KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PITRUZZELLA
ippreżentati fit‑13 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )
Kawża C‑477/21
IH
vs
MÁV-START Vasúti Személyszállító Zrt.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Miskolci Törvényszék (il‑Qorti ta’ Miskolc, l-Ungerija))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa – Serħan ta’ kuljum u serħan ta’ kull ġimgħa – Metodu ta’ kalkolu u metodu ta’ għoti”
|
1. |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi perijodi minimi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa. Huwa neċessarju li l-Istati Membri jipprevedu obbligu fuq min iħaddem li dejjem iħalli l-ħin għas-serħan ta’ kuljum skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva, jew huwa biżżejjed li, skont l-Artikolu 5, jiġi ggarantit is-serħan ta’ kull ġimgħa jekk dan ikun daqs jew iktar mill-ammont ta’ sigħat previsti mid-Direttiva għas-serħan ta’ kuljum u dak ta’ kull ġimgħa? Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehim kollettiv applikabbli jipprevedu “ħin ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” itwal mill-minimu previst mid-Direttiva, l-Istat Membru xorta waħda huwa obbligat li jiggarantixxi s-serħan ta’ kuljum? Is-serħan ta’ kuljum irid jingħata anki jekk l-ebda ħin tax-xogħol ma jkun ġie skedat għall-ħaddiem fl-24 siegħa li jmiss? Is-serħan ta’ kuljum irid neċessarjament jippreċedi s-serħan ta’ kull ġimgħa? |
|
2. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn inqis li mid-dritt tal-Unjoni jirriżulta obbligu fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-ħaddiema perijodu ta’ serħan ta’ kuljum bħala dritt awtonomu u indipendenti mis-serħan ta’ kull ġimgħa, anki fl-ipoteżi fejn jingħata “ħin ta’ serħan” (ta’ kull ġimgħa) itwal mill-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
Skont il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2003/88 ( 2 ):
|
|
4. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa.” |
|
5. |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum [perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ 24 siegħa serħan flimkien mal-11-il siegħa serħan ta’ kuljum] kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3. Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol [Jekk kundizzjonijiet oġġettivi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni tax-xogħol] hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.” |
|
6. |
Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli”: “Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.” |
B. Id-dritt Ungeriż
|
7. |
L-Artikolu 104(1) tal-Munka törvénykönyvéről szóló 2012. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal‑2012 li tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol) (Magyar Közlöny 2012/2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”) jipprevedi: “Għandu jingħata perijodu ta’ serħan ta’ mill-inqas 11-il siegħa konsekuttiva bejn it-tmiem ta’ jum ta’ xogħol u l-bidu tal-jum ta’ xogħol ta’ wara (iktar ’il quddiem ‘serħan ta’ kuljum’).” |
|
8. |
L-Artikolu 105(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi: “Għandhom jingħataw jumejn ta’ serħan fil-ġimgħa (jiem ta’ serħan ta’ kull ġimgħa). Il-jiem ta’ serħan ta’ kull ġimgħa jistgħu wkoll jiġu allokati b’mod varjabbli.” |
|
9. |
L-Artikolu 106 tal-Kodiċi tax-Xogħol jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu li: “(1) Minflok il-jiem ta’ serħan ta’ kull ġimgħa, il-ħaddiem jista’ jingħata perijodu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas 48 siegħa fil-ġimgħa. […] (3) Meta l-iskeda tal-allokazzjoni tal-ħin tax-xogħol tkun tvarja, il-ħaddiem jista’ jingħata, minflok is-serħan ta’ kull ġimgħa previst fil-paragrafu 1 u suġġett għall-applikazzjoni mutatis mutandis tal-paragrafu 2, perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas 40 siegħa, inkluż jum kalendarju sħiħ. Il-ħaddiem irid jingħata perijodu medju ta’ serħan ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 48 siegħa, fejn jittieħed bħala punt ta’ riferiment il-qafas tal-ippjanar tal-ħin tax-xogħol jew il-perijodu kontabilistiku.” |
|
10. |
L-Artikolu 68/A(4) tal-Vasúti közlekedésről szóló 2005. évi CLXXXIII. törvény (il-Liġi Nru CLXXXIII tal‑2005 dwar it-Trasport Ferrovjarju) (Magyar Közlöny 2005/172) jipprovdi: “B’deroga mill-paragrafi 1 sa 3, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68/B(1) […] japplikaw ukoll għax-xufiera ta’ vetturi ferrovjarji li ma jitqisux bħala ħaddiema mobbli tal-ferroviji u li jipprovdu servizzi fil-kuntest tal-interoperabbiltà transkonfinali.” |
|
11. |
L-Artikolu 68/B (1) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li: “Fil-każ ta’ ħaddiema mobbli tal-ferroviji li jipprovdu servizzi fil-kuntest tal-interoperabbiltà transkonfinali, il-perijodu ta’ serħan ta’ kuljum id-dar irid ikun ta’ mill-inqas 12-il siegħa konsekuttiva għal kull perijodu ta’ 24 siegħa.” |
|
12. |
Skont l-Artikolu 46(1) tal-ftehim kollettiv konkluż bejn MÁV-START u s-sindakati (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”), ix-xufiera jridu jgawdu minn perijodu ta’ serħan ta’ kuljum ta’ 12-il siegħa (serħan ta’ kuljum id-dar), li jibdew jgħoddu mill-ħin li fih il-ħaddiem jasal fir-residenza tiegħu sal-ħin li jitlaq mir-residenza tiegħu lejn ix-xogħol (il-ħin tal-ivvjaġġar). |
|
13. |
Skont l-Artikolu 47(1) tal-imsemmi ftehim kollettiv, ix-xufiera għandhom jumejn ta’ serħan fil-ġimgħa, mogħtija b’tali mod li jkun hemm mill-inqas 48 siegħa ta’ serħan mingħajr interruzzjoni bejn żewġ perijodi ta’ servizz. |
|
14. |
