SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-ġudikatura – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin – Imħallef militari ddikjarat inkapaċi għas-servizz militari professjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-irtirar antiċipat ta’ dan l-imħallef”

Fil-Kawżi magħquda C‑646/23 [Lita] u C‑661/23 [Jeszek] ( i ),

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Militari Reġjonali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Ottubru 2023 u tad‑9 ta’ Novembru 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis‑27 ta’ Ottubru 2023 u fid‑9 ta’ Novembru 2023 fil-proċeduri kriminali kontra

P. B. (C‑646/23),

R. S. (C‑661/23),

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Rejonowa w Lublinie (C‑646/23),

Prokuratura Rejonowa Warszawa-Ursynów w Warszawie (C‑661/23),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev, M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, P. Stancanelli u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(2) u (3), kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u ta’ separazzjoni tal-poteri.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra P. B. għal serq ta’ karburant (Kawża C‑646/23) u kontra R. S. għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu ta’ preżenza fi ħdan l-unità militari tiegħu (Kawża C‑661/23).

Id-dritt Pollakk

Il-Kostituzzjoni

3

L-Artikolu 175(1) tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) jipprevedi:

“Fir-Repubblika tal-Polonja, il-ġustizzja hija fdata (mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)], lill-qrati ordinarji, lill-qrati amministrattivi u lill-qrati militari. […]”

4

Skont l-Artikolu 176(2) tal-Kostituzzjoni:

“L-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati kif ukoll il-proċedura ġudizzjarja huma ddefiniti mil-liġi.”

5

L-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“L-imħallfin jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-(Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-‘KNĠ’)), għal żmien indeterminat.”

6

L-Artikolu 180 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.   L-imħallfin huma irremovibbli.

2.   Imħallef jista’ jitkeċċa, jiġi sospiż mill-funzjonijiet tiegħu, jiġi ttrasferit lejn ġurisdizzjoni oħra jew lejn uffiċċju ieħor kontra r-rieda tiegħu biss abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u biss fil-każijiet previsti mil-liġi.

3.   Imħallef jista’ jirtira wara mard jew diżabbiltà li jrenduh inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Il-proċedura u l-metodu ta’ rimedju ġudizzjarju huma ddefiniti mil-liġi. […]”

Il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji

7

L-Artikolu 70(1) u (2) tal-ustawa - Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), jipprovdi:

“1.   Imħallef għandu jiġi rtirat fuq talba tiegħu jew fuq talba tal-kulleġġ kompetenti tal-qorti fil-każ li, wara marda jew invalidità, huwa jkun ġie rrikonoxxut […] b’mod definittiv bħala inkapaċi li jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu ta’ mħallef.

2.   It-talba għall-irtirar u għall-eżami tal-inkapaċità ta’ mħallef li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u li jagħti deċiżjonijiet tista’ titressaq mill-imħallef ikkonċernat jew mill-kulleġġ kompetenti tal-qorti. […]”

8

L-Artikolu 71(2) u (3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“2.   Imħallef jista’ jiġi rtirat jekk, mingħajr raġuni valida, huwa ma jkunx issuġġetta ruħu għall-eżami msemmi fl-Artikolu 70(2), jekk l-eżami jkun intalab mill-kulleġġ tal-qorti jew mill-Ministru għall-Ġustizzja.

3.   Imħallef jista’ wkoll jiġi rtirat, fuq talba tal-Ministru għall-Ġustizzja, fil-każ ta’ bidla fl-organizzazzjoni tal-qrati jew ta’ bidla fil-limiti tad-distretti ġudizzjarji, jekk ma jkunx ġie ttrasferit għal qorti oħra.”

9

Skont l-Artikolu 73(1) sa (3) tal-imsemmija liġi:

“1.   Fil-każijiet ta’ rtirar ta’ mħallef imsemmija fl-Artikoli 70 u 71, id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-[KNĠ], fuq talba tal-imħallef, tal-kulleġġ tal-qorti kompetenti jew tal-Ministru għall-Ġustizzja.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-[KNĠ] fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 70 u 71 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem is-(Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)).

3.   L-appell għandu jiġi ppreżentat permezz tal-[KNĠ] […] L-appell jista’ jiġi ppreżentat mill-qorti, mill-president tal-qorti kompetenti u mill-Ministru għall-Ġustizzja […]”

Il-Liġi dwar il-Qrati Militari

10

L-Artikolu 22(1) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów wojskowych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Militari), tal‑21 ta’ Awwissu 1997 (Dz. U. Nru 117, pożizzjoni 753), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Militari”), jipprovdi:

“Imħallef ta’ qorti militari […] jista’ jkun uffiċjal li jwettaq servizz militari professjonali […]”

11

Skont l-Artikolu 23(1) ta’ din il-liġi:

“Imħallef ta’ qorti militari huwa persuna maħtura f’tali pożizzjoni mill-President tar-Repubblika tal-Polonja u li ħa ġurament quddiem dan tal-aħħar.”

12

L-Artikolu 35(1) u (4) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Imħallef ma jistax jiġi rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu qabel ma tintemm ipso iure r-relazzjoni ta’ servizz tiegħu jew qabel ma jitlef il-pożizzjoni tiegħu jew jirtira.

[…]

4.   Meta mħallef jiġi rrikonoxxut definittivament li huwa inkapaċi għas-servizz militari professjonali b’deċiżjoni tal-Kumitat Mediku Militari, il-[KNĠ], fuq l-inizjattiva tal-persuna kkonċernata, għandu jipproponi lill-President tar-Repubblika tal-Polonja — mingħajr ma jikkonsulta l-assemblea tal-ġudikatura kompetenti — jaħtar l-imħallef tal-qorti militari għall-kariga ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja.”

