SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

16 ta’ Frar 2022 ( *1 )

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

A. Ir‑Regolament (KE) Nru 1049/2001

 

B. Ir‑Regoli ta’ Proċedura tal‑Kunsill

 

C. Il‑Linji gwida għat‑trattament ta’ dokumenti interni tal‑Kunsill

 

D. Ir‑Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

 

E. Ir‑Regolament Finanzjarju

 

II. Ir‑Regolament ikkontestat

 

III. It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

IV. Fuq it‑talba li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċerti siltiet tar‑rikors tar‑Repubblika tal‑Polonja

 

A. L‑argumenti tal‑partijiet

 

B. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

V. Fuq ir‑rikors

 

A. Fuq l‑ewwel, it‑tieni, il‑ħames, is‑sitt u l‑ħdax‑il motiv, ibbażati fuq in‑nuqqas ta’ kompetenza tal‑Unjoni sabiex tadotta r‑Regolament ikkontestat

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Fuq il‑bażi legali tar‑Regolament ikkontestat

 

– Fuq l‑evitar tal‑Artikolu 7 TUE u tal‑Artikolu 269 TFUE

 

B. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Protokoll Nru 2

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

VI. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 296 TFUE

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

D. Fuq is‑seba’ motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 4(1), tat‑tieni sentenza tal‑Artikolu 4(2) u tal‑Artikolu 5(2) TUE

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

E. Fuq it‑tmien motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza tal‑Istati Membri quddiem it‑Trattati u fuq in‑nuqqas ta’ osservanza tal‑identità nazzjonali tagħhom, previsti fl‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 4(2) TUE

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

F. Fuq id‑disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

G. Fuq l‑għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

Fuq l‑ispejjeż

“Rikors għal annullament – Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 – Reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru – Bażi legali – Artikolu 322(1)(a) TFUE – Artikolu 311 TFUE – Artikolu 312 TFUE – Evitar allegat tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 269 TFUE – Ksur allegat tal-Artikolu 4(1) TUE, tal-Artikolu 5(2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità kif ukoll tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-prinċipji ta’ attribuzzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati – Allegazzjoni ta’ użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawża C‑157/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil‑11 ta’ Marzu 2021,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u minn S. Żyrek, bħala aġent,

rikorrenti,

sostnuta minn:

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Crowe, F. Drexler, U. Rösslein T. Lukácsi kif ukoll minn A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Gregorio Merino, E. Rebasti u A. Tamás kif ukoll minn A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn M Søndahl Wolff u J. Nymann-Lindegren, sussegwentement minn M. Søndahl Wolff u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u S. Centeno Huerta, sussegwentement minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères, A.‑C. Drouant u E. Leclerc, bħala aġenti,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentati inizjalment minn A. Germeaux u T. Uri, sussegwentement minn A. Germeaux bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo u S. Hartikainen, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn O. Simonsson, J. Lundberg, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, H. Shev, M. Salborn Hodgson, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Calleja Crespo, J.‑P. Keppenne, J. Baquero Cruz u K. Herrmann, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, A. Kumin, N. Wahl, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistraturi:. M. Aleksejev, Kap ta’ Unità, u I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 u tat‑12 ta’ Ottubru 2021,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2020, dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433I, p. 1, u rettifika ĠU 2021, L 373, p. 94, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Ir‑Regolament (KE) Nru 1049/2001

2

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.”

3

Skont kliem l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament:

“[…]

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.   Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

5.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7.   L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. […]”

4

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jistipula:

“Meta Stat Membru jirċievi talba għal dokument fil-pussess tiegħu, li l-origini tiegħu ġejja minn istituzzjoni, jekk m’hiex ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat, l-Istat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-istituzzjoni involuta sabiex jieħu deċiżjoni li ma jipperikolax il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru jista’ minflok jirreferi t-talba lill-istituzzjoni.”

B.   Ir‑Regoli ta’ Proċedura tal‑Kunsill

5

Fl‑1 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2009/937/UE li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU 2009, L 325, p. 35 u rettifiki fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, fil-ĠU 2010, L 175, p. 38 u fil-ĠU 2017, L 44, p. 8). L-Artikolu 6 ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill”), intitolat “Segretezza professjonali u produzzjon ta’ dokumenti fi proċedimenti legali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-Kunsill jew il-[Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper)] jista’ jawtorizza l-produzzjoni għal użu ta’ proċedimenti legali ta’ kopja ta’ jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma nħarġux għall-pubbliku skont id-dispożizzjonijiet dwar aċċess pubbliku ta’ dokumenti.”

6

Skont kliem l-Artikolu 10 tal-imsemmi regoli ta’ proċedura, intitolat “Aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill”:

“Id-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill huma mniżżlin fl-Anness II.”

7

L-Anness II tal-istess regoli ta’ proċedura, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill”, jinkludi l-Artikolu 5, dwar it-“[t]albiet ippreżentati mill-Istati Membri”, li jistipula:

“Meta Stat Membru jippreżenta talba lill-Kunsill, din għandha tiġi ttrattata skont l-Artikoli 7 u 8 tar-[Regolament Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-Anness. Fil-każ ta’ rifjut sħiħ jew parzjali tal-aċċess, l-applikant għandu jkun infurmat li kwalunkwe applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi indirizzata direttament lill-Kunsill.”

C.   Il‑Linji gwida għat‑trattament ta’ dokumenti interni tal‑Kunsill

8

Permezz tan-Nota 7695/18 tal‑10 ta’ April 2018, il-Kunsill adotta linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill. Il-punti 1, 2, 20 u 21 ta’ dawn il-linji gwida huma fformulati kif ġej:

“1.

Dan id-dokument fih linji gwida dwar it-trattament ta’ dokumenti mhux ikklassifikati tal-Kunsill li d-distribuzzjoni tagħhom hija interna għall-Kunsill, il-membri tiegħu, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u skont is-suġġett, ċerti istituzzjonijiet (eż. il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew) u korpi (eż. il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew) oħra tal-[Unjoni Ewropea]. L-iżvelar pubbliku prematur ta’ tali dokumenti jista’ jaffettwa ħażin il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

2.

Il-linji gwida għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tal-Kunsill u, bħala konsegwenza, għandhom jiġu rispettati mill-Istati Membri bħala membri tal-Kunsill, f’konformità malprinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] u l-Istati Membri.

[…]

20.

Id-dokumenti ‘LIMITE’ m’għandhomx isiru pubbliċi sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni għal dak l-għan minn uffiċjali tal-Kunsill debitament awtorizzati, mill-amministrazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru (ara l-paragrafu 21), jew, fejn rilevanti, mill-Kunsill, skont ir-Regolament […] Nru 1049/2001 u r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill.

21.

Il-persunal fi kwalunkwe istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] ħlief il-Kunsill ma jistax jiddeċiedi hu stess li jagħmel dokumenti ‘LIMITE’ pubbliċi mingħajr ma jikkonsulta l-ewwel lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK). Il-persunal fl-amministrazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jikkonsulta lis-SĠK qabel ma jieħu tali deċiżjoni sakemm ma jkunx ċar li ddokument jista’ jsir pubbliku, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament […] Nru 1049/2001.”

D.   Ir‑Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

9

Fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, l-“interessi finanzjarji tal-Unjoni” bħala li huma d-“dħul, l-infiq u l-assi koperti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u dawk koperti mill-baġits tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-baġits immexxija u mmonitorjati minnhom”.

E.   Ir‑Regolament Finanzjarju

10

Skont kliem l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7.

it-twettiq ta’ attivitajiet marbuta mal-ġestjoni, mal-monitoraġġ, mal-kontroll u mal-verifika tal-krediti tal-baġit skont il-metodi previsti fl-Artikolu 62;

[…]

19.

kull miżura meħuda sabiex jiġu pprovduti assigurazzjoni raġonevoli rigward l-effiċjenza, l-effiċjenza u l-ekonomija ta’ operazzjonijiet, l-affidabilità ta’ l-informazzjoni, il-protezzjoni ta’ l-assi u l-informazzjoni, il-prevenzjoni, il-kxif u l-korrezzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet kif ukoll il-monitoraġġ tagħhom u l-amministrazzjoni xierqa tar-riskji li jikkonċernaw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, b’kont meħud tan-natura multiannwali tal-programmi u tan-natura tal-ħlasijiet ikkonċernati. L-ispezzjonijiet jistgħu jagħtu lok għal verifiki differenti u l-implimentazzjoni tal-politika u l-proċeduri kollha biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-ewwel sentenza;

[…]

42.

‘organizzazzjoni ta’ Stat Membru’ tfisser entità stabbilita fi Stat Membru bħala korp regolat mill-liġi pubblika jew bħala korp regolat mill-liġi privata fdata b’missjoni ta’ servizz pubbliku u pprovduta b’garanziji finanzjarji adegwati mill-Istat Membru;

[…]

59.

‘ġestjoni finanzjarja tajba’ tfisser l-implimentazzjoni tal-baġit f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività;

[…]”

11

L-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Implimentazzjoni tal-baġit skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba”, jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta d-dħul u n-nefqa tal-baġit f’konformità ma’ dan ir-Regolament, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni hekk li l-approprjazzjonijiet jintużaw f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.”

12

L-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, intitolat “Metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit bi kwalunkwe wieħed minn dawn il-modi:

a)

direttament (‘ġestjoni diretta’), kif stabbilit fl-Artikoli 125 sa 153, permezz tad-dipartimenti tagħha, inkluż persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni taħt l-awtorità tal-Kap tad-delegazzjoni rispettiv tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 60(2), jew permezz tal-aġenziji eżekuttivi msemmija fl-Artikolu 69;

b)

taħt ġestjoni kondiviża ma’ Stati Membri (‘ġestjoni kondiviża’) kif stabbilit fl-Artikoli 63 u 125 sa 129;

c)

indirettament (‘ġestjoni indiretta’) kif stabbilit fl-Artikoli 125 sa 149 u 154 sa 159, fejn dan ikun previst fl-att bażiku jew fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 58(2), billi l-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja jiġu fdati lil:

[…]”

13

L-Artikolu 63 tal-istess regolament, intitolat “Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”, jistipula, fil-paragrafi 2 tiegħu:

“Meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inkluż dawk leġislattivi, regolamentari u amministrattivi biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġifieri billi:

a)

jiżguraw li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ikunu implimentati b’mod korrett u effikaċi u f’konformità mar-regoli speċifiċi applikabbli għas-settur;

b)

jinnominaw korpi responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ fondi tal-Unjoni skont il-paragrafu 3, u s-sorveljanza ta’ tali korpi;

c)

jipprevjenu, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

d)

jikkooperaw, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-settur, mal-Kummissjoni, l-[Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)], il-Qorti tal-Awdituri [tal-Unjoni Ewropea] u, għal dawk l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 [tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1)], mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

Biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, u f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mar-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur, għandhom iwettqu kontrolli ex-ante u ex-post inkluż, fejn meħtieġ, kontrolli fuq il-post fuq kampjuni rappreżentattivi u/jew ibbażati fuq ir-riskju tat-tranżazzjonijiet. Għandhom ukoll jirkupraw fondi li ma kellhomx jitħallsu u jressqu proċedimenti legali jekk meħtieġ f’dan ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom jimponu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati fuq ir-riċevituri fejn previst fir-regoli speċifiċi għas-setturi jew f’dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi nazzjonali.

Bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha tar-riskji u f’konformità ma’ regoli speċifiċi għas-settur, il-Kummissjoni għandha tissorvelja s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni, fil-ħidma tagħha ta’ awditjar, għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis il-livell ta’ riskju evalwat b’konformità ma’ regoli speċifiċi għas-settur.”

14

L-Artikolu 135 tar-Regolament Finanzjarju, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-identifikazzjoni tar-riskji, l-esklużjoni u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji”, jistipula:

“1.   Sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni timplementa u topera sistema ta’ identifikazzjoni rapida u ta’ esklużjoni.

L-għan ta’ din is-sistema huwa li jiffaċilita:

a)

l-identifikazzjoni bikrija ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, li jippreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

[…]

3.   Id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar identifikazzjoni bikrija tar-riskji msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ta’ esklużjoni ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u/jew ta’ impożizzjoni ta’ penali finanzjarja fuq riċevitur, għandha tittieħed mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli. Informazzjoni relatata ma’ tali deċiżjonijiet għandha tiġi rreġistrata fil-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 142(1). Fejn tali deċiżjonijiet ittieħdu fuq il-bażi tal-Artikolu 136(4), l-informazzjoni rreġistrata fil-bażi ta’ data għandha tinkludi l-informazzjoni dwar il-persuni msemmijin f’dak il-paragrafu.

4.   Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew ta’ impożizzjoni ta’ penali finanzjarji fuq riċevitur, għandha tkun ibbażata fuq sentenza finali jew, fis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmijin fl-Artikolu 136(1), fuq deċiżjoni amministrattiva finali, jew fuq klassifikazzjoni preliminari fil-liġi mill-bord kif imsemmi fl-Artikolu 143 fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 136(2) sabiex tiġi żgurata valutazzjoni ċentralizzata ta’ dawk is-sitwazzjonijiet. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 141(1), l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jirrifjuta parteċipant minn proċedura partikolari ta’ għoti.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 136(5), l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jieħu deċiżjoni għall-esklużjoni ta’ parteċipant jew riċevitur u/jew ta’ impożizzjoni ta’ penali finanzjarja fuq riċevitur u deċiżjoni biex tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata, abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari kif imsemmija fl-Artikolu 136(2), biss wara li tkun inkisbet rakkomandazzjoni mill-bord imsemmi fl-Artikolu 143.”

II. Ir‑Regolament ikkontestat

15

Mill-premessi tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li dan ġie adottat abbażi tat-“Trattat [FUE], u b’mod partikolari [tal]-punt (a) tal-Artikolu 322(1) tiegħu,” kif ukoll tat-“Trattat [CEEA], u b’mod partikolari [tal]-Artikolu 106a tiegħu”.

16

Il-premessi 2, 3, 5 sa 10, 12 sa 19 u 26 tar-Regolament ikkontestat jipprevedu li:

“(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti f’konformità mal-prinċipji ġenerali inkorporati fit-Trattati, b’mod partikolari l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE. Huwa ssottolinja wkoll l-importanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt.

(3)

L-istat tad-dritt jitlob li s-setgħat pubbliċi kollha jaġixxu fil-limiti stabbiliti mil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il-quddiem il-‘Karta’] u strumenti applikabbli oħra, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. Dan jitlob, b’mod partikolari, li jiġu rrispettati l-prinċipji tal-legalità ([sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 63]), li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali ([sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 10]), tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi ([sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19]), tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali ([sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 31, 4041, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018,Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja),C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 63 sa 67]), u tas-separazzjoni tas-setgħat ([sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB,C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 58; tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 35, u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 36]).

[…]

(5)

Ladarba pajjiż kandidat isir Stat Membru, huwa jsir parti minn struttura legali li hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom ([Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 168]). Jenħtieġ li l-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri jkomplu jikkonformaw mal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni.

(6)

Filwaqt li m’hemm ebda ġerarkija fost il-valuri tal-Unjoni, ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali l-oħra li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa intrinsikament marbut mar-rispett għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali. Ma jistax ikun hemm demokrazija u rispett għad-drittijiet fundamentali mingħajr rispett għall-istat tad-dritt u viċi versa.

(7)

Kull meta l-Istati Membri jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, inklużi r-riżorsi allokati permezz tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 ([tal‑14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU 2020, L 433I, p. 23)]), u permezz ta’ self u strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni, u jkun xi jkun il-metodu ta’ implimentazzjoni li jużaw, ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekondizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba minquxa fl-Artikolu 317 [TFUE].

(8)

Ġestjoni finanzjarja tajba tista’ tiġi żgurata biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f’konformità mal-liġi, jekk każijiet ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess jew ksur ieħor tal-liġi, jiġu segwiti b’mod effettiv mis-servizzi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, u jekk deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali tal-awtoritajiet pubbliċi, inkluż l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(9)

L-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura jenħtieġ li jiġu garantiti dejjem, u s-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod xieraq. Il-ġudikatura, u s-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani u proċeduri biex jaġixxu b’mod effettiv u b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-dritt ta’ proċess ġust, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża. Is-sentenzi finali jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod effettiv. Dawk il-kondizzjonijiet huma meħtieġa bħala garanzija minima kontra deċiżjonijiet illegali u arbitrarji ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(10)

L-indipendenza tal-ġudikatura tippresupponi, b’mod partikolari, li l-korp ġudizzjarju ikkonċernat ikun jista’ jeżerċita, kemm skont ir-regoli rilevanti kif ukoll fil-prattika, il-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu kompletament b’mod awtonomu, mingħajr ma jkun soġġett għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew ikun subordinat għal ebda korp ieħor, u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn ebda sors, u li għalhekk huwa protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-garanziji tal-indipendenza u tal-imparzjalità jeżiġu regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korp u tal-ħatra, tat-tul ta’ servizz u tar-raġunijiet għar-rifjut u t-tkeċċija ta’ membri tiegħu, sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju raġonevoli li jista’ jkollhom xi wħud dwar l-impermeabbiltà ta’ dak il-korp għal fatturi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi ppreżentati quddiemu.

[…]

(12)

L-Artikolu 19 TUE, li jagħti espressjoni konkreta għall-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi tal-Unjoni, inkluż dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex jiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni hija l-essenza tal-istat tad-dritt u tirrikjedi qrati indipendenti ([sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 32 sa 36]). Huwa essenzjali li tinżamm l-indipendenza tal-qrati, kif ikkonfermat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ([sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 4041]). Dan huwa minnu, b’mod partikolari, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta’ miżuri, kuntratti jew strumenti oħra li jagħtu lok għal nefqa jew dejn pubbliku, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jistgħu jinġiebu quddiem il-qrati.

(13)

Hemm għalhekk relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

(14)

L-Unjoni żviluppat għadd ta’ strumenti u proċessi li jippromwovu l-istat tad-dritt u l-applikazzjoni tiegħu, inkluż appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-[Unjoni], u li jipprovdu tweġiba effettiva mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-ksur tal-istat tad-dritt permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur u l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE. Il-mekkaniżmu previst f’dan ir-Regolament jikkomplementa dawn l-istrumenti billi jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(15)

Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv, jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa l-każ għal ksur individwali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u saħansitra aktar għal ksur mifrux jew minħabba prattiki rikorrenti jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, jew għal miżuri ġenerali adottati minn tali awtoritajiet.

(16)

L-identifikazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva bir-reqqa mill-Kummissjoni. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tkun oġġettiva, imparzjali u ġusta, u jeħtieġ li tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet rikonoxxuti, inkluż sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-[Unjoni], rapporti tal-[OLAF] u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kif rilevanti, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) u l-[Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia)], b’mod partikolari l-lista ta’ kontroll tagħha dwar l-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej tal-qrati supremi u l-kunsilli tal-ġudikatura. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kummissjoni ta’ Venezja jekk ikun meħtieġ biex titħejja bir-reqqa il-valutazzjoni kwalitattiva.

(17)

Il-miżuri skont dan ir-Regolament huma meħtieġa b’mod partikolari f’każijiet fejn proċeduri oħra stabbiliti filleġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jippermettux li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b’mod aktar effettiv. Il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u r-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli jipprevedu diversi possibbiltajiet biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, inklużi interruzzjonijiet, sospensjonijiet jew korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma’ irregolaritajiet jew nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. Jenħtieġ li jiġu ddeterminati l-miżuri li għandhom jiġu adottati f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-proċedura biex jiġu adottati t-tali miżuri. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu s-sospensjoni tal-pagamenti u tal-impenji, is-sospensjoni tal-iżborż tal-pagamenti parzjali jew il-ħlas lura bikri tas-self, tnaqqis tal-finanzjament skont l-impenji eżistenti, u projbizzjoni milli jsiru impenji ġodda mar-riċevituri jew milli jsiru ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jiġu determinati l-miżuri li għandhom jiġu adottati, b’mod partikolari billi jitqiesu s-serjetà tas-sitwazzjoni, iż-żmien li għadda mindu seħħ l-aġir rilevanti, id-durata u r-rikorrenza tal-aġir, l-intenzjoni, il-livell ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru biex itemm il-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u l-effetti fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(19)

Huwa essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jkunu protetti kif xieraq meta jiġu adottati miżuri f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Meta tikkunsidra l-adozzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-impatt potenzjali tagħhom fuq ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali. Meta jitqies li, f’ġestjoni kondiviża, il-pagamenti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri huma legalment indipendenti mill-pagamenti mill-awtoritajiet nazzjonali lill-benefiċjarji, il-miżuri xierqa skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jitqisux li jaffettwaw id-disponibbiltà tal-finanzjament għall-pagamenti lill-benefiċjarji skont l-iskadenzi tal-pagamenti stabbiliti skont ir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli. Id-deċiżjonijiet adottati skont dan ir-Regolament u l-obbligi lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali stabbiliti f’dan ir-Regolament huma parti mil-liġi tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-finanzjament f’ġestjoni kondiviża. L-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri jenħtieġ li jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-konformità mal-obbligi tagħhom lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali. Ir-rappurtar dwar il-konformità mal-obbligi ta’ pagament lejn il-benefiċjarji stabbiliti fir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli jenħtieġ li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li d-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament ma jkollhom ebda impatt, direttament jew indirettament, fuq il-pagamenti li jridu jsiru skont ir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli.

Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tar-riċevituri jew tal-benefiċjarji finali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni u gwida permezz ta’ sit web jew portal fuq l-Internet, flimkien ma’ għodod adegwati biex il-Kummissjoni tkun informata dwar kwalunkwe ksur tal-obbligu ġuridiku tal-entitajiet tal-gvern u tal-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pagamenti wara li jiġu adottati l-miżuri skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ssegwi din l-informazzjoni biex tivverifika jekk ir-regoli applikabbli ġewx rispettati, b’mod partikolari l-Artikolu 69, il-punt (b) tal-Artikolu 74(1) u l-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ([tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU 2021, L 231, p. 159) u rettifiki fil-ĠU 2022, L 43, p. 93, fil-ĠU 2021, L 450, p. 158, u fil-ĠU 2021, L 261, p. 58]). Fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe ammont dovut mill-entitajiet tal-gvern jew mill-Istati Membri jitħallas effettivament lir-riċevituri jew lill-benefiċjarji finali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirkupra l-pagamenti li jkunu saru, jew, fejn xieraq, tagħmel korrezzjoni finanzjarja billi tnaqqas l-appoġġ tal-Unjoni għal programm f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli.

