KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-22 ta’ Ottubru 2015 ( 1 )

Kawża C‑336/14

Sebat Ince

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Sonthofen (qorti lokali, Sonthofen, il-Ġermanja)]

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Monopolju pubbliku fuq imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi — Awtorizzazzjoni — Esklużjoni ta’ operaturi privati — Sanzjonijiet kriminali — Direttiva 98/34/KE — Abbozz ta’ regolamenti tekniċi — Obbligu ta’ notifika — Kompatibbiltà ta’ liċenzja mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament”

1. 

Mid-deċiżjoni seminali Simmenthal ( 2 ) ’il hawn, huwa stabbilit sewwa fid-dritt tal-Unjoni li “kull qorti nazzjonali għandha l-obbligu li, fil-kawżi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħha, tapplika d-dritt [tal-Unjoni] fl-integralità tiegħu u tħares id-drittijiet li d-dritt Komunitarju jagħti lill-individwi, billi twarrab kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tkun konfliġġenti ma’ dan id-dritt, kemm jekk din id-dispożizzjoni tkun ġiet adottata qabel ir-regola [tal-Unjoni], kif ukoll jekk tkun ġiet adottata warajha”. Tali obbligu joħroġ mill-prinċipju ta’ supremazija tal-liġi tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali.

2. 

Fil-każ inkwistjoni, fejn prosekutur pubbliku Ġermaniż jakkuża lil Sebat Ince li wettqet att kriminali, skont il-kodiċi kriminali Ġermaniż, li organizzat mingħajr awtorizzazzjoni logħba tal-ażżard, meta installat u qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku magna tal-logħob mingħajr awtorizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju, fl-isforz tagħha biex tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, għandha quddiemha d-diffikultà li tiddetermina preċiżament liema dispożizzjonijiet nazzjonali għandha twarrab biex tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Winner Wetten ( 3 ), Stoß et ( 4 ) u Carmen Media Group ( 5 ) . Il-qorti tar-rinviju jeħtiġilha taċċerta liema minn diversi mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha huwa dak li jiżgura konformità mal-liġi tal-Unjoni. Il-każ inkwistjoni, għalhekk, jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar f’għadd ta’ kwistjonijiet relatati mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fil-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 56 TFUE jaqra kif ġej:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

[…]”

4.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika ( 6 ):

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-[tifsiriet] li ġejjin:

[…]

2.

‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[…]

11.

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.”

5.

L-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]”

B – Il-liġi Ġermaniża

6.

Skont l-Artikoli 70 u 72 tal-Liġi Bażika Ġermaniża (Grundgesetz), leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard taqa’ fil-kompetenza tal-Länder.

7.

It-Trattat tal-Istat dwar il-Logħob tal-Ażżard (Staatsvertrag zum Glücksspielwesen, iktar ’il quddiem “GlüStV”) konkluż bejn il-Länder u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, stabbilixxa qafas uniformi ġdid għall-organizzazzjoni, it‑tmexxija u l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard, li ssostitwixxa tali Trattat tal-Istat preċedenti.

8.

L-Artikolu 4(1) tal-GlüStV jgħid:

“L-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku tista’ ssir biss bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Land rispettiv. L-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni kollha ta’ logħob bħal dan hija pprojbita mingħajr tali awtorizzazzjoni (logħob tal-ażżard illegali).”

9.

L-Artikolu 10 tal-GlüStV jgħid:

“(1)   Biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Länder huma obbligati statutorjament jiżguraw li jkun ipprovdut logħob tal-ażżard b’mod suffiċjenti. Huma għandhom ikunu assistiti minn kumitat tekniku kompost minn esperti speċjalizzati fil-ġlieda kontra d-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard.

(2)   Skont il-liġi, il-Länder jistgħu jagħmlu dak ix-xogħol jew huma stess jew permezz tal-intermedjazzjoni ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt privat fejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jkollhom sehem azzjonarju ta’ kontroll dirett jew indirett.

[...]

(5)   Persuni barra dawk imsemmija fis-subparagrafu 2 għandhom ikunu awtorizzati jorganizzaw lotteriji u logħob biss skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet taqsima.”

10.

Il-GlüStV skada fl-aħħar tal-2011. Madankollu kull wieħed mil-Länder Ġermaniżi (ħlief Schleswig-Holstein), adotta leġiżlazzjoni li biha d-dispożizzjonijiet tal-GlüStV komplew japplikaw, sad-dħul fis-seħħ ta’ Trattat tal-Istat dwar il-Logħob tal-Ażżard ġdid, bħala l-liġi tal-Land. Fil-Bavarja dan ħa l-forma tal-Liġi tal-Bavarja ta’ Implementazzjoni tat-Trattat tal-Istat dwar il-Logħob tal-Ażżard fil-Ġermanja (Bayerisches Gesetz zur Ausführung des Staatsvertrages zum Glücksspielwesen in Deutschland, iktar ’il quddiem l-“AGGlüStV”). La dik il-liġi u lanqas il-liġijiet korrispondenti tal-Länder l-oħra ma kienu nnotifikati lill-Kummissjoni.

11.

It-Trattat tal-Istat li jemenda d-dispożizzjonijiet dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspieländerungsstaatsvertrag, iktar ’il quddiem il-“GlüÄndStV”) daħal fis-seħħ fil-Bavarja fl-1 ta’ Lulju 2012.

12.

L-Artikolu 10(2) u (6) tiegħu jipprovdi għal monopolju tal-Istat fuq imħatri sportivi ( 7 ). Skont l-Artikolu 4 GlüÄndStV, l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi jkompli japplika, għalkemm awtorizzazzjoni ma għandhiex tinħareġ għall-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard li ma jkunx awtorizzat skont il‑GlüÄndStV u ma hemmx dritt stabbilit għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni. Karatteristika ġdida tal-GlüÄndStV hija “klawżola sperimentali għall-imħatri sportivi” (Artikolu 10a). Skont din il-klawżola, il-monopolju tal-Istat fuq l-imħatri sportivi msemmi fl-Artikolu 10(6) ma għandux japplika għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi għal perijodu ta’ seba’ snin mid-dħul fis-seħħ tal-GlüÄndStV. Matul dak il-perijodu l-imħatri sportivi jistgħu jiġu organizzati biss b’liċenzja u għandhom jinħarġu massimu ta’ għoxrin liċenzja. L-obbligu tal-liċenzja għall-bidu għandu japplika biss għal organizzaturi ta’ mħatri mhux tal-Istat. Fil-każ tas-sittax-il organizzatur tal-Istat diġà attivi, ma għandux japplika sa sena wara li jkunu ngħataw il-liċenzji.

13.

Fit-8 ta’ Awwissu 2012, l-awtoritajiet Ġermaniżi ħabbru l-bidu tal-proċedura għall-għoti ta’ dawk il-liċenzji fil-Ġurnal Uffiċjali. Jidher li dak il-proċess għadu ma ntemmx.

14.

L-Artikolu 284 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż (Strafgesetzbuch, iktar ’il quddiem “StGB”), bit-titolu “L-organizzazzjoni ta’ logħob illegali” jaqra kif ġej:

“(1)   Kull min, mingħajr il-permess ta’ awtorità pubblika, b’mod pubbliku jorganizza jew jopera logħba tal-ażżard jew jagħmel tagħmir disponibbli għaliha għandu jeħel il-piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn jew multa.

