SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament (UE) 2016/399 – Artikolu 32 – Introduzzjoni mill-ġdid, b’mod temporanju, minn Stat Membru tal-kontroll fuq il-fruntieri interni tiegħu – Artikolu 14 – Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul – Ekwiparazzjoni tal-fruntieri interni mal-fruntieri esterni – Direttiva 2008/115/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(a)”

Fil-Kawża C‑143/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu 2022, fil-kawża

Association Avocats pour la défense des droits des étrangers (ADDE),

Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers (ANAFE),

Association de recherche, de communication et d’action pour l’accès aux traitements (ARCAT),

Comité inter-mouvements auprès des évacués (Cimade),

Fédération des associations de solidarité avec tou.te.s les immigré.e.s (FASTI),

Groupe d’information et de soutien des immigré.e.s (GISTI),

Ligue des droits de l’homme (LDH),

Le paria,

Syndicat des avocats de France (SAF),

SOS – Hépatites Fédération

vs

Ministre de l’Intérieur,

fil-preżenza ta’:

Défenseur des droits,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Association Avocats pour la défense des droits des étrangers (ADDE), l-Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers (ANAFE), l-Association de recherche, de communication et d’action pour l’accès aux traitements (ARCAT), il-Comité inter-mouvements auprès des évacués (Cimade), il-Fédération des associations de solidarité avec tou.te.s les immigré.e.s (FASTI), il-Groupe d’information et de soutien des immigré.e.s (GISTI), il-Ligue des droits de l’homme (LDH), Le paria, is-Syndicat des avocats de Franza (SAF) u l-SOS - Hépatites Fédération, minn P. Spinosi, avocat,

għad-Défenseur des droits (id-Difensur tad-Drittijiet), minn C. Hédon, Défenseure des droits, M. Cauvin u A. Guitton, conseillères, assistiti minn I. Zribi, avocate,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u J. Illouz, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, E. Borawska‑Kędzierska u A. Siwek‑Ślusarek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, A. Katsimerou, T. Lilamand u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), kif ukoll tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Association Avocats pour la défense des droits des étrangers (ADDE), l-Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers (ANAFE), l-Association de recherche, de communication et d’action pour l’accès aux traitements (ARCAT), il-Comité inter-mouvements auprès des évacués (Cimade), il-Fédération des associations de solidarité avec tou.te.s les immigré.e.s (FASTI), il-Groupe d’information et de soutien des immigré.e.s (GISTI), il-Ligue des droits de l’homme (LDH), Le paria, is-Syndicat des avocats de Franza (SAF) u SOS - Hépatites Fédération, u l-Ministre de l’Intérieur (Franza) dwar il-legalità tal‑ordonnance no 2020-1733, du 16 décembre 2020, portant partie législative du code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (id-Digriet Nru 2020‑1733 tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-Parti Leġiżlattiva tal-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Barranin u d-Dritt għall-Ażil) (JORF tat‑30 ta’ Diċembru 2020, test Nru 41).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Kodiċi tal‑Fruntieri ta’ Schengen

3

Skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘fruntieri interni’ tfisser:

(a)

il-fruntieri tal-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, tal-Istati Membri;

(b)

l-ajruporti tal-Istati Membri għal titjiriet interni;

(c)

il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi tal-Istati Membri għal kollegamenti regolari interni bil-ferry;

2.

‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri tal-art tal-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]”

4

It-Titolu II ta’ dan il-kodiċi, li jirrigwarda l-“Fruntieri Esterni”, jinkludi fih l-Artikoli 5 sa 21 tiegħu.

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Ċaħda tad-dħul”, jipprevedi:

“1.   Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji tal-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

2.   Id-dħul jista’ jiġi miċħud biss b’deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda. Id-deċiżjoni għandha tittieħed minn awtorità li tingħata s-setgħa mil-liġi nazzjonali. Hi għandha tidħol fis-seħħ immedjatament.

Id-deċiżjoni sostanzjata li ssemmi r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda tingħata permezz ta’ formola standard, skont fl-Anness V, parti B, miktuba mill-awtorità li ngħatat is-setgħa mil-liġi nazzjonali biex tiċħad id-dħul. Il-formola standard mimlija għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li għandu jirrikonoxxi li jkun irċieva d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul permezz ta’ dik il-formola.

