KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )
Kawża C‑726/21
Županijsko državno odvjetništvo u Puli-Pola
vs
GR,
HS,
IT,
u
INTER CONSULTING d.o.o.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa miż-Županijski sud u Puli-Pola (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula, il-Kroazja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Partijiet tal-atti proċedurali li għandha tirreferi għalihom il-qorti nazzjonali fl-eżami tal-effetti tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Dispożittiv – Espożizzjoni tal-motivi – Azzjonijiet li fir-rigward tagħhom ingħalqu l-proċeduri kriminali”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Il-fatti tal-kawża ineżami huma pjuttost kumplessi. Fil-kawża prinċipali, pendenti fil-Kroazja, diversi persuni ġew akkużati li kkawżaw dannu finanzjarju lil kumpannija Kroata, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsab fil-Kroazja. Matul dik il-proċedura rriżulta li tnejn minn dawn il-persuni ġew illiberati, fl-Awstrija, minn reati kriminali marbuta mal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi ta’ bank Awstrijak li kien qiegħed jiffinanzja dan il-proġett. Barra minn hekk, l-azzjonijiet kriminali inizjali kontra dawn il-persuni, fl-Awstrija, ingħalqu parzjalment minħabba nuqqas ta’ provi fir-rigward ta’ atti oħra relatati mal-istess proġett. Madankollu, wara eżami tal-informazzjoni fil-proċess, il-portata preċiża tal-parti tal-azzjonijiet kriminali li ngħalqu fl-Awstrija tibqa’ kemxejn mhux ċara. |
|
2. |
Iż-Županijski sud u Puli-Pola (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula, il-Kroazja), il-qorti tar-rinviju, tosserva li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ jipprekludi l-proċedura pendenti quddiemha fid-dawl tal-proċedura li żvolġiet fl-Awstrija. Madankollu, il-konklużjoni preċiża li għandha tinsilet fuq dan il-punt tiddependi, essenzjalment, fuq sa liema punt l-informazzjoni dwar dawk il-proċeduri kriminali preċedenti stabbilita fl-atti proċedurali adottati f’dak il-kuntest tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, jidher li, skont il-prattika ġudizzjarja Kroata, sabiex jiġi evalwat jekk il-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem hijiex skattata, il-qrati Kroati jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li jsir riferiment għalihom f’ċerti partijiet tal-atti proċedurali, bħall-adozzjoni ta’ att ta’ akkuża jew fid-dispożittiv ta’ sentenza definittiva. |
|
3. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“KIFS”) ( 2 ), għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-fatti prinċipali ċċitati fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża, maħruġ minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru ieħor, u fid-dispożittiv ta’ sentenza definittiva mogħtija fi Stat Membru ieħor, jew jekk hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatti msemmija fil-motivi ta’ din is-sentenza li l-azzjonijiet kriminali ngħalqu fir-rigward tagħhom. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
|
4. |
L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jistabbilixxi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. |
|
5. |
L-Artikolu 54 tal-KIFS jipprevedi li “[p]ersuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza”. |
|
6. |
L-Artikolu 57 tal-KIFS jaqra kif ġej: “1. Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza. 2. L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti. […]” |
B. Id‑dritt nazzjonali
|
7. |
Skont l-Artikolu 31(2) tal-Ustav Republike Hrvatske (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja) ( 3 ), l-ebda persuna ma tista’ tiġi pproċessata jew ikkundannata għat-tieni darba fi proċeduri kriminali għal reat li għalih tkun diġà nstabet mhux ħatja jew ikkundannata b’sentenza skont il-liġi. |
|
8. |
Skont l-Artikolu 12(1) taż-Zakon o kaznenom postupku (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) ( 4 ), ħadd ma jista’ jiġi kkastigat għat-tieni darba fi proċeduri kriminali għal reat li għalih ikun diġà ġie pproċessat u li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat sentenza ġudizzjarja definittiva. |
III. Il-fatti, il‑proċedura nazzjonali u d‑domanda preliminari
|
9. |
Fiż-żmien rilevanti, GR kien membru tal-bord tal-ġestjoni ta’ Skiper Hoteli d.o.o. (iktar ’il quddiem “Skiper Hoteli”) u ta’ Interco Umag d.o.o., li sussegwentement saret INTER CONSULTING (iktar ’il quddiem “Interco”, li tinsab fi stralċ). GR kien ukoll membru tal-bord tal-ġestjoni ta’ Rezidencija Skiper d.o.o. (iktar ’il quddiem “Rezidencija Skiper”) u kien jippossjedi azzjonijiet f’Alterius d.o.o. (iktar ’il quddiem “Alterius”). Nifhem li dawn il-kumpaniji kollha huma (jew kienu) irreġistrati fil-Kroazja. HS, min-naħa tiegħu, kien direttur ta’ Interco, filwaqt li IT kien jagħmel valutazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli. |
|
10. |
Fit‑28 ta’ Settembru 2015, iż-Županijsko državno odvjetništvo u Puli (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pula, il-Kroazja, iktar ’il quddiem l-“UP ta’ Pula”) ħareġ att ta’ akkuża kontra GR, HS, IT u Interco. Huwa akkuża lil GR u Interco bir-reat ta’ abbuż ta’ fiduċja fi tranżazzjonijiet kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 246(1) u (2) tal-Kazneni zakon (il-Kodiċi Kriminali Kroat). Barra minn hekk huwa akkuża lil HS li kien instiga dan ir-reat u lil IT li kkontribwixxa għat-twettiq tiegħu. |
|
11. |
Min-naħa tagħhom, GR u HS kienu akkużati li aġixxew, fil-kuntest ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi ġodda f’Savudrija (komun Kroat), sabiex jiżguraw li Interco tibbenefika minn vantaġġ finanzjarju illegali għad-detriment ta’ Skiper Hoteli meta organizzaw akkwist, minn Skiper Hoteli, permezz ta’ Interco, ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’Savudrija, bi prezzijiet nettament ogħla mill-valur tas-suq tagħha. |