L-Artikolu 47(4) tal-imsemmi ftehim jipprevedi li, skont l-Artikolu 106 tal-Kodiċi tax-Xogħol, ix-xufiera jistgħu jingħataw, minflok il-jiem ta’ serħan previsti fil-punt 1, perijodu ta’ serħan mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas 42 siegħa fil-ġimgħa. F’dan il-każ, il-ħaddiem irid jingħata perijodu medju ta’ serħan ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 48 siegħa, fejn jittieħed bħala punt ta’ riferiment il-qafas tal-ippjanar tal-ħin tax-xogħol. |
II. Il-proċedimenti prinċipali u d-domandi preliminari
|
15. |
IH (iktar ’il quddiem il-“ħaddiem”) huwa impjegat minn MÁV-START (iktar ’il quddiem “min iħaddem”) bħala xufier ta’ ferrovija u jaħdem biss fl-Ungerija, fil-post prinċipali tal-operat ta’ MÁV-START f’Miskolc. |
|
16. |
Ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-ħaddiem u min iħaddem hija rregolata mil-liġi u l-ftehim kollettiv konkluż bejn min iħaddem u s-sindakati. Il-ħaddiem huwa impjegat minn min iħaddem fuq skeda ta’ kull xahar tal-ħin tax-xogħol li ma tiffissax ġranet ta’ serħan ta’ kull ġimgħa speċifiċi, iżda li tistabbilixxi, għax-xufiera kollha, serħan ta’ kull ġimgħa fuq il-bażi ta’ perijodu ta’ riferiment ta’ ġimgħa. |
|
17. |
B’konformità mal-ftehim kollettiv, min iħaddem ta lill-ħaddiem ħin ta’ serħan ta’ kuljum ta’ 12-il siegħa bejn żewġ servizzi, li huwa seta’ jgħaddih id-dar tiegħu, li miegħu żdied l-imsemmi ħin standard tal-ivvjaġġar, jiġifieri l-ħin neċessarju sabiex jasal ix-xogħol jew mix-xogħol għar-residenza tiegħu. Fir-rigward tas-serħan ta’ kull ġimgħa, meta min iħaddem ma setax jiggarantixxi lill-ħaddiem is-serħan kontinwu ta’ kull ġimgħa ta’ 48 siegħa f’ġimgħa partikolari, huwa madankollu ggarantixxa serħan mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas 42 siegħa, b’tali mod li l-ħaddiem ikun ibbenefika minn serħan medju ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 48 siegħa fl-iskeda tal-ħin tax-xogħol tiegħu. |
|
18. |
Mill-fajl jirriżulta li l-ħaddiem ma setax jitlob li jingħata serħan ta’ kuljum u ħin standard tal-ivvjaġġar la qabel u lanqas wara s-serħan ta’ kull ġimgħa jew il-leave. Fil-fatt, min iħaddem ma kienx jagħti lill-ħaddiem is-serħan ta’ kuljum meta kien jagħtih is-serħan ta’ kull ġimgħa jew il-leave, jiġifieri la fil-bidu u lanqas fit-tmiem ta’ dawn il-perijodi. |
|
19. |
Il-ħaddiem ippreżenta rikors kontra min iħaddem quddiem il-Miskolci Törvényszék (il-Qorti ta’ Miskolc, l-Ungerija, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, sabiex jikseb il-ħlas tad-differenzi fir-remunerazzjoni li allegatament ma tħallsux. Ir-rikors tal-ħaddiem huwa bbażat fuq l-ipoteżi li huwa intitolat għal perijodu ta’ serħan ta’ kuljum immedjatament qabel jew wara l-perijodi tiegħu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa jew tal-leave. |
|
20. |
Min-naħa l-oħra, min iħaddem isostni li l-għoti ta’ perijodu ta’ serħan ta’ kull jum irid ikun bejn żewġ perijodi ta’ xogħol suċċessivi matul l-istess perijodu ta’ 24 siegħa. |
|
21. |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenza Nru 12 tat‑22 ta’ Ġunju 2020 tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija), li fiha din il-qorti ddeċidiet li l-interpretazzjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) li l-perijodu ta’ serħan ta’ kuljum u l-perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa jistgħu jingħataw f’perijodu wieħed, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu XVII(4) tal-Magyarország Alaptörvénye (il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija), li tiggarantixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, sa fejn dawk id-drittijiet, peress li għandhom għanijiet differenti, għandhom jitqiesu bħala awtonomi. Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li l-interpretazzjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), sa fejn din kienet tikkonċerna kawża relatata mal-professjonisti tas-saħħa, ma hijiex applikabbli għal din il-kawża, li tikkonċerna x-xufiera. |
|
22. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-ftehim kollettiv applikabbli għal dan il-każ jidderoga, b’mod li jiffavorixxi lill-ħaddiema, mir-regoli tad-Direttiva u tal-Kodiċi tax-Xogħol relatati mas-serħan ta’ kuljum u mas-serħan ta’ kull ġimgħa. Fil-fatt, il-perijodu ta’ serħan ta’ kuljum huwa ffissat għal 12-il siegħa li, barra minn hekk, jista’ jingħadda kollu fir-residenza tal-ħaddiem, bis-saħħa tal-ħinijiet standardizzati tal-ivvjaġġar. |
|
23. |
Fir-rigward tas-serħan ta’ kull ġimgħa, il-qorti tar-rinviju ssostni li t-traduzzjoni Ungeriża tad-Direttiva 2003/88 hija kemxejn differenti mill-formulazzjoni tad-Direttiva bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kif il-verżjoni Ungeriża tiddefinixxi l-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li kull ħaddiem irid igawdi, matul kull perijodu ta’ 7 ijiem, minn perijodu minimu ta’ serħan mingħajr interruzzjoni ta’ 24 siegħa u, barra minn hekk (“továbbá”), ukoll il-11-il siegħa ta’ serħan ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Il-verżjoni Ingliża, Ġermaniża u Franċiża jużaw il-kliem “zuzüglich”, “plus” u “s’ajoutent” minflok “flimkien ma’”. |
|
24. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar x’għandu jfisser il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jiġifieri jekk, wara l-perijodu minimu ta’ serħan mingħajr interruzzjoni ta’ 24 siegħa, għandux jingħata l-perijodu ta’ serħan ta’ kuljum (ta’ 11-il siegħa), jew jekk il-perijodu ta’ 24 siegħa u dak ta’ 11-il siegħa għandhomx jingħaddu flimkien u, fuq din il-bażi, il-ħaddiem għandux dritt għal perijodu minimu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa ta’ 35 siegħa konsekuttivi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-serħan ta’ kuljum għandux jingħata bejn it-tmiem tax-xogħol ta’ kuljum inkwistjoni u l-bidu tax-xogħol tal-għada (jew, fl-istess jum, bejn it-tmiem ta’ perijodu ta’ xogħol u l-bidu tal-perijodu ta’ xogħol ta’ wara) jew, b’mod iktar ġenerali, bejn it-tmiem ta’ jum ta’ xogħol u l-bidu tal-jum ta’ xogħol ta’ wara, anki jekk dan tal-aħħar jibda diversi ġranet wara. |
