KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑8 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )
Kawża C‑58/22
NR
fil-preżenza ta’:
Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni – Deċiżjoni ta’ prosekutur pubbliku – Evalwazzjoni tal-merti – Investigazzjoni ddettaljata – Eżami tal-evidenza”
I. Introduzzjoni
1. |
Il-prinċipju ta’ ne bis in idem (jew il-projbizzjoni ta’ proċeduri kriminali doppji) – li jimplika d-dritt tal-individwi li ma jkunux suġġetti għal proċeduri kriminali jew għal piena diversi drabi għall-istess fatti – jokkupa post prominenti fil-parti l-kbira tas-sistemi nazzjonali u internazzjonali tad-dritt kriminali ( 2 ). Għalkemm bi sfumaturi differenti, dan il-prinċipju huwa stabbilit f’diversi kostituzzjonijiet nazzjonali u konvenzjonijiet internazzjonali. Iktar importanti għall-kawża ineżami, dan il-prinċipju huwa rrikonoxxut bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”). |
2. |
Matul dawn l-aħħar snin, ingħataw għadd kbir ta’ sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti EDB – iż-żewġ qrati ta’ spiss sedenti f’formazzjonijiet estiżi – sabiex jiċċaraw il-kundizzjonijiet meħtieġa, fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi rispettivi, għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Iż-żewġ aspetti ġurisprudenzjali li jirriżultaw minn dawn il-qrati jixhdu arrikkiment reċiproku u konverġenza qawwija. Minflok ma llimitaw ruħhom li jfakkru jew jirfinaw id-dritt (eżistenti), dawn l-aspetti ġurisprudenzjali introduċew ukoll ċerti żviluppi importanti. |
3. |
Il-kawża ineżami toffri opportunità li jiġu spjegati u elaborati ċerti żviluppi reċenti kemm f’dak li jirrigwarda l-komponenti “bis” u “idem” tal-prinċipju. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li (i) id-deċiżjoni ta’ prosekutur li ma jiħux azzjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-merti tal-kawża, li tirriżulta minn investigazzjoni ddettajlata, u (ii) ir-responsabbiltà kriminali tal-allegat awtur tar-reat għandha tiġi debitament eżaminata. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
4. |
L-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, jipprevedi li: “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.” |
5. |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni ( 3 ) jipprevedi: “Ir-Rumanija għandha, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena […] tirraporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness. […]” |
6. |
Skont il-punt 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, il-punti ta’ riferiment li r-Rumanija għandha tindirizza, imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, jinkludu li [t]ieħu aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan il-gvern lokali.” |
7. |
L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat ( 4 ), li jikkonċerna l-“Korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat”, jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li ċerti forom ta’ mġiba intenzjonali jikkostitwixxu reat kriminali, meta jitwettqu matul attivitajiet kummerċjali. |
B. Id‑dritt internazzjonali
8. |
L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Protokoll Nru 7, dwar “[i]d-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, jipprevedi: “1. Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġa` ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat. 2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ”. |
C. Id‑dritt nazzjonali
9. |
L-Artikolu 6 tal-Legea nr. 135 din 1 iulie 2010 privind Codul de procedură penală (il-Liġi Nru 135 tal‑1 ta’ Lulju 2010 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), intitolat “Ne bis in idem”, jipprevedi: “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew iġġudikata għal reat jekk sentenza definittiva fi kwistjonijiet kriminali tkun diġà ngħatat għall-istess azzjonijiet, iżda bi klassifikazzjoni ġuridika differenti.” |
10. |
L-Artikolu 335 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, intitolat “Proċedura fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni”, jipprevedi: “1. Jekk sussegwentement jiġi kkonstatat li l-fatt li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma jeżistix, prosekutur pubbliku ta’ livell ogħla minn dak li jkun ħa d-deċiżjoni għandu jannulla d-digriet u jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet […] 2. Fil-każ li jirriżultaw fatti jew ċirkustanzi ġodda li juru li l-fatt li jkun ta lok għad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma jkunx għadu jeżisti, il-prosekutur għandu jirrevoka d-digriet u jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet.” |
III. Il‑fatti, il‑proċedura nazzjonali u d‑domandi preliminari
11. |
Fit‑12 ta’ Frar 2014, il-laqgħa ġenerali ta’ kooperattiva ddeċidiet li tirtira lil NR (iktar ’il quddiem l-“akkużata”) mill-funzjonijiet tagħha ta’ presidenta tal-kumpannija. Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata u annullata. L-akkużata mbagħad ġiet irreintegrata fil-funzjonijiet tagħha. F’din it-tilwima, l-akkużata kienet irrappreżentata minn avukat li miegħu għamlet ftehim ta’ “ħlas għal eżitu pożittiv” ta’ EUR 4400. |
12. |
Fit‑30 ta’ April 2015, l-akkużata talbet dan l-ammont mingħand ħames impjegati tal-kumpannija; inkambju, hija kellha toqgħod lura milli tieħu deċiżjonijiet li jtemmu l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom. Peress li t-talbiet finanzjarji tagħha ma ġewx issodisfatti, l-akkużata ħarġet u ffirmat dawn id-deċiżjonijiet. L-impjegati kkonċernati (iktar ’il quddiem il-“lanjanti”) ippreżentaw żewġ ilmenti bl-istess kontenut: wieħed ġie ppreżentat lill-korp tal-pulizija kompetenti fit‑8 ta’ Ġunju 2015 u l-ieħor fis‑26 ta’ Ġunju 2015 lid-Direcția Națională Anticorupție (id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, ir-Rumanija; iktar ’il quddiem id-“DNKK”). |
13. |
Dawn iż-żewġ ilmenti wasslu għall-ftuħ ta’ żewġ proċeduri kriminali, li jimxu b’mod parallel u li l-istadji prinċipali tagħhom ser jiġu spjegati iktar ’il quddiem. Madankollu, għall-finijiet ta’ ċarezza, il-proċeduri li jirriżultaw mit-tieni lment ser jiġu eżaminati l-ewwel. |
A. L‑ilment tas‑26 ta’ Ġunju 2015 u l‑proċeduri li segwewh
14. |
Kif indikat, il-lanjanti ressqu (it-tieni) ilment quddiem id-DNKK fis‑26 ta’ Ġunju 2015. Peress li qies li dan l-ilment kien jinkludi provi ta’ possibbiltà ta’ att ta’ estorsjoni, id-DNKK bagħat lill-akkużat lill-Parchetul de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Slatina, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Slatina), li kellu l-ġurisdizzjoni f’din il-kwistjoni, u li fetaħ kawża kriminali. |
15. |
Fl‑14 ta’ Marzu 2016, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Slatina ordna li jinbdew proċeduri kriminali in rem ( 5 ) għar-reat ta’ estorsjoni. Il-korp tal-pulizija kompetenti intervista lill-akkużata u lil-lanjanti. Ċerti dokumenti u CD, li jinkludu reġistrazzjoni awdjo li l-lanjanti kienu allegatament għamlu fit‑30 ta’ April 2015, ġew ukoll inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni. Wara li eżaminaw dawn il-provi, il-pulizija qiesu li ma kien twettaq l-ebda reat u ppreparaw talba sabiex il-kawża tingħalaq. Fuq il-bażi ta’ din it-talba, fis‑27 ta’ Settembru 2016, il-prosekutur responsabbli mill-kawża ħareġ digriet li ma titteħidx azzjoni (iktar ’il quddiem id-“digriet li ma titteħidx azzjoni tas‑27 ta’ Settembru 2016”). Dan id-digriet ma ġiex appellat fit-terminu ta’ 20 jum previst mid-dritt nazzjonali u għalhekk sar definittiv. |
16. |
Fil‑21 ta’ Ottubru 2016, il-kap prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Slatina, li ma qabilx mad-digriet li ma titteħidx azzjoni tal-prosekutur tas‑27 ta’ Settembru 2016, iddeċieda li jiftaħ mill-ġdid il-proċeduri kriminali inkwistjoni. Il-kap prosekutur innota, b’mod partikolari, li l-istess kwistjoni kienet is-suġġett ta’ proċeduri relatati mar-reat ta’ korruzzjoni passiva quddiem il-Parchetul de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta’ Olt, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Olt), fejn l-investigazzjonijiet kienu fi stadju avvanzat. Fil-fehma tiegħu, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kienet teżiġi li l-ġurisdizzjoni fil-proċeduri relatati mar-reat ta’ estorsjoni tiġi rrinunzjata favur il-proċeduri relatati mar-reat ta’ korruzzjoni passiva. Il-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina, ir-Rumanija) għall-konferma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. |
17. |
Fil‑21 ta’ Novembru 2016, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, peress li qieset li l-kriterji legali għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma kinux issodisfatti. Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-istess persuna kienet suġġetta għal investigazzjoni f’kawża oħra quddiem korp ġudizzjarju ieħor, u li din l-investigazzjoni kienet tinsab fi stadju avvanzat, ma kienx jippermetti r-revoka tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni. |
B. L‑ilment tat‑8 ta’ Ġunju 2015 u l‑proċeduri li segwewh
18. |
Wara (l-ewwel) ilment tat‑8 ta’ Ġunju 2015, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Olt fetaħ proċeduri kriminali kontra l-akkużata minħabba korruzzjoni passiva. Matul il-kawża quddiem it-Tribunalul Olt (il-Qorti Reġjonali ta’ Olt), din il-qorti reġjonali, l-akkużata invokat il-prinċipju ta’ ne bis in idem, billi sostniet li hija kienet diġà s-suġġett ta’ investigazzjoni għall-istess fatti fil-kuntest tal-proċedura dwar ir-reat ta’ estorsjoni u li kienet diġà ngħatat deċiżjoni definittiva li ma titteħidx azzjoni f’dan ir-rigward. |
