KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑701/21 P u C‑739/21 P

Mytilinaios AE – Omilos Epicheiriseon,

vs

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI),

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑701/21 P)

u

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) (C‑739/21 P)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Imputabbiltà tal-miżura lill-Istat – Vantaġġ – Kriterju ta’ operatur privat – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi tariffi tal-elettriku iktar baxxi – Imputabbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-Istat – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 4(2) – Deċiżjoni li tiddikjara li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna – Dubji jew diffikultajiet serji”

I. Daħla

1.

Permezz tal-appelli tagħhom, Mytilinaios AE – Omilos Epicheiriseon (li kienet Alouminion tis Ellados VEAE, iktar ’il quddiem “Mytilinaios”) (C‑701/21 P), u l-Kummissjoni Ewropea (C‑739/21 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑22 ta’ Settembru 2021, DEI vs Il‑Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

2.

Dawn l-appelli jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-portata tal-istħarriġ li għandha twettaq il-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 3 ), fil-każ fejn impriża kkontrollata minn Stat Membru tressaq tilwima kontra proċedura ta’ arbitraġġ kummerċjali.

3.

F’dan il-każ, id-diffikultà prinċipali tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk il-Kummissjoni, sabiex teskludi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fl-istadju tal-eżami preliminari ta’ lment imressaq quddiemha, tistax tillimita ruħha li teżamina t-termini ta’ ftehim ta’ arbitraġġ iffirmat minn impriża pubblika ( 4 ), sabiex tikkonkludi li ma ngħata l-ebda vantaġġ b’dan il-mod mir-riżorsi tal-Istat, jew inkella jekk hijiex obbligata li tistħarreġ ukoll il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, sabiex tiżgura li din ma tagħti lill-parti l-oħra l-ebda vantaġġ li jidderoga mill-kundizzjonijiet normali tas-suq.

4.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet favur stħarriġ wiesa’, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha teżamina d-deċiżjoni tal-arbitraġġ mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-fornitur prinċipali tal-enerġija elettrika fil-Greċja, il-kumpannija Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (iktar ’il quddiem “DEI”), u l-ikbar klijent tagħha, il-kumpannija Mytilinaios, dwar it-tariffi li kellhom jiġu applikati għal din tal-aħħar.

5.

Billi assimilat it-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni f’dan il-każ, li huwa marbut mal-awtorità regolatorja nazzjonali tas-suq tal-enerġija ( 5 ), bħala qorti Griega ordinarja, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li timputa d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-Istat Grieg ( 6 ), li kellu jwassalha sabiex tistħarreġ il-kontenut tagħha mill-perspettiva tal-għoti possibbli tal-għajnuna mill-Istat.

6.

Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata. Bħall-appellanti, inqis fil-fatt li l-assimilazzjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ involut ma’ istanza statali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

7.

Madankollu, hemm argumenti serji favur iż-żamma tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, li tidher li hija l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi l-osservanza sħiħa tal-Artikoli 107 u 108 TFUE fil-kuntest tal-proċeduri ta’ arbitraġġ li jinvolvu entitajiet pubbliċi. Għaldaqstant, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra motivazzjoni alternattiva, li tista’ tissostitwixxi l-motivi żbaljati adottati fis-sentenza appellata.

II. Il‑kuntest ġuridiku

8.

L-Artikolu 1(h) tar-Regolament (UE) 2015/1589 iddefinixxi “parti interessata” bħala kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.

9.

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika hekk kif tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) [TFUE], hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern […]. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni skont it-[Trattat FUE] tkun ġiet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) [TFUE] […].

[…]”

10.

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal- Unjoni.

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni skont l-Artikolu 278 [TFUE], irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b’mod immedjat u effettiv. Għal dan il-għan u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni.”

11.

L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Drittijiet tal-partijiet interessati”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Kull parti interessata tista’ tippreżenta lment biex tinforma lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament kontra l-liġi jew allegat użu ħażin ta’ għajnuna. […]

[…]”

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, id‑deċiżjonijiet appellati u l‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

12.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali huma esposti fil-punti 1 sa 53 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

13.

Mytilinaios, kumpannija ta’ produzzjoni metallurġika, hija l-ikbar konsumatur tal-enerġija elettrika fil-Greċja.

14.

DEI, ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, hija l-fornitur prinċipali tal-enerġija elettrika fil-pajjiż. Meta seħħew il-fatti rilevanti għal dawn il-proċeduri, DEI kienet taħt il-kontroll ta’ maġġoranza tal-Istat Grieg u kienet taħt is-superviżjoni tal-Ministeru għall-Ambjent, għall-Enerġija u għat-Tibdil fil-Klima. Ir-rabtiet istituzzjonali bejn DEI u l-awtoritajiet Griegi wasslu, b’mod partikolari, għall-ħatra mill-Istat tal-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-impriża.

15.

Fl‑4 ta’ Awwissu 2010, Mytilinaios u DEI ffirmaw ftehim qafas dwar it-tariffa tal-provvista tal-elettriku li kellha tiġi applikata matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2010 u l‑31 ta’ Diċembru 2013, kif ukoll it-termini dwar ftehim bonarju dwar it-tilwima fir-rigward tad-dejn ta’ Mytilinaios li kien akkumula matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2008 u t‑30 ta’ Ġunju 2010.

16.

Peress li ma rnexxilhomx jaqblu dwar l-abbozz ta’ kuntratt innegozjat skont il-ftehim qafas, Mytilinaios u DEI kkonkludew, fis‑16 ta’ Novembru 2011, ftehim ta’ arbitraġġ, billi ressqu l-kawża tagħhom quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE, skont l-Artikolu 37 tan-nomos 4001/2011, gia ti leitourgia Energeiakon Agoron Ilektrismou kai Fysikou Aeriou, gia Erevna, Paragogi kai diktya metaforas Ydrogonanthrakon kai alles rythmiseis (il-Liġi Nru 4001/2011, dwar il-Funzjonament tas-Swieq tal-Enerġija tal-Elettriku u tal-Gass, ir-Riċerka, il-Produzzjoni u n-Networks ta’ Trażmissjoni tal-Idrokarburi u dwar Liġijiet Oħra) ( 7 ).

17.

Dan it-tribunal ta’ arbitraġġ qata’ l-kawża permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”). L-appell ippreżentat minn DEI kontra d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġie miċħud mill-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja) permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016.

18.

Fit‑23 ta’ Diċembru 2013, DEI ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, li fih sostniet li t-tariffa għall-provvista tal-enerġija elettrika stabbilita fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet inqas mill-ispejjeż reali li hija kienet qiegħda taffaċċja u li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi, minħabba f’hekk, għajnuna mill-Istat allegatament illegali.

19.

Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”), il-Kummissjoni informat lil DEI bl-għeluq tal-ilment tagħha, minħabba, fuq naħa, li l-Istat Grieg ma kienx f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza determinanti fuq il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li ma kinitx imputabbli lilu, u, min-naħa l-oħra, li l-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż reali użat minn DEI kien jiddevja mill-metodoloġija adottata mit-tribunal ta’ arbitraġġ fil-kuntest tal-parametri ddefiniti fil-ftehim ta’ arbitraġġ.

20.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2014, DEI ppreżentat rikors, irreġistrat taħt in-numru T‑639/14, intiż għall-annullament tal-ittra kontenzjuża. Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali laqgħet talba għas-sospensjoni tal-proċedura, bl-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina mill-ġdid il-kwistjonijiet imqajma fir-rikors.

21.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), intiża sabiex “tissostitwixxi” l-ittra kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonfermat l-evalwazzjoni tagħha li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat f’dan il-każ, minħabba li d-deċiżjoni li t-tilwima tiġi suġġetta għall-arbitraġġ kif ukoll it-termini tal-kompromess konkluż minn DEI u Mytilinaios ma kinux jidderogaw mill-prattiki ta’ investitur prudenti f’ekonomija tas-suq.

22.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ġunju 2015, DEI ppreżentat rikors, irreġistrat taħt in-numru T‑352/15, intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

23.

Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Frar 2016 ( 8 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għadu meħtieġ li tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors fil-Kawża T‑639/14, minħabba li, b’mod partikolari, l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet formalment issostitwixxiet l-ittra kontenzjuża.

24.

Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017 ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Frar 2016 u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta adottat l-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx irtirat l-ittra kontenzjuża, iżda sempliċement ikkonfermatha, b’tali mod li r-rikors fil-Kawża T‑639/14 kien għad għandu skop.

25.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Awwissu 2017 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ħassret u ssostitwixxiet l-ittra kontenzjuża u l-ewwel deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tenniet il-konklużjonijiet tagħha dwar l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ. Il-motivi kkunsidrati f’din id-deċiżjoni kienu identiċi għal dawk imressqa fl-ewwel deċiżjoni kkontestata ( 10 ).

26.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Novembru 2017, DEI ppreżentat rikors, irreġistrat taħt in-numru T‑740/17, intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

27.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Frar 2020, il-Kawżi T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, f’konformità mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

IV. Is‑sentenza appellata

28.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat l-ittra kontenzjuża u d-deċiżjonijiet ikkontestati.

29.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar ir-rikors li jirrigwarda t-tieni deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-impatt possibbli tiegħu fuq is-sussistenza tas-suġġett tat-tilwima u tal-interess ġuridiku ta’ DEI fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15.

30.

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑740/17, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li t-tieni deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat li jipproduċi effetti legalment vinkolanti fir-rigward ta’ DEI, peress li, b’mod partikolari, l-għeluq tal-proċedura fl-istadju tal-eżami preliminari kien ipprekluda lil DEI milli ssostni l-argumenti tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, min-naħa l-oħra, li DEI kellha l-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, fid-dawl tal-formulazzjoni estiża ta’ din id-dispożizzjoni.

31.

Billi ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans potest, imqajma mill-Kummissjoni fid-dawl tal-fatt li DEI kkontestat l-eżitu tal-proċedura ta’ arbitraġġ li għaliha hija kienet tat il-kunsens liberu tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali eċċezzjoni kienet ibbażata fuq konfużjoni żbaljata bejn l-Istat Grieg u DEI, li wasslet għall-imputazzjoni lil DEI tal-allegat sodisfazzjon tal-awtoritajiet Elleniċi fir-rigward tal-eżitu tal-arbitraġġ ( 11 ).

32.

Meta ddeċidiet fuq il-mertu fil-Kawża T‑740/17, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza tal-ilmenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mill-perspettiva tal-għoti possibbli ta’ għajnuna mill-Istat. Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ), li skontha vantaġġ mogħti lil parti f’tilwima minn qorti nazzjonali jista’ jiġi analizzat bħala l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet parallel bejn l-attività tat-tribunal ta’ arbitraġġ permanenti tar-RAE u dik tal-qrati Griegi ordinarji ( 13 ) u minn dan iddeduċiet li l-Kummissjoni kienet obbligata tivverifika l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

33.

Fir-rigward tal-argument dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ possibbli u l-portata tal-istħarriġ tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni kellha twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi qabel ma twarrab kull dubju serju dwar l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fl-istadju tal-eżami preliminari.

34.

Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin ( 14 ):

il-karatterizzazzjoni tal-ispejjeż ta’ DEI minħabba l-kwalità tagħha bħala impriża integrata vertikalment, li l-karta tal-bilanċ ikkonsolidat tagħha hija bbażata fuq trasferiment kontabbli intern tal-flussi finanzjarji bejn l-unitajiet ta’ provvista u ta’ produzzjoni tagħha;

l-allegata neċessità li jiġu stabbiliti l-ispejjeż reali ta’ DEI fuq bażi mhux fis-siegħa, iżda fuq bażi annwali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż totali varjabbli u fissi tal-impjanti kollha ta’ produzzjoni ta’ enerġija li hija għandha;

ir-rilevanza tal-għażla bejn, minn naħa, it-tariffa bbażata fuq il-prezz marġinali tas-sistema u fuq il-medja ponderata fiż-żmien li twassal għal “tariffa ta’ distribuzzjoni orizzontali” u, min-naħa l-oħra, it-tariffa bbażata fuq l-ispiża fissa u varjabbli tal-impjanti tal-linjiite ta’ DEI, jiġifieri fuq l-ispiża minima fit-tul għal kull konsumatur;

ir-rabta ta’ dawn it-tariffi proposti mal-bżonn li jiġu koperti l-ispejjeż (varjabbli u fissi) reali ta’ DEI u l-konsegwenza tagħha għat-tariffi li għandhom jiġu ffatturati lid-diversi profili tal-konsum, jew bi spiża bażika, fosthom dak ta’ Mytilinaios, jew bi spiża massima jew għolja;

l-impatti possibbli tal-għażla tal-metodu tal-ipprezzar fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija Grieg, u

in-natura allegatament insuffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta minn DEI sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż reali tagħha, b’mod partikolari dawk marbuta mal-attività tal-impjanti ta’ produzzjoni tal-linjite tagħha.

35.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors fil-Kawża T‑740/17 u annullat it-tieni deċiżjoni kkontestata.

36.

Fit-tieni lok, fid-dawl tal-identità tal-motivi li fuqhom huma bbażati ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑352/15.

37.

