SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Portata tal-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni quddiem il-qorti suprema ta’ Stat Membru – Talba mill-parti li titlob l-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni għat-tressiq ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-appell għal reviżjoni huwa awtorizzat meta jqajjem kwistjoni ta’ liġi importanti sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tiegħu – Obbligu għall-qorti suprema nazzjonali li teżamina fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni jekk ikunx hemm lok li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari – Motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni”
Fil-Kawża C‑144/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
KUBERA, trgovanje s hrano in pijačo, d.o.o.
vs
Republika Slovenija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin, D. Gratsias, M. Gavalec, Presidenti tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), J. Passer, Z. Csehi, u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: M. Longar, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal KUBERA, trgovanje s hrano in pijačo, d.o.o., minn A. Velkaverh, odvetnik, |
|
– |
għall-Gvern Sloven, minn B. Jovin Hrastnik u N. Pintar Gosenca, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, minn K. Pommere u S. Zābele, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn P. P. Huurnink, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, B. Rous Demiri u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KUBERA, trgovanje s hrano in pijačo, d.o.o. (iktar ’il quddiem “KUBERA”) u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja), irrappreżentata mill-Ministrstvo za finance (il-Ministeru għall-Finanzi, is-Slovenja), dwar miżura doganali intiża għar-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 15), jipprovdi: “Meta l-awtoritajiet doganali jidentifikaw oġġetti ssuspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert minn deċiżjoni li tilqa’ [rikors indirizzata lis-servizz doganali kompetenti għall-intervent tal-awtoritajiet doganali], huma għandhom jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti jew jissekwestrawhom.” |
Id‑dritt Sloven
|
4 |
L-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni Slovena huwa fformulat kif ġej: “Protezzjoni ugwali tad-drittijiet hija ggarantita lil kull parti matul kull proċedura quddiem qorti u quddiem korpi oħra tal-Istat, quddiem il-korpi tal-awtoritajiet lokali u quddiem id-detenturi ta’ mandati pubbliċi, li jiddeċiedu dwar id-drittijiet, id-dmirijiet jew l-interessi legali ta’ persuna.” |
|
5 |
L-Artikolu 22(1) taż-Zakon o upravnem sporu (il-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv) (Uradni list RS, Nru 105/06), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “Fil-kawżi amministrattivi, id-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-proċedura ċivili japplikaw sa fejn din il-liġi ma tipprovdix ma tipprovdix mod ieħor.” |
|
6 |
L-Artikolu 367(1) taż-Zakon o pravdnem postopku (il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili) (Uradni list RS, no 73/07), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZPP”), jipprevedi: “Il-partijiet jistgħu jippreżentaw appell għal reviżjoni ta’ sentenza finali mogħtija fit-tieni istanza fi żmien ħmistax-il jum min-notifika tad-deċiżjoni tal-[Vrhovno sodišče (il-Qorti suprema, is-Slovenja)] li tilqa’ l-appell [għal reviżjoni].” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 367a taż-ZPP: “(1) Il-Qorti għandha tawtorizza appell għal reviżjoni jekk jista’ jkun mistenni li d-deċiżjoni tal-[Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema)] tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ dritt li hija importanti biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tad-dritt mill-ġurisprudenza. B’mod partikolari, il-qorti għandha tippermetti appell fil-każijiet li ġejjin:
(2) Il-[Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema)] għandha tiddeċiedi tawtorizzax appell abbażi tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell [għal reviżjoni] ta’ parti.” |
|
8 |
L-Artikolu 367b taż-ZPP huwa fformulat kif ġej: “(1) It-talba għal awtorizzazzjoni għal appell [għal reviżjoni] għandha titressaq minn parti f’terminu ta’ 30 jum min-notifika tas-sentenza finali tal-qorti tat-tieni istanza. (2) Talba għal awtorizzazzjoni għal appell għandha titressaq quddiem il-[Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema)]. […] (4) Fit-talba għal awtorizzazzjoni għal appell [għal reviżjoni], il-parti għandha tesponi b’mod preċiż u konkret il-kwistjoni ta’ liġi kontenzjuża u r-regola tad-dritt li qiegħed jiġi allegat il-ksur tagħha, iċ-ċirkustanzi li juru l-importanza tal-kwistjoni kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tar-raġunijiet għalfejn il-qorti tat-tieni istanza ddeċidiet illegalment fuq il-kwistjoni; hija għandha tiddeskrivi b’mod preċiż u konkret l-allegati irregolaritajiet proċedurali u, bl-istess mod, turi l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-[Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema)] li d-deċiżjoni [tal-qorti inferjuri] allegatament tbiegħdet minnha, jew l-inkonsistenza tal-ġurisprudenza.” |
|
9 |
