Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑5 ta’ Ottubru 2023 (1)

Kawża C298/22

Banco BPN/BIC Português, SA,

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, fergħa fil-Portugall,

Banco Português de Investimento SA (BPI),

Banco Espírito Santo SA, fi stralċ,

Banco Santander Totta SA,

Barclays Bank Plc,

Caixa Económica Montepio Geral - Caixa Económica Bancária, SA,

Caixa Geral de Depósitos, SA,

Unión de Créditos Inmobiliários, SA, Establecimiento Financiero de Crédito, Sucursal em Portugal,

Caixa Central de Crédito Agrícola Mútuo CRL,

Banco Comercial Português SA

vs

Autoridade da Concorrência,

fil-preżenza ta’:

Ministério Público

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tal-Kontroll u tas-Sorveljanza, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Informazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjonijiet kummerċjali u l-valuri ta’ produzzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u ċ-ċirkustanzi li fihom skambju ta’ informazzjoni bejn impriżi f’kompetizzjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”.

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi stabbilimenti bankarji kontra l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Portugall, iktar ’il quddiem l-“AdC”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali li tirrigwarda d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi fuq dawn l-istabbilimenti multa għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-Artikolu 101 TFUE, li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni fi prattika miftehma, taħt il-forma ta’ koordinazzjoni informali bejn kompetituri permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva u strateġika.

3.        In-natura partikolari tal-kawża preżenti hija marbuta mal-fatt li l-AdC ikklassifikat skambju ta’ informazzjoni “awtonomu” bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mingħajr ma kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju, liema klassifikazzjoni ġuridika hija kkontestata mill-istabbilimenti bankarji li jsostnu li dan l-iskambju ta’ informazzjoni ma kienx jilħaq il-grad ta’ noċività rikjest għal tali klassifikazzjoni u li għaldaqstant jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-għan tal-imsemmi skambju iżda wkoll l-effetti tiegħu. Ġaladarba qieset li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tinkludix fiha preċedenti li jistgħu jipprovdu gwida utli sabiex tittratta l-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju għamlet dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

4.        Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li ttejjeb iktar il-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-analiżi tal-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li teżamina mill-ġdid il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li, minkejja li ilu jiġi diskuss, dejjem jippreżenta ambigwitajiet kunċettwali kbar u jqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

5.        Il-qorti tar-rinviju tevoka l-Lei Nru 19/2012 que aprova o novo regime da concorrência (il-Liġi Nru 19/2012 li Tistabbilixxi s-Sistema l-Ġdida tal-Kompetizzjoni) tat‑8 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kompetizzjoni”) (2) li ssostitwixxiet il-Lei nº 18/2003 (il-Liġi li Tistabbilixxi s-Sistema Legali tal-Kompetizzjoni) tal‑11 ta’ Ġunju 2003 (3). L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, taħt it-Titolu “Ftehimiet, Prattiċi Miftehma u Deċiżjonijiet ta’ Assoċjazzjonijiet ta’ Impriżi” (kif ukoll l-Artikolu 4 preċedenti tal-Liġi Nruº18/2003, taħt it-Titolu “Prattiċi Pprojbiti”), essenzjalment jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 101 TFUE.

III. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

6.        Fid‑9 ta’ Settembru 2019, l-AdC adottat deċiżjoni li permezz tagħha imponiet multa fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talli pparteċipaw fi skambju awtonomu ta’ informazzjoni (“standalone”) (4) bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ekwivalenti.

7.        Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, din l-awtorità kkunsidrat li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fatt li kien jeżentaha milli tfittex l-effetti possibbli tiegħu fuq is-suq. Barra minn hekk, l-imsemmija awtorità ma allegatx li l-impriżi kkonċernati kienu pparteċipaw f’forma oħra ta’ prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni li l-iskambju ta’ informazzjoni seta’ kien marbut magħha, bħal ftehim fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq.

8.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tal-Kontroll u tas-Sorveljanza, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju, peress li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni ma setgħax jitqies bħala, fih innifsu, suffiċjentement dannuż b’tali mod li ma jkunx neċessarju l-eżami tal-effetti tiegħu. F’dan ir-rigward, l-AdC b’mod partikolari, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku, ġuridiku u regolatorju li fih sar dan l-iskambju, filwaqt li kien neċessarju li dan jittieħed inkunsiderazzjoni qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

9.        Fit‑28 ta’ April 2022, il-qorti tar-rinviju tat sentenza interlokutorja ta’ kważi elfejn paġna li fiha indikat liema, minn fost il-fatti inklużi fid-deċiżjoni tal-AdC, kellhom jitqiesu bħala stabbiliti. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija qorti pprovdiet sunt ta’ din is-sentenza billi qasmet id-deskrizzjoni tagħha f’ħames subtitoli li jikkonċernaw rispettivament in-natura tal-informazzjoni skambjata, il-forma ta’ koordinazzjoni, l-għan segwit, il-kuntest ġuridiku u ekonomiku, kif ukoll l-eżistenza allegata ta’ effetti li jiffavorixxu l-kompetizzjoni.

10.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura tal-informazzjoni skambjata, din l-informazzjoni kienet tikkonċerna s-suq tal-krediti għax-xiri ta’ dar, is-suq tal-kreditu għall-konsum, kif ukoll is-suq tal-kreditu għall-impriżi. Kienu ġew skambjati żewġ tipi ta’ informazzjoni dwar dawn is-swieq, jiġifieri:

–        il-“kundizzjonijiet” kummerċjali attwali u futuri, jiġifieri l-gradilja tal-varjazzjonijiet fir-rati (spread), il-kapaċitajiet ta’ self tal-klijenti u l-parametri tar-riskju, li ma kinux, fid-dawl tal-grad ta’ kompletezza u ta’ sistematizzazzjoni tal-informazzjoni skambjata, fil-qasam pubbliku fil-mument tal-iskambju;

–        il-“volumi ta’ produzzjoni”, jiġifieri ċ-ċifri individwalizzati, mill-entitajiet ikkonċernati tal-ammont ta’ krediti mogħtija matul ix-xhar preċedenti. Din id-data ġiet ikkomunikata b’mod maqsum u ma kinitx disponibbli la f’din il-forma u lanqas minn xi sors ieħor fil-mument tal-iskambju u lanqas suċċessivament.

11.      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul u tal-forma tal-iskambju ta’ informazzjoni, il-qorti tar-rinviju indikat li dan tal-aħħar seħħ bejn ix-xhur ta’ Mejju tal‑2002 u ta’ Marzu tal‑2013. Dan immanifesta ruħu minn kuntatti istituzzjonalizzati bilaterali jew multilaterali, li saru permezz ta’ komunikazzjonijiet bit-telefon jew ta’ posta elettronika, u dan kollu b’konoxxenza sħiħa mill-ġerarkija.

12.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan segwit minn dan l-iskambju, peress li dan tal-aħħar kien jippermetti lill-banek ikkonċernati jiksbu data ddettaljata, sistemizzata, attwalizzata u preċiża dwar l-offerti tal-kompetituri, din il-qorti ddeduċiet li l-imsemmi skambju kellu bħala l-għan tiegħu t-tnaqqis tal-inċertezza marbuta mal-aġir strateġiku ta’ wieħed minnhom jew iktar bil-ħsieb li jitnaqqas ir-riskju ta’ pressjoni kummerċjali.

13.      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-imsemmi skambju, matul is-sena 2013, l-ikbar sitt stabbilimenti ta’ kreditu fil-Portugall, li pparteċipaw kollha kemm huma fl-iskambju ta’ informazzjoni, kienu jiġġestixxu 83 % tal-attivi bankarji kollha ta’ dan is-settur kollu fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, sa min-nofs is-sena 2008, għall-kuntrarju tal-evoluzzjoni tal-Euribor, l-indiċi li jirrifletti r-rati tal-interessi interbankarji fi ħdan iż-żona tal-euro, li kien b’hekk naqas ħafna, l-ispreads tal-kreditu applikati mill-istituzzjonijiet finanzjarji għal krediti immobiljari ġodda kienu suġġetti għal żieda kbira, fatt li naqqas it-tnaqqis tar-rati tal-interessi għall-klijenti finali (5). Is-sunt tas-sentenza interlokutorja jispeċifika, ukoll taħt it-titolu “kuntest ġuridiku u ekonomiku”, li l-iskambji ta’ informazzjoni kontenzjużi kienu regolari u organizzati f’ċirkuwitu magħluq. Barra minn hekk, dawn kienu jirrigwardaw informazzjoni strateġika mhux pubblika jew diffiċilment aċċessibbli jew sistematizzabbli. Fil-fatt, din l-informazzjoni kienet separata minn dik ipprovduta mill-istabbilimenti ta’ kreditu konformement mal-obbligi tagħhom ta’ informazzjoni favur il-konsumaturi.

14.      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ effetti potenzjalment favorevoli għall-kompetizzjoni jew, tal-inqas, ambivalenti, dan is-sunt isemmi li: il-banek inkwistjoni la rnexxilhom juru u lanqas li jidentifikaw l-eżistenza ta’ effetti effiċjenti ġġenerati mill-iskambji ta’ informazzjoni; li dawn l-effetti effiċjenti kienu ġew użati għall-benefiċċju tal-konsumaturi; u, li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu indispensabbli.

