Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huwa parti mis-Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja (SESF) li l-għan tagħha huwa s-superviżjoni tas-sistema finanzjarja tal-UE. Ġie stabbilit fuq rakkomandazzjoni ta' Grupp ta' Livell Għoli li, wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, eżamina kif il-ftehimiet sorveljatorji tal-UE jistgħu jissaħħu kemm biex iċ-ċittadini tagħha jiġu protetti aħjar kif ukoll sabiex tinbena l-fiduċja mill-ġdid fis-sistema finanzjarja.
Il-Grupp ta' Livell Għoli kkonkluda li l-arranġamenti sorveljatorji, filwaqt li jiffokaw fuq ditti individwali (eż. banek u kumpaniji tal-assigurazzjoni), għandhom jimmonitorjaw ukoll l-istabbilità tas-sistema finanzjarja in ġenerali.
Il-BERS huwa korp tal-UE indipendenti responsabbli għas-sorveljanza makro-prudenzjali tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-UE. Il-missjoni tiegħu huwa li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni ta' riskji sistemiċi għall-istabbilità finanzjarja tal-UE li jirriżultaw minn żviluppi fi ħdan is-sistema finanzjarja.
Beda jaħdem f'Diċembru 2010. Huwa bbażat fi Frankfurt am Main u s-Segretarjat tiegħu huwa pprovdut mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).