|
12. |
L-att ta’ akkuża jindika wkoll li GR, HS u IT ikkawżaw dannu finanzjarju addizzjonali lil Skiper Hoteli billi aġixxew b’tali mod li din tal-aħħar kisbet, bi prezz nettament ogħla mill-valur reali tagħhom, azzjonijiet ta’ kumpannija Kroata oħra (Alterius). |
|
13. |
Il-Qorti tar-rinviju kkonfermat l-att ta’ akkuża maħruġ mill-UP ta’ Pula. |
|
14. |
Madankollu, matul il-proċedura inizjali, HS kien sostna li huwa kien diġà suġġett għal proċeduri kriminali fl-Awstrija għall-istess fatti. L-UP ta’ Pula għalhekk ikkuntattja lis-Staatsanwaltschaft Klagenfurt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt l-Awstrija; iktar ’il quddiem l-“UP ta’ Klagenfurt”) fl-2014 sabiex jiġi vverifikat li proċeduri simili kienu fil-fatt inbdew hemmhekk. Id-Državno odvjetništvo Republike Hrvatske (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Kroazja) ikkuntattja lill-Ministeru tal-Ġustizzja Awstrijak b’talba simili fl‑2016. Skont il-qorti tar-rinviju, mir-risposti tal-awtoritajiet Awstrijaċi jirriżulta li kienu nbdew proċeduri kriminali fl-Awstrija kontra BB u CC, żewġ ex membri tal-bord tal-ġestjoni ta’ Hypo Alpe Adria Bank International AG (iktar ’il quddiem il-“Hypo Bank”), stabbilit fl-Awstrija, dwar ir-reat ta’ abbuż ta’ fiduċja fis-sens tal-Artikoli 153(1) u (2) tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali Awstrijak; iktar ’il quddiem l-“iStGB”), u kontra HS u GR bħala kompliċi f’dan ir-reat. |
|
15. |
B’mod iktar preċiż, skont l-att ta’ akkuża li l-UP ta’ Klagenfurt ippreżenta quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) fid‑9 ta’ Jannar 2015, BB u CC ġew akkużati li approvaw, bejn Settembru 2002 u Lulju 2005, l-għoti ta’ self varju lil Rezidencija Skiper u Skiper Hoteli, minkejja l-assenza ta’ dokumentazzjoni suffiċjenti tal-proġett u tal-kapaċità ta’ rimbors ta’ kreditu pproġettata, u b’hekk ikkawżaw dannu finanzjarju lil Hypo Bank fl-ammont ta’ mill-inqas EUR 105 miljun. HS u GR ġew akkużati, rispettivament, li ħeġġew, billi talbu l-għoti tal-imsemmi self, lil BB u CC sabiex iwettqu dawn ir-reati, jew li għenu fit-twettiq tagħhom. |
|
16. |
Fit‑3 ta’ Novembru 2016, il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) tat sentenza li permezz tagħha BB u CC ġew ikkundannati talli approvaw Self HR/1061 lil Skiper Hoteli. Dawn ġew illiberati fir-rigward tal-akkużi l-oħra. GR u HS ġew illiberati. B’mod iktar preċiż, HS ġie lliberat mill-akkuża li ħeġġeġ, billi repetutament talab self u ssottometta dokumenti ta’ self, bejn l‑2002 u l‑2005, lil BB u CC sabiex iwettqu reati. GR ġie lliberat mill-akkuża li pparteċipa, bejn l‑2003 u l‑2005, fit-twettiq tar-reati mwettqa minn BB u CC, sa fejn talab li s-self varji, inkluż is-Self HR/1061, jingħataw, innegozja s-self, issottometta dokumentazzjoni ta’ self u ffirma l-kuntratti ta’ self rilevanti. Il-qorti tar-rinviju tinnota li dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta mid-dispożittiv tas-sentenza tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt), filwaqt li mill-motivi tagħha jirriżulta li Skiper Hoteli użat is-Self HR/1061 sabiex takkwista l-proprjetà immobbli u l-azzjonijiet inkwistjoni bi prezzijiet kunsiderevolment ogħla mill-valur tas-suq. |
|
17. |
Din is-sentenza saret definittiva wara ċ-ċaħda mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) ta’ appell ippreżentat minnha. |
|
18. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li, qabel il-ħruġ, fid‑9 ta’ Jannar 2015, tal-att ta’ akkuża msemmi fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-UP ta’ Klagenfurt mexxa, iżda għalaq minħabba nuqqas ta’ provi, l-investigazzjoni kontra GR u HS fir-rigward ta’ azzjonijiet differenti minn dawk koperti mill-att ta’ akkuża sussegwenti, jiġifieri l-użu tas-Self HR/1061 għall-proġett ta’ Skiper Hoteli. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-UP ta’ Klagenfurt innotifika lil GR, fid‑9 ta’ Jannar 2015, li l-investigazzjoni fil-“każ Skiper” ingħalqet. Din in-notifika kienet ibbażata fuq l-Artikolu 190(2) tal-iStrafprozeßordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Awstrijak; iktar ’il quddiem l-“iStPO”) u kienet tinkludi informazzjoni dwar l-għeluq tal-proċedura, fir-rigward ta’ HS, GR, BB u CC, fir-rigward tar-reat tal-abbuż ta’ fiduċja skont l-Artikoli 153(1) u (2) tal-iStGB, sa fejn dan ma kienx kopert mill-att ta’ akkuża ppreżentat mill-UP ta’ Klagenfurt fl-istess data quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt), minħabba nuqqas ta’ provi, b’mod partikolari fir-rigward tal-intenzjoni li jiġi kkawżat dannu, jew minħabba l-assenza ta’ provi speċifiċi u suffiċjenti ta’ natura li jsostnu aġir kriminali punibbli. Mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li HS talab u kiseb komunikazzjoni mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi li tikkonferma dan l-għeluq. |
|
19. |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli li (i) il-fatti msemmija fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża tal-UP ta’ Pula; (ii) il-fatti msemmija fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża tal-UP ta’ Klagenfurt; (iii) il-fatti msemmija fid-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza definittiva tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt); u (iv) il-fatti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni li ngħalqet mill-UP ta’ Klagenfurt jistgħu jitqiesu li għandhom is-saħħa ta’ res judicata minħabba r-rabta inseparabbli li teżisti bejniethom fiż-żmien, fl-ispazju u fis-sustanza. |
|
20. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-qrati Kroati jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni biss l-azzjonijiet msemmija fil-partijiet speċifiċi ta’ deċiżjoni proċedurali partikolari, bħal dak li jissemma fid-dispożittiv ta’ att ta’ akkuża jew fid-dispożittiv ta’ sentenza. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din il-prattika, li fir-rigward tagħha ma hija pprovduta l-ebda preċiżazzjoni addizzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju, tirrifletti l-fehma li huwa biss f’dan il-punt li l-atti proċedurali inkwistjoni jsiru definittivi. |
|
21. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-Županijski sud u Puli-Pola (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Sabiex jiġi evalwat jekk inkisirx il-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-fatti li jinsabu fid-dispożittiv tal-att tal-akkuża [tal-UP ta’ Pula] tat‑28 ta’ Settembru 2015 jistgħu jitqabblu biss mal-fatti determinanti msemmija fid-dispożittiv tal-att tal-akkuża tal-[UP ta’ Klagenfurt] tad‑9 ta’ Jannar 2015 u fid-dispożittiv tas-sentenza tal-Landesgericht Klagenfurt [il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt] tat‑3 ta’ Novembru 2016, ikkonfermata mis-sentenza tal-Oberster Gerichtshof [il-Qorti Suprema tal-Awstrija] tal‑4 ta’ Marzu 2019, jew, mal-fatti tad-dispożittiv tal-att tal-akkuża [tal-UP ta’ Pula], jistgħu jitqabblu wkoll il-fatti li jinsabu fil-motivi tas-sentenza tal-Landesgericht Klagenfurt [il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt] tat‑3 ta’ Novembru 2016, ikkonfermata mis-sentenza tal-Oberster Gerichtshof [il-Qorti Suprema tal-Awstrija], kif ukoll dawk li minħabba fihom saret il-proċedura ta’ investigazzjoni mill-[UP ta’ Klagenfurt] kontra diversi persuni, fost oħrajn ukoll kontra GR u HS, u li sussegwentement tħallew barra mill-att tal-akkuża tal-[UP ta’ Klagenfurt] tad‑9 ta’ Jannar 2015 (u liema fatti ma ssemmewx fid-dispożittiv speċifiku)?” |
|
22. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn HS, GR, l-UP ta’ Pula, il-Gvern Awstrijak u dak Kroat, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati għamlu t-trattazzjoni tagħhom waqt is-seduta li nżammet fl‑11 ta’ Jannar 2023. |
IV. Il‑kunsiderazzjonijiet
|
23. |
Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, il-kuntest ta’ referenza korrett li għandu jintuża sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, jipprekludix il-proċeduri pendenti quddiemha, peress li dawn jistgħu jikkonċernaw l-istess fatti bħal dawk inkwistjoni fi proċeduri preċedenti li ġew magħluqa fi Stat Membru ieħor. |
|
24. |
Qabel ma nindirizza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS sabiex tingħata risposta għal din id-domanda (B), ser nindirizza l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Awstrijak li hija bbażata fuq it-teżi ta’ dan il-gvern li, essenzjalment, iż-żewġ proċeduri jikkonċernaw fatti materjali differenti (A). |
A. Ammissibbiltà
|
25. |
Il-Gvern Awstrijak iqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tad-domanda magħmula. Fil-fehma tiegħu, il-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u l-proċedura preċedenti fl-Awstrija ma jikkonċernawx l-istess fatti. Dan il-gvern jenfasizza li, filwaqt li l-proċedura fl-Awstrija kienet tikkonċerna telf finanzjarju imġarrab minn bank Awstrijak, il-proċedura fil-Kroazja tirrigwarda dannu finanzjarju mġarrab minn kumpannija Kroata. Dan il-gvern jenfasizza li l-proċedura Awstrijaka ma setgħet bl-ebda mod tikkonċerna l-azzjonijiet potenzjali ta’ GR fir-rigward ta’ din il-kumpannija, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtoritajiet Awstrijaċi f’dan ir-rigward, peress li GR huwa ċittadin u resident Kroat, filwaqt li Skiper Hoteli hija kumpannija rreġistrata fil-Kroazja. |
|
26. |
Mingħajr ma qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-UP ta’ Pula u l-Gvern Kroat jikkondividu, essenzjalment, l-istess fehma, filwaqt li HS u GR isostnu l-kuntrarju. |
|
27. |
F’dan ir-rigward, nosserva li, filwaqt li l-portata preċiża tal-parti magħluqa tal-proċeduri fl-Awstrija ma hijiex spjegata b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju, minn dan isegwi li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jista’, fil-fatt, ikun hemm kumulu bejn il-proċedura li seħħet fl-Awstrija u l-proċedura pendenti quddiemha. Fil-fatt, fil-fehma ta’ din il-qorti, il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, jista’ jaffettwa l-proċeduri pendenti quddiemha, skont il-portata tal-eżami li għandu jitwettaq f’dan ir-rigward. |
|
28. |
Sa fejn il-Gvern Awstrijak jixtieq jikkontesta din il-fehma, nosserva li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali ( 5 ). B’mod partikolari, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza u l-portata tal-kumulu (fattwali) bejn iż-żewġ proċeduri inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, min-naħa tagħha, titlaq mill-ipoteżi, ifformulata mill-qorti tar-rinviju, li jista’ jeżisti tali kumulu u tikkunsidra, konsegwentement, li d-domanda magħmula hija rilevanti għall-eżitu tal-proċedura pendenti quddiem dik il-qorti u għaldaqstant hija ammissibbli. |
B. L‑Artikolu 54 tal‑KIFS
|
29. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idems stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, hija tistax tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti prinċipali msemmija fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża, maħruġ minn uffiċċju tal-prosekutur ta’ Stat Membru ieħor, u fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni definittiva mogħtija f’dan l-Istat l-ieħor, jew jekk għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatti msemmija fil-motivi ta’ din is-sentenza u li fir-rigward tagħhom ikunu ngħalqu l-azzjonijiet kriminali. |
