KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑212/21 P u C‑223/21 P
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (C‑212/21 P)
u
Il-Kummissjoni Ewropea (C‑223/21 P)
vs
ClientEarth
“Appell – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Regolament Nru 1367/2006 – Eżami mill-ġdid ta’ atti amministrattivi fil-qasam tad-dritt ambjentali – Bank Ewropew tal-Investiment – Għoti ta’ kreditu – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni Ewropea”
I. Introduzzjoni
|
1. |
L-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent jistgħu joġġezzjonaw għall-għoti ta’ krediti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) abbażi ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi ambjentali? Dan huwa d-dibattitu f’dan l-appell. |
|
2. |
Sabiex timplimenta l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 2 ), l-Unjoni Ewropea ħolqot proċedura ta’ eżami mill-ġdid bl-hekk imsejjaħ Regolament ta’ Aarhus ( 3 ), li permezz tagħha, b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent jistgħu jilmentaw dwar il-ksur tar-regoli tad-dritt ambjentali tal-Unjoni mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni. |
|
3. |
ClientEarth, NGO fil-qasam tal-ambjent, talbet, fuq din il-bażi, lill-BEI jirrevedi r-riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI li tawtorizza l-finanzjament ta’ impjant li jipproduċi l-enerġija mill-bijomassa fi Spanja (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni kontenzjuża”). Madankollu, il-BEI rrifjuta li jwettaq l-eżami mill-ġdid minħabba li r-riżoluzzjoni kontenzjuża ma hijiex att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali b’effetti esterni legalment vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”). |
|
4. |
Fis-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, ClientEarth vs BEI (T‑9/19, EU:T:2021:42) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għall-eżami tal-motivazzjoni tal-ittra kontenzjuża. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-argument tal-BEI li t-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni kontenzjuża hija wkoll inammissibbli minħabba li hija inkompatibbli mal-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument mingħajr eżami fil-mertu minħabba li ma kienx jinsab f’din il-motivazzjoni. |
|
5. |
Madankollu, dan l-aħħar argument tal-BEI għandu jiġi eżaminat ex officio peress li jaffettwa l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din it-tilwima. Barra minn hekk, għandhom jiġu eżaminati l-kritiki fformulati kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni tal-ittra kontenzjuża. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Il‑Konvenzjoni ta’ Aarhus
|
6. |
L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li l-Partijiet Kontraenti għandhom jagħtu aċċess lill-membri tal-pubbliku għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent. Konformement mal-Artikolu 9(4), dawn il-proċeduri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja adegwata u effettiva u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u rapidi, mingħajr ma jinvolvu spejjeż projbittivi. |
B. Ir‑Regolament ta’ Aarhus
|
7. |
Ir-Regolament ta’ Aarhus jimplimenta, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-istituzzjonijiet jew għall-korpi tal-Unjoni. |
|
8. |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Aarhus jiddefinixxi diversi kunċetti: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
[…]” |
|
9. |
L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus jipprevedi proċedura ta’ reviżjoni interna: “1. Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att. […] It-talba għandha tinkludi r-raġunijiet għar-reviżjoni. 2. L-istituzzjoni jew il-korp tal-[Unjoni] imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkunsidraw kull talba bħal din […] L-istituzzjoni jew korp tal-Komunità għandhom jagħtu r-raġunijiet tagħhom f’risposta bil-miktub […] […]” |
|
10. |
L-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Aarhus jirreferi għall-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni: “L-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba għal reviżjoni interna skond l-Artikolu 10 tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat.” |
|
11. |
Il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid hija spjegata fil-premessi 19 sa 21 tar-Regolament ta’ Aarhus:
|
C. Dispożizzjonijiet speċjali relatati mal‑BEI
|
12. |
L-Artikolu 271 TFUE jipprevedi regoli speċifiċi dwar il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-BEI: “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha, fil-limiti indikati aktar ’il quddiem, kompetenza f’kawżi li jirrigwardaw: […]
[…]” |
|
13. |
Skont l-Artikolu 308 TFUE, il-BEI għandu personalità ġuridika distinta mill-Unjoni. Huwa amministrat mill-korpi tiegħu stess. Huwa għandu riżorsi u baġit tiegħu. |
|
14. |
L-Artikolu 309 TFUE jiddefinixxi l-missjoni tal-BEI kif ġej: “Il-kompitu tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu jkun li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-suq kapitali u bill jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu proprji, għall-iżvillupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess ta’ l-Unjoni. Għal dan l-għan il-Bank, li jopera mingħajr ma jfittex il-profitt, għandu jislef u jagħti garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta’ l-proġetti li ġejjin fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija:
Biex jagħmel dan, il-Bank għandu jiffaċilita l-finanzjament ta’ programmi ta’ investiment konġuntement ma’ assistenza minn Fondi strutturali u strumenti finanzjarji oħra ta’ l-Unjoni.” |
|
15. |
L-Istatut tal-BEI huwa stabbilit fil-Protokoll Nru 5 anness mat-Trattati UE u FUE. |
|
16. |
Skont l-Artikolu 9(1) tal-Istatut tal-BEI, il-Bord tad-Diretturi għandu jassigura li l-Bank jitmexxa sewwa u għandu jassigura li l-Bank jitmexxa skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Istatut u skont id-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi. Huwa għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ finanzjament u għandu jiffissa r-rati ta’ interessi. |
|
17. |
L-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI jistabbilixxi diversi rekwiżiti proċedurali: “[…] 2. Applikazzjonijiet magħmula permezz tal-Kummissjoni għandhom jiġu preżentati għall-opinjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-investiment ikun sejjer jitwettaq. Applikazzjonijiet magħmula permezz ta’ Stat Membru għandhom jiġu preżentati lill-Kummissjoni għal opinjoni. Applikazzjonijiet magħmula direttament minn impriża għandhom jiġu preżentati lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn. Jekk ma jirċievi l-ebda tweġiba f’dan il-perjodu, il-Bank jista’ jassumi li ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal proġett in kwistjoni. 3. Il-Bord tad-Diretturi għandu jirregola fuq operazzjonijiet ta’ finanzjament preżentati lilu mill-Kumitat ta’ Tmexxija. […] 5. Meta l-Kumitat ta’ Tmexxija jagħti opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament konċernat sakemm ir-riżoluzzjoni tiegħu ma tkunx unanima. 6. Meta l-Kummissjoni tagħti opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament konċernat sakemm ir-riżoluzzjoni tiegħu ma tkunx unanima, u d-direttur innominat mill-Kummissjoni jastjeni. 7. Meta kemm il-Kumitat ta’ Tmexxija kif ukoll il-Kummissjoni jagħtu opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament. […]” |
|
18. |
L-Artikolu 27(1) tal-Istatut tal-BEI jirregola l-ġurisdizzjoni: “Kwestjonijiet bejn il-Bank minn naħa waħda, u l-kredituri tiegħu, id-debituri jew xi persuna oħra minn naħa l-oħra, għandhom jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, ħlief meta l-ġurisdizzjoni tkun għaddiet lill-Qorti ta’ Ġustizja ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Bank, f’kuntratt, jista’ jipprevedi proċedura ta’ arbitraġġ. […]” |
|
19. |
Id-Dikjarazzjoni tal-prinċipji u tal-istandards fil-qasam soċjali u ambjentali tal-BEI, approvata mill-Bord tad-Diretturi fit‑3 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tal‑2009”), u l-istrateġija ta’ azzjoni għall-klima, intiża għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, adottata mill-BEI fit‑22 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem l-“Istrateġija dwar il-klima”), jiddefinixxu l-għanijiet tal-attività ta’ self u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-proġetti li jirrigwardaw l-ambjent. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent mill-proġetti ffinanzjati. |
III. Il‑fatti
|
20. |
