SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)
1 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2015/1222 – Regolament (UE) 2019/943 – Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju transżonali ta’ depożitu tal-offerti u ġestjoni tal-konġestjoni – Determinazzjoni tal-metodoloġiji reġjonali komuni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata – Proposti tal-ġestjonarji ta’ networks ta’ trażmissjoni tar-reġjun għall-kalkolu tal-kapaċità CORE – Elementi kritiċi ta’ network interni – Effiċjenza ekonomika – Fattur ta’ distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija – Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER”
Fil-Kawżi T‑600/23 u T‑612/23,
Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA), stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Karpenstein u K. Reiter, avukati,
rikorrenti fil-Kawża T‑600/23,
Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen, avocat,
rikorrenti fil-Kawża T‑612/23,
vs
L‑Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall‑Kooperazzjoni tar‑Regolaturi tal‑Enerġija(ACER), irrappreżentata minn P. Martinet, E. Tremmel u M. Povh, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u T. Scharf, bħala aġenti,
intervenjenti fil-Kawża T‑612/23,
IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, P. Škvařilová‑Pelzl (Relatriċi), I. Nõmm, D. Kukovec u R. Meyer, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta komuni tal‑4 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni A‑003‑2019_R tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tas‑7 ta’ Lulju 2023, ippubblikata fuq is-sit internet ta’ din tal-aħħar fis‑26 ta’ Lulju 2023 (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), ippreveda, fl-Artikolu 18(5) tiegħu, li l-Kummissjoni Ewropea setgħet tadotta linji gwida dwar, b’mod partikolari, il-paragrafu 3(d) tal-imsemmi artikolu. Dawn kienu jinkludu, b’riferiment għall-Artikolu 8(6)(g) tal-istess regolament, regoli għall-attribuzzjoni tal-kapaċitajiet u għall-ġestjoni tal-konġestjoni. |
|
3 |
Abbażi tal-Artikolu 18(3)(b) u (5) tar-Regolament Nru 714/2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24). Dan kien jistabbilixxi serje ta’ rekwiżiti relatati mal-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju transżonali ta’ depożitu tal-offerti (iktar ’il quddiem iż-“żoni”) u mal-ġestjoni tal-konġestjoni fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata fis-settur tal-elettriku. Dawn ir-rekwiżiti kienu jinkludu, b’mod partikolari, id-determinazzjoni ta’ metodoloġiji komuni relatati mal-kalkolu tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata ta’ skambju transżonali (iktar ’il quddiem il-“kalkolu tal-kapaċità”) f’kull wieħed mir-reġjuni ta’ kalkolu tal-imsemmija kapaċità, skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3, bit-titolu “Metodoloġiji tal-kalkolu tal-kapaċità”, tal-Kapitolu 1 tat-Titolu II tar-Regolament 2015/1222. L-Artikolu 20, li jinsab f’din it-taqsima, kien jistabbilixxi r-regoli dwar l-introduzzjoni ta’ metodoloġiji għall-kalkolu tal-kapaċità skont “approċċ abbażi tal-fluss”. Skont il-punt 9 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1222, tali approċċ jista’ jiġi ddefinit bħala “il-metodu tal-kalkolu tal-kapaċità li fih l-iskambji tal-enerġija bejn iż-żoni […] huma limitati minn fatturi ta’ distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija u marġni disponibbli fuq elementi kritiċi tan-netwerk”. Ir-reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità li jinkludi l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja (iktar ’il quddiem ir-“Reġjun CORE”) isegwi approċċ abbażi tal-fluss. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2015/1222, il-ġestjonarji ta’ networks ta’ trażmissjoni (iktar ’il quddiem il-“ĠNT”) ta’ kull reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità kellhom jadottaw proposti għall-metodoloġiji għall-kalkolu tal-kapaċità fir-reġjun rispettiv tagħhom u jissottomettuhom lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom (iktar ’il quddiem l-“ARN”) ikkonċernati għall-approvazzjoni. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 9(10) u (12) tar-Regolament 2015/1222, l-ARN ikkonċernati kellhom sussegwentement jippruvaw jilħqu ftehim u jieħdu deċiżjoni dwar il-proposti tal-ĠNT jew, jekk ikun il-każ, dwar verżjoni emendata minn dawn tal-aħħar, bi tweġiba għal talba tal-imsemmija ARN. Skont l-Artikolu 9(11) u (12) tar-Regolament 2015/1222, meta l-ARN ikkonċernati ma kinux jaslu għal tali ftehim, l-ACER kellha tiddeċiedi dwar il-proposti tal-ĠNT jew dwar il-verżjoni emendata tagħhom, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1). |
|
6 |
Fil‑15 ta’ Settembru 2017, il-ĠNT tar-reġjun CORE ssottomettew lill-ARN tal-imsemmi reġjun, għal approvazzjoni, proposti għal metodoloġiji reġjonali komuni għall-kalkolu tal-kapaċità fir-reġjun tagħhom. |
|
7 |
Peress li l-ARN tar-reġjun CORE ma waslux għal ftehim dwar dawn il-proposti għal metodoloġiji, tressqet kawża quddiem l-ACER. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 02/2019, tal‑21 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), hija adottat verżjonijiet emendati tal-metodoloġiji reġjonali komuni għall-kalkolu tal-kapaċità għar-reġjun CORE, kif riprodotti fl-Annessi I u II ta’ din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“metodoloġiji kontenzjużi”). |
|
8 |
Fit‑23 ta’ April 2019, BNetzA, fil-kwalità ta’ ARN kompetenti fil-Ġermanja, appellat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER mid-deċiżjoni inizjali. Dan l-appell kien ibbażat fuq l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009. |
|
9 |
Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, li ġie rreġistrat bin-numru T‑283/19. |
|
10 |
Fil‑5 ta’ Ġunju 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54). Dan wassal, skont il-premessa 1 tiegħu, għar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 714/2009 u wassal, konformement mal-Artikolu 70 tiegħu, għat-tħassir ta’ dan l-aħħar regolament. Ir-Regolament 2019/943 ġie ppubblikat fl‑14 ta’ Ġunju 2019 u dan daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Lulju 2019, konformement mal-Artikolu 71(1) tiegħu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament 2019/943, dan ir-regolament kellu bħala prinċipju japplika mill‑1 ta’ Jannar 2020. Madankollu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tiegħu, b’eċċezzjoni, l-Artikoli 14 u 15 tiegħu kellhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. L-istess kien japplika għall-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/943, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(7) u tal-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-regolament. |
|
11 |
Permezz tad-Deċiżjoni A‑003–2019 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, tal‑11 ta’ Lulju 2019, l-appell ippreżentat minn BNetzA kontra d-deċiżjoni inizjali ġie miċħud bħala infondat. |
|
12 |
Fil‑21 ta’ Settembru 2019, BNetzA ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, minn naħa, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, għall-annullament tad-Deċiżjoni A‑003‑2019, li ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑631/19. |
