DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

7 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Protezzjoni tad-data personali – Abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija – Soluzzjoni tat-tilwim bejn awtoritajiet superviżorji mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data – Deċiżjoni vinkolanti – Artikolu 60(4) u Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Att preparatorju – Nuqqas ta’ inċidenza diretta”

Fil-Kawża T‑709/21,

WhatsApp Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn H.-G. Kamann, F. Louis, A. Vallery, avocats, P. Nolan, B. Johnston, C. Monaghan, solicitors, P. Sreenan, D. McGrath, SC, C. Geoghegan u E. Egan McGrath, barristers,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, irrappreżentat minn I. Vereecken u G. Le Grand, bħala aġenti, assistiti minn G. Ryelandt, E. de Lophem u P. Vernet, avocats,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, waqt deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur), P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin

Reġistratur: E. Coulon,

– wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, jiġifieri:

– r-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Novembru 2021,

– ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Frar 2022,

– ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Mejju 2022,

– il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Lulju 2022,

– il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex ma jinjorawx, fir-replika u fil-kontroreplika, li jieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjonijiet importanti kollha dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u l-ammissibbiltà tar-rikors,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, WhatsApp Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “WhatsApp”), titlob l-annullament tad-Deċiżjoni vinkolanti 1/2021 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“BEPD”), tat‑28 ta’ Lulju 2021, dwar it-tilwima bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati mnissla mill-abbozz ta’ deċiżjoni dwar WhatsApp elaborat mid-Data Protection Commission (l-Awtorità ta’ Sorveljanza fil-Qasam tal-Protezzjoni tad-Data Personali tal-Persuni Fiżiċi, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“awtorità superviżorja Irlandiża”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Fatti preċedenti u sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata u l-proċedura

2

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), l-awtorità superviżorja Irlandiża rċeviet ilmenti minn utenti u minn persuni mhux utenti tas-servizz ta’ messaġġi “WhatsApp” dwar l-ipproċessar tad-data personali minn WhatsApp. L-awtorità superviżorja Federali Ġermaniża barra minn hekk talbet l-assistenza tal-awtorità superviżorja Irlandiża dwar l-osservanza minn WhatsApp tal-obbligi ta’ trasparenza imposti fuq ir-responsabbiltajiet ta’ pproċessar ta’ data personali f’dak li jikkonċerna eventwali qsim ta’ tali data ma’ entitajiet oħra tal-grupp Facebook (minn Settembru 2021 bl-isem ġdid Meta).

3

L-awtorità superviżorja Irlandiża bdiet minn rajha f’Diċembru 2018 investigazzjoni ta’ natura ġenerali dwar l-osservanza minn WhatsApp tal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-individwi (b’kuntrast mal-impriżi) stabbiliti fl-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament 2016/679, bla ħsara għall-proċeduri li hija setgħet tieħu għall-azzjonijiet individwali li kienet suġġetta għalihom. L-awtorità superviżorja Irlandiża aġixxiet f’dan ir-rigward bħala “awtorità superviżorja ewlenija”, hekk kif dan huwa previst fl-Artikolu 56(1) tar-Regolament 2016/679, peress li WhatsApp kellha fl-Irlanda l-istabbiliment prinċipali tagħha bħala responsabbli mill-ipproċessar tal-operazzjonijiet tas-sistema ta’ messaġġi “WhatsApp” fl-Ewropea, billi dan l-ipproċessar għandu natura transkonfinali.

4

Wara li l-fażi tal-investigazzjoni tlestiet f’Settembru 2019 bil-preżentazzjoni ta’ rapport finali tal-investigatur, il-persuna li tieħu deċiżjonijiet tal-awtorità superviżorja Irlandiża, fi tmiem fażijiet proċedurali intermedjarji li matulhom WhatsApp kienet parti mill-osservazzjonijiet tagħha, ippreżentat f’Diċembru 2020 lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kollha kkonċernati mill-kawża, jiġifieri lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kollha tal-Istati Membri, abbozz ta’ deċiżjoni bil-għan li tikseb l-opinjoni tagħhom f’dan ir-rigward, konformement ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 60(3) tar-Regolament 2016/679.

5

F’Jannar 2021, tmienja minn dawn l-awtoritajiet superviżorji, l-awtoritajà superviżorja Federali Ġermaniża, tal-Bade-Wurtemberg, Ungeriża, Olandiża, Pollakka, Franċiża, Taljana u Portugiża esprimew oġġezzjonijiet fuq ċerti aspetti ta’ dan l-abbozz ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, saru sempliċi kummenti minn awtoritajiet superviżorji differenti. L-awtorità superviżorja Irlandiża wieġbet b’mod kollettiv lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra billi pproponiet soluzzjonijiet ta’ kompromess. Għalkemm, wara din it-tweġiba, waħda minn dawn l-awtoritajiet irtirat waħda mill-oġġezzjonijiet tagħha, l-awtorità superviżorja Irlandiża kkonstatat li ma kienx hemm qbil bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar il-proposti tagħha li jikkonċernaw l-aspetti l-oħra li kienu s-suġġett tal-oġġezzjonijiet u ddeċidiet li tiċħad dawn l-oġġezzjonijiet kollha sabiex titlob lill-BEPD sabiex jirregola t-tilwima bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar dawn l-aspetti, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(4) u tal-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679.

6

F’Mejju 2021, l-awtorità superviżorja Irlandiża laqgħet bil-miktub l-osservazzjonijiet ta’ WhatsApp dwar l-elementi diskussi bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati, wara li bagħtitilha d-dokumenti kollha skambjati f’dan ir-rigward, u hija stess bagħtet lill-BEPD l-imsemmija osservazzjonijiet sabiex jieħu konjizzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim, li nbdiet minnha f’Ġunju 2021.

7

Il-BEPD li, skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament 2016/679, huwa kompost mill-“mill-kap ta’ awtorità superviżorja ta’ kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom”, adotta fit‑28 ta’ Lulju 2021 id-deċiżjoni kkontestata bil-maġġoranza taż-żewġ terzi, skont dak li huwa previst fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament 2016/679. Id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha, vinkolanti fir-rigward tagħhom, hekk kif dan huwa previst mill-istess dispożizzjoni, u tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li kienu s-suġġett ta’ oġġezzjonijiet rilevanti u mmotivati, kif jipprovdi l-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BEPD, għal kull oġġezzjoni espressa minn awtorità superviżorja kkonċernata, l-ewwel eżamina jekk din kinitx rilevanti u mmotivata. Huwa ħa pożizzjoni dwar oġġezzjoni biss fil-każ ta’ tweġiba fl-affermattiv għal din id-domanda preliminari.

