SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Jannar 2023 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 4(1)(a) sa (c) – Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali – Limitazzjoni tal-għanijiet – Minimizzazzjoni tad-data – Artikolu 6(a) – Distinzjoni ċara bejn id-data personali ta’ kategoriji differenti ta’ persuni – Artikolu 8 – Legalità tal-ipproċessar – Artikolu 10 – Traspożizzjoni – Ipproċessar ta’ data bijometrika u ta’ data ġenetika – Kunċett ta’ ‘ipproċessar awtorizzat mid-dritt ta’ Stat Membru’ – Kunċett ta’ ‘ħtieġa konkreta’ – Setgħa diskrezzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8, 47, 48 u 52 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Limitazzjoni – Reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio – Persuni mixlija – Ġbir ta’ data fotografika u ta’ marki tas-swaba’ għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha u teħid ta’ kampjun bijoloġiku għall-istabbiliment ta’ profil tad-DNA – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata tal-ġbir – Natura sistematika tal-ġbir”

Fil-Kawża C‑205/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Marzu 2021, fil-proċeduri kriminali

V.S.,

fil-preżenza ta’:

Ministerstvo na vatreshnite raboti, Glavna direktsia za borba s organiziranata prestapnost,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u T. Mitova, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A.-L. Desjonquères, D. Dubois u T. Stéhelin, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg, M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) u (c), tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016,dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika ĠU 2018, L 127, p. 6), kif ukoll tal-Artikoli 3, 8, 48 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra V.S., li, wara li ġiet mixlija, irrifjutat il-ġbir mill-pulizija tad-data bijometrika u ġenetika tagħha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑GDPR

3

Il-premessa 19 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), tipprovdi:

“Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u l-moviment liberu ta’ tali data, hija s-suġġett ta’ att legali speċifiku tal-Unjoni [Ewropea]. Dan ir-Regolament m’għandux, għalhekk, japplika għall-attivitajiet ta’ pproċessar għal dawk l-għanijiet. […]”

4

L-Artikolu 2 tal-GDPR, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 u 2 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]

d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

5

L-Artikolu 9 tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprevedi fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data; […]

b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta’ drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali […]

c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra […]

d)

l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b’salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta’ qligħ b’għan politiku, filosofiku, reliġjuż jew ta’ trade union […]

e)

l-ipproċessar ikun relatat ma’ data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

g)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

h)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta’ kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta’ sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali […]

i)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa jew biex jiġu żgurati standards għoljin ta’ kwalità u sikurezza tal-kura tas-saħħa u ta’ prodotti mediċinali jew apparat mediku, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, jew tal-liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi miżuri adatti u speċifiċi sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, b’mod partikulari s-segretezza professjonali;

j)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika […]

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa.”

Id‑Direttiva 2016/680

6

Il-premessi 9 sa 12, 14, 26, 27, 31 u 37 tad-Direttiva 2016/680 jipprovdu:

“(9)

[…] Fuq dik il-bażi, il-[GDPR] jistabbilixxi regoli ġenerali għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u sabiex ikun assigurat il-moviment liberu tad-data personali fi ħdan l-Unjoni.

(10)

Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-oqsma.

(11)

Għalhekk hu xieraq għal dawk l-oqsma li jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta’ dawk l-attivitajiet. […]

(12)

L-attivitajiet imwettqa mill-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi huma ffukati prinċipalment fuq il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi l-attivitajiet tal-pulizija mingħajr għarfien preċedenti jekk inċident hux reat kriminali jew le. […] L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw awtoritajiet kompetenti b’kompiti oħra li mhumiex neċessarjament imwettqa għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, sabiex l-ipproċessar tad-data personali għal dawk il-finijiet l-oħra, sakemm dan huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni [tal-GDPR].

[…]

(14)

Peress li din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali matul attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali, attivitajiet ta’aġenziji jew unitajiet li jittrattaw kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali u l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE] ma għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]

(26)

[…] Id-data personali għandha tkun adegwata u rilevanti għall-iskopijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għandu, b’mod partikolari, jiżgura li d-data personali miġbura ma tkunx eċċessiva u ma tinżammx għal aktar żmien minn dak meħtieġ għall-iskop li għalih tkun ġiet ipproċessata. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk l-iskop tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli. […]

(27)

Għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipproċessaw data personali, li tkun miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi lil hinn minn dak il-kuntest sabiex jiġi żviluppat fehim tal-attivitajiet kriminali, u tar-rabtiet li jsiru bejn ir-reati kriminali differenti individwati.

[…]

(31)

Huwa inerenti għall-ipproċessar ta’ data personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija li tiġi pproċessata data personali relatata ma’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data. Għalhekk, fejn applikabbli u sa fejn ikun possibbli, għandha ssir distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti tas-suġġetti tad-data bħal persuni suspettati: persuni kkundannati għal reat kriminali; vittmi u partijiet oħra, bħal xhieda; persuni li għandhom informazzjoni rilevanti jew kuntatti; u assoċjati ta’ suspettati u kriminali misjuba ħatja. Dan ma għandux jipprevjeni l-applikazzjoni tad-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza kif garantita mill-Karta u mill-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rispettivament.

[…]

(37)

Data personali li, min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. […]”

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u objettivi” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

2.   Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

a)

jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; […]

b)

jiżguraw li l-iskambju tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, fejn tali skambju jkun meħtieġ mill-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru, la ma jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.”

8

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali:

a)

matul attività li taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2.

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

7.

‘awtorità kompetenti’ tfisser:

a)

kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew […]

[…]

12.

‘data ġenetika’ tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta’ persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b’mod partikolari, minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;

13.

‘data bijometrika’ tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data dattiloskopika;

[…]”

10

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680 intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

a)

ipproċessata b’mod legali u ġust;

b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

(c)

adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

[…]”

11

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġett tad-data”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, bħal:

a)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali.

b)

persuni misjuba ħatja ta’ reat kriminali;

c)

vittmi ta’ reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta’ reat kriminali; u

d)

partijiet oħra għal reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f’investigazzjonijiet b’rabta ma’ reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).”

12

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

2.   Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar.”

13

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Data personali miġbura minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1(1) sakemm tali pproċessar ma jkunx awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Meta d-data personali tkun proċessata għal tali finijiet oħra, [il-GDPR] għandu japplika dment li l-ipproċessar ma jsirx f’attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu inkarigati mil-liġi ta’ Stat Membru bit-twettiq ta’ kompiti oħra minbarra dawk imwettqa għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), [il-GDPR] għandu japplika għall-ipproċessar għal finijiet bħal dawn […], sakemm l-ipproċessar ma jsirx f’attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.”

14

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680:

“L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil‑għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u biss:

a)

fejn awtorizzat bil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

b)

biex jiġu protetti l-interessi importanti tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra; jew

c)

fejn tali pproċessar ikun relatat ma’ data li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data.”

15

L-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull suġġett tad-data jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali marbuta miegħu jew magħha jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.”

16

L-Artikolu 53 tal-imsemmija direttiva intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt ta’ persuna fiżika jew ġuridika għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernahom.”

17

Skont l-Artikolu 54 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huwa jqis li d-drittijiet tiegħu stipulati f’dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva inkissru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

18

L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Traspożizzjoni” jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-6 ta’ Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. […]

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni [Ewropea] t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

Id‑dritt Bulgaru

In‑NK

19

Skont l-Artikolu 11(2) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NK”), ir-reati huma intenzjonali meta l-awtur ikun jaf bin-natura tal-att tiegħu, jew meta l-okkorrenza tar-riżultat tar-reat tkun ġiet mixtieqa minnu, jew meta dan ikun ippermettih. Il-maġġoranza tar-reati previsti fin-NK huma intenzjonali.

20

B’mod konformi mal-Artikolu 255 tan-NK, “min iwettaq frodi fil-konstatazzjoni u l-ħlas ta’ djun fiskali ta’ ammonti sinjifikattivi” skont il-modalitajiet espliċitament indikati fil-liġi, huwa punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà bejn sena sa sitt snin, kif ukoll b’multa ta’ 2000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 1000).