19. |
It-Tribunalul Olt (il-Qorti Reġjonali ta’ Olt) ċaħdet dan il-motiv ta’ difiża minħabba li l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma kinux ġew issodisfatti. Din il-qorti nnotat, inter alia, id-dati differenti li fihom kienu ġew ippreżentati ż-żewġ ilmenti kriminali u li l-proċeduri dwar ir-reat ta’ estorsjoni tmexxew in rem, b’differenza mill-proċeduri relatati mar-reat ta’ korruzzjoni passiva. Barra minn hekk, din il-qorti kkonstatat li fil-proċeduri relatati mar-reat ta’ estorsjoni, ma kinitx saret investigazzjoni ddettaljata, peress li kienu nkisbu provi insuffiċjenti u peress li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni minn uffiċjal tal-pulizija. Għalhekk, permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2018, din il-qorti kkundannat lill-akkużata, inter alia, għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u erba’ xhur għar-reat ta’ korruzzjoni passiva. |
20. |
L-akkużata u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Olt appellaw minn din is-sentenza. Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija) laqgħet l-appell, annullat is-sentenza appellata u ordnat l-għeluq tal-proċeduri kriminali mibdija kontra l-akkużata. Din il-qorti kkonstatat, essenzjalment, li l-ilmenti mressqa mil-lanjanti fiż-żewġ proċeduri kellhom kontenut identiku, u li l-proċeduri li segwew wasslu għall-ġbir ta’ provi simili, u b’hekk skattaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
21. |
Tressaq appell fuq punt ta’ liġi minn din is-sentenza quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija; iktar ’il quddiem l-“ÎCCJ”). Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2021, l-ÎCCJ laqgħet l-appell, annullat id-deċiżjoni kkontestata u rrinvijat il-kawża lura quddiem il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova). Fid-deċiżjoni tagħha, l-ÎCCJ, filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB fuq din il-kwistjoni, iddikjarat, essenzjalment, li, għalkemm il-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ japplika fil-każ ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-prosekuturi pubbliċi li jtemmu l-proċeduri, mhux dawn id-deċiżjonijiet kollha jistgħu jitqiesu bħala “definittivi”. L-ÎCCJ eżaminat id-digriet ta’ tkeċċija tas‑27 ta’ Settembru 2016 u kkunsidrat li dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni dwar in-“natura definittiva”, peress li dan ma kien jinkludi l-ebda evalwazzjoni fuq il-merti tal-kawża. B’mod partikolari, il-prosekutur pubbliku responsabbli ma mmotivax id-digriet, u sempliċement ordna li l-kawża kontra r-reat tal-estorsjoni ma titkompliex. |
22. |
Wara d-deċiżjoni tal-ÎCCJ, il-kawża tressqet quddiem il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) għal eżami mill-ġdid tal-appelli ppreżentati mill-akkużata u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Olt kontra s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2018 tat-Tribunalul Olt (il-Qorti Reġjonali ta’ Olt). Madankollu, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipju ta’ non bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-obbligi tar-Rumanija li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fid-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928], għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni, meħuda mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku wara l-produzzjoni tal-provi essenzjali fil-kawża inkwistjoni, tipprekludi proċeduri kriminali ulterjuri fir-rigward tal-istess fatti, anki jekk il-klassifikazzjoni ġuridika hija differenti, fir-rigward tal-istess persuna, meta d-deċiżjoni tkun definittiva, sakemm ma jiġix ikkonstatat li ċ-ċirkustanza li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma kinitx teżisti jew li qamu fatti jew ċirkustanzi ġodda li juru li ċ-ċirkustanza li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma għadhiex teżisti?” |
23. |
Il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kawża ineżami. Dawn il-persuni kkonċernati għamlu wkoll it-trattazzjonijiet matul is-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2023. |
IV. Analiżi
24. |
F’dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel ser nittratta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tisma’ l-kawża ineżami (A), imbagħad ser indur għall-evalwazzjoni tad-domanda magħmula, li ser issir f’żewġ stadji: l-ewwel, billi tiġi pprovduta interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta li tfittex li tindirizza d-dubji ermenewtiċi espressi mill-qorti tar-rinviju (B); it-tieni, billi nipprovdi lil din il-qorti b’xi gwida dwar kif l-Artikolu 50 tal-Karta jista’ jiġi applikat f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali (C). Finalment, ser noffri xi rimarki finali rigward in-natura u l-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, sabiex l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta proposta f’dawn il-konklużjonijiet titqiegħed f’kuntest usa’ (D). |
A. Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
25. |
Il-Gvern Rumen jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tisma’ l-kawża. Huwa jsostni li l-Artikolu 50 tal-Karta ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali peress li l-kawża ineżami ma tikkonċernax l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta. Skont dan il-gvern, peress li r-rapporti mfassla mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 2006/928 ma jidentifikaw l-ebda lakuna fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu jitqies li l-ebda obbligu speċifiku ma kien ġie impost fuq ir-Rumanija f’dan ir-rigward. |
26. |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma opposta. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dispożizzjonijiet kriminali sostantivi li, skont il-prosekutur pubbliku fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, huma applikabbli għall-aġir tal-akkużata jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2003/568 ( 6 ). Fil-fehma tagħha, dan jiskatta l-applikabbiltà tal-Karta. |
27. |
F’dan ir-rigward, għandi ngħid li għandi ċerta simpatija għal ċerti argumenti mressqa mill-Gvern Rumen. |
28. |
Qabelxejn, ma huwiex ikkontestat li l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju hija – b’mod sempliċi – purament interna għar-Rumanija, li tirriżulta (i) minn pożizzjonijiet kontradittorji dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem minn awtoritajiet ġudizzjarji differenti fir-Rumanija; (ii) espressi fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri kriminali differenti li jitmexxew fiha; (iii) kontra allegata mġiba ta’ korruzzjoni li seħħet fir-Rumanija; u (iv) li ma għandha l-ebda element transkonfinali. |
29. |
Iktar importanti minn hekk, naqbel mal-Gvern Rumen dwar il-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/928 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jestendu wisq il-portata tagħha, bil-konsegwenza li kull regola tad-dritt kriminali sostantiv u proċedurali Rumen taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, huma biss il-kwistjonijiet li huma strettament u direttament marbuta mal-kapaċità attwali ta’ dan l-Istat Membru li jissodisfa l-punti ta’ riferiment speċifiċi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/928 li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
30. |
Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun f’pożizzjoni li tifhem kif, in concreto, il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju jistgħu potenzjalment jostakolaw il-kapaċità tal-Istat Membru li jissodisfa l-obbligi li huwa assuma mal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni u li ġew ikkonkretizzati fid-Deċiżjoni 2006/928. |
31. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li d-Deċiżjoni 2006/928 timponi fuq ir-Rumanija obbligu speċifiku li tindirizza l-punti ta’ riferiment stabbiliti fiha, peress li dawn “huma fformulati f’termini ċari u preċiżi u ma huma akkumpanjati minn ebda kundizzjoni”. Ir-Rumanija hija għalhekk obbligata, skont din id-deċiżjoni, li tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tissodisfa l-punti ta’ riferiment fl-iqsar żmien possibbli u li toqgħod lura milli timplimenta kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola dan l-għan ( 7 ). |
32. |
Wieħed mill-punti ta’ riferiment speċifiċi tad-Deċiżjoni 2006/928 huwa “aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni” ( 8 ). Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta obbligu speċifiku għar-Rumanija li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-korruzzjoni, li jipprekludi regoli nazzjonali li jistgħu b’xi mod idgħajfu din il-ġlieda ( 9 ). |
33. |
Din il-kawża tikkonċerna każ ta’ allegata korruzzjoni. Il-fatt enfasizzat mill-Gvern Rumen li r-rapporti tal-Kummissjoni ma jsemmu l-ebda kwistjoni possibbli fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-Rumanija huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti f’dan il-kuntest. Għall-kuntrarju, dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri huwa jekk ir-regoli nazzjonali applikabbli fil-kawża ineżami (sostantivi u proċedurali, li jippermettu l-prosekuzzjoni u li jipprekludu l-projbizzjoni) jistax ikollhom effett dirett fuq il-kapaċità tar-Rumanija li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/928: in casu, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. |
34. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjonijiet legali mqajma mill-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx biss il-każ konkret tal-akkużata, pereżempju xi applikazzjoni allegatament żbaljata tad-dispożizzjonijiet kriminali rilevanti fil-kawża ineżami. Dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw fehmiet diverġenti dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Dan huwa prinċipju ta’ importanza kostituzzjonali, li l-interpretazzjoni tiegħu hija ta’ importanza sistemika kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għas-sistemi nazzjonali tal-liġi kriminali. Bħala tali, ir-risposta għad-domanda magħmula fil-kawża ineżami jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq numru kbir ta’ kawżi ta’ korruzzjoni fir-Rumanija. Peress li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi t-tkomplija tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ allegati reati, ma jistax jiġi eskluż li interpretazzjoni wiesgħa wisq ta’ dan il-prinċipju tista’ tirrendi inqas effikaċi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tar-Rumanija. |
35. |
Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Rumen ikkonferma waqt is-seduta li, kif sostniet il-Kummissjoni, xi wħud mid-dispożizzjonijiet kriminali sostantivi applikabbli fil-kawża ineżami jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2003/568, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(1)(b) tagħha. Dan ifisser illi, fil-kawża ineżami, ma għandniex quddiemna biss sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali jeżistu flimkien f’żona partikolari – kif kien il-każ f’Siragusa ( 10 ), li l-Gvern Rumen irrefera għaliha. Fil-fatt, uħud mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jinvolvi l-applikazzjoni ta’ dan l-istrument ( 11 ). |
36. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ din il-kawża. |
B. Id‑domanda magħmula (I): l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 50 tal‑Karta
37. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk persuna tistax titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, bħala riżultat tal-adozzjoni, minn prosekutur pubbliku, ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni, fejn dan id-digriet ma jinkludi l-ebda motivazzjoni u sempliċiment jirreferi għal dak li jinsab f’rapport imfassal mill-pulizija inkarigati mill-investigazzjoni. |
38. |
Din il-kwistjoni tqajjem, b’mod partikolari meta tinqara fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, diversi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-prinċipju ta’ ne bis in idem isir applikabbli meta deċiżjoni tiġi adottata minn prosekutur pubbliku. |
39. |
Qabel ma nindirizza dawn il-kwistjonijiet, hemm żewġ rimarki preliminari li għandhom isiru. |
1. Rimarki preliminari
40. |
L-ewwel, ninnota li, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni daħlu f’dettall kbir sabiex jispjegaw it-tifsira tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-kawża ineżami, kif ukoll sabiex jistħarrġu n-natura u l-kontenut tad-diversi atti proċedurali adottati fiż-żewġ proċeduri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni. |
41. |
Ċertament, huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun debitament informata bil-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula, sabiex tkun tista’ tasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti tar-rinviju ( 12 ). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, fl-istess ħin, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, li tistħarreġ l-atti tal-proċedura nazzjonali u, b’mod iktar ġenerali, li tipproċedi bħala arbitru bejn il-konstatazzjonijiet kontradittorji ta’ awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali differenti f’każ speċifiku. |
42. |
Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 267 TFUE huwa li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha ssolvi t-tilwima pendenti quddiemha ( 13 ). Dan ifisser li, f’kawża bħal dik ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara l-kundizzjonijiet li fihom huwa applikabbli l-prinċipju ta’ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, u b’hekk tippermetti lill-qorti tar-rinviju tevalwa hi stess jekk deċiżjoni ta’ prosekutur li jagħlaq investigazzjoni mingħajr ma jieħu iktar azzjoni tatx lok għal deċiżjoni definittiva għal dan l-għan ( 14 ). |
43. |
It-tieni, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, ser nirreferi wkoll għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ( 15 ), kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7. |
44. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 50 tal-Karta u l-Artikolu 54 tal-KIFS għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni konsistenti peress li t-tnejn li huma għandhom l-istess suġġett ( 16 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 50 tal-Karta jinkludi dritt li jikkorrispondi għal dak previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 u li, konsegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ( 17 ). |
45. |
Dan premess, issa ser nindirizza l-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet sostantivi mqajma minn dawn il-proċeduri. |
46. |
Preliminarjament, jista’ jkun utli li jitfakkar li, fil-qosor, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ pieni ta’ natura kriminali għall-istess fatti u kontra l-istess persuna ( 18 ). Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet prinċipali għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju huma: (i) in-natura kriminali tal-proċeduri, (ii) il-“bis” (kumulu ta’ proċeduri) u (iii) l-“idem” (proċeduri dwar l-istess fatti u kontra l-istess persuna). |
47. |
Fil-kawża prinċipali, ma tqajjem l-ebda dubju dwar in-“natura kriminali” taż-żewġ proċeduri inkwistjoni. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet “bis” u “idem” ġewx issodisfatti irriżultat f’nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċeduri. |
2. Fuq il-kundizzjoni “bis”
48. |
L-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludi l-prosekuzzjoni doppja u pieni meta l-persuna “tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata”. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex deċiżjoni ta’ dritt kriminali tkun tista’ titqies bħala deċiżjoni definittiva fuq il-fatti li huma s-suġġett tat-tieni proċedura, “huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża” ( 19 ). |
49. |
Għalhekk hemm żewġ aspetti tad-deċiżjoni inkwistjoni li għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk proċedura sussegwenti tagħtix lok għal kumulu ta’ proċeduri preklużi mill-Artikolu 50 tal-Karta: wieħed jikkonċerna n-natura tad-deċiżjoni (in-“natura definittiva” tagħha), it-tieni jikkonċerna l-kontenut tagħha (jekk indirizzatx il-“merti tal-kawża”). |
a) Fuq in‑natura definittiva tad-deċiżjoni
50. |
Fir-rigward tar-rekwiżit tan-natura definittiva, teżisti abbundanza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KIFS. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tkun ftit differenti minn dik tal-Artikolu 50 tal-Karta, iżda l-essenza tagħha hija l-istess: hija tipprevedi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għal kwalunkwe persuna “li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali”. Din il-kundizzjoni teżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li d-deċiżjoni ta’ dritt kriminali inkwistjoni ttemm il-proċeduri kriminali u ġġib magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni kriminali, u b’hekk twassal, fuq livell nazzjonali, għall-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 20 ). |
51. |
L-osservanza ta’ tali rekwiżit għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tad-dritt domestiku tal-Istat Membru li fih ittieħdet din id-deċiżjoni ( 21 ). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni li, skont id-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni, ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni kriminali ma jistax ikollha l-effett, bħala regola, li tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għall-eventwali teħid jew tkomplija ta’ proċeduri kriminali, fir-rigward tal-istess fatti, kontra din il-persuna fi Stat Membru ieħor ( 22 ). |
52. |
Dan premess, in-natura definittiva ta’ deċiżjoni, u għalhekk l-iskattar tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, ma hijiex eskluża mill-fatt li, fis-sistema nazzjonali inkwistjoni, jeżistu ċerti rimedji li jippermettu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, it-tkomplija ta’ proċess ( 23 ). Regola f’dan is-sens hija espressament stabbilita fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7, li skontha l-prinċipju ta’ ne bis in idem“ma [għandux iżomm] milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ”. |
53. |
Fuq din il-bażi, il-Qorti EDB iddikjarat li r-rimedji straordinarji ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proċeduri waslux għal konklużjoni definittiva għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Il-QEDB ikkonstatat li, għalkemm dawn ir-rimedji “jirrappreżentaw it-tkomplija tal-ewwel proċedura, in-natura ‘finali’ tad-deċiżjoni ma tiddependix mill-użu tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 24 ). Dan il-qari ġie kkonfermat – skont din il-qorti – mir-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Protokoll Nru 7, li jagħmel riferiment għal deċiżjoni bħala definittiva jekk “tkun kisbet is-saħħa ta’ res judicata. Dan ikun il-każ meta din id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi rrevokata, jiġifieri meta ma tkunx tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedji legali ordinarji jew meta l-partijiet ikunu eżawrixxew dawn ir-rimedji jew ikunu ħallew it-termini jiskadu mingħajr ma jkunu eżerċitawhom” ( 25 ). |
54. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonfermat dan l-approċċ fis-sentenza tagħha f’M. Wara t-triq imfassla mill-Qorti EDB, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni ta’ dritt kriminali li tipprekludi l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali ġodda għall-istess fatti kontra l-persuna li għaliha tapplika din id-deċiżjoni, sakemm ma jirriżultawx fatti u/jew provi ġodda kontra din il-persuna, għandha titqies li hija sentenza definittiva fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 26 ). |
55. |
Ċertament, id-differenza bejn ir-“rimedji ordinarji”, li l-eżistenza tagħhom teskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, u r-“rimedji straordinarji” li ma jagħmlux dan, tista’, f’ċerti każijiet, tkun diffiċli li tinftiehem. Il-kwistjoni ġiet eżaminata fid-dettall mill-Qorti EDB fis-sentenza reċenti Mihalache. |
56. |
Essenzjalment, l-Awla Manja tal-Qorti EDB ikkonstatat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk rimedju huwiex “ordinarju”, il-punt ta’ tluq tal-analiżi huwa d-dritt nazzjonali rilevanti. Madankollu, din il-qorti ppreċiżat li hija ser twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess fuq dan il-punt, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża speċifika. Hija ser tikkunsidra, b’mod partikolari, il-“prevedibbiltà” tar-rimedju. F’dan ir-rigward, il-fatturi li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni jinkludu, skont il-Qorti EDB, l-aċċessibbiltà tar-rimedju mill-partijiet, il-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta mil-liġi lill-uffiċjali awtorizzati fl-użu tar-rimedju u – dak li huwa partikolarment importanti – ir-rekwiżit li r-rimedju jiġi eżerċitat f’terminu speċifiku ( 27 ). |
57. |
In-natura xierqa tal-użu tal-kriterju ta’ “prevedibbiltà” fl-evalwazzjoni tan-natura ordinarja jew straordinarja ta’ rimedju ġiet madankollu kkritikata f’Opinjoni Konkordanti Konġunta tas-sentenza Mihalache. Skont din l-opinjoni, l-introduzzjoni ta’ tali kriterju tista’ twassal għal konfużjoni. Fil-fehma tal-imħallfin awturi tal-Opinjoni, l-uniku kriterju operattiv huwa jekk jeżistix jew le terminu li fih għandu jiġi eżerċitat ir-rimedju: il-fatt li rimedju ma jkollux limitu jfisser li huwa straordinarju ( 28 ). |
58. |
Irrispettivament minn din id-differenza ta’ opinjoni, jiena inklinat naqbel ma’ dak li jidher li huwa paċifiku: l-eżistenza ta’ terminu ċar għall-eżerċizzju tar-rimedju għandu jkun il-kriterju predominanti għad-determinazzjoni tan-natura ordinarja jew straordinarja tiegħu. F’dan il-kuntest, forsi nixtieq nenfasizza wkoll li, kif jirriżulta mit-terminu “straordinarju” stess, tali rimedju ma jistax jikkonsisti fi proċedura ta’ eżami mill-ġdid li hija parti mill-kors normali tal-proċedura ta’ appell segwita fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-ġustizzja kriminali, li ġeneralment timplika diversi istanzi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u/jew ta’ aġġudikazzjoni, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ żbalji ġudizzjarji. |
b) Evalwazzjoni tal‑merti
59. |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni tad-dritt kriminali tikkostitwixxix deċiżjoni li taqta’ l-każ ta’ persuna b’mod finali, huwa neċessarju, inter alia, li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża. Dan jirriżulta, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 50 tal-Karta, peress li l-kunċetti ta’ “kundanna” u ta’ “liberazzjoni” li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni jimplikaw neċessarjament li r‑responsabbiltà kriminali tal-persuna akkużata tkun ġiet eżaminata u li deċiżjoni f’dan ir-rigward tkun ġiet adottata ( 29 ). |
60. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tippreċiża li deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru li permezz tagħha persuna akkużata tiġi lliberata b’mod definittiv minħabba l-inadegwatezza jew l-assenza ta’ provi għandha titqies, bħala prinċipju, li hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-merti tal-kawża ( 30 ). |
61. |
Fl-istess sens, insostni li evalwazzjoni tal-merti tinkludi s-sitwazzjoni li fiha tintemm il-proċedura u l-kapijiet ta’ akkuża jiġu miċħuda għaliex – minkejja l-konstatazzjoni tal-elementi fattwali tar-reat – kienu jeżistu raġunijiet li jeżoneraw lill-allegat awtur (pereżempju, l-awtodifiża, l-istat ta’ neċessità jew force majeure), jew li jagħmluh mhux akkontabbli (pereżempju, il-persuna kienet taħt l-età jew kienet tbati minn disturb mentali gravi) ( 31 ). |
62. |
B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li d-deċiżjonijiet li fihom persuna tiġi lliberata, il-kapijiet ta’ akkuża jiġu miċħuda, jew il-proċeduri ma jitkomplewx għal raġunijiet sempliċiment proċedurali jew li, fi kwalunkwe każ, ma jinvolvu l-ebda evalwazzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna ma jistgħux jitqiesu bħala “definittivi” għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 32 ). Dan huwa ġeneralment il-każ, fil-fehma tiegħi, ta’ proċedura magħluqa minħabba, pereżempju, l-amnestija, l-immunità, l-abolitio criminis, jew il-preskrizzjoni tal-proċeduri ( 33 ). |
63. |
F’dan il-kuntest, infakkar li l-ġurisprudenza tindika li r-rekwiżit li d-deċiżjoni tinkludi evalwazzjoni tal-merti tal-kawża – intiża sabiex tikkostitwixxi responsabbiltà kriminali tal-persuna li hija s-suġġett tal-investigazzjoni – ma jistax jiġi vverifikat fuq bażi purament formali. |
64. |
Naturalment, meta deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni tiġi espressament ibbażata fuq raġunijiet proċedurali ma hemm l-ebda bżonn li ssir xi verifika addizzjonali: id-deċiżjoni tista’ minnha nnifisha tiskatta l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Madankollu, meta deċiżjoni tkun ibbażata fuq assenza jew insuffiċjenza ta’ provi, ikun hemm stadju addizzjonali meħtieġ. Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kossowski, u kif ġie rrepetut mill-Qorti EDB f’Mihalache, determinazzjoni vera tal-merti tal-kawża timplika neċessarjament investigazzjoni ddettaljata ( 34 ). |
65. |
Dawn il-konstatazzjonijiet – li magħhom naqbel kompletament – jeħtieġu xi spjegazzjonijiet. |
1) Fuq in-neċessità li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ investigazzjoni ddettaljata
66. |
Fil-ġurisprudenza tagħhom, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti EDB estendew il-portata tal-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem lil hinn mill-qasam tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji stricto sensu. Dawn iż-żewġ qrati ddeċidew li deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fil-livell nazzjonali, li lilhom id-dritt nazzjonali jattribwixxi s-setgħa li jiġi kkonstatat u ssanzjonat aġir illegali, bħall-prosekuturi pubbliċi, jistgħu wkoll jitqiesu bħala deċiżjonijiet “definittivi” għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Dan huwa minnu minkejja l-fatt li l-ebda qorti ma tintervjeni fil-proċess u li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tiħux il-forma ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ( 35 ). |
67. |
Din l-estensjoni hija titjib importanti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fid-dritt u l-proċedura kriminali. Madankollu, ftit li xejn għandi għalfejn nenfasizza li deċiżjoni ta’ prosekutur pubbliku li jtemm il-proċeduri matul il-fażi investigattiva ma tistax titqies ipso facto bħala deċiżjoni ta’ qorti li tillibera individwu, mogħtija wara li jkun seħħ proċess xieraq, li fih il-provi jiġu prodotti lill-imħallef (jew ġurija), diskussi mill-partijiet, u fl-aħħar nett evalwati mill-imħallef (jew il-ġurija). |
68. |
Kif inhu magħruf, is-sistemi kriminali tal-Istati Membri jinkludu diversi sistemi legali li jirregolaw, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom il-prosekuturi jistgħu jew għandhom jinvestigaw allegati reati u, fejn xieraq, jibdew proċeduri kriminali kontra l-allegati awturi, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li għalihom il-proċeduri kriminali jistgħu jintemmu. Pereżempju, f’għadd ta’ Stati Membri, raġunijiet relatati man-nuqqas ta’ interess pubbliku, il-gravità suffiċjenti tar-reat jew l-ilment tal-vittma, l-aġir preċedenti tal-akkużat, jew saħansitra restrizzjonijiet baġitarji, jikkostitwixxu raġuni valida biex prosekutur ikun jista’ jagħlaq l-investigazzjoni ( 36 ). |
69. |
Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk, fis-sistema kriminali ta’ Stat Membru, il-prosekuzzjoni hijiex bħala prinċipju obbligatorja jew diskrezzjonali, huwa inevitabbli li kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità ġudizzjarja, ta’ ekonomija jew ta’ politika (bħal, pereżempju, l-ammont ta’ xogħol attwali, il-prijoritajiet tal-infurzar, l-ispejjeż finanzjarji u tax-xogħol tal-investigazzjoni) jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-prosekuturi li jinvestigaw, b’mod ftit jew wisq proattiv, allegat reat jew, bil-maqlub, li jtemmu l-proċeduri. Fil-fatt, tkun biss tama fiergħa li jiġi preżunt li kull prosekutur tal-Unjoni jiddeċiedi dwar l-eżitu tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet li huwa responsabbli għalihom biss fuq il-bażi tal-konvinzjoni intima tiegħu fir-rigward tal-ħtija tal-allegat awtur, u l-kapaċità tiegħu li jistabbilixxiha quddiem qorti. |