8

Wara li l-awtorità superviżorja Irlandiża rċeviet id-deċiżjoni kkontestata u li hija rċeviet mingħand WhatsApp l-osservazzjonijiet tagħha dwar is-sanzjonijiet pekunjarji li finalment kien previst li jiġu imposti fuqha fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, il-persuna li tieħu deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità adottat, fl‑20 ta’ Awwissu 2021, konformement mal-Artikolu 65(6) tar-Regolament 2016/679, deċiżjoni finali, indirizzata lil WhatsApp (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”). Fid-deċiżjoni finali, huwa kkunsidrat li WhatsApp kisret il-prinċipju u l-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), fl-Artikolu 12(1), fl-Artikolu 13(1)(c), (d), (e) u (f), fl-Artikolu 13(2)(a),(c) u (e) u fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2016/679. Min-naħa l-oħra, fiha huwa indikat li WhatsApp ikkonformat ruħha mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 13(2)(b) u (d) tar-Regolament 2016/679. Bħala miżuri korrettivi adottati abbażi tal-Artikolu 58(2)(b),(d) u (i) tar-Regolament 2016/679, fid-deċiżjoni finali hija imposta fuq WhatsApp tfakkira għall-ordni, għall-implimentazzjoni ta’ ċertu numru ta’ azzjonijiet, elenkati f’anness, intiżi sabiex f’terminu ta’ tliet xhur tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 li kienu ġew miksura, kif ukoll erba’ multi amministrattivi, relatati mal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 5(1)(a) u fl-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament 2016/679, għal ammont akkumulat ta’ EUR 225 miljun.

9

Fid-deċiżjoni finali, il-persuna li tieħu deċiżjonijiet tal-awtorità superviżorja Irlandiża identifikat l-aspetti li għalihom id-deċiżjoni kkontestata kienet tobbligaha tirrevedi l-evalwazzjoni esposta fl-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq. Hija għamlet l-għażla, fuq dawn l-aspetti, li tirriproduċi dawk bħal, fil-partijiet skurati, il-motivi adottati mill-BEPD fid-deċiżjoni kkontestata u minnhom sempliċement tislet il-konsegwenzi kull darba f’punt konklużiv. Hija ppreċiżat li, fid-deċiżjoni finali, minn naħa, hija ma kinitx qed tirreferi għall-oġġezzjonijiet li l-BEPD kien qies bħala mhux rilevanti jew mhux immotivati, u li konsegwentement ma kienx evalwa l-fondatezza tagħhom, u lanqas għall-oġġezzjonijiet li l-BEPD kien qies bħala li ma jirrikjedux modifika tal-evalwazzjoni li tinsab fl-abbozz ta’ deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li hija ma ħaditx pożizzjoni dwar dawn l-oġġezzjonijiet.

10

Konformement mal-Artikolu 65(6) tar-Regolament 2016/679, id-deċiżjoni kkontestata ġiet annessa mad-deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja Irlandiża.

11

F’dan ir-rigward, jidher li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BEPD suċċessivament ħa pożizzjoni dwar l-uniċi aspetti li ġejjin, li fil-fehma tiegħu kienu s-suġġett ta’ oġġezzjonijiet rilevanti u mmotivati:

dwar l-eżistenza ta’ ksur minn WhatsApp tal-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament 2016/679, dwar ċerta informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuni kkonċernati meta tkun inġabret data personali mingħandhom. Tali ksur ma kienx ġie identifikat mill-awtorità superviżorja Irlandiża fl-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha. Il-BEPD qies, bil-kontra, li din id-dispożizzjoni kienet ġiet miksura minn WhatsApp;

dwar il-klassifikazzjoni ta’ data personali tal-elementi li jirriżultaw minn proċedura msejħa “Lossy Hashing Procedure”, applikata għad-data dwar il-“kuntatti” mhux utenti ta’ WhatsApp li tinsab fil-listi ta’ indirizzi tat-terminals tal-utenti ta’ WhatsApp. L-awtorità superviżorja Irlandiża ma kinitx ikklassifikat dawn l-elementi bħala tali fl-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha. Il-BEPD qies, għall-kuntrarju, li din kienet dejjem tikkostitwixxi data personali. Dan l-aspett kellu, skont id-deċiżjoni kkontestata, impatt possibbli fuq l-eventwali konstatazzjoni ta’ ksur minn WhatsApp tal-Artikolu 5(1)(c) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679, u impatt fuq il-portata tal-ksur minn WhatsApp tal-Artikolu 14 tar-Regolament 2016/679 kif ukoll fuq il-livell tas-sanzjoni pekunjarja sostnuta abbażi ta’ dan;

dwar l-eżistenza ta’ ksur minn WhatsApp tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2016/679, li l-awtorità superviżorja Irlandiża ma kinitx identifikat fl-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha. Il-BEPD qies, bil-kontra, li dan il-prinċipju kien ġie miksur minn WhatsApp;

dwar il-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ WhatsApp fl-Artikolu 13(2)(e) tar-Regolament 2016/679, dwar ċerta informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuni kkonċernati meta tkun inġabret data personali mingħandhom, li l-awtorità superviżorja Irlandiża ma kinitx qieset li kienet f’pożizzjoni li tagħmel, peress li l-investigatur ma kienx ħa pożizzjoni dwar il-kwistjoni matul l-investigazzjoni, u li għaliha hija kienet qieset biss li setgħet tagħti rakkomandazzjoni. Il-BEPD qies, għall-kuntrarju, li l-investigazzjoni kienet tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/679 u li kellu jiġi kkonstatat ksur tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq;

dwar l-eżistenza ta’ ksur ta’ WhatsApp fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679, dwar il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ pproċessar ta’ data personali, li dwarha l-awtorità superviżorja Irlandiża ma kinitx tat deċiżjoni. Il-BEPD qies li, għal raġunijiet proċedurali, ma kienx possibbli, fil-fatt, li tingħata deċiżjoni u li jiġi kkonstatat tali ksur;

dwar it-twessigħ tar-raġunijiet tal-ksur minn WhatsApp tal-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2016/679, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta meta d-data personali ma tkunx ġiet miġbura mingħand il-persuna kkonċernata, minħabba l-analiżi relatata mat-tieni inċiż iktar ’il fuq. Il-BEPD ikkonferma l-impatt li dan it-twessigħ kellu jkollu fuq il-miżuri korrettivi relatati mal-aġir u s-sanzjoni imposta fuq WhatsApp;

dwar l-eżistenza ta’ ksur minn WhatsApp tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament 2016/679, li tinġabar biss id-data adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-finijiet tal-ipproċessar tagħha, li dwaru l-awtorità superviżorja Irlandiża ma kinitx tat deċiżjoni. Il-BEPD qies li tali ksur ma kienx ipprovat abbażi tal-fajl, b’mod partikolari fid-dawl tal-kamp ta’ investigazzjoni adottat għall-proċedura fir-rigward ta’ WhatsApp;

dwar it-terminu, stabbilit għal sitt xhur mill-awtorità superviżorja Irlandiża, li fih, fir-rigward ta’ miżuri korrettivi, WhatsApp kellha tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti li hija kienet kisret tar-Regolament 2016/679. Il-BEPD naqqas dan it-terminu għal tliet xhur;

fir-rigward tal-miżuri korrettivi, dwar il-modalitajiet ta’ informazzjoni tal-persuni li ma humiex utenti ta’ WhatsApp dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom minn WhatsApp, il-BEPD jikkonferma l-evalwazzjoni fformulata mill-awtorità superviżorja Irlandiża f’dan ir-rigward fl-abbozz ta’ deċiżjoni tiegħu;

