SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

17 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Rifjut ta’ għoti ta’ għajnuna soċjali – Membri tal-persunal tal-Kummissjoni assenjati fil-Lussemburgu – Bażi legali tar-rikors – Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda – Obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza totali ta’ motivazzjoni – Regolarizzazzjoni wara l-preżentata tar-rikors – Kompetenza limitata – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑121/25,

Asma Gharbi, residenti fi Steinfort (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn L. Levi u S. Rodrigues, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Dani u L. Hohenecker, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, I. Reine, R. da Silva Passos, H. Cassagnabère (Relatur) u T. Pavelin, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari l-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni u t-tweġibiet tagħhom, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 u fil‑11 ta’ Novembru 2025, rispettivament,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, Asma Gharbi, titlob, minn naħa, l-annullament tar-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Mejju 2024 (iktar ’il quddiem ir-“rendikont tar-remunerazzjoni”) sa fejn dan jirrifletti d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tħallashiex l-għajnuna soċjali prevista għall-membri tal-persunal assenjati fil-Lussemburgu li s-salarju nett tagħhom ikkalkolat konformement mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jew mal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) huwa inqas minn dak li jirċievi impjegat ikkwalifikat li jibbenefika mis-salarju minimu fil-Lussemburgu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ euro simboliku għad-dannu morali li hija tqis li ġarrbet.

Il-fatti li wasslu għall‑kawża u fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors

2

Ir-rikorrenti daħlet fis-servizz tal-Uffiċċju “Infrastruttura u Loġistika” fil-Lussemburgu (OIL) fis‑16 ta’ April 2024 bħala membru tal-persunal bil-kuntratt part-time (80 %) u ġiet ikklassifikata fil-grupp ta’ funzjoni II, grad 5, skala 1.

3

Fuq l-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni tagħha, ikkomunikat fil‑5 ta’ Mejju 2024, ir-rikorrenti kkonstatat li hija ma kinitx tirċievi l-għajnuna soċjali mensili prevista mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4907 final, tat‑22 ta’ Lulju 2015, dwar il-ħlas ta’ għajnuna soċjali lil ċerti membri tal-persunal tal-Kummissjoni assenjati fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2015”) favur membri tal-persunal li s-salarju nett tagħhom huwa inqas minn dak irċevut minn impjegat ikkwalifikat li jibbenefika mis-salarju minimu fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem l-“għajnuna soċjali”).

4

Kif tindika l-premessa 4 tad-deċiżjoni tal‑2015, il-miżura prevista minn din id-deċiżjoni ttieħdet wara eżerċizzju ta’ paragun, li għandha tagħmel il-Kummissjoni, bejn is-sitwazzjoni personali ta’ kull membru tal-persunal assenjat fil-Lussemburgu u sitwazzjoni ipotetika li fiha dan l-istess membru tal-persunal ikun impjegat taħt id-dritt Lussemburgiż u jirċievi s-salarju soċjali minimu previst għal ħaddiem ikkwalifikat. Dan il-paragun għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari d-diversi imposti u allowances previsti fiż-żewġ każijiet.

5

Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal‑2015, id-Direttur Ġenerali responsabbli għar-riżorsi umani stabbilixxa lista eżawrjenti tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-salarju nett irċevut minn kull membru tal-persunal u tal-minimu soċjali korrispondenti fil-Lussemburgu, f’anness għad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà adottata fit‑22 ta’ Frar 2017 li tispeċifika l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont ta’ riferiment għal kull membru tal-persunal u tal-minimu soċjali korrispondenti fil-Lussemburgu għall-finijiet tal-paragun previst mid-deċiżjoni tal‑2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2017”).

6

Fl‑1 ta’ Jannar 2024, il-minimu soċjali Lussemburgiż irċevut minn ħaddiem ikkwalifikat li għandu iktar minn 18‑il sena kien jammonta għal EUR 3 085.11 gross fix-xahar għal xogħol full-time (jiġifieri 40 siegħa fil-ġimgħa). Ir-rendikont tar-remunerazzjoni inkwistjoni jsemmi, min-naħa tiegħu, “salarju ta’ riferiment” ta’ EUR 2 749.58.