L-Artikolu 367c taż-ZPP jipprevedi: “(1) Kulleġġ ta’ tliet imħallfin tal-[Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema)] għandu jiddeċiedi b’digriet dwar it-talba għall-awtorizzazzjoni għal appell [għal reviżjoni]. (2) Ikun biżżejjed, sabiex timmotiva d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal awtorizzazzjoni għal appell [għal reviżjoni], li l-qorti tindika b’mod ġenerali li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 367a ta’ dan l-att ma humiex issodisfatti (3) Fid-digriet li jagħti l-awtorizzazzjoni għal appell [għal reviżjoni], il-qorti jew it-tribunal għandhom jindikaw f’liema parti jew fuq liema punti ta’ dritt speċifiċi għandha tingħata l-awtorizzazzjoni għal appell [għal reviżjoni]. (4) Deċiżjoni li tawtorizza jew li tirrifjuta li jsir appell [għal reviżjoni] ma tistax tiġi appellata.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 368 taż-ZPP: “Il-[Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema)] għandha tiddeċiedi dwar l-appell għal reviżjoni.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 370(1) taż-ZPP: “Appell [għal reviżjoni] jista’ jiġi ppreżentat għal ksur sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li l-parti invokat quddiem il-qorti tat-tieni istanza, fuq il-bażi ta’ ksur sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qorti tat-tieni istanza jew għal żball ta’ liġi.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
KUBERA, kumpannija li għandha negozju ta’ prodotti tal-ikel u tax-xorb, xtrat, fit-Turkija, 87600 laned ta’ Red Bull prodotti fl-Awstrija u ttrasportathom bil-baħar sal-port ta’ Koper (is-Slovenja) sabiex jiġu importati. |
|
13 |
Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑5 ta’ Ottubru 2021, l-Amministrazzjoni tal-Finanzi tar-Repubblika tas-Slovenja ddeċidiet dwar il-qbid ta’ dawn il-laned, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 608/2013, fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja mibdija minn Red Bull GmbH, id-detentriċi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-imsemmija laned, bl-għan li jiġu protetti dawn id-drittijiet. |
|
14 |
Wara ċ-ċaħda tar-rikorsi amministrattivi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet, KUBERA ppreżentat rikorsi kontra l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja), li ċaħdithom. |
|
15 |
KUBERA ressqet quddiem il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, żewġ talbiet għal awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell għal reviżjoni mis-sentenzi tal-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva), li fil-kuntest tagħhom hija ssostni li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 608/2013 japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-merkanzija importata tkun prodotta mid-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali relatati magħha. Din hija kwistjoni legali importanti, fis-sens tal-Artikolu 367a taż-ZZP, li tiġġustifika l-awtorizzazzjoni tal-appelli għal reviżjoni. Filwaqt li tqis li r-Regolament Nru 608/2013 ma japplikax għal tali sitwazzjoni, KUBERA titlob, fil-każ li l-qorti tar-rinviju ma taqbilx ma’ din l-evalwazzjoni, it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni. |
|
16 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jobbligahiex, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tal-appell għal reviżjoni mressqa minn KUBERA, teżamina t-talba ta’ din tal-aħħar għat-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk, fil-każ li hija tqis li ma hemmx lok li tressaq talba għal domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandhiex, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, timmotiva d-deċiżjoni tagħha, peress li, skont l-Artikolu 367c(2) taż-ZPP, deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni għandu jkollha motivazzjoni sommarja biss. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li l-appell għal reviżjoni huwa rimedju straordinarju kontra deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u li għandu l-għan li jgħaqqad il-ġurisprudenza u jorjentaha, bl-istess mod bħall-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE. Sa fejn id-dritt tal-Unjoni jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku Sloven, hija tiżgura wkoll, permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni, l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dritt tal-Unjoni. |
|
18 |
Il-proċedura ta’ reviżjoni tinqasam f’żewġ stadji, jiġifieri, minn naħa, dak intiż għad-determinazzjoni dwar jekk ikunx hemm lok li jiġi awtorizzat l-appell għal reviżjoni u, min-naħa l-oħra, fil-każ tal-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, dak relatat mal-eżami fil-mertu tal-kawża inkwistjoni. |
|
19 |
L-appell għal reviżjoni jista’ jiġi awtorizzat biss fuq talba espressa ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża inkwistjoni u biss jekk din turi l-importanza oġġettiva tal-kwistjoni ta’ liġi li għandha tiġi deċiża mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema). Fil-kuntest tal-istadju relatat mal-eżami tat-talba għall-awtorizzazzjoni tal-appell għal reviżjoni, din il-qorti għandha għalhekk tagħti prijorità għall-interess pubbliku f’sens wiesa’, jiġifieri n-neċessità li jiġu żgurati l-koerenza tal-ġurisprudenza u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt, u mhux l-interess privat tal-partijiet fil-kawża. Dan l-istadju jikkostitwixxi “filtru” għall-aċċess għall-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema), billi huwa intiż li jiggarantixxi li din twettaq bis-sħiħ ir-rwol kostituzzjonali tagħha u tiddeċiedi f’terminu raġonevoli. |
|
20 |
Mill-ġurisprudenza tal-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) jirriżulta li l-appell għal reviżjoni jiġi awtorizzat jekk parti tistabbilixxi b’mod suffiċjenti li l-qorti inferjuri tbiegħdet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-kawża inkwistjoni tqajjem kwistjoni relatata mal-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni li fuqha ma teżistix ġurisprudenza tal-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema). Din l-aħħar qorti diġà awtorizzat appelli għal reviżjoni minħabba li l-kwistjoni mqajma kienet importanti kemm mill-perspettiva tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tal-iżvilupp tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, hija tittratta bl-istess mod il-kwistjonijiet dwar id-dritt tal-Unjoni u dawk dwar id-dritt nazzjonali. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża madankollu li, għalkemm ma huwiex eskluż li l-importanza legali ta’ kawża mressqa quddiemha tista’ tirriżulta minn kunsiderazzjonijiet dwar id-dritt tal-Unjoni, la l-fatt li dan id-dritt jista’ jiġi applikat fil-kuntest tal-eżami tal-kawża fil-mertu, u lanqas il-fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża tipproponi, fit-talba tagħha għall-awtorizzazzjoni tal-appell għal reviżjoni, it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex l-appell għal reviżjoni jiġi awtorizzat. |
