SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)
29 ta’ Mejju 2024 ( *1 )
“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali tar-Regolament Nru 806/2014 – Artikolu 114 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑360/21,
Portigon AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Bliesener, V. Jungkind u C. van Kampen, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin u D. Ceran, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,
konvenut,
sostnut minn
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn U. Rösslein, M. Menegatti u G. Bartram, bħala aġenti,
minn
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt, J. Haunold u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,
u minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Steiblytė, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża),
komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[omissis]
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja li tinsab fi proċess ta’ żmantellament. Hija għad għandha ċerti awtorizzazzjonijiet sabiex twettaq tranżazzjonijiet bankarji u tipprovdi servizzi finanzjarji, bħal tranżazzjonijiet ta’ depożiti u ta’ kreditu u servizzi ta’ ħlas. Madankollu, hija għadha tgawdi minn dawn l-awtorizzazzjonijiet biss sabiex l-iżmantellament tagħha jitwettaq b’mod ordnat. |
|
3 |
Fost it-tranżazzjonijiet imwettqa għal dan il-għan huma, b’mod partikolari, rilevanti għal din il-kawża dawk li jinvolvu lil Erste Abwicklungsanstalt (iktar ’il quddiem l-“EAA”). |
|
4 |
L-EAA twaqqfet bis-saħħa tal-Finanzmarktstabilisierungsfondsgesetz (il-Liġi li tistabbilixxi Fond ta’ Stabbilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji) tas‑17 ta’ Ottubru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1982), għall-finijiet tal-iżmantellament u tal-protezzjoni ta’ parti mit-tranżazzjonijiet bankarji tar-rikorrenti. |
|
5 |
Ir-rikorrenti ttrasferixxiet parti kbira mill-attiv u mill-passiv tagħha lill-EAA għall-finijiet tal-iżmantellament tagħha. Parti minn dan l-attiv u minn dan il-passiv ġiet effettivament ittasferita lill-EAA permezz ta’ diviżjoni. Din il-parti mill-attiv u mill-passiv ma għadhiex imniżżla fil-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti. |
|
6 |
Parti oħra mill-attiv u mill-passiv tar-rikorrenti ma kinitx is-suġġett ta’ din id-diviżjoni, iżda biss ta’ trasferiment imsejjaħ “ekonomiku” jew ta’ garanzija min-naħa tal-EAA. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti kkonkludiet mal-EAA ftehimiet intiżi sabiex jiġu ttrasferiti r-riskji lil din tal-aħħar, filwaqt li hija baqgħet is-sid effettiv ta’ din il-parti mill-attiv u mill-passiv tagħha. |
|
7 |
L-attiv u l-passiv tar-rikorrenti li kienu biss is-suġġett ta’ trasferiment ekonomiku lill-EAA jinkludu, b’mod partikolari, l-elementi tal-portafoll ta’ strumenti derivattivi barra mill-borża (over-the-counter derivatives) (iktar ’il quddiem il-“portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC”). Dan tal-aħħar huwa essenzjalment magħmul, minn naħa, minn drittijiet u obbligi tar-rikorrenti mnissla minn, jew marbuta ma’, ċerti strumenti derivattivi u, min-naħa l-oħra, minn garanziji li jiggarantixxu l-krediti li jirriżultaw minn dawn l-istrumenti derivattivi. |
|
8 |
Ir-rikorrenti għandha r-responsabbiltà legali u regolatorja tal-amministrazzjoni tal-attiv tal-portafoll tal-EAA li ma ġewx effettivament ittrasferiti lil din tal-aħħar permezz ta’ diviżjoni. Peress li l-EAA ma tistax, hija stess, tagħmel użu minn dan l-attiv, ir-rikorrenti tamministrah bħala mandatarju fiduċjarju bis-saħħa ta’ kuntratti konklużi mal-EAA. Ir-rikorrenti qiegħda tintervjeni f’isimha stess, iżda skont l-istruzzjonijiet u għan-nom tal-EAA. |
|
9 |
Sakemm jitwettqu jew jiġu ttrasferiti lill-EAA, l-elementi tal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC għandhom jidhru fil-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti bħala attiv jew passiv fiduċjarju. |
|
10 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddetermina, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”) għall‑2021 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021”) tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), moqrija flimkien, fosthom ir-rikorrenti. |
|
11 |
Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal‑21 ta’ April 2021, il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (BaFin, l-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, il-Ġermanja), fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANR”), fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordna lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif kienet ġiet iddeterminata mis-SRB. |
|
12 |
Ir-rikorrenti, minn naħa, u s-SRB u l-BaFin, min-naħa l-oħra, ma humiex jaqblu fir-rigward tal-elementi li għandhom jintużaw sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li, f’dan ir-rigward, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-passiv li jagħmel parti mill-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC u li hija ma tagħmilx parti minn grupp li ġie rristrutturat wara li rċieva għajnuna mill-Istat jew finanzjament ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44). Is-SRB u l-BaFin iqisu, għall-kuntrarju, li l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għandha tiġi kkalkolata abbażi tat-total tal-karta tal-bilanċ tagħha u li r-rikorrenti hija istituzzjoni fi proċess ta’ ristrutturazzjoni. [omissis] |
IV. Id‑dritt
[omissis]
A. Fuq l‑eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar‑Regolament Nru 806/2014, tad‑Direttiva 2014/59 u tar‑Regolament Delegat 2015/63
1. Fuq l‑ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità
|
34 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, tqajjem eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59, it-tieni nett, tressaq ilmenti dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u, it-tielet nett, tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Delegat 2015/63. |
|
35 |
Qabelxejn, għandhom jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, billi l-ilmenti dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata huma evalwati fil-punti 337 sa 351 iktar ’il quddiem. |
a) Fuq l‑ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar‑Regolament Nru 806/2014 u tad‑Direttiva 2014/59
|
36 |
Ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, b’mod żbaljat, l-Artikolu 114(1) TFUE bħala bażi legali għall-adozzjoni tagħhom. |
|
37 |
Minn naħa, l-imsemmija atti ma għandhom ebda rabta mas-suq intern, peress li, kieku l-kontribuzzjonijiet ex ante kienu previsti fil-livell tal-Istati Membri, dawn ma jkunux jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tas-servizzi u lanqas ma jwasslu għal distorsjoni sinjifikattiva fil-kompetizzjoni. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex awtorizzat jibbaża s-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq l-Artikolu 114(1) TFUE, peress li dawn il-kontribuzzjonijiet jaqgħu taħt “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE. B’mod partikolari, il-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-Artikolu 114(2) TFUE juru li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jmur lil hinn mill-kunċett ta’ “taxxa”. Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jibbaża ruħu fuq l-Artikoli 113 jew 115 TFUE sabiex jistabbilixxi l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
39 |
Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argumenti. |
|
40 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-iskop u l-kontenut tal-att (ara l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 36). |
|
41 |
L-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE għandhom, minn naħa, jinkludu miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għandu jkollhom bħala għan it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 100). |
|
42 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta joħroġ ċar oġġettivament u effettivament mill-att legali li dan tal-aħħar ikollu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet li fihom jitwaqqaf u jiffunzjona s-suq intern (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-każ, mill-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll mill-premessa 1 tad-Direttiva 2014/59, jirriżulta, b’mod partikolari, li dawn l-atti ġew adottati f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, li wriet, fil-kuntest tal-Unjoni, nuqqas ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju li joħolqu l-istituzzjonijiet f’diffikultajiet finanzjarji, ħaġa li ġiegħlet lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex jgħinu lil tali istituzzjonijiet. |
|
44 |
Mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 3 tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta wkoll li din il-kriżi wriet it-theddid għall-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi bankarji u r-riskju ta’ frammentazzjoni finanzjarja li kulma jmur jiżdied. Dan kien tassew sors ta’ inkwiet fi ħdan is-suq intern li fih il-banek kellhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu attivitajiet transkonfinali sinjifikattivi, minkejja li kien ġie kkonstatat tnaqqis f’dawn l-attivitajiet, marbut ma’ biża’ ta’ kontaġju. |
|
45 |
Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessi 2 sa 4 u 12 tar-Regolament Nru 806/2014 u fil-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2014/59, li d-diverġenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni u fil-prassi amministrattivi korrispondenti, kif ukoll l-assenza ta’ proċess deċiżjonali unifikat għar-riżoluzzjoni f’unjoni bankarja wasslu sabiex is-sistemi bankarji nazzjonali jitilfu l-fiduċja f’dawk tal-Istati Membri l-oħra, inklużi l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fis-SRM, u kkontribwixxew għall-instabbiltà tas-suq billi ma ggarantixxew ebda prevedibbiltà dwar x’jiġri fil-każ li jfalli bank. Dawn id-diverġenzi setgħu wasslu wkoll għal spejjeż ta’ self ogħla għal ċerti banek u għall-klijenti tagħhom sempliċement minħabba l-post ta’ stabbiliment ta’ dawn il-banek u indipendentement mis-solvenza effettiva tagħhom. |
|
46 |
Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-premessi 9 u 19 tar‑Regolament Nru 806/2014, enfasizza l-fatt li sakemm il-leġiżlazzjonijiet u l-prassi fil-qasam tar-riżoluzzjoni, kif ukoll il-modalitajiet ta’ qsim tal-piżijiet, ma jaqbżux il-livell nazzjonali u sakemm ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-finanzjament tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni jibqgħu jinġabru u jintefqu fil-livell nazzjonali, ir-rabta bejn l-Istati Membri u s-settur bankarju ma tinkisirx totalment u s-suq intern jibqa’ fframmentat. Din is-sitwazzjoni tirrestrinġi l-attivitajiet transkonfinali tal-banek, toħloq ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u xxekkel il-kompetizzjoni fis-suq intern. |
|
47 |
Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2014/59 huwa li tevita li l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhomx l-istess livell ta’ kontroll fuq l-istituzzjonijiet jew ma jkollhomx l-istess kapaċità sabiex jipproċedu għar-riżoluzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, aspett li jista’ jinfluwenza b’mod varjabbli l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet minn Stat Membru għal ieħor, u b’hekk jostakola l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment li jagħtihom is-suq intern. |
|
48 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-Regolament Nru 806/2014 ifittex li jdgħajjef ir-rabta eżistenti bejn is-sitwazzjoni baġitarja ta’ kull Stat Membru, kif interpretata, u l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-banek u tal-impriżi stabbiliti fih, kif ukoll li jqiegħed ir-responsabbiltà tal-finanzjament tal-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja fuq is-settur finanzjarju kollu kemm hu. |
|
49 |
B’hekk, kif jindika l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li għandhom jiġu applikati mis-SRB, u dan sabiex jiġi indirizzat it-theddid invokat fil-punti 43 sa 46 iktar ’il fuq. |
|
50 |
Bl-istess mod, id-Direttiva 2014/59 tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli armonizzati u proċedura armonizzata għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-leġiżlatur tal-Unjoni deskritt fil-punti 43 sa 45 u 47 iktar ’il fuq. |
|
51 |
Is-SRF u l-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali huma elementi essenzjali ta’ dawn ir-regoli u ta’ din il-proċedura, li, kif jirriżulta mill-Artikoli 67 u 76 u mill-premessa 107 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll mill-Artikoli 100 u 101 u mill-premessi 103, 104 u 108 tad-Direttiva 2014/59, jippermettu li jiġi żgurat l-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni u li jiġu ffinanzjati l-għodod ta’ riżoluzzjoni billi tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom. |
|
52 |
Sabiex jiġu ggarantiti biżżejjed mezzi finanzjarji fis-SRF u fl-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ffinanzjati, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 43 sa 46 u 48 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, mill-kontribuzzjonijiet ex ante mħallsa mill-istituzzjonijiet. |
|
53 |
Konsegwentement, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli uniformi jew armonizzati u tal-proċedura uniformi jew armonizzata ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet. Ir-regoli li jiddeterminaw l-imsemmija kontribuzzjonijiet jippermettu, min-naħa tagħhom, kif jirriżulta mill-premessi 12 u 19 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2014/59, li jiġi evitat li prassi nazzjonali diverġenti jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew ixekklu l-kompetizzjoni fis-suq intern. |
|
54 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet li fihom jitwaqqaf u jiffunzjona s-suq intern. |
|
55 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 114(1) TFUE, li l-att tal-Unjoni kkonċernat għandu jinkludi miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 4 tad-Direttiva 2014/59, minn naħa, li ma kienx hemm proċess deċiżjonali unifikat għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li kien hemm differenzi sostanzjali u proċedurali kbar bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirregolaw l-insolvenza tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri. |
|
56 |
F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq regoli u proċedura uniformi, fil-livell tal-unjoni bankarja, u armonizzati, fil-livell tal-Istati Membri, għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, kif ukoll proċedura uniformi għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dawn ir-regoli u ta’ dawn il-proċeduri, kif ġie spjegat fil-punti 49 sa 53 iktar ’il fuq. |
|
57 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(1) TFUE. |
|
58 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59 li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqiesu bħala “dispożizzjonijiet fiskali” u ma humiex, għalhekk, koperti mill-kompetenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 114(2) TFUE. |
|
59 |
L-Artikolu 114(2) TFUE jipprevedi li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax, b’mod partikolari, għad-“dispożizzjonijiet fiskali”. |
|
60 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-frażi “dispożizzjonijiet fiskali”, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma fihx definizzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 63). |
|
61 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li imposta mħallsa mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari ma tkunx ta’ natura fiskali fejn, b’mod partikolari, hija tkun direttament allokata biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u fejn dawn l-ispejjeż ikunu neċessarji għall-funzjonament ta’ dan tal-aħħar sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter,265/87, EU:C:1989:303, punti 9 u 10). |
|
62 |
Issa, dan ir-raġunament japplika wkoll fil-każ tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li jsegwu loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni u li jitħallsu mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari sabiex jiffinanzjaw esklużivament l-ispejjeż ta’ dan is-settur. |
|
63 |
B’hekk, fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet ex ante, diġà ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 kienu ġew adottati f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja li kienet uriet, fil-kuntest tal-Unjoni, nuqqas ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju li joħolqu l-istituzzjonijiet f’diffikultajiet finanzjarji, ħaġa li ġiegħlet lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex jgħinu lil tali istituzzjonijiet. L-għan tas-SRM huwa li jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet li seħħew waqt tali kriżijiet, peress li l-falliment tal-istituzzjonijiet fi Stat Membru wieħed jista’ jqiegħed f’periklu l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji kollha kemm huma, kif jirriżulta mill-premessi 8 u 12 tar-Regolament Nru 806/2014. L-istess japplika għad-Direttiva 2014/59, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 5 tagħha. |