7

Peress li qieset li hija kellha tibbenefika mill-għajnuna soċjali, ir-rikorrenti, fl‑10 ta’ Lulju 2024, ressqet ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-finijiet tal-annullament tar-rendikont tar-remunerazzjoni.

8

Peress li ebda risposta espliċita ma ngħatat fit-terminu ta’ erba’ xhur wara t-tressiq tal-ilment tar-rikorrenti, fl‑10 ta’ Novembru 2024 irriżultat deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda”).

9

Minkejja diversi skambji mal-Kummissjoni li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti talbet risposta espliċita minn din l-istituzzjoni, deċiżjoni espliċita li tikkonferma ċ-ċaħda tal-ilment tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni espliċita”) ittieħdet biss fid‑19 ta’ Frar 2025, jiġifieri l-ġurnata li fiha ġie ppreżentat dan ir-rikors, u ġiet ikkomunikata lilha biss l-għada.

It-talbiet tal-partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla r-rendikont tar-remunerazzjoni u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ euro simboliku għad-dannu morali li hija tqis li ġarrbet;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq il-bażi legali tar-rikors

12

Fl-ewwel paġna tar-rikors hemm l-indikazzjoni li dan tal-aħħar huwa ppreżentat “[f]uq il-bażi tal-Artikoli 263, 268 u 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”.

13

Fit-test tar-rikors, ir-rikorrenti tirreferi espressament, diversi drabi, għall-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimplimentaw l-Artikolu 270 TFUE (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX-II, EU:C:2015:588, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hija segwiet il-proċeduri previsti fl-imsemmija artikoli, f’dak li jirrigwarda kemm it-tressiq ta’ lment minn qabel kif ukoll l-osservanza tad-diversi termini stabbiliti.

14

Mistoqsija dwar il-bażi legali tar-rikors tagħha permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad‑29 ta’ Ottubru 2025, ir-rikorrenti tikkonferma li dan tal-aħħar għandu jitqies li ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE. Barra minn hekk, huwa fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu li l-Kummissjoni ttrattat ir-rikors “minħabba l-kontenut sostantiv tar-rikors”.

15

Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jitqies li ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE.

Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq is-suġġett tal-kawża sa fejn jirrigwarda t-talbiet għal annullament

16

Ir-rikorrenti tressaq ir-rikors tagħha kemm kontra r-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha kif ukoll kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

17

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk formalment ikun dirett kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jadixxi lill-qorti bl-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu jkun sar l-ilment ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment tkun ta’ portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu dan l-ilment ikun sar (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, WH vs EUIPO, T‑138/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:316, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

F’dan il-każ, id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda kkonfermat ir-rendikont tar-remunerazzjoni kkontestat mir-rikorrenti. It-talbiet għal annullament tar-rikorrenti diretti kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda huma għalhekk nieqsa minn kontenut awtonomu u, għalhekk, għandhom jitqiesu li huma formalment diretti kontra r-rendikont tar-remunerazzjoni.

Fuq il-motiv, invokat ex officio, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

19

Kif ġie indikat fil-punt 9 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors kontra r-rendikont tar-remunerazzjoni permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2025.

20

Kien ukoll fid‑19 ta’ Frar 2025 li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni espliċita li tindika, għall-ewwel darba, ir-raġunijiet li għalihom ir-rendikont tar-remunerazzjoni ma kienx jipprevedi l-ħlas tal-għajnuna soċjali. Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti biss l-għada.

21

Hija ġurisprudenza stabbilita li nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti jaqgħu taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Simpson vs Il‑Kunsill, T‑646/16 P RENV-RX, mhux ippubblikata, EU:T:2021:692, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

L-obbligu ta’ motivazzjoni huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE u previst fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-uffiċjali, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u, fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda wara lment, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