15.      Fl-aħħar, minkejja li l-qorti tar-rinviju tikkonstata hija stess li l-iskambju inkwistjoni jista’ jikkontribwixxi sabiex titnaqqas il-pressjoni kummerċjali u l-inċertezza marbuta mal-aġir strateġiku tal-kompetituri fuq is-suq fatt li jista’ jwassal għal koordinazzjoni informali li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija tqis li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ġġustifikat mill-assenza ta’ preċedenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw il-każ ineżami.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tal-Kontroll u tas-Sorveljanza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 101 TFUE [...] jipprekludi l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ skambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni dwar kundizzjonijiet kummerċjali (b’mod partikolari spreads, varjabbli ta’ riskju – attwali u futuri) u valuri ta’ produzzjoni (ta’ kull xahar, individwalizzati u maqsumin) b’kopertura komprensiva u bi frekwenza ta’ kull xahar, fil-qafas tal-offerta ta’ kreditu għax-xiri ta’ dar, għall-impriżi u għall-konsum, skambjata b’mod regolari u b’reċiproċità, fis-settur tal-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur, fl-ambitu ta’ suq ikkonċentrat u b’barrieri għad-dħul, li b’dan il-mod żdied it-trasparenza b’mod artifiċjali u naqqas l-inċertezza assoċjata mal-aġir strateġiku tal-kompetituri?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-istess regolamentazzjoni tipprekludi din il-klassifikazzjoni meta la jiġu kkonstatati u lanqas ma jkun possibbli li jiġu identifikati effetti effiċjenti, ambivalenti jew favur il-kompetizzjoni li jirriżultaw minn tali skambju ta’ informazzjoni?”

17.      Ir-rikorrenti, l-AdC u l-Ministério Público ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub ukoll mill-Gvern Portugiż, Grieg, Taljan u Ungeriż, mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fit‑22 ta’ Ġunju 2023 ġew ifformulati osservazzjonijiet orali mir-rikorrenti, mill-AdC, mill-Gvern Portugiż u Grieg kif ukoll mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u mill-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

18.      Preliminarjament, jeħtieġ jiġi nnotat li, b’mod kważi unanimu, ir-rikorrenti ddedikaw parti kbira mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sabiex jikkontestaw id-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn waslu sabiex isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li temenda l-ipoteżi fattwali deskritta minn dik il-qorti sabiex tipprovdi risposta utli lilha (6).

19.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-kawża (7). Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn hija awtorizzata biss li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, ma tistax tivverifika l-eżattezza tal-kuntest fattwali espost minn dik il-qorti u lanqas ma tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-allegazzjonijiet ta’ wħud mill-partijiet li jikkontestaw ir-rilevanza tal-ipoteżi fattwali deskritta mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha.

20.      Madankollu, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti lid-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest fattwali deskritt mill-qorti tar-rinviju ma ġġorr magħha l-ebda preżunzjoni li din l-ipoteżi hija sewwa sew dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar mill-aħħar, hija dejjem il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-elementi fattwali li hija ttrażmettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkorrispondu sewwa għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21.      Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-obbligu, impost fuq il-qrati nazzjonali u li jagħmlu riferiment għalih ir-rikorrenti, li jiddeskrivu b’mod preċiż il-kuntest fattwali li fih ikunu jaqgħu d-domandi preliminari. Fil-fatt, għalkemm tali obbligu huwa intiż li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li d-domanda preliminari ma hijiex inammissibbli, xorta jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex domanda tkun inammissibbli, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun tali li ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (8), li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

22.      Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kritika fformulata mir-rikorrenti fir-rigward tar-rilevanza tal-ipoteżi fattwali prevista mill-qorti tar-rinviju. Dan jgħodd ukoll għat-talbiet ta’ riformulazzjoni tad-domandi preliminari li ġew ippreżentati minn dawn il-partijiet, li permezz tagħhom huma jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina (mill-ġdid) id-deskrizzjoni tal-fatti pprovduta mill-qorti tar-rinviju u li tikklassifikahom mill-ġdid, rwol li huwa rriżervat esklużivament għal dik il-qorti.

23.      Fl-aħħar, hemm lok li jiġi nnotat li l-formulazzjoni tad-domandi mill-qorti tar-rinviju jidhru li jissuġġerixxu li ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari. Fl-opinjoni tiegħi f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih il-problema prinċipali hija dik li jiġi stabbilit jekk skambju ta’ informazzjoni li għandha l-karatteristiċi kkonstatati fil-każ preżenti jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, jeħtieġ li jiġu ttrattati b’mod konġunt l-aspetti indirizzati f’dawn iż-żewġ domandi preliminari. Għaldaqstant, l-allegati effetti effiċjenti jew l-allegati effetti favur il-kompetizzjoni u li huma previsti fit-tieni domanda preliminari huma rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fiha għandu jiġi evalwat l-iskambju ta’ informazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

B.      Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

24.      Iż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ġuridika bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ skambju ta’ informazzjoni li għandu l-karatteristiċi deskritti fil-punti 10 sa 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

25.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom, f’dan il-każ dwar l-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih din taqa’, il-ftehim inkwistjoni għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (9). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima (10).

26.      Għalhekk, qabel ma ngħaddi għall-eżami ta’ dawn id-domandi, jidhirli li jkun utli li nfakkar id-delimitazzjonijiet tal-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” kif ukoll li nipprovdi ċerti kjarifiki dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-iskambji ta’ informazzjoni.

1.      Fuq ilkunċett ta’ restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba lgħan

a)      Fuq ilprinċipji ġenerali stabbiliti millġurisprudenza talQorti talĠustizzja

27.      Sabiex ikunu suġġetti għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattika miftehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat tagħhom” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni b’mod sinjifikattiv tal-kompetizzjoni fis-suq intern (11). F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi mfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi iżda alternattivi sabiex jiġi evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. B’hekk, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal qabelxejn għall-bżonn li jiġi kkunsidrat l-għan stess tal-ftehim (12).

28.      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex l-eżami tal-effetti tagħhom ma jkunx neċessarju. Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (13).

29.      Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jippreżentawx grad suffiċjenti ta’ noċività sabiex titqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħha, l-għanijiet li hija maħsuba li tikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li tkun teżisti fih (14).

30.      Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Minn dan isegwi li, f’każ li fih l-analiżi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma tkunx tiżvela grad suffiċjenti ta’ noċività għad-detriment tal-kompetizzjoni, ikun jeħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex tiġi pprojbita, ikun jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-elementi li jistabbilixxu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (15).

31.      Fl-aħħar, jeħtieġ li jitfakkar li mill-perspettiva sostanzjali ma hemm l-ebda differenza bejn l-aġir tal-impriżi skont jekk huwiex ikklassifikat bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni wara eżami tal-effetti tiegħu jew dak li jiġi hekk ikklassifikat wara eżami tal-għan tiegħu, peress li ż-żewġ tipi huma pprojbiti skont l-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, id-dikotomija bejn restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett hija qabelxejn strument ta’ natura proċedurali maħsuba sabiex isservi bħala gwida għall-Awtorità tal-Kompetizzjoni fl-analiżi li hija għandha twettaq skont l-Artikolu 101(1) TFUE u r-riżorsi li jkollha tuża skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża (16).

b)      Fuq inneċessità ta’ “esperjenza solida u affidabbli” sabiex prattika tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba lgħan

32.      Fost il-problemi mqajma mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari tagħha, hemm dik li tikkonċerna n-neċessità ta’ esperjenza solida u affidabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex skambju ta’ informazzjoni “awtonomu”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk għandux neċessarjament ikun jeżisti preċedent sabiex tikkonstata li ċertu tip ta’ aġir jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

33.      Għal din id-domanda jeħtieġ li tingħata risposta fin-negattiv.

34.      Fl-ewwel lok, hemm lok li jitfakkar li mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE u, b’mod partikolari, mit-terminu “partikolarment” jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma fihiex lista eżawrjenti ta’ ftehimiet li għandhom l-“għan” jew ir-“riżultat” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, tipi oħra ta’ ftehim jistgħu b’hekk jiġu kklassifikati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni “minħabba l-għan” meta tali klassifikazzjoni ssir skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (17).

35.      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li minkejja li f’numru mis-sentenzi tagħha – fosthom b’mod partikolari fis-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, iktar ’il quddiem is-“sentenza CB vs Il‑Kummissjoni”) u tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, iktar ’il quddiem is-“sentenza Budapest Bank”) – il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament enfasizzat in-neċessità ta’ esperjenza suffiċjentement solida u affidabbli sabiex ftehim ikun jista’ jiġi kkunsidrat li huwa, min-natura tiegħu stess, ta’ ħsara għall-funzjonament korrett tal-kompetizzjoni, u għaldaqstant ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (18), din madankollu rrikonoxxiet b’mod ċar li l-fatt li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li ftehim ta’ tip partikolari kien, minħabba l-għan stess tiegħu, jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma kienx fih innifsu ta’ natura li jipprekludi li jsir dan fil-futur wara li jkun sar eżami individwali u ddettaljat tal-prassi kontenzjużi (19). Kull interpretazzjoni oħra twassal sabiex tiġi prekluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-Trattat li hija redatta b’mod li tkopri kategoriji ġodda ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jitfaċċaw fil-futur.

36.      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument ta’ uħud mir-rikorrenti, li skontu, l-eżistenza ta’ esperjenza solida u affidabbli hija kundizzjoni preliminari li għandha tiġi sodisfatta sabiex prattika tkun tista’ titqies bħala li tirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan u li għaldaqstant il-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom neċessarjament juru l-eżistenza ta’ preċedent sabiex jikklassifikaw aġir fis-suq bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (20).

37.      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jew prattika miftehma timplikax restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jinsab fil-konstatazzjoni li tali ftehim jew tali prattika jġorru magħhom, fihom innifishom, grad suffiċjenti ta’ noċività għad-detriment tal-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx lok li jiġu evalwati l-effetti tiegħu jew tagħha (21).