13

L-Artikolu 70(1) u (2) tal-istess liġi jipprovdi:

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-[…] Artikoli 70, 71 [u] 73 tal- [Liġi dwar il-Qrati Ordinarji] japplikaw mutatis mutandis għall-qrati militari […]

2.   Fl-oqsma mhux irregolati minn [din] il-liġi, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-imħallfin tal-qrati militari huma ddeterminati mid-dispożizzjonijiet dwar is-servizz militari tas-suldati professjonali.”

Il-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon

14

Skont l-Artikolu 226(3) tal-ustawa o obronie Ojczyzny (il-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon), tal‑11 ta’ Marzu 2022 (Dz. U., pożizzjoni 655), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon”):

“Suldat professjonali għandu jiġi rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu wara: […] konstatazzjoni ta’ inkapaċità għas-servizz mill-Kumitat Mediku Militari. […]”

15

L-Artikolu 229(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Ir-rilaxx tal-obbligi tas-servizz militari professjonali fil-[każ imsemmi] fl-Artikolu 226[3] għandu jsir effettiv ipso jure mid-data li fiha s-sentenza rilevanti tkun saret res judicata jew mid-data li fiha d-deċiżjoni tkun saret definittiva, jew mid-data li fiha jkunu seħħew iċ-ċirkustanzi li fuqhom ikun ingħata s-servizz militari professjonali, bla ħsara għall-Artikolu 233. […]”

16

Skont l-Artikolu 233 tal-imsemmija liġi:

“Meta mħallef ta’ qorti militari jew prosekutur militari, li jkun suldat professjonali, jiġi rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu, huwa għandu jinżamm fil-pożizzjoni tiegħu ta’ mħallef jew ta’ prosekutur militari fl-entità organizzattiva rilevanti tal-qorti jew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, irrispettivament min-numru eżistenti ta’ karigi f’dawn l-entitajiet.”

Il-Liġi Emendatorja

17

L-Artikolu 10 tal-ustawa o zmianie ustawy – Kodeks cywilny oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Kodiċi Ċivili u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑28 ta’ Lulju 2023 (Dz. U., pożizzjoni 1615, iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”), emenda l-Artikolu 233 tal-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon kif ġej:

“Meta prosekutur militari, li jkun suldat professjonali, jiġi rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu, huwa għandu jinżamm fil-pożizzjoni tiegħu ta’ prosekutur fi ħdan l-entità organizzattiva kkonċernata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, irrispettivament min-numru eżistenti ta’ pożizzjonijiet ta’ prosekuturi f’din l-entità.”

18

Skont l-Artikolu 13 ta’ din il-liġi:

“Imħallef ta’ qorti militari rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu li jinżamm fil-kariga ta’ mħallef fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandu, minn din id-data, jiġi rtirat.”

19

Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi, l-Artikoli 10 u 13 tagħha daħlu fis-seħħ fil‑15 ta’ Novembru 2023.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20

P. B. u R. S., li huma suldati professjonali, huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali minħabba li, l-ewwel wieħed, seraq il-karburant u, it-tieni wieħed, naqas mill-obbligu tiegħu ta’ preżenza fi ħdan l-unità militari tiegħu. Permezz ta’ żewġ sentenzi distinti, il-Wojskowy Sąd Garnizonowy w Warszawie (il-Qorti Militari tal-Ewwel Istanza tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) iddikjarat lil P. B. u lil R. S. ħatja ta’ dawn ir-reati. L-ewwel wieħed ġie kkundannat għall-ħlas ta’ “multa ta’ kuljum”, filwaqt li t-tieni wieħed ibbenefika mis-sospensjoni kundizzjonali tal-għoti tal-kundanna flimkien ma’ perijodu ta’ probazzjoni ta’ sena.

21

P. B. u R. S appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Militari Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. Iż-żewġ kawżi ġew assenjati lil kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku ta’ din il-qorti, kompost mill-Imħallef P. R., li żamm seduta fil‑25 ta’ Ottubru 2023 fil-kawża li tikkonċerna lil P. B. u fid‑9 ta’ Novembru 2023 f’dik li tikkonċerna lil R. S.

22

Fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li, maħtur f’din il-qorti fid‑29 ta’ Jannar 2013, l-Imħallef P. R. ġie ddikjarat inkapaċi għas-servizz militari professjonali f’Lulju 2017 minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu, filwaqt li ġie ddikjarat inkapaċi jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ mħallef. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 35(4) tal-Liġi dwar il-Qrati Militari, huwa talab it-trasferiment tiegħu għal kariga ekwivalenti ta’ mħallef f’qorti ordinarja.

23

Fil‑25 ta’ Lulju 2017, il-KNĠ ippropona lill-President tar-Repubblika tal-Polonja jilqa’ din it-talba. Madankollu, fis‑27 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri iktar minn erba’ snin wara, huwa rrifjuta l-ħatra tal-Imħallef P. R. għall-pożizzjoni mitluba.

24

Barra minn hekk, f’Diċembru 2019, il-Ministru għall-Ġustizzja kien issottometta proposta għall-irtirar tal-Imħallef P. R. lill-KNĠ, li ma laqagħhiex minħabba li dan ma kienx ġie ddikjarat inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef. Peress li talba simili tressqet f’Jannar 2022 mill-Ministru għad-Difiża, il-KNĠ, fit‑12 ta’ Ġunju 2023, irrifjuta li jordna tali miżura minħabba d-dħul fis-seħħ, fl‑24 ta’ April 2022, tal-Artikolu 233 tal-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon, li awtorizza lil kull membru tal-ġudikatura li ġie rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu sabiex ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

25

Għall-istess raġuni, il-President tal-Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Militari Reġjonali tal-Belt ta’ Varsavja) illibera lill-Imħallef P. R. mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu u żamm lil dan l-Imħallef fil-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-qorti tar-rinviju, fejn huwa kien reġa’ sedenti minn Marzu 2023.