Il-finanzjament kontenzjuż jikkonċerna proġett ta’ kostruzzjoni ta’ impjant għall-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa fil-komun ta’ Curtis (Teixeiro), fil-provinċja ta’ La Coruña, f’Galicia (Spanja), b’qawwa tal-elettriku ta’ madwar 50 megawatt, li juża skart li ġej mis-silvikultura miġbur f’raġġ ta’ 100 km (iktar ’il quddiem il-“proġett Curtis”). |
|
21. |
Wara diversi stadji proċedurali, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI, permezz tar-riżoluzzjoni kontenzjuża tat‑12 ta’ April 2018, approva l-proposta ta’ finanzjament fil-forma ta’ self. |
|
22. |
Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2018, il-BEI informa lill-promotur bir-riżoluzzjoni kontenzjuża, filwaqt li semma li l-approvazzjoni preliminari tal-finanzjament tal-proġett Curtis ma kienet toħloq ebda obbligu fuq il-BEI li jagħti s-self, iżda kienet tippermetti lill-promotur jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-formalizzazzjoni tal-imsemmi self. |
|
23. |
Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, ir-riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-BEI. |
|
24. |
Id-dettalji tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament tal-proġett Curtis ġew innegozjati bejn il-promotur u d-diversi kredituri, li kienu, minbarra l-BEI, bank kummerċjali, aġenzija ta’ kreditu għall-esportazzjoni, bank nazzjonali ta’ promozzjoni ekonomika u persuna li ssellef bil-possibbiltà li tikkonverti l-kreditu f’ishma. Ladarba ġew miftiehma l-arranġamenti definittivi bejn il-partijiet kollha u tlestew id-diversi rapporti ta’ verifika, ir-riżultat tan-negozjati u tal-proċedura ta’ verifika ġie ppreżentat lill-Kumitat ta’ Tmexxija f’nota finali approvata minn dan tal-aħħar fis‑16 ta’ Lulju 2018. |
|
25. |
Fit‑23 ta’ Lulju 2018, is-servizzi tal-BEI ffirmaw ftehim intern dwar il-modalitajiet tal-kuntratt ta’ finanzjament tal-proġett Curtis. Id-dokumentazzjoni kuntrattwali relatata miegħu ġiet iffirmata fil‑25 ta’ Lulju 2018. |
|
26. |
L-ewwel ħlas marbut mal-finanzjament tal-BEI sar fid‑29 ta’ Awwissu 2018. Kien previst li l-kostruzzjoni tal-proġett Curtis titlesta qabel l-aħħar tas-sena 2019. Kif indika l-BEI waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, l-eżekuzzjoni tal-proġett Curtis baqgħet għaddejja normalment minn dak iż-żmien. |
|
27. |
Fid‑9 ta’ Awwissu 2018, ClientEarth ressqet talba lill-BEI għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
28. |
Permezz tal-ittra kontenzjuża tat‑30 ta’ Ottubru 2018, iffirmata mis-Segretarja Ġenerali tiegħu u mill-Assistent Kap tas-Servizz Ġuridiku tiegħu, il-BEI informa lil ClientEarth biċ-ċaħda tat-talba. Skont il-BEI, din it-talba hija inammissibbli minħabba li ma kinitx tirrigwarda att li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid intern, jiġifieri “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
29. |
Fl-ittra kontenzjuża, il-BEI sostna, l-ewwel, li r-riżoluzzjoni kontenzjuża ma għandhiex effett estern legalment vinkolanti u ma tistax toħloq drittijiet għal terzi. Dan huwa biss att intern, fis-sens tal-Artikoli 9 u 19 tal-Istatut tal-BEI, indispensabbli għall-iffirmar tal-kuntratt ta’ finanzjament korrispondenti. Madankollu, hija ma kinitx ser twassal neċessarjament għal dan l-iffirmar u ma toħloqx dritt għad-destinatarju li jitlob l-iffirmar. Ir-riżoluzzjoni kontenzjuża ma tistax titqabbel ma’ deċiżjoni ta’ għoti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi peress li ma ġietx adottata fil-kuntest ta’ proċedura rregolata mid-dritt tal-kuntratti pubbliċi jew, għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura paragunabbli. Għall-kuntrarju, din l-ittra taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni kummerċjali u politika mogħtija lill-BEI mit-Trattati u mill-Istatut tiegħu. |
|
30. |
It-tieni, ir-riżoluzzjoni kontenzjuża ma ġietx adottata taħt “liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
31. |
It-tielet, l-ittra kontenzjuża tirrispondi għall-argument li l-BEI ntrabat li jippromwovi għanijiet ambjentali fil-kuntest tal-użu tal-fondi proprji tiegħu. Tali impenn ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-finanzjament tal-proġett Curtis jew kull finanzjament ieħor ta’ proġett jiġi approvat mill-BEI, ipso facto, abbażi tad-dritt ambjentali tal-Unjoni. Dan ir-raġunament għandu l-effett li jestendi artifiċjalment il-limiti tad-“dritt tal-Unjoni” lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Aarhus, b’mod li huwa inkompatibbli mal-funzjoni istituzzjonali u mal-missjoni statutorja tal-BEI. |
IV. Il‑proċedura ġudizzjarja
|
32. |
ClientEarth ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-ittra kontenzjuża. Il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, wieġeb għal dan ir-rikors. |
|
33. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat l-ittra kontenzjuża. |
|
34. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ċaħdet bħala inammissibbli l-motiv ta’ difiża bbażat fuq l-argument li t-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni kontenzjuża kienet inammissibbli minħabba li ma kinitx kompatibbli mal-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja tiegħu. Dan l-argument ġie invokat, fl-ittra kontenzjuża, b’mod “vag u ġenerali” biss, bħala element ta’ motivazzjoni dwar ir-raġuni għaliex ir-riżoluzzjoni kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att amministrattiv (b’mod partikolari l-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata). |
|
35. |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-BEI ċaħad b’mod żbaljat li r-riżoluzzjoni kontenzjuża kellha natura ambjentali (punti 117 et seq. tas-sentenza appellata) u li kellha wkoll effett legalment vinkolanti u estern (punti 149 et seq. tas-sentenza appellata) |
|
36. |
Il-BEI (Kawża C‑212/21 P) u l-Kummissjoni (Kawża C‑223/21 P) ippreżentaw appelli. |
|
37. |
Il-BEI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
38. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
39. |
ClientEarth titlob, għall-kuntrarju, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
40. |
Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u pparteċipaw fis-seduta li nżammet fl‑20 ta’ Ottubru 2022. |
V. L‑analiżi ġuridika
|
41. |
Għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, l-argument tal-BEI u tal-Kummissjoni li jgħid li stħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI dwar l-għoti ta’ krediti jaqa’ kważi totalment barra mill-istħarriġ ġudizzjarju u għalhekk f’dan il-każ ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-parti A). Sussegwentement, ser neżamina jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta ddeċidiet li r-riżoluzzjoni kontenzjuża tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI kienet att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali (il-parti B). |
A. Il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
42. |
Il-BEI u l-Kummissjoni joġġezzjonaw bil-qawwa għall-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 86 sa 92 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti tagħhom dwar il-funzjoni u r-rwol tal-BEI stabbiliti fid-dritt primarju bħala estensjoni inammissibbli tal-motivazzjoni tal-ittra kontenzjuża. |
|
43. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni inkluża fl-ittra kontenzjuża ma kinitx tinkludi espożizzjoni awtonoma ta’ dawn l-argumenti. Għall-kuntrarju, il-BEI invoka din l-idea biss b’mod marġinali sabiex juri li r-riżoluzzjoni kontenzjuża ma hijiex att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-argument bħala motivazzjoni awtonoma tal-ittra kontenzjuża jikkostitwixxi sostituzzjoni sussegwenti u inammissibbli tal-motivazzjoni ( 4 ). |
|
44. |
Madankollu, dan ma jfissirx li dawn l-argumenti tal-BEI u tal-Kummissjoni huma irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Ċertament, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEI, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jindirizzaw ex officio kull ksur tad-dritt primarju ( 5 ). Madankollu, l-argumenti dwar il-funzjoni tal-BEI jqajmu dubji dwar il-ġurisdizzjoni stess tal-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu din it-tilwima. Tali dubji jistgħu, jew għandhom, jitqajmu ex officio mill-imsemmija qrati, skont l-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ( 6 ). |
|
45. |
Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni u għalhekk setgħet qieset li l-ġurisdizzjoni tagħha tirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 7 ), peress li ClientEarth hija d-destinatarja tal-ittra kontenzjuża. |
|
46. |
