KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2023 ( 1 )

Kawża C‑167/22

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Renju tad-Danimarka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikolu 8 – Trasport b’kabotaġġ – Prinċipju ġenerali – Artikolu 9 – Regoli applikabbli għat-trasport b’kabotaġġ – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Perijodi ta’ mistrieħ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi perijodu massimu ta’ parkeġġ f’żoni pubbliċi ta’ mistrieħ tul in-network tal-awtostradi – Limitazzjoni għal25 siegħa – Artikolu 56 TFUE – Ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq”

Introduzzjoni

1.

Permezz tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ trasport bit-triq stabbiliti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 ( 2 ), billi impona perijodu massimu ta’ parkeġġ ta’ 25 siegħa għat-trakkijiet fiż-żoni ta’ mistrieħ tan-network pubbliku tal-awtostradi (iktar ’il quddiem ir-“regola tal‑25 siegħa”). Din ir-regola tirrendi iktar diffiċli għas-sewwieq li josserva l-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 45 siegħa jew ta’ perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa minn 24 sa 45 siegħa konsekuttivi, previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 ( 3 ), ħaġa li, konsegwentement, tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq u ma hijiex iġġustifikata b’ebda wieħed mill-motivi imperattivi ta’ interess pubbliku msemmija mir-Renju tad-Danimarka.

2.

Il-kwistjonijiet imqajma b’din il-kawża huma għaldaqstant dawk dwar jekk ir-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxix ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq u, fl-affermattiv, jekk din ir-regola tistax tkun iġġustifikata b’motivi imperattivi ta’ interess pubbliku.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1072/2009

3.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija bil-kiri jew b’kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju Komunitarju.

[…]

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq nazzjonali tal-merkanzija li jitwettaq fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti kif previst fil-Kapitolu III.

[…]”

4.

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipju Ġenerali”, jipprovdi li:

“1.   Kull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

2.   Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. L-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel.

Fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, it-trasportaturi jistgħu jwettqu wħud mill-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jew kollha kemm huma, permessi taħt dak is-subparagrafu fi kwalunkwe Stat Membru bil-kondizzjoni li jkunu limitati għal operazzjoni ta’ kabotaġġ waħda għal kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem mid-dħul mhux mgħobbi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

5.

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, jipprovdi li:

“1.   It-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għandu jkun soġġett, sakemm mhux previst mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja, għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

[…]

d) il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ

[…]

2.   Il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu applikati għat-trasportaturi mhux residenti bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li huma imposti fuq it-trasportaturi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti, sabiex ma jitħalliex li ssir diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew ta’ post fejn wieħed jistabbilixxi lilu nnifsu.”

Ir‑Regolament Nru 561/2006

6.

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 ( 4 ):

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

7.

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

f)

‘perijodu ta’ mistrieħ’ tfisser kwalunkwe perijodu bla interruzzjoni li fih ix-xufier jista’ jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu;

g)

‘perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser il-perijodu ta’ kuljum li fih xufier jista’ jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu u jkopri ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ u ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum’:

–

‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 11-il siegħa. Bħala alternattiva, dan il-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum jista’ jittieħed f’żewġ perijodi, l-ewwel wieħed għandu jkun perijodu bla interruzzjoni ta’ mill-inqas 3 sigħat u t-tieni wieħed ikun perijodu bla interruzzjoni ta’ mill-inqas 9 sigħat;

–

‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 9 sigħat imma anqas minn 11-il siegħa;

h)

‘perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser perijodu ta’ kull ġimgħa li matulu xufier jista’ juża l-ħin tiegħu kif irid u jkopri ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa’ u ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa’.

–

‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ mill-inqas ta’ 45 siegħa;

–

‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ anqas minn 45 siegħa, li jista’, bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), jitqassar għal minimu ta’ 24 siegħa konsekuttivi;

[…]”

8.

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“[…]

6.   F’kull ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

–

żewġ perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, jew

–

perijodu wieħed regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u perijodu wieħed mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mhux inqas minn 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud en bloc qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa in kwistjoni.

Perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt perijodi ta’ 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta’ qabel ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

[…]

7.   Kwlaunkwe mistrieħ meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jittieħed flimkien ma’ perijodu ieħor ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas disa’ sigħat.

8.   Fejn xufier jagħżel li jagħmel dan, perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u perijodi imnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ’il bogħod mill-bażi jistgħu jittieħdu f’vettura, kemm-il darba din ikollha faċilitajiet għall-irqad xierqa għal kull xufier u l-vettura tkun wieqfa.