[…]

(26)

Il-proċedura għall-adozzjoni u t-tneħħija tal-miżuri jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-Istati Membri u jenħtieġ li titwettaq skont approċċ mhux partiġġjan u bbażat fuq l-evidenza. Jekk, b’mod eċċezzjonali, l-Istat Membru kkonċernat iqis li hemm ksur serju ta’ dawk il-prinċipji, jista’ jitlob lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill Ewropew li jmiss. F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li ma tittieħed ebda deċiżjoni dwar il-miżuri sakemm il-Kunsill Ewropew ma jkunx iddiskuta l-kwistjoni. Dan il-proċess għandu, bħala regola, ma jiħux aktar minn tliet xhur wara li l-Kummissjoni tkun ippreżentat il-proposta tagħha lill-Kunsill.”

17

L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jistipula:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.”

18

Skont kliem l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘l-istat tad-dritt’ tirreferi għall-valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE. Dan jinkludi l-prinċipji ta’ legalità li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali; tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; tas-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. L-istat tad-dritt għandu jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE;

b)

‘entità tal-gvern’ tfisser awtorità pubblika fi kwalunkwe livell tal-gvern, inkluż l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-Istati Membri fis-sens tal-punt (42) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Finanzjarju).”

19

L-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn li ġejjin jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt:

a)

it-tqiegħed f’periklu tal-indipendenza tal-ġudikatura;

b)

n-nuqqas milli jiġu impediti, ikkoreġuti jew issanzjonati deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tagħhom jew in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess;

c)

il-limitazzjoni tad-disponibbiltà u tal-effikaċja tar-rimedji legali, inkluż permezz ta’ regoli proċedurali restrittivi u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ sentenzi, jew il-limitazzjoni ta’ investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjonar effettivi ta’ ksur tal-liġi.”

20

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri”, jipprevedi:

“1.   Għandhom jittieħdu miżuri xierqa fejn ikun stabbilit skont l-Artikolu 6 li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandu jikkonċerna wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

a)

il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li qed jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, inkluż self jew strumenti oħrajn iggarantiti mill-baġit tal-Unjoni b’mod partikolari fil-kuntest tal-akkwist pubbliku jew tal-proċeduri għal għotjiet;

b)

il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li jwettqu kontroll finanzjarju, monitoraġġ u awditjar, u l-funzjonament xieraq ta’ sistemi effettivi u trasparenti tal-ġestjoni finanzjarja u tal-obbligu ta’ rendikont;

c)

il-funzjonament xieraq tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni pubblika fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

d)

l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c);

e)

il-prevenzjoni u s-sanzjonar ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-impożizzjoni ta’ pieni effettivi u dissważivi fuq ir-riċevituri minn qrati nazzjonali jew minn awtoritajiet amministrattivi;

f)

l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament;

g)

il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-OLAF u, soġġett għall-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, mal-UPPE fl-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet tagħhom skont l-atti tal-Unjoni applikabbli f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera;

h)

sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

21

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   Dment li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jiġu ssodisfati, jistgħu jiġu adottati miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament:

a)

meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont il-punti (a) u (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, u meta entità tal-gvern tkun ir-riċevitur:

i)

sospensjoni tal-pagamenti jew tal-implimentazzjoni tal-impenn legali jew terminazzjoni tal-impenn legali skont l-Artikolu 131(3) tar-Regolament Finanzjarju;

ii)

projbizzjoni li jsiru impenji legali ġodda;

iii)

sospensjoni tal-iżborż ta’ pagamenti parzjali, b’mod sħiħ jew parzjali, jew ħlas lura bikri ta’ self garantit mill-baġit tal-Unjoni;

iv)

sospensjoni jew tnaqqis tal-vantaġġ ekonomiku taħt strument garantit mill-baġit tal-Unjoni;

v)

projbizzjoni li jsiru ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni;

b)

meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri skont il-punt (b) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju:

i)

sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar, jew emendar tagħha;

ii)

sospensjoni tal-impenji;

iii)

tnaqqis tal-impenji, inkluż permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti għal programmi ta’ nfiq oħrajn;

iv)

tnaqqis fil-prefinanzjament;

v)

interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti;

vi)

sospensjoni tal-pagamenti.

2.   Sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tipprevedix mod ieħor, l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma għandhiex taffettwa l-obbligi tal-entitajiet governattivi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew tal-Istati Membri msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura, u b’mod partikolari l-obbligi li għandhom lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, inkluż l-obbligu li jagħmlu pagamenti skont dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-settur jew finanzjarji applikabbli. Meta jimplimentaw fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-konformità tagħhom ma’ dawk l-obbligi kull tliet xhur mill-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji.

3.   Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati. Huma għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandhom jitqiesu kif xieraq. Il-miżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikollhom fil-mira l-azzjonijiet tal-Unjoni affettwati mill-ksur.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni u gwida għall-benefiċċju tar-riċevituri jew tal-benefiċjarji finali dwar l-obbligi mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ sit web jew portal fuq l-Internet. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll, fuq l-istess sit web jew portal fuq l-Internet, għodod adegwati għar-riċevituri jew għall-benefiċjarji finali biex dawn jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ksur ta’ dawn l-obbligi li, fil-fehma ta’ dawn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, jaffettwahom direttament. Dan il-paragrafu għandu jiġi applikat b’mod li jiżgura l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ([tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17)]. L-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri jew mill-benefiċjarji finali skont dan il-paragrafu għandha tkun akkumpanjata minn prova li r-riċevitur jew il-benefiċjarju finali kkonċernat ikun ressaq ilment formali mal-awtorità rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.”

22

Skont kliem l-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura”:

“1.   Meta l-Kummissjoni tqis li għandha raġunijiet validi biex tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 huma ssodisfati, hija għandha, sakemm ma tqisx li proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jippermettulha tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv, tibgħat notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tistabbilixxi l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati s-sejbiet tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar din in-notifika u l-kontenut tagħha.

2.   Fid-dawl tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni għal djalogu strutturat dwar is-sejbiet tiegħu.

3.   Meta tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 humiex issodisfati, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet rikonoxxuti oħra.

4.   Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li teħtieġ sabiex tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kemm qabel kif ukoll wara li tkun bagħtet in-notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u jista’ jagħmel osservazzjonijiet dwar is-sejbiet ippreżentati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 f’limitu ta’ żmien li għandu jkun speċifikat mill-Kummissjoni, li għandu jkun tal-inqas xahar u mhux aktar minn tliet xhur mid-data tan-notifika tas-sejbiet. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Istat Membru jista’ jipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju biex jindirizza s-sejbiet stabbiliti fin-notifika tal-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni li tasal u kwalunkwe osservazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju proposta, meta tkun qed tiddeċiedi jekk tippreżentax proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha f’limitu ta’ żmien indikattiv ta’ xahar mill-wasla ta’ kwalunkwe informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat jew tal-osservazzjonijiet tiegħu, jew, meta ma tasal l-ebda informazzjoni jew osservazzjoni, mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit f’konformità mal-paragrafu 5, u fi kwalunkwe każ f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.

7.   Fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel proposta skont il-paragrafu 9, hija għandha, qabel ma tagħmel dan, tagħti lill-Istat Membru l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fuq il-proporzjonalità tal-miżuri previsti, fi żmien xaha.

8.   Meta tivvaluta l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-gwida msemmija fil-paragrafu 3.

9.   Meta l-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 huma ssodisfati u li l-miżuri ta’ rimedju, jekk ikun hemm, proposti mill-Istat Membru skont il-paragrafu 5, ma jindirizzawx adegwatament is-sejbiet fin-notifika tal-Kummissjoni, hija għandha tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa lill-Kunsill fi żmien xahar minn meta tirċievi l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru jew, f’każ li ma ssir ebda osservazzjoni, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar mill-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7. Il-proposta għandha tippreżenta r-raġunijiet speċifiċi u l-evidenza li fuqhom il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha.

10.   Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni. Jekk jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali, il-perijodu għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ xahrejn. Bil-ħsieb li tiġi żgurata deċiżjoni f’waqtha, il-Kummissjoni għandha tuża d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 237 TFUE, fejn tqis li dan ikun xieraq.

11.   Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta t-test emendat permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.”

23

L-Artikolu 7 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Tneħħija tal-miżuri”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istat Membru kkonċernat jista’, fi kwalunkwe mument, jadotta miżuri ta’ rimedju ġodda u jippreżenta lill-Kummissjoni notifika bil-miktub li tinkludi evidenza biex juri li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 ma jkunux għadhom issodisfati.

2.   Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tal-miżuri mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, waqt li tqis kwalunkwe evidenza ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju ġdida adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma għadhomx aktar issodisfati l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tneħħi l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri tkun ġiet irrimedjata parzjalment, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tadatta l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma tkunx ġiet rimedjata s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri, hija għandha tindirizza lill-Istat Membru kkonċernat b’deċiżjoni motivata u tinforma lill-Kunsill dwarha.

Meta l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha jew tadotta d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn meta tirċievi dik in-notifika. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, u f’dak il-każ il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet għall-estensjoni.

Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4, 5, 6, 9, 10 u 11 tal-Artikolu 6 għandha tapplika b’analoġija kif xieraq.”

III. It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

24

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla r-Regolament ikkontestat u tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

26

Permezz ta’ rikors tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-Parlament talab li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, il-Parlament sostna li l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kienet kundizzjoni politika essenzjali għall-approvazzjoni tiegħu tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill‑2021 sal‑2027 (ĠU 2020, L 433I, p. 11, iktar ’il quddiem il-“qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027”), u li, fid-dawl tal-urġenza ekonomika, il-fondi disponibbli taħt il-pjan ta’ rkupru COVID-19 intitolat “Next Generation EU” kellhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri f’termini qosra ħafna. Huwa ppreċiża b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament 2020/2094, mill-inqas 60 % tal-impenji legali għandhom jiġu kkuntrattati sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2022 u li l-impenji legali kollha għandhom jiġu kkuntrattati sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, il-Parlament enfasizza li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal‑14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU 2020, L 424, p. 1), il-Kummissjoni ser tibda mis-sajf tal‑2022 is-self tagħha fis-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-pjan ta’ rkupru ċċitat iktar ’il fuq. Skont il-Parlament, is-self u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi estremament sinjifikattivi, f’termini qosra ħafna, inevitabbilment ikun iwassal għal riskji għall-baġit tal-Unjoni li r-Regolament ikkontestat huwa intiż li jipproteġi. Tali protezzjoni tkun importanti, peress li inkapaċità li tipproteġi b’mod effettiv dan il-baġit tirriskja li twassal għal riperkussjonijiet negattivi, b’mod partikolari għas-solidarjetà fi ħdan l-Unjoni fit-tul.

27

L-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-parti l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

28

F’dan il-każ, fid‑9 ta’ Ġunju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-partijiet l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ din it-talba. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-importanza fundamentali ta’ din il-kawża għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari sa fejn din tirrigwarda l-kompetenzi tal-Unjoni sabiex tiddefendi l-baġit u l-interessi finanzjarji tagħha kontra preġudizzju għalihom li jista’ jirriżulta minn ksur tal-valuri li hemm fl-Artikolu 2 TUE.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Ġunju 2021, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess jum, l-Ungerija ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

31

Permezz ta’ rikors tal‑11 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tiħux inkunsiderazzjoni s-siltiet tar-rikors tar-Repubblika tal-Polonja u tal-annessi tiegħu li jirreferu għall-Parir Nru 13593/18 tas-servizz legali tiegħu, tal‑25 ta’ Ottubru 2018, dwar il-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru ((COM/2018) 324 finali), li wassal għar-Regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem il-“Parir Legali Nru 13593/18”) jew jirriproduċu l-kontenut jew ir-raġunament ta’ dan il-parir legali. Fid‑29 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad din it-talba mal-mertu.

32

Fis‑7 ta’ Settembru 2021, peress li qieset li din il-kawża hija ta’ importanza eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tibgħat il-kawża quddiem is-Seduta Plenarja, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

IV. Fuq it‑talba li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċerti siltiet tar‑rikors tar‑Repubblika tal‑Polonja

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

33

Insostenn tat-talba tiegħu intiża sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-punti 53, 75, 126, 133 u 139 tar-rikors tar-Repubblika tal-Polonja, sa fejn jirreferu għall-Parir Legali Nru 13593/18, bill jirriproduċu l-kontenut tiegħu jew jirriflettu l-analiżi tiegħu, il-Kunsill isostni li dan il-parir legali jikkostitwixxi dokument intern mhux ikklassifikat li huwa mmarkat “LIMITE”. Għaldaqstant, dan huwa kopert mis-sigriet professjonali u l-produzzjoni tiegħu fi proċeduri legali hija suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill kif ukoll fil-punti 20 u 21 tal-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill.

34

Skont l-Artikolu 6(2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, il-Kunsill jew il-Coreper biss jistgħu jawtorizzaw il-produzzjoni fi proċeduri legali ta’ kopja ta’ jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma sarux aċċessibbli għall-pubbliku skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti. Barra minn hekk, skont il-punti 20 u 21 ta’ dawn il-linji gwida, dokument “LIMITE” ma għandux isir pubbliku sakemm deċiżjoni ma tkunx ittieħdet għal dan il-għan minn uffiċjal tal-Kunsill debitament awtorizzat, mill-amministrazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, wara konsultazzjoni mas-SĠK, jew, jekk ikun il-każ, mill-Kunsill, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001 u mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

35

Issa f’dan il-każ, sal-lum, il-Kunsill għamel pubbliċi biss, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, l-ewwel tmien punti tal-Parir Legali Nru 13593/18 u lanqas ma awtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tipproduċih fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, ikun kontra l-interess pubbliku, li skontu l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, li jkun ammess li tali dokumenti interni jiġu prodotti fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma l-imsemmija produzzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnata minn dik il-qorti.

37

Il-Kunsill josserva li, għalkemm huwa ta biss parzjalment aċċess għall-Parir Legali Nru 13593/18 wara talbiet ibbażati fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, dan huwa minħabba, b’mod partikolari, ir-riskju li, fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda l-validità tar-Regolament ikkontestat, rikorrent jista’ jikkonfrontah mal-argumenti mressqa mis-servizz legali tiegħu stess fl-imsemmi parir legali, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fi proċedura ġudizzjarja. Barra dan, dawn ir-riskji mmaterjalizzaw ruħhom bil-preżentata ta’ dan ir-rikors.

38

Barra minn hekk, skont il-Kunsill, ir-Repubblika tal-Polonja dejjem ivvotat, abbażi ta’ dawn l-argumenti, favur deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess pubbliku għall-Parir Legali Nru 13593/18. Kieku dan l-Istat Membru kien xtaq li dan il-parir legali jkun pubbliku, huwa kellu jressaq applikazzjoni f’dan is-sens skont ir-Regolament Nru 1049/2001 jew jitlob awtorizzazzjoni skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill u l-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill.

39

Il-Kunsill isostni li kieku r-Repubblika tal-Polonja kienet awtorizzata tuża l-Parir Legali Nru 13593/18 f’din il-kawża, minkejja li ma segwietx il-proċedura prevista għal dan il-għan u li l-kwistjoni ma ġietx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill jkunu ġew evitati. Huwa jfakkar f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ t-talbiet tal-istituzzjonijiet intiżi sabiex jiksbu l-irtirar tad-dokumenti interni tagħhom mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta huma ma jkunux awtorizzaw il-produzzjoni tagħhom fi proċeduri legali u tqis li minn dan jirriżulta li l-Parir Legali Nru 13593/18 ma għandux jintuża f’din il-kawża.

40

Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li, kieku l-produzzjoni tal-Parir Legali Nru 13593/18 f’din il-proċedura tiġi ammessa, ikun obbligat li jressaq evalwazzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni fuq parir intiż għal użu intern u mogħti mis-servizz legali tiegħu stess waqt l-elaborazzjoni tar-Regolament ikkontestat, u dan jikser ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u jaffettwa l-possibbiltà għall-Kunsill li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti.

41

Fl-aħħar, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-Parir Legali Nru 13593/18 ġie żvelat mingħajr awtorizzazzjoni mill-Kunsill fuq is-sit internet ta’ korp tal-istampa u li l-kontenut tiegħu ġie b’hekk żvelat lill-pubbliku ma jaffettwax dawn il-kunsiderazzjonijiet. Barra minn hekk, id-dannu kkawżat lill-Kunsill u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirriżulta mill-użu mhux awtorizzat ta’ dan il-parir legali fil-kuntest tal-proċeduri preżenti jeċċedi bil-bosta dak ikkawżat mill-pubblikazzjoni tal-imsemmi parir legali fl-istampa. Fil-fatt, li r-Repubblika tal-Polonja titħalla tibbaża ruħha fuq l-istess parir legali jhedded l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom b’indipendenza sħiħa u jxejjen l-effikaċja tal-proċeduri intiżi għall-protezzjoni ta’ dan l-interess.

42

Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argumenti tal-Kunsill.

B.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

43

Permezz tal-argumenti tiegħu, il-Kunsill isostni essenzjalment li r-Repubblika tal-Polonja, billi rriproduċiet, fil-punti 53, 126, 133 u 139 tar-rikors, siltiet mill-Parir Legali Nru 13593/18 u billi fformulat mill-ġdid, fil-punt 75 ta’ dan ir-rikors, il-kontenut ta’ dan il-parir, l-ewwel, kisret l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, it-tieni, marret kontra l-interess pubbliku li jikkonsisti fil-fatt li l-Kunsill jista’ jibbenefika mill-pariri tas-servizz legali tiegħu, mogħtija b’indipendenza sħiħa, it-tielet, iqiegħed lill-Kunsill f’sitwazzjoni li tista’ twassal sabiex jesprimi ruħu fil-kawża prinċipali fuq l-analiżi tas-servizz legali tiegħu stess, u b’hekk jinkiser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ir-raba’, kisret il-punti 20 u 21 tal-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill, u, il-ħames, kiser ir-Regolament Nru 1049/2001.

44

Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[i]Kunsill jew il-Coreper jista’ jawtorizza l-produzzjoni għal użu ta’ proċedimenti legali ta’ kopja ta’ jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma nħarġux għall-pubbliku”.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li r-rikors jirreferi għal punti tal-Parir Legali Nru 13593/18 minbarra t-tmien punti li l-Kunsill rrenda pubbliċi b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, sussegwentement, li r-Repubblika tal-Polonja ma talbitx lill-Kunsill l-awtorizzazzjoni sabiex tipproduċi fi proċeduri legali kopja jew estratti ta’ dan il-parir legali u, fl-aħħar nett, li dan l-Istat Membru ma annettiex mar-rikors tiegħu kopja tal-imsemmi parir legali.

46

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, billi rriproduċiet jew irriformulat fir-rikors tagħha, meta ċċitathom, siltiet mill-Parir Legali Nru 13593/18, ir-Repubblika tal-Polonja għandhiex titqies li pproduċiet fi proċeduri legali estratti minnu, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punti 53, 126 u 133 tar-rikors jinkludu kwotazzjonijiet ta’ dan il-parir, filwaqt li l-punti 75, 126 u 139 ta’ dan ir-rikors, iżda wkoll il-punt 126 tal-istess rikors, jinkludu argumenti rispettivi tar-Repubblika tal-Polonja, li bihom dan l-Istat Membru jallega li jirriflettu l-analiżi mwettqa fl-imsemmi parir legali. Issa, tali argumenti rispettivi li jinkludu sempliċi allegazzjonijiet ta’ konkordanza mal-Parir Legali Nru 13593/18, li barra minn hekk il-Kunsill jikkontesta l-eżattezza tagħhom, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu estratti minn dan il-parir legali.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li huma biss il-punti 53, 126 u 133 tar-rikors li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jinkludu “estratti” mill-Parir Legali Nru 13593/18, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-preżentata ta’ tali estratti f’att proċedurali tikkostitwixxi “produzzjoni għal użu ta’ proċedimenti legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

49

Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja kienet bħala prinċipju marbuta, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, li tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex tkun tista’ tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-estratti tal-Parir Legali Nru 13593/18 li jinsabu fil-punti 53, 126 u 133 tar-rikors.

50

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, ċertament, kif jirrileva l-Kunsill, li jkun kuntrarju għall-interess pubbliku li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, jekk jiġi aċċettat li l-produzzjoni ta’ tali dokumenti interni tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija produzzjoni mill-istituzzjoni kkonċernata jew mingħajr ordni għal tali produzzjoni minn din il-qorti (digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, EU:C:2020:65, C‑457/18, punt 66).

51

Fil-fatt, permezz tal-produzzjoni mhux awtorizzata ta’ tali parir legali, ir-rikorrent jikkonfronta l-istituzzjoni kkonċernata, fil-proċedura dwar il-validità ta’ att ikkontestat, ma’ parir mogħti mis-servizz legali tiegħu stess waqt it-tfassil ta’ dan l-att. Issa, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi ammess li dan ir-rikorrent jista’ jdaħħal fil-proċess parir legali ta’ istituzzjoni li l-iżvelar tiegħu ma ġiex awtorizzat minn din tal-aħħar imur kontra r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u jwassal sabiex tiġi evitata l-proċedura ta’ talba għal aċċess għal tali dokument, stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 68).