fir-rigward ta’ miżuri korrettivi, fuq l-indikazzjoni tal-motivi addizzjonali tal-ksur minn WhatsApp tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2016/679 (ara t-tieni inċiż iktar ’il fuq), il-BEPD jindika li dan ir-riferiment kien neċessarju sabiex jiġi żgurat li WhatsApp tadotta l-miżuri korrettivi adegwati f’dan ir-rigward;

fir-rigward tal-Artikolu 83 tar-Regolament 2016/679, dwar il-“[k]ondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, fuq il-kriterji tal-kuantum tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq WhatsApp. Il-BEPD qies li l-awtorità superviżorja Irlandiża kienet interpretat b’mod żbaljat il-kriterju marbut mad-dħul mill-bejgħ annwali dinji tal-impriża kkonċernata, li hija kienet interpretat tajjeb il-kunċett ta’ “sena finanzjarja preċedenti”, li hija kienet interpretat b’mod żbaljat ir-regola li tgħid li, jekk diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 huma miksura fil-kuntest tal-istess operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar marbuta, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma jistax jeċċedi l-ammont iffissat għall-ksur l-iktar serju, li hija kienet interpretat tajjeb ċerti kriterji tad-determinazzjoni tal-multa msemmija fl-Artikolu 83(1) u (2) tar-Regolament 2016/679 (natura intenzjonali jew negliġenti tan-nuqqasijiet, gravità tagħhom), iżda interpretat b’mod żbaljat oħrajn minn dawn il-kriterji (teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ sabiex tiġi kkwantifikata s-sanzjoni indipendentement mill-kalkolu tal-limitu tagħha u, iktar globalment, neċessità li s-sanzjoni tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva);

fuq il-livell tal-multi, il-BEPD iqis li, fir-rigward tal-iżbalji ta’ interpretazzjoni ta’ ċerti kriterji tal-kuantum tal-multa magħmula mill-awtorità superviżorja Irlandiża (ara l-ħdax-il inċiż iktar ’il fuq) u nuqqasijiet addizzjonali ta’ WhatsApp li għandhom jiġu kkonstatati (ara l-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u s-sitt inċiż iktar ’il fuq), l-ammonti tal-multi maħsuba mill-awtorità superviżorja Irlandiża f’livell totali li jinkludi bejn EUR 30 u EUR 50 miljun kellhom jiżdiedu.

12

B’mod parallel, WhatsApp ikkontestat id-deċiżjoni finali quddiem qorti Irlandiża u talbiet lill-Qorti Ġenerali l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

13

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Computer & Communication Industry Association talbet sabiex tintervjeni insostenn tar-rikorrenti, filwaqt li r-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data talbu sabiex jintervjenu insostenn tal-BEPD. Fil-perspettiva tal-interventi tagħhom, il-partijiet prinċipali talbu li xi elementi tal-fajl ma jiġux ikkomunikati lil ċerti partijiet intervenjenti, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom. F’dan l-istadju, ma ngħatatx deċiżjoni fuq dawn it-talbiet.

14

Il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata wara l-preżentata tar-risposta, li tistieden lill-partijiet prinċipali sabiex ma jinjorawx, fir-replika u fil-kontroreplika, li jieħdu pożizzjoni fuq il-kwistjonijiet importanti kollha li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u l-ammissibbiltà tar-rikors, semmiet f’dan ir-rigward il-klassifikazzjoni ta’ att ta’ korp tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni kkontestata, il-klassifikazzjoni bħala att li jista’ jiġi kkontestat tad-deċiżjoni kkontestata, il-locus standi tar-rikorrenti u l-interess ġuridiku tagħha.

It-talbiet tal-partijiet

15

WhatsApp titlob l-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, dik tal-partijiet rilevanti tagħha kif ukoll il-kundanna tal-BEPD għall-ispejjeż.

16

Il-BEPD jitlob li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, li jiġi miċħud bħala infondat u, sussidjarjament, li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jkun limitat għall-partijiet rilevanti tagħha. Il-BEPD jitlob ukoll il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

17

Skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, tiddeċiedi li taqta’ l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku permezz ta’ digriet motivat.

18

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess u tiddeċiedi, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, li tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors mingħajr ma tkompli l-proċedura.

19

Fil-fatt, il-verifika tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u dik tal-locus standi ta’ rikorrent huma kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku, bħall-verifika ta’ elementi oħra marbuta mal-ammissibbiltà ta’ rikors, u, f’dan il-każ, il-partijiet prinċipali kienu tqiegħdu f’pożizzjoni li jiżviluppaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura invokata fil-punt 14 iktar ’il fuq, wara li l-BEPD stess barra minn hekk qajjem fir-risposta l-inammissibbiltà tar-rikors.

20

F’dan il-każ, għandu, preliminarjament, jitfakkar il-kuntest ġuridiku istituzzjonali li tagħmel parti minnu d-deċiżjoni kkontestata.

Il-kuntest ġuridiku istituzzjonali

21

Il-Kapitolu VI tar-Regolament 2016/679 huwa intitolat “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”. Fi ħdanu, l-Artikolu 51 jipprovdi li kull Stat Membru “għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament”, li kull waħda minn dawn l-awtoritajiet “għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni” u li, għal dan il-għan, “l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni f’konformità mal-Kapitolu VII”.

22

L-Artikolu 55 jipprevedi li kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità mar-Regolament 2016/679 fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess u l-Artikolu 56 jindika li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60. Kif dan ġie indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq, f’din il-kawża, l-awtorità superviżorja Irlandiża aġixxiet fir-rigward ta’ WhatsApp bħala awtorità ewlenija.

23

L-Artikolu 58(2) tar-Regolament 2016/679 jipprovdi li kull awtorità superviżorja għandha s-setgħa li tadotta miżuri korrettivi fir-rigward ta’ kontrollur tal-ipproċessar jew ta’ proċessur u b’mod partikolari, fil-punti (b), (d) u (i), li tfakkarhom l-ordni meta l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ikunu wasslu għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679, li tordnalhom li jagħmlu l-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħhom konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679, skont il-każ, b’mod speċifiku f’perijodu ta’ żmien speċifiku u li timponilhom multa amministrattiva.

24

Il-Kapitolu VII tar-Regolament 2016/679, li jsegwi d-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 21 sa 23 iktar’ il fuq, huwa intitolat “Kooperazzjoni u konsistenza”.

25

Fit-Taqsima “Kooperazzjoni” ta’ dan il-kapitolu, l-Artikolu 60, li huwa stess huwa intitolat “Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra”, jipprevedi b’mod partikolari:

“1.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’konformità ma’ dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.

[…]

3.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.

4.   Fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’perijodu ta’ żmien ta’ erba’ ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta’ deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

5.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f’perijodu ta’ żmien ta’ ġimagħtejn.

6.   Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta’ deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma’ dak l-abbozz ta’ deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.

7.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.

[…]

10.   Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija […], il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.”

26

Fit-Taqsima “Konsistenza” tal-istess Kapitolu VII tar-Regolament 2016/679, l-Artikolu 63, intitolat “Mekkaniżmu ta’ konsistenza”, jipprevedi:

“Sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni, permezz tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza kif stabbilit f’din it-Taqsima.”