|
64 |
F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li huwa s-settur finanzjarju kollu kemm hu li għandu jiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 100 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 103 tad-Direttiva 2014/59. |
|
65 |
Fid-dawl ta’ dan, in-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante tikkonsisti, kif jixhdu l-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u l-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, fil-garanzija, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). |
|
66 |
Konsegwentement, skont l-Artikolu 67(2) u (4) u l-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll l-Artikoli 101 u 103 u l-premessa 49 tad-Direttiva 2014/59, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jinġabru mingħand l-operaturi ekonomiċi tas-settur finanzjarju sabiex isostnu s-SRF, li jista’ jintuża biss għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u tal-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni meta jirriżulta li tali miżuri jkunu neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja ta’ dan is-settur. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/59, il-miżuri msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq japplikaw biss għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet marbuta jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
68 |
Huwa minnu li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 ma jistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. Din hija r-raġuni għaliex il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jistgħux jitqiesu bħala primjums tal-assigurazzjoni li jkunu jistgħu jitħallsu kull xahar u li jkunu jistgħu jiġu rrimborsati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 70 u 73). |
|
69 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet jibbenefikaw b’żewġ modi mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali, li huma ffinanzjati speċifikament mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom. |
|
70 |
Minn naħa, f’sitwazzjoni fejn il-falliment tal-istituzzjonijiet tkun qiegħda sseħħ jew x’aktarx ser isseħħ, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tista’ tiġi rregolarizzata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tista’ tinbeda favur tagħhom kemm‑il darba l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jew fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59 ikunu wkoll issodisfatti. B’hekk, tali proċedura tippermetti li jintużaw mezzi finanzjarji tas-SRF jew arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għall-benefiċċju ta’ tali istituzzjonijiet, peress li dawn il-mezzi jkunu ġew sostnuti mill-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar. |
|
71 |
Min-naħa l-oħra, kull istituzzjoni tibbenefika mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, liema stabbiltà hija żgurata mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali. |
|
72 |
Fil-fatt, ir-riskju kopert mis-SRF u mill-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali huwa dak li s-settur finanzjarju kollu joħloq għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 72). |
|
73 |
Dan ifisser li s-SRF u l-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali ifittxu, minn perspettiva ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, u mhux fiskali, li jiggarantixxu l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu, billi għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni kontra l-kriżijiet tiegħu stess għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet kollha. |
|
74 |
Dan l-iskop ta’ ordni ta’ assigurazzjoni huwa rifless ukoll fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn tal-aħħar ma jirriżultawx mill-applikazzjoni ta’ rata partikolari għal bażi taxxabbli, iżda, skont l-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59, kif ukoll l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, mid-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali, imbagħad ta’ livell fil-mira annwali, li sussegwentement jinqasam bejn l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). Dan it-tqassim tal-livell fil-mira annwali huwa bbażat, b’mod partikolari, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 107 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 109 ta’ dan ir-regolament, fuq ir-riskju li kull istituzzjoni tirrappreżenta għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, ħaġa li tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi. |
|
75 |
Mill-premess jirriżulta li l-istituzzjonijiet iħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, billi dawn il-kontribuzzjonijiet huma direttament allokati biss għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur finanzjarju li jagħmlu parti minnu dawn l-istituzzjonijiet u billi jirriżulta li dawn l-ispejjeż huma neċessarji għall-funzjonament ta’ dan is-settur sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh fil-każ ta’ falliment ta’ ċerti istituzzjonijiet u sabiex jillimitaw l-effetti ta’ kontaġju. |
|
76 |
Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59 li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante u jispeċifikaw il-metodi li bihom dawn jiġi kkalkolati ma jikkostitwixxux “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE. |
|
77 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li, skont ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 114(2) TFUE, il-kliem “dispożizzjonijiet fiskali” għandu jkollu portata usa’. |
|
78 |
Fil-fatt, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, l-istess importanza. Għalhekk, sabiex tiġi ppreżervata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, huwa importanti li, fil-każ ta’ diverġenzi f’dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni kkonċernata tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
B’hekk, il-kliem użat f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ att partikolari ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ dak l-att jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, tali approċċ ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Fid-dawl tal-premess, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59, għandu jiġi miċħud. |
b) Fuq l‑ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar‑Regolament Delegat 2015/63
|
81 |
Ir-rikorrenti tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Delegat 2015/63. |
|
82 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante li kull istituzzjoni għandha tħallas approporzjon tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar u skont il-metodu stabbilit fl-Artikoli 4 sa 13 ta’ dan ir-regolament delegat. |
|
83 |
L-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika”, jindika, b’mod partikolari, il-passiv li huwa eskluż mill-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat jelenka l-pilastri u l-indikaturi ta’ riskju li s-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwa l-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament delegat jispeċifika l-piż relattiv ta’ kull pilastru ta’ riskju u indikatur ta’ riskju li għandu jiġi applikat mis-SRB huwa u jevalwa l-profil ta’ riskju ta’ kull istituzzjoni. |
|
84 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa, min-naħa tiegħu, relatat mal-applikazzjoni tal-indikaturi ta’ riskju f’każijiet speċifiċi. |
|
85 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Applikazzjoni tal-aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika” [“Applikazzjoni tal-aġġustament tar-riskju għall-kontribuzzjoni annwali bażika”], jipprevedi li s-SRB għandu jikkalkola l-multiplikatur ta’ aġġustament abbażi tal-indikaturi ta’ riskju msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat skont il-formula u l-proċeduri spjegati fl-Anness I tal-imsemmi regolament delegat u jikkalkola l-kontribuzzjoni annwali ta’ kull istituzzjoni għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni billi jimmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika b’dan il-multiplikatur ta’ aġġustament, skont il-formula u l-proċeduri spjegati fl-Anness I ta’ dan l-istess regolament delegat. |
|
86 |
Fl-aħħar nett, l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxi d-diversi stadji tal-proċedura li biha jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet. |
1) Fuq l‑ewwel eċċezzjoni ta’ illegalità, fis‑sens li r‑Regolament Delegat 2015/63 imur lil hinn mill‑kompetenzi mogħtija lill‑Kummissjoni mid‑Direttiva 2014/59
|
87 |
Fil-fehma tar-rikorrenti, ir-Regolament Delegat 2015/63 imur lil hinn mil-limiti ddefiniti mid-Direttiva 2014/59, li hija l-att ta’ delega. Peress li l-kuntest ta’ din id-direttiva huwa stabbilit mill-Artikolu 114(1) TFUE, huwa pprojbit li att iddelegat jitbiegħed mill-kuntest iddefinit minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar u li japplika għal istituzzjonijiet li ma għandhom ebda relazzjoni mas-suq intern. Dan huwa l-każ tar-rikorrenti, li qiegħda fil-proċess li tiżmantella l-attivitajiet tagħha. |
|
88 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
89 |
Għandu jiġi rrilevat li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li r-rikorrenti “ma għandha ebda relazzjoni mas-suq intern”. |
|
90 |
Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrenti tinsab fi proċess ta’ żmantellament tal-attivitajiet tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-indikazzjonijiet tagħha stess, hija għadha twettaq tranżazzjonijiet bankarji u tipprovdi servizzi finanzjarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi u f’dan ir-rigward, hija tipparteċipa fil-kummerċ fi ħdan is-suq intern. |
|
91 |
Sussegwentement, anki jekk jitqies li l-ilment tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni kienet marbuta teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63 l-istituzzjonijiet b’livell baxx ta’ attivitajiet fis-suq intern, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. |
|
92 |
Il-kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolati fuq il-bażi nazzjonali huma imposti abbażi tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59. |
|
93 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu mill-“istituzzjonijiet” fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59. |
|
94 |
Mill-punt 23 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva, jirriżulta li jagħmlu parti minn dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1), li ma jinsabux fost l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338). |
|
95 |
Issa, skont il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, “istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser impriża li l-attività tagħha hija li tirċievi mingħand il-pubbliku depożiti jew fondi oħra rimborsabbli u li tagħti krediti f’isimha stess, u dan indipendentement mill-importanza ta’ dawn l-attivitajiet. |
|
96 |
Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36 jeskludi ċerti entitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma jeskludix istituzzjonijiet b’livell baxx ta’ attivitajiet fis-suq intern, bħal istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament. |
|
97 |
Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 jissuġġetta lill-istituzzjonijiet kollha koperti minnu għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, indipendentement mill-intensità tal-attivitajiet tagħhom fis-suq intern. |
|
98 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li huwa l-bażi legali tar-Regolament Delegat 2015/63, ma jobbligax lill-Kummissjoni teżenta mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante ċerti istituzzjonijiet li, minħabba li jkunu qegħdin jiġu żmantellati, il-livell ta’ attivitajiet tagħhom fis-suq intern ikun wieħed baxx. |
|
99 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li r-Regolament 2015/63 jikser id-Direttiva 2014/59 minħabba li ma eżentax mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu tali istituzzjonijiet ma jistax ħlief jiġi miċħud. |
|
100 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li mill-istruttura u mill-għan tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Delegat 2015/63, kif ukoll mill-interpretazzjoni tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 114 TFUE, jirriżulta li dawn l-atti ma jissuġġettawx għall-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ex ante istituzzjonijiet li jkunu fi proċess ta’ żmantellament u li ma jkunux f’kompetizzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra li joperaw fis-suq intern. |
|
101 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 93, 94 u 98 iktar ’il fuq huwa ċar u preċiż fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan l-obbligu u tal-fatt li l-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu teżenta ċerti tipi ta’ istituzzjonijiet minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-punt 90 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti għadha teżerċita attivitajiet fis-suq intern. |
|
102 |
Fid-dawl tal-premess, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda. |
2) Fuq it‑tieni eċċezzjoni ta’ illegalità, fis‑sens li r‑Regolament Delegat 2015/63 jikser elementi essenzjali tad‑Direttiva 2014/59
|
103 |
Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li r-Regolament Delegat 2015/63 ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-proċess li bih tfassal il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. B’hekk, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat jikser dispożizzjoni essenzjali tad-Direttiva 2014/59, jiġifieri l-Artikolu 103(7) tagħha. |
|
104 |
Dan il-ksur jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedi ebda tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, il-kontribuzzjonijiet ex ante favur istituzzjonijiet, bħalma hija r-rikorrenti, li l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma tassew negliġibbli, jekk mhux addirittura ineżistenti. |
|
105 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
106 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni għandha, hija u teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta hija tintalab, b’mod partikolari, twettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
107 |
Dan huwa l-każ fir-rigward tal-mod li bih jiġu ffissati l-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju, konformement mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. |
|
108 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, fil-garanzija, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). |
|
109 |
F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-premessa 114 tad-Direttiva 2014/59, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Kummissjoni tispeċifika, permezz ta’ att iddelegat, il-mod kif il-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati għall-arranġamenti ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni approporzjon tal-profil ta’ riskju tagħhom. |
|
110 |
Fid-dawl ta’ dan, il-premessa 107 ta’ din id-direttiva tispeċifika li, sabiex jiġi żgurat kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet u titħeġġeġ l-adozzjoni ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiddependu mir-riskju tal-kreditu, tal-attiv likwidu u tas-suq tal-istituzzjonijiet. |
|
111 |
Mill-premess jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tfassal regoli ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet fid-dawl ta’ żewġ għanijiet marbutin flimkien, jiġifieri, minn naħa, li tiżgura li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi riskji li joħolqu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, ta’ natura bankarja jew, b’mod iktar wiesa’, ta’ natura finanzjarja, u, min-naħa l-oħra, li tħeġġeġ lil dawn l-istess istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi. |
|
112 |
Issa, kif jirriżulta mid-dokumenti relatati mal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari d-dokumenti “JRC technical work supporting Commission 2 level legislation on risk based contributo the (single) resolution fund” (Studju tekniku tal-JRC insostenn tal-leġiżlazzjoni tat-tieni livell tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji għall-fond ta’ riżoluzzjoni (uniku), iktar ’il quddiem l-“istudju tekniku tal-JRC”), u “Commission Staff Working Document: estimates of the application of the proposed methodology for the calculation of contributions to resolution financing arrangements” (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: stimi tal-applikazzjoni tal-metodu propost għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet), it-tfassil ta’ tali regoli kien jinvolvi evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni inkwantu din tal-aħħar kellha teżamina d-diversi elementi li fid-dawl tagħhom kienu ġew ikkunsidrati t-tipi differenti ta’ riskju fis-setturi bankarji u finanzjarji. |
|
113 |
Fid-dawl tal-premess, il-Kummissjoni kellha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tadotta, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, ir-regoli li jippreċiżaw il-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”. |