|
13 |
Permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER (T‑631/19, EU:T:2022:509), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni A-003–2019 u ċaħdet, għall-kumplament, ir-rikors ippreżentat minn BNetzA bħala inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali bbażat l-annullament tagħha tal-imsemmija deċiżjoni fuq il-motiv li, fiha, il-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta ma vverifikax jekk il-metodoloġiji kontenzjużi kinux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 li kienu ġew speċifikament invokati minn BNetzA fl-appell tagħha quddiem l-imsemmi bord, sa fejn dawn kienu diġà applikabbli (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). |
|
14 |
Wara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER (T‑631/19, EU:T:2022:509), il-Bord tal-Appell tal-ACER, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonferma d-deċiżjoni inizjali, billi osserva b’mod partikolari li l-metodoloġiji kontenzjużi kienu konformi mal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943. |
|
15 |
L-Artikolu 5(8) tal-metodoloġiji kontenzjużi, moqri fid-dawl tal-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, jipprevedi li l-proposta għal lista tal-elementi kritiċi ta’ network (iktar ’il quddiem iċ-“CNE”) interni (u l-kontinġenzi tagħhom) sottomessa mill-ĠNT tar-reġjun CORE skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu, li tista’ tiġi aġġornata kull sentejn, għandha tinkludi mill-inqas:
|
|
16 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(8) tal-metodoloġiji kontenzjużi jippreċiża li, qabel ma jwettqu l-analiżi prevista fil-punt (c), il-ĠNT tar-reġjun CORE għandhom jikkoordinaw flimkien mal-ARN ta’ dan ir-reġjun u għandhom jikkonsultaw ma’ dawn tal-aħħar dwar il-metodoloġija, l-ipoteżijiet u l-kriterji għal din l-analiżi. |
|
17 |
Konformement mal-Artikolu 5(9) tal-metodoloġiji kontenzjużi, il-proposti għal listi taċ-CNE interni (u l-kontinġenzi tagħhom) sottomessi mill-ĠNT tar-reġjun CORE għandhom juru wkoll li dawn tal-aħħar studjaw b’mod diliġenti s-soluzzjonijiet l-oħra msemmija fil-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu, suffiċjentement minn qabel, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu ta’ implimentazzjoni mogħti lilhom, b’mod li dawn is-soluzzjonijiet ikunu jistgħu jiġu applikati jew implimentati fil-mument li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ARN ta’ dan ir-reġjun dwar dawn il-proposti. |
It-talbiet tal-partijiet
|
18 |
Fil-Kawża T‑600/23, BNetzA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
19 |
Fil-Kawża T‑612/23, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
20 |
L-ACER titlob essenzjalment, fil-Kawża T‑600/23 u, billi hija sostnuta mill-Kummissjoni, fil-Kawża T‑612/23, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
21 |
Wara li nstemgħu l-partijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi T‑600/23 u T‑612/23 għall-finijiet ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
Fuq is-suġġett tal-kawża
|
22 |
Minn qari globali tar-rikors fil-Kawża T‑600/23 jirriżulta li, f’dan ir-rikors u bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-Kawża T‑612/23, BNetzA qiegħda titlob biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tadotta l-Artikolu 5(8)(b) u (c), u (9) tal-metodoloġiji kontenzjużi, li jimponi fuq il-ĠNT tar-reġjun CORE ċerti rekwiżiti li għandhom jiġu osservati meta huma jipproponu li element ta’ network intern u l-kontinġenzi tiegħu jiġu inklużi fil-lista taċ-CNE u tal-kontinġenzi li għandhom jiġu inklużi, bħala data tal-input, fil-kalkolu tal-kapaċità (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet kontenzjużi”). |
|
23 |
Fil-fatt, mill-punt 5 tar-rikors fil-Kawża T‑600/23 jirriżulta li “[i] ir-rikors huwa intiż kontra element partikolari tad-deċiżjoni [inizjali]: il-mekkaniżmu impost mill-Artikolu 5(5) sa (9) ta’ [din l-aħħar] deċiżjoni”, sa fejn “BNetzA tqis li dan il-mekkaniżmu huwa illegali, peress li jirrendi impossibbli, jew tal-inqas iktar diffiċli minn dak li tipprevedi l-liġi, l-applikazzjoni tal-kalkolu tal-kapaċità għall-elementi ta’ network interni”. Barra minn hekk, mill-punti 13 u 14 ta’ dan ir-rikors, li jinsabu taħt it-titolu “Suġġett tar-rikors”, jirriżulta li, għalkemm BNetzA qiegħda titlob formalment “l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata”, dan huwa bil-preċiżazzjoni li “[i]l-motiv ta’ dritt imqajjem […] jirrigwarda l-mekkaniżmu impost mill-Artikolu 5(5) sa (9) tad-deċiżjoni [inizjali] kkonfermat mid-deċiżjoni kkontestata”. B’mod partikolari, fil-punt 14 tar-rikors, BNetzA tindika li “[l]-ebda motiv ta’ dritt ma huwa intiż kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonferma d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-deċiżjoni [inizjali] li kienu s-suġġett tal-appell [tagħha] […] quddiem il-Bord tal-Appell” u li, għalkemm “[hija] tibqa’ tal-opinjoni li dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra huma illegali”, “[h] ija madankollu tastjeni milli tattakkahom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, fin-nuqqas ta’ interess prattiku”. Il-parti tar-rikors intitolata “Sommarju tal-motiv ta’ dritt” tikkonferma wkoll li l-argumenti kollha ta’ BNetzA huma intiżi kontra l- “mekkaniżmu impost mill-Artikolu 5(5) sa (9) tad-deċiżjoni [inizjali]”. |
|
24 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li kemm ir-rikors fil-Kawża T‑600/23 kif ukoll dak fil-Kawża T‑612/23 għandhom bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tadotta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi. |
Fuq il-mertu
|
25 |
Insostenn tar-rikors tagħha, BNetzA tqajjem motiv uniku, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, sa fejn l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli adottata mill-Bord tal-Appell fid-dispożizzjonijiet kontenzjużi tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-imsemmija artikoli kif ukoll ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni u ma’ diversi prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 194 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju li l-elementi essenzjali huma rriżervati għal-leġiżlatur, il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju li “ħadd ma huwa obbligat jagħmel l-impossibbli” u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
26 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem ħames motivi. L-ewwel motiv, imqajjem prinċipalment, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222. Il-motivi segwenti, imqajma sussidjarjament, huma bbażati, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 32 sa 34, tal-Artikolu 25 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 21(2)(a) u tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat‑2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU 2017, L 220, p. 1), ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, il-ħames wieħed, fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-ACER u fuq ksur tar-rekwiżiti formali li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 1, p. 3), kif emendat. |