21

Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 321(2) u (3) u tal-punt 20 tal-Artikolu 94 tan-NK, min jipparteċipa fi grupp kriminali organizzat ikkostitwit bi skop ta’ lukru sabiex iwettaq reati punibbli b’sanzjoni ta’ iktar minn tliet snin “ċaħda tal-libertà”, jiġi ssanzjonat b’piena ta’ “ċaħda tal-libertà” għal perijodu ta’ bejn tlieta sa għaxar snin. Huwa indikat ukoll li dan ir-reat huwa intenzjonali u l-proċeduri jiżvolġew skont id-dritt komuni.

In‑NPK

22

L-Artikolu 46(1) u l-Artikolu 80 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprevedu li r-reati kriminali huma suġġetti għal prosekuzzjoni kemm ex officio, jiġifieri li l-akkuża tinbeda mill-prosekutur, kif ukoll mill-parti ċivili. Kważi r-reati kollha previsti min-NK huma suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio.

23

Skont l-Artikolu 219(1) tan-NPK “meta jkun hemm biżżejjed provi li persuna partikolari tkun ħatja li wettqet reat suġġett għall-prosekuzzjoni ex officio”, din il-persuna tiġi mixlija u tiġi informata b’dan. Hija tista’ tkun is-suġġett ta’ diversi miżuri ta’ restrizzjoni proċedurali, filwaqt li tista’ tiddefendi ruħha, billi tagħti spjegazzjonijiet jew tipproduċi provi.

Iż‑ZZLD

24

Skont l-Artikolu 51 taż-zakon za zashtita na lichnite danni (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali) (DV no 1, tal‑4 ta’ Jannar 2002, iktar ’il quddiem iż-“ZZLD”), l-ipproċessar tad-data ġenetika u tad-data bijometrika għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ persuna fiżika b’mod uniku huwa awtorizzat biss meta verament ikun meħtieġ, jekk id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna kkonċernata jkunu ggarantiti b’mod xieraq u jekk dan ikun ġie previst mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt Bulgaru. Jekk dan l-ipproċessar ma jkunx previst mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt Bulgaru, għandhom ikunu kkonċernati interessi vitali sabiex dan jiġi awtorizzat, jew id-data għandha tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data kkonċernat.

Iż‑ZMVR

25

Skont l-Artikolu 6 taż-zakon sa Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni) (DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014, iktar ’il quddiem iż-“ZMVR”), il-Ministeru għall-Affarijiet Interni jeżerċita ċerti attivitajiet prinċipali, inkluża attività ta’ riċerka operattiva u ta’ sorveljanza, tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati mar-reati u attività ta’ ġbir ta’ informazzjoni.

26

Skont l-Artikolu 18(1) taż-ZMVR l-attività ta’ ġbir ta’ informazzjoni tikkonsisti fil-ġbir, fl-ipproċessar, fil-klassifikazzjoni, fiż-żamma u l-użu tal-informazzjoni. Skont l-Artikolu 20(1) ta’ din il-liġi, l-attività ta’ ġbir ta’ informazzjoni hija bbażata fuq informazzjoni li hija riprodotta jew li hija suġġetta għar-riproduzzjoni fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni, imfassla mill-awtoritajiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni.

27

L-Artikolu 25(1) taż-ZMVR jawtorizza lill-Ministeru għall-Affarijiet Interni jipproċessa data personali għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 6 taż-ZMVR, minn dan isegwi li l-Ministeru għall-Affarijiet Interni jipproċessa d-data personali sabiex iwettaq l-attivitajiet prinċipali tiegħu, jiġifieri l-attività tiegħu ta’ riċerka operattiva, ta’ superviżjoni u ta’ investigazzjoni fir-rigward tar-reat.

28

L-Artikolu 25(3) taż-ZMVR jipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali jsir skont din il-liġi, konformement mal-GDPRu maż-ZZLD.

29

Skont l-Artikolu 25bis(1) taż-ZMVR, l-ipproċessar ta’ data personali li tinkludi data ġenetika u data bijometrika sabiex tiġi identifikata persuna fiżika b’mod uniku huwa permess biss taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tal-GDPRjew fl-Artikolu 51 taż-ZLD.

30

Skont l-Artikolu 27 taż-ZMVR id-data rreġistrata mill-pulizija bis-saħħa tal-Artikolu 68 ta’ din il-liġi hija użata biss fil-qafas tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u taż-żamma tal-ordni pubbliku.

31

L-Artikolu 68 taż-ZMVR huwa fformulat kif ġej:

“1.

L-awtoritajiet tal-pulizija għandhom jirreġistraw lill-persuni mixlija b’reat kriminali intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio. […]

2.

Ir-reġistrazzjoni mill-pulizija tikkostitwixxi kategorija ta’ pproċessar ta’ data personali tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li għandha ssir skont il-kundizzjonijiet ta’ din il-liġi.

3.

Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom:

1)

jiġbru d-data personali indikata fl-Artikolu 18 taż-[zakon za balgarskite lichni dokumenti (il-Liġi dwar id-Dokumenti tal-Identità Bulgari)];

2)

jipproċedu bit-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-persuni u joħdulhom ritratt;

3)

jieħdu kampjuni sabiex jistabbilixxu d-DNA tal-persuni.

4.

Sabiex isiru l-attivitajiet imsemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 3 ma huwiex rikjest il-kunsens tal-persuna.

5.

Il-persuni huma obbligati juru kooperazzjoni, ma jostakolawx jew jimpedixxu l-eżerċizzju mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 3. Fil-każ ta’ rifjut tal-persuna, l-attivitajiet imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-paragrafu 3 huma eżerċitati bil-forza permezz ta’ awtorizzazzjoni tal-imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza li taħtha jaqa’ r-reat suġġett għall-prosekuzzjoni ex officio li bih il-persuna tkun mixlija.

[…]”

In‑NRISPR

32

In-naredba za reda za izvarshvane i snemane na politseyska registratsia (ir-Regolament li Jirregola l-Modalitajiet ta’ Implimentazzjoni u ta’ Revoka tar-Reġistrazzjoni mill-Pulizija) (DV Nru 90, tal‑31 ta’ Ottubru 2014), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NRISPR”), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 68(7) taż-ZMVR, jispeċifika l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-reġistrazzjoni mill-pulizija prevista f’dan l-artikolu.

33

Skont l-Artikolu 2 tan-NRISPR, l-għanijiet tar-reġistrazzjoni tal-pulizija huma l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, il-ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku.

34

Skont l-Artikolu 11(2) tan-NRISPR, il-persuna li għandha tkun is-suġġett ta’ reġistrazzjoni mill-pulizija tingħata dikjarazzjoni li għandha timla li fiha hija tista’ tesprimi l-kunsens tagħha jew in-nuqqas ta’ qbil tagħha fir-rigward tal-miżuri ta’ ritratt, ta’ marki tas-swaba’ u ta’ ġbir ta’ DNA. Skont l-Artikolu 11(4) tan-NRISPR, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil ta’ din il-persuna, il-pulizija għandha tressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni forzata ta’ dawn il-miżuri.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

35

L-awtoritajiet Bulgari bdew proċeduri kriminali għal frodi dwar il-konstatazzjoni u l-ħlas ta’ djun fiskali kontra żewġ kumpanniji kummerċjali, abbażi tal-Artikolu 255 tan-NK.

36

Permezz ta’ digriet adottat fl‑1 ta’ Marzu 2021, skont l-Artikolu 219 tan-NPK, u kkomunikat lil V.S. fil‑15 ta’ Marzu 2021, din tqiegħdet taħt investigazzjoni. Abbażi tal-punt 2 tal-paragrafu (3) tal-Artikolu 321 tan-NK, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, hija ġiet akkużata bil-parteċipazzjoni, flimkien ma’ tliet persuni oħra, fi grupp kriminali organizzat, ikkostitwit bi skop ta’ lukru, għat-twettiq ta’ reati b’mod miftiehem fit-territorju Bulgaru skont l-Artikolu 255 tan-NK.

37

Wara l-komunikazzjoni tal-imsemmi att tal‑akkuża, V.S. intalbet tissottometti ruħha għar-reġistrazzjoni mill-pulizija. Hija mliet formola ta’ dikjarazzjoni li fiha hija indikat li hija kienet ġiet informata li kienet teżisti bażi legali li tippermetti li tipproċedi għaliha u li hija tirrifjuta li tissuġġetta ruħha għall-ġbir tad-data tal-marki tas-swaba’ u fotografika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha u għal ġbir bil-għan li jiġi stabbilit il-profil tad-DNA tagħha. Il-pulizija ma wettqitx dan il-ġbir u adixxiet lill-qorti tar-rinviju.