52

Madankollu, għandu jittieħed kont tal-prinċipju tat-trasparenza, minqux fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 10(3) TUE kif ukoll fl-Artikolu 15(1) u fl-Artikolu 298(1) TFUE, li jagħmilha possibbli, b’mod partikolari, li tiġi ggarantita l-ikbar leġittimità, effiċjenza u responsabbiltà tal-amministrazzjoni lejn iċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 13 u ġurisprudenza ċċitata). It-trasparenza tikkontribwixxi, barra minn hekk, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, sabiex tiżdied il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Huwa minnu li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-prinċipju ta’ trasparenza jista’ jiġġustifika żvelar fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dokument ta’ istituzzjoni li ma jkunx sar aċċessibbli għall-pubbliku u li jinkludi parir legali. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żamma, fil-proċess ta’ kawża, ta’ dokument li jinkludi parir legali ta’ istituzzjoni ma hija ġġustifikata minn ebda interess pubbliku superjuri meta, minn naħa, dan il-parir legali ma huwiex relatat ma’ proċedura leġiżlattiva li għaliha hija imposta trasparenza ikbar u, min-naħa l-oħra, l-interess ta’ din iż-żamma jikkonsisti biss, għall-Istat Membru kkonċernat, li jkun f’pożizzjoni li jinvoka l-imsemmi parir legali fil-kuntest ta’ tilwima. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-produzzjoni ta’ tali parir legali tidher li hija ggwidata mill-interessi tar-rikorrent stess li jissostanzja l-argumenti tiegħu, u mhux minn xi interess pubbliku superjuri, bħal dak li ssir pubblika l-proċedura li wasslet għall-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 18, u s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 71).

54

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod differenti mill-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, il-Parir Legali Nru 13593/18 huwa marbut ma’ proċedura leġiżlattiva.

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu parir tas-servizz legali ta’ istituzzjoni fuq kwistjonijiet legali li tqajmu matul id-dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa tali li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u li jsaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw l-informazzjoni li kkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Minn dan hija ddeduċiet li ma jeżistix bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’dak li jirrigwarda l-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill dwar proċess leġiżlattiv u li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi, bħala prinċipju, obbligu ta’ żvelar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 67 kif ukoll 68).

56

Fil-fatt, hija preċiżament it-trasparenza f’dan ir-rigward li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi perspettiva jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex jonqsu d-dubji f’moħħ iċ-ċittadini mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att leġiżlattiv iżolat iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess leġiżlattiv fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 59), u li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali kif iddefiniti fl-Artikolu 6 TUE u fil-Karta, kif tfakkar il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001.

57

Din it-trasparenza madankollu ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv partikolari iżda li għandu natura partikolarment sensittiva jew ambitu partikolarment wiesa’ li jmur lil hinn mill-kuntest ta’ dan il-proċess leġiżlattiv, jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-ħarsien tal-protezzjoni tal-pariri legali, f’liema każ hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tagħti raġunijiet dettaljati għar-rifjut (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 69)

58

Issa, f’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punti 70 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2021:974), il-Kunsill ma weriex li l-Parir Legali Nru 13593/18 għandu natura partikolarment sensittiva jew portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv relatat miegħu.

59

Għaldaqstant, la l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill u lanqas il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza ma jipprekludu lir-Repubblika tal-Polonja milli tiżvela dan il-parir legali kompletament jew parzjalment fir-rikors tagħha.

60

Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li r-Repubblika tal-Polonja għandha interess proprju li s-siltiet kontenzjużi tar-rikors tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, peress li tali teħid inkunsiderazzjoni huwa wkoll tali li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dubji f’moħħ iċ-ċittadini mhux biss fir-rigward tal-legalità tar-Regolament ikkontestat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess leġiżlattiv fl-intier tiegħu, dan iservi fi kwalunkwe każ l-interess pubbliku superjuri mfakkar fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza.

61

Konsegwentement, u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni separata dwar il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-punti 20 u 21 tal-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill, tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn dawn il-motivi ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jintlaqgħu, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li saru fil-punti 52 sa 60 tas-sentenza preżenti, it-talba tal-Kunsill intiża sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-siltiet tar-rikors tar-Repubblika tal-Polonja, sa fejn jirreferu għall-Parir Legali Nru 13593/18, li jirriproduċu l-kontenut jew jirriflettu l-analiżi tiegħu, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

V. Fuq ir‑rikors

62

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem ħames motivi. Fl-ewwel lok u b’mod konġunt għandhom jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni, il-ħames, is-sitt u l-ħdax-il motiv, li huma bbażati, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

A.   Fuq l‑ewwel, it‑tieni, il‑ħames, is‑sitt u l‑ħdax‑il motiv, ibbażati fuq in‑nuqqas ta’ kompetenza tal‑Unjoni sabiex tadotta r‑Regolament ikkontestat

1. L‑argumenti tal‑partijiet

63

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li n-natura u l-portata tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni mit-Trattati ma jippermettux lill-Kunsill jistabbilixxi mekkaniżmu bħal dak previst mir-Regolament ikkontestat, li jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kontroll tal-osservanza mill-Istati Membri tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u jissuġġetta għall-osservanza ta’ dawn il-prinċipji l-ħlas tal-fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni.

64

Ċertament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ legalment jistabbilixxi, abbażi tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, mekkaniżmu li jissuġġetta l-ħlasijiet li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza mill-Istati Membri tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Madankollu, minn dan il-prinċipju kif iddefinit fil-punt 59 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju u mill-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 56(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-imsemmi prinċipju għandhom ikunu konkreti u jirriżultaw minn dispożizzjonijiet legali speċifiċi li juru r-rabta diretta bejn ir-rekwiżiti stabbiliti u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni kif ukoll tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

65

Issa, permezz tar-Regolament ikkontestat, il-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, ħoloq mekkaniżmu li jissuġġetta l-ħlasijiet mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u mhux għall-osservanza mill-Istati Membri ta’ obbligi konkreti previsti mid-dritt tal-Unjoni, marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

66

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-istabbiliment ta’ tali mekkaniżmu ma jaqax taħt is-setgħat mogħtija lil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-Artikolu 322(1)(a) TFUE, anki jekk l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat jipprevedi li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li huwa kkonstatat għandu jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

67

Fl-ewwel lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni la jista’, f’regolament adottat skont l-Artikolu 322(1)(a) TFUE, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” u lanqas ma jista’ jiddetermina l-elementi li jippermettu li jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipji kostituttivi ta’ dan il-kunċett.

68

Qabel kollox, il-prinċipji tal-Istat tad-dritt jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kemm kostituzzjonali kif ukoll politiċi tal-Istati Membri u l-kontenut tagħhom huwa ppreċiżat fil-ġurisprudenza tal-qrati kostituzzjonali. Għalkemm huwa minnu li l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa, fasslu ċerti kriterji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, il-konkretizzazzjoni tal-imsemmija prinċipji hija limitata, fid-dritt tal-Unjoni, għall-indikazzjoni tal-għanijiet imfittxija minnhom. Issa, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-identitajiet nazzjonali tagħhom, tas-sistemi kostituzzjonali u ġuridiċi tagħhom kif ukoll tat-tradizzjonijiet ġuridiċi tagħhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jippreċiża, għall-prinċipji kollha tal-Istat tad-dritt, il-mezzi li permezz tagħhom jistgħu jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnhom. Għaldaqstant, l-obbligu għall-Istati Membri li josservaw dawn il-prinċipji huwa limitat għan-neċessità li jiġi ggarantit il-kontenut essenzjali tagħhom.

69

Sussegwentement, għalkemm l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, it-Trattati ma jippreċiżawx il-kontenut tagħhom u ma jagħtu ebda kompetenza lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiddefinixxi l-portata tagħhom f’atti tad-dritt sekondarju, lanqas taħt l-Artikolu 19 TUE. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni ma timponi ebda obbligu konkret fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dawn tal-aħħar.

70

Fl-aħħar nett, billi mar lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 322(1)(a) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, billi estenda l-portata tiegħu għal valuri oħra li jinsabu wkoll fl-Artikolu 2 TUE. Bl-istess mod, minbarra l-fatt li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi kriterji li jistgħu jkunu “indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt”, l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament jelenka s-sitwazzjonijiet jew l-aġir tal-awtoritajiet li għandhom jiġu affettwati minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għall-finijiet tal-istess regolament, mingħajr madankollu ma l-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża r-relazzjoni eżistenti bejn dawn id-dispożizzjonijiet u li din il-lista hija eżawrjenti, wara li jitqies il-punt h) tagħha.

71

B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta wkoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill is-setgħa li jippreċiżaw iktar, fl-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat, ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tal-Istat tad-dritt. Barra minn hekk, tali setgħa tiġi eżerċitata ex post, permezz tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni eżistenti fi Stat Membru, li tippermettilhom b’hekk jadattaw l-imsemmija rekwiżiti għall-ksur allegat fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat u li japplikawhom b’effett retroattiv għas-sitwazzjoni eżaminata.

72

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax, abbażi tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, jistabbilixxi proċedura alternattiva għal dawk previsti rispettivament fl-Artikolu 7 TUE u fl-Artikolu 258 TFUE, billi jagħti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill is-setgħa li jikkonstataw ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri.

73

Fil-fatt, tali ksur jista’ jiġi kkonstatat biss mill-Kunsill Ewropew, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 TUE. Jista’ jkun hemm deroga minn din is-setgħa esklużiva tal-Kunsill Ewropew biss b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE, u tal-obbligu li huwa jipprevedi li jiżgura, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ għalhekk jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 258 TFUE.

74

Is-setgħa esklużiva tal-Kunsill Ewropew li jikkonstata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 TUE, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt hija ġġustifikata mill-fatt li l-kontroll tal-osservanza ta’ dan il-valur għandu natura diskrezzjonali u jista’ jkun dipendenti fuq kunsiderazzjonijiet politiċi. B’hekk, skont it-Trattati, huma r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li għandhom jagħmlu tali konstatazzjonijiet u dawn tal-aħħar huma eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu. Fil-fatt, fl-assenza ta’ rekwiżiti ċari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevalwa l-konformità tal-konstatazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-valur. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 269TFUE jillimita l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja biss għall-osservanza tar-“rekwiżiti proċedurali” ddefiniti fl-Artikolu 7 TUE, peress li dan l-istħarriġ ma jistax jirrigwarda l-konstatazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta’ “ksur serju u persistenti” minn Stat Membru tal-imsemmi valur.

75

B’hekk tqum il-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tikkonstata, konformement mar-Regolament ikkontestat, il-ksur minn Stat Membru tal-prinċipji tal-Istat ta’ dritt tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-kompetenza esklużiva tal-Kunsill Ewropew, li tirriżulta mill-Artikolu 7 TUE u mill-Artikolu 269 TFUE, sabiex tiġi evalwata l-osservanza mill-Istati Membri tal-valuri li jinsab fl-Artikolu 2 TUE.

76

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, billi jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji fuq l-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni eċċeda l-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

77

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tfakkar li, fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, mekkaniżmu orizzontali u settorjali ta’ kundizzjonalità fir-rigward tal-ħlas ta’ fondi li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni għandu jissodisfa tliet rekwiżiti. Qabel kollox, din għandha tiddefinixxi preċiżament il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-fondi tal-Unjoni u l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Sussegwentement, il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-ħlasijiet stabbiliti fil-kuntest tal-mekkaniżmu għandu jkollhom “rabta suffiċjentement diretta” mal-għan tal-mekkaniżmu, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni jhedded direttament l-għan tal-finanzjament, il-ġestjoni finanzjarja tajba jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ rabta reali bejn in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni u t-telf tal-finanzjament għandha tiġi pprovata, b’mod partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

78

Minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta li mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità ma jistax iservi sabiex jissanzjona ksur tad-dritt tal-Unjoni li ma għandux effett dirett fuq ir-realizzazzjoni tal-għan tal-finanzjament jew fuq l-użu tajjeb tal-fondi.

79

Issa, l-ewwel rekwiżit ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, il-prinċipji tal-Istat tad-dritt ma jistgħux jaqgħu taħt tali mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità ladarba la t-Trattati u lanqas id-dritt sekondarju ma jippreċiżaw dawn il-prinċipji jew l-obbligi konkreti li l-Istati Membri għandhom josservaw f’dan ir-rigward.

80

Barra minn hekk, l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza fir-rigward ta’ diversi aspetti tal-Istat tad-dritt kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat, fosthom ir-rekwiżit ta’ proċess leġiżlattiv trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament huwa fformulati f’termini ġenerali ħafna, il-konstatazzjoni tal-ksur minn Stat Membru tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt lanqas ma teħtieġ li jintwera l-ksur ta’ obbligi konkreti u taqa’ taħt evalwazzjoni diskrezzjonali. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li din l-evalwazzjoni tkun tiddependi fuq kunsiderazzjonijiet politiċi, tkun arbitrarja jew li titwettaq bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

81

Lanqas it-tieni rekwiżit ma huwa ssodisfatt. Fil-fatt, il-każijiet ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt minn Stat Membru, kif stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, huma fformulati f’termini ġenerali, jinsabu f’lista li ma hijiex ta’ natura eżawrjenti u ma jistabbilixxu ebda obbligu legali preċiż. Dawn id-diversi karatteristiċi jirrendu mingħajr skop l-obbligu li tintwera “l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta” bejn il-ksur ikkonstatat u r-riskju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni. B’hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, dan ir-rekwiżit li għandu jkun, skont il-possibbiltà magħżula, jew issodisfatt awtomatikament jew impossibbli li jintwera, neċessarjament ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni politika u ser jagħti diskrezzjoni sħiħa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jirrestrinġu l-aċċess tal-Istati Membri għall-finanzjamenti tal-Unjoni.

82

It-tielet rekwiżit ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità huwa wkoll nieqes, peress li huwa impossibbli li tintwera, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni esklużivament politika, l-eżistenza ta’ rabta reali bejn in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni għall-kisba tal-finanzjament, jiġifieri l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, u t-telf tal-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni. Peress li l-limitazzjoni tal-finanzjament u l-portata ta’ din il-limitazzjoni tista’ tirriżulta biss minn evalwazzjoni politika, id-deċiżjoni tal-Kunsill ma tistax tkun proporzjonata u tikser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) u tal-premessa 18 tar-Regolament ikkontestat.

83

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-leġiżlatur kien kompetenti sabiex jadotta r-Regolament ikkontestat, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis, permezz tat-tieni motiv, li dan ir-regolament kellu jkun ibbażat fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, jew fuq l-Artikolu 312(2) TFUE, dwar il-qafas finanzjarju pluriannwali.

84

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jirrileva li l-imsemmi regolament japplika, b’mod partikolari skont il-premessa 7 tiegħu, mhux biss għall-impenji baġitarji kollha meħuda skont il-qafas finanzjarju pluriannwali 2021‑2027, iżda wkoll għar-riżorsi allokati mir-Regolament 2020/2094, kif ukoll għas-self u l-istrumenti l-oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan ir-regolament huwa marbut mill-qrib mad-Deċiżjoni 2020/2053 u mal-qafas finanzjarju pluriannwali 2021–2027, u mhux mad-diversi baġits annwali tal-Unjoni.

85

Peress li r-Regolament ikkontestat huwa intiż li japplika għall-baġits annwali sussegwenti tal-Unjoni, huma biss it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE jew l-Artikolu 312(2) TFUE, li huwa l-bażi legali tal-oqsfa finanzjarji pluriannwali, li jistgħu jikkostitwixxu bażi legali xierqa għal dan ir-regolament.

86

Għaldaqstant, l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat abbażi tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ppermettiet li jiġu evitati r-rekwiżiti proċedurali li jirriżultaw mill-Artikoli 311 u 312 TFUE, peress li dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar fil-fatt jipprevedu proċeduri leġiżlattivi speċjali.

87

Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li r-Regolament ikkontestat jistabbilixxi mekkaniżmu ġdid ta’ kontroll tal-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri, mhux previst mit-Trattati u jevita l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE.

88

Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu, li ma huwiex mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità, għandu għan analogu għal dak tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, sa fejn din tal-aħħar u l-proċedura prevista mir-Regolament ikkontestat huma intiżi t-tnejn li huma sabiex jikkontrollaw l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri u sabiex jimponu sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-prinċipji. Dawn iż-żewġ proċeduri huma wkoll indipendenti minn xulxin, peress li l-mekkaniżmu stabbilit minn dan ir-regolament ma huwiex suġġett għall-ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 7 TUE.

89

B’hekk, qabel kollox, filwaqt li l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’unanimità, huwa kompetenti sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt skont l-Artikolu 7(2) TUE, ir-Regolament ikkontestat jipprevedi li hija qabel kollox il-Kummissjoni li għandha tikkonstata l-eżistenza ta’ tali ksur, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill li timponi l-miżuri hija adottata b’maġġoranza kkwalifikata u tirrifletti l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

90

Sussegwentement, filwaqt li l-Artikolu 7 TUE jirrikjedi l-konstatazzjoni ta’ ksur “serju u persistenti” tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ir-Regolament ikkontestat jeħtieġ biss l-eżistenza ta’ ksur sempliċi u iżolat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tiegħu, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tiegħu.

91

Fl-aħħar, il-proċedura tal-Artikolu 7 TUE tinkludi żewġ deċiżjonijiet, l-ewwel waħda, tal-Kunsill Ewropew, dwar il-konstatazzjoni ta’ ksur u, it-tieni waħda, tal-Kunsill, dwar l-adozzjoni tas-sanzjonijiet, b’tali mod li l-konstatazzjoni ta’ ksur ma twassalx neċessarjament għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni. Għall-kuntrarju, ir-Regolament ikkontestat jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda, mill-Kunsill, li tirrigwarda kemm l-eżistenza ta’ ksur kif ukoll il-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni li għandhom jiġu adottati.

92

Issa, ir-Regolament ikkontestat, billi jistabbilixxi rekwiżiti proċedurali inqas restrittivi minn dawk previsti fl-Artikolu 7 TUE, filwaqt li jippermetti li jintlaħaq l-istess għan bħal dan tal-aħħar, iċaħħad lil din id-dispożizzjoni tal-aħħar minn kull effett utli.

93

Ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża, f’dan il-kuntest, li l-proċedura attwalment mibdija fir-rigward tagħha skont l-Artikolu 7 TUE għadha ma tatx lok għall-konstatazzjoni, mill-Kunsill Ewropew, ta’ “ksur serju u persistenti […] tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 [TUE]”, abbażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, b’tali mod li l-Kunsill ma jistax, fis-sitwazzjoni attwali, jadotta sanzjoni b’applikazzjoni tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu. B’hekk, l-għan tal-istabbiliment tal-mekkaniżmu previst mir-Regolament ikkontestat huwa li tiġi evitata l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE.

94

Fl-assenza ta’ reviżjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 48 TUE, l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-osservanza tal-impenji internazzjonali, li ma għandux bażi fit-Trattati, tikkostitwixxi abbuż flagranti tad-dritt u ksur tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ugwaljanza sovrana tal-Istati u tan-nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni tagħhom, ikkodifikati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fir-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal‑24 ta’ Ottubru 1970, intitolata “Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali relatati mar‑relazzjonijiet ta’ ħbiberija u l‑kooperazzjoni bejn l-Istati skont il‑Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”. Skont dawn il-prinċipji, il-proċeduri li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istati għal ksur tal-impenji internazzjonali tagħhom jistgħu jirriżultaw biss minn regoli tad-dritt internazzjonali aċċettati liberament minnhom.

95

Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tallega li l-Qorti tal-Ġustizzja, bi ksur tal-Artikolu 7 TUE u tal-Artikolu 269 TFUE, tista’ tintalab teżamina fil-mertu ksur tal-prinċipji tal-Istat ta’ dritt allegat mill-Kummissjoni, matul stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skont ir-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, sabiex tkun tista’ twettaq tali stħarriġ, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiżviluppa kriterji dwar il-valur tal-Istat tad-dritt, abbażi ta’ definizzjoni ta’ dan il-valur li tirriżulta minn att ta’ dritt sekondarju, kriterji li sussegwentement għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 7 TUE, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa fil-mertu l-ilmenti mqajma kontra Stat Membru abbażi ta’ din il-proċedura.

96

Issa, l-Artikolu 7 TUE għandu rwol speċifiku ħafna fis-sistema tar-rimedji prevista mit-Trattati, peress li jawtorizza b’mod eċċezzjonali lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jikkontrollaw l-osservanza mill-Istati Membri tal-valuri fundamentali tal-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

97

Permezz tal-ħdax-il motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tallega li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn użu ħażin ta’ poter. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li att tal-Unjoni huwa vvizzjat minn użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura meta jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv jew, tal-inqas, determinanti li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li huwa jistipula jew li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat.

98

F’dan il-każ, ċertament, l-għan iddikjarat tar-Regolament ikkontestat huwa, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u, sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-premessa 7 tiegħu tistabbilixxi li, għall-finijiet li jintlaħaq dan l-għan, huwa neċessarju li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, li jippresupponi l-osservanza tal-valuri tal-Istat tad-dritt. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-imsemmi regolament jistabbilixxi r-regoli neċessarji għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

99

Madankollu, dan l-għan iddikjarat ma jikkorrispondix mal-għan reali tar-Regolament ikkontestat. Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat enfasizzat li “għadd ta’ avvenimenti reċenti” kienu wrew “dgħufijiet ġeneralizzati fis-sistemi nazzjonali ta’ kontroll u bilanċ”, kienu “wrew kif nuqqas ta’ rispett għall-[I]stat tad-dritt [seta’] jsir kwistjoni ta’ tħassib serju u komuni fl-Unjoni Ewropea kollha” u kienu ħeġġew lill-“istituzzjonijiet bħall-Parlament Ewropew kif ukoll [lill-pubbliku inġenerali [sabiex jesprimu ruħhom b’mod ċar mal-Unjoni Ewropea] biex jittieħdu azzjonijiet biex jiġi protett [l-I]stat tad-dritt”.

100

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni, bħalma diġà allega fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, li l-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament ikkontestat ma huwiex mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità intiż sabiex jipproteġi l-baġit tal-Unjoni, iżda mekkaniżmu punittiv intiż li jissanzjona l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata kemm mill-Biuro Analiz Sejmowych Kancelarii Sejmu RP (l-Uffiċċju għall-Analiżi Parlamentari tal-Kanċellerija tal-Kamra tar-Rappreżentanti Baxxa tar-Repubblika tal-Polonja) kif ukoll mir-rapporti annwali tal-Qorti tal-Awdituri, li jgħidu li l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni u l-ġestjoni tal-finanzi tal-Unjoni qegħdin jittejbu. Fil-fatt, il-perċentwali ta’ żbalji, li kienet tammonta għal 4.4 % matul l‑2014, naqset sabiex tilħaq 3.8 % u mbagħad 3.1 % matul l-2015 u l‑2016. B’hekk, in-neċessità li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett ma kinitx tiġġustifika l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

101

Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja taqbel mal-opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill espressa fil-Parir Legali Nru 13593/18 tiegħu li tgħid li l-mekkaniżmu previst mill-proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat “ma jurix b’liema mod l-osservanza tal-Istat tad-dritt […] huwa marbut ma’ implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni u mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”. Għalkemm, f’uħud mill-premessi ta’ dan ir-regolament, l-eżistenza ta’ tali rabta hija msemmija, madankollu din ir-rabta ma hijiex spjegata u wisq inqas murija.

