SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Intervent ta’ konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat favur wieħed mill-membri tiegħu – Awtorizzazzjoni tal-intervent mill-bank ċentrali tal-Istat Membru – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Imputabbiltà lill-Istat – Riżorsi tal-Istat – Indizji li jippermettu li jiġi konkluż li miżura hija imputabbli – Żnaturament tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern”

Fil-Kawża C‑425/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-29 ta’ Mejju 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Stancanelli, L. Flynn u A. Bouchagiar kif ukoll minn D. Recchia, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

Banca Popolare di Bari SCpA, li kienet Tercas-Cassa di risparmio della provincia di Teramo SpA (Banca Tercas SpA), stabbilita f’Teramo (l-Italja), inizjalment irrappreżentata minn A. Santa Maria, M. Crisostomo, E. Gambaro u F. Mazzocchi, avvocati, sussegwentement minn A. Santa Maria, M. Crisostomo u E. Gambaro, avvocati,

Fondo interbancario di tutela dei depositi, stabbilit f’Ruma (l-Italja), irrappreżentat minn M. Siragusa, G. Scassellati Sforzolini, G. Faella u A. Comino, avvocati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Banca d’Italia, stabbilit f’Ruma, irrappreżentat minn M. Perassi, M. Todino, L. Sciotto u O. Capolino, avvocati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:167), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat-23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (ĠU 2016, L 203, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Id-decreto legislativo n 385, e successive modifiche e integrazioni ‑ Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 u Emendi u Inklużjonijiet sussegwenti, li jistabbilixxu Test Uniku tal-Liġi dwar il-Banek u l-Kreditu), tal-1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230, tat-30 ta’ Settembru 1993, u s-Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 92), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“TUB”), jagħti lill-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja) ir-rwol ta’ awtorità ta’ sorveljanza tas-settur bankarju u jistabbilixxi fir-rigward tiegħu l-għanijiet li jiżgura t-tmexxija soda u prudenti tal-istabbilimenti taħt sorveljanza, l-istabbiltà globali, l-effettività u l-kompetittività tas-sistema finanzjarja kif ukoll l-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kreditu.

3

Skont l-Artikolu 96(1) tat-TUB, il-banek Taljani jaderixxu ma’ waħda mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti stabbiliti u rrikonoxxuti fl-Italja. Il-banek kooperattivi ta’ kreditu jaderixxu mal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti stabbilita fil-qasam tagħhom.

4

Skont l-Artikolu 96bis(1) tat-TUB, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti għandhom iwettqu r-rimborsi fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat tal-banek awtorizzati fl-Italja, liema skemi jistgħu madankollu jipprevedu każijiet u forom oħra ta’ intervent. Konformement mal-Artikolu 96ter(1)(d) tat-TUB, il-Bank tal-Italja jawtorizza, fost oħrajn, l-interventi tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni ta’ min ifaddal u l-istabbiltà tas-sistema bankarja”.

Il-fatt li wasslu għall-kawża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 3 sa 32 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din is-sentenza, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

I – L-entitajiet involuti

6

Tercas-Cassa di risparmio della provincia di Teramo SpA (Banca Tercas SpA) (iktar ’il quddiem “Tercas”) hija bank b’kapital privat li l-attivitajiet tagħha jiġu prinċipalment eżerċitati fir-reġjun ta’ Abruzzo (l-Italja). Banca Popolare di Bari SCpA (iktar ’il quddiem “BPB”) hija l-kumpannija holding ta’ grupp bankarju b’kapital privat li l-attivitajiet tiegħu jiġu prinċipalment eżerċitati fin-nofsinhar tal-Italja.

7

Il-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju għall-Ħarsien tad-Depożiti, iktar ’il quddiem il-“FITD”) huwa konsorzju rregolat mid-dritt privat bejn banek li ġie kkostitwit fuq bażi volontarja matul is-sena 1987. Dan il-konsorzju, li huwa ta’ natura mutwalista, ġie stabbilit sabiex jintlaħqu l-interessi komuni tal-membri tiegħu.

8

Konformement mal-Artikolu 1 tal-Istatut tiegħu, il-FITD għandu l-għan li jiggarantixxi d-depożitanti tal-membri tiegħu. Matul is-sena 1996, wara t-traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku Taljan tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), il-FITD ġie rrikonoxxut mill-Bank tal-Italja bħala wieħed mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti awtorizzati joperaw fl-Italja u l-uniku wieħed li miegħu setgħu jaderixxu l-banek mhux kooperattivi.

9

Skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tiegħu, fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ wieħed mill-membri tiegħu, il-FITD għandu jintervjeni billi jirrimborsa d-depożiti tad-depożitanti magħmula għandu sal-limitu ta’ EUR 100000 għal kull depożitant (iktar ’il quddiem l-“intervent obbligatorju”).