Id-data dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal soġġorn qasir ikun ġie miċħud, għandha tiġi rreġistrata fl-EES f’konformità mal-Artikolu 6a(2) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU 2017, L 327, p. 20)].

3.   Persuni li jkun mċaħħda d-dħul għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. L-appelli għandhom isiru skont il-liġi nazzjonali. Indikazzjoni bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti kompetenti biex jaġixxu f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skont il-liġi nazzjonali għandha wkoll tingħata liċ-ċittadin ta’ pajiż terz.

L-applikazzjoni għal appell m’għandiex ikollha l-effett li tissospendi d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kumpens mogħti skont il-liġi nazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu, jekk l-appell jikkonkludi li d-deċiżjoni biex jiġi miċħud id-dħul ma kellhiex bażi, ikun intitolat għall-korrezzjoni tad-data mdaħħla fl-EES jew tat-timbru tad-dħul ikkanċellat, jew it-tnejn, u l-korrezzjoni ta’ kwalunkwe kanċellazzjoni jew addizzjoni li tkun saret, mill-Istat Membru li jkun ċaħad id-dħul.

4.   Il-gwardji tal-fruntieri għandhom jiżguraw li ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie miċħud lilu d-dħul ma jidħolx fit-territorju tal-Istat Membru konċernat.

5.   L-Istati Membri għandhom jiġbru statistika dwar in-numru ta’ persuni li jkun iċċaħdilhom id-dħul, ir-raġunijiet għaċċaħda, iċ-ċittadinanza tal-persuni li jkun iċċaħdilhom id-dħul u t-tip ta’ fruntiera (art, ajru jew baħar) li fiha kien miċħud id-dħul u għandhom jippreżentaw din l-istatistika kull sena lill-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-ġbir ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU 2007, L 199, p. 23)].

6.   Regoli dettaljati li jirregolaw id-dħul miċħud jingħataw fil-parti A tal-Anness V.”

6

It-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jirrigwarda l-“Fruntieri Interni”, jinkludi fih l-Artikoli 22 sa 35 tiegħu.

7

L-Artikolu 25 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Qafas ġenerali għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, f’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ eċċezzjonalment jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f’partijiet speċifiċi tagħhom għal perijodu limitat ta’ mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it‑30 jum. L-iskop u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.”

8

L-Artikolu 32 tal-istess kodiċi, intitolat “Dispożizzjonijiet li għandhom japplikaw meta l-kontrolli fuq il-fruntiera jiġu introdotti mill-ġdid fil-fruntieri interni”, jipprovdi:

“Fejn jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

9

Il-Parti A tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tipprevedi:

“1. Meta jiċħad dħul, il-gwardja tal-fruntiera kompetenti għandu:

(a)

jimla l-formola standard għal dħul miċħud, kif muri fil-Parti B. Iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jiffirma l-formola u għandu jingħata kopja tal-formola ffirmata. Jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jirrifjuta li jiffirma, il-gwardja tal-fruntiera għandu jindika dan ir-rifjut fil-formola taħt it-taqsima ‘kummenti’;

(b)

għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul għal soġġorn qasir ġie miċħud, tiġi rreġistrata fl-EES id-data dwar iċ-ċaħda tad-dħul f’konformità mal-Artikolu 6a(2) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(c)

il-viżi jiġu annullati jew revokati, jekk ikun il-każ, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1)];

(d)

għal ċittadin ta’ pajjiż terz li r-rifjut tad-dħul tiegħu m’għandux ikun irreġistrat fl-EES, għandu jitwaħħal timbru tad-dħul fuq il-passaport, maqtugħ b’salib b’linka sewda li ma titħassarx, u biswitu fuq in-naħa tal-lemin, ukoll b’linka li ma titħassarx, tinkiteb/jinkitbu l-ittra/ittri li tikkorrispondi/jikkorrispondu għar-raġuni(jiet) għar-rifjut ta’ dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud kif tidher fil-Parti B ta’ dan l-Anness. Barra minn hekk, għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, il-gwardja tal-fruntiera għandha tniżżel kull ċaħda tad-dħul f’reġistru jew f’lista fejn tiddikjara l-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ir-referenzi tad-dokument li jawtorizza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biex jaqsam il-fruntiera u r-raġuni għaliex inċaħad id-dħul, u d-data ta’ tali ċaħda.