Madankollu, f’dan il-każ, għandha tiġi eżaminata l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sa fejn l-Artikolu 271 TFUE jipprevedi regoli speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ ċerti proċeduri li jinvolvu l-BEI. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, jekk l-ittra kontenzjuża hijiex att li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-kuntest leġiżlattiv li jirriżulta mir-Regolament ta’ Aarhus u, sussegwentement, jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-BEI humiex tali li jbiddlu xi ħaġa f’dan ir-rigward. Din il-kwistjoni għandha tiġi distinta minn dik dwar jekk ir-riżoluzzjoni kontenzjuża hijiex att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali, li ser neżamina iktar ’il quddiem fil-parti B. |
1. In‑natura kontestabbli tal‑ittra kontenzjuża
|
47. |
L-atti kollha li joħorġu mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ( 8 ) u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent ( 9 ) permezz ta’ bidla sinjifikattiva fil-pożizzjoni legali tiegħu, jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, irrispettivament mill-forma tagħhom. Għal dan il-għan, l-effetti tal-att inkwistjoni għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu ( 10 ). |
|
48. |
L-ittra kontenzjuża ċaħdet talba għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Aarhus. Skont din id-dispożizzjoni, ċerti NGOs jistgħu, permezz ta’ talba motivata, jitolbu eżami mill-ġdid intern min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni li jkunu adottaw att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali. |
|
49. |
Mill-premessa 19 tar-Regolament ta’ Aarhus jirriżulta li dan l-eżami mill-ġdid huwa intiż li jiżgura rimedji adegwati u effettivi, inklużi dawk disponibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-Artikolu 10(1) u l-premessa 20 tar-Regolament ta’ Aarhus, ċerti NGOs għandu jkollhom id-dritt jitolbu eżami mill-ġdid. Skont l-Artikolu 12 u l-premessa 21, jekk it-talba ma tintlaqax, in-NGO ikkonċernata għandha tkun tista’ tibda proċeduri legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE. |
|
50. |
Għalhekk, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament ta’ Aarhus tippermetti li jingħelbu l-ostakoli għal azzjoni kollettiva ambjentali kontra l-att li jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid li jirriżultaw mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
51. |
Fil-fatt, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors biss kontra l-atti indirizzati lilhom jew li jikkonċernawhom direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawhom direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni. Issa, organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent normalment ma hijiex direttament u individwalment ikkonċernata mill-att li tiegħu hija titlob l-eżami mill-ġdid u għalhekk ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmi raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
52. |
Madankollu, fuq il-bażi tat-talba għal eżami mill-ġdid, il-korp kompetenti tal-Unjoni għandu jindirizza deċiżjoni lill-organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent li tkun ressqet it-talba, li mbagħad tkun tista’ tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni. Il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament ta’ Aarhus b’hekk tistabbilixxi l-kundizzjonijiet proċedurali li jippermettu lill-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent jikkontestaw indirettament quddiem il-qrati atti amministrattivi fil-qasam tad-dritt ambjentali. |
|
53. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espressament dan l-użu tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u meta għamlet hekk ma esprimiet ebda dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-użu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 263 TFUE ( 11 ). Fil-frattemp, il-leġiżlatur estenda kunsiderevolment l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura billi invoka din il-ġurisprudenza ( 12 ). |
|
54. |
B’din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern u bil-possibbiltà sussegwenti li titressaq kawża, l-Unjoni timplimenta l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dan jipprevedi li kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent. |
|
55. |
Permezz tal-ittra kontenzjuża, il-BEI ċaħad talba ta’ ClientEarth għal eżami mill-ġdid tar-riżoluzzjoni kontenzjuża tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI. Ċertament, il-BEI ma kkunsidrax li t-talba kienet infondata, iżda li kienet inammissibbli peress li r-riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus. Issa, tali ċaħda tat-talba bħala inammissibbli għandha, bħala prinċipju, tkun tista’ tiġi kkontestata daqslikieku ċaħdet it-talba bħala infondata. |
|
56. |
Dan għaliex, jekk l-istituzzjoni jew l-organu kkonċernati jwettqu żball meta jirrifjutaw l-eżami mill-ġdid, ikun hemm limitazzjoni tad-dritt tan-NGO għal eżami mill-ġdid, kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus. Fis-sens tal-ġurisprudenza dwar atti li jistgħu jiġu kkontestati, l-interessi tar-rikorrent ikunu affettwati b’mod sinjifikattiv minħabba bidla fis-sitwazzjoni legali tiegħu, f’dan il-każ minħabba ċ-ċaħda tad-dritt tiegħu għal eżami mill-ġdid intern. |
|
57. |
Minn dan isegwi li l-ittra kontenzjuża tal-BEI hija, bħala prinċipju, att li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
2. Il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni mill-Artikolu 271 TFUE
|
58. |
Madankollu, l-Artikolu 271(c) TFUE jemenda s-sistema tal-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-miżuri tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI. Minn dan l-artikolu jirriżulta li rikorsi kontra dawn il-miżuri jistgħu jinbdew biss minn Stati Membri jew mill-Kummissjoni, taħt il-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 263 TFUE, u abbażi biss ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 19(2) u (5) sa (7) tal-Istatut tal-BEI ( 13 ). |
|
59. |
Sussegwentement, ser nesponi li din il-limitazzjoni tipprekludi l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Aarhus li jkollu bħala suġġett stħarriġ fuq il-mertu ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI (ara f’dan ir-rigward il-parti (a)). Madankollu, is-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa biss il-klassifikazzjoni legali tar-riżoluzzjoni kontenzjuża għall-finijiet ta’ twettiq ta’ eżami mill-ġdid intern mill-BEI nnifsu. L-Artikolu 271(c) TFUE ma jipprekludix eżami mill-ġdid intern (ara l-parti (b)) |
a) Assenza ta’ stħarriġ fuq il-mertu tar-riżoluzzjoni kontenzjuża mill-qrati tal-Unjoni
|
60. |
Għalkemm, formalment, ir-rikors ma huwiex dirett kontra miżura tal-Bord tad-Diretturi fis-sens tal-Artikolu 271(c) TFUE, huwa madankollu jaffettwa indirettament tali miżura peress li l-ittra kontenzjuża tiċħad it-talba ta’ ClientEarth għal eżami mill-ġdid tar-riżoluzzjoni kontenzjuża tal-Bord tad-Diretturi. Is-suġġett tat-talba għal eżami mill-ġdid huwa relatat mal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-att legali li fir-rigward tiegħu intalab l-eżami mill-ġdid, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus ( 14 ). Għalhekk, it-talba hija intiża, skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi kkonstatat, kif allegat, li l-att inkwistjoni huwa illegali jew infondat ( 15 ). |
|
61. |
Għalhekk, li kieku l-BEI kien ibbaża ċ-ċaħda tat-talba permezz tal-ittra kontenzjuża fuq il-legalità u l-fondatezza tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, dan ir-rikors ikun indirettament intiż li jinkiseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u, għaldaqstant, tal-legalità jew tal-fondatezza tar-riżoluzzjoni kontenzjuża. |
|
62. |
Tali stħarriġ indirett fil-mertu tal-kontenut tar-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI mill-qrati tal-Unjoni jkun inkompatibbli mal-Artikolu 271(c) TFUE ( 16 ), għaliex, fil-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, is-setgħat tal-qrati tal-Unjoni huma llimitati b’mod ċar fir-rigward tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
63. |
Dawn il-limitazzjonijiet jikkonċernaw, l-ewwel nett, iċ-ċirku tar-rikorrenti potenzjali. Filwaqt li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jawtorizza r-rikorsi ppreżentati minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, il-miżuri adottati mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI jistgħu jiġu espressament ikkontestati, skont l-Artikolu 271(c) TFUE, mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni biss. Dan jeskludi l-possibbiltà li titressaq azzjoni ġudizzjarja minn persuni oħra. |
|
64. |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, l-Artikolu 271(c) TFUE jillimita wkoll is-setgħat ta’ stħarriġ fil-mertu mill-qrati tal-Unjoni. |
|