10

Il-FITD għandu wkoll il-possibbiltà li jintervjeni favur il-membri tiegħu fuq bażi volontarja, fiż-żewġ sitwazzjonijiet li ġejjin (iktar ’il quddiem l-“interventi volontarji”). Minn naħa, konformement mal-Artikolu 28 tal-Istatut tiegħu, il-FITD jista’, minflok ma jipproċedi għar-rimbors previst abbażi tal-garanzija tad-depożiti, jintervjeni f’operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ attiv u ta’ passiv li jikkonċernaw lil wieħed mill-membri tiegħu suġġett għas-sistema tal-istralċ amministrattiv forzat. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 29(1) tal-Istatuti tiegħu, il-FITD jista’ jintervjeni permezz ta’ finanzjamenti, ta’ garanziji, ta’ xiri ta’ ishma jew permezz ta’ forom tekniċi oħra sabiex jagħti appoġġ lil wieħed mill-membri tiegħu suġġett għas-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja, meta jkun hemm prospetti ta’ rkupru u jkun jista’ jiġi previst oneru iżgħar meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta mill-intervent tal-FITD fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ dan il-membru.

11

Il-Bank tal-Italja huwa awtorità pubblika li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ bank ċentrali tar-Repubblika Taljana. Huwa għandu personalità ġuridika awtonoma u distinta minn dik tal-Istat Taljan. Bħala membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), il-Bank tal-Italja għandu, skont l-Artikolu 127(5) TFUE, jikkontribwixxi għat-tmexxija tajba tal-politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti għal dak li jirrigwarda s-superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

12

Sabiex jissodisfa l-għanijiet tiegħu stabbiliti mit-TUB, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-tmexxija soda u prudenti tal-istabbilimenti ssorveljati, il-Bank tal-Italja għandu setgħa regolatorja, setgħat ta’ kontroll u ta’ spezzjoni kif ukoll diversi kompetenzi ta’ awtorizzazzjoni. Dawn is-setgħat jippermettu lill-Bank tal-Italja jintervjeni fl-avvenimenti ewlenin kollha tal-eżistenza ta’ bank, b’osservanza għall-awtonomija kummerċjali tiegħu u bl-uniku għan li jivverifika li t-tmexxija tiegħu tkun soda u prudenti.

13

Abbażi tal-prerogattivi tiegħu, il-Bank tal-Italja approva b’mod partikolari l-Istatuti tal-FITD, jassisti bħala osservatur mingħajr dritt ta’ vot fil-laqgħat tiegħu u, konformement mal-Artikolu 96ter(1)(d) tat-TUB, japprova l-interventi tal-FITD favur il-membri tiegħu.

Il-kuntest u l-intervent tal-FITD favur Tercas

14

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2012, fuq proposta tal-Bank tal-Italja, li kien ikkonstata xi irregolaritajiet fi ħdan Tercas, il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) issuġġetta lil din tal-aħħar għal amministrazzjoni straordinarja. Sussegwentement, il-Bank tal-Italja nnomina kummissarju speċjali responsabbli għat-tmexxija ta’ Tercas matul il-perijodu ta’ amministrazzjoni straordinarja.

15

Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2013, wara li evalwa diversi soluzzjonijiet li setgħu jtemmu d-diffikultajiet ta’ Tercas, il-kummissarju speċjali beda negozjati ma’ BPB, li kienet esprimiet l-interess tagħha li tissottoskrivi żieda fil-kapital ta’ Tercas, bil-kundizzjoni li jsir awditu minn qabel ta’ dan il-bank u li l-FITD ikopri kompletament id-defiċit patrimonjali tiegħu.

16

Fit-28 ta’ Ottubru 2013, wara talba tal-kummissarju speċjali ta’ Tercas ibbażata fuq l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-FITD, il-Kumitat ta’ Tmexxija ta’ dan il-konsorzju ddeċieda li jintervjeni favur Tercas għal ammont massimu ta’ EUR 280 miljun. Din id-deċiżjoni ġiet irratifikata mill-Kunsill tal-FITD fid-29 ta’ Ottubru 2013. Fl-4 ta’ Novembru 2013, konformement mal-Artikolu 96ter(1)(d) tat-TUB, il-Bank tal-Italja approva dan l-intervent ta’ appoġġ.

17

Fit-18 ta’ Marzu 2014, il-FITD iddeċieda li jissospendi l-intervent previst, wara li ħa inkunsiderazzjoni l-inċertezzi dwar is-sitwazzjoni ekonomika u patrimonjali ta’ Tercas kif ukoll dawk dwar it-trattament fiskali ta’ dan l-intervent. Fil-fatt, wara l-awditu dwar l-attiv ta’ Tercas mitlub minn BPB, kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-esperti tal-FITD u dawk ta’ BPB. Dan in-nuqqas ta’ qbil ġie sussegwentement solvut permezz ta’ proċedura ta’ arbitraġġ.

18

Fid-dawl tal-konklużjonijiet ippreżentati minn kumpannija ta’ awditu u ta’ konsulenza f’rapport tas-26 ta’ Mejju 2014, u wara li ttieħdet inkunsiderazzjoni l-ispiża ta’ intervent imqabbla mal-ispiża ta’ kumpens abbażi tal-intervent obbligatorju, il-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Kunsill tal-FITD iddeċidew, fit-30 ta’ Mejju 2014, li jintervjenu favur Tercas.

19

Fis-7 ta’ Lulju 2014, il-Bank tal-Italja awtorizza l-intervent tal-FITD favur Tercas. L-imsemmi intervent kien jipprevedi tliet miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett, kontribuzzjoni ta’ EUR 265 miljun sabiex tiġi koperta l-ekwità negattiva ta’ Tercas; it-tieni nett, garanzija ta’ EUR 35 miljun sabiex jiġi kopert ir-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ ċerti skoperturi ta’ Tercas u, it-tielet nett, garanzija ta’ EUR 30 miljun sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mit-trattament fiskali tal-ewwel miżura (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”).