26

Madankollu, permezz tal-Liġi Emendatorja, is-Sejm Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kamra Inferjuri tal-Parlament tar-Repubblika tal-Polonja), minn naħa, emendat l-Artikolu 233 tal-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon fis-sens li l-possibbiltà, għal membru tal-ġudikatura militari, li jinżamm fil-funzjonijiet tiegħu wara li jkun ġie rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu tapplika biss għall-prosekuturi militari u, min-naħa l-oħra, ipprovdiet li kull imħallef irrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu, iżda li jkun inżamm fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, kellu jirtira ex officio f’din l-aħħar data.

27

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk, wara din l-emenda leġiżlattiva, hija tissodisfax il-kriterji ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita preċedentement bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

28

F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-dispożizzjoni li neħħiet il-possibbiltà, għall-imħallef ta’ qorti militari, li jinżamm fil-pożizzjoni tiegħu meta jkun ġie rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu, filwaqt li żammitha għall-prosekuturi militari f’sitwazzjoni simili, ġiet adottata mingħajr interess pubbliku imperattiv jew l-iċken ġustifikazzjoni u bi ksur tal-Artikolu 180(3) tal-Kostituzzjoni, li jipprevedi l-irtirar antiċipat ta’ mħallef biss fil-każ ta’ mard jew ta’ invalidità li jrenduh inkapaċi li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

29

Din il-miżura ta’ rtirar antiċipat li l-Imħallef P. R. huwa suġġett għaliha minħabba l-Liġi Emendatorja għandha effett fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti tar-rinviju u, għaldaqstant, fuq il-legalità tal-proċeduri kriminali mibdija kontra P. B. u R. S. kif ukoll fuq l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, li d-Direttiva 2016/343 hija intiża li tiggarantixxi.

30

Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 13 tal-Liġi Emendatorja ma għandhomx rabta ma’ dak li kien l-għan inizjali ta’ din il-liġi, li ma kienx jikkonċerna l-organizzazzjoni ġudizzjarja.

31

Hija żżid li ebda stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jista’ jitwettaq, fid-dawl tal-kompożizzjoni u tal-ġurisprudenza attwali tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja), u li ebda stħarriġ ġudizzjarju ma huwa possibbli fir-rigward tal-miżura ta’ rtirar ex officio li tirrigwarda lill-Imħallef P. R.

32

Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Artikoli 10 u 13 tal-Liġi Emendatorja huma fir-realtà dispożizzjonijiet ad hominem li jirrigwardaw biss lill-Imħallef P. R. L-introduzzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija dovuta għar-rieda tal-Gvern Pollakk li jeskludi lil dan l-imħallef minħabba l-pożizzjonijiet pubbliċi tiegħu favur l-Istat tad-dritt u l-attivitajiet preċedenti tiegħu bħala Viċi President tal-KNĠ, fil-kompożizzjoni preċedenti tiegħu. L-Imħallef P. R. kien għalhekk vittma ta’ fastidju kemm mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-mezzi tax-xandir qrib ta’ dan il-gvern. Informazzjoni falza dwar il-ħajja privata tiegħu ġiet iċċirkolata u nbdew proċeduri kriminali kontrih mingħajr bażi. Barra minn hekk, huwa ġie mkeċċi mingħajr motiv mill-kariga tiegħu ta’ President tal-Wojskowy Sąd Garnizonowy w Warszawie (il-Qorti Militari tal-Ewwel Istanza tal-Belt ta’ Varsavja) u kien suġġett għal pressjoni diversa sabiex jiġi mġiegħel jirtira kmieni.

33

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-miżura ta’ rtirar prevista mil-Liġi Emendatorja, fejn, qabelxejn, din il-miżura tikkonċerna biss imħallef wieħed u ma tirrigwardax il-prosekuturi militari, li madankollu jkunu f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ dan l-imħallef u li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minn liġi li ma tirrigwardax l-organizzazzjoni tal-qrati. Sussegwentement, l-imsemmija miżura ma hija ġġustifikata minn ebda raġuni ta’ interess pubbliku u għandha, għall-kuntrarju, natura punittiva fir-rigward tal-imħallef ikkonċernat li jkun espost, minħabba l-attivitajiet tiegħu intiżi li jipproteġu l-indipendenza tal-imħallfin, għall-vendikazzjoni tal-poter eżekuttiv. Fl-aħħar nett, ebda rimedju ġudizzjarju ma huwa disponibbli għall-imsemmi mħallef sabiex jikkontesta l-irtirar antiċipat tiegħu.

34

Fit-tieni lok, din il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettilhiex tissospendi provviżorjament l-applikazzjoni tal-Artikoli 10 u 13 tal-Liġi Emendatorja sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari tagħha. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti, li tesponi li d-dritt Pollakk ma jipprevedix mekkaniżmu li jippermetti s-sospensjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tqis li tali miżura, li tippermetti lill-Imħallef P. R. ikompli jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-unika waħda li tista’ tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

35

Fit-tielet u l-aħħar lok, l-istess qorti tistaqsi jekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Liġi Emendatorja, hija tkunx obbligata teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u jekk, konsegwentement, jirriżultax li l-Imħallef P. R. ma jiġix irtirat.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Militari Reġjonali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑646/23, id-domandi preliminari segwenti:

“1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] kif ukoll l-Artikolu 47 tal-[Karta], b’rabta mad-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2016/343], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 13 kif ukoll l-Artikolu 10 tal-[Liġi Emendatorja], li jipprevedu l-irtirar ipso jure ta’ mħallef li jkun qed jisma’ appell f’kawża li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2016/343], f’sitwazzjoni fejn: (I) tali dispożizzjoni ġiet ifformulata b’tali mod li tapplika biss għal wieħed minn fost l-imħallfin attivi kollha, (II) tali dispożizzjoni ma tinkludix lil prosekuturi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni analoga minkejja li fis-sitwazzjoni legali attwali, il-prosekuturi u l-imħallfin li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ mħallef li jkun qed jisma’ appell ġew ittrattati bl-istess mod, (III) il-liġi li fiha ġiet ifformulata din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax is-sistema tal-qrati iżda tirrigwarda suġġett għalkollox differenti u l-motivazzjoni tagħha b’ebda mod ma tispjega r-raġunijiet għall-introduzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’ebda mod ma tindika li permezz tal-introduzzjoni tagħha jiġi ssodisfatt interess pubbliku importanti, u lanqas ma tiġġustifika r-raġunijiet għalfejn l-introduzzjoni tagħha hija proporzjonali mal-għanijiet tagħha, kif ukoll (IV) la din id-dispożizzjoni u ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt nazzjonali ma tipprevedi l-possibbiltà li qorti jew kwalunkwe tip ta’ organu ieħor tisma’ appell jew kwalunkwe rimedju legali ieħor ta’ mħallef li fir-rigward tiegħu tapplika din id-dispożizzjoni bil-għan li tiġi vverifikata l-validità tal-irtirar tiegħu jew il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ livell superjuri jew mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt internazzjonali?

2)

Il-fatt li l-imħallef ikkonċernat [mill-Artikolu 13 tal-Liġi Emendatorja] kien preċedentement, fid-dawl tal-attivitajiet tiegħu intiżi għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-qrati u tal-indipendenza tal-imħallfin, issuġġettat għal repressjoni min-naħa tal-eżekuttiv, li pprova jġiegħlu jirtira fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li kienu applikabbli preċedentement, filwaqt li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali ġiet adottata minħabba li dan l-aġir falla, huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata fl-ewwel domanda? Għal din ir-risposta huwa rilevanti l-fatt li fil-fehma tal-qorti tar-rinviju din id-dispożizzjoni ma sservi ebda interess pubbliku rilevanti iżda hija ta’ natura repressiva?

3)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) [TUE], l-Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Marzu 2007 fil-Kawża C‑432/05, Unibet (EU:C:2007:163), għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti, li fil-kulleġġ ġudikanti tagħha huwa sedenti mħallef, li għalih isir riferiment fl-ewwel u fit-tieni domanda, għandha l-jedd li tissospendi ex officio l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi l-irtirar tiegħu, li għaliha jsir riferiment fl-ewwel domanda, u li tkompli bl-għoti ta’ deċiżjoni f’din il-kawża u f’kawżi oħra sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn din tqis li huwa neċessarju li l-kawża pendenti quddiem din il-qorti tiġi deċiża konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli?

4)

Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji msemmija fit-tielet domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni domanda, tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar tal-imħallef, li għalih isir riferiment fid-domanda preċedenti, ma tistax tiġi applikata u l-imħallef ma jirtirax sakemm ma jkunx hemm bażi legali oħra għall-irtirar tiegħu?”

37

Fil-Kawża C‑661/23, din il-qorti ddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 2 [TUE] u l-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fih, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] – għandhom jiġu interpretati [f]is-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal:

a)

l-Artikolu 233 tal-[Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon] fil-verż[j]oni kif redatta [mil-Liġi Emendatorja], li skontu t-tneħħija tad-dritt ta’ mħallef ta’ krajowy sąd wojskowy (qorti militari nazzjonali) milli jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ mħallef f’qorti partikolari wara li tali mħallef ikun ġie rrilaxxat mis-servizz militari professjonali tiegħu (inkluż minħabba li jitqies li huwa permanentement mhux f’qaghda li jwettaq is-servizz militari professjonali), li jinkludi wkoll id-dritt ta’ dan l-imħallef li jpoġġi f’kulleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti f’kawżi li ġew assenjati lill-istess qorti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

b)

l-Artikolu 13 [tal-Liġi Emendatorja], li skontu minn jum id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet, imsemmija fil-paragrafu (a) ta’ dan l-artikolu, imħallef ta’ qorti militari nazzjonali, irrilaxxat mis-servizz militari professjonali fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq jintalab jirtira ipso jure?

Il-fatt li l-persuna kkonċernata mid-dispożizzjoni msemmija fid-domanda 1(b) hija u tkun esklużivament imħallef wieħed sedenti f’kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju (l-hekk imsejħa liġi ad hominem) kif ukoll li fl-istess waqt inżammet fis-seħħ setgħa simili mogħtija lill-prosekuturi fejn dawn jistgħu jibqgħu jokkupaw il-kariga ta’ prosekutur f’kawżi militari minkejja r-rilaxx mis-servizz militari professjonali, huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ipso jure ta’ mħallef ta’ qorti militari nazzjonali fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda huwa mingħajr effett, bir-riżultat li dan l-imħallef jista’ jkompli jpoġġi fil-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju, u l-korpi kollha tal-istat, inklużi l-korpi ġudizzjarji, għandhom l-obbligu li jippermettulu jkompli jpoġġi f’tali kulleġġ ġudikanti konformement mar-regoli eżistenti?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, inkluż, minn naħa, l-Artikolu 2 TUE u l-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fih, l-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fih, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ supremazija, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 TUE u l-valur tad-demokrazija stabbilit fih, l-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt, jew l-obbligu, tal-qorti nazzjonali li tissospendi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, inklużi dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva, jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni?

Il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li l-qorti li ressqet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, kif ukoll li d-deċiżjoni dwar din is-sospensjoni sal-mument meta l-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni inklużi fir-risposta għal dan ir-rinviju hija neċessarja fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tgħaqqid tal-kawżi

38

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Diċembru 2023, il-Kawżi C‑646/23 u C‑661/23 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u għall-proċedura orali tas-sentenza.

Fuq it-talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari

39

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-preżenti talbiet għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

Insostenn ta’ dawn it-talbiet, hija sostniet, essenzjalment, li d-domandi preliminari jirrigwardaw id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita preċedentement bil-liġi u li kunsiderazzjonijiet daqstant essenzjali jiġġustifikaw risposta fil-pront mill-Qorti tal-Ġustizzja.