23

Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-għan li, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tingħata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni u tal-opportunità li tippreżenta rikors ġudizzjarju intiż sabiex tikkontesta l-legalità tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Mavromichalis vs Il‑Kummissjoni, T‑263/01, EU:T:2002:194, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni hija partikolarment importanti, sa fejn tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Il‑Kummissjoni vs Italja u Spanja, C‑635/20 P, EU:C:2023:98, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Il-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollu d-destinatarju li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, PKK vs Il‑Kunsill, C‑72/23 P, EU:C:2025:182, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għalkemm huwa minnu li l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex, b’mod ġenerali, obbligata twieġeb għal ilment, is-sitwazzjoni hija differenti meta d-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ dan l-ilment ma tkunx motivata. Il-motivazzjoni għandha tingħata mhux iktar tard miċ-ċaħda tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Mavromichalis vs Il‑Kummissjoni, T‑263/01, EU:T:2002:194, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Assenza totali ta’ motivazzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors ma tistax tkun irrimedjata minn spjegazzjonijiet ipprovduti mill-Awtorità tal-Ħatra wara l-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, EU:C:2004:555, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), bir-riskju li joskura t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, idgħajjef l-istħarriġ tal-legalità u jikkomprometti l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 58). Fil-fatt, f’dan l-istadju, tali spjegazzjonijiet ma jissodisfawx iktar il-funzjoni doppja tagħhom, imfakkra fil-punt 23 iktar ’il fuq.

27

Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi rregolarizzata l-assenza totali ta’ motivazzjoni, wara li jkun ġie ppreżentat rikors, tippreġudika d-drittijiet tad-difiża peress li r-rikorrent ma jkollux il-possibbiltà li jinvoka l-motivi tiegħu kontra l-motivazzjoni peress li jsir jaf biha biss wara l-preżentata tar-rikors. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun għalhekk affettwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il‑Parlament, F‑81/07, EU:F:2008:125, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2012, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑126/11 P, EU:T:2012:115, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jingħad ukoll li, f’każ ta’ ċaħda impliċita, u għaldaqstant mhux motivata, ta’ lment imressaq kontra deċiżjoni nieqsa minn motivazzjoni, huwa l-aġir tal-amministrazzjoni li jikkontribwixxi b’mod determinanti għall-ħolqien tat-tilwima sa fejn, fl-assenza ta’ reazzjoni għall-ilment tagħha fit-termini stabbiliti bl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna kkonċernata tkun kostretta tadixxi lill-Qorti Ġenerali sabiex tikseb motivazzjoni debita tad-deċiżjoni adottata fir-rigward tagħha. Dan huwa iktar u iktar lamentabbli peress li l-osservanza mill-amministrazzjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni matul il-fażi prekontenzjuża għandha l-għan li tippermetti lill-persuna kkonċernata tifhem il-portata tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha u, skont il-każ, tista’ tikkonvinċiha mill-fondatezza tagħha u, għaldaqstant, li ma tressaqx proċeduri legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 34, u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Paraskevaidis vs Cedefop, T‑601/16, EU:T:2017:757, punt 42).

29

F’dan il-każ, ir-rendikont tar-remunerazzjoni huwa, min-natura tiegħu stess, nieqes minn kull motivazzjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunika r-risposta tagħha għall-ilment tar-rikorrenti fit-terminu stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal, li huwa ekwivalenti għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

30

Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, f’diversi skambji ta’ posta elettronika bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, din tal-aħħar iddikjarat li, “[g]ħal raġunijiet eċċezzjonali, l-[awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ] ma [kinitx] f’pożizzjoni li twieġeb għall-ilment”, iżda li, “[p]eress li din [kienet] intrabtet li tagħmel dan, [ir-rikorrenti] [kienet] tirċievi risposta qabel id‑19 ta’ Frar”, jiġifieri l-jum ta’ qabel it-terminu li kellha r-rikorrenti sabiex tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, għandu jiġi kkonstatat li minkejja dan l-impenn, il-Kummissjoni adottat tali deċiżjoni biss fid‑19 ta’ Frar 2025 fil‑23:10.

31

Huwa evidenti li l-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita f’ħin daqshekk tard fid‑19 ta’ Frar 2025, minkejja li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kien jiskadi l-għada u li l-Kummissjoni kienet espressament obbligat ruħha li tibgħat risposta qabel din id-data, ġiegħlet lir-rikorrenti, fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni mill-amministrazzjoni, tippreżenta r-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali kontra r-rendikont tar-remunerazzjoni u d-deċiżjoni impliċita, li kienu t-tnejn nieqsa minn kull motivazzjoni.

32

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ hija awtorizzata tadotta deċiżjoni motivata b’risposta għall-ilment matul it-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, din il-possibbiltà hija offruta biss sakemm ir-rikorrent ma jkunx ippreżenta rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Mavromichalis vs Il‑Kummissjoni, T‑263/01, EU:T:2002:194, punt 27, u tat‑12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, EU:T:1992:12, punt 40).