20

Matul il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Tercas, imsejħa fis-27 ta’ Lulju 2014 mill-kummissarju speċjali bi ftehim mal-Bank tal-Italja, ġie deċiż, minn naħa, li jiġi parzjalment kopert it-telf, b’mod partikolari billi l-ekwità titnaqqas għal zero u billi jiġu annullati l-ishma ordinarji kollha fiċ-ċirkolazzjoni, u, min-naħa l-oħra, billi l-kapital jiżdied għal EUR 230 miljun permezz tal-ħruġ ta’ ishma ordinarji ġodda proposti lil BPB. Din iż-żieda fil-kapital seħħet fl-istess jum.

21

Fl-1 ta’ Ottubru 2014, is-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja ta’ Tercas intemmet u BPB innominat il-korpi l-ġodda ta’ dan il-bank.

Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kontenzjuża

22

Fit-8 ta’ Awwissu u fl-10 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni talbet mingħand l-awtoritajiet Taljani informazzjoni dwar l-intervent tal-FITD favur Tercas. Dawn l-awtoritajiet wieġbu għal dawn it-talbiet għal informazzjoni fis-16 ta’ Settembru u fl-14 ta’ Novembru 2014.

23

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-miżuri kontenzjużi. Fl‑24 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ppubblikat id-deċiżjoni tal-ftuħ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

24

Fit-23 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi, awtorizzati bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli u illegali mogħtija mir-Repubblika Taljana lil Tercas u ordnat l-irkupru tal-imsemmija għajnuna.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25

Ir-Repubblika Taljana (T‑98/16), BPB (T‑196/16) kif ukoll il-FITD, sostnut mill-Bank tal-Italja (T‑198/16), ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża kull wieħed.

26

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 68, 69 u 89 sa 91 tas-sentenza appellata kkonstatat, essenzjalment, li sabiex tikkonkludi li miżura ta’ għajnuna tkun imputabbli lill-Istat, il-Kummissjoni hija ferm iktar obbligata tressaq indizji suffiċjenti sabiex tipprova li din il-miżura tkun ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi meta tkun inkwistjoni miżura adottata minn entità privata milli meta l-miżura tkun ittieħdet minn impriża pubblika. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, b’differenza minn sitwazzjoni li fiha miżura adottata minn impriża pubblika tkun imputata lill-Istat, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tistabbilixxi, fil-każ ta’ miżura adottata minn entità privata, li l-assenza ta’ influwenza u ta’ kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi fuq din l-entità privata hija improbabbli.

27

Fit-tieni lok, wara li analizzat, fil-punti 114 sa 131 tas-sentenza appellata, l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tqis li l-miżuri kontenzjużi setgħu jiġu imputati lill-Istat Taljan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 132 tagħha, li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u lanqas, konsegwentement, l-imputabbiltà tagħhom lill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

28

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ intervent “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, wara li analizzat, fil-punti 139 sa 160, l-indizji prodotti f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi li r-riżorsi inkwistjoni kienu kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi Taljani u li għalhekk kienu għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet. Konsegwentement, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni tikkonkludi li, minkejja li l-intervent tal-FITD favur Tercas kien twettaq skont l-Istatuti ta’ dan il-konsorzju u fl-interess tal-membri tiegħu, billi ntużaw fondi privati, kienu fil-fatt l-awtoritajiet pubbliċi, permezz tal-eżerċizzju ta’ influwenza dominanti fuq il-FITD, li ddeċidew li jidderieġu l-użu ta’ dawn ir-riżorsi sabiex jiffinanzjaw tali intervent.

29

Peress li l-ewwel wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa sabiex għajnuna tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri li din l-għajnuna tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ma ġiex issodisfatt, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appell

30

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza sa fejn dawn jikkontestaw li d-deċiżjoni kontenzjuża tipprova li r-rekwiżiti relatati mal-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri kontenzjużi u tal-finanzjament tagħhom permezz ta’riżorsi tal-Istat ġew issodisfatti;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikors fl-ewwel istanza, u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-appell.

31

Il-Bank tal-Italja, il-FITD, BPB kif ukoll ir-Repubblika Taljana jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2019, il-Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro, Montani Antaldi Srl, il-Fondazione Cassa di Risparmio di Fano, il-Fondazione Cassa di Risparmio di Jesi kif ukoll il-Fondazione Cassa di Risparmio della Provincia di Macerata talbu li jitħallew jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet magħmula mir-Repubblika Taljana, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja.

33

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Fondo interbancario di tutela dei depositi (C‑425/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:980), it-talba għal intervent ġiet miċħuda.

34

Ir-Repubblika Taljana talbet, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala Awla Manja.

Fuq l-appell

35

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

36

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

37

Permezz tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet fuqha oneru tal-prova ikbar minn dak meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk ir-rekwiżiti ta’ imputabbiltà ta’ għajnuna lill-Istat u tal-għoti tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat ġewx, fil-każ ineżami, issodisfatti.