[…]

(3)   Kull min fil-każijiet tal-paragrafu (1) iktar ’il fuq jaġixxi:

1.

fuq bażi kummerċjali; jew

2.

bħala membru ta’ grupp li l-għan tiegħu jkun li jibqgħu jiġu kommessi reati bħal dawn,

jeħel il-piena ta’ priġunerija ta’ minn tliet xhur sa ħames snin.

[…]”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

15.

Sebat Ince, ċittadina Torka residenti fil-Ġermanja, hija akkużata li fil-11 u fit-12 ta’ Jannar 2012 (l-ewwel akkuża) u fil-perijodu mit-13 ta’ April sas-7 ta’ Novembru 2012 (it-tieni akkuża), aġixxiet bħala intermedjarja għall-ġbir ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi, permezz ta’ magna tal-logħob installata fl-i“Sportsbar” li hija tmexxi, f’isem organizzatur ta’ mħatri li huwa stabbilit u li għandu liċenzja fl-Awstrija li ma għandux awtorizzazzjoni Ġermaniża biex joffri mħatri sportivi. Hija akkużata li b’hekk ikkommettiet att kriminali ta’ “organizzazzjoni mhux awtorizzata ta’ logħba tal-ażżard” skont l-Artikolu 284 StGB.

16.

B’digriet tas-7 ta’ Mejju 2013, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2014, l-Amtsgericht Sonthofen (qorti lokali, Sonthofen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“I. Fuq l-ewwel akkuża (Jannar 2012) u fuq it-tieni akkuża (sal-aħħar ta’ Ġunju 2012):

1

(a)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi huma pprojbiti milli jissanzjonaw lill-organizzaturi ta’ mħatri li jkollhom liċenzja fi Stat Membru tal-Unjoni u li jwettqu bħala intermedjaturi attivitajiet ta’ teħid ta’ mħatri sportivi mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża meta għat-twettiq ta’ tali attivitajiet ikun meħtieġ ukoll li l-organizzatur ikollu awtoritazzazzjoni Ġermaniża iżda l-awtoritajiet nazzjonali, minħabba sitwazzjoni legali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni (‘monopolju fuq l-imħatri sportivi’), ma jkunux jistgħu jagħtu tali awtorizzazzjoni lil organizzatur privat ta’ mħatri?

1

(b)

Ir-risposta għad-domanda 1(a) tkun differenti jekk, f’wieħed mill-15-il Land Ġermaniżi li stabbilixxew u li joperaw flimkien monopolju Statali fuq l-imħatri sportivi, l-awtoritajiet pubbliċi jsostnu, fil-kuntest ta’ proċeduri għal projbizzjoni jew fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, li l-projbizzjoni legali fir-rigward tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni lil prestatarji privati ma tapplikax f’dan il-Land fil-każ li titressaq talba għal awtorizzazzjoni sabiex jiġu organizzati mħatri jew sabiex titwettaq l-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri?

1

(c)

Il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Stanleybet International et (C-186/11 [u] C‑209/11, EU:C:2013:33), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu projbizzjoni dewwiema, deskritta bħala ‘preventiva’, tat-twettiq fuq bażi transkonfinali tal-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri sportivi u fis-sens li jipprekludu li din l-attività tiġi ssanzjonata, meta din il-projbizzjoni u din is-sanzjoni jkunu bbażati fuq il-fatt li, fid-data tad-deċiżjoni tagħhom, għall-awtoritajiet li jordnaw il-projbizzjoni ma kienx ‘manifest, jiġifieri ma kienx determinabbli mingħajr eżami addizzjonali’, li l-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri kienet tissodisfa – jekk wieħed jinjora l-monopolju miżmum mill-Istat – il-kundizzjonijiet materjali kollha għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni?

2.

Id-Direttiva [98/34] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq it-twettiq tal-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri sportivi permezz ta’ magna awtomatika li tipproponi l-imħatri [magna tal-logħob], imwettqa mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża, fuq organizzatur tal-imħatri li jkollu liċenzja fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, meta l-interventi mill-Istat ikunu bbażati fuq liġi ta’ Land speċifiku li ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea u li l-kontenut tagħha jikkorrispondi għall-[GlüStV]), li ma għadux fis-seħħ?

II. Fuq it-tieni akkuża (b’effett minn Lulju 2012)

3.

L-Artikolu 56 TFUE, il-prinċipju ta’ trasparenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ trattament favorevoli prevista fid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretata fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq it-twettiq tal-attività ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ mħatri sportivi mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża fuq organizzatur tal-imħatri li jkollu liċenzja fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni f’każ partikolari li, bis-saħħa tat-Trattat tal-Länder li jintroduċi bidla fir-rigward tal-logħob tal-ażżard [GlüÄndStV] applikabbli għal disa’ snin, jaqa’ taħt ‘klawżola [sperimentali] fir-rigward tal-imħatri sportivi’ li tipprevedi, għal perijodu ta’ seba’ snin, il-possibbiltà teoretika li numru massimu ta’ għoxrin konċessjoni [liċenzja] jingħataw anki lill-organizzaturi privati ta’ mħatri, b’effett ta’ legalizzazzjoni fil-Länder Ġermaniżi kollha, bħala kundizzjoni neċessarja ta’ awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attività ta’ intermedjaturi, meta:

(a)

il-proċedura għall-għoti ta’ konċessjoni u t-tilwim ta’ natura legali li jirriżulta f’dan il-kuntest ikunu ġestiti flimkien mill-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet [l-liċenzji] u l-uffiċċju ta’ avukati li [kien] il-konsulent normali tal-parti l-kbira tal-Länder Federali u tal-impriżi tagħhom li jorganizzaw l-imħatri fil-kuntest tal-monopolju fuq l-imħatri sportivi li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, li rrappreżentathom quddiem il-qrati nazzjonali fi proċeduri kontra organizzaturi privati ta’ mħatri u li kienet inkarigata tirrappreżenta l-awtoritajiet tal-Istat fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari li wasslu għas-sentenzi [...] Stoß [et, C-316/07, C‑358/07, C-359/07, C-360/07, C-409/07 u C‑410/07, ECLI:EU:C:2010:504], [Kawża C‑46/08], Carmen Media [Group, C‑46/08, ECLI:EU:C:2010:505) u Winner Wetten [C‑409/06, ECLI:EU:C:2010:503];

(b)

mis-sejħa għal offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Awwissu 2012 ma jirriżultaw ebda dettalji dwar il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa fir-rigward tal-proposti li kellhom jiġu ppreżentati, dwar il-kontenut ta’ dikjarazzjonijiet u provi oħra meħtieġa u lanqas dwar l-għażla ta’ mhux iktar minn għoxrin konċessjonarju [persuna li ngħatat liċenzja], dettalji li barra minn hekk ġew ikkomunikati biss wara l-iskadenza tat-terminu sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni permezz ta’ hekk imsejjaħ ‘memorandum ta’ informazzjoni’ u permezz ta’ diversi dokumenti oħra u biss lill-kandidati li kienu ntgħażlu għat-‘tieni stadju’ tal-proċedura għall-għoti ta’ konċessjoni;