38

Ir-rikors tal-awtoritajiet tal-pulizija ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju jindika li ġew prodotti provi suffiċjenti tal-ħtija tal-persuni mixlija fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kkonċernati, inkluża V.S. Ir-rikors jindika wkoll li din hija mixlija uffiċjalment għat-twettiq ta’ reat imsemmi fil-punt 2 tal-Artikolu 321(3) tan-NK, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u li hija rrifjutat li tissuġġetta ruħha għall-ġbir tad-data tal-marki tas-swaba’ u fotografiċi li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha u għal ġbir sabiex jiġi stabbilit il-profil tad-DNA tagħha, fejn ġiet iċċitata l-bażi legali tal-ġbir ta’ din id-data. Fl-aħħar, f’dan ir-rikors, il-qorti tar-rinviju ntalbet tawtorizza l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir. Huma biss il-kopji tad-digriet tal-att ta’ akkuża ta’ V.S. u tad-dikjarazzjoni li fiha hija tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha għar-reġistrazzjoni tal-pulizija li ġew annessi mal-imsemmi rikors.

39

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tad-dritt Bulgaru applikabbli għar-reġistrazzjoni mill-pulizija.

40

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(3) u tal-Artikolu 25 bis taż-ZMVR jirreferu għal-GDPR u mhux għad-Direttiva 2016/680. Issa, hija tirrileva li, għalkemm skont l-Artikolu 2(2)(d) tiegħu, dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-korpi kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni tar-reati kif ukoll għal investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jirregola tali pproċessar. Bl-istess mod, hija tosserva li l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament jipprojbixxi espliċitament l-ipproċessar ta’ data ġenetika u bijometrika u li l-ġlieda kontra l-kriminalità ma tinsabx fost l-eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Fl-aħħar nett, hija żżid li l-Artikolu 51 taż-ZZLD ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ pproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika, peress li din għandha tkun prevista mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

41

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li jitqies li, minkejja r-riferiment għall-Artikolu 9 tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data ġenetika u bijometrika għal finijiet kriminali huwa ammissibbli fid-dritt nazzjonali, fid-dawl tal-fatt li huwa awtorizzat b’mod ċar mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, anki jekk din ma tissemmiex fid-dispożizzjonijiet applikabbli taż-ZMVR.

42

Fit-tieni lok, fil-każ li jitqies li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 ikun ġie traspost b’mod korrett fid-dritt nazzjonali jew li tkun teżisti bażi legali valida f’dan id-dritt sabiex jitwettaq l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit indikat fl-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva, li abbażi tiegħu tali pproċessar għandu jkun awtorizzat mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt ta’ Stat Membru, ikunx issodisfatt meta tkun teżisti kontradizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli.

43

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li teżisti kontradizzjoni bejn l-Artikolu 25 bis taż-ZMVR, li, peress li jirreferi għall-Artikolu 9 tal-GDPRjidher li ma jawtorizzax il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika, u l-Artikolu 68 taż-ZMVR, li jawtorizzah mingħajr ebda dubju.

44

Fit-tielet lok, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 219(1) TFUE tan-NPK, huwa indispensabbli li jinġabru provi suffiċjenti dwar il-ħtija ta’ persuna partikolari sabiex din il-persuna tiġi mixlija. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-kriterju previst f’din id-dispożizzjoni jikkorrispondix għal dak imsemmi fl-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680 li jikkonċerna l-persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu “raġunijiet serji biex wieħed jemmen li huma wettqu […] reat”. Hija pjuttost tqis li, għall-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika, huwa neċessarju li jinġabru provi iktar konvinċenti minn dawk li huma neċessarji, skont in-NPK, sabiex persuna tiġi mixlija, inkwantu din l-imputazzjoni sservi sabiex tinforma lill-persuna dwar suspetti fil-konfront tagħha u l-possibbiltà li hija jkollha sabiex tiddefendi ruħha.

45

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 68 taż‑ZMVR ma jipprevedix li, fil-qafas tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, il-qorti adita teżerċita kwalunkwe verifika dwar il-preżenza ta’ raġunijiet serji fis-sens tal-Artikolu 6(a) tad‑Direttiva 2016/680. Għall-kuntrarju, skont dan l-artikolu taż-ZMVR, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-persuna ġiet mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio. Għalhekk, hija ma tkunx kompetenti sabiex tevalwa jekk ikunx hemm provi suffiċjenti jew serji insostenn ta’ din l-imputazzjoni u lanqas ma tkun tista’, fil-prattika, twettaq tali evalwazzjoni, sa fejn hija ma jkollhiex aċċess għall-fajl, iżda unikament għal kopji tad-digriet tal-att tal-akkuża u tad-dikjarazzjoni ta’ rifjut tal-ġbir tad-data mill-pulizija. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna li rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pulizija d-data fotografika, tal-marki tas-swaba’ u ġenetika li tikkonċernaha tibbenefikax mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mir-rispett tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, iggarantiti rispettivament fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

46

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mill-Artikolu 4(1)(b) u (c), mill-Artikolu 8(1) u (2) u mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 li d-dritt nazzjonali għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti ċerta setgħa diskrezzjonali meta jipproċedu għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika, permezz tat-teħid ta’ ritratti u ta’ marki tas-swaba’ diġitali kif ukoll permezz tat-teħid ta’ kampjun tad-DNA. Fil-fehma tagħha, din is-setgħa diskrezzjonali għandha tirrigwarda kemm il-kwistjoni dwar jekk dan il-ġbir għandux iseħħ kif ukoll dwar jekk dan għandux ikopri l-kategoriji kollha tad-data msemmija iktar ’il fuq. Fl-aħħar, hija tikkunsidra li mir-rekwiżit ta’ “verament […] meħtieġ” indikat fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi dedott li l-awtorizzazzjoni tal-ġbir ta’ tali data ma tistax tingħata ħlief fil-preżenza ta’ motivazzjoni adegwata tal-ħtieġa tagħha.

47

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-reġistrazzjoni mill-pulizija tapplika, madankollu, b’mod mandatarju għall-persuni kollha mixlija għal reati intenzjonali suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio u għat-tliet kategoriji ta’ ġbir ta’ data personali msemmija f’dan l-artikolu, jiġifieri t-teħid ta’ ritratti, it‑teħid ta’ marki tas-swaba’ u t-teħid ta’ kampjun tad-DNA.

48

Barra minn hekk, hija tirrileva li ż-ZMVR issemmi biss l-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar ta’ data personali, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attività ta’ riċerka, inkluż għal finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, il‑ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teżiġix li tiġi kkonstatata n-neċessità konkreta ta’ ġbir tad-data bijometrika u ġenetika u li jiġi evalwat jekk din id-data kollha jew parti minnha hijiex biżżejjed.

49

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk il-kundizzjoni prevista mid-dritt nazzjonali sabiex tiġi awtorizzata r-reġistrazzjoni mill-pulizija, li abbażi tagħha l-persuna kkonċernata għandha tkun ġiet mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio, hijiex suffiċjenti sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(a) u (c), tal-Artikolu 8(1) u (2) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 […] huwa implimentat b’mod validu permezz tar-riferiment fid-dritt nazzjonali, fl-Artikolu 25(3) u fl-Artikolu 25a [taż-ZMVR] – għad-dispożizzjoni simili li tinsab fl-Artikolu 9 tal-[GDPR]?

2)

Ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 52 kif ukoll mal-Artikoli 3 u 8 tal-[Karta] dwar ir-restrizzjoni prevista fil-liġi għall-integrità tal-persuna u għall-protezzjoni tad-data personali, ikun issodisfatt fil-każ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali kunfliġġenti dwar l-ammissibbiltà tal-ipproċessar ta’ data ġenetika u bijometrika għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni mal-pulizija?

3)

Hija konformi mal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 48 tal-[Karta], leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 68(4) [taż-ZMVR], li tipprovdi li l-qorti hija obbligata tordna l-ġbir obbligatorju ta’ data personali (ritratti, marki tas-swaba’ u kampjun ta’ DNA), fil-każ li l-persuna mixlija b’reat intenzjonat ta’ natura ġenerali tirrifjuta li tikkoopera volontarjament fil-ġbir ta’ din id-data personali, mingħajr ma l-qorti tista’ tevalwa jekk hemmx bażi serja sabiex wieħed jaħseb li din il-persuna wettqet ir-reat li bih hija mixlija?