38

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tfakkar li, skont din il-ġurisprudenza, meta jkollha l-intenzjoni tistabbilixxi li l-miżuri adottati minn entità distinta mill-Istat huma imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi, hija għandha l-obbligu tipproduċi l-prova, permezz ta’ numru ta’ indizji li jirriżultaw minn dan il-każ, tal-involviment jew tal-influwenza tal-imsemmija awtoritajiet fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, billi turi l-probabbiltà tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew, tal-inqas, in-natura improbabbli ta’ assenza ta’ involviment min-naħa tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata turi l-eżistenza ta’ inċentiv konkret jew ta’ istruzzjonijiet vinkolanti mogħtija minn dawn l-awtoritajiet lill-entità li konkretament tkun tat l-għajnuna. Lanqas ma huwa neċessarju li turi l-impatt effettiv ta’ dan l-involviment fuq l-aġir tal-entità u lanqas li tistabbilixxi li l-aġir ta’ din tal-aħħar kien ikun differenti li kieku aġixxiet b’mod awtonomu. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tippreċiża, b’mod partikolari, li ma hijiex obbligata turi li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura tippreżupponi li l-interess pubbliku ikun differenti minn dak ta’ din l-entità. Fl-aħħar nett, l-istandard ta’ prova meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jvarjax skont jekk l-entità li tagħti l-għajnuna tkunx proprjetà pubblika jew privata.

39

Issa, skont il-Kummissjoni, fil-punti 69 u 89 sa 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-imsemmija ġurisprudenza, billi imponiet fuqha li tissodisfa standard ta’ prova iktar rigoruż minn dak previst minnha, sabiex turi l-imputabbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ miżura ta’ għajnuna u tipprova li intervent twettaq permezz tar-riżorsi tal-Istat, għas-sempliċi raġuni li, fil-każ ineżami, il-miżura ta’ għajnuna kienet ingħatat minn entità privata.

40

Minn dan jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat, fil-punti 114, 116, 117 u 127 tas-sentenza appellata, l-indizji li hija kienet ipprovdiet f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni kellha tipproduċi l-prova, b’mod definittiv, li l-miżuri kontenzjużi kienu ġew adottati taħt l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll li din l-istituzzjoni kienet taħt l-obbligu li tistabbilixxi li dawn l-awtoritajiet kienu involuti fil-fażijiet kollha tal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, billi jagħtu istruzzjonijiet vinkolanti, u li l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi kellu impatt fuq il-kontenut tal-imsemmija miżuri.

41

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li huwa illoġiku li jiġi impost fuqha oneru tal-prova ikbar fil-każ li l-entità li tkun adottat il-miżuri tkun entità privata, peress li, f’tali sitwazzjoni, hija jista’ jkollha biss, bħala definizzjoni, numru inqas ta’ indizji sabiex turi l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi. B’mod partikolari, fl-assenza ta’ rabtiet ta’ natura organika, dan l-involviment ikollu jitfittex abbażi ta’ indizji inqas viżibbli.

42

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li l-FITD huwa entità li lilha r-Repubblika Taljana fdatilha responsabbiltajiet speċifiċi taħt id-Direttiva 94/19. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-effett dirett ta’ direttivi li ma humiex trasposti jew li huma trasposti b’mod żbaljat, b’mod partikolari s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745), huwa possibbli li dan il-konsorzju jitqies li huwa emanazzjoni tal-Istat Taljan. Għal din ir-raġuni, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li livell ta’ prova iktar rigoruż huwa meħtieġ fil-każ fejn l-entità li toħroġ il-miżuri ta’ għajnuna tkun entità privata, hija xorta waħda vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi billi applikat għall-FITD id-distinzjoni bejn entitajiet privati u entitajiet pubbliċi fir-rigward tar-rekwiżiti dwar l-imputabbiltà ta’ għajnuna lill-Istat u tal-għoti tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

43

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149 u rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014,L 309, p. 37), l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti jistgħu jadottaw, sabiex jiġi evitat il-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, “miżuri alternattivi [għar-riżoluzzjoni]”. Madankollu, l-użu ta’ tali strument huwa suġġett għall-kundizzjoni li ebda azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma tkun ittieħdet fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kreditu kkonċernat. Issa, skont l-Artikolu 32(4)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma tistax tittieħed ħlief jekk tintalab “għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”, liema għajnuna hija ddefinita fil-punt 28 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva bħala “għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE”.

44

Għaldaqstant, sa fejn, minħabba l-istandard ta’ prova iktar rigoruż applikat mill-Qorti Ġenerali, ikun prattikament impossibbli għall-Kummissjoni li tipprova l-involviment tar-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri adottati mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti meta dawn ikunu komposti minn banek privati, dawn l-iskemi jistgħu kontinwament jadottaw “miżuri alternattivi [għar-riżoluzzjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49, mingħajr ma jkollhom jibdew il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59. Konsegwentement, is-sentenza appellata tippermetti lill-Istati Membri u lill-banek jevitaw jew, fi kwalunkwe każ, idgħajfu l-effetti tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-unjoni bankarja.

45

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli twettaq analiżi globali tal-provi prodotti minn din l-istituzzjoni sabiex turi li r-rekwiżiti relatati mal-imputabbiltà u mar-riżorsi tal-Istat ġew, fil-każ ineżami, issodisfatti.