L-arranġamenti prattiċi għall-ittimbrar jinstabu fl-Anness IV.

2. Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, imċaħħad milli jidħol, ikun twassal fil-fruntiera minn trasportatur, l-awtorità lokalment responsabbli għandha:

(a)

tordna lit-trasportatur jinkariga ruħu miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u jittrasportah mingħajr dewmien lejn il-pajjiż terz minn fejn ikun inġieb, lejn il-pajjiż terz li jkun ħareġ id-dokument li jawtorizzah jaqsam il-fruntiera, jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor fejn huwa ggarantit il-permess tad-dħul, jew li jsib mezz ta’ tkomplija tat-trasportazzjoni skond l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE [tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li tissuplimenta d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU 2001, L 187, p. 45)];

(b)

sakemm titkompla t-trasportazzjoni, tieħu miżuri xierqa, skont il-liġi nazzjonali u wara li tqis iċ-ċirkostanzi lokali, biex ma tħallix li jidħlu illegalment iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz imċaħħda milli jidħlu.”

10

Skont l-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Tħassir”:

“Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)] hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness X.”

11

Skont din it-tabella ta’ korrelazzjoni, l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jikkorrispondi għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 562/2006.

Id‑Direttiva 2008/115

12

L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

13

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riammissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

[…]”

14

L-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2(2)(a) l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’kont meħud tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

(b)

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

15

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

16

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.”

17

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.”

18

L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba, jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

Id‑dritt Franċiż

19

L-Artikolu L. 213‑3‑1 tal-code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (il-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Barranin u d-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-loi no 2018-778, du 10 septembre 2018, pour une immigration maîtrisée, un droit d’asile effectif et une intégration réussie (il-Liġi Nru 2018‑778 tal‑10 ta’ Settembru 2018 dwar immigrazzjoni kkontrollata, dritt għall-ażil effettiv u integrazzjoni b’suċċess) (JORF tal‑11 ta’ Settembru 2018, test Nru 1) (iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda preċedenti”), kien jipprovdi:

“F’każ ta’ introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni, prevista fil-Kapitolu II tat-Titolu III [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 213‑2 jistgħu jittieħdu fil-konfront ta’ persuna barranija li tkun ġejja direttament mit-territorju ta’ Stat li huwa parti għall-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li tkun daħlet fit-territorju metropolitan billi qasmet fruntiera interna fuq l-art mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan u tkun ġiet suġġetta għal kontroll f’żona bejn din il-fruntiera u linja għaxar kilometri ’l ġewwa minnha. Il-proċeduri ta’ dawn il-kontrolli huma ddefiniti permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).”

20

Id-Digriet Nru 2020‑1733 ifformula mill-ġdid il-parti leġiżlattiva tal-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin u d-dritt għall-ażil. L-Artikolu L. 332‑2 ta’ dan il-kodiċi kif emendat (iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda emendat”) jipprovdi:

“Id-deċiżjoni ta’ rijfut ta’ dħul, li għandha tkun bil-miktub u motivata, għandha tittieħed minn uffiċjali ta’ kategorija stabbilita mir-regolamenti.

In-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul għandha ssemmi d-dritt tal-persuna barranija li tavża jew li tara li tiġi avżata l-persuna li hija kienet indikat li kienet ser tmur għandha, il-konsulat tagħha jew l-avukat tal-għażla tagħha. Hija għandha ssemmi d-dritt tal-persuna barranija li tirrifjuta li tintbagħat lura pajjiżha qabel ikun għadda jum sħiħ taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 333‑2.

Id-deċiżjoni u n-notifika tad-drittijiet li takkumpanjaha għandhom jiġu kkomunikati lilha f’lingwa li hija tifhem.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-persuni vulnerabbli, b’mod partikolari għat-tfal akkumpanjati jew mhux akkumpanjati minn adult.”