65. |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jippermetti r-rikorsi bbażati fuq nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew l-użu ħażin ta’ poter. |
|
66. |
Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 271(c) TFUE, rikors kontra l-miżuri tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI jista’ jiġi ppreżentat biss fuq il-bażi ta’ ksur tar-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 19(2) u (5) sa (7) tal-Istatut tal-BEI. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-BEI għandu jinforma lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bit-talbiet għal finanzjament. Fil-każ ta’ opinjoni negattiva min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI, il-Bord tad-Diretturi jista’ jagħti l-finanzjament biss b’mod unanimu; meta ż-żewġ opinjonijiet ikunu negattivi, il-finanzjament ma huwiex awtorizzat. Barra minn hekk, peress li dawn huma drittijiet proċedurali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri rrappreżentati fil-Bord tad-Diretturi, huwa wkoll loġiku li wieħed jippermetti biss rikors ippreżentat minn dawn tal-aħħar. |
|
67. |
Skont l-argumenti tal-BEI u tal-Kummissjoni, il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-attivitajiet ta’ finanzjament imwettqa mill-BEI hija dovuta għall-fatt li l-BEI jwettaq dawn l-attivitajiet bl-istess mod bħal banek oħra attivi fis-suq ( 17 ). Issa, dawn il-banek l-oħra ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tagħhom. |
|
68. |
Il-limitazzjonijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju għandhom jinkludu wkoll id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Aarhus. Din id-dispożizzjoni tawtorizza r-rikorsi ppreżentati abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, jiġifieri, b’mod partikolari, rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Il-BEI jenfasizza madankollu, ġustament, li l-Artikolu 271(c) TFUE huwa wkoll dispożizzjoni rilevanti. Sa fejn din id-dispożizzjoni tal-aħħar teskludi kull stħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri tal-Bord tad-Diretturi fuq l-inizjattiva ta’ organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent u tipprojbixxi, barra minn hekk, stħarriġ fil-mertu ta’ dawn il-miżuri mill-qrati tal-Unjoni, l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Aarhus ma jistax jippermetti indirettament tali stħarriġ. |
|
69. |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Aarhus lanqas ma tista’ tiġi prekluża mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li għandu jiġi implimentat permezz tal-ewwel regola msemmija ( 18 ). Huwa minnu li l-Artikolu 9(3) ma jipprevedi ebda eċċezzjoni favur il-BEI. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-obbligu tal-Unjoni taħt id-dritt internazzjonali għandu, bħala prinċipju, jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju u, b’mod partikolari, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni intiża li timplimenta tali obbligu, bħalma huwa l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Aarhus ( 19 ). Madankollu, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 271(c) TFUE jagħmlu parti mid-dritt primarju u għalhekk jipprevalu fuq l-obbligi tal-Unjoni taħt id-dritt internazzjonali ( 20 ), kif ġustament jenfasizza l-BEI. |
|
70. |
Għalhekk, li kieku l-BEI ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid minħabba li r-riżoluzzjoni kontenzjuża kienet, fil-fehma tiegħu, legali u fondata, il-qrati tal-Unjoni ma kienx ikollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat minn ClientEarth kontra din ir-riżoluzzjoni. |
b) Stħarriġ tal-klassifikazzjoni legali tar-riżoluzzjoni kontenzjuża mill-qrati tal-Unjoni
|
71. |
Madankollu, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors ma hijiex eskluża mill-Artikolu 271(c) TFUE. |
|
72. |
Fil-fatt, ir-rikors ma huwiex effettivament dirett indirettament kontra r-riżoluzzjoni kontenzjuża peress li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità jew il-fondatezza tagħha. Għall-kuntrarju, l-għan tiegħu huwa biss il-klassifikazzjoni legali tar-riżoluzzjoni kontenzjuża mill-BEI, jiġifieri l-konstatazzjoni li din ir-riżoluzjoni ma hijiex att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali fis-sens tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
73. |
In-nuqqas ta’ kontestazzjoni indiretta tar-riżoluzzjoni kontenzjuża joħroġ mill-fatt li din ir-riżoluzzjoni tibqa’ valida indipendentement mill-eżitu ta’ dan ir-rikors u ma hijiex qiegħda tiġi kkontestata, lanqas indirettament, fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Is-suċċess ta’ dan ir-rikors jista’ jwassal biss sabiex il-BEI jkun meħtieġ iwettaq eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni kontenzjuża. Dan huwa bla ħsara għall-kwistjoni ta’ jekk l-eżitu ta’ dan l-eżami mill-ġdid jistax jiġi kkontestat quddiem il-qrati. |
|
74. |
Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ dan ir-rikors mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 271(c) TFUE hija konformi mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, id-dritt għal eżami mill-ġdid intern previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus huwa dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li dan ir-rikors jaqa’ taħt il-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt fundamentali. Huwa minnu li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax iservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta t-Trattati jeskluduha ( 21 ). Madankollu, limitazzjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja, bħal dik prevista fl-Artikolu 271(c) TFUE, għandha, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, tiġi interpretata b’mod strett ( 22 ). |
|
75. |
Tali eżami mill-ġdid intern huwa, barra minn hekk, kompatibbli mal-funzjoni u mar-rwol tal-BEI. |
|
76. |
Fir-rigward tal-argument tal-BEI li r-riskju ta’ eżami mill-ġdid u d-dewmien li jirriżulta minn dan l-eżami mill-ġdid jipprekludu, jew saħansitra jagħmlu impossibbli, l-attività tiegħu ta’ finanzjament, ClientEarth għandha raġun issostni li l-BEI ma jipprovdix biżżejjed provi f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, l-iżvolġiment tal-proċedura bejn ir-riżoluzzjoni kontenzjuża u l-ftehim ta’ finanzjament ( 23 ) diġà juri li, li kieku r-riżoluzzjoni kienet ġiet ippubblikata b’mod waqtu, madwar xahrejn kienu jkunu disponibbli għall-eżami mill-ġdid intern . |
|
77. |
Dan l-argument imur ukoll kontra l-prassi tal-BEI peress li huwa fil-fatt diġà jwettaq eżami mill-ġdid tal-finanzjamenti tiegħu meta jkun hemm ilmenti, inkluż fuq aspetti li jaqgħu taħt id-dritt ambjentali. Dan huwa dak li ddikjara l-BEI quddiem l-Ombudsman Ewropew fl‑2008 ( 24 ). Anki oġġezzjonijiet ambjentali fir-rigward tal-finanzjament inkwistjoni diġà kienu s-suġġett ta’ tali eżami mill-ġdid ( 25 ). Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tista’ tiġi vverifikata mill-Ombudsman ( 26 ). Anki l-Kumitat Superviżorju tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (Aarhus Convention Compliance Committee, iktar ’il quddiem il-“Kumitat Superviżorju”) ( 27 ) jista’ jirrevedi l-attività ta’ finanzjament tal-BEI ( 28 ). |
|
78. |
Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEI, l-eżami mill-ġdid intern għandu valur intrinsiku anki fl-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri. Dan għaliex, skont il-premessa 19 tar-Regolament ta’ Aarhus, l-istituzzjonijiet u l-korpi għandhom jingħataw l-opportunità li jirrevedu d-deċiżjoni inizjali tagħhom. Barra minn hekk, il-premessa 20 tirrikonoxxi d-dritt tal-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent li jressqu talba għal eżami mill-ġdid intern . |
|
79. |
Id-dritt għal eżami mill-ġdid intern huwa, barra minn hekk, forma partikolari tal-prinċipju ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku li fuqu huma bbażati l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 29 ) u d-dritt ambjentali tal-Unjoni. Fil-fatt, din il-proċedura tippermetti lill-membri tal-pubbliku, jiġifieri lill-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent, li jsostnu, insostenn tat-talba, oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżura inkwistjoni u, għaldaqstant, jikkontribwixxu għat-titjib tagħha. Għalhekk, eżami mill-ġdid intern jista’ saħansitra jippreżenta vantaġġ għall-BEI, għaliex il-problemi ambjentali ta’ finanzjamenti jolqtu regolarment ukoll l-aspetti ekonomiċi ta’ proġett. |
|
80. |