|
114 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk din tal-aħħar marritx manifestament lil hinn mil-limiti ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine,C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60). |
|
115 |
Konsegwentement, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa vvizzjat b’tali nuqqasijiet. |
|
116 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-punti 92 sa 97 iktar ’il fuq jirriżulta li d-Direttiva 2014/59 ma tipprevedi ebda eżenzjoni fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante favur istituzzjonijiet li l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma negliġibbli. Lanqas ma hija prevista eżenzjoni simili fir-Regolament Nru 806/2014. |
|
117 |
Bl-istess mod, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, la d-Direttiva 2014/59 u lanqas ir-Regolament Nru 806/2014 ma pprevedew, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, xi eżenzjoni fir-rigward ta’ ċertu passiv tal-istituzzjonijiet, bħall-passiv miżmum fiduċjarjament. |
|
118 |
B’hekk, skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, kull istituzzjoni hija, bħala prinċipju, suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ex ante u kull passiv ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, sabiex jiġu kkalkolati dawn il-kontribuzzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti. |
|
119 |
Tali approċċ jaqbel mal-loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni tas-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li abbażi tagħha s-settur finanzjarju kollu għandu jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). Fil-fatt, skont din il-loġika, l-istituzzjonijiet kollha, inklużi dawk li l-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom hija allegatament iktar dgħajfa fir-rigward tal-passiv miżmum minnhom, jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja żgurata mis-SRF. |
|
120 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni kienet marbuta teskludi mis-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante l-istituzzjonijiet li għandhom passiv miżmum fiduċjarjament jew li hija kienet obbligata teskludi tali passiv mill-imsemmija sistema, u dan għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar joħloq riskju iktar baxx jew li istituzzjoni li għandha l-imsemmi passiv għandha inqas probabbiltà ta’ riżoluzzjoni jew inqas importanza għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. |
|
121 |
Sussegwentement, skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni ex ante għandha tiġi aġġustata skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. B’hekk, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni hija awtorizzata tispeċifika, permezz ta’ att iddelegat, il-modalitajiet ta’ dan l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-imsemmija istituzzjonijiet. |
|
122 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi tmien fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tali aġġustament. Issa, minkejja li l-“espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni”, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni tkun suġġetta għal riżoluzzjoni” u l-“importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew tal-ekonomija ta’ Stat Membru wieħed jew iktar jew tal-Unjoni” jinsabu fost dawn il-fatturi, b’tali mod li l-Kummissjoni hija marbuta teħodhom inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ att iddelegat, bħalma huwa r-Regolament Delegat 2015/63, dawn jikkostitwixxu biss tlieta mit-tmien fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni hija u tfassal tali att. |
|
123 |
Barra minn hekk, ma hemm xejn fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 li jindika li l-Kummissjoni hija marbuta tagħti iktar importanza lil wieħed jew iktar mill-imsemmija fatturi. |
|
124 |
Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, it-tliet fatturi li tirreferi għalihom ir-rikorrenti fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tagħha, jiġifieri l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà tar-riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, ittieħdu tabilħaqq inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-pilastri u indikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63, b’tali mod li s-sitwazzjoni partikolari ta’ tali istituzzjonijiet hija riflessa fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
125 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 kien ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew li, bl-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni marret manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, il-kontribuzzjonijiet ex ante favur istituzzjonijiet, bħalma hija r-rikorrenti, li l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħhom jew l-importanza tagħhom għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma allegatament tassew negliġibbli, jekk mhux addirittura ineżistenti. |
|
126 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedi ebda mekkaniżmu li jieħu inkunsiderazzjoni mudell ta’ impriża b’riskju partikolarment baxx u dan jintwera mill-fatt li, skont l-Artikolu 6(6)(a) ta’ dan ir-regolament delegat, il-“mudell ekonomiku globali” ta’ istituzzjoni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss mis-SRB sabiex tiżdied il-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjoni kkonċernata. |
|
127 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni, meta tadotta atti ddelegati sabiex timplimenta din id-dispożizzjoni, hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi elenkati fil-punti (a) sa (h) tal-imsemmija dispożizzjoni, sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”. Issa, ma hemm xejn fl-Artikolu 103(7) ta’ din id-direttiva li jobbligaha tipprevedi pilastru jew indikatur ta’ riskju li fil-kuntest tiegħu l-mudell ta’ impriża ta’ istituzzjoni jista’, bħala tali, iwassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjoni ex ante ta’ din tal-aħħar. |
|
128 |
Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, id-diversi pilastri u indikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod immirat, diversi karatteristiċi ta’ mudell ta’ impriża b’riskju baxx, b’tali mod li istituzzjoni li jkollha tali mudell tiġi suġġetta għal kontribuzzjoni ex ante inqas għolja. |
|
129 |
Fid-dawl tal-premess, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda. |
3) Fuq it‑tielet eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażata fuq is‑suddelega ta’ setgħa lis‑SRB
|
130 |
Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 jikser l-Artikolu 290(1) TFUE, peress li l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħti lis-SRB is-setgħa li jiddetermina indikaturi ta’ riskju addizzjonali. Issa, mill-Artikolu 290(1) TFUE u mill-Artikolu 103(7)(d) tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tiddefinixxi l-modalitajiet ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet skont il-probabbiltà tar-riżoluzzjoni tagħhom u li l-Kummissjoni ma tistax tissuddelega din is-setgħa. |
|
131 |
Din l-illegalità tar-Regolament Delegat 2015/63 la tista’ tiġi rrimedjata mill-Artikolu 6(5) sa (8) ta’ dan l-istess regolament delegat, li permezz tiegħu ġew stabbiliti dettalji dwar id-determinazzjoni ta’ diversi sottoindikaturi ta’ riskju, u lanqas mill-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament delegat, li jipprevedi sistema li permezz tagħha jiġu mwieżna s-sottoindikaturi ta’ riskju. |
|
132 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
133 |
Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li dan l-ilment huwa ineffettiv, peress li r-Regolament Delegat 2015/63, ikkunsidrat waħdu, ma huwiex indirizzat lis-SRB, iżda huwa indirizzat biss lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, u li huwa biss bis-saħħa tar-regola stabbilita fl-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 li s-SRB huwa marbut bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
134 |
Huwa minnu li r-Regolament Delegat 2015/63 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u li, b’hekk, l-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan ir-regolament delegat huwa, inizjalment, indirizzat biss lill-ANR. Kien biss permezz tal-Artikolu 70(6) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdu li l-atti ddelegati adottati taħt l-imsemmi Artikolu 103(7) japplikaw ukoll għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante bis-saħħa tar-Regolament Nru 806/2014, u li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59, is-SRB għandu jitqies bħala ANR huwa u jwettaq funzjonijiet u jeżerċita setgħat fdati lill-ANR bis-saħħa ta’ din id-direttiva, li din id-dispożizzjoni ġiet estiża għas-SRB. |
|
135 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni jista’ jinftiehem fis-sens li s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63 ġew fdati lis-SRB mhux b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fir-Regolament Delegat 2015/63, iżda b’deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li tinsab fir-Regolament Nru 806/2014. B’hekk, din ma hijiex suddelega ta’ setgħa tal-Kummissjoni lis-SRB, iżda delega diretta tal-leġiżlatur tal-Unjoni lis-SRB f’att leġiżlattiv. |
|
136 |
Madankollu, tali konklużjoni ma hijiex kompatibbli mal-kronoloġija tal-adozzjoni tal-atti inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 ġie adottat qabel ir-Regolament Delegat 2015/63. Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Nru 806/2014 ġie adottat fil‑15 ta’ Lulju 2014, jiġifieri xahrejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/59, kien biss fil‑21 ta’ Ottubru 2014 li ġie adottat ir-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri iktar minn tliet xhur wara. |
|
137 |
Dan ifisser, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, jikkonvalida l-għoti eventwali lis-SRB, permezz tar-Regolament Delegat 2015/63, ta’ parti mis-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet tabilfors konxja, fil-mument li fih ġie adottat ir-Regolament Delegat 2015/63, li, meta hija fdat – bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan ir-regolament – ċerti setgħat lill-“awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni”, hija fdat dawn is-setgħat, fir-rigward tal-Istati Membri li għalihom kien indirizzat ir-Regolament Nru 806/2014, lis-SRB. |
|
138 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kienet ben konxja ta’ dan huwa kkonfermat mill-kliem tal-premessa 7 tar-Regolament Delegat 2015/63, li tgħid li l-“kunċett ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni taħt dan ir-[regolament delegat] jinkludi wkoll [is-SRB]”. |
|
139 |
Id-deċiżjoni li ċerti setgħat jiġu fdati lis-SRB fil-kuntest tal-pilastru ta’ riskju “indikaturi ta’ riskju addizzjonali li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni” (iktar ’il quddiem il-“pilastru ta’ riskju IV”) – u dan indipendentement min-natura tagħhom – tirriżulta għalhekk minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, liema deċiżjoni ttieħdet meta hija adottat ir-Regolament Delegat 2015/63. |
|
140 |
Sussegwentement, għandha tiġi analizzata n-natura tas-setgħat mogħtija lis-SRB sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni ddelegatlux setgħat skont l-Artikolu 290(1) TFUE. |
|
141 |
Skont l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-pilastru ta’ riskju IV huwa magħmul mill-indikaturi ta’ riskju addizzjonali li għandhom jiġu ddeterminati mill-ARN. |
|
142 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-pilastru ta’ riskju IV huwa magħmul minn tliet indikaturi ta’ riskju, jiġifieri, l-ewwel wieħed, l-“[a]ttivitajiet ta’ negozjar, skoperturi barra l-karta bilanċjali [off-balance sheet exposure], derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”, it-tieni wieħed, is-“[s]ħubija fi Skema ta’ Protezzjoni Istituzzjonali” u, it-tielet wieħed, id-“[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”. |
|
143 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni, huwa u jiddetermina dawn l-indikaturi ta’ riskju, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni konċernata tidħol f’riżoluzzjoni u [l]-possibbiltà konsegwenti li tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolta”. |
|
144 |
Mill-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti marġni ta’ evalwazzjoni lis-SRB fir-rigward tal-mod kif dan tal-aħħar għandu “jqis”, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmija indikaturi ta’ riskju, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni konċernata tidħol f’riżoluzzjoni u [l]-possibbiltà konsegwenti li tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolta”, peress li l-kriterji indikati fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom jiġu speċifikati mis-SRB sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati għal każ partikolari. |
|
145 |
Fir-rigward tal-ewwel indikatur ta’ riskju li jaqa’ taħt il-pilastru ta’ riskju IV u li huwa relatat mal-attivitajiet ta’ negozju, mal-espożizzjonijiet barra mill-karta tal-bilanċ, mal-istrumenti derivattivi, mal-kumplessità u mal-possibbiltà ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni, l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi diversi fatturi li s-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ dan l-indikatur, li wħud minnhom jistgħu jwasslu sabiex jiżdied il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni kkonċernata u oħrajn sabiex dan jitnaqqas. |
|
146 |
B’hekk, il-fatturi li jistgħu jwasslu għal żieda f’dan il-profil ta’ riskju huma erbgħa, jiġifieri, l-ewwel wieħed, “l-importanza ta’ attivitajiet ta’ negozjar meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv”, it-tieni wieħed, “l-importanza tal-iskoperturi barra l-karta bilanċjali meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi”, it-tielet wieħed, “l-importanza tal-ammont ta’ derivattivi meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv” u, ir-raba’ wieħed, “il-punt safejn [i]l-mudell kummerċjali u struttura organizzazzjonali ta’ istituzzjoni jitqiesu kumplessi”. |
|
147 |
Il-fatturi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-imsemmi profil ta’ riskju huma tnejn, jiġifieri “l-ammont relattiv tad-derivattivi li huma kklerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali” u l-“punt safejn istituzzjoni tista’ tiġi riżolta fil-pront u mingħajr impedimenti legali”. |
|
148 |
Mill-kliem tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lis-SRB marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-“importanza” li s-SRB għandu jagħti lill-“attivitajiet ta’ negozjar”, lill-“iskoperturi barra l-karta bilanċjali” u lill-“ammont ta’ derivattivi” u fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-diversi fatturi msemmija f’din id-dispożizzjoni. |
|
149 |
B’hekk, għalkemm mill-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li, skont l-ewwel sottoindikatur ta’ riskju msemmi f’din id-dispożizzjoni, l-importanza tal-“attivitajiet ta’ negozjar” għandha tiġi pparagunata mad-daqs tal-karta tal-bilanċ, mal-livell tal-fondi proprji, mal-livell ta’ riskju tal-iskoperturi u mal-mudell ekonomiku globali tal-istituzzjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix kjarifiki dwar l-implimentazzjoni konkreta ta’ dan il-paragun. |
|
150 |
L-istess japplika fir-rigward tat-tieni u t-tielet sottoindikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6(6)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
151 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tad-determinazzjoni tal-indikatur ta’ riskju s-“[s]ħubija fi Skema ta’ Protezzjoni Istituzzjonali”, mill-Artikolu 6(7) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li s-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-adegwatezza tal-ammont tal-fondi immedjatament disponibbli fir-rigward tal-fondi neċessarji “biex jippermetti għajnuna kredibbli u effettiva [għall-istituzzjoni kkonċernata]” u l-grad ta’ ċertezza legali jew kuntrattwali fir-rigward tal-fatt li dawn il-fondi “se jintużaw b’mod sħiħ qabel ma tkun tista’ tintalab kwalunkwe għajnuna pubblika straordinarja”. |
|
152 |
Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-SRB għandu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjonijiet, marbuta mal-adegwatezza tal-fondi disponibbli tas-sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali kkonċernata fir-rigward tal-fondi neċessarji għall-finanzjament tal-istituzzjoni inkwistjoni u mal-grad ta’ ċertezza legali jew kuntrattwali fir-rigward ta’ dawn il-fondi. |
|
153 |
L-istess japplika fir-rigward tal-mod li bih jitwieżnu d-diversi indikaturi ta’ riskju fil-kuntest tal-pilastru ta’ riskju IV, previst fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
154 |
Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jindika b’mod ċar il-piż relattiv tat-tliet indikaturi ta’ riskju li jagħmlu l-pilastru ta’ riskju IV u li jissemmew fil-punt 142 iktar ’il fuq, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax b’liema mod għandhom jitwieżnu d-diversi sottoindikaturi ta’ riskju fi ħdan l-ewwel żewġ indikaturi ta’ riskju. B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk dan il-piż għandux jinqasam bejn tali sottoindikaturi ta’ riskju b’mod proporzjonali. B’hekk, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni lis-SRB fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mod kif jitwieżnu d-diversi sottoindikaturi ta’ riskju li jikkostitwixxu dawn l-indikaturi ta’ riskju, li, skont l-Artikolu 6(5) sa (7) tar-Regolament Delegat 2015/63, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
155 |
Mill-premess jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(5) sa (7) u fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, relatati mal-pilastru ta’ riskju IV, jagħtu setgħa ta’ evalwazzjoni lis-SRB. |
|
156 |
Madankollu, l-għoti ta’ tali marġni ta’ evalwazzjoni ma hijiex ekwivalenti għal delega ta’ setgħa tal-Kummissjoni lis-SRB fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. |
|
157 |
F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn is-setgħa msemmija fl-Artikolu 290(1) TFUE, jiġifieri dik li jiġu adottati atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv, u s-setgħa li jiġu applikati l-atti ta’ portata ġenerali – leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi – għall-persuni jew għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali atti. |
|
158 |
Issa, minn naħa, ir-Regolament Delegat 2015/63 ma fih ebda dispożizzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tat lis-SRB delega bil-għan li tadotta atti ta’ portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 jew ta’ dan ir-regolament delegat. Mill-banda l-oħra, diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament delegat, bħall-Artikoli 4 u 6 sa 9 tiegħu, jikkonfermaw is-setgħa mogħtija lis-SRB mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014 li tapplika dawn l-atti ta’ portata ġenerali billi tikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. |
|
159 |
Min-naħa l-oħra, minkejja l-isem tal-pilastru ta’ riskju IV li jinsab fl-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri “[i]ndikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni”, il-prinċipji essenzjali li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan il-pilastru ta’ riskju ġew ippreċiżati mill-Kummissjoni stess fl-Artikolu 6(5) sa (8) ta’ dan ir-regolament delegat. Bl-istess mod, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament delegat, stabbilixxiet ir-regoli dwar il-mod li bih għandhom relattivament jitwieżnu l-indikaturi ta’ riskju fi ħdan dan il-pilastru ta’ riskju. |
|
160 |
Dan ifisser li r-Regolament Delegat 2015/63 ma tax lis-SRB is-setgħa li jadotta atti ta’ portata ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. |
|
161 |
Fid-dawl tal-premess, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità, għandu jiġi miċħud ukoll. |
2. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tar‑Regolament Nru 806/2014, tad‑Direttiva 2014/59 u tar‑Regolament Delegat 2015/63, minħabba li jiksru l‑Artikolu 41(2)(c) u l‑Artikolu 47 tal‑Karta
|
162 |
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jippermettix lis-SRB jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod suffiċjenti u qiegħda għalhekk teċċepixxi l-illegalità tar-Regolament Nru 806/2014, tad-Direttiva 2014/59 u ta’ dan ir-regolament delegat minħabba ksur tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. [omissis] |
a) Fuq il‑mertu
|
170 |
It-tieni motiv jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet. |
1) Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 41(2)(c) tal‑Karta
|
171 |
Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jippermettix lis-SRB jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod suffiċjenti u qiegħda għalhekk teċċepixxi l-illegalità ta’ dan ir-regolament delegat minħabba ksur tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta. B’mod partikolari, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante stabbilit minn dan ir-regolament delegat jinvolvi eżerċizzju komparattiv tad-diversi istituzzjonijiet li għandhom iħallsu dawn il-kontribuzzjonijiet, b’tali mod li r-rikorrenti ma tistax tivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha mingħajr ma jkollha aċċess għad-data tal-istituzzjonijiet l-oħra, aċċess li, madankollu, hija ma għandhiex. |
|
172 |
Barra minn hekk, li kellha tiġi invokata l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet l-oħra, id-dritt għal deċiżjoni motivata jitlef is-sens tiegħu. Billi pprovda data aggregata, is-SRB ma sabx bilanċ xieraq bejn id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet l-oħra. |
|
173 |
Fl-aħħar nett, inkwantu l-Qorti Ġenerali tqis li d-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014 jimponu l-metodu ta’ kalkolu ddefinit mir-Regolament Delegat 2015/63, din id-direttiva u dan ir-regolament jiksru huma wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta. |
|
174 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
175 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxu, kif jirriżulta mill-punti 82 sa 86 iktar ’il fuq, ir-regoli li s-SRB għandu japplika sabiex jiddetermina l-kontribuzzjoni annwali bażika u sabiex jaġġusta din tal-aħħar skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. Dawn ir-regoli jiġu mbagħad implimentati, b’mod iktar konkret, fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat. |
|
176 |
Skont l-Anness I, taħt it-titolu “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa s-SRB li għandu jikkalkola, fl-ewwel lok, in-numru ta’ intervalli (bins) sabiex iqabbel l-istituzzjonijiet fid-dawl tad-diversi indikaturi u sottoindikaturi ta’ riskju. Fit-tieni lok, huwa s-SRB li għandu jassenja, bħala prinċipju, l-istess numru ta’ istituzzjonijiet lil kull intervall u jibda billi jassenja lill-ewwel intervall l-istituzzjonijiet li għalihom il-valuri tal-indikatur gross huma l-iktar baxxi. Fit-tielet lok, huwa s-SRB li għandu jassenja l-istess punteġġ lill-istituzzjonijiet kollha li jinsabu f’intervall partikolari, imsejjaħ “indikatur diskretizzat”, li huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni għall-bqija tal-kalkolu tal-multiplikatur ta’ aġġustament tagħhom. |
|
177 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti legali għandhom ikunu motivati. Bl-istess mod, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jipprevedi l-obbligu, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom. |
|
178 |
Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari inkwantu tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk ikunx vallapena tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, kif ukoll lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
179 |
Tali motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjoni. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti kemm‑il darba jkun seħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
180 |
Sabiex jiġi eżaminat jekk din il-motivazzjoni hijiex suffiċjenti fir-rigward ta’ deċiżjoni li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus għandha neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tagħha jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma flus (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
181 |
It-tieni nett, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, marbuta, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, espress, b’mod partikolari, fl-Artikolu 339 TFUE, ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
182 |
It-tielet nett, li wieħed iqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante għandha neċessarjament tippermetti lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi prekluż milli jistabbilixxi metodu li bih tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni li tinkludi data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, tiġi mnaqqsa s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu jkollu, għal dan il-għan, il-leġiżlatur, billi jinżamm, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura aġġustament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru li jipparteċipa fis-SRF (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118). |
|
183 |
Ir-raba’ nett, għalkemm mill-premess jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB għandu jiġi bbilanċjat, minħabba l-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tas-SRF u tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mal-obbligu tas-SRF li josserva s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-obbligu tal-aħħar ma għandux jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li l-obbligu ta’ motivazzjoni jitlef is-sens tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 120). |
|
184 |
Madankollu, fil-kuntest tal-eżerċizzju li bih l-obbligu ta’ motivazzjoni jiġi bbilanċjat mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, ma jistax jitqies li motivazzjoni għal deċiżjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus mingħajr ma tipprovdilu l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi vverifikat b’eżattezza l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus neċessarjament tippreġudika, f’kull każ, is-sustanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 121). |
|
185 |
Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SRB li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies li jkun ġie osservat meta l-persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni, mingħajr ma tintbagħtilhom data koperta mis-sigriet kummerċjali, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u biżżejjed informazzjoni sabiex jifhmu, essenzjalment, il-mod li bih ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet kkonċernati l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122). |
|
186 |
F’każ bħal dan, dawn il-persuni jkunu effettivament f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk il-kontribuzzjoni ex ante tagħhom ġietx iddeterminata b’mod arbitrarju, billi tkun ġiet injorata r-realtà tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew billi tkun intużat data implawżibbli dwar il-kumplament tas-settur finanzjarju. L-imsemmija persuni jistgħu, għalhekk, jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni li tiddetermina l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għas-SRF u jevalwaw jekk ikunx jidher utli li jiġi ppreżenat rikors kontra din id-deċiżjoni, b’tali mod li jkun eċċessiv li s-SRB jintalab jikkomunika kull waħda miċ-ċifri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 123). |
|
187 |
Mill-premess jirriżulta li s-SRB ma huwiex, b’mod partikolari, marbut jipprovdi lil istituzzjoni d-data li tippermettilha tivverifika, b’mod sħiħ, l-eżattezza tal-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament, peress li din il-verifika tkun teħtieġ data koperta mis-sigriet kummerċjali relatata mas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 135). |
|
188 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Delegat 2015/63 bl-ebda mod ma jostakola l-possibbiltà għas-SRB li jiżvela, f’forma kollettiva u anonimizzata, biżżejjed informazzjoni sabiex istituzzjoni tkun tista’ tifhem il-mod li bih is-sitwazzjoni individwali tagħha tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 139). |
|
189 |
B’mod partikolari, ir-Regolament Delegat 2015/63 jippermetti lis-SRB jiżvela, mingħajr ma jonqos mill-obbligu tiegħu li josserva s-sigriet kummerċjali, jiżvela l-valuri limitu ta’ kull “intervall” u l-indikaturi relatati miegħu, sabiex jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tiżgura ruħha, b’mod partikolari, li l-punteġġ mogħti lilha waqt id-diskretizzazzjoni tal-indikaturi ta’ riskju, kif iddefinita fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat, ikun effettivament jikkorrispondi għas-sitwazzjoni ekonomika tagħha, li din id-diskretizzazzjoni tkun saret b’mod konformi mal-metodu ddefinit mill-imsemmi regolament delegat abbażi ta’ data plawżibbli u li l-fatturi ta’ riskju kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll ir-Regolament Delegat 2015/63, ikunu tabilħaqq ittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 137). |
|
190 |
Mill-premess jirriżulta li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jżommx lis-SRB milli jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, billi jippermettilu jipprovdi lill-istituzzjonijiet ikkonċernati biżżejjed informazzjoni sabiex jifhmu r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet ex ante (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 141). |
|
191 |
L-istess japplika għad-Direttiva 2014/59 u għar-Regolament Nru 806/2014, li jistabbilixxu l-prinċipji tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fir-rigward ta’ din id-direttiva, il-prinċipji previsti fiha ġew sussegwentement implimentati mir-Regolament Delegat 2015/63, li ġie adottat skont l-Artikolu 103(7) tal-imsemmija direttiva. Finalment, permezz tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014, is-sistema ta’ dan ir-regolament delegat saret applikabbli għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante miġbura abbażi ta’ dan ir-regolament. |
|
192 |
Dawn il-konklużjonijiet ma ġewx ikkontradetti mill-argumenti tar-rikorrenti. |
|
193 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi metodu ta’ kalkolu li ma jissuġġettax il-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ kull istituzzjoni għal dawk dovuti mill-istituzzjonijiet l-oħra kollha, għandu jiġi rrilevat li tali interdipendenza tal-kontribuzzjonijiet ex ante tirriżulta minn għażla leġiżlattiva espressa fl-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59, kif ukoll fl-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
194 |
Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, b’mod leġittimu, tali metodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 116), ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li temendah permezz ta’ att iddelegat. |
|
195 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-legalità tar-Regolament Delegat 2015/63 billi toqgħod fuq il-prassi ta’ awtoritajiet finanzjarji oħra, b’mod partikolari dik tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), li turi li hija possibbli sistema oħra ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
196 |
Fil-fatt, kif ġie stabbilit fil-punti 107 sa 113 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tippreċiża, permezz tar-Regolament Delegat 2015/63, ir-regoli dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, b’tali mod li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk l-approċċ adottat mill-Kummissjoni kienx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk dan kienx manifestament mhux xieraq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 83). Konsegwentement, is-sempliċi fatt li jeżistu approċċi alternattivi ma jfissirx li dan ir-regolament delegat huwa illegali. |
|
197 |
It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet għandu jgawdi inqas protezzjoni minħabba l-mogħdija taż-żmien. |
|
198 |
Huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta l-informazzjoni li setgħet tikkostitwixxi sigriet kummerċjali f’ċertu perijodu tkun ilha ħames snin jew iktar, hija għandha, bħala prinċipju, titqies, minħabba l-mogħdija taż-żmien, storika u li, għaldaqstant, tkun tilfet in-natura sigrieta tagħha, sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja iż-żmien tagħha, din l-informazzjoni tkun għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
199 |
Madankollu, id-data użata għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal perjodu ta’ kontribuzzjoni partikolari għandha tkun inqas minn ħames snin. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(1) sa (4) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-istituzzjonijiet li tkun disponibbli fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni. |
|
200 |
Fid-dawl tal-premess, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. [omissis] |
3. Fuq is‑sitt motiv, sa fejn huwa bbażat fuq l‑illegalità tar‑Regolament Delegat 2015/63
|
219 |
Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti essenzjalment ressqet erba’ lmenti. Permezz tal-ewwel żewġ ilmenti, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Delegat 2015/63. Permezz taż-żewġ lmenti l-oħra, hija tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha. |
|
220 |
Għandhom jiġu eżaminati, qabelxejn, l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, peress li l-ilmenti dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata huma evalwati fil-punti 403 sa 420 iktar ’il quddiem. |
a) Fuq l‑ilment dwar inkompatibbiltà tar‑Regolament Delegat 2015/63 mal‑Artikolu 103(2) u (7) tad‑Direttiva 2014/59
|
221 |
Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jobbliga lill-Kummissjoni li, meta hija tadotta atti ddelegati sabiex timplimenta din id-dispożizzjoni, teskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante l-passiv mhux espost għar-riskju, bħall-passiv fiduċjarju tagħha. Peress li r-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedix tali esklużjoni, huwa jikser l-Artikolu 103(7) tal-imsemmija direttiva. |
|