27

Il-BEPD jintervjeni fl-imsemmi mekkaniżmu. L-Istatut tal-BEPD huwa stabbilit fit-tielet u fl-aħħar taqsima tal-Kapitolu VII tar-Regolament 2016/679, intitolat “Bord ewropew għall-protezzjoni tad-data”.

28

F’din it-taqsima, l-Artikolu 68 jindika:

“1.   Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“Bord”) huwa b’dan stabbilit bħala korp tal-Unjoni u jkollu personalità ġuridika.

[…]

3.   Il-Bord għandu jkun magħmul mill-kap ta’ awtorità superviżorja ta’ kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom.

[…]”

29

Fl-istess taqsima, l-Artikolu 70, intitolat “Kompiti tal-Bord”, jipprevedi:

“1.   Il-Bord għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Bord għandu b’mod partikolari, fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fejn rilevanti, fuq talba tal-Kummissjoni:

a)

jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament fil-każijiet previsti fl-Artikoli 64 u 65 mingħajr preġudizzju għall-kompiti ta’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

[…]”

30

L-istess Artikolu 70 jelenka barra minn hekk fid-dettall il-kompiti l-oħra tal-BEPD, li huma essenzjalment kompiti ta’ konsulenza li huwa għandu jeżerċita permezz ta’ opinjonijiet, linji gwida, rakkomandazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ “l-aħjar prattiki”.

31

Fit-Taqsima “Konsistenza”, imsemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, wara l-Artikolu 64 li jelenka l-każijiet li fihom il-BEPD jagħti opinjoni, l-Artikolu 65, intitolat “Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord”, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.   Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta’ dan ir-Regolament f’każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

a)

fejn, f’każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtorità superviżorja ewlenija ma segwitx l-oġġezzjoni jew tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b’mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament;

[…]

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mir-riferiment tas-suġġett minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord. […] Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun motivata u indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha u tkun vinkolanti għalihom.

[…]

5.   Il-President tal-Bord għandu jinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord mingħajr dewmien wara li l-awtorità superviżorja tkun innotifikat id-deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 6.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-Bord jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. […]. Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f’dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.”

32

Il-Kapitolu VIII tar-Regolament 2016/679, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jittratta d-“[d]ritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja” fl-Artikolu 78 u d-“[d]ritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur” fl-Artikolu 79. Dan ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tikkonċerna eventwali rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjonijiet vinkolanti tal-BEPD adottati abbażi tal-Artikolu 65(1) iċċitat iktar ’il fuq. L-Artikolu 78(4) jindika madankollu li “[f]ejn jitressqu proċedimenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li kienet preċeduta minn […] deċiżjoni tal-Bord fil-mekkaniżmu ta’ konsistenza, l-awtorità superviżorja għandha tibgħat […] id-deċiżjoni lill-qorti.”

33

Fil-motivi tar-Regolament 2016/679, il-premessa 143 tindika:

“Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt tagħmel rikors għall-annullament ta’ deċiżjonijiet tal-Bord quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjonijiet previsti fl-[Artikolu 263 TFUE]. Bħala destinatarji ta’ tali deċiżjonijiet, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati li jixtiequ jikkontestawhom, iridu jagħmlu rikors fi żmien xahrejn minn meta jiġu avżati dwarhom, skont l-[Artikolu 263 TFUE]. Fejn id-deċiżjonijiet tal-Bord huma ta’ interess dirett u individwali għal kontrollur, proċessur jew min jagħmel l-ilment, dan tal-aħħar jista’ jagħmel rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit tal-internet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont [l-Artikolu 263 TFUE]. Mingħajr preġudizzju għal dan id-dritt skont [l-Artikolu 263 TFUE], kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ dik il-persuna. Tali deċiżjoni tikkonċerna b’mod partikolari t-tħaddim ta’ setgħat investigattivi, korrettivi u ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja jew iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta’ ilmenti. Madankollu, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jinkludix miżuri meħudin minn awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja. Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja u għandhom jitwettqu skont il-liġi proċedurali ta’ dak l-Istat Membru. Dawk il-qrati għandhom iħaddmu l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemhom.

Fejn ilment ikun ġie miċħud jew irrifjutat minn awtorità superviżorja, min jagħmel l-ilment jista’ jibda proċedimenti quddiem il-qrati fl-istess Stat Membru. Fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-qrati nazzjonali li jqisu li tinħtieġ deċiżjoni dwar il-kwistjoni biex ikunu jistgħu jagħtu sentenza, jistgħu, jew fil-każ previst fl-[Artikolu 267 TFUE], iridu, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni inkluż dan ir-Regolament. Barra minn hekk, fejn deċiżjoni ta’ awtorità superviżjorja li timplimenta deċiżjoni tal-Bord tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali u l-validità tad-deċiżjoni tal-Bord tkun inkwistjoni, dik il-qorti nazzjonali ma għandhiex is-setgħa li tiddikjara d-deċiżjoni tal-Bord bħala invalida iżda trid tirreferi l-kwistjoni tal-validità lill-Qorti tal-Ġustizzja skont [l-Artikolu 267 TFUE] kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tqis id-deċiżjoni invalida. Madankollu, qorti nazzjonali ma tistax tirreferi kwistjoni dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Bord fuq it-talba ta’ persuna fiżika jew ġuridika li kellha l-opportunità li tagħmel rikors għal annullament ta’ dik id-deċiżjoni, b’mod partikolari jekk kienet direttament u individwalment ikkonċernata minn dik id-deċiżjoni, iżda ma kinitx għamlet dan fil-perjodu stipulat fl-[Artikolu 263 TFUE].”

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

34

L-Artikolu 263 TFUE, li l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames paragrafu tiegħu huma riprodotti hawn taħt, jistipula:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom.

[…]

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

Atti li jistabbilixxu korpi u organi ta’ l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.

[…]”

35

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ att ta’ korp tal-Unjoni intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Minbarra dan mir-raba’ paragrafu tal-istess artikolu jirriżulta li, sabiex tkun ammissibbli sabiex tippreżenta rikors kontra att individwali ta’ korp tal-Unjoni li tiegħu ma hijiex destinatarja, persuna ġuridika għandha fil-prinċipju tkun direttament u individwalment ikkonċernata minnu. F’dan il-każ, kif dan huwa espost fil-punt 32 iktar ’il fuq, ebda dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-previżjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tidher fir-Regolament 2016/679, minkejja li, f’dan il-każ, WhatsApp hija effettivament suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu li tkun direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata sabiex ir-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni jista’ jkun ammissibbli.

36

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, adottata mill-BEPD, hija tabilħaqq att ta’ korp tal-Unjoni. Ċertament, id-dispożittiv istituzzjonali previst mir-Regolament 2016/679, espost fil-punti 21 sa 31 iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali sabiex jadottaw miżuri korrettivi fir-rigward tal-kontrolluri u tal-proċessuri kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ koerenza bejn dawn l-awtoritajiet, inkluż fi ħdan il-BEPD li essenzjalment jiġbor flimkien tali awtoritajiet, jista’ jagħti x’jifhem li dan tal-aħħar huwa biss korp ta’ koordinazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2016/679, il-BEPD ġie stabbilit bħala korp tal-Unjoni u għandu l-personalità ġuridika. Barra minn hekk, huwa awtorizzat, f’din il-kwalità, li jadotta fuq il-bażi tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolament 2016/679, opinjonijiet u, fil-kuntest tas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn awtoritajiet superviżorji nazzjonali, deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni kkontestata, vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati, peress li dawn l-opinjonijiet u dawn id-deċiżjonijiet huma għalhekk atti ta’ korp tal-Unjoni.

