Għotjiet ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet — provvista pubblika u kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 89/665/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Din teħtieġ lill-pajjiżi tal-UE jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, kif ukoll deċiżjonijiet proċedurali preliminari f’dan il-kuntest, jiġu rriveduti malajr u b’mod effettiv fil-każ li jkunu kisru l-liġi tal-akkwist pubbliku tal-UE.
PUNTI EWLENIN
- Id-Direttiva 89/665/KEE tapplika għal kuntratti pubbliċi fis-settur pubbliku u konċessjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli sostantivi rilevanti (jiġifieri regoli li jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi). Id-Direttiva 2014/23/UE (ara s-sommarju) u d-Direttiva 2014/24/UE (ara s-sommarju) jissostitwixxu d-Direttiva 2004/18/KE mit-18 ta’ April 2016.
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ rieżami jkunu disponibbli tal-inqas għal kwalunkwe persuna li jkollha, jew li kellha, interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet, jew li hija f’riskju li tkun, danneġġata minn allegat ksur.
- Id-Direttiva 86/665/KEE tippermetti li jitressqu azzjonijiet kemm qabel jiġi ffirmat il-kuntratt (rimedji ta’ qabel il-kuntratt) kif ukoll wara (rimedji ta’ wara l-kuntratt).
- Ir-rimedji ta’ qabel il-kuntratt huma maħsuba biex jikkoreġu l-ksur ta’ regoli tal-akkwist pubbliku meta ssir il-proċedura ta’ offerti u, fi kwalunkwe każ, qabel il-kuntratt isir effettiv. Dawn jinkludu d-dritt għal miżuri interim, perjodu ta’ sospensjoni obbligatorju u r-rekwiżit ta’ sospensjoni tal-proċedura tal-għoti waqt li jkun qed jiġi investigat l-appell biex jiġi evitat l-għoti tal-kuntratt.
- Ir-rimedji ta’ wara l-kuntratt għandhom l-għan li jiddikjaraw kuntratt eżistenti ineffettiv u/jew li jipprovdu kumpens (l-aktar danni) lill-partijiet affettwati wara li jkun ingħata l-kuntratt inkwistjoni.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mit-3 ta’ Jannar 1990 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-21 ta’ Diċembru 1991.
SFOND
- Id-Direttiva 89/665/KEE ġiet emendata sew mid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet aktar emendi, l-aktar biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/665/KEE fir-rigward tal-konċessjonijiet skont id-Direttiva 2014/23/UE u biex taġġorna r-referenzi għar-regoli sostantivi għall-kuntratti pubbliċi stipulati fid-Direttiva 2014/24/UE.
- Id-Direttiva 92/13/KEE (ara s-sommarju) hija l-ekwivalenti tad-Direttiva 89/665/KEE għall-kuntratti pubbliċi fis-settur tal-utilitajiet. Din ġiet emendata kollha kemm hi mid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet aktar emendi għall-ħtiġijiet tad-Direttiva 2014/25/UE (ara s-sommarju).
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, 30.12.1989, pp. 33-35)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/665/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 76, 23.3.1992, pp. 14-20)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 1-64)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 65-242)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 09.01.2020