38.      Ftehimiet jew prattiki li huma assimilabbli għal aġir jew kategoriji ta’ aġir li n-noċività tagħhom għad-detriment tal-kompetizzjoni ma tqajjem l-ebda dubju fid-dawl tal-esperjenza miksuba jissodisfaw, bħala prinċipju, dan il-kriterju iżjed faċilment.  Fil-fatt, l-eżistenza ta’ esperjenza solida u affidabbli rigward in-noċività ta’ prattika antikompetittiva “ssaħħaħ” il-probabbiltà li prattika li għandha l-istess karatteristiċi bħal oħra li ġiet preċedentement ikklassifikata bħala li tirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan, tiġi kklassifikata hekk ukoll (22). Madankollu, kif semmejt fil-punt 34 tal-konklużjonijiet preżenti, l-assenza ta’ preċedenti ma tipprekludix lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jikklassifikaw ftehimiet bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan meta minn eżami individwali u ddettaljat jirriżulta li dawn jippreġudikaw il-kompetizzjoni.

39.      Barra minn hekk, il-fatt li l-karatteristiċi kollha ta’ ftehim segwit minn awtorità tal-kompetizzjoni ma humiex identiċi għal dawk ta’ prattika li ġiet preċedentement ikklassifikata bħala li tirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan ma jfissirx li ma teżistix esperjenza suffiċjentement solida u affidabbli fir-rigward tagħha. Fil-fatt, l-eżiġenza ta’ konkordanza assoluta tal-karatteristiċi kollha ta’ tali ftehimiet (inkluż għal dak li jirrigwarda s-swieq ikkonċernati), kif jidhru li jsostnu wħud mir-rikorrenti, tkun tillimita b’mod mhux iġġustifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan u tkun tirrendi partikolarment diffiċli li jiġi applikat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

40.      Madankollu, fid-dawl tal-obbligu li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jiġi interpretat b’mod restrittiv, għalkemm prattiki li għalihom ma jeżistux preċedenti jistgħu jitqiesu bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan, din il-klassifika għandha tkun limitata biss għall-każijiet li fihom in-natura antikompetittiva ta’ ftehim jew ta’ prattika tkun tirriżulta b’mod manifest jew meta l-prattiki inkwistjoni ma jkollhom l-ebda spjegazzjoni kredibbli minbarra r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq (23).

c)      Fuq itteħid inkunsiderazzjoni talkuntest ġuridiku u ekonomiku flevalwazzjoni ta’ restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba lgħan u ddemarkazzjoni tagħha talanaliżi taleffetti restrittivi talkompetizzjoni

41.      It-tieni problema maġġuri fil-kawża preżenti hija t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku fl-evalwazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kif ukoll id-distinzjoni bejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u l-eżami tal-effetti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fl-evalwazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

42.      Fl-ewwel lok, jeħtieġ jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku fl-analiżi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan huwa intiż prinċipalment sabiex jikkonferma jew jeskludi l-konstatazzjoni inizjali tal-għan antikompetittiv ta’ prattika partikolari li tkun saret fuq il-bażi ta’ elementi oħra ta’ din il-prattika.

43.      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, fis-sentenza tagħha Budapest Bank, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek li skonthom il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tirrikjedi analiżi f’żewġ stadji (24). Għaldaqstant huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li għandhom jiddeterminaw, fl-ewwel stadju, jekk, fid-dawl tal-kontenut u tal-għanijiet tal-ftehim, dan jaqax taħt kategorija ta’ ftehimiet li jagħmlu ħsara għall-kompetizzjoni fid-dawl tal-esperjenza solida u affidabbli miksuba (jew, fin-nuqqas tagħha, li fir-rigward tagħhom huwa manifest li jagħmlu tali ħsara) (25). Fit-tieni stadju, dawn l-awtoritajiet għandhom iwettqu “verifika bażika tar-realtà” bil-għan li jivverifikaw jekk ċirkustanzi partikolari tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-ftehim ikkonċernat jistgħux jixħtu dubju dwar in-noċività preżunta ta’ dan tal-aħħar (26).

44.      L-eżami tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku huwa intiż sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ “pożittivi foloz” li jistgħu jirriżultaw minn analiżi formali ta’ ftehim, diżassoċjat mir-“realtà ekonomika” u mill-kuntest ġuridiku u regolatorju li fih jeżisti dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-għan ta’ ftehim għandu jiġi evalwat mhux b’mod astratt, iżda b’mod konkret fid-dawl tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni kull element rilevanti (27). Dan l-approċċ jirrifletti, b’mod iktar preċiż, l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-qabża minn interpretazzjoni wiesgħa u formalista tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għal interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett iktar restrittiva u bbażata fuq l-ekonomija u l-esperjenza (28).

45.      Fit-tieni lok, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku li teżisti fih il-prattika ma għandhiex tiġi konfuża ma’ analiżi tal-effetti, sa fejn din tal-aħħar timplika oneru tal-prova addizzjonali u eżami iktar iddettaljat tal-effetti tal-ftehim fuq is-suq sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Kieku kien mod ieħor, id-dikotomija bejn restrizzjoni “minħabba l-għan” u restrizzjoni “minħabba l-effett” ma jibqa’ jkollha ebda sens.

46.      Minkejja li din id-distinzjoni tista’ tidher relattivament sempliċi fit-teorija, l-implimentazzjoni prattika tagħha hija madankollu iktar kumplessa. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih ikun jeżisti ftehim jista’ f’ċerti każijiet jirrendi partikolarment oskur il-punt dwar fejn jintemm l-eżami tal-ftehim mill-perspettiva tal-għan tiegħu u fejn jibda l-eżami tal-ftehim fid-dawl tal-effetti tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-ftehimiet jew tal-prattiki fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE jimplika, bl-istess mod bħall-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, in-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih ikun jinsab, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq (29) jista’ wkoll jagħti lok għal konfużjoni.

47.      Essenzjalment, id-differenza bejn iż-żewġ kategoriji ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni hija marbuta mal-intensità tal-eżami tagħhom. Għaldaqstant, f’każijiet li fihom l-għan antikompetittiv huwa faċilment perċepibbli, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih tkun teżisti l-prattika għandha tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju sabiex jiġu kkonfermati jew imwarrba n-noċività u l-għan antikompetittiv li jirriżultaw mill-analiżi tal-kontenut u tal-għanijiet tal-prattika inkwistjoni (30). Minn dan isegwi li tali analiżi, bħala prinċipju, bl-ebda mod ma tista’ tegħleb in-nuqqas ta’ identifikazzjoni effettiva ta’ għan antikompetittiv permezz tad-dimostrazzjoni tal-effetti potenzjali tal-miżuri previsti (31).

48.      Kif fakkart fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiġi konkluż li jeżisti għan antikompetittiv ta’ ftehim, għandu jkun possibbli li jiġi ddeterminat li dan tal-aħħar ikun konkretament kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu. Għaldaqstant, l-analiżi tal-għan antikompetittiv ta’ ftehim ma għandhiex “ixxaqleb” lejn analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-imsemmi ftehim ħlief meta jkun impossibbli li jiġi ddeterminat, minkejja analiżi tal-elementi intrinsiċi u kuntestwali kollha rilevanti, li dan il-ftehim jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni (32). Dan ikun il-każ pereżempju jekk l-analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku ħolqot dubji dwar in-natura partikolarment dannuża ta’ ftehim ikkonstatat (waqt l-ewwel stadju tat-test) jew tal-inqas tiżvela effetti ambigwi.

49.      Fit-tielet lok, kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HSBC (33), meta l-partijiet fi ftehim jipprevalixxu ruħhom minn effetti favur il-kompetizzjoni marbuta miegħu, dawn għandhom, bħala elementi tal-kuntest ta’ dan il-ftehim, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala restrizzjoni minħabba l-għan sa fejn huma jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjoni globali tal-livell suffiċjentement dannuż tal-prattika kollużiva kkonċernata fir-rigward tal-kompetizzjoni u, konsegwentement, għall-klassifikazzjoni tagħha bħala restrizzjoni minħabba l-għan (34). Madankollu, is-sempliċi allegazzjoni mhux sostnuta ta’ effetti favur il-kompetizzjoni tal-ftehim kontenzjuż ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala restrizzjoni minħabba l-għan tiegħu (35). B’hekk, anki jekk jiġi preżunt li huma pprovati, rilevanti u speċifiċi għall-ftehim ikkonċernat, dawn l-effetti favur il-kompetizzjoni għandhom ikunu suffiċjentement sinjifikattivi, b’tali mod li jippermettu li tiġi ddubitata raġonevolment in-natura suffiċjentement dannuża għall-kompetizzjoni tal-ftehim ikkonċernat, u, għaldaqstant, tal-għan antikompetittiv tiegħu (36).

50.      Fir-raba’ lok, għalkemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti effiċjenti jew tal-effetti favur il-kompetizzjoni allegati jifforma parti mill-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih għandu jiġi evalwat l-iskambju ta’ informazzjoni, għandu jiġi ċċarat li dan l-istadju tal-analiżi huwa differenti minn dak imwettaq abbażi tal-Artikolu 101(3) TFUE li huwa intiż li jeżamina, ġaladarba jkun ġie stabbilit li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jekk humiex sodisfatti l-kriterji għal eżenzjoni (37). Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti favur il-kompetizzjoni għandu l-għan mhux li tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, iżda li tinftiehem il-gravità oġġettiva tal-prattika kkonċernata u, konsegwentement, li jiġu stabbiliti l-modalitajiet ta’ prova tagħha (38).

2.      Fuq lapplikazzjoni talkunċett ta’ restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba lgħan għal skambji ta’ informazzjoni

51.      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċetti ta’ “ftehim”, ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” u ta’ “prattika miftehma” previsti fl-Artikolu 101(1) TFUE jkopru, mill-perspettiva suġġettiva, forom ta’ kollużjoni li huma tal-istess natura u li huma differenti minn xulxin biss fir-rigward tal-intensità u tal-forom li fihom huma jiġu mmanifestati (39). Minn dan isegwi li l-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk aġir għandux bħala l-għan jew l-effett tiegħu, il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma applikabbli kemm għal ftehim, kemm għal deċiżjoni kif ukoll għal prattika miftehma (40).

