KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑271/22 sa C‑275/22
XT (C‑271/22)
KH (C‑272/22)
BX (C‑273/22)
FH (C‑274/22)
NW (C‑275/22)
vs
Keolis Agen SARL,
intervenjenti fil-kawża:
Syndicat national des transports urbains SNTU-CFDT
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil de Prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali ta’ Agen, Franza))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Jekk jistax jiġi invokat f’tilwima bejn individwi – Dritt għal leave annwali mħallas – Trasferiment ’il quddiem ta’ leave annwali mħallas minħabba mard fit-tul – Ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti trasferiment ’il quddiem ta’ leave mingħajr ebda terminu”
I. Introduzzjoni
1. |
Jista’ ħaddiem jakkumula jiem mhux utilizzati ta’ leave annwali mħallas mingħajr limitu ta’ żmien, jew l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ( 2 ) jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għal perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem? Fl-affermattiv, x’inhu tul raġonevoli għal perijodu bħal dan? |
2. |
Dawn huma l-kwistjonijiet prinċipali mqajma mill-qorti tar-rinviju, il-Conseil des Prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali ta’ Agen, Franza). Barra minn hekk, din il-qorti titlob li jiġi ċċarat l-effett dirett tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol f’sitwazzjonijiet orizzontali, peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali hija operatur privat li tmexxi network ta’ trasport pubbliku. |
3. |
Din il-kawża tirriżulta minn numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula fil-kuntest ta’ ħames tilwimiet quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn it-tilwimiet kollha jikkonċernaw ħaddiema li huma jew kienu impjegati ta’ Keolis Agen SARL, il-kumpannija li tmexxi n-network tat-trasport bil-karozza tal-linja għaż-żona urbana ta’ Agen (Franza). Dawn il-ħaddiema talbu lil min jimpjegahom jirrikonoxxi d-drittijiet tagħhom għal-leave annwali mħallas, li huma ma setgħux jutilizzaw matul is-sena ta’ riferiment li fiha nkisbu dawn id-drittijiet u ressqu tilwimiet quddiem il-qorti tar-rinviju meta min jimpjegahom ċaħad dawn it-talbiet. Organizzazzjoni sindakali, is-Syndicat national des transports urbains SNTU-CFDT, qiegħda tintervjeni f’dawn il-proċeduri b’appoġġ għall-ħaddiema. |
II. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
4. |
Keolis Agen hija kumpannija rregolata mid-dritt privat li tipprovdi servizz ta’ trasport pubbliku urban ta’ passiġġieri bil-karozza tal-linja. Il-ħames rikorrenti li qegħdin ifittxu lil din il-kumpannija quddiem il-qorti tar-rinviju huma, jew kienu, ħaddiema tagħha. |
5. |
Matul il-kors tal-kuntratti ta’ impjieg rispettivi tagħhom, ir-rikorrenti kollha kienu suġġetti għal perijodi estiżi ta’ leave tal-mard ( 3 ). Wara li rritornaw għax-xogħol jew wara t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg tagħhom minħabba inkapaċità li jkomplu jaħdmu, ir-rikorrenti talbu li Keolis Agen jew tippermettilhom jutilizzaw il-ġranet ta’ leave annwali li minnhom ġew imċaħħda matul il-perijodi ta’ mard tagħhom jew, fejn il-kuntratti ta’ impjieg ġew itterminati, minflok ittihom allowances. |
6. |
Keolis Agen ċaħdet dawn it-talbiet. Fuq il-bażi tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż ( 4 ), hija qieset li r-rikorrenti ma kinux intitolati għal-leave annwali fejn l-assenza mix-xogħol damet għal iktar minn sena minħabba mard mhux ikkaġunat mix-xogħol. Fil-fehma tagħha, din il-liġi nazzjonali ma setgħetx tiġi annullata anki jekk mhux konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, peress li din id-direttiva ma toħloqx obbligi għall-partijiet privati. |
7. |
Keolis Agen issostni li minħabba l-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport fi Franza ( 5 ), id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma tistax tiġi invokata kontriha. Anki jekk hija involuta fin-negozju li jipprovdi trasport pubbliku, il-kapaċità tal-ħaddiema li jistrieħu direttament fuq id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tpoġġiha f’pożizzjoni kompetittiva agħar meta mqabbla ma’ kumpanniji privati oħra li jibqgħu suġġetti għal-liġi Franċiża u mhux għal dik id-Direttiva. |
8. |
Ir-rikorrenti jqisu li jistgħu jinvokaw l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kontra l-persuna li timpjegahom u li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprovdu għad-drittijiet tagħhom għal-leave annwali anki matul perijodi ta’ mard fit-tul. Id-dritt Franċiż li jipprovdi b’mod kuntrarju għandu, għalhekk, jitwarrab. |
