn 4 sa 6 xhur ġie kkunsidrat meta ġiet ivvalutata d-data - il-konsenji fi Frar u Marzu 2024 x’aktarx ikunu ordnijiet li ttieħdu qabel il-bidu tal-investigazzjoni f’Novembru 2023. Ix-xahrejn ta’ Frar u Marzu 2024 kienu wkoll ix-xhur bl-ogħla importazzjonijiet; wara dawn ix-xhur, l-importazzjonijiet bdew jonqsu. Għalhekk, l-importazzjonijiet ogħla f’dawn ix-xhur li x’aktarx kienu r-riżultat tal-ordnijiet qabel il-bidu u ma sarux għall-fini ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva. |
|
(306) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li fid-dawl tat-tnaqqis fl-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ wara l-PI, il-possibbiltà limitata ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva minħabba ż-żmien twil meħtieġ u l-produzzjoni għal kull ordni, l-effett rimedjali tal-miżuri definittivi ma ġiex imminat serjament mill-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet wara l-PI. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ġbir retroattiv tad-dazji ma kienx iġġustifikat. |
|
(307) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-ilmentatur ressaq l-argumenta li ma kienx hemm biżżejjed evidenza dwar l-istaġjonalità tal-importazzjonijiet. Ressaq ukoll l-argumentat li għall-PI, il-Kummissjoni użat b’mod żbaljat medja ta’ kull xahar inqas rappreżentattiva bbażata fuq tmien (8) xhur, aktar milli medja fix-xahar aktar xierqa bbażata fuq 12-il xahar. L-ilmentatur argumenta wkoll li biex tivvaluta l-importazzjonijiet fil-PI, il-Kummissjoni użat perjodu ħażin peress li l-importazzjonijiet tqabblu abbażi tad-data tal-bejgħ tagħha u vvalutat il-konsenji bejn Marzu 2023 u Novembru 2023, minflok bejn Novembru 2022 u Lulju 2023. |
|
(308) |
L-ilmentatur argumenta wkoll li l-Kummissjoni ma qisitx l-effett distorsiv tat-theddida tar-reġistrazzjoni u tar-reġistrazzjoni attwali. Fil-fehma tiegħu, il-Kummissjoni stmat b’mod eċċessiv ukoll iż-żmien meħtieġ, u indikat li l-konsenja mir-RPĊ lejn l-Unjoni ħadet bejn 30 u 45 jum. |
|
(309) |
L-ilmentatur saħaq ukoll li kien ta prova li kienet qed issir kumulazzjoni ta’ riżerva. Huwa saħaq li l-Kummissjoni assumiet b’mod żbaljat li peress li l-produtturi tal-Unjoni ma pproduċewx fl-istokk, lanqas il-produtturi Ċiniżi ma għamlu dan. Huwa sostna wkoll li l-aktar data reċenti ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun uriet li maġġoranza kbira ta’ MAE mibjugħa fl-Unjoni ma kinux personalizzati. L-ilmentatur sostna wkoll li l-volum ta’ MAE importat wara r-reġistrazzjoni kien għadu sostanzjali. Barra minn hekk, l-ilmentatur sostna li, abbażi tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, f’każijiet fejn il-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet, il-marġni tad-dannu jenħtieġ li jirrifletti d-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet wara l-bidu. Għalhekk, biex tikkumpensa għall-effett supplimentari li jirriżulta mill-kumulazzjoni massiva ta’ riżerva, il-Kummissjoni għalhekk jenħtieġ li tivvaluta mill-ġdid il-marġni tad-dannu biex tqis il-kumulazzjoni ta’ riżerva. |
|
(310) |
Il-Kummissjoni ma qablitx li kellha tqabbel il-medja ta’ kull xahar ibbażata fuq il-perjodu ta’ 12-il xahar fil-PI ma’ perjodu ta’ 8-il xahar wara l-PI. Kif rikonoxxut ukoll mill-ilmentatur, il-volumi tal-importazzjonijiet bejn ix-xhur differenti varjaw b’mod sinifikanti u, għalhekk, il-Kummissjoni qieset li kien aktar preċiż li tqabbel perjodi tal-istess tul, aktar milli tqabbel perjodu ta’ 12-il xahar ma’ perjodu ta’ 8-il xahar. F’dan il-kuntest u minħabba l-varjazzjonijiet importanti fil-volum bejn l-importazzjonijiet fix-xhur differenti, tabilħaqq it-tqabbil tal-perjodi tal-istess tulijiet kellu jeskludi kwalunkwe staġjonalità. Il-Kummissjoni ma qablitx li kellha tagħti prova ta’ xejra rikorrenti u fissa biex tiddefendi għaliex użat paragun ibbażat fuq importazzjoni medja f’perjodi tal-istess tul. |
|
(311) |
