Din tistabbilixxi regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) li jarmonizzaw il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni mill-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali.
Hija maħsuba li jkollha effett deterrenti kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali, mingħajr ma tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.
PUNTI EWLENIN
Il-ksib legali
Il-ksib ta’ sigriet kummerċjali jitqies legali jekk din tinkiseb permezz ta’:
skoperta jew kreazzjoni indipendenti;
osservazzjoni, studju, żarmar jew ittestjar ta’ prodott jew oġġett li jkun sar disponibbli għall-pubbliku jew li huwa legalment fil-pussess tal-akkwirent tal-informazzjoni li ma huwiex legalment meħtieġ jillimita l-ksib tas-sigriet kummerċjali;
eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema jew tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għal informazzjoni u konsultazzjoni f’konformità mal-liġi tal-UE u mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali;
kwalunkwe prattika oħra li, fiċ-ċirkostanzi, hija konformi ma’ prattiki kummerċjali onesti.
Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali huwa wkoll legali meta jkun meħtieġ jew permess mil-liġi tal-UE jew dik nazzjonali.
Ksib, użu jew żvelar illegali
Il-ksib ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala illegali jekk jinkiseb permezz ta’:
aċċess mhux awtorizzat, is-serq jew l-ikkupjar ta’ dokumenti, oġġetti, materjal, sustanzi jew fajls elettroniċi li legalment huma taħt il-kontroll tad-detentur tas-sigriet kummerċjali;
kwalunkwe mġiba oħra li, taħt iċ-ċirkostanzi, hija kkunsidrata kuntrarja għal prattiki kummerċjali onesti.
L-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur huwa illegali jekk persuna:
tikseb is-sigriet kummerċjali illegalment;
tkun qed tikser ftehim ta’ kunfidenzjalità jew kwalunkwe rekwiżit ieħor biex ma tiżvelax is-sigriet kummerċjali;
tkun qed tikser kuntratt jew kull dmir ieħor li tillimita l-użu tas-sigriet kummerċjali.
Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ikun illegali wkoll jekk il-persuna kkonċernata kienet taf jew kellha tkun taf li s-sigriet kummerċjali nkiseb direttament jew indirettament minn persuna oħra li kienet qed tuża jew tiżvela s-sigriet kummerċjali b’mod illegali.
Eċċezzjonijiet
Id-direttiva teħtieġ li meta persuna li allegatament kisbet, użat jew żvelat sigriet kummerċjali għamlet hekk għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin, kwalunkwe talba għal miżuri, proċeduri jew rimedji trid tiġi miċħuda:
l-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż ir-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-informazzjoni;
l-iżvelar ta’kondotta ħażina, għemil ħażin jew attività illegali , dment li dan kien sabiex jipproteġi l-interess pubbliku ġenerali;
l-iżvelar mill-ħaddiema lir-rappreżentanti tagħhom, dment li tali żvelar kien neċessarju għal dawk ir-rappreżentanti biex iwettqu l-funzjoni tagħhom;
il-protezzjoni ta’ interess leġittimu rikonoxxut mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.
Miżuri, proċeduri u rimedji
Il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu miżuri, proċeduri u rimedji li jiżguraw li r-rimedju tal-liġi ċivili1 jkun disponibbli għall-vittmi tal-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali.
Id-direttiva teħtieġ li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji jkunu:
ekwi, effettivi u dissważivi;
mhux ikkomplikati jew għaljin bla bżonn, jew jinvolvu skadenzi mhux raġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat.
Il-perjodu ta’ limitazzjoni għat-talbiet mhuwiex se jaqbeż is-sitt snin.
Id-detenturi ta’ sigriet kummerċjali jistgħu japplikaw għal rimedji2 tal-liġi ċivili fil-każ tal-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tal-imsemmi sigriet kummerċjali, inkluż:
l-għoti ta’ kumpens għad-danni;
inġunzjonijiet li jipprojbixxu lill-konvenut milli juża jew jiżvela sigriet kummerċjal; u
is-sejħa lura ta’ oġġetti kontraventorji mis-suq.
MINN META TAPPLIKA?
Hija ilha tapplika mill-. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawh fil-liġi nazzjonali sad-.
Rimedju: li wieħed jagħmel tajjeb għal, itaffi jew jirrimedja żball legali. Il-mezzi jistgħu jinkludu kumpens għall-iżball jew kumpens għal ħsarat sostnuti; irkupru jew l-għoti lura għal ħsara jew danni.
Rimedji: il-mezzi li bihom qorti tinforza dritt, timponi piena jew toħroġ ordni tal-qorti oħra biex timponi r-rieda tagħha.
DOKUMENT EWLIENI
Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, , pp. 1–18)