|
30. |
Infakkar li l-Artikolu 54 tal-KIFS jipprevedi li “[p]ersuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza”. |
|
31. |
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, il-projbizzjoni ta’ proċeduri kriminali doppji f’kuntest transkonfinali, stabbilita wkoll f’termini iktar ġenerali fl-Artikolu 50 tal-Karta, li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiggwida l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS ( 6 ). |
|
32. |
Il-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, tiġi skattata meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet prinċipali: (i) l-identiċità tal-atti kkonċernati miż-żewġ proċeduri inkwistjoni ( 7 ) u (ii) l-eżistenza ta’ deċiżjoni definittiva fi Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, meta tkun ġiet imposta sanzjoni, din is-sanzjoni għandha tkun ġiet infurzata, tkun fil-proċess ta’ infurzar jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iktar. |
|
33. |
Din il-kundizzjoni tal-“infurzar” ( 8 ) ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża, li tirrigwarda, kif diġà osservajt, il-kuntest ta’ referenza korrett li għandu jintuża sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni marbuta mal-“idem” hijiex issodisfatta. |
|
34. |
Fit-taqsima li ġejja, ser nispjega r-raġunijiet li jwassluni sabiex nikkunsidra li l-Artikolu 54 tal-KIFS irendi neċessarju li qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatti deskritti f’partijiet speċifiċi tad-deċiżjonijiet proċedurali maħruġa fi Stat Membru ieħor iżda wkoll dawk deskritti f’partijiet oħra ta’ dawk id-deċiżjonijiet, jew possibbilment f’partijiet oħra, sabiex tivverifika jekk proċedura pendenti quddiemha tikkonċernax l-istess azzjonijiet (idem) bħal dawk li ġew eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva (1). Għall-fini ta’ kompletezza, sussegwentement ser nindirizza t-tieni element tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, dwar in-natura “definittiva” tad-deċiżjoni li għandha teżisti, flimkien mal-identiċità tal-azzjonijiet, sabiex il-protezzjoni pprovduta minn dan il-prinċipju tiġi skattata. Fil-fatt, il-partijiet f’din il-proċedura kkummentaw fit-tul fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni dwar in-natura “definittiva” tad-deċiżjoni kinitx issodisfatta meta l-UP ta’ Klagenfurt iddeċieda li jagħlaq parzjalment il-proċedura inkwistjoni (2). |
1. Fuq il‑kuntest ta’ referenza korrett għall-kundizzjoni ta’ “idem”
|
35. |
Kif diġà ġie nnotat, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-prattika, il-qrati Kroati jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni biss ċerti partijiet tal-atti proċedurali, bħad-dispożittiv ta’ att ta’ akkuża jew id-dispożittiv ta’ sentenza, sabiex jeżaminaw jekk il-proċedura pendenti quddiemhom tikkonċernax l-istess fatti bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni definittiva u humiex għaldaqstant preklużi mill-prinċipju ta’ ne bis in idem. Għaldaqstant, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk l-Artikolu 54 tal-KIFS jippermettix tali interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jew jekk hemmx bżonn evalwazzjoni b’mod iktar wiesa’. |
|
36. |
B’mod iktar preċiż, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li, bħala konsegwenza tal-prattika deskritta iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li hija f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi tas-sentenza tat-3 ta’ Novembru 2016 tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt), li fir-rigward tagħhom ingħalqu l-proċeduri kriminali u li jikkonċernaw, skont il-qorti tar-rinviju, l-ewwel, il-fatt li l-akkwist tal-proprjetà immobbli u tal-azzjonijiet inkwistjoni minn Skiper Hoteli twettaq bil-fondi li oriġinaw mis-Self HR/1061 u, it-tieni, il-fatt li l-prezz tax-xiri kien, fiż-żewġ każijiet, sostanzjalment ogħla mill-valur tas-suq ta’ dawn l-assi. |
|
37. |
Filwaqt li l-Gvern Kroat u l-UP ta’ Pula jsostnu li għandu jkun possibbli li dan l-eżami jiġi limitat b’dan il-mod, HS, GR, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jsostnu l-kuntrarju. |
|
38. |
Jiena naqbel ma’ dawn il-partijiet tal-aħħar. B’mod iktar speċifiku, jiena naqbel mal-Kummissjoni li prattika nazzjonali li tillimita bil-mod deskritt iktar ’il fuq l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-proċedura pendenti quddiem qorti nazzjonali tikkonċernax l-istess azzjonijiet bħal dawk ta’ proċedura preċedenti magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva hija eċċessivament restrittiva, peress li, hija tista’ essenzjalment twassal sabiex il-qorti nazzjonali titwarrab l-eżistenza ta’ deċiżjoni definittiva adottata, fi Stat Membru ieħor, fir-rigward tal-istess azzjonijiet. |
|
39. |
Għalkemm la l-formulazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS u lanqas dik tal-Artikolu 50 tal-Karta ma jipprovdu indikazzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward, din il-konklużjoni tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-kuntest rilevanti tal-Artikolu 54 tal-KIFS, kuntest li huwa kompost minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-istrument, u hija wkoll ikkonfermata mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) TUE ( 9 ) li, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS ( 10 ). |
|
40. |
L-ewwel, fir-rigward tal-kuntest rilevanti, l-Artikolu 57 tal-KIFS jistabbilixxi regoli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istat rispettivi bl-għan li tiġi skambjata informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ proċeduri kriminali preċedenti magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva. |