37

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi, peress li din hija “deċiżjoni vinkolanti” fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati, adottata abbażi tal-Artikolu 65 tar-Regolament 2016/679.

38

Madankollu, meta rikorrent ma jkunx wieħed mir-rikorrenti, imsejħa “privileġġjati”, imsemmija b’mod partikolari individwalment fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa deċiż b’mod kostanti li, sabiex jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat minn dan ir-rikorrent, dan l-att għandu jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; ara wkoll is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta tali rikorrent ma jkunx destinatarju tal-att li huwa jikkontesta, il-kundizzjoni li l-att għandu jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tikkoinċidi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri, meta l-att ikkontestat ma jkunx att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni, man-neċessità li r-rikorrent ikun direttament u individwalment ikkonċernat minn dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38).

40

F’dan il-każ, qabelxejn jista’ jiġi osservat, fid-dawl tan-natura tal-att ikkontestat li huwa att individwali, li WhatsApp hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li din tirrigwarda ċerti aspetti ta’ abbozz ta’ deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja Irlandiża li jikkonċernaha speċifikament. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEPD fil-kontroreplika, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex limitata għall-istabbiliment ta’ prinċipji jew għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 li jistgħu jikkonċernaw kwalunkwe kontrollur. Fid-deċiżjoni kkontestata, hekk kif dan ġie espost fil-punt 11 iktar’ il fuq, il-BEPD jiddeċiedi dwar l-osservanza minn WhatsApp ta’ wħud mill-obbligi tagħha fid-dawl tar-Regolament 2016/679, jikklassifika bħala data personali elementi li jirriżultaw mill-proċedura msejħa “Lossy Hashing Procedure”, li huwa pproċessar imwettaq biss minn WhatsApp, u jiddeċiedi dwar ċerti miżuri korrettivi li għandhom jiġu imposti fuq WhatsApp, b’mod partikolari dwar ċerti aspetti tad-determinazzjoni tal-multi amministrattivi li għandhom jiġu imposti fuqha. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk speċifika għal WhatsApp, anki jekk hija tinkludi, bħal ta’ spiss ħafna fl-atti individwali, id-dikjarazzjoni jew it-tfakkira ta’ prinċipji u tal-interpretazzjonijiet ta’ natura ġenerali.

41

Sussegwentement għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċix effetti legali li jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ WhatsApp u jekk tikkonċernahiex direttament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

42

Minn din il-perspettiva, għandu jiġi osservat, kif ġustament jenfasizza din id-darba l-BEPD, li d-deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx fiha nnifisha s-sitwazzjoni legali ta’ WhatsApp. Fil-fatt, kuntrarjament għad-deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja Irlandiża, din ma tistax tiġi direttament invokata kontriha u tikkostitwixxi fir-rigward tagħha att preparatorju, jew intermedjarju, fi proċedura li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 58(2), u tal-Artikoli 60, 63 u 65 tar-Regolament 2016/679, iċċitati fil-punti 23 sa 26 kif ukoll fil-punt 31 iktar ’il fuq, għandha preċiżament tintemm bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali ta’ awtorità superviżorja nazzjonali li din l-impriża hija destinatarja tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 19).

43

F’dan ir-rigward, ġie deċiż diversi drabi li, fil-proċeduri li jwasslu għat-tfassil ta’ atti f’diversi fażijiet, bħala prinċipju ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10, u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

L-eċċezzjonijiet għall-prinċipju mfakkar fil-punt 43 iktar ’il fuq jikkonċernaw il-każijiet fejn il-miżura intermedjarja għandha effetti legali awtonomi li fir-rigward tagħhom protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti ma tistax tiġi żgurata fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punti 1112, u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 5354). Bħala eżempji, tali eċċezzjonijiet ġew identifikati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 20), fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punti 55 sa 63) u, fir-rigward ta’ miżura anċillari jew kawtelatorja preċedenti għal sentenza definittiva, għas-sospensjoni ta’ uffiċjal ikkonċernat minn proċeduri dixxiplinari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il‑Kummissjoni, 18/65 u 35/65, EU:C:1966:24, p. 168).

45

F’dan il-każ, protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata hija, għall-kuntrarju, żgurata lil WhatsApp permezz tar-rimedju ġudizzjarju li hija għandha quddiem il-qorti nazzjonali kontra d-deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja Irlandiża, li jippermetti li tiġi evalwata l-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Hekk kif jipprevedu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament 2016/679, li jindikaw li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jiġi żgurat lil kull persuna f’kull Stat Membru kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha, WhatsApp ikkontestat quddiem qorti Irlandiża d-deċiżjoni finali stipulata mill-awtorità superviżorja Irlandiża u tista’ ssostni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors l-illegalità tal-evalwazzjonijiet vinkolanti li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, adottati f’din id-deċiżjoni finali. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jippermetti li titqajjem quddiem il-qorti nazzjonali l-invalidità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, billi jipprovdi li, meta l-qorti nazzjonali tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt hija neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha, hija tista’ jew għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea domanda preliminari għall-evalwazzjoni ta’ validità. Jekk din tikkonstata, fi tmiem il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li tali att, jekk ikun preparatorju għal deċiżjoni minn awtorità ta’ Stat Membru, huwa invalidu, il-qorti nazzjonali għandha tislet minn dan il-konsegwenzi fir-rigward tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ottubru 1975, Rey Soda et, 23/75, EU:C:1975:142, punt 51, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Šroubárna Ždánice vs Il‑Kunsill, T‑442/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:159, punt 34).

46

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ WhatsApp, id-deċiżjoni kkontestata ma għandha ebda effett legali awtonomu fir-rigward tad-deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja Irlandiża: l-evalwazzjonijiet kollha li jinsabu fl-ewwel waħda huma riprodotti fit-tieni waħda u l-ewwel waħda ma għandha ebda effett li huwa indipendenti mill-kontenut tat-tieni, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fis-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il‑Kummissjoni (18/65 u 35/65, EU:C:1966:24), tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256), u tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑400/99, EU:C:2001:528), imsemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq.

47

F’dan ir-rigward, għalkemm il-prinċipji mfakkra fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq kienu ġew identifikati fir-rigward ta’ proċeduri li jaqgħu, għad-deċiżjoni finali, taħt il-kompetenza ta’ istituzzjonijiet jew ta’ entitajiet oħra tal-Unjoni, ebda raġuni ma tiġġustifika li dan ikun differenti meta, bħal f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tafda s-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ regoli partikolari tal-Unjoni lil awtoritajiet nazzjonali speċifiċi fil-kuntest ta’ proċeduri li jinkludu diversi fażijiet u meta tkun inkwistjoni miżura intermedjarja adottata minn korp tal-Unjoni fl-okkażjoni ta’ tali proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali.