102

Minn dan, ir-Repubblika tal-Polonja tiddeduċi li l-għan reali ta’ din il-proposta ma huwiex daqstant il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni iżda l-protezzjoni tal-Istat tad-dritt permezz ta’ miżuri li jirrigwardaw il-baġit tal-Unjoni. Mill-kumplament, opinjoni simili ġiet espressa mill-parlamenti nazzjonali u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, peress li dan indika li huwa kien iqis li “l-proposta għall-eżami iktar hija strument possibbli għall-protezzjoni tal-valuri kollha msemmija fl-Artikolu 2 TUE permezz tal-baġit tal-Unjoni”. Din l-opinjoni hija kkorroborata, barra minn hekk, mill-premessa 14 tar-Regolament ikkontestat, li tinkludi l-mekkaniżmu previst minn dan ir-regolament fost l-istrumenti ta’ protezzjoni tal-Istat tad-dritt.

103

L-għan ta’ dan il-mekkaniżmu għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala identiku għal dak tal-“proċedura ta’ kontroll politiku” prevista fl-Artikolu 7 TUE. F’dan ir-rigward, la l-Artikolu 7(3) TUE u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattati ma fihom limiti materjali fir-rigward tad-drittijiet ta’ Stat Membru li jistgħu jiġu sospiżi fil-każ ta’ ksur gravi u persistenti tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, peress li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni li jistgħu jiġu imposti fuq Stat Membru abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ikkontestat jistgħu wkoll jikkorrispondu għal dawk li l-Kunsill jista’ jadotta skont l-Artikolu 7(3) TUE meta jiddeċiedi li jissospendi “wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati”.

104

Peress li miżuri bħal dawk previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament ikkontestat setgħu jiġu deċiżi anki qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, b’applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, il-premessa 14 tal-imsemmi regolament hija għalhekk żbaljata meta tafferma li l-mekkaniżmu li huwa jistabbilixxi jikkompleta l-istrumenti legali eżistenti intiżi għall-ġlieda kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

105

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ikkontestat, dwar il-modifika u t-tneħħija tal-miżuri adottati, jindikaw li l-għan ta’ dawn il-mekkaniżmi huwa li l-Istat Membru kkonċernat jiġi inkoraġġut josserva l-valur tal-Istat tad-dritt. Issa l-imsemmi regolament, billi ma jirrikjedix deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew, jawtorizza proċedura ta’ adozzjoni ta’ sanzjonijiet li hija ħafna inqas vinkolanti minn dik prevista fl-Artikolu 7 TUE, u b’hekk iċaħħad li din tal-aħħar mill-effett utli tagħha.

106

F’parir tas‑27 ta’ Mejju 2014, is-servizz legali tal-Kunsill indika, minn naħa, li l-Artikolu 7 TUE jiddefinixxi b’mod intenzjonali kuntest ta’ kontroll preċiż, strutturat f’diversi fażijiet, limitu teoretiku għoli sabiex jinbdew il-proċeduri, maġġoranza msaħħa fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, kif ukoll numru ta’ garanziji proċedurali għall-Istat Membru kkonċernat, inkluża l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li dan l-artikolu ma jipprevedix bażi legali li tippermetti li tiġi żviluppata jew modifikata din il-proċedura. Din il-pożizzjoni ġiet espliċitament ripetuta fil-Parir Legali Nru 13593/18, li jindika, barra minn hekk, li d-dritt sekondarju la jista’ jbiddel jew jikkompleta l-imsemmija proċedura, u lanqas ma jista’ jkollu l-konsegwenza li jċaħħadha mill-effett utli tagħha.

107

Għaldaqstant, minħabba li l-għan, il-prinċipji u l-miżuri applikabbli huma identiċi, il-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament ikkontestat jikkostitwixxi evitar manifest u deliberat tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE.

108

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-kawża preżenti għandha analoġiji mal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punti 57 sa 60). Hija tfakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-premessa 10 tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU 2002, L 190, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/JAI, tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24), iddeċidiet li n-nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ikunu kemm ikunu serji, ma jiġġustifikawx sospensjoni fil-prattika tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru sakemm il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill ma adottawx id-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 7 TUE.

109

Issa, din il-premessa 10 tirrifletti biss il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mill-Artikolu 7 TUE. Għaldaqstant, mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti jirriżulta li d-drittijiet li jirriżultaw mit-Trattati jistgħu jiġu sospiżi fir-rigward ta’ Stat Membru, minħabba l-ksur minn dan tal-aħħar tal-valuri li jinsabu l-Artikolu 2 TUE, biss mill-Kunsill b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) TUE.

110

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

111

Permezz tal-ewwel, it-tieni, il-ħames, is-sitt u t-tlettax il motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni, essenzjalment, minn naħa, li la l-Artikolu 322(1)(a) TFUE u lanqas xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat FUE ma setgħet tikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari tal-Artikoli 2 sa 4 tiegħu Hija tippreċiża, sussidjarjament, li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkunsidra li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu kompetenza sabiex jadotta r-Regolament ikkontestat, dan kellu jiġi adottat abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE jew tal-Artikolu 312(2) TFUE. Hija żżid, min-naħa l-oħra, li l-proċedura stabbilita mill-imsemmi regolament tevita dik prevista fl-Artikolu 7 TUE, li madankollu hija ta’ natura esklużiva għall-protezzjoni tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, u tippreġudika l-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-Artikolu 269 TFUE.

a) Fuq il‑bażi legali tar‑Regolament ikkontestat

112

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 322(1)(a) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri għandhom jadottaw, permezz ta’ regolament “ir-regoli finanzjarji li jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet”.

113

Issa, tali regoli huma intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni koperti mit-Titolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet Finanzjarji”, tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE, dwar id- “[d]ispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji” u, għaldaqstant, din l-l-implimentazzjoni f’sens wiesa’.

114

Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Artikolu 322 TFUE jinsab fil-Kapitolu 5, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, ta’ dan it-Titolu II, għandu jiġi osservat li jsir riferiment għal din id-dispożizzjoni fl-Artikolu 310(2) u (3) TFUE, li jinsab fil-parti introduttiva tal-imsemmi Titolu II, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 315 TFUE u fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 316 TFUE, li jinsabu fil-Kapitolu 3 tal-istess Titolu II, intitolat “Il-baġit annwali tal-Unjoni”, kif ukoll fl-Artikolu 317 TFUE, li jinsab fil-Kapitolu 4 tiegħu, intitolat “L-implimentazzjoni tal-baġit u l-kwittanza”.

115

Issa, l-Artikoli 310 u 315 sa 317 TFUE kollha kemm huma għandhom rabtiet mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

116

Fil-fatt, l-Artikolu 310 TFUE jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dħul u l-ispejjeż kollha tal-Unjoni għandhom ikun suġġetti għal estimi li jsiru għal kull sena finanzjarja u għandhom jiġu inkluż fil-baġit, u jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-implimentazzjoni tal-ispejjeż inklużi fil-baġit teħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta’ att tal-Unjoni legalment vinkolanti li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni tagħha u għall-implimentazzjoni tal-ispiża korrispondenti f’konformità mar-regolament previst fl-Artikolu 322, ħlief fil-każijiet previsti f’dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, dan l-Artikolu 310 jeżiġi, fil-paragrafu 5 tiegħu, li l-imsemmi baġit għandu jkun implimentat konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Unjoni sabiex l-approprazzjonijiet imdaħħla fil-baġit jintużaw konformement ma’ dan il-prinċipju.

117

Fir-rigward tal-Artikolu 315 TFUE, dan jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li, jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, il-baġit ikun għadu ma ġiex adottat b’mod definittiv, somma ekwivalenti ta’ mhux aktar minn wieħed minn tnax tal-approprazjonijiet għall-kapitolu inkwistjoni tal-baġit tas-sena finanzjarja preċedenti tista’ tintefaq kull xahar fir-rigward ta’ xi kapitolu tal-baġit skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 322, mingħajr ma din is-somma taqbeż il-wieħed minn tnax tal-approprjazzjonijiet previsti fl-istess kapitolu tal-abbozz tal-baġit. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 316 TFUE jirrigwarda l-mogħdija għas-sena finanzjarja ta’ wara tal-approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw sa tmiem sena finanzjarja.

118

Fir-rigward tal-Artikolu 317 TFUE, dan b’mod partikolari jistipula li l-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f’koperazzjoni mal-Istati Membri, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti adottati b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 322 TFUE, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-approprazzjonijiet allokati, konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Huwa jeżiġi wkoll li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-approprazzjonijiet jintużaw konformement ma’ dan il-prinċipji u jispeċifika li regolament adottat b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 322 TFUE għandu jistabbilixxi l-obbligi ta’ kontroll u ta’ verifika tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li joħorġu minn dan.

119

Minn dan isegwi li r-regoli finanzjarji li jiddeterminaw “b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata” għall-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll għall-preżentazzjoni u għall-verifika tal-kontijiet, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, ma jkoprux biss ir-regoli li jiddefinixxu l-mod li bih jiġu, bħala tali, eżegwiti l-ispejjeż imdaħħla f’dan il-baġit, iżda wkoll, b’mod partikolari, ir-regoli li jistabbilixxu l-obbligi ta’ kontroll u ta’ verifika imposti fuq l-Istati Membri meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit f’kooperazzjoni magħhom, kif ukoll ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn dan. B’mod partikolari, jidher b’mod ċar li dawn ir-regoli finanzjarji huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-osservanza, waqt l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, inkluż mill-Istati Membri.

120

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk l-Artikolu 322(1)(a) TFUE setax jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

121

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fejn fosthom jinsabu l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 31; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 38, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 43).

122

Barra minn hekk, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku li minnu tifforma parti leġiżlazzjoni ġdida, b’mod partikolari sa fejn tali kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan li din il-leġiżlazzjoni tixtieq tilħaq (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 32; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 39, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 44).

123

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt li jsir magħruf jekk ir-Regolament ikkontestat jistax, fid-dawl tal-għan tiegħu, ikun kopert mill-bażi legali tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija ssostni, essenzjalment, li l-għan reali ta’ dan ir-regolament huwa dak li tkun permessa l-applikazzjoni, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ta’ sanzjonijiet permezz tal-baġit tal-Unjoni, għan li jirriżulta b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, mill-premessa 14 tiegħu, iżda wkoll mill-assenza ta’ prova ta’ rabta bejn l-osservanza tal-Istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kif ukoll minn statistika li minnha jirriżulta li, meta ġie adottat dan ir-regolament, ma kienx hemm bżonn li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett.

124

F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jistipula li dan jistabbilixxi “r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri”. Għalhekk, minn kliem din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmi regolament huwa intiż li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra l-preġudizzji, għal dan il-baġit, li jistgħu jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

125

It-tieni, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tniedi l-proċedura prevista għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ “miżuri xierqa” ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni biss meta din l-istituzzjoni tikkonstata li jeżistu raġunijiet validi mhux biss li jitqies li, fi Stat Membru, jseħħ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda fuq kollox li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

126

Iktar minn hekk, mill-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dawn il-miżuri xierqa jikkonsistu, essenzjalment, f’sospensjonijiet ta’ pagamenti, fl-eżekuzzjoni ta’ impenji legali, fl-iżborż ta’ pagamenti parzjali, f’vantaġġ ekonomiku taħt strument iggarantit, fl-approvazzjoni ta’ programmi jew ta’ impenji, f’terminazzjonijiet ta’ impenji legali, fi projbizzjonijiet li jiġu kkuntrattati impenji legali ġodda jew li jiġu kkuntrattati ftehimiet ġodda, f’rimborsi antiċipati ta’ self iggarantit, fi tnaqqis ta’ vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn strument iggarantit, f’impenji jew fi prefinanzjamenti, u f’interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti, u li dawn għandhom ikunu xierqa, jiġifieri limitati għal dak li huwa strettament neċessarju fir-rigward tal-effett reali jew potenzjali ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha.

127

Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill it-tneħħija tal-miżuri adottati meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ma jkunux għadhom issodisfatti u, għaldaqstant, b’mod partikolari meta ma jkun għadu jeżisti l-ebda preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’tali mod li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punt 185 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2021:974), dawn il-miżuri għandhom jiġu rrevokati meta l-impatt fuq l-implimentazzjoni tal-baġit jintemm, anki jekk ikun għad hemm il-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

128

Issa, it-tipi ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati, il-kriterji relatati mal-għażla u mal-portata tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni u ta’ tneħħija tal-imsemmija miżuri, sa fejn dawn ikunu kollha marbuta ma’ preġudizzju jew ma’ riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jikkonfermaw il-konstatazzjoni li tgħid li l-għan tar-Regolament ikkontestat huwa li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tiegħu.

129

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat, moqri fid-dawl tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu kif ukoll tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, li tissanzjona Stat Membru għal ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt, iżda li tħares l-interessi leġittimi tad-destinatarji finali u tal-benefiċjarji meta miżuri xierqa jiġu adottati abbażi tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ Stat Membru. Din id-dispożizzjoni għalhekk tistabbilixxi l-konsegwenzi ta’ tali miżuri fir-rigward tat-terzi. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura li ssostni l-allegazzjoni li tgħid li r-Regolament ikkontestat huwa intiż, iktar milli sabiex jipproteġi l-baġit tal-Unjoni, sabiex jissanzjona, bħala tali, ksur tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

130

It-tielet, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kawża L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2021:974), il-premessi tar-Regolament ikkontestat jikkonfermaw l-għan imfittex minn dan ir-regolament, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Fil-fatt, il-premessi 2 u 7 sa 9 tal-imsemmi regolament jistipulaw, b’mod partikolari, li l-Kunsill Ewropew iddikjara li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti konformement mal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2TUE, li, kull darba li l-Istati Membri jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, l-osservanza tal-Istat tad-dritt hija kundizzjoni essenzjali għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba sanċiti fl-Artikolu 317 TFUE, li l-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba biss jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f’konformità mad-dritt, jekk effettivament tittieħed azzjoni kontra l-ksur tad-dritt u jekk id-deċiżjonijiet arbitrarju jew illegali tal-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, u jekk l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura kif ukoll tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ġudizzjarja huma meħtieġa bħala garanzija minima kontra d-deċiżjonijiet arbitrarji u illegali ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jikkawżaw ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-premessa 13 tal-istess regolament tesponi li, f’dan il-kuntest, għalhekk teżisti “relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba”, il-premessa 15 tiegħu, min-naħa tagħha, tispeċifika li “[k]sur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv, jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni”.

131

Fir-rigward tal-premessa 14 tar-Regolament ikkontestat, għalkemm tipprevedi li l-mekkaniżmu previst minnu “jikkomplementa” l-istrumenti li jippromwovu l-Istat tad-dritt u l-applikazzjoni tiegħu, hija tispeċifika li dan il-mekkaniżmu jikkontribwixxi għal din il-promozzjoni “billi jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

132

Ir-raba’, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-premessi 7 sa 9, 13 u 15 tar-Regolament ikkontestat jirreferu għall-eżistenza ta’ rabta bejn l-osservanza tal-Istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni mingħajr madankollu ma turi dan, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jiddeduċi l-konstatazzjonijiet magħmula fl-imsemmija premessi minn rapporti ta’ esperti li huwa kellu matul il-proċedura leġiżlattiva, li fosthom hemm l-Opinjoni Nru 1/2018 tal-Qorti tal-Awdituri u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (ĠU 2018, C 291, p. 1), li wasslet għar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, mill-punti 10 u 11 ta’ din l-opinjoni jirriżulta li din l-istituzzjoni approvat il-“fehma tal-Kummissjoni li deċiżjonijiet illegali u arbitrarji li jittieħdu mill-awtoritajiet pubbliċi li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi u għal stħarriġ ġudizzjarju jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni” u rrikonoxxiet li “l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura huma essenzjali għall-iżgurar tal-ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-infurzar ġudizzjarju ta’ talbiet legali, il-ġlieda kontra l-frodi u interessi leġittimi oħra tal-UE”.

133

Bl-istess mod, fil-punti 1.3 u 1.4 tal-opinjoni tiegħu tat‑18 ta’ Ottubru 2018 dwar din il-proposta għal regolament (ĠU 2019, C 62, p. 173), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ippreċiża li “r-rispett effettiv għall-[I]stat tad-dritt huwa prerekwiżit biex il-pubbliku jkollu fiduċja li l-infiq tal-UE fl-Istati Membri huwa protett biżżejjed”, li “ l-proposta [li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament] se ssaħħaħ […] il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE” u li “theddid serju, sistematiku u persistenti għall-[I]stat tad-dritt, […] min-natura tagħhom stess, jistgħu jimponu riskju dirett għall-interessi finanzjarji tal-UE”.

134

Il-ħames, fl-espożizzjoni tal-motivi għall-proposta tagħha li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ċertament indikat li kienu ġew espressi xewqat favur intervenzjoni tal-Unjoni sabiex hija tipproteġi l-Istat tad-dritt u, għaldaqstant, tadotta miżuri intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tiegħu. Madankollu, f’din l-istess espożizzjoni tal-motivi, il-Kummissjoni ġġustifikat il-proposta tagħha bin-neċessità li “jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra r-riskju ta’ telf finanzjarju kkawżat minn nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward l-istat tad-dritt f’xi Stat Membru”.

135

Is-sitt, fir-rigward tal-istatistika li turi li, waqt l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma kien jeżisti ebda bżonn oġġettiv li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-istatistiċi jirrigwardaw, skont ir-Repubblika tal-Polonja nnifisha, il-perċentwali ta’ żbalji kkonstatati matul is-snin 2014 sa 2016. Issa, dan ir-regolament ma huwiex intiż li jagħmel tajjeb għall-iżbalji li jistgħu jitwettqu waqt l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, iżda għall-preġudizzji u r-riskji serji ta’ pregudizzju għal dan il-baġit jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jistgħu jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

136

Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja intiżi li jikkontesta l-opportunità stess tar-Regolament ikkontestat, minħabba li dan tal-aħħar ma jissodisfax bżonn oġġettiv, ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni eċċeda l-limiti tal-kompetenzi tiegħu.

137

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, l-għan tar-Regolament ikkontestat huwa li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra preġudizzji għalih li jirriżultaw b’mod suffiċjentement dirett minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru, u mhux li jissanzjona, fih innifsu, tali ksur.

138

Issa, dan l-għan huwa koerenti mar-rekwiżit li l-baġit tal-Unjoni għandu jiġi implimentat konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, impost b’mod partikolari fl-Artikolu 310(5) TFUE, sa fejn dan ir-rekwiżit huwa applikabbli għad-dispożizzjonijiet kollha tat-Titolu II tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u għalhekk, b’mod partikolari, fl-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

139

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat ma jistax legalment, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, jaqa’ taħt il-bażi legali tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 2 sa 4 tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 322(1)(a) TFUE la jippermetti li jiġu ppreċiżati l-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, u lanqas, għaldaqstant, li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “Stat ta’ dritt”, li dan il-kunċett jiġi estiż għall-valuri l-oħra tal-Artikolu 2 TUE, jew ukoll li jiġu kkonstatati ksur tal-Istat tad-dritt, tkun xi tkun ir-rabta tagħhom mal-baġit tal-Unjoni. Barra minn hekk, ebda kompetenza ma hija attribwita lill-Unjoni sabiex tirregola ċerti aspetti tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, bħall-karatteristiċi tal-proċess leġiżlattiv. Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament ikkontestat ma jissuġġettax il-ħlasijiet li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza mill-Istati Membri ta’ obbligi konkreti, relatat mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, iżda għall-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. Issa, mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità għandu jiddefinixxi preċiżament il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-fondi, li għandhom ikollhom rabta suffiċjentement diretta mal-għanijiet tal-finanzjament. Ir-rabta bejn il-ksur ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u t-telf tal-finanzjament għandha tkun ipprovata, u, sanzjoni tista’ tiġi ddikjarata biss meta jiġi stabbilit li l-ksur inkwistjoni għandu effett fuq it-twettiq tal-għanijiet jew fuq l-użu tajjeb tal-fondi. L-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament huma madankollu fformulati f’termini ġenerali ħafna, u ma jipprovdux kriterji konkreti ta’ evalwazzjoni tal-osservanza tal-Istat tad-dritt. B’mod partikolari, l-Artikolu 4(2)(h) tiegħu jippermetti li jinqabdu sitwazzjonijiet u aġir li għadhom ma ġewx identifikati, u b’hekk jiftaħ it-triq għat-tfassil ex post tal-kriterji intiżi sabiex jiġi evalwat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u, għaldaqstant, li jagħti lill-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament ikkontestat in-natura ta’ mekkaniżmu ta’ sanzjoni.

140

F’dan ir-rigward, l-ewwel, il-partijiet fil-kawża jaqblu li jitqies li “mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità”, li jissuġġetta l-benefiċċju tal-finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, jista’ jkun kopert mill-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

141

Madankollu, filwaqt li r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis li tali kundizzjoni għandha tkun strettament marbuta jew ma’ wieħed mill-għanijiet ta’ programm jew ma’ azzjoni speċifika tal-Unjoni, jew mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni, il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, iqisu li tali mekkaniżmu jista’ wkoll ikollu n-natura ta’ “kundizzjonalità orizzontali”, fis-sens li l-kundizzjoni inkwistjoni tista’ tkun marbuta mal-valur tal-Istat tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, li għandha tiġi osservata fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni.