222 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
223 |
Kif ġie spjegat fil-punti 116 sa 118 iktar ’il fuq, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, il-passiv kollu tal-istituzzjonijiet għandu, bħala prinċipju, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
224 |
Barra minn hekk, ma hemm xejn fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 li jobbliga lill-Kummissjoni teskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ċertu passiv li allegatament huwa bla riskju. Minn naħa, kif ġie spjegat fil-punti 122 u 123 iktar ’il fuq, il-fattur “espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni”, previst fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss fattur wieħed fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni hija u tadotta atti ddelegati sabiex timplimenta l-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija dispożizzjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni għandha tagħti iktar importanza lil wieħed jew iktar mill-imsemmija fatturi. |
|
225 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li r-Regolament Delegat 2015/63 huwa inkompatibbli mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. |
|
226 |
B’hekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
b) Fuq l‑ilment dwar l‑inkompatibbiltà tar‑Regolament Delegat 2015/63 mal‑Artikolu 114 TFUE, sa fejn il‑Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l‑modalitajiet nazzjonali diverġenti ta’ implimentazzjoni tad‑Direttiva 86/635
|
227 |
Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2015/63 jikser l-Artikolu 114 TFUE sa fejn, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, ma jeskludix mill-passiv miżmum il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ oħrajn, u dan minħabba li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-modalitajiet nazzjonali diverġenti ta’ implementazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat‑8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 157). |
|
228 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
229 |
Skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, is-SRB għandu jikkalkola kontribuzzjoni annwali bażika għal kull istituzzjoni. Din il-kontribuzzjoni għandha tkun approporzjon tal-ammont tal-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata mqabbel mal-passiv nett akkumulat ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti – għall-parti minn dik il-kontribuzzjoni kkalkolata fuq il-bażi tal-unjoni – u ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha s-sede tagħha – għall-parti minn dik il-kontribuzzjoni kkalkolata fuq il-bażi nazzjonali. |
|
230 |
Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-passiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, għandu jiġi rrilevat li l-punt 11 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jiddefinixxi l-“obbligazzjonijiet totali” bħala l-“obbligazzjonijiet totali kif definit fit-Taqsima 3 tad-[Direttiva 86/635] jew kif definit skont l-Istandards Internazzjonali tar-rapportar finanzjarju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tad‑19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU 2002, L 243, p. 1)]”. |
|
231 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635, li jagħmel parti mit-Taqsima 3 ta’ din id-direttiva, il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, għandhom, bħala regola ġenerali, jidhru fil-karta tal-bilanċ ta’ din l-istituzzjoni meta din tal-aħħar tkun id-detentur tal-attiv korrispondenti. |
|
232 |
Madankollu, it-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635 tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet ikkonċernati jinkludu dawn il-fondi barra mill-karta tal-bilanċ bil-kundizzjoni li jkun hemm sistema speċjali li tippermetti li, fil-każ ta’ stralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-imsemmija fondi jiġu esklużi mill-massa. |
|
233 |
F’dan ir-rigward, il-partijiet iddikjaraw li, skont id-dispożizzjonijiet adottati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 86/635, il-passiv relatat mal-attivitajiet fiduċjarji tar-rikorrenti kellhom jiġu inklużi fil-karta tal-bilanċ tagħha. |
|
234 |
Il-partijiet indikaw ukoll, bħala eżempju, li r-Repubblika tal-Awstrija kienet għamlet użu mill-possibbiltà mogħtija mit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/635 li tippermetti lill-istituzzjonijiet jindikaw, barra mill-karta tal-bilanċ, il-fondi amministrati f’isimhom stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor. |
|
235 |
Dan ifisser, fil-fehma tar-rikorrenti, li, jekk istituzzjoni jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru bħar-Repubblika tal-Awstrija minflok ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija tista’ tinkludi l-passiv relatat ma’ tali attivitajiet fiduċjarji barra mill-karta tal-bilanċ, b’mod li dan il-passiv ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha. |
|
236 |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fir-Regolament Delegat 2015/63, din id-differenza bejn ir-regoli ta’ kontabbiltà tad-diversi Stati Membri fir-rigward tal-attivitajiet fiduċjarji, ħolqot distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jmorru kontra l-Artikolu 114 TFUE. |
|
237 |
Issa, sa fejn l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-rikorrenti hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni toħloq bażi legali għall-Parlament u għall-Kunsill sabiex jiġu adottati atti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jeliminaw l-ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw minn differenzi bejn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Brunswick Bowling Products vs Il‑Kummissjoni, T‑152/19, EU:T:2021:539, punt 37 (mhux ippubblikata)). |
|
238 |
Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 114 TFUE ma jawtorizzax lill-Kummissjoni, hija u tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 TFUE, taġixxi lil hinn mid-delega mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Konsegwentement, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha ssib soluzzjoni għad-diverġenzi fil-modalitajiet nazzjonali ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni għal dan il-għan permezz ta’ att leġiżlattiv. |
|
239 |
F’dan il-każ, la d-Direttiva 2014/59 u lanqas ir-Regolament Nru 806/2014 ma awtorizzaw lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli nazzjonali ta’ kontabbiltà li jikkonċernaw il-fondi li istituzzjoni tamministra f’isimha stess, iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor. |
|
240 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni, billi allegatament ħolqot distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jmorru kontra din id-dispożizzjoni bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, kisret l-Artikolu 114 TFUE. |
|
241 |
Dan ifisser li dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
B. Fuq il‑motivi dwar il‑legalità tad‑deċiżjoni kkontestata
1. Fuq il‑motivazzjoni tad‑determinazzjoni tal‑livell fil‑mira annwali
|
242 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
243 |
Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali staqsiet ex officio lill-partijiet dwar kull nuqqas ta’ motivazzjoni li jista’ jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. |
|
244 |
Sabiex jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata b’tali nuqqas, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. |
|
245 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’kemm jista’ jkun uniformi sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 244 iktar ’il fuq, filwaqt li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jistgħu jħallu fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. |
|
246 |
L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jispeċifika li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali. |
|
247 |
Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena ta’ qabel, ikkalkolat kull tliet xhur, għal kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ kull Stat Membru parteċipanti. |
|
248 |
Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, liema livell għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u skont il-metodu spjegat fir-Regolament Delegat 2015/63. |
|
249 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iffissa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56. |
|
250 |
Fil-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin ta’ qabel, ta’ kull żvilupp rilevanti fis-sitwazzjoni ekonomika, kif ukoll abbażi ta’ analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u dwar l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiffissa koeffiċjent ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, sabiex jinkiseb il-livell fil-mira annwali. |
|
251 |
Fil-premessi 38 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB fisser il-mod kif wasal għall-koeffiċjent. |
|
252 |
Fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kontinwa ta’ żieda fid-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, għas-sena 2020, kien jammonta għal EUR 6.689 triljun. |
|
253 |
Fil-premessi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni mbassra tad-depożiti koperti għat-tliet snin li kien jifdal mill-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Huwa qies li r-rati annwali ta’ żieda fid-depożiti koperti sal-aħħar tal-perijodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %. |
|
254 |
Fil-premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u tal-effett proċikliku li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex isir dan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħall-previżjoni taż-żieda fil-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u bħall-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew f’dan ir-rigward, jew bħall-fluss ta’ kreditu tas-settur privat f’perċentwali tal-prodott domestiku gross. |
|
255 |
Fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, għalkemm kien raġonevoli li wieħed jistenna li jkomplu jiżdiedu d-depożiti koperti fi ħdan l-unjoni bankarja, ir-ritmu ta’ din iż-żieda jkun inqas minn dak tal‑2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ żieda fid-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal‑2023. |
|
256 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB, fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, iffissa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Huwa kkalkola mbagħad l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida bi tmienja r-riżultat ta’ dan il-kalkolu, skont il-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni: “Mira0 [ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total tad-depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”. |
|
257 |
Mill-ispjegazzjonijiet tas-SRB waqt is-seduta essenzjalment jirriżulta li huwa ddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 bil-mod kif ġej. |
|
258 |
L-ewwel nett, is-SRB iffissa, abbażi ta’ analiżi prospettiva, l-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRM, imbassar sal-aħħar tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 triljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, jiġifieri EUR 6.689 triljun, rata ta’ żieda annwali fid-depożiti koperti ta’ 4 %, kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad jifdal sa tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta. |
|
259 |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola 1 % ta’ dawn is-EUR 7.5 triljun sabiex jasal għall-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fil‑31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun. |
|
260 |
It-tielet nett, is-SRB naqqas minn dan l-ammont tal-aħħar ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl‑2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex wasal għall-ammont li kien baqa’ jirċievi matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal qabel tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Dan l-ammont tela’ għal madwar EUR 33 biljun. |
|
261 |
Ir-raba’ nett, is-SRB iddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal. B’hekk, il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie ffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 249 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun. |
|
262 |
Is-SRB iddikjara wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien ippubblika informazzjoni li fuqha kien ġie bbażat il-metodu deskritt fil-punti 258 sa 261 iktar ’il fuq u li, abbażi tagħha, ir-rikorrenti seta’ jifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, iżda qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors, skeda informattiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda informattiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB iddikjara li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien ukoll disponibbli fuq is-sit internet tiegħu, kif ukoll fuq sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata. |
|
263 |
Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu jitfakkar, qabelxejn, li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni. (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan, b’mod partikolari, meta dawn jirriżultaw matul il-proċedura. |
|
264 |
Tali motivazzjoni tista’ tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjoni. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti kemm‑il darba jkun seħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
265 |
Barra minn hekk, din il-motivazzjoni għandha tkun, fost oħrajn, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet veri għal din id-deċiżjoni u sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P,EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56). |
|
266 |
Bl-istess mod, meta l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jagħti ċerti spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet imfissra f’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 54 u 55). |
|
267 |
Fil-fatt, jekk il-kunsiderazzjonijiet imfissra fid-deċiżjoni kkontestata ma jkunux konsistenti ma’ tali spjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma taqdix il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 178 u 179 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkonsistenza żżomm, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu, qabel il-preżentata tar-rikors, ir-raġunijiet veri għad-deċiżjoni kkontestata, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward ta’ dawn ir-raġunijiet u żżomm ukoll, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika r-raġunijiet li jkunu servew bħala bażi legali vera għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli. |
|
268 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jieħu deċiżjoni li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122). |
|
269 |
L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis f’dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet. |
|
270 |
Mill-premess jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa marbut jagħti lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu effettivament applikat. |
|
271 |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
|
272 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-deċiżjoni kkontestata fissret, fil-premessa 48, formula matematika li hija ppreżentat bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Issa, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 258 sa 261 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-kuntest ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sa tmiem il-perijodu inizjali, u billi ddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ stadji tal-kalkolu ma jissemmew imkien fl-imsemmija formula matematika. |
|
273 |
Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontradetta mid-dikjarazzjoni tas-SRB li, f’Mejju 2021, huwa ppubblika l-iskeda informattiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ kalkoli msemmija fil-punt 272 iktar ’il fuq kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li, barra minn hekk, il-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas biss semmiethom. |
|
274 |
Inkonsistenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li, madankollu, jaqdi rwol importanti fil-formula matematika msemmija fil-punt 256 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq iż-żieda mbassra fid-depożiti koperti matul is-snin li jifdal mill-perijodu inizjali. Issa, dan ma huwiex bi qbil mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-SRB waqt is-seduta, li minnhom jirriżulta li dan il-koeffiċjent ġie ffissat b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji mfissra fil-punti 258 sa 261 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, billi jiddividi bi tlieta l-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ b’ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. |
|
