Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Governanza ekonomika

L-Unjoni Ewropea (UE) introduċiet sett ta’ regoli li għandhom l-għan li jikxfu, jipprevjenu u jikkoreġu tendenzi ekonomiċi problematiċi bħal defiċits tal-gvern jew livelli ta’ dejn pubbliku eċċessivi, li jistgħu joħonqu t-tkabbir u jpoġġu l-ekonomiji f’riskju.

Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE huwa bbażat fuq is-Semestru Ewropew u s-sistema tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tiegħu. Is-Semestru Ewropew jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jiddiskutu l-pjanijiet ekonomiċi u baġitarji tagħhom u jimmonitorjaw il-progress fi żminijiet speċifiċi matul is-sena. Huwa jfittex li jiżgura li:

  • ikun hemm regoli ċari;
  • il-politiki nazzjonali jkunu kkoordinati aħjar matul is-sena kollha;
  • ikun hemm monitoraġġ regolari;
  • it-tfaċċar ta’ żbilanċi makroekonomiċi potenzjalment dannużi jista’ jiġi identifikat minn stadju bikri; u
  • is-sanzjonijiet jiġu infurzati meta l-pajjiżi ma jikkonformawx mar-regoli.

Minħabba l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-2008-2010, l-UE saħħet ir-regoli ta’ governanza ekonomika tagħha sabiex issaħħaħ il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tagħha bi:

  • il-liġijiet tal-pakkett dwar il-governanza ekonomika (sistema li timmonitorja politiki ekonomiċi usa’ sabiex tikxef minn fażi bikrija problema bħal bżieżaq immobiljari jew kompetittività li ma tkunx qed tirnexxi — proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku);
  • il-liġijiet tat-tieni pakkett ta’ proposti għall-governanza ekonomika (il-pajjiżi taż-żona tal-euro — għajr dawk bi programmi ta’ aġġustament makroekonomiku — iridu jissottomettu l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tagħhom sal-15 ta’ Ottubru kull sena u l-Kummissjoni Ewropea toħroġ opinjoni sa tmiem Novembru);
  • it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (patt fiskali).

Il-Kummissjoni bdiet ukoll tintegra l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Semestru Ewropew bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tqiegħed l-iżvilupp sostenibbli fil-qalba tal-politika ekonomika.

Fil-bidu tal-2020, il-Kummissjoni ppreżentat rieżami tal-effettività tal-governanza ekonomika tal-UE u nediet dibattitu dwar il-futur tagħha fid-dawl tal-prijoritajiet tal-UE dejjem jevolvu. Ir-rieżami jeżamina kemm kien effettiv il-qafas ta’ sorveljanza ekonomika fil-kisba ta’ tliet objettivi ewlenin:

  • li jiġu żgurati finanzi tal-gvern u tkabbir ekonomiku sostenibbli, kif ukoll l-evitar ta’ żbilanċi makroekonomiċi;
  • li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi; u
  • li tiġi promossa l-konverġenza fil-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiżi tal-UE.

ARA WKOLL

Top