21

L-Artikolu L. 332‑3 taċ-Ceseda emendat jipprevedi:

“Il-proċedura prevista fl-Artikolu L. 332‑2 tapplika għad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul li tittieħed fil-konfront ta’ persuna barranija skont l-Artikolu 6 tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen]. Hija għandha tapplika wkoll meta jsiru kontrolli fuq il-fruntiera interna fil-każ li jiġu introdotti mill-ġdid b’mod temporanju l-kontrolli fuq il-fruntieri interni taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

22

L-assoċjazzjonijiet imsemmija fil-punt 2 ta’ din is-sentenza jikkontestaw quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), fil-kuntest ta’ rikors għal annulament kontra d-Digriet Nru 2020‑1733, il-validità ta’ dan tal-aħħar minħabba li, b’mod partikolari, l-Artikolu L. 332‑3 taċ-Ceseda emendat, li rriżulta proprju minn dan id-digriet, imur kontra d-Direttiva 2008/115 billi jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul fil-fruntieri interni fejn jkunu ġew introdotti mill-ġdid kontrolli.

23

Din il-qorti tispjega, fil-fatt, li fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et (C‑444/17, EU:C:2019:220), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, arrestat fil-viċinanzi immedjati ta’ fruntiera interna u li jkun qiegħed jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, anki fejn dan l-Istat Membru jkun introduċa mill-ġdid, bis-saħħa tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, il-kontroll fuq dik il-fruntiera, minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-imsemmi Stat Membru.

24

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jenfasizza li, fid-Deċiżjoni tiegħu Nru 428175 tas‑27 ta’ Novembru 2020, huwa ddeċieda li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 213‑3‑1 taċ-Ceseda preċedenti, li kienu jipprevedu li, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-persuna barranija li tkun ġejja direttament mit-territorju ta’ Stat li huwa parti għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, li ġie ffirmat f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħal fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, V. 2, p, 9, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Schengen”), setgħet tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu L. 213‑2 taċ-Ceseda preċedenti fejn din tkun daħlet fit-territorju metropolitan billi qasmet fruntiera interna fuq l-art mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan u tkun ġiet suġġetta għal kontroll f’żona bejn din il-fruntiera u linja għaxar kilometri ’l ġewwa minnha, imorru kontra d-Direttiva 2008/115.

25

Fil-fehma tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), huwa minnu li l-Artikolu L. 332‑3 taċ-Ceseda emendat ma jirriproduċix id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 213‑3‑1 taċ-Ceseda preċedenti. Madankollu, l-Artikolu L. 332‑3 taċ-Ceseda emendat jipprevedi wkoll li deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul tista’ tittieħed waqt li jsiru l-kontrolli fuq il-fruntieri interni fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq dawn il-fruntieri taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

26

Din il-qorti tqis, għalhekk, li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’tali każ, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun ġej direttament mit-territorju ta’ Stat parti għall-Konvenzjoni ta’ Schengen u li jippreżenta ruħu f’punt ta’ qsim awtorizzat tal-fruntiera, mingħajr ma jkollu fil-pussess tiegħu dokumenti li jiġġustifikaw awtorizzazzjoni ta’ dħul jew dritt ta’ residenza fi Franza, jistax jiġi rrifjutat dħul, abbażi tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma d-Direttiva 2008/115 tkun applikabbli.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), barrani li jkun ġej direttament mit-territorju ta’ Stat li huwa parti għall-[Konvenzjoni ta’ Schengen] jista’ jiġi suġġett għal deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul, fil-mument tal-verifiki mwettqa f’din il-fruntiera, fuq il-bażi tal-Artikolu 14 ta’ dan [il-kodiċi] mingħajr ma d-Direttiva [2008/115] tkun applikabbli?”

Fuq id‑domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva 2008/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fejn Stat Membru jkun introduċa mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, dan jista’ jieħu deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta ruħu f’punt ta’ qsim awtorizzat tal-fruntiera fejn isiru tali kontrolli, mingħajr ma jkun suġġett għall-osservanza ta’ din id-direttiva.