(c)

għall-kuntrarju ta’ dak previst fis-sejħa għal offerti, tmien xhur wara l-ftuħ tal-proċedura, l-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet stiednet biss lil erbatax-il applikant għal konċessjoni sabiex jippreżentaw individwalment il-proposti tagħhom minn aspett soċjali u ta’ sigurtà, minħabba li dawn l-applikanti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet [minimi] kollha meħtieġa għall-għoti ta’ konċessjoni iżda mbagħad, ħmistax-il xahar wara l-ftuħ tal-proċedura, iddikjarat li ebda applikant ma kien ipprova ‘b’mod li seta’ jiġi vverifikat’ li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi;

(d)

l-applikant għal konċessjoni kkontrollat mill-Istat u kkostitwit minn impriżi pubbliċi tal-lotteriji (Ods Deutschland Sportwetten GmbH, magħruf bħala ‘Ods’), kien jinsab fost l-erbatax-il kandidat mistiedna sabiex jippreżentaw il-proposta tagħhom lill-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet minkejja li, minħabba r-rabtiet organizzazzjonali tiegħu mal-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi, ma jidhirx li għandu l-kapaċità li jingħata konċessjoni sa fejn il-leġiżlazzjoni [Artikolu 21(3) tal-GlüÄndStV] teżiġi separazzjoni stretta bejn, minn naħa, l-attivitajiet sportivi u l-assoċjazzjonijiet li jorganizzawhom u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi u l-attivitajiet ta’ intermedjaturi għat-teħid ta’ tali mħatri;

(e)

għall-għoti tal-konċessjoni hija meħtieġa, fost oħrajn, il-preżentazzjoni ‘tal-oriġini legali tar-riżorsi neċessarji għall-organizzazzjoni tal-offerta tal-imħatri sportivi li jkunu qegħdin jiġu proposti’; u

(f)

l-awtorità li tagħti l-konċessjonijiet u l-Glücksspielkollegium (kulleġġ tal-logħob tal-ażżard), li huwa kompost minn rappreżentanti tal-Länder Federali u li jiddeċiedi dwar l-għoti tal-konċessjonijiet, ma jużawx il-possibbiltà li jagħtu konċessjonijiet lil organizzaturi privati ta’ mħatri filwaqt li impriżi pubbliċi ta’ lotteriji jistgħu, għal perijodu ta’ sena wara l-eventwali għoti ta’ tali konċessjonijiet, jorganizzaw imħatri sportivi, lotteriji u logħob tal-ażżard ieħor mingħajr ma jkollhom konċessjoni u jistgħu wkoll joperawhom u jippromwovuhom permezz tan-network estiż tagħhom ta’ postijiet kummerċjali għall-ġbir ta’ mħatri?”

III – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

17.

L-ewwel nett, il-każ inkwistjoni għandu jiġi eżaminat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Id-Direttiva 2006/123/KE ( 8 ) ma tapplikax għal attivitajiet ta’ logħob tal-flus.

18.

It-tieni nett, kif il-qorti tar-rinviju ġustament tassumi, il-fatt li Sebat Ince hija ċittadina ta’ pajjiż terz ma jfissirx li hija ma tistax, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, tinvoka l-Artikolu 56(1) TFUE li jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi “fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri”. Hemm servizz transkonfinali bejn il-fornitur ta’ servizz, li huwa stabbilit fl-Awstrija, u r-riċevituri tas-servizz fil-Ġermanja. Ir-rwol ta’ Sebat Ince huwa limitat għal dak ta’ intermedjarja bejn il-fornitur u r-riċevituri ta’ servizzi bħal dawn. Hija taġixxi f’isem il-fornitur ta’ servizz Awstrijak. Ma tipprovdix is-servizz hija nfisha. U madankollu l-attivitajiet tagħha jinqabdu mill-Artikolu 56 TFUE bil-konsegwenza li hija tista’ tinvoka dik id-dispożizzjoni quddiem il-qorti nazzjonali. Tabilħaqq, jekk il-proċess globali ta’ provvista ta’ servizz bejn il-fornitur Awstrijak u r-riċevitur fil-Ġermanja kellu jinqasam f’diversi proċessi sekondarji, sitwazzjonijiet li jifformaw parti minn dan il-proċess globali spiss jevitaw l-Artikolu 56 TFUE, jew minħabba li wieħed mill-intermedjarji fil-katina jkun ċittadin ta’ pajjiż terz jew minħabba li ma jkunx hemm sitwazzjoni transkonfinali f’dak il-proċess sekondarju.

19.

It-tielet nett, dan il-każ ma huwiex dwar jekk monopolju fi mħatri sportivi huwiex kompatibbli jew le mad-dritt tal-Unjoni. Bħala stat ta’ fatt, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li għandha xi dubju li, wara għadd ta’ sentenzi tal-Qorti tar-Ġustizzja ( 9 ), it-tmexxija fil-Ġermanja ta’ monopolju fi mħatri sportivi skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq taħt “Qafas legali” issegwi għanijiet illeġittimi u, għalhekk, hija kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont it-Trattat. Dak li l-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwaru huwa liema konsegwenzi fid-dritt tal-Unjoni għandhom jinsiltu minn dawk is-sentenzi fil-kuntest ta’ projbizzjonijiet amministrattivi u pieni tal-liġi kriminali.

20.

Fl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju taf li hemm restrizzjoni li ma hijiex iġġustifikata fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, għalhekk, hemm ksur tal-Artikolu 56 TFUE. L-inċertezza ta’ din il-qorti tal-ewwel istanza toħroġ, fl-opinjoni tiegħi, mill-fatt li l-ġurisprudenza fuq il-livell nazzjonali f’dan ir-rigward hija ’l bogħod milli tkun koerenti. Quddiem ġurisprudenza mħawda u kontradittorja fil-Ġermanja, il-qorti tar-rinviju jeħtiġilha gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’każ fejn il-prosekutur pubbliku jgħaddi biex jixli kriminalment persuna li ma applikatx għal awtorizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju jeħtiġilha taċċerta lilha nfisha preċiżament dwar liema dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali hija għandha twarrab biex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’kuntrast, it-tielet domanda qed issir fil-kuntest ta’ sitwazzjoni legali differenti li fiha l-awtoritajiet Ġermaniżi organizzaw proċedura ta’ għoti ta’ liċenzji. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju qed tara kif tiddetermina jekk hemmx ksur tal-Artikolu 56 TFUE. Il-qorti tar-rinviju qed tfittex li taċċerta lilha nfisha dwar jekk il-proċedura għall-għoti ta’ liċenzji li għadha għaddejja hijiex iġġustifikata jew le, minħabba li tista’ tkun jew ma tkunx konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt.

21.

L-ewwel domanda hija, għalhekk, essenzjalment dwar is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li t-tielet domanda tittratta l-proporzjonalità ta’ proċedura għall-għoti ta’ liċenzji.

