KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawża C‑311/21

CM

vs

TimePartner Personalmanagement GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 5 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Paga ugwali – Deroga mill-imsieħba soċjali – Ħarsien tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija – Ftehim kollettiv li jistabbilixxi paga inqas minn dak ta’ ħaddiema rreklutati mill-impriża utenti”

I. Introduzzjoni

1.

Skont liema kundizzjonijiet jista’ ftehim kollettiv maqbul bejn l-imsieħba soċjali jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija? Il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) titlob gwida mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar żewġ aspetti b’mod partikolari ta’ din il-kwistjoni. L-ewwel, ir-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 2 ) u l-kunċett ta’ “il-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” li ftehim kollettivi għandhom jiggarantixxu bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tagħha. It-tieni, kemm tali ftehim kollettivi jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju sabiex jiġi vverifikat li huma jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

II. Id-dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

2.

Il-preambolu tad-Direttiva 2008/104 jistabbilixxi, inter alia, l-objettivi li ġejjin:

“(12)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

[…]

(14)

Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ta’ l-inqas dawk li japplikaw għal dawn il-ħaddiema kieku kellhom ikunu rreklutati mill-impriża utenti biex jokkupaw l-istess impjieg.

[…]

(16)

Sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b’mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, sakemm jiġi rispettat il-livell ġenerali ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

(17)

Barra minn hekk, f’ċerti ċirkostanzi limitati, l-Istati Membri għandhom, abbażi ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, ikunu jistgħu jidderogaw f’limiti mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, sakemm jiġi pprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni.

[…]

(19)

Din id-Direttiva la taffettwa l-awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali u lanqas m’għandha taffettwa r-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi strumenti ta’ ftehim kollettivi skond il-liġi u l-prattiki nazzjonali filwaqt li tiġi rispettata l-liġi Komunitarja prevalenti.”

3.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.”

4.

Skont l-Artikolu 2, id-Direttiva 2008/104 għandha l-għan:

“[…] li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

5.

Għall-finijiet tad-Direttiva 2008/104, l-Artikolu 3(1)(f) jiddefinixxi “kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” bħala:

“[…] kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

(i)

it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

(ii)

paga.”

6.

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104, bit-titolu “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali”:

“1.   Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta’ ftehim kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

[…]”

7.

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/104, li jġib it-titolu “Rekwiżiti minimi”, jipprovdi li:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jippromwovu jew jippermettu strumenti ta’ ftehim kollettivi konklużi bejn l-imsieħba soċjali li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.”

8.

Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/104:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Diċembru 2011, jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa li jippermettulhom jiggarantixxu f’kull ħin li l-objettivi ta’ din id-Direttiva jintlaħqu. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

9.

Il-paragrafu 9 tal-Arbeitnehmerüberlassungsgesetz (il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema) tat‑3 ta’ Frar 1995, fil-verżjoni fis-seħħ sal‑31 ta’ Marzu 2017, ippreveda li:

“Is-segwenti għandhom ikunu invalidi:

[…]

(2) Ftehim li jipprevedi għal kundizzjonijiet ta’ xogħol, inkluża remunerazzjoni, għall-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għall-perijodu ta’ assenjazzjoni lil impriża utenti, li huma inqas favorevoli kif imqabbla mal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol applikabbli fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti; ftehim kollettiv jista’ jawtorizza derogi, sakemm ma jipprovdix għal remunerazzjoni li tkun inqas mill-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2); f’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv, dawk li jħaddmu u ħaddiema mhux vinkolati bil-ftehim kollettiv jistgħu jaqblu għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim; kwalunkwe deroga skont ftehim kollettiv ma għandhiex tapplika għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li, fis-sitt xhur qabel l-assenjazzjoni għall-impriża utenti, ma jkunux għadhom f’relazzjoni ta’ impjieg ma’ dik l-impriża jew ma’ min iħaddem li jkun jifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħala l-impriża utenti skont it-tifsira tal-paragrafu 18 tal-Aktiengesetz (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar Kumpanniji Pubbliċi ta’ Responsabbiltà Limitata).”

10.

Il-paragrafu 10(4) tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema, fil-verżjoni fis-seħħ sal‑31 ta’ Marzu 2017, kien jgħid:

“L-aġenzija ta’ xogħol temporanju jkun jenħtiġilha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għall-perijodu ta’ assenjazzjoni lill-impriża utenti, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol bażiċi, inkluża remunerazzjoni, applikabbli fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti. Sal-punt li ftehim kollettiv applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg jistabbilixxi derogi (paragrafu 3(1)(3) u paragrafu 9(2)), l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija l-kundizzjonijiet ta’ xogħol applikabbli skont dak il-ftehim kollettiv. Sal-punt li ftehim kollettiv jipprovdi għal remunerazzjoni inqas mill-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2), l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għal kull siegħa xogħol, ir-remunerazzjoni dovuta fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti għal siegħa xogħol. F’każ ta’ invalidità tal-ftehim bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija skont il-paragrafu 9(2), l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija l-kundizzjonijiet ta’ xogħol bażiċi, inkluża remunerazzjoni, applikabbli fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti.”

11.

Dawn id-dispożizzjonijiet sussegwentement kienu emendati.

12.

Il-paragrafu 8 tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema, fil-verżjoni fis-seħħ sa mill‑1 ta’ April 2017, bit-titolu “Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”, jipprevedi li:

“1.   L-aġenzija ta’ xogħol temporanju jenħtiġilha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għall-perijodu ta’ assenjazzjoni lill-impriża utenti, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol bażiċi, inkluża remunerazzjoni, applikabbli fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti (il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament). Jekk il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jirċievi r-remunerazzjoni dovuta skont ftehim kollettiv applikabbli għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti jew, fl-assenza ta’ dan, ir-remunerazzjoni dovuta skont ftehim kollettiv lil ħaddiema komparabbli fis-settur tax-xogħol, il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandu jiġi preżunt li jirċievi ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ remunerazzjoni skont it-tifsira tal-ewwel sentenza. Jekk ir-remunerazzjoni in natura tingħata fl-impriża utenti, jista’ jiġi pprovdut kumpens f’euro.