|
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Miskolci Törvényszék (il-Qorti ta’ Miskolc) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Analiżi ġuridika
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
26. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jwasslu għal eżami iktar mill-qrib tar-relazzjoni bejn id-dritt għal serħan ta’ kuljum u d-dritt għal serħan ta’ kull ġimgħa, kif mogħti lill-ħaddiema mid-Direttiva 2003/88. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, skont id-Direttiva 2003/88, is-serħan ta’ kuljum jistax jingħad li huwa diġà inkluż fil-kunċett ta’ serħan ta’ kull ġimgħa jew jekk, għall-kuntrarju, għandux ikun interpretat fis-sens li, minbarra l-perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa (ta’ mill-inqas 24 siegħa), xorta għandu jingħata l-perijodu ta’ serħan ta’ kuljum (ta’ mill-inqas 11-il siegħa). |
|
27. |
Preliminarjament, fil-fehma tiegħi għandu jiġi osservat li, sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domandi, jistgħu jiġu adottati żewġ approċċi interpretattivi differenti. |
|
28. |
Minn naħa, jista’ jiġi sostnut li l-għan tad-Direttiva huwa li jiġi ggarantit għall-ħaddiem ħin totali ta’ serħan fl-unità temporali ta’ ġimgħa, xieraq biex iħares is-sigurtà u s-saħħa tiegħu, indipendentement mill-previżjoni separata ta’ serħan kuljum. Għalhekk, għandu jiġi ggarantit li, fl-unità ta’ ġimgħa ta’ xogħol, il-ħaddiem jiġi żgurat li jkollu ħin minimu ta’ serħan ta’ 35 siegħa (24 siegħa ta’ serħan ta’ kull ġimgħa u 11-il siegħa ta’ serħan ta’ kuljum), mingħajr distinzjoni formali bejn is-serħan ta’ kull ġimgħa u s-serħan ta’ kuljum. Din hija t-teżi sostnuti minn min iħaddem ( 3 ) u, essenzjalment, ukoll mill-Gvern Ungeriż ( 4 ). |
|
29. |
Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi sostnut li l-ħaddiem għandu jgawdi minn ħin ta’ serħan minimu li huwa s-somma ta’ żewġ perijodi differenti u li huwa bbażat fuq żewġ arranġamenti ġuridiċi differenti li jikkorrispondu għal drittijiet indipendenti u awtonomi minn xulxin: is-serħan ta’ kuljum u s-serħan ta’ kull ġimgħa. Dan indipendentement mill-ammont ta’ sigħat li jirriżultaw miż-żewġ tipi ta’ serħan, u l-Istati u l-partijiet kollettivi jibqgħu liberi li jiffissaw kwantità ta’ sigħat saħansitra ogħla minn dik (minima) iggarantita mid-Direttiva. |
|
30. |
L-għażla ta’ approċċ jew ieħor għandha ssir permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ referenza fondata mhux biss fuq is-sens letterali tagħhom, iżda wkoll fuq il-kuntest li jagħmlu parti minnu u fuq l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti ( 5 ). Ser nanalizza dawn l-aspetti fil-punti ddedikati għall-analiżi tad-domandi preliminari. |
|
31. |
Fir-rigward tad-domandi preliminari, l-ewwel tlieta jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu eżaminati flimkien peress li jikkonċernaw l-istess kwistjoni legali, jiġifieri jekk is-serħan ta’ kuljum huwiex minbarra s-serħan ta’ kull ġimgħa jew inkluż f’dan tal-aħħar. Fir-raba’ domanda preliminari, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem għandu dritt għal perijodu ta’ serħan minimu li għandu jingħata matul perijodu ta’ 24 siegħa anki jekk ma jkunx meħtieġ jaħdem, għal xi raġuni, matul l-24 siegħa ta’ wara. Il-ħames domanda, għalkemm loġikament marbuta mar-raba’ waħda, tqajjem domanda indipendenti minnha: il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-serħan ta’ kuljum għandu jingħata qabel is-serħan ta’ kull ġimgħa. Fir-rigward ta’ din l-aħħar domanda preliminari, għandi dubji dwar l-ammissibbiltà tagħha: il-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti dwar ir-rilevanza tagħha għall-kawża prinċipali. |
|
32. |
Sabiex nirrispondi għall-imsemmija domandi preliminari, inqis li huwa utli li jiġi ċċarat, qabel xejn, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 fil-kuntest tad-dritt soċjali tal-Unjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, imbagħad li jiġi ddeterminat, fuq il-bażi ta’ dan l-eżami, jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari din id-direttiva, li tagħti marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, jeħtieġx lil min iħaddem jagħti perijodu ta’ serħan ta’ kuljum li għandu jkun awtonomu u indipendenti mis-serħan ta’ kull ġimgħa jew jekk il-previżjoni ta’ “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” li jaqbeż ir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva (35 siegħa bħala s-somma ta’ 11-il siegħa ta’ serħan ta’ kuljum u 24 siegħa ta’ serħan ta’ kull ġimgħa) jistax jingħad li huwa konformi mal-liġi Ewropea. |
B. Id-Direttiva 2003/88: għanijiet u marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri
|
33. |
Id-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li “tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol”, u ppreċiżat li “[d]in l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa, u billi tipprovdi limitu massimu għall-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa” ( 6 ). |
|
34. |
Din id-direttiva essenzjalment isservi għan protettiv għall-ħaddiem, li huwa magħruf li huwa l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali ma’ min iħaddem ( 7 ). Id-dispożizzjonijiet tagħha, fil-fatt, jimplimentaw l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, wara li jirrikonoxxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, jipprovdi, fil-paragrafu 2, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”. |