9. |
Il-kwistjoni dwar l-effett dirett tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fil-kawża inkwistjoni wasslet għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju. |
10. |
It-tieni u t-tielet domanda jsiru rilevanti jekk ir-rikorrenti jkunu intitolati għal leave annwali mħallas fir-rigward tas-snin ta’ riferiment li fihom kienu fuq leave tal-mard. Dawn id-domandi jqumu peress li, skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Franċiż ma jirregolax il-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem tal-leave annwali mhux utilizzat; ma jispeċifikax jekk tali dritt jeżistix jew le. Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li l-ogħla żewġ qrati Franċiżi żviluppaw pożizzjonijiet kunfliġġenti rigward din il-kwistjoni. Minn naħa, il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza ( 6 )) tissuġġerixxi li ma jeżisti l-ebda limitu taħt id-dritt Franċiż għat-trasferiment ’il quddiem ta’ drittijiet għal-leave annwali mhux utilizzat. Min-naħa l-oħra, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) jidher li jqis li d-dritt għal-leave annwali mhux utilizzat jiskadi 15-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ riferiment li fiha jkun inħoloq id-dritt għal dan il-leave annwali mħallas ( 7 ). Dan l-aħħar raġunament jidher li jsegwi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha qieset perijodu ta’ 15-il xahar bħala li ma jmurx kontra d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ( 8 ). |
11. |
Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jinkludix rekwiżit li jkun jeżisti perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem. Jekk dan ikun il-każ, hija tistaqsi wkoll x’jikkostitwixxi “perijodu raġonevoli”, li fit-tmiem tiegħu jiskadi d-dritt għal-leave annwali. F’dan ir-rigward, hija tispjega li t-talbiet għal-leave annwali mhux utilizzat fil-każ inkwistjoni kienu kollha tressqu inqas minn 15-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment li matulu nħolqu tali drittijiet. |
12. |
Keolis Agen talbet lill-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi kkontestati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrenti kkunsidraw dan ir-rinviju bħala mhux meħtieġ u opponew din it-talba. |
13. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil de prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali, Agen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari (id-domandi huma identiċi fil-ħames kawżi magħquda):
|
14. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mis-Syndicat national des transports urbains SNTU-CFDT (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”), minn Keolis Agen, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saret ebda seduta. |
III. Analiżi
15. |
F’dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fin-numru ta’ kawżi relatati mal-leave annwali mħallas li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ). |
16. |
Ir-rinviju preżenti joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra biex tikkontribwixxi għal fehim aħjar tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, u tibni fuq il-ġurisprudenza eżistenti tagħha dwar il-kwistjoni. |
17. |
Id-domandi preliminari jistgħu jinqasmu f’żewġ partijiet: l-ewwel domanda relatata mal-kunċett stabbilit sew tal-effett dirett tad-direttivi (A), u t-tieni u t-tielet domanda, li ser nindirizza flimkien, li jikkonċernaw il-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mħallas (B). |
A. Dwar l‑effett dirett tad‑Direttiva dwar il‑Ħin tax‑Xogħol f’sitwazzjonijiet orizzontali
18. |
Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż jipprevjeni li ħaddiem fuq leave tal-mard għal perijodu ta’ iktar minn sena u mhux relatat max-xogħol milli jakkwista dritt għal-leave annwali ( 10 ). |
19. |
Din il-liġi nazzjonali tikkuntrasta mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan kien jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Dominguez ( 11 ). |
20. |
F’din il-kawża, li nibtet mill-applikazzjoni tal-istess liġi Franċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-ġurisprudenza preċedenti tagħha ( 12 ), iddeċidiet li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma tippermettix li d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun effettivament ħadem. L-ebda ħaddiem, kemm jekk ikunu bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ riferiment minħabba inċident li jkun seħħ fuq il-post tax-xogħol jew f’xi post ieħor, jew minħabba mard ta’ kwalunkwe natura jew oriġini li jkun, ma jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat ( 13 ). |