9.   Perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa li jiġi f’ġimagħtejn jista’ jitqies f’xi waħda minn dawk il-ġimagħt, iżda mhux fit-tnejn.”

Id‑dritt Daniż

9.

Ir-regola tal‑25 siegħa ma hijiex espliċitament prevista fil-leġiżlazzjoni jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi Daniżi. Din ir-regola, li ġiet introdotta wara ftehim politiku dwar il-liġi tal-finanzi għall-2018 ( 5 ), tapplika skont l-Artikolu 92(1) tal-færdselsloven (il-Kodiċi tat-Triq) ( 6 ) u daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2018 ( 7 ).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑proċedura prekontenzjuża

10.

Wara informazzjoni rċevuta mill-assoċjazzjonijiet fis-settur tat-trasport bit-triq, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat li r-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport, fetħet proċeduri ta’ ksur fil-konfront tar-Renju tad-Danimarka.

11.

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gvern Daniż talba għall-informazzjoni fit‑2 ta’ Mejju 2018, ittra ta’ intimazzjoni fl‑20 ta’ Lulju 2018, talba għal informazzjoni addizzjonali fl‑14 ta’ Jannar 2019 u opinjoni motivata fil‑15 ta’ Mejju 2020. Peress li kkunsidrat l-argumenti mressqa, f’kull stadju, mill-Gvern Daniż bħala li ma kinux konvinċenti, hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

12.

Permezz ta’ rikors tal‑4 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

13.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Daniż u Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fil‑25 ta’ Mejju 2023.

14.

Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tikkonstata li, bil-fatt li llimita għal 25 siegħa l-perijodu massimu ta’ parkeġġ fiż-żoni pubbliċi ta’ mistrieħ tan-network tal-awtostradi Daniż, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont ir-regoli li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport previsti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009;

–

tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

15.

Ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Analiżi

Fuq l‑ammissibbiltà

16.

Il-Gvern Daniż jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors, peress li, minn naħa, dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ koerenza, ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa skont l-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ) u, min-naħa l-oħra, ma hemmx konkordanza bejn it-talbiet u l-motivi invokati fir-rikors ( 9 ).

17.

Il-Kummissjoni tirribatti li t-talbiet tar-rikors u l-motivi u argumenti invokati insostenn tagħhom huma fformulati b’mod ċar u preċiż.

18.

Fil-fehma tiegħi, jirriżulta ċar mir-rikors li, skont il-Kummissjoni ir-regola tal‑25 siegħa tikser il-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fl-Unjoni, stabbiliti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009, minħabba li din ir-regola tillimita l-possibbiltà li jittieħed perijodu ta’ mistrieħ fuq in-network tat-toroq Daniż, skont ir-Regolament Nru 561/2006 u, konsegwentement, trendi iktar diffiċli l-provvista tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija f’dan l-Istat Membru.

19.

B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ma taffermax li din ir-regola tal‑25 siegħa tmur kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-perijodi ta’ mistrieħ, u b’mod partikolari r-Regolament Nru 561/2006, imma pjuttost li tali limitazzjoni fuq l-ipparkjar ixxekkel, fil-prattika, il-possibbiltà li għandhom is-sewwieqa u l-impriżi ta’ trasport biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fit-territorju Daniż ( 10 ).

20.

Jidhirli, għaldaqstant, li r-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura u, għaldaqstant, nipproponi li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tad-Danimarka.

Fuq il‑mertu

21.

Essenzjalment, fir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tikkritika lir-Renju tad-Danimarka dwar il-fatt li r-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq li ma huwiex iġġustifikat minn ebda wieħed mill-motivi imperattivi ta’ interess pubbliku msemmija minnu.

22.

Il-Gvern Daniż isostni, b’mod preliminari, li, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-kompetenza għall-iffissar tar-regoli fil-qasam tal-perijodu ta’ parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ fit-territorju nazzjonali ma tappartjenix lill-Unjoni, imma lill-Istati Membri.

23.

Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, jidhirli li dan l-argument ma huwiex rilevanti peress li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-kompatibbiltà mat-Trattat FUE tar-regoli ta’ parkeġġ, bħalma hija r-regola tal‑25 siegħa, minnhom infushom, imma pjuttost il-fatt li, bl-introduzzjoni, fiha nnifisha leġittima, ta’ din ir-regola tal‑25 siegħa, ir-Renju tad-Danimarka introduċa ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport ( 11 ).

24.

Il-Gvern Daniż isostni, b’mod preliminari wkoll, li s-servizzi rregolati mill-Artikolu 58 TFUE huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

25.