4)

Hija konformi mal-Artikolu 10, mal-Artikolu 4(1)(a) u (c), mal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680 leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 68(1) sa (3) [taż-ZMVR], li tipprevedi bħala regola ġenerali t-teħid ta’ ritratti, it-teħid tal-marki tas-swaba’ u t-teħid ta’ kampjun tad-DNA fir-rigward tal-persuni kollha mixlija b’reat intenzjonat ta’ natura ġenerali?”

51

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li ċerti kawżi kriminali li din il-qorti tal-aħħar kienet adita bihom, inkluż il-kawża prinċipali, ġew ittrasferiti minn din id-data lill-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija).

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

52

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-Artikoli 3, 8 u 52 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika mill-awtoritajiet tal-pulizija għall-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku huwa awtorizzat mid-dritt ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680, meta, minn naħa, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma l-bażi legali ta’ din l-awtorizzazzjoni jirreferi għall-Artikolu 9 tal-GDPR, filwaqt li jirriproduċu l-kontenut tal-imsemmi Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, u, min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jidhru li jistabbilixxu rekwiżiti kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ tali ġbir.

Fuq l‑ammissibbiltà

53

Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domanda, minħabba li l-qorti tar-rinviju, minn naħa, riedet tkun taf biss jekk id-dritt nazzjonali effettivament ittrasponiex l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, mingħajr ma ddubitat u mingħajr ma staqsiet dwar is-sens eżatt ta’ dan l-artikolu, u, min-naħa l-oħra, ma tindikax ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi, C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan ir-rigward, sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, jirriżulta mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-talba għal domanda preliminari għandu jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Gullotta et Farmacia di Gullotta Davide & C., C‑497/12, EU:C:2015:436, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni domanda, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680, li tipprovdi li l-ipproċessar ta’ data ġenetika u bijometrika, imsemmija f’dan l-artikolu, għandu jiġi awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru, hijiex issodisfatta f’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni mill-pulizija inkwistjoni f’din il-kawża.

57

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, essenzjalment, f’din it-talba, huwa f’dan il-kuntest li hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni. Minn naħa, permezz tal-ewwel domanda tagħha, hija tistaqsi jekk dan l-Artikolu 10 jistax jitqies li huwa korrettament traspost b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tirreferi unikament għall-Artikolu 9 tal-GDPR, iżda li l-kontenut jikkorrispondi għal dak tal-imsemmi Artikolu 10. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, hija tistaqsi jekk il-ġbir ta’ data ġenetika u bijometrika għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha mal-pulizija jistax jitqies li huwa “awtorizzat bil-liġi […] ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-punt (a) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri “prevista mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ dan l-ipproċessar jidhru li jistabbilixxu regoli kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ tali pproċessar.

58

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju identifikat b’mod ċar, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, id-domandi tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel u t-tieni domanda. Barra minn hekk, minn din id-domanda jirriżulta b’mod ċar li l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandha rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li l-konstatazzjoni eventwali, mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali inkwistjoni ma jissodisfawx il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680 tista’ twassalha sabiex tiċħad ir-rikors tal-awtoritajiet tal-pulizija li hija adita bih, intiż għall-ġbir forzat tad-data bijometrika u ġenetika ta’ V.S. għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha.

59

Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni domanda huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

60

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li għalkemm it-tieni domanda tirrigwarda l-Artikoli 3, 8 u 52 tal-Karta, mit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha jirriżulta li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss l-osservanza mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tar-rekwiżit, indikat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, li abbażi tiegħu kwalunkwe limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi. Konsegwentement, l-eżami tal-ewwel u tat-tieni domanda għandu jsir biss fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 52 tal-Karta.

61

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-premessa 19 tal-GDPR kif ukoll tal-premessi 9 sa 12 tad-Direttiva 2016/680 u skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li pproċessar ta’ data personali mwettaq minn “awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tagħha għandu jissodisfa l-għanijiet, indikati fl-Artikolu 1(1) tagħha, ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni ta’ reati, ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni f’dan il-qasam, inkluża l-protezzjoni minn theddid għas-sigurtà pubbliku u l-prevenzjoni ta’ tali theddid, jew għal finijiet oħra, jista’ jaqa’ jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli speċifiċi tal-imsemmija direttiva, jew f’dak tar-regoli ġenerali ta’ dan ir-regolament, minbarra l-eċċezzjonijiet għal dawn il-kampijiet ta’ applikazzjoni li huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 2(3) tal-istess direttiva u fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament.

62

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9 tal-GDPR u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jinkludu t-tnejn dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali, meqjusa bħala data sensittiva, inkluża d-data ġenetika u bijometrika.

63

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li l-ipproċessar ta’ din id-data sensittiva huwa awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data” u unikament fi tliet każijiet, b’mod partikolari, skont il-punt (a) ta’ dan l-artikolu, meta dan l-ipproċessar ikun awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 9(1) tal-GDPR jistabbilixxi projbizzjoni fil-prinċipju tal-ipproċessar tal-imsemmija data sensittiva, kif ukoll lista ta’ sitwazzjonijiet, elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li fihom tista’ ssir eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni, liema lista ma tindikax sitwazzjoni li tikkorrispondi għal dik ta’ pproċessar ta’ data għal finijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 10(a) tagħha. Minn dan isegwi li, filwaqt li pproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija Direttiva 2016/680 jista’ jiġi awtorizzat sakemm, b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha, dan ikun verament meħtieġ, suġġett għal garanziji xierqa u previst mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru, dan ma huwiex neċessarjament il-każ ta’ pproċessar ta’ din l-istess data li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR.

64

Fit-tieni lok, il-portata tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680, li l-ipproċessar tad-data personali għandu jkun ġie “awtorizzat bil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”, għandha tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ dik stabbilita fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li tipprovdi li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi”.

65

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ir-rekwiżit jimplika li l-bażi legali li tawtorizza tali limitazzjoni tiddefinixxi l-portata tagħha b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma jistax ikun hemm ekwivoku fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprovdu li d-dritt nazzjonali jista’ jawtorizza pproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u fir-rigward tal-kundizzjonijiet applikabbli li jirregolaw din l-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, il-persuni kkonċernati u l-qrati kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b’mod preċiż, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom dan l-ipproċessar jista’ jseħħ kif ukoll l-għanijiet li għalihom dan l-ipproċessar jista’ jitwettaq legalment. Issa, ir-regoli tal-GDPR u dawk tad-direttiva applikabbli għal dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkunu differenti.

67

Għaldaqstant, għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali għandu l-possibbiltà li jipprevedi, fil-kuntest tal-istess strument leġiżlattiv, l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2016/680 kif ukoll għal finijiet li jaqgħu taħt il-GDPR, huwa għandu għall-kuntrarju l-obbligu, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li jiżgura ruħu mill-assenza ta’ ambigwità fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ atti tal-Unjoni għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika.

68

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar traspożizzjoni possibbilment inkorretta tad-Direttiva 2016/680, għandha ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 10 tagħha, u dawk li jipprovdu li pproċessar ta’ data li tappartjeni għall-kategoriji partikolari msemmija f’dan l-artikolu, b’mod partikolari d-data bijometrika u ġenetika, jista’ jiġi awtorizzat, fis-sens tal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 10.

69

F’dan ir-rigward, għalkemm, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tagħha, id-Direttiva 2016/680 tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew ikollhom tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, li jimplika, fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni ta’ att pożittiv ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija ma teżiġix li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jawtorizzaw l-ipproċessar ta’ data li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva jkun fihom tali riferiment. Għalhekk, l-Artikolu 63(4) tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi biss li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ dritt nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam irregolat minn din id-direttiva.

70

Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, meta direttiva tkun ġiet trasposta korrettament, l-effetti tagħha jolqtu lill-individwi permezz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, EU:C:1986:206, punt 51) b’differenza għal regolament li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun hemm bżonn għall-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu miżuri ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, IFAP, C‑447/20 u C‑448/20, EU:C:2022:265, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika minn awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jew taħt dak tal-GDPR, huwa jista’, għall-finijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, jirreferi espliċitament, minn naħa, għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, għall-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, dan ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ma jistax jirrikjedi, barra minn hekk, riferiment għall-imsemmija direttiva.