2   Ftehim kollettiv jista’ jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sakemm ma jipprovdix għal remunerazzjoni li tkun inqas mill-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2). Sal-punt li tali ftehim kollettiv jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija l-kundizzjonijiet ta’ xogħol applikabbli taħt dak il-ftehim kollettiv. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv, dawk li jħaddmu u ħaddiema mhux vinkolati bil-ftehim kollettiv jistgħu jaqblu għall-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv. Sal-punt li tali ftehim kollettiv jipprovdi għal remunerazzjoni inqas mill-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2), l-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għal kull siegħa xogħol, ir-remunerazzjoni dovuta fl-impriża utenti għal ħaddiem komparabbli tal-impriża utenti għal siegħa xogħol.

3   Deroga permezz ta’ ftehim kollettiv skont it-tifsira tas-subparagrafu 2 ma għandhiex tapplika għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li, fis-sitt xhur qabel l-assenjazzjoni lill-impriża utenti, ma jkunx għad għandhom relazzjoni ta’ impjieg ma’ dik l-impriża jew ma’ min iħaddem li jkun jifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħala l-impriża utenti skont it-tifsira tal-paragrafu 18 tal-Aktiengesetz (il-Liġi dwar Kumpanniji Pubbliċi ta’ Responsabbiltà Limitata).

4   Ftehim kollettiv skont it-tifsira tas-subparagrafu 2 jista’ jidderoga, fir-rigward ta’ remunerazzjoni, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-ewwel disa’ xhur ta’ assenjazzjoni lil impriża utenti. Deroga itwal permezz ta’ ftehim kollettiv għandha tiġi permessa biss jekk:

(1) mhux iktar tard minn ħmistax-il xahar wara assenjazzjoni lil impriża utenti, tinkiseb remunerazzjoni li tkun mill-inqas ir-remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv bħala li hija ekwivalenti għar-remunerazzjoni tal-ftehim kollettiv ta’ ħaddiema komparabbli fis-settur, u

(2) wara perijodu ta’ adattament għall-metodi ta’ xogħol ta’ massimu ta’ sitt ġimgħat, ir-remunerazzjoni mħallsa tiġi gradwalment allineata mar-remunerazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv, dawk li jħaddmu u ħaddiema mhux vinkolati bi ftehim kollettiv jistgħu jaqblu għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Għandu jittieħed kont b’mod sħiħ tal-perijodu ta’ assenjazzjonijiet preċedenti mill-istess jew minn aġenzija differenti ta’ xogħol temporanju għall-istess impriża utenti jekk il-perijodu rispettiv bejn l-assenjazzjonijiet ma jeċċedix tliet xhur.

5   L-aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha jenħtiġilha tħallas lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija mill-inqas il-paga minima fis-siegħa stabbilita b’regolament skont il-paragrafu 3a(2) għall-perijodu tal-assenjazzjoni u għall-perijodi mingħajr assenjazzjoni.”

III. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

13.

Bejn Jannar u April 2017 TimePartner Personalmanagement GmbH (iktar ’il quddiem “TimePartner”), aġenzija ta’ xogħol temporanju, impjegat lil CM bħala ħaddiema temporanja permezz ta’ aġenzija b’kuntratt għal żmien determinat. Matul dan il-kuntratt, CM kienet assenjata bħala responsabbli għall-ordnijiet għal impriża utenti fis-settur tad-distribuzzjoni bl-imnut.

14.

Skont it-termini ta’ ftehim kollettiv għal ħaddiema ta’ bejgħ bl-imnut fil-Bavarja (il-Ġermanja), ħaddiema komparabbli rreklutati direttament minn impriża utenti kellhom jirċievu salarju gross ta’ EUR 13.64 fis-siegħa. Madankollu, ftehim kollettiv għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija milħuq bejn l-Interessenverband Deutscher Zeitarbeitsunternehmen (l-Assoċjazzjoni ta’ Aġenziji ta’ Xogħol Temporanju Ġermaniża), li TimePartner hija membru tagħha, u d-Deutscher Gewerkschaftsbund (il-Konfederazzjoni tas-Sindakati Ġermaniża), li l-Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft (iktar ’il quddiem is-Sindakat ta’ Servizzi Uniti) tappartjeni lilha, idderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni skont l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema (fis-seħħ sal‑31 ta’ Marzu 2017) u l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema (fis-seħħ sa mill‑1 ta’ April 2017). Bħala konsegwenza CM, li kienet membru tas-Sindikat ta’ Servizzi Uniti, irċeviet salarju gross ta’ EUR 9.23 fis-siegħa.

15.

CM bdiet proċeduri ġudizzjarji quddiem l-Arbeitsgericht Würzburg (il-Qorti Industrijali ta’ Wurzburg, il-Ġermanja) sabiex titlob EUR 1 296.72 bħala kumpens għad-differenza fis-salarju bejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u ħaddiema komparabbli rekluti direttament mill-impriża utenti. CM argumentat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema u l-ftehim kollettiv dwar ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija kienu jmorru kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104.

16.

Wara l-azzjoni tagħha kienet ġiet miċħuda mill-Arbeitsgericht Würzburg (il-Qorti Industrijali ta’ Wurzburg), CM ippreżentat appell quddiem il-Landesarbeitsgericht Nürnberg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Nuremberg, il-Ġermanja), li ċaħdet dak l-appell.

17.

CM imbagħad ippreżentat appell minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali). Sabiex tiddeċiedi dwar l-appell, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel ħames domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Kif huwa ddefinit il-kunċett ta’ ‘protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji’ imsemmi fl-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 2008/104] dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u dan il-kunċett għandu b’mod partikolari portata iktar wiesgħa minn dik li jipprevedu b’mod vinkolanti d-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kollha?

(2)

Liema kundizzjonijiet u liema kriterji għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li dispożizzjonijiet fi ftehim kollettiv fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 5(1) [tad-Direttiva 2008/104] saru b’rispett tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija?