41

Mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża titlob li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissottometti rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

42

Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Jannar 2024, Lita (C‑646/23 u C‑661/23, EU:C:2024:107), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukata Ġenerali, li t-talbiet intiżi sabiex dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa kellhom jiġu miċħuda minħabba, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ex officio, fil‑15 ta’ Novembru 2023, ta’ mħallef ta’ qorti militari ddikjarat inkapaċi għas-servizz militari professjonali kienet taffettwa biss imħallef militari wieħed u mhux numru kbir ta’ membri tal-ġudikatura, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma setgħetx tqiegħed inkwistjoni l-funzjonament tal-ordinament ġudizzjarju Pollakk b’mod sistematiku u, min-naħa l-oħra, li l-użu ta’ proċedura mħaffa ma kienx jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni f’terminu li kien ipoġġi lill-qorti tar-rinviju f’pożizzjoni li tiddeċiedi l-kawżi prinċipali qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

Fuq l-iżviluppi li seħħew wara t-tressiq tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

43

Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ April 2024, il-qorti tar-rinviju indikat li l-Imħallef P. R. kien ressaq quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieście, il-Polonja) talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu u li, wara miżuri kawtelatorji adottati minn din il-qorti, huwa kien ġie temporanjament stabbilit mill-ġdid fil-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu mill-President tal-Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Militari Reġjonali tal-Belt ta’ Varsavja).

44

Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju madankollu ppreċiżat li, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol min-naħa tal-Imħallef P. R., is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ ta’ Varsavja-Śródmieście) la tista’ tiddeċiedi dwar il-validità tal-Artikoli 10 u 13 tal-Liġi Emendatorja u lanqas tikkontesta l-effetti diġà prodotti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

45

Fid‑29 ta’ Jannar 2025, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja digriet tas‑7 ta’ Jannar 2025, li permezz tiegħu s-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieście) issospendiet il-kawża pendenti quddiemha sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

46

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 4 TUE kif ukoll mad-Direttiva 2016/343, u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

48

Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika, minn perspettiva sostantiva, għal kull Imħallef jew qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 32 sa 40; tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34, u tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, ikkonfermati mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirriżulta li dan huwa l-każ fil-każ inkwistjoni, tal-qorti tar-rinviju, li tista’ tintalab, fil-kwalità tagħha ta’ qorti militari, tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

50

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-Artikolu 47 tal-Karta, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, u l-imsemmi artikolu jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla fil-kulleġġ ġudikanti), C‑197/23, EU:C:2024:956, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda informazzjoni li tindika li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li hija implimentata fuq livell nazzjonali. Fil-fatt, minkejja li l-ewwel domanda fil-Kawża C‑646/23 tirreferi għad-Direttiva 2016/343, din id-domanda ma saritx fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li teżisti bejn l-imsemmija direttiva u din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 39).

53

Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha ma huwiex, bħala tali, applikabbli għall-imsemmija kawżi.

54

Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji suffiċjenti sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema– Rikorsi), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143, u tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑646/23 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑661/23

56

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha fil-Kawża C‑646/23 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑661/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar antiċipat ex officio, mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, ta’ mħallef militari ddikjarat inkapaċi għas-servizz militari professjonali, f’ċirkustanzi fejn, qabelxejn, l-imsemmija leġiżlazzjoni la tispjega r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha u lanqas tindika kwalunkwe interess pubbliku li jissodisfaw dawn tal-aħħar, sussegwentement, l-istess leġiżlazzjoni ma tapplikax għall-prosekuturi militari ddikjarati li huma inkapaċi għas-servizz militari professjonali, filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-ġudikatura kienu preċedentement suġġetti għall-istess regoli, u fil-fatt taffettwa biss imħallef wieħed, filwaqt li tagħmel parti minn sensiela ta’ miżuri meħuda fil-konfront ta’ dan l-imħallef, li għandhom in-natura ta’ sanzjoni u, fl-aħħar nett, ebda rimedju ġudizzjarju ma huwa disponibbli għall-imsemmi mħallef sabiex jikkontesta l-miżura ta’ rtirar antiċipat ex officio li huwa suġġett għaliha.

57

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

58

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirreferi għalih dan l-artikolu jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jikkorrispondi għalih it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

59

Barra minn hekk, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha fil-kawżi preżenti tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 47 u 77; tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 46 kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fit-tieni lok, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ggarantit li qorti li tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni u mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, iż-żamma tal-indipendenza tagħha hija primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 41, u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România, C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li huma ta’ importanza kardinali bħala garanziji tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li jkollhom il-partijiet f’kawża taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 48 u 63, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li dawn il-garanziji jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tar-raġunijiet għal astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija qorti għal fatturi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66, u tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości, C‑55/20, EU:C:2022:6, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Barra minn hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-libertà indispensabbli tal-imħallfin fir-rigward ta’ kwalunkwe interventi jew pressjonijiet esterni teżiġi ċerti garanziji li jipproteġu lill-persuna li jkollha l-kompitu li tiddeċiedi, bħall-irremovabbiltà (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 64, u tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości, C‑55/20, EU:C:2022:6, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà, li l-importanza kardinali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-membri tal-ġudikatura jkunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Mingħajr ma dan ikollu natura assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet biss jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawh, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, huwa normalment ammess li l-imħallfin ikunu jistgħu jitneħħew mill-funzjoni tagħhom jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew nuqqas serju, b’osservanza ta’ proċeduri xierqa (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 76; tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 113, u tas‑17 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Il-garanzija ta’ irremovabbiltà tal-membri tal-ġudikatura ta’ qorti teżiġi għalhekk li l-każijiet ta’ tkeċċija tal-membri tagħha tiġi ddeterminata minn leġiżlazzjoni speċifiċa, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw fil-każ ta’ tkeċċija illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jimplika rigressjoni tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa kkonkretizzat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li, fir-rigward ta’ dan il-valur, tiġi evitata kull rigressjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, billi jastjenu milli jadottaw regoli li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 63 u 64, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România, C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-ġudikatura ta’ natura li jikkostitwixxu rigressjoni, fl-Istat Membru kkonċernat, tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, b’mod partikolari tal-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirregola s-sitwazzjoni ta’ mħallef militari ddikjarat inkapaċi għas-servizz militari professjonali, ġiet suġġetta għal diversi emendi suċċessivi.