Fit-tielet lok, billi laqgħet ir-rikors fil-Kawża T‑639/14 RENV, il-Qorti Ġenerali annullat l-ittra kontenzjuża minħabba li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li tipproduċi effetti legali li jistgħu jitqabblu ma’ dawk tas-sentenzi ta’ qorti Griega ordinarja, kienet tikkostitwixxi att ta’ awtorità pubblika imputabbli lill-Istat Grieg ( 15 ).

V. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet imressqa mill‑partijiet

38.

Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fil-Kawża C‑701/21 P, Mytilinaios titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u, sa fejn ikun neċessarju, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll tikkundanna lil DEI għall-ispejjeż.

39.

Il-Kummissjoni taqbel mat-talbiet ta’ Mytilinaios.

40.

DEI titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar din it-tilwima kif ukoll tikkundanna lil Mytilinaios għall-ispejjeż kollha ta’ DEI f’din il-proċedura u fil-proċeduri fil-Kawżi magħquda T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17.

41.

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑739/21 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors fil-Kawża T‑740/17 u tiċħdu, tiddikjara li r-rikorsi fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 ma għadx għandhom skop u li ma għadux hemm lok li tingħata deċiżjoni, kif ukoll tikkundanna lil DEI għall-ispejjeż.

42.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament dwar ċerti motivi tar-rikors fil-Kawża T‑740/17 u tibgħat lura din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi li jifdal, tiddikjara li r-rikorsi fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 ma għadx għandhom skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, kif ukoll tikkundanna lil DEI għall-ispejjeż.

43.

Mytilinaios titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors fil-Kawża T‑740/17 u tiċħdu, tiddikjara li r-rikorsi fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 ma għadx għandhom skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, kif ukoll tikkundanna lil DEI għall-ispejjeż.

44.

DEI titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat, kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ DEI f’din il-proċedura u fil-proċeduri fil-Kawżi magħquda T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17.

45.

Sussidjarjament, DEI titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors fil-Kawżi T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17, kif ukoll tiċħad it-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15.

46.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tat‑28 ta’ Frar 2023, il-Kawżi C‑701/21 P u C‑739/21 P ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza li tagħlaq l-istanza.

47.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ April 2023, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

48.

Matul is-seduta li nżammet fis‑27 ta’ April 2023, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali minn Mytilinaios, DEI, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

VI. Evalwazzjoni

49.

Bl-eċċezzjoni ta’ parti mill-ewwel parti tat-tielet aggravju mqajjem fil-Kawża C‑701/21 P ( 16 ), l-ammissibbiltà ta’ dawn l-appelli ma jidhirlix li tista’ tiġi kkontestata. Għalhekk nipproponi li tiġi eżaminata suċċessivament il-fondatezza tat-tliet aggravji mqajma minn Mytilinaios f’din il-kawża.

50.

Sa fejn it-tieni parti tat-tieni aggravju mqajma minn Mytilinaios fil-Kawża C‑701/21 P tikkorrispondi, essenzjalment, għall-ilment uniku mqajjem mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑739/21 P, ser nanalizzahom flimkien.

A.   Fuq l‑ewwel aggravju mqajjem fil‑Kawża C‑701/21 P

51.

L-ewwel aggravju jinkludi żewġ partijiet.

52.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Mytilinaios issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq il-prinċipji nemo auditur propriam turpitudinem allegans potest u nemo potest venire contra factum proprium, imqajma fid-dawl tal-fatt li, permezz tar-rikors tagħha, DEI kienet qiegħda tikkontesta r-riżultati tal-proċedura ta’ arbitraġġ li għaliha hija kienet liberament tat il-kunsens tagħha u li l-parametri tagħha kienu ġew stabbiliti bi ftehim komuni bejn il-partijiet fil-kawża.

53.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Mytilinaios tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-prinċipju nemo potest venire contra factum proprium abbażi ta’ motivazzjoni żbaljata, li tinsab fil-punt 91 tas-sentenza appellata.

54.

Minbarra l-fatt li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni jikkontradixxi t-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-interess ġuridiku ta’ DEI ( 17 ), iddeċidiet li l-argument ibbażat fuq il-prinċipju nemo propriam turpitudinem“jikkostitwixxi biss varjant ieħor ta’ dak intiż li jikkonfondi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma’ dik tal-Istat Grieg u sabiex timputalha l-eventwali sodisfazzjon tal-awtoritajiet Elleniċi mar-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ, b’tali mod li dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’”. Għaldaqstant, għalkemm b’mod konċiż, il-Qorti Ġenerali mmotivat il-pożizzjoni tagħha.

55.

Madankollu nistaqsi jekk din il-motivazzjoni hijiex suffiċjenti u jekk tistax tiġi kkunsidrata bħala fondata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt it-tieni parti tal-ewwel aggravju.

56.

Fil-fehma tiegħi, il-motiv li jinsab fil-punt 91 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq premessa li ma kinitx ifformulata b’mod ċar, li tgħid li d-deċiżjoni li jsir rikors għall-arbitraġġ kellha tiġi imputata lill-Istat Grieg, filwaqt li l-ilment quddiem il-Kummissjoni kien irriżulta mill-inizjattiva esklużiva ta’ DEI, li setgħet tinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali interess ġuridiku proprju għaliha, distint mill-interess ta’ dan l-Istat Membru. Fil-fatt, huwa biss tali qari tal-motivazzjoni kkontestata li jippermetti li tingħata risposta għall-ilment imqajjem minn Mytilinaios, ibbażat fuq in-natura kontradittorja u żleali tal-azzjonijiet meħuda mill-istess parti unika – jiġifieri DEI – li tikkonsisti fil-fatt li din bdiet il-proċedura ta’ arbitraġġ u wara kkontestat l-eżitu tagħha quddiem il-Kummissjoni.

57.

Issa, anki jekk id-deċiżjoni ta’ rikors għall-arbitraġġ setgħet effettivament tiġi imputata lill-awtoritajiet Griegi – ħaġa li kellha tiġi stabbilita fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ( 18 ), b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tas-sehem maġġoritarju tal-Istat fil-kapital azzjonarju ta’ DEI u tar-rabtiet istituzzjonali mill-qrib bejn il-Gvern Grieg u t-tmexxija tal-kumpannija, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għalfejn id-deċiżjoni li tiġi kkontestata d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ permezz ta’ lment quddiem il-Kummissjoni, li hija imputat esklużivament lil DEI fil-kwalità tagħha bħala parti interessata distinta mill-Istat, għandha tkun differenti.

58.

Għalhekk inqis li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Mytilinaios.

59.

Madankollu, nistaqsi dwar in-natura effettiva ta’ din l-eċċezzjoni fid-dawl tal-loġika li fuqha huwa bbażat id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fil-kuntest tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont ir-regoli applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali.

60.