29

L-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jawtorizza, b’mod eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet, lil Stat Membru jintroduċi mill-ġdid b’mod temporanju kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha jew f’partijiet speċifiċi tal-fruntieri interni tiegħu fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ta’ dan l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi, fejn jiġu introdotti mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu II tal-imsemmi kodiċi, li jirrigwarda l-fruntieri esterni, għandhom japplikaw mutatis mutandis.

30

Dan huwa l-każ tal-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ dan il-kodiċi u li ma jaqax taħt wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorju tal-Istati Membri.

31

Madankollu, għandu jitfakkar li ċittadin ta’ pajjiż terz li, wara li jidħol b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun preżenti f’dan it-territorju mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza, ikun, fid-dawl ta’ dan, qiegħed jirrisjedi hemmhekk b’mod irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. Dan iċ-ċittadin jaqa’, għalhekk, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva u bla ħsara għall-Artikolu 2(2) tagħha, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, mingħajr ma din il-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ tul ta’ żmien minimu jew ta’ intenzjoni li wieħed jibqa’ f’dak it-territorju. Għalhekk, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minn din l-istess direttiva għat-tneħħija tiegħu, u dan kemm‑il darba r-residenza tiegħu ma tkunx, skont il-każ, ġiet regolarizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et, C‑444/17, EU:C:2019:220, punti 3739, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Dan jgħodd ukoll fejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun inqabad f’punt ta’ qsim tal-fruntiera, kemm‑il darba dan il-punt ta’ qsim tal-fruntiera jkun jinsab fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, tabilħaqq, li persuna tista’ tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru qabel ma saħansitra taqsam punt ta’ qsim tal-fruntiera (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam), C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 45).

33

Għandu wkoll jiġi ppreċiżat, pereżempju, li, fejn isiru kontrolli abbord ferrovija bejn il-mument x’ħin dik il-ferrovija titlaq mill-aħħar stazzjon, li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li jaqsam fruntiera interna ma’ Stat Membru li jkun introduċa mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, u l-mument x’ħin l-imsemmija ferrovija tasal fl-ewwel stazzjon li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, il-kontroll abbord dik l-istess ferrovija għandu, kemm-il darba dawn iż-żewġ Stati Membri ma jkunux ftiehmu xort’oħra, jitqies bħala kontroll li jkun sar f’punt ta’ qsim tal-fruntiera li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru li jkun introduċa mill-ġdid tali kontrolli. Fil-fatt, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie suġġett għal kontrolli abbord ta’ din il-ferrovija neċessarjament jirrisjedi, wara li jkunu saru dawn il-kontrolli, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115.

34

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti lill-Istati Membri jeskludu, b’mod eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35

B’hekk, minn naħa, dan l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti, fil-punt (a) tiegħu, lill-Istati Membri ma japplikawx din tal-aħħar, bla ħsara għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(4) tagħha, f’żewġ sitwazzjonijiet speċifiċi, jiġifieri dik ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fi fruntiera esterna ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew dik ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu arrestati jew interċettati meta jaqsmu tali fruntiera esterna b’mod irregolari u li ma jkunux sussegwentement kisbu l-awtorizzazzjoni jew id-dritt li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru.

36

Fid-dawl ta’ dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jirrigwardaw esklużivament il-qsim ta’ fruntiera esterna ta’ Stat Membru, kif iddefinita fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u għalhekk ma jikkonċernawx il-qsim ta’ fruntiera komuni ta’ Stati Membri li jagħmlu parti miż-żona Schengen, anki fejn ikunu ġew introdotti mill-ġdid kontrolli fuq din il-fruntiera, bis-saħħa tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et, C‑444/17, EU:C:2019:220, punti 4567).

37

Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġeneral fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 ma jawtorizzax Stat Membru, li jkun introduċa mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri tiegħu, jidderoga mill-istandards u mill-proċeduri komuni previsti minn din id-direttiva sabiex ineħħi ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie interċettat, mingħajr permess ta’ residenza validu, f’punt ta’ qsim tal-fruntiera li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u fejn isiru tali kontrolli.