142

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, fosthom l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri u li, konformement mal-Artikolu 49 TUE, l-osservanza ta’ dawn il-valuri tikkostitwixxi prekundizzjoni għall-adeżjoni mal-Unjoni ta’ kull Stat Ewropew li jitlob li jsir membru tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 160161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143

Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, meta Stat kandidat isir Stat Membru, huwa jsir parti minn struttura legali li hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, il-valuri komuni li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Din il-premessa turi karatteristiċi speċifiċi u essenzjali tad-dritt tal-Unjoni, relatati man-natura rispettiva tiegħu, li jirriżultaw mill-awtonomija li l-imsemmi dritt igawdi fil-konfront kemm tad-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali. Hija timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 166 sa 168; is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16,EU:C:2018:117, punt 30, u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika,C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 62). Din il-premessa tispeċifika wkoll li d-drittijiet u l-prattiki tal-Istati Membri għandhom ikomplu josservaw il-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

144

Minn dan jirriżulta li l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru (sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika,C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 63; tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 162, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 162). Fil-fatt, l-osservanza ta’ dawn il-valuri ma għandhiex tiġi ridotta għal obbligu li għandu jiġi osservat minn Stat kandidat sabiex jaderixxi mal-Unjoni u li huwa jista’ ma jkomplix josserva wara l-adeżjoni tiegħu.

145

Il-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE ġew identifikati u huma kondiviżi mill-Istati Membri. Dawn jiddefinixxu l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni. Għalhekk, l-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni, fil-limiti tal-attribuzzjonijiet tagħha previsti mit-Trattati, li tiddefendi l-imsemmija valuri.

146

Minn dan jirriżulta li, konformement kemm mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi sanċit fl-Artikolu 5(2) TUE, kif ukoll mal-prinċipju ta’ koerenza tal-politiki tal-Unjoni previst fl-Artikolu 7 TFUE, il-valur komuni għall-Unjoni u għall-Istati Membri kkostitwit mill-Istat tad-dritt, li jifforma parti mill-pedamenti nnifishom tal-Unjoni u tal-ordinament ġuridiku tagħha, jista’ jservi ta’ bażi għal mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità kopert mill-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

147

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-baġit tal-Unjoni huwa wieħed mill-istrumenti prinċipali li jippermettu li jiġi kkonkretizzat, fil-politiki u fl-azzjonijiet tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ solidarjetà, imsemmi fl-Artikolu 2 TUE, li min-naħa tiegħu jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 38), u, min-naħa l-oħra, li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, permezz ta’ dan il-baġit, hija msejsa fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fl-użu responsabbli tar-riżorsi komuni iskritti fl-imsemmi baġit. Issa, din il-fiduċja reċiproka hija min-naħa tagħha msejsa, hekk kif tfakkar fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, fuq l-impenn ta’ kull Stat Membri li jikkonforma ruħu mal-obbligi li huwa għandu taħt id-dritt tal-Unjoni u li josserva b’mod kontinwu, hekk kif barra minn hekk tirrileva l-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, il-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fosthom hemm il-valur tal-Istat tad-dritt.

148

Barra minn hekk, hekk kif ġie osservat fil-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat, teżisti rabta’ manifesta bejn l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt, minn naħa, u l-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni, konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

149

Fil-fatt, din il-ġestjoni finanzjarja tajba u dawn l-interessi finanzjarji jistgħu jkunu kompromessi serjament minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq fi Stat Membru, peress li l-konsegwenza ta’ dan il-ksur tista’ tkun, b’mod partikolari, l-assenza ta’ garanzija li spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ finanzjament previsti mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, jissodisfaw l-għanijiet imfittxija mill-Unjoni meta hija tiffinanzja tali spejjeż.

150

B’mod partikolari, l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet u ta’ dawn l-għanijiet, bħala elementi tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax tkun iggarantita b’mod sħiħ fl-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fejn għandu jiġi speċifikat li l-eżistenza ta’ tali stħarriġ, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq livell tal-Unjoni minn qrati indipendenti, hija inerenti għal Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 219222).

151

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità jista’ wkoll ikun kopert mill-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, imsemmi fl-Artikolu322(1)(a) TFUE meta jistabbilixxi, għall-benefiċċju ta’ finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, kundizzjonalità orizzontali li hija marbuta mal-osservanza, minn Stat Membru tal-valur tal-Istat tad-dritt, li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, u li huwa relatat mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

152

Issa, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi tali mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali, peress li jipprevedi li miżuri xierqa jittieħdu meta jkun stabbilit li ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

153

Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod eżawrjenti l-“miżuri xierqa” li jistgħu jiġu adottati, li huma miġbura fil-qosor fil-punt 126 ta’ din is-sentenza u li huma kollha effettivament relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

154

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, relatata mal-eżistenza ta’ “ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt”, l-Artikolu 2(a) tiegħu jistipula li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” ifisser, fis-sens ta’ dan ir-regolament, il-“valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE” u jispeċifika li dan il-kunċett ikopri l-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali, ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ separazzjoni tas-setgħat kif ukoll ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. L-istess dispożizzjoni tenfasizza, madankollu, li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, kif iddefinit għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, “għandu jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE”. Minn dan isegwi li l-osservanza ta’ dawn il-valuri u ta’ dawn il-prinċipji, sa fejn dawn jipparteċipaw fid-definizzjoni nnifisha tal-valur tal-“Istat tad-dritt”, li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, jew, hekk kif jirriżulta mit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, li huma intimament marbuta ma’ soċjetà li tirrispetta l-Istat tad-dritt, tista’ tkun rikjesta fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali, bħal dak stabbilit mir-Regolament ikkontestat.

155

Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, li jiċċita każijiet li jistgħu jkunu jindikaw ksur ta’ dawn il-prinċipji, li fosthom hemm il-fatt li jkun hemm l-assenza li jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess, huwa intiż, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punti 152 u 280 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2021:974), li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

156

Fir-rigward tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, minnu jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu jkun jirrigwarda s-sitwazzjonijiet jew l-aġiri tal-awtoritajiet li huma elenkati fil-punti a) sa h) ta’ dan il-paragrafu 2, sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

157

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ikkontestat huma elementi kostituttivi tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, billi jipprevedu d-definizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu, billi jispeċifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u billi jipprevedu l-miżuri li għalihom dan jista’ jwassal. Dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jiffurmaw parti integrali minn dan il-mekkaniżmu u jaqgħu, għalhekk, taħt il-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

158

It-tieni, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, li ebda kompetenza ma ġiet attribwita lill-Unjoni sabiex tadotta leġiżlazzjoni li tikkonċerna aspetti speċifiċi tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, bħal proċess leġiżlattiv responsabbli, demokratiku u trasparenti.

159

Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tibda l-proċedura li huwa jipprevedi għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ “miżuri xierqa” ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni biss meta din l-istituzzjoni tikkonstata li jeżistu raġunijiet validi mhux biss li jitqies li, fi Stat Membru, seħħ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda fuq kollox li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

160

Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 156 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu jkun jirrigwarda s-sitwazzjonijiet jew l-aġiri tal-awtoritajiet li huma elenkati fil-punti a) sa h) ta’ dan il-paragrafu 2, sa fejn u sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

161

Issa, din ir-rilevanza tista’ tiġi preżunta f’dak li jirrigwarda l-attività tal-awtoritajiet li jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni u inkarigati mill-kontroll, mill-monitoraġġ u mill-awditjar finanzjarju, imsemmija fil-punti a) u b), tal-imsemmi paragrafu 2. Fir-rigward tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ġudizzjarja, il-funzjonament tajjeb tagħhom huwa previst, fil-punt c) tiegħu, biss sakemm inkwistjoni jkun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni u l-issanzjonar, mill-qrati nazzjonali jew mill-awtoritajiet amministrattivi, tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni msemmi fil-punt e). F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju stipulat fil-punt d), dan huwa previst biss sa fejn ikun jirrigwarda aġir tal-awtoritajiet imsemmi fl-imsemmija punti a) sa c). L-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament, previst fil-punt f), huwa previst biss għal fondi li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni, u l-istess jgħodd għall-kooperazzjoni mal-OLAF u mal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, imsemmija fil-punt g). Fl-aħħar, il-punt h) jirrigwarda espliċitament kull sitwazzjoni oħra jew kull aġir ieħor tal-awtoritajiet rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

162

Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, minn naħa, ir-Regolament ikkontestat jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri biss sakemm dawn is-sitwazzjonijiet huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati abbażi ta’ dan ir-regolament biss meta huwa stabbilit li tali sitwazzjonijiet jinvolvu ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew li jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji.

163

Issa, dawn is-sitwazzjonijiet, li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, mhux biss talli jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda jistgħu wkoll, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 151 ta’ din is-sentenza, jaqgħu taħt regola finanzjarja, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, li tieħu l-forma ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali marbut mal-osservanza, mill-Istat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt.

164

It-tielet, u bil-kontra ta’ dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, il-fatt li mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali li jissodisfa l-kriterji identifikati fil-punt 151 ta’ din is-sentenza, relatat mal-osservanza minn Stat Membru tal-valur tal-Istat tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 2 TUE u li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “regoli finanzjarji li jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-[…]implimentazzjoni tal-baġit”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, ma jestendix il-portata ta’ dan il-kunċett lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni.

165

Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat jillimita, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit mill-imsemmi regolament għas-sitwazzjonijiet u għall-aġiri tal-awtoritajiet li jippreżentaw rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u jeżiġi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha b’mod suffiċjentement dirett. Din l-aħħar kundizzjoni għalhekk teżiġi li tiġi stabbilita rabta diretta bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju.

166

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat hija suġġetta għar-rekwiżiti proċedurali speċifikati fl-Artikolu 6(1) sa (9) ta’ dan ir-regolament, li jimplikaw, hekk kif tosserva l-premessa 26 tal-imsemmi regolament, l-obbligu li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, meta hija teżamina jekk l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa hijiex iġġustifikata, fuq elementi konkreti u li tosserva l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

167

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, il-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat tispeċifika li din l-evalwazzjoni għandha tkun oġġettiva, imparzjali u ekwa. Barra minn hekk, l-osservanza ta’ dawn l-obbligi kollha hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ mil-Qorti tal-Ġustizzja.

168

Ir-raba’, f’dak li jirrigwarda l-oġġezzjonijiet li jgħidu li l-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit mir-Regolament ikkontestat ma jissuġġettax il-ħlasijiet li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza mill-Istati Membri ta’ obbligi konkreti ddefiniti b’mod preċiż, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jużaw termini ġenerali li ma jistabbilixxux kriterji konkreti ta’ evalwazzjoni tal-osservanza tal-Istat tad-dritt u l-Artikolu 4(2)(h) tal-imsemmi regolament jippermetti li jinqabdu sitwazzjonijiet u aġiri li għadhom ma ġewx identifikati, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-kundizzjoni relatata mal-Istat ta’ dritt hija intiża għall-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tal-istess regolament.

169

Issa, l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt tikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat għall-Istati Membri, li jirriżulta direttament, kif tfakkar fil-punti 142 sa 145 ta’ din is-sentenza, mis-sħubija tagħhom fl-Unjoni. Il-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat tenfasizza li dawn il-prinċipji kienu s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-premessi 8 sa 10 u 12 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu r-rekwiżiti prinċipali li jirriżultaw minnhom. L-imsemmija prinċipji huma wkoll speċifikati fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, permezz tal-espożizzjoni ta’ każijiet li jistgħu jindikaw ksur tagħhom, kif ukoll fl-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, permezz tal-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet u ta’ aġir tal-awtoritajiet li jistgħu jagħtu lok għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 4 huma ssodisfatti.

170

Sussegwentement, in-natura ġenerali tal-kliem użat fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat ma hijiex tali li tikkontesta l-għażla tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE bħala bażi legali ta’ dan ir-regolament.

171

Minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt stabbiliti f’dan l-artikolu jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa s-suġġett tad-disa’ motiv, ma jistax jiġi rikjest mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jispeċifika, fil-kuntest ta’ tali mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità, il-possibbiltajiet kollha ta’ ksur tal-prinċipji li jikkostitwixxu l-Istat tad-dritt, peress li tali ksur huwa kkaratterizzat mill-ksur ta’ rekwiżiti magħrufa b’mod suffiċjentement konkret u preċiż mill-Istati Membri. Ladarba, kif ġie rrilevat fil-punt 155 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi Artikolu 3 jillimita ruħu li jiċċita każijiet li jistgħu jindikaw ksur tal-prinċipji li jikkostitwixxu l-Istat tad-dritt, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu, dan l-istess artikolu huwa marbut, kif ġie rrilevat fil-punt 157 ta’ din is-sentenza, b’mod inseparabbli mill-imsemmi mekkaniżmu u b’hekk ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-għażla tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE bħala bażi legali tar-Regolament ikkontestat.

172

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, kif tfakkar fil-punt 156 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tispeċifika li, sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu jikkonċerna sitwazzjonijiet jew aġir tal-awtoritajiet imsemmija fih, sakemm ikunu rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

173

Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-punt (h) tagħha, la hija ta’ natura li trendi mhux eżawrjenti l-eżempji koperti mill-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit mir-Regolament ikkontestat u lanqas ma hija preċiża biżżejjed sabiex tagħmel parti minnu.

174

Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li miżuri xierqa jittieħdu meta jiġi stabbilit li ksur ta’ wieħed mill-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament twettaq u jikkonċerna sitwazzjoni imputabbli lil awtorità ta’ Stat Membru jew aġir ta’ tali awtorità, sa fejn din is-sitwazzjoni jew dan l-aġir huwa rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, u sa fejn l-imsemmi ksur finanzjarju jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew dawn l-interessi finazjarji.

175

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn isemmi, fil-punti (a) sa (g) tiegħu, ċerti awtoritajiet, fosthom l-“awtoritajiet li qed jimplimentaw il-baġit ta’ l-Unjoni”, l-“awtoritajiet li jwettqu kontroll finanzjarju, monitoraġġ u awditjar” jew ukoll l-“awtoritajiet amministrattivi”, jipprovdi indikazzjonijiet dwar l-awtoritajiet li għalihom jirreferi l-punt (h) tiegħu.

176

Barra minn hekk, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “entità pubblika” li jinsab fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ikkontestat jista’ jiġi dedott li huma kkonċernati l-awtoritajiet pubbliċi f’kull livell ta’ gvern, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-istabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku, jew l-entitajiet irregolati mid-dritt privat fdati b’missjoni ta’ servizz pubbliku u li għandhom garanziji finanzjarji suffiċjenti mill-Istat Membru. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessi 3, 8, 9, 15 u 19 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-Artikolu 3(b) tiegħu li jirrigwardaw esklużivament “awtoritajiet pubbliċi”, “awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi” u “awtoritajiet nazzjonali”.

177

B’hekk, peress li mill-kliem tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta mingħajr ekwivoku li huma kkonċernati esklużivament sitwazzjonijiet jew aġir imputabbli lil awtorità ta’ Stat Membru sakemm dawn is-sitwazzjonijiet jew dawn l-aġiri jkunu rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja bbażati fuq li ma tistax tidentifika, abbażi ta’ dawn il-kriterji, b’mod suffiċjentement konkret u preċiż, is-sitwazzjonijiet u l-aġiri inkwistjoni u li, għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tkun element kostituttiv tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit mir-Regolament ikkontestat abbażi tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE għandhom jiġi miċħuda.

178

Il-ħames, fir-rigward tal-kritika diretta kontra l-allegata assenza ta’ rekwiżit li tintwera l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn il-ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-baġit jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat jissuġġetta l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għall-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jikkonċerna sitwazzjonijiet jew aġiri tal-awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, huwa biss ksur ta’ dawn il-prinċipji li jippreġudika “b’mod suffiċjentement dirett” din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew dawn l-interessi finanzjarji, jew li jirriskja serjament li jippreġudikahom “b’mod suffiċjentement dirett”, li jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri skont l-imsemmi regolament.

179

Għaldaqstant, l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat jirrikjedi li tiġi stabbilita sistematikament rabta suffiċjentement diretta bejn tali ksur u preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għal din il-ġestjoni tajba jew għal dawn l-interessi finanzjarji, peress li din ir-rabta, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, għandu jkollha natura reali. Barra minn hekk, mill-punti 168 sa 170 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din ir-rabta hija marbuta mal-ksur minn Stat Membru ta’ wieħed mill-obbligi ta’ riżultat li jaqgħu taħt il-valur tal-Istat tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 2 TUE u li huwa impenja ruħu, permezz tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, li jassumi b’mod sħiħ.

180

Għaldaqstant, u b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll ta’ dak li ġie espost fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, hija żbaljata meta ssostni li tali rabta tkun tista’ tiġi ikkonstatata awtomatikament.

181

Is-sitt, fir-rigward tal-allegazzjoni li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija mir-Regolament ikkontestat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tippermetti li dawn l-istituzzjonijiet jużaw il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit minn dan ir-regolament bħala mekkaniżmu ta’ sanzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, billi jibbażaw ruħhom fuq evalwazzjonijiet ta’ natura politika, din lanqas ma tista’ tintlaqa’.

182

Fil-fatt, fid-dawl tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 166 u 167 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi preżunt, kif tagħmel ir-Repubblika tal-Polonja, li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tippermetti lil dawn l-istituzzjonijiet japplikaw il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit mir-Regolament ikkontestat bħala mekkaniżmu ta’ sanzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

183

Is-seba’, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, hija żbaljata meta ssostni li r-Regolament ikkontestat kellu jkun ibbażat fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE, dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji, jew fuq l-Artikolu 312(2) TFUE, dwar il-qafas finanzjarju pluriannwali.

184

Fil-fatt, minn naħa, skont kliem it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE, il-Kunsill “għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema tar-riżorsi proprji ta’ l-Unjoni”, filwaqt li huwa speċifikat li “f’dan il-kuntest jista’ jistabbilixxi kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti”.

185

Issa, kif sostna ġustament il-Kunsill, ir-Regolament ikkontestat ma jistabbilixxix kategorija ġdida ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni u ma jħassar l-ebda waħda minnhom. Barra minn hekk, huwa ma jirregolax l-interazzjoni bejn id-diversi tipi ta’ riżorsi proprji u ma jistabbilixxix modalitajiet ta’ applikazzjoni relatati mal-ġbir tal-imsemmija riżorsi proprji.

186

Għalkemm huwa minnu li dan ir-regolament jista’ wkoll jirrigwarda ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jaffettwaw il-ġbir tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma għandux l-għan li jaġġusta jew jadatta il-ġbir ta’ dawn ir-riżorsi skont il-ksur ikkonstatat, iżda li jadotta miżuri xierqa fir-rigward tal-ispejjeż li għanhom isiru mill-baġit tal-Unjoni meta l-imsemmi ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Minn dan isegwi li dan ma jirrigwardax il-ġbir tar-riżorsi proprji tal-Unjoni iżda l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha.

187

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 312(2) TFUE jipprevedi li l-Kunsill “għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali”.

188

Issa, ir-Regolament ikkontestat bl-ebda mod ma għandu l-għan, kif irrileva ġustament il-Kunsill, li jippjana l-ispejjeż tal-Unjoni fuq perijodu partikolari billi jiffissa l-ammonti tal-limiti annwali ta’ krediti ta’ impenn u ta’ krediti ta’ ħlas. Barra minn hekk, dan ir-regolament huwa maħsub bħala mekkaniżmu permanenti ta’ kundizzjonalità li japplika lil hinn mil-limiti ta’ qafas finanzjarju pluriannwali partikolari.

189

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, ibbażati fuq nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament ikkontestat, sa fejn dan tal-aħħar ma jistabbilixxix regoli finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, għandhom jiġu miċħuda.

190

Dan espost, għad fadal li jiġi vverifikat jekk, hekk kif issostni, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, regoli finanzjarji bħal dawk previsti mir-Regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, minħabba l-fatt li dawn jevitaw l-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 269 TFUE.

– Fuq l‑evitar tal‑Artikolu 7 TUE u tal‑Artikolu 269 TFUE

191

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura esklużiva tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE għall-protezzjoni tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni, essenzjalment, li ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jista’ jiġi kkonstatat biss mill-Kunsill Ewropew, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) TUE. Hija biss din l-istituzzjoni li tista’, minħabba l-kompożizzjoni tagħha, tiżgura l-kontroll tal-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt, li għandu natura diskrezzjonali u li jista’ jkun dipendenti fuq kunsiderazzjonijiet politiċi. L-unika eċċezzjoni għal din is-setgħa esklużiva tal-Kunsill Ewropew tirriżulta mill-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Din is-setgħa esklużiva hija kkonfermata mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punti 57 sa 60), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta jiġu kkonstatati nuqqasijiet sistematiċi fir-rigward tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja ta’ Stat Membru, il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi sospiż biss mill-Kunsill, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) TUE.

192

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li huma komuni għall-Istati Membri, li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, jinkludu dawk tar-rispett tad-dinjità umana, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, f’soċjetà kkaratterizzata b’mod partikolari min-nondiskriminazzjoni, mill-ġustizzja, mis-solidarjetà u mill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

193

Il-preambolu tal-Karta jfakkar, b’mod partikolari, li l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ demokrazija u tal-Istat tad-dritt u tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stipulati fl-imsemmija karta. L-Artikoli 6, 10 sa 13, 15, 16, 20, 21 u 23 tagħha jispeċifikaw il-portata tal-valuri tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tal-ugwaljanza, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE. L-Artikolu 47 tal-Karta l-istess bħall-Artikolu 19 TUE jiggarantixxu b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, f’dak li jirrigwarda il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

194

Barra minn hekk, l-Artikoli 8 u 10, l-Artikolu 19(1), l-Artikolu 153(1)(i), u l-Artikolu 157(1) TFUE jispeċifikaw il-portata tal-valuri ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jippermettu lill-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta regoli tad-dritt sekondarju intiżi li jimplimentaw dawn il-valuri.

195

Miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, minbarra l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, ta’ spiss ikkonkretizzati permezz ta’ diversi atti tad-dritt sekondarju, jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza li jeżaminaw, jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE mwettaq fi Stat Membru.

196

F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt, ċerti aspetti tiegħu huma protetti mill-Artikolu 19 TUE, hekk kif barra minn hekk tammetti r-Repubblika tal-Polonja. L-istess jgħodd għall-Artikoli 47 sa 50 tal-Karta, li jinsabu fit-Titolu VI tagħha, intitolat “Ġustizzja”, u li jiggarantixxu, rispettivament, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal aċċess għal qorti imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni u d-dritt li persuna ma tiġix iġġudikata u kkastigata darbtejn għall-istess ksur.

197

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, jirrikjedi li l-Istati Membri, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rimedji), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 108109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’obbligu ippreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 258 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 5859, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punti 106107).

198

Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma jkollu miegħu ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa biex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li qorti nazzjonali ma għandiex tapplika kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jekk ikun il-każ wara li tkun kisbet mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rimedji), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 142 sa 146).