52.      Barra minn hekk, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ prattika miftehma, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali prattika tikkonsisti f’forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma jkunu waslu għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-detriment tal-kompetizzjoni (41). Barra minn hekk, sa mis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs IlKummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 288), huwa stabbilit li l-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jikkostitwixxu ksur awtonomu li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE (42).

53.      Mill-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ prattika miftehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir sussegwenti fis-suq u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li hija l-oneru tal-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq.

54.      Għaldaqstant huma meqjusa bħala kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE, l-iskambji ta’ informazzjoni li jnaqqsu jew jeliminaw il-grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-funzjonament tas-suq inkwistjoni, bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (43). Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat TUE li jikkonċernaw il-kompetizzjoni jimplikaw rekwiżit ta’ awtonomija tal-operaturi ekonomiċi. Madankollu, għalkemm dan ir-rekwiżit ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew antiċipat tal-kompetituri tagħhom, dan madankollu jipprekludi b’mod rigoruż kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkollu l-għan jew l-effett, jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li huwa ddeċieda li jadotta, jew li jipprevedi li jadotta fis-suq (44).

55.      Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha, diversi drabi, teżamina l-kompatibbiltà ta’ skambji ta’ informazzjoni mal-Artikolu 101(1) TFUE, mhux dejjem speċifikat, b’mod ċar, jekk il-kriterji li tagħmel riferiment għalihom u b’mod partikolari dak li jikkonċerna t-tnaqqis jew is-sospensjoni tal-inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq jikkonċernawx il-kunċett ta’ restrizzjoni b’mod ġenerali, jekk jikkonċernawx biss ir-restrizzjonijiet minħabba l-effett jew jekk jippermettux ukoll l-istabbiliment ta’ għan antikompetittiv (45). Madankollu, il-fatt li l-kriterju ċċitat iktar ’il fuq ikun applikat kemm sabiex tiġi identifikata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett ma huwiex sorprendenti. Kif semmejt fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-iskop tad-distinzjoni bejn restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett huwa qabelxejn wieħed probatorju.

56.      Madankollu jeħtieġ jiġi speċifikat li f’ċerti sentenzi li fihom ġie evokat il-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tiċċara iktar iċ-ċirkustanzi li fihom għandha titwettaq il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm lok li jitqies bħala li għandu għan antikompetittiv, dak l-iskambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina inċertezzi fil-ħsieb tal-persuni kkonċernati fir-rigward tal-mument, tal-portata u tad-dettalji tal-adattament tal-aġir tagħhom fis-suq (46) – u, konsegwentement, li jista’ jinċidi direttament fuq l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri jew jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq (47). Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-iskambju ta’ informazzjoni jkun jirrigwarda elementi partikolarment sensittivi mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, bħall-prezzijiet futuri jew wieħed mill-komponenti ta’ dawn il-prezzijiet, kif kien il-każ fil-kawżi li taw lok għas-sentenza T‑Mobile u Dole, jew iktar reċentement fil-kawża li tat lok għas-sentenza HSBC.

57.      Madankollu, meta l-iskambju ta’ informazzjoni jkun jirrigwarda elementi inqas sensittivi mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni jew meta l-għan antikompetittiv ma jkunx jirriżulta b’mod ċar mill-analiżi tal-kontenut, tal-għanijiet jew tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih isiru l-iskambji, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li f’dak il-każ ikun hemm lok li titwettaq analiżi tal-effetti. Din kienet is-soluzzjoni adottata, pereżempju, fil-kawża ASNEF, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, l-iskambju ta’ ċertu data bejn l-istabbilimenti bankarji li kien jipprevedi l-ħolqien ta’ reġistru bankarju ma kellux bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li għalhekk kellhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu (48). F’dik l-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, fid-dawl ta’ ċerti miżuri ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ data sensittiva adottati mill-banek inkwistjoni, il-fajls li kienu ġew skambjati bejniethom la setgħu jiżvelaw il-pożizzjoni rispettiva fis-suq tal-impriżi f’kompetizzjoni bejniethom u lanqas l-istrateġija kummerċjali tagħhom (49).

58.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, japplikaw l-osservazzjonijiet li ġejjin.

59.      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, li mhux kull skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt l-iskambji ta’ informazzjoni jikkostitwixxu karatteristika komuni ta’ diversi swieq kompetittivi. Barra minn hekk, jirriżulta mit-teorija ekonomika li t-trasparenza bejn operaturi ekonomiċi tista’ tikkontribwixxi għall-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni u tippermetti li jiġu solvuti problemi ta’ assimetrija tal-informazzjoni u tiġġenera diversi tipi ta’ effetti effiċjenti, b’tali mod li tirrendi s-swieq iktar effiċjenti (50).

60.      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri, it-tnaqqis jew it-tneħħija tal-inċertezza fir-rigward tal-aġir strateġiku ta’ kompetitur fis-suq huwa kriterju deċiżiv għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

61.      Madankollu, l-evalwazzjoni fid-dawl tal-kriterju ċċitat iktar ’il fuq tiddependi mill-qrib fuq in-natura tal-informazzjoni skambjata bejn kompetituri. Fil-fatt, huwa biss l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika (jew kummerċjalment sensittiva) li jista’ jnaqqas l-inċertezza fis-suq u jħalli impatt fuq l-awtonomija deċiżjonali tal-partijiet, b’tali mod li b’hekk inaqqas il-kompetizzjoni. Għalkemm ma teżistix definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ informazzjoni strateġika (jew kummerċjalment sensittiva), bħala prinċipju, huwa ammess li, l-informazzjoni marbuta mal-prezzijiet u mal-kwantitajiet huma dawk li jippreżentaw l-ikbar interess strateġiku, segwita mill-informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-domanda (51). Barra minn hekk, l-utilità strateġika tad-data skambjata tista’ tiddependi wkoll fuq serje ta’ fatturi oħra bħall-grad ta’ konċentrazzjoni fis-suq inkwistjoni, in-natura magħquda jew maqsuma tal-informazzjoni, kemm ikollha żmien, kif ukoll il-frekwenza tal-iskambji inkwistjoni (52).

62.      Fit-tielet lok, minkejja li skambju ta’ informazzjoni jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, il-fatt li tali skambju jkun jirrigwarda data strateġika ta’ natura li tnaqqas l-inċertezza fis-suq, ma jwassalx awtomatikament għal klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

63.      Fid-dawl tal-obbligu li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jiġi interpretat b’mod restrittiv, din il-klassifikazzjoni tista’ tingħata biss lill-iskambji ta’ informazzjoni li fir-rigward tagħhom jirriżulta b’mod ċar u mhux ambigwu li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tagħhom, ikun sodisfatt il-kriterju tat-tnaqqis jew tal-eliminazzjoni tal-inċertezza fis-suq, b’tali mod li dawn l-iskambji jistgħu jinfluwenzaw direttament l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri billi jippermettulhom li jadattaw l-aġir tagħhom fis-suq. Kif semmejt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-kriterju jitqies li ġie ssodisfatt meta l-iskambju ta’ informazzjoni jirrigwarda elementi kruċjali għall-kompetizzjoni, bħall-kapaċitajiet u l-prezzijiet futuri.

64.      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li skambju ta’ informazzjoni jista’ jikkostitwixxi prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan, meta mill-analiżi tal-kontenut tiegħu, tal-għanijiet tiegħu u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li jkun jeżisti fih, jirriżulta li dan l-iskambju jippreżenta grad suffiċjenti ta’ noċività għad-detriment tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li dan l-iskambju jkun “awtonomu”, fis-sens li ma jkunx assoċjat mal-konstatazzjoni ta’ akkordju, ma hijiex ta’ natura li tpoġġi f’dubju l-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, dment li l-imsemmi skambju ma jippreżenta grad suffiċjenti ta’ noċività (53).

3.      Fuq levalwazzjoni talklassifikazzjoni tarestrizzjoni talkompetizzjoni minħabba lgħan filkaż ineżami

a)      Osservazzjonijiet preliminari

65.      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fid-dawl tal-karatteristiċi deskritti fil-punti 10 sa 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-iskambji inkwistjoni kienu jikkonċernaw data attwali u futura li kienet strateġika mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni u kienu jippermettu lir-rikorrenti jiksbu informazzjoni preċiża dwar l-offerti tal-kompetituri tagħhom, fatt li kien b’hekk jippermettilhom inaqqsu l-inċertezza marbuta mal-aġir strateġiku u li jallinjaw ruħhom permezz ta’ koordinazzjoni informali.

66.      Madankollu din id-deskrizzjoni hija kkontestata mir-rikorrenti li jqisu li, għall-kuntrarju tal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-AdC u mill-qorti tar-rinviju, il-karatteristiċi tal-informazzjoni skambjata ma kinux jippermettu tali koordinazzjoni fis-suq (54).

67.      Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar, minn naħa, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tal-kuntest fattwali espost mill-qorti tar-rinviju (55) u li hija, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih din tal-aħħar tkun teżisti, jekk l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni kellux bħala l-għan tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (56).