33

L-attitudni tal-Kummissjoni hija iktar u iktar lamentabbli peress li kien biżżejjed, f’dan il-każ, li hija tibgħat lill-persuna kkonċernata sempliċi ritratt tal-iskrin tas-simulazzjonijiet imwettqa bl-għajnuna tal-għodod informatiċi tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’, minn naħa, tiżgura ruħha li l-eżerċizzju ta’ paragun imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq kien effettivament twettaq u, min-naħa l-oħra, tkun taf u tifhem l-ammonti ta’ riferiment użati għal dan l-eżerċizzju.

34

F’dan ir-rigward, billi wettqet, fil-kuntest ta’ tweġiba espliċita għall-ilment, wieħed mill-obbligi l-iktar bażiċi tagħha fir-rigward tal-membru tal-persunal bil-kuntratt ġdid tagħha, reċentement irreklutat, il-Kummissjoni kellha wkoll l-okkażjoni tivverifika, fi stadju prekontenzjuż, il-konformità tad-deċiżjoni tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

35

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, b’tali mod li r-rendikont tar-remunerazzjoni għandu jiġi annullat, ipso jure.

36

Madankollu, għandu jitfakkar li ġie deċiż li r-rikorrent ma kienx għad għandu interess li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata meta, minħabba l-kompetenza limitata tagħha, l-amministrazzjoni kien ikollha tadotta deċiżjoni ġdida identika fil-mertu għad-deċiżjoni kkontestata li kieku din tal-aħħar kienet ġiet annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il‑Kummissjoni, 117/81, EU:C:1983:191, punt 7; tat‑18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il‑Parlament, T‑43/90, EU:T:1992:120, punt 54, u tal‑20 ta’ Settembru 2000, Orthmann vs Il‑Kummissjoni, T‑261/97, EU:T:2000:212, punt 33).

37

Madankollu, jidher li d-difetti inkwistjoni fil-kawżi msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq ma kinux ta’ natura li jaffettwaw ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li ma kinux iċaħħdu lir-rikorrent mill-possibbiltà li jifhem il-kriterju li ma kienx issodisfa u, konsegwentement, id-deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jistaqsi dwar il-kompetenza limitata tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minnha fuq l-eżitu ta’ dan ir-rikors.

39

L-għajnuna soċjali ġiet stabbilita permezz tad-deċiżjoni tal‑2015 u, kif tfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-remunerazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati ġew stabbiliti mid-deċiżjoni tal‑2017, li tapplika biss għall-membri tal-persunal tal-Kummissjoni.

40

Id-deċiżjonijiet tal‑2015 u tal‑2017 jipprovdu li l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u tal-familja tal-membru tal-persunal u jelenkaw, preċiżament, fl-anness għad-deċiżjoni tal‑2017, kull wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont ta’ riferiment għal kull membru tal-persunal u tal-minimu soċjali korrispondenti fil-Lussemburgu.

41

Għalhekk, fid-dawl tan-natura eżawrjenti tal-lista msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex, f’dan il-każ, setgħa diskrezzjonali, iżda kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, peress li hija kienet obbligata tagħti l-għajnuna soċjali meta s-salarju nett ta’ membru tal-persunal full-time kien inqas mir-remunerazzjoni ta’ impjegat ikkwalifikat imqiegħed fil-livell minimu soċjali fil-Lussemburgu, u li ma tagħtihiex fil-każ kuntrarju.

42

Xorta jibqa’ l-fatt li din il-kawża għandha bħala partikolarità l-multipliċità taċ-ċifri li għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mir-remunerazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ paragun imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq, li ma kienx jippermetti lir-rikorrenti twettaq hija stess, b’ċertezza suffiċjenti, il-kalkolu neċessarju sabiex tifhem u tivverifika l-ineliġibbiltà tagħha għad-dritt għall-għajnuna soċjali. Fil-fatt, ma jistgħux jiġu injorati d-diffikultajiet li membru tal-persunal, a fortiori meta jidħol fil-funzjonijiet tiegħu bħar-rikorrenti, jista’ jaffaċċja meta jirċievi l-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu sabiex jikkalkola b’eżattezza mhux biss is-salarju nett full-time li huwa intitolat għalih, iżda wkoll ir-remunerazzjoni, purament ipotetika, li huwa kien jirċievi li kieku kien impjegat taħt id-dritt Lussemburgiż.