70. |
Jidhirli li tali kunsiderazzjonijiet jista’ jkollhom piż ikbar meta l-prosekuturi jaffaċċjaw reati transnazzjonali, imwettqa fi u/jew li jaffettwaw żewġ Stati Membri jew iktar, imwettqa minn awturi tar-reat li jisfruttaw id-drittijiet tagħhom ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni sabiex jiċċaqilqu liberament bejn il-fruntieri nazzjonali. F’dawn is-sitwazzjonijiet, huwa ċar li ċerti prosekuturi jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar minn oħrajn sabiex jinvestigaw b’suċċess u, jekk ikun il-każ, jibdew proċeduri kontra l-eventwali awturi tar-reat. Huwa daqstant ieħor evidenti li l-koordinazzjoni attwali ta’ diversi prosekuturi, ibbażati fi Stati Membri differenti, fejn kull wieħed jaħdem fil-lingwa tiegħu stess, possibbilment eluf ta’ kilometri bogħod minn xulxin, u billi potenzjalment tiġi injorata l-eżistenza ta’ proċeduri paralleli, ma hijiex ħaġa li tista’ titqies bħala assunta – minkejja l-eżistenza ta’ strumenti speċifiċi dwar din il-kwistjoni ( 37 ). |
71. |
Għaldaqstant, f’sistema bbażata fuq il-fiduċja reċiproka li tapplika b’mod transnazzjonali, fil-fehma tiegħi, huwa assolutament kruċjali li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ikun applikabbli biss jekk id-deċiżjoni ta’ prosekutur li jtemm il-proċeduri tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-merti tal-kawża, li tkun ir-riżultat ta’ investigazzjoni ddettaljata, irrivelata minn evalwazzjoni fil-fond ta’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement komprensiva. |
72. |
Fil-fatt, meta r-responsabbiltà kriminali tal-persuna suġġetta għall-investigazzjoni ġiet eskluża fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji inadegwata u frammentarja, jista’ jiġi preżunt b’mod sigur li d-deċiżjoni tal-prosekutur kienet ibbażata, prinċipalment, fuq raġunijiet ta’ opportunità ġudizzjarja, ta’ ekonomija jew ta’ politika. |
73. |
Naturalment, il-fatt li prosekutur ikun wettaq evalwazzjoni fil-fond ta’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement komprensiva ma jfissirx li, fil-mument li tittieħed id-deċiżjoni li tintemm il-proċedura, id-dubji kollha dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna li tkun is-suġġett tal-investigazzjoni għandhom neċessarjament jiġu eliminati. Fil-fatt, prosekutur jista’ jkollu jislet il-konsegwenzi neċessarji mill-fatt li, indipendentement mill-opinjoni personali tiegħu dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata, investigazzjoni ddettaljata ma tkunx ipproduċiet sensiela ta’ indizji li tista’ ssostni kundanna. |
74. |
Madankollu, sakemm l-investigazzjoni kienet raġonevolment eżawrjenti u metikoluża, id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura tista’ titqies bħala liberazzjoni. Kif indikat fil-punt 60 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat illi deċiżjonijiet ibbażati fuq l-inadegwatezza jew l-assenza ta’ provi għandhom jitqiesu, bħala prinċipju, li huma bbażati fuq determinazzjoni tal-merti tal-kawża. Fil-fehma tiegħi, din hija l-konsegwenza loġika, inter alia, tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza ( 38 ). |
75. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-mistoqsija segwenti: kif għandu jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni bħal dik inkwistjoni hijiex ibbażata fuq investigazzjoni ddettaljata? |
2) Eżami tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni
76. |
Il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-prosekutur li ma titteħidx azzjoni kinitx ibbażata fuq investigazzjoni ddettaljata għandha tiġi ddeterminata prinċipalment fuq il-bażi tal-motivazzjoni li tinsab fil-korp tad-deċiżjoni nnifisha ( 39 ) (jekk ikun il-każ, moqrija flimkien mad-dokumenti msemmija u/jew annessi magħha ( 40 )). Huwa fil-fatt dan id-dokument li jispjega r-raġunijiet għall-assenza ta’ teħid ta’ azzjoni u l-provi invokati għal dan l-għan. |
77. |
Pereżempju, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kossowski, il-fatt illi – f’każ partikolari – la l-vittma u lanqas xhud potenzjali ma ġew intervistati matul l-investigazzjonijiet jista’ jitqies bħala indikazzjoni li ma saret l-ebda investigazzjoni ddettaljata ( 41 ). Għall-kuntrarju, kif indikat il-Qorti EDB fis-sentenza Mihalache, meta tkun infetħet investigazzjoni kriminali wara li tkun tressqet akkuża kontra l-persuna inkwistjoni, il-vittma tkun ġiet intervistata, il-provi jkunu nġabru u eżaminati mill-awtorità kompetenti, u tkun ingħatat deċiżjoni motivata fuq il-bażi ta’ dawn il-provi, tali fatturi jistgħu jwasslu għall-konstatazzjoni li seħħet determinazzjoni fuq il-merti tal-kawża ( 42 ). |
78. |
Għalhekk, din hija evalwazzjoni każ b’każ li għandha ssir, prinċipalment fid-dawl tal-kontenut attwali tad-deċiżjoni ( 43 ). Jekk xi ħaġa ma tkunx ċara f’din id-deċiżjoni, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru milli jużaw l-istrumenti ta’ kooperazzjoni stabbiliti fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 44 ) sabiex jitolbu l-kjarifiki meħtieġa mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru ( 45 ). |
79. |
Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà, huwa kruċjali li l-elementi prinċipali li jippermettu li tiġi evalwata n-“natura definittiva” ta’ deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni jiġu inklużi fil-korp tad-deċiżjoni (jekk ikun il-każ, kif ikkompletata mid-dokumenti msemmija u/jew annessi magħha). Fil-fatt, l-allegat awtur tar-reat għandu jkun f’pożizzjoni li jivverifika jekk, fid-dawl tad-dritt domestiku rilevanti, id-deċiżjoni inkwistjoni tistax tagħti lok għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 46 ). Għalhekk, skambji ta’ informazzjoni ex post jistgħu jkunu utli sabiex jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni u s-sens tad-deċiżjoni, jew sabiex jikkompletaw il-motivazzjoni tagħha, iżda ma jistgħux ibiddlu l-kontenut tagħha fundamentalment. |
80. |
F’dan l-istadju, jista’ jkun utli li jiġi enfasizzat punt importanti. L-evalwazzjoni preċedenti ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-awtoritajiet kriminali jaġixxu fil-kuntest tat-tieni proċedura sabiex, essenzjalment, jirrevedu l-korrettezza tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-ewwel proċedura. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, prinċipju li huwa fil-qalba tar-regoli tal-Unjoni dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u jagħmel il-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-biċċa l-kbira ineffettiv ( 47 ). |
81. |
L-awtoritajiet li jaġixxu fil-kuntest tat-tieni proċedura għandhom biss is-setgħa li jivverifikaw ir-raġunijiet (sostantivi u/jew proċedurali) li għalihom l-ewwel prosekutur iddeċieda li ma titteħidx azzjoni. Għal dan l-għan, dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu awtorizzati jivverifikaw li l-prosekutur għamel dan wara li eżamina sensiela ta’ evidenza komprensiva, u mingħajr ma jkun naqas milli jiġbor – għax meqjus impossibbli, diffiċli wisq jew sempliċement mhux meħtieġ – provi addizzjonali li jistgħu jkunu partikolarment rilevanti għall-evalwazzjoni. |
82. |
Għall-bqija, il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni adottata mill-ewwel prosekutur (pereżempju, il-valur probatorju tal-provi evalwati) għandhom jittieħdu prima facie. L-awtoritajiet li jaġixxu fil-kuntest tat-tieni proċedura huma preklużi milli jwettqu evalwazzjoni ġdida tal-provi diġà eżaminati mill-ewwel prosekutur ( 48 ). Il-fiduċja reċiproka fil-funzjonament tas-sistemi kriminali tal-Istati Membri teħtieġ li l-awtoritajiet kriminali nazzjonali jirrispettaw il-konstatazzjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra, irrispettivament mill-verdett li jaslu għalih ( 49 ). |
83. |
F’dan ir-rigward, jista’ jkun utli punt ieħor ta’ kjarifika. In-neċessità li jiġi vverifikat li deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni kienet tinvolvi evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża fuq il-bażi ta’ investigazzjoni ddettaljata hija rekwiżit li jikkonċerna, evidentement, deċiżjonijiet “sempliċi” li ma titteħidx azzjoni. Jiġifieri, dawk id-deċiżjonijiet li fihom il-proċeduri jintemmu u l-persuna li kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni – metaforikament – tiġi “lliberata”. |
84. |
Fil-fatt, skont id-dritt tal-Istati Membri kollha, jeżistu numru ta’ mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jistgħu jwasslu għat-tmiem tal-proċeduri kriminali inkambju għall-fatt li l-preżunt awtur tar-reat jaċċetta l-impożizzjoni ta’ piena amministrattiva ħafifa (jew eħfef) jew ta’ miżura punittiva alternattiva. Huwa evidenti li dan it-tip ta’ deċiżjonijiet li ma titteħidx azzjoni għandhom normalment jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, bħala ekwivalenti għall-kundanni. Dan japplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din hijiex konstatazzjoni formali tar-responsabbiltà tal-preżunt awtur tar-reat. Peress li l-ġurisprudenza dwar dan il-punt hija relattivament ċara, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li wieħed jidħol f’iktar dettall dwar dan il-punt ( 50 ). |
85. |