(a)

L-eżami tar-rispett tal-protezzjoni ġenerali huwa bbażat – b’mod astratt – fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma kollettivament tal-ħaddiema temporanji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv jew għandha ssir kunsiderazzjoni evalwattiva u komparattiva bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma kollettivament u l-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti fl-impriża fejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha (impriża utenti)??

(b)

F’każ ta’ deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni, ir-rispett tal-protezzjoni ġenerali previst fl-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 2008/104] jeżiġi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bejn impriża ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija?

(3)

Il-kundizzjonijiet u l-kriterji fil-qasam ta’ rispett tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, fis-sens tal-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 2008/104], għandhom jiġu imposti fuq l-imsieħba soċjali mil-leġiżlatur nazzjonali meta dan tal-aħħar jagħtihom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jinkludu dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u meta s-sistema nazzjonali ta’ nnegozjar kollettiv tipprevedi rekwiżiti li jagħtu lok għal aspettattiva ta’ konċiljazzjoni adegwata tal-interessi bejn il-partijiet fil-ftehimiet kollettivi (l-hekk imsejħa preżunzjoni ta’ korrettezza tal-ftehimiet kollettivi)?

(4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

(a)

Ir-rispett tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fis-sens tal-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 2008/104], huwa żgurat minn dispożizzjonijiet legali li, bħal dawk li jinsabu fil-verżjoni fis-seħħ sa mill-1 ta’ April 2017 tal-Arbeitnehmerüberlassungsgesetz (il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema), jipprevedu livell minimu ta’ salarju għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, tul ta’ żmien massimu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni mal-istess impriża utenti, limitazzjoni fiż-żmien tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ remunerazzjoni, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-ftehim kollettiv li tidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li, fis-sitt xhur qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom lill-impriża utenti, ikunu telqu l-impjieg tagħhom magħha jew ma’ persuna oħra li timpjega li tifforma mal-impriża utenti grupp fis-sens tal-Artikolu 18 tal-Aktiengesetz (il-Liġi dwar il-Kumpanniji Pubbliċi ta’ Responsabbiltà Limitata), kif ukoll l-obbligu għall-impriża utenti li tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, fil-prinċipju fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ħaddiema permanenti tal-impriża, aċċess għal strutturi jew servizzi kollettivi (bħalma huma, b’mod partikolari, faċilitajiet għall-indukrar ta’ tfal, catering kollettiv u ta’ mezzi ta’ trasport?

(b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

Dan japplika wkoll meta d-dispożizzjonijiet legali rilevanti, bħal dawk li jinsabu fil-verżjoni tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema fis-seħħ sa mill-31 ta’ Marzu 2017 ma jipprevedu ebda limitazzjoni fiż-żmien tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ remunerazzjoni u meta r-rekwiżit li għandu jkun biss “temporanju” ma jkunx ippreċiżat f’termini ta’ tul ta’ żmien?

(5)

Jekk it-tielet domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Fil-każ ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament permezz ta’ ftehimiet kollettivi skont l-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 2008/104], il-qrati nazzjonali jistgħu jistħarrġu mingħajr restrizzjoni dawn il-ftehimiet kollettivi sabiex jistabbilixxu jekk id-derogi kinux ġew stabbiliti b’rispett tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jew inkella l-Artikolu 28 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (‘il-Karta’)] u/jew ir-riferiment għall-“awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali” fil-premessa 19 [tad-Direttiva 2008/104] jeżiġu li tingħata lill-partijiet fil-ftehimiet kollettivi, f’dak li jikkonċerna r-rispett tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, setgħa diskrezzjonali li hija suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat u, – fl-affermattiv – sa fejn testendi din is-setgħa diskrezzjonali?”

18.

CM, TimePartner, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022, CM, TimePartner, il-Gvern Ġermaniż u dak Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni, għamlu trattazzjoni orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

A.   Ammissibbiltà

19.

CM tippreżenta li risposta għad-domandi kollha, b’mod partikolari l-ewwel waħda, ma tidhirx li hija neċessarja sabiex tassisti lill-qorti tar-rinviju tagħti sentenza fit-tilwima quddiemha. F’dan ir-rigward, CM tinnota li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema ma jagħmlux riferiment għall-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija”.

20.

Hija ġurisprudenza stabbilita li, fi proċeduri stabbiliti bl-Artikolu 267 TFUE, huwa biss għall-qorti nazzjonali li għandha t-tilwima quddiemha, u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala prinċipju, għandha tiddeċiedi ( 3 ).

21.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali għal deċiżjoni preliminari biss fejn huwa pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-fini tagħha; meta l-problema tkun ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex jitwieġbu b’mod utli d-domandi magħmula lilha ( 4 ). Il-ġustifikazzjoni ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija l-ħtieġa għas-soluzzjoni effettiva ta’ kawża ( 5 ).

22.

Il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) għandha pendenti quddiemha tilwima li fiha CM, ħaddiema temporanja permezz ta’ aġenzija, titlob kumpens għal ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni. B’riferiment għall-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, il-fatti kif deskritti fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jistabbilixxu li d-Direttiva 2008/104 tista’ tapplika għal din it-tilwima.

23.

Safejn il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija”, liema terminu, kif CM sewwa tinnota, ma jidhirx fil-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema, huwa evidenti mid-digriet tar-rinviju li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tinterpreta l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 2008/104 sabiex hija tassisti lill-qorti tar-rinviju tiddetermina kemm ftehim kollettiv jista’ jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni filwaqt li jħares il-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

24.

Kont meħud ta’ dan iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) fid-digriet tar-rinviju.

B.   L‑ewwel domanda

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) tistaqsi kif il-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi ddefinit, u, b’mod partikolari, jekk dan il-kunċett jinkludix iktar minbarra d-dispożizzjonijiet imperattivi dwar protezzjoni għal ħaddiema b’mod ġenerali taħt id-dritt nazzjonali u tal-Unjoni.