68.      Ġaladarba ġew ipprovduti dawn il-kjarifiki, nipproponi l-eżami, fl-ewwel lok, tal-parti tal-iskambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjonijiet kummerċjali tas-self (b’mod partikolari, dawn li jirrigwardaw l-ispreads) qabel l-eżami, fit-tieni lok, tal-iskambji marbuta mal-volumi ta’ produzzjoni u, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-kundizzjonijiet li fihom l-istess skambju wieħed li jirrigwarda dawn iż-żewġ tipi ta’ informazzjoni, li huma analizzati flimkien, jista’ jitqies bħala li għandu għan antikompetittiv.

b)      Fuq linformazzjoni marbuta malkundizzjonijiet kummerċjali

1)      Fuq ilkontenut talinformazzjoni skambjata

69.      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-“ispreads” li dwarhom il-banek skambjaw informazzjoni jikkostitwixxu element essenzjali tal-prezz (57). Barra minn hekk, minn din l-istess deċiżjoni jirriżulta li, billi kkomunikaw bejn il-kompetituri wieħed mill-komponenti tal-prezz li huma kien sejrin jadottaw, ir-rikorrenti kkontribwixxew sabiex tiżdied it-trasparenza fis-suq billi naqqsu l-inċertezza marbuta mal-istrateġija attwali jew futura tagħhom, fatt li kien jippermetti lil kull wieħed mill-banek parteċipanti juża din l-informazzjoni fid-definizzjoni tal-istrateġija kummerċjali tagħhom u li jallinja ruħu magħha permezz ta’ koordinazzjoni informali.

70.      Madankollu, qabelxejn, hemm lok li jiġi nnotat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li skambju li jkollu karatteristiċi bħal dawn jista’ jiġi kklassifikat bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan. B’hekk, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni difiża minn uħud mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li teżisti esperjenza suffiċjentement affidabbli u solida li tippermetti li jitqies li tali skambji li jikkonċernaw il-prezzijiet futuri (jew ċerti fatturi tagħhom) huma intrinsikament antikompetittivi, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju kollużiv partikolarment għoli li dawn jinkludu, b’tali mod li jistgħu jiġu kklassifikati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan.

71.      Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri għandha titwettaq fid-dawl tad-disinn inerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-kompetizzjoni, li skontu kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jkollu l-ħsieb li jsegwi fis-suq (58). Madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri dwar fatturi determinanti għall-prezzijiet jikser b’mod flagranti dan ir-rekwiżit tal-awtonomija, b’mod partikolari meta din l-informazzjoni tkun tirrigwarda l-intenzjonijiet futuri fil-qasam tal-prezz, li tippermetti lill-impriżi jantiċipaw il-moviment kummerċjali strateġiku ta’ kompetitur u jadattaw ruħhom għalih billi jnaqqsu l-pressjoni kompetittiva fis-suq.

72.      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li minbarra n-natura kunfidenzjali tagħha fil-mument tal-iskambju, l-informazzjoni marbuta mal-ispreads hija partikolarment rilevanti għad-determinazzjoni tal-offerti ta’ self li l-banek jipproponu lill-klijenti tagħhom. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li s-suq bankarju huwa rregolat ħafna, l-istabbilimenti bankarji għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom marġni ta’ libertà deċiżjonali fir-rigward tal-istabbiliment tal-ispreads li jiżguraw differenzazzjoni strateġika ta’ kull bank u li għaldaqstant tikkostitwixxi fattur ewlieni tal-kompetizzjoni bejn dawn l-istabbilimenti (59).

73.      Għaldaqstant, il-kontenut ta’ dan l-iskambju fih innifsu jippreżenta grad suffiċjenti ta’ noċività għad-detriment tal-kompetizzjoni u jista’ jitqies, min-natura tiegħu stess, bħala dannuż għall-funzjonament korrett tal-kompetizzjoni, li jkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti aġir li jikkostitwixxi deterjorament anki tal-proċess kompetittiv fis-swieq rilevanti (60).

74.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-perspettiva difiża minn uħud mir-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li prattika miftehma tkun tirrigwarda l-fatturi kollha tal-kompetizzjoni. Tali prattika jista’ jkollha għan li jmur kontra l-kompetizzjoni anki jekk tkun tikkonċerna biss fatturi iżolati, bħall-ispread (61). Il-fatt li l-prezz finali jinkludi fih komponenti oħrajn li possibbilment ma kinux (kollha kemm huma) is-suġġetti ta’ skambju ta’ informazzjoni ma jistax ipoġġi f’dubju l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

75.      Barra minn hekk, in-natura strateġika u kummerċjalment sensittiva tad-data skambjata ma titpoġġiex f’dubju, anki li kieku kellu jirriżulta, kif isostnu diversi minn fost ir-rikorrenti, li ċerti skambji inkwistjoni la kienu jikkonċernaw il-prezzijiet finali pprattikati mill-banek u lanqas l-ispreads tal-kreditu effettivament mogħtija lill-klijenti iżda kienu jikkonċernaw firxa ta’ rati indikattivi li ntużaw bħala punti tat-tluq għan-negozjati individwali ma’ kull klijent skont il-profil ta’ riskju partikolari tiegħu. Fil-fatt, l-iżvelar ta’ tali data jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġu rrilevati l-intenzjonijiet strateġiċi dwar aġir futur fil-qasam tal-prezz u jiġi ffaċilitat għalhekk aġir kollużiv bejn impriżi kompetituri (62).

2)      Fuq lgħan segwit milliskambju ta’ informazzjoni

76.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jew skambju ta’ informazzjoni jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, hemm lok li jiġu eżaminati b’mod partikolari l-għanijiet oġġettivi li huwa intiż li jilħaq (63). Barra minn hekk, dawn l-għanijiet oġġettivi, li għandhom jirriżultaw b’mod ċar mill-prattiki inkwistjoni, bl-ebda mod ma għandhom jiġu konfużi mal-intenzjonijiet suġġettivi li tiġi ristretta l-kompetizzjoni jew le jew inkella mal-għanijiet leġittimi eventwalment segwiti mill-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, huwa stabbilit li ftehim jista’ jitqies bħala li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni anki jekk ikun isegwi għanijiet leġittimi oħrajn (64).

77.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-AdC qieset li, fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni li kien jirrigwarda l-iskambju, dan tal-aħħar ma seta’ jkollu l-ebda għan ieħor ħlief li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Din il-konstatazzjoni hija kkontestata mir-rikorrenti li jsostnu li l-iskambju ta’ informazzjoni kien mezz informali sabiex tiġi ffaċilitata l-attività ta’ benchmarking tal-banek li tippermettilhom jipparagunaw bejniethom l-offerti rispettivi tagħhom (65), filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta ma’ tali eżerċizzju ta’ paragunar, fatt li seta’ jkollu effetti favur il-kompetizzjoni (66), b’tali mod li l-għan tal-skambju ma kienx intrinsikament antikompetittiv.

78.      Dan l-argument ma jidhirx li huwa kredibbli wisq u għaldaqstant għandu jitwarrab.

79.      Għalkemm skambju ta’ informazzjoni jista’, fil-fatt, jiġġenera effetti effiċjenti u jirriżulta fi prestazzjoni aqwa għall-impriżi, billi jippermettilhom b’mod partikolari li jipparagunaw il-prattiki rispettivi tagħhom u li b’hekk itejbu kemm l-effiċjenza interna tagħhom kif ukoll il-pożizzjoni tagħhom fis-suq, jirriżulta naturalment li inizjattivi bħall-benchmarking ma jiġġustifikawx l-użu ta’ prattiki li huma fihom innifishom antikompetittivi, bħall-iskambju ta’ informazzjoni li hija kunfidenzjali u strateġika mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħal dik li tikkonċerna l-azzjonijiet previsti minn impriżi fil-qasam tal-prezz.

80.      Barra minn hekk, għandi d-diffikultajiet tiegħi sabiex insegwi r-raġunament tal-banek inkwantu l-għanijiet segwiti permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, hemm lok tiġi indagata l-utilità ta’ tali skambju peress li, skont ir-rikorrenti, l-informazzjoni skambjata kienet sejra, minn naħa, tiġi ppubblikata mill-banek fl-istess ħin (jew immedjatament wara) l-iskambju inkwistjoni, u li, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-proċeduri interni applikabbli fi ħdan il-banek, din tal-aħħar ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu mmodifikati l-ispreads. Minbarra l-fatt li din il-konstatazzjoni hija kkontestata mill-AdC u li ma tirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju, tali skambju ta’ informazzjoni ma jkun isegwi l-ebda loġika kummerċjali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu indagati l-motivi li setgħu xprunaw lir-rikorrenti sabiex jesponu ruħhom għal riskju mhux negliġibbli mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex jiksbu informazzjoni li skonthom, ma kienet ta’ ebda interess kummerċjali reali.

3)      Fuq ilkuntest ġuridiku u ekonomiku

81.      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jallegaw li l-AdC ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku, ġuridiku u regolatorju tas-settur bankarju matul il-perijodu ta’ ksur. Evalwazzjoni ta’ dan l-iskambju fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku rilevanti, kienet, skont dawn il-partijiet, twassal sabiex jinstab li kien effettivament favur il-kompetizzjoni, jew, tal-inqas, tali evalwazzjoni kellha tqajjem dubju dwar in-noċività tiegħu, u b’hekk tpoġġi f’dubju l-konstatazzjoni dwar restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (67).

82.      Barra minn hekk, jeħtieġ jitfakkar, bħalma speċifikajt fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li meta l-għan antikompetittiv huwa faċilment perċepibbli, kif jidher li huwa l-każ fir-rigward tal-skambji marbuta mal-ispreads, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih teżisti l-prattika għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi vverifikat jekk ċirkustanzi partikolari jistgħux iqajmu dubju dwar in-noċività kkonstatata ta’ din il-prattika. Minn dan isegwi li huma biss l-elementi li huma realment rilevanti għall-analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li għandhom jiġu eżaminati minn awtorità tal-kompetizzjoni u li din tal-aħħar ma hijiex obbligata teżamina argumenti purament ipotetiċi jew diżassoċjati mill-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jitwettaq l-iskambju ta’ informazzjoni jew l-aġir inkwistjoni (68).