199

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 195 sa 198 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li jgħidu li l-valur tal-Istat tad-dritt jista’ jiġi protett mill-Unjoni biss fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE għandhom jiġu miċħuda.

200

It-tieni, anki jekk jitqies li l-kontroll, mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, tal-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 7 TUE jista’ jkun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet politiċi, madankollu, fi kwalunkwe każ, minn dan ma jirriżultax li kull evalwazzjoni tal-osservanza ta’ dan il-valur abbażi ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarjament tal-istess natura, fatt li r-Repubblika tal-Polonja rrikonoxxiet, barra minn hekk, meta tirreferi għall-Artikolu 19 TUE.

201

Issa, fir-rigward tar-Regolament ikkontestat, kif ġie kkonstatat fil-punti 168, 169 u 179 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tiegħu jikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat għall-Istati Membri, li jirriżulta direttament, kif tfakkar fil-punti 142 sa 145 ta’ din is-sentenza, mis-sħubija tagħhom fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE. Barra minn hekk, il-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat tfakkar li dawn il-prinċipji kienu s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-premessi 8 sa 10 u 12 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu r-rekwiżiti prinċipali li jirriżultaw minnhom u li l-imsemmija prinċipji huma wkoll speċifikati fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, permezz tal-espożizzjoni tal-każijiet li jistgħu jindikaw il-ksur tagħhom kif ukoll fl-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, permezz tal-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet u ta’ aġiri tal-awtoritajiet li jistgħu jagħtu lok għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa meta l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 4 huma ssodisfatti.

202

Barra minn hekk, fil-punti 166 u 167 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huma suġġetti għar-rekwiżiti proċedurali speċifikati fl-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament ikkontestat.

203

Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Polonja hija żbaljata meta tallega li l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat huma ta’ natura sempliċement politika u li l-istħarriġ tal-osservanza tagħhom ma jistax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni strettament ġuridika.

204

It-tielet, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033) bl-ebda mod ma stabbilixxiet in-natura esklużiva tal-Artikolu 7 TUE, iżda llimitat ruħha li tiddetermina l-każijiet li fihom nuqqasijiet sistematiċi u ġġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jistgħu jiġġustifikaw li dan il-mandat ma jiġix eżegwit.

205

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata evitar mir-Regolament ikkontestat kemm tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE kif ukoll tal-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-Artikolu 269 TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tallega, essenzjalment, li l-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit minn dan ir-regolament u l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE jikkoinċidu f’termini ta’ għanijiet, ta’ prinċipji u ta’ miżuri li jistgħu jirriżultaw mill-implementazzjoni tagħhom. Issa, l-imsemmi regolament jistabbilixxi regoli proċedurali iktar flessibbli minn dawk previsti fl-Artikolu 7 TUE u l-imsemmi mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità għandu portata usa’ u jkun jista’ jiġi implimentat iktar malajr mill-proċedura prevista minn dan l-artikolu, b’tali mod li jċaħħad lil din il-proċedura minn kull effett utli, u dan iwassal għal evitar manifest tagħha. Fil-fatt, huwa biss l-Artikolu 7 TUE li jawtorizza lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill sabiex jikkontrollaw l-osservanza tal-Istat tad-dritt fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex mudelli ta’ stħarriġ suffiċjenti li jippermettulha tevalwa, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata abbażi tar-Regolament ikkontestat, il-konformità tal-azzjoni ta’ Stat Membru mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Id-definizzjoni tal-Istat tad-dritt li tinsab fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament issir b’hekk, b’mod ġenerali, vinkolanti, kemm fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 7 TUE li għandha bħala suġġett ksur ta’ dan il-valur jew riskju serju ta’ ksur tiegħu, kif ukoll fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq deċiżjoni li tistabbilixxi miżuri xierqa skont l-imsemmi regolament, bi ksur tal-Artikolu 269 TFUE.

206

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jistabbilixxi, mingħajr ma jikser l-Artikolu 7 TUE, proċedura parallela għal dik prevista f’din id-dispożizzjoni, li jkollha, essenzjalment, l-istess għan, li tfittex li tilħaq l-istess għan u li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri identiċi, filwaqt li tipprevedi l-intervent ta’ istituzzjonijiet oħra jew kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali differenti minn dawk previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

207

Madankollu, huwa permissibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jkollu bażi legali għal dan il-għan, li jistabbilixxi, f’att ta’ dritt sekondarju, proċeduri oħra li jirrigwardaw il-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fosthom hemm l-Istat tad-dritt, dejjem sakemm dawn il-proċeduri jkunu differenti, kemm fir-rigward tal-għan tagħhom kif ukoll fir-rigward tas-suġġett tagħhom, mill-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punt 26; id-digriet tal‑11 ta’ Lulju 1996, An Taisce u WWF UK vs Il‑Kummissjoni, C‑325/94 P, EU:C:1996:293, punt 25, kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2001, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑247/98, EU:C:2001:4, punt 13).

208

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet rispettivi tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 TUE u ta’ dik prevista mir-Regolament ikkontestat, mill-Artikolu 7(2) sa (4) TUE jirriżulta li l-proċedura prevista f’dan l-artikolu tippermetti b’mod partikolari li l-Kunsill, meta l-Kunsill Ewropew ikun ikkonstata ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, jissospendi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati fl-Istat Membru, inkluż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-Gvern tal-Istat Membru, u li l-Kunsill jista’ sussegwentement jiddeċiedi li jemenda l-miżuri li jkun adotta u li jtemmhom b’reazzjoni għal bidliet fis-sitwazzjoni li wasslitu sabiex jimponi dawn il-miżuri.

209

Il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE għandha għalhekk l-għan li tippermetti li l-Kunsill jissanzjona ksur serju u persistenti tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, sabiex, b’mod partikolari, jordna lill-Istat Membru kkonċernat itemm dan il-ksur.

210

Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punti 124 sa 137 ta’ din is-sentenza, min-natura tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat kif ukoll mill-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni u ta’ tneħħija ta’ dawn il-miżuri jirriżulta li l-għan tal-proċedura stabbilita permezz ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata, konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba stipulat fl-Artikolu 310(5) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru u mhux dak li jiġi ssanzjonat, permezz tal-baġit tal-Unjoni, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

211

Minn dan isegwi li l-proċedura prevista mir-Regolament ikkontestat għandha għan differenti minn dak tal-Artikolu 7 TUE.

212

F’dak li jirrigwarda s-suġġett ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri, għandu jiġi osservat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE jkopri l-valuri kollha li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, filwaqt li dak tal-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat ikopri biss wieħed minn dawn il-valuri, jiġifieri l-Istat tad-dritt.

213

Iktar minn hekk, l-Artikolu 7 TUE jippermetti t-trattament ta’ kull ksur serju u persistenti ta’ valur li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, filwaqt li r-Regolament ikkontestat jawtorizza l-eżami tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2(a) tiegħu biss sakemm jeżistu raġunijiet validi li jitqies li dawn għandhom effett fuq il-baġit.

214

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ tnedija taż-żewġ proċeduri, għandu jiġi osservat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE tista’ tiġi mnedija, skont il-paragrafu 1 tiegħu, meta jeżisti riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, fejn id-dritt ta’ inizjattiva huwa ta’ terz tal-Istati Membri, tal-Parlament jew tal-Kummissjoni, u fejn il-limitu meħtieġ huwa inizjalment dak ta’ riskju ċar ta’ ksur serju ta’ dawn il-valuri, u sussegwentement, f’dak li jirrigwarda s-sospensjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) u (3) TUE, ta’ wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istat Membru kkonċernat, dak ta’ ksur serju u persistenti mill-imsemmi Stat ta’ dawn il-valuri. Min-naħa l-oħra, il-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat tista’ tiġi mnedija biss mill-Kummissjoni, meta jkunu jeżistu raġunijiet validi mhux biss li jitqies li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt seħħ fi Stat Membru, iżda wkoll, u fuq kollox, li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

215

Barra minn hekk, l-unika kundizzjoni sostantiva meħtieġa għall-adozzjoni ta’ miżuri abbażi tal-Artikolu 7 TUE tinsab fil-konstatazzjoni, mill-Kunsill Ewropew, tal-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie osservat fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat, miżuri abbażi ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu adottati biss meta jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, għandu jiġi stabbilit li wieħed mill-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jirrigwarda minn tal-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet jew wieħed mill-aġiri tal-awtoritajiet imsemmija f’dan il-paragrafu 2, sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jintwera wkoll li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew dawn l-interessi finanzjarji, b’mod suffiċjentement dirett, u għalhekk li din il-kundizzjoni tkun timplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju.

216

Fir-rigward tan-natura tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 7(3) TUE, dawn jikkonsistu fis-sospensjoni ta’ “wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-Gvern tal-Istat Membru” u jistgħu, għaldaqstant, ikunu jirrigwardaw kull dritt li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istat Membru inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat huma, min-naħa tagħhom, limitati għal dawk elenkati fl-Artikolu 5(1) tiegħu u miġbura fil-qosor fil-punt 126 ta’ din is-sentenza, li huma kollha ta’ natura baġitarja.

217

Fl-aħħar, l-Artikolu 7 TUE jipprevedi li l-miżuri adottati jistgħu jiġu emendati jew imneħħija biss b’reazzjoni għal bidliet fis-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ikkontestat jorbtu t-tneħħija u l-emenda tal-miżuri adottati għall-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni tal-miżuri imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, dawn il-miżuri jistgħu jitneħħew jew jiġu emendati mhux biss fil-kas fejn jintemm, minn tal-inqas parzjalment, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Istat Membru kkonċernat, iżda fuq kollox fil-każ fejn dan il-ksur, għalkemm ikompli jeżisti, ma għadx għandu effett fuq il-baġit tal-Unjoni. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta dan ma jkunx għadu jikkonċerna minn tal-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet jew wieħed mill-aġiri tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, meta dawn is-sitwazzjonijiet jew dawn l-aġiri ma għadhomx iktar rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, meta ksur ma jikkawżax iktar preġudizzju jew ma għadux jippreżenta riskju serju ta’ preġudizzju għal din il-ġestjoni tajba jew għal dawn l-interessi finanzjarji, jew meta r-rabta bejn il-ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u tali preġudizzju jew tali riskju serju ma għadhiex ta’ natura suffiċjentement diretta.

218

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u dik stabbilita mir-Regolament ikkontestat għandhom għanijiet differenti u kull waħda minnhom għandha suġġett nettament separat.

219

Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, ir-Regolament ikkontestat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jistabbilixxi proċedura parallela li tevita l-Artikolu 7 TUE.

220

It-tieni, fir-rigward tal-argumenti li huwa biss l-Artikolu 7 TUE li jawtorizza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkontrollaw l-osservanza tal-Istat tad-dritt fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, fil-punti 162 u 163 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat, minn naħa, li r-Regolament ikkontestat jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri biss jekk dawn ikunu rilevanti għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati skont dan ir-regolament biss meta huwa stabbilit li tali sitwazzjonijiet jinvolvu ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, il-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji.

221

Issa, peress li tali sitwazzjonijiet huma relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u b’hekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, ma tistax issostni li huwa biss l-Artikolu 7 TUE li jippermetti l-eżami tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

222

It-tielet, fir-rigward tal-argumenti li ma jeżistux mudelli ta’ stħarriġ suffiċjenti li jippermettu li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, waqt stħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda deċiżjoni tal-Kunsill, il-konformità tal-azzjoni ta’ Stat Membru mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 201 u 203 ta’ din is-sentenza.

223

Ir-raba’, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat, issir, b’mod ġenerali, vinkolanti, kemm fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 7 TUE kif ukoll f’dak ta’ stħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq deċiżjoni li tistabbilixxi miżuri xierqa skont dan ir-regolament, bi ksur tal-Artikolu 269 TFUE, qabel kollox, mill-punti 144 sa 154 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk din id-definizzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa s-suġġett tad-disa’ motiv, il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” imsemmi f’dan l-Artikolu 2(a) jinftiehem bħala l-valur li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, li l-prinċipji identifikati hemmhekk huma parti mid-definizzjoni stess ta’ dan il-valur jew huma intimament marbuta ma’ soċjetà li tosserva l-Istat tad-dritt u li, bl-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li josservaw u li jippromwovu l-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, peress li l-osservanza tagħhom tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istati Membri.

224

Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri diġà huma obbligati josservaw il-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat, indipendentement mill-imsemmi regolament.

225

Insegwitu, għandu jiġi rrilevat li skont il-formulazzjoni tiegħu l-Artikolu 269 TFUE jirreferi biss għall-kontroll tal-legalità ta’ att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill skont l-Artikolu 7 TUE.

226

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 218 u 219 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tissejjaħ biex twettaq, b’mod partikolari waqt rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament ikkontestat ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 269 TFUE u għalhekk ma huwiex suġġett għar-regoli speċifiċi previsti f’dan tal-aħħar.

227

Minn dan isegwi li r-Regolament ikkontestat ma jagħti l-ebda kompetenza ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja.

228

Fl-aħħar, sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kunsill meħuda skont l-Artikolu 6(10) ta’ dan ir-regolament ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 7 TUE, madankollu mingħajr ma tali teħid inkunsiderazzjoni ma jikkostitwixxi xi evitar tal-Artikolu 269 TFUE.

229

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, ibbażati fuq evitar tal-Artikolu 7 TUE u tal-Artikolu 269 TFUE, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, b’tali mod li l-ewwel, it-tieni, il-ħames, is-sitt u l-ħdax-il motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

B.   Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Protokoll Nru 2

1. L‑argumenti tal‑partijiet

230

Sussidjarjament fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni li jirriżulta mill-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 2”).

231

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li japplika fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jirrikjedi li l-Unjoni tintervjeni biss jekk, u sa fejn, l-għanijiet segwiti ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti permezz ta’ azzjoni tal-Istati Membri. Skont il-Protokoll Nru 2, il-parlamenti nazzjonali għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà skont il-proċedura prevista fl-imsemmi protokoll.

232

Madankollu, il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, iżda taħt il-kompetenzi kondiviżi mal-Istati Membri. Fil-fatt, minn naħa, din il-protezzjoni ma tissemmiex fl-Artikolu 3(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 325(1) TFUE jistabbilixxi obbligu komuni impost fuq l-Unjoni u fuq l-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-frodi u kontra kull attività illegali li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

233

Huwa b’hekk b’mod żbaljat li l-Kummissjoni qieset, fil-proposta tagħha ta’ regolament li wasslet għar-Regolament ikkontestat, li l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni tagħmel parti mill-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma ssodisfatx l-obbligi tagħha taħt il-Protokoll Nru 2. B’mod partikolari, l-imsemmija istituzzjoni ma bagħtitx din il-proposta lill-parlamenti nazzjonali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, bil-kontra tal-indikazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ dan il-protokoll. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmi protokoll, li jipprevedi li din l-istituzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet motivati indirizzati mill-parlamenti nazzjonali.

234

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tikkunsidra li tali ksur għandu jiġi ttrattat b’mod analogu għal dak tad-drittijiet tal-Parlament fil-proċeduri leġiżlattivi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat li l-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv hija r-riflessjoni tal-prinċipju demokratiku fundamentali li l-popli jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva, b’tali mod li l-konsultazzjoni regolari tal-Parlament fil-każijiet previsti mit-Trattat FUE tikkostitwixxi formalità essenzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għan-nullità tal-att ikkonċernat. Peress li l-Protokoll Nru 2, skont il-preambolu tiegħu, huwa intiż sabiex jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod qrib possibbli taċ-ċittadini, il-ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-parlamenti nazzjonali li huwa jipprevedi għandu għalhekk, f’dan il-każ, jagħti lok għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

235

Dan l-annullament huwa ġġustifikat ukoll mill-fatt li l-Kummissjoni ma ssodisfatx kompletament l-obbligu tagħha stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 2, li jgħid li hija għandha tibgħat l-abbozzi tagħha ta’ atti leġiżlattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tagħha lill-parlamenti nazzjonali. Ċertament, hija bagħtet il-proposta inizjali tagħha lil dawn il-parlamenti, iżda din kienet ġiet emendata b’mod sinjifikattiv fl-istadji sussegwenti tal-proċedura leġiżlattiva, mingħajr ma ngħatat il-possibbiltà li l-imsemmija parlamenti jwettqu eżami ġdid. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li konsultazzjoni ġdida mal-Parlament hija neċessarja kull darba li t-test finalment adottat, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jitbiegħed fis-sustanza tiegħu minn dak li dwaru l-Parlament kien diġà ġie kkonsultat, peress li din il-konsultazzjoni l-ġdida tikkostitwixxi formalità essenzjali prevista taħt piena ta’ nullità.

236

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

237

Mill-Artikolu 5(3) TUE jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 2 dwar il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplikaw biss f’“oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva” tal-Unjoni.

238

Issa, fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, l-Artikolu 325(1) TFUE ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament ikkontestat jaqax taħt tali qasam.

239

Fil-fatt, mill-punti 112 sa 189 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Regolament ikkontestat huwa, ġustament, ibbażat fuq bażi legali oħra, jiġifieri l-Artikolu 322(1)(a) TFUE, peress li l-imsemmi regolament huwa intiż li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra sitwazzjonijiet jew aġir imputabbli lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u li jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

240

Fit-tieni lok, il-proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat ġustament tippreċiża, taħt it-titolu “Is-Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva), li r-“regoli finanzjarji li jirregolaw il-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 322 tat-[TFUE] ma setgħux jiġu adottati fil-livell tal-Istati Membri”.

241

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, regolament bħar-Regolament ikkontestat, li jinkludi regoli finanzjarji li jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza tal-Unjoni dwar il-funzjonament tagħha, li tista’, min-natura tagħha, tiġi eżerċitata biss mill-Unjoni stess. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jistax japplika.

242

Konsegwentement, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja bbażati fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi proċedurali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 2 ma huwiex fondat, b’tali mod li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

VI.   Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 296 TFUE

1. L‑argumenti tal‑partijiet

243

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tallega li l-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat, kif tinsab fil-proposta li wasslet għal dan ir-regolament, ma tosservax ir-rekwiżiti previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jimponi li l-atti kollha tal-Unjoni jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħhom.

244

Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom kien neċessarju li jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat ma jirriżultawx mill-motivi li jinsabu f’din il-proposta.

245

Barra minn hekk, għalkemm l-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmija proposta indikat l-Artikolu 322(1)(a) TFUE bħala bażi legali għar-Regolament ikkontestat, din l-għażla la ġiet “spjegata u lanqas ma ġiet ġustifikata”, bi ksur tar-rekwiżiti previsti l-ewwel paragrafu tal-punt 25 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1). Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat jekk dan ir-regolament ġiex adottat abbażi ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew tal-kompetenzi kondiviżi mal-Istati Membri, li jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u li jiġġustifika l-annullament tal-imsemmi regolament.

246

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

247

Ir-Repubblika tal-Polonja kkonfermat, waqt is-seduta, li r-raba’ motiv jirrigwarda l-motivazzjoni tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u mhux dik ta’ dan ir-regolament stess, kif riflessa fil-premessi tiegħu.

248

Issa, peress li dan ir-rikors ma huwiex intiż għall-annullament ta’ din il-proposta, iżda tar-Regolament ikkontestat, l-argumenti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv huma irrilevanti, kif enfasizzaw ġustament il-Parlament u l-Kunsill u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu.

249

Fil-fatt, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni, meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att ikkonċernat b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), tirrigwarda l-motivazzjoni tal-att li l-validità tiegħu hija eżaminata.

250

Għalkemm l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), dan il-kuntest, li minnu tifforma parti b’mod partikolari l-proposta tal-att ikkonċernat, ma jistax jiġġustifika, waħdu u indipendentement mill-motivazzjoni li tinsab f’dan l-att, l-annullament ta’ dan tal-aħħar.

251

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li huma relatati mal-motivazzjoni li tinsab fir-Regolament ikkontestat, l-ilmenti tar-Repubblika tal-Polonja hekk kif miġbura fil-qosor fil-punti 244 sa 245 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu miċħuda fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti b’mod partikolari fil-punti 124, 130, 131, 134, 149, 159, 162, 163 u 165 ta’ din is-sentenza.

252

Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

D.   Fuq is‑seba’ motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 4(1), tat‑tieni sentenza tal‑Artikolu 4(2) u tal‑Artikolu 5(2) TUE

1. L‑argumenti tal‑partijiet

253

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis li ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma tagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni kompetenza sabiex jadotta r-Regolament ikkontestat, b’tali mod li dan tal-aħħar kiser, billi adottah, il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(2) TUE. B’dan il-mod, huwa kiser ukoll l-obbligu, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE, li josserva l-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri.

254

L-elementi li abbażi tagħhom għandu jiġi evalwat jekk l-Istati Membri kisrux il-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat jikkonċernaw oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u li huma fundamentali għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali tagħhom, b’mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jħarsu l-integrità territorjali, li jżommu l-ordni pubbliku u li jiżguraw is-sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, ma humiex ikkonċernati biss il-funzjonament ta’ korpi statali, bħall-qrati nazzjonali, l-awtoritajiet inkarigati mill-għoti tal-kuntratti pubbliċi u mill-kontroll finanzjarju kif ukoll is-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll l-organizzazzjoni tagħhom, fosthom il-provvista ta’ riżorsi finanzjarji u umani neċessarji għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-awtoritajiet, u r-regoli ta’ proċedura applikabbli għalihom.

255

Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-premessa 7 tar-Regolament ikkontestat, ebda kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward ma tista’ tiġi dedotta min-natura importanti tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba li jaqa’ taħtu, stabbilit fl-Artikolu 317 TFUE.

256

Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk adotta r-Regolament ikkontestat skont il-loġika tal-effett kollaterali (“spillover effect”), jiġifieri proċess li fi tmiemu azzjoni li ssegwi għan speċifiku twassal għal sitwazzjoni li fiha l-għan inizjali jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ azzjonijiet ġodda. F’dan il-każ, dan l-effett kollaterali jimplika li mill-għan leġittimu ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni tiġi dedotta n-neċessità li l-kompetenza tal-Unjoni tiġi rrikonoxxuta fil-qasam tal-evalwazzjoni kemm tal-proċeduri kif ukoll tal-bżonnijiet finanzjarji u tal-persunal tas-servizzi ta’ investigazzjoni u tal-prosekuzzjonijiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, minkejja li tali kompetenza ma għandhiex bażi fit-Trattati.