26.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jippermetti li ftehim kollettivi jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit bl-Artikolu 5(1) tagħha sakemm tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, id-direttiva ma tindikax il-kundizzjonijiet li taħthom jiġi ssodisfatt dan l-aħħar rekwiżit. Id-digriet tar-rinviju jiżvela l-eżistenza ta’żewġ linji ta’ ħsieb fost studjużi legali Ġermaniżi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Xi awturi huma tal-fehma li “protezzjoni ġenerali’ tirreferi għar-rekwiżiti statutorji ġenerali applikabbli għall-ħaddiema kollha, irrispettivament minn jekk humiex irreklutati direttament minn impriża utenti jew huma ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Awturi oħra jikkunsidraw li d-Direttiva 2008/104 tagħti lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija forma speċifika ta’ protezzjoni.

27.

CM targumenta li l-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema hija kuntrarja għall-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 sa fejn ma teżiġix li ftehim kollettivi jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Barra minn hekk, hija tissottometti li filwaqt li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jippermetti li ftehim kollettivi jistabbilixxu arranġamenti alternattivi li jikkonċernaw kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg, huwa ma jippermettix derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

28.

TimePartner tosserva li l-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104 tirrikonoxxi li l-imsieħba soċjali jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. L-Artikolu 5(3) ta’ din d-direttiva, għalhekk, jippermetti li ftehim kollettivi jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kemm għall-vantaġġ, kif ukoll għall-iżvantaġġ, ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

29.

Il-Gvern Ġermaniż jissottometti li d-Direttiva 2008/104 tfittex li tiżgura l-garanzija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u ħaddiema komparabbli rreklutati direttament minn impriżi utenti. Hija ma tistabbilixxix forma speċifika ta’ protezzjoni għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

30.

Il-Kummissjoni tiddikjara li t-terminu “il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 huwa relatat mal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li l-Artikolu 5(1) tagħha jagħmel riferiment għalihom. Din id-direttiva tfittex li tiżgura l-garanzija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija ma tfittixx li tagħti lil ħaddiema temporanji kundizzjonijiet aħjar minn dawk applikabbli għal ħaddiema komparabbli rreklutati direttament minn impriżi utenti. L-imsieħba soċjali jistgħu jipprevedu, permezz ta’ ftehim kollettiv, li ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jirċievu remunerazzjoni inqas minn ħaddiema komparabbli rreklutati direttament minn impriżi utenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji teżiġi li l-imsieħba soċjali jagħtu vantaġġi oħra lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li ma jingħatawx lil ħaddiema rreklutati direttament minn impriżi utenti.

31.

F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kuntest li fih jidhru u l-objettivi segwiti mir-regoli li huma jkunu jifformaw parti minnhom ( 6 ).

32.

L-ewwel, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jipprevedi espressament li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-imsieħba soċjali l-għażla li jikkonkludu ftehim kollettivi li jkollhom arranġamenti għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu ma jaqblux mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sakemm dawn il-ftehim kollettivi jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ dawn il-ħaddiema.

33.

It-tieni, il-kuntest li fih jidher l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 huwa wieħed fejn il-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li għalihom japplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkludi paga ( 7 ). L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/104 jikkunsidra wkoll li din id-direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jippromwovu jew li jippermettu ftehim kollettivi bejn l-imsieħba soċjali li huma iktar favorevoli għal ħaddiema.

34.

It-tielet, b’riferiment għall-premessi 10 u 12 u għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/104, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-direttiva hija intiża sabiex jiġi stabbilit qafas protettiv għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkun mhux diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li jħares id-diversità ta’ swieq tax-xogħol u relazzjonijiet industrijali ( 8 ).

35.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq li, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u titjieb il-kwalità ta’ xogħolhom, id-Direttiva 2008/104 tistabbilixxi prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament applikabbli għall-paga ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u għal ħaddiema rreklutati direttament mill-impriża utenti. Madankollu, il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva 2008/104 jipprevedu li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li jidderogaw, limitatament, minn dan il-prinċipju. F’dan il-kuntest, filwaqt li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/104 jipprevedi li l-imsieħba soċjali jistgħu jikkonkludu ftehim kollettivi li jkollhom kundizzjonijiet li huma iktar favorevoli għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ( 9 ), l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jippermetti wkoll ftehim kollettivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bla ħsara għar-rekwiżit li kull tali ftehim jiggarantixxi l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

36.

Il-kunċett ta’ “il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, għalhekk, jikkonsisti f’għażla li wieħed jidderoga minn prinċipju ġenerali, jiġifieri dak ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dispożizzjonijiet ta’ din in-natura għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 10 ).

37.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li qiegħda tfittex taċċerta l-kundizzjonijiet li taħthom, l-imsieħba soċjali jistgħu,, jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni b’detriment ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, permezz ta’ ftehim kollettiv magħmul skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, filwaqt li jiggarantixxu il-protezzjoni ġenerali tagħhom.

38.

Il-Kummissjoni annettiet mal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija datat Awwissu 2011 ( 11 ). Skont dan ir-rapport, meta msieħba soċjali jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’detriment ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija permezz ta’ ftehim kollettiv magħmul skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, dak il-ftehim kollettiv ma jistax jillimita ruħu li jistabbilixxi rata inqas ta’ paga iżda għandu jikkontrobilanċja dik ir-rata inqas ta’ paga b’dispożizzjonijiet oħra favorevoli lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ( 12 ). Huwa r-rekwiżit li jinħoloq tali bilanċ li jservi sabiex tiġi żgurata “il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija”. Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 li permezz tagħha l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mingħajr ma jipprevedu benefiċċji kumpensatorji korrispettivi xierqa għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija kkonċernati tkun tista’ xxejjen dan il-prinċipju minn kwalunkwe effett prattiku ( 13 ). Hija timmina wkoll l-effet utile tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/104, li jirrikonoxxi li d-direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi ( 14 ).

39.