Barra minn hekk, għandu jiġi preżunt li l-għarfien tar-riskju ta’ eżami mill-ġdid ulterjuri ser jikkontribwixxi għal eżami iktar iddettaljat tal-aspetti ambjentali tal-proġett rispettiv qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ finanzjament. Tali eżami iktar estensiv minn qabel jista’, min-naħa tiegħu, inaqqas ir-riskju ta’ sorpriża ta’ oġġezzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ talba għal eżami mill-ġdid u jiffaċilita l-ipproċessar rapidu tat-talbiet għal eżami mill-ġdid. |
|
81. |
Fl-aħħar mill-aħħar, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 271(c) TFUE minn tal-inqas tqarreb l-eżami mill-ġdid min-naħa tal-BEI lejn ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Huwa dubjuż kemm l-eżami mill-ġdid intern tal-finanzjamenti ser jilħaq il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġ mill-Artikolu 9(4) fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni u għalhekk kemm jista’ jiġi rrikonoxxut bħala proċedura għal kontestazzjonijiet amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 9(3) ( 30 ). Madankollu, eżami mill-ġdid intern huwa dejjem aħjar minn ebda stħarriġ. |
|
82. |
Għalhekk, l-Artikolu 271(c) TFUE ma jipprekludix li l-qorti tal-Unjoni timplimenta eventwali dritt, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus, għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI. |
|
83. |
B’hekk, dan ir-rikors huwa għalhekk ammissibbli u huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għandha ġurisdizzjoni. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk il-BEI ċaħadx ġustament jew le t-talba għal eżami mill-ġdid bħala inammissibbli. |
B. Fuq l‑appelli
|
84. |
L-appelli tal-BEI u tal-Kummissjoni ma jirrigwardawx biss il-kwistjoni ta’ jekk ir-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI jistgħux jkunu s-suġġett ta’ verifika iżda jirrigwardaw ukoll il-kwistjoni ta’ jekk ir-riżoluzzjoni kontenzjuża tikkostitwixxix att amministrattiv fil-qasam tad-dritt ambjentali fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus. Jekk jitqies li jeżisti att amministrattiv, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern prevista fl-Artikolu 10 tapplika skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, minkejja li l-eżitu ta’ dan l-eżami mill-ġdid ma jistax ikun, skont l-Artikolu 271(c) TFUE, is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja konformement mal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
85. |
Skont l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus, att amministrattiv ifisser kull miżura b’portata individwali meħuda fil-qasam tad-dritt ambjentali (ara l-parti 2), minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni (ara l-parti 1), li għandha effett legalment vinkolanti u estern (ara l-parti 3). |
1. Il‑BEI jaġixxi bħala awtorità pubblika?
|
86. |
Il-BEI u l-Kummissjoni jikkontestaw, qabelxejn, li r-riżoluzzjoni kontenzjuża hija att amministrattiv peress li l-BEI aġixxa bħala bank u mhux bħala awtorità pubblika. |
|
87. |
Sa fejn dan l-argument huwa intiż li jsostni, mill-ġdid, li r-rwol u l-funzjoni speċifiċi tal-BEI jipprekludu l-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, għandu jsir riferiment għall-iżviluppi relatati mal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. |
|
88. |
Barra minn hekk, dan l-argument huwa sorprendenti peress li, skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati mhux biss l-atti jew l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt ambjentali nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti, iżda wkoll l-atti u l-ommissjonijiet tal-individwi. |
|
89. |
Madankollu, l-argumenti tal-BEI u tal-Kummissjoni jsiru kemxejn iktar plawżibbli fid-dawl tal-premessa 18 tar-Regolament ta’ Aarhus. Skont din il-premessa, ir-Regolament jirrigwarda biss, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni, l-atti u l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. |
|
90. |
Din l-idea tinsab ukoll fid-definizzjoni tal-entitajiet li l-atti tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid intern. Skont l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus, dawn huma l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, li jinkludu, mingħajr ebda dubju, il-BEI ( 31 ). Madankollu, l-Artikolu 2(1)(ċ) jiddefinixxi dawn l-entitajiet bħala l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji pubbliċi kollha stabbiliti mit-Trattat jew abbażi tiegħu. Il-klassifikazzjoni tal-entitajiet koperti bħala “pubbliċi” kienet indirizzata mil-leġiżlatur fil-premessa 7 tar-Regolament ta’ Aarhus. Skont din il-premessa, il-kunċett ta’ “awtorità pubblika” huwa ddefinit b’mod wiesa’ fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus peress li l-idea fundamentali hija li l-individwi u l-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom jibbenefikaw minn ċerti drittijiet kull darba li tiġi eżerċitata l-awtorità pubblika. |
|
91. |
F’dan ir-rigward, il-BEI u l-Kummissjoni ġustament iqisu li l-BEI ma jeżerċitax, fil-kuntest ta’ finanzjament iddefinit kuntrattwalment, awtorità pubblika fis-sens ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. |
|
92. |
Madankollu, bħal f’kuntesti oħra ( 32 ), il-BEI għandu natura doppja: huwa jaġixxi bħala parti privata, iżda jwettaq missjonijiet ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, skont l-Artikolu 309 TFUE, il-BEI għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ibbilanċjat u mingħajr problemi tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni. Dan jinvolvi wkoll l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. |
|
93. |
Għaldaqstant, sa fejn jeżerċita funzjonijiet pubbliċi u jeżerċita awtorità pubblika fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu ta’ finanzjament, il-BEI huwa korp pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
94. |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament ta’ Aarhus tiżgura l-implimentazzjoni korretta, permezz tar-Regolament ta’ Aarhus, tal-Artikolu 2(2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus peress li, kif tenfasizza ġustament ClientEarth, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-istituzzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li, bħall-Unjoni, huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni, għandhom jitqiesu li huma awtoritajiet pubbliċi. |
|
95. |
Għaldaqstant, il-BEI ma kkontestax quddiem il-Kumitat Superviżorju li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus hija applikabbli għalih ( 33 ) u, f’pubblikazzjoni dwar il-proċedura ta’ lmenti tiegħu stess, huwa jindika li l-aġir tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ lment quddiem dan il-kumitat ( 34 ). |
|
96. |
L-argument tal-BEI u tal-Kummissjoni li l-BEI ma aġixxiex bħala awtorità pubblika meta adotta r-riżoluzzjoni kontenzjuża għandu għalhekk jiġi miċħud. |
2. Miżura fil‑qasam tad‑dritt ambjentali
|
97. |
Il-BEI u l-Kummissjoni jikkontestaw ukoll li r-riżoluzzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi miżura fil-qasma tad-dritt ambjentali. |
|
98. |
Skont l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus, huma biss il-miżuri adottati fil-qasam tad-dritt ambjentali li jistgħu jikkostitwixxu atti amministrattivi. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 jippermetti biss li jintalab eżami mill-ġdid intern ta’ atti amministrattivi adottati fil-qasam tad-dritt ambjentali. |
|
99. |
L-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus jiddefinixxi d-dritt ambjentali bħala leġiżlazzjoni tal-Unjoni li, tkun liema tkun il-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-dritt primarju fir-rigward tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent: is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali kif ukoll il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali. |
|
100. |
Il-Bord tad-Diretturi tal-BEI adotta r-riżoluzzjoni kontenzjuża abbażi tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 19(3) tal-Istatut tal-BEI, li ma jagħmlux riferiment għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. |
|
101. |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 122 sa 124 tas-sentenza appellata, li d-Dikjarazzjoni tal‑2009 u l-Istrateġija dwar il-klima ( 35 ) għandhom jiġu assimilati ma’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus. Dan għaliex, permezz ta’ dawn il-kriterji, il-BEI għandu jiżgura li l-attività finanzjarja tiegħu tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali tal-Unjoni. |
|
102. |
Għaldaqstant, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiġbor fil-qosor l-evalwazzjoni tagħha tar-riżoluzzjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward meta tgħid li l-konstatazzjoni magħmula f’din ir-riżoluzzjoni, fis-sens li l-proġett Curtis jissodisfa ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ natura ambjentali stabbiliti mill-BEI, għandha titqies li hija miżura fil-qasam tad-dritt ambjentali. |