43

Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, għad-determinazzjoni taż-żewġ remunerazzjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżerċizzju ta’ paragun imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal‑2017 ma tillimitax ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni r-remunerazzjonijiet grossi, iżda tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi imposti fiskali, kontribuzzjonijiet soċjali (mard, xjuħija, dipendenza) u allowances (tal-familja, speċjali addizzjonali, dħul skolastiku, eċċ.) applikabbli kemm għall-Kummissjoni, kif ukoll fil-Lussemburgu.

44

Ċertament, uffiċjal li jibbenefika, jew li jqis li għandu jibbenefika, minn vantaġġ finanzjarju għandu jagħmel ċertu sforz ta’ riflessjoni u ta’ kontroll fir-rigward tal-ħlas li jibbenefika minnu jew li għandu l-intenzjoni li jibbenefika minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2023, AL vs Il‑Kummissjoni, T‑714/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:282, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ, dan huwa preċiżament dak li r-rikorrenti wettqet inutilment permezz tal-ilment tagħha abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-motivazzjoni tat-tweġiba għal dan l-ilment kienet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, indispensabbli sabiex tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqieset bħala mhux eliġibbli għall-għajnuna soċjali.

46

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza totali ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti ma tqegħditx f’pożizzjoni li tiżgura ruħha, qabel kollox li l-amministrazzjoni kienet effettivament wettqet l-eżerċizzju ta’ paragun imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq, imbagħad, li l-kalkoli li dan kien jinkludi kienu korretti u, fl-aħħar nett, tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal‑2015 u tal‑2017, li hija setgħet teċċepixxi l-illegalità tagħhom.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-membru tal-persunal jista’ jikkontesta biss ir-rendikont tar-remunerazzjoni li jirrifletti, għall-ewwel darba, it-teħid ta’ pożizzjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-allowance kontenzjuża, sa fejn ir-rendikonti tar-remunerazzjoni sussegwenti jikkostitwixxu atti purament konfermattivi tal-imsemmija teħid ta’ pożizzjoni u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Arango Jaramillo et vs BEI, T‑487/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:66, punti 38 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, min-naħa l-oħra, li, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, ma kienx ċert li r-rikorrenti setgħet tressaq, għall-ewwel darba, argumenti ġodda fl-istadju tar-replika tagħha, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ma kinitx sodisfaċenti fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 26 u 28 iktar ’il fuq.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-eżerċizzju ta’ paragun kien, kif ġie rrilevat fil-punt 42 iktar ’il fuq, ta’ kumplessità tali li r-rikorrenti ma setgħetx tifhem id-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha, id-difett ibbażat fuq l-assenza totali ta’ motivazzjoni seta’ kellu, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, konsegwenzi fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv.

49

Fil-fatt, kieku r-rikorrenti kienet kisbet fi żmien xieraq motivazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas tal-għajnuna soċjali, hija kienet tkun f’pożizzjoni mhux biss li tifhem id-deċiżjoni li ma tingħatax l-għajnuna soċjali, iżda wkoll li tevalwa kemm l-opportunità li tippreżenta rikors ġudizzjarju – speċifikament kontra l-persuna li timpjegaha l-ġdida – kif ukoll ir-rilevanza tal-motivi, inklużi l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, li setgħu jitqajmu insostenn ta’ dan tal-aħħar.

50

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

Fuq it-talbiet għad-danni

51

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ euro simboliku għad-dannu morali li hija tqis li ġarrbet.

52

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali li ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2019, FV vs Il‑Kunsill, C‑188/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:690, punt 26, u s-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Correia vs CESE, T‑843/19, EU:T:2021:221, punt 86).

53

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li d-dannu morali allegat ma setax jiġi kkumpensat kompletament permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu jitqies li jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali allegat.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

56

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet it-talbiet tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rendikont tar-remunerazzjoni ta’ Asma Gharbi stabbilit għax-xahar ta’ Mejju 2024 huwa annullat.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Kowalik-Bańczyk

Reine

da Silva Passos

Cassagnabère

Pavelin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Ġunju 2026.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.