|
35. |
Ir-rabta stretta bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u dawk tal-Karta ġiet reċentement ikkonfermata minn sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonfermat proprju li d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tas-sigħat massimi tax-xogħol u għal perijodi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa jikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandha importanza partikolari u li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 5 u 6, jippreċiżaw dan id-dritt fundamentali u għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan tal-aħħar ( 8 ). |
|
36. |
Kif jikkonferma l-qari kemm tal-Artikolu 3 kif ukoll tal-Artikolu 5 – li ma fihom l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri – it-termini “serħan ta’ kuljum” u “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fuq livell Ewropew, indipendentement mill-ispeċifiċitajiet adottati fil-liġijiet tad-diversi Stati Membri ( 9 ). Ser nirritorna għal dan il-punt fil-parti ddedikata għall-analiżi tal-ewwel tliet domandi preliminari. |
|
37. |
Il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu interpretati fid-dawl tal-għan protettiv tagħha tirriżulta f’diversi konsegwenzi importanti kemm f’termini tal-inaljenabbiltà min-naħa tal-ħaddiem tad-drittijiet li huma rrikonoxxuti fiha kif ukoll tal-limitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din id-direttiva. |
|
38. |
Fl-ewwel lok, iż-żewġ drittijiet, kemm dak għas-serħan ta’ kuljum kif ukoll dak għas-serħan ta’ kull ġimgħa, minħabba r-rabta stretta tagħhom mad-drittijiet primarji u fundamentali, għandhom jitqiesu inaljenabbli għall-ħaddiema nfushom peress li għandhom l-għan li jipproteġu d-dritt għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ( 10 ). Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali, u fl-aħħar mill-aħħar min iħaddem, irid jirrikonoxxi u jiggarantixxi dawn id-drittijiet, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ deroga għajr dawk previsti b’mod espliċitu fid-Direttiva nnifisha. |
|
39. |
Fit-tieni lok, u huwa preċiżament dak li huwa partikolarment importanti hawnhekk, jirriżulta proprju mid-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari mill-premessa 15 tagħha, li hija tagħti ċerta flessibbiltà lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, kif jirriżulta b’mod espliċitu mill-imsemmija premessa u kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma madankollu marbuta b’obbligu ta’ riżultat preċiż u mingħajr kundizzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2003/88 ( 11 ). Huwa f’idejhom li jadottaw dispożizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi biex jiżguraw li dan l-obbligu jiġi ssodisfatt u, essenzjalment, biex jiżguraw li r-rekwiżiti minimi individwali stabbiliti fid-Direttiva stess dwar il-limiti tal-ħin tax-xogħol jiġu mħarsa ( 12 ). |
|
40. |
Fil-kuntest sistematiku tad-Direttiva, l-għoti ta’ perijodi minimi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa u ta’ limitu massimu tal-medja tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jikkontribwixxi b’mod sostanzjali sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tad-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva li, kif tenniet il-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ), huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jiggarantixxuh bis-sħiħ ( 14 ). |
C. Id-domandi preliminari
1. L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari
|
41. |
Kif indikajt diġà, ser nanalizza flimkien l-ewwel tliet domandi preliminari għaliex jikkonċernaw l-istess kwistjoni ġuridika. L-ewwel żewġ domandi jikkoinċidu parzjalment, filwaqt li t-tielet waħda tiddependi loġikament mill-ewwel żewġ domandi. |
|
42. |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li s-serħan ta’ kuljum previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jagħmel parti mis-serħan ta’ kull ġimgħa jew jekk, għall-kuntrarju, l-Artikolu 5 jistabbilixxix biss it-tul minimu tas-serħan ta’ kull ġimgħa li jrid ikun ta’ mill-inqas 35 siegħa konsekuttiva. Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ftehim kollettiv applikabbli jipprevedu l-għoti ta’ perijodu minimu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa ta’ 42 siegħa konsekuttivi, huwa obbligatorju li jingħata, wara xogħol imwettaq fil-jum tax-xogħol ta’ qabel is-serħan ta’ kull ġimgħa, ukoll is-serħan ta’ kuljum ta’ 12-il siegħa ggarantit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u mill-ftehim kollettiv. |
|
43. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel dawn id-domandi għaliex, għalkemm fil-Kodiċi tax-Xogħol Ungeriż l-arranġamenti tas-serħan ta’ kuljum u tas-serħan ta’ kull ġimgħa jinsabu taħt żewġ dispożizzjonijiet differenti, fl-artikolu ddedikat għall-“perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” (fil-prinċipju 48 siegħa iżda, f’każ ta’ tul ta’ ħin tax-xogħol varjabbli, ta’ mill-inqas 40 siegħa li jsiru 42 skont il-ftehim kollettiv konkluż bejn min iħaddem u s-sindakati), ma jsir l-ebda riferiment għas-serħan ta’ kuljum jew għat-tul tiegħu. |
|
44. |
Favur it-teżi li ma jistax jiġi assorbit id-dritt għal serħan ta’ kuljum fid-dritt għal serħan ta’ kull ġimgħa, hemm diversi argumenti li jistgħu jiġu attribwiti, essenzjalment, għall-kriterji tal-interpretazzjoni letterali u sistematika u għan-natura tal-kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni tas-serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa. |
|
45. |
Skont ġurisprudenza stabbilita ( 15 ), fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni, għandhom jitqiesu mhux biss il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. |