|
103. |
Min-naħa l-oħra, il-BEI u l-Kummissjoni joġġezzjonaw li dawn il-kriterji ma jikkostitwixxux, mill-forma tagħhom stess, dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus (ara, f’dan ir-rigward, il-parti (b)) u li, fi kwalunkwe każ, dawn il-kriterji ma humiex legalment vinkolanti (ara l-parti (c)). |
|
104. |
Madankollu, inqis li fil-kawża ineżami ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet delikati peress li l-kunċett ta’ “miżura fil-qasam tad-dritt ambjentali” għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-għanijiet ambjentali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fis-sens li jkopri kull miżura li tista’ tikser id-dritt ambjentali (ara, f’dan ir-rigward, il-punt (a)). |
a) Ksur tad‑dritt ambjentali
|
105. |
Skont it-tifsira letterali tiegħu, il-kunċett ta’ “miżura fil-qasam tad-dritt ambjentali” jidher li jkopri biss atti li huma bbażati fuq prinċipji tad-dritt ambjentali jew li jimplimentawhom. B’hekk, dan jimplika l-eżistenza ta’ miżuri li jaqgħu f’oqsma legali oħra li ma humiex miżuri fil-qasam tad-dritt ambjentali. Minn din il-perspettiva, il-kwistjoni li tqum hija jekk il-kriterji deċiżjonali li fuqhom hija bbażata r-riżoluzzjoni kontenzjuża humiex ta’ natura ambjentali. |
|
106. |
Madankollu, din l-interpretazzjoni twassal għar-riżultat paradossali li l-miżuri li għandhom għan tad-dritt ambjentali jkunu suġġetti għal kontroll iktar strett tal-osservanza tad-dritt ambjentali minn dawk li ma għandhomx tali għan. F’dan ir-rigward, hemm lok li wieħed jibża’ li dawn il-miżuri tal-aħħar jistgħu jaffettwaw b’mod iktar sinjifikattiv l-ambjent minn dawk tal-ewwel peress li, meta jkun hemm għan ambjentali, il-protezzjoni tal-ambjent tista’ tingħata iktar attenzjoni milli fl-assenza ta’ tali għan. |
|
107. |
B’hekk, minn tal-inqas, l-atti tal-Unjoni li jistgħu jiksru d-dritt ambjentali għandhom jitqiesu wkoll bħala miżuri fil-qasam tad-dritt ambjentali fis-sens tad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus, jiġifieri bħala miżuri li, tkun liema tkun il-bażi legali tagħhom, jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. |
|
108. |
Jekk wieħed jinterpreta l-kunċett ta’ “miżuri fil-qasam tad-dritt ambjentali” b’dan il-mod, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tar-Regolament ta’ Aarhus tkun eqreb lejn l-għan tagħha li timplimenta l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Kif huwa rrikonoxxut ukoll fil-premessa 18 tar-Regolament ta’ Aarhus, din id-dispożizzjoni ma teżiġix biss il-kontroll tal-miżuri li jikkontribwixxu għal għanijiet ambjentali, iżda teżiġi pjuttost il-possibbiltà li jiġu kkontrollati l-atti li jistgħu jmorru kontra d-dritt ambjentali ( 36 ). |
|
109. |
Barra minn hekk, skont il-premessa 9 tar-Regolament 2021/1767 ( 37 ), il-leġiżlatur ikkjarifika, permezz tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, li l-kunċett ta’ “miżura fil-qasam tad-dritt ambjentali” għandu jinftiehem b’dan il-mod, iżda dan biss wara li ngħatat is-sentenza appellata. |
|
110. |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-importanza li d-dritt primarju jagħti lill-ħarsien tal-ambjent. Filwaqt li l-Artikolu 191(2) TFUE jobbliga lill-Unjoni tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha li jaqgħu taħt id-dritt ambjentali, l-Artikolu 11 TFUE jeżiġi, barra minn hekk, li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent ikunu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-Unjoni għandha dejjem tirrispetta, jeżiġi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni. Għalhekk, l-osservanza tad-dritt ambjentali tal-Unjoni hija obbligu li jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tagħha, indipendentement minn jekk ikunux eżerċitati kompetenzi taħt id-dritt ambjentali. |
|
111. |
Ċertament, il-BEI ġustament isostni li, bħala regola ġenerali, id-dritt ambjentali tal-Unjoni ma jimponix obbligi fuq il-banek fil-qasam tal-finanzjament tal-proġetti. Fil-fatt, dawn l-obbligi jaqgħu, bħala regola ġenerali, fuq dawk li jmexxu l-proġett. |
|
112. |
Madankollu, bħala korp tal-Unjoni, il-BEI huwa suġġett għal obbligi iktar estensivi minn banek oħra fir-rigward tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 38 ). Ikun inkompatibbli mal-missjoni tiegħu li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Unjoni ( 39 ) jekk l-attività finanzjarja tiegħu tikkomprometti l-għanijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiffinanzja proġetti li jiksru d-dritt ambjentali tal-Unjoni. F’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-BEI għandux marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward jew jekk għandux jirrifjuta l-finanzjament biss f’każ ta’ irregolaritajiet manifesti. Dan għaliex ir-riżoluzzjoni kontenzjuża diġà tkun miżura fil-qasam tad-dritt ambjentali hekk kif ikun hemm il-possibbiltà li hija tista’ tikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. |
|
113. |
Għall-kuntrarju, l-oġġezzjoni tal-BEI li n-NGO kkonċernata għandha tikkontesta direttament il-proġett inkwistjoni, pereżempju permezz ta’ rikors kontra l-awtorizzazzjoni tal-proġett, ma hijiex konvinċenti. Minkejja l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 40 ), ma huwiex b’mod partikolari ggarantit li tali azzjoni tkun possibbli u effettiva quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. |
|
114. |
Il-kwistjoni dwar sa fejn l-oġġezzjonijiet konkretament ifformulati minn ClientEarth jirrigwardaw l-osservanza tad-dritt ambjentali tal-Unjoni jew ta’ elementi oħra ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura peress li l-ittra kontenzjuża ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, lanqas ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali elementi oħra humiex is-suġġett ta’ “leġiżlazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
115. |
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi jkun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi bil-kunsiderazzjonijiet preċedenti r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kriterji ta’ għażla tad-Dikjarazzjoni tal‑2009 u tal-Istrateġija dwar il-klima għandhomx jitqiesu li jaqgħu taħt id-dritt ambjentali. |
|
116. |
Huwa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix dan l-approċċ li ser neżamina iktar ’il quddiem il-kritika magħmula mill-BEI u mill-Kummissjoni kontra l-imsemmija kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. |
b) Id‑dritt ambjentali fil‑forma ta’ liġi biss
|
117. |
Skont il-Kummissjoni u l-BEI, huma biss atti leġiżlattivi fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE, jiġifieri regoli adottati fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva, li jistgħu jitqiesu bħala parti mid-dritt ambjentali. |
|
118. |
It-teżi tal-BEI u tal-Kummissjoni tidher aċċettabbli abbażi ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ta’ Aarhus, għaliex il-verżjoni bl-Ingliż tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus tuża l-kelma “legislation” għall-kelma Ġermaniża “Rechtsvorschriften’” filwaqt li l-verżjoni bil-Franċiż tuża “disposition législative”. Għall-kuntrarju, it-terminu “Rechtsvorschriften’” użat fil-verżjoni bil-Ġermaniż ma huwiex limitat għal-liġijiet formali. Għall-kuntrarju, dan it-terminu jkopri r-regoli legalment vinkolanti kollha u għalhekk jista’ jinkludi kriterji tal-BEI li ma ġewx adottati bħala liġijiet formali. |
|
119. |
Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi bejn il-verżjoni bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus, għandu jitfakkar li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi ( 41 ), u li l-ebda verżjoni lingwistika ma għandha tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ( 42 ). Għaldaqstant, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha ( 43 ). |
|
120. |
Kif diġà indikajt ( 44 ), il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern għandha l-għan li timplimenta l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Skont l-Artikolu 22 tagħha, din il-konvenzjoni hija awtentika bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Russa. Kuntrarjament għal dak previst fir-Regolament ta’ Aarhus, iż-żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni msemmija ma jirreferux għal liġijiet formali, iżda biss għad-dritt ( 45 ), filwaqt li l-verżjoni Russa tidher li tirrigwarda pjuttost dispożizzjonijiet leġiżlattivi formali ( 46 ). |
|
121. |