71

Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li l-obbligu għal Stat Membru li jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jikseb ir-riżultat indikat minn direttiva, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji. Minn dan isegwi li, bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretawha sa fejn ikun possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva kkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punti 7375 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

Konsegwentement, fil-preżenza ta’ kontradizzjoni apparenti, bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda, bejn, minn naħa, dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jidhru li jeskludu l-ipproċessar ta’ data ġenetika u bijometrika mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2016/680 u, min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni li jawtorizzaw tali pproċessar, din il-qorti hija obbligata tagħti lil dawn id-dispożizzjonijiet interpretazzjoni li tippreżerva l-effettività ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, peress li hija tikkonstata l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura li jissodisfaw ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 10(a) tal-imsemmija direttiva, hija għandha tivverifika jekk dawn għandhomx, fir-realtà, kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dak tad-dispożizzjonijiet li huma jidhru li jikkontradixxu.

73

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/680 ma jeskludix l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika mill-awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, fil-kuntest ta’ kompiti oħra minbarra dawk imwettqa għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9 tal-GDPR, li japplika għall-ipproċessar ta’ din id-data, sakemm dan ma jaqax taħt l-eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 2(2) tiegħu, ma jipprojbixxix dan b’mod assolut, sakemm dan l-ipproċessar ikun jikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-riferiment għall-GDPR f’dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkoprix, fir-realtà, ipproċessar ta’ data mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt id-Direttiva 2016/680, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jikkontradixxux dawk li, konformement mal-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva, jipprevedu l-ipproċessar ta’ tali data għal finijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva.

74

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li taw lok għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma dispożizzjonijiet ta’ dritt sostantiv li jirregolaw l-attivitajiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni. L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali minn dan il-Ministeru għandu jitwettaq skont din il-liġi, konformement mal-GDPR u mal-att tad-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2016/680, u t-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet tistabbilixxi li l-ipproċessar ta’ data personali li tinkludi data ġenetika u data bijometrika sabiex tiġi identifikata persuna fiżika b’mod uniku huwa permess biss fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament jew fid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li d-dispożizzjoni tad-dritt sostantiv li tipprovdi bażi legali espliċita għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, tissodisfa biss għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u taż-żamma tal-ordni pubbliku.

75

Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ jekk ir-riferiment doppju għall-Artikolu 9 tal-GDPR u d-dispożizzjoni tad-dritt sostantiv li jittrasponi l-imsemmi Artikolu 10 jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt sostantiv li tinkludi li tinkludi tali referenza doppja tkoprix l-attivitajiet kollha tas-servizzi tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni, li, skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, jinkludu kemm l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva kif ukoll attivitajiet oħra li jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmi regolament. Barra minn hekk, hija din il-qorti li għandha tiżgura li, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjoni tad-dritt sostantiv li tipprovdi bażi legali għall-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika fil-kuntest tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali rilevanti jistgħu jiġu interpretati, konformement mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u inekwivoku, f’liema każijiet ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-direttiva inkwistjoni japplikaw u f’liema każijiet huma applikabbli r-regoli tal-GDPR.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika mill-awtoritajiet tal-pulizija fid-dawl tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku, huwa awtorizzat mid-dritt ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva, sakemm id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jkollu bażi legali suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tawtorizza l-imsemmi pproċessar. Il-fatt li l-att leġiżlattiv nazzjonali li jkun jinkludi tali bażi legali jirreferi, barra minn hekk, għall-GDPR, u mhux għad-Direttiva 2016/680 ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jikkontesta l-eżistenza ta’ tali awtorizzazzjoni, sakemm jirriżulta, b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u inekwivoku mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tad-dritt nazzjonali li l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u mhux ta’ dan ir-regolament.

Fuq it‑tielet domanda

77

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut tal-persuna mixlija b’reat intenzjonali li jkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni ex officio li tikkoopera b’mod volontarju għall-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, il-qorti kriminali kompetenti hija obbligata li tawtorizza l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir, mingħajr ma għandha s-setgħa li tevalwa jekk jeżistux motivi serji sabiex jitqies li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat li fir-rigward tiegħu hija mixlija.

78

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda saret mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ proċeduri kriminali li fil-kuntest tagħhom hija applikabbli dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut tal-persuna kkonċernata li tikkoopera fil-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, imwettaq għall-finijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, il-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ din il-persuna, hija awtorizzata tawtorizza dan il-ġbir. Barra minn hekk, din l-istess dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tapplika għad-data li tikkonċerna l-persuni mixlija għal reati intenzjonali suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-parti l-kbira tar-reati previsti mill-Kodiċi Kriminali huma intenzjonali u kważi kollha huma suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio. Konformement mar-regoli dwar il-proċeduri kriminali Bulgari, persuna tiġi mixlija meta jinġabru provi suffiċjenti li din il-persuna tkun ħatja li wettqet reat suġġett għal prosekuzzjoni ex officio.

79

Barra minn hekk, skont il-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Bulgaru fil-kuntest tar-risposti bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli dwar il-proċeduri kriminali Bulgari jipprevedu li persuna tista’ tiġi mixlija fi kwalunkwe mument tal-proċedura preliminari, li tikkostitwixxi l-ewwel fażi tal-proċeduri kriminali la matulha jitwettqu atti ta’ investigazzjoni u ta’ ġbir ta’ provi u, fi kwalunkwe każ, qabel l-għeluq tal-investigazzjoni. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, u kif jippreċiża wkoll il-Gvern Bulgaru, il-persuna kkonċernata tista’, wara li tkun ġiet mixlija, tipproduċi provi għad-difiża tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest tal-fażi ta’ komunikazzjoni tal-provi ta’ investigazzjoni li sseħħ wara l-għeluq tal-investigazzjoni.

80

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tagħtix lill-qorti li tawtorizza l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika li tikkonċerna l-persuna mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, is-setgħa sabiex tevalwa l-provi li fuqhom hija bbażata din l-imputazzjoni, liema evalwazzjoni taqa’ taħt ir-responabbiltà tal-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni. Barra minn hekk, hija tippreċiża li din il-qorti tiddeċiedi dwar din it-talba għal awtorizzazzjoni unikament abbażi ta’ kopja tad-digriet ta’ akkuża u tad-dikjarazzjoni li permezz tagħha l-persuna kkonċernata tirrifjuta l-ġbir ta’ din id-data.

81

F’dan il-kuntest, għandu jitqies li t-tielet domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju għandha tinqasam, bħalma jissuġġerixxu l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, fi tliet partijiet. L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680, li jirreferi għall-kategorija ta’ persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu jew huma fil-proċess li jwettqu reat kriminali, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir forzat tad-data bijometrika u ġenetika ta’ persuna fiżika għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, li fir-rigward tagħha jinġabru provi suffiċjenti li hija ħatja li wettqet reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekezzjoni ex officio, fatt li jippermetti, skont id-dritt nazzjonali, li hija tiġi mixlija. It-tieni, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-qorti mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni forzata ta’ tali ġbir, din hijiex f’pożizzjoni li tiggarantixxi lill-persuna kkonċernata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta. It-tielet, hija tistaqsi jekk, minkejja dawn il-limiti, ir-rispett tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, imsemmi fl-Artikolu 48 tal-Karta, jistax jiġi żgurat.

Fuq il‑portata tal‑Artikolu 6(a) tad‑Direttiva 2016/680

82

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680 jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu li l-kontrollur tad-data għandu jagħmel, “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli”, distinzjoni ċara bejn id-data personali ta’ kategoriji differenti ta’ persuni kkonċernati, bħal dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri, rispettivament, il-persuni li fir-rigward tagħhom hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu jew huma fil-proċess li jwettqu reat kriminali, il-persuni misjuba ħatja ta’ reat, il-vittmi ta’ reat kriminali jew il-persuni li fir-rigward tagħhom ċerti fatti jwasslu sabiex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu vittmi ta’ reat kriminali u, fl-aħħar, partijiet oħra għal reat kriminali, bħall-persuni li jistgħu jintalbu jixhdu waqt investigazzjonijiet dwar reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jagħtu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni indikati fil-punti (a) u (b) tal-imsemmi artikolu.