|
27 |
BNetzA, fil-kuntest tal-motiv uniku tagħha, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-kuntest tal-ewwel motiv, isostnu li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata, mill-Bord tal-Appell, tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, li tgħid li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprekludux li, meta ĠNT jipproponi l-inklużjoni ta’ element ta’ network intern (u l-kontinġenzi tiegħu) fil-lista taċ-CNE interni (u l-kontinġenzi tagħhom) meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità, huwa għandu, minn naħa u skont il-kriterju ta’ effiċjenza ekonomika stabbilit fl-Artikolu 5(8)(c) tal-metodoloġiji kontenzjużi (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ effiċjenza ekonomika”), juri li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi element f’dan il-kalkolu huwa l-iktar soluzzjoni ekonomikament effiċjenti sabiex jiġu rrimedjati l-konġestjonijiet fuq dan l-element, fid-dawl tas-soluzzjonijiet l-oħra disponibbli, bħall-applikazzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi, il-konfigurazzjoni mill-ġdid taż-żoni jew tal-investimenti fl-infrastruttura tan-network, u, min-naħa l-oħra, jipprovdi studju tal-effett taż-żieda tal-limitu ta’ inklużjoni għal 10 % jew iktar (iktar ’il quddiem l-“interpretazzjoni kontenzjuża”). |
|
28 |
Skont BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-interpretazzjoni kontenzjuża ma hijiex kompatibbli ma’ interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, minn fejn jirriżulta b’mod ċar li l-kalkolu tal-kapaċità għandu jinkludi l-elementi kollha ta’ network interni (u l-kontinġenzi tagħhom) influwenzati mill-iskambji transżonali indipendentement mill-fatt dwar jekk dawn l-elementi humiex strutturalment ikkonġestjonati jew le. |
|
29 |
F’dan ir-rigward u preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5(8) tal-metodoloġiji kontenzjużi jimponi li l-proposta għal lista taċ-CNE interni (u tal-kontinġenzi tagħhom) li l-ĠNT tar-reġjun CORE għandhom jissottomettu, għall-approvazzjoni, lill-ARN ta’ dan l-istess reġjun jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn dawn tal-aħħar jew fuq talba konġunta tagħhom, lill-ACER, għandha tinkludi, minbarra l-lista taċ-CNE interni proposti li l-fattur ta’ distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija (power transfer distribution factor, iktar ’il quddiem il-PTDF”) assoċjat tagħhom huwa ugwali għal jew ogħla minn 5 % [Artikolu 5(8)(a)), studju tal-effett taż-żieda tal-limitu ta’ inklużjoni għal 10 % jew iktar (Artikolu 5(8)(b)) u analiżi tal-iktar soluzzjoni ekonomikament effiċjenti sabiex jiġu rrimedjati l-konġestjonijiet (Artikolu 5(8)(c)). Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 5(9) tal-metodoloġiji kontenzjużi jimponi essenzjalment fuq il-ĠNT l-obbligu li juru, meta jissottomettu l-proposta inkwistjoni, li huma studjaw b’diliġenza s-soluzzjonijiet alternattivi msemmija fil-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu suffiċjentement minn qabel, b’mod li dawn ikunu jistgħu jiġu applikati jew implimentati fil-mument li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ARN ta’ dan ir-reġjun dwar din il-proposta. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ element ta’ network intern fil-lista taċ-CNE interni (u l-kontinġenzi tagħhom) li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jimponu fuq il-ĠNT rekwiżiti (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżiti kontenzjużi”) li jmorru lil hinn mill-komunikazzjoni tal-lista taċ-CNE interni (u l-kontinġenzi tagħhom) li josservaw il-kriterju tal-PTDF, imsemmi fl-Artikolu 5(8)(a) tal-imsemmija metodoloġiji. |
|
30 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14 tar-Regolament 2019/943 jistabbilixxi r-regoli dwar ir-reviżjoni taż-żoni ta’ depożiti tal-offerti, sabiex jiġi evitat li dawn ikun fihom konġestjonijiet strutturali u fit-tul tan-network ta’ trażmissjoni. L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jirregola l-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jkollhom konġestjonijiet strutturali identifikati fin-networks tagħhom li jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni, b’kooperazzjoni mal-ARN tagħhom, sabiex huma jilħqu, progressivament u sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2025, il-livelli minimi ta’ kapaċità li l-ĠNT għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-iskambji transżonali. L-Artikolu 16 ta’ dan l-istess regolament jirregola dawn il-livelli minimi ta’ kapaċità, billi jipprevedi, b’mod partikolari li, meta jintuża l-approċċ abbażi tal-fluss, din il-kapaċità minima, jiġifieri 70 %, tiddetermina s-sehem minimu tal-kapaċità ta’ CNE transżonali jew intern li josserva l-limiti ta’ sigurtà operattiva li għandu jintuża għall-kalkolu kkoordinat tal-kapaċità taħt ir-Regolament 2015/1222, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontinġenzi. Is-sehem ta’ kapaċità li jifdal, jiġifieri 30 %, jista’ jintuża għall-marġnijiet ta’ affidabbiltà, għall-flussi ta’ enerġija paralleli (loop flows) u għall-flussi interni. |
|
31 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222 jipprovdi li l-persuna responsabbli mill-kalkolu kkoordinat tal-kapaċità għandha tinjora, għall-finijiet tal-imsemmi kalkolu, iċ-CNE li ma jkunux influwenzati b’mod sinjifikattiv mill-iskambji transżonali. |
|
32 |
Dan premess, għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif isostnu essenzjalment BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-interpretazzjoni kontenzjuża tiksirx l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u l-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, billi tippermetti lill-ACER tintroduċi, fil-metodoloġiji kontenzjużi, ir-rekwiżiti kontenzjużi. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li din tkun tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind, C‑46/21 P, EU:C:2023:182, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 2019/943 u 2015/1222 jirriżultax li l-ACER setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tintroduċi r-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi. |
|
35 |
BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu essenzjalment li xejn fil-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 2019/943 u 2015/1222 ma jippermetti li t-teħid inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità ta’ element ta’ network intern influwenzat b’mod sinjifikattiv mill-iskambji transżonali jkun suġġett għat-twettiq ta’ analiżi tal-effiċjenza ekonomika u ta’ studju tal-effett taż-żieda tal-limitu ta’ inklużjoni. |
|
36 |