69

Fl-ewwel lok, taħt l-Artikolu 35(4) tal-Liġi dwar il-Qrati Militari, l-imħallef militari li kien jinsab f’tali sitwazzjoni seta’ jadixxi lill-KNĠ sabiex dan jipproponi lill-President tar-Repubblika tal-Polonja l-ħatra tiegħu f’funzjoni ekwivalenti f’qorti ordinarja, u l-President dak iż-żmien kellu setgħa diskrezzjonali sabiex iwettaq tali ħatra.

70

Fit-tieni lok, il-leġiżlatur Pollakk introduċa, fl-Artikolu 233 tal-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon, li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2022, ir-regola li l-imħallef jew il-prosekutur militari rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu kien miżmum ipso jure fil-funzjonijiet li kien jokkupa.

71

Fit-tielet lok, din ir-regola ta’ żamma fil-kariga tneħħiet, fil-każ tal-imħallfin militari, bl-emenda magħmula għal dan l-Artikolu 233 tal-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon permezz tal-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jirriżulta li din l-emenda implikat ir-ritorn għall-istat tad-dritt qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon, b’tali mod li l-imħallfin militari rrilaxxati mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tagħhom jistgħu, bħala prinċipju, jitolbu mill-ġdid li jinħatru mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, fuq proposta tal-KNĠ, għal funzjoni ekwivalenti f’qorti ordinarja abbażi tal-Artikolu 35(4) tal-Liġi dwar il-Qrati Militari. Madankollu, skont l-Artikolu 13 tal-Liġi Emendatorja, issir eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għall-imħallfin militari li nħelsu mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tagħhom qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jiġifieri fil‑15 ta’ Novembru 2023, iżda li nżammu fil-kariga tagħhom ta’ mħallfin militari, konformement mal-Artikolu 233 tal-Liġi dwar id-Difiża tan-Nazzjon. Skont dan l-Artikolu 13, l-imħallfin ikkonċernati għandhom jirtiraw ex officio mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja.

72

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali li stabbilixxiet, fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt preċedenti, miżura ta’ rtirar antiċipat ta’ mħallfin militari rrilaxxati mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tagħhom, tiksirx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-materjal fil-fajl, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, NFŠ, C‑28/23, EU:C:2024:893, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

L-ewwel nett, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk jirriżulta li ebda raġuni ma tista’ tinsab, b’mod partikolari fix-xogħol preparatorju tal-Liġi Emendatorja, li tiġġustifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar antiċipat ex officio, fil-15 ta’ Novembru 2023, ta’ mħallfin militari li, minkejja li nħelsu mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tagħhom, kienu nżammu fil-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin militari. Barra minn hekk, jidher li din il-liġi tapplika biss għall-imħallfin militari u mhux għall-prosekuturi militari, filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ maġistrati kienu preċedentement suġġetti għall-istess regoli ta’ żamma operattiva wara li nħelsu mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tagħhom. Minn dan jirriżulta wkoll li din id-differenza fit-trattament ma ġietx iġġustifikata, mil-leġiżlatur Pollakk, fid-dawl tal-eżistenza ta’ differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-ġudikatura, fir-rigward tal-għan tal-imsemmija leġiżlazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti nazzjonali, jidher li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser ir-rekwiżit, imfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet leġittimi u imperattivi.

74

It-tieni nett, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari u kkonfermati mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, minn naħa, il-Liġi Emendatorja tirriżulta minn emenda parlamentari, mingħajr ma tista’ tiġi stabbilita kwalunkwe rabta bejn din l-emenda li tikkonċerna l-qrati militari u s-suġġett tal-abbozz ta’ liġi inizjali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 ta’ din il-liġi kkonċerna effettivament biss lill-Imħallef P. R. Fil-fatt, huwa biss dan tal-aħħar li sab ruħu fis-sitwazzjoni ta’ mħallef militari li, fid-data tal‑15 ta’ Novembru 2023, kien inżamm fil-funzjonijiet tiegħu fi ħdan qorti militari wara li kien ġie lliberat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu. F’dan il-każ, l-imsemmija leġiżlazzjoni, filwaqt li għandha l-forma ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali, hija fil-fatt miżura individwali.

75

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tagħha, enfasizzat, b’mod partikolari fil-punti 59 u 115 sa 117 tas-sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2016, Baka vs L-Ungerija (EC:ECHR:2016:0623JUD002026112), essenzjalment, li ndħil fl-eżerċizzju ta’ dritt għandu bħala prinċipju jkun ibbażat fuq strument ta’ applikazzjoni ġenerali.

76

It-tielet nett, kemm mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk jirriżulta li l-miżura ta’ rtirar antiċipat tal-Imħallef P. R. ġiet adottata mhux minħabba l-inkapaċità ta’ dan l-imħallef li jissokta bil-funzjonijiet tiegħu wara inkapaċità jew nuqqas serju ta’ twettiq tad-dmirijiet tiegħu, iżda minħabba kritika espressa pubblikament mill-imsemmi mħallef dwar ir-riforma tal-ġustizzja fil-Polonja. Kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-evoluzzjoni tal-karriera u l-istatus ta’ dan l-istess imħallef, miġbura fil-qosor fil-punti 22 sa 26 ta’ din is-sentenza, huma barra minn hekk intiżi li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, l-eżerċizzju minnu tal-libertà ta’ espressjoni tiegħu fuq kwistjonijiet relatati mar-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka u, min-naħa l-oħra, il-miżura ta’ rtirar antiċipat li kien suġġett għaliha skont l-Artikolu 13 tal-Liġi Emendatorja. Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, din il-miżura tidher li taqa’ taħt sensiela ta’ miżuri, meħuda fir-rigward ta’ din il-qorti, li għandhom natura ta’ sanzjoni.