|
41. |
B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 57(1) tal-KIFS jobbliga lill-awtoritajiet jitolbu, meta jqisu li dan huwa neċessarju, informazzjoni rilevanti mingħand il-kontropartijiet tagħhom li jinsabu fit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra jekk ikollhom raġuni sabiex jemmnu li l-akkużi miġjuba kontra persuna partikolari jirrigwardaw “l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra”. L-Artikolu 57(2) tagħha jistabbilixxi obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba “kemm jista’ jkun malajr” u, b’mod importanti, li din l-informazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni “fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti”. |
|
42. |
Fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni, isegwi li l-informazzjoni li tista’ tintalab u li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu tista’ teżisti f’forom differenti. Għall-kuntrarju ta’ din il-formulazzjoni ġenerali, jiena naqbel mal-Kummissjoni li, billi tillimita l-informazzjoni li qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni għal dik li tinsab f’parti speċifika ta’ att proċedurali, il-prattika nazzjonali inkwistjoni tillimita serjament l-effett utli ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni. In casu, meta tirrikorri għal dan il-mekkaniżmu sabiex tistaqsi dwar jekk il-persuni kkonċernati (bħal GR u HS) kinux is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li ngħalqu definittivament fl-Awstrija, il-prattika nazzjonali deskritta iktar ’il fuq tkun fil-fatt tobbliga lill-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni biss l-informazzjoni pprovduta fil-partijiet speċifiċi tal-atti proċedurali, bl-esklużjoni ta’ kull informazzjoni oħra li din il-qorti tista’ tirċievi mill-awtoritajiet Awstrijaċi. |
|
43. |
Għandu jitfakkar li d-dritt li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa dritt fundamentali, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta ( 11 ), kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni. Il-mod speċifiku ta’ kif jiġi vverifikat jekk diġà kienx hemm deċiżjoni definittiva dwar l-istess fatti materjali għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod li jipprovdi protezzjoni effettiva ta’ dan id-dritt ( 12 ). |
|
44. |
It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-għan tal-Artikolu 54 tal-KIFS huwa li jevita li “persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali tkun, minħabba l-fatt li hija teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu, akkużata għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti” ( 13 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tan-neċessità li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni, iżda wkoll fid-dawl tan-neċessità li tiġi promossa l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità ( 14 ). |
|
45. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement identifikat ċerti sitwazzjonijiet li fihom il-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem ma setgħetx tiġi applikata peress li dan kien iwassal għall-impunità ( 15 ), il-prattika nazzjonali kif deskritta fil-kawża ineżami mill-qorti tar-rinviju tista’ twassal għal riżultat oppost, li huwa ugwalment mhux mixtieq. Fil-fatt, tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha l-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem tiġi miċħuda minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament formalistika, peress li l-għoti ta’ din il-protezzjoni tiddependi mill-forma ġuridika li fiha tingħata l-informazzjoni dwar proċeduri preċedenti u, bl-istess mod, mit-tradizzjonijiet differenti li, kif fakkru l-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, jistgħu jeżistu fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-mod kif din l-informazzjoni tiġi trażmessa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu, iktar milli fid-dawl ta’ “aspetti ta’ proċedura jew purament ta’ forma, illi jvarjaw skond l-Istati membri kkonċernati” ( 16 ). |
|
46. |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-rilevanza tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni proċedurali partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement enfasizzat li tali motivazzjoni għandha importanza kruċjali sabiex jiġi vverifikat jekk l-azzjonijiet inkwistjoni kinux diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva — li hija, kif indikajt, waħda miż-żewġ kundizzjonijiet prinċipali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 17 ). |
|
47. |
Ma nara l-ebda raġuni għalfejn l-istess rilevanza ma għandhiex tingħata lill-espożizzjoni tal-motivi li tinsab f’tali att jew f’deċiżjoni oħra meta tiġi evalwata l-kundizzjoni l-oħra għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, li tirrigwarda “idem”. |
|
48. |
Barra minn hekk, ma narax għalfejn tali evalwazzjoni għandha neċessarjament tintemm bil-kunsiderazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi bl-esklużjoni tal-informazzjoni pprovduta minn sorsi oħra. F’dan ir-rigward, kif diġà tfakkar fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-forma u l-kontenut tad-diversi atti li jistgħu jiġu adottati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali partikolari jvarjaw minn Stati Membru għal ieħor. Filwaqt li, f’ċerti Stati Membri, il-fatti materjali rilevanti kollha kkonċernati mill-proċeduri kriminali jista’ jkollhom jissemmew fid-dispożittiv tal-att proċedurali rispettiv, f’oħrajn, l-informazzjoni rilevanti tista’ tiġi indikata f’partijiet oħra ta’ tali atti, jew saħansitra f’att ieħor li għalih jista’ jsir riferiment. |
|
49. |