Fil-fatt, il-loġika inerenti għall-kontroll eżerċitat f’dan il-qasam mill-Kummissjoni hija li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, u dan indipendentement min-natura kontradittorja tal-aġir tal-Istat Membru fl-oriġini tal-miżura ta’ għajnuna. L-effikaċja ta’ dan il-kontroll tiġi kompromessa jekk l-awtoritajiet tal-Istat ma jkollhomx il-possibbiltà li jiddenunzjaw lill-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-effetti potenzjalment antikompetittivi tad-deċiżjonijiet preċedenti tagħhom.

61.

F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li l-irkupru ta’ għajnuna illegali għandu jsir mingħajr dewmien mill-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, billi l-kwistjoni titressaq quddiem il-qrati nazzjonali, mingħajr preġudizzju għal digriet li jista’ jingħata mill-Qorti skont l-Artikolu 278 TFUE ( 19 ). Ikun diffiċli li jiġi ammess, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, bħal dik imqajma f’din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, tista’ tipprevjeni li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali.

62.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, Stat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tar-regoli proċedurali stabbiliti fit-Trattat FUE ma jistax jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji biex jevita l-obbligu li jieħu l-miżuri meħtieġa bil-ħsieb li jimplimenta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna ( 20 ). L-ammissjoni ta’ tali possibbiltà tkun ugwali għaċ-ċaħda tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE minn kwalunkwe effett utli, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu għalhekk jiddependu fuq l-aġir illegali tagħhom stess biex idgħajfu l-effettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ( 21 ).

63.

Inqis li r-regoli mfakkra iktar ’il fuq huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura effettiva tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma f’dan il-każ quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn, b’mod partikolari, l-ilmenti bbażati fuq il-prinċipji nemo propriam turpitudinem u venire contra factum proprium jikkostitwixxu varjant tal-argument ibbażat fuq il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

64.

Fid-dawl tal-kompetenzi esklużivi tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-eżistenza u l-konformità ta’ għajnuna mas-suq intern, Stat Membru kkonċernat – kif ukoll “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, bil-kundizzjoni li din tkun sostanzjalment affettwata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna ( 22 ) – għandu jkun f’pożizzjoni li jikkontesta quddiem il-qrati tal-Unjoni d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma tkun tista’ tiġi invokata b’mod utli fil-konfront ta’ dan xi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-aġir preċedenti tagħha.

65.

Jekk tali eċċezzjoni tiġi ammessa, dan joħloq lakuna fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali u, jekk ikun il-każ, il-partijiet interessati, bħal DEI, jista’ jkollhom l-aġir illegali tagħhom stess użat kontrihom b’tali mod li l-qrati tal-Unjoni jkunu preklużi milli jistħarrġu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonkludu li ma kienx hemm għajnuna fl-istadju tal-eżami preliminari.

66.

Tali possibbiltà ddgħajjef mhux biss l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE, iżda wkoll dak tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn il-possibbiltà li jitressaq ilment, prevista f’din id-dispożizzjoni, neċessarjament għandha bħala korollarju l-possibbiltà li jitressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna miċħuda mill-Kummissjoni ( 23 ).

67.

Minn dan isegwi li l-ilmenti bbażati fuq l-aġir ta’ DEI qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jintlaqgħu, anki jekk jitqiesu li huma fondati ( 24 ).

68.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motiv ibbażat fuq in-natura ineffettiva tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali ( 25 ) bil-motivazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 91 tas-sentenza appellata.

69.

Għaldaqstant, nipproponi li jiġu miċħuda ż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju mqajjem minn Mytilinaios fil-Kawża C‑701/21 P.

B.   Fuq it‑tieni aggravju mqajjem fil‑Kawża C‑701/21 P

70.

It-tieni motiv imqajjem minn Mytilinaios, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(2) TFUE, jinqasam f’żewġ partijiet.

1. Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju

71.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, Mytilinaios issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq użat sabiex tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ vantaġġ, sa fejn il-Qorti Ġenerali llimitat l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għall-analiżi tat-tariffa stabbilita biss fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

72.

Skont Mytilinaios, din l-interpretazzjoni “estremament restrittiva” wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna, mingħajr madankollu ma wettqet evalwazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha tal-każ, inklużi ċ-ċirkustanzi li wasslu lill-partijiet sabiex jikkompromettu, kif ukoll il-parametri tekniċi tar-riżoluzzjoni tat-tilwima ddefiniti fil-ftehim ta’ arbitraġġ.

73.

Inqis li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata fil-fatt.

74.

Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ għajnuna fis-sentenza appellata, iżda sempliċement iddeċidiet li l-Kummissjoni probabbilment sabet diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fl-istadju tal-eżami preliminari ( 26 ).

75.

Min-naħa l-oħra, billi applikat il-kriterju tal-operatur privat, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-fatti tal-kawża li ppreċediet id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ( 27 ), iżda sempliċement ikkonstatat in-natura inkompleta tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ vantaġġ, li kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tariffarji stabbiliti fi tmiem l-arbitraġġ ( 28 ).

76.

Għalhekk inqis li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

2. Fuq it‑tieni parti tat‑tieni aggravju

77.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju ( 29 ), Mytilinaios u l-Kummissjoni jikkontestaw il-possibbiltà li jiġu imputati lill-Istat Grieg il-konsegwenzi tal-proċedura ta’ arbitraġġ, li hija r-riżultat tal-assimilazzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ permanenti tar-RAE ma’ qorti statali ordinarja ( 30 ).

78.

Ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali huwa ispirat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li tgħid li qorti nazzjonali tista’ tikser l-obbligi tagħha taħt it-Trattat FUE billi tipperpetwa, jew saħansitra tiskatta, l-għoti ta’ għajnuna illegali ( 31 ).

79.

Billi assimilat l-arbitraġġ permanenti tar-RAE ma’ qorti statali, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ mogħtija f’dan il-każ setgħet tagħti lil Mytilinaios vantaġġ illegali imputabbli lill-Istat Grieg.

80.

Il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sentenza DOBELES HES ( 32 ), mogħtija fit‑12 ta’ Jannar 2023, jiġifieri wara s-sentenza appellata, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, iddeċidiet li l-istabbiliment ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja ( 33 ).

81.

Il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li s-sentenza Dobeles kellha l-effett li tinvalida r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali, sa fejn l-assimilazzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ permanenti tar-RAE ma’ qorti ordinarja, anki jekk tiġi preżunta bħala fatt stabbilit, ma tistax twassal għall-imputazzjoni lill-Istat Grieg tal-vantaġġ li kien ser jingħata lil Mytilinaios bid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

82.

Tali konklużjoni jidhirli li hija mgħaġġla. Fil-fehma tiegħi, fis-sentenza Dobeles, il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi biss li l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi attribwita lil korp ġudizzjarju, mingħajr madankollu ma teskludi li l-effetti antikompetittivi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti għajnuna jistgħu jiġu imputati lill-Istat innifsu.

