Il-politika tal-UE għall-iżvilupp

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

L-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

L-Artikolu 21(2)(d) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

IL-POLITIKA TAL-UE GĦALL-IŻVILUPP FIT-TRATTATI TAL-UNJONI EWROPEA

L-Artikolu 4 tat-TFUE jagħti lill-UE l-kompetenza biex twettaq attivitajiet u tmexxi politika komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeżerċitaw ukoll il-kompetenzi tagħhom stess fil-qasam.

L-objettiv prinċipali tal-politika tal-UE għall-iżvilupp, kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE, huwa t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Artikolu 208 jirrikjedi wkoll li l-UE u l-pajjiżi tal-UE jonoraw l-impenji magħmula fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħra.

Il-politika tal-UE għall-iżvilupp issegwi wkoll l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 21(2)(d) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jrawmu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli ta’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bl-għan primarju li jeqirdu l-faqar.

F’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21(2) tat-TUE, il-politika għall-iżvilupp tikkontribwixxi wkoll, fost affarijiet oħra, lejn l-appoġġ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, lejn il-preservazzjoni tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti, lejn it-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali globali, lejn l-għoti ta’ għajnuna lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, u lejn il-promozzjoni ta’ sistema internazzjonali bbażata fuq kooperazzjoni multilaterali msaħħa u tmexxija globali tajba.

PUNTI EWLENIN

Impenji globali

L-UE bħala attur globali aktar b’saħħtu

L-UE tfittex li tiġbor flimkien il-mezzi kollha disponibbli mill-UE u l-pajjiżi tal-UE biex taħdem lejn dinja aktar paċifika u għanja. L-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija globali tal-UE (EUGS) għall-politika estera u ta’ sigurtà bdiet fl-2017. Din l-istrateġija tistabbilixxi l-interessi u l-prinċipji ewlenin tal-UE għall-impenn u tipprovdi viżjoni għal UE aktar kredibbli, responsabbli u reattiva. L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU se jkunu elementi trasversali fl-implimentazzjoni tal-EUGS.

L-UE u l-pajjiżi tal-UE flimkien huma l-akbar donatur ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA). Il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) huwa l-istrument ewlieni tal-UE sabiex tingħata għajnuna għall-iżvilupp lil 79 pajjiż Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej taħt il-Ftehim ta’ Cotonou.

Permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-UE għandha l-għan li tnaqqas il-faqar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kif ukoll li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u governanza tajba.

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il SDG tagħha, adottati mill-193 Stat Membru tan-NU fl-2015, hija l-qafas globali ġdid biex jinqered il-faqar u sal-2030 jinkiseb żvilupp sostenibbli madwar id-dinja.

F’konformità mal-EUGS,fil-Konsensus Ewropew Ġdid dwar l-Iżvilupp tagħha tal-2017, l-UE tistabbilixxi l-prinċipji għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-pajjiżi tal-UE fil-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, miftiehma min-NU fl-2015, u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.

Il-konsensus jallinja l-azzjoni ta’ żvilupp tal-UE mal-SDGs u huwa strutturat madwar il-5 Ps li jfasslu l-aġenda 2030 (persuni, pjaneta, prosperità, paċi u sħubija).

Finanzjament għal żvilupp sostenibbli

L-UE hija parti għall-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, ftehim li ntlaħaq minn sħubija ta’ 193 pajjiż membru tan-NU fit-Tielet Konferenza Internazzjonali tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp. Din hija parti integrali mill-aġenda 2030 u tistabbilixxi paradigma ġdida għall-implimentazzjoni permezz tal-użu effettiv ta’ mezzi finanzjarji u mhux finanzjarji u billi tpoġġi l-azzjonijiet domestiċi u l-politiki sodi fuq quddiem. L-oqsma ta’ azzjoni tagħha jinkludu:

Pjan ta’ Investiment Estern

Sabiex tgħin biex jintlaħqu l-SDGs u jiżdied kemm l-investiment pubbliku kif ukoll dak privat, fl-2017 l-UE stabbiliet il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u l-Garanzija tal-EFSD. Dawn jagħmlu parti mill-Pjan ta’ Investiment Estern (PIE) tal-UE li jindirizza l-isfidi ta’ żvilupp sostenibbli li jiġu ffaċċjati fl-Afrika sub-Saħarjana kif ukoll mit-tranżizzjoni permezz ta’ riformi fir-reġjun tal-Viċinat tal-UE.