46

Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-valur probatorju tal-indizji għandu jiġi evalwat billi jiġu eżaminati fl-intier tagħhom u dan anki jekk dawn tal-aħħar, meħuda individwalment u barra mill-kuntest tagħhom, ma jkunux neċessarjament deċiżivi.

47

L-adozzjoni ta’ tali approċċ żbaljat, l-ewwel nett, fil-punti 96 sa 99 tas-sentenza appellata, wasslet lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-interventi tal-FITD huma intiżi li jintlaħqu l-interessi privati tal-membri tiegħu, mingħajr ma tipprovdi r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali affermazzjoni. It-tieni nett, fil-punti 100 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat in-natura tal-mandat pubbliku mogħti lill-FITD mil-leġiżlazzjoni Taljana, meta ddeċidiet li dan kien limitat għall-interventi obbligatorji, jiġifieri għar-rimbors tad-depożitanti. Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-interventi volontarji huma strettament marbuta mal-interventi obbligatorji, sa fejn tal-ewwel jistgħu jitwettqu biss jekk jirrappreżentaw piż inqas oneruż meta mqabbel ma’ intervent obbligatorju possibbli. It-tielet nett, fil-punti 115, 116 u 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali warrbet, b’mod żbaljat, wieħed wara l-ieħor l-indizji prodotti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-involviment tal-Bank tal-Italja fl-għoti tal-miżuri kontenzjużi, filwaqt li dawn l-indizji, meħuda flimkien, kienu jippermettu li l-miżuri kontenzjużi jiġu imputati lill-Istat Taljan.

48

Ir-Repubblika Taljana, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jikkonkludu, prinċipalment, li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli. F’dan ir-rigward, huma jqisu li l-Kummissjoni, bl-iskuża tal-invokazzjoni ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, trid tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi meta mqabbla ma’ dik imwettqa fis-sentenza appellata, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri kontenzjużi u n-natura tal-mandat mogħti lill-FITD.

49

Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tinvoka l-inammissibbiltà tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali kien messha analizzat il-provi billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tan-negozjati li seħħew bejn il-FITD, BPB u l-kummissarju speċjali, sa fejn l-appell ma jikkontestax il-punti 125 sa 132 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat din il-kwistjoni.

50

Sussidjarjament, ir-Repubblika Taljana, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jqisu li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat.

51

Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti dwar l-allegata inammissibbiltà tal-ewwel aggravju billi ssostni li, permezz ta’ dan l-aggravju, hija tqajjem il-kwistjoni tal-kriterju legali li fuqu bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali waqt l-eżami tal-provi prodotti sabiex tintwera l-influwenza eżerċitata mill-awtoritajiet Taljani fuq id-deċiżjonijiet tal-FITD.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

52

Mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li għaldaqstant hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il-Kummissjoni, C‑19/18 P, EU:C:2019:578, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Min-naħa l-oħra, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali tkun ikkwalifikat in-natura legali tagħhom u ddeterminat il-konsegwenzi fil-liġi (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja testendi, b’mod partikolari, għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunux ġew osservati kif ukoll dik dwar jekk il-Qorti Ġenerali tkunx applikat kriterji legali korretti waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fil-każ ineżami, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, bl-argument tagħha fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell, il-Kummissjoni ma tikkritikax l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-valur probatorju tal-indizji li hija kienet ipproduċiet quddiemha iżda l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-indizji kif ukoll tal-klassifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi.

55

Fit-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fl-appell tagħha l-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet qiegħda tikkontesta, b’mod partikolari, il-punt 126 tas-sentenza appellata.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

57

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar, qabel xejn, li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ rekwiżiti, jiġifieri li jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li huwa jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li hija l-uniku rekwiżit inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-imsemmija miżura tkun ittieħdet minn impriża pubblika. Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operat tagħha, l-eżerċizzju proprju ta’ dak il-kontroll f’każ partikolari ma jistax jiġi preżunt b’mod awtomatiku. Huwa wkoll neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu li jkunu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 50 sa 52; tat-23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, C‑472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punt 34, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 46).

60

Għaldaqstant, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih tkun seħħet din il-miżura. F’dan ir-rigward, ma jistax jintalab li jintwera, abbażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret lill-impriża pubblika tieħu l-miżuri ta’ għajnuna kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 5355; tat-23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, C‑472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punt 35, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

B’mod partikolari, l-indizji kollha li juru, fil-każ konkret, jew, minn naħa, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi, jew l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tar-rekwiżiti li din tinvolvi, jew, min-naħa l-oħra, l-assenza tal-involviment tal-imsemmija awtoritajiet fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura, huma rilevanti (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 48).

62

Barra minn hekk, fost l-indizji li jippermettu li jiġi konkluż li hemm tali imputabbiltà, hemm il-fatt li l-impriża pubblika inkwistjoni ma tkunx setgħet tieħu d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi jew tad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, l-integrazzjoni tal-impriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju tagħhom fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati, l-istatus ġuridiku tal-impriża, jew anki l-intensità tas-sorveljanza eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 5556, kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, C‑472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punt 36).