Issa ser nindirizza l-kundizzjoni “idem”. |
3. Fuq il‑kundizzjoni “idem”
86. |
Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, jipprojbixxi kumulu ta’ proċeduri u ta’ pieni ta’ natura kriminali “għall-istess fatti u kontra l-istess persuna” ( 51 ). |
87. |
Għalhekk, hemm żewġ elementi li huma rilevanti sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni: l-identiċità tal-fatti (idem factum) u l-identiċità tal-persuna (idem persona). Id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jidhru li jikkonċernaw dawn iż-żewġ elementi, u għalhekk ser nipprova nagħti iktar ċarezza dwar iż-żewġ aspetti. |
a) Idem factum
88. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv ( 52 ). |
89. |
F’dan il-kuntest, it-terminu “identiċità” ma għandux jinftiehem bħala l-koinċidenza assoluta u kompleta tal-fatti li huma rilevanti għar-reat(i) li l-persuna hija akkuażata bih(om). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja sikwit irreferiet għal fatti li huma “essenzjalment, l-istess” ( 53 ) li hija repetizzjoni tal-espresssjoni “essenzjalment l-istess” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ġeneralment użata mill-Qorti EDB ( 54 ). Fl-istess ħin, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li s-sempliċi similarità tal-fatti ma hijiex suffiċjenti: jekk l-elementi fattwali anċillari jistgħu jkunu differenti ( 55 ), l-elementi fattwali ċentrali tal-aġir li allegatament jikkostitwixxi r-reat għandhom jikkorrispondu ( 56 ). Pereżempju, is-sempliċi fatt li l-allegat awtur tar-reat aġixxa bl-istess intenzjoni kriminali, fil-kuntest ta’ sekwenza ta’ azzjonijiet, ma huwiex biżżejjed sabiex minn dan jiġi dedott li dawn l-azzjonijiet jifformaw parti mill-istess ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 57 ). |
90. |
Għall-kuntrarju, il-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor ( 58 ). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja f’Van Esbroeck, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali nazzjonali, kriterju bbażat fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti jista’ joħloq daqstant ostakoli għall-moviment liberu fl-Unjoni daqskemm jeżistu sistemi kriminali fl-Istati Membri ( 59 ). F’Zolotoukhine, il-Qorti EDB enfasizzat ukoll li approċċ formalistiku u restrittiv, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ġuridika taż-żewġ reati, ikun restrittiv wisq għad-drittijiet tal-individwi, u b’hekk jirriskja li jippreġudika l-garanzija li l-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu l-għan li jistabbilixxi ( 60 ). |
b) Idem persona
91. |
L-element l-ieħor tal-idem huwa l-identiċità tal-awtur tar-reat, jiġifieri l-persuna li hija (jew li allegatament hija) responsabbli għar-reat jew għar-reat(i) inkwistjoni u, konsegwentement, tista’ tkun is-suġġett ta’ proċess kriminali u ta’ piena għal iktar minn darba. |
92. |
L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem żgurat fl-Artikolu 50 tal-Karta tippreżupponi, għaldaqstant, li tkun l-istess persuna li tkun is-suġġett tal-proċeduri jew tal-pieni kriminali inkwistjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju ma japplikax għal persuni oħra barra dawk li ġew definittivament iġġudikati fi Stat Membru ( 61 ) u, konsegwentement, ma jistax jinkiser jekk ma tkunx l-istess persuna li tkun ġiet iġġudikata u/jew issanzjonata diversi drabi għall-istess azzjoni illegali ( 62 ). |
93. |
F’Mihalache, il-Qorti EDB enfasizzat li d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni minn prosekutur pubbliku tkun ibbażata fuq evalwazzjoni fuq il-merti meta din tkun tinkludi evalwazzjoni kemm tal-elementi fattwali tar-reat u tas-sitwazzjoni speċifika tal-persuna. Dan ifisser li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha turi li l-prosekutur evalwa l-provi fil-proċess u evalwa l-“involviment [tal-allegat awtur tar-reat] f’avveniment jew fl-avvenimenti kollha li wasslu għall-intervent tal-korpi investigattivi, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-responsabbiltà ‘kriminali’ ġietx stabbilita” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 63 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex ikun applikabbli, l-Artikolu 50 tal-Karta jeżiġi li “r‑responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata tkun ġiet eżaminata u li deċiżjoni f’dan ir-rigward tkun ġiet adottata” ( 64 ). |
94. |
Jiena nifhem li dan ifisser li, fid-deċiżjoni ta’ dritt kriminali inkwistjoni, ir-responsabbiltà ta’ din il-persuna ġiet eżaminata speċifikament, u ġiet skartata għal raġuni sostantiva: pereżempju, il-persuna ma kinitx l-awtriċi tal-aġir jew, fi kwalunkwe każ, ma tistax tinżamm responsabbli għalih. |
95. |
Idealment, dan għandu jiġi indikat espressament fid-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, jekk prosekutur jasal għall-konklużjoni li l-allegati fatti ma jagħtu lok għal ebda reat kriminali, id-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma tidentifikax formalment il-persuna li tinvoka l-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem b’termini bħal “allegat awtur tar-reat”, “persuna ssuspettata”, “l-akkużat” jew il-“persuna suġġetta għall-investigazzjoni”. Barra minn hekk fuq dan l-istess punt, interpretazzjoni formalistika tal-Artikolu 50 tal-Karta tirriskja li tkun restrittiva żżejjed fir-rigward tad-drittijiet tal-individwi. Fil-fehma tiegħi, persuna għandu jkollha d-dritt li tinvoka l-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jekk mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar u inkontestabbli li l-pożizzjoni ġuridika tagħha bħala awtriċi jew il-persuna responsabbli għall-aġir li allegatament jikkostitwixxi reat kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni fil-fond. |
C. Id‑domanda magħmula (II): l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 50 tal‑Karta
96. |
Bħalma enfasizzajt fir-rimarki preliminari tiegħi, bħala prinċipju hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet diskussi iktar ’il fuq ġewx issodisfatti jew le, fil-kawża ta’ quddiemha. Madankollu, sabiex nassisti lil din il-qorti bl-aħjar mod, issa ser noffri ftit kunsiderazzjonijiet fil-qosor fir-rigward tal-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kawża prinċipali. |
97. |
Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li ż-żewġ proċeduri li qegħdin jiżvolġu quddiem il-qrati Rumeni rilevanti huma ta’ natura kriminali. Huwa pjuttost l-issodisfar tal-kundizzjonijiet “bis” u “idem” li huwa kkontestat. |
98. |
Jidhirli li, fir-rigward tal-kundizzjoni “bis”, il-kwistjoni dwar in-natura definittiva tad-digriet li ma titteħidx azzjoni tas‑27 ta’ Settembru 2016 ġiet deċiża, wara d-digriet tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) tal‑21 ta’ Novembru 2016 ( 65 ). Fil-fatt, jekk il-konstatazzjonijiet ta’ din il-qorti huma korretti, dan ikun ifisser – jekk nifhem id-dritt nazzjonali b’mod korrett – li jeżistu biss rimedji straordinarji kontra d-digriet imsemmi iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li dan id-digriet, skont l-Artikolu 50 tal-Karta, huwa “definittiv” u għalhekk, bħala prinċipju, jista’ jagħti lok għall-iskattar tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
99. |
Għall-kuntrarju, jidher ħafna inqas evidenti jekk id-digriet li ma titteħidx azzjoni tas‑27 ta’ Settembru 2016 jinkludix evalwazzjoni tal-merti bbażata fuq investigazzjoni ddettaljata. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-informazzjoni dwar dan l-aspett tinsab fil-korp tad-deċiżjoni tal-prosekutur, jew f’rapport anness miegħu mħejji mill-pulizija, huwa irrilevanti, sakemm il-prosekutur jagħmel tiegħu l-evalwazzjoni tal-pulizija b’mod ċar, u d-dritt nazzjonali jkun jippermetti tali approċċ. |
100. |
Dak li verament jgħodd u dak li l-qorti tar-rinviju għandha, għalhekk, tivverifika, huma l-elementi segwenti: dan id-digriet kien ibbażat prinċipalment fuq evalwazzjoni tal-elementi sostantivi tal-allegat reat (pereżempju, l-eżistenza tal-fatti allegati, il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, ir-responsabbiltà kriminali tal-allegat awtur tar-reat, eċċ.), jew fuq raġunijiet proċedurali? Fl-ewwel każ, il-konklużjonijiet tal-prosekutur kienu r-riżultat ta’ investigazzjoni adegwata, kif irrivelat minn evalwazzjoni fil-fond ta’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement kompleta, jew jekk id-digriet kienx ukoll motivat minn kunsiderazzjonijiet ta’ konvenjenza ġudizzjarja, ta’ ekonomija jew ta’ politika? |
101. |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, nifhem li – skont il-qorti tar-rinviju – il-fatti li ġew eżaminati fiż-żewġ proċeduri huma essenzjalment l-istess. Dan ifisser li r-reati allegati fiż-żewġ proċeduri differenti, għalkemm huma formalment differenti (estorsjoni u korruzzjoni passiva), għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għall-finijiet tal-Artikolu 50 tal-Karta. |
102. |
Madankollu, jidher li l-partijiet fil-kawża ma jaqblux dwar l-element ta’ idem persona. Nifhem li s-sors ta’ nuqqas ta’ qbil jinsab fil-fatt li proċedura waħda nfetħet in rem, filwaqt li l-proċedura l-oħra nfetħet in personam. |
103. |