L-ACER tikkontesta li r-rekwiżiti kontenzjużi huma inkompatibbli ma’ interpretazzjoni letterali tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt 69 tiegħu, li, CNE tfisser “element ta’ netwerk fi ħdan żona […] jew bejn iż-żoni […] meħuda f’kunsiderazzjoni fil-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità, b’tali mod li jiġi llimitat l-ammont ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata [transżonalment]”. Hekk kif josservaw ġustament BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn din id-definizzjoni ma jirriżultax li, fil-kuntest tar-Regolament 2019/943, rekwiżiti dwar il-klassifikazzjoni tal-elementi ta’ network interni (u l-kontinġenzi tagħhom) minbarra r-rekwiżit tal-influwenza sinjifikattiva mill-iskambji transżonali jistgħu jiġu introdotti fil-metodoloġiji kontenzjużi u jwasslu għaldaqstant sabiex ċerti elementi li jillimitaw b’mod sinjifikattiv l-iskambji transżonali, minħabba l-konġestjonijiet strutturali li jinfluwenzaw lil dawn tal-aħħar, ma jitqisux li huma kritiċi u jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kapaċità kif ukoll mill-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kalkolu ta’ din il-kapaċità. |
|
38 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 16(4) tar-Regolament 2019/943 jikkonferma li l-livell massimu ta’ kapaċità ta’ skambju transżonali li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-atturi tas-suq jikkonċerna, minbarra l-“interkonnessjonijiet”, in-“netwerks ta’ trażmissjoni influwenzati mill-kapaċità transkonfinali”, jiġifieri l-elementi kollha ta’ network interni li għandhom effett sinjifikattiv fuq l-imsemmija kapaċità u li jistgħu għalhekk jillimitawha. |
|
39 |
It-tieni nett, din l-interpretazzjoni tar-Regolament 2019/943 hija kkorroborata mill-kontenut tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, li jipprovdi li “[m]eta jikkalkula l-kapaċità transżonali, kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu […] jinjora dawk l-elementi kruċjali tan-netwerk li mhumiex influwenzati b’mod sinifikanti mill-bidliet fil-pożizzjonijiet netti fiż-żona tal-offerti skont il-metodoloġija [għall-kalkolu tal-kapaċità]”. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, il-kalkolu tal-PTDF huwa għodda matematika użata sabiex titkejjel l-influwenza eżerċitata fuq iċ-CNE mill-iskambji transżonali fil-kuntest tal-approċċ abbażi tal-flus, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 9 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, mill-Artikolu 21(1)(b)(v) u mill-Artikolu 29(7)(b), (c) u (f) tar-Regolament 2015/1222. Il-punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal‑14 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 714/2009 (ĠU 2013, L 163, p. 1), jiddefinixxi l-PTDF bħala rappreżentazzjoni tal-fluss fiżiku fuq CNE li jirriżulta mill-varjazzjoni tal-pożizzjoni netta ta’ żona. Hekk kif irrikonoxxiet l-ACER waqt is-seduta u hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5(7) u mill-Artikolu 5 (8)(a) tal-metodoloġiji kontenzjużi, il-Bord tal-Appell aċċetta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-proposta tal-ĠNT li jitqies li element ta’ network intern li l-PTDF tiegħu kien inqas minn 5 % ma kienx jissodisfa l-kriterju tal-influwenza sinjifikattiva mill-iskambji transżonali. |
|
41 |
Minn dan isegwi li, hekk kif il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies li ċ-CNE jinkludu l-elementi kollha ta’ network interni li jissodisfaw il-kriterju tal-influwenza sinjifikattiva mill-iskambji transżonali, hekk kif imkejla mill-PTDF tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Settembru 2024, CRE vs ACER, T‑446/21, mhux ippubblikata, EU:T:2024:647, punt 51; tal‑25 ta’ Settembru 2024, RTE vs ACER, T‑472/21, mhux ippubblikata, EU:T:2024:648, punt 52; u tal‑25 ta’ Settembru 2024, BNetzA vs ACER, T‑485/21, EU:T:2024:653, punt 47). |
|
42 |
Hekk kif josservaw ġustament BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222 ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, elementi ta’ network interni sostanzjalment influwenzati mill-iskambji transżonali, hekk kif imkejla mill-PTDF tagħhom, jistgħu ma jitqisux bħala kritiċi u esklużi mill-kalkolu tal-kapaċità kif ukoll mill-applikazzjoni tar-regoli dwar dan il-kalkolu minħabba li dawn ma jissodisfawx rekwiżiti addizzjonali, intiżi b’mod partikolari sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-elementi ikunu strutturalment ikkonġestjonati. |
|
43 |
It-tielet nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-ACER li r-riferiment, fit-test tat-tieni sentenza tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, għal-“l-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament […] Nru 714/2009” u għalhekk, essenzjalment, għar-Regolament 2015/1222, kien jippermetti li l-klassifikazzjoni tal-“elementi interni ta’ network” bħala “kritiċi” u, għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom fil-kalkolu tal-kapaċità kif ukoll l-applikazzjoni għal dawn l-elementi tar-regoli dwar il-kalkolu ta’ din il-kapaċità jkunu suġġetti għal rekwiżiti addizzjonali, bħall-osservanza tal-kriterju ta’ effiċjenza ekonomika jew it-twettiq ta’ studju tal-effett taż-żieda tal-limitu ta’ inklużjoni għal 10 % jew iktar. |
|
44 |
Qabelxejn, sa fejn l-ACER tirreferi essenzjalment għall-verżjoni Franċiża u BNetzA kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirreferu għall-verżjoni Ġermaniża tat-tieni sentenza tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ differenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha din tikkostitwixxi element (ara d-digriet tat‑2 ta’ Diċembru 2022, Compania Naà ională de Transporturi Aeriene Tarom, C‑229/22, EU:C:2022:978, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2024, Cobult, C‑76/23, EU:C:2024:253, punt 25, u tal‑5 ta’ Settembru 2024, BIOR, C‑344/23, EU:C:2024:696, punt 45). |
|
45 |
F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat, fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni sentenza tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, dak li, minn perspettiva grammatikali, għandu jiġi ddeterminat “skont l-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament […] Nru 714/2009”. F’dan ir-rigward, minbarra l-verżjoni Ġermaniża, Bulgara u dik Ċeka ta’ din id-dispożizzjoni li, minn perspettiva grammatikali, jirreferu pjuttost għall-“kontinġenzi” li jaffettwaw iċ-CNE milli, hekk kif issostni l-ACER, għaċ-CNE infushom, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jistgħu jinftiehmu bħala li jirreferu globalment għall-ewwel parti tas-sentenza u, għalhekk, għall-kapaċità li tosserva l-limiti ta’ sigurtà operattiva ta’ kull CNE (bil-kontinġenzi tiegħu), li marġni ta’ 70 % tagħha għandu jinżamm disponibbli għall-iskambji transżonali (iktar ’il quddiem il-“MACZT ta’ 70 %”). |
|
46 |
Għalhekk, il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943 jikkonfermaw il-qari ta’ din id-dispożizzjoni magħmul minn BNetzA u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li skontu l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jirreferi, fiha, għad-determinazzjoni tal-kapaċità li tosserva l-limiti ta’ sigurtà operattiva ta’ kull CNE (bil-kontinġenżi tiegħu), li parti sostanzjali minnha, jiġifieri l-MACZT ta’ 70 %, kellha tinżamm għad-dispożizzjoni għall-iskambji transżonali. Għall-kuntrarju, ebda waħda minn dawn il-verżjonijiet ma tippermetti li jiġi kkonstatat, hekk kif issostni l-ACER, li din id-dispożizzjoni kienet tawtorizza lill-ĠNT, lill-ARN jew lilha nnifisha jissuġġettaw għal rekwiżiti addizzjonali l-klassifikazzjoni tal-“elementi interni ta’ network” bħala “kritiċi” u, għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom fil-kalkolu tal-kapaċità u l-applikazzjoni għal dawn l-elementi tar-regoli dwar il-kalkolu ta’ din il-kapaċità. |