Issa, huwa minnu li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija rregolata mhux mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, li tikkonċerna b’mod iktar ġenerali l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imma mid-dispożizzjonijiet tat-titolu tat-Trattat FUE dwar it-trasport, kompost mill-Artikoli 90 sa 100 TFUE ( 12 ).

26.

Is-servizzi li huma s-suġġett ta’ din il-kawża huma suġġetti għar-Regolament Nru 1072/2009, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 71 KE (li sar, wara modifika, l-Artikolu 91 TFUE). Dan ir-regolament, skont l-Artikolu 1(1) u (4) tiegħu, japplika għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq f’isem ħaddieħor għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju tal-Unjoni, inkluż it-trasport b’kabotaġġ, jiġifieri t-trasport nazzjonali f’isem ħaddieħor b’mod temporanju fi Stat Membru ospitanti ( 13 ), u għandu bħala għan li jneħħi r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq ( 14 ).

27.

Għaldaqstant, jidhirli li, filwaqt li ġew adottati fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1072/2009 jirrigwardaw il-qasam speċifiku tal-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport u, skont il-ġurisprudenza, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE ( 15 ).

28.

Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni teżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, imma wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din hija tali li tipprojbixxi, tfixkel jew trendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi simili ( 16 ).

Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi

29.

Fir-rikors tagħha għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tad-Danimarka, bl-introduzzjoni tar-regola tal‑25 siegħa, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE.

30.

Għalkemm ir-Regolament Nru 1072/2009 ma fihx dispożizzjoni espressa li tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu spazji ta’ parkeġġ għas-sewwieqa tat-trakkijiet, il-Kummissjoni ssostni li l-preżenza ta’ dawn iż-żoni fit-territorju kollu tal-Unjoni, bla ħlas jew bi ħlas, pubbliċi jew le, hija neċessarja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq iggarantita mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u li l-introduzzjoni tar-regola tal‑25 siegħa taffettwa l-kapaċità tas-sewwieqa li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tal-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ 45 siegħa u tal-perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ iktar minn 25 siegħa ( 17 ), kif ukoll dak li jirrigwarda ż-żmien totali ta’ sewqan, previsti fl-Artikoli 4, 6 u 8 tar-Regolament Nru 561/2006.

31.

Din ir-regola taffettwa prinċipalment it-trasportaturi mhux residenti fid-Danimarka, li jkollhom bżonn żoni ta’ parkeġġ u ta’ mistrieħ fit-territorju Daniż, filwaqt li t-trasportaturi li għandhom ċentri operattivi fid-Danimarka jistgħu iktar faċilment iġibu lis-sewwieqa tagħhom biex isuqu t-trakkijiet tagħhom f’dawn iċ-ċentri ( 18 ).

32.

Il-Gvern Daniż jirribatti, essenzjalment, li r-regola tal‑25 siegħa ma hijiex diskriminatorja u ma tikkostitwixxix ostaklu għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija.

33.

Ir-Regolament Nru 1072/2009 u r-Regolament Nru 561/2006 ma fihom ebda dispożizzjoni li tikkonċerna r-regoli ta’ parkeġġ, li jibqgħu l-kompetenza tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-bżonn ta’ żoni ta’ parkeġġ, neċessarju biex jitwettqu l-obbligi imposti minn dawn iż-żewġ regolamenti, huwa osservat, fid-dawl tan-numru ta’ postijiet għall-parkeġġ pubbliċi u privati disponibbli fid-Danimarka.

34.

Iż-żoni tal-awtostrada li huma s-suġġett ta’ din il-kawża ma humiex intiżi li jippermettu li persuna tagħmel perijodu ta’ mistrieħ għal żmien twil u, fi kwalunkwe każ, l-impriżi ta’ trasport huma obbligati jorganizzaw l-operazzjonijiet ta’ trasport, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 561/2006, u li jkopru l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, skont l-Artikolu 8(8) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, ir-regola tal‑25 siegħa żżid il-kapaċità ta’ parkeġġ għal żmien qasir, billi tiffaċilita l-possibbiltà għas-sewwieqa li jieħdu l-mistrieħ tagħhom għal żmien iqsar, u tħajjar is-suq biex joħloq żoni ta’ parkeġġ sikuri, iktar xierqa għall-eżiġenzi ta’ parkeġġ għal żmien twil.

35.

B’mod preliminari, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni ( 19 ).

36.

F’dan il-każ, wara diskussjoni bejn il-partijiet, jidher li, fid-data tal-opinjoni motivata, kienu jeżistu, fid-Danimarka, 1400 post għall-parkeġġ fiż-żoni pubbliċi ta’ mistrieħ u, tal-inqas, 855 post għall-parkeġġ mingħajr limitu ta’ żmien ipprovduti mis-settur privat ( 20 ).