Isegwi li kwalunkwe deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’detriment tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li tista’ tidher fi ftehim kollettiv għandha tiġi kkontrobilanċjata b’għotja ta’ vantaġġi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet bażiċi oħra ta’ xogħol u ta’ impjieg, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi osservat li l-paga hija kundizzjoni tant fundamentali ta’ impjieg li kwalunkwe deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-istandards l-iktar stretti. Barra minn hekk, deroga li tikkonċerna kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ma tistax tiġi kkontrobilanċjata permezz ta’ vantaġġi ta’ karattru anċillari. Permezz ta’ eżempju, deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni ma tistax tiġi kkumpensata b’mod xieraq b’rigali promozzjonali mingħand il-kumpannija (“merchandising”).

40.

Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, irrikonoxxut fil-premessa 12 tad-Direttiva 2008/104, kwalunkwe deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’detriment għal kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg għandha tkun proporzjonata għal tali vantaġġi kumpensatorji li jistgħu jingħataw ( 15 ). Pereżempju, tnaqqis ta’ 50 % fir-rata ta’ paga annwali ma jistax jiġi kkumpensat billi jingħata jum addizzjonali ta’ leave annwali. Għalkemm paga u btajjel huma kundizzjonijiet bażiċi ta’ impjieg, tali deroga relatata ma’ paga qisha tidher li tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-valur tal-vantaġġ kumpensatorju.

41.

B’riferiment għal dan li ntqal iktar ’il fuq jista’, fil-prattika, ikun diffiċli għall-imsieħba soċjali li jkunu jistgħu jistrieħu fuq id-derogi ffaċilitati bl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104. Irrid nosserva biss li tali riżultat huwa l-konsegwenza loġika meta jiġi stabbilit prinċipju wiesa’ ta’ ugwaljanza fit-trattament permezz ta’ leġiżlazzjoni flimkien ma’ għadd neċessarjament limitat ta’ eċċezzjonijiet.

42.

Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat b’mod li l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu, permezz ta’ ftehim kollettiv, jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni b’detriment ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, sakemm tali ftehim kollettivi jagħtu benefiċċji kumpensatorji proporzjonati fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali tagħhom.

C.   It‑tieni domanda

43.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat li jfisser li konformità mal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandha tiġi evalwata b’riferiment għal ftehim kollettiv fl-astratt jew b’paragun konkret tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli lil ħaddiema komparabbli rreklutati direttament minn impriżi utenti. Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat li jfisser li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà jikkonkludu ftehim kollettivi li jikkonċernaw ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkollhom kuntratt għal żmien determinat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.

44.

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni domanda, CM, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, tissottometti li l-garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandha tiġi evalwata b’paragun mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ dawn il-ħaddiema ma’ dawk applikabbli għal ħaddiema komparabbli li jiġu rreklutati direttament mill-impriża utenti.

45.

TimePartner, bl-appoġġ tal-Gvern Ġermaniż, tikkunsidra li l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandha tiġi evalwata abbażi ta’ eżami ġenerali tat-termini tal-ftehim kollettiv inkwistjoni.

46.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 jipprovdi li, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien tal-assenjazzjoni tagħhom fl-impriża utenti, “ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg”. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit hemmhekk jesprimi l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jinġiebu eqreb ta’ dawk li jirregolaw “relazzjonijiet normali ta’ impjieg” ( 16 ).

47.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jipprovdi li, jekk u meta l-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehim kollettivi li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li “jkunu differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1” tal-istess artikolu, huma għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

48.

Jirriżulta mit-test, mill-objettiv u mill-kuntest tal-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 2008/104 li ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija huma intitolati għall-istess kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li jkollhom japplikaw kieku l-impriża utenti kienet irreklutathom direttament. Dan jeżiġi paragun tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija abbażi tal-ftehim kollettiv, inkluża remunerazzjoni, ma’ dawk applikabbli fl-impriża utenti ( 17 ). Dan il-paragun għandu jsir b’riferiment għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għal kull waħda minn dawk iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiem. Jekk l-imsieħba soċjali jagħmlu użu mill-possibbiltà mogħtija mid-dritt nazzjonali li jidderogaw mill-kundizzjonijiet applikabbli lil ħaddiema fl-impriża utenti skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, dak il-ftehim kollettiv għandu jagħti benefiċċji kumpensatorji oħra lil dawn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li ma humiex disponibbli għal ħaddiema rreklutati direttament mill-impriża utenti, sabiex b’hekk tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

49.

Dwar it-tieni parti tat-tieni domanda, CM targumenta li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 ma jippermettix ftehim kollettivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-paga ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkollhom kuntratt għal żmien determinat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju. CM tikkontendi li jistgħu jiġu adottati derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni abbażi biss tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/104, li jeżiġi l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.

50.

TimePartner, bl-appoġġ tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni, tissottometti li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jippermetti li l-Istati Membri jagħtu lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà jikkonkludu ftehim kollettivi li jikkonċernaw ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija irrispettivament minn jekk dawn ikollhomx kuntratt għal żmien determinat jew kuntratt għal żmien indeterminat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.

51.

It-tieni parti tat-tieni domanda tispira tliet osservazzjonijiet min-naħa tiegħi.

52.

L-ewwel, kuntrarju għall-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/104, l-Artikolu 5(3) tagħha ma jgħidx li l-possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hija limitata għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkollhom kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.

53.

It-tieni, filwaqt li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/104 jippermetti li l-Istati Membri jipprevedu ċerti derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-Artikolu 5(3) tagħha jagħti lill-Istati Membri permess sabiex iħallu l-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehim kollettivi li jkollhom dispożizzjonijiet li jidderogaw minn dan il-prinċipju.

54.

It-tielet, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/104 jidher li jistrieħ fuq il-premessa li derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni jistgħu jiġu ġġustifikati fil-każ ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkollhom kuntratt għal żmien indeterminat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju sakemm huma jibqgħu jitħallsu fil-perijodu bejn assenjazzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jeżiġi li ftehim kollettivi jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Kif il-punti 38 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet jispjegaw, tali ftehim kolletivi għandhom jagħtu vantaġġi kumpensatorji lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija bħala kumpens għall-iżvantaġġi li jsofru bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-loġika li fuqha huwa mibni l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, li hija differenti minn dik tal-Artikolu 5(2) tagħha, tista’ tapplika għal ħaddiema irrispettivament min-natura tal-kuntratt ta’ impjieg tagħhom ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju. Ma hemmx, għalhekk, raġuni għaliex ħaddiema li jkollhom kuntratt għal żmien determinat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104.