83.      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-AdC u mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-grad ta’ konċentrazzjoni (u l-partijiet tas-suq) tad-diversi parteċipanti matul il-perijodu kopert mill-imsemmi skambju u l-fatt li dan tal-aħħar twettaq f’“ċirkuwitu magħluq”.

84.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex tissostitwixxi lill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tal-metodu segwit mill-AdC u l-fondatezza tal-analiżi li twettqet minn din tal-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-grad ta’ konċentrazzjoni huwa wieħed mill-elementi li jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni (69). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li f’suq li huwa kkonċentrat ħafna, l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni jista’ jkun, partikolarment skont it-tip ta’ informazzjoni skambjata, ta’ natura li jippermetti lill-impriżi jiksbu konjizzjoni tal-pożizzjoni u tal-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri tagħhom fis-suq, b’tali mod li b’hekk joħloq distorsjoni fir-rigward tar-rivalità f’dan is-suq u jżid il-probabbiltà ta’ kollużjoni, jew anki jiffaċilitaha (70).

85.      Minbarra l-potenzjal kollużiv ta’ dan l-iskambju, il-fatt li dan tal-aħħar ikun twettaq f’ċirkuwitu magħluq jippreżenta wkoll riskju ta’ esklużjoni tal-banek li ma jipparteċipawx fl-imsemmi skambju u li għaldaqstant ma jkollhomx l-istess data sabiex jevalwaw il-kundizzjonijiet eżistenti u futuri fis-suq rilevanti. Tali skambju fi ħdan grupp limitat ta’ parteċipanti jista’ jirrendi iktar diffiċli d-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq (71), b’mod partikolari meta dan tal-aħħar ikun jippreżenta l-karatteristiċi rrilevati mill-qorti tar-rinviju (72).

86.      Barra minn hekk, il-fatt li, għall-kuntrarju tal-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi ta’ produzzjoni li kienet regolari, l-iskambji li jikkonċernaw it-tabelli tal-ispreads kienu sporadiċi, kif isostnu r-rikorrenti, fih innifsu, ma jeskludix l-għan antikompetittiv ta’ skambju ta’ informazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kuntatt wieħed jista’, fid-dawl tal-istruttura ta’ suq, ikun suffiċjenti sabiex l-impriżi jiftehmu dwar l-aġir tagħhom (73).

87.      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq bankarju Portugiż, l-aġir inkwistjoni ma seta’ jkollu l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni u lanqas, għaldaqstant, iwassal għal aġir kollużiv (74). B’mod iktar preċiż, fid-dawl tal-proċeduri interni li kellhom isegwu l-istabbilimenti ta’ kreditu sabiex ibiddlu l-offerta tagħhom, dawn tal-aħħar ma setgħux jirreaġixxu immedjatament għal tali informazzjoni.

88.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għal kull prova kuntrarja li l-oneru għal produzzjoni tagħha tibqa’ imposta fuq il-partijiet (75), li l-impriżi jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq meta dawn jibqgħu attivi fih (76) u li dan kollu huwa iktar minnu meta l-prattika miftehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu ta’ żmien twil (77).

89.      Madankollu, jidhirli li r-rikorrenti qegħdin jipprovaw jikkonfutaw din il-preżunzjoni billi jinvokaw “impossibbiltà fattwali” ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-informazzjoni sabiex jaġġustaw u jibdlu l-aġir tagħhom fis-suq. Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu (li ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju), tali argument waħdu ma huwiex suffiċjenti sabiex ixejjen il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

90.      Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi mfakkar, fl-ewwel lok li, l-Artikolu 101 TFUE huwa intiż, bħal regoli oħrajn tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u, b’dan il-mod, il-kompetizzjoni bħala tali. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv ta’ prattika miftehma ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta tagħha mal-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi finali (78). Għaldaqstant, anki aġir li jista’ jwassal għal ċertu tnaqqis tal-prezz tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (jew li jkollu impatt newtrali fuq il-kompetizzjoni) jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jitqies bħala intrinsikament antikompetittiv (79).

91.      Fit-tieni lok, il-fatt li l-ispreads kienu sejrin jiġu ppubblikati ftit wara l-iskambji inkwistjoni, ma jbiddel xejn mill-fatt li din l-informazzjoni kienet kunfidenzjali mingħajr ma kienet aċċessibbli għall-pubbliku fil-mument li fih din ġiet effettivament skambjata. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li din l-informazzjoni kienet tirrigwarda l-intenzjonijiet futuri tal-banek ikkonċernati fil-qasam tal-prezz u għaldqastant kienet strateġika u partikolarment sensittiva mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni.

92.      Anki jekk jiġi preżunt li l-argument invokat mir-rikorrenti kien ġie pprovat, jiena tal-opinjoni li xorta ma huwiex suffiċjenti sabiex ipoġġi f’dubju l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-ksur li jikkonsisti f’restrizzjoni minħabba l-għan iżda jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa u jwassal, skont il-każ, għal tnaqqis tal-multa imposta.

93.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq in-natura speċifika tas-settur bankarju, ir-rikorrenti jsostnu li billi jnaqqas l-inċertezza fis-suq, l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni seta’ jwassal għal effetti effiċjenti u jkollu effetti favur il-kompetizzjoni li huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

94.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat, kif ġie mfakkar fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-eżistenza possibbli ta’ effetti favur il-kompetizzjoni invokata mir-rikorrenti ma tpoġġix f’dubju l-konklużjoni li ftehim partikolari jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, dment li l-effetti inkwistjoni ma jkunux provati, rilevanti, speċifiċi u daqstant sinjifikattivi li jkunu jistgħu jpoġġu f’dubju l-konklużjoni li l-iskambju ta’ informazzjoni huwa intrinsikament dannuż għall-kompetizzjoni.

95.      Madankollu, għalkemm ir-rikorrenti jidentifikaw b’mod ġenerali u pjuttost teoretiku ċerti aspetti allegatament favur il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskambji kontenzjużi, dawn ma jidhrulix li huma f’pożizzjoni li jipproduċu prova tagħhom. Fil-fatt, minn ebda element tal-proċess ma jirriżulta li l-imsemmija skambji kienu jippermettu li jitjieb il-funzjonament tas-suq jew li kkorreġuti n-nuqqasijiet tiegħu (80). Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-banek inkwistjoni kienu sejrin jittrasferixxu ċerti vantaġġi lill-klijenti tagħhom, liema element barra minn hekk, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju, dan ma jkunx jeskludi n-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni (81).

96.      Barra minn hekk, fl-isfond tan-natura partikolarment sensittiva tal-informazzjoni marbuta mal-ispreads deskritta fil-punti 71 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwa ftit li xejn probabbli li l-aspetti favur il-kompetizzjoni invokati mir-rikorrenti jippermettu li jinħoloq dubju raġonevoli dwar in-natura dannuża għad-detriment tal-kompetizzjoni tal-iskambji inkwistjoni (82).

97.      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li għall-kuntrarju tal-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, iż-żieda tar-rati tal-interessi ma kinitx dovuta għall-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni, iżda setgħet tiġi spjegata minn fatturi oħrajn marbuta mal-kriżi finanzjarja dinjija li seħħet matul is-sena 2008 u minn miżuri ta’ konsolidament fiskali implimentati mill-Portugall wara din il-kriżi.

98.      Għal raġunijiet analogi għal dawk li diġà ġew esposti fil-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-opinjoni li hemm lok ukoll li jiġi miċħud tali argument (83). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-iskambju inkwistjoni intensifika ruħu matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-kriżi ekonomika, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi skambju kien beda matul is-sena 2002, jiġifieri ħafna qabel il-bidu tal-kriżi finanzjarja u l-interventi ulterjuri mill-korpi regolatorji assoċjati ma’ din il-kriżi.

99.      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kuntest regolatorju li fih sar l-iskambju ta’ informazzjoni, ir-rikorrenti jallegaw li l-qorti tar-rinviju ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntest leġiżlattiv applikabbli għas-settur bankarju fil-Portugall jinkludi fih serje ta’ regoli intiżi li jiggarantixxu ċertu livell ta’ trasparenza fis-suq sabiex jiġu evitati l-kriżijiet sistemiċi. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, dawn ir-regoli ġew introdotti mid-dritt tal-Unjoni marbut mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

100. Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument iktar u iktar ma jistax jintlaqa’, peress li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-informazzjoni skambjata mir-rikorrenti kienet separata u kienet tmur lil hinn mill-informazzjoni kkomunikata minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-obbligi regolatorji tagħhom. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu wħud mir-rikorrenti, l-ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma tista’ teżiġi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn banek bħall-ispreads (84).

c)      Fuq linformazzjoni marbuta malvolumi ta’ produzzjoni

101. Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi riprodott il-“qafas tal-analiżi klassika” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li jinkludi fih l-eżami tal-kontenut, tal-għanijiet u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih ikun jeżisti ftehim, jidhirli li huwa importanti li jingħataw xi speċifikazzjonijiet dwar l-iskambji marbuta mal-volumi ta’ produzzjoni, peress li wħud mill-partijiet fil-kawża prinċipali jidhru li jqisu li l-imsemmija skambji jistgħu waħedhom (u indipendentement mill-analiżi li tikkonċerna l-iskambji dwar l-ispreads) ikollhom għan antikompetittiv.

102. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi nnotat li d-data marbuta mal-volumi ta’ produzzjoni tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi informazzjoni strateġika u sensittiva mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni dment li l-karatteristiċi tal-informazzjoni skambjata u l-kuntest ta’ madwar dan l-iskambju jippermettu li titnaqqas l-inċertezza marbuta mal-aġir strateġiku ta’ kompetitur fis-suq (85).

103. Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li għall-kuntrarju tal-iskambji ta’ informazzjoni marbuta mal-ispreads, l-iskambju inkwistjoni ma jikkonċernax prattiki futuri iżda data tax-xahar preċedenti. Minkejja li l-evalwazzjoni finali dwar l-attributi temporali ta’ din l-informazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi proprji tas-suq bankarju inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, bħala prinċipju, l-iskambju ta’ data passata (jew storika) ftit li xejn jista’ jwassal għal kollużjoni u huwa inqas dannuż mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li huwa ftit li xejn probabbli li dan jipprovdi indikazzjonijiet dwar l-aġir tal-kompetituri jew li jippermetti akkordju fis-suq (86).

104. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ma jeżistix limitu ddeterminat minn qabel fir-rigward tal-mument li fih data takkwista n-natura storika, jiġifieri ssir suffiċjentement antika sabiex ma tikkostitwixxix riskju għall-kompetizzjoni. Fil-fatt, in-natura realment storika tad-data tiġi ddeterminata skont karatteristiċi u speċifikazzjonijiet tas-suq inkwistjoni, u b’mod partikolari skont il-frekwenza ta’ negozjar mill-ġdid tal-prezzijiet fis-settur (87). Minn dan isegwi li, għalkemm mhux probabbli, ma huwiex eskluż li skambji marbuta ma’ avvenimenti passati jistgħu wkoll jikkostitwixxu restrizzjonijiet minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Dan ikun il-każ, fejn l-iskambju ta’ informazzjoni reċenti individwalizzata dwar varjabbli strateġiċi jiżvela tendenzi li l-għarfien tagħhom ikun ta’ natura li jnaqqas jew jelimina l-inċertezza tal-partijiet dwar l-intenzjonijiet futuri tagħhom fis-suq, f’liema każ tali skambju jista’ jekwivali għal skambju ta’ informazzjoni li tirrigwarda data futura.

105. Fit-tielet lok, huwa ammess li l-iskambji ta’ data realment magħquda, jiġifieri data li fiha huwa suffiċjentement diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-informazzjoni marbuta ma’ impriża partikolari, huma nettament inqas suxxettibbli li jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni meta mqabbla mal-iskambji ta’ data li tikkonċerna impriżi speċifiċi. Għaldaqstant, ir-riskju li l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika jnaqqas l-inċertezza fis-suq u b’hekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni huwa ogħla meta din l-informazzjoni tkun maqsuma (88).

106. Fir-raba’ lok, iċ-ċirkustanza li l-informazzjoni skambjata tmur lil hinn mill-obbligi regolatorji tal-banek ikkonċernati u kienet tirrigwarda data li ma kinitx disponibbli għall-pubbliku ma kinitx fiha nnifisha suffiċjenti sabiex tagħti natura antikompetittiva għal dawn l-iskambji. Għad għandu jiġi stabbilit li l-informazzjoni skambjata ppermettiet li titnaqqas jew li tiġi eliminata l-inċertezza fis-suq (u dan b’mod ċar u mingħajr ambigwità sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan).

107. Minn dan isegwi li minkejja li ma huwiex eskluż li l-iskambju ta’ data reċenti u maqsuma fuq volumi ta’ produzzjoni jista’ jkun ta’ natura strateġika u jkun sensittiv mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta dan l-iskambju jkun sar f’suq ikkonċentrat ħafna u li l-frekwenza tal-iskambji hija għolja, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fih l-ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit b’mod ċar, kif teżiġi l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, li dan l-iskambju huwa ta’ natura partikolarment dannuża fir-rigward tal-kompetizzjoni u li (waħdu) kien jippermetti li titnaqqas l-inċertezza strateġika fir-rigward tal-aġir futur tal-parteċipanti fis-suq (89).

d)      Fuq lanaliżi konġunta talinformazzjoni skambjata

108. Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li għalkemm il-parti tal-iskambju ta’ informazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju li tirrigwarda l-ispreads tista’ taqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ ftehimiet jew ta’ prattiki miftehma koperti mill-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, din il-konstatazzjoni ma tirriżultax b’mod daqstant evidenti, fir-rigward tad-data marbuta mal-produzzjoni jekk dawn l-iskambji jiġu analizzati b’mod separat u distint.

109. Madankollu, kemm mid-deċiżjoni inizjali tal-AdC kif ukoll mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li għalkemm din tal-aħħar stabbilixxiet distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ informazzjoni skambjata, din ma kkunsidratx li kull wieħed minn dawn l-iskambji kien fih innifsu restrittiv minħabba l-għan iżda li dawn kienu jifformaw parti minn wieħed u l-istess skambju li kien ingħata l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li abbażi tal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-qorti tar-rinviju stess fir-rigward tan-noċività intrinsika tiegħu għad-detriment tal-kompetizzjoni (90), tali skambju jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Sabiex madankollu tinżamm tali klassifikazzjoni ġuridika, għandhom ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet oħrajn li ma jirriżultawx b’mod ċar mill-proċess tal-kawża preżenti.

110. Fil-fatt, minn naħa, huwa importanti, mill-perspettiva taċ-ċertezza legali, li jiġi żgurat li t-teorija tal-preġudizzju li fuq il-bażi tagħha prattika antikompetittiva tiġi kkundannata minn awtorità tal-kompetizzjoni tirriżulta b’mod ċar, b’mod partikolari meta l-iskop ikun li jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv ta’ tali prattika (91).

111. Min-naħa l-oħra, l-interazzjoni bejn l-iskambji dwar dawn iż-żewġ tipi ta’ informazzjoni li tippermetti li tiġi sostnuta t-teorija tal-preġudizzju minn awtorità tal-kompetizzjoni għandha tirriżulta b’mod mhux ambigwu mill-analiżi mwettqa minn din l-awtorità. Għaldaqstant, din tal-aħħar għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement ċara bejn l-iskambji dwar dawn iż-żewġ tipi ta’ informazzjoni u tispjega kif skambji li jkollhom tali karatteristiċi huma ta’ natura partikolarment dannuża għad-detriment tal-kompetizzjoni sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fi kliem ieħor, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni għandha turi kif dawn l-iskambji, ikkunsidrati flimkien, jifformaw parti minn “pjan” manifestement antikompetittiv u huma ta’ natura li jippermettu l-konverġenza ta’ aġir bejn il-banek ikkonċernati (92).

V.      Konklużjonijiet

112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tal-Kontroll u tas-Sorveljanza, il-Portugall):

1)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri li jikkonċerna l-kundizzjonijiet kummerċjali applikabbli għat-tranżazzjonijiet (partikolarment l-ispreads u l-varjabbli tar-riskju attwali u futuri) kif ukoll iċ-ċifri ta’ produzzjoni, fil-qasam tal-offerta tal-krediti għax-xiri ta’ dar, għall-impriżi u għall-konsum, fis-settur bankjarju, meta tali prattika tkun żiedet b’mod artifiċjali t-trasparenza u naqset l-inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq.

2)      L-Artikolu 101 TFUE ma jipprekludix tali klassifikazzjoni meta ma jkun ġie kkonstatat jew ma seta’ jiġi identifikat l-ebda effett effiċjenti, l-ebda effett ambivalenti jew favur il-kompetizzjoni li jirriżulta minn dan l-iskambju ta’ informazzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Diário da República, Serje 1, Nru 89, tat‑8 ta’ Mejju 2012, p. 2404 sa 2427.


3      Diário da República, Serje I-A, Nru 134, tal‑11 ta’ Ġunju 2003, p. 3450 sa 3461.


4      Il-kelma “awtonomu” tintuża mill-AdC sabiex tindika li l-iskambju inkwistjoni jikkostitwixxi s-suġġett tal-investigazzjoni u li ma huwiex aċċessorju ta’ aġir ieħor allegatament problematiku, bħal akkordju.


5      Madankollu, l-ispreads irritornaw għal livelli ogħla minn kif kienu fil-perijodi ta’ qabel is-sena 2012.


6      Dawn il-partijiet isostnu, b’mod iktar preċiż, li l-iskambji li jikkonċernaw l-ispreads ma kinux ikopru informazzjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala futura peress li: (i) id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-prezzijiet inkwistjoni kienu diġà adottati u qegħdin jiġu eżegwiti; (ii) l-informazzjoni ġiet ikkomunikata jum tax-xogħol qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu; u (iii) tali preċedenza meta mqabbla mad-data tad-dħul fis-seħħ kienet tirrendi impossibbli, fid-dawl tal-proċeduri interni applikabbli fi ħdan il-banek għat-tibdil tal-ispreads tal-kreditu, kull forma ta’ adattament għall-informazzjoni rċevuta. L-imsemmija partijiet jikkontestaw, barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni relattiva għall-volumi ta’ produzzjoni bħala “attwali”, liema informazzjoni għandha, skonthom, titqies bħala “passata” jew “storika”.


7      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2021:998, punt 35) u tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, EU:C:2009:82, punt 23).


8      Sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Asemfo (C‑295/05, EU:C:2007:227, punt 31).


9      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Visma” EU:C:2021:935, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara s-sentenza Visma (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza Visma (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara s-sentenza Visma (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara s-sentenza Visma (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii (C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs IlKummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 30).


17      Sentenza Budapest Bank, punt 63.


18      Ara s-sentenza Budapest Bank (punt 76) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punti 63 sa 73).


19      Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs IlKummissjoni (C‑586/16 P, EU:C:2021:241, punt 86) u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs IlKummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 130).