77

Ir-raba’ nett, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, filwaqt li l-Artikolu 73(2) u (3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi li jista’ jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li timponi ex officio l-irtirar antiċipat ta’ mħallef minħabba l-inkapaċità tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, il-Liġi Emendatorja ma pprevediet ebda rimedju ġudizzjarju għall-imħallef li huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar antiċipat skont l-Artikolu 13 ta’ din il-liġi, iġġustifikata mhux mill-inkapaċità tiegħu għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef iżda mill-inkapaċità tiegħu għas-servizz militari professjonali. Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, din l-evalwazzjoni ma tidhirx li hija kontradetta mill-fatt li l-Imħallef P. R. seta’ jressaq kawża quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieście) sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni li għamlitilha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-Imħallef P. R. ikollha portata limitata peress li la twassal għall-annullament retroattiv tal-effetti diġà prodotti mill-miżura ta’ rtirar antiċipat skont l-Artikolu 13 tal-Liġi Emendatorja u lanqas għar-reintegrazzjoni ta’ dan l-imħallef fil-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu fi ħdan il-qorti li fiha huwa kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

78

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-membri tal-ġudikatura għandhom dritt għal protezzjoni kontra l-arbitrarjetà u li huwa biss l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka minn organu ġudizzjarju indipendenti li jista’ jrendi dan id-dritt effettiv (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 24 ta’ Ottubru 2023, Pająk et vs Il-Polonja, CE:ECHR:2023:1024JUD002522618, punt 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

Il-ħames nett, billi neħħew id-dritt ta’ mħallef militari li jkun ġie rrilaxxat mill-obbligi tas-servizz militari professjonali tiegħu milli jinżamm fil-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-qorti militari li fiha kien inħatar u billi imponew l-irtirar antiċipat, fil‑15 ta’ Novembru 2023, tal-imħallef militari li kien għalhekk inżamm fil-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 13 tal-Liġi Emendatorja huma, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ta’ natura li jwasslu għal rigressjoni tal-leġiżlazzjoni Pollakka fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġudikatura, bi ksur tal-prinċipju ta’ non-rigressjoni mfakkar fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑646/23 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑661/23 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar antiċipat ex officio, mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, ta’ mħallef militari ddikjarat inkapaċi għas-servizz militari professjonali, f’ċirkustanzi fejn, qabelxejn, l-imsemmija leġiżlazzjoni la tispjega r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha u lanqas tindika kwalunkwe interess pubbliku li jissodisfaw dawn tal-aħħar, sussegwentement, l-istess leġiżlazzjoni ma tapplikax għall-prosekuturi militari ddikjarati li huma inkapaċi għas-servizz militari professjonali, filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-ġudikatura kienu preċedentement suġġetti għall-istess regoli, u fil-fatt taffettwa biss imħallef wieħed, filwaqt li tagħmel parti minn sensiela ta’ miżuri meħuda fil-konfront ta’ dan l-imħallef, li għandhom in-natura ta’ sanzjoni u, fl-aħħar nett, ebda rimedju ġudizzjarju ma huwa disponibbli għall-imsemmi mħallef sabiex jikkontesta l-miżura ta’ rtirar antiċipat ex officio li huwa suġġett għaliha.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑661/23 u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑646/23

81

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑661/23 u tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑646/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq qorti nazzjonali u fuq kull awtorità oħra tal-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-irtirar antiċipat ta’ mħallef, meta din il-leġiżlazzjoni tkun ġiet adottata bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u jekk minn dan jirriżultax li l-imħallef irtirat skont l-imsemmija leġiżlazzjoni għandux jiġi reintegrat fil-funzjonijiet tiegħu.

82

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju għalhekk jimponi lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi dispożizzjonijiet tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett rikonoxxut lil dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 157 u 158, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83

L-imsemmi prinċipju għalhekk jimponi, b’mod partikolari, fuq kwalunkwe qorti nazzjonali li, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha jkollha r-responsabbiltà li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li jkollha quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna l-abolizzjoni minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77,EU:C:1978:49, punt 24; tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni u tar-rekwiżit li dawn jiġu stabbiliti minn qabel bil-liġi, jibbenefika minn tali effett dirett li jimplika li kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali, ġurisprudenza jew prattika nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma għandhiex tiġi applikata (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ miżura ta’ sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef, adottata minn istanza dixxiplinari bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li l-qorti nazzjonali, sabiex tissodisfa b’mod partikolari l-obbligi mfakkra fil-punti 82 sa 84 ta’ din is-sentenza, għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-miżura meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86

Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll fil-kuntest, paragunabbli, tal-kawżi prinċipali, ikkaratterizzat mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li timponi l-irtirar antiċipat ta’ mħallef bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

87

Peress li l-evalwazzjoni finali tal-fatti kif ukoll l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, jaqgħu fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li jkollha tiddetermina l-konsegwenzi konkreti li jirriżultaw, fil-kawżi prinċipali, mill-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti. Madankollu, kif tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-informazzjoni fil-proċess għad-dispożizzjoni tagħha, tipprovdi lil din il-qorti bi gwida interpretattiva tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli għaliha għal dan l-għan.