37.

Issa, huwa minnu li, mill-aspett purament prattiku, ir-regola tal‑25 siegħa, filwaqt li tillimita ż-żmien ta’ parkeġġ fiż-żoni pubbliċi ta’ mistrieħ, trendi iktar diffiċli għat-trasportaturi li jieħdu żmien ta’ mistrieħ fiż-żoni kkonċernati minn din ir-regola, peress li din tipprekludi lis-sewwieqa milli jqattgħu, f’dawn il-postijiet, perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, kif ukoll perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ iktar minn 25 siegħa. Barra minn hekk, għalkemm it-trasportaturi ma jistgħux iqattgħu perijodi regolari ta’ mistrieħ fil-vettura tagħhom ( 21 ), l-imsemmija regola tidher madankollu li tipprekludi lil dawn it-trasportaturi milli jkunu jistgħu jużaw iż-żoni ta’ mistrieħ inkwistjoni biex jipparkjaw it-trakkijiet tagħhom u jqattgħu dan iż-żmien ta’ mistrieħ banda oħra ( 22 ).

38.

B’dan ippreċiżat, ma iniex konvint li l-limiti għall-parkeġġ fiż-żoni pubbliċi ta’ mistrieħ lil hinn mil-limitu tal‑25 siegħa imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata jikkostitwixxu verament ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-dritt tal-Unjoni.

39.

Qabel kollox, ninnota li, għalkemm il-preżenza ta’ postijiet għall-parkeġġ, u b’mod partikolari postijiet pubbliċi għall-parkeġġ, fuq in-network tat-toroq Daniż tiffaċilita bla ebda dubju l-osservanza tal-obbligi li jirrigwardaw il-perijodi ta’ mistrieħ imposti mir-Regolament Nru 561/2006, ebda obbligu biex jiġu pprovduti l-postijiet għall-parkeġġ ma huwa previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni invokata mill-Kummissjoni.

40.

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 39(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 ( 23 ), għal dak li jikkonċerna l-infrastrutturi tat-trasport bit-triq, l-Istati Membri huma obbligati, b’mod partikolari, li “[j]iżvilupp[aw] […] żoni ta’ mistrieħ fl-awtostradi madwar kull 100 kilometru f’konformità mal-ħtiġijiet tas-soċjetà, tas-suq u tal-ambjent, sabiex fost l-oħrajn jiġi pprovdut parkeġġ xieraq għall-utenti kummerċjali tat-toroq b’livell xieraq ta’ sikurezza u sigurtà”. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tintroduċi ebda regola fir-rigward tal-modalitajiet għall-użu ta’ dawn iż-żoni u lanqas ma hija rilevanti f’dan il-każ, peress li ma ġietx invokata mill-Kummissjoni fl-ilmenti tagħha. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 561/2006, imsemmi mill-Kummissjoni, fl-Artikolu 8a tiegħu, filwaqt li jippreċiża l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, huwa limitat biex jipprovdi li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri “jinkoraġġixxu” l-ħolqien ta’ żoni għall-parkeġġ għall-utenti kummerċjali ( 24 ).

41.

Il-Kummissjoni, filwaqt li osservat li l-preżenza ta’ żoni għall-parkeġġ li joffru l-possibbiltà ta’ parkeġġ għal 45 siegħa hija “prerekwiżit” għall-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi ta’ trasport bit-triq, tippreċiża li l-argument tagħha ma huwiex li l-Gvern Daniż ma organizzax numru suffiċjenti ta’ żoni ta’ mistrieħ bil-possibbiltà ta’ parkeġġ għal żmien twil, imma li huwa llimita l-possibbiltajiet eżistenti ta’ parkeġġ sal-punt tali li dan jikkostitwixxi ostaklu għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fid-Danimarka mit-trasportaturi mhux residenti ( 25 ).

42.