Ninnota li l-Gvern Kroat spjega li – skont id-dritt Kroat – l-effett ta’ res judicata japplika biss fir-rigward tad-dispożittiv tal-att proċedurali rilevanti. F’dan ir-rigward, nosserva, l-ewwel, li filwaqt li l-fehma tal-effetti ta’ res judicata tista’ tvarja skont l-ordinament ġuridiku kkonċernat, ( 18 ) tali fehma ma tistax, fi kwalunkwe każ, taffettwa l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif stabbilit mid-dritt tal-Unjoni. It-tieni, jista’ jkun li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożittiv biss sempliċement ma jkunx biżżejjed sabiex tinftiehem il-portata tal-att innifsu meta l-elementi neċessarji għal dan l-għan jiġu żvelati f’partijiet li ma humiex id-dispożittiv. F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak spjega waqt is-seduta li, fir-rigward tal-kawża ineżami, il-portata preċiża tal-parti tal-proċedura li ngħalqet mill-UP ta’ Klagenfurt għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ atti differenti adottati matul il-proċeduri kriminali. |
|
50. |
Għalhekk, l-obbligu tal-awtoritajiet tal-Istat li jillimitaw ruħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożittiv tal-atti proċedurali rilevanti, mingħajr ma jipprovdilhom ebda marġni sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni approċċi oħra għad-deskrizzjoni tal-fatti materjali kkonċernati minn proċedura kriminali li jistgħu jeżistu fi Stat Membru ieħor jista’ jwassal għal ċaħda effettiva tal-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem għas-sempliċi raġuni li dik id-deċiżjoni ġiet adottata fi Stat Membru ieħor, fejn il-prattika hija differenti minn dak l-Istat Membru li fiha tiżvolġi l-proċedura sussegwenti. |
|
51. |
F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li l-qorti tar-rinviju, li hija responsabbli sabiex tiddetermina jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludix il-proċedura pendenti quddiemha, għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-proċeduri kriminali preċedenti li ġew definittivament magħluqa. Jiena, għaldaqstant, nikkonkludi li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit f’din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-fatti materjali koperti mill-proċedura kriminali preċedenti mwettqa fi Stat Membru ieħor u magħluqa b’deċiżjoni definittiva u mhux tkun limitata għall-fatti msemmija f’ċerti partijiet tal-atti proċedurali adottati fi ħdan dik il-proċedura kriminali preċedenti, bħal fid-dispożittiv ta’ att ta’ akkuża jew fid-dispożittiv ta’ sentenza.. |
|
52. |
Wara li għamilt din il-preċiżazzjoni, nixtieq nirreferi għall-kummenti estensivi li l-partijiet f’din il-proċedura għamlu fuq il-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ proċeduri inkwistjoni jikkonċernawx fil-fatt l-istess azzjonijiet. F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar fil-qosor li l-kundizzjoni dwar l-“idem”, hija mifhuma bħala “l-identiċità tal-fatti materjali”, u titqies li hija ssodisfatta meta jkun hemm “ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn jinvolvu l-istess awtur u huma marbuta b’mod inseparabbli bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju” ( 19 ). |
|
53. |
F’dan il-kuntest, ma nqisx li l-punt fokali għandu jkun biss fuq il-“fatti prinċipali” li għalihom tirreferi l-formulazzjoni tad-domanda, iżda pjuttost fuq il-fatti rilevanti kollha li, madankollu, sabiex il-kundizzjoni ta’ idem tkun issodisfatta, għandhom ikunu l-istess, u mhux sempliċement simili ( 20 ). |
|
54. |
Wara li saru dawn ir-rimarki, issa ser nevalwa fil-qosor, għall-fini ta’ kompletezza, l-element tal-prinċipju ta’ ne bis in idem dwar l-eżistenza ta’ “deċiżjoni definittiva”. |
2. Deċiżjonijiet tal‑prosekuturi li jagħlqu l-proċedura
|
55. |
Ma jidhirx li huwa kkontestat fil-kawża ineżami li l-azzjonijiet ikkonċernati mis-sentenza definittiva tat‑3 ta’ Novembru 2016 il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) jibbenefikaw mill-protezzjoni tal--projbizzjoni ta’ proċeduri kriminali doppji, kif previst fl-Artikolu 54 tal-KIFS. Madankollu, l-istess livell ta’ qbil ma jidhirx li jeżisti bejn il-partijiet fir-rigward tal-azzjonijiet koperti mill-parti tal-proċeduri kriminali fl-Awstrija li l-UP ta’ Klagenfurt iddeċieda li jagħlaq minħabba nuqqas ta’ provi. Għalhekk, fit-taqsima li ġejja, ser infakkar fil-qosor il-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni tal-prosekutur li jagħlaq il-proċedura tista’ titqies bħala definittiva fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS. |
|
56. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 54 tal-KIFS tiskatta mhux biss minn deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi, iżda wkoll minn ċerti deċiżjonijiet tal-prosekuturi, anki meta dawn “ikunu adottati mingħajr l-intervent ta’ qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenza” ( 21 ). |
|
57. |
Sabiex dan l-effett ġuridiku jkun jista’ jiġi prodott, id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura għandha, l-ewwel, tipprojbixxi b’mod definittiv, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, azzjonijiet kriminali ulterjuri fir-rigward tal-istess azzjonijiet, u, t-tieni, għandha tingħata wara li tkun ingħatat deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża ( 22 ). |
|
58. |
Filwaqt li l-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-verifika tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali jirrigwardax id-deċiżjoni mogħtija minn prosekutur li tiżgura li l-persuna kkonċernata mill-proċedura kriminali ma tkunx is-suġġett ta’ azzjonijiet kriminali mill-ġdid għall-istess azzjonijiet (li, fil-qosor, tammonta għall-garanzija nazzjonali ta’ ne bis in idem) ( 23 ), it-tieni kundizzjoni tippreżupponi li d-deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura tkun ittieħdet wara eżami ġenwin tal-ġabra ta’ evidenza disponibbli, fl-assenza ta’ kwalunkwe element li jista’ jippreġudika l-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom ( 24 ). |