48

WhatsApp issostni, ċertament, li d-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti f’pożizzjoni definittiva tal-BEPD li kellha tiġi segwita mill-awtorità superviżorja Irlandiża fid-deċiżjoni finali. Dan l-argument jinftiehem fis-sens li d-deċiżjoni kkontestata hija minħabba dan il-fatt neċessarjament att li jista’ jiġi kkontestat u li hija distinta mill-miżuri intermedjarji li jesprimu biss opinjoni provviżorja li huma biss atti li ma jistgħux jiġu kkontestati.

49

Madankollu, kif tfakkar fil-punt 38 iktar ’il fuq, sabiex att ikun jista’ jiġi kkontestat minn rikorrent minbarra r-rikorrenti, imsejħa privileġġjati, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan l-att għandu b’mod partikolari ibiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. Issa, il-fatt li att intermedjarju jesprimi l-pożizzjoni definittiva ta’ awtorità li għandha tiġi adottata fid-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura inkwistjoni, bħal f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi analiżi definittiva dwar ċerti aspetti tad-deċiżjoni finali, ma jfissirx neċessarjament li dan l-att intermedjarju jbiddel huwa stess b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, hekk kif jintwera f’dan il-każ fil-punti 42 sa 47 iktar ’il fuq. Sa fejn, kif tfakkar fil-punt 39 iktar ’il fuq, din il-kundizzjoni tikkoinċidi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri b’mod partikolari man-neċessità li r-rikorrent ikun direttament ikkonċernat minn dan l-att, jista’ jiġi vverifikat f’dan il-każ jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta billi jiġi eżaminat jekk WhatsApp hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

50

Issa, kif ġustament isostni l-BEPD, WhatsApp ma hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

51

Fil-fatt, huwa deċiż b’mod stabbilit li, sabiex jikkonċerna direttament rikorrent li ma huwiex destinatarju ta’ att, dan l-att għandu, l-ewwel, jipproduċi direttament effetti legali fuq is-sitwazzjoni ta’ dan ir-rikorrent u, it-tieni, ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu, peress li dan għandu natura awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il‑Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, EU:C:1971:53, punti 23 sa 28, tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43, u tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 48).

52

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, kif diġà ntqal fil-punt 42 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex infurzabbli kontra WhatsApp b’mod li jippermetti, mingħajr stadju sussegwenti fil-proċedura, li tkun sors ta’ obbligi għaliha, jew, jekk ikun il-każ, ta’ drittijiet għal individwi oħra. Għalhekk, din hija differenti, pereżempju, mill-atti li kienu s-suġġett tas‑sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166), li fiha kien ġie osservat, fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi konkluż li dawn kienu jikkonċernaw direttament l-assoċjazzjoni rikorrenti, li “huma [kienu] jikkostitwixxu leġiżlazzjoni kompluta li [kienet] suffiċjenti fiha nfisha u li ma [kienet] tirrikjedi l-ebda dispożizzjoni ta’ implementazzjoni”. F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex l-aħħar stadju tal-proċedura kompleta prevista fl-Artikoli 58, 60 u 65 tar-Regolament 2016/679.

53

Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dwar is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità inkarigata mill-implimentazzjoni tal-att inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata kienet torbot lill-awtorità superviżorja Irlandiża fir-rigward tal-aspetti li kienu relatati magħha, din ħallitilha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni finali.

54

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn paragun tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata espost fil-punt 11 iktar ’il fuq, indirizzat lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati mill-istruzzjonijiet, u tal-kontenut tad-deċiżjoni finali indirizzata lil WhatsApp, espost fil-punt 8 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha kontenut parzjali meta pparagunat mad-deċiżjoni finali.

55

Għalhekk, iż-żewġ deċiżjonijiet għandhom b’mod komuni, il-konstatazzjoni ta’ ksur minn WhatsApp tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 5(1)(a), u tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(d) u fl-Artikolu 13(2)(e) tar-Regolament 2016/679, il-klassifikazzjoni ta’ data personali tal-elementi li jirriżultaw mill-proċedura msejħa “Lossy Hashing Procedure” applikata għad-data li tikkonċerna l-“kuntatti” mhux utenti ta’ WhatsApp, li jinsabu fil-listi ta’ indirizzi tat-terminals tal-utenti ta’ WhatsApp, il-konstatazzjoni ta’ ksur minn WhatsApp ta’ obbligi stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2016/679 mill-fatt ta’ din il-klassifika, it-terminu ta’ tliet xhur mogħti lil WhatsApp sabiex tiġi konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament 2016/679, ċerti aspetti tal-miżuri korrettivi, jiġifieri dawk dwar id-data personali ta’ persuni mhux utenti ta’ WhatsApp u l-obbligu li tiġi pprovduta lill-utenti ta’ WhatsApp l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(2)(e) tar-Regolament 2016/679, l-interpretazzjoni tal-kriterji tal-kwantum tal-multi amministrattivi imposti fuq WhatsApp u ż-żieda tal-ammont ta’ dawn il-multi meta mqabbel mal-livell totali ta’ EUR 30 sa EUR 50 miljun previsti fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja Irlandiża.

56

Min-naħa l-oħra, dwar l-aspetti li ġejjin, id-deċiżjoni finali tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-awtorità superviżorja Irlandiża mingħajr ma l-BEPD esprima, fid-deċiżjoni kkontestata, pożizzjoni f’dan ir-rigward: il-konstatazzjoni ta’ ksur minn WhatsApp ta’ obbligi stabbiliti fl-Artikolu 12(1), fl-Artikolu 13(1)(c), (e) u (f) kif ukoll fl-Artikolu 13(2)(a) u (c) tar-Regolament 2016/679; il-konstatazzjoni tal-osservanza minn WhatsApp tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(a) u (b) kif ukoll fl-Artikolu 13(2)(b) u (d) tar-Regolament 2016/679; il-kwalità ta’ WhatsApp meta tipproċessa d-data personali tal-persuni li ma humiex utenti tas-servizz ta’ messaġġi tagħha; is-sustanza tal-kontenut tal-miżuri korrettivi imposti fuq WhatsApp, jiġifieri dawk intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 12(1), fl-Artikolu 13(1)(c), (d), (e) u (f), u fl-Artikolu 13(2)(a) u (c) tar-Regolament 2016/679; id-determinazzjoni konkreta tal-livell tal-multi amministrattivi imposti fuq WhatsApp, li jwassal għal total ta’ EUR 225 miljun.

57

Għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li l-awtorità superviżorja Irlandiża eżerċitat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha sabiex tislet il-konsegwenzi mill-istruzzjonijiet li kienu ngħataw fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala data personali tal-elementi li jirriżultaw mill-proċedura msejħa “Lossy Hashing Procedure” u f’dak li jikkonċerna l-multi amministrattivi.