Jiena nistaqsi fuq liema bażi, fl-assenza ta’ obbligu li jkun previst ċertu numru ta’ żoni ta’ mistrieħ, Stat Membru jkun obbligat iżomm dawn iż-żoni ladarba jkun ħalaqhom jew, għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, tali Stat ikun prekluż milli jirregola l-użu tal-imsemmija żoni ta’ mistrieħ. Fil-fehma tiegħi, l-argument tal-Kummissjoni jwassal biex Stat Membru li jkollu numru suffiċjenti ta’ postijiet għall-parkeġġ ikun jista’ joħloq ostaklu għal-libertà li jiġi pprovdut trasport sempliċement billi jnaqqas in-numru ta’ dawn il-postijiet, filwaqt li Stat Membru li ma għandux numru suffiċjenti ta’ tali postijiet ma joħloqx tali ostaklu, sakemm ma jnaqqasx l-ammont tagħhom. Fi kliem ieħor, l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal biex ikun previst ksur tal-libertajiet fundamentali bbażat fuq is-sempliċi bdil fiċ-ċirkustanzi, anki fl-assenza ta’ obbligu fuq l-Istati Membri li jadottaw miżuri jew li jastjenu minn tali aġir.

43.

Imbagħad, jidhirli li l-Kummissjoni llimitat ruħha biex issemmi l-effett (indirett) tar-regola tal‑25 siegħa fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport lejn id-Danimarka mingħajr madankollu ma turi li dan l-allegat ostaklu jnaqqas verament il-kapaċità tal-impriżi ta’ trasport stabbiliti fi Stati Membri oħra milli joffru kompetizzjoni effikaċi lill-impriżi stabbiliti fid-Danimarka. Barra minn hekk, nistaqsi wkoll fuq ir-raġuni li għaliha l-eżistenza ta’ postijiet għall-parkeġġ privati bi prezz baxx ħafna, li hija ppruvata skont il-provi ppreżentati matul is-seduta, ma hijiex suffiċjenti biex telimina l-problemi msemmija mill-Kummissjoni.

44.

Nirrileva, f’dan ir-rigward, li r-regola tal‑25 siegħa ma hijiex direttament diskriminatorja. Hija lanqas ma għandha bħala għan jew effett li tirregola l-provvista tas-servizzi ta’ trasport bejn Stati Membri.

45.

L-effett ta’ din ir-regola fuq il-provvista tas-servizzi ta’ trasport bejn l-Istati Membri, allegata mill-Kummissjoni, hija bbażata għaldaqstant fuq preżunzjoni li ma hijiex, fil-fehma tiegħi, konformi mal-prinċipji li jirrigwardaw l-oneru tal-prova msemmija fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, pereżempju, ma jistax jiġi eskluż li l-effett tal-imsemmija regola fuq il-parkeġġ u fuq l-organizzazzjoni tal-perijodi ta’ mistrieħ tas-sewwieqa u, konsegwentement, fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bit-triq transkonfinali fid-Danimarka huwa insinjifikattiv u aleatorju ħafna biex tali miżura nazzjonali tkun tista’ titqies bħala li hija ta’ natura li tostakola l-provvista tas-servizzi ta’ trasport bejn l-Istati Membri.

46.

Fl-aħħar, kif jenfasizza l-Gvern Daniż, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 561/2006, l-impriżi ta’ trasport għandhom jorganizzaw ix-xogħol tas-sewwieqa b’mod li huma jkunu jistgħu jikkonformaw ruħhom b’mod partikolari mal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament (li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ) u, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(8) tal-imsemmi regolament, il-persuna li timpjega għandha tagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha tal-akkomodazzjoni li ma tkunx fil-vettura ( 26 ).

47.

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni (anki prevista u mixtieqa ( 27 )) intiża li timponi fuq l-Istati Membri li dawn jorganizzaw il-postijiet ta’ parkeġġ u l-modalitajiet għall-użu tagħhom, nistaqsi jekk in-neċessità li jinsabu jew jiġu żviluppati bażijiet loġistiċi (f’dan il-każ, il-postijiet għall-parkeġġ) insostenn tal-attivitajiet ta’ trasport u ta’ kabotaġġ hijiex sempliċement parti mill-oneri u mir-riskji kummerċjali tal-impriżi ta’ trasport u, għaldaqstant, ma tistax tkun l-obbligu tal-Istat Membru. Fil-fehma tiegħi, ma jeżistix obbligu fuq l-Istati Membri li jiffavorixxu, iżda sempliċiment li jiffaċilitaw, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport transkonfinali fit-territorju tagħhom, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huma pprovdewx jew le żoni ta’ parkeġġ u mir-regolamentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tidher li tipprekludi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproċedu b’organizzazzjoni mill-ġdid ta’ dawn l-ispazji sabiex jiġu użati biex jintlaħqu interessi pubbliċi oħra.

48.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, niddubita li, fil-kuntest tal-ilmenti esposti fil-punti 29 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ġabet il-prova li kien l-obbligu tagħha li ġġib.

49.

Konsegwentement, nipproponi li r-rikors jiġi miċħud.

50.