|
46. |
Jekk nibdew mill-perspettiva letterali, huwa l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 stess li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jiżguraw li “f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum [perijodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ 24 siegħa serħan flimkien mal-11-il siegħa serħan ta’ kuljum] kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3 ( 16 )”. Madankollu, dan l-artikolu ma jispeċifikax meta dan il-perijodu minimu ta’ serħan għandu jgħodd, u b’hekk iħalli l-għażla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti – fil-lingwa Ingliża, Ġermaniża u Portugiża – li jipprevedu li l-perijodu minimu ta’ serħan mingħajr interruzzjoni jingħata “f’”kull perijodu ta’ sebat ijiem. Il-verżjonijiet l-oħra tal-imsemmi artikolu huma simili għall-verżjoni fil-lingwa Franċiża li tipprevedi li s-serħan ta’ kull ġimgħa għandu jingħata “matul” kull perijodu ta’ sebat ijiem ( 17 ). |
|
47. |
Din il-pożizzjoni hija sostnuta wkoll minn analiżi sistematika tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2003/88 u tidher koerenti mal-għanijiet ta’ din id-direttiva msemmija iktar ’il fuq. B’mod partikolari, mill-premessi 1, 4, 7 u 8 u mill-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema, permezz tal-approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Dan juri l-portata u l-importanza tad-direttiva fi ħdan is-sistema tad-dritt soċjali tal-Unjoni. Għaldaqstant, ikun kontradittorju li jiġi kkonfigurat l-assorbiment tad-dritt għal serħan ta’ kuljum fi ħdan id-dritt għal serħan ta’ kull ġimgħa, għaliex dan imur kontra l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li l-Istati Membri huma awtorizzati japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ ftehimiet oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat tal-industrija li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema. |
|
48. |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata “filwaqt li titqies l-importanza tad-dritt fundamentali ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa” ( 18 ). |
|
49. |
Kif isostnu wkoll il-ħaddiem ( 19 ) u l-Kummissjoni ( 20 ) u kif jirriżulta mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati abbażi tal-kriterji interpretattivi msemmija iktar ’il fuq, il-kunċetti ta’ “serħan ta’ kuljum” u ta’ “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom, għaldaqstant, jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi relatati mas-sistema u mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/88. Is-serħan ta’ kuljum u s-serħan ta’ kull ġimgħa, fil-fatt, isegwu għanijiet differenti u jikkostitwixxu, konsegwentement, drittijiet awtonomi. |
|
50. |
L-għan tas-serħan ta’ kuljum huwa li jippermetti lill-ħaddiema jistrieħu għal ċertu ammont ta’ sigħat – mill-inqas ħdax – matul perijodu ta’ 24 siegħa. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat li s-sigħat ta’ serħan iridu jkunu konsekuttivi u jsegwu direttament perijodu ta’ xogħol ( 21 ). |
|
51. |
Min-naħa l-oħra, is-serħan ta’ kull ġimgħa għandu l-għan li jippermetti s-serħan tal-ħaddiem – għal mill-inqas 24 siegħa – f’perjodu ta’ referenza ta’ sebat ijiem, bl-espressjoni “perijodu ta’ referenza” mifhuma bħala t-terminu li fih għandu jingħata perijodu minimu ta’ serħan ( 22 ). |
|
52. |
Skont l-interpretazzjoni letterali u sistematika fit-termini esposti iktar ’il fuq u sabiex l-effettività tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mid-Direttiva 2003/88 tkun żgurata bis-sħiħ skont il-prinċipji mfakkra fil-punti preċedenti, inqis li mid-direttiva stess jirriżulta l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw il-konformità ma’ kull rekwiżit minimu previst mid-Direttiva 2003/88 ( 23 ). |
|
53. |
Għalhekk, is-serħan ta’ kuljum ma jistax jiġi inkluż fis-serħan ta’ kull ġimgħa u lanqas ma jista’ jiġi attribwit għall-perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni min iħaddem ( 24 ). |
|
54. |
L-argument sostnut minn dan tal-aħħar huwa, fil-fatt, li fid-dawl tal-għan tas-serħan ta’ kuljum, jiġifieri li l-ħaddiem jitħalla jirkupra saħħtu bejn żewġ perijodi ta’ xogħol, dan jista’ jingħata biss jekk ikun previst perijodu ġdid ta’ xogħol fi żmien 24 siegħa mit-tmiem ta’ perijodu ta’ xogħol partikolari. |
|
55. |
Insostenn ta’ dak li jsostni, min iħaddem ( 25 ) jinvoka l-“Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar id-Direttiva 2003/88/KE]” ( 26 ) tal-Kummissjoni, billi jsostni li minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi biss perijodu ta’ serħan mingħajr interruzzjoni ta’ 35 siegħa f’kull perijodu ta’ sebat ijiem, mingħajr distinzjoni bejn is-serħan ta’ kull ġimgħa u ta’ kuljum; għaldaqstant, dan tal-aħħar huwa inkluż f’dak il-perijodu ta’ riferiment. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tipprevedi perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa ta’ 48 siegħa, mingħajr ma tagħmel l-ebda riferiment għas-serħan ta’ kuljum, tkun konformi mad-Direttiva. |
|
56. |
Fil-fehma tiegħi, jekk wieħed isegwi din it-teżi, li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tal-imsemmija dokumenti, dan iwassal sabiex ma jiġux osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-direttiva, li jipprovdi li s-serħan ta’ kuljum jiżdied mas-serħan ta’ kull ġimgħa. Fil-fatt, jiena nqis li, fid-dokumenti ċċitati, il-Kummissjoni sempliċement wettqet operazzjoni matematika (it-total tal-perijodu minimu ta’ serħan ta’ kuljum ta’ 11-il siegħa ma’ dak ta’ 24 siegħa ta’ kull ġimgħa) li minnha bl-ebda mod ma huwa possibbli li jiġi dedott li d-dritt għal serħan ta’ kuljum ma għandux jingħata jekk il-ħin ta’ serħan ta’ kull ġimgħa jkun iktar favorevoli minn dak indikat fid-direttiva. |
