Proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni

Il-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) lejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-punent tieħu l-forma tal-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni (PSA) imniedi fis-sena 2000. Il-PSA jfittex li jistabbilizza r-reġjun bil-prospett tal-futur ta’ sħubija futura fl-UE għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali mir-reġjun.

Issir enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni reġjonali, pereżempju l-iżvilupp ta’ infrastrutturi u netwerks u t-twaqqif ta’ żona ta’ kummerċ ħieles. Għalkemm il-PSA jistabbilixxi miri politiċi u ekonomiċi komuni, il-progress ta’ kull pajjiż jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess.

Permezz tal-Istrument ta’ Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni III (2021–2027), il-finanzjament se jkompli jiġi pprovdut biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt, biex jiżviluppa ekonomiji tas-suq u jallina l-leġiżlazzjoni tal-imsieħba tal-PSA mal-acquis tal-UE u l-istandards rilevanti.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jiksbu l-istatus ta’ pajjiż kandidat ikomplu jibbenifikaw mill-involviment mal-UE permezz tal-qafas tal-PSA filwaqt li jkunu involuti fil-proċess ta’ adeżjoni.

L-imsieħba fil-qafas tal-PSA jinkludu l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja.

ARA WKOLL

* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.