257

Issa, il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jorganizzaw is-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom hija inseparabbilment marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, bħaż-żamma tal-ordni pubbliku, li l-Unjoni għandha tosserva, u mas-sigurtà nazzjonali, li taqa’, skont l-Artikolu 4(2) TUE, taħt ir-responsabbiltà esklużiva ta’ kull wieħed mill-Istati Membri.

258

Is-servizz legali tal-Kunsill barra minn hekk adotta pożizzjoni simili, billi indika fil-Parir Legali Nru 13593/18, qabel kollox, li l-Artikolu 2 TUE ma jagħtix kompetenza ratione materiae lill-Unjoni iżda jelenka valuri li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom josservaw meta jaġixxu fil-limiti tal-attribuzzjonijiet mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati, sussegwentement, li ksur tal-valuri tal-Unjoni, inkluż tal-Istat tad-dritt, jista’ jiġi invokat biss fir-rigward ta’ Stat Membru meta jaġixxu f’qasam li fih l-Unjoni hija kompetenti u, fl-aħħar nett, li l-osservanza tal-Istat ta’ dritt mill-Istati Membri ma tistax, skont it-Trattati, tkun suġġetta għal azzjoni jew għal kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement mill-eżistenza ta’ kompetenza ratione materiae speċifika li minnha tifforma parti din l-azzjoni, suġġetta biss għall-proċedura deskritta fl-Artikolu 7 TUE.

259

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

260

Permezz tas-seba’ motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi adotta r-Regolament ikkontestat u billi b’hekk stabbilixxa, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 317 TFUE, kontroll tal-osservanza mill-Istati Membri tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt f’oqsma tal-azzjoni sovrana tal-imsemmija Stati Membri, li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom u li huma fundamentali sabiex jippermettilhom li jassumu l-funzjonijiet essenzjali tagħhom, neħħa l-effett utli kemm tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(2)TUE, kif ukoll tal-obbligu, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE li jiġu osservati l-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri.

261

F’dan ir-rigward, l-ewwel, kif ġie kkonstatat fil-punti 112 sa 189 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ validament jibbaża r-Regolament ikkontestat fuq l-Artikolu 322(1)(a) TFUE, b’tali mod li l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li jgħidu li, bl-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeduċa b’mod żbaljat il-kompetenza tiegħu mill-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 317 TFUE ma jistax jintlaqa’.

262

It-tieni, kif ġie ppreċiżat fil-punti 124 sa 138, 152 sa 157 u 208 sa 219 ta’ din is-sentenza, mill-għan u mill-kontenut tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, dan jawtorizza lill-Kunsill jadotta biss il-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u tal-interessi finanzjarji tagħha u mhux sanzjonijiet.

263

It-tielet, kif ġie rrilevat fil-punti 142 sa 145, 168, 169 u 179 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat jikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat għall-Istati Membri, li jirriżulta direttament mill-impenji meħuda minnhom kemm fil-konfront ta’ xulxin kif ukoll fir-rigward tal-Unjoni, u li dan ir-regolament sempliċement jimplimenta fir-rigward tal-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni.

264

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 TUE ma jikkostitwixxix sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li jaqgħu taħt, hekk kif ġie osservat fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni, valuri li huma kkonkretizzati fil-prinċipji li jinkludu obbligi legalment vinkolanti għall-Istati Membri.

265

Issa, għalkemm, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, b’tali mod li dawn l-Istati għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li dan l-obbligu ta’ riżultat jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor.

266

Fil-fatt, filwaqt li għandhom identitajiet nazzjonali separati, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, li l-Unjoni tirrispetta, l-Istati Membri jaderixxu għal kunċett ta’ “Stat tad-dritt” li huma jikkondividu, inkwantu valur komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali proprji tagħhom, u li huma impenjaw ruħhom li josservaw b’mod kontinwu.

267

Ir-raba’, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, sostnuti mill-Ungerija, li l-evalwazzjoni tal-ksur mill-Istati Membri tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt tikkonċerna oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, diġà ġiet miċħuda fil-punti 162, 163, 220 u 221 ta’ din is-sentenza, minħabba li dan ir-regolament jippermetti biss li jiġu evalwati sitwazzjonijiet u aġiri ta’ awtoritajiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

268

Ċertament, ma huwiex eskluż li tali sitwazzjonijiet jew aġiri jkunu imputabbli lil awtorità li Stat Membru jqis li hija tipparteċipa fl-azzjoni sovrana tagħha f’oqsma fundamentali għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali tiegħu. Xorta jibqa’ l-fatt li, meta tali sitwazzjoni jew tali aġir jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, l-Unjoni ma tistax tiġi kkritikata talli timplimenta, bħala difiża tal-identità tagħha, li tinkludi l-valuri inklużi fl-Artikolu 2 TUE, il-mezzi neċessarji għall-protezzjoni ta’ din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew ta’ dawn l-interessi finanzjarji permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri xierqa li, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ikkontestat, jirrigwardaw esklużivament l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

269

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fl-oqsma kollha rriżervati lilhom, xorta jibqa’ l-fatt li huma marbuta li jeżerċitawhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, peress li ma jistgħux jeħilsu mill-obbligi li jirriżultaw, għalihom, minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punti 7186; tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

270

Barra minn hekk, billi tirrikjedi li l-Istati Membri josservaw b’dan il-mod l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni, l-Unjoni bl-ebda mod ma titlob li hija stess teżerċita dawn il-kompetenzi u lanqas, għaldaqstant, li tattribwixxi din il-kompetenza lilha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52).

271

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni kif ukoll tal-obbligu li jiġu osservati l-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri huma kompletament infondati.

272

Konsegwentement, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E.   Fuq it‑tmien motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza tal‑Istati Membri quddiem it‑Trattati u fuq in‑nuqqas ta’ osservanza tal‑identità nazzjonali tagħhom, previsti fl‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 4(2) TUE

1. L‑argumenti tal‑partijiet

273

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis li l-applikazzjoni r-Regolament ikkontestat għandha tagħti lok għal ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE, li tgħid li l-Unjoni għandha tosserva l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom.

274

Fl-ewwel lok, skont kliem il-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat, l-identifikazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt tirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni kwalitattiva fil-fond billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni rilevanti li toriġina minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet irrikonoxxuti, li fosthom jinsabu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezia. Issa, din tal-aħħar indikat, fir-rapport tagħha dwar il-ħatriet ġudizzjarji, adottat matul is-70 sessjoni plenarja tagħha, li kellha ssir distinzjoni bejn l-Istati li jagħmlu parti minn “demokraziji antiki” u dawk li jikkostitwixxu “demokraziji ġodda”, peress li din id-distinzjoni tista’ toħloq riskju serju li l-Kummissjoni tittratta b’mod iddifferenzjat lill-Istati Membri skont dan ir-regolament.

275

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tenfasizza barra minn hekk li l-Qorti tal-Awdituri, fl-Opinjoni Nru 1/2018 tagħha dwar il-proposta li wasslet għar-Regolament ikkontestat, ikkritikat il-fatt li din il-proposta ma tistabbilixxi ebda kriterju preċiż f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura kif ukoll l-għażla u l-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, li ma jippermettix li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, li tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

276

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-istabbiliment, fir-Regolament ikkontestat, ta’ mekkaniżmu ta’ sanzjoni ġiegħel lil-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni li tikser direttament il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati. Fil-fatt, mill-Artikolu 6(10) u (11) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata ddefinita fl-Artikolu 16(4) TUE, li timplika l-parteċipazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni.

277

Issa, l-adozzjoni ta’ tali miżuri punittivi b’maġġoranza kkwalifikata, bil-parteċipazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni, twassal għal diskriminazzjoni diretta mill-Istati Membri żgħar u medji, peress li din il-maġġoranza tirrikjedi l-vot ta’ mill-inqas ħmistax-il Stat Membru li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. L-Istati Membri l-kbar, li jirrappreżentaw perċentwali ikbar tal-popolazzjoni tal-Unjoni, ikunu b’hekk iffavoriti waqt il-voti dwar l-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u b’mod partikolari ta’ dawk li jikkonċernawhom direttament, meta mqabbla mal-Istati Membri żgħar u medji, li jirrappreżentaw perċentwali tal-popolazzjoni iktar baxxa. Għalkemm tali korrelazzjoni ma tistax tiġi kkontestata fir-rigward tal-adozzjoni ta’ atti normattivi li jipproduċu effetti fl-Istati Membri kollha, is-sitwazzjoni tkun differenti fir-rigward ta’ miżuri ta’ sanzjoni intiżi li jipproduċu effetti fir-rigward ta’ Stat Membru wieħed biss, bħal dawk li jistgħu jittieħdu abbażi tar-Regolament ikkontestat.

278

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimponu sanzjonijiet fuq l-Istati Membri jeskludu sistematikament mill-votazzjoni lill-Istati Membri li huma s-suġġett ta’ proposta ta’ att li jimponi sanzjonijiet. B’mod partikolari, dan huwa l-każ tal-Artikolu 126 TFUE, dwar defiċit eċċessivi tal-Gvern, kif ukoll tal-Artikolu 7 TUE u tal-Artikolu 354 TFUE, fir-rigward tal-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 7.

279

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

280

Permezz tat-tmien motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tallega li l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u tal-identità nazzjonali tagħhom, li l-Unjoni hija obbligata tosserva skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE. Dan il-ksur jirriżulta, l-ewwel nett, mit-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ opinjonijiet u ta’ studji li ġejjin mill-Kummissjoni ta’ Venezia, sussegwentement, min-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kriterji dwar, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura prevista minn dan ir-regolament kif ukoll dwar l-għażla u l-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, u fl-aħħar, mir-regola ta’ votazzjoni prevista fl-Artikolu 6(11) tal-imsemmi regolament fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kunsill skont l-Artikolu 6(10) tal-istess regolament.

281

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-informazzjoni rilevanti li toriġina mill-Kummissjoni ta’ Venezia, għandu jitfakkar li l-valur tal-Istat tad-dritt li huwa fil-qalba tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat huwa intiż għall-osservanza tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament.

282

Kif tfakkar fl-aħħar lok fil-punt 263 ta’ din is-sentenza, dan l-obbligu li jiġu osservati dawn il-prinċipji jikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat għall-Istati Membri, li jirriżulta direttament mis-sħubija tagħhom fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE, li ebda Stat Membru ma jista’ jinjora u li r-Regolament ikkontestat sempliċement jimplementa fir-rigward tal-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar infiq kopert mill-baġit tal-Unjoni.

283

Issa, minn dak li ġie espost fil-punti 265 u 266 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minkejja li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iwettqu l-evalwazzjonijiet tagħhom billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u l-kuntesti speċifiċi għal kull proċedura mwettqa skont ir-Regolament ikkontestat u, b’mod partikolari, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-sistema ġuridika tal-Istat Membru inkwistjoni u l-marġni ta’ diskrezzjoni li dan l-Istat Membru għandu sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, dan ir-rekwiżit bl-ebda mod ma huwa inkompatibbli mal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni uniformi.

284

B’mod partikolari, peress li l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, huma l-istituzzjonijiet tagħha li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jivverifikaw jekk humiex issodisfatti l-obbligi ta’ riżultat li jirriżultaw direttament mis-sħubija tagħhom fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE, il-karatteristiċi tas-sistemi kostituzzjonali u ġuridiċi.

285

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rilevanza tal-informazzjoni li hija tuża u l-affidabbiltà tas-sorsi tagħha, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament ikkontestat ma jagħtix valur probatorju speċifiku jew assolut u ma jagħtix effetti ġuridiċi speċifiċi lis-sorsi ta’ informazzjoni msemmija fih, u lanqas lil dawk indikati fil-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma teżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni diliġenti tal-fatti.

286

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 202 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huma suġġetti għar-rekwiżiti proċedurali speċifikati fl-Artikolu 6(1) sa (9) ta’ dan ir-regolament. Dawn ir-rekwiżiti jimplikaw b’mod partikolari, kif tirrileva l-premessa 26 ta’ dan ir-regolament, li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi konkreti u tosserva l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati meta hija tmexxi proċeduri skont din id-dispożizzjoni. Fir-rigward tal-identifikazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, dawn ir-rekwiżiti għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-premessa 16 tal-imsemmi regolament, li tipprevedi li din l-evalwazzjoni għandha tkun oġġettiva, imparzjali u ekwa, peress li l-osservanza ta’ dawn l-obbligi kollha huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

287

Il-Kummissjoni tibqa’ b’hekk responsabbli għall-informazzjoni li hija tuża u tal-affidabbiltà tas-sorsi tagħha. Barra minn hekk, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà, matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament ikkontestat, li jippreżenta osservazzjonijiet fuq l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tuża sabiex tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa. Għaldaqstant, hija tista’ tikkontesta l-valur probatorju ta’ kull wieħed mill-elementi kkunsidrati, peress li l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe każ, tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skont dan ir-regolament.

288

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kriterji applikabbli għall-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura kif ukoll għall-għażla u l-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, minn qari sħiħ tal-Artikolu 4 tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tista’ tibda din il-proċedura biss meta tikkonstata li jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li mill-inqas wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmi fl-Artikoli 2(a) ta’ dan ir-regolament inkiser fi Stat Membru, li dan il-ksur jikkonċerna mill-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet attribwibbli lil awtorità ta’ Stat Membru jew mill-inqas wieħed mill-aġir ta’ tali awtoritajiet imsemmi fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, sa fejn dawn is-sitwazzjonijiet jew aġir huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, u li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika din il-ġestjoni tajba jew dawn l-interessi finanzjarji, b’mod suffiċjentement dirett, permezz ta’ rabta reali bejn dawk il-ksur u dan il-preġudizzju jew dan ir-riskju serju ta’ preġudizzju.

289

Fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 169 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tallega li hija ma għandhiex għarfien konkret u preċiż tal-obbligi ta’ riżultat li hija marbuta magħhom minħabba l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fir-rigward tal-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt.

290

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat ma jagħtix dettalji dwar il-prinċipju tal-Istat tad-dritt imsemmi fih, xorta jibqa’ l-fatt li l-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat tfakkar li l-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali, ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħa eżekuttiva, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tas-separazzjoni tal-poteri, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, kienu s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess japplika fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u ta’ nondiskriminazzjoni li jinsabu fihom ukoll, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 94 u 98 tas-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, EU:C:2021:426) kif ukoll mill-punti 57 u 58 tas-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza fil-każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657).

291

Dawn il-prinċipji tal-Istat tad-dritt, kif żviluppati fuq il-bażi tat-Trattati tal-Unjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma rrikonoxxuti u ppreċiżati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jsibu s-sors tagħhom f’valuri komuni rrikonoxxuti u applikati wkoll mill-Istati Membri fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom stess.

292

Barra minn hekk, il-premessi 8 sa 10 u 12 tar-Regolament ikkontestat isemmu r-rekwiżiti prinċipali li jirriżultaw minn dawn il-prinċipji. B’mod partikolari, huma jipprovdu kjarifika dwar il-każijiet li jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li jinsabu fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fuq is-sitwazzjonijiet u l-aġiri li għandhom jikkonċernaw dan il-ksur, deskritti fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, sabiex jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament.

293

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huma suġġetti għar-rekwiżiti proċedurali mfakkra fil-punt 286 ta’ din is-sentenza.

294

Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet u tal-aġiri tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat u r-rilevanza tagħhom għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tagħha, ġie rrilevat fil-punti 171 sa 177 ta’ din is-sentenza li huma suffiċjentement preċiżi sabiex ir-Repubblika tal-Polonja tkun tista’ tidentifika b’mod suffiċjentement konkret u prevedibbli s-sitwazzjonijiet u l-aġiri msemmija f’din id-dispożizzjoni.

295

Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “ġestjoni finanzjarja tajba” u ta’ “protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, l-ewwel wieħed huwa wkoll imsemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 310(5) TFUE kif ukoll fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE u huwa ddefinit fil-punt 59 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju bħala li huwa l-implimentazzjoni tal-baġit konformement mal-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja, filwaqt li t-tieni wieħed jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 325 TFUE u jkopri, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi kollha intiżi, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni, għall-kxif u għall-korrezzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi fl-implimentazzjoni tal-baġit.

296

F’dan ir-rigward, il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2013 jiddefinixxi l-“interessi finanzjarji tal-Unjoni” bħala “d-dħul, l-infiq u l-assi koperti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u dawk koperti mill-baġits tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-baġits immexxija u mmonitorjati minnhom”. L-Artikolu 135(1), (3) u (4) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi, min-naħa tiegħu, li, sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni timplimenta u topera sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni.

297

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “interessi finanzjarji” tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325(1) TFUE, jinkludi mhux biss id-dħul imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni iżda wkoll l-ispejjeż koperti minn dan il-baġit (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 183). Dan il-kunċett huwa għalhekk rilevanti mhux biss fil-kuntest tal-miżuri tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi koperti minn din id-dispożizzjoni, iżda wkoll għall-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dan il-baġit, peress li l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji tikkontribwixxi wkoll għal din il-ġestjoni tajba.

298

Il-prevenzjoni ta’ preġudizzju bħal dak imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, għalhekk, tissupplimenta l-korrezzjoni ta’ tali preġudizzju, li hija inerenti kemm għall-kunċett ta’ “ġestjoni finanzjarja tajba” kif ukoll għal dak ta’ “protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni” u għandha, għaldaqstant, titqies li hija rekwiżit kostanti u orizzontali tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

299

Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jiġu kkonstatati jkun ta’ riskju “serju” ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tiegħu u tirrikjedi, konsegwentement, li jintwera li t-twettiq ta’ dan ir-riskju ikun ta’ probabbiltà għolja, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet jew tal-aġiri tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, ta’ miżuri xierqa li jistgħu wara kollox jiġu adottati biss bil-kundizzjoni li jkun hemm rabta suffiċjentement diretta, jiġifieri rabta reali bejn ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Istat ta’ dritt u dan ir-riskju serju. Barra minn hekk, waqt l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, għandhom jiġu osservati wkoll ir-rekwiżiti proċedurali mfakkra fl-aħħar lok fil-punt 286 ta’ din is-sentenza.

300

Fir-rigward tar-rabta suffiċjentement diretta bejn ksur ikkonstatat ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-baġit jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 178 sa 180 ta’ din is-sentenza.

301

Fl-aħħar nett, l-għażla u l-portata tal-miżuri li jistgħu jittieħdu skont ir-Regolament ikkontestat huma limitati, sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ikkontestat jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jiġu adottati.

302

Konformement mal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati u ddeterminati skont l-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni u għandhom jimmiraw, sa fejn ikun possibbli, għall-azzjonijiet tal-Unjoni ppreġudikati minn dan il-ksur. Minn dan jirriżulta li l-miżuri meħuda għandhom ikunu strettament proporzjonati mal-effett tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tiegħu.

303

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kif ukoll tar-rekwiżiti proċedurali mfakkra fl-aħħar lok fil-punt 286 ta’ din is-sentenza, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, sostnuti mill-Ungerija, ibbażati fuq nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kriterji relatati, b’mod partikolari, mal-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura kif ukoll mal-għażla u mal-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, huma kompletament infondati.

304

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq l-allegata inkompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati tar-regola ta’ vot prevista fl-Artikolu 6(11) tar-Regolament ikkontestat għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill skont l-Artikolu 6(10) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din l-allegazzjoni hija bbażata, parzjalment, fuq l-argumenti li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont dan l-Artikolu 6(10) għandhom in-natura ta’ sanzjonijiet, li għall-adozzjoni tagħhom it-Trattati jeskludu mill-vot l-Istat Membru inkwistjoni.

305

Issa, kif ġie ppreċiżat fil-punti 112 sa 229 ta’ din is-sentenza, il-miżuri li jistgħu jittieħdu skont ir-Regolament ikkontestat ma humiex intiżi sabiex jissanzjonaw Stat Membru minħabba ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda esklużivament sabiex jipproteġu l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tiegħu.

306

Barra minn hekk, Stat Membru jista’ jiġi eskluż mill-proċedura ta’ vot b’maġġoranza kkwalifikata biss fil-każijiet fejn it-Trattati jipprevedu dan espressament u li fihom, għaldaqstant, il-maġġoranza kkwalifikata hija stabbilita skont l-Artikolu 238(3) TFUE.

307

Min-naħa l-oħra, filwaqt li huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-possibbiltà li jieħu d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tar-regolamenti bażiċi skont proċedura differenti minn dik segwita għall-adozzjoni tar-regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1996, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑303/94, EU:C:1996:238, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regola ta’ vot prevista fl-Artikolu 6(11) tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri dik tal-maġġoranza kkwalifikata bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, hija dik li l-Artikolu 16(3) TUE tiegħu jipprevedi l-applikazzjoni fil-kontumaċja waqt id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill, ħlief fil-każijiet fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor.

308

Għandu jingħad ukoll li din ir-regola ta’ vot mhux biss hija prevista mit-Trattati stess, iżda wkoll li ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

309

B’mod partikolari, il-fatt li l-interessi tal-Istati Membri jistgħu jkunu differenti u li, skont jekk l-Istati Membri kollha jew biss uħud minnhom jipparteċipaw fil-vot fi ħdan il-Kunsill, minoranza ta’ veto hija relattivament faċli sabiex tintlaħaq wara l-imsemmi vot, fis-sens tal-Artikolu 16(4) TUE, bl-ebda mod ma huwa speċifiku għall-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat u huwa kompletament kompatibbli mal-għażliet magħmula mill-awturi tat-Trattati. Fil-fatt, skont il-valur tad-demokrazija li fih l-Artikolu 2 TUE, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ikunu bbażati fuq rappreżentattività suffiċjenti kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

310

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

F.   Fuq id‑disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali

1. L‑argumenti tal‑partijiet

311

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat ma josservawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li dan ir-regolament ma jispeċifikax b’mod ċar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jżommu l-finanzjamenti li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni li ngħatawlhom u li huwa jagħti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali wiesgħa wisq.