Wara Cotonou

Għaddejjin negozjati biex tiġi ddefinita mill-ġdid ir-relazzjoni futura tal-UE mal-pajjiżi AKP. Attwalment, din hija ddefinita mill-ftehim ta’ Cotonou li se jasal fi tmiemu fl-2020. Il-ftehim għen biex jitnaqqas il-faqar, tiżdied l-istabbiltà u biex il-pajjiżi AKP jiġu integrati fl-ekonomija globali.

Effettività tal-iżvilupp u programmar konġunt — naħdmu aħjar mal-pajjiżi tal-UE

L-UE hija impenjata biex tiżgura li l-għajnuna għall-iżvilupp tintefaq bl-aktar mod effettiv possibbli biex jintlaħqu l-SDGs. F’dan ir-rigward, hija approvat diversi ftehimiet internazzjonali, li jinkludu:

Il-prinċipji ewlenin tal-effettività tal-iżvilupp, iddefiniti mill-ġdid fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli ta’ Nairobi fl-2016, huma:

Dawn il-prinċipji jitqiegħdu fil-prattika fi programmi u proġetti kif ukoll permezz ta’ programmar konġunt , bid-diversi sħab tal-iżvilupp tal-UE (l-UE u l-pajjiżi tal-UE) li jaħdmu f’pajjiż sieħeb jippjanaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp flimkien.

Koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD)

Permezz tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), l-UE tfittex li tnaqqas l-effetti konsegwenzjali negattivi tal-politiki tagħha fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Dan għandu l-għan li:

Sabiex tiżgura li dan jibqa’ rilevanti b’segwitu għall-SDGs, l-UE integrat PCD fil-ħidma ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-aġenda 2030. Il-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll il-mekkaniżmi tagħhom stess fis-seħħ biex jiżguraw PCD fil-politiki nazzjonali tagħhom. Ir-rapport tal-UE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-2019 jagħti ħarsa lejn il-progress li sar mill-istituzzjonijiet u l-pajjiżi tal-UE fil-PCD matul il-perjodu 2015-2018.

Persuni

Il-faqar u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi

SDG 1, il-qerda tal-faqar, u SDG 10, l-indirizzar tal-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, huma ċentrali għall-politika tal-UE għall-iżvilupp.

Ir-riżultati preliminari ta’ riċerka li janalizzaw l-inugwaljanza mnedija mill-Kummissjoni fl-2017 jindikaw:

L-inugwaljanza fil-livell nazzjonali tibqa’ ostaklu importanti għat-tkabbir rapidu u t-tnaqqis tal-faqar. Għalkemm il-faqar estrem jibqa’ jonqos madwar id-dinja, dan xorta waħda għadu mifrux fl-Afrika, speċjalment fl-Afrika sub-Saħarjana.

Żvilupp tal-bniedem

Il-prijoritajiet tal-politika tal-UE għall-iżvilupp jinkludu l-qerda tal-faqar (SDG 1), l-indirizzar tal-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni (SDG 10) u li ħadd ma jitħalla lura. L-approċċ tal-iżvilupp tal-bniedem jiffoka fuq il-persuni, l-opportunitajiet u l-għażliet tagħhom. L-UE tappoġġja lis-soċjetajiet u lill-ekonomiji tal-pajjiżi sħab biex isiru aktar inklużivi u sostenibbli, sabiex kulħadd jibbenefika mill-iżvilupp u ħadd ma jitħalla lura.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE (Artikolu 2 tat-TUE) u objettiv politiku inkorporat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 19 tat-TFUE) Billi tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-UE tikkontribwixxi għat-twettiq tal-SDG 5 u l-aġenda 2030 kollha, kif enfasizzat ukoll fil-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2017.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prekundizzjoni essenzjali għal żvilupp sostenibbli ekwitabbli u inklużiv, peress li n-nisa u l-bniet huma nofs il-popolazzjoni tad-dinja. L-UE għandha l-għan li tiżgura li n-nisa u l-bniet jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ u b’mod ugwali fil-ħajja soċjali, ekonomika, politika u ċivili. B’mod partikolari, hija tappoġġja t-tneħħija tal-ostakli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħal-liġijiet diskriminatorji, l-aċċess inugwali għas-servizzi u l-ġustizzja, għall-edukazzjoni u s-saħħa, għall-impjiegi u l-emanċipazzoni ekonomika, u l-parteċipazzjoni politika, u l-eliminazzjoni tal-vjolenza sesswali u dik abbażi ta’ sess, inkluż billi jiġu indirizzati l-istandards soċjali u l-istereotipi tas-sessi u billi jiġu appoġġjati l-movimenti tan-nisa u s-soċjetà ċivili.

Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2016-2020) jistabbilixxi l-qafas għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet prijoritarji madwar id-dinja, permezz tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni tagħha tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2020.

Inizjattiva ewlenija tal-UE hija l-Inizjattiva Spotlight ta’ EUR 500 miljun, li hija sħubija unika man-NU biex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. L-inizjattiva tgħaqqad flimkien lill-gvernijiet sħab u lis-soċjetà ċivili mill-Asja, l-Afrika sub-Saħarjana, l-Amerka Latina, il-Karibew u l-Paċifiku.

Il-migrazzjoni, iċ-ċaqliq sfurzat u l-asil

Filwaqt li s-suġġetti tal-migrazzjoni u tal-mobbiltà mhumiex ġodda, l-għadd ta’ migranti internazzjonali żdied fis-snin reċenti, billi laħaq il-258 miljun fl-2017 (żieda minn 220 miljun fl-2010 u 173 miljun fl-2000). Ħafna mill-migranti internazzjonali tad-dinja huma ċittadini tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jospitaw aktar minn 85 % tal-persuni spostati bil-forza fid-dinja.

L-isfidi tal-migrazzjoni jibqgħu jkunu fuq quddiem fl-aġenda Ewropea. Fl-2017 il-Kumissjoni Ewropea baqgħet tindirizza b’mod proattiv ir-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, f’konformità mal-aġenda 2030 u l-konsensus dwar l-iżvilupp. Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE kellha rwol kruċjali biex tikkontribwixxi għall-isforzi ġenerali tal-UE sabiex tindirizza l-migrazzjoni, fil-kuntest tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, id-dikjarazzjoni tal-belt Valletta, il-qafas ta’ sħubija dwar il-migrazzjoni u l-approċċ il-ġdid tal-UE lejn ċaqliq sfurzat, f’konformità sħiħa mal-għanijiet u l-prinċipji ta’ żvilupp.

Permezz ta’ firxa ta’ strumenti ta’ żvilupp, pereżempju permezz tal-fond fiduċjarju ta’ emerġenza għall-Afrika u l-fond fiduċjarju reġjonali tal-UE għas-Sirja, iżda wkoll taħt strumenti ġeografiċi regolari, il-Kummissjoni Ewropea implimentat azzjonijiet fil-pajjiżi sħab li jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet fuq perjodu qasir u fuq perjodu twil li jirriżultaw mill-migrazzjoni.

B’mod partikolari saret enfasi fuq tliet aspetti:

Permezz ta’ dan l-approċċ komprensiv, l-appoġġ fl-2017 ikkontribwixxa kemm għat-tisħiħ tad-djalogu u tas-sħubija ma’ pajjiżi sħab fil-qasam tal-migrazzjoni kif ukoll għall-kisba ta’ riżultati tanġibbli fit-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, għall-għoti ta’ protezzjoni lill-migranti u lir-refuġjati vulnerabbli u għall-massimizzazzjoni tal-impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-migrazzjoni.

Fost kisbiet oħra, fl-2017, l-UE:

Il-kultura, l-edukazzjoni u s-saħħa

L-UE tirrikonoxxi r-rwol tal-kultura fit-tkabbir ekonomiku u bħala komponent u faċilitatur importanti li jiffaċilita:

Fl-2017, l-UE adottat:

L-għan tal-SDG 4 huwa li jiżgura edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwitabbli u li jippromwovi opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd sal-2030. L-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u beni pubbliku. Hija għandha wkoll rwol importanti fl-ilħuq ta’ SDGs oħra permezz tat-tagħlim, il-ħiliet u s-sensibilizzazzjoni.

Fl-2017, l-UE:

Sabiex jintlaħaq l-SDG 3 dwar is-saħħa u l-benesseri, l-UE baqgħet taħdem fil-qasam tas-saħħa billi tappoġġja l-Fond Globali u GAVI, l-Alleanza tat-Tilqim , kif ukoll twettaq riċerka fil-ġlieda kontra l-mard relatat mal-faqar u l-mard infettiv traskurat. Hija appoġġjat ukoll l-inizjattivi reġjonali, bħat-tieni programm tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw, u inizjattivi multinazzjonali oħra.