58

Fuq l-ewwel aspett, jiġifieri l-kwistjoni tal-ipproċessar tad-data personali tal-persuni li ma humiex utenti ta’ WhatsApp, b’mod partikolari tal-elementi li jirriżultaw mill-proċedura msejħa “Lossy Hashing Procedure”, hekk kif jirriżulta mill-punt 111 tad-deċiżjoni finali, l-istadju li jmiss tal-analiżi intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk WhatsApp kinitx kisret, fir-rigward ta’ dawn il-persuni, l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2016/679, kien li jsir magħruf jekk, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni, WhatsApp aġixxietx bħala kontrollur jew bħala sempliċi proċessur li jaġixxi f’isem utent tas-servizz ta’ messaġġi tagħha li jkun attiva l-funzjoni “Kuntatti”. Issa, dan l-istadju tal-analiżi, konkluż billi tiġi adottata l-ewwel ipoteżi, jirriżulta minn evalwazzjoni tal-awtorità superviżorja Irlandiża mingħajr ma l-BEPD kien esprima pożizzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata.

59

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi amministrattivi, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tinkludi istruzzjonijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kriterji għall-kwantum tal-multi amministrattivi stabbiliti abbażi tar-Regolament 2016/679 u fir-rigward taż-żieda tal-ammont totali tal-multi li għandu jiġi impost f’dan il-każ fuq WhatsApp meta mqabbel ma’ dak previst fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja Irlandiża, din żammet il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha sabiex tiffissa l-ammont konkret tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq WhatsApp. Barra minn hekk, hekk kif ġie indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, qabel ma adottat id-deċiżjoni finali, l-awtorità superviżorja Irlandiża talbet lil WhatsApp l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-multi amministrattivi ġodda li hija kellha l-intenzjoni li timponi fuqha, li huwa koerenti mal-konstatazzjoni li din l-awtorità żammet marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. F’dan il-każ, jista’ jiġi osservat li, fid-deċiżjoni finali, hija l-parti l-baxxa tal-firxa tal-multi l-ġodda maħsuba mill-awtorità superviżorja Irlandiża li ġiet effettivament adottata.

60

Issa, id-deċiżjoni finali tikkostitwixxi ħaġa sħiħa li ma tistax tiġi sseparata mill-partijiet li jikkorrispondu għall-istruzzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata billi ssir “deċiżjoni sussidjarja” finali li għaliha l-awtorità ta’ superviżjoni ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, l-investigazzjoni u d-deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja Irlandiża rrigwardaw l-osservanza minn WhatsApp tal-prinċipju ta’ trasparenza u tal-obbligi konkreti kollha marbuta magħha stabbiliti fir-Regolament 2016/679. Hija għalhekk il-prassi globali ta’ WhatsApp f’dan ir-rigward li ġiet analizzata fid-deċiżjoni finali u l-istess aspett ta’ din il-prassi kien is-suġġett ta’ eżami fid-dawl ta’ diversi dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament 2016/679, pereżempju fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(a), tal-Artikolu 12(1) u tad-diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/679, peress li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss, waħeda, l-analiżi fir-rigward ta’ wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet. Ma hemm l-ebda sens li jiġu sseparati mill-analiżi globali magħmula fid-deċiżjoni finali ċerti elementi partikolari filwaqt li l-proċedura applikata fir-rigward ta’ WhatsApp, fuq inizjattiva u taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità superviżorja Irlandiża bħala awtorità superviżorja ewlenija, kienet tirrigwarda l-evalwazzjoni ġenerali tal-osservanza minn WhatsApp tal-prinċipju ta’ trasparenza. B’mod partikolari, fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji, huwa fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati kollha, rispettivament, fl-Artikolu 5(1)(a), fl-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament 2016/679 li l-ammont ta’ kull waħda mill-erba’ multi amministrattivi ġie ffissat mill-awtorità superviżorja Irlandiża.

61

Konsegwentement, l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 51 iktar ’il fuq, li jippermettu, jekk jiġu ssodisfatti, li jitqies li WhatsApp hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, ma hija ssodisfatta.

62

Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikors ta’ WhatsApp ma huwiex ammissibbli.

63

Ir-riżultat ta’ din l-analiżi huwa koerenti ma’ dak li seta’ jiġi deċiż fir-rigward ta’ proċeduri oħra li fihom att tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti li jikkonċerna impriżi huwa indirizzat lil Stat Membru.

64

B’hekk, fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, huwa deċiż li, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tiddikjara illegali u inkompatibbli mas-suq intern għajnuna diġà mogħtija u tordna lill-Istat Membru li jkun ipprovda l-għajnuna sabiex jirkupra l-għajnuna mħallsa, il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna mħallsa huma direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2000, L‑Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570, punti 33 sa 36). F’dan ir-rigward, ġie osservat li, mill-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ din in-natura, dawn il-benefiċjarji huma esposti għall-irkupru tal-vantaġġi li huma kienu rċevew u b’hekk jinsabu affettwati fis-sitwazzjoni legali tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 56). Dan huwa spjegat, peress li l-proċedura ta’ kontroll hija f’dan l-istadju magħluqa, li ebda evalwazzjoni addizzjonali fuq il-mertu ma għandha ssir, peress li l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati huma ddeterminati b’mod mekkaniku skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-għajnuna preċedentement mogħtija lill-impriżi kkonċernati, li l-Istat Membru huwa obbligat li jibda huwa stess l-irkupru ta’ din l-għajnuna u li jwettaqha sew ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 63/87, EU:C:1988:285, tal‑20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C-5/89, EU:C:1990:320, punti 1516 u tal‑20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C‑24/95, EU:C:1997:163) u li terzi jistgħu jaġixxu fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem l-amministrazzjoni kkonċernata jew quddiem il-qorti nazzjonali sabiex l-għajnuna inkwistjoni tiġi rrimborsata, mingħajr ma jkollhom huma stess isostnu l-oneru tal-prova li din kienet ingħatat illegalment (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 2339 sa 41). F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tinsabx fi stadju analogu, peress li l-proċedura ta’ kontroll ma kinitx intemmet bl-adozzjoni tagħha, li evalwazzjonijiet addizzjonali dwar l-osservanza minn WhatsApp tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 u s-sanzjoni mġarrba kien għad kellhom jiġu kkonfermati jew magħmula mill-awtorità superviżorja ewlenija u li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx hija stess isservi bħala titolu li għandu saħħa legali sabiex jiġu imposti obbligi fuq WhatsApp.

65

Ġie deċiż ukoll li deċiżjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lil Stat Membru, li tindikalu li finanzjament Ewropew favur impriża kien tnaqqas meta mqabbel ma’ dak li kien ġie previst minħabba n-nuqqas ta’ eliġibbiltà għal dan il-finanzjament ta’ ċerti spejjeż ippreżentati minn din l-impriża kienet tikkonċerna direttament u individwalment lil din tal-aħħar, peress li d-deċiżjoni inkwistjoni ċaħditha minn parti mill-għajnuna finanzjarja li kienet ingħatat lilha inizjalment mingħajr ma l-Istat Membru ma jkollu setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 1992, Infortec vs Il‑Kummissjoni, C‑157/90, EU:C:1992:243, punt 17). Madankollu, f’dan il-każ, kuntrarjament għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tat lok għal din l-evalwazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex, kif ġie kkonstatat fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-aħħar stadju tal-proċedura kompleta inkwistjoni u, bħal ma ġie kkonstatat fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq, hija ħalliet marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità superviżorja Irlandiża.

66

B’mod iktar globali, l-inammissibbiltà tar-rikors ta’ WhatsApp ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata taqa’ taħt il-loġika tas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE.