B – L-ewwel domanda

22.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li hija maqsuma fi tliet domandi sekondarji, li madankollu għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 56 TFUE u l-prinċipji li hemm fih jipprekludux awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali milli jimponu pieni għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi magħmula mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża f’isem organizzaturi ta’ mħatri li għandhom liċenzja fi Stati Membri oħra. L-imħallef tal-qorti tar-rinviju għandu quddiemu d-domanda jekk Sebat Ince ssodisfatx jew le r-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 284 tas-StGB. Dan jiddependi minn jekk is-sistema fil-Ġermanja hijiex skont il-liġi jew le. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni, minħabba li ma hijiex ċerta dwar kif l-awtoritajiet ġudizzjarji u eżekuttivi ta’ Stat Membru għandhom jittrattaw sitwazzjoni fejn il-leġiżlatura nazzjonali tkun għadha ma adottatx miżuri biex jinstab rimedju għal sitwazzjoni li tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

1. L-Artikolu 56 TFUE – rekwiżiti sostantivi u proċedurali li joriġinaw minn Winner Wetten, Stoß et, Carmen Media Group, u Stanleybet et

23.

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Stoß et ( 10 ) u Carmen Media Group ( 11 ), il-qrati Ġermaniżi jqisu li l-monopolju tal-Istat fil-Ġermanja huwa kontra l-Artikolu 56 TFUE, minħabba li ma huwiex adattat biex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għalih kien ġie stabbilit billi jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob tal-flus u għal-limitazzjoni tal-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku.

24.

F’dan l-isfond, dan ma huwiex il-lok li nfakkru l-ġurisprudenza kollha ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja dwar restrizzjonijiet iġġustifikati għall-Artikolu 56 TFUE fil-qasam tal-logħob tal-flus. Madankollu, għall-fini tal-każ inkwistjoni, għadd ta’ punti jixirqilhom ikunu enfasizzati.

25.

F’Winner Wetten ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tgħid jekk dawk li llum huma l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE kinux jippermettu li r-regoli nazzjonali li jirregolaw monopolju tal-Istat normalment kuntrarji għal dawk id-dispożizzjonijiet ikomplu japplikaw “b’mod eċċezzjonali għal perijodu tranżitorju minkejja s-supremazija tal-prinċipju tad-dritt [tal-Unjoni] direttament applikabbli”.

26.

Il-qofol tad-domanda huwa jekk ir-rikonoxximent ta’ prinċipju li jawtorizza, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li jkomplu japplikaw provviżorjament l-effetti ta’ regola nazzjonali meqjusa li tkun kuntrarja għal regola direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni kienx iġġustifikat b’analoġija, meqjusa l-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 264(2) TFUE.

27.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “minħabba fis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni li huwa direttament applikabbli, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar monopolju tal-Istat fuq l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li, skont il-konstatazzjonijiet imwettqa minn qorti nazzjonali, tinkludi restrizzjonijiet inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi dawn ir-restrizzjonijiet [ma jikkontribwixxux] sabiex jiġu llimitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, ma tistax tkompli tapplika matul perijodu tranżitorju” ( 13 ).

28.

Dan il-prinċipju, fil-fehma tiegħi, ma ddgħajjifx bis-sentenza Stanleybet et.

29.

F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid il-konstatazzjonijiet ta’ Winner Wetten ( 14 ). Imbagħad fakkret il-ġurisprudenza li skontha awtoritajiet nazzjonali għandhom miżura suffiċjenti ta’ diskrezzjoni biex ikunu jistgħu jiddeterminaw x’ikun meħtieġ biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur u l-preżervazzjoni tal-ordni fis-soċjetà, fil-limiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 15 ) u skont liema s-settur tal-logħob tal-ażżard ikun “suq speċifiku ħafna” li fih il-kompetizzjoni bejn diversi operaturi awtorizzati jmexxu l-istess logħob tal-ażżard x’aktarx ikollha effetti detrimentali u żżid l-infiq tal-konsumaturi fuq il-logħob u r-riskji tad-dipendenza tagħhom fuqu ( 16 ).

30.

Minn dik il-ġurisprudenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-rifjut li jitħalla jkun hemm perijodu tranżitorju fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE “ma jwassalx neċessarjament għall-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat biex jilliberalizza s-suq fil-logħob tal-ażżard fil-każ fejn huwa jqis li tali liberalizzazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huwa possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu riforma fil-monopolju eżistenti sabiex jagħmluh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, billi jissottomettuh b’mod partikolari għall-kontroll effettiv u strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi” ( 17 ).

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li “jekk l-Istat Membru kkonċernat kellu jikkunsidra li riforma fil-monopolju eżistenti sabiex jagħmluh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, ma hijiex possibbli u li l-liberazzjoni tas-suq fil-logħob tal-ażżard tissodisfa aħjar il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura, huwa jkun marbut jirrispetta r-regoli fundamentali tat-trattati, b’mod partikolari [l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE], il-prinċipji ta’ [ugwaljanza fit-trattament] u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu konsegwenti ta’ trasparenza […]. F’każ bħal dan, l-introduzzjoni f’dan l-Istat Membru ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal dak li jirrigwarda l-offerta ta’ ċertu tip ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiċċirkoskrivi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tkunx tista’ tiġi użata b’mod arbitrarju […]” ( 18 ).

32.

Mill-ġurisprudenza li għadha kif ġiet iċċitata, insostni dan li ġej: l-ewwel nett, monopolju tal-Istat bħala tali ma huwiex kontra l-Artikolu 56 TFUE, u dik id-dispożizzjoni ma titlobx li l-Istati Membri jilliberalizzaw swieq fil-qasam tal-logħob tal-flus. It-tieni nett, sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva biex ikun hemm logħob tal-ażżard, fil-prinċipju, hija permissibbli, sakemm tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel li jiċċirkoskrivu l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali biex ma tintużax b’mod arbitrarju. Fil-prinċipju, għalhekk, l-Istati Membri huma ħielsa jirregolaw f’dan il-qasam sakemm josservaw il-liġi tal-Unjoni ( 19 ). It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprovdi għal ebda perijodu tranżitorju li matulu liġi meqjusa li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni tista’ tibqa’ tiġi applikata.

2. Obbligu li jitwarrab ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni

33.

Flimkien mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha wieħed jista’ jikkonkludi li liġi nazzjonali ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-organi kollha ta’ Stat Membru kkonċernat huma obbligati jsibu rimedju għal dik is-sitwazzjoni. Dan jirriżulta mill-prinċipji ta’ supremazija u ta’ kooperazzjoni leali stabbiliti fl-Artikolu 4(3) TUE. Dwar dan il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement issostni li l-Istati Membri huma marbuta li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 20 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li “[o]bbligu bħal dan huwa dovut, fl-isfera tal-kompetenza tagħha, minn kull organu tal-Istat Membru kkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 21 ). Għal-leġiżlatura dan ifisser it-tneħħija tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni ( 22 ). L-imħallef nazzjonali, kif huwa magħruf sewwa minn Simmenthal ’il hawn, għandu jwarrab dispożizzjonijiet f’kunflitt mal-liġi nazzjonali ( 23 ). L-istess obbligu japplika għall-awtoritajiet pubbliċi kollha.

34.

Iżda liema dispożizzjonijiet għandhom jitwarrbu mill-qrati Ġermaniżi in casu? Id-dispożizzjonijiet biss relatati mal-monopolju tal-Istat (Artikolu 10 GlüStV) jew, flimkien ma’ dan, id-dispożizzjoni li titlob awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi (Artikolu 4 GlüStV)? Dan huwa li l-qorti tar-rinviju qiegħda titqabad miegħu. Id-deċiżjoni dwar liema dispożizzjonijiet għandhom jitwarrbu ma ssirx eħfef mill-fatt li jkun hemm żewġ linji ta’ ġurisprudenza fil-Ġermanja, li għandhom jiġu deskritti malajr.