21. |
Fil-qosor, id-dritt għal-leave annwali mħallas jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg u ma jistax jiġi suġġett għal kundizzjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jimponu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas, iżda ma jistgħux jagħmlu l-eżistenza tiegħu suġġetta għal kundizzjonijiet inkluż l-obbligu li l-ħaddiem effettivament ikun ħadem ( 14 ). |
22. |
Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza preċedenti jirriżulta li, direttament abbażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, ir-rikorrenti kisbu drittijiet għal-leave annwali mħallas matul is-snin li fihom kienu fuq leave tal-mard. |
23. |
Il-konvenuta ma tiċħadx u ma tipprovax tbiddel din l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Madankollu, hija targumenta li din id-direttiva ma tistax tiġi applikata għall-kawża inkwistjoni sabiex toħloq obbligu għaliha, peress li l-konvenuta hija kumpannija rregolata mid-dritt privat. |
24. |
Inxterdet ħafna linka fl-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar jekk il-konvenuta hija jew ma hijiex “emanazzjoni tal-Istat” ( 15 ) fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-effett dirett vertikali tad-direttivi ( 16 ), u għaldaqstant jekk is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkwalifikata bħala orizzontali (fil-fehma tal-konvenuta) jew vertikali (fil-fehma tar-rikorrenti). |
25. |
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, din il-kwalifika hija, madankollu, irrilevanti. Dan minħabba r-raġunijiet li ġejjin. |
26. |
Fis-sentenza Dominguez, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-pożizzjoni tagħha li direttivi ma jistgħux fihom infushom joħolqu obbligi fil-konfront ta’ individwi ( 17 ). Madankollu, linja oħra ta’ ġurisprudenza ssostni li l-prinċipji ġenerali tad-dritt, illum ikkodifikati fil-Karta, jistgħu huma stess ikollhom effett dirett, inkluż f’sitwazzjonijiet orizzontali. Meta prinċipju ġenerali b’effett dirett huwa sempliċement espress fid-direttiva u mhux stabbilit minnha, il-partijiet jiksbu d-drittijiet tagħhom direttament minn dak il-prinċipju ( 18 ). |
27. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet f’diversi okkażjonijiet li d-dritt ta’ kull ħaddiem għal-leave annwali mħallas “għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga” ( 19 ). Dan id-dritt illum il-ġurnata huwa wkoll minqux fl-Artikolu 31(2) tal-Karta. |
28. |
Fis-sentenza Max-Planck-Gesellschaft, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa biżżejjed fih innifsu biex jagħti direttament lill-ħaddiema dritt għal-leave annwali mħallas li jistgħu jinvokaw f’tilwimiet bejnhom u min jimpjegahom, kemm jekk ikunu entitajiet privati jew pubbliċi ( 20 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 31(2) tal-Karta stess għandu effett dirett, inkluż f’sitwazzjonijiet orizzontali. |
29. |
Id-dritt għal-leave annwali mħallas għalhekk ma ġiex maħluq, iżda ġie biss espress, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Għaldaqstant, huwa irrilevanti li d-direttivi huma mċaħħda mill-effett dirett orizzontali, peress li r-rikorrenti jistgħu jinvokaw direttament l-Artikolu 31(2) tal-Karta ( 21 ). Il-qrati nazzjonali konsegwentement għandhom l-obbligu li jwarrbu kwalunkwe regola kuntrarja tad-dritt nazzjonali fir-riżoluzzjoni ta’ tilwima li taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. |
30. |
Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif espress konkretament fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, jinvolvi d-dritt għal leave annwali mħallas għal kull ħaddiem li huma jistgħu jinvokaw f’tilwimiet ma’ min jimpjegahom jew ma’ min kien jimpjegahom, kemm jekk dawn ikunu entitajiet privati jew pubbliċi. |
B. Dwar perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem
31. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ( 22 ), id-dritt Franċiż ma jispeċifikax it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem tal-leave annwali mħallas. Għalhekk, hija tqis li jiem ta’ leave annwali mhux utilizzati jistgħu jiġu akkumulati b’mod indefinit. Il-Gvern Franċiż jikkontesta din l-interpretazzjoni tal-konsegwenzi tal-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Dan il-gvern iqis li d-dispożizzjoni ġenerali li timponi perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin sabiex jitressqu talbiet relatati max-xogħol ( 23 ), twassal ukoll għal limitazzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem. Fl-istess waqt, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża KHS, il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat) iqis li l-limitu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem jista’ jiġi stabbilit għal 15-il xahar ( 24 ). |
32. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex responsabbli, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tiddeċiedi differenzi fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mogħtija mill-qorti nazzjonali hijiex korretta. Konformement mat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 25 ). |
33. |
Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tiskatta l-proċedura għal deċiżjoni preliminari f’sitwazzjoni fejn id-dritt Franċiż ma jimponi ebda limitazzjoni fiż-żmien li twassal għall-iskadenza tad-drittijiet għal-leave annwali. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk din il-liġi nazzjonali tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. |
34. |
Keolis Agen hija tal-fehma li l-possibbiltà li jiġi akkumulat il-leave annwali u li jintuża iktar tard ma tissodisfax l-għan tal-leave annwali. Hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leave annwali għandu għan doppju: li jippermetti l-mistrieħ mix-xogħol u, fl-istess ħin, jippermetti t-tgawdija ta’ perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji ( 26 ). Hija tiċċita s-sentenza KHS, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li meta jinqabeż ċertu limitu ta’ żmien, il-leave annwali ma jibqax ikollu effett pożittiv għall-ħaddiem bħala perijodu ta’ mistrieħ u jsir sempliċement perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji ( 27 ). |
35. |
F’dan id-dawl, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tipprova tivverifika jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali li tippermetti perijodi illimitati ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat. Jekk, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali għandha tipprovdi għal perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wara kemm ikun raġonevoli li d-dritt għal-leave annwali jitħalla jiskadi. |
1. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem
36. |
Biex inwieġeb għall-mistoqsija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jeħtieġx li d-drittijiet għal-leave annwali jiġu preskritti bl-introduzzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem raġonevoli, ser nibda billi nippożizzjona d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fis-sistema tat-Trattati. |
37. |
Din id-direttiva ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 153(2) TFUE (l-Artikolu 137(2) KE fiż-żmien tal-adozzjoni), taħt it-titolu tat-Trattat iddedikat għall-politika soċjali. Din id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw miżuri li jsostnu u jikkumplimentaw l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali. Fost id-diversi oqsma elenkati fl-Artikolu 153(1) TFUE (li kien l-Artikolu 137(1) KE), hemm il-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema. Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tassew tirreferi għal tali materji fil-preambolu tagħha ( 28 ). |
38. |
Bis-saħħa tal-Artikolu 4(2)(b) TFUE, il-politika soċjali hija waħda mill-oqsma ta’ kompetenza kondiviża. Anki jekk l-Artikolu 153 TFUE jippermetti lill-Unjoni taġixxi sabiex “[i]ssostni u tikkomplementa” l-politiki soċjali tal-Istati Membri, fil-fehma tiegħi dan ma jeskludix li jsiru ċerti għażliet regolatorji fil-livell tal-Unjoni u b’hekk jiġu armonizzati l-liġijiet nazzjonali ( 29 ). Madankollu, il-leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha tkun iġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |
39. |
Mill-kliem tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirregola l-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem. Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-pożizzjoni fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas) ( 30 ). |
40. |
Peress li l-politika soċjali hija qasam ta’ kompetenza kondiviża u fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem, is-setgħa li jiġu introdotti jew le perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem tibqa’ f’idejn l-Istati Membri ( 31 ). |
2. Kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit vs kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dritt għal leave annwali mħallas
41. |