275 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda informattiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien bejn EUR 70 u EUR 75 biljun. Issa, jirriżulta li din il-firxa hija inkonsistenti mal-firxa tar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa – u li, b’hekk, kien wasal għal-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk, jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom wasslet, madankollu, għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk l-ammonti inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għaliex is-SRB inkluda ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira. Fil-fatt, sabiex jasal għalihom, kien meħtieġ li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li, madankollu, ma hijiex inkluża fil-firxa relatata mar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat. |
|
276 |
Dan ifisser li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu effettivament applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod li r-raġunijiet veri, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali. |
|
277 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. |
|
278 |
Fid-dawl tal-implikazzjonijiet legali u ekonomiċi ta’ din il-kawża, ikun, madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jitkompla l-eżami tal-motivi mqajma mir-rikorrenti. |
2. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali u tal‑Artikolu 5(1) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81
|
279 |
Ir-raba’ motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet, li, min-naħa tagħhom, jinqasmu f’diversi lmenti. |
a) Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq assenza ta’ awtentifikazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata
1) Fuq l‑ewwel ilment, li jikkonċerna ksur tal‑Artikolu 5(1) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81
|
280 |
Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jeżiġi li l-SRB għandu jikkomunika lill-ANR id-“deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali”. Is-SRB ma ssodisfax dan ir-rekwiżit, billi lill-BaFin bagħatlu biss l-abbozz ta’ tali deċiżjoni, u mhux id-deċiżjoni finali. Dan jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, kif innotifikata mill-BaFin, waslet għand ir-rikorrenti biss f’verżjoni mhux iffirmata, jiġifieri mingħajr firma bl-idejn u mingħajr indikazzjoni ta’ firma elettronika, u ma kellhiex numru li jirriżulta mis-sistema dokumentarja msejħa “Advanced Records System” (iktar ’il quddiem l-“ARES”). |
|
281 |
Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
282 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti qiegħda tinvoka biss ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. |
|
283 |
Issa, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddikjara li s-SRB huwa obbligat jikkomunika d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-ANR ikkonċernati tal-Istati Membri parteċipanti. Hija ma teżiġix li s-SRB għandu jikkomunika lil dawn l-ARN verżjoni ta’ din id-deċiżjoni li tkun iffirmata u li jkollha numru li jirriżulta minn sistema ta’ dokumentazzjoni, bħal numru li jirriżulta mill-ARES. Bl-istess mod, hija ma tobbligax lis-SRB jiżgura li l-ANR jittrażmettu tali verżjoni lill-istituzzjonijiet. |
|
284 |
Dan ifisser li r-rikorrenti ma tistax tallega li s-SRB, billi kkomunika lill-BaFin verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata li ma kinitx iffirmata u li ma kinitx tinkludi numru li jirriżulta mill-ARES, kiser l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. |
|
285 |
Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali fih żewġ verżjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel waħda hija l-verżjoni ta’ din id-deċiżjoni li ma hijiex iffirmata u li, skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti, ġiet innotifikata mis-SRB lill-BaFin, u mbagħad lilha. It-tieni verżjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li r-rikorrenti kisbet direttament mis-SRB wara talba għal aċċess għall-fajl, għandha l-firma elettronika tal-President tas-SRB, kif ukoll numru li jirriżulta mill-ARES u data speċifika u ħin speċifiku fuq l-ewwel paġna tagħha. |
|
286 |
Issa, ir-rikorrenti ma identifikat ebda differenza bejn dawn iż-żewġ verżjonijiet fir-rigward tal-kontenut sostanzjali tagħhom, b’mod li hija ma tistax issostni li l-verżjoni nnotifikata lill-BaFin ma kinitx il-verżjoni finali tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
287 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq it‑tieni lment, li jikkonċerna l‑awtentifikazzjoni skorretta tad‑deċiżjoni kkontestata
|
288 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx awtentifikata b’mod korrett, ħaġa li l-SRB qiegħed jikkontesta. |
|
289 |
Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tressaq żewġ argumenti. |
|
290 |
Fl-ewwel lok, minkejja li d-dokumenti li r-rikorrenti kisbet wara t-talba tagħha għal aċċess għall-fajl fihom firma elettronika u numru li jirriżulta mill-ARES, dawn il-fatturi ma jikkostitwixxux awtentifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
291 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-awtentifikazzjoni ta’ att, li hija rekwiżit formali essenzjali, huwa li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali billi jkun żgurat li t-test adottat mill-awtur tal-att isir definittiv, u b’hekk tippermetti li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, jiġi vverifikat li t-testi nnotifikati jkunu jaqblu b’mod sħiħ ma’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
292 |
Fir-risposta tiegħu, is-SRB spjega li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet awtentifikata permezz tal-għodda informatika “EU Sign”. Permezz ta’ din l-għodda, il-President tas-SRB iffirmat elettronikament fuq id-dokument li jinkludi din id-deċiżjoni u niżżlet fuqu data speċifika u ħin speċifiku, kif ukoll numru li jirriżulta mill-ARES. |
|
293 |
Dwar dan il-punt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li metodu ta’ awtentifikazzjoni bbażat fuq l-użu ta’ tali sistema huwa ta’ natura li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ awtentifikazzjoni mfakkra fil-punt 291 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 157 sa 161). |
|
294 |
Konsegwentement, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
|
295 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li mid-dokumenti li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-firma tal-President tas-SRB tkopri biss il-korp tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ir-rikorrenti għad ma għandhiex verżjoni ffirmata tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
296 |
Issa, l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif jinqara fil-paġna 51 tal-korp ta’ din id-deċiżjoni fil-verżjoni tagħha bil-Ġermaniż, jipprovdi li “[i]l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante annwali individwali għas-[SRF] għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif spjegat fl-Anness I, huwa approvat”. Minn dan jirriżulta li dan l-Anness I jagħmel parti integrali mill-imsemmija deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB ma huwiex marbut jawtentifika tali anness separatament mill-korp tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
297 |
Konsegwentement, it-tieni argument tar-rikorrenti u, għaldaqstant, it-tieni lment fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda. |
3) Fuq it‑tielet ilment, li jikkonċerna l‑proċess deċiżjonali tas‑SRB
|
298 |
Ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex “evidenti” li s-SRB iddeċieda dwar ir-riżultati tal-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet ex ante. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li s-SRB għandu japprova l-kalkoli msemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni. Issa, deċiżjoni adottata b’riferiment għal anness ma hijiex suffiċjenti, għaliex ma tikkostitwixxix deċiżjoni dwar il-kalkolu effettiv tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fil-fatt, l-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata fih biss riżultati intermedji arrotondati, bl-esklużjoni tal-valuri sħaħ, u huwa biss strument li jiżgura l-pubbliċità tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet. Issa, il-proċess deċiżjonali tas-SRB għandu jirrigwarda d-“deċiżjoni materjali riprodotta fl-istrumenti li jiżguraw il-pubbliċità tagħha”. Deċiżjoni li tirrigwarda biss il-modalitajiet ta’ komunikazzjoni tagħha tkun insuffiċjenti, jekk ma tkunx ġiet adottata deċiżjoni materjali. |
|
299 |
Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
300 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB, li hija l-korp deċiżjonali ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-mod li bih jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet ex ante, iddeċidew dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante individwali ta’ kull istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif indikati fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
301 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Anness A.20 tar-rikors, l-estratt mill-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata li kien jikkonċerna lir-rikorrenti, kif ġie kkomunikat mill-BaFin lil din tal-aħħar, fih dettalji dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha u d-data li hija l-bażi ta’ dan il-kalkolu. |
|
302 |
Fir-rigward tan-natura suffiċjenti ta’ din id-data għall-informazzjoni tal-membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB li adottaw id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti sempliċement tikkritika lis-SRB dwar il-fatt li d-data numerika fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni kienet arrotondata. |
|
303 |
Issa, id-data numerika kollha, li tagħmel parti minn dan l-anness u li tinkludi ċifri wara l-virgola, hija arrotondata għal erba’ punti deċimali, bl-eċċezzjoni tad-data numerika relatata mal-multiplikatur ta’ aġġustament, li hija arrotondata għal tnax‑il punt deċimali. |
|
304 |
Tali livell ta’ dettall kien biżżejjed sabiex jippermetti lill-membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB jadottaw id-deċiżjoni kkontestata b’għarfien sħiħ tal-fatti. |
|
305 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi. |
b) Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad‑deċiżjoni kkontestata
|
306 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax ir-rekwiżiti fir-rigward tal-motivazzjoni, peress li ma huwiex possibbli li jiġu kkalkolati mill-ġdid u b’mod sħiħ il-kontribuzzjonijiet ex ante li hija għandha tħallas. |
|
307 |
Is-SRB jikkontesta dan l-argument. |
|
308 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li li wieħed iqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet ex ante kellha neċessarjament tippermetti lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi prekluż milli jistabbilixxi metodu li bih tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni li tinkludi data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, tiġi mnaqqsa s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu jkollu, għal dan il-għan, il-leġiżlatur, billi jinżamm, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura aġġustament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru li jipparteċipa fis-SRF (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118). |
|
309 |
Dan ifisser li r-rikorrenti ma tistax tallega li s-SRB, minħabba li ma huwiex possibbli li jiġu kkalkolati mill-ġdid u b’mod sħiħ il-kontribuzzjonijiet ex ante li hija għandha tħallas, naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. |
|
310 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex il-multiplikaturi ta’ aġġustament tagħha kienu żdiedu, filwaqt li t-total tal-bilanċ tagħha u l-portata tal-istrumenti derivattivi tagħha, fid-data ta’ referenza determinanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante 2021, kienu qegħdin jonqsu meta mqabbla maċ-ċiklu preċedenti. |
|
311 |
Fil-fatt, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ dik ta’ deċiżjoni tas-SRB dwar perijodu ieħor ta’ kontribuzzjoni. |
|
312 |
Fi kwalunkwe każ, bħalma rrileva s-SRB u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 308 iktar ’il fuq, l-istruttura tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante timplika li r-riżultat tal-evalwazzjoni annwali tar-riskji ta’ istituzzjoni jiddependi mil-livell ta’ riskju li hija tidħol għalih imqabbel mal-livell ta’ riskju tal-istituzzjonijiet l-oħra. Issa, il-livell ta’ riskju ta’ dawn l-istituzzjonijiet jista’ jonqos minn sena għal oħra. Konsegwentement, tnaqqis fil-karta tal-bilanċ totali u fil-portata tal-istrumenti derivattivi ma jwassalx awtomatikament għal titjib fil-multiplikatur ta’ aġġustament ta’ istituzzjoni. |
|
313 |
Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda. [omissis] |
3. Fuq l‑ewwel motiv, li jikkonċerna ksur tad‑dispożizzjonijiet tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 70(2) tar‑Regolament Nru 806/2014, tal‑Artikolu 8(1)(f) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u tal‑Artikolu 103(7) tad‑Direttiva 2014/59
|
337 |
Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB, billi ssuġġettaha għall-obbligu li tikkontribwixxi għas-SRF, kiser id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Artikolu 8(1)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, moqrija flimkien. |
|
338 |
Huwa minnu li skont il-kliem tar-Regolament Nru 806/2014, kull istituzzjoni li għandha liċenzja bankarja, inkluża r-rikorrenti, hija suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu li tikkontribwixxi għas-SRF. Madankollu, il-kliem ta’ dispożizzjoni ma jippermettix, waħdu, li tiġi stabbilita s-sustanza vera tagħha. Minn naħa, l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju għandha tabilfors tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji li jirregolaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju. Min-naħa l-oħra, is-sustanza vera ta’ dispożizzjoni legali tista’ tiġi ddeterminata biss fid-dawl tas-sens u tal-iskop tagħha, kif ukoll tal-korrelazzjoni sistematika tagħha ma’ dispożizzjonijiet oħra. |
|
339 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
340 |
F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 93 sa 97 iktar ’il fuq jirriżulta li kull istituzzjoni, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva u mal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, għandha tħallas kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolati fuq il-bażi nazzjonali skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59. |
|
341 |
L-istess japplika għall-kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolati fuq il-bażi tal-unjoni. Fil-fatt, skont qari flimkien tal-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Artikolu 3(2) ta’ dan l-istess regolament u tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, kull istituzzjoni, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tħallas tali kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
342 |
Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija istituzzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
343 |
Konsegwentement, ir-rikorrenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014 bħala istituzzjoni marbuta tħallas kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
344 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argumenti tar-rikorrenti. |
|
345 |
Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punt 101 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax issostni li mill-Artikolu 114 TFUE, li huwa bażi legali kemm tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll tad-Direttiva 2014/59, jirriżulta li l-istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament ma għandhomx, bħala prinċipju, ikunu suġġetti għal kontribuzzjoni ex ante. |
|
346 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 806/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan ir-regolament, tillimita d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni suġġetta għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante”, peress li, fil-każ ta’ istituzzjoni fi proċess ta’ żmantellament, bħalma hija r-rikorrenti, ebda wieħed mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu 14 ma jkun jista’ jintlaħaq iktar. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-għan imsemmi fl-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li tiġi żgurata il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi, u għall-għan imsemmi fl-Artikolu 14(2)(b) tal-imsemmi regolament, jiġifieri li jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi jiġi evitat il-kontaġju. |
|
347 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti ma jippreċiżawx l-għanijiet tar-Regolament Nru 806/2014 bħala tali, iżda dawk tar-riżoluzzjoni. Issa, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jista’ jadotta miżura ta’ riżoluzzjoni biss meta jkunu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal riżoluzzjoni jistgħu jikkostitwixxu kategorija iktar ristretta minn dik tal-istituzzjonijiet suġġetti għall-kontribuzzjonijiet ex ante. B’hekk, l-għanijiet tar-riżoluzzjoni ma humiex determinanti għall-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
348 |