Billi taħdem mal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni, l-UE tappoġġja l-isforzi biex tiżdied id-disponibbiltà tas-servizz tas-saħħa riproduttiva u s-saħħa materna ta’ kwalità.

L-ikel u s-sigurtà nutrizzjonali u l-agrikoltura sostenibbli

B’wieħed minn kull disa’ persuni jsofru minn nuqqas tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, l-SDG 2 ifittex li jtemm il-ġuħ, jikseb sigurtà tal-ikel u jtejjeb in-nutrizzjoni u jippromwovi l-agrikoltura sostenibbli sal-2030.

L-agrikoltura sostenibbli, flimkien ma’ sajd u akkwakultura sostenibbli, hija indispensabbli biex jintemm il-ġuħ u tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u tibqa’ xprunatur ewlieni għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli. Kemm l-agrikoltura kif ukoll is-sigurtà tal-ikel huma fatturi kruċjali biex jinkisbu l-eżiti ta’ nutrizzjoni tajba.

L-UE kienet waħda mill-ixprunaturi ewlenin wara l-pubblikazzjoni fl-2017 tar-Rapport Globali dwar il-Kriżijiet tal-Ikel li, filwaqt li jindika li kważi 108 miljun persuna kienu fi kriżi tal-ikel jew f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, identifika l-ħtieġa:

L-UE għandha diversi inizjattivi fis-seħħ biex jgħinu fit-tnaqqis tal-għadd ta’ tfal taħt l-età ta’ 5 snin li jiefqu jikbru b’mill-inqas 7 miljuni sal-2025, b’allokazzjoni ta’ EUR 3.5 biljun matul il-perjodu 2014-2020.

L-agrikoltura sostenibbli, minn perspettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali, hija suġġett ċentrali tal-aġenda tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab tagħha. L-UE tiffoka l-ħidma tagħha f’dan is-settur fuq:

Il-pjaneta

It-tibdil fil-klima

L-UE hija impenjata li tikkontribwixxi għall-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi 2015 u mal-SDG 13. Aħna qed inpoġġu l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet iddeterminati fil-livell nazzjonali fil-qalba tad-djalogu ta’ politika mal-pajjiżi sħab tagħna biex nintegraw it-tibdil fil-klima fil-politiki, l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-proġetti ta’ investiment tagħna sabiex dawn jikkontribwixxu bis-sħiħ fil-Ftehim ta’ Pariġi u l-SDG 13. Il-ħidma tagħna fuq it-tibdil fil-klima u l-aġenda 2030 għandhom jimxu id f’id.

L-UE żiedet l-isforzi tagħha biex timmaniġġja r-riskji u tibni reżiljenza u adattabbiltà għall-bidla, b’konsistenza mal-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri. L-UE tappoġġja wkoll il-bidla lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi, reżiljenti għall-klima u ekoloġika, li hija konsistenti mal-SDG 8 dwar it-tkabbir u l-SDG 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. It-tibdil fil-klima huwa relatat ma’ kważi l-SDGs kollha.

Matul il-perjodu 2014-2018, l-UE investiet EUR 8.2 biljun biex tappoġġja l-azzjoni klimatika. L-akbar sehem tal-finanzjament tal-UE għall-klima mar għall-azzjonijiet ta’ adattament (41 %), segwit minn azzjonijiet ta’ sinerġija li jindirizzaw kemm l-adattament kif ukoll il-mitigazzjoni (31 %) u minn azzjonijiet ta’ mitigazzjoni (28 %). L-għan tagħna huwa li nippromwovu tali azzjonijiet li jikkontribwixxu kemm għall-adattament kif ukoll għall-mitigazzjoni.

L-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali

L-ambjent u r-riżorsi naturali, bħall-art, ir-riżorsi tal-ilma, il-foresti, l-istokkijiet ta’ ħut u l-bijodiversità, huma fatturi ewlenin għall-iżvilupp tal-ekonomiji tal-pajjiżi u tal-għajxien taċ-ċittadini tagħhom. Il-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tagħhom huma essenzjali biex tintlaħaq l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli (inklużi l-SDGs 6, 12, 14 u 15), biex jinqered il-faqar u l-ġuħ u jiġu żgurati s-saħħa, il-benesseri, l-aċċess għal ilma nadif u sanitazzjoni u tkabbir sostenibbli, filwaqt li jiġu ppreservati l-ekosistemi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab fit-titjib ta’ governanza ambjentali u ta’ riżorsi naturali, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, l-ilma, il-foresti u riżorsi naturali oħa, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-indirizzar tat-tniġġis u l-promozzjoni ta’ ekonomiji ekoloġiċi inklużivi.