83.

Fl-ewwel lok, inqis għalhekk li huwa neċessarju li jiġu evalwati l-konsegwenzi possibbli tas-sentenza Dobeles fuq il-possibbiltà tal-imputazzjoni lill-Istat Grieg tal-eżitu tal-proċedura ta’ arbitraġġ li seħħet f’dan il-każ.

84.

Fit-tieni lok, ser neżamina l-ilmenti tal-appellanti bbażati fuq l-iżball ta’ liġi li jirriżulta mill-assimilazzjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE ma’ qorti statali.

85.

Fit-tielet lok, peress li l-ilmenti inkwistjoni ma jidhirlix li huma infondati, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra motivazzjoni alternattiva, li tista’ tissostitwixxi l-motivi mogħtija fis-sentenza appellata. Fil-fatt, inqis li hemm argumenti serji, marbuta man-neċessità li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, favur iż-żamma tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

a) Fuq il‑konsegwenzi tas‑sentenza Dobeles

86.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Dobeles, waħda mid-domandi preliminari ( 34 ) kienet tirrigwarda l-punt dwar jekk talba ġudizzjarja, li tirrigwarda l-ħlas ta’ parti mhux irċevuta ta’ vantaġġ stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, setgħetx tiġi analizzata bħala talba intiża għall-għoti ta’ għajnuna ġdida, distinta minn dik diġà mħallsa lill-applikanti.

87.

Huwa f’dan il-kuntest preċiż, li fih il-qorti nazzjonali ntalbet tiddeċiedi skont liġi li tistabbilixxi l-vantaġġ ikkontestat, li għandha tinqara l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ammonti mogħtija lill-appellanti b’mod ġudizzjarju “ma jistgħux fi kwalunkwe każ jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat distinti” ( 35 ), sa fejn “l-istabbiliment, bħala tali, ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax joħroġ minn deċiżjoni ġudizzjarja” ( 36 ).

88.

F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dobeles tirrifletti l-approċċ tradizzjonali tas-separazzjoni tas-setgħat, li jillimita r-rwol tal-qrati għall-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt eżistenti minn qabel. Fid-dawl ta’ dan l-approċċ tradizzjonali, deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti vantaġġ inkompatibbli mas-suq intern tirriżulta neċessarjament minn regola preċedenti, li tikkostitwixxi l-bażi ġuridika tat-talba mressqa quddiem il-qorti inkwistjoni. Minn din il-perspettiva, kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment ta’ għajnuna fl-ebda każ ma jista’ jipproċedi mis-sentenza nnifisha.

89.

Il-kwistjoni tal-bażi ġuridika tal-għajnuna, deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dobeles, ma teskludix madankollu r-responsabbiltà li jista’ jkollu l-Istat għall-implimentazzjoni ġudizzjarja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ( 37 ) li tagħti għajnuna inkompatibbli mas-suq intern. Għall-kuntrarju, sa fejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jirriżultaw neċessarjament mill-ordinament leġiżlattiv tal-Istat, l-Istat ma jistax jevita l-obbligi tiegħu, skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, billi jiddelega lill-korpi ġudizzjarji tiegħu l-kompetenza sabiex jiddeterminaw il-mod kif ser jiddisponi mir-riżorsi tiegħu.

90.

F’dan ir-rigward, ftit tagħmel differenza li s-sentenza li tagħti l-vantaġġ kontenzjuż tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola sostantiva preċiża jew minn prinċipju ġenerali tad-dritt, jew saħansitra minn evalwazzjoni diskrezzjonali mwettqa mill-qorti fi ħdan il-limiti tar-regoli li jiddeterminaw il-portata tal-kompetenzi tagħha. Fil-każijiet kollha, deċiżjoni tal-qorti tibqa’ imputabbli lill-Istat.

91.

Għalhekk inqis li s-sentenza Dobeles ma għandhiex il-portata li tagħtiha l-Kummissjoni, sa fejn din l-istituzzjoni ssostni li l-assimilazzjoni stabbilita bejn it-tribunal ta’ arbitraġġ u l-qrati Griegi ordinarji ma tistax twassal sabiex il-konsegwenzi tal-proċedura ta’ arbitraġġ jiġu imputati lill-Istat Grieg.

92.

Min-naħa l-oħra, bħall-appellanti, għandi dubji dwar in-natura statali ta’ din il-qorti.

b) Fuq l‑assimilazzjoni tat‑tribunal tal‑arbitraġġ tar‑RAE ma’ qorti tal‑Istat

93.

Billi assimilat it-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE ma’ qorti tal-Istat, il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq diversi elementi, jiġifieri l-funzjoni tal-qorti tar-RAE, identika għal dik tal-qrati ordinarji; ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità li għandhom jissodisfaw l-arbitri tagħha; l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili Elleniku għall-proċeduri quddiem din il-qorti; l-awtorità ta’ res judicata u n-natura eżekuttiva marbuta mad-deċiżjonijiet tagħha u, fl-aħħar nett, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-arbitraġġ quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) ( 38 ).

94.

Issa, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jiġġustifika, fil-fehma tiegħi, tali assimilazzjoni.

95.

Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċirkustanzi kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali ma jippermettux li ssir distinzjoni bejn l-arbitraġġ tar-RAE u kwalunkwe arbitraġġ kummerċjali ieħor. Spiss tribunal ta’ arbitraġġ jiddeċiedi skont proċedura prevista mil-liġi u jagħti deċiżjoni vinkolanti, li tista’ tiġi appellata quddiem il-qrati tal-Istat. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità huma, b’mod ġenerali, irrikonoxxuti bħala inerenti għal kull proċedura ta’ arbitraġġ. L-applikazzjoni tal-kriterji adottati mill-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk twassal sabiex numru kbir ta’ qrati ta’ arbitraġġ jintrabtu mal-Istat, li ma jidhirlix li huwa possibbli.

96.

Min-naħa l-oħra, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, il-kunsiderazzjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE bħala qorti tal-Istat tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 267 TFUE. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-tribunali ta’ arbitraġġ li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija fakultattiva, sa fejn tiddependi mill-kunsens minn qabel taż-żewġ partijiet ( 39 ), ma humiex qrati tal-Istati Membri, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ( 40 ).

97.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li ċ-ċirkustanzi li l-attività ta’ tribunal ta’ arbitraġġ tippermetti li jsiru ċerti avviċinamenti lejn l-attività ġudizzjarja sa fejn l-arbitraġġ huwa organizzat fil-kuntest tal-liġi, li l-arbitru huwa mitlub jiddeċiedi skont il-liġi u li d-deċiżjoni tiegħu għandha l-awtorità ta’ res judicata u tista’ tikkostitwixxi titolu eżekuttiv ma humiex biżżejjed sabiex jagħtu lil tali tribunal l-istatus ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li ma hemm ebda obbligu għall-partijiet li jressqu t-tilwima tagħhom quddiem l-arbitraġġ ( 41 ).