35.

Skont kif jifhmuha b’mod partikolari l-qrati amministrattivi superjuri, projbizzjoni ta’ intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi hija kontra d-dritt tal-Unjoni biss meta tkun ibbażata fuq l-Artikolu 10(2) u (5) tal-GlüStV. Madankollu dan ma jfissirx li operatur privat jista’ jaġixxi bħala intermedjarju mingħajr l-awtorizzazzjoni mitluba mill-Artikolu 4 tal-GlüStV u li l-Artikolu 284 tas-StGB jisfa mhux applikabbli. Dawn il-qrati jeżaminaw jekk organizzaturi privati jew intermedjarji jkunux jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni skont il-kundizzjonijiet li l-GlüStV u l-liġijiet ta’ implementazzjoni tiegħu jistabbilixxu għal detenturi ta’ monopolju tal-Istat u għall-intermedjarji tagħhom. Madankollu, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, din “l-eliġibbiltà għal awtorizzazzjoni (fittizja)” dejjem jiġi kkonstatat li ma teżistix. Waħda mir-raġunijiet mogħtija għal dik il-konstatazzjoni hija li organizzatur privat ta’ mħatri ma jkunx konformi mar-restrizzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq jew ma’ dispożizzjonijiet stabbiliti fil-GlüStV bħalma jkunu applikabbli għal detenturi ta’ monopolju bħala ġustifikazzjoni għall-monopolju.

36.

F’dan ir-rigward il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) iddeċidiet f’għadd ta’ sentenzi f’Mejju u f’Ġunju 2013 li l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu “bħala prekawzjoni” jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi mingħajr awtorizzazzjoni Ġermaniża, sakemm l-organizzatur jew l-intermedjarju kkonċernat ikun issodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi għal awtorizzazzjoni – bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet potenzjalment mhux skont il-liġi tal-monopolju – u li dan kien ovvju, jiġifieri rikonoxxibbli mingħajr eżami ulterjuri, għall-awtorità tal-projbizzjoni meta tat id-deċiżjoni tagħha.

37.

Qrati oħra, min-naħa l-oħra, iqisu li r-restrizzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Artikolu 4(1) GlüStV ma għandhiex tkun applikata waħedha mingħajr il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(2) u (5) GlüStV. Skonthom, il-ħrafa ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-operaturi privati hija fiha nfisha illegali. Barra dan, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fil-GlüStV u fil-liġijiet ta’ implementazzjoni tiegħu hija mfassla mhux għall-organizzaturi privati ta’ mħatri u l-intermedjarji tagħhom iżda biss għad-detenturi ta’ monopolju tal-Istat u l-intermedjarji tagħhom.

38.

Fl-isfond tal-osservazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, wieħed jista’ jxaqleb sabiex iwieġeb illi hija biss id-dispożizzjoni dwar monopolju tal-Istat li għandha titwarrab. Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma tiddubita mill-ammissibbiltà ġenerali ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

39.

Madankollu jiena xettiku dwar approċċ bħal dan u iktar nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tmur lil hinn minn hekk. Mill-eżami li għamilt tal-kwistjonijiet nasal biex nikkonkludi li t-tnejn għandhom jitwarrbu mill-imħallef tar-rinviju, kif ser nipprova nuri hawn taħt. Nixtieq nenfasizza li huma l-fatti speċifiċi tal-każ inkwistjoni li jġegħluni nipproponi t-tieni għażla.

40.

L-ewwel nett, il-fatt li hemm ġurisprudenza f’kunflitt fil-livell nazzjonali dwar l-obbligu li wieħed jgħaddi minn proċedura ta’ awtorizzazzjoni ma jiżgurax ċertezza legali min-naħa tal-operaturi ekonomiċi. Ma naħsibx li f’sitwazzjoni bħal din, li hija kkaratterizzata minn inċertezza, huma jista’ jkun jeħtiġilhom jieħdu l-għażla li hija inqas favorevoli għalihom.

41.

It-tieni nett, ma nħarġet ebda awtorizzazzjoni għal ebda operatur privat li għadda minn proċedura. Tabilħaqq, jidher li l-awtoritajiet nazzjonali ma jagħtux awtorizzazzjoni jekk ma jkunx ovvju b’mod ċar għall-awtorità, fiż-żmien li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, li l-attività ta’ intermedjazzjoni tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi kollha ta’ awtorizzazzjoni. Prattika bħal din ovvjament tirrendi l-proċedura kollha ta’ awtorizzazzjoni bla siwi. Proċedura bħal din ma tidhirx li hija waħda fejn ir-riżultat ikun jidher mill-bidu (nuqqas ta’ “Ergebnisoffenheit”). Ikun ċiniku li operatur ekonomiku jintalab joqgħod għal proċedura li żgur tkun ser tfalli. Il-konsegwenza legali tista’ tkun biss li ma jkunx meħtieġ li wieħed joqgħod għal proċedura bħal din.

42.

It-tielet nett, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwarrbu dispożizzjonijiet legali f’kunflitt mad-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li individwu effettivament jistenna li huma jagħmlu hekk. Wara kollox, għal individwu l-liġijiet igawdu minn preżunzjoni ta’ legalità. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jitlob li regoli ta’ liġi jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli dwar l-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jistgħu jkollhom konsegwenzi sfavorevoli għal individwi u impriżi ( 24 ). Preċiżjoni bħal din evidentement ma tingħatax f’dan il-każ. Dan ma jistax ikun ħlief ta’ ħsara għall-individwu.

43.

Ir-raba’ nett, għandi diffikultà nissepara r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni mill-monopolju tal-Istat. Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinfirdu, meqjus li l-proċedura kollha ta’ awtorizzazzjoni hija mfassla għal entitajiet pubbliċi. Il-loġika kollha tal-GlüStV hija li huwa japplika biss għal entitajiet tal-Istat. Jekk b’dik il-loġika entitajiet tal-Istat biss jistgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni, wieħed bilkemm jista’ jistenna li operatur privat japplika għal awtorizzazzjoni bħal din meta l-liġi espressament tiskoraġġiha.

3. Ebda sanzjoni kriminali

44.

Il-konsegwenza ta’ interpretazzjoni bħal din hija li r-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 284 StGB ma jkunux issodisfatti.

45.

Raġunament bħal dan huwa wkoll sostnut mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fi Placanica et. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja inekwivokament qalet li “Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux sodisfatta meta twettiq ta’ dik il-formalità hija rifjutata jew magħmula impossibbli mill-Istat Membru kkonċernat bi ksur tad-dritt [tal-Unjoni]” ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet din il-formula fi Stoß et ( 26 ), kawża, li, bħalma tfakkar iktar ’il fuq, kellha bħala suġġett il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi.

46.

Ergo, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tkun stabbilixxiet li monopolju fuq l-imħatri sportivi jkun kontra d-dritt tal-Unjoni, u li fiha entitajiet nazzjonali biss ikunu jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jiksbu awtorizzazzjoni nazzjonali, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali nazzjonali milli jissanzjonaw l-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi magħmula mingħajr awtorizzazzjoni nazzjonali f’isem organizzatur ta’ mħatri li għandu liċenzja fi Stat Membru ieħor.

C – It-tieni domanda

47.

Permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk id-Direttiva 98/34 tipprekludix applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AGGlüStV wara li jkun skada l-GlüStV, minħabba li din il-liġi tal-Bavarja ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni.

48.

Minkejja t-tul globali kunsiderevoli tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju f’dan il-punt ma tissostanzjax tajjeb ħafna r-rilevanza ta’ din id-domanda għall-każ inkwistjoni. Tħalli miftuħ liema dispożizzjonijiet tal-AGGlüStV tqis rilevanti f’dan ir-rigward. Nerġa’ niġi għal dan il-punt iktar ’il quddiem.

49.

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, li hija dispożizzjoni applikabbli direttament, jiġifieri li individwu jista’ jistrieħ fuqha quddiem qorti nazzjonali ( 27 ), l-Istati Membri huma obbligati jikkomunikaw lill-Kummissjoni “kull abbozz ta’ regolament tekniku”. L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 jiddefinixxi regolament tekniku bħala “speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”.

50.

L-abbozz kollu tal-GlüStV kien innotifikat lill-Kummissjoni qabel ma kien adottat skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 ( 28 ). Skont il-kliem tiegħu, kif innotifikat lill-Kummissjoni u fl-aħħar nett adottat ( 29 ), il-GlüStV ma baqax validu fi tmiem ir-raba’ sena wara d-dħul tiegħu fis-seħħ ( 30 ).

51.

Meta l-GlüStV skada fi tmiem l-2011, id-dispożizzjonijiet tal-GlüStV baqgħu fis-seħħ fil-Bavarja, permezz tal-AGGlüStV. Fl-ebda punt ma ngħatat notifika ta’ din l-estensjoni lill-Kummissjoni.

52.

Jiena tal-fehma li kellu jkun hemm notifika u li hemm ksur tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

53.

Minħabba li l-għan tad-Direttiva huwa wieħed preventiv, biex ikunu evitati kumplikazzjonijiet li joriġinaw minn ostakoli fil-kummerċ possibbli fil-futur, ikun fl-interess kemm tal-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, kif ukoll tal-Istati Membri l-oħra li dawn ikunu mgħarrfa b’mod komprensiv bl-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi. Jekk liġi tkun limitata fiż-żmien, dan huwa element importanti, biex ma ngħidx essenzjali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom interess ikunu jafu jekk liġi, li huma jqisu li tkun skadiet, kinitx reġgħet iddaħħlet fis-seħħ.

54.

Għandu jingħad ukoll f’dan l-istadju li l-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-abbozzi ta’ liġijiet sħaħ lill-Kummissjoni, anki jekk ikunu biss xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom li attwalment ikunu jikkostitwixxu regolamenti tekniċi ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat dan b’riferiment għall-għan iddikjarat fl-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva li jippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kemm tista’ dwar kull abbozz ta’ regolament tekniku fir-rigward tal-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kuntest ġenerali tiegħu biex hija tkun tista’ teżerċita kemm jista’ jkun b’mod effettiv is-setgħat mogħtija lilha mid-Direttiva ( 32 ).

55.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk, l-awtoritajiet tal-Bavarja kisru l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 meta naqsu milli jinnotifikaw l-AGGlüStV. L-estensjoni tal-validità ta’ liġi permezz ta’ liġi differenti fi kliem ieħor tikkostitwixxi abbozz ta’ regolament tekniku ġdid, li tinqabad mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 ( 33 ).

56.

X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ dan in-nuqqas ta’ notifika?

57.

Nitħajjar nissuġġerixxi li jekk Stat Membru jkun naqas milli jinnotifika liġi, il-liġi kollha ma tkunx applikabbli. Bħala difiża għal ħsieb bħal dan l-argument huwa li jekk liġi għandha tiġi nnotifikata kollha, allura loġikament in-nuqqas ta’ applikabbiltà wkoll għandu jiġi estiż għal-liġi kollha ( 34 ). Soluzzjoni bħal din, li jkollha l-vantaġġ li tkun applikabbli faċilment, tkun qed tagħti, barra dan, lill-Istati Membri inċentiv addizzjonali biex jinnotifikaw abbozzi ta’ liġijiet lill-Kummissjoni.

58.

Madankollu ma narax li hemm lok għal interpretazzjoni stretta bħal din.

59.

Minn CIA Security International ’il hawn ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement issostni li “n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligu ta’ notifika jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli tekniċi kkonċernatai, b’tali mod li dawn ma jistgħux ikunu applikati fir-rigward ta’ individwi”.

60.

Nifhem dan il-passaġġ bħala li jagħmel riferiment biss għar-regolament tekniku speċifiku li attwalment jagħti lok għall-obbligu ta’ notifika. Tabilħaqq, fir-rigward ta’ abbozz ta’ liġi Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li s-sempliċi fatt li d-dispożizzjonijiet kollha li kien hemm f’dik il-liġi kienu nnotifikati lill-Kummissjoni ma kienx iżomm lir-Repubblika Taljana milli minnufih iddaħħal fis-seħħ, u għalhekk mingħajr ma tistenna r-riżultati tal-proċedura ta’ eżami msemmija fid-Direttiva, id-dispożizzjonijiet li ma kinux jikkostitwixxu regolamenti tekniċi ( 36 ). Fi kliem ieħor, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li Stat Membru jikkomunika l-abbozz kollu ta’ liġi, ma teżiġix li dak l-Istat jissospendi d-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-partijiet li ma jkunux jikkostitwixxu regolamenti tekniċi. Fl-isfond ta’ dik il-ġurisprudenza, jidhirli li huwa loġiku li ma humiex applikabbli dawk id-dispożizzjonijiet biss ta’ liġi li attwalment jikkostitwixxu regolamenti tekniċi ( 37 ).

61.

Dan jeħodni lura għall-każ inkwistjoni. La r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u lanqas il-monopolju tal-Istat ma jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħi, regolamenti tekniċi skont id-Direttiva 98/34.

62.

Id-Direttiva 98/34 hija mfassla biex tipproteġi, permezz ta’ monitoraġġ preventiv, il-moviment liberu tal-merkanzija, kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

63.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement kienet iddeċidiet li dispożizzjonijiet nazzjonali dwar logħob fuq magni b’rebħ limitat li seta’ jkollhom bħala effett li jillimitaw, u saħansitra jirrendu progressivament impossibbli li jsir logħob fuq tali magni b’rebħ limitat kullimkien ħlief f’każinos u fi swali tal-logħob, jistgħu jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 ( 38 ). F’tali każ, wieħed jista’ jipprova jidentifika rabta ċara mal-moviment liberu tal-merkanzija, in casu magni tal-logħob. Madankollu, f’dan il-każ, il-projbizzjoni hija kunsiderevolment usa’. Ir-rabta ma’ magna għalija tidher dgħajfa wisq.

64.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, b’risposta għat-tieni domanda, tgħid li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jipprekludi l-impożizzjoni ta’ pieni għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjoni sportiva permezz ta’ magna tal-logħob, mingħajr awtorizzazzjoni nazzjonali, f’isem organizzatur ta’ mħatri li għandu liċenzja fi Stat Membru ieħor fejn l-interventi mill-Istat ikunu bbażati fuq regolamenti tekniċi, mhux innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea. Dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikoli 4(1), 10(2) u (5) tal-GlüStV ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” skont l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

D – It-tielet domanda

65.