|
59. |
Fil-kawża ineżami, l-UP ta’ Klagenfurt ħa d-deċiżjoni li jagħlaq parzjalment il-proċedura fuq il-bażi tal-Artikolu 190(2) tal-iStPO. Il-forma li biha ngħatat din id-deċiżjoni ma hijiex kompletament ċara. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi komunikazzjoni mill-awtoritajiet Awstrijaċi lir-rappreżentant legali ta’ GR fid‑9 ta’ Jannar 2015, li skontha din l-interruzzjoni parzjali kienet tikkonċerna wkoll lil HS, BB u CC. |
|
60. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 190(2) tal-iStPO hija, fid-dritt Awstrijak, definittiva u dan ifisser li l-istess azzjonijiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ proċedura ġdida. Il-Gvern Awstrijak ikkonferma din l-interpretazzjoni waqt is-seduta, filwaqt li spjega li, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 190(2) tal-iStPO, il-prosekutur itemm il-proċedura għaliex il-provi disponibbli jindikaw li hija iktar probabbli liberazzjoni sussegwenti milli dikjarazzjoni ta’ ħtija. Dan il-gvern spjega wkoll li tali deċiżjoni tipproduċi l-effett ta’ res judicata u tipprekludi proċeduri ġodda fir-rigward tal-istess azzjonijiet. |
|
61. |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji f’dan ir-rigward, billi rreferiet għall-Artikolu 193(2) tal-iStPO li jidher li jippermetti t-tkomplija tal-proċedura meta l-persuna kkonċernata ma tkunx instemgħet u ma tkun ġiet adottata l-ebda miżura ta’ infurzar fil-konfront tagħha, jew f’sitwazzjoni fejn ikunu rriżultaw elementi ġodda. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni fil-proċess, il-Kummissjoni tqis li ma tistax tittieħed pożizzjoni dwar jekk din il-possibbiltà tipprekludix jew le li d-deċiżjoni kkontestata tiġi kkunsidrata bħala “finali” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS. |
|
62. |
Bħalma tosserva l-Kummissjoni, nista’ biss nirreferi għad-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Gvern Awstrijak, li tikkonferma n-natura definittiva ta’ deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 190(2) tal-iStPO, u niġbed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għad-dispożizzjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, prevista fl-Artikolu 57 tal-KIFS ( 25 ). Il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha madankollu, u fi kwalunkwe każ, tiġi distinta mill-kwistjoni dwar jekk din itteħditx wara evalwazzjoni tal-mertu tal-każ. Mill-proċess jirriżulta li l-proċedura ngħalqet, essenzjalment minħabba l-assenza ta’ provi li jindikaw aġir kriminali punibbli. Fl-assenza ta’ informazzjoni iktar iddettaljata, inqis li ma huwiex possibbli li jingħataw indikazzjonijiet ulterjuri lill-qorti tar-rinviju lil hinn mill-elementi essenzjali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, diġà mfakkra iktar ’il fuq, li jiċċaraw il-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ prosekutur li jagħlaq proċedura tista’ tiskatta l-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
V. Konklużjoni
|
63. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej liż-Županijski sud u Puli-Pola (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula, Il-Kroazja): “L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit f’din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-fatti materjali koperti minn proċedura kriminali preċedenti mwettqa fi Stat Membru ieħor u magħluqa b’deċiżjoni definittiva u mhux tkun limitata għall-fatti msemmija f’ċerti partijiet tal-atti proċedurali adottati fi ħdan dik il-proċedura kriminali preċedenti, bħal fid-dispożittiv ta’ att ta’ akkuża jew fid-dispożittiv ta’ sentenza.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Il-Konvenzjoni tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).
( 3 ) Narodne novine, Nru 56/90, 135/97, 08/98, 113/00, 124/00, 28/01, 41/01, 55/01, 76/10, 85/10, 05/14.
( 4 ) Narodne novine, Nru 152/08, 76/09, 80/11, 121/11 – test ikkonsolidat, 91/12 – sentenza tal-Ustavni sud (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja), 143/12, 56/13, 145/13, 152/14, 70/17 u 126/19).
( 5 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1998, Dumon u Froment (C‑235/95, EU:C:1998:365, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kossowski”).
( 7 ) Din il-kundizzjoni tinftiehem bħala, fil-qosor, l-identiċità tal-fatti materjali irrispettivament mill-klassifikazzjoni legali taħt id-dritt nazzjonali. Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39). Fil-kuntest tal-Artikolu 50 tal-Karta, ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, iktar ’il quddiem is-“sentenza bpost”). Dwar it-terminu “azzjonijiet” (espressament imsemmi fl-Artikolu 54 tal-KIFS) u “fatti” (użat, b’ mod partikolari fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari f’dan il-każ), ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-każ Nordzucker et (C‑151/20, EU:C:2021:681, nota ta’ qiegħ il-paġna 17).
( 8 ) Il-kompatibbiltà ta’ din il-kundizzjoni mal-Artikolu 50 tal-Karta kienet inkwistjoni fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586).
( 9 ) Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[l]-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.” Enfasi miżjuda minni.
( 10 ) Sentenza Kossowski, punt 46.
( 11 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:501, punti 9, 76, 86) fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45). Din id-dispożizzjoni tipprevedi raġuni mandatorja ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jekk dan ikun jirriżulta fi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.