Fir-rigward tal-użu tal-perjodu fil-PI, il-Kummissjoni tabilħaqq ibbażat ruħha fuq id-data tal-produtturi esportaturi li semmew l-esportazzjonijiet fl-Unjoni mid-data tal-fattura, li hija l-aktar data preċiża disponibbli għal dak il-perjodu. Il-perjodu ta’ tmien (8) xhur li użat il-Kummissjoni kien twil biżżejjed biex jittieħed f’kunsiderazzjoni wkoll l-effett tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, jekk kien hemm, li kien fis-seħħ biss matul xahar u nofs (bejn t-23 ta’ Mejju 2024 u t-12 ta’ Lulju 2024). Madankollu, minn dak il-mument, il-kunsinna ta’ MAE ħadet, skont il-partijiet inklużi l-ilmentatur, bejn 30 u 45 jum. Meta wieħed iqis dan il-perjodu limitat ta’ żmien, it-tqabbil li sar mill-Kummissjoni kien ibbażat fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli u tqies preċiż biżżejjed biex jiġi konkluż jekk kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet wara l-bidu. |
|
(312) |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li ma setgħetx tasal għal konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva abbażi ta’ evidenza aneddotika fil-forma ta’ stampa jew posta elettronika kif ippreżentata mill-ilmentatur. Pjuttost, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istatistika tal-importazzjoni wara l-PI u fuq id-data l-oħra kollha disponibbli fil-fajl, inkluż mill-utenti u l-importaturi, li ma urietx li kien hemm kumulazzjoni ta’ riżerva sal-livell li timmina l-effetti rimedjali tad-dazji. Għalhekk, minkejja l-fatt li skont l-ilmentatur waħda mill-kumpaniji fil-kampjun biegħet maġġoranza ta’ MAE mhux personalizzati, dan ma affettwax il-konklużjoni li ma seħħet l-ebda żieda kbira fl-importazzjonijiet. |
|
(313) |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4) ma kinux japplikaw. L-importazzjonijiet ġew irreġistrati, u ġie konkluż li ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet wara l-bidu. |
|
(314) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ġbir retroattiv tad-dazji ma kienx iġġustifikat. |
9. DISPOŻIZZJONI FINALI
|
(315) |
Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament 2024/2509 (46), meta ammont jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar. |
|
(316) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli maħsub għall-irfigħ ta’ persuni, awtopropulsiv, b’għoli massimu ta’ operat ta’ 6 metri jew aktar, u importazzjonijiet ta’ sezzjonijiet tagħhom immuntati minn qabel jew lesti għall-assemblaġġ, li jikkonsistu f’ 1) xażi, 2) turretta jew turntables, 3) pjattaforma jew basktijiet, 4) mekkaniżmu ta’ rfigħ għal tagħmir ta’ aċċess mobbli (inkluż booms (teleskopiċi u jew artikolati, bil-jibs jew mingħajrhom) għal irfigħ b’boom teleskopiku, irfigħ minn boom artikolat jew arblu vertikali u imqass għal irfigħ imqass), esklużi komponenti individwali tas-sezzjonijiet meta ppreżentati separatament, u eskluż tagħmir għall-irfigħ ta’ persuni mmuntat fuq vetturi tal-Kapitolu 86 u l-Kapitolu 87 tas-Sistema Armonizzata, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 8427 10 10 , ex 8427 20 19 , ex 8428 90 90 , ex 8431 20 00 u ex 8431 39 00 (kodiċijiet TARIC: 8427 10 10 10, 8427 20 19 10, 8431 20 00 60, 8431 39 00 10 u 8428 90 90 20), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:
|
Kumpanija |
Dazju anti-dumping definittiv |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Hunan Sinoboom Intelligent Equipment Co., Ltd. |
49,3 % |
89DL |
|
Oshkosh JLG (Tianjin) Equipment Technology Co., Ltd. |
22,5 % |
89DM |
|
Terex (Changzhou) Machinery Co., Ltd. |
22,9 % |
89DN |
|
Zhejiang Dingli Machinery Co., Ltd. |
20,6 % |
89DO |
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw fl-Anness |
30,1 % |
Ara l-anness |
|
Il-kumpaniji l-oħrajn kollha |
54,9 % |
8999 |
3. L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li tkun ħarġet tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum f’unità li qed nużaw) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie manifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat] Jien niddikjara li l-informazzjoni provduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Sakemm tiġi preżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw fir-RPĊ.
4. Meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, l-għadd ta’ unitajiet tal-prodotti importati għandu jiddaħħal fil-qasam rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni, dment li din l-indikazzjoni tkun kompatibbli mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87.
L-Istati Membri għandhom, fuq bażi ta’ kull xahar, jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-massa netta u bl-għadd ta’ oġġetti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera taħt il-kodiċijiet TARIC: 8427 10 10 10, 8427 20 19 10, 8428 90 90 20, 8431 20 00 60 u 8431 39 00 10.
5. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1915 tal-11 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 3
L-Anness imsemmi fl-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex jiżdied produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:
|
(a) |
ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (01/10/2022 sa 30/09/2023); |
|
(b) |
mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u |
|
(c) |
effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni. |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (“MAE”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, C/2023/783, 13.11.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2023/783/oj.
(3) Notifika tal-bidu ta’ proċediment antisussidji dwar importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (“MAE”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, C/2024/2362, 27.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2362/oj.
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1450 tat-23 ta’ Mejju 2024 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni, C/2024/1450, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1450/oj.
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1915 tal-11 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU L, 2024/1915, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1915/oj.
(6) Is-CCCME ngħatat is-setgħa permezz ta’ prokura li tirrappreżenta tmien produtturi esportaturi f’din l-investigazzjoni.
(7) Irreferi għan-Nota f’qiegħ il-paġna 1.
(8) Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (“MAE”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, C/2023/783, 13.11.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2023/783/oj.
(9) Il-prodott li qed jiġi investigat huwa tagħmir għall-aċċess mobbli ddisinjat għall-irfigħ ta’ persuni ...”, Taqsima 2, Ibid.
(10) Ara pġ. 28 tal-kontijiet annwali tal-2023 ta’ Madal Palfinger , https://assets.palfinger.com/importdata/corporate/newsroom/en/reports/2023/PALFINGER_GB2023_EN_open.pdf.
(11) Idem. Palfinger | Rapport Annwali 2023 | Links għat-tniżżil https://i-report.palfinger.ag/2023/en/downloads.
(12) Idem, pg. 28 “Internal supply relationships with the production sites in the USA were expanded and the process of standardizing as well as optimizing production at the Rio Tercero plant in Argentina continued.” Enfażi miżjuda.
(13) L-Unjoni Ewropea – Miżuri anti-dumping fuq il-bijodiżil mill-Arġentina, Rapport tal-Korp tal-Appell, WT/DS473/AB/R, §6.23.
(14) Ara pereżempju t-Taqsimiet II.5. jew III.8. tat-3et Riżoluzzjoni tal-Plenum.
(15) Appellate Body Report, European Union – Anti-Dumping Measures on Biodiesel from Argentina, WT/DS473/AB/R and Add.1, adottaat fis-26 ta’ Ottubru 2016, DSR 2016:VI, p. 2871, Para 7.10.
(16) Ara t-Taqsima II.5. tat-3 Riżoluzzjoni Plenum: “ Ser napprofondixxu r-riforma tal-kapital tal-istat u tal-intrapriżi tal-istat (SOEs), intejbu l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni u s-sorveljanza, insaħħu l-koordinazzjoni strateġika bejn id-dipartimenti amministrattivi rilevanti, u naħdmu biex nirfinaw it-tqassim tas-settur tal-istat u naġġustaw l-istruttura tiegħu. Dan kollu se jgħin lill-kapital tal-istat u lill-SOEs isiru aktar b’saħħithom, jagħmlu aħjar, u jikbru aktar. (...) Il-kapital tal-Istat ser jiġi ggwidat lejn industriji ewlenin u oqsma ewlenin li huma vitali għas-sigurtà nazzjonali u jservu bħala l-pedament tal-ekonomija nazzjonali. (...) Ser nistabbilixxu sistema biex nivvalutaw il-prestazzjoni tal-SOEs fit-twettiq tal-missjonijiet strateġiċi tagħhom (...).”
(17) Data dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Importazzjoni u l-Esportazzjoni: Global Trade Atlas | S&P Global (spglobal.com), https://www.spglobal.com/market-intelligence/en/solutions/products/maritime-global-trade-atlas.
(18) Meta jitqies li t-talba hija relatata mal-kostijiet ta’ ċerti FOPs ta’ Sinoboom, l-FOPs speċifiċi ma għandhomx jissemmew għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.
