Identità diġitali

F’Settembru 2020, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret li l-Kummissjoni se toħroġ proposti għall-identità diġitali Ewropea, li jkunu disponibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji kollha tal-Unjoni Ewropea (UE). Iċ-ċittadini, ir-residenti u n-negozji tal-UE jingħataw portafolli elettroniċi li jkunu jistgħu jorbtu l-identitajiet diġitali nazzjonali tagħhom ma’ prova ta’ dettalji personali oħra (eż. liċenzji tas-sewqan, kwalifiki professjonali jew kontijiet bankarji). Dawn il-portafolli jistgħu jiġu pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn entitajiet privati, bil-kundizzjoni li dawn ikunu rikonoxxuti minn Stat Membru tal-UE.

L-identità diġitali tippermetti lill-utenti jaċċessaw is-servizzi online mingħajr ma jkollhom jużaw metodi ta’ identifikazzjoni privata jew jikkondividu bla bżonn data personali, u b’hekk tagħtihom kontroll sħiħ tad-data li jikkondividu. Dawn ikunu jistgħu jagħtu prova tal-identità tagħhom u jikkondividu dokumenti elettroniċi mill-portafolli elettroniċi tagħhom bi klikk fuq l-ismartphone tagħhom jew apparat simili.

Diversi Stati Membri diġà żviluppaw identitajiet diġitali nazzjonali. F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet proposta biex temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ir-regolament eIDAS). Din l-emenda, meta tiġi adottata, tippermetti li l-portafolli tal-identità diġitali Ewropej jibnu fuq dawn is-sistemi nazzjonali u li dawn is-sistemi jsiru interoperabbli.

ARA WKOLL