Enerġija sostenibbli

L-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli huwa wieħed mill-oqsma fil-mira ewlenin tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE. Fl-2017, il-Kummissjoni ħarġet dokument li juri li l-kooperazzjoni dwar l-enerġija sostenibbli tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp.

Taħt il-perspettiva finanzjarja 2014-2020, ġew allokati EUR 3.7 biljun għall-kooperazzjoni dwar l-enerġija sostenibbli għall-iżvilupp biex jikkontribwixxu għat-tliet għanijiet tal-UE bi skadenza fl-2020: l-għoti ta’ aċċess għall-enerġija lil madwar 40 miljun persuna, żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli b’madwar 6.5 gigawatt u l-kontribut għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, billi jiġu ffrankati madwar 15-il miljun tunnellata ta’ CO2/sena.

Pereżempju, l-UE għandha l-għan li tagħti l-kontribut tagħha għall-għanijiet tal-Inizjattiva tal-Afrika għal Enerġija Rinnovabbli u sal-2020 tilħaq 5 GW ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli filwaqt li tagħti l-aċċess għal enerġija sostenibbli lil 30 miljun persuna fl-Afrika u tiffranka 11-il miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena.

Prosperità

Naħdmu mas-settur privat

Peress li l-ħtiġijiet tal-investiment fil-pajjiżi sħab huma sostanzjali u l-fondi tad-donaturi mill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali mhumiex biżżejjed biex jissodisfawhom, l-UE tagħmel użu minn taħlit, fejn l-għotjiet tal-UE jiġu kkombinati ma’ self jew ekwità minn finanzjaturi pubbliċi u privati, b’hekk jikkontribwixxu għall-SDG 17 (tisħiħ tal-mezzi ta’ implimentazzjoni u tas-sħubiji għall-għanijiet). Il-qafas ta’ taħlit tal-UE jikkonsisti mill-faċilitajiet ta’ taħlit reġjonali li ġejjin:

Il-Garanzija EFSD, li hija innovazzjoni kbira, tuża fondi pubbliċi limitati biex tippromwovi b’mod partikolari l-investiment privat għal proġetti vijabbli li altrimenti jsibuha diffiċli biex jibdew jew biex jespandu, filwaqt li tiffoka fuq għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab. Il-PIE kollu kemm hu jiffoka fuq it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet għall-investiment privat sostenibbli u l-appoġġ lil riformi ta’ prijorità permezz ta’ djalogu msaħħaħ mas-settur privat u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-għoti ta’ spinta lill-investiment sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi (SDG 8) huwa wkoll wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli mnedija f’Settembru 2018.

Fir-rigward tal-kummerċ, f’Novembru 2017, l-UE adottat Strateġija ġdida dwar Għajnuna għall-Kummerċ, li tikseb prosperità permezz tal-kummerċ u tal-investiment, flimkien mal-pajjiżi tal-UE. L-istrateġija tfittex li tħeġġeġ mobilizzazzjoni aħjar tal-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ bil-għan li tgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jisfruttaw b’mod sħiħ l-iżvilupp ta’ diversi strumenti ta’ politika tal-UE, b’mod partikolari l-ftehimiet kummerċjali u l-iskemi preferenzjarji tal-UE (fosthom il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi), b’mod sostenibbli u inklużiv.

Tkabbir agrikolu

Żewġ terzi tal-foqra tad-dinja jiddependu fuq l-agrikoltura għall-għajxien tagħhom u ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jibqgħu dipendenti ħafna fuq il-kummerċ fi ftit komoditajiet biss.

L-UE hija konvinta li jeħtieġ li jinkisbu livelli aċċellerati ta’ investimenti domestiċi u internazzjonali, pubbliċi u privati, responsabbli fl-agrikoltura u fin-negozji agrikoli sabiex jinħolqu d-dinamiċi meħtieġa għal tkabbir sostenibbli u reżiljenza madwar iż-żoni rurali tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. B’konsistenza ma’ dan l-approċċ, f’Settembru 2018, il-President Jean-Claude Juncker ħabbar l-Alleanza l-ġdida Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli.