Issa, dak li huwa importanti huwa li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa intiż li jikkontribwixxi, fil-kuntest globali ta’ din il-konvenzjoni, għall-protezzjoni effettiva tal-ambjent. Il-kwistjoni ta’ jekk rekwiżiti ambjentali humiex stabbiliti minn liġijiet formali jew minn dispożizzjonijiet legali oħra hija irrilevanti għal dan il-għan. Għaldaqstant, il-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tal-premessa 18 tar-Regolament ta’ Aarhus jirreferu b’mod ġenerali għad-dritt ambjentali ( 47 ). |
|
122. |
Għaldaqstant, dak li huwa importanti ma huwiex il-mod kif huma stabbiliti l-kriterji ekoloġiċi applikati mill-Bord tad-Diretturi fir-riżoluzzjoni kontenzjuża, iżda n-natura legalment vinkolanti tagħhom. |
c) Natura legalment vinkolanti tal‑kriterji ta’ eliġibbiltà
|
123. |
Il-BEI u l-Kummissjoni jikkontestaw ukoll in-natura legalment vinkolanti tal-kriterji ta’ eliġibbiltà. |
|
124. |
Fil-punti 124 u 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tassimila l-kriterji applikati mill-BEI mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus, peress li dawn jikkostitwixxu l-kuntest tal-attività tal-BEI fil-qasam tal-għoti ta’ self għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet ambjentali tad-dritt tal-Unjoni. |
|
125. |
Il-prinċipji u l-istandards ambjentali u soċjali tal-BEI ddefiniti fid-Dikjarazzjoni tal-2009 jinkludu għanijiet estiżi ħafna. Skont din id-dikjarazzjoni, il-BEI “japplika standards adegwati għall-operazzjonijiet kollha ta’ finanzjament u b’hekk jiżgura li l-proġetti kollha li jiffinanzja jkunu aċċettabbli mill-perspettiva ekoloġika u soċjali” ( 48 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-BEI “lanqas ma jiffinanzja proġetti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ambjentali u soċjali kif iddefiniti f’din id-dikjarazzjoni. Huma inklużi proġetti li ma humiex konformi mad-dritt ambjentali u soċjali fis-seħħ bħalissa fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni” ( 49 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
126. |
Għalkemm huwa minnu li l-BEI ma jirreferix għad-Dikjarazzjoni tal‑2009 bħala att legali, iżda bħala “dikjarazzjoni” ( 50 ), xorta jibqa’ l-fatt li, minħabba l-formulazzjoni vinkolanti tal-kriterji indikati, huwa llimita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-qasam tal-finanzjament billi stabbilixxa preċedent. Il-BEI għandu jitqies li huwa marbut b’dan il-preċedent, skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn tal-inqas sakemm ma jemendax jew ma jabbandunax espressament dawn il-kriterji ( 51 ). |
|
127. |
Minn dan isegwi li, minn tal-inqas, il-kriterji ta’ eliġibbiltà, li jinkludu impenji ċari biżżejjed, huma vinkolanti u, għaldaqstant, jikkostitwixxu leġiżlazzjoni fir-rigward tal-BEI fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament ta’ Aarhus. |
|
128. |
Għaldaqstant, l-argument tal-BEI u tal-Kummissjoni bbażat fuq l-assenza ta’ natura vinkolanti tal-kriterji ta’ eliġibbiltà huwa wkoll infondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud. |
3. In‑natura legalment vinkolanti u l‑effetti esterni tar‑riżoluzzjoni kontenzjuża
|
129. |
Fl-aħħar nett, il-BEI u l-Kummissjoni jikkontestaw in-natura legalment vinkolanti u l-effetti esterni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża. |
|
130. |
F’dan ir-rigward, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li huwa minnu li r-riżoluzzjoni kontenzjuża ma kienx fiha obbligu legali b’rabta mal-għoti ta’ self peress li kien għad kellhom jiġu eżaminati aspetti tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji oħra tal-proġett. Madankollu, din ir-riżoluzzjoni kellha ċerti effetti legali vinkolanti u definittivi fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-promotur ta’ dan il-proġett, peress li kkonstatat l-eliġibbiltà tal-proġett għal sussidju permezz ta’ finanzjament tal-BEI fir-rigward tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu. B’hekk l-imsemmi riżoluzzjoni kienet tippermetti lill-promotur jieħu l-passi li jmiss neċessarji għall-formalizzazzjoni tas-self. |
|
131. |
In-natura legalment vinkolanti u l-effetti esterni jagħmlu parti mid-definizzjoni ta’ att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus. Dawn iż-żewġ elementi ntużaw mil-leġiżlatur bħala l-elementi li jservu sabiex issir distinzjoni bejn miżuri definittivi u miżuri preparatorji fl-applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji fi proċedura b’diversi fażijiet li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti ( 52 ). |
|
132. |
Peress li r-riżoluzzjoni kontenzjuża kienet biss tħejji l-ftehim ta’ finanzjament fuq bażi preparatorja u kienet għadha ma tagħtix dritt għall-għoti tal-finanzjament, il-BEI u l-Kummissjoni jargumentaw li din kienet miżura intermedjarja li ma tistax tiġi kkontestata. |
|
133. |
Madankollu, dan il-qari tar-riżoluzzjoni kontenzjuża huwa superfiċjali wisq. |
|
134. |
Fil-fatt, ir-raġuni għad-distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet finali u l-miżuri intermedjarji tinsab fil-fatt li rikors għal annullament dirett kontra atti li jesprimu opinjoni provviżorja jista’ jġiegħel lill-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li dwarhom l-istituzzjoni kkonċernata ma jkunx għad kellha l-opportunità li tiddeċiedi. Tali rikorsi jippreġudikaw id-diskussjoni tal-problemi sostantivi u jħawdu d-diversi fażijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. L-ammissjoni ta’ tali rikors tkun għalhekk inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni previst fid-dritt primarju, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ żvolġiment regolari tal-proċedura amministrattiva ( 53 ). |
|
135. |
Issa, fil-każ ta’ kontestazzjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, din il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-fażijiet differenti ma sseħħx. Fil-fatt, ir-riżoluzzjoni kontenzjuża ffissat definittivament il-pożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi. Għalhekk, hija kellha natura legalment vinkolanti fi ħdan il-BEI, b’tali mod li kienet torbot lill-awtoritajiet tal-BEI fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet oħra marbuta mal-finanzjament. Devjazzjoni minn din ir-riżoluzzjoni kienet teħtieġ li l-Bord tad-Diretturi jerġa’ jiftaħ il-fajl u jieħu deċiżjoni oħra. |
|
136. |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher prima facie, ir-riżoluzzjoni kontenzjuża kienet kapaċi, tal-inqas, taffettwa l-interessi tal-promotur tal-proġett. Fil-fatt, fir-rigward tal-aspetti ambjentali u soċjali tal-proġett, hija imponiet ċerti modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-proġett fuq il-promotur, u b’hekk illimitat il-libertà tiegħu. |
|
137. |
Fl-aħħar nett, il-fatt li r-riżoluzzjoni kontenzjuża tista’ tiġi kkontestata lanqas ma jista’ jiddaħħal inkwistjoni bl-argument li minflok jista’ jiġi kkontestat il-ftehim ta’ finanzjament. Huwa minnu li, f’ċerti każijiet, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti ( 54 ). Madankollu, ma huwiex ċert li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus ser tippermetti lill-BEI jikkontesta l-ftehim ta’ finanzjament tiegħu mal-promotur, jiġifieri kuntratt. Għaldaqstant, huwa iktar xieraq li jsir eżami mill-ġdid qabel il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. |
|
138. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-BEI u l-Kummissjoni, l-Artikolu 271(c) TFUE ma għandux effett fuq il-kwistjoni tan-natura legalment vinkolanti u tal-effetti esterni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, kif issostni ġustament ClientEarth, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu distinti mill-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għalih tista’ tkun suġġetta miżura. |
|
139. |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li r-riżoluzzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi miżura legalment vinkolanti b’effetti esterni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament ta’ Aarhus. Konsegwentement, l-oġġezzjonijiet tal-BEI u tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda. |
4. Konklużjoni
|
140. |
Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-appelli tal-BEI u tal-Kummissjoni ma humiex fondati u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda. |
VI. Fuq l‑ispejjeż
|
141. |
Meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż (Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura). |
|
142. |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
143. |
Peress li ClientEarth talbet il-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minn ClientEarth fil-kuntest tal-appelli. |
VII. Konklużjoni
|
144. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Konvenzjoni tal‑1998 dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 4), adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17).