(19) “Unità sekondarja” jew “kwantità sekondarja” spiss tintuża biex tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-kejl flimkien mal-unità primarja ta’ kejl għal komodità partikolari. F’dan il-każ, l-unità sekondarja dejjem kienet Kgs. Meta l-unità primarja kienet numri jew biċċiet, il-GTA provdiet il-valur f’Kgs ukoll.
(20) L-FOPs speċifiċi ma għandhomx jissemmew għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali. Sinoboom ittikkettat l-FOPs speċifiċi bħala informazzjoni kunfidenzjali kummerċjali mhux suxxettibbli għal sommarju minħabba li l-prezz tagħhom huwa sostanzjalment differenti minn parametru referenzjarju divulgat pubblikament, li jwassal għad-divulgazzjoni ta’ kostijiet speċifiċi għall-kumpanija.
(21) Il-FOPs speċifiċi ma għandhomx jissemmew għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.
(22) Il-FOPs speċifiċi ġew iddikjarati bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.
(23) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.
(24) Tabella tal-istatistika tax-xogħol ta’ Pesquisa Industrial Annual https://www.ibge.gov.br/estatisticas/economicas/industria/9042-pesquisa-industrial-anual.html?=&t=downloads.
(25) Idem.
(26) https://ads.clicrbs.com.br/PUBLICIDADE-LEGAL/PIO/Publicidade_Legal_PIO_290324_madalpalfinger.pdf.
(27) IBGE | Portal do IBGE | IBGE, https://www.ibge.gov.br/
(28) ICMS hija l-abbrevjazzjoni għal Imposto Sobre Operações Relativas à Circulação de Mercadorias e Serviços de Transporte Interestadual de Intercommune e de Comunicações. Hija taxxa fuq il-bejgħ u s-servizzi u tapplika għall-moviment ta’ oġġetti, trasport, servizzi ta’ komunikazzjoni u forniment ġenerali ieħor ta’ oġġetti. Titħallas minn individwi privati u entitajiet ġuridiċi li jikkummerċjalizzaw kwalunkwe oġġett; minn dawk li jimportaw il-prodotti; dawk li jakkwistaw merkanzija maqbuda mid-dwana u dawk li jakkwistaw prodotti petroliferi minn barra l-pajjiż.
(29) ICMS RS 2024 - Tabela atualizada - Tax Group - Energia elétrica (exceto para consumo em iluminação de vias públicas, industrial, rural e, até 50 KW por mês, residencial), https://www.taxgroup.com.br/intelligence/icms-rs-2024-tabela-atualizada/
(30) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 26.
(31) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.
(32) Idem.
(33) Idem.
(34) Ir-rapport huwa kklassifikat bħala sensittiv u ma jistax jiġi referenzjat jew ikkwotat.
(35) JLG Sweden, JLG Spain, JLG Italy, JLG France, JLG Germany.
(36) 20240415_URD_EN.pdf (manitou-group.com) available at https://www.manitou-group.com/wp-content/uploads/2024/06/20240415_URD_EN.pdf.
(37) Bidu tar-rekord għal Haulotte | Vertikal.net;https://vertikal.net/en/news/story/42361/first-half-boom-for-haulotte.
(38) Ir-Rapport Annwali tal-2023 ta’ Manitou Group f’https://www.manitou-group.com/wp-content/uploads/2024/06/20240415_URD_EN.pd, paġna 28.
(39) https://www.optionfinance.fr/info-financiere-en-continu/d/2024-04-26-manitou-devisse-apres-son-retour-a-la-normale.html.
(40) Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (“MAE”, mobile access equipment) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ( ĠU C, C/2023/783, 13.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/783/oj ).
(41) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(42) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170/Rue de la Loi, 1040, Bruxelles/Brussel, Belgique/België. Indirizz elettroniku: Trade-defence-complaints@ec.europa.eu.
(43) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:31987R2658.
(44) Il-produtturi esportaturi li kkooperaw irrappreżentaw 100 % tal-importazzjonijiet fil-PI.
(45) Għad-data ta’ wara l-PI ibbażata fuq il-bażi tad-data tas-Sorveljanza, għal wieħed mit-tliet kodiċijiet li taħthom jiġu importati żewġ terzi tal-MAE, il-bażi tad-data ta’ Sorveljanza ma tipprovdix data f’biċċiet (piż u valur biss). Għalhekk, l-importazzjonijiet f’unitajiet taħt it-tielet kodiċijiet ġew stmati abbażi tal-valur medju għal kull unità taż-żewġ kodiċijiet li għalihom kienet teżisti data f’unitajiet.
(46) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/45/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)