|
22 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ma hijiex obbligata, skont iż-ZPP, li teżamina, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, jekk għandhiex titressaq jew le talba għal domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li dan ikun awtorizzat. |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li d-deċiżjonijiet tagħha dwar it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern u li, meta tirrifjuta li tawtorizza tali appell, hija għandha sempliċement tindika li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 367a taż-ZPP ma humiex issodisfatti. |
|
24 |
Madankollu, minn deċiżjoni tal-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja) tal‑31 ta’ Marzu 2022 jirriżulta li t-talba ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa fil-kuntest tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, għandha tiġi ttrattata sa mill-istadju tal-eżami ta’ din l-aħħar talba. L-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet ukoll li, meta l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) tagħti deċiżjoni li tiċħad talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni Slovena, jeżiġi li din l-aħħar qorti timmotiva din id-deċiżjoni bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħha. Mill-imsemmija deċiżjoni tal-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) jirriżulta li l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) għandha, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, teżamina t-talba għal rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar, u għandha, fid-deċiżjoni tagħha li ma tawtorizzax l-appell għal reviżjoni, tindika r-raġunijiet għalfejn hija ma ressqitx talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan sabiex tippermetti, jekk ikun il-każ, lill-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) tivverifika jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu deroga mill-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, ikunux ġew osservati. |
|
25 |
Filwaqt li tikkunsidra li, f’dan il-każ, it-talbiet ta’ KUBERA għall-awtorizzazzjoni tal-appelli tagħha għal reviżjoni ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 367a taż-ZPP u għalhekk ma jistgħux jintlaqgħu, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑31 ta’ Marzu 2022, il-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni importanti dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li timponilha li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex jiġi ddeterminat, fl-istadju tal-eżami tat-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, jekk kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn waħda mill-partijiet fit-tilwima għandhiex tkun is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha tevalwa ċertu numru ta’ kwistjonijiet legali konnessi. Hija għandha, b’mod partikolari, tiddetermina jekk id-dritt tal-Unjoni jkunx applikabbli għat-tilwima inkwistjoni, jekk il-parti kkonċernata tkunx titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni u jekk ikunx hemm lok li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari. Dan ikun jeħtieġ, essenzjalment, eżami tal-mertu tal-appell għal reviżjoni f’dan l-istadju. L-interpretazzjoni sostnuta mill-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) fir-rigward tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 267 TFUE timplika bidla kompleta fl-approċċ segwit mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tagħha dwar it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li deċiżjoni preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex effett utli fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, peress li huwa biss fl-istadju tal-eżami tal-mertu tal-appell għal reviżjoni li huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jkunx applikabbli għall-kawża inkwistjoni u jekk tkunx meħtieġa interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, fid-dawl tal-eżistenza tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni prevista miż-ZPP, jistax jitqies li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li kontrihom tali appell ma jkunx awtorizzat joriġinaw minn qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern u li tkun obbligata li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-qorti tar-rinviju hija obbligata teżamina, sa mill-istadju tal-eżami tat-talba għall-awtorizzazzjoni tal-appell għal reviżjoni, il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit, b’mod partikolari, fil-punt 51 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799), ikunx applikabbli wkoll għad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom hija ma tawtorizzax appell għal reviżjoni. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
30 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni li l-eżitu tagħha jiddependi mill-importanza tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn waħda mill-partijiet fit-tilwima għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew għall-iżvilupp tiegħu, li tiċħad tali talba għal awtorizzazzjoni mingħajr ma tkun evalwat jekk hija kinitx obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt imqajma insostenn ta’ din it-talba. |
|
31 |
Għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari, l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali supremi, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-Istati, dawn xorta huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Minn dan isegwi li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-appelli jew ta’ sistemi oħra ta’ għażla jew ta’ “filtrazzjoni” tat-tressiq ta’ kawżi quddiem il-qrati supremi nazzjonali, l-implimentazzjoni ta’ tali proċeduri jew sistemi għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt, b’mod partikolari mill-Artikolu 267 TFUE. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista f’dan l-artikolu, li tikkostitwixxi l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati, tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, jiġifieri bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri li għandu l-għan li jiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod, din il-proċedura tippermetti li tiġi żgurata l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija ta’ dan id-dritt kif ukoll, fl-aħħar istanza, in-natura tiegħu stess (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176, kif ukoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 27, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 73). |
|
34 |
Fejn ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju fid-dritt intern kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha l-obbligu, bħala prinċipju, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità ta’ att ta’ dritt derivat titqajjem quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 25; tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 32, kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 79). |
|
35 |
L-obbligu għall-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern, li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jifforma parti mill-kuntest ta’ kooperazzjoni, stabbilita biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom ta’ qrati responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, u l-Qorti tal-Ġustizzja. L-għan ta’ dan l-obbligu huwa, b’mod partikolari, li jiġi evitat li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-La Roche, 107/76, EU:C:1977:89, punt 5; tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog, C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 14, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn), C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 109). |
|
36 |
Qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern tista’ tinħeles mill-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE biss meta tkun ikkonstatat li l-kwistjoni mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 21, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 33). |
|
37 |
Tali qorti nazzjonali għandha tevalwa taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, b’mod indipendenti u bl-attenzjoni kollha meħtieġa, jekk hija jkollhiex l-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li tqajmet quddiemha jew jekk hija tkunx tinsab, għall-kuntrarju, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, li tippermettilha li tinħeles minn dan l-obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 37, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Għalhekk, meta tkun fil-preżenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, din il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, anki jekk il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tqajmet minn parti fil-proċedura quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali li jistgħu jiġu kkontestati mill-partijiet quddiem qorti suprema nazzjonali ma humiex deċiżjonijiet ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Il-fatt li l-eżami fil-mertu ta’ tali kontestazzjonijiet, ifformulati, bħal fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ appell għal reviżjoni, huwa suġġett għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan l-appell minn din il-qorti suprema nazzjonali ma għandux l-effett li jċaħħad lill-partijiet minn rimedju ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog, C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 16, u tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 76). L-eżistenza ta’ tali proċedura għalhekk ma tistax tittrasforma l-qorti inferjuri li d-deċiżjoni tagħha tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ tali appell f’qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt nazzjonali u li, konsegwentement, għandha l-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
40 |
Għall-kuntrarju, dan l-obbligu huwa impost fuq qorti suprema nazzjonali, bħalma hija l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema), bla ħsara għal dak li tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. |
|
41 |
F’dan il-każ, mill-Artikolu 367a(1) taż-ZPP kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-appell għal reviżjoni għandux jiġi awtorizzat, din il-qorti teżamina jekk il-kawża mressqa quddiemha tkunx tqajjem kwistjoni ta’ liġi importanti sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tiegħu. |
|
42 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-każijiet partikolari msemmija f’din id-dispożizzjoni jirrigwardaw esklużivament sitwazzjonijiet ikkaratterizzati, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma, jew minn diverġenza ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tat-tieni istanza meta mqabbla mal-ġurisprudenza tal-qorti suprema nazzjonali, jew mill-assenza ta’ ġurisprudenza ta’ din l-aħħar qorti, jew mill-assenza ta’ uniformità tal-ġurisprudenza tagħha jew tal-qrati nazzjonali superjuri. L-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma jagħmel riferiment, mill-banda l-oħra, għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-istat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni mqajma insostenn ta’ talba għall-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni. |