55.

Fid-dawl ta’ dan iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju billi tintrepreta l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 bħala li jfisser li:

garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandha tiġi evalwata b’paragun tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ma’ dawk applikabbli għal ħaddiema komparabbli rreklutati direttament mill-impriża utenti;

l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà jikkonkludi ftehim kollettivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jikkonċernaw ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkollhom kuntratt għal żmien determinat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.

D.   It‑tielet u r‑raba’ domanda

56.

It-tielet u r-raba’ domanda t-tnejn jikkonċernaw l-obbligu fuq l-Istati Membri li jittrasponu r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 fid-dritt nazzjonali meta jużaw il-possibbiltà li jippermettu lill-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehim kollettivi għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 5(1) tagħha. Peress li r-risposta għar-raba’ domanda tiddependi mir-risposta għat-tielet domanda, nipproponi li nindirizza dawn iż-żewġ domandi flimkien.

57.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li Stat Membru jagħmel użu mill-għażla pprovduta bl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tistabbilixxi kriterji jew kundizzjonijiet iddettaljati li ftehim kollettivi magħmula skontha għandhom ikunu konformi magħhom sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) titlob gwida sabiex hija tkun tista’ tevalwa jekk il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema tiżgurax protezzjoni ġenerali suffiċjenti għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jkun żgurat permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi s-segwenti: paga minima għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija; perijodu massimu ta’ assenjazzjoni lill-istess impriża utenti; limitu ta’ żmien għad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni; ftehim kollettivi li ma jkunux japplikaw għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li kienu impjegati direttament mill-impriża utenti jew minn impriża li kienet tifforma parti mill-istess grupp fis-sitt xhur ta’ qabel l-assenjazzjoni; l-obbligu li ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jingħataw aċċess għal faċilitajiet jew servizzi (indukrar ta’ tfal, catering kollettiv u trasport) offruti lil ħaddiema impjegati direttament mill-impriża utenti, u r-rekwiżit li l-assenjazzjoni tkun “temporanja” mingħajr speċifikazzjoni ulterjuri.

58.

CM tissottometti li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jeżiġi li leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi kriterji jew kundizzjonijiet li ftehim kollettivi għandhom ikunu konformi magħhom sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Hija tissuġġerixxi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali deskritta fid-digriet tar-rinviju ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

59.

Għall-kuntrarju, TimePartner, bl-appoġġ tal-Gvern Ġermaniż, hija tal-fehma li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 ma jeżiġix li l-Istati Membri jistabbilixxu kwalunkwe kriterju jew kundizzjoni speċifika li ftehim kollettivi għandhom ikunu konformi magħhom sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji. TimePartner tikkunsidra li l-Istati Membri jistgħu jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-imsieħba soċjali skont l-awtonomija ta’ dawn tal-aħħar li jikkonkludu ftehim kollettivi.

60.

Il-Gvern Ġermaniż jissottometti li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 impliċitament jirrikonoxxi preżunzjoni li ftehim kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali li għandhom setgħa ta’ negozjar kollettiva huma ġusti. Il-Gvern Ġermaniż jikkontendi wkoll li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jeżiġi li ftehim kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż imsemmija fid-digriet tar-rinviju jiżguraw il-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

61.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta jagħtu lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 li jikkonkludu ftehim kollettivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-Istati Membri għandhom jittrasponu rekwiżit li permezz tiegħu tali ftehim kollettivi għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Il-Kummissjoni tosserva li, peress li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma teżiġix li derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġu kkumpensati b’vantaġġi oħra mogħtija lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija tistax tiġi żgurata billi d-dritt nazzjonali jiġi interpretat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

62.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva għandha tkun vinkolanti, dwar ir-riżultat li jkollu jinkiseb, fuq kull Stat Membru li lilu tiġi indirizzata, iżda għandha tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-għażla ta’ forma u metodi. Filwaqt li din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri li jagħżlu l-modi u l-mezzi sabiex jiżguraw li direttiva tiġi implimentata, din il-libertà ma taffettwax l-obbligu fuq l-Istati Membri li lilhom tiġi indirizzata d-direttiva li jadottaw, fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li d-direttiva tkun effettiva b’mod sħiħ, f’konformità mal-objettivi segwiti permezz tagħha ( 18 ).

63.

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jistgħu jħallu l-implimentazzjoni ta’ għanijiet ta’ politika soċjali indikati minn direttiva fil-qasam tal-politika soċjali lil korpi maniġerjali u industrijali fl-ewwel lok ( 19 ). Din il-possibbiltà ma teħlisx lill-Istati Membri mill-obbligu li jiżguraw, b’liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi adatti, li l-ħaddiema kollha jingħataw il-protezzjoni fil-milja tagħha pprovduta mid-direttiva inkwistjoni ( 20 ).

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li n-natura ta’ miżuri meħuda permezz ta’ ftehim kollettivi hija differenti minn dawk adottati permezz ta’ leġiżlazzjoni jew regolament nazzjonali fis-sens li l-preżunzjoni hija li l-imsieħba soċjali, meta jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom ta’ negozjar kollettiv irrikonoxxut mill-Artikolu 28 tal-Karta, ikunu ħadu ħsieb li joħolqu bilanċ bejn l-interessi rispettivi tagħhom ( 21 ).

65.

Meta l-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar kollettiv ipproklamat fl-Artikolu 28 tal-Karta jkun irregolat mid-dritt tal-Unjoni, dan l-eżerċizzju għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tiegħu ( 22 ). Għalhekk, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tawtorizza n-negozjar ta’ ftehim kollettiv f’qasam kopert minn direttiva, il-ftehim kollettiv li jirriżulta minn hemm għandu jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u ma’ dik id-direttiva b’mod partikolari ( 23 ). Isegwi li meta l-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehim kollettivi li jkunu tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 huma għandhom jiggarantixxu d-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva ( 24 ).