Il-konklużjoni preċedenti hija wkoll konsistenti mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri huma liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali. Għalkemm taħt id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu kundizzjonijiet li d-dritt għal-leave annwali mħallas ikun suġġett għalihom ( 32 ), huma jistgħu jimponu kundizzjonijiet li taħthom jiġi eżerċitat dak id-dritt ( 33 ). |
42. |
Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali Trstenjak ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis il-kwistjoni tat-trasferibbiltà tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala modalità ta’ applikazzjoni. Għalhekk, id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet. |
43. |
L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jagħżlu jekk jimponux termini li warajhom jiskadi d-dritt miksub għal-leave annwali, jew jekk jippermettux l-akkumulazzjoni tad-drittijiet mhux utilizzati sat-tmiem tal-karriera ta’ ħaddiem partikolari. |
44. |
Meta Stat Membru jiddeċiedi li jimponi limiti fuq perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem, id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol timponi biss l-obbligu li l-limitu magħżul ma jaffettwax l-eżistenza stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif jirriżulta mill-Karta u kif inhu espress f’dik id-direttiva ( 35 ). Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biex tiddetermina jekk it-terminu jikkonformax mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiffissa t-terminu xieraq. |
45. |
Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi l-ebda limitazzjoni fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat, dan ma jistax ikun kunfliġġenti mad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, peress li din id-direttiva ma teħtieġx li jiġi stabbilit limitu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem. |
3. Xi ngħidu dwar l-għan tal-leave annwali mħallas?
46. |
Fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjoni li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma teħtieġx l-iffissar ta’ limitu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem ma hijiex ikkontestata b’argument ieħor, li joriġina f’obiter dictum fis-sentenza KHS, li skontha kumulu illimitat ta’ drittijiet għal leave-annwali mħallas ma jibqax jirrifletti iktar l-għan stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas ( 36 ). |
47. |
Diġà spjegajt preċedentement li kien l-argument prinċipali invokat mill-konvenuta ( 37 ), li fittex li jipperswadi lill-qorti tar-rinviju li, fl-assenza ta’ terminu għall-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem impost mil-liġi, jeħtieġ li dan il-limitu jiġi impost mill-qrati. |
48. |
Il-Gvern Franċiż jargumenta fl-osservazzjonijiet tiegħu favur tul raġonevoli tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem ( 38 ). |
49. |
Fil-fehma tiegħi, l-obiter dictum minn KHS ( 39 ) ma jistabbilixxix regola. Dan sempliċement jispjega għaliex huwa miftiehem u aċċettabbli li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimponi limitu. |
50. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi jkun żbaljat li minn dan l-obiter dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja niddeduċi kwalunkwe obbligu regolatorju għall-Istati Membri li jistabbilixxu perijodu massimu li matulu għandhom jintużaw il-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat. |
51. |
Id-dritt tal-Unjoni, kif inhu llum, la jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu terminu għall-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem u lanqas ma jipprojbixxihom milli jagħmlu dan. Huwa jħalli dan f’idejn l-għażliet ta’ politika tal-Istati Membri. |
52. |
Fir-rigward tal-istedina ta’ Keolis Agen lill-qrati nazzjonali sabiex jippromulgaw tali regola, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tindaħal fit-tqassim tas-setgħat stabbilit mis-sistemi kostituzzjonali ta’ Stat Membru partikolari ( 40 ). |
53. |
Madankollu, jeħtieġ li jerġa’ jingħad li d-dritt tal-Unjoni, kif inhu attwalment, ma jimponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri, kemm jekk dan jikkonċerna korpi leġiżlattivi jew qrati, li jipprevedu terminu għall-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mhux utilizzat. |
4. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem
54. |
Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu ttrattati l-allegazzjonijiet, primarjament imqajma mill-konvenuta, li l-perijodu xieraq ta’ trasferiment ’il quddiem huwa ta’ 15 jew 18-il xahar wara t-tmiem tat-terminu ta’ riferiment li fih ikun inkiseb id-dritt għal-leave annwali. |