B’dan premess, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li r-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din ir-regola hijiex iġġustifikata bil-motivi imperattivi ta’ interess pubbliku msemmija mill-Gvern Daniż, kwistjoni li ser neżamina, sussidjarjament, fil-punti sussegwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Sussidjarjament, fuq l‑eżistenza ta’ ġustifikazzjoni b’motivi imperattivi ta’ interess pubbliku

51.

Il-Gvern Daniż isostni, essenzjalment, li, fi kwalunkwe każ, ir-regola tal‑25 siegħa hija xierqa biex tilħaq l-għanijiet leġittimi u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq.

52.

Il-Kummissjoni tirribatti li, għalkemm l-erba’ għanijiet imressqa mill-Gvern Daniż biex jiġġustifika din ir-regola tal‑25 siegħa jistgħu jitqiesu bħala leġittimi u ta’ interess ġenerali, l-imsemmija regola ma hijiex xierqa biex tilħaq dawn l-għanijiet.

53.

Madankollu, meta wieħed jiġġudika mill-intenzjoni tal-leġiżlatur Daniż, kif spjegat fil-Ftehim dwar il-Liġi tal-Finanzi għall-2018 ( 28 ), l-introduzzjoni tar-regola tal‑25 siegħa tidher li għandha għan apertament diskriminatorju. Fil-fatt, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-għan iddikjarat ta’ din ir-regola kien li tipprekludi “b’mod iktar partikolari l-parkeġġ għal żmien twil ta’ trakkijiet barranin fiż-żoni ta’ mistrieħ Daniżi”.

54.

Madankollu, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Gvern Daniż indika għanijiet oħra li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, jistgħu jitqiesu bħala leġittimi u ta’ interess ġenerali ( 29 ), jiġifieri, l-ewwel, tiżgura kapaċità ikbar fiż-żoni pubbliċi ta’ mistrieħ biex is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu l-pawżi tagħhom u l-perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ tagħhom, it-tieni, twaqqaf l-ipparkjar illegali u perikoluż għat-traffiku fiż-żoni tal-awtostrada, it-tielet, tiżgura l-funzjonament tajjeb taż-żoni ta’ mistrieħ u, r-raba’, tiggarantixxi lis-sewwieqa ambjent tajjeb u kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol.

55.

Għal dak li jirrigwarda l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata kapaċità ikbar biex is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu l-pawżi tagħhom u l-perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ tagħhom, il-Kummissjoni kkonstatat, fuq il-bażi ta’ data pprovduta mill-Gvern Daniż, u mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-istess Kummissjoni, l-assenza ta’ rabta diretta bejn l-ipparkjar għal żmien twil tat-trakkijiet fiż-żoni ta’ mistrieħ tal-awtostradi fid-Danimarka u l-problema dwar il-kapaċità kif diġà msemmija ( 30 ).

56.

Għal dak li jirrigwarda l-għan li jikkonsisti fil-waqfien tal-ipparkjar illegali u perikoluż għat-traffiku fiż-żoni tal-awtostradi, kif tosserva l-Kummissjoni, l-ipparkjar barra miż-żoni rriżervati huwa diġà illegali, mingħajr ma hu meħtieġ li tiżdied projbizzjoni oħra, li barra minn hekk taffettwa aġir li ma jaqax direttament taħt l-aġir ta’ pparkjar illegali ( 31 ).

57.

Għal dak li jirrigwarda l-għan li jikkonsisti li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb taż-żoni ta’ mistrieħ, jidhirli li l-projbizzjoni ta’ parkeġġ għal żmien twil ma hijiex direttament marbuta mal-funzjonament ta’ dawn iż-żoni, liema għan jista’, għalhekk, jintlaħaq b’mezzi iktar diretti, bħalma hija r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet fiż-żoni msemmija.

58.

Għal dak li jirrigwarda l-għan li jikkonsisti filli jiġi ggarantit lis-sewwieqa ambjent tajjeb u kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol, ma narax rabta diretta bejn ir-regola tal‑25 siegħa u dan l-għan, li għandu jiġi mfittex indipendentement mid-dewmien tal-ipparkjar ( 32 ).

59.

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom ir-regola tal‑25 siegħa hija l-unika miżura li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, b’mod li ebda miżuri inqas detrimentali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma setgħu jkunu suffiċjentement effikaċi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, infakkar li, għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, l-oneru tal-prova li għandu fuqu Stat Membru ma jistax iwassal sabiex dan ikun meħtieġ juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet fl-istess kundizzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-Istat Membru għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall il-punti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom ( 33 ).

60.