98.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-motiv adottat mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata, huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Madankollu, inqis li dan l-iżball ma jeskludix li l-konsegwenzi tal-arbitraġġ inkwistjoni jistgħu jiġu imputati lill-Istat Grieg.

c) Fuq l‑imputazzjoni tar‑riżultat tal‑proċedura ta’ arbitraġġ lill‑Istat Grieg

99.

Bħall-motivazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, is-sottomissjonijiet bil-miktub u s-sottomissjonijiet tal-partijiet iffokaw, fil-parti l-kbira, fuq il-kwistjoni tan-natura statali tal-arbitraġġ permanenti tar-RAE. Madankollu, din il-kwistjoni ma jidhirlix li hija determinanti fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni essenzjali ta’ dawn l-appelli.

100.

F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, minquxa fl-Artikolu 107(1) TFUE, dan jikkonċerna għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll għajnuna mogħtija minn korpi pubbliċi jew privati stabbiliti jew maħtura mill-Istat bil-ħsieb li tiġi ġestita l-għajnuna ( 42 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li ma hemm l-ebda ħtieġa li ssir distinzjoni bejn każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn tingħata permezz ta’ korp pubbliku jew privat ( 43 ), peress li l-istatus ta’ tali korp ma huwiex deċiżiv għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat ( 44 ).

101.

Għalhekk inqis li d-domanda li għandha ssir f’dawn il-kawżi tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat mhux jekk it-tribunal ta’ arbitraġġ tar-RAE jixbah effettivament lil qorti Statali, iżda jekk impriża pubblika, bħal DEI, tistax tevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, billi tissuġġetta għall-arbitraġġ tilwima li tinvolvi l-allokazzjoni tar-riżorsi statali.

102.

Fil-fehma tiegħi, id-domanda magħmula b’dan il-mod mingħajr ebda dubju teħtieġ risposta negattiva.

103.

Indipendentement min-natura – statali jew privata – tal-arbitraġġ organizzat taħt l-awspiċji tar-RAE, għandu jiġi kkonstatat li DEI, li, fid-dawl tar-rabtiet organiċi u kapitalistiċi stretti tagħha mal-Istat Grieg, kienet taħt l-influwenza dominanti ta’ dan l-Istat ( 45 ), ibbenefikat minn possibbiltà, prevista mil-leġiżlazzjoni Griega, li tirrikorri għal metodu alternattiv ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u l-effetti legali marbuta mad-deċiżjoni tal-arbitraġġ huma imputabbli lill-Istat Grieg.

104.

Issa, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, ma naħsibx li t-termini tal-ftehim ta’ arbitraġġ jiddeterminaw f’każ bħal dan il-limiti tal-istħarriġ li hija għandha teżerċita mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ vantaġġ eventwali imputabbli lill-Istat. Id-deċiżjoni li jsir rikors għall-arbitraġġ tinkludi mhux biss il-modalitajiet tas-soluzzjoni tat-tilwima, iżda wkoll element ta’ riskju kontenzjuż, marbut mal-possibbiltà ta’ soluzzjoni tat-tilwima li ma tikkorrispondix mal-aspettattivi tal-partijiet, jew saħansitra kuntrarja għat-termini tal-kompromess, li l-applikazzjoni tiegħu tista’ tagħti lok għall-għoti ta’ vantaġġ illegali permezz tar-riżorsi tal-Istat.

105.

Ċertament, element ta’ periklu jikkaratterizza wkoll il-proċeduri ġudizzjarji tradizzjonali, iżda huwa iktar u iktar importanti li t-tribunali ta’ arbitraġġ joperaw barra mis-sistema ġudizzjarja tal-Istat u mill-garanziji inerenti għaliha. L-esperjenzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-arbitraġġ kummerċjali juru barra minn hekk li r-riskji assoċjati ma humiex purament ipotetiċi ( 46 ).

106.

Għalhekk inqis li billi tirrikorri għall-arbitraġġ, impriża pubblika għandha taċċetta l-probabbiltà, anki jekk minima, li tkun obbligata tiddisponi mir-riżorsi tagħha b’mod li jidderoga mill-kundizzjonijiet normali tas-suq. Minn din il-perspettiva, anki jekk jitqies li tribunal ta’ arbitraġġ ma jistax jintrabat mal-Istat, is-sitwazzjoni hija differenti mir-riskju kontenzjuż li huwa assoċjat mad-deċiżjoni li jintlaħaq kompromess u l-vantaġġ li eventwalment jingħata lill-parti l-oħra fit-tilwima b’applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

107.

Fl-ipoteżi fejn tali riskju jimmaterjalizza ruħu – kif tallega f’dan il-każ DEI, billi ssostni li l-ipprezzar stabbilit fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma josservax it-termini tal-kompromess –, il-fatt li ma kienx qorti tal-Istat, iżda tribunal ta’ arbitraġġ li ntalab jiddeċiedi dwar it-tilwima ma jidhirlix li huwa ta’ natura li jeżenta lill-Istat mill-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Filwaqt li jirrikonoxxi l-valur vinkolanti tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, l-Istat jibqa’ responsabbli għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jkun meħtieġ li jieħu wara l-arbitraġġ.

108.

Din il-konklużjoni jidhirli li hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-arbitraġġ fil-kuntest ta’ trattat bilaterali ta’ investiment, sa fejn in-natura internazzjonali tal-qrati attivi f’dan il-qasam ma tipprekludix li l-effetti tad-deċiżjonijiet tagħhom fil-forma tal-għoti eventwali ta’ għajnuna jkunu jistgħu jiġu imputati lill-Istati Membri ( 47 ).

109.

F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-argumenti tal-partijiet fl-appell u tal-Gvern Ġermaniż, li insistew fuq il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-arbitraġġ fil-qasam tal-investiment u l-arbitraġġ kummerċjali fuq il-livell tal-imputabbiltà ta’ eventwali għajnuna lill-Istat. Meta jiddeċiedi li jirratifika trattat ta’ investiment, kif ukoll billi jiffirma ftehim ta’ arbitraġġ, Stat għandu jassumi r-riskju li jiġu attribwiti lilu l-effetti ta’ deċiżjonijiet futuri mogħtija fuq din il-bażi. Jekk il-possibbiltà li s-soluzzjoni ta’ tilwima tiġi ddelegata lil korp ekstrastatali tirriżulta fl-impossibbiltà li r-responsabbiltà tiegħu tiġi imputata lill-Istat, dan iwassal għall-ħolqien ta’ lakuna fis-sistema ta’ kontroll tal-vantaġġi mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat. Fid-dawl tal-importanza tal-kwistjonijiet marbuta mal-proċeduri ta’ arbitraġġ li jinteressaw lill-entitajiet pubbliċi, tali sitwazzjoni ddgħajjef b’mod kunsiderevoli l-effett utli tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE.