55. |
Dawn iċ-ċifri jirriżultaw mill-kombinazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel, li perijodu ta’ disa’ xhur huwa qasir wisq ( 41 ), u fis-sentenza KHS, li perijodu ta’ 15-il xahar huwa aċċettabbli ( 42 ). Perijodu ta’ 18-il xahar jissemma fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Leave Annwali Mħallas (Riveduta), 1970 (Nru 132), li hija stess tissemma fil-premessa 6 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. |
56. |
Fl-evalwazzjoni dwar jekk il-perijodi stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali kinux xierqa, il-Qorti tal-Ġustizzja eżerċitat il-ġurisdizzjoni tagħha biex teżamina jekk il-kundizzjonijiet imposti mil-liġi nazzjonali affettwawx l-eżistenza tad-dritt għal-leave annwali ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx il-limitu xieraq, u lanqas ma tista’ tagħmel dan. Għalhekk, meta ddikjarat fis-sentenza KHS li 15-il xahar jidher li huwa ammont ta’ żmien aċċettabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx regola ta’ 15-il xahar taħt id-dritt tal-Unjoni. Hija sempliċement ikkonfermat li tali regola nazzjonali, ir-riżultat ta’ għażla fil-livell nazzjonali, ma kinitx f’kunflitt mal-eżistenza stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas. |
57. |
Rigward il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Leave Annwali Mħallas (Riveduta), 1970 (Nru 132), huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja xi daqqiet irreferiet għal strumenti tal-ILO ( 44 ). Madankollu huwa importanti li ssir distinzjoni bejn konvenzjonijiet bħal dawk imsemmija fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol ( 45 ), li għalihom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet, u strumenti oħra, bħall-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Leave Imħallas, li 14-il Stat Membru tal-Unjoni biss irratifikaw. Tali distinzjoni hija partikolarment sinjifikattiva fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li Franza ma rratifikatx din il-konvenzjoni. Anki kieku rratifikatha, il-limitu ta’ 18-il xahar stabbilit minn dik il-konvenzjoni jorbot lill-membri tagħha bħala kwistjoni ta’ dritt kostituzzjonali internazzjonali jew domestiku, iżda mhux bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni ( 46 ). |
58. |
Għalhekk, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien stabbilit dwar perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem possibbli tal-leave annwali mħallas mhux utilizzat. Dan huwa biss loġiku meta wieħed iqis li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma tipprevjenix lill-Istati Membri ( 47 ) milli jippermettu li l-leave annwali mhux utilizzat jakkumula mingħajr ebda data ta’ skadenza. |
59. |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax twieġeb liema terminu huwa limitu raġonevoli, peress li tali għażla titħalla f’idejn l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tivverifika jekk l-għażla magħmula tfixkilx l-eżistenza tad-dritt għal-leave annwali mħallas jew le. |
60. |
Jiena, għalhekk, nipproponi li, b’risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma jipprekludix liġi nazzjonali li tippermetti l-akkumulazzjoni ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat billi ma tistabbilixxix terminu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ dak il-leave, u lanqas ma tistabbilixxi t-tul ta’perijodu raġonevoli ta’ trasferiment ’il quddiem. |
IV. Konklużjoni
61. |
Fid-dawl ta’ daq li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Conseil des Prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali, Agen, Franza) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol”).
( 3 ) Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dawn il-perijodi ta’ leave tal-mard kienu, fil-Kawża C‑271/22, mid‑9/01/2017 sal‑31/10/2018; fil-Kawża C‑272/22, 60 jum fl‑2016, l‑2017 kollha u 236 jum fl‑2018; fil-Kawża C‑273/22, mid‑9/01/2017 sal‑31/10/2018; fil-Kawża C‑274/22, 105 jum fl‑2017 u 308 jum fl‑2018; u fil-Kawża C‑275/22, 84 jum fl‑2017, 355 jum fl‑2018 u 308 jum fl2019.
( 4 ) Il-konvenuta tinvoka, f’dan ir-rigward, l-Artikolu L. 3141-5 tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż, li jgħid:
“Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala perijodi ta’ xogħol attwali għall-finijiet ta’ determinazzjoni tat-tul tal-leave: […]
5. Perijodi ta’ tul mhux interrott li ma jaqbiżx sena, li matulhom l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tiġi sospiża minħabba inċident fuq ix-xogħol jew marda kkaġunata mix-xogħol”.