83

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ssir distinzjoni ċara bejn id-data tal-kategoriji differenti ta’ persuni kkonċernati b’tali mod li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess grad ta’ ndħil fid-dritt fundamentali tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom ma jiġix impost fuqhom mingħajr distinzjoni, tkun xi tkun il-kategorija li tagħmel parti minnha. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2016/680, il-kategorija ta’ persuni ddefinita fl-Artikolu 6(a) ta’ din id-direttiva tikkorrispondi għal dik tal-persuni ssuspettati li wettqu reat kriminali.

84

Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li l-obbligu li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri ma huwiex assolut. Fil-fatt, minn naħa, l-espressjoni “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli”, li tinsab fiha, tindika li huwa l-kontrollur li għandu jiddetermina, f’kull każ partikolari, jekk tistax issir distinzjoni ċara bejn id-data personali tal-kategoriji differenti ta’ persuni kkonċernati. Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “bħal” li tinsab f’dan l-artikolu tindika li l-kategoriji ta’ persuni elenkati fih ma humiex ta’ natura eżawrjenti.

85

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ numru suffiċjenti ta’ provi tal-ħtija ta’ persuna tikkostitwixxi, bħala prinċipju, raġuni serja sabiex wieħed jemmen li din wettqet il-ksur inkwistjoni. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir forzat tad-data bijometrika u ġenetika tal-persuni fiżiċi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, sa fejn ikun hemm provi suffiċjenti li l-persuna kkonċernata tkun ħatja li wettqet reat kriminali, tidher li hija konformi mal-għan tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680.

86

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir forzat ta’ data bijometrika u ġenetika għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha li tikkonċerna persuni li fir-rigward tagħhom jinġabru provi suffiċjenti li huma ħatja li wettqu reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio u li jkunu ġew mixlija għal din ir-raġuni.

Fuq ir‑rispett tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

87

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi rrikonoxxut lil kull persuna li tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, ta’ natura li tippreġudika dawn id-drittijiet jew dawn il-libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 55, 57 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Konsegwentement, kull persuna mixlija li tkun opponiet il-ġbir tad-data fotografika, tal-marki tas-swaba’ u ġenetika li tikkonċernaha fil-kuntest ta’ proċedura bħar-reġistrazzjoni mill-pulizija, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, għandha tkun tista’ tibbenefika, kif jeżiġi l-Artikolu 47 tal-Karta, mid-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjoni li tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir sabiex tipprevalixxi ruħha mid-drittijiet li hija tislet mill-garanziji previsti minn din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari minn dik li abbażi tagħha, skont l-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva, il-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika għandu jitwettaq konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizzah. B’mod partikolari, din il-garanzija timplika li l-qorti kompetenti tkun tista’ tistħarreġ li l-imputazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din ir-reġistrazzjoni mill-pulizija tkun ġiet adottata, konformement mar-regoli tal-proċeduri kriminali nazzjonali, fid-dawl ta’ provi suffiċjenti li l-persuna kkonċernata hija ħatja li wettqet reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio.

89

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u li, konformement mal‑Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għalih, bil‑kundizzjoni, l-ewwel, li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, it-tieni, li josservaw l-essenza tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni u, it-tielet, li, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma jkunu meħtieġa u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 49 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li jipprevedu li l-persuna li tikkunsidra li d-drittijiet tagħha previsti fid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-direttiva nkisru minħabba l-ipproċessar tad-data personali tagħha mwettaq bi ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet ikollha dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax huwa stess l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dan l-eżerċizzju, bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 6364).

91

Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk, bla ħsara għar-rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680, il-fatt li l-qorti kompetenti, bil-għan li tawtorizza miżura ta’ eżekuzzjoni forzata tal-ġbir forzat tad-data bijometrika u ġenetika li tikkonċerna persuni mixlija, ma tistax twettaq stħarriġ, fuq il-mertu, tal-kundizzjonijiet tal-imputazzjoni li fuqhom hija bbażata din il-miżura ta’ eżekuzzjoni forzata jikkostitwixxix limitazzjoni permessa tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta

92

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-limiti stabbiliti għas-setgħa diskrezzjonali tagħha mid-dritt nazzjonali, fil-kuntest ta’ talba intiża sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika li tikkonċerna persuna mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, humiex stabbiliti minn dan id-dritt b’mod suffiċjentement ċar u preċiż.

93

F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jinkludi, fost affarijiet oħra, għall-persuna li għandha dan id-dritt, aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilha u, għal dan il-għan, sabiex teżamina l‑kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi l-kawża li tkun tinsab adita biha. (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kundizzjoni ma timplikax, bħala tali, li d-detentur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu rimedju ġudizzjarju dirett li għandu bħala għan, prinċipalment, li jikkontesta miżura partikolari, sa fejn ikun hemm, barra minn hekk, quddiem id-diversi qrati nazzjonali kompetenti, rimedju jew rimedji ġudizzjarji li jippermettulu jikseb, b’mod inċidentali, stħarriġ ġudizzjarju ta’ din il-miżura li jiżgura r-rispett tad-drittijiet u tal‑libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilu (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

B’mod partikolari, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tielet domanda hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali li matulhom isseħħ l-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika li tikkonċerna persuna mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, ser tkun segwita minn fażi ġudizzjarja. Issa, għalkemm din ma tistax tiġi mistħarrġa fil-mument tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata, l-eżistenza ta’ numru suffiċjenti ta’ provi kontriha, kundizzjoni meħtieġa sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiġi mġiegħla tissottometti ruħha għall-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha, għandha neċessarjament tkun tista’ tiġi vverifikata matul din il-fażi ġudizzjarja, li matulha l-qorti adita għandu jkollha l-possibbiltà li teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, b’mod partikolari sabiex jiġi vverifikat li din id-data bijometrika u d-drittijiet ġenetiċi tagħha ma jkunux inkisbu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 81 sa 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Fi kwalunkwe każ, konformement mal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680, id-dritt nazzjonali għandu joffri l-possibbiltà lill-persuna kkonċernata li tikkontesta b’mod utli l-ġbir forzat tad-data bijometrika u ġenetika tagħha fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja, ibbażata fuq il-ksur allegat tad-drittijiet mogħtija lilha minn din id-direttiva minħabba l-imsemmi ġbir, u dan bla ħsara għal kull azzjoni amministrattiva jew extraġudizzjarja disponibbli għaliha, b’mod partikolari d-dritt li tressaq ilment quddiem awtorità superviżorja. Konsegwentement, anki fil-każ li l-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali ma tkunx segwita minn fażi ġudizzjarja, b’mod partikolari fl-assenza ta’ prosekuzzjonijiet kriminali, il-persuna kkonċernata għandha tkun f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju komplet tal-legalità tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni. Għaldaqstant, meta, sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu msemmi fl-imsemmi Artikolu 54, id-dritt nazzjonali joffri tali garanziji, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi preżunta, anki jekk il-qorti li tawtorizza l-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir inkwistjoni ma jkollhiex hija stess, fil-mument meta tiddeċiedi dwarha, is-setgħa diskrezzjonali neċessarja sabiex tagħti tali protezzjoni.

97

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-ġbir tad-data ġenetika u bijometrika li tikkonċerna persuni mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għandu għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, b’mod partikolari dawk dwar il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tar-reati kriminali kif ukoll il-prosekuzzjonijiet fil-qasam, li jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li tali ġbir jista’ jikkontribwixxi għall-għan stabbilit fil-premessa 27 tad-Direttiva 2016/680, li abbażi tiegħu, għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-reati kriminali kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet fil-qasam, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċessaw data personali, miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni u tal-investigazzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi, kif ukoll investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet fil-qasam lil hinn minn dan il-kuntest, sabiex jiksbu għarfien aħjar tal-attivitajiet kriminali u jistabbilixxu rabtiet bejn id-diversi reati kriminali identifikati.

99

F’dan il-każ, kif indika l-Gvern Bulgaru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kif ippreċiżat fil-kuntest ta’ risposta bil-miktub għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reġistrazzjoni mill-pulizija stabbilita mid-dritt nazzjonali għandha żewġ għanijiet essenzjali. Minn naħa, din id-data tinġabar u tiġi pproċessata sabiex tiġi pparagunata ma’data oħra miġbura waqt investigazzjonijiet relatati ma’ ksur ieħor. Dan l-għan jikkonċerna wkoll, skont dan il-gvern, il-paragun ma’ data miġbura fi Stati Membri oħra. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija data tista’ wkoll tiġi pproċessata għall-finijiet tal-proċeduri kriminali li fil-kuntest tagħhom il-persuna kkonċernata ġiet mixlija.