66.

Meta l-Istati Membri jagħtu lill-imsieħba soċjali għażla li jikkonkludu ftehim kollettivi li jkunu jistgħu jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jeżiġi li dawn tal-ewwel jiżguraw li dawn tal-aħħar jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Isegwi li, għalkemm il-kunċett ta’ protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandu jiġi ttrasportat fid-dritt nazzjonali, dan l-obbligu ma jeżiġix neċessarjament li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet iddettaljati li jistabbilixxu l-kriterji jew il-kundizzjonijiet li tali ftehim kollettivi għandhom jikkonformaw ruħhom magħhom. Dan l-approċċ huwa sostnut kemm fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ).

67.

Il-qorti tar-rinviju għandha, għalhekk, tinterpreta d-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema, fid-dawl tat-test tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 sabiex jinkiseb riżultat li jkun konsistenti mal-objettiv li din id-dispożizzjoni ssegwi ( 26 ), jiġifieri l-garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Din l-interpretazzjoni hija suġġetta għall-konformità mal-limiti rrikonoxxuti dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari li d-dritt nazzjonali ma jiġix interpretat contra legem ( 27 ).

68.

Jidher mid-digriet tar-rinviju li l-leġiżlazzjoni applikabbli Ġermaniża tinkludi dispożizzjonijiet, deskritti fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jillimitaw il-kapaċità tal-imsieħba soċjali li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Filwaqt li din hija kwistjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, u anki jekk dawk id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux espliċitament li l-imsieħba soċjali jiżguraw li kwalunkwe deroga tiġi kkumpensata permezz ta’ vantaġġi oħra mogħtija lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema ma tidhirx li hija ta’ ostakolu biex jinbdew ftehim kollettivi li jistgħu jkollhom bilanċ xieraq.

69.

Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet u r-raba’ domanda fis-sens li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat li jfisser li meta Stat Membru jagħti lill-imsieħba soċjali l-għażla li jikkonkludu ftehim kollettivi li jistabbilixxu arranġamenti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jkollhiex bżonn tippreskrivi kundizzjonijiet u kriterji ddettaljati li l-imsieħba soċjali għandhom ikunu konformi magħhom, sakemm ikun żgurat il-garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

E.   Il‑ħames domanda

70.

Permezz tal-ħames domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ftehim kollettivi konklużi mal-imsieħba soċjali jistgħux ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minn qrati nazzjonali u, jekk huwa hekk, sa fejn dawn il-qrati jistgħu jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni sabiex jiżguraw li dawn il-ftehim kollettivi jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija kif jeżiġi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104.

71.

CM tissottometti li din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva.

72.

TimePartner u l-Gvern Ġermaniż jinnotaw li, skont id-dritt Ġermaniż, ftehim kollettivi jgawdu minn preżunzjoni li hija ġusta li permezz tagħha huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju limitat. Dan l-approċċ huwa sostnut mill-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104 u mill-Artikolu 28 tal-Karta.

73.

Il-Kummissjoni tissottometti li, meta hija tinterpreta d-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ tasal għall-konklużjoni li l-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema teżiġi li ftehim kollettivi jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. F’dan il-każ il-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni tistħarreġ il-kwistjoni dwar jekk ftehim kollettiv jissodisafx dan ir-rekwiżit.

74.

F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilità l-imsieħba soċjali jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi u fl-adozzjoni ta’ miżuri li jkunu jistgħu jiksbuh ( 28 ). Madankollu, kif jingħad fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta l-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar kollettiv iddikjarat fl-Artikolu 28 tal-Karta huwa rregolat mid-dritt tal-Unjoni, dan l-eżerċizzju għandu jkun konformi ma’ dawk id-dispożizzjonijiet ( 29 ) Għaldaqstant, meta l-imsieħba soċjali jadottaw miżuri li huma tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 huma għandhom jiggarantixxu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

75.

F’diversi okkażjonijiet il-qorti tal-Ġustizzja rriteniet li klawżola inkluża fi ftehim kollettiv tkun kuntrarja għal dispożizzjonijiet ta’ direttivi tal-Unjoni ( 30 ). Skont il-ġurisprudenza jkun inkompatibbli man-natura proprja tad-dritt tal-Unjoni jekk qorti li jkollha ġurisdizzjoni tapplika dan id-dritt tiġi prekluża, fil-mument stess meta tkun ipprovat tagħmel hekk, milli tkun tista’ tieħu l-passi neċessarji kollha sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv li jkunu jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni ( 31 ).

76.

Kif jidher mill-punti 66 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, permezz tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, meta l-Istati Membri jagħtu lill-imsieħba soċjali għażla li jikkonkludu ftehim kollettivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dawn tal-ewwel għandhom jeżiġu li dawn tal-aħħar jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

77.

Il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema tittrasponi fid-dritt Ġermaniż il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hemm fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104. Peress li derogi skont il-liġi minn dan il-prinċipju huma fakultattivi, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-Istati Membri jittrasponuhom fil-liġijiet domestiċi tagħhom ( 32 ). Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jidderogaw minn dispożizzjonijiet ta’ direttiva, din id-diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata b’mod konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, li jinkludi sitwazzjonijiet li fihom dawn id-derogi jiġu introdotti permezz ta’ ftehim kollettivi ( 33 ).

78.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, sabiex tissodisfa l-obbligi li joriġinaw mill-Artikolu 288 TFUE, il-qorti tar-rinviju jeħtiġilha tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiżgura li d-Direttiva 2008/104 tkun effettiva kompletament, minkejja li dan il-prinċipju ma jistax iservi bħala l-bażi għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali contra legem ( 34 ).

79.