63

Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li fil-punt 70 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma ppruvatx tiddistingwi b’mod ċar ir-rekwiżit relatat mal-imputabbiltà lill-Istat ta’ għajnuna minn dak relatat mar-riżorsi tal-Istat. Bl-istess mod, fl-appell tagħha, il-Kummissjoni, għal dak li jikkonċerna t-tieni rekwiżit, sempliċement tirrileva li, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għar-raġunament tagħha stess dwar ir-rekwiżit tal-imputabbiltà. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ma ssemmi ebda wieħed mill-motivi, li jinsabu fil-punti 133 sa 161 tas-sentenza appellata, iddedikati speċifikament għall-eżami tar-rekwiżit dwar l-użu tar-riżorsi tal-Istat.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat biss ir-rekwiżit li jirrigwarda l-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-awtoritajiet Taljani.

65

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fil-punti 63 sa 68 u 83 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imputabbiltà ta’ għajnuna lill-awtoritajiet pubbliċi meta l-vantaġġi jingħataw minn entitajiet distinti mill-Istat. B’mod partikolari, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, billi rreferiet għall-punti 50 sa 52 u 55 tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), li, anki fis-sitwazzjoni fejn l-għajnuna tingħata minn impriża pubblika, l-eżerċizzju tal-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi ma jistax jiġi preżunt u li l-Kummissjoni għandu jkollha numru ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih l-għajnuna finanzjarja tkun saret sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti tal-għajnuna permezz ta’ impriża pubblika.

66

Huwa biss wara li fakkret din il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-“obbligu tal-Kummissjoni” li jkollha tali indizji “huwa iktar u iktar neċessarju” f’sitwazzjoni li fiha l-miżura inkwistjoni tkun ittieħdet minn entità privata. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fl-istess punt 69, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ kapital bejn tali entità u l-Istat, peress li tali rabtiet ma jeżistux f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip.

67

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 87 sa 90 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni ma setgħetx, f’dak il-każ, tibbaża ruħha fuq l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ influwenza u ta’ kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-entità privata li tat l-għajnuna, iżda li, bil-kontra, f’tali sitwazzjoni, din l-istituzzjoni hija iktar u iktar obbligata tesponi u ssostni “biżżejjed indizji” tali li jistabbilixxu li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi u li, għaldaqstant, din il-miżura hija imputabbli lill-Istat.

68

Fl-aħħar nett, fil-punti 94 sa 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat l-indizji mressqa mill-Kummissjoni, imbagħad ikkonstatat, fi tmiem din l-analiżi, li l-miżuri kontenzjużi ma setgħux jiġu imputati lill-awtoritajiet Taljani.

69

Issa, billi pproċediet għall-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 68 u 69 kif ukoll fil-punti 88 sa 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali la injorat il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 sa 62 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, abbażi ta’ numru ta’ indizji, li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat u lanqas, għaldaqstant, ma obbligat lill-Kummissjoni tissodisfa livell ta’ prova ogħla għas-sempliċi raġuni li l-FITD huwa entità privata.

70

Fil-fatt, permezz ta’ tali konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, sempliċement ħadet nota, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata, tad-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn sitwazzjoni li fiha l-entità li tagħti l-għajnuna tkun impriża pubblika u dik fejn, bħal fil-każ ineżami, din l-entità, jiġifieri l-FITD, tkun privata.

71

Min-naħa l-oħra, fil-punti 69, 89 u 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali siltet il-konsegwenzi minn dawn id-differenzi oġġettivi, sabiex tippreċiża t-tip ta’ indizji li jippermettu, fil-każ ineżami, li tintwera l-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-awtoritajiet Taljani.

72

B’hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, f’sitwazzjoni li fiha, bħal f’dan il-każ, l-entità li tkun ipprovdiet l-għajnuna jkollha natura privata, l-indizji adatti sabiex juru l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura huma differenti minn dawk rikjesti fl-ipoteżi fejn l-entità li tagħti l-għajnuna tkun impriża pubblika.

73

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ma imponietx standards ta’ prova differenti iżda, bil-kontra, applikat il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-indizji adatti sabiex juru l-imputabbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih tkun ittieħdet din il-miżura, peress li l-assenza ta’ rabta ta’ kapital bejn l-entità kkonċernata u l-Istat għandha, f’dan ir-rigward, rilevanza ċerta.

74

Barra minn hekk, huwa fuq qari żbaljat tal-punt 114 tas-sentenza appellata li huwa bbażat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali ssuġġettat l-imputabbiltà lill-awtoritajiet Taljani tal-miżuri kontenzjużi għall-fatt li l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-intervent tal-FITD inkwistjoni kienu ġew influwenzati minn dawn l-awtoritajiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret fl-imsemmi punt li kellhom jiġu eżaminati l-elementi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet hija stess qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-imsemmija awtoritajiet kellhom l-awtorità u l-mezzi sabiex jinfluwenzaw l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi.

75

Bl-istess mod, huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li, sabiex tistabbilixxi l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura adottata minn entità privata, il-Kummissjoni għandha tipprova l-impatt tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-imsemmija miżura. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 116, ma eżaminatx jekk l-intervent tal-Bank tal-Italja kellux impatt konkret fuq il-kontenut tal-miżuri kontenzjużi, iżda sempliċement ikkonstatat, minn naħa, li din l-awtorità nazzjonali ma kellha ebda setgħa li tinfluwenza l-kontenut tal-interventi u, min-naħa l-oħra, li l-Bank tal-Italja għandu biss setgħa li jistħarreġ il-konformità tal-imsemmija miżuri mal-qafas regolatorju, għal finijiet ta’ superviżjoni prudenzjali.