100

Issa, it-tneħħija b’mod temporanju mill-istħarriġ tal-qorti l-evalwazzjoni tal-provi li fuqhom hija bbażata l-imputazzjoni tal-persuna kkonċernata, u għalhekk il-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha, tista’ tirriżulta li hija ġġustifikata matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali. Fil-fatt, tali stħarriġ, matul din il-fażi, jista’ jostakola l-iżvolġiment tal-investigazzjoni kriminali li matulha din id-data tinġabar u jista’ jillimita eċċessivament il-kapaċità tal-investigaturi li jiċċaraw ksur ieħor abbażi ta’ paragun ta’ din id-data mad-data miġbura waqt investigazzjonijiet oħra. Din il-limitazzjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva għalhekk ma hijiex sproporzjonata, kemm-il darba d-dritt nazzjonali jiggarantixxi sussegwentement stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

101

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix li qorti nazzjonali, meta tiddeċiedi dwar talba għal awtorizzazzjoni ta’ twettiq ta’ eżekuzzjoni forzata tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ persuna mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, ma jkollhiex il-possibbiltà li tevalwa l-provi li fuqhom tkun ibbażata din l-imputazzjoni, sa fejn id-dritt nazzjonali jiggarantixxi sussegwentement stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-kundizzjonijiet tal-imsemmija imputazzjoni, li minnhom tirriżulta l-awtorizzazzjoni sabiex isir dan il-ġbir.

Fuq l‑osservanza tal‑preżunzjoni ta’ innoċenza

102

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, kwalunkwe imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skont il-liġi.

103

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, b’mod partikolari, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tinkiser jekk deċiżjoni ġudizzjarja dwar persuna akkużata b’reat kriminali tkun tirrifletti s-sentiment li hija ħatja, meta l-ħtija tagħha ma tkunx ġiet preċedentement stabbilita skont il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 224 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2016/680, l-istabbiliment ta’ kategoriji differenti ta’ persuni li għalihom għandhom jikkorrispondu pproċessar differenti tad-data personali tagħhom, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt għal preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantit mill-Karta u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

105

Fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar ir-rispett tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika li tikkonċerna persuni mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, sa fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi li dan il-ġbir huwa limitat għall-kategorija tal-persuni li huma mixlija, jiġifieri għal kategorija ta’ persuni li r-responsabbiltà kriminali tagħhom ma tkunx għadha ġiet stabbilita, l-imsemmi ġbir ma jistax jitqies, fih innifsu, li huwa ta’ natura li jirrifletti s-sentiment tal-awtoritajiet li dawn il-persuni huma ħatja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 ta’ din is-sentenza.

106

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika li tikkonċerna persuni mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, peress li hija tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-imputazzjoni tal-persuna kkonċernata u r-rifjut tagħha li tissuġġetta ruħha għal dan il-ġbir, ma tistax tiġi interpretata bħala teħid ta’ pożizzjoni dwar il-ħtija ta’ din il-persuna u lanqas, għaldaqstant, bħala li tippreġudika l-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-imsemmija persuna.

107

Fil-fatt, il-fatt li l-qorti li għandha tieħu tali deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax tevalwa, f’dan l-istadju tal-proċeduri kriminali, in-natura suffiċjenti tal-provi li fuqhom hija bbażata l-imputazzjoni tal-persuna kkonċernata jikkostitwixxi garanzija għaliha tar-rispett tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza.

108

Tali garanzija hija meħtieġa iktar u iktar meta d-dritt nazzjonali, bħad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun jipprevedi li l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika li tikkonċerna persuni mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, tkun dik li, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, ikollha tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ din il-persuna. Fil-fatt, ir-rispett tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza jeżiġi li din il-qorti tkun libera minn kull parzjalità a priori meta hija twettaq dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 88).

109

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 48 tal-Karta, ma jipprekludix li l-persuni mixlija, matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, ikunu s-suġġett ta’ miżura ta’ ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika li tikkonċernahom għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, awtorizzata minn qorti li ma għandhiex is-setgħa li tevalwa, f’dan l-istadju, il-provi li fuqhom tistrieħ tali imputazzjoni.

110

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta għandhom ikunu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut tal-persuna mixlija b’reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio, li tikkoopera b’mod volontarju għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, il-qorti kriminali kompetenti hija obbligata li tawtorizza miżura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir, mingħajr ma għandha s-setgħa tevalwa jekk jeżistux motivi serji sabiex jitqies li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat li għalih hija ġiet mixlija, sa fejn id-dritt nazzjonali jiggarantixxi sussegwentement l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-kundizzjonijiet ta’ din l-imputazzjoni, li minnhom tirriżulta l-awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-imsemmi ġbir.

Fuq ir‑raba’ domanda

111

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija għandha, skont il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif ġie rrilevat fil-punti 46 u 49 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) sa (c), fl-Artikolu 8(1) u (2) u fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.

113

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tindika li, filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet jidhrulha li jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw in-neċessità tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika u li jimmotivawh b’mod xieraq, ir-reġistrazzjoni mill-pulizija prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kawża prinċipali tapplika b’mod imperattiv għall-persuni mixlija kollha għal reati intenzjonali li huma suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio u għat-tliet kategoriji ta’ data bijometrika u ġenetika indikati mid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni teżiġi li l-ħtieġa konkreta li jitwettaq il-ġbir ta’ dawn il-kategoriji ta’ data kollha tiġi kkonstatata.

114

Minn dan isegwi li r-raba’ domanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tiddetermina jew turi, minn naħa, li dan il-ġbir huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet konkreti intiżi u, min-naħa l-oħra, li dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu permezz tal-ġbir ta’ parti biss tad-data kkonċernata.

115

B’mod iktar partikolari, għandu jiġi osservat li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li l-ipproċessar tal-kategoriji partikolari ta’ data msemmija f’dan l-artikolu għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”.

116

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tirregola l-ipproċessar tal-kategoriji partikolari ta’ data personali, inklużi d-data bijometrika u ġenetika. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-għan ta’ dan l-artikolu huwa li tiġi żgurata protezzjoni ikbar fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni u l-kuntest li fih tiġi pproċessata, jista’ jikkawża, kif jirriżulta mill-premessa 37 tal-imsemmija direttiva, riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva)C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 44).

117

Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess li bihom hija fformulata l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, ir-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ tali data huwa awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi kundizzjonijiet imsaħħa ta’ legalità għall-ipproċessar ta’ data sensittiva, fid-dawl ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) u (c) u mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, li jirreferu biss għall-“ħtieġa” ta’ pproċessar ta’ data li jaqa’, b’mod ġenerali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

118

Għalhekk, minn naħa, l-użu tal-avverbju “biss” quddiem l-espressjoni “meta verament ikun meħtieġ” jenfasizza li l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, jista’ jitqies bħala meħtieġ biss f’numru limitat ta’ każijiet. Min-naħa l-oħra, ipproċessar ta’ tali data huwa ta’ natura li huwa “verament” meħtieġ jimplika li din il-ħtieġa għandha tiġi evalwata b’mod partikolarment rigoruż.

119

Il-fatt invokat mill-Gvern Franċiż li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, dan l-artikolu jirreferi għall-każijiet fejn l-ipproċessar ta’ data jkun “strettament neċessarju” ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, din il-varjazzjoni terminoloġika ma tbiddilx in-natura tal-kriterju hekk imsemmi u l-livell ta’ rekwiżit meħtieġ, peress li dawn il-verżjonijiet lingwistiċi jiddefinixxu wkoll kundizzjoni msaħħa sabiex jiġi awtorizzat l-ipproċessar ta’ data sensittiva, li timplika evalwazzjoni iktar rigoruża tan-neċessità tagħha milli fil-każ fejn id-data pproċessata ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

120

Barra minn hekk, kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni, ir-rekwiżit li abbażi tiegħu pproċessar ta’ data li jaqa’ taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 huwa awtorizzat biss meta verament meħtieġ ma kienx inkluż fil-proposta ta’ direttiva (COM(2012) 10 finali) li wasslet għal din id-direttiva, iżda ġie introdott sussegwentement mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li ried għalhekk b’mod ċar jinkludi kundizzjoni msaħħa ta’ ħtieġa tal-ipproċesssar tad-data, b’korrispondenza mal-għan intiż minn dan l-artikolu, li huwa l-protezzjoni ikbar tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data sensittiva.