Fit-tielet lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-esklużjoni tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni għas-SRF lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-fatturi li jinsabu fl-Artikolu 103(7)(a), (d) u (g) tad-Direttiva 2014/59. |
|
349 |
Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 103(2) ta’ din l-istess direttiva, jirriżulta li l-Artikolu 103(7) tal-imsemmija direttiva ma huwiex intiż sabiex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante. Din id-dispożizzjoni sempliċement telenka l-fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni hija u tadotta atti ddelegati sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”, imsemmi fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59. |
|
350 |
Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ma ġġib ebda argument awtonomu u mmirat dwar l-Artikolu 8(1)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, liema dispożizzjoni tmur lil hinn mill-argumenti eżaminati iktar ’il fuq. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi miċħud. |
|
351 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Artikolu 8(1)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv fl-intier tiegħu. |
4. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikoli 20 u 16 tal‑Karta
|
352 |
It-tielet motiv essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet. |
a) Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 20 tal‑Karta
|
353 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, peress li hija qiegħda tiġi ttrattata bl-istess mod bħal istituzzjonijiet li ma humiex fi proċess ta’ żmantellament. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, minn naħa, li hija qiegħda tuża l-awtorizzazzjonijiet bankarji tagħha biss għall-finijiet tal-iżmantellament tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-espożizzjoni tagħha għar-riskju, il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni tagħha u l-importanza tagħha għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji huma tassew negliġibbli, jekk mhux addirittura ineżistenti. |
|
354 |
Il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jasal għal kontribuzzjonijiet ex ante differenti minn istituzzjoni għal oħra ma jeskludix l-inugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod xieraq, is-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti għandha twassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjoni tagħha għal żero, ħaġa li ma hijiex possibbli minħabba l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, li jipprevedi li l-multiplikatur ta’ aġġustament għandu jiġi ffissat f’firxa ta’ bejn 0.8 u 1.5. |
|
355 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
356 |
L-Artikolu 20 tal-Karta jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, liema prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr,C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 95). |
|
357 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk istituzzjoni fi proċess ta’ żmantellament, bħalma hija r-rikorrenti, tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ istituzzjonijiet oħra suġġetti għall-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
358 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura paragunabbli ta’ tali sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-iskop u tal-għan tal-att li jagħmel id-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr,C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
359 |
Fir-rigward tal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha d-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li din il-leġiżlazzjoni taqa’ fil-qasam tas-SRM, li nħoloq bil-għan li, skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014, jiżgura approċċ newtrali fit-trattament tal-istituzzjonijiet f’inkwiet finanzjarju, isaħħaħ l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u jipprevjeni l-possibbiltà ta’ tixrid ta’ kriżijiet lejn l-Istati Membri li ma jipparteċipawx f’dan il-mekkaniżmu, sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern kollu kemm hu. |
|
360 |
Bil-għan li jiġi żgurat finanzjament tal-attivitajiet tas-SRM, id-Direttiva 2014/59, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament Delegat 2015/63 stabbilixxew il-kontribuzzjonijiet ex ante li n-natura speċifika tagħhom tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, fil-garanzija, b’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex dan ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). |
|
361 |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn l-għanijiet, ir-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li l-istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament jinsabu, minħabba dan l-iżmantellament, f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-istituzzjonijiet l-oħra suġġetti għall-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
362 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 102 tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jinġabru mill-istituzzjonijiet qabel kwalunkwe operazzjoni ta’ riżoluzzjoni u indipendentement minnha. |
|
363 |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59, l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante japplika għal kull istituzzjoni li għandha awtorizzazzjoni bankarja bħala istituzzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, tal-punt 13 tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien. |
|
364 |
Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat, hija kienet istituzzjoni li operat b’awtorizzazzjoni bankarja fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 363 iktar ’il fuq, u dan indipendentement mill-iżmantellament tagħha. |
|
365 |
Dan ifisser li r-rikorrenti setgħet teżerċita attivitajiet bankarji li permezz tagħhom hija setgħet tesponi s-sistema finanzjarja għal ċertu riskju. |
|
366 |
It-tielet nett, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif stabbilit mir-Regolament Delegat 2015/63, jista’ jirrifletti – b’mod paragunabbli ma’ dak tal-istituzzjonijiet l-oħra – il-karatteristiċi partikolari tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu żmantellati. |
|
367 |
Fil-fatt, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-istituzzjonijiet permezz tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, billi din tal-aħħar hija bbażata fuq ammont proporzjonali tal-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata, meta mqabbel mal-passiv nett ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. B’hekk, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ istituzzjoni tonqos meta mqabbla ma’ dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u, b’hekk, tirrifletti s-sitwazzjoni partikolari tagħha, kemm‑il darba, fil-kuntest ta’ żmantellament, din l-istituzzjoni tnaqqas l-ammont tal-passiv nett tagħha. Barra minn hekk, id-diversi pilastri u indikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod immirat, diversi karatteristiċi tal-istituzzjonijiet, inklużi l-istituzzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu żmantellati, b’mod li tiġi imposta fuq tali istituzzjoni kontribuzzjoni ex ante inqas għolja meta l-profil ta’ riskju tagħha jonqos minħabba tali żmantellament. |
|
368 |
Ir-raba’ nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet fi proċess ta’ żmantellament ma humiex esklużi minn kull benefiċċju li toffri l-eżistenza tas-SRF. |
|
369 |
Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 71 iktar ’il fuq, is-sempliċi eżistenza ta’ dan il-fond tikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-settur finanzjarju, liema stabbiltà tibbenefika lill-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-istituzzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu żmantellati. |
|
370 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà mhux biss li tiskatta r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni li tkun ser tfalli jew falliet, iżda wkoll li tiffaċilitaha, hija konsistenti mal-għan imfittex mill-ħolqien tas-SRF. Issa, l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tikkontribwixxi sabiex tiġi ffaċilitata tali riżoluzzjoni, peress li din iżżid il-prevedibbiltà u l-effikaċja ta’ din tal-aħħar. |
|
371 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-istituzzjonijiet li ma humiex fi proċess ta’ żmantellament, fid-dawl tal-prinċipji u tal-għanijiet stabbiliti fil-punti 359 u 360 iktar ’il fuq. |
|
372 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li l-kontribuzzjonijiet ex ante jikkostitwixxu “taxxa bankarja” li tikser “ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament fiskali impost mill-Artikolu 20 tal-Karta”. |
|
373 |
Dwar dan il-punt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti la tippreċiża l-kontenut u lanqas il-portata tar-“rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament fiskali impost mill-Artikolu 20 tal-Karta”. Min-naħa l-oħra, il-premessa li fuqha toqgħod ir-rikorrenti, jiġifieri dik li l-kontribuzzjonijiet ex ante jikkostitwixxu “taxxi” jew dispożizzjonijiet fiskali, hija żbaljata għar-raġunijiet imfissra fil-punti 59 sa 76 iktar ’il fuq. |
|
374 |
Fid-dawl tal-premess, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 16 tal‑Karta
|
375 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-libertà ta’ intrapriża, kif stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, peress li din id-deċiżjoni tqegħedha fi żvantaġġi sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li l-imsemmija deċiżjoni tfittex li tilħaq. Fil-fatt, huwa eskluż, b’mod partikolari, li l-kontribuzzjonijiet ex ante jistgħu qatt jintużaw għall-benefiċċju tagħha jew għal dak ta’ istituzzjonijiet li jinsabu f’sitwazzjoni simili, peress li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni ma humiex issodisfatti fil-każ tagħha. |
|
376 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
377 |
Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tinvolvi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni ħielsa (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
378 |
Madankollu, il-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta. Hija tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ ndħil mill-amministrazzjoni pubblika li jista’ jistabbilixxi, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 80 u 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
379 |
Issa, din iċ-ċirkustanza hija, b’mod partikolari, riflessa fil-mod ta’ kif għandhom jiġu evalwati l-atti tal-Unjoni fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 47 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
380 |
Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-essenza tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tkun neċessarja u effettivament tilħaq għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew tissodisfa l-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 48 u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 83). |
|
381 |
F’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-obbligu tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjonijiet ex ante jikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ intrapriża tagħha, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li dan l-obbligu jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59, b’tali mod li dan l-obbligu huwa previst fil-liġi. |
|
382 |
Barra minn hekk, l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante għandu għan ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Delegat 2015/63, l-arranġamenti ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jippermettu funzjonament effikaċi tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni. Konsegwentement, is-SRB jista’ jiġbor kontribuzzjonijiet ex ante mingħand l-istituzzjonijiet ikkonċernati sabiex jiffinanzja l-implimentazzjoni tal-imsemmi mekkaniżmu, peress li dan tal-aħħar ifittex li jsaħħaħ l-istabbiltà ta’ dawn l-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u li jipprevjeni l-possibbiltà ta’ tixrid ta’ kriżijiet lejn l-Istati Membri mhux parteċipanti, kif ġie rrilevat fil-punti 43 sa 53 iktar ’il fuq. |
|
383 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li tippermetti li jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dan l-għan, l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għas-SRF jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat jew inaċċettabbli li huwa ta’ ħsara għas-sustanza stess tal-libertà ta’ intrapriża tagħha. |
|
384 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti ma turix, b’mod partikolari, li jeżistu mezzi inqas restrittivi mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu b’mod daqstantieħor effettiv l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 806/2014 u mid-Direttiva 2014/59, bħal, b’mod partikolari, dak li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji għas-SRM sabiex dan ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). |
|
385 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 16 tal-Karta. |
|
386 |
B’hekk, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda. |
|
387 |
Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-ilment imressaq fil-kuntest tat-tielet motiv li l-fatt li s-SRB jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ir-Regolament Delegat 2015/63 u li dan tal-aħħar ma jipprevedix eżenzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal istituzzjonijiet bħar-rikorrenti ma jistax jirrimedja l-ksur, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-Artikoli 20 u 16 tal-Karta, peress li dan ir-regolament delegat jikser, huwa wkoll, dawn id-dispożizzjonijiet inkwantu għandu l-effett li jobbliga lir-rikorrenti tħallas kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
388 |
Fil-fatt, peress li tali riferiment għar-Regolament Delegat 2015/63 għandu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti qiegħda tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dan ir-regolament delegat, minħabba ksur tal-Artikoli 20 u 16 tal-Karta, tali eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet imfissra fil-punti 357 sa 363 u 378 sa 384 iktar ’il fuq. |
|
389 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. [omissis] |
5. Fuq is-sitt motiv, sa fejn huwa bbażat fuq l‑applikabbiltà diretta tal‑Artikolu 103(7)(a) tad‑Direttiva 2014/59, kif ukoll fuq applikazzjoni b’analoġija tal‑Artikolu 5(1)(f) tar‑Regolament Delegat 2015/63
|
403 |
Is-sitt motiv fih żewġ ilmenti, li jikkonċernaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
a) Fuq l‑ilment dwar l‑applikabbiltà diretta tal‑Artikolu 103(7)(a) tad‑Direttiva 2014/59
|
404 |
Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB, billi rrifjuta li jeskludi l-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kiser l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li jistabbilixxi l-kriterji għall-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. Tranżazzjonijiet fiduċjarji, bħall-amministrazzjoni ta’ dan il-portafoll, li r-rikorrenti tamministra fiduċjarjament f’isem l-EAA, ma jesponux lir-rikorrenti għar-riskju. Tali assenza ta’ espożizzjoni għar-riskju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont l-Artikolu 103(7)(a) tad-Direttiva 2014/59. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 70(2)(b) tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
405 |
Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
406 |
Huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni għandu jkun ibbażat fuq kontribuzzjoni aġġustata skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni kkonċernata u bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. |
|
407 |
Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tgħidx li s-SRB huwa marbut jaġġusta l-kontribuzzjoni ex ante direttament fid-dawl ta’ tali kriterji. |
|
408 |
Għall-kuntrarju, mill-kliem stess tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li jirreferi għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u li jipprevedi l-adozzjoni ta’ att iddelegat sabiex jiġu implimentati l-kriterji previsti f’dan l-Artikolu 103(7), jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li dawn il-kriterji tal-aħħar japplikaw direttament għall-ARN, bħalma huwa s-SRB. |
|
409 |
Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-atti ddelegati li jippreċiżaw il-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi ta’ dan ir-regolament. |
|
410 |
Mill-premess jirriżulta li ma kienx il-kompitu tas-SRB li jaġġusta l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti direttament fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, iżda li huwa kellu jagħmel dan abbażi tal-kriterji iktar preċiżi previsti fir-Regolament Delegat 2015/63 u li jimplimentaw dawn il-kriterji tal-ewwel. |
|
411 |
Issa, l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63 jelenka, b’mod eżawrjenti, il-passiv li s-SRB huwa marbut jeskludi għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjonijiet, filwaqt li l-passiv miżmum fiduċjarjament ma huwiex imsemmi f’din id-dispożizzjoni. |
|