Issa, fil-fehma tiegħi, il-Gvern Daniż ma pprovdiex tali elementi.

61.

Bħala konklużjoni, nikkunsidra li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li r-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq, konklużjoni li jien ma naqbilx magħha, kif żviluppata fil-punti 29 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din ir-regola diffiċilment tista’ tkun iġġustifikata fuq il-bażi tal-ġustifikazzjonijiet imsemmija mill-Gvern Daniż.

Fuq l‑ispejjeż

62.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu mitluba. Ir-Renju tad-Danimarka talab il-kundanna tal-Kummissjoni u peress li din tilfet fl-argumenti tagħha, nipproponi li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–

tiċħad ir-rikors, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195,p. 83).

( 4 ) Fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, jiġifieri fil‑15 ta’ Lulju 2020.

( 5 ) Minn dan il-ftehim jirriżulta li l-introduzzjoni ta’ parkeġġ r għal perijodu limitat għat-trakkijiet fiż-żoni pubbliċi ta’ mistrieħ tan-network tal-awtostradi “ser tipprekludi b’mod iktar partikolari l-parkeġġ għal żmien twil ta’ trakkijiet barranin fiż-żoni ta’ mistrieħ Daniżi”.

( 6 ) Din id-dispożizzjoni tipprovdi bażi legali għall-awtorità tat-toroq biex tistabbilixxi regoli tat-traffiku fuq triq pubblika li jaffettwaw l-użu jew it-tqassim ta’ din it-triq, bħalma hija l-limitazzjoni ta’ perijodu ta’ parkeġġ.

( 7 ) Il-limitazzjoni ġiet applikata sa minn Awwissu 2018, l-ewwel mill-Vejdirektoratet (id-Direttorat Daniż għat-toroq), u mill‑1 ta’ Jannar 2019 mill-Færdselsstyrelsen (l-Awtorità Daniża għat-Traffiku fit-Toroq).

( 8 ) Il-portata wiesgħa ħafna tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati, jiġifieri l-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009, ma tippermettix lil dan il-gvern li jifhem preċiżament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li bih huwa akkużat.

( 9 ) Il-Kummissjoni tirreferi, diversi drabi, għall-Artikoli 1, 4, 6 u 8 tar-Regolament Nru 561/2006, dispożizzjonijiet li ma jissemmewx fit-talbiet.

( 10 ) Jidhirli, barra minn hekk, li l-Gvern Daniż fehem sew dawn l-argumenti u seta’ jifformula r-risposti tiegħu fir-rigward tal-fondatezza tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti. Għandu jingħad ukoll li l-argumenti mressqa fil-kontroreplika insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jikkonċernaw prinċipalment il-fondatezza tar-rikors. Fil-fatt, il-Gvern Daniż isostni, essenzjalment, li r-regolamentazzjoni tat-trasport ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, imma taħt il-kompetenza kondiviża bejn din tal-aħħar u l-Istati Membri, li l-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni f’dan ir-rigward ma fiha ebda projbizzjoni għar-restrizzjonijiet fuq l-ipparkjar u li l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet prevista fl-Artikolu 56 TFUE ma tapplikax għas-servizzi fil-qasam tat-trasport.

( 11 ) Fil-fatt, fl-assenza ta’ regoli komuni jew ta’ miżuri oħra, fuq il-bażi tal-Artikolu 91(1) TFUE, huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-provvista tas-servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-osservanza tar-regoli ġenerali tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi,C‑434/15, EU:C:2017:981, punti 46 u 47).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑626/18, EU:C:2020:1000, punti 144 u 145, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

( 14 ) Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1072/2009 tippreċiża b’mod partikolari li “[l]-istabbiliment ta’ politika tat-trasport komuni timplika t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha kontra l-persuna li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport fuq bażi taċ-ċittadinanza jew il-fatt li hija stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun ser jiġi provdut is-servizz”.

( 15 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/99, EU:C:2001:355, punti 20 sa 22).

( 16 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 4(h) tar-Regolament Nru 561/2006, il-“perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” (jiġifieri l-perijodu fil-ġimgħa li matulu sewwieq jista’ juża l-ħin tiegħu kif irid) ikopri, minn naħa, “perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” ta’ mill-inqas ħamsa u erbgħin siegħa u, min-naħa l-oħra, “perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” ta’ inqas minn ħamsa u erbgħin siegħa, li jista’ jonqos għal minimu ta’ erba’ u għoxrin siegħa konsekuttivi, skont il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan ir-regolament.

