02014R0522 — MT — 12.11.2017 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 522/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 (ĠU L 148 20.5.2014, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2056 tat-22 ta' Awwissu 2017 |
L 294 |
26 |
11.11.2017 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 522/2014
tal-11 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
Artikolu 1
Il-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi
1. Il-Kummissjoni tinnomina entità jew korp waħda/wieħed jew aktar li jkollha f'idejha/jkollu f'idejh il-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit għal azzjonijiet innovattivi fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-entità inkarigata”).
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-entità inkarigata jkollha esperjenza ppruvata fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni f'diversi Stati Membri.
2. Il-Kummissjoni tikkonkludi ftehim ta' delega mal-entità inkarigata skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u dak il-ftehim ta' delega jkun fih minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 40 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 ( 1 ) dispożizzjonijiet li jirregolaw:
(a) gwida għall-applikanti u l-benefiċjarji;
(b) programm annwali ta' ħidma għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni;
(c) l-organizzazzjoni ta' sejħiet biex jintgħażlu l-azzjonijiet innovattivi;
(d) il-valutazzjoni tal-eliġibilità tal-applikanti;
(e) it-twaqqif ta' bord ta' esperti, bi ftehim mal-Kummissjoni, biex jevalwa u jikklassifika l-proposti;
(f) l-għażla ta' azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-bord ta' esperti, bi qbil mal-Kummissjoni;
(g) ir-rekwiżit li l-benefiċjarju huwa provdut b'dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ, kif speċifikat mill-Kummissjoni;
(h) l-eżami ta' rapporti sottomessi mill-benefiċjarji u l-pagamenti lill-benefiċjarji;
(i) il-monitoraġġ ta' azzjonijiet innovattivi individwali;
(j) l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' komunikazzjoni;
(k) it-tixrid tar-riżultati, bi ftehim mal-Kummissjoni;
(l) il-verifika ta' azzjonijiet innovattivi individwali biex jiżguraw li dawn jimplimentaw l-għotja skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda;
(m) kontribuzzjoni finanzjarja b'appoġġ tal-kompiti ta' ġestjoni tal-entità inkarigata biex tingħata fil-forma ta' kontribuzzjoni ta' rata fissa għall-kostijiet operazzjonali tal-entità inkarigata u stabbilita fuq il-bażi tal-ammont ta' fondi tal-Unjoni għall-appoġġ ta' għotja fdata lil dik l-entità.
3. L-entità inkarigata tipprovdi lill-Kummissjoni bid-dokumenti f'konformità mal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u b'kull informazzjoni neċessarja li hija meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet innovattivi.
Artikolu 2
Għażla ta' azzjonijiet innovattivi
1. L-entità inkarigata tagħżel azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi ta' sejħiet għal proposti, filwaqt li jitqiesu temi definiti mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq bażi annwali.
2. L-awtoritajiet li ġejjin jistgħu japplikaw għal appoġġ biex jieħdu azzjonijiet innovattivi:
(a) kull awtorità urbana ta' unità amministrattiva lokali definita skont il-grad ta' urbanizzazzjoni bħala belt, villaġġ, jew subborg, u li jkun fiha mill-inqas 50 000 abitant;
(b) kull assoċjazzjoni jew gruppi ta' awtoritajiet urbani tal-unitajiet amministrattivi lokali definiti skont il-grad ta' urbanizzazzjoni bħala belt, villaġġ jew subborg fejn il-popolazzjoni totali tilħaq mill-inqas il-50 000 abitant; dan jista' jinkludi assoċjazzjonijiet jew gruppi transfruntiera, assoċjazzjonijiet jew gruppi f'reġjuni u/jew fi Stati Membri differenti.
3. Il-bord ta' esperti msemmi fl-Artikolu 1(2)(e) jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet innovattivi li jridu jintgħażlu. Il-bord ta' esperti jkun ġeografikament ibbilanċjat u ppresedut mill-Kummissjoni. Meta jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-bord ta' esperti jqis, b'mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:
(a) il-kontenut innovattiv tal-proposta u l-potenzjal tagħha biex tidentifika jew tittestja soluzzjonijiet ġodda;
(b) il-kwalità tal-proposta;
(c) l-involviment ta' msieħba rilevanti fit-tħejjija tal-proposta;
(d) il-kapaċità li jintwerew riżultati li jistgħu jitkejlu;
(e) it-trasferibbiltà tas-soluzzjonijiet proposti.
Il-bord ta' esperti jiżgura li d-diversità territorjali taż-żoni urbani tal-Unjoni tiġi kkunsidrata fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
4. L-entità inkarigata tagħżel l-azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-bord ta' esperti u bi qbil mal-Kummissjoni.
5. L-ammont mogħti lil kull azzjoni innovattiva ma għandux jaqbeż il-EUR 5 000 000 .
6. Kull azzjoni innovattiva għandha tiġi implimentata fi żmien perjodu massimu ta' erba' snin.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).