76

Fl-aħħar nett, fil-punti 117 u 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali lanqas ma ddeċidiet li l-konstatazzjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-awtoritajiet Taljani tippreżupponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-Bank tal-Italja għandu s-setgħa jordna lill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti jadottaw miżuri ta’ intervent bħall-miżuri kontenzjużi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-indizji meqjusa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tikkonkludi li l-miżuri kontenzjużi setgħu jiġu imputati lill-Istat Taljan, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-istedina magħmula mill-Bank tal-Italja lill-FITD u lil BPB sabiex jintlaħaq ftehim ibbilanċjat ma kinitx intiża li tagħti indikazzjonijiet lil dawn il-partijiet u ma kellhiex l-iċken impatt fuq id-deċiżjoni tal-FITD li jintervjeni favur Tercas permezz tal-miżuri kontenzjużi.

77

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-FITD, għandu jitfakkar, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 128 u 129 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “emanazzjoni tal-Istat” ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippermetti lill-individwi jinvokaw dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva mhux trasposta jew mhux trasposta b’mod korrett kontra organi jew entitajiet li huma suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat li jirriżultaw minn setgħat eċċessivi meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33). Għaldaqstant, dan il-kunċett ma ġiex żviluppat bil-għan li l-miżuri adottati minn tali organi jew entitajiet jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat u, għalhekk, ma jistgħux jiġu trasposti għall-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżuri ta’ għajnuna.

78

Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riskju ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-unjoni bankarja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-premessa li l-allegat standard ta’ prova iktar rigoruż dwar l-imputabbiltà lill-Istat, li użat il-Qorti Ġenerali, jagħmilha prattikament impossibbli għall-Kummissjoni li turi din l-imputabbiltà fir-rigward tal-miżuri adottati mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Issa, minn naħa, mill-punti 65 sa 73 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li, fis-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali ma applikatx tali standard ta’ prova iktar rigoruż. Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki kieku kellu jitqies li, fil-każ ineżami, il-miżuri kontenzjużi ma humiex imputabbli lill-Istat Taljan, dan il-fatt ma jimplikax li miżura meħuda minn skema ta’ garanzija tad-depożiti qatt ma tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat u, għaldaqstant, qatt ma tista’ tagħti bidu għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59. Fil-fatt, tali klassifikazzjoni tibqa’ possibbli, iżda tiddependi mill-karatteristiċi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti u tal-miżura inkwistjoni.

79

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

80

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli twettaq analiżi globali tal-indizji prodotti minnha sabiex turi li l-intervent tal-FITD kien imputabbli lill-Istat Taljan.

81

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fil-punti 71 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-qosor, dawn l-indizji kollha.

82

Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-eżami tal-portata tal-mandat pubbliku fdat lill-FITD, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 96 sa 105 tas-sentenza appellata, analizzat l-indizji kollha prodotti mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Kien biss wara li wettqet din l-analiżi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 106 ta’ dik is-sentenza, li intervent volontarju tal-FITD, bħal dak inkwistjoni fil-każ ineżami, sa fejn għandu għan differenti minn dak relatat mar-rimbors tad-depożiti previst fil-kuntest tad-Direttiva 94/19, ma jikkostitwixxix l-implimentazzjoni ta’ mandat pubbliku.

83

Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-eżami tal-awtonomija tal-FITD waqt l-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi, wara li fakkret li l-FITD jaġixxi “fl-interess [tal-membri tiegħu]” u li “ebda element ta’ natura organika” ma jorbot lill-awtoritajiet pubbliċi Taljani, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li huwa “f’dan il-kuntest” li għandhom jiġu analizzati l-elementi meqjusa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fl-imsemmi punt 114, li kellu jiġi vverifikat jekk “l-indizji” prodotti mill-Kummissjoni kinux suffiċjenti sabiex juru l-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-Istat Taljan. Il-Qorti Ġenerali wettqet din il-verifika fil-punti 115 u 131 tas-sentenza appellata, li tinkludi b’mod partikolari, fil-punti 125 sa 127 tal-imsemmija sentenza, l-analiżi tal-“kuntest li fih kien ġie adottat l-intervent tal-FITD favur Tercas”.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 132 tas-sentenza appellata, huwa abbażi tal-analiżi tal-indizji kollha meqjusa mill-Kummissjoni, imqiegħda fil-kuntest tagħhom, u għaldaqstant b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din l-istituzzjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li hija kienet uriet li l-awtoritajiet Taljani kienu eżerċitaw kontroll pubbliku sostanzjali fid-determinazzjoni tal-intervent tal-FITD favur Tercas.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel aggravju kollu kemm hu.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

86

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti inkwistjoni kif ukoll id-dritt Taljan.

87

L-ewwel nett, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat manifestament il-kontenut tal-Artikolu 96ter(1) tat-TUB, meta ddeċidiet li l-Bank tal-Italja kien stħarreġ biss il-legalità tal-miżuri u mhux jekk kienx xieraq li jittieħdu l-miżuri kontenzjużi. Fil-fatt, sa fejn mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-Bank tal-Italja jawtorizza l-interventi ta’ appoġġ favur il-banek “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni ta’ min ifaddal u l-istabbiltà tas-sistema bankarja”, l-istħarriġ li din l-awtorità pubblika tista’ twettaq imur lil hinn minn sempliċi verifika tal-legalità tal-miżuri kontenzjużi, b’tali mod li hija jkollha tivverifika jekk tali miżuri jissodisfawx l-għanijiet tagħha ta’ politika bankarja u finanzjarja.