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-motiv żbaljat, adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata, għandu jiġi ssostitwit b’motivazzjoni bbażata fuq in-neċessità li l-Istat Grieg jiġi imputat bir-riżultati legalment vinkolanti tal-proċedura ta’ arbitraġġ li dan l-Istat Membru uża permezz ta’ DEI, billi aċċetta r-riskju kontenzjuż assoċjat magħha.

111.

Għaldaqstant, nipproponi li t-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑701/21 P kif ukoll l-aggravju uniku mqajjem fil-Kawża C‑739/21 P.

C.   Fuq it‑tielet aggravju mqajjem fil‑Kawża C‑701/21 P

112.

It-tielet motiv imqajjem minn Mytilinaios, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, jinkludi wkoll żewġ partijiet.

113.

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, Mytilinaios issostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ( 48 ) u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi, sabiex tkun tista’ teskludi l-eżistenza ta’ għajnuna fl-istadju tal-eżami preliminari ( 49 ).

114.

Għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-imputabbiltà tar-riżultati tal-proċedura ta’ arbitraġġ lill-Istat Grieg, inqis li l-ewwel parti tal-ewwel parti tat-tielet aggravju hija infondata. Għalhekk jiena tal-fehma li hemm lok li din tiġi miċħuda.

115.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Mytilinaios tidher, essenzjalment, li tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali kollha mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 167 sa 188 tas-sentenza appellata, dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-termini tal-kompromess ta’ arbitraġġ, il-profil ta’ produzzjoni u ta’ konsum ta’ Mytilinaios, kif ukoll il-partikolaritajiet tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ DEI. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-Kummissjoni kellha obbligu ġenerali li twettaq evalwazzjoni kumplessa fl-istadju tal-istħarriġ preliminari, iżda llimitat ruħha li tikkonkludi li kien meħtieġ li ssir tali evalwazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, inqis li dan l-ilment ma jikkonċernax kwistjoni ta’ liġi, iżda ta’ fatt.

116.

Għaldaqstant, inqis li t-tieni parti tal-ewwel parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli u li hemm lok li tiġi miċħuda.

117.

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, Mytilinaios tilmenta li l-Qorti Ġenerali ttrasferixxiet l-oneru tal-prova dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji jew ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali b’hekk eżentat lil DEI min-neċessità li tistabbilixxi n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari.

118.

Sabiex issostni l-ilment tagħha, Mytilinaios tirreferi, b’mod partikolari, għall-punt 167 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ kellhom iwasslu lill-Kummissjoni teżamina, “b’mod diliġenti, suffiċjenti u komplet”, iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ għajnuna.

119.

Madankollu, għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-obbligi li għandha l-Kummissjoni fl-istadju tal-investigazzjoni ta’ lment, imsemmija fil-punt 167 tas-sentenza appellata, u dawk fil-qasam tal-provi imposti fuq l-appellanti fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

120.

Issa, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar obbligi, bl-ebda mod ma jidher li l-Qorti Ġenerali eżentat lil DEI mill-obbligu li tipproduċi provi insostenn tat-talba tagħha għal annullament, sa fejn, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tirreferi espliċitament għaċ-ċirkustanzi mressqa minn DEI, li, fil-fehma tagħha, kienu ta’ natura li jiġġustifikaw id-dubji li l-Kummissjoni kellu jkollha fl-istadju tal-eżami preliminari tal-ilment tagħha ( 50 ).

121.

Għalhekk jiena tal-fehma li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija infondata u, konsegwentement, li t-tielet aggravju fil-Kawża C‑701/21 P għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

VII. Konklużjoni

122.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell fil-Kawża C‑701/21 P,

tiċħad l-appell fil-Kawża C‑739/21 P.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17, EU:T:2021:604.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 4 ) B’“impriża pubblika”, qiegħed infisser impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2006, L 318, p. 17, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555).

( 5 ) Dan huwa l-arbitraġġ permanenti tar-Rythmistiki Archi Energeias, iktar ’il quddiem ir-“RAE”.

( 6 ) Huwa b’mod żbaljat li l-motivazzjoni relatata, li tinsab fil-punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata, ġiet ippreżentata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tal-“eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku”. Il-kwistjoni eżaminata hija dik tal-imputabbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-Istat Grieg.

( 7 ) FEK A’ 179/22.8.2011.

( 8 ) Digriet DEI vs Il‑Kummissjoni (T‑639/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:77).

( 9 ) Sentenza DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409).

( 10 ) Punti 37 sa 48 tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

( 11 ) Punti 89 u 91 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Punt 147 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Punt 188 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Punti 230 sa 233 tas-sentenza appellata.

( 16 ) Ara l-punti 114 sa 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Punti 86 sa 89 tas-sentenza appellata.

( 18 ) F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, “is-sempliċi fatt li impriża pubblika taqa’ taħt il-kontroll tal-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex miżuri meħuda minnha […] [jiġu imputati lill-Istat]. Jibqa’ meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. F’da[n] ir-rigward, ma jistax jiġi mitlub li jiġi pprovat, abbażi ta’ talba preċiża, li fil-każ partikolari l-awtoritajiet pubbliċi konkretament ħeġġu lill-impriża pubblika sabiex taddotta l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, wara li jiġi kkunsidrat il-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi huma qrib, hemm riskju reali li l-għajnuna mill-Istat tingħata permezz tal-intermedjarju ta’ dawk l-impriżi b’mod mhux trasparenti u bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif stabbiliti mit-Trattat. […]. Għal dawk ir-raġunijiet, irid jiġi aċċettat li l-imputabilità lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi tal-każ u l-kuntest li tkun fih ittieħdet dik il-miżura.” Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 52 sa 55).

( 19 ) Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589.

( 20 ) F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, huma biss l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna, u f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, li jistgħu jopponu b’mod utli l-irkupru ta’ għajnuna illegali billi jinvokaw l-aspettattivi leġittimi mnissla minnhom. Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il‑Kummissjoni (C‑223/85, EU:C:1987:502, punt 17), u tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 90). Madankollu, l-aspettattivi leġittimi invokati f’każ bħal dan jistgħu jirriżultaw biss mill-aġir tal-Kummissjoni stess, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tagħha sabiex tevalwa l-konformità ta’ għajnuna mas-suq intern. L-aġir li ma għandux x’jaqsam mal-Kummissjoni, bħal dak tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, huwa f’dan ir-rigward irrilevanti. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑207/10, EU:T:2018:786, punti 69 sa 71). Inżid li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali possibbli mwettqa f’dan il-kuntest taqa’ taħt il-mertu tal-kawża u ma għandhiex tipprekludi l-ammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑5/89, EU:C:1990:320, punt 17), u tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 104).