L-obbligu għall-qorti tar-rinviju jinkludi l-verifika jekk ftehim kollettivi li jintroduċu derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiżgurawx il-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija billi jagħtu ċerti vantaġġi lil tali ħaddiema bħala kumpens skont il-liġi għal kwalunkwe deroga minn dan il-prinċipju. Għalkemm l-imsieħba soċjali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex joħolqu bilanċ bejn tali derogi u l-vantaġġi kumpensatorji mogħtija lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, il-qorti tar-rinviju għandha tkun tista’ tevalwa jekk l-imsieħba soċjali jkunux fil-fatt ħolqu dan il-bilanċ. Minkejja l-garanzija meħtieġ tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-imsieħba soċjali, ma hemmx preżunzjoni li ftehim kollettivi huma konformi mad-dritt tal-Unjoni.

80.

Fl-aħħar, irrid nosserva li, kuntrarju għal dak li l-qorti tar-rinviju tidher li tassumi, il-ħames domanda għandha tingħata risposta irrispettivament mir-risposta għat-tielet domanda peress li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 74 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija l-funzjoni ta’ qrati nazzjonali li jiżguraw il-kompatibbiltà ta’ ftehim kollettivi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-Direttiva 2008/104.

81.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju fis-sens li ftehim kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minn qrati nazzjonali sabiex jiġi żgurat li tali ftehim kollettivi jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija rikjesta bl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104.

V. Konklużjoni

82.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandu jiġi interpretat li jfisser li l-imsieħba soċjali jistgħu, permezz ta’ ftehim kollettiv, jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni b’detriment ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, sakemm tali ftehim kollettivi jkunu jagħtu benefiċċji kumpensatorji proporzjonati fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ġenerali tagħhom.

(2)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat li jfisser li

garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandha tiġi evalwata b’paragun tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ma’ dawk applikabbli għal ħaddiema komparabbli rreklutati direttament mill-impriża utenti;

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà jikkonkludu ftehim kollettivi li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament dwar ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jkollhom kuntratt għal żmien determinat ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.

(3)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat li jfisser li meta Stat Membru jagħti lill-imsieħba soċjali l-għażla li jikkonkludu ftehim kollettivi li jistabbilixxu arranġamenti dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex rikjesta tippreskrivi kundizzjonijiet u kriterji ddettaljati li l-imsieħba soċjali għandhom jikkonformaw magħhom, sakemm ikun żgura l-garanzija tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

(4)

Ftehim kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minn qrati nazzjonali sabiex jiġi żgurat li tali ftehim kollettivi jiggarantixxu l-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija rikjest mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2008, L 327, p. 9.

( 3 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Ibid., punt 37.

( 5 ) Ibid., punt 38.

( 6 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Ruben Andersen (C‑306/07, EU:C:2008:743, punt 40), u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Artikolu 3(1)(f)(ii) tad-Direttiva 2008/104.

( 8 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 40).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 41) u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punti 33106).

( 10 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 89); tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et (C‑227/09, EU:C:2010:624, punt 58) u tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punti 5672). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Luso Temp (C‑426/20, EU:C:2021:995, punt 62).

( 11 ) Ippubblikat fil-websajt tal-Kummisssjoni fuq https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6998&langId=en.

( 12 ) Ibid., f’paġna 24.

( 13 ) Skont ir-Rapport mingħand il-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija tal‑21 ta’ Marzu 2014 (COM(2014) 176 final, p. 19), kemm wieħed jista’ jistrieħ fuq ċerti derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament seta’ wassal għal sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 ma kellha ebda effett reali sabiex titjieb il-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 41) u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 33).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 7072).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punti 5152).

( 17 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp (C‑426/20, EU:C:2022:373, punt 50).

( 18 ) Sentenzi tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 15) u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 94).

( 19 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Andersen (C‑306/07, EU:C:2008:743, punt 25); tal‑11 ta’ Frar 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑405/08, EU:C:2010:69, punt 39) u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 108).

( 20 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑405/08, EU:C:2010:69, punt 40) u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 109). Ara wkoll l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/104, li jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa li jippermettulhom jiggarantixxu f’kull ħin li l-objettivi ta’ din id-Direttiva jintlaħqu”.

( 21 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi (C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 68).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 67); tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 47); tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 50) u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi (C-312/17, EU:C:2018:734, punt 69).

( 23 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 46).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 48); tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C-267/12, EU:C:2013:823, punt 27) u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi (C-312/17, EU:C:2018:734, punt 70). Ara wkoll il-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104, li tgħid li, għalkemm din id-direttiva ma taffettwax l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, u lanqas m’għandha taffettwa r-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, id-dritt ta’ negozjar u li jiġu konklużi ftehim kollettivi għandu jiġi eżerċitat “filwaqt li tiġi rispettata l-liġi [tal-Unjoni] prevalenti”.

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punti 55 sa 57), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki għalkemm l-assenjazzjoni għandha tkun temporanja min-natura tagħha, l-Istati Membri ma humiex obbligati jistabbilixxu fil-leġiżlazzjoni tul ta’ żmien massimu għall-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lil impriżi utenti skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104. Qrati nazzjonali jistgħu jipprovdu għal tali tul ta’ żmien massimu fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan is-sens. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Ruben Andersen (C‑306/07, EU:C:2008:743, punti 52 sa 54).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 65) u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 76).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 66) u tas‑17 ta’ Marzu 2022, Daimler (C‑232/20, EU:C:2022:196, punt 77).

( 28 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt biss li d-dritt tal-Unjoni jista’ jipprekludi klawżola inkluża fi ftehim kollettiv fih innifsu ma jmurx kontra d-dritt ta’ negozjar u li jintlaħqu ftehim kollettivi rrikonoxxuti mill-Artikolu 28 tal-Karta (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai, C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 78).

( 30 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 78); tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 83); tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 47); tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi (C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 79) u tat‑13 ta’ Jannar 2022, Koch Personaldienstleistungen (C‑514/20, EU:C:2022:19, punt 46).

( 31 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1991, Nimz (C‑184/89, EU:C:1991:50, punt 20).

( 32 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et (C‑227/09, EU:C:2010:624, punt 51).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et (C‑227/09, EU:C:2010:624, punt 55).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punti 6566).