|
47 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament 2019/943 (Dokumenti ST 5834/18 REV 4, ST 5834/18 REV 5 u ST 5070/19), li huma pubblikament aċċessibbli u li jirreferu b’mod ċar, permezz tar-riferiment li jsir fihom, essenzjalment, għar-Regolament 2015/1222, għad-determinazzjoni tal-kapaċità li tosserva l-limiti ta’ sigurtà operattiva ta’ kull CNE (bil-kontinġenzi tiegħu) u mhux biss għall-kontinġenzi jew għaċ-CNE. |
|
48 |
Sussegwentement, sa fejn il-partijiet jitolbu wkoll li l-kontenut tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943 jinqara fid-dawl tal-premessa 31 ta’ dan ir-regolament, għandu jitfakkar li, minkejja li t-termini ta’ premessa ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni jistgħu jintużaw sabiex tiġi speċifikata dispożizzjoni ta’ dan l-att u jikkostitwixxu għodda ta’ interpretazzjoni importanti (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata), skont ġurisprudenza stabbilita l-preambolu ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni ma għandux, fih innifsu, valur legali vinkolanti. Tali preambolu ma jistax jiġi invokat, la għal deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod evidentement kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (contra legem) (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
F’dan il-każ, il-kontenut tal-premessa 31 tar-Regolament 2019/943 ma jistax għalhekk iwassal għal interpretazzjoni contra legem tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) ta’ dan ir-regolament, li, konformement mal-konklużjoni tal-interpretazzjoni uniformi misluta fil-punt 46 iktar ’il fuq, tirreferi għad-determinazzjoni tal-kapaċità li tosserva l-limiti ta’ sigurtà operattiva ta’ kull CNE (bil-kontinġenzi tiegħu), li parti sostanzjali minnha, jiġifieri l-MACZT ta’ 70 %, għandha tinżamm disponibbli għall-iskambji transżonali. |
|
50 |
Barra minn hekk, minbarra l-verżjoni Ġermaniża, il-verżjonijiet tal-premessa 31 tar-Regolament 2019/943 stabbiliti fil-lingwi l-oħra kollha tal-Unjoni, inklużi l-verżjoni Ċeka u dik Bulgara, jikkonfermaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi, permezz tar-riferiment li jirrigwarda, essenzjalment, ir-Regolament 2015/1222, għad-determinazzjoni tal-kapaċità li tosserva l-limiti ta’ sigurtà operattiva ta’ kull CNE (bil-kontinġenzi tiegħu), li “perċentwali” sostanzjali minnha, jiġifieri l-MACZT ta’ 70 %, għandha tinżamm disponibbli għall-iskambji transżonali. |
|
51 |
Għandu jingħad ukoll li l-fatt, irrilevat mill-ACER, li fil-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Ġermaniża, huwa indikat li din id-determinazzjoni għandha ssir skont jew wara l- “proċess tal-għażla skont ir-Regolament […]” ma jimplikax li din id-determinazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq ir-rekwiżiti kontenzjużi. Għall-kuntrarju, dan ir-riferiment indirett għall-proċess ta’ għażla taħt l-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, imsemmi fil-punt 39 iktar ’il fuq, jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li japplika l-approċċ adottat fl-imsemmija dispożizzjoni għall-għażla taċ-CNE, jiġifieri approċċ ibbażat fuq il-kriterju tal-influwenza sinjifikattiva tal-elementi interni ta’ network mill-iskambji transżonali, kif imkejla mill-PTDF tagħhom. Għaldaqstant, minn tali riferiment ma jirriżultax li l-klassifikazzjoni tal-“elementi interni ta’ network” bħala “kritiċi” u, għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom fil-kalkolu tal-kapaċità u l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom tar-regoli dwar l-imsemmi kalkolu jistgħu jkunu suġġetti għal rekwiżiti oħra minbarra dak tal-influwenza sinjifikattiva mill-iskambji transżonali. |
|
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ACER għalhekk ma għandhiex raġun issostni li mill-formulazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, moqri fid-dawl tal-premessa 31 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li rekwiżiti oħra minbarra r-rekwiżit tal-influwenza sinjifikattiva mill-iskambji transżonali jistgħu jiġu introdotti, fil-metodoloġiji kontenzjużi, sabiex jiġu ddeterminati l-elementi ta’ network interni li għandhom jitqiesu bħala “kritiċi” u, bħala tali, inklużi fil-lista taċ-CNE (u l-kontinġenzi tagħhom) meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità u suġġetti għar-regoli dwar l-imsemmi kalkolu. |
|
53 |
Barra minn hekk, sa fejn l-ACER tosserva li l-Artikolu 21 tar-Regolament 2015/1222, bit-titolu “il-Metodoloġija ta’ kalkolu tal-kapaċità”, adottat mill-Kummissjoni fuq delega mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jistabbilixxi biss l-elementi li l-imsemmija metodoloġija, b’mod partikolari fil-każ tal-approċċ abbażi tal-fluss, għandha “ta’ mill-inqas” tinkludi, mingħajr ma jeskludi li din tal-aħħar tista’ tinkludi elementi oħra mhux espliċitament previsti minn din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistax jippermetti l-modifika, fil-metodoloġiji kontenzjużi, tal-kriterji stabbiliti mir-regoli rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-elementi ta’ network interni li jistgħu jitqiesu bħala “kritiċi” u, bħala tali, jiġu inklużi fil-lista taċ-CNE (u l-kontinġenzi tagħhom) meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità u suġġetti għar-regoli dwar l-imsemmi kalkolu. |
|
54 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li, minn naħa, l-Artikolu 21(4) tar-Regolament 2015/1222 jipprovdi li l-ĠNT kollha ta’ kull reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità għandhom jużaw, sa fejn ikun possibbli u sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, data tal-input armonizzata għall-kalkolu tal-kapaċità, b’mod partikolari fil-każ tal-approċċ abbażi tal-fluss, u l-fatt li, min-naħa l-oħra, iċ-CNE (u l-kontinġenzi tagħhom) li, konformement mal-punt 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, huma meħuda inkunsiderazzjoni fil-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità u jillimitaw il-kwantità ta’ elettriku li jista’ jiġi skambjat transżonalment huma data tal-input fil-“proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità disponibbli għall-flussi li jirriżultaw mill-iskambju bejn iż-żoni”, imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943 u stabbilit mill-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità abbażi tal-fluss, adottata konformement mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2015/1222, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-għażla tal-elementi ta’ network interni li għandhom jitqiesu bħala “kritiċi” u, bħala tali, jiġu inklużi fil-lista taċ-CNE (u l-kontinġenzi tagħhom) meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità u suġġetti għar-regoli dwar dan il-kalkolu tista’ tkun suġġetta għal rekwiżiti oħra minbarra dak tal-influwenza sinjifikattiva mill-iskambji transżonali. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li tikkonċerna l-implimentazzjoni teknika mill-ĠNT, mill-ARN jew mill-ACER, billi jiġi identifikat il-PTDF rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-metodoloġiji kontenzjużi, tal-kriterju tal-influwenza sinjifikattiva mill-iskambji transżonali stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, fuq delega, mill-Kummissjoni fil-punt 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 u fl-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222. Fil-punt 112 tad-deċiżjoni inizjali, l-ACER stess osservat li l-kriterju tal-influwenza sinjifikattiva kien element importanti sabiex tiġi ddeterminata l-lista finali taċ-CNE (u l-kontinġenzi tagħhom) li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità, espliċitament meħtieġ mill-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222. |