( 22 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Sakemm il-parti interessata tkun affettwata sostanzjalment mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna (ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 24 ) Il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:354, punt 80) jidhru li jsostnu l-evalwazzjoni tiegħi. F’din il-kawża, il-Belt ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fittxet li ssostni n-nullità ta’ garanzija li hija kienet stabbilixxiet favur impriża, billi bbażat ruħha fuq in-natura allegatament illegali tagħha fid-dawl tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat FUE. Fl-evalwazzjoni, f’dan il-kuntest, tal-fondatezza ta’ eċċezzjoni bbażata fuq il-prinċipji venire contra factum proprium u nemo propriam turpitudinem, opposta f’dan il-każ għall-Belt ta’ Rotterdam, l-Avukata Ġenerali Kokott ikkunsidrat li l-applikazzjoni tagħha “[kienet] totalment kontra l-għan ta’ protezzjoni tad-dritt Ewropew fir-rigward tal-kompetizzjoni inġenerali kif ukoll kontra t-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE b’mod partikolari. Awtorità pubblika għandha tkun tista’ tinvoka quddiem qorti li l-vantaġġ jew il-ħlas li impriża titlob mingħandha jikser id-dritt tal-Unjoni […] Fil-każ oppost, huwa ġeneralment aċċettat li impriża tista’ tinvoka wkoll quddiem qorti li l-ħlas li hija tintalab tagħmel imur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni”. B’estensjoni ta’ dan ir-raġunament, inqis li impriża pubblika, bħal DEI, li tfittex li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li kienet ingħatat permezz tal-intermedjarja tagħha, għandha tkun tista’ tressaq il-kontestazzjoni tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni, u dan indipendentement mill-aġir preċedenti tagħha, anki jekk kien illegali.

( 25 ) Għandu jitfakkar li jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat għal motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Punti 190 u 191 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari, marbuta, b’mod partikolari, man-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-termini tal-ftehim ta’ arbitraġġ u tal-parametri tal-ipprezzar li ġew adottati fih, u sabet li dawn kellhom iwasslu lill-Kummissjoni teżamina “b’mod diliġenti, suffiċjenti u komplet” l-eżistenza tal-għoti eventwali ta’ vantaġġ lil Mytilinaios permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ (punti 167 sa 170 tas-sentenza appellata).

( 28 ) Punti 142 u 185 tas-sentenza appellata.

( 29 ) Infakkar li t-tieni parti ta’ dan it-tieni aggravju tikkorrispondi għall-aggravju uniku mqajjem mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑739/21 P. L-evalwazzjoni li ġejja tikkonċerna għalhekk ukoll lil dan tal-aħħar.

( 30 ) Punti 150 sa 159 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 61 sa 63); tal‑11 ta’ Novembr 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 41 sa 45); tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 107108), u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni (C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punti 9495).

( 32 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023 (C‑702/20 u C‑17/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dobeles, EU:C:2023:1).

( 33 ) Punt 76 tas-sentenza Dobeles.

( 34 ) Din hija r-raba’ waħda mit-tlettax-il domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

( 35 ) Punt 78 tas-sentenza Dobeles.

( 36 ) Punt 76 tas-sentenza Dobeles.

( 37 ) L-istess japplika fil-każ tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali.

( 38 ) Punti 153 sa 157 tas-sentenza appellata.

( 39 ) Din in-natura fakultattiva tiddistingwi l-arbitraġġ permanenti tar-RAE minn istanza ta’ arbitraġġ ta’ natura “semifakultattiva”, li tista’ tiġi adita fuq l-inizjattiva ta’ parti waħda fil-kawża, li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li din tiġi kkunsidrata bħala qorti tal-Istat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE. Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754, punti 27 sa 29), kif ukoll il-konklużjonijiet li ppreżentajt f’din il-kawża (C‑377/13, EU:C:2014:246, punti 38 sa 40).

( 40 ) Sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee (102/81, EU:C:1982:107, punti 10 sa 12), u tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 34).

( 41 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee (102/81, EU:C:1982:107, punti 1011).

( 42 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:233, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni (T‑136/05, EU:T:2007:295, punt 139).

( 45 ) Infakkar li, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti rilevanti, l-Istat Grieg kellu l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju ta’ DEI u l-maġġoranza tal-voti fi ħdan il-bord tad-diretturi tagħha. Issa, fost l-indizji li jippermettu li jiġu imputati lill-Istat il-miżuri meħuda mill-impriżi pubbliċi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ elementi ta’ natura organika li jorbtu lill-impriża pubblika mal-Istat, il-livell ta’ superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-impriża, il-fatt li l-impriża inkwistjoni ma setgħetx tieħu l-miżura kkonċernata mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll kull element ieħor li jindika l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fid-dawl tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi. Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ imsemmi fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1, punti 39 sa 43). Infakkar ukoll li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2006/111, l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-impriża hija preżunta meta dawn ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża jew ikunu jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza tal-impriża.

( 46 ) Biex nuri dan il-punt, ser nillimita ruħi biex infakkar il-kawża Tapie vs Crédit lyonnais, li kienet bejn negozjant famuż u bank pubbliku Franċiż. Wara d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija f’din il-kawża – li permezz tagħha l-persuna kkonċernata ngħatat is-somma ta’ EUR 45 miljun għad-dannu morali u EUR 358 miljun bħala danni bħala dannu materjali – ex Ministru, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità superviżorja tal-bank ikkonċernat, ġie kkundannat mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża għal reat ta’ negliġenza li wassal għall-miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi. In-negliġenza imputata lill-Ministru ma kinitx tirrigwarda d-deċiżjoni nnifisha ta’ rikorrenza għall-arbitraġġ – li setgħet tiġi ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża – iżda r-rinunzja tiegħu milli jikkontesta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ quddiem il-qrati tal-Istat, li kienet ipprevjeniet l-iskoperta ta’ bidla potenzjalment frawdolenti fit-termini tal-ftehim ta’ arbitraġġ, li seħħet wara l-validazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet pubbliċi.

( 47 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50), u l-konklużjonijiet li ppreżentajt f’din il-kawża (C‑638/19 P, EU:C:2021:529, punti 124 sa 135).

( 48 ) Punt 164 tas-sentenza appellata.

( 49 ) Punti 167 sa 189 tas-sentenza appellata.

( 50 ) Ara s-sunt tal-ilmenti li jinsab fil-punti 120 u 124 tas-sentenza appellata, riprodott mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 167 sa 189 ta’ din is-sentenza.