|
43 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li hija tinterpreta l-imsemmija dispożizzjoni fis-sens li ma hijiex obbligata tevalwa, fl-istadju tal-eżami tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, jekk ikunx hemm lok jew le, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni, li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni ta’ liġi tal-Unjoni mqajma insostenn ta’ din it-talba. |
|
44 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li, meta appell għal reviżjoni ma jkunx awtorizzat, id-deċiżjoni ta’ ċaħda ttemm b’mod definittiv il-proċedura. F’dan il-każ, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-qorti inferjuri tista’ tiġi imposta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni, anki jekk il-kwistjoni mqajma insostenn tat-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni tkun tiġġustifika t-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
45 |
Tali leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali tista’ għalhekk twassal għal sitwazzjoni li fiha domanda dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm tkun tqajmet minn parti quddiem il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) jew kellha titqajjem minnha fid-dawl tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn din il-parti u li ma taqax taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ma titressaqx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bi ksur tal-obbligu impost fuq din il-qorti nazzjonali mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
46 |
Issa, tali sitwazzjoni tista’ tikkomprometti l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll it-twettiq tal-għanijiet li dan l-artikolu jfittex li jilħaq, b’mod partikolari dak li jiġi evitat li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma hijiex konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. |
|
47 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino (C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 56), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 61), li tipprovdi li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern tista’ tastjeni milli tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà speċifiċi għall-proċedura quddiem din il-qorti nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
48 |
Fil-fatt, l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi kienet tikkonċerna regola nazzjonali li abbażi tagħha aggravju huwa inammissibbli meta jkun intiż li jikkontesta biss motiv tas-sentenza appellata, filwaqt li l-motivi l-oħra jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw, waħedhom, din is-sentenza (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 54). It-tieni waħda mill-imsemmija sentenzi kienet tirrigwarda regola nazzjonali li tipprovdi li kwistjoni ġdida mqajma minn parti wara l-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li tbiddel is-suġġett tat-tilwima (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 60). |
|
49 |
Fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti kienu inkwistjoni regoli nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ natura purament proċedurali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom kien jipprekludi lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza milli teżamina l-appell fil-mertu. |
|
50 |
B’differenza minn tali regoli, kriterju ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni bħal dak previst fl-Artikolu 367a(1) taż-ZPP jirrikjedi li l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) teżamina l-importanza tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma insostenn tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ tali appell għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew għall-iżvilupp tiegħu. |
|
51 |
Dan premess, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali, filwaqt li għandhom josservaw, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt intern kollu u bl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dispożizzjoni inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 118 u 119; tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punti 31 sa 34, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 33 u 34; tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 72 u 73, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Fid-dawl tal-fatt li l-qrati nazzjonali biss huma kompetenti sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk huwiex possibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi interpretata b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil dik il-qorti ċerti indikazzjonijiet utli fid-dawl tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2024 Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li ntemmet permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 64). |
|
54 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju dwar l-iżvilupp li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija possibbli. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet taż-ZPP inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li jipprojbixxu lill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) milli tevalwa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, jekk il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma insostenn ta’ din it-talba tkunx teħtieġ li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk tkunx taqa’, għall-kuntrarju, taħt waħda mill-eċċezzjonijiet imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. |
|
56 |