67

Hekk kif jipprovdi l-Artikolu 2 tat-Trattat UE, l-Unjoni hija b’mod partikolari bbażata fuq l-osservanza tal-Istat tad-dritt. L-Artikolu 6(1) tat-Trattat UE jipprovdi li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 47 ta’ din tal-aħħar jirrikonoxxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. L-Artikolu 19 tat-Trattat UE jispeċifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati u, b’mod partikolari, li hija għandha tiddeċiedi konformement mat-Trattati dwar ir-rikorsi ppreżentati minn Stat Membru, istituzzjoni jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi u permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, fuq it-talba tal-qrati nazzjonali, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet kif ukoll fil-każijiet l-oħra previsti mit-Trattati. L-istess artikolu jipprevedi li l-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

68

B’mod iktar preċiż, it-Trattat FUE, b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 263 tiegħu, dwar ir-rikorsi diretti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 267 tiegħu, dwar il-każijiet li fihom din tal-aħħar tiddeċiedi permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40). Jipparteċipaw f’din is-sistema kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li minnha tagħmel parti l-Qorti Ġenerali, kif ukoll il-qrati nazzjonali. F’din is-sistema, persuni li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhom il-possibbiltà li jinvokaw, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, l-invalidità ta’ tali att quddiem il-qorti nazzjonali billi jippreżentaw quddiemha rikors kontra l-miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att. F’din is-sitwazzjoni, hija l-qorti nazzjonali, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt hija neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u għandha dubju dwar il-validità ta’ dan l-att, li għandha tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40).

69

Il-loġika ta’ din is-sistema, li tispjega b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi diretti stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE, li tfakkret matul l-analiżi li tinsab fil-punti 35 sa 62 iktar ’il fuq, hija li l-azzjoni ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u dik tal-qrati nazzjonali jikkomplementaw lil xulxin b’mod effikaċi u li l-qorti tal-Unjoni u l-qorti nazzjonali ma għandhomx jitwasslu sabiex jiddeċiedu fl-istess ħin, fl-okkażjoni ta’ proċeduri paralleli, dwar il-validità tal-istess att tal-Unjoni, kemm jekk dan ikun direttament jew, f’dak li jikkonċerna l-qorti nazzjonali jekk tistaqsi dwar il-validità tal-att inkwistjoni, wara domanda preliminari. Din il-loġika setgħet b’mod partikolari tiġġustifika li jiġi deċiż li rikorrent li seta’ mingħajr ebda dubju jikkontesta direttament deċiżjoni tal-Unjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jkunx jista’ jikkontesta sussegwentement il-validità ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari fl-okkażjoni ta’ proċedura sussegwenti quddiem il-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 17; ara, wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, huwa deċiż b’mod kostanti li l-illegalità ta’ att tal-Unjoni li ma jistax jiġi kkontestat li jservi bħala bażi għal att ieħor tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ rikors kontra dan it-tieni att (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12 u a contrario r-referenzi ġurisprudenzjali preċedenti).

70

F’dan il-każ, l-aċċettazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ WhatsApp kontra d-deċiżjoni kkontestata twassal sabiex żewġ proċeduri ġudizzjarji paralleli jkomplu, b’sovrappożizzjonijiet kunsiderevoli, waħda quddiem il-Qorti Ġenerali li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, l-oħra quddiem qorti Irlandiża, li tikkontesta d-deċiżjoni finali, fejn parti mill-motivi hija bbażata fuq id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, WhatsApp ressqet, sabiex tikseb terminu għall-preżentata tar-replika quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ammont ta’ xogħol parallel li kienet talbitha l-proċedura quddiem il-qorti Irlandiża adita. Ħlief jekk waħda jew l-oħra mill-qrati aditi tissospendi l-proċedura mibdija quddiemha, li jista’ jirriżulta f’estensjoni taż-żmien neċessarju sabiex tinkiseb soluzzjoni definittiva dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali, dawn il-proċeduri paralleli jistgħu saħansitra jwasslu għas-sitwazzjoni li fiha, simultanjament, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, u l-Qorti Ġenerali, permezz ta’ rikors dirett ta’ WhatsApp, jiġu mistiedna jiddeċiedu dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji msemmija fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78 tar-Regolament 2016/679 dwar id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja, jekk ikun il-każ, hija l-qorti Irlandiża adita, li hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward, li għandha tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni finali li tista’ tiġi invokata kontra WhatsApp billi tagħmel domanda preliminari għall-evalwazzjoni ta’ validità mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata jekk hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima bejn WhatsApp u l-awtorità superviżorja Irlandiża. Il-qorti Irlandiża adita tista’, f’dan ir-rigward, tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha jew billi tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità li tista’ titqajjem kontra d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tindirizza ruħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk hija ma jkollhiex dubji dwar il-validità ta’ din id-deċiżjoni, jew għall-kuntrarju tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija jkollha tali dubji, jew inkella tiddeċiedi t-tilwima indipendentement mill-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-motivi mqajma quddiemha. Din is-soluzzjoni hija konformi mal-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fid-dawl tar-riskji li jinħolqu minn proċeduri ġudizzjarji paralleli msemmija fil-bidu ta’ dan il-punt.

71

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-premessa 143 tar-Regolament 2016/679, iċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, li tista’ tagħti x’tifhem li rikors bħal dak ta’ WhatsApp quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli, li premessa ta’ regolament, jekk tista’ tippermetti li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjoni legali, ma tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha tali regola u li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur ġuridiku vinkolanti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor, C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, din il-premessa ma tikkostitwixxi s-sostenn ta’ ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2016/679, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 32 u 35 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, spjegazzjoni li tinsab fil-motivi ta’ regolament ma tistax tipprevali fuq id-dispożizzjonijiet legali primarji applikabbli li jinsabu fit-Trattati, f’dan il-każ fuq dawk tal-ewwel u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li s-sustanza tagħhom hija barra minn hekk parzjalment imfakkra fil-premessa inkwistjoni bl-indikazzjoni, fl-ewwel sentenza, li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt tagħmel rikors għall-annullament ta’ deċiżjonijiet tal-Bord quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjonijiet previsti fl-[Artikolu 263 TFUE]”.

72

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-talbiet għal intervent

73

Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent huwa sekondarju għall-kawża prinċipali u jitlef l-għan tiegħu, b’mod partikolari, meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

74

Konsegwentement, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal intervent, u lanqas fuq it-talbiet għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-elementi tal-fajl li huma qajmu.

Fuq l-ispejjeż

75

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li WhatsApp tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-BEPD, bla ħsara għal dak li huwa indikat fil-punt 76 iktar ’il quddiem.

76

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. F’dan il-każ, WhatsApp, il-BEPD, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Computer SK Communication Industry Association għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tar-Repubblika tal-Finlandja, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-Computer & Communication Industry Association, u lanqas fuq it-talbiet għal kunfidenzjalità li huma qajmu.

 

3)

WhatsApp Ireland Ltd għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ dan tal-aħħar relatati mat-talbiet għal intervent.

 

4)

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Computer SK Communication Industry Association għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2022.

Ir-Reġistratur

E. Coulon

Il-President

S. Gervasoni


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.