|
56 |
Issa, ebda bażi espliċita ekwivalenti għal dik li tinsab fl-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222 għall-kriterju tal-influwenza sinjifikattiva ma teżisti, f’dan l-aħħar regolament, sabiex jiġi ġġustifikat li jiġi ddeterminat ukoll, fil-kuntest ta’ din il-metodoloġija, kriterju li jindika taħt liema kundizzjoni l-elementi ta’ network interni li jillimitaw il-kwantità ta’ elettriku li jista’ jiġi skambjat transżonalment għandhom jiġu inklużi fil-lista taċ-CNE (u l-kontinġenzi tagħhom) meħuda inkunsiderazzjoni fil-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità u, għaldaqstant, sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni, mill-ACER, tar-rekwiżiti kontenzjużi. Barra minn hekk, fil-punti 109 u 112 tad-deċiżjoni inizjali u fil-punti 47, 48 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ACER u l-Bord tal-Appell sempliċement irreferew, bħala bażi għall-kriterju ta’ effiċjenza ekonomika, għall-punt 1.7 tal-Anness I tar-Regolament Nru 714/2009, li fir-rigward tiegħu l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan ma setax jibqa’ jikkostitwixxi bażi legali valida għall-imsemmi kriterju, peress li dan ma kienx għadu applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER, T‑631/19, EU:T:2022:509, punti 76 sa 85). |
|
57 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-metodoloġiji komuni msemmija fl-Artikolu 9(7) u fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2015/1222 għandhom bħala għan id-definizzjoni, mill-ĠNT, ta’ metodoloġija għall-kalkolu kkoordinat tal-kapaċità relatata ma’ reġjun. Skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament, il-proposta għal metodoloġija mfassla mill-ĠNT għandha tinkludi “ta’ mill-inqas” ċerti elementi fosthom, b’mod partikolari, “[m]etodoloġiji għall-kalkolu tal-inputs għall-kalkolu tal-kapaċità”, li għandhom jinkludu l-parametri elenkati fl-Artikolu 21(1)(a)(i) sa (iv) tar-Regolament 2015/1222. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-marġni ta’ affidabbiltà, id-determinazzjoni tal-limiti ta’ sigurtà operattiva, il-kontinġenzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità u tal-limitazzjonijiet ta’ allokazzjoni li jistgħu jiġu applikati, id-determinazzjoni tal-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni u d-determinazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità. |
|
58 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-metodoloġiji kontenzjużi jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 5 tal-imsemmija metodoloġiji, li jinkludi r-rekwiżiti kontenzjużi, jinsab fit-Titolu 3 tagħhom, iddedikat għall-“inputs għall-kalkolu tal-kapaċità”. Għalhekk, dan huwa intiż li jimplimenta l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament 2015/1222 u għandu bħala għan, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, id-definizzjoni, mill-ĠNT, taċ-CNE interni (u tal-kontinġenzi tagħhom), li tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 4(8) ta’ dawn il-metodoloġiji, l-ewwel stadju tal-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità. |
|
59 |
Issa, hekk kif ġie indikat fil-punt 29 iktar ’il fuq, l-Artikolu 5(8) tal-metodoloġiji kontenzjużi jimponi li l-proposta għal lista taċ-CNE interni (u tal-kontinġenzi tagħhom) li l-ĠNT tar-reġjun CORE għandhom jissottomettu tinkludi, minbarra l-lista taċ-CNE interni proposti li l-PTDF tagħhom huwa ugwali għal jew ogħla minn 5 %, studju tal-effett taż-żieda tal-limitu ta’ inklużjoni għal 10 % jew iktar u analiżi tal-iktar soluzzjoni ekonomikament effiċjenti sabiex jiġu rrimedjati l-konġestjonijiet. |
|
60 |
L-obbligu ta’ inklużjoni, fil-proposta għal lista taċ-CNE interni (u tal-kontinġenzi tagħhom), ta’ tali studju ta’ effett u ta’ tali analiżi jmur lil hinn mill-parametri stabbiliti mill-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament 2015/1222 għall-kalkolu tad-data tal-input għall-kalkolu tal-kapaċità u ma jikkorrispondix għall-għanijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għalkemm tali studji u tali analiżi jistgħu jirriżultaw rilevanti, fit-tul, sabiex jiġu rrimedjati l-konġestjonijiet strutturali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma jikkostitwixxux data tal-input għall-kalkolu tal-kapaċità u ma jipparteċipawx, bħala tali, fil-proċess ta’ kalkolu tagħha, li huwa bbażat, prinċipalment, fuq id-determinazzjoni, mill-ĠNT, ta’ lista ta’ CNE li tissodisfa d-definizzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-punt 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943. L-istess konstatazzjoni tapplika, għall-istess raġunijiet, fir-rigward tal-obbligu, previst mill-Artikolu 5(9) tal-metodoloġiji kontenzjużi, ta’ inklużjoni, fil-proposta għal lista taċ-CNE interni (u tal-kontinġenzi tagħhom), tal-prova li s-soluzzjonijiet alternattivi msemmija fil-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu ġew studjati b’diliġenza u suffiċjentement minn qabel. |
|
61 |
Minn dan isegwi li mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 2019/943 u 2015/1222 ma jirriżultax li l-ACER setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tintroduċi r-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi. |
|
62 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-kuntest li taħtu jaqgħu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 jikkonfermax li r-rekwiżiti kontenzjużi ma setgħux jiġu introdotti fil-metodoloġiji kontenzjużi. |
|
63 |
BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu, essenzjalment, li minn interpretazzjoni kuntestwali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità tal-elementi ta’ network interni influwenzati mill-iskambji transżonali ma jistax ikun suġġett għal kriterju ta’ effiċjenza ekonomika. |
|
64 |