B’mod partikolari, il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 367a(1) taż-ZPP ma jidhrux li huma ta’ natura eżawrjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni tidher li tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-obbligu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fis-sens li l-kriterju tal-importanza tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew għall-iżvilupp tiegħu, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, jinkludi l-każ fejn il-parti fit-tilwima li titlob l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta appell għal reviżjoni tqajjem kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma taqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza u li teżiġi, konsegwentement, rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 267 TFUE u mfakkra fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza. |
|
57 |
L-evalwazzjoni msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza ma timplikax eżami iktar fil-fond minn dak li l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) hija obbligata twettaq skont l-Artikolu 367a(1) u l-Artikolu 367b(4) taż-ZPP, peress li din l-evalwazzjoni teżiġi biss li din il-qorti tiżgura ruħha mir-rilevanza tal-kwistjoni mqajma għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha u li hija tivverifika, jekk ikun il-każ, in-neċessità li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni msemmija minn din il-kwistjoni minħabba li din ma taqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. |
|
58 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-obbligu li hija marbuta bih il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt nazzjonali, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, lil hinn minn dawn l-eċċezzjonijiet huwa bla ħsara għar-responsabbiltà tagħha li tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura nazzjonali għandha titressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 56). Barra minn hekk, hija din il-qorti li għandha tevalwa jekk ikunx fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li din id-domanda titressaq biss wara dibattitu kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 32). |
|
59 |
Għalhekk, hija qorti suprema nazzjonali, adita b’talba għall-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni u li jkollha l-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddeċiedi jekk dan ir-rinviju għandux isir fl-istadju tal-eżami ta’ din it-talba għal awtorizzazzjoni jew fi stadju ulterjuri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog, C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 18). Jekk hija tiddeċiedi li tressaq it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fl-istadju tal-eżami tat-talba għal awtorizzazzjoni tal-appell għal reviżjoni, hija jkollha tissospendi t-trattament ta’ din it-talba fl-istennija tad-deċiżjoni preliminari u sussegwentement timplimenta din id-deċiżjoni fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk ikunx hemm lok li jiġi awtorizzat l-appell għal reviżjoni. |
|
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni li l-eżitu tagħha jiddependi mill-importanza tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn waħda mill-partijiet fit-tilwima għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew għall-iżvilupp tiegħu, li tiċħad tali talba għal awtorizzazzjoni mingħajr ma tkun evalwat jekk hija kinitx obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt imqajma insostenn ta’ din it-talba. |
Fuq it‑tieni domanda
|
61 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern, għandha tindika, fid-deċiżjoni li permezz tagħha hija tiċħad talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni li tinkludi talba sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-raġunijiet għalfejn hija ma ressqitx din id-domanda preliminari. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, mis-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li, meta qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt nazzjonali tqis, minħabba li tkun tinsab f’waħda mit-tliet sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li hija meħlusa mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għandhom juru jew li d-domanda dwar id-dritt tal-Unjoni li tqajmet ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal-Unjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella, fl-assenza ta’ tali ġurisprudenza, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tant evidenti għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li ma kienet tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 51). |
|
63 |
Issa, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ motiv ta’ inammissibbiltà ta’ natura purament proċedurali bħal dawk imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, qorti suprema nazzjonali bħalma hija l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) ma tistax tiċħad talba għall-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni li tqajjem kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tevalwa minn qabel jekk hijiex obbligata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din id-domanda preliminari jew jekk din tal-aħħar taqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. |
|
64 |
Minn dan isegwi li, meta din il-qorti suprema nazzjonali tiddeċiedi li tiċħad tali talba abbażi ta’ waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, din id-deċiżjoni għandha tosserva r-rekwiżit ta’ motivazzjoni mfakkar fil-punt 62 ta’ din is-sentenza. |
|
65 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt nazzjonali għandha tindika, fid-deċiżjoni li permezz tagħha hija tiċħad talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni li tinkludi talba sabiex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-raġunijiet għalfejn hija ma għamlitx dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri jew li din id-domanda ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
66 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.