312

F’dan ir-rigward, l-ewwel, iqajjem diffikultà l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat. Dan il-kunċett ma jistax, bħala prinċipju, ikollu definizzjoni universali peress li jinkludi numru mhux eżawrjenti ta’ prinċipji li s-sens tagħhom jista’ jvarja minn Stat għall-ieħor, skont il-karatteristiċi kostituzzjonali tiegħu jew it-tradizzjonijiet ġuridiċi tiegħu stess. Barra minn hekk, din id-definizzjoni twessa’ indebitament il-portata tal-imsemmi kunċett bħala valur tal-Unjoni, li hija biss wieħed mill-valuri li fih l-Artikolu 2 TUE, għall-valuri l-oħra li fiha din id-dispożizzjoni.

313

It-tieni, l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ikkontestat, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għaliex l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji tippreżupponi li dawn ikunu kkonkretizzati minn qabel. Issa, fl-assenza ta’ definizzjoni universali tal-imsemmija prinċipji u fid-dawl tal-kompetenzi limitati ħafna tal-Unjoni sabiex tikkonkretizzawhom, dawn tal-aħħar ma jkollhomx kontenut materjali konkret fid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċaraw ċerti aspetti tal-valur tal-Istat tad-dritt, madankollu huma għadhom ma ppreċiżawx il-kontenut tal-valuri l-oħra li fih l-Artikolu 2 TUE u lanqas ir-relazzjoni tagħhom mal-prinċipju ta’ rispett tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri li jinsab fl-Artikolu 4(2) TUE.

314

Ċertament, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-valur tal-Istat tad-dritt li fih l-Artikolu 2 TUE, iżda ppreċiżat li dan il-valur kien ikkonkretizzat fl-Artikolu 19 TUE. Għaldaqstant, sabiex isiru applikabbli, il-valuri li fih l-Artikolu 2 TUE għandhom jiġu kkonkretizzati f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati. Madankollu, ladarba l-valuri l-oħra minbarra l-Istat tad-dritt, inkorporati indebitament f’dan l-aħħar kunċett mir-Regolament ikkontestat, ma humiex iddefiniti b’mod ċar, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża, b’mod partikolari, il-kunċetti ta’ “pluraliżmu”, ta’ “nondiskriminazzjoni”, ta’ “tolleranza”, ta’ “ġustizzja” u ta’ “solidarjetà”. L-interpretazzjoni vinkolanti ta’ dawn il-kunċetti mill-Qorti tal-Ġustizzja, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ dan ir-regolament, teċċedi b’hekk il-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni.

315

In-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn jużaw espressjonijiet bħal “funzjonament xieraq” tal-“awtoritajiet” jew “servizzi” u “l-funzjonament xieraq ta’ sistemi effettivi u trasparenti tal-ġestjoni finanzjarja”, kif ukoll in-natura mhux eżawrjenti tal-listi li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet għaldaqstant jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li jispeċifikawhom waqt l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u dan ikollu l-effett, essenzjalment, li jirrendi possibbli l-applikazzjoni retroattiva tan-normi b’hekk speċifikati.

316

It-tielet, fost is-sorsi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni hija marbuta tuża skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament ikkontestat, waqt il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, hemm il-“konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet” tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet oħra rrikonoxxuti, filwaqt li, skont id-dritt tal-Unjoni, dawn is-sorsi ma jorbtux lill-Istati Membri. Dan ir-regolament ma jistax għalhekk jagħtihom natura vinkolanti. Anki l-lista indikattiva li tinsab fil-premessa 16 tal-imsemmi regolament ma tippreċiżax suffiċjentement id-“deċiżjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet” imsemmija fih.

317

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

318

Permezz tad-disa’ motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u jagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ wisq lill-Kummissjoni u lill-Kunsill minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni, l-ewwel, tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, sussegwentement, tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament u, fl-aħħar nett, tas-sorsi ta’ informazzjoni li fuqhom il-Kummissjoni hija mitluba tibbaża l-evalwazzjonijiet tagħha stess skont l-Artikolu 6(3) tal-istess regolament.

319

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

320

Madankollu, dawn ir-rekwiżiti la għandhom jinftehmu bħala li jipprekludu lill-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li huwa jadotta, milli juża kunċett legali astratt, u lanqas li jimponu li tali regola astratta issemmi d-diversi każijiet konkreti li fihom din x’aktarx tiġi applikata, sa fejn il-leġiżlatur ma jistax jiddetermina dawn il-każijiet kollha minn qabel (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punti 39 kif ukoll 40).

321

B’konsegwenza ta’ dan, il-fatt li att leġiżlattiv jagħti setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu ma jiksirx, minnu nnifsu, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’ċarezza suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, li l-individwu jingħata protezzjoni xierqa mill-arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 94, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 57).

322

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati, fl-ewwel lok, l-argumenti bbażati fuq in-natura impreċiża u wiesgħa ħafna tal-kunċett tal-“Istat tad-dritt” iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat.

323

F’dan ir-rigward, l-ewwel, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tiddefinixxi b’mod eżawrjenti dan il-kunċett, iżda tillimita ruħha li tispeċifika, biss għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, diversi mill-prinċipji li huwa jkopri u li huma, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, l-iktar rilevanti fid-dawl tal-għan tal-imsemmi regolament, li huwa dak li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

324

It-tieni, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat ma jeċċedux il-limiti tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”. B’mod partikolari, ir-riferiment għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali isir biss bħala eżempju tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li hija wkoll iggarantita fl-Artikolu 19 TUE u li fir-rigward tagħha ir-Repubblika tal-Polonja nnifisha tammetti li tifforma parti minn dan il-kunċett. L-istess jgħodd għar-riferiment għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 2 TUE jsemmi l-Istat tad-dritt bħala valur komuni għall-Istati Membri b’mod separat mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li Stat Membru li s-soċjetà tiegħu hija kkaratterizzata mid-diskriminazzjoni ma jistax jitqies bħala li jiżgura l-osservanza tal-Istat tad-dritt, fis-sens ta’ dan il-valur komuni.

325

Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, fl-istudju Nru 711/2013, tat‑18 ta’ Marzu 2016, li jistabbilixxi “lista ta’ kriterji tal-Istat tad-dritt” u li għalih tagħmel riferiment il-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ta’ Venezia indikat b’mod partikolari li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” huwa msejjes fuq dritt sigur u prevedibbli, fejn kull persuna għandha d-dritt li tiġi ttrattata, minn dawk li jiddeċiedu, b’dinjità, b’ugwaljanza u b’razzjonalità, fl-osservanza tad-dritt eżistenti, u li jkollha rimedji sabiex tikkontesta d-deċiżjonijiet quddiem qrati indipendenti u imparzjali, skont proċedura ekwa. Issa, dawn il-karatteristiċi huma riflessi preċiżament fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament.

326

It-tielet, fir-rigward ta’ dak li ġie espost fil-punti 289 sa 293 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu miċħuda bħala kompletament infondati l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, sostnuti mill-Ungerija, li l-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat ma għandhomx kontenut materjali konkret fid-dritt tal-Unjoni.

327

Ir-raba’, fir-rigward tar-relazzjoni ta’ dawn l-istess prinċipji tal-Istat tad-dritt ma’ dak tal-osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri li jinsabu fl-Artikolu 4(2) TUE, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 282 sa 286 ta’ din is-sentenza.

328

Il-ħames, fir-rigward tal-argumenti li jgħidu li, sabiex isiru applikabbli, il-valuri li fih l-Artikolu 2 TUE għandhom jiġu kkonkretizzati f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, minn naħa, ġie rrilevat fil-punti 192 sa 199 ta’ din is-sentenza li t-Trattati jinkludu diversi dispożizzjonijiet, spiss ikkonkretizzati minn diversi atti ta’ dritt sekondarju, li jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza li jeżaminaw, li jikkonstataw, u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE mwettqa fi Stat Membru. Min-naħa l-oħra, fil-punti 112 sa 189 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat li l-Artikolu 322(1)(a) TFUE jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-valur tal-Istat tad-dritt u l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ dan il-ksur, sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tagħha meta tali ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika dan il-baġit u dawn l-interessi.

329

Is-sitt, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni adottata skont ir-Regolament ikkontestat, il-kunċetti ta’ “pluraliżmu”, ta’ “nondiskriminazzjoni”, ta’ “tolleranza”, ta’ “ġustizzja” jew ta’ “solidarjetà”, li fih l-Artikolu 2 TUE, hija teżerċita biss, b’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, il-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, b’mod partikolari mill-Artikolu 263 TFUE.

330

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kriterji użati fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta, l-ewwel, mill-punt 155 ta’ din is-sentenza li dan l-Artikolu 3 ma jistabbilixxix obbligi għall-Istati Membri, iżda sempliċement isemmi każijiet li jistgħu ikunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u għalhekk huwa intiż sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, billi jispjega r-rekwiżiti inerenti għal dawn il-prinċipji.

331

It-tieni, fir-rigward tal-kunċetti allegatament impreċiżi li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, għandu jitfakkar, qabel kollox, li dak “ta’ awtorità” ġie eżaminat fil-punti 175 u 176 ta’ din is-sentenza u li dak ta’ “servizzi” jkopri biss is-“servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni pubblika”.

332

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-“funzjonament tajjeb” tal-awtoritajiet pubbliċi, inklużi dawk repressivi, li jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni u inkarigati mill-kontroll, mill-monitoraġġ u mill-awditjar finanzjarju kif ukoll mis-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ġudizzjarja, imsemmija fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 4(2)(a) sa (c) tar-Regolament ikkontestat, mill-premessi 8 u 9 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din l-espressjoni tirrigwarda l-kapaċità ta’ dawn l-awtoritajiet li jaqdu korrettament kif ukoll b’mod effettiv u effikaċi l-funzjonijiet tagħhom li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

333

Fl-aħħar nett, l-espressjoni “sistemi effettivi u trasparenti tal-ġestjoni finanzjarja”, użata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament ikkontestat, tirreferi għall-kunċett ta’ “ġestjoni finanzjarja”, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ġestjoni finanzjarja tajba”, li tinsab fit-Trattati stess, b’mod partikolari fl-Artikolu 310(5) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, u ddefinita fil-punt 59 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju bħala l-implimentazzjoni tal-baġit skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. L-espressjoni “obbligazzjoni finanzjarja” tirrifletti, min-naħa tagħha, b’mod partikolari l-obbligi ta’ kontroll, monitoraġġ u tal-awditjar finanzjarju msemmija fl-imsemmi Artikolu 4(2)(b), filwaqt li l-espressjoni “sistemi effettivi u trasparenti” timplika l-istabbiliment ta’ numru ordnat ta’ regoli li jiżguraw b’mod effikaċi u trasparenti l-imsemmija ġestjoni u responsabbiltà finanzjarji.

334

It-tielet, l-argumenti bbażati fuq in-natura mhux eżawrjenti tal-elenku tas-sitwazzjonijiet jew tal-aġiri li jinsab fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat ġie miċħud fil-punti 171 sa 177 ta’ din is-sentenza u, fir-rigward tal-każijiet li jistgħu jindikaw ksur, iċċitati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, fil-punt 171 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li definizzjoni partikolari tal-kunċett ta’ “ksur” bl-ebda mod ma hija meħtieġa għall-bżonnijiet ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali bħal dak stabbilit mill-imsemmi regolament.

335

Ir-raba’, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-espressjonijiet ikkritikati mir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, jissodisfaw, bħala tali, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali mfakkra fil-punti 319 sa 321 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa skont ir-Regolament ikkontestat, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu b’mod konkret il-kundizzjonijiet kollha identifikati fl-aħħar lok fil-punti 286 sa 288 ta’ din is-sentenza.

336

Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti li jgħidu li l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat ma jiddefinixxix b’mod suffiċjentement preċiż is-sorsi ta’ informazzjoni li fuqhom tista’ tibbaża ruħha l-Kummissjoni, li wħud minnhom ma jorbtux l-Istati Membri u li lilhom dan ir-regolament ma jagħtihomx natura vinkolanti, għandu jitfakkar li, skont kliem l-imsemmija dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni teżamina jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament humiex issodisfatti u meta tevalwa l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti, hija għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż d-deċiżjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet irrikonoxxuti oħra.

337

F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti.

338

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi, f’notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati l-konstatazzjonijiet tagħha li jgħidu li jeżistu raġunijiet validi li jitqies li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

339

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li twettaq evalwazzjoni diliġenti tal-fatti fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat. L-istess jgħodd, konformement mal-Artikolu 6(7) sa (9) ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-miżuri, stipulat fl-Artikolu 5(3) tiegħu.

340

Il-premessi 16 u 26 tal-imsemmi regolament min-naħa l-oħra jistipulaw li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni kwalitattiva fil-fond, li għandha tkun oġġettiva, imparzjali u ekwa, li għandha tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u għandha titwettaq skont approċċ mhux partiġġjan u bbażat fuq elementi konkreti.

341

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li tiżgura ruħha, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni, mir-rilevanza tal-informazzjoni li hija tuża u mill-affidabbiltà tas-sorsi tagħha. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux valur probatorju speċifiku jew assolut u ma jorbtux effetti legali speċifiċi la mas-sorsi ta’ informazzjoni li dawn isemmu, u lanqas ma dawk li huma indikati fil-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat, b’tali mod li dawn ma jeżonerawx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni diliġenti tal-fatti li tissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti.

342

F’dan ir-rigward, il-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat tesponi espliċitament il-fatt li l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet irrikonoxxuti tinkludi, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni, ir-rapporti tal-OLAF u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-GRECO u l-Kummissjoni ta’ Venezia, b’mod partikolari l-lista ta’ kontroll tagħha dwar l-Istat tad-dritt, u n-networks Ewropej tal-Presidenti tal-qrati supremi u n-network Ewropew tal-kunsilli tal-ġudikatura.

343

Il-Kummissjoni għalhekk tibqa responsabbli għall-informazzjoni li hija tuża u għall-affidabbiltà tas-sorsi tagħha. Barra minn hekk, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà, matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament ikkontestat, li jippreżenta osservazzjonijiet dwar l-informazzjoni li l-Kummissjoni beħsiebha tuża sabiex tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa. Għaldaqstant, huwa possibbli għalih li jikkontesta l-valur probatorju ta’ kull wieħed mill-elementi magħżula, il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jistgħu, f’kull każ, jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill meħuda abbażi ta’ dan ir-regolament.

344

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkomunika, b’mod preċiż, lill-Istat Membru kkonċernat, sa minn meta tinbeda l-proċedura abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ikkontestat u perjodikament, matul din il-proċedura kollha, l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli li fuqha hija beħsiebha tibbaża l-proposta ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li tistabbilixxi miżuri xierqa li hija ser tippreżenta lill-Kunsill. Mill-bqija, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, ma għandha tingħata ebda natura vinkolanti lir-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6(3) u (8) ta’ dan ir-regolament.

345

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

G.   Fuq l‑għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

1. L‑argumenti tal‑partijiet

346

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li permezz tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilita mir-Regolament ikkontestat l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li jeżistu dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jipproteġu l-baġit tal-Unjoni. Hija tirrileva li, skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tapplika dan il-mekkaniżmu sakemm ma tikkunsidrax li proċeduri oħra previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jippermettulha tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod iktar effikaċi. Hija żżid li l-premessa 17 tal-imsemmi regolament tippreċiża li l-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni diġà tipprevedi diversi mezzi sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni. Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx spjega r-raġunijiet li għalihom dawn il-mezzi jkunu ineffikaċi u lanqas il-mod kif l-istess regolament jagħmel tajjeb għal allegati nuqqasijiet.

347

B’mod partikolari, ir-raġuni għalfejn il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kienet suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u ma kinitx direttament marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, peress li din hija diġà ddefinita fil-punt 59 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, ippreċiżat fil-Kapitolu 7 ta’ dan ir-regolament u stabbilit, fl-Artikolu 56(2) tiegħu, f’obbligu għall-Istati Membri, ma tidhirx b’mod ċar. Il-leġiżlatur tal-Unjoni kien seta’ b’hekk jispeċifika fir-Regolament Finanzjarju l-obbligi tal-Istati Membri dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni.

348

Ir-raġuni wara l-approċċ adottat mir-Regolament ikkontestat għalhekk tidher li hija r-rieda tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jevitaw ir-restrizzjonijiet li jinsabu fit-Trattati li jikkonċernaw il-kompetenza tagħhom sabiex jeżaminaw l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri. Permezz tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dritt illimitat sabiex jevalwaw, mill-perspettiva politika, l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u sabiex jorbtu kull ksur ikkonstatat ta’ dawn il-prinċipji, b’mod ġenerali, mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni.

349

Billi naqas milli juri l-valur miżjud tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament ikkontestat u tar-rabta tiegħu mad-dispożizzjonijiet l-oħra intiżi sabiex jipproteġu l-baġit tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

350

Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt abbażi ta’ elementi politiċi u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tipprekludi l-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-miżuri meħuda skont ir-Regolament ikkontestat, previst fl-Artikolu 5(3) tiegħu. L-istess japplika għall-eżami tan-natura, tat-tul ta’ żmien, tal-gravità u tal-ambitu ta’ dan il-ksur. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità ikun b’hekk impossibbli li jiġi osservat, li huwa iktar u iktar gravi peress li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li għandhom jiġu interpretati skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat jkun sistematiku fin-natura tiegħu. Fil-fatt, ikun diffiċli li jiġi aċċettat fil-prattika li l-“funzjonament xieraq tal-awtoritajiet” huwa rilevanti biss għall-ispejjeż ta’ fond jew ta’ programm speċifiku. Issa, in-natura sistematika tal-ksur ikkonstatat u l-assenza ta’ kwalunkwe kriterju li jiggwida l-għażla u l-ambitu tal-miżuri li għandhom jiġu adottati jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiġġustifikaw faċilment l-adozzjoni ta’ miżuri estiżi għall-konsegwenzi finanzjarji serji.

351

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

352

Permezz tal-għaxar motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba, qabel kollox, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma weriex, fir-rigward tal-mezzi ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni preeżistenti, in-neċessità tal-adozzjoni tagħhom, sussegwentement, li din l-adozzjoni turi r-rieda ta’ dan il-leġiżlatur li jevita l-limiti tal-kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni imposti mit-Trattati sabiex jeżaminaw l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri, u fl-aħħar nett, tal-impreċiżjoni tal-kriterji li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3, fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

353

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C-647/15, EU:C:2017:631, punt 206 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

354

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ kemm kien opportun li jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-ambitu tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu timplika għażliet kemm ta’ natura politika kif ukoll ekonomika jew soċjali, u fejn huwa intiż li jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika, għalhekk il-kwistjoni ma hijiex li jsir magħruf miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom l-intenzjoni li jiksbu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punti 7778, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punti 9597).

355

F’dan il-każ, kif irrilevat ir-Repubblika tal-Polonja stess fl-argumenti tagħha dwar ir-raba’ u l-ħdax-il motiv, l-ispjegazzjoni tal-motivi li takkumpanja l-proposta li wasslet għar-Regolament ikkontestat tirrileva li “għadd ta’ avvenimenti reċenti wrew dgħufijiet ġeneralizzati fis-sistemi nazzjonali ta’ kontroll u bilanċ u wrew kif nuqqas ta’ rispett għall-istat tad-dritt jista’ jsir kwistjoni ta’ tħassib serju u komuni fl-Unjoni”, b’mod partikolari għall-“istituzzjonijiet bħall-Parlament Ewropew”.

356

Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-premessi 7, 8 u 17 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li setgħu jeżistu sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, li l-leġiżlazzjoni eżistenti intiża sabiex tipproteġi l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tagħha ma setgħetx tindirizza b’mod adegwat.

357

Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ma invokat ebda element li jista’ juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu f’dan ir-rigward, meta huwa b’hekk qies neċessarju li jagħmel tajjeb, permezz tar-Regolament ikkontestat, għal preġudizzju jew riskji serji ta’ preġudizzju għal din il-ġestjoni tajba jew għall-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

358

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata evitar tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex tiġi eżaminata l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma ta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dritt illimitat sabiex jevalwaw, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jew sabiex jorbot kull ksur ikkonstatat ta’ dawn il-prinċipji, b’mod ġenerali, mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa ssuġġetta l-bidu tal-proċedura għall-kriterji kollha spjegati fil-punt 288 ta’ din is-sentenza, li jiżguraw, kif ġie rrilevat fil-punti 112 sa 189 u 200 sa 203 a’ din is-sentenza, li l-evalwazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni u huma ta’ natura ġuridika u mhux politika.

359

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kriterji li jiddeterminaw l-għażla u l-ambitu tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, fil-punti 301 sa 303 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li dawn il-kriterji huma suffiċjentement preċiżi u li, b’mod partikolari, mill-ewwel u mit-tielet sentenzi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-miżuri meħuda għandhom ikunu strettament proporzjonali għall-effett li l-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha.

360

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tispeċifika, fl-ewwel sentenza tagħha, li l-miżuri meħuda huma “proporzjonati”, fit-tieni sentenza tagħha, li dawn għandhom jiġu “ddeterminati fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali” tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha u, fit-tielet sentenza tagħha, li n-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom “jitqiesu kif xieraq”.

361

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona, fil-punti 177 u 178 tal-konklużjonijiet tiegħu. fil-kawża L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2021:974), mill-ordni ta’ dawn is-sentenzi kif ukoll mill-kliem użati fihom jirriżulta li l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu adottati hija żgurata, b’mod determinanti, mill-kriterju tal-“impatt” tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha. Fir-rigward tal-kriterji bbażati fuq in-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu ta’ dan il-ksur, dawn għandhom “jitqiesu kif xieraq” biss għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata ta’dan l-impatt, sa fejn dan jista’ jvarja skont il-karatteristiċi tal-ksur ikkonstatat, hekk kif skoperti bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

362

Fl-aħħar lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jistgħu jkunu sistematiċi fin-natura tagħhom, b’tali mod li jaffettwaw ukoll oqsma oħra minbarra dawk rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, fil-punti 267 sa 270 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li, meta tali ksur ikun ukoll tali li jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finazjarji tagħha, l-Unjoni ma tistax tiġi kkritikata li timplimenta l-mezzi neċessarji għall-protezzjoni ta’ din il-ġestjoni tajba u ta’ dawn l-interessi finanzjarji.

363

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-għaxar motiv għandu miċħud, u, għaldaqstant ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

364

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

365

Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill.

366

Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dan ir-regolament, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom bħala intervenjenti fit-tilwima.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.