It-tielet domanda għandha bħala l-premessa korretta tagħha li restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u proċedura għall-għoti ta’ liċenzji jkunu ġġustifikati biss sakemm iservu biex jipproteġu għan superjuri ta’ interess pubbliku u jkunu, barra minn hekk, proporzjonati għall-għan segwit u konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

66.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar jekk il-proċedura għall-għoti ta’ liċenzji li hemm bħalissa abbażi tal-GlüÄndStV hijiex konformi mal-Artikolu 56 TFUE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Kieku dan ma kienx il-każ, Sebat Ince ma tkunx tista’ tinstab ħatja kriminalment skont l-Artikolu 284 StGB. Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal lista twila ta’ fatturi li jistgħu, fil-fehma tagħha, iwasslu biex il-proċedura għall-għoti ta’ liċenzji li hemm bħalissa titqies illegali skont id-dritt tal-Unjoni.

67.

Mill-bidu nett, għandu jitfakkar li fl-aħħar nett huwa għall-qorti nazzjonali, li hija biss għandha ġurisdizzjoni tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, biex tiddetermina jekk liġi nazzjonali tkunx proporzjonata għall-għan tal-interess pubbliku ( 39 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti gwida, ibbażata fuq l-informazzjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri ( 40 ). Fil-każ inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’qagħda tevalwa kull dettall mogħti mill-qorti nazzjonali, meqjus li t-tielet domanda hija mimlija sewwa b’punti ta’ fatt. Jiena, għalhekk, tal-parir li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tanalizzax fid-dettall il-punti ta’ fatt mogħtija mill-qorti tar-rinviju minħabba li dan l-eżerċizzju jkun jeħtieġ aċċess għall-elementi kollha tal-proċedura nazzjonali għall-għoti ta’ liċenzji.

68.

Huwa għal din ir-raġuni li ser infakkar f’xi ftit prinċipji ġenerali li għandhom ikunu osservati minn awtoritajiet nazzjonali meta jużaw sistema għall-għoti ta’ liċenzji. Dawk il-prinċipji joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntesti ta’ kuntratti pubbliċi, konċessjonijiet u proċeduri minn qabel ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-istess prinċipji għal dawn l-oqsma. Dejjem ikun hemm l-obbligu ta’ konformità mar-regoli fundamentali tat-Trattat u mal-prinċipji li jirriżultaw minnu, minħabba li l-eżerċizzju ta’ attivitajiet bħal dawn aktarx ikun ta’ interess potenzjali għal operaturi ekonomiċi fi Stati Membri oħra ( 41 ).

69.

L-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu liċenzji huma obbligati jkunu konformi mar-regoli fundamentali tat-Trattat, inklużi l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, u mal-obbligu tat-trasparenza li jirriżulta minnhom ( 42 ). F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw livell ta’ pubbliċità suffiċjenti biex il-konċessjoni ta’ servizzi tinfetaħ għall-kompetizzjoni u biex tiġi mistħarrġa l-imparzjalità tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 43 ).

70.

Barra minn hekk, sistema għall-għoti ta’ liċenzji għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi ċirkoskritt l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet sabiex dan ma jintużax arbitrarjament ( 44 ). Kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq deroga għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha jkollha disponibbli għaliha rimedju ta’ natura ġudizzjarja ( 45 ).

71.

Gwida ulterjuri tinsab fid-Direttiva 2014/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ( 46 ). Din id-direttiva, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ April 2014 ikollha tiġi trasposta sat-18 ta’ April 2016. Għalkemm id-Direttiva ma tidhirx li tapplika għal proċedura għall-għoti ta’ liċenzji bħal dik fil-każ inkwistjoni ( 47 ) u, f’kull każ, it-terminu għat-traspożizzjoni għadu ma skadiex, il-prinċipji ġenerali li fuqu hija mibnija jista’ jservi bħala għajn ta’ ispirazzjoni u gwida, meqjus li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-istess prinċipji fi proċeduri għall-għoti ta’ liċenzji u konċessjonijiet ( 48 ).

72.

Fir-rigward ta’ kunflitt ta’ interess fil-kuntest ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li persuna li tkun wettqet ċertu xogħol ta’ tħejjija tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn ma jkunx jista’ jiġi sostnut li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li dik il-persuna tiġi ttrattata bl-istess mod bħal kull offerent ieħor ( 49 ). Barra dan, id-Direttiva 2014/23 tgħid fl-Artikolu 35 tagħha, bit-titolu “Ġlieda kontra l-korruzzjoni u prevenzjoni ta’ konflitti ta’ interess”, li “[l]-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti biex jieħdu miżuri adatti sabiex jiġġieldu l-frodi, il-favoritiżmu u l-korruzzjoni u biex b’mod effettiv jipprevjenu, jidentifikaw u jirrimedjaw konflitti ta’ interess li jirriżultaw fit-twettiq ta’ proċeduri tal-għoti ta’ konċessjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkun żgurat trattament ugwali għall-kandidati u l-offerenti kollha”. Ikompli jgħid li “l-kunċett ta’ konflitti ta’ interess għandu mill-inqas ikopri kwalunkwe sitwazzjoni fejn il-membri tal-persunal tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti li jkunu involuti fit-twettiq tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni jew li jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu ta’ dik il-proċedura jkollhom, direttament jew indirettament, interess finanzjarju, ekonomiku jew interess personali ieħor li jista’ jitqies li jikkomprometti l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni”.

73.

Il-prinċipju ta’ trasparenza jeħtieġ li l-awtorità kontraenti tiżgura, għall-benefiċċju ta’ kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat suffiċjenti biex is-suq tas-servizzi jkun jista’ jinfetaħ għall-kompetizzjoni, u li l-imparzjalità ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jiġu mistħarrġa ( 50 ). Id-Direttiva 2014/23, ukoll fl-Anness V tagħha, għandha lista dettaljata ta’ “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi tal-konċessjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31”.

74.

Huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk il-proċedura għall-għoti ta’ liċenzji li hemm bħalissa hijiex konformi mal-prinċipji ġenerali u, għalhekk, tikkostitwixxix restrizzjoni ġġustifikata għall-Artikolu 56 TFUE.

75.

Ir-risposta għat-tielet domanda għalhekk għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-impożizzjoni ta’ pieni għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi, mingħajr awtorizzazzjoni nazzjonali, f’isem organizzatur ta’ mħatri li għandu liċenzja fi Stat Membru ieħor f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tkun stabbilixxiet li proċedura għall-għoti ta’ liċenzji li twassal għall-għoti ta’ massimu ta’ għoxrin liċenzja għal organizzaturi ta’ mħatri ma tkunx konformi ma’ prinċipji ġenerali, bħal dawk ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza u ta’ trasparenza.

IV – Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Sonthofen (qorti lokali, Sonthofen) (il-Ġermanja) kif ġej:

(1)

F’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tkun stabbilixxiet li monopolju fuq l-imħatri sportivi jkun kontra d-dritt tal-Unjoni, u li fiha entitajiet pubbliċi biss ikunu jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jiksbu awtorizzazzjoni nazzjonali, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali nazzjonali milli jissanzjonaw l-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi mwettqa mingħajr awtorizzazzjoni nazzjonali f’isem organizzatur ta’ mħatri li għandu liċenzja fi Stat Membru ieħor.