( 18 ) Skont il-Kummissjoni, ir-regola tal‑25 siegħa tippermetti esklużivament il-possibbiltà, għal sewwieq ta’ trakkijiet li jsuq fit-territorju Daniż, li jieħu perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa l-iktar qasir possibbli previst mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 561/2006 u tipprekludih milli jieħu l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa previsti minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din ir-regola tista’ twassal ukoll biex sewwieq jikser il-perijodu massimu ta’ sewqan permess matul perijodu ta’ ġimgħa jew ġimgħatejn previst mill-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, ikollha impatt fuq is-saħħa tas-sewwieqa, peress li huma jkunu obbligati jiksru r-ritmu ċirkadjan normali tagħhom u toħloq problemi għas-sewwieqa li jkollhom imorru l-Ġermanja viċina wara li jkunu marru fid-Danimarka, fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ sewqan f’dan il-pajjiż tul tmiem il-ġimgħa.

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Din hija d-data kkoreġuta, ipprovduta waqt is-seduta mill-Gvern Daniż, li ma eskludietx l-eżistenza ta’ żoni privati ta’ mistrieħ oħra li tagħhom, madankollu, huwa ma kellux għarfien.

( 21 ) Ara l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006, kif emendat mir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-[Regolament Nru 561/2006] fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (ĠU 2020, L 249, p. 1). Għal dak li jikkonċerna l-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vaditrans (C‑102/16, EU:C:2017:1012, punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ppreċiżat, essenzjalment, li din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ma jistgħux jittieħdu mis-sewwieq fil-vettura tiegħu.

( 22 ) Ninnota diverġenza ta’ fehmiet bejn il-partijiet fir-rigward tal-fattibbiltà, fil-prattika, ta’ tali soluzzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma ġabitx prova konkreta f’dan is-sens.

( 23 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU 2013, L 348, p. 1).

( 24 ) Dan l-artikolu, introdott mir-Regolament 2020/1054, ma japplikax f’dan il-każ, imma jipprovdi madankollu sors ta’ interpretazzjoni utli. Barra minn hekk, kif jippreċiżaw il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 tas‑7 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-[Regolament Nru 561/2006] fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom (ĠU 2022, L 170, p. 27), il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi n-nuqqas sinjifikattiv ta’ żoni għall-parkeġġ bla perikolu u sikuri fl-Unjoni, tillimita ruħha biex tikkunsidra li l-iżvilupp ta’ tali faċilitajiet għandu jkun “imħeġġeġ” fil-livell tal-Unjoni.

( 25 ) Ara r-rikors, punt 41.

( 26 ) Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-allegat ostaklu għas-servizzi ta’ trasport fid-Danimarka huwa aggravat mil-leġiżlazzjoni tat-traffiku fil-Ġermanja li tipprojbixxi lit-trakkijiet milli jsuqu fit-tmiem il-ġimgħa, ninnota li l-konstatazzjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru ma tistax tiddependi minn sitwazzjoni kontinġenti, ta’ dritt jew ta’ fatt, eżistenti fi Stat Membru ieħor. L-approċċ kuntrarju jwassal għall-konsegwenza assurda li l-aġir ta’ Stat Membru wieħed ikun jikser jew ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni skont is-sitwazzjoni eżistenti fi Stat Membru ieħor.

( 27 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, essenzjalment, li, matul l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva, il-qorti ma għandhiex tibbaża ruħha biss fuq l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif jidher fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni, evalwati sussegwentement għall-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment, C‑464/15, EU:C:2016:500, punt 37). Barra minn hekk, jidhirli li proċeduri għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma setgħux, fl-ebda każ, jikkostitwixxu “proċess ta’ intenzjonijiet”.

( 30 ) Fil-fatt, jidher li l-problemi ta’ kapaċità kkonstatati jqumu prinċipalment minħabba nuqqas ta’ kapaċità inġenerali u mhux minħabba li t-trakkijiet ikunu pparkjati f’dawn iż-żoni ta’ mistrieħ għal iktar minn 25 siegħa.

( 31 ) Anki jekk, kif isostni l-Gvern Daniż fil-kontroreplika, ir-regola tal‑25 siegħa naqqset, de facto, il-problemi ta’ kapaċità u, konsegwentement, il-ksur, jidhirli li din ir-regola ma tidhirx minnha nnifisha bħala li hija proporzjonata għall-għan imfittex.

( 32 ) Pereżempju, permezz ta’ regoli bħalma huma dawk li jikkonċernaw il-projbizzjoni ta’ teħid ta’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa f’vettura, li hija iktar xierqa għall-għan inkwistjoni.

( 33 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Kontabilisti) (C‑384/18, EU:C:2020:124, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).