Naturalment jiena konxju mid-distinzjoni teoretika bejn l-azzjonijiet in rem u l-azzjonijiet in personam ( 66 ). Madankollu, għalija huwa inqas ċar x’jimplika dan fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ dritt kriminali Rumeni. Nifhem li din id-distinzjoni tirriżulta prinċipalment mill-Artikolu 305 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li skontu, inter alia, hija l-eżistenza ta’ elementi li jissuġġerixxu li ċerta persuna setgħet wettqet ir-reat li ġġustifika l-ftuħ tal-investigazzjoni kriminali li teħtieġ li l-prosekutur jordna t-tkomplija tal-investigazzjoni kriminali fir-rigward ta’ dan l-individwu, bil-konsegwenza li dan tal-aħħar jikseb il-kwalità ta’ persuna ssuspettata. |
104. |
Dan premess, m’iniex ċert li l-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt domestiku għandhom piż sinjifikattiv fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ser ikollha twettaq fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta fil-kawża ineżami. Skont din id-dispożizzjoni, kif spjegat fil-punt 95 iktar ’il fuq, dawn ma humiex kwistjoni ta’ tikketti, iżda ta’ sustanza. Għaldaqstant ftit għandu rilevanza jekk l-allegat awtur tar-reat, ingħatax formalment, fl-ewwel proċedura, l-istatus ta’ “persuna ssuspettata” jew xi ħaġa oħra paragunabbli. Dak li huwa kruċjali huwa jekk huwiex raġonevolment ċar, fuq il-bażi tal-formulazzjoni tad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni, li l-pożizzjoni ġuridika ta’ din il-persuna bħala l-awtriċi eventwali tal-fatti, li potenzjalment jirriżultaw f’reat kriminali, ġiet debitament eżaminata. |
D. Xi rimarki finali
105. |
Wara li indirizzajt id-diversi kwistjonijiet legali mqajma mill-qorti tar-rinviju, nixtieq nikkonkludi dawn il-konklużjonijiet b’xi kunsiderazzjonijiet finali, bit-tama li dawn jistgħu jipprovdu xi gwida fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta. |
106. |
L-għadd ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti EDB f’dawn l-aħħar snin jissuġġerixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa sors ta’ inċertezza perenni. Qamu diversi kwistjonijiet, f’diversi kawżi, li wasslu lil dawn il-qrati, skont iċ-ċirkustanzi, sabiex jippreċiżaw, jiċċaraw, iżda kultant ukoll jiżviluppaw b’mod sinjifikattiv il-ġurisprudenza tagħhom. |
107. |
Fil-fehma tiegħi, għandu ċertament jintlaqa’ li – apparti xi sfumaturi minuri – il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti EDB segwew raġunamenti simili u pproduċew ġurisprudenza pjuttost omoġena. B’mod ġenerali, jidhirli li dawn il-qrati għamlu ħilithom sabiex isibu bilanċ ġust bejn interessi kompetituri differenti. Ċertament, mhux kompitu faċli. |
108. |
Biex nispjega għaliex jiena ta’ din il-fehma, jista’ jkun utli li jittieħed pass lura fiż-żmien. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa struttura ġuridika antika ħafna, li t-traċċi tagħha nstabu, inter alia, fil-Kodiċi ta’ Hammurabi, fil-kitbiet ta’ Demostene, fid-Diġest ta’ Ġustinjanu kif ukoll f’diversi liġijiet kanoniċi medjevali ( 67 ). F’dik li llum hija l-Unjoni – anki fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni f’dan is-sens – dan ġie riprodott sa minn nofs is-sittinijiet u ġie meqjus bħala marbut mal-idea tal-ġustizzja naturali ( 68 ). |
109. |
Jidher li, filwaqt li s-sens u l-portata preċiżi tal-prinċipju ta’ ne bis in idem varjaw xi ftit matul is-sekli, il-fehma tal-loġika doppja tiegħu baqgħet relattivament konsistenti: l-ekwità u ċ-ċertezza legali ( 69 ). |
110. |
Minn naħa, huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala inġust u arbitrarju li l-Istat, “bir-riżorsi kollha tiegħu u bil-poter tiegħu, [jagħmel] tentattivi ripetuti sabiex jikseb kundanna ta’ individwu għal allegat reat, u b’hekk jissuġġettah għall-mistħija, għall-ispejjeż u għat-tbatija u jobbligah jgħix fi stat persistenti ta’ ansjetà u ta’ nuqqas ta’ sigurtà” ( 70 ). Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa għalhekk intiż, fl-ewwel lok, sabiex jevita sitwazzjoni fejn persuna tkun “fil-perikolu” diversi drabi ( 71 ). |
111. |
Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa wkoll inseparabbilment marbut mal-prinċipju ta’ res judicata: l-idea li, sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi, u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru definittivi ma jistgħux jiġu kkontestati ( 72 ). |
112. |
Fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem issib it-tielet loġika: l-iżgurar tal-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Ispazju ta’ Libertà, Spazju u Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’riferiment għall-Artikolu 54 tal-KIFS, li persuna li l-kawża tagħha tkun diġà nqatgħet b’mod finali għandha tkun tista’ tiċċirkola liberament mingħajr biża ta’ proċeduri kriminali ġodda għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor ( 73 ). |
113. |
Konsegwentement, dawn l-għanijiet jipprekludu interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fl-istess ħin, madankollu, applikazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-prinċipju tmur kontra interessi pubbliċi oħra li jistħoqqilhom li jiġu protetti. |
114. |
Nirreferi, b’mod partikolari, għall-interess ġenerali tas-soċjetà li tipproċedi b’mod effettiv kontra l-awturi tar-reat ( 74 ), kif ukoll għall-interess speċifiku tal-vittmi ta’ reati mhux biss li jiksbu kumpens mill-awturi tar-reat, iżda wkoll li “ssir ġustizzja” ( 75 ). Fil-fatt, l-isem stess ta’ “Spazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja” jimplika li l-libertà ma tistax tkun għad-detriment tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Dan il-kunċett għandu jkun intenzjonat, ovvjament, bħala ġustizzja għall-individwi kollha: l-allegati awturi tar-reat iżda anki l-allegati vittmi. Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 3(2) TUE, f’dan l-ispazju, il-moviment liberu tal-persuni għandu jiġi żgurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda, inter alia, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu ( 76 ). |
115. |
F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi injorat li approċċ superfiċjali għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ jwassal għal ċerti abbużi u manipulazzjoni min-naħa tal-awturi tar-reat li jistgħu jirrikorru għal “forum shopping” sabiex jiżguraw impunità għall-azzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, meta reati jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni min-naħa ta’ diversi prosekuturi fl-istess ħin, ikun hemm riskju konkret li l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni li jkun jinsab fl-agħar post (jew li jkollu l-ikbar nuqqas ta’ persunal jew li jkun l-iktar impenjat) hemm imnejn li, de facto, jimpedixxi t-twettiq ta’ investigazzjoni serja dwar dan ir-reat, peress li deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ta’ dan l-uffiċċju tista’ twaqqaf it-teħid ta’ azzjoni minn kwalunkwe uffiċċju tal-prosekuzzjoni ieħor. |
116. |
Barra minn hekk, minn dan l-aspett tal-iskala wkoll, hemm interess relatat mal-Unjoni li jistħoqqlu kunsiderazzjoni serja: il-fiduċja reċiproka. Minn ġurisprudenza konsistenti jirriżulta li l-fiduċja reċiproka tista’ tinżamm u tissaħħaħ biss jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jiżguraw ruħhom li, fi Stat Membru ieħor, kien hemm evalwazzjoni xierqa tar-responsabbiltà kriminali tal-awtur tar-reat issuspettat ( 77 ). |
117. |
Għalhekk, huwa ta’ importanza kbira li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, jinstab bilanċ ġust bejn dawn l-interessi. B’mod partikolari, il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet individwali għandha tiġi rrikonċiljata mal-interess leġittimu tal-Istati Membri li jevitaw l-impunità tal-kriminali ( 78 ). Din hija l-idea ċentrali li ggwidatni f’dawn il-konklużjonijiet meta, wara li stħarriġt u rriflettejt fuq il-ġurisprudenza, ippruvajt nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja dak li jidhirli li huwa approċċ “ibbilanċjat” għall-kundizzjonijiet “bis” u “idem”. |
118. |
B’mod partikolari, ma narax kif persuna li l-involviment tagħha f’allegat reat, matul l-ewwel proċedura magħluqa fl-istadju tal-investigazzjoni, ma ġiex eżaminat speċifikament u/jew ġie eżaminat biss fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji inadegwati u frammentarji, tista’ validament tippretendi li proċedura sussegwenti li fil-kuntest tagħha l-involviment tagħha jiġi eżaminat b’mod distint, fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji robusta u komprensiva, tqiegħed lil din il-persuna “f’perikolu” darbtejn u/jew tmur kontra l-prinċipju ta’ res judicata. |
V. Konklużjoni
119. |
Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija) li persuna tista’ titqies bħala lliberata b’mod definittiv, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tal-adozzjoni minn prosekutur pubbliku ta’ deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni meta ma tiġi imposta l-ebda piena jew miżura punittiva oħra fuq din il-persuna, biss jekk, inter alia: (i) id-deċiżjoni ta’ prosekutur li jtemm il-proċeduri tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-merti tal-kawża, li hija nnifisha tkun ir-riżultat ta’ investigazzjoni ddettaljata, li tikkonsisti minn evalwazzjoni fil-fond ta’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement komprensiva; u (ii) isegwi mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni li l-pożizzjoni ġuridika ta’ din il-persuna, bħala l-awtriċi tal-fatti li allegatament jikkostitwixxu reat, tkun ġiet debitament eżaminata. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara, pereżempju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), 8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 47) (iktar ’il quddiem “Mihalache”).