121

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kontenut tar-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ data sensittiva għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti speċifiċi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jikkostitwixxu implimentazzjoni partikolari, applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ data, tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 4 u 8 ta’ din id-direttiva, li għandhom jiġu osservati minn kull ipproċessar ta’ data li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Konsegwentement, il-portata ta’ dawn id-diversi rekwiżiti għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-imsemmija prinċipji.

122

B’mod partikolari, minn naħa, jekk huwiex “verament […] meħtieġ”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, il-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tal-persuni mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan il-ġbir. Konformement mal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għanijiet stabbilit fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva, dawn l-għanijiet għandhom ikunu “speċifiċi, espliċiti u leġittimi”. Min-naħa l-oħra, minkejja li r-rekwiżit li l-ipproċessar tad-data bijometrika u ġenetika għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” jikkorrispondi, kif ġie rrilevat fil-punti 117 sa 119 ta’ din is-sentenza, għal rekwiżit ta’ protezzjoni ikbar ta’ ċerti kategoriji ta’ data, dan xorta jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika għall-kategoriji ta’ data msemmija fl-imsemmi Artikolu 10 tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(c) tal-imsemmija direttiva, li abbażi tiegħu d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dawk li huwa meħtieġ fid-dawl tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata.

123

Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din l-istess direttiva, il-portata ta’ dan ir-rekwiżit għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tagħha, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu, b’mod partikolari, li l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu minn awtorità kompetenti, għall-finijiet indikati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tagħha, li jeżiġi li dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li tirregola l-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva tispeċifika tal-inqas l-għanijiet tal-ipproċessar, peress li d-data personali għandha tkun is-suġġett ta’ pproċessar u l-finijiet tal-ipproċessar.

124

F’dan ir-rigward, il-finijiet tal-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika ma jistgħux jiġu indikati f’termini ta’ natura ġenerali wisq, iżda għandhom ikunu ddefiniti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-ipproċessar huwiex “verament […] meħtieġ”.

125

Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ipproċessar ta’ data sensittiva jimplika stħarriġ partikolarment strett, f’dan il-kuntest, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data.

126

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, ir-rekwiżit ta’ ħtieġa huwa ssodisfatt meta l-għan imfittex mill-ipproċessar tad-data inkwistjoni ma jkunx jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, fid-dawl tal-protezzjoni ikbar tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data sensittiva, hemm lok li l-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar jiżgura li dan l-għan ma jistax jiġi ssodisfatt bl-użu ta’ kategoriji ta’ data minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.

127

It-tieni, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi li jirrappreżenta l-ipproċessar ta’ data sensittiva għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, ir-rekwiżit ta’ “meta verament meħtieġ” jimplika li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-għan li tali pproċessar huwa intiż li jilħaq. Tali importanza tista’ tiġi evalwata, fost affarijiet oħrajn, skont in-natura stess tal-għan imfittex, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-ipproċessar jitwettaq minħabba għan konkret b’rabta mal-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ theddid kontra s-sigurtà pubblika li jirriflettu ċertu livell ta’ gravità, it-tneħħija ta’ tali ksur jew il-protezzjoni kontra tali theddid, kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom isir dan l-ipproċessar.

128

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio hija, bħala prinċipju, kuntrarja għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li jipprovdi li l-ipproċessar tal-kategoriji partikolari ta’ data indikati f’dan l-artikolu għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”.

129

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ twassal, b’mod indifferenzjat u ġġeneralizzat, għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-parti l-kbira tal-persuni mixlija peress li l-kunċett ta’ “reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio” huwa ta’ natura partikolarment ġenerali u jista’ japplika għal ħafna reati kriminali, indipendentement min-natura tagħhom u mill-gravità tagħhom.

130

Ċertament, tali leġiżlazzjoni tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika għall-persuni mixlija matul il-fażi istruttorja ta’ proċeduri kriminali, jiġifieri għal persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu reat kriminali, fis-sens tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680. Madankollu, is-sempliċi fatt li persuna tiġi mixlija għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio ma jistax jitqies bħala element li jippermetti, waħdu, li jiġi preżunt li l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha huwa verament meħtieġ fid-dawl tal-finijiet li huwa jkopri u fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jirriżultaw minnha.

131

Għalhekk, minn naħa, għalkemm jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-persuna inkwistjoni wettqet reat kriminali, li jiġġustifika l-imputazzjoni tagħha, li jippreżupponi li jkunu diġà jeżistu biżżejjed provi tal-involviment ta’ din il-persuna fir-reat, jista’ jkun hemm każijiet fejn il-ġbir kemm ta’ data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika ma jkun iddettat minn ebda ħtieġa konkreta għall-finijiet tal-proċeduri kriminali pendenti.

132

Min-naħa l-oħra, il-probabbiltà li d-data bijometrika u ġenetika ta’ persuna mixlija tkun verament meħtieġa fil-kuntest ta’ proċeduri oħra minbarra dik li fil-kuntest tagħha din l-imputazzjoni tkun seħħet tista’ tiġi ddeterminata biss fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, bħal, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tar-reat preżunt li għalih hija tkun ġiet mixlija, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta possibbli tal-imsemmi reat ma’ proċeduri pendenti oħrajn, il-fedina penali jew il-profil individwali tal-persuna inkwistjoni.

133

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, huwiex possibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi din l-eżekuzzjoni forzata tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jippermettix l-evalwazzjoni li tali ġbir kemm tad-data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, huwa “verament […] meħtieġ”. B’mod partikolari, hemm lok, f’dan ir-rigward, li jiġi vverifikat jekk in-natura u l-gravità tar-reat li l-persuna kkonċernata, fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, hija ssuspettata li wettqet jew jekk elementi oħra rilevanti, bħal dawk imsemmija fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanzi ta’ natura li jistabbilixxu li l-ġbir huwa “verament […] meħtieġ”. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-ġbir tad-data tal-istatus ċivili, li huwa wkoll prevista fil-kuntest tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, kif ikkonferma l-Gvern Bulgaru fil-kuntest ta’ tweġiba bil-miktub għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jippermettix, waħdu, li jkunu ssodisfatti l-għanijiet imfittxija.

134

Fil-każ li d-dritt nazzjonali ma jiggarantixxix tali stħarriġ tal-miżura ta’ ġbir tad-data bijometrika u ġenetika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tal-imsemmi Artikolu 10 billi tiċħad it-talba tal-awtoritajiet tal-pulizija sabiex jawtorizzaw l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir.

135

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tivverifika jew turi, minn naħa, jekk dan il-ġbir huwiex verament meħtieġ sabiex jintlaħqu għanijiet konkreti intiżi u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-għanijiet jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri li huma ta’ ndħil inqas għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuna kkonċernata.

Fuq l‑ispejjeż

136

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika mill-awtoritajiet tal-pulizija fid-dawl tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubbliku, huwa awtorizzat mid-dritt ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva, sakemm id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jkollu bażi legali suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tawtorizza l-imsemmi pproċessar. Il-fatt li l-att leġiżlattiv nazzjonali li jinkludi tali bażi legali jirreferi, barra minn hekk, għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), u mhux għad-Direttiva 2016/680, ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jikkontesta l-eżistenza ta’ tali awtorizzazzjoni, sakemm jirriżulta, b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u inekwivoku mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tad-dritt nazzjonali li l-ipproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u mhux ta’ dan ir-regolament.

 

2)

L-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680, kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut tal-persuna mixlija b’reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio, li tikkoopera b’mod volontarju għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, il-qorti kriminali kompetenti hija obbligata li tawtorizza miżura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir, mingħajr ma għandha s-setgħa tevalwa jekk jeżistux motivi serji sabiex jitqies li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat li għalih hija ġiet mixlija, sa fejn id-dritt nazzjonali jiggarantixxi sussegwentement l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-kundizzjonijiet ta’ din l-imputazzjoni, li minnhom tirriżulta l-awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-imsemmi ġbir.

 

3)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tivverifika jew turi, minn naħa, jekk dan il-ġbir huwiex verament meħtieġ sabiex jintlaħqu għanijiet konkreti intiżi u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-għanijiet jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri li huma ta’ ndħil inqas għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuna kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

( i ) F’varji punti ta’ dan it-test inbidel l-akronimu minn RĠPD għal GDPR, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.