L-ACER tqis li interpretazzjoni kuntestwali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943, imwettqa fid-dawl tar-regola ta’ prinċipju li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, tikkonferma li hija setgħet tintroduċi r-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi. Skont din ir-regola, il-ĠNT ma għandhomx jillimitaw il-kapaċità ta’ skambju transżonali sabiex jiġġestixxu problemi ta’ konġestjoni interna, fatt li huwa kkonfermat ukoll mid-definizzjoni ta’ “żona” u mir-regoli li jirregolaw l-imsemmija żoni li jinsabu fil-punt 2 tal-Artikolu 65 u fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2019/943. Issa, l-inklużjoni tar-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi kienet neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ din ir-regola ta’ prinċipju. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943 u skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tal-istess regolament, ir-regola ta’ prinċipju stabbilita fl-ewwel sentenza tal-imsemmi paragrafu 8 għandha titqies li tkun ġiet osservata meta l-livelli ta’ kapaċità disponibbli għall-iskambji transżonali jilħqu, għall-fruntieri fejn jintuża approċċ abbażi tal-fluss, il-MACZT ta’ 70 %, filwaqt li l-ammont massimu ta’ 30 % li jifdal jista’ jintuża għall-marġnijiet ta’ affidabbiltà, għall-flussi ta’ enerġija paralleli (loop flows) u għall-flussi interni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk stabbilixxa preżunzjoni ta’ osservanza, mill-ĠNT li jilħqu l-MACZT ta’ 70 %, tal-obbligu impost fuqhom li ma jillimitawx il-kapaċità ta’ skambju transżonali sabiex jiġġestixxu problemi ta’ konġestjoni interna. |
|
66 |
Fir-raba’ u fis-sitt sentenza tal-premessa 27 tar-Regolament 2019/943, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk spjega b’mod ċar li, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, “[j]eħtieġ li jiġi stabbilit livelli minimi ċari ta’ kapaċità disponibbli għal kummerċ transżonali sabiex jitnaqqsu l-effetti ta’ flussi ta’ enerġija paralleli (loop flows) u l-konġestjonijiet interni fuq il-kummerċ transżonali u li jingħata valur tal-kapaċità prevedibbli għall-parteċipanti fis-suq”, filwaqt li “[i]s-sehem li jifdal tal-kapaċità [seta’] jintuża għall-marġnijiet ta’ affidabbiltà, għall-flussi ta’ enerġija paralleli (loop flows) u għall-flussi interni”. |
|
67 |
Il-preżunzjoni msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata mid-definizzjoni ta’ “żona” u lanqas mir-regoli li jirregolaw l-imsemmija żoni stabbiliti fil-punt 65 tal-Artikolu 2 u fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2019/943, li l-kontenut tagħhom huwa invokat mill-ACER. |
|
68 |
Ċertament, mill-punt 65 tal-Artikolu 2 u mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li, fi ħdan żona, “il-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija mingħajr allokazzjoni tal-kapaċità;” u li, bħala prinċipju, l-imsemmija żoni “ma għandhomx jinkludu […] il-konġestjonijiet strutturali”. |
|
69 |
Madankollu, it-tielet sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2019/943 tispeċifika l-każijiet li fihom konġestjonijiet strutturali jibqgħu ammissibbli, li huwa b’mod partikolari l-każ meta “dawk l-konġestjonijiet strutturali ma jwasslux għal tnaqqis ta’ kapaċità kummerċjali transżonali f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16”. Barra minn hekk, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament tipprevedi li l-konfigurazzjoni taż-żoni fl-Unjoni għandha titfassal b’tali mod li tiġi mmassimizzata l-effiċjenza ekonomika u li jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet ta’ skambju transżonali skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-provvista. Issa, kif diġà ġie osservat fil-punt 65 iktar’ il fuq, skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, meta l-ĠNT tar-reġjun CORE jilħqu l-MACZT ta’ 70 % u jiġġestixxu problemi ta’ konġestjoni interna permezz tat‑30 % li jifdal, dawn jitqiesu li ma jippreġudikawx illegalment l-ottimizzazzjoni tal-effiċjenza ekonomika u tal-possibbiltajiet ta’ skambji transżonali. |
|
70 |
Barra minn hekk, fl-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/943, li għalih jirreferi l-Artikolu 16(8) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li kull Stat Membru li jkollu konġestjoni strutturali identifikata jista’, b’kooperazzjoni mal-ARN tiegħu, jiddeċiedi, konformement mal-Artikolu 14(7) tal-imsemmi regolament, li jfassal pjan ta’ azzjoni li jkun jinkludi skeda konkreta (iktar ’il quddiem it- “trajjettorja lineari”) għall-adozzjoni ta’ miżuri intiżi li titnaqqas din il-konġestjoni u li għandhom jippermettu lill-ĠNT tiegħu jilħqu, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2025, il-MACZT ta’ 70 %. |
|
71 |
Issa, fit‑28 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssottomettiet lill-Kummissjoni u lill-ACER “pjan ta’ azzjoni għaż-żona” ikkontrollata mill-ĠNT tagħha (Aktionplan Gebotszone). Skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2019/943, matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, il-Repubblika Federali tal-Ġenerali għandha biss tiżgura li l-kapaċità li ssir disponibbli sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-iskambji transżonali mal-Artikolu 16(8) tal-imsemmi regolament tkun ogħla minn jew ugwali għall-valuri tat-trajjettorja lineari, inkluż permezz tal-użu ta’ azzjonijiet korrettivi fir-reġjun CORE. |
|
72 |
Hekk kif irrikonoxxiet l-ACER waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-ĠNT tagħha osservaw globalment, sal-lum, it-trajjettorja lineari prevista fil-pjan ta’ azzjoni tagħhom, b’tali mod li, konformement mal-preżunzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, huma għandhom jitqiesu li osservaw ir-regola ta’ prinċipju li abbażi tagħha huma ma għandhomx jillimitaw il-kapaċità ta’ skambju transżonali sabiex jiġġestixxu problemi ta’ konġestjoni interna. |
|
73 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament 2019/943, il-ĠNT għandhom l-obbligu jirrikorru għal miżuri korrettivi, bħal skambji ta’ korrispettiv jew dispaċċ mill-ġdid, fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, sabiex jottimizzaw il-kapaċitajiet disponibbli għall-iskambji transżonali, biss sabiex jintlaħqu l-kapaċitajiet minimi previsti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-istess artikolu, jiġifieri l-MACZT ta’ 70 % jew, jekk ikun għaddej pjan ta’ azzjoni, il-valuri li jikkorrispondu għat-trajjettorja lineari. |
|
74 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament 2019/943 u hekk kif jirriżulta mis-sitt sentenza tal-premessa 31 tar-Regolament 2019/943 u kif ammetta l-Bord tal-Appell stess fil-punt 60 tad-deċiżjoni kkontestata, konfigurazzjoni mill-ġdid ta’ żona ma għandhiex tkun tista’ sseħħ kontra r-rieda tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jintlaħqu l-kapaċitajiet minimi, jiġifieri l-MACZT ta’ 70 % jew il-valuri li jikkorrispondu għat-trajjettorja lineari. |
|
75 |
Minn dan isegwi li, meta l-ĠNT jilħqu l-kapaċitajiet minimi, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ effiċjenza ekonomika, sa fejn din timponi fuq dawn tal-aħħar l-obbligu li jivverifikaw jekk konfigurazzjoni mill-ġdid taż-żona tagħhom jew l-użu ta’ miżuri korrettivi jkunux iktar soluzzjonijiet ekonomikament effiċjenti mill-allokazzjoni tal-kapaċità sabiex jiġu rrimedjati konġestjonijiet fuq l-elementi interni ta’ network tagħhom, hija, fil-prattika, nieqsa minn kull rilevanza, peress li ma hijiex legalment vinkolanti għall-Istat Membru jew għall-ĠNT ikkonċernati. Barra minn hekk, dan kien irrikonoxxut mill-ACER waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, dwar il-konfigurazzjoni mill-ġdid possibbli ta’ żona. |