( 5 ) Mill-informazzjoni kollha disponibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Keolis Agen hija membru tal-grupp Keolis, li jappartjeni għall-kostellazzjoni ta’ kumpanniji fi ħdan il-cluster SNCF, l-operatur attwali tas-settur ferrovjarju fi Franza. Jekk Keolis tidher li hija involuta wkoll f’dan l-aħħar settur, huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, Keolis Agen topera biss karozzi tal-linji u toffri servizz ta’ roti.
( 6 ) Cour de Cassation (Social) (il-Qorti tal-Kassazzjoni (Soċjali)), 21 ta’ Settembru 2017, Nru 16-24.022, ECLI:FR:CCASS:2017:SO02067.
( 7 ) Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), Opinjoni, Nru 406009, 26 ta’ April 2017, ECLI:FR:CECHR:2017:406009.20170426.
( 8 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 44, iktar ’il quddiem is-“sentenza KHS”).
( 9 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dicu”); tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871); tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872); tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, iktar ’il quddiem is-“sentenza Max-Planck-Gesellschaft”); tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981); u tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676).
( 10 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) Sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dominguez”).
( 12 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schultz-Hoff”, punt 41).
( 13 ) Sentenza Dominguez, punti 20, 30, 46 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza Dicu, punt 29.
( 14 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, iktar ’il quddiem is-“sentenza BECTU”, punt 55), u Schultz-Hoff, punt 47.
( 15 ) Din l-espressjoni li tiddeskrivi korpi li kontrihom jistgħu jiġu invokati direttivi ġiet użata biss fis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 12). Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punti 20 u 22).
( 16 ) L-ispjegazzjoni dwar il-korpi li kontrihom jistgħu jiġu invokati direttivi ġiet ipprovduta fis-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745) u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631).
( 17 ) Punt 37 ta’ dik is-sentenza.
( 18 ) Din il-ġurisprudenza bdiet bis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709), u wara ġiet ikkonfermata minn sentenzi oħra tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21); tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2); u tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257).
( 19 ) Sentenza BECTU, punt 43; sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punt 29), u tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 48); Schultz-Hoff, punt 22); KHS, punt 23; Dominguez, punt 16.
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Max-Planck-Gesellschaft, punt 74 u 76.
( 21 ) Dan isolvi l-kwistjoni fil-kawża preżenti, kemm mill-perspettiva tal-effett dirett kif ukoll mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet ekwi. Madankollu, iċ-ċaħda ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi tista’ tabilħaqq, f’sitwazzjonijiet differenti, twassal għal diskriminazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi meta pparagunati ma’ kumpanniji privati. Din id-diskriminazzjoni, kif ukoll argumenti oħra espressi mill-Avukata Ġenerali Lenz fis-sentenza Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:45), għadhom raġunijiet validi biex tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-duttrina li ċċaħħad lid-direttiva mill-effett dirett f’sitwazzjonijiet orizzontali.
( 22 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) Artikolu L. 3245-1 u Artikolu D. 3141-7 tal-Kodiċi tax-Xogħol.
( 24 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 38).
( 26 ) Sentenza Schultz-Hoff, punt 25, KHS, punt 31.
( 27 ) Sentenza KHS, punt 33.
( 28 ) Premessi 1 sa 4 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 93/104, li ġiet ikkodifikata mid-Direttiva attwali dwar il-Ħin tax-Xogħol, is-sentenza BECTU, punti 37 u 38).
( 29 ) L-Unjoni tista’ tirregola biss sabiex tilħaq l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 151 TFUE, li jinkludu titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol. Anki jekk dik id-dispożizzjoni kienet tissejjaħ programmatika, kienet ta’ importanza sinjifikattiva fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol tal-Unjoni. Dwar din il-kwistjoni, ara Lecomte, F., “Embedding Employment Rights in Europe”, Columbia Journal of European Law, Vol. 17(1), 2011, p. 1, p. 12 et seq. (li jeżamina l-kostruzzjoni progressiva tal-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni u n-narrattivi madwarha, li jitbiegħdu minn dispożizzjoni purament programmatika għal għodda li tipprovdi riżorsi sostanzjali bl-għan ta’ interpretazzjoni).