20      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat, li fil-punt 86 tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs IlKummissjoni (C‑586/16 P, EU:C:2021:241), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espressament l-argument avvanzat minn uħud mir-rikorrenti fil-kawża preżenti, li skontu l-punt 51 tas-sentenza CB vs Il‑Kummissjoni kien jirrikjedi li l-qrati jew l-awtoritajiet għandhom juru “esperjenza” speċifika ta’ projbizzjoni ta’ prattiċi partikolari bħala restrizzjonijiet “minħabba l-għan”. Ara, f’dan is-sens, ukoll, il-punt 66 tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs IlKummissjoni(C‑586/16 P, EU:C:2021:241).


21      Ara l-punti 28 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Dment li l-ebda element ieħor speċifiku għal din il-prattika u b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li teżisti fih din tal-aħħar ma jkunux jistgħu jpoġġu din il-konstatazzjoni f’dubju. Ara f’dan is-sens, il-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs IlKummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 131).


24      Sentenza Budapest Bank (punt 76) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punti 41 sa 43). Dan l-approċċ ġie segwit ukoll mill-Avukat Ġenerali Emiliou, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2022:384, punti 83 u 84)).


25      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punt 42).


26      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punti 43, 48 u 49).


27      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 158), il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs IlKummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 41) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punt 46).


28      Ġurisprudenza sanċita bil-kawża CB vs Il‑Kummissjoni, ikkonfermata u mtejba sussegwentement f’serje ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784), Budapest Bank, tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52).


29      Ara s-sentenza Visma (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs IlKummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 29).


31      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs IlKummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 44).


32      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 164).


33      Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs IlKummissjoni (C‑883/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza HSBC”, EU:C:2023:11).


34      Sentenza HSBC (punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs IlKummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 137).


36      Sentenza HSBC (punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża International Skating Union vs IlKummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2022:988, punt 93).


38      Ara s-sentenza HSBC (punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, iktar ’il quddiem “T-Mobile”).


40      Sentenza T-Mobile (punt 24).


41      Ara s-sentenza T‑Mobile (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Preċedentement għal dik il-kawża, l-iskambji ta’ informazzjoni kienu għadhom jiġu ssanzjonati permezz tal-akkordju li kienu fil-bażi tiegħu.


43      Sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs IlKummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 90), tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza ASNEF”, EU:C:2006:734, punt 51), T-Mobile (punt 35) u Dole (punt 121).


44      Sentenza Dole (punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Dan il-punt huwa barra minn hekk invokat mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni mill-AdC tal-iskambju ta’ informazzjoni kontenzjuż bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan, sa fejn dawn tal-aħħar isostnu li dan il-kriterju ma jista’ jintuża biss għal konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-effett.


46      Sentenzi T-Mobile (punt 41), Dole (punt 122) u HSBC (punt 116).


47      Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs IlKummissjoni (C‑98/17 P, EU:C:2018:774, punt 37).


48      Sentenza ASNEF (punt 48).


49      Sentenza ASNEF (punt 59).


50      Ara l-punt 57 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu101 TFUE għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2011, C 11, p. 1), (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-Akkordji dwar Kooperazzjoni Orizzontali”).


51      Ara l-punt 86 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehmiet ta’ Kooperazzjoni Orizzontali.


52      Ara l-punti 86 u 91 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehmiet ta’ Kooperazzjoni Orizzontali.


53      Fil-fatt, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja użat il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan principalment għal skambji ta’ informazzjoni li twettqu fil-kuntest ta’ akkordju, dik il-ġurisprudenza bl-ebda mod ma timplika li huma dawn l-iskambji biss li jistgħu jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.


54      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Ara l-punti 19 sa 21 tal-konklużjonijiet preżenti.


56      Ara l-punt 25 tal-konklużjonijiet preżenti.


57      Fil-fatt, l-ispreads jirrappreżentaw komponent tal-prezz li klijent iħallas lill-bank għall-finanzjament u l-marġni li l-bank jaqla’ billi jagħti l-kreditu.


58      Ara l-punt 54 tal-konklużjonijiet preżenti.


59      Fil-fatt, bank li jikseb konjizzjoni tal-ispreads tal-kompetituri tiegħu jkun f’pożizzjoni iktar favorevoli sabiex jiddetermina b’mod iktar preċiż il-prezz tal-offerta finali jew il-prezzijiet tal-offerta tal-kompetituri tiegħu.


60      L-istess japplika, fil-fehma tiegħi, għall-iskambji ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħrajn, bħall-kapaċitajiet ta’ self tal-klijenti u l-parametri ta’ riskju, safejn dawn jirrigwardaw elementi essenzjali tal-kuntratt u għandhom rwol determinati fil-kostituzzjoni tal-prezz. Fil-fatt, l-iskambju ta’ tali informazzjoni jista’ jiffaċilita u jinkoraġġixxi l-aġir kollużiv bejn l-impriżi kkonċernati.


61      Ara s-sentenza HSBC (punt 204).


62      Ara wkoll il-punt 90 tal-konklużjonijiet preżenti dwar l-għan ta’ protezzjoni tal-istruttura tas-suq segwit mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.


63      Sentenza T-Mobile (punt 27).


64      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 117).


65      Dawn ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-informazzjoni miksuba kienet intiża sabiex isiru paraguni tal-offerti u sabiex jiġu appoġġati r-riżorsi kummerċjali ta’ kull wieħed mill-banek għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, u kull bank jimmanifestaw l-vantaġġ tal-prodotti tiegħu u l-inkonvenjenti ta’ dawn tal-kompetituri.


66      Dan l-argument sejjer jiġi eżaminat fil-punti 93 sa 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet iddedikati għall-analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku.


67      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 25 tal-konklużjonijiet preżenti.


68      Konsegwentement, awtorità tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx elementi li ma huma ta’ ebda utilità għall-eżami tal-imsemmi kuntest.


69      Għandu jiġi ppreċiżat li l-grad ta’ konċentrazzjoni jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi kkonstatat l-għan antikompetittiv ta’ skambju ta’ informazzjoni. Wara li saret din il-preċiżazzjoni, minn ebda element tal-proċess ma jsegwi li l-AdC jew li l-qorti tar-rinviju bbażaw ruħhom esklużivament fuq dan l-element sabiex jikkonstataw il-klassifika ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan f’dak li jirrigwarda l-iskambju inkwistjoni.


70      Fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-grad ta’ konċentrazzjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li tiddistingwi bejn l-iskambji ta’ informazzjoni li ġew ikklassifikati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan u dawk li jirrestrinġuha minħabba l-effett. Għaldaqstant, il-grad ta’ konċentrazzjoni jittieħed inkunsiderazzjoni bħala wieħed mill-elementi addizzjonali li jippermettu li tiġi stabbilita restrizzjoni tal-kompetizzjoni bl-istess mod, irrispettivament mill-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni magħżula. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ASNEF (punt 58) u T-Mobile (punt 34).


71      Sentenza ASNEF (punt 60).


72      Fil-fatt, dan is-suq huwa ppreżentat bħala “ikkonċentrat [...] b’barrieri għad-dħul” mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari tagħha.


73      Ara s-sentenza T-Mobile (punti 59 u 62).


74      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 tal-konklużjonijiet preżenti.


75      Dan ikun il-każ, pereżempju, f’każ ta’ dikjarazzjoni ċara minn waħda mill-impriżi li tirrifjuta li tirċievi tali informazzjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs IlKummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76      Ara s-sentenza Dole (punt 127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


77      Ara s-sentenza T-Mobile (punt 51).


78      Ara s-sentenzi Dole (punti 123 sa 125) u HSBC (punti 120 u 121).


79      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 109 u 110).


80      Fit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li “la [ġew] kkonstatati u lanqas ma [setgħu] jiġu identifikati effetti effiċjenti, ambivalenti jew favur il-kompetizzjoni li jirriżultaw minn tali skambju ta’ informazzjoni”.


81      Fil-fatt mill-ġurispridenza ċċitata fil-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet preżenti jirriżulta li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa intiż li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq.


82      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza HSBC (punti 199 sa 205).


83      Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li ż-żieda fir-rati tal-interessi ma kinitx dovuta għall-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni, iżda għal fatturi esterni (bħall-kriżi finanzjarja), minn ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li sabiex jiġi kkonstatat li aġir partikolari għandu għan antikompetittiv, ma teżistix in-neċessità ta’ rabta immedjata u diretta bejn dan l-aġir u ż-żieda fil-prezzijiet finali.


84      Kull interpretazzjoni oħra tkun twassal sabiex jiġi aċċettat li, bħala prinċipju, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni japplikaw għas-settur bankarju b’mod differenti minn dawk li japplikaw għal setturi oħrajn, fatt li manifestament ma huwiex minnu kif jixhdu diversi każijiet li ġew investigati reċentement mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-Kummissjoni.


85      Anki jekk jiġi preżunt li dan kien il-każ, dan l-element ma jwassalx awtomatikament għall-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kif spjegajt fil-punt 62 tal-konklużjonijiet preżenti.


86      Ara l-punt 90 tal-Linji Gwida dwar l-Akkordji dwar Kooperazzjoni Orizzontali.


87      Ara l-punt 90 tal-Linji Gwida dwar l-Akkordji dwar Kooperazzjoni Orizzontali.


88      Ara l-punt 89 tal-Linji Gwida dwar l-Akkordji dwar Kooperazzjoni Orizzontali.


89      Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


90      Ara l-punt 15 tal-konklużjonijiet preżenti.


91      Ara s-sentenza Budapest Bank (punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


92      Bla ħsara għall-konstatazzjonijiet li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward, jidhirli li din ir-rabta ġiet stabbilita fil-kawża preżenti, peress li mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-AdC fid-deċiżjoni tagħha donnu jsegwi li l-iskambji dwar il-volumi ta’ produzzjoni kienu intiżi li jiffaċilitaw id-detezzjoni ta’ devjazzjonijiet u li jsaħħu l-kollużjoni bejn ir-rikorrenti.