|
76 |
Konsegwentement, l-eżami tal-kuntest li taħtu jaqgħu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 jikkonferma li l-ACER ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball, tintroduċi r-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi. |
|
77 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 2019/943 u 2015/1222 tikkonfermax li r-rekwiżiti kontenzjużi ma setgħux jiġu introdotti fil-metodoloġiji kontenzjużi. |
|
78 |
BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jqisu li l-interpretazzjoni kontenzjuża ma hijiex kompatibbli ma’ interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222. |
|
79 |
L-ACER tirribatti li interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943, imwettqa fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, tikkonferma li hija setgħet tintroduċi r-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi. Fil-fatt, l-istess bħal dan l-aħħar regolament, l-imsemmija rekwiżiti kienu intiżi li jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku billi jiżguraw li l-iktar soluzzjonijiet ekonomikament effiċjenti u li jkunu l-iktar effettivi meta mqabbla mal-ispiża jkunu sistematikament ipprivileġġati. BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk jitqies, hekk kif issostni l-ACER, li minn qari globali tad-diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li dan jinkludi regola ġenerali li abbażi tagħha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, is-soluzzjonijiet li jkunu l-iktar effettivi meta mqabbla mal-ispiża għandhom jiġu ppreferuti u li l-ACER kienet awtorizzata, abbażi ta’ din ir-regola, tintroduċi r-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi, għandu jitfakkar li kull regola ta’ natura ġenerali tista’ tiġi limitata jew eskluża, skont il-prinċipju li r-regola speċjali tidderoga mir-regola ġenerali (lex specialis derogat legi generali), meta jeżistu regoli speċjali li jirregolaw oqsma speċifiċi (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il‑Kunsill, T‑371/03, EU:T:2005:290, punt 122). Id-dispożizzjonijiet speċjali għalhekk jipprevalu fuq ir-regoli ġenerali fis-sitwazzjonijiet li dawn huma speċifikament intiżi li jirregolaw (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2016, L‑Italja u Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, bħala regoli speċjali, id-dispożizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità u ta’ ġestjoni tal-konġestjoni li jinsabu fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament 2019/943 għandhom għalhekk jipprevalu fuq ir-regola ġenerali invokata mill-ACER. |
|
81 |
Barra minn hekk, hekk kif josservaw ġustament BNetzA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-oriġini leġiżlattiva tar-Regolament 2019/943, li jwettaq riformulazzjoni tar-Regolament Nru 714/2009, jirriżulta li r-regoli speċjali stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 tal-imsemmi regolament ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni minkejja li dan kellu għarfien sħiħ tar-Rakkomandazzjoni tal-ACER Nru 02/2016 tal‑11 ta’ Novembru 2016 dwar il-metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-kapaċità u għat-tqassim tal-ispejjeż tad-dispaċċ mill-ġdid u tal-iskambji tal-korrispettiv, u tan-nota ta’ spjega tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta tagħha COM (2016) 861 final tat‑30 ta’ Novembru 2016 għal regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar is-suq intern tal-elettriku, li kienu jimmilitaw favur applikazzjoni sistematika, fil-qasam tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni, ta’ soluzzjonijiet li jkunu l-iktar effettivi meta mqabbla mal-ispiża, li l-ACER u l-Kummissjoni qiesu li tirriżulta mill-punt 1.7 tal-Anness I tar-Regolament Nru 714/2009. |
|
82 |
Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, moqri fid-dawl tar-raba’ u tas-sitt sentenza tal-premessa 27 ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-interessi differenti preżenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, fl-imsemmi regolament, jimplimenta approċċ iktar ibbilanċjat minn dak propost mill-ACER, fir-rakkomandazzjoni tagħha, u mill-Kummissjoni, fil-proposta tagħha, billi jimponi b’mod partikolari fuq il-ĠNT l-obbligu li josservaw livelli minimi ta’ kapaċità ta’ skambju transżonali li jikkorrispondu għall-MACZT ta’ 70 % jew, jekk ikun il-każ u sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2025, għall-valuri li jikkorrispondu għat-trajjettorja lineari, filwaqt li jippermettilhom jużaw it‑30 % li jifdal sabiex jiġġestixxu, b’mod partikolari, problemi ta’ konġestjoni interna. |
|
83 |
Għaldaqstant, l-ACER ma għandhiex raġun tippretendi li, b’applikazzjoni ta’ regola ġenerali favorevoli għas-soluzzjonijiet li jkunu l-iktar effettivi meta mqabbla mal-ispiża, hija kienet awtorizzata tillimita, permezz tar-rekwiżiti kontenzjużi, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament 2019/943 u s-sempliċi fatt li kienu jeżistu, f’dan il-każ, soluzzjonijiet ekonomikament iktar effiċjenti minn dawk adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jiġġustifika li dawn tal-aħħar jiġu esklużi. |
|
84 |
Minn dan isegwi li interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 2019/943 u 2015/1222 tikkonferma li l-ACER ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball, tintroduċi r-rekwiżiti kontenzjużi fil-metodoloġiji kontenzjużi. |
|
85 |
Mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni kontenzjuża tikser l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u l-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, sa fejn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ma kinux jippermettu, fil-metodoloġiji kontenzjużi, li jiġu introdotti r-rekwiżiti kontenzjużi, li jimponu obbligi li jmorru lil hinn mis-sempliċi komunikazzjoni tal-lista taċ-CNE interni (u l-kontinġenzi tagħhom) li josservaw il-kriterju tal-PTDF, imsemmi fl-Artikolu 5(8)(a) tal-imsemmija metodoloġiji. |
|
86 |
Konsegwentement u mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-ilmenti u l-argumenti l-oħra mressqa minn BNetzA insostenn tal-motiv uniku tagħha jew insostenn tal-ewwel motiv imqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażati fuq ksur tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament 2015/1222, kif ukoll il-motivi sussidjarji l-oħra mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hemm lok li jintlaqa’ dan il-motiv uniku u dan l-ewwel motiv u, fuq din il-bażi, li jiġu annullati d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l-ispejjeż
|
87 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
88 |
Peress li l-ACER tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet ta’ BNetzA u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Papasavvas Škvařilová-Pelzl Nõmm Kukovec Meyer Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Ottubru 2025 Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Ingliż.