( 30 ) C‑120/21, EU:C:2022:718, ‘LB’, punt 31.
( 31 ) Irrid niċċara li ma inix tal-fehma li l-Unjoni ma setgħetx timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem, jekk tali ħtieġa regolatorja tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tas-sussidjarjetà. Insostni biss li, fil-verżjoni attwali tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, l-Unjoni ma rregolatx din il-kwistjoni.
( 32 ) Sentenza Dominguez, punt 18.
( 33 ) Sentenza Schultz-Hoff, punt 28.
( 34 ) Enfasi fit-test oriġinali tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-kawża KHS (C‑214/10, EU:C:2011:465, punt 43).
( 35 ) Sentenza Schultz-Hoff, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.
Jekk il-limitu impost fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem ikun tali li jillimita l-eżistenza stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas, dan ikollu jiġi impost mil-liġi, kif meħtieġ mill-Artikolu 52(1) tal-Karta. Peress li huwa d-dritt tal-Unjoni li joħloq id-dritt fundamentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biss id-dritt tal-Unjoni, u mhux id-dritt nazzjonali li jista’ jintroduċi tali limitazzjoni. Fi kwalunkwe każ, huwa dubjuż jekk id-dritt żviluppat mill-qrati, kif mitlub mill-konvenut mill-qrati Franċiżi, jistax jintroduċi tali limitazzjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 77); tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 53); u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 78).
( 36 ) KHS, punt 30; u sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 54), kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus (C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 34).
( 37 ) Ara punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Il-Gvern Franċiż isemmi fl-osservazzjonijiet tiegħu li d-dritt Franċiż jipprovdi għal perijodu ta’ preskrizzjoni ġenerali ta’ tliet snin fir-rigward ta’ tilwim tax-xogħol. Fil-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja opponiet l-idea li l-perijodu ta’ preskrizzjoni jista’ twassal għall-istess riżultat bħall-impożizzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem limitati. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza LB, punt 40.
( 39 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Ser ninnota biss li jidher li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iqis li regola dwar it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem tista’, fi Franza, tiġi stabbilita mill-fergħa ġudizzjarja. Il-Court de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), għall-kuntrarju, tqis li tali deċiżjoni regolatorja tappartjeni lil-leġiżlatur, u kienet qed tistieden lil-leġiżlatur nazzjonali biex jaġixxi, sa issa mingħajr suċċess. Ara, f’dan ir-rigward, Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), “Note explicative, Arrêt du 21 septembre 2017, no2067”, p. 3. Għal fehma simili, ara Véricel, M., “Le droit à congés payés du salarié malade face à la Cour de justice européenne et à la Cour de cassation”, Revue de droit du travail, Nru 6, 2012, p. 371.
( 41 ) C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 43, Neidel. Fis-sentenzi KHS, punt 38 u Neidel, punt 41, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk esprimiet l-opinjoni li l-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem għandu jkun sostanzjalment itwal (mingħajr ma tispjega xi jfisser sostanzjalment) mit-tul tal-perijodu ta’ riferiment li għalih jingħata. Ir-raġuni hija sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ ħaddiem li kien inkapaċi biex jaħdem għal diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi. Perijodu itwal ta’ trasferiment ’il quddiem jiżgura li l-ħaddiem jista’ jippjana kif iqassam b’mod adegwat l-użu ta’ ġranet miksuba ta’ leave annwali.
( 42 ) Sentenza KHS, punt 44.
( 43 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni C-2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 149).
( 45 ) Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-Segwitu tagħha, adottata fit‑18 ta’ Ġunju 1998 f’Genève (Anness rivedut fil‑15 ta’ Ġunju 2010).
( 46 ) Barra minn hekk, kif iddikjarat mill-Avukata Ġenerali Trstenjak, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Leave Imħallas ma tistax tammonta għal għodda valida biex tarmonizza indirettament u parzjalment il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-kawża KHS (C‑214/10, EU:C:2011:465, punti 83 sa 90).
( 47 ) Kif spjegat fil-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.