L-investimenti tas-settur privat jeħtieġ li jiġu stimolati billi jinħoloq ambjent tan-negozju rregolat u miżmum sew; is-settur pubbliku għandu rwol ewlieni x’jaqdi biex jilħaq dan. Madankollu, livelli ta’ riskju għolja, relatati mar-riskji tal-produzzjoni, tal-finanzjament u tas-suq, jibqgħu restrizzjonijiet ewlenin biex jiżdiedu l-investimenti tas-settur privat. L-UE tgħin biex tnaqqas tali riskji permezz tal-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew (PIE). L-UE tappoġġja l-azzjonijiet ta’ governanza tal-art f’madwar 40 pajjiż b’baġit totali ta’ kważi EUR 240 miljun. Azzjonijiet iffinanzjati mill-UE jipproteġu d-drittijiet tal-art tal-popli indiġeni fil-Perù u fil-Honduras u jiżgurawlhom assi bażiċi (b’kontribut għall-SDG 2).

L-infrastruttura, l-ibliet u d-diġitalizzazzjoni

Progress lejn l-aġenda 2030 jirrikjedi:

It-trasformazzjoni diġitali kontinwa tipprovdi opportunitajiet biex jiżdied il-ħolqien tal-impjiegi u jiġi aċċellerat l-aċċess għal servizzi bażiċi ta’ kwalità, titjieb it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-gvernijiet u tissaħħaħ id-demokrazija. Il-prekundizzjoni hija li jkun hemm konnettività tajba u regolamentazzjoni adattata biex jiġi appoġġjat l-ilħuq tal-SDG 9.

L-UE tgħin biex tikoordina l-aġenda għall-infrastruttura konġunta Afrika-UE u hija involuta fil-bord tal-Programm tal-Politika għat-Trasport fl-Afrika, li jappoġġja l-politika u l-istrateġija għal Gvernijiet Afrikani u Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali.

L-urbanizzazzjoni rapida, b’mod partikolari fl-Asja u fl-Afrika, tirrappreżenta sfidi kbar għall-iżvilupp. Is-sena 2017 rat l-iżvilupp tal-programm Kooperazzjoni Urbana Internazzjonali fejn jinqasmu l-aħjar prattiki urbani bejn bliet tal-UE u bliet f’pajjiżi sħab strateġiċi, bħalma huma l-Indja u ċ-Ċina, u fil-PIE ġiet inkluża tieqa ta’ investiment speċifika għal “bliet sostenibbli” (SDG 11).

Paċi

Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u governanza tajba

L-UE hija bbażata fuq il-valuri fundamentali tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem (Artikolu 2 tat-TUE). Il-promozzjoni ta’ dawn il-valuri hija prijorità ewlenija tar-relazzjonijiet esterni (Artikolu 21 tat-TUE), li ġiet tradotta fl-Istrateġija Globali tal-UE (EUGS). L-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-SDG 16 dwar id-demokrazija, l-aċċess għall-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u governanza tajba permezz tal-programmazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp tagħha. L-attivitajiet fi sħubija mal-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi jinkludu assistenza elettorali u appoġġ għad-demokrazija, riformi tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-promozzjoni tal-indipendenza tal-media u tal-libertajiet fundamentali.

Barra minn hekk, l-UE għandha rwol globali ewlieni permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem iddedikat tagħha. Il-prijoritajiet tal-istrument huma informati mill-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (2014-2019). Dan jiffoka fuq it-tisħiħ tal-korpi u tal-qrati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u huwa indirizzat prinċipalment lis-soċjetà ċivili u lill-korpi ta’ sorveljanza indipendenti sabiex jiġu żgurati l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija.

Pereżempju, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem jippermetti li l-miżuri ta’ emerġenza u l-proġetti kunfidenzjali jipproteġu lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li joperaw fl-aktar ambjenti diffiċli.

Appoġġ immirat lejn id-delegazzjonijiet tal-UE jingħata sabiex tinbena kapaċità fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Pereżempju, fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni, dan isir permezz ta’ żewġ programmi:

Fraġilità u reżiljenza

Fl-2017, l-UE adottat impenn multisettorjali fuq ir-reżiljenza. Proċess pilota f’sitt pajjiżi (iċ-Chad, l-Iraq, Myanmar, in-Niġerja, is-Sudan u l-Uganda) tnieda biex jiġi ttestjat approċċ nexus umanitarju/ta’ żvilupp/ta’ paċi usa’ f’kuntesti fraġli.

Matul l-2017, il-ħidma fuq ir-reżiljenza u l-indirizzar tal-fraġilitajiet għamlu wkoll progress fl-4 oqsma li ġejjin.