( 3 ) ĠU 2007, L 142M, p. 825.
( 4 ) Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182, rettifika fil-ĠU 2019, L 255, p. 7.
( 5 ) Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ proċeduri in rem, ara infra, il-punti 101 u 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 6 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikoli 289 u 308 tal-Cod penal (il-Kodiċi Kriminali Rumen) li, essenzjalment, jikkonċernaw, inter alia, l-atti ta’ korruzzjoni passiva mwettqa minn persuni assimilati ma’ uffiċjali, kif ukoll għall-Artikoli 1, 5 u 6 tal-Liġi Nru 78/2000 dwar il-prevenzjoni, l-iskoperta u s-sanzjoni tal-korruzzjoni li jikkonċernaw, inter alia, l-atti ta’ korruzzjoni mwettqa minn membri tal-persunal li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan persuni ġuridiċi.
( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 172, 177 u 249) (iktar ’il quddiem is-“sentenza AFJR”).
( 8 ) Punt 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928. Ara wkoll il-premessi (3) u (6) tagħha.
( 9 ) Ara s-sentenza AFJR, punt 214, u s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 189 u 191).
( 10 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014 (C‑206/13, EU:C:2014:126).
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 66 u 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Bursa Română de Mărfuri (C‑394/21, EU:C:2023:146, punt 60).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen (C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 33).
( 14 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2002:516, punti 36 u 37).
( 15 ) Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KIFS”). Din id-dispożizzjoni taqra: “Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet […]”
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M (C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 35, iktar ’il quddiem is-“sentenza M”).
( 17 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 23).
( 18 ) Ibid., (punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod (C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.
( 20 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turanský (C‑491/07, EU:C:2008:768, punti 34 u 35).
( 21 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kossowski”).
( 22 ) Ara s-sentenza M, punt 32.
( 23 ) Hawnhekk nuża t-termini użati fis-sentenza Mihalache, punt 128.
( 24 ) Il-Qorti EDB, sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Zolotukhin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punt 108, iktar ’il quddiem “Zolotukhin”).
( 25 ) Ġabra tat-Trattati Ewropej – Nru 117. Dokument mhux vinkolanti mħejji mill-Bord ta’ Tmexxija tad-Drittijiet tal-Bniedem u ppreżentat lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit‑22 ta’ Novembru 1984. Ara l-punt 22 (enfasi miżjuda minni).
( 26 ) Ara s-sentenza M, punti 39 u 41.
( 27 ) Mihalache punti 102 sa 116.
( 28 ) Opinjoni Konkordanti Konġunta tal-Imħallfin Raimondi, Nussberger, Sicilianos, Spano, Yudkivska, Motoc u Ravarani.
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija) (C‑203/20, EU:C:2021:1016, punti 56 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza AB et”). Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 jirreferi wkoll għall-“liberazzjoni finali jew sejbien ta’ ħtija”.
( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza M, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 31 ) Ara il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:381, punt 65).
( 32 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 54 sa 69); tal‑10 ta’ Marzu 2005, Miraglia (C‑469/03, EU:C:2005:156, punti 31 sa 34); tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turanský (C‑491/07, EU:C:2008:768, punti 40 sa 45); u s-sentenza AB et, punt 61. Ara wkoll il-Qorti EDB, id-deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2005, Horciag vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2005:0315DEC007098201).
( 33 ) Fir-rigward tal-preskrizzjoni tal-proċeduri, ikolli nammetti li s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punti 22 sa 33) tidher li tasal għal konklużjoni differenti. Madankollu, jiena tal-fehma li, fuq dan il-punt, is-sentenza f’Gasparini et hija irrikonċiljabbli mal-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-liberazzjoni għal raġunijiet proċedurali u, fi kwalunkwe każ, ġiet impliċitament invalidata mis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ir-regoli nazzjonali dwar limitazzjonijiet statutorji bħala regoli ta’ natura proċedurali. Jiena nżid li tali pożizzjoni hija konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB: ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Smoković vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2019:1112DEC005784912, punti 43 sa 45).
( 34 ) Ara s-sentenza Kossowski, punti 48, 53 u 54, u Mihalache, punti 97 u 98.
( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol) (C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punti 27, 28 u 31). Bl-istess mod, il-Qorti EDB, Mihalache, punti 94 u 95.
( 36 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni Konkordanti tal-Imħallef Pinto de Albuquerque f’Mihalache, punti 10 et seq.
( 37 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2009, L 328, p. 42).
( 38 ) Dan il-prinċipju huwa stabbilit, inter alia, fl-Artikolu 48(1) tal-Karta.
( 39 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Kossowski, punt 52.
( 40 ) Ara, f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi f’GR et (C‑726/21, EU:C:2023:240, punti 35 sa 53).
( 41 ) Is-sentenza Kossowski punt 53.
( 42 ) Is-sentenza Mihalache, punt 98.
( 43 ) Ibid., punt 97.
( 44 ) Pereżempju, id-Deċiżjoni Qafas 2009/948 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 37 iktar ’il fuq).
( 45 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 48).
( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża bpost (C‑117/20, EU:C:2021:680, punt 119).
( 47 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowski (C‑486/14, EU:C:2015:812, punti 75 u 76).
( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza M, punt 30.
( 49 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punti 92 u 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:381, punti 52 u 63).
( 50 ) Ara speċjalment is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2002:516, punti 83, 88, 89, 97 u 106), kif ukoll l-Opinjoni Konkordanti tal-Imħallef Bošnjak, li ngħaqad magħha l-Imħallef Serghides, f’Mihalache.
( 51 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod (C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.
( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et (C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tirrifletti l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li għamlet riferiment għal “fatti li jikkostitwixxu sensiela ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti li jinvolvu lill-istess konvenut u li huma inseparabbilment marbuta fis-sustanza u fiż-żmien, li l‑eżistenza tagħhom għandha tintwera sabiex jiġi żgurat is-sejbien ta’ ħtija jew sabiex jinbdew proċeduri kriminali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, inter alia, Zolotoukhine, punti 83 u 84).
( 53 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 37).
( 54 ) Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 49), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2006:760, punti 49 sa 52).
( 56 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 30). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’bpost (C‑117/20, EU:C:2021:680, punt 135). B’mod simili, il-Qorti EDB, 14 ta’ Jannar 2010, Tsonyo Tsonev vs Il‑Bulgarija (Nru 2), CE:ECHR:2010:0114JUD000237603, punt 52.
( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 29).
( 58 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et (C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 59 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006 (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 35).
( 60 ) Il-Qorti EDB, Zolotoukhine, punti 78 sa 84.
( 61 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 37).
( 62 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti (C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punti 17 u 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 63 ) Mihalache, punti 97 u 98.
( 64 ) Ara, pereżempju, is-sentenza AB et, punt 57 (enfasi miżjuda minni).
( 65 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 15 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 66 ) B’mod sempliċi ħafna, l-azzjonijiet in rem jikkonċernaw sitwazzjoni ta’ fatt, filwaqt li l-azzjonijiet in personam huma diretti kontra persuna.
( 67 ) Coffey, G., “A History of the Common Law Double Jeopardy Principle: from Classical Antiquity to Modern Era”, Athens Journal of Law, Lulju 2022, Vol. 8, Ħarġa 3, p. 253 sa 278.
( 68 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il‑Kummissjoni (18/65 u 35/65, EU:C:1966:24) u, b’riferimenti oħra għall-ġurisprudenza bikrija, l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:739, punt 43).
( 69 ) Ara Coffey, G., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 67 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2002:516, punt 49).
( 70 ) Kif indikat mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti fil-kawża Green vs L‑Istati Uniti (1957) 355 US 184 sa 187. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowski (C‑486/14, EU:C:2015:812, punt 36).
( 71 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’M (C‑398/12, EU:C:2014:65, punt 48).
( 72 ) Fir-rigward tal-kunċett ta’ “res judicata”, ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38). Fuq ir-rabta bejn iż-żewġ kunċetti, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et (C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 73 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol) (C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 97 u s-sentenza AB et, punt 58).
( 75 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowski (C‑486/14, EU:C:2015:812, punt 80) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’BV (C‑129/19, EU:C:2020:375, punt 113).
( 76 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Miraglia (C‑469/03, EU:C:2005:156, punt 34).
( 77 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol) (C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 78 ) Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol) (C‑505/19, EU:C:2020:939, punt 93) u f’bpost (C‑117/20, EU:C:2021:680, punt 121).