( 12 ) Fir-rigward ta’ element relatat mal-kuntest estern, ninnota li l-ebda limitu fir-rigward tal-forma li fiha tingħata l-informazzjoni ma huwa previst fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2009, L 328, p. 42). L-għan iddikjarat ta’ dan l-istrument huwa li tiġi evitata “sentenza definittiva tal-proċedimenti f’żewġ Stati Membri jew aktar u b’hekk tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ‘ne bis in idem’”, kif stabbilit fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/948.
( 13 ) Sentenza Kossowski, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gözütok u Brügge”, punt 38) u tal‑10 ta’ Marzu 2005, Miraglia, C‑469/03, EU:C:2005:156, punt 32, iktar ‘il quddiem is-“sentenza Miraglia”).
( 14 ) Dawn iż-żewġ neċessitajiet huma enfasizzati fl-Artikolu 3(2) TUE, ikkwotat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10. Ara wkoll is-sentenza Kossowski, punti 46 u 49.
( 15 ) Bħas-sitwazzjoni f’Kossowski li tinvolvi n-nuqqas ta’ investigazzjoni ġenwina jew f’Miraglia, fejn il-proċedura ngħalqet biss minħabba li kienet pendenti proċedura għall-istess azzjonijiet fi Stat Membru ieħor. Ara s-sentenza Kossowski, punt 46 u 49, u s-sentneza Miraglia, punt 33.
( 16 ) Sentenzi Gözütok u Brügge, punt 35, u Miraglia, punt 31.
( 17 ) Fil-fatt, kif osserva ġustament il-Gvern Awstrijak, fil-kawża Kossowski, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina jekk deċiżjoni tal-prosekutur adottata wara eżami tal-provi pjuttost ħafif setgħetx titqies bħala “finali” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS. Ser nindirizza dan l-aspett f’iktar dettall fit-taqsima li ġejja ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, f’dan il-punt, nixtieq nenfasizza li l-Qorti Ġenerali rreferiet għall-espożizzjoni tal-motivi ta’ tali deċiżjoni bħala s-sors primarju ta’ informazzjoni li għandu jiġi kkonsultat sabiex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni sabiex tingħalaq il-proċedura tteħditx wara li saret determinazzjoni tal-merti tal-kawża. (sentenza Kossowski, punti 53 u 54, u d-dispożittiv tas-sentenza.) Tali determinazzjoni hija, kif sejjer nispjega f’iktar dettall, waħda miż-żewġ kundizzjonijiet prinċipali li jippermettu li deċiżjoni ta’ prosekutur sabiex tingħalaq proċedura tiġi kkunsidrata bħala definittiva.
( 18 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fi kwistjonijiet li jinvolvu d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni, li “l-awtorità [ta’ res judicata] ma hijiex marbuta biss mad-dispożittiv ta’ [deċiżjoni ġudizzjarja], iżda testendi għall-motivi ta’ din id-deċiżjoni li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv tagħha u huma, għalhekk, inseparabbli”. Sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Marzu 2022, Fabryki Mebli Forte vs EUIPO – Bog-Fran (Għamara) (T‑1/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:108, punt 26 u l-ġurisprudenza stabbilita).
( 19 ) Sentenza bpost punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irriformulat ftit l-eżami użat preċedentement billi rreferiet għal “ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispajzu kif ukoll permezz tas-suġġett tagħhom”. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Sentenza bpost, punt 36, li jipprovdi li “[l]-kundizzjoni ‘idem’ teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex intiż sabiex japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda biss simili.” Fl-istess sens, ġie osservat li “[d]an huwa naturalment bil-caveat li jista’ jiġri li l-proċeduri sussegwenti jikkonċernaw parti biss mill-fatti (temporali, sostantivi) meqjusa fil-proċeduri preċedenti. Madankollu, il-konklużjoni hija li sa fejn ikun hemm fil-fatt sovrappożizzjoni taż‑żewġ sensiliet ta’ fatti, għandu jkun hemm identiċità f’din is-sovrappożizzjoni.” Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’bpost (C‑117/20, EU:C:2021:680, punt 135).
( 21 ) Sentenza Kossowski, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) waslet għall-istess konklużjoni. Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punti 94 u 95.
( 22 ) Ara, s-sentenza Kossowski, punti 34 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 23 ) Kif il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel iddeċidiet fis-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turanský (C‑491/07, EU:C:2008:768, punti 35 u 36). Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M (C‑398/12, EU:C:2014:1057, “M”, punti 31 u 32, iktar ’il quddiem is-“sentenza M”), u s-sentenza Kossowski, punt 35.
( 24 ) Li jista’ jimmaterjalizza fl-assenza ta’ ‘investigazzjoni fid-dettall’ kif deskritt fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslu għas-sentenza Kossowski, punti 48 sa 53. B’mod simili, il-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem ma tiġix skattata jekk id-deċiżjoni tal-għeluq tal-proċeduri kriminali tkun ittieħdet minħabba l-fatt li l-proċedura tal-azzjonijiet kriminali tkun inbdiet fi Stat Membru ieħor. Ara s-sentenza Miraglia, punti 30 sa 33.
( 25 ) Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet fis-sentenza M li l-possibbiltà li tinfetaħ mill-ġdid proċedura fuq il-bażi ta’ provi ġodda, kif previst mid-dritt Belġjan, ma taffettwax in-natura definittiva tad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ “ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni” li permezz tagħha l-qorti Belġjana ddeċidiet ma tiftaħx kawża kontra l-persuna kkonċernata mill-proċeduri kriminali. M, punti 38 sa 40. Ninnota li deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 190 tal-iStPO tidher li hija wkoll inkwistjoni fil-kawża pendenti C‑147/22, Központi Nyomozó Főügyészség.