( 3 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13)
( 4 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 61), u tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 88).
( 5 ) Sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67), u tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 28).
( 6 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295, punt 18); tat‑2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni (C‑417/04 P, EU:C:2006:282, punt 36); tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni (C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 18); u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart) (C‑642/18, EU:C:2019:1051, punt 19).
( 7 ) Abbażi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI (T‑461/08, EU:T:2011:494, punti 35 et seq.).
( 8 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 54), u tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 62)
( 9 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 54), u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51).
( 10 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47), u tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 63).
( 11 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punti 37 u 38), kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punti 63 u 64). Anki s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑458/19 P, EU:C:2021:802), tippreżumi dan.
( 12 ) Noti ta’ qiegħ il-paġna 13 u 14, dwar il-premessi 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2021/1767 (ĠU 2021, L 356, p. 1).
( 13 ) Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 271(c) TFUE jkun applikabbli għal din il-kawża, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tkun diġà nieqsa skont l-Artikolu 256(1) TFUE; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI (T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 39).
( 14 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 37), u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punt 63).
( 15 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 38), u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punt 64).
( 16 ) Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 271(c) TFUE jkun applikabbli għal din il-kawża, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tkun diġà nieqsa skont l-Artikolu 256(1) TFUE; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI (T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 39).
( 17 ) Ara wkoll is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs BEI (Taxxa tal-Komunità) (85/86, EU:C:1988:110, punt 28), u tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI (OLAF) (C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 101).
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 18 kif ukoll l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Aarhus u s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punt 88).
( 19 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Anklagemindigheden vs Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9); tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291); tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 123); tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping (C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 44); u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punt 77), kif ukoll, speċifikament dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 50); tat‑12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 41); u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 77).
( 20 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 282).
( 21 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97).
( 22 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 74). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 45).
( 23 ) Ara l-punti 21 sa 25 iktar ’il fuq.
( 24 ) Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, tad‑9 ta’ Lulju 2008, fir-rigward ta’ informazzjoni dwar il-linji politiċi, l-istandards u l-proċeduri tal-Bank, kif ukoll il-mod kif il-Bank jipproċessa ilmenti, inklużi l-ilmenti minn persuni li m’humiex ċittadini u residenti ta’ l-Unjoni Ewropea (https://www.ombudsman.europa.eu/en/document/mt/3809).
( 25 ) Rapport tas‑6 ta’ Settembru 2021, Curtis biomass power generation plant (Ilment Nru SG/E/2019/04).
( 26 ) Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat‑18 ta’ Frar 2013 fil-Każ 48/2012/MHZ – Allegata amministrazzjoni ħażina ta’ ilment lill-BEI u d-deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2022 dwar kif il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ikkunsidra l-impatt ambjentali tal-Pipeline Trans-Adrijatiku u tal-Pipeline Trans-Anatoljan qabel ma ffinanzja l-proġetti (Każ 2030/2020/NH).
( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Edwards (C‑260/11, EU:C:2012:645, punt 8) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:422, punt 101); tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310, punt 114) u fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu und Pesticide Action Network Europe (C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2014:309, punt 23); kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Folk (C‑529/15, EU:C:2017:1, punt 86) u fil-kawża Stichting Varkens in Nood et (C‑826/18, EU:C:2020:514, punt 77).
( 28 ) BEI, Politika dwar il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-Grupp tal-BEI (2018, p. 5); ara, pereżempju, l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Superviżorju tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tat‑3 ta’ April 2009, Alleanza Ċivika għall-Ħarsien tal-Bajja ta’ Vlora (Albanija) vs Il‑Komunità Ewropea (ACCC/C/2007/21, ECE/MP.PP/C.1/2009/2/Add.1, punt 26).
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, it-tmien u d-disa’ premessa tal-preambolu u l-Artikoli 6 sa 8 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
( 30 ) Ara l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Superviżorju tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tad‑29 ta’ April 2008, Wium-Andersen vs Id-Danimarka (ACCC/C/2006/18, ECE/MP.PP/2008/5/Add.4, punti 28 u 33).
( 31 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs BEI (Taxxa tal-Komunità) (85/86, EU:C:1988:110, punt 24), u tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI (OLAF) (C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 75).
( 32 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs BEI (Taxxa tal-Komunità) (85/86, EU:C:1988:110, punti 29 u 30), kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI (OLAF) (C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 102).
( 33 ) Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Superviżorju tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tat‑3 ta’ April 2009, Alleanza Ċivika għall-Ħarsien tal-Bajja ta’ Vlora (Albanija) vs Il‑Komunità Ewropea (ACCC/C/2007/21, ECE vs MP.PP/C.1/2009/2/Add.1, punt 26).
( 34 ) BEI, Politika dwar il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-Grupp tal-BEI (2018, p. 5).
( 35 ) Ara iktar ’il fuq, punt 19.
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 47), u tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 68).
( 37 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
( 38 ) Ara l-punti 92 u 93 iktar ’il fuq,.
( 39 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs BEI (Taxxa tal-Komunità) (85/86, EU:C:1988:110, punti 29 u 30), u tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI (OLAF) (C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 102).
( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987).
( 41 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 13 u 14); tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 19); u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management e Catania Multiservizi u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 43).
( 42 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 18) u tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65).
( 43 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27), u tal‑24 ta’ Frar 2022, Tiketa (C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 27).
( 44 ) Ara l-punt 69 iktar ’il fuq.
( 45 ) Bl-Ingliż: “provisions of its national law”; bil-Franċiż: “dispositions du droit national”.
( 46 ) “положения национального законодательства”.
( 47 ) Bl-Ingliż: “law relating to the environment”; bil-Franċiż: “droit de l’environnement”,
( 48 ) Punt 1 tal-preambolu.
( 49 ) Punt 6 tal-preambolu.
( 50 ) Punt 6 tal-preambolu.
( 51 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 1975, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (70/74, EU:C:1975:93, punti 20/23); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211); u tas‑16 ta’ Frar 2017, H & R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni (C‑95/15 P, mhux ippubblikata,EU:C:2017:125, punt 57).
( 52 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 10); tat‑22 ta’ Ġunju 2000, L-Olanda vs Il‑Kummissjoni (C‑147/96, EU:C:2000:335, punti 26 u 27); u tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 39).
( 53 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 20); tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 51); u tal‑15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (C‑414/15 P, EU:C:2017:215, punt 45) kif ukoll Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (C‑415/15 P, EU:C:2017:216, punt 45).
( 54 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 12); tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 53); tal‑15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (C‑414/15 P, EU:C:2017:215, punt 46) u Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (C‑415/15 P, EU:C:2017:216, punt 46).