|
57. |
F’dan ir-rigward, infakkar li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva jipprevedu standards minimi u mhux massimi. Fil-fatt, l-Artikolu 15 tad-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ ftehimiet oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat tal-industrija li huma iktar favorevoli għall-imsemmija protezzjoni. |
|
58. |
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu perijodi ta’ serħan itwal, sakemm jiġu rrispettati l-obbligi minimi previsti mid-Direttiva. Għalhekk, fil-prattika, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perijodi ta’ serħan ta’ kuljum li jaqbżu l-ħdax-il siegħa konsekuttiva kif ukoll perijodi ta’ serħan fil-ġimgħa ta’ iktar minn 24 siegħa f’kull perijodu ta’ sebat ijiem, iżda dan ma jimplikax il-leġittimità tan-nuqqas tal-għoti tad-dritt għal serħan ta’ kuljum meta s-serħan ta’ kull ġimgħa jkun iktar favorevoli mil-leġiżlazzjoni Ewropea. |
|
59. |
Madankollu, f’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha l-kompitu li tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mad-dritt Ewropew peress li, kif issostni l-Kummissjoni ( 27 ), id-drittijiet supplimentari possibbli li jistgħu jiġu previsti mill-Istati Membri ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u għalhekk taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-kompetenzi statali ( 28 ) u, għaldaqstant, tal-qorti nazzjonali. |
2. Ir-raba’ domanda preliminari
|
60. |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem għandu dritt għal perijodu ta’ serħan minimu ta’ kuljum li għandu jingħata f’kull perijodu ta’ 24 siegħa anki jekk ma jkunx meħtieġ jaħdem, għal xi raġuni, matul l-24 siegħa ta’ wara.. |
|
61. |
Id-domanda tal-qorti tar-rinviju toriġina mill-fatt li min iħaddem normalment ma kienx jagħti lill-ħaddiem il-jum tas-serħan ta’ kuljum jekk ma kienx ikun previst perijodu ġdid ta’ xogħol sussegwenti. Ir-raġuni għal dan kienet li, skont min iħaddem, l-għan intrinsiku tas-serħan ta’ kuljum huwa proprju li jippermetti lill-ħaddiem jirkupra saħħtu matul żewġ perijodi ta’ xogħol, u għalhekk, jekk ma kien skedat l-ebda perijodu ta’ xogħol fis-sigħat ta’ wara, ma kien hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jingħata s-serħan ta’ kuljum. |
|
62. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li “[s]abiex tkun żgurata protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiem, għandu, bħala regola ġenerali, ikun previst li perijodu ta’ xogħol jalterna b’mod regolari ma’ perijodu ta’ mistrieħ ( 29 ). Fil-fatt, sabiex ikun jista’ jistrieħ b’mod effettiv, il-ħaddiem għandu jibbenefika mill-possibbiltà li jitlaq mill-ambjent tax-xogħol tiegħu għal numru speċifiku ta’ sigħat li mhux biss għandhom ikunu konsekuttivi iżda għandhom ukoll isegwu direttament perijodu ta’ xogħol, sabiex jippermettulu jirrilassa u jelimina l-għeja kkaġunata mit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu” ( 30 ). Għalhekk, dak li huwa rilevanti għall-finijiet tal-għoti tal-perijodu ta’ serħan huwa jekk dan kienx ippreċedut minn perijodu ta’ xogħol, u l-attività li għandha titwettaq wara l-imsemmi perijodu ta’ serħan hija kompletament irrilevanti. |
|
63. |
Fid-dawl ta’ dan, kif isostnu wkoll il-Kummissjoni ( 31 ) u l-ħaddiem ( 32 ), inqis li, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni tal-kwistjoni kompatibbli mad-Direttiva 2003/88 u mal-Karta, irid jiġi konkluż li l-ħaddiem għandu fi kwalunkwe każ igawdi minn perijodu ta’ serħan ta’ kuljum kull 24 siegħa, anki fl-ipoteżi fejn ma jkollux jaħdem matul l-24 siegħa ta’ wara. |
3. Il-ħames domanda preliminari
|
64. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, li fir-rigward tagħha diġà spjegajt id-dubji tiegħi dwar l-ammissibbiltà tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88, moqrija flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-serħan ta’ kuljum għandu jingħata qabel dak ta’ kull ġimgħa. |
|
65. |
Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-analiżi testwali tad-dispożizzjonijiet iċċitati ma tirriżultax determinanti. Fil-fatt, la l-Artikolu 3 u lanqas l-Artikolu 5 tad-Direttiva ma jipprovdu elementi utli peress li, lil hinn mill-obbligu li jiġi ggarantit perijodu ta’ serħan ta’ kuljum ta’ mill-inqas 11-il siegħa konsekuttiva matul perijodu ta’ 24 siegħa u serħan ta’ kull ġimgħa ta’ 24 siegħa mingħajr interruzzjoni f’kull perijodu ta’ sebat ijiem, huma ma jimponux kundizzjonijiet oħra għall-eżerċizzju tagħhom. |
|
66. |
Għalkemm il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati ma hijiex ta’ għajnuna, fid-Direttiva 2003/88 wieħed jista’ madankollu jsib xi elementi utli sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Nagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-premessa 15 tad-Direttiva li tħalli diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet, sakemm jiġi żgurat ir-rispett għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Fil-fatt, l-awtonomija mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra fis-sentenza Maio Marquez da Rosa ( 33 ) li s-serħan ta’ kull ġimgħa jista’ jingħata fi kwalunkwe mument f’kull perijodu ta’ 7 ijiem. |
|
67. |
Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi fid-Direttiva, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll transponibbli għas-serħan ta’ kuljum, bil-konsegwenza li, ladarba jiġi żgurat ir-rispett tal-perijodu minimu ta’ serħan ta’ kuljum, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddefinixxu l-modalitajiet konkreti. |
|
68. |
Għalhekk, naqbel mal-Kummissjoni ( 34 ) li s-serħan ta’ kuljum jista’ jingħata fil-bidu, fin-nofs jew anki fit-tmiem ta’ perijodu partikolari ta’ 24 siegħa, bħalma jista’ jingħata mingħajr distinzjoni qabel jew wara s-serħan ta’ kull ġimgħa. |