Sigurtà

L-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP) huwa l-istrument finanzjarju ewlieni tal-Kummissjoni ddedikat biex itejjeb l-istabbiltà, il-paċi u r-reżiljenza fil-pajjiżi sħab. L-iskop u l-fokus globali tas-sigurtà tal-IcSP jagħmluh komplementari għal għodod finanzjarji oħra; b’mod partikolari, meta l-istrumenti ġeografiċi jew tematiċi relatati mal-kriterji ta’ għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali ma jkunux jistgħu jintużaw, iżda wkoll biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ natura transreġjonali jew globali. Taħt il-parti programmabbli tal-IcSP ġestita mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO), aktar minn 260 proġett jinsabu għaddejjin, u li minnhom qed jibbenefikaw 70 pajjiż. L-aġenziji tal-pajjiżi sħab u tal-pajjiżi tal-UE jimplimentaw dawn il-proġetti b’mod konġunt.

Il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, pereżempju: il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; assistenza teknika lill-komunitajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiġġieldu kontra theddid terroristiku, kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga jew il-ħasil tal-flus; il-bini tal-kapaċità biex jitjiebu s-sistemi tal-ġustizzja; jew il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi. L-għodod ta’ appoġġ jistgħu jinkludu “ħarreġ lil min iħarreġ”, assistenza fuq il-post, eżerċizzji fil-post ta’ simulazzjoni u fil-ħajja reali transkonfinali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali bbażati fuq il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u tar-riskju. Minn Jannar 2018, l-UE kienet kapaċi tappoġġja t-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD). It-taħriġ u t-tagħmir jistgħu jiġu pprovduti lill-militari tal-pajjiż sieħeb għal attivitajiet b’appoġġ tal-għanijiet ta’ żvilupp f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

B’approċċ multidimensjonali li jindirizza s-sigurtà internazzjonali (terroriżmu, kriminalità), iżda wkoll aċċidentali (Seveso, Fukushima) u ambjentali (Ebola), l-IcSP jikkontribwixxi għal diversi SDGs tan-NU u oqsma ewlenin tal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp, inklużi azzjonijiet ta’ prijorità ewlenin fil-viċinat tal-UE.

Sikurezza nukleari

Il-Kummissjoni Ewropea ma tippromwovix l-enerġija nukleari, li hija l-unika responsabbiltà tal-gvern ta’ Stat, iżda tippromwovi s-sikurezza nukleari. Kwalunkwe inċident nukleari għandu effett globali fuq is-soċjetajiet, għalhekk il-kooperazzjoni dwar is-sikurezza nukleari hija ta’ importanza kbira għas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u tal-ambjent.

B’approċċ multidimensjonali li jindirizza s-sikurezza nukleari, is-saħħa, l-ambjent, u kwistjonijiet relatati, il-programm Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari jikkontribwixxi għal bosta oqsma ewlenin tal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp, inklużi azzjonijiet ta’ prijorità ewlenin fil-viċinat tal-UE, l-Asja Ċentrali u l-Iran.

Jeżistu sfidi fil-pajjiżi fil-viċinat tal-UE. Dawn l-isfidi huma primarjament relatati ma’ pajjiżi li qed jiddeċiedu li jużaw l-enerġija nukleari, bħall-Belarus u t-Turkija, jestendu t-tul tal-ħajja tar-reatturi, bħall-Armenja u l-Ukrajna, u jiddekummissjonaw u jimmaniġġjaw l-iskart radjuattiv.

Sħubiji

L-SDG 17 jirreferi għal sħubija fl-iżvilupp u jissottolinja l-importanza ta’ pjattaformi ta’ bosta partijiet interessati inklużivi bħala mezz biex l-aġenda 2030 tiġi implimentata b’mod effettiv. L-UE hija impenjata li tilħaq l-SDG 17, kemm permezz tal-azzjonijiet u r-riżorsi esterni tagħha stess kif ukoll billi tiffaċilita l-implimentazzjoni minn oħrajn. L-UE tibqa’ tkun involuta fil-proċessi tan-NU relatati mal-iżvilupp, b’mod partikolari s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC), li attwalment qiegħda twettaq eżerċizzju ta’ effettività u monitoraġġ ta’ żvilupp fil-livell tal-pajjiżi.

Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili

Bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni 2012, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) bħala atturi fil-governanza, u mhux biss bħala fornituri ta’ servizzi. L-UE tieħu wkoll approċċ inklużiv ta’ soċjetà sħiħa għall-implimentazzjoni tal-SDGs, billi twessa’ l-impenn għal OSĊ mhux konvenzjonali, bħal fondazzjonijiet, dijaspora, trejdjunjins, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, eċċ. Il-fondazzjonijiet, b’mod partikolari, għandhom rwol dejjem akbar u influwenti.

Il-Kummissjoni Ewropea rawmet djalogu mal-OSĊ u l-konsultazzjoni magħhom, b’mod partikolari permezz tal-Forum Politiku dwar l-Iżvilupp, li jipprovdi spazju għall-iskambju bejn bosta partijiet interessati dwar il-politiki ta’ żvilupp. Hija ffirmat 25 Ftehim Qafas ta’ Sħubija man-netwerks tas-soċjetà ċivili internazzjonali u reġjonali, biex tappoġġja l-OSĊ fil-kontribut tagħhom lejn it-tfassil ta’ politika reġjonali u globali, b’mod partikolari b’rabta mal-implimentazzjoni b’suċċess tal-SDGs.

Fil-livell tal-pajjiżi, l-UE elaborat 107 pjanijiet direzzjonali għal kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili. Il-pjanijiet direzzjonali huma qafas strateġiku u komprensiv ta’ pajjiż biex jinkludi l-appoġġ kollu mill-UE, inklużi d-delegazzjonijiet u l-pajjiżi tal-UE, lejn is-soċjetà ċivili. Maħluqa bħala inizjattiva konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha, il-pjanijiet direzzjonali ġew introdotti biex isaħħu l-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-soċjetà ċivili.

L-UE allokat EUR 1.4 biljun għall-2014-2020 biex tappoġġja lill-OSĊ fil-livell globali u tal-pajjiżi permezz tal-programm tal-awtoritajiet lokali tal-OSĊ li jiffoka fuq il-parteċipazzjoni, is-sħubija u d-djalogi bejn bosta partijiet interessati biex jirrifletti l-valuri ewlenin tal-Aġenda 2030.

Ir-rapport tal-2017 dwar il-kooperazzjoni tal-UE mas-soċjetà ċivili jiddeskrivi l-bosta forom u eżempji li fihom qed iseħħ dan l-appoġġ u kif l-Ewropa qiegħda ssaħħaħ l-kooperazzjoni tagħha mas-soċjetà ċivili.

Kooperazzjoni mal-komunità tad-donaturi

Kollettivament, l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha huma l-fornitur prinċipali ta’ għajuna għall-iżvilupp uffiċjali dinji. L-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp tirrappreżenta kważi 57 % tal-għajnuna għall-iżvilupp globali totali mid-donaturi mill-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi. L-UE taħdem ukoll kollettivament dwar politiki komuni u fil-livell tal-pajjiżi biex tniedi approċċi komuni, inkluż l-ipprogrammar konġunt.

Minbarra dan, fil-loġika tas-sħubija għall-implimentazzjoni tal-aġenda 2030 u l-aġenda ta’ azzjoni ta’ Addis Ababa, kif ukoll biex issaħħaħ il-multilateriżmu, il-Kummissjoni Ewropea tinvolvi ruħha fi djalogu dwar l-iżvilupp regolari ma’ sħab minn barra l-UE, bħall-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea u l-Istati Uniti. Iċ-ċirku ta’ sħab tagħha qiegħed jikber kontinwament permezz ta’ kooperazzjoni ma’ donaturi ġodda jew emerġenti, bħal dawk mid-dinja Għarbija.

Kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali

L-UE tikkoopera wkoll b’mod strateġiku man-NU u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Minbarra l-għajnuna sostanzjali li qiegħda tingħata permezz ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet, qed isiru djalogi strateġiċi regolari ta’ livell għoli. L-UE hija involuta b’mod attiv b’mod partikolari:

Firxa globali

Lista ta’ pajjiżi eliġibbli għall-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — L-Ewwel Parti — Prinċipji — Titolu I — Kategoriji u oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni — l-Artikolu 4 (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 51-52)

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Il-Ħames Parti — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu III — Il-Kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-għajnuna umanitarja — Kapitolu 1 — Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp — Artikolu 208 (ex Artikolu 177 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 141)

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Titolu V — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Il-Kapitolu 1 — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni — Artikolu 21(2)(d) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 28-29)

l-aħħar aġġornament 09.07.2019