(2)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, jipprekludi l-impożizzjoni ta’ pieni għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi permezz ta’ magna tal-logħob, mingħajr awtorizzazzjoni nazzjonali, f’isem organizzatur ta’ mħatri li għandu liċenzja fi Stat Membru ieħor fejn l-interventi mill-Istat ikunu bbażati fuq regolamenti tekniċi, mhux innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea. Dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikoli 4(1) u 10(2) u (5) tat-Trattat tal-Istat dwar il-Logħob tal-Ażżard (Staatsvertrag zum Glücksspielwesen) ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

(3)

L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-impożizzjoni ta’ pieni għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi, mingħajr awtorizzazzjoni nazzjonali, f’isem organizzatur ta’ mħatri li għandu liċenzja fi Stat Membru ieħor f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tkun stabbilixxiet li proċedura għall-għoti ta’ liċenzji li twassal għall-għoti ta’ massimu ta’ għoxrin liċenzja għal organizzaturi ta’ mħatri ma tkunx konformi ma’ prinċipji ġenerali, bħal dawk ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza u ta’ trasparenza.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   106/77, EU:C:1978:49, punt 21.

( 3 )   C‑409/06, EU:C:2010:503.

( 4 )   C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504.

( 5 )   C‑46/08, EU:C:2010:505.

( 6 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337.

( 7 )   Eżatt bħall-Artikolu 10(2) u (5) tal-GlüStV.

( 8 )   Ara l-Artikolu 2(2)(h) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

( 9 )   Sentenzi Stoß et (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504) u Carmen Media Group (C‑46/08, EU:C:2010:505).

( 10 )   C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 107.

( 11 )   C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 71.

( 12 )   C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 28.

( 13 )   Ibid, punt 69.

( 14 )   Ara s-sentenza Stanleybet et (C‑186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33, punti 383942).

( 15 )   Ibid, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 )   Ibid, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 )   Ibid, punt 46.

( 18 )   Ibid, punt 47.

( 19 )   Ara wkoll Łacny, J., Swoboda państw członkowskich w zakresie regulowania gier hazardowych – przegląd orzecznictwa TS, Europejski Przegląd Sądowy grudzień 2010, pp. 37‑47, f’paġna 39.

( 20 )   Ara, bħala eżempju, is-sentenza Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 )   Ara s-sentenza Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 )   Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ssostni li l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni jista’ jkollha rimedju biss permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura vinkolanti li jkollhom l-istess saħħa legali bħal dawk li jkollhom jiġu emendati. Prattiki sempliċement amministrattivi, li min-natura tagħhom l-awtoritajiet jistgħu jibdluhom meta jridu u ma jingħatawx il-pubbliċità xierqa, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu t-twettiq xieraq ta’ obbligi skont it-Trattat; ara, bħala eżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑358/98, EU:C:2000:114, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk ir-riżultat ta’ sentenza fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jkun li d-dritt tal-Unjoni tipprekludi ċerti dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali, allura l-Istat Membru kkonċernat ikollu obbligu li jsib rimedju għal dik is-sitwazzjoni.

( 23 )   Huwa stabbilit sewwa fid-dritt tal-Unjoni li meta tkun analizzata l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni qorti nazzjonali ma tistax tillimita l-analiżi tagħha għall-kliem tar-regoli nazzjonali iżda għandha tqis ukoll kif dawn ir-regoli jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali; ara Łacny, J., Swoboda państw członkowskich w zakresie regulowania gier hazardowych – przegląd orzecznictwa TS, Europejski Przegląd Sądowy grudzień 2010, pp. 37-47, f’paġna 44.

( 24 )   Ara s-sentenza Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 )   Ara s-sentenza (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 69).

( 26 )   C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 115.

( 27 )   Dan jikkostitwixxi ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 44), ’il hawn.

( 28 )   Hawn ma huwiex il-lok li wieħed jeżamina eżattament liema dispożizzjonijiet tal-GlüStV jikkostitwixxu regolamenti tekniċi skont id-Direttiva u li, għalhekk, taw lok għall-obbligu ta’ notifika. Biżżejjed jingħad li, ċertament, dispożizzjoni li jkollha projbizzjoni ta’ logħob tal-flus permezz tal-internet tikkostitwixxi regolament tekniku.

( 29 )   Kemm l-abbozz kif ukoll il-verżjoni finali huma disponibbli fil-paġna elettronika tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/tris/en/index.cfm/search/?trisaction=search.detail&year=2006&num=658&mLang=EN.

( 30 )   Sakemm il-Konferenza tal-Presidenti-Ministri, b’mill-inqas 13-il vot, ma tkunx iddeċidiet, qabel tmiem ir-raba’ sena, li t-Trattat jissokta jkun validu, meqjusa r-riżultati tal-evalwazzjoni – liema fatt ma seħħx.

( 31 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑279/94, EU:C:1997:396, punti 4041).

( 32 )   Ibid.

( 33 )   Għalhekk ma nqisx li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandu rwol deċiżiv f’dan l-istadju, minħabba li ma għandniex quddiemna “tibdil [lil] abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti”.

( 34 )   Ara Streinz, R., Herrmann, Ch., Kruis, T., “Die Notifizierungspflicht des Glücksspielstaatsvertrags und der Ausführungsgesetze der Länder gem. der Richtlinie Nr. 98/34/EG (Informationsrichtlinie)”, Zeitschrift für Wett- und Glücksspielrecht, 2007, pp. 402-408, fil-paġna 406.

( 35 )   C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 54.

( 36 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑279/94, EU:C:1997:396, punt 42).

( 37 )   Dan il-ħsieb jaqsmu Dietlein, J., f’J. Dietlein, M. Hecker, M. Ruttig (ed.), Glücksspielrecht, C. H. Beck, Munich 2008, “Informationsrichtlinie”, punt 19.

( 38 )   Ara s-sentenza Fortuna et (C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495, punt 40). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet pjuttost kawta madankollu, meta fl-istess punt kompliet billi stqarret li l-obbligu ta’ notifika kien japplika biss sa fejn kien stabbilit li d-dispożizzjonijiet kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet li setgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv in-natura jew it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat, u din kienet kwistjoni li kellha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

( 39 )   Ara s-sentenzi Rinner-Kühn (171/88, EU:C:1989:328, punt 15); Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 82); u Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 75).

( 40 )   Ara s-sentenza Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 65).

( 41 )   Ara s-sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punti 39 sa 47).

( 42 )   Ara s-sentenza Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 )   Ibid, punt 41.

( 44 )   Ibid, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 )   Ibid.

( 46 )   ĠU L 94, p. 1.

( 47 )   Ara l-premessa 14 tad-Direttiva. Għalkemm kemm il-GlüÄndStV u d-deċiżjoni tar-rinviju jużaw il-kelma Ġermaniża “Konzession(en)”, għandu jiġi enfasizzat li, għall-iskopijiet tad-dritt tal-Unjoni, jidher b’mod ċar li għandna quddiemna liċenzji u mhux “kuntratti ta’ konċessjoni” fis-sens tad-Direttiva.

( 48 )   Ara s-sentenza Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punti 39 sa 47).

( 49 )   Sentenza Fabricom (C‑21/03 u C‑34/03, EU:C:2005:127, punt 31).

( 50 )   Ara s-sentenza Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 62).