|
69. |
Essenzjalment, billi dawn huma żewġ arranġamenti differenti u awtonomi li jissodisfaw għanijiet differenti, la hemm raġunijiet ta’ prinċipju u lanqas funzjonali li jillimitaw l-awtonomija tal-Istati Membri f’dan is-sens, peress li dawn huma obbligati biss li josservaw l-istandards minimi u l-prinċipji tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li jirregolaw id-Direttiva kollha. |
|
70. |
Bħala konklużjoni: l-għan tad-Direttiva 2003/88 u l-għanijiet tagħha ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, ir-rwol tagħha fid-dritt soċjali Ewropew u n-natura tad-dritt fundamentali ta’ serħan, fiż-żewġ komponenti tiegħu ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, huma favur il-leġittimità ta’ leġiżlazzjoni statali li tipprevedi “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” b’ħinijiet ta’ serħan itwal minn dawk previsti mid-Direttiva. Madankollu, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, bħala drittijiet awtonomi u separati, is-serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa u, fit-tieni lok, għar-rispett tar-regoli minimi tal-ħin ta’ serħan previsti mil-leġiżlazzjoni Ewropea. |
4. Fuq il-konsegwenzi għall-qorti tar-rinviju
|
71. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huma l-kompitu tal-qrati tal-Istati Membri. |
|
72. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni relatati mad-dritt tal-Unjoni u bl-indikazzjonijiet, li jirriżultaw mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lilha, li jistgħu jqiegħdu lill-qorti nazzjonali f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni ( 35 ). |
|
73. |
Kif ġie espost iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda dwar jekk il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” għandux jiġi interpretat fis-sens li, wara l-perijodu minimu ta’ serħan mingħajr interruzzjoni ta’ 24 siegħa, il-11-il siegħa ta’ serħan ta’ kuljum ikunux għadhom iridu jingħataw, jew fis-sens li l-perijodu ta’ 24 siegħa u dak ta’ 11-il siegħa għandhom jingħaddu flimkien u, fuq din il-bażi, il-ħaddiem għandu dritt għal perijodu minimu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa ta’ 35 siegħa. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tintroduċi fl-Artikolu 106 tal-“Kodiċi tax-Xogħol” il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” li huwa stabbilit għal 48 siegħa – ogħla mill-minimu ta’ 24 siegħa previst mid-Direttiva 2003/88 – u li ma tinkludi l-ebda riferiment għall-perijodu ta’ serħan ta’ kuljum u għat-tul tiegħu. |
|
74. |
Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tidħol fil-mertu tad-dritt nazzjonali: skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-fatt, tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali, filwaqt li hija esklużivament il-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 36 ). |
|
75. |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali huma marbuta, sa fejn huwa possibbli, li jinterpretaw id-dritt nazzjonali fid-dawl tad-dritt Ewropew ( 37 ). |
|
76. |
Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu dak kollu li huwa fil-kompitu tagħhom, filwaqt li jqisu d-dritt nazzjonali kollu u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minn dan id-dritt. |
|
77. |
Madankollu, dan il-prinċipju huwa suġġett għal ċerti limiti. B’mod partikolari, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tagħmel riferiment għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi bħal bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. |
|
78. |
Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-valutazzjoni magħmulha mill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-possibbiltà li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’tali mod li jista’ jkun konformi ma’ dak li jipprevedi d-dritt tal-Unjoni. |
|
79. |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fl-Ungerija, il-ħaddiema humiex iggarantiti perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa li jikkonforma mar-rekwiżiti minimi previsti mid-Direttiva 2003/88. F’dan il-każ, il-qorti tista’ tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-ftehim kollettiv applikabbli huma konformi mad-dritt tal-Unjoni, fil-każ fejn, anki jekk ikun previst biss “perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa” wieħed li jkun itwal mill-35 siegħa previsti mid-Direttiva (11-il siegħa għas-serħan ta’ kuljum u 24 siegħa għas-serħan ta’ kull ġimgħa), xorta waħda għandu jiġi rrispettat id-dritt għas-serħan ta’ kuljum bħala arranġament awtonomu u indipendenti mis-serħan ta’ kull ġimgħa, iggarantit b’mod ugwali jew itwal mill-minimu ta’ 11-il siegħa previst mid-Direttiva. |
|
80. |
Mill-qari tal-fajl, ser nillimita ruħi għall-osservazzjoni li mil-leġiżlazzjoni Ungeriża (l-Artikoli 104, 105 u 106 tal-“Kodiċi tax-Xogħol”), jidher li jirriżulta li d-dritt għal serħan ta’ kuljum u d-dritt għal serħan ta’ kull ġimgħa huma awtonomi u li, b’kollox, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ftehim kollettiv applikabbli jiżguraw lill-ħaddiem fil-kawża prinċipali trattament aħjar meta mqabbel mal-istandards minimi stabbiliti mil-leġiżlatur Ewropew. |
IV. Konklużjoni
|
81. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Miskolci Törvényszék (il-Qorti ta’ Miskolc, l-Ungerija) bil-mod li ġej: “L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88, moqrija flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali jew ftehim kollettiv milli jagħtu lill-ħaddiema perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa itwal mill-miżura minima prevista fid-Direttiva 2003/88. Dspożizzjoni possibbli fid-dritt nazzjonali dwar perijodi ta’ serħan ta’ kull ġimgħa li huma iktar favorevoli minn dawk previsti fid-Direttiva 2003/88 ma teskludix l-obbligu ta’ min iħaddem li jagħti l-perijodu ta’ serħan ta’ kuljum mill-inqas sal-limitu minimu previst f’din id-direttiva. Fil-fatt, is-serħan ta’ kuljum għandu jitqies bħala dritt awtonomu li ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ serħan ta’ kull ġimgħa. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiem għandu dritt għal perijodu minimu ta’ serħan ta’ kuljum li għandu jingħata matul perijodu ta’ 24 siegħa, irrispettivament mill-iskedar tal-attivitajiet professjonali fl-24 siegħa ta’ wara. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeċiedu meta għandu jingħata s-serħan ta’ kuljum, li jista’ jkun previst fil-bidu, fin-nofs jew anki fit-tmiem ta’ perijodu partikolari ta’ 24 siegħa, u jista’ jingħata mingħajr distinzjoni jew qabel jew wara s-serħan ta’ kull ġimgħa, suġġett għar-rispett għall-prinċipju tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiem.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).
( 3 ) Osservazzjonijiet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, punt 23.
( 4 ) Osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż, punt 13. Nirrileva li fir-rigward ta’ suġġett ta’ importanza sistematika bħalma hija r-relazzjoni bejn id-dritt tal-ħaddiem għal serħan ta’ kuljum u dak ta’ kull ġimgħa, ebda Stat Membru, minbarra l-Gvern Ungeriż, ma ppreżenta osservazzjonijiet f’din il-kawża. Inqis li minn tali element tista’ tiġi dedotta konformità wiesgħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra mad-Direttiva 2003/88 hekk kif ġiet interpretata sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, J.D. (C‑4/16, EU:C:2017:153, punti 23 u 25), kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman (C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 45), tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 23), tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 37), u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 39).
( 7 ) Dwar dan ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). “[i]l-ħaddiem għandu jitqies bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni tax-xogħol, b’tali mod li huwa neċessarju li l-persuna li timpjega tiġi prekluża milli jkollha l-possibbiltà li timponi fuqu restrizzjoni fuq id-drittijiet tiegħu”; barra minn hekk, għandu jitqies li “fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, b’mod partikolari meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni tax-xogħol għad-detriment ta’ dan il-ħaddiem”.
( 8 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 30 u 31).
( 9 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Minn dan jirriżulta li l-imsemmija drittijiet ma jappartjenux għall-qalba ta’ prerogattivi ta’ natura strettament kuntrattwali li l-ħaddiem jista’ jiddeċiedi li jirrinunzja għal remunerazzjonijiet addizzjonali jew għal benefiċċji oħra, iżda jaqgħu taħt id-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti minn sorsi leġiżlattivi primarji fil-livell kostituzzjonali jew simili, li jikkonċernaw mhux biss ir-relazzjoni kuntrattwali bejn min iħaddem u l-ħaddiem iżda l-“ħaddiem innifsu”.
( 11 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punt 33).
( 12 ) Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikkunsidrajt l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 tad-Direttiva: “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw […]”
( 13 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 42).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso temp (C‑426/20, EU:C:2022:373, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Enfasi tiegħi.
( 17 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punti 40 u 41).
( 18 ) Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C 55/18, EU:C:2019:402, punt 33).
( 19 ) Osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-raba’ paragrafu ta’ p. 3.
( 20 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 46.
( 21 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 95).
( 22 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 42).
( 23 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punt 33).
( 24 ) Osservazzjonijiet tal-konvenut fil-kawża prinċipali, punt 23.
( 25 ) Osservazzjonijiet tal-konvenut fil-kawża prinċipali, punti 30‑32.
( 26 ) Komunikazzjoni Interpretattiva dwar id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU 2017, C 165, p. 1).
( 27 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 51.
( 28 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C-609/17 u C-610/17, EU:C:2019:981, punti 34 u 35).
( 29 ) Enfasi tiegħi.
( 30 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 95).
( 31 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 56 sa 59.
( 32 ) Osservazzjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, p. 5 u 6.
( 33 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marquez da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 44).
( 34 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 60 sa 64.
( 35 ) Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Jannar 2015, Gimnasio Deportivo San Andrés (C‑688/13, EU:C:2015:46, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles Capitale (C‑632/18, EU:C:2019:833, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (il-Lussemburgu) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32), u tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Successive assignments in the context of temporary work) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 66), u Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).