412 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li s-SRB kellu, abbażi tal-Artikolu 103(7)(a) tad-Direttiva 2014/59, u indipendentement mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, jeskludi l-passiv relatat mal-attivitajiet fiduċjarji tar-rikorrenti fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha, minħabba li dan il-passiv ma joħloqx riskju. |
|
413 |
Konsegwentement, dan l-ilment tas-sitt motiv għandu jiġi miċħud. |
b) Fuq l‑ilment, invokat sussidjarjament, dwar l‑analoġija mas‑self promozzjonali
|
414 |
Sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega li s-SRB kellu japplika b’analoġija l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC li hija żżomm fiduċjarjament. Fil-fatt, bħall-istituzzjoni intermedjarja fil-qasam tas-self promozzjonali, il-mandatarju fiduċjarju huwa, għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-passiv fiduċjarju, intermedjarju bejn is-sieħeb oriġinali fil-kuntratt derivattiv u l-fiduċjant. |
|
415 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
416 |
L-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 jeskludi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ċertu passiv miżmum fil-każ tal-istituzzjonijiet li jamministraw self promozzjonali. |
|
417 |
Il-kunċett ta’ “self promozzjonali” huwa ddefinit fil-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 fis-sens li jkopri s-self mogħti minn bank promozzjonali jew minn istituzzjoni intermedjarja fuq bażi mhux kompetittiva u mingħajr skop ta’ qligħ bil-għan li jiġu promossi l-għanijiet tal-politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali ta’ Stat Membru. |
|
418 |
Issa, minn naħa, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li hija ma hijiex tamministra tali self, b’mod li hija ma tikkostitwixxix istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
419 |
Min-naħa l-oħra, is-SRB ma jistax japplika b’analoġija l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-passiv marbut ma’ attivitajiet fiduċjarji. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħtix lis-SRB is-setgħa ta’ evalwazzjoni li jeskludi ċertu passiv, fil-kuntest tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, mill-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi, iżda telenka, għall-kuntrarju, b’mod preċiż u eżawrjenti, il-kundizzjonijiet li fihom passiv ikun is-suġġett ta’ tali esklużjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 93). |
|
420 |
B’hekk, it-tieni lment tas-sitt motiv u, għaldaqstant, is-sitt motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda. |
6. Fuq is‑seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 5(3) u (4) tar‑Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal‑Artikolu 70(6) tar‑Regolament Nru 806/2014, minħabba n‑nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑valur nett tal‑passiv marbut mal‑kuntratti ta’ strumenti derivattivi
|
421 |
Qabel ma jiġi eżaminat is-seba’ motiv, għandu jitfakkar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
422 |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, li jagħmel parti mit-Taqsima 2 tal-imsemmi regolament delegat, jelenka sitt każijiet li fihom il-passiv ikun eskluż mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
423 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, għall-finijiet ta’ din it-taqsima, l-ammont annwali medju, ikkalkolat kull tliet xhur, tal-passiv imsemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament delegat li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi, għandu jiġi vvalutat skont l-Artikoli 429, 429a u 429b tar-Regolament Nru 575/2013. |
|
424 |
Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li l-valur assenjat lill-passiv li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi ma jistax ikun inqas minn 75 % tal-valur tal-istess passiv li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kontabbiltà li japplikaw għall-istituzzjoni kkonċernata għall-finijiet tal-mod li bih jitfasslu r-rapporti finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“valur kontabbli”). |
|
425 |
Fl-aħħar nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li, għall-finijiet tat-Taqsima 2 ta’ dan ir-regolament delegat, it-total tal-passiv imsemmi fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament delegat jeskludi l-valur kontabbli tal-passiv li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi u jinkludi l-valur korrispondenti kkalkolat skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan l-istess regolament delegat. |
|
426 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li s-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħha abbażi ta’ valur tal-kuntratti derivattivi tagħha li hija ssejjaħ “valur gross” minflok abbażi ta’ valur ta’ dawn il-kuntratti li hija ssejjaħ “valur nett”. |
|
427 |
Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta li b’dan il-kunċett ta’ “valur nett”, ir-rikorrenti tifhem valur tal-passiv tagħha li jeskludi passiv li ma joħloqx riskju, filwaqt li l-“valur gross” jinkludi tali passiv. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-passiv mingħajr riskju huwa, b’mod partikolari, dak marbut mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC, peress li hija tgawdi minn protezzjoni sħiħa u effettiva kontra r-riskji li jirriżultaw minn dan il-passiv. |
|
428 |
Din il-protezzjoni tirriżulta minn ftehim ta’ kumpens konkluż bejn ir-rikorrenti u l-EAA, li permezz tiegħu din tal-aħħar titgħabba bir-riskji marbuta mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC. |
|
429 |
F’dan il-kuntest, il-mod kif id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 575/2013 jittrattaw id-diversi passivi marbuta mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC ftit li xejn jimporta. Dan ir-regolament ifittex għan differenti minn dak tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa minnu li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li, fir-rigward tat-tipi ta’ passiv li għandhom jiġu esklużi mill-passiv ta’ istituzzjoni skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament delegat, l-ammont tal-passiv li jirriżulta minn kuntratti derivattivi għandu jiġi vvalutat skont l-Artikoli 429, 429a u 429b tar-Regolament Nru 575/2013. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jirregolaw il-kalkolu ta’ dak li jissejjaħ il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja (leverage ratio), li, kif jirriżulta mill-premessi 91 sa 94 tar-Regolament Nru 575/2013, huwa parametru li ma għandux x’jaqsam mar-riskju li joriġina mid-dritt prudenzjali. |
|
430 |
Mill-banda l-oħra, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante aġġustati skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet għandu, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-espożizzjoni għar-riskju tat-tranżazzjonijiet. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-inklużjoni tal-passiv fil-bażi taxxabbli tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, ma huwiex possibbli li jinżamm il-passiv kopert mill-ftehim ta’ kumpens li r-rikorrenti kkonkludiet mal-EAA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħmel għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 575/2013 ma jistax ikopri l-passiv kollu li jirriżulta minn strumenti derivattivi, iżda biss il-passiv li joħloq, tal-inqas, riskju wieħed. |
|
431 |
Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
432 |
Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, għall-finijiet tat-Taqsima 2 ta’ dan ir-regolament delegat, li tinkludi dan l-Artikolu 5, it-total tal-“obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1” tal-imsemmi Artikolu 5 għandu jeskludi l-valur kontabbli tal-passiv li jirriżulta minn kuntratti ta’ strumenti derivattivi u jinkludi l-valur korrispondenti kkalkolat skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu. |
|
433 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, l-ammont medju annwali, ikkalkolat kull tliet xhur, tal-“obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1” tal-imsemmi Artikolu 5 li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi, għandu jiġi vvalutat skont l-Artikolu 429, 429a u 429b tar-Regolament Nru 575/2013. |
|
434 |
B’hekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għall-passiv imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. |
|
435 |
Issa, mill-punt 419 iktar ’il fuq jirriżulta li l-passiv marbut mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
436 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax liema każ ieħor previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 japplika għall-passiv marbut mal-portafoll ta’ strumenti derivattivi EAA‑OTC. |
|
437 |
Dan ifisser li l-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, li huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa ineffettiv u li s-seba’ motiv għandu għalhekk jiġi miċħud. |
7. Fuq it‑tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 6(8)(a) tar‑Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal‑Artikolu 70(6) tar‑Regolament Nru 806/2014, minħabba l‑klassifikazzjoni tar‑rikorrenti bħala istituzzjoni fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni tal‑aħħar
|
438 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqrija flimkien, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifika lir-rikorrenti bħala istituzzjoni fi proċess ta’ ristrutturazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, liema klassifikazzjoni żżid il-multiplikatur ta’ aġġustament tagħha. |
|
439 |
Peress li r-Regolament Delegat 2015/63 ġie adottat bis-saħħa tal-Artikolu 103(7) u (8) tad-Direttiva 2014/59 u li din tal-aħħar stabbilixxiet fil-livell tal-Unjoni l-ewwel sistema unifikata ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet bankarji, l-għajnuna mill-Istat jew finanzjament ekwivalenti, li huma msemmija fl-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63, kienu jirreferu biss għall-benefiċċji ta’ għajnuna mogħtija fil-kuntest tad-Direttiva 2014/59 jew sa mid-dħul fis-seħħ tagħha. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tal-premessi 41 u 55, mill-punt 28 tal-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 31(2)(c) tal-imsemmija direttiva. |
|
440 |
Issa, il-benefiċċji mħallsa lir-rikorrenti mill-EAA kienu ngħatawlha, dak iż-żmien, minn fondi tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59, u mhux minn riżorsi tas-SRF skont din id-direttiva jew ir-Regolament Nru 806/2014. Konsegwentement, is-SRB ma kellux japplika fil-konfront tagħha l-valur massimu għall-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”. |
|
441 |
Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
442 |
L-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprovdi li l-pilastru ta’ riskju IV jinkludi, fost indikaturi oħra ta’ riskju, l-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”. |
|
443 |
Skont il-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63, “għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” tfisser għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika oħra fil-livell supranazzjonali li, jekk jingħata fil-livell nazzjonali, ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, mogħtija bil-għan li jiġu ppreżervati jew irrestawrati l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni. |
|
444 |
F’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li r-rikorrenti ġiet irristrutturata wara li rċeviet tali għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
445 |
Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li din l-għajnuna ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59 ma jaffettwax il-fatt li din taqa’ taħt l-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. |
|
446 |
Fil-fatt, la l-kliem tal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 u lanqas dak tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma fih ebda indikazzjoni li tillimita l-applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar fis-sens allegat mir-rikorrenti. |
|
447 |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għan tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63. Fil-fatt, kif essenzjalment isostni s-SRB, ir-riskju li istituzzjoni li tkun ġiet irristrutturata wara li tkun ingħatat għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ssib ruħha mill-ġdid f’diffikultajiet finanzjarji ma jitnaqqasx bis-sempliċi fatt li din l-għajnuna tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59. |
|
448 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB qies, ġustament, li r-rikorrenti kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 u applika fil-konfront tagħha, skont din id-dispożizzjoni, il-valur massimu għall-indikatur ta’ riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”. |
|
449 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 55 u tal-Artikolu 31(2)(c) tad-Direttiva 2014/59, b’tali mod li l-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 jikkonċerna biss il-perijodu wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59. |
|
450 |
Skont il-premessa 55 tad-Direttiva 2014/59, “l-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati qabel kwalunkwe injezzjoni ta’ kapital mis-settur pubbliku jew għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ekwivalenti lill-istituzzjoni”. Skont l-Artikolu 31(2)(c) ta’ din id-direttiva, wieħed mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni huwa li “li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”. |
|
451 |
Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-premessa 55 u l-Artikolu 31(2)(c) tad-Direttiva 2014/59 jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni eventwali tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni stabbiliti mid-Direttiva 2014/59, u mhux il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. B’hekk, minn dan ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
452 |
L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-estratt mill-premessa 41 tad-Direttiva 2014/59 li jgħid li “[i]stituzzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli unikament abbażi tal-fatt li ġie pprovdut dak l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva”. |
|
453 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq qari parzjali ta’ din il-premessa. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-imsemmija premessa (jiġifieri l-“qafas ta’ riżoluzzjoni għandu jipprovdi għad-dħul f’waqtu tar-riżoluzzjoni qabel istituzzjoni finanzjarja ssir insolventi fuq il-karta tal-bilanċ u qabel tispiċċa kompletament fix-xejn l-ekwità kollha”), din tal-aħħar tirreferi għall-modalitajiet li jiskattaw riżoluzzjoni. Konsegwentement, minn dan ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri fid-dawl tal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, li jirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
454 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li parti mill-kliem tal-punt 28 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 (jiġifieri “li tiġi pprovduta sabiex tiġi ppreservata jew tinġieb lura l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni”) hija fformulata fil-preżent indikattiv. |
|
455 |
Fil-fatt, kif il-qorti tal-Unjoni diġà kkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Inkriminazzjoni doppja), C‑717/18, EU:C:2020:142, punt 20), il-preżent indikattiv jiġi spiss użat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi espressa n-natura obbligatorja ta’ dispożizzjoni. Dan ifisser li ma tista’ tinstilet ebda indikazzjoni dwar l-effetti ratione temporis tagħha. |
|
456 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-miżuri ta’ għajnuna adottati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59 tkun ta’ ħsara għall-proċeduri ta’ ristrutturazzjoni, bi ksur tal-effett utli ta’ din id-direttiva. |
|
457 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li din id-direttiva stess, fl-Artikolu 103(7)(e) tagħha, tipprevedi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, id-daqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja li l-istituzzjoni tkun preċedentement ibbenefikat minnha, mingħajr ma tippreċiża li din l-għajnuna għandha tkun ingħatat wara d-dħul fis-seħħ tagħha. |
|
458 |
Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punti 71 u 370 iktar ’il fuq, wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/59 huwa li tissaħħaħ l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, liema stabbiltà tgħin lill-istituzzjonijiet bħar-rikorrenti jwettqu l-proċess ta’ żmantellament tagħhom, kemm jekk dan ikun beda qabel jew kemm wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. |
|
459 |
Fid-dawl tal-premess, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud. |
C. Konklużjoni
|
460 |
Wara l-eżami ex officio tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Billi dawn in-nuqqasijiet huma, waħedhom, ta’ natura li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li din tal-aħħar tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti. [omissis] |
|
Għal dawn il-motivi, IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Kornezov De Baere Petrlík Kecsmár Kingston Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Mejju 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.