88

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 153 u 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD, meta ddeċidiet li l-metodu ta’ finanzjament tal-interventi volontarji kien differenti minn dak tal-interventi obbligatorji.

89

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li l-punt 153 tas-sentenza appellata jibda bl-espressjoni “barra minn hekk” ma jippermettix li jiġi konkluż li l-argumenti inklużi fih huma ta’ natura superfluwa u, konsegwentement, li l-ilmenti diretti kontra dan l-argument huma ineffettivi. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, huwa preċiżament f’dan il-punt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħha li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-FITD mill-membri ta’ dan il-konsorzju huma ta’ natura obbligatorja u jirrappreżentaw, konsegwentement, riżorsi ta’ natura statali.

90

Ir-Repubblika Taljana, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jsostnu, prinċipalment, li t-tieni aggravju huwa inammissibbiltà u, sussidjarjament, infondat u, fi kwalunkwe każ, ineffettiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 116 kif ukoll 153 u 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt nazzjonali u l-fatti inkwistjoni, rispettivament.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza li tinsab fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

93

Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Fl-aħħar nett, u bħalma tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-iżnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Fil-każ ineżami, għal dak li jirrigwarda l-allegat żnaturament tad-dritt nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont l-Artikolu 96ter(1)(d) tat-TUB, il-Bank tal-Italja jawtorizza l-interventi tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni ta’ min ifaddal u l-istabbiltà tas-sistema bankarja”.

96

Issa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti li jitqies li l-Bank tal-Italja huwa awtorizzat, bħal fil-każ tal-awtoritajiet l-oħra inkarigati wkoll mill-protezzjoni tal-interessi pubbliċi, jistħarreġ l-interventi tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti fid-dawl tal-qafas regolatorju fis-seħħ, sabiex jissalvagwardja l-imsemmija interessi.

97

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-qafas regolatorju li jagħmel parti minnu l-Artikolu 96ter(1)(d) tat-TUB, li fid-dawl tiegħu din id-dispożizzjoni għandha, fil-fehma tagħha, tiġi interpretata. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5 tat-TUB, il-Bank tal-Italja jeżerċita funzjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali “b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tmexxija soda u prudenti tal-istabbilimenti suġġetti għas-superviżjoni tiegħu, tal-istabbiltà globali, tal-effiċjenza u tal-kompetittività tas-sistema finanzjarja u tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli”. Bl-istess mod, mill-imsemmi punt 116 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont l-Artikolu 19 tat-TUB, il-Bank tal-Italja jawtorizza ċertu numru ta’ deċiżjonijiet importanti tal-banek, bħall-akkwisti.

98

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, mill-espressjoni “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni ta’ min ifaddal u l-istabbiltà tas-sistema bankarja”, li tinsab fl-Artikolu 96ter(1)(d) tat-TUB, ma jirriżultax b’mod manifest li l-Bank tal-Italja għandu jistħarreġ jekk kienx xieraq li jittieħdu l-miżuri adottati mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, bħall-miżuri kontenzjużi, b’tali mod li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, żnaturat din id-dispożizzjoni meta ddeċidiet li l-Bank tal-Italja jistħarreġ biss il-konformità tal-miżuri ta’ intervent mal-qafas regolatorju, għall-finijiet ta’ superviżjoni prudenzjali.

99

Għal dak li jirrigwarda l-allegat żnaturament tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, sa fejn, bil-kontra ta’ dak li ssostni din l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fil-punti 153 u 154 ta’ din is-sentenza, li l-metodu ta’ finanzjament tal-interventi volontarji kien differenti minn dak tal-interventi obbligatorji.

100

Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest tal-eżami tal-allegata natura obbligatorja tal-kontribuzzjonijiet użati mill-FITD sabiex iwettaq l-intervent inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 153 tas-sentenza appellata sempliċement tikkonstata, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 177 tal-konklużjonijiet tiegħu, li b’differenza mir-riżorsi neċessarji għall-funzjonament tal-konsorzju, l-imsemmija kontribuzzjonijiet kienu meqjusa li huma antiċipi “imħallsa mill-membri lill-FITD, li kien jiġġestixxihom f’isimhom bħala mandatarju”.

101

Min-naħa l-oħra, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għal dak li jirrigwarda l-interventi volontarji, huwa l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-intervent, u mhux il-metodu ta’ finanzjament tal-kontribuzzjonijiet, li joriġina minn dispożizzjoni statutorja ta’ natura privata, peress li l-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-obbligu ta’ intervent joriġina minn dispożizzjoni leġiżlattiva meta l-FITD huwa “speċifikament inkarigat mill-Istat sabiex jiġġestixxi l-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri abbażi tal-garanzija legali tad-depożiti”.

102

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

103

Peress li ma ntlaqa’ l-ebda wieħed miż-żewġ aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

104

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprevedi li l-parti li titlef hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

105

Peress li l-Kummissjoni tilfet l-appell hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Taljana, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.