88

F’dan ir-rigward, mir-risposta għall-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑646/23 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑661/23 jirriżulta li s-supremazija kif ukoll l-effett dirett tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimplikaw li l-qorti tar-rinviju għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni, timponi l-irtirar antiċipat tal-imħallef uniku sedenti fiha. Din il-qorti għandha wkoll tkun tista’ tissokta, fl-istess kompożizzjoni, bl-eżami tal-proċeduri li kienet adita bihom fid-data tal-irtirar ta’ dan l-imħallef, li għandu għalhekk jiġi reintegrat fil-funzjonijiet tiegħu, u l-organi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tal-modifika tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali huma obbligati jiżguraw din ir-reintegrazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 72, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (l-iżvestiment ta’ mħallef), C-647/21 u C-648/21, EU:C:2025:143, punt 95, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑661/23 u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑646/23 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq qorti nazzjonali u fuq kull awtorità oħra tal-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-irtirar antiċipat ta’ mħallef, meta din il-leġiżlazzjoni tkun ġiet adottata bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jimplika li l-imħallef irtirat skont l-imsemmija leġiżlazzjoni għandu jiġi reintegrat fil-funzjonijiet tiegħu. L-organi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tal-modifika tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti huma obbligati jiżguraw din ir-reintegrazzjoni.

Fuq it-tielet domandi fil-Kawżi C‑646/23 u C‑661/23

90

Permezz tat-tielet domandi tagħha fil-Kawżi C‑646/23 u C‑661/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha d-dritt li tissospendi provviżorjament l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar antiċipat ex officio tal-imħallef uniku sedenti fiha, u dan sakemm tingħata d-deċiżjoni tagħha meħuda wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, skont id-dritt nazzjonali, hija ma jkollhiex is-setgħa li tordna tali sospensjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, skont il-każ, tali sospensjoni timplikax li l-imsemmi mħallef għandu jiġi awtorizzat jissokta bl-eżami tal-kawżi l-oħra li kien adit bihom fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura ta’ rtirar antiċipat ex officio li kien suġġett għaliha.

91

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-qorti adita b’kawża rregolata minn dan id-dritt tista’ tadotta miżuri provviżorji bil-għan li tiżgura l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, jekk il-qorti nazzjonali li tissospendi l-proċeduri sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari tagħha ma tkunx tista’ tagħti miżuri provviżorji sakemm tingħata d-deċiżjoni tagħha wara r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-effett utli tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE ikun kompromess. L-effettività ta’ din is-sistema tiġi kompromessa wkoll jekk l-awtorità marbuta ma’ tali miżuri provviżorji tkun tista’ ma tittiħidx inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, minn awtorità pubblika li taqa’ taħt l-Istat Membru fejn ġew adottati l-imsemmija miżuri (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, skont il-każ, il-qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt intern li jostakolaw din is-setgħa li jingħataw miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 21, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93

Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha tkun tista’ tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Emendatorja li għandhom l-effett li jimponulha ex officio miżura ta’ rtirar sakemm tiddeċiedi dwar il-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali wara li tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din is-sospensjoni provviżorja tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u, għaldaqstant, tal-miżura ta’ rtirar antiċipat tal-imħallef uniku sedenti f’din il-qorti, timplika wkoll li din tal-aħħar ma tistax tiċċaħħad minn kawżi oħra li kienet adita bihom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-miżura għal raġunijiet marbuta mal-applikazzjoni tagħha, b’tali mod li għandha tkun tista’ tissokta bl-eżami ta’ dawn il-kawżi, tal-inqas matul il-perijodu kopert mill-imsemmija sospensjoni provviżorja.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domandi fil-Kawżi C‑646/23 u C‑661/23 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt li tissospendi provviżorjament l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar antiċipat ex officio tal-imħallef uniku sedenti fiha, u dan sakemm tingħata d-deċiżjoni tagħha meħuda wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, skont id-dritt nazzjonali, hija ma jkollhiex is-setgħa li tordna tali sospensjoni. Din is-sospensjoni provviżorja timplika li l-imħallef ikkonċernat mill-miżura ta’ rtirar ex officio għandu jkun jista’ jissokta bl-eżami tal-kawżi oħra li kien adit bihom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-miżura.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar antiċipat ex officio, mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, ta’ mħallef militari ddikjarat inkapaċi għas-servizz militari professjonali, f’ċirkustanzi fejn, qabelxejn, l-imsemmija leġiżlazzjoni la tispjega r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha u lanqas tindika kwalunkwe interess pubbliku li jissodisfaw dawn tal-aħħar, sussegwentement, l-istess leġiżlazzjoni ma tapplikax għall-prosekuturi militari ddikjarati li huma inkapaċi għas-servizz militari professjonali, filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-ġudikatura kienu preċedentement suġġetti għall-istess regoli, u fil-fatt taffettwa biss imħallef wieħed, filwaqt li tagħmel parti minn sensiela ta’ miżuri meħuda fil-konfront ta’ dan l-imħallef, li għandhom in-natura ta’ sanzjoni u, fl-aħħar nett, ebda rimedju ġudizzjarju ma huwa disponibbli għall-imsemmi mħallef sabiex jikkontesta l-miżura ta’ rtirar antiċipat ex officio li huwa suġġett għaliha.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jimponu fuq qorti nazzjonali u fuq kull awtorità oħra tal-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-irtirar antiċipat ta’ mħallef, meta din il-leġiżlazzjoni tkun ġiet adottata bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jimplika li l-imħallef irtirat skont l-imsemmija leġiżlazzjoni għandu jiġi reintegrat fil-funzjonijiet tiegħu. L-organi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tal-modifika tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti huma obbligati jiżguraw din ir-reintegrazzjoni.

 

3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

qorti nazzjonali li tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt li tissospendi provviżorjament l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar antiċipat ex officio tal-imħallef uniku sedenti fiha, u dan sakemm tingħata d-deċiżjoni tagħha meħuda wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, skont id-dritt nazzjonali, hija ma jkollhiex is-setgħa li tordna tali sospensjoni. Din is-sospensjoni provviżorja timplika li l-imħallef ikkonċernat mill-miżura ta’ rtirar ex officio għandu jkun jista’ jissokta bl-eżami tal-kawżi oħra li kien adit bihom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-miżura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

( i ) L-ismijiet ta’ dawn il-kawżi huma fittizji. Dawn l-ismijiet ma jikkorrispondu għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.