38

Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 jawtorizza, fil-punt (b) tiegħu, l-Istati Membri ma japplikawx din id-direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu suġġetti għal sanzjoni kriminali li tipprevedi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, jew li jkunu suġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li każ bħal dan ma huwiex dak previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

Minn dak kollu premess jirriżulta, minn naħa, li Stat Membru li jkun introduċa mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu jista’ japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif ukoll il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness V ta’ dan il-kodiċi, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jiġi interċettat, mingħajr permess ta’ residenza regolari, f’punt ta’ qsim awtorizzat tal-fruntiera jew fejn isiru tali kontrolli.

40

Min-naħa l-oħra, fejn dan il-punt ta’ qsim tal-fruntiera jkun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar għandu, madankollu, jiżgura li l-konsegwenzi ta’ tali applikazzjoni, mutatis mutandis, tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt ta’ qabel ma jwasslux sabiex jiġu injorati l-istandards u l-proċeduri komuni previsti mid-Direttiva 2008/115. Il-fatt li dan l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jneħħi parti kbira mill-effikaċja ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul li tista’ tittieħed fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta ruħu f’waħda mill-fruntieri interni ma huwiex ta’ natura li jbiddel konstatazzjoni bħal din.

41

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru għandu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu u b’osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, dak li lejh dan għandu jitneħħa (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 53).

42

Barra minn hekk, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn għandu wkoll, bħala prinċipju, igawdi, bis-saħħa tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115, minn ċertu terminu sabiex jitlaq minn jeddu mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. It-tneħħija furzata sseħħ biss meta ma jkunx hemm għażla oħra, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, u bla ħsara għall-Artikolu 9 tagħha, li jobbliga lill-Istati Membri jipposponu t-tneħħija fil-każijiet hemmhekk stabbiliti (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 252).

43

Barra minn hekk, mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi b’mod irregolari tista’ tiġi imposta biss f’ċerti każijiet speċifiċi. Fid-dawl ta’ dan, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-artikolu ma jipprekludix li, fejn ikun ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna, dan iċ-ċittadin ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni pendenti t-tneħħija tiegħu, kemm‑il darba din id-detenzjoni tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 18 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main,C‑18/19, EU:C:2020:511, punti 41 sa 48).

44

Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/115 ma teskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jissanzjonaw b’piena ta’ priġunerija t-twettiq ta’ delitti apparti dawk marbuta mal-fatt biss ta’ dħul irregolari, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva tkun għadha ma ġietx fi tmiemha. Għalhekk, l-imsemmija direttiva lanqas ma tipprekludi l-arrest jew id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi b’mod irregolari fejn tali miżuri jittieħdu minħabba li jkun hemm suspett li l-imsemmi ċittadin ikun wettaq delitt ieħor apparti s-sempliċi dħul irregolari tiegħu fit-territorju nazzjonali, u b’mod partikolari delitt li jista’ jhedded l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et, C‑444/17, EU:C:2019:220, punt 66).

45

Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż, l-applikazzjoni, f’każ bħal dak imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, tal-istandards u tal-proċeduri komuni previsti mid-Direttiva 2008/115 ma hijiex ta’ natura li tagħmel impossibbli ż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, fis-sens tal-Artikolu 72 TFUE.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fejn Stat Membru jkun introduċa mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, huwa jista’ jieħu deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta ruħu f’punt ta’ qsim awtorizzat tal-fruntiera li jinsab fit-territorju tiegħu u fejn isiru tali kontrolli, bis-saħħa ta’ applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi, kemm‑il darba l-istandards u l-proċeduri komuni previsti minn din id-direttiva jiġu applikati għal dan iċ-ċittadin għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

fejn Stat Membru jkun introduċa mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, huwa jista’ jieħu deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta ruħu f’punt ta’ qsim awtorizzat tal-fruntiera li jinsab fit-territorju tiegħu u fejn isiru tali kontrolli, bis-saħħa ta’ applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, kemm‑il darba l-istandards u l-proċeduri komuni previsti mid-